Language of document : ECLI:EU:T:2020:510

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla)

28 ta’ Ottubru 2020 (*)

“Trade mark tal-Unjoni Ewropea – Proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità – Trade mark verbali tal-Unjoni Ewropea TARGET VENTURES – Raġuni assoluta ta’ invalidità – Mala fide – Artikolu 52(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009 (li sar l-Artikolu 59(1)(b) tar-Regolament (UE) 2017/1001)”

Fil-Kawża T‑273/19,

Target Ventures Group Ltd, stabbilita f’Road Town (il-Gżejjer Verġni Brittaniċi), irrappreżentata minn T. Dolde u P. Homann, avukati,

rikorrenti,

vs

L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO), irrappreżentat minn P. Sipos u V. Ruzek, bħala aġenti,

konvenut,

il-parti l-oħra fil-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell tal-EUIPO, intervenjenti quddiem il-Qorti Ġenerali, hija

Target Partners GmbH, stabbilita f’München (il-Ġermanja), irrappreżentata minn A. Klett u C. Mikyska, avukati,

li għandha bħala suġġett rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni tat-Tieni Bord tal-Appell tal-EUIPO tal-4 ta’ Frar 2019 (Każ R 1684/2017‑2), fir-rigward ta’ proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità bejn Target Ventures Group u Target Partners,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla),

komposta minn A. M. Collins, President, V. Kreuschitz u G. Steinfatt (Relatur), Imħallfin,

Reġistratur: R. Ūkelytė, Amministratur,

wara li rat ir-rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-24 ta’ April 2019,

wara li r-rat ir-risposta tal-EUIPO ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fid-19 ta’ Lulju 2019,

wara li rat ir-risposta tal-intervenjenti ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-17 ta’ Lulju 2019,

wara l-miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura tat-3 ta’ Diċembru 2019 u r-risposta tar-rikorrenti ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-10 ta’ Diċembru 2019,

wara s-seduta tas-26 ta’ Ġunju 2020,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        L-intervenjenti, Target Partners GmbH, ibbażata f’München (il-Ġermanja), hija fond ta’ kapital ta’ riskju. Sa mill-2002 hija proprjetarja, b’mod partikolari, tal-isem ta’ dominju “targetventures.com” u, mill-2009, tal-isem ta’ dominju “targetventures.de”. Madankollu, il-kontenut tas-siti internet irreġistrati taħt dawn l-ismijiet ta’ dominju qatt ma rrefera għal ħaġa oħra ħlief għal TARGET PARTNERS, li huwa s-sinjal li taħtu l-intervenjenti toffri s-servizzi tagħha. Fil-fatt, dawn is-siti għamlu sempliċement ridirezzjoni lejn is-sit uffiċjali tal-intervenjenti, “www.targetpartners.de”, jew saħansitra wrew il-kontenut ta’ dan tal-aħħar.

2        Ir-rikorrenti, Target Ventures Group Ltd, ibbażata f’Road Town (il-Gżejjer Verġni Brittaniċi), tallega li hija wkoll fond ta’ kapital ta’ riskju. Hija tallega li topera taħt is-sinjal TARGET VENTURES fis-suq ta’ kapital ta’ riskju Russu sa mill-2012 u fis-suq tal-Unjoni Ewropea mill-inqas mit-8 ta’ Marzu 2013. Bejn it-23 ta’ Diċembru 2013 u t-18 ta’ Diċembru 2014, jingħad li hija pprovdiet servizzi finanzjarji u monetarji taħt dan l-istess sinjal lil ħames impriżi bbażati fl-Unjoni. Bħala korrispettiv għall-kontribuzzjoni finanzjarja tagħha, hija akkwistat, għan-nom tal-investituri tagħha stess, ishma f’dawn l-impriżi. Diversi siti internet speċjalizzati, kif ukoll is-siti internet tal-imsemmija impriżi, allegatament taw prova ta’ dawn l-investimenti.

3        Żewġ soċji tar-rikorrenti jew ta’ terz li jaġixxi taħt l-isem ta’ TARGET VENTURES, kif ukoll rappreżentant tal-intervenjenti, attendew konferenza ta’ reputazzjoni tajba fis-settur tal-investimenti, li nżammet fit-13 u l-14 ta’ Novembru 2014 f’Londra (ir-Renju Unit). Fit-13 ta’ Novembru 2014, ir-rappreżentant ta’ impriża start-up li kienet qiegħda tfittex investituri bagħat żewġ ittri elettroniċi lil dawn it-tliet persuni b’mod konġunt, u indirizza ruħu lilhom b’isimhom. L-indirizzi elettroniċi tagħhom, li kienu jispiċċaw rispettivament b’@targetpartners.de u @targetventures.ru, kienu jidhru.

4        Fis-27 ta’ Jannar 2015, l-intervenjenti ppreżentat applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea lill-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO), skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009 tas-26 ta’ Frar 2009 dwar it-trademark tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2009, L 78, p. 1), kif emendat (issostitwit bir-Regolament (UE) 2017/1001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Ġunju 2017 dwar it-trademark tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2017, L 154, p. 1)). It-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni hija s-sinjal verbali TARGET VENTURES (iktar ’il quddiem it-“trade mark ikkontestata”).

5        Is-servizzi li għalihom saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni jaqgħu taħt il-Klassijiet 35 u 36 skont il-Ftehim ta’ Nice dwar il-klassifikazzjoni internazzjonali ta’ prodotti u servizzi għall-finijiet tar-reġistrazzjoni ta’ trade marks, tal-15 ta’ Ġunju 1957, kif rivedut u emendat, u jikkorrispondu, għal kull waħda minn dawn il-klassijiet, għad-deskrizzjoni li ġejja:

–        Klassi 35: “Reklamar; il-ġestjoni tan-negozju; l-amministrazzjoni tan-negozju; pariri għal impriżi, funzjonijiet marbutin mal-uffiċċju”;

–        Klassi 36: “Affarijiet finanzjarji, affarijiet monetarji; bl-eċċezzjoni tas-sistemi ta’ pagament u sistemi ta’ komunikazzjoni elettronika marbuta mal-pagamenti jew mal-mandati ta’ pagament”.

