Language of document : ECLI:EU:T:2014:928

Kawża T‑362/10

Vtesse Networks Ltd

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Għajnuna mill-Istat — Għajnuna għall-installazzjoni ta’ netwerks ta’ broadband tal-aħħar ġenerazzjoni fir-reġjun ta’ Cornwall & Isles of Scilly — Deċiżjoni li tiddikjara l-għajnuna kompatibbli mas-suq intern — Artikolu 107(3)(c) TFUE — Rikors għal annullament — Nuqqas ta’ effett sostanzjali fuq il-pożizzjoni kompetittiva — Locus standi — Drittijiet proċedurali tal-partijiet interessati — Inammissibbiltà parzjali — Assenza ta’ dubji li jiġġustifikaw il-ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali”

Sommarju — Sentenza tal-Qorti Ġenerali (Id-Disa’ Alwa) tal-5 ta’ Novembru 2014

1.      Proċedura ġudizzjarja — Rikors promotur — Rekwiżiti proċedurali — Identifikazzjoni tas-suġġett tat-tilwima — Espożizzjoni sommarja tal-motivi invokati

(Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 21 u l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 53; Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, Artikolu 44(1)(c))

2.      Proċedura ġudizzjarja — Intervent — Eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mhux imqajma mill-konvenut — Inammissibbiltà — Eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà ta’ ordni pubbliku — Eżami ex officio mill-qorti

(Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 40 u Artikolu 53; Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, Artikolu 113)

3.      Rikors għal annullament — Persuni fiżiċi jew ġuridiċi — Atti li jikkonċernawhom direttament u individwalment — Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tikkonstata l-kompatibbiltà ta’ għajnuna statali mas-suq komuni mingħajr ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali — Rikors ta’ impriża kompetitriċi li ma jiġġustifikax effett sostanzjali fuq il-pożizzjoni tagħha fis-suq — Inammissibbiltà

(Artikolu 108(2) TFUE u r-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE)

4.      Rikors għal annullament — Persuni fiżiċi jew ġuridiċi — Atti li jikkonċernawhom direttament u individwalment — Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tikkonstata l-kompatibbiltà ta’ għajnuna statali mas-suq komuni mingħajr ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali — Rikors mill-partijiet interessati skont l-Artikolu 108(2) TFUE — Rikors intiż li jissalvagwardja d-drittijiet proċedurali tal-partijiet interessati — Ammissibbiltà — Motivi li jistgħu jiġu invokati — Oneru tal-prova

(Artikolu 108(2) TFUE u r-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE; Regolament tal-Kunsill Nru 659/1999, Artikoli 1(h), 4(3), u 6(1))

5.      Proċedura ġudizzjarja — Tressiq ta’ motivi ġodda fil-mori tal-kawża — Kundizzjonijiet — Elaborazzjoni ta’ motiv eżistenti u li għandha rabta mill-qrib miegħu

(Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, Artikolu 48(2))

6.      Għajnuna mogħtija mill-Istati — Eżami mill-Kummissjoni — Proċedura amministrattiva — Obbligu tal-Kummissjoni li tintima lill-partijiet ikkonċernati jissottomettu l-osservazzjonijiet tagħhom — Dritt tal-partijiet ikkonċernati, għajr l-Istat Membru kkonċernat, li jiġu involuti fil-proċedura amministrattiva sa fejn huwa xieraq — Limiti

(Artikolu 108(2) TFUE)

1.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 28, 29)

2.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punt 33)

3.      Il-persuni li ma humiex id-destinatarji ta’ deċiżjoni ma jistgħux jallegaw li huma individwalment ikkonċernati minn deċiżjoni fis-sens tar-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 263 TFUE, jekk din id-deċiżjoni tkun tippreġudikahom minħabba ċerti kwalitajiet li huma partikolari għalihom jew minħabba sitwazzjoni fattwali li tikkaratterizzahom meta mqabbla ma’ persuni oħra u, minħabba dan il-fatt, tindividwalizzahom bħal fil-każ tad-destinatarju tad-deċiżjoni.

Dan ikun il-każ, b’mod partikolari, fir-rigward ta’ rikors għal annullament ta’ deċiżjoni li tiddikjara għajnuna kompatibbli mas-suq intern, meta l-pożizzjoni tal-impriża rikorrenti fis-suq tkun affettwata sostanzjalment mill-għajnuna li hija s-suġġett tad-deċiżjoni inkwistjoni, li tagħha hija ma hijiex il-benefiċjarja. Għalhekk, hija l-impriża rikorrenti li għandha tindika, b’mod rilevanti, ir-raġunijiet li għalihom id-deċiżjoni tal-Kummissjoni tista’ tkun ta’ ħsara għall-interessi leġittimi tagħha billi taffettwa sostanzjalment il-pożizzjoni tagħha fis-suq inkwistjoni. Fir-rigward tad-determinazzjoni ta’ effett sostanzjali, l-impriża rikorrenti ma tistax tibbaża ruħha biss fuq il-kwalità tagħha ta’ kompetitriċi fir-rigward tal-impriża benefiċjarja, iżda għandha turi wkoll, fid-dawl tal-livell eventwali ta’ parteċipazzjoni tagħha fil-proċedura u tal-portata tal-preġudizzju tal-pożizzjoni tagħha fis-suq, li hija tinsab f’sitwazzjoni fattwali li tindividwalizzaha bħal fil-każ tad-destinatarju ta’ tali deċiżjoni.

