Language of document :

Rikors ippreżentat fit-23 ta’ Ottubru 2020 – Ir-Rumanija vs Il-Parlament Ewropew, Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

(Kawża C-547/20)

Lingwa tal-kawża: ir-Rumen

Partijiet

Rikorrenti: Ir-Rumanija (rappreżentanti: E. Gane, R. I. Haţieganu u A. Rotăreanu, bħala aġenti)

Konvenuti: Il-Parlament Ewropew, Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla parzjalment ir-Regolament (UE) 2020/1055 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Lulju 2020 li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 1071/2009, (KE) Nru 1072/2009 u (UE) Nru 1024/2012 bl-għan li jiġu adattati għall-iżviluppi fis-settur tat-trasport bit-triq (ĠU 2020, L 249, p. 17), f’dak li jirrigwarda:

il-punt 3 tal-Artikolu 1 li jemenda l-Artikolu 5(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 1071/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Ottubru 2009 li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kondizzjonijiet li għandhom jiġu rispettati għall-eżerċizzju tal-professjoni ta’ operatur tat-trasport bit-triq u li jħassar id-Direttiva tal-Kunsill 96/26/KE (ĠU 2009, L 300, p. 5), u

il-punt 4(a), (b) u (c) tal-Artikolu 2 li jemenda l-Artikolu 8 tar-Regolament (KE) Nru 1072/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Ottubru 2009 dwar regoli komuni għall-aċċess għas-suq internazzjonali tat-trasport bit-triq tal-merkanzija (ĠU 2009, L 300, p. 72, rettifika fil-ĠU 2018, L 241, p. 14) billi jintroduċi l-paragrafu (2a), jemenda l-paragrafu (3) u jintroduċi l-paragrafu (4a);

sussidjarjament, biss fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra li dawn id-dispożizzjonijiet huma marbuta b’mod inseparabbli ma’ dispożizzjonijiet oħra tar-Regolament (UE) 2020/1055 jew jikkonċernaw l-essenza ta’ dan l-att, tannulla fl-intier tiegħu dan l-att leġiżlattiv tal-Unjoni;

tikkundanna lill-Parlament u lill-Kunsill għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-Rumanija tinvoka tliet motivi:

1.    L-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, kif stabbilit fl-Artikolu 5(4) TUE

Ir-Rumanija tikkunsidra li l-miżura rregolata fil-punt 3 tal-Artikolu 1 dwar l-obbligu li l-vettura tirritorna fiċ-ċentru operazzjonali tal-Istat Membru ta’ stabbiliment fi żmien tmien ġimgħat, ma hijiex meħtieġa sabiex tissaħħaħ il-preżenza reali u effettiva tal-kumpannija f’dak l-Istat Membru u hija manifestament inadegwata sabiex jintlaħaq l-għan intiż.

Din tirrappreżenta piż ekonomiku mhux iġġustifikat u piż għall-operaturi, li jiġġenera spejjeż operattivi bla bżonn, iżżid in-numru ta’ vjaġġi mingħajr tagħbija, kif ukoll l-emissjonijiet ta’ CO2.

Ir-Rumanija tikkunsidra wkoll li l-miżura rregolata fil-punt 4(a), (b) u (c) tal-Artikolu 2, ta’ restrizzjoni supplimentari għall-operazzjonijiet ta’ kabotaġġ, hija inadegwata sabiex jintlaħaq l-għan imfittex u ma hijiex meħtieġa sabiex issolvi l-problemi identifikati ta’ nuqqas ta’ konformità mar-regoli tal-kabotaġġ.

Din hija pass lura mil-livell attwali ta’ liberalizzazzjoni tas-suq u hija kapaċi li toħloq żbilanċ fl-organizzazzjoni ta’ ktajjen ta’ loġistika ta’ kumpaniji tat-trasport, iżżid il-perijodi ta’ inattività u n-numru ta’ vjaġġi mingħajr tagħbija. Id-dispożizzjonijiet il-ġodda introdotti jagħmluha diffiċli sabiex jiġu infurzati r-regolamenti tal-kabotaġġ u jikkomplikaw il-mekkaniżmi ta’ kontroll, peress li jżidu piżijiet amministrattivi bla bżonn fuq l-operaturi.

Iż-żewġ miżuri huma sproporzjonati fir-rigward