6        L-applikazzjoni għal trade mark ġiet ippubblikata fil-Bulettin tat-Trade Marks Komunitarji Nru 33/2015, tat-18 ta’ Frar 2015. It-trade mark ikkontestata ġiet irreġistrata, fit-28 ta’ Mejju 2015, taħt in-numru 13685565.

7        Imwissija b’ittra elettronika tas-7 ta’ Lulju 2015 mibgħuta minn klijent li allegatament fixkilha mar-rikorrenti, li kienet qiegħda torganizza f’Berlin (il-Ġermanja), fis-16 ta’ Lulju 2016, avveniment ta’ reklamar, l-intervenjenti bagħtet lil din tal-aħħar ittra ta’ waqfien u ebda tkomplija, segwita minn talba għal ordni provviżorja quddiem il-Landgericht Berlin (il-Qorti Reġjonali ta’ Berlin, il-Ġermanja), li minnha rtirat wara riżervi espressi mill-kulleġġ ġudikanti kompetenti.

8        Fit-13 ta’ Lulju 2015, ir-rikorrenti ressqet talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità kontra t-trade mark ikkontestata, skont l-Artikolu 52(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009 (li sar l-Artikolu 59(1)(b) tar-Regolament 2017/1001), għas-servizzi kollha msemmija fil-punt 5 hawn fuq.

9        Fil-25 ta’ Mejju 2017, id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni ċaħdet it-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità fl-intier tagħha.

10      Fit-28 ta’ Lulju 2017, ir-rikorrenti appellat quddiem l-EUIPO, taħt l-Artikoli 58 sa 64 tar-Regolament Nru 207/2009 (li saru l-Artikoli 66 sa 71 tar-Regolament 2017/1001), mid-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni.

11      B’deċiżjoni tal-4 ta’ Frar 2019 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), it-Tieni Bord tal-Appell tal-EUIPO ċaħad l-appell ippreżentat mir-rikorrenti, billi kkonkluda li din ma kinitx ipprovat il-mala fide tal-intervenjenti meta ġiet ippreżentata l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark ikkontestata.

12      Sabiex wasal għal din il-konklużjoni, fl-ewwel lok, il-Bord tal-Appell qies li, sa fejn talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità bbażata fuq ir-raġuni assoluta ta’ invalidità msemmija fl-Artikolu 59(1)(b) tar-Regolament 2017/1001 tista’ titressaq minn kull persuna fiżika jew ġuridika, ir-rikorrenti ma kellhiex bżonn tipprova interess legali li tressaq azzjoni, b’tali mod li ma kienx rilevanti li d-dokumenti ppreżentati minn din tal-aħħar ma kinux ippermettew li jiġi stabbilit min kien effettivament aġixxa taħt is-sinjal TARGET VENTURES.

13      Fit-tieni lok, il-Bord tal-Appell ikkonferma l-konklużjonijiet tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni li jgħidu li r-rikorrenti ma kinitx ipprovat li s-servizzi offruti fl-Unjoni minnha jew minn terz li jaġixxi taħt is-sinjal TARGET VENTURES kienu magħrufa mill-intervenjenti. Ir-rikorrenti lanqas ma wriet li l-intervenjenti kellha għarfien preżunt tal-attivitajiet tagħha. L-użu tas-sinjal TARGET VENTURES fl-Ewropa mir-rikorrenti jew minn terz ma kienx tant li hija setgħet raġonevolment tippreżupponi li dan is-sinjal kien magħruf sew jew irrikonoxxut mill-pubbliku u l-kompetituri kkonċernati fil-mument li fih it-trade mark ikkontestata kienet is-suġġett ta’ applikazzjoni. Minħabba t-tul ta’ żmien relattivament qasir tal-użu tas-sinjal TARGET VENTURES fl-Ewropa qabel is-27 ta’ Jannar 2015, ir-rikorrenti kellha tipprova intensità għolja ta’ użu jew mill-inqas kopertura wiesgħa mill-media tal-attivitajiet tagħha. Madankollu, skont il-Bord tal-Appell, tali elementi huma nieqsa, b’tali mod li ma jistax jiġi preżunt li l-intervenjenti kienet taf, jew mill-inqas kellha tkun taf, bl-attivitajiet kummerċjali mwettqa bl-użu tas-sinjal TARGET VENTURES mir-rikorrenti jew minn kumpannija terza. Għaldaqstant, il-Bord tal-Appell qies li waħda mill-kundizzjonijiet meħtieġa mill-Artikolu 52(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009 ma kinitx issodisfatta, b’tali mod li t-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità kellha tiġi miċħuda.

14      Fit-tielet lok, il-Bord tal-Appell qies li, anki jekk jingħad li r-rikorrenti kienet ġabet il-prova li l-intervenjenti kienet taf jew kellha tkun taf li hija jew terz kienu użaw is-sinjal TARGET VENTURES qabel id-data tal-preżentata għal reġistrazzjoni tat-trade mark ikkontestata, hija ma kinitx uriet li l-intervenjenti qatt ma kellha l-intenzjoni li tuża din it-trade mark, iżda kellha biss l-intenzjoni li tipprekludi lir-rikorrenti milli tidħol fis-suq Ewropew. Bil-kontra, il-provi ppreżentati mill-intervenjenti juru li hija kellha interess kummerċjali leġittimu sabiex tirreġistra t-trade mark ikkontestata.