Konsegwentement, meta l-impriża rikorrenti ma tistabbilixxix li l-pożizzjoni kompetittiva tagħha ġiet sostanzjament affettwata mid-deċiżjoni li tiddikjara għajnuna kompatibbli mas-suq intern, hija ma jkollhiex locus standi kontra din id-deċiżjoni sabiex tikkontesta l-fondatezza tagħha.

(ara l-punti 36, 37, 51, 58, 59)

4.      Meta l-Kummissjoni tadotta deċiżjoni, skont l-Artikolu 4(3) tar-Regolament tal-Kunsill Nru 659/1999, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 108 TFUE, li tikkonstata li għajnuna hija kompatibbli mas-suq intern, hija tkun qed tirrifjuta wkoll, impliċitament, li tagħti bidu għall-proċedura ta’ investigazzjoni formali prevista fl-Artikolu 108(2) TFUE u fl-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 659/1999. Il-partijiet interessati li, skont l-Artikolu 1(h) tar-Regolament Nru 659/1999, huma l-persuni, l-impriżi jew l-assoċjazzjonijiet li l-interessi tagħhom jistgħu jiġu affettwati permezz tal-għoti ta’ għajnuna, jiġifieri, b’mod partikolari, l-impriżi li jikkompetu mal-benefiċjarji ta’ din l-għajnuna u li huma l-benefiċjarji tal-garanziji tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali, jistgħu jiksbu l-konformità miegħu biss jekk ikollhom il-possibbiltà li jikkontestaw din id-deċiżjoni quddiem il-qorti tal-Unjoni Ewropea. Għalhekk, f’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rikors tagħhom jista’ biss ikun intiż sabiex jissalvagwarda d-drittijiet proċedurali tagħhom li jirriżultaw mill-Artikolu 108(2) TFUE u mill-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 659/1999. Għldaqstant, meta għajnuna intiża li tgħin l-installazzjoni ta’ netwerks ta’ broadband tal-ġenerazzjoni sussegwenti f’reġjun speċifiku minn operatur tat-telekomunikazzjonijiet tiġi ddikjarata kompatibbli mas-suq intern, l-operatur tat-telekommunikazzjonijiet kompetitur fis-suq tal-provvista ta’ servizzi speċjalizzati tal-komunikazzjonijiet għandu jiġi kkunsidrat bħala parti interessata skont l-Artikolu 108(2) TFUE li għandha locus standi sabiex tikkontesta d-deċiżjoni li tiddikjara l-għajnuna kompatibbli mas-suq intern sa fejn, permezz tar-rikors tagħha, hija tfittex li tissalvagwardja d-drittijiet proċedurali tagħha.

Fir-rigward tal-motivi li jistgħu jiġu invokati minn parti interessata, huwa possibbli li jittieħdu inkunsiderazzjoni argumenti fuq il-mertu biss sa fejn dawn l-argumenti jippermettu li jiġi sostnut motiv ibbażat fuq l-eżistenza ta’ dubji li jiġġustifikaw l-eżistenza tal-ftuħ ta’ proċedura ta’ investigazzjoni formali. Madankollu, l-argumenti għandhom jiġu ddefiniti skont it-termini konnessi mal-fattur li għandu jiġi pprovat, jiġifieri l-eżistenza ta’ dubji fir-rigward tal-kompatibbiltà tal-miżura mas-suq intern. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-qorti tal-Unjoni tista’ biss, għalhekk, tieħu inkunsiderazzjoni l-motivi bbażati fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni tal-fatti u tal-eżistenza ta’ abbuż minn pożizzjoni dominanti sakemm dawn ikunu bbażati fuq argumenti li jippruvaw li l-Kummissjoni ma rnexxilhiex tegħleb id-dubji li hija kellha matul il-fażi tal-investigazzjoni preliminari.

Barra minn hekk, il-parti interessata għandha l-oneru tal-prova tal-eżistenza ta’ dawn id-dubji, prova li hija tista’ tipprovdi b’riferiment għal serje ta’ indizji konkordanti, fir-rigward, minn naħa, taċ-ċirkustanzi u tat-tul tal-fażi preliminari tal-investigazzjoni u, min-naħa l-oħra, tal-kontenut tad-deċiżjoni kkontestata. Barra minn hekk, hija din il-parti li għandha tidentifika l-indizji dwar il-kontenut tad-deċiżjoni kkontestata sabiex tipprova l-eżistenza ta’ dubji. F’dan ir-rigward, meta r-rikorrenti sempliċement tirreferi għall-argumenti mqajma fir-rigward ta’ motiv ieħor, hija għandha tidentifika preċiżament dawk l-argumenti mqajma f’dan ir-rigward li jistgħu, fil-fehma tagħha, jippruvaw l-eżistenza ta’ dawn id-dubji. F’dan il-kuntest, jekk ir-rikorrenti sempliċement tirreferi għas-sunt tal-fatti fir-rikors u għall-argumenti dwar motivi, dan ir-riferiment vag u kompletament mhux sostnut ma jippermettix lill-qorti tal-Unjoni tidentifika l-fatturi preċiżi mqajma fil-kuntest ta’ motivi li jistabbilixxu, skont ir-rikorrenti, l-eżistenza ta’ dubji u l-fondatezza tal-motivi.

(ara l-punti 42, 47, 69-71, 82, 88-90)

5.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 83-85)

6.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 93-96)