Language of document : ECLI:EU:T:2015:240

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Awla tal-Appell)

29 ta’ April 2015

Kawża T‑457/13 P

CC

vs

Il-Parlament Ewropew

“Appell — Appell inċidentali — Servizz pubbliku — Kompetizzjoni ġenerali — Żbalji fil-ġestjoni tal-lista tal-kandidati li għaddew — Responsabbiltà mhux kuntrattwali — Dannu materjali — Aspettattivi leġittimi — Żnaturament tal-fatti — Telf ta’ opportunità — Dannu morali — Obbligu ta’ motivazzjoni”

Suġġett:      Appell mis-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea (it-Tielet Awla) tal-11 ta’ Lulju 2013, CC vs Il-Parlament (F-9/12, ĠabraSP, EU:F:2013:116), u intiż għall-annullament ta’ din is-sentenza.

Deċiżjoni:      Is-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea (it-Tielet Awla) tal-11 ta’ Lulju 2013, CC vs Il-Parlament (F-9/12), hija annullata. Il-kawża hija rrinvijat quddiem is-Servizz Pubbliku. L-ispejjeż huma rriżervati.

Sommarju

1.      Uffiċjali — Responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-istituzzjonijiet — Danni morali — Rimedju adegwat bl-annullament ta’ att illegali — Obbligu ta’ motivazzjoni tal-Qorti Ġenerali tas-Servizz Pubbliku

(Artikolu 340 TFUE)

2.      Dritt tal-Unjoni Ewropea — Prinċipji — Ugwaljanza fit-trattament — Kunċett — Tul tal-validità ta’ lista ta’ kandidati xierqa differenti skont il-kandidati li għaddew mill-kompetizzjoni

3.      Rikorsi tal-uffiċjali — Ġurisdizzjoni sħiħa — Rimedju għall-preġudizzju materjali marbut mat-telf ta’ opportunità ta’ impjieg — Kriterji

1.      It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku kiser l-obbligu ta’ motivazzjoni peress li llimita ruħu għal riferiment għal illegalità mhux speċifikata kif ukoll għal sentiment ta’ inġustizzja u għal tbatija allegatament subiti mill-persuna kkonċernata, mingħajr ma spjega b’mod partikolari r-raġunijiet li abbażi tagħhom ma setgħax jiġi rrimedjat il-preġudizzju morali naxxenti minnhom permezz tal-annullament ta’ att.

(ara l-punti 51 u 52)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: sentenza tas-7 ta’ Frar 1990, Culin vs Il-Kummissjoni, C‑343/87, Ġabra, EU:C:1990:49, punt 128

2.      Il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament huwa prinċipju fundamentali tad-dritt tal-Unjoni li jirrikjedi li sitwazzjonijiet paragunabbli ma jiġux ittrattati b’mod differenti sakemm dan it-trattament ma jkunx oġġettivament iġġustifikat. Ikun hemm ksur tal-prinċipju ta’ inugwaljanza fit-trattament meta żewġ kategoriji ta’ persuni, li s-sitwazzjonijiet fattwali u legali tagħhom ma jkollhomx xi differenzi essenzjali, jingħataw trattament differenti jew meta sitwazzjonijiet differenti jiġu ttrattati b’mod identiku.

Is-sitwazzjoni ta’ persuna li għaddiet mill-kompetizzjoni, li ġie inkluż tardivament f’lista ta’ kandidati xierqa, li t-tul ta’ validità tagħha ġie estiż fil-pendenzi tal-eżitu tal-proċedura ġudizzjarja intavolata minnu, għandha tiġi pparagunata ma’ dik tal-persuna li, fost il-persuni l-oħra li għaddew mill-kompetizzjoni, isimha baqa’ l-itwal fuq il-lista ta’ kandidati xierqa qabel ma ingħatat post ta’ uffiċjal. Fil-fatt, kieku kien mod ieħor, l-estensjoni tal-lista ta’ kandidati xierqa, li kienet maħsuba li tkun msejsa fuq il-proċedura ġudizzjarja intavolata mill-persuna li għaddiet mill-kompetizzjoni u li ġiet inkluża fil-lista tardivament kontra d-deċiżjoni ta’ esklużjoni tagħha mill-kompetizzjoni, kienet iktar tkun ta’ benefiċċju għall-persuni l-oħra li għaddew minn din il-kompetizzjoni milli għal din il-persuna nnifisha.

(ara l-punti 72 u 76)

Referenza:

Il-Qorti Ġenerali: sentenza tal-20 ta’ Frar 2009, Il-Kummissjoni vs Bertolete et, T‑359/07 P sa T‑361/07 P, ĠabraSP, EU:T:2009:40, punti 37 u 38 u l-ġurisprudenza ċċitata

3.      Il-fatt li istituzzjoni ma pproduċietx immedjatament lil istituzzjoni oħra, koorganizzatriċi tal-kompetizzjoni, l-informazzjoni li tikkonċerna l-iskrizzjoni tal-isem tar-rikorrent fil-lista ta’ kandidati xierqa ċaħħad lil dan tal-aħħar milli jiġi impjegat bħala uffiċjali bi prova minn din l-aħħar imsemmija istituzzjoni fil-perijodu ta’ bejn id-data ta’ din l-iskrizzjoni u d-data li fiha ġiet trażmessa din l-informazzjoni lill-imsemmija istituzzjoni.

(ara l-punt 82)