15      Il-kwistjoni dwar jekk l-użu li l-intervenjenti għamlet mill-ismijiet ta’ dominju msemmija fil-punt 1 iktar ’il fuq ħoloqx drittijiet preċedenti fuq is-sinjal TARGET VENTURES ma hijiex rilevanti, għaliex huwa suffiċjenti li r-reġistrazzjoni tat-trade mark ikkontestata segwiet skop kummerċjali leġittimu. F’dan il-kuntest, il-Bord tal-Appell osserva li mill-provi ppreżentati mill-intervenjenti jirriżulta li din kienet għamlet “ċertu użu mis-sinjal [inkwistjoni] qabel l-applikazzjoni tagħha [għar-reġistrazzjoni] tat-trade mark ikkontestata”.

16      B’dan il-mod, skont il-Bord tal-Appell, ma jistax jiġi eskluż li l-intervenjenti ppreżentat it-trade mark ikkontestata jew għaliex hija xtaqet testendi l-użu tagħha tas-sinjal TARGET VENTURES, jew għaliex hija kienet qiegħda tipprova “tipproteġi lill-klijenti tagħha minn eventwali konfużjoni”, bħal dik li hija allegatament illustrata mill-ittra elettronika tas-7 ta’ Lulju 2015 (ara l-punt 7 hawn fuq). Minkejja li din il-posta elettronika ntbagħtet wara d-data tal-preżentata għal reġistrazzjoni tat-trade mark ikkontestata, hija turi li mill-inqas klijent stabbilixxa rabta bejn is-sinjal TARGET VENTURES u l-intervenjenti. F’dan il-każ, il-loġika kummerċjali wara l-preżentata għal reġistrazzjoni tat-trade mark ikkontestata kienet ix-xewqa leġittima tal-intervenjenti li tipproteġi l-isem distintiv tagħha TARGET flimkien mad-deskrizzjoni tas-servizzi tagħha ta’ kapital ta’ riskju VENTURES, kif ukoll it-trade mark tagħha TARGET PARTNERS, sabiex tevita kwalunkwe konfużjoni f’moħħ il-klijenti tagħha.

 It-talbiet tal-partijiet

17      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-EUIPO għall-ispejjeż, inklużi dawk esposti għall-finijiet tal-proċedimenti quddiem id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni u quddiem it-Tieni Bord tal-Appell tal-EUIPO.

18      L-EUIPO jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

19      L-intervenjenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors u tikkonferma d-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Id-dritt

20      Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka żewġ motivi, ibbażati fuq ksur, rispettivament, tal-Artikolu 52(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009 u tal-Artikolu 75 tal-istess regolament (li sar l-Artikolu 94 tar-Regolament 2017/1001).

21      Insostenn tal-ewwel motiv tagħha, minn naħa, ir-rikorrenti ssostni, essenzjalment, li l-Bord tal-Appell wettaq żbalji fl-evalwazzjoni tal-għarfien minn qabel mill-intervenjenti tal-użu tas-sinjal TARGET VENTURES mir-rikorrenti għas-servizzi tagħha ta’ kapital ta’ riskju. Skont ir-rikorrenti, l-intervenjenti, mill-inqas, kellha tkun taf li r-rikorrenti kienet tuża s-sinjal TARGET VENTURES fit-territorju tal-Unjoni u f’postijiet oħra, l-ewwel, minħabba li rċeviet żewġ ittri elettroniċi fl-okkażjoni tal-konferenza speċjalizzata fil-qasam tal-investimenti (ara l-punt 3 hawn fuq) u, it-tieni nett, għaliex, fid-data tal-preżentata għal reġistrazzjoni tat-trade mark ikkontestata, ir-rikorrenti kienet diġà għamlet użu intensiv minn dan is-sinjal għal servizzi ta’ kapital ta’ riskju barra mill-Unjoni u kienet bdiet iktar minn sena qabel tużah ukoll fit-territorju tal-Unjoni. Ir-rikorrenti, fl-aġir tagħha taħt is-sinjal TARGET VENTURES, kienet, għaldaqstant, diġà magħrufa inkwantu attur maġġuri fis-settur tal-kapital ta’ riskju.

22      Min-naħa l-oħra, l-intervenjenti qatt ma użat dan is-sinjal sabiex tindika l-oriġini kummerċjali tas-servizzi tagħha u lanqas ma kellha l-intenzjoni li tagħmel dan. L-intenzjoni tagħha fil-mument tal-preżentata tal-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark ikkontestata kienet pjuttost li tużah għal finijiet oħra, b’mod partikolari sabiex issaħħaħ jew tipproteġi t-trade mark tagħha TARGET PARTNERS, jew tipprekludi lil terzi b’mod ġenerali u/jew lir-rikorrenti b’mod partikolari milli jagħmlu użu mis-sinjal TARGET VENTURES għar-raġuni li dawn is-sinjali jistgħu jagħtu lok għal konfużjoni. Issa, il-fatt li l-intervenjenti għandha isem ta’ dominju “targetventures.com” bid-data tal-2002 ma jistax isostni l-allegazzjoni ta’ interess leġittimu sabiex tiġi rreġistrata t-trade mark ikkontestata tlettax‑il sena iktar tard, b’mod partikoalari fid-dawl tal-fatt li dan l-isem ta’ dominju qatt ma ntuża, iżda mill-iktar ġie ridirett lejn is-sit internet “www.targetpartners.de”. Tali ridirezzjoni diffiċilment tista’ tiġi kklassifikata bħala “użu ċert”. Il-Bord tal-Appell lanqas ma evalwa korrettament il-kronoloġija tal-avvenimenti. Għaldaqstant, il-Bord tal-Appell, fil-kuntest tal-evalwazzjoni globali tiegħu taċ-ċirkustanzi tal-każ, ikkonkluda b’mod żbaljat li l-intervenjenti ma kinitx aġixxiet b’mala fide meta ppreżentat l-applikazzjoni għat-trade mark ikkontestata.

23      L-EUIPO u l-intervenjenti jqisu, essenzjalment, li ir-rikorrenti ma pprovatx li l-intervenjenti kienet taf jew kellha tkun taf, fil-mument tal-preżentata tal-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark ikkontestata, li r-rikorrenti kienet tuża fis-suq tal-Unjoni s-sinjal TARGET VENTURES għas-servizzi kkonċernati. F’kull każ, l-użu ta’ dan is-sinjal mill-intervenjenti, kemm jekk qabel jew wara r-reġistrazzjoni tiegħu inkwantu trade mark tal-Unjoni Ewropea, juri li din ir-reġistrazzjoni kienet motivata minn interess kummerċjali leġittimu.

24      B’mod preliminari, għandu jiġi speċifikat li, minkejja li l-Bord tal-Appell, fid-deċiżjoni kkontestata, applika d-dispożizzjonijiet tar-Regolament 2017/1001, ratione temporis u b’teħid inkonsiderazzjoni tad-data tal-preżentata tal-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark ikkontestata li hija deċiżiva għall-finijiet tal-identifikazzjoni tad-dritt sostantivi applikabbli fir-rigward tat-talbiet għal dikjarazzjonijiet ta’ invalidità (sentenzi tad-29 ta’ Novembru 2018, Alcohol Countermeasure Systems (International) vs EUIPO, C‑340/17 P, mhux ippubblikata, EU:C:2018:965, punt 2, u tat-23 ta’ April 2020, Gugler France vs Gugler u EUIPO, C‑736/18 P, mhux ippubblikata, EU:C:2020:308, punt 3 u l-ġurisprudenza ċċitata), din it-tilwima hija rregolata mid-dispożizzjonijiet sostantivi tar-Regolament Nru 207/2009 u li, f’dawn iċ-ċirkustanzi, dawn ir-riferimenti għar-Regolament 2017/1001 għandhom jinftiehmu, f’dak li jirrigwarda r-regoli sostantivi, li huma għad-dispożizzjonijiet ta’ kontenut identiku tar-Regolament Nru 207/2009, mingħajr ma dan jaffettwa l-legalità tad-deċiżjoni kkontestata. Skont l-Artikolu 52(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009, l-invalidità tat-trade mark tal-Unjoni Ewropea tiġi ddikjarata, fuq talba mressqa quddiem l-EUIPO jew fuq kontrotalba f’azzjoni ta’ ksur, meta l-applikant kien in mala fide meta ppreżenta l-applikazzjoni għal trade mark.

25      Filwaqt li, konformement mas-sens abitwali tiegħu fil-lingwaġġ ta’ kuljum, il-kunċett ta’ “mala fide” jippreżupponi l-preżenza ta’ stat tal-moħħ jew ta’ intenzjoni diżonesta, dan il-kunċett għandu barra minn hekk jinftiehem fil-kuntest tad-dritt tat-trade marks, li huwa dak tan-negozju. F’dan ir-rigward, ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 40/94 tal-20 ta’ Diċembru 1993 dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 146), Nru 207/2009 u 2017/1001 adottati suċċessivament jagħmlu parti mill-istess għan, jiġifieri l-istabbiliment u l-funzjonament tas-suq intern. Ir-regoli dwar it-trade mark tal-Unjoni Ewropea huma intiżi, b’mod partikolari, sabiex jikkontribwixxu għas-sistema ta’ kompetizzjoni mhux distorta fl-Unjoni, li fiha kull impriża għandha, sabiex tiġbed il-klijentela permezz tal-kwalità tal-prodotti jew tas-servizzi tagħha, tkun fil-pożizzjoni li tirreġistra bħala trade marks sinjali li jippermettu lill-konsumatur li jagħmel distinzjoni mingħajr konfużjoni possibbli bejn dawn il-prodotti jew dawn is-servizzi u dawk li għandhom provenjenza oħra (ara s-sentenza tat-12 ta’ Settembru 2019, Koton Mağazacilik Tekstil Sanayi ve Ticaret vs EUIPO, C‑104/18 P, EU:C:2019:724, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tad-29 ta’ Jannar 2020, Sky et, C‑371/18, EU:C:2020:45, punt 74).

26      Konsegwentement, ir-raġuni assoluta ta’ invalidità prevista fl-Artikolu 52(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009 tapplika meta minn indizji rilevanti u konkordanti jirriżulta li l-proprjetarju ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea ppreżenta l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ din it-trade mark mhux bil-għan li jipparteċipa b’mod leali fil-kompetizzjoni iżda bl-intenzjoni li jippreġudika, b’mod li ma jkunx konformi mal-użanzi onesti, l-interessi ta’ terzi, jew bl-intenzjoni li jikseb, mingħajr ma jimmira lejn terzi b’mod partikolari, dritt esklużiv għal skopijiet differenti minn dawk li jaqgħu taħt il-funzjonijiet ta’ trade mark, b’mod partikolari l-funzjoni essenzjali ta’ indikazzjoni ta’ oriġini mfakkra fil-punt preċedenti (sentenzi tat-12 ta’ Settembru 2019, Koton Mağazacilik Tekstil Sanayi ve Ticaret vs EUIPO, C‑104/18 P, EU:C:2019:724, punt 46, u tad-29 ta’ Jannar 2020, Sky et, C‑371/18, EU:C:2020:45, punt 75).

27      Fl-ewwel lok, billi indika fil-punt 19 tad-deċiżjoni kkontestata li l-mala fide timplika aġir li jitbiegħed mill-prinċipji magħrufa ta’ aġir etiku jew użanzi onesti fil-qasam industrijali jew kummerċjali u tippreżupponi intenzjoni diżonesta jew kwalunkwe motiv ta’ dannu ieħor, il-Bord tal-Appell interpreta l-kunċett ta’ mala fide b’mod wisq restrittiv. Fil-fatt, mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 25 u 26 iktar ’il fuq jirriżulta li l-intenzjoni li jinkiseb, anki mingħajr mira lejn terzi b’mod partikolari, dritt esklużiv għal skopijiet oħra għajr dawk li jaqgħu taħt il-funzjonijiet ta’ trade mark, b’mod partikolari l-funzjoni essenzjali ta’ indikazzjoni ta’ oriġini, tista’ tkun suffiċjenti sabiex jiġi konkluż li l-applikant għal trade mark kien in mala fide.

28      B’dan il-mod, filwaqt li ma huwiex neċessarju, għall-finijiet tal-klassifikazzjoni tal-mala fide, li l-proprjetarju tat-trade mark ikkontestata jkun, fil-mument tal-preżentata tal-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark, immira terz b’mod partikolari, lanqas ma huwa indispensabbli li huwa kellu għarfien tal-użu tas-sinjal inkwistjoni minn terz. Fil-fatt, jekk il-proprjetarju tat-trade mark ikkontestata kellu dan l-għarfien, l-applikazzjoni tiegħu tkun diretta neċessarjament għal dan it-terz.

29      Għaldaqstant, meta essenzjalment ikkonkluda, fil-punti 31 u 32 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-assenza ta’ prova tal-għarfien reali jew preżunt tal-użu preċedenti tas-sinjal inkwistjoni hija suffiċjenti sabiex tiġi miċħuda t-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità inkwistjoni, il-Bord tal-Appell wettaq żball ta’ liġi fl-interpretazzjoni tal-Artikolu 52(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009.

30      Fit-tieni lok, kif il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat fi tmiem l-analiżi tagħha fil-punti 48 sa 55 tas-sentenza tat-12 ta’ Settembru 2019, Koton Mağazacilik Tekstil Sanayi ve Ticaret vs EUIPO (C‑104/18 P, EU:C:2019:724), jirriżulta sempliċement mill-interpretazzjoni mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tal-11 ta’ Ġunju 2009, Chocoladefabriken Lindt & Sprüngli (C‑529/07, EU:C:2009:361), u b’mod partikolari fil-punt 53 ta’ din, li, meta jiġi stabbilit li użu minn terz ta’ sinjal identiku jew simili għal prodotti jew servizzi identiċi jew simili kien jeżisti u kien jagħti lok għal konfużjoni, jiġifieri f’sitwazzjoni differenti minn dik f’dan il-każ, għandu jiġi eżaminat, fil-kuntest tal-evalwazzjoni globali taċ-ċirkustanzi rilevanti tal-każ speċifiku, jekk l-applikant għat-trade mark ikkontestata kellux għarfien ta’ dan. Madankollu, l-użu preċedenti tas-sinjal inkwistjoni minn terz ma hijiex kundizzjoni meħtieġa mill-Artikolu 52(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-12 ta’ Settembru 2019, Koton Mağazacilik Tekstil Sanayi ve Ticaret vs EUIPO, C‑104/18 P, EU:C:2019:724, punti 51, 52, 69 u 70). Għaldaqstant, l-għarfien tal-proprjetarju tat-trade mark ikkontestata ta’ użu preċedenti ta’ dan is-sinjal minn terz jew il-kwistjoni dwar jekk dan il-proprjetarju kellux ikollu għarfien ta’ tali użu preċedenti tas-sinjal inkwistjoni minn terz huma biss fattur rilevanti wieħed fost oħrajn li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni.

31      Bl-istess mod, il-Qorti Ġenerali kellha l-okkażjoni li tispeċifika li, peress li d-diversi fatturi identifikati mill-ġurisprudenza huma biss illustrazzjonijiet fost serje ta’ elementi li jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex tittieħed deċiżjoni dwar l-eventwali mala fide ta’ applikant għal reġistrazzjoni fil-mument tal-preżentata tal-applikazzjoni għal trade mark (sentenza tal-14 ta’ Frar 2019, Mouldpro vs EUIPO – Wenz Kunststoff (MOULDPRO), T‑796/17, mhux ippubblikata, EU:T:2019:88, punt 83), l-assenza ta’ fattur wieħed jew ieħor minn dawn ma jipprekludix neċessarjament, skont iċ-ċirkustanzi proprji tal-każ, li tiġi kkonstatata l-mala fide tal-applikant (ara s-sentenza tat-23 ta’ Mejju 2019, Holzer y Cia vs EUIPO – Annco (ANN TAYLOR u AT ANN TAYLOR), T‑3/18 u T‑4/18, EU:T:2019:357, punt 52 u l-ġurisprudenza ċċitata).

32      Għaldaqstant, fil-punt 20 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell iddikjara b’mod żbaljat li, għall-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ mala fide, il-kriterji elenkati fil-punt 53 tas-sentenza tal-11 ta’ Ġunju 2009, Chocoladefabriken Lindt & Sprüngli (C‑529/07, EU:C:2009:361) “[kellhom] jittieħdu inkunsiderazzjoni”, u b’hekk naqas milli jieħu suffiċjentement inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi kollha tal-każ.

33      Fit-tielet lok, l-intenzjoni tal-applikant ta’ trade mark hija element suġġettiv li għandu madankollu jiġi ddeterminat b’mod oġġettiv mill-awtoritajiet amministrattivi u ġudizzjarji kompetenti. Għaldaqstant, kwalunkwe allegazzjoni ta’ mala fide għandha tiġi evalwata globalment, billi jittieħdu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi fattwali rilevanti kollha tal-każ inkwistjoni. Huwa biss b’dan il-mod li l-allegazzjoni ta’ mala fide tkun tista’ tiġi evalwata b’mod oġġettiv (ara s-sentenza tat-12 ta’ Settembru 2019, Koton Mağazacilik Tekstil Sanayi ve Ticaret vs EUIPO, C‑104/18 P, EU:C:2019:724, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata).

34      Fil-punti 48 sa 55 tas-sentenza tat-12 ta’ Settembru 2019, Koton Mağazacilik Tekstil Sanayi ve Ticaret vs EUIPO (C‑104/18 P, EU:C:2019:724), il-Qorti tal-Ġustizzja speċifikat ukoll li l-fatturi li hija kienet identifikat fis-sentenza tal-11 ta’ Ġunju 2009, Chocoladefabriken Lindt & Sprüngli (C‑529/07, EU:C:2009:361), għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-eżistenza ta’ mala fide, kienu marbuta mill-qrib maċ-ċirkustanzi tal-kawża u li jista’ jkun hemm sitwazzjonijiet oħra fejn l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark tkun tista’ titqies li hija magħmula in mala fide (ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tat-23 ta’ Mejju 2019, ANN TAYLOR u AT ANN TAYLOR, T‑3/18 u T‑4/18, EU:T:2019:357, punt 52 u l-ġurisprudenza ċċitata).

35      F’dak li jirrigwarda b’mod iktar partikolari l-kwistjoni dwar jekk l-intervenjenti applikatx għar-reġistrazzjoni tat-trade mark ikkontestata mingħajr ma kellha l-intenzjoni li tużaha għal skopijiet li jaqgħu taħt il-funzjonijiet ta’ trade mark, b’mod partikolari l-funzjoni essenzjali ta’ indikazzjoni ta’ oriġini (ara l-punti 25 u 26 iktar ’il fuq), mill-punti 76 u 77 tas-sentenza tad-29 ta’ Jannar 2020, Sky et (C‑371/18, EU:C:2020:45), jirriżulta li, jekk l-applikant ta’ trade mark ma huwiex marbut li jindika, jew saħansitra li jkun jaf, bi preċiżjoni, fid-data tal-preżentata tal-applikazzjoni tiegħu għar-reġistrazzjoni jew tal-eżami ta’ din, l-użu li huwa ser jagħmel mit-trade mark li għaliha saret applikazzjoni għal reġistrazzjoni u li huwa għandu perijodu ta’ ħames snin sabiex jibda użu effettiv konformi mal-funzjoni essenzjali ta’ din it-trade mark, ir-reġistrazzjoni ta’ trade mark mingħajr ma l-applikant ikollu l-ebda intenzjoni li jużaha għall-prodotti u s-servizzi koperti minn din ir-reġistrazzjoni tista’ tikkostitwixxi mala fide, ladarba l-applikazzjoni għal trade mark ma jkollhiex ġustifikazzjoni fir-rigward tal-għanijiet segwiti permezz tar-Regolament Nru 207/2009. Madankollu, tali mala fide tista’ tiġi stabbilita biss jekk ikunu jeżistu indizji oġġettivi rilevanti u konkordanti li juru li, fid-data tal-preżentata tal-applikazzjoni għal reġistrazzjoni tat-trade mark inkwistjoni, l-applikant tagħha kellu l-intenzjoni jew li jippreġudika l-interessi ta’ terzi b’mod mhux konformi ma’ użanzi onesti, jew li jikseb, mingħajr ma jimmira lejn terzi b’mod partikolari, dritt esklużiv għal skopijiet differenti minn dawk li jaqgħu taħt il-funzjonijiet ta’ trade mark.

36      F’dan il-każ, minn indizji rilevanti u konkordanti jirriżulta li l-intenzjoni tal-intervenjenti fid-data tal-preżentata tal-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark ikkontestata ma kinitx li jsir użu minnha li jaqa’ taħt il-funzjonijiet ta’ trade mark.

37      L-ewwel nett, fil-punt 37 tad-deċiżjoni kkontestata huwa indikat li ma jistax jiġi eskluż li l-intervenjenti kienet qiegħda tipprova tipproteġi lill-klijenti tagħha minn eventwali konfużjoni bejn is-sinjali TARGET PARTNERS u TARGET VENTURES u li l-loġika kummerċjali wara l-preżentata għar-reġistrazzjoni tat-trade mark ikkontestata kienet ix-xewqa leġittima tal-intervenjenti li tipproteġi l-isem distintiv tagħha (TARGET) akkumpanjat bid-deskrizzjoni tas-servizzi tagħha ta’ kapital ta’ riskju (VENTURES), kif ukoll it-trade mark tagħha TARGET PARTNERS, u li tevita b’dan il-mod kwalunkwe konfużjoni fi ħdan il-klijenti tagħha.

38      Madankollu, fiċ-ċirkustanzi partikolari ta’ dan il-każ, il-fatt li l-intervenjenti rreġistrat trade mark sabiex tipprevjeni probabbiltà ta’ konfużjoni ma’ trade mark oħra li tagħha hija kienet diġà proprjetarja u/jew sabiex tipproteġi f’dan il-kuntest l-element komuni għal dawn it-trade marks, kif issostni essenzjalment ir-rikorrenti, ma għandux x’jaqsam mal-funzjonijiet ta’ trade mark, inkluża b’mod partikolari l-funzjoni essenzjali ta’ indikazzjoni ta’ oriġini, u pjuttost ikkontribwixxa għat-tisħiħ u għall-protezzjoni tal-ewwel trade mark tal-intervenjenti, li kienet, kemm qabel u kemm wara l-preżentata tal-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark ikkontestata, l-uniku sinjal li taħtu din tal-aħħar kienet toffri s-servizzi tagħha.

39      It-tieni nett, jirriżulta b’mod ċar mir-risposti tal-intervenjenti għad-domandi magħmula waqt is-seduta li l-intenzjoni wara l-preżentata tal-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark ikkontestata kienet tikkonsisti fit-tisħiħ ta’ trade mark oħra, jiġifieri TARGET PARTNERS, sa fejn is-siti internet “www.targetventures.de” u “www.targetventures.com” ma għamlu xejn iktar milli jirreferu lejn is-sit internet prinċipali tal-intervenjenti.

40      Fil-fatt, l-intervenjenti speċifikat li t-trade mark ikkontestata kienet intużat, bħal qabel ir-reġistrazzjoni tagħha, għas-siti internet sabiex il-konsumaturi interessati jiġu rreferuti lejn is-sit internet prinċipali tagħha, intitolat “www.targetpartners.de” u li fuqu hija toffri s-servizzi tagħha. Hija speċifikat ukoll li din kienet ir-raġuni prinċipali għall-użu tagħha. Skont l-intervenjenti, billi użat fl-ismijiet ta’ dominju “targetventures.com” u “targetventures.de” element distintiv, jiġifieri l-element “target”, b’element deskrittiv tas-servizzi ta’ kapital ta’ riskju, jiġifieri l-element “ventures”, u billi rreferiet għas-sit prinċipali tal-intervenjenti, li fuqu hija toffri s-servizzi tagħha taħt it-trade mark TARGET PARTNERS, hija kellha l-intenzjoni li turi lill-pubbliku interessat li dawn is-servizzi kienu offruti wkoll minn Target Partners. Ir-raġuni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark ikkontestata kienet għaldaqstant li jiġi protett is-sinjal TARGET użat fl-isem ta’ dawn iż-żewġ siti internet. L-intervenjenti ddikjarat ukoll li riedet tespandi l-portafoll ta’ trade marks tagħha.

41      Peress li, minn naħa, huwa stabbilit li l-użu tas-sinjal TARGET VENTURES kien l-istess, kemm jekk qabel jew wara l-preżentata tal-applikazzjoni tagħha għar-reġistrazzjoni, jiġifieri li kien hemm riferiment lejn is-sit internet prinċipali tal-intervenjenti “www.targetpartners.de”, u, min-naħa l-oħra, li jista’ jiġi dedott minn dak li din tal-aħħar spjegat waqt is-seduta li l-protezzjoni ta’ dan l-użu kienet ir-raġuni prinċipali għall-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark ikkontestata, mingħajr indikazzjoni ta’ użu konkret previst ieħor, għandu jitqies li l-intervenjenti kellha biss l-intenzjoni li tkompli tuża din it-trade mark bl-istess mod bħal qabel il-preżentata ta’ din l-applikazzjoni. Għaldaqstant, l-intervenjenti ppreżentat l-imsemmija applikazzjoni mhux bl-iskop li tipparteċipa b’mod leali fil-kompetizzjoni, iżda bl-intenzjoni li tikseb, potenzjalment mingħajr ma timmira lejn terz b’mod partikolari, dritt esklużiv għal skopijiet oħra għajr dawk li jaqgħu taħt il-funzjonijiet ta’ trade mark, b’mod partikolari l-funzjoni essenzjali ta’ indikazzjoni ta’ oriġini.

42      It-tielet nett, rigward l-allegazzjoni ġenerali, li tinsab fil-punt 37 tad-deċiżjoni kkontestata, skont liema ma huwiex eskluż li l-intervenjenti ppreżentat għal reġistrazzjoni t-trade mark ikkontestata għaliex hija xtaqet testendi l-użu tas-sinjal TARGET VENTURES, din hija kontradetta mhux biss bl-assenza ta’ kwalunkwe użu ta’ dan is-sinjal għajr dak li diġà seħħ qabel il-preżentata tal-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni, iżda wkoll bid-dikjarazzjonijiet tal-intervenjenti waqt is-seduta rigward ir-raġuni prinċipali tal-użu ta’ dan is-sinjal kemm qabel kif ukoll wara l-preżentata ta’ din l-applikazzjoni, u l-intenzjoni tagħha f’dak il-mument, kif ukoll bil-fatt li l-intervenjenti għamlet mod li hija tkun identifikata f’għajnejn il-konsumaturi esklużivament taħt it-trade mark TARGET PARTNERS.

43      Fil-fatt, mir-risposta tal-intervenjenti għall-posta elettronika tas-7 ta’ Lulju 2015 (ara l-punt 7 iktar ’il fuq) jirriżulta li din kellha l-intenzjoni li tispeċifika b’mod ċar lill-klijent inkwistjoni li ma kinitx hija li kienet qiegħda torganizza l-avveniment ta’ reklamar, mingħajr madankollu ma ssemmi li hija kienet ukoll tuża l-isem TARGET VENTURES. Huwa stabbilit ukoll li l-intervenjenti qatt ma offriet is-servizzi tagħha bl-użu għal dan il-għan tas-sinjal TARGET VENTURES. Bil-kontra, l-oriġini tas-servizzi offruti mill-intervenjenti dejjem ġiet identifikata bit-trade mark TARGET PARTNERS. B’dan il-mod, l-intervenjenti, anki wara l-preżentata tal-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni, użat dan l-isem bl-esklużjoni ta’ kwalunkwe isem ieħor għall-finijiet tal-identifikazzjoni proprja tagħha fir-rigward tal-klijenti tagħha.

44      F’dawn iċ-ċirkustanzi u fl-assenza ta’ kwalunkwe indizju f’dan ir-rigward, huwa b’mod żbaljat li l-Bord tal-Appell ikkunsidra li l-intenzjoni li jiġi estiż l-użu tas-sinjal TARGET VENTURES seta’ mmotiva l-preżentata tal-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tiegħu.

45      Għaldaqstant, il-motivi li wasslu għall-konklużjoni li tinsab fil-punt 38 tad-deċiżjoni kkontestata huma vvizzjati bi żbalji ta’ liġi u ta’ fatt.

46      Fir-raba’ lok, kif ġie deċiż fil-punti 27 sa 29 iktar ’il fuq, jekk l-intenzjoni tal-proprjetarju tat-trade mark ikkontestata fil-mument tal-preżentata tal-applikazzjoni tiegħu għar-reġistrazzjoni hija li jikseb, mingħajr ma jimmira lejn terz b’mod partikolari, dritt esklużiv għal skopijiet oħra għajr dawk li jaqgħu taħt il-funzjonijiet ta’ trade mark, l-eżami tal-għarfien minn qabel minn dan il-proprjetarju tal-użu tas-sinjal inkwistjoni minn terz ma huwiex kundizzjoni sine qua non sabiex ikun jista’ jiġi konkluż li l-imsemmi proprjetarju huwa in mala fide. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-eżami tal-kronoloġija tal-avvenimenti li jagħmel preċiżament parti mill-analiżi tal-kwistjoni dwar jekk il-proprjetarju tat-trade mark kienx jaf jew kellux ikun jaf bl-użu ta’ din it-trade mark minn terz lanqas ma huwa neċessarju. Madankollu, peress li l-Bord tal-Appell qies, f’dan il-każ, il-prova tal-għarfien, pożittiv jew preżunt, mill-intervenjenti tal-użu tas-sinjal TARGET VENTURES mir-rikorrenti bħala indispensabbli, huwa kellu jieħu inkunsiderazzjoni l-elementi kollha li jikkaratterizzaw dan il-każ, fosthom, l-ewwel, l-użu ta’ dan is-sinjal mir-rikorrenti barra mill-Unjoni u, it-tieni, il-kronoloġija tal-avvenimenti.

47      L-ewwel nett, mis-sentenza tat-12 ta’ Settembru 2019, Koton Mağazacilik Tekstil Sanayi ve Ticaret vs EUIPO (C‑104/18 P, EU:C:2019:724, punti 51, 52 u 55), jirriżulta li l-eżami tal-għarfien minn qabel mill-proprjetarju tat-trade mark ikkontestata tal-użu ta’ dan is-sinjal minn terz ma għandux ikun limitat għas-suq tal-Unjoni. B’mod partikolari, il-Qorti tal-Ġustizzja speċifikat fil-punt 52 ta’ din is-sentenza li jistgħu jeżistu każijiet, li ma humiex parti mill-ipoteżi li wasslet għas-sentenza tal-11 ta’ Ġunju 2009, Chocoladefabriken Lindt & Sprüngli (C‑529/07, EU:C:2009:361), fejn l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark tista’ titqies li ġiet ippreżentata b’mala fide minkejja l-assenza, fil-mument ta’ din l-applikazzjoni, tal-użu minn terzi, fis-suq intern, ta’ sinjal identiku jew simili għal prodotti identiċi jew simili. Billi approva l-analiżi tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni u billi rrestrinġa l-eżami proprju tiegħu għall-għarfien mill-intervenjenti tal-użu mir-rikorrenti jew minn terz tas-sinjal TARGET VENTURES fil-kuntest tal-attivitajiet kummerċjali tagħha fl-Unjoni, il-Bord tal-Appell applika dan il-fattur, fil-punti 23, 26, 30 u 31 tad-deċiżjoni kkontestata, b’mod inkomplet.

48      It-tieni nett, għandu jiġi kkonstatat li, fil-kuntest tal-analiżi tiegħu, il-Bord tal-Appell bl-ebda mod ma ħa inkunsiderazzjoni l-kronoloġija tal-avvenimenti li kkaratterizzaw din il-kawża.

49      Minn dak kollu li ntqal hawn fuq jirriżulta li l-ewwel motiv għandu jintlaqa’ u li d-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata mingħajr ma huwa neċessarju li jiġi eżaminat it-tieni motiv.

 Fuq l-ispejjeż

50      Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. F’din il-kawża, l-EUIPO u l-intervenjenti tilfu. Peress li r-rikorrenti talbet biss li l-EUIPO waħdu jiġi kkundannat għall-ispejjeż ta’ din il-kawża, hemm lok li dan tal-aħħar jiġi kkundannat ibati, minbarra l-ispejjeż rispettivi tiegħu, dawk tar-rikorrenti fil-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali.

51      Barra minn hekk, ir-rikorrenti talbet li l-EUIPO jiġi kkundannat għall-ispejjeż li hija sostniet fil-proċedimenti amministrattivi quddiem id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni u quddiem il-Bord tal-Appell tal-EUIPO. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 190(2) tar-Regoli tal-Proċedura, l-ispejjeż indispensabbli sostnuti mill-partijiet għall-finijiet tal-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell huma kkunsidrati bħala spejjeż li jistgħu jinġabru. Madankollu, ma huwiex l-istess fir-rigward tal-ispejjeż sostnuti għall-finijiet tal-proċedimenti quddiem id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni. Għaldaqstant, it-talba tar-rikorrenti intiża sabiex l-EUIPO jiġi kkundannat għall-ispejjeż tal-proċedimenti amministrattivi tista’ tintlaqa’ biss fir-rigward tal-ispejjeż indispensabbli sostnuti mir-rikorrenti għall-finijiet tal-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell.

52      Skont l-Artikolu 138(3) tar-Regoli tal-Proċedura, l-intervenjenti għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Id-deċiżjoni tat-Tieni Bord tal-Appell tal-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO) tal-4 ta’ Frar 2019 (Każ R 1684/20172) hija annullata.

2)      L-EUIPO għandu jbati, minbarra l-ispejjeż rispettivi tiegħu, dawk sostnuti minn Target Ventures Group Ltd, inklużi dawk li din tal-aħħar sostniet quddiem il-Bord tal-Appell.

3)      Target Partners GmbH għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha.

Collins

Kreuschitz

Steinfatt

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-28 ta’ Ottubru 2020.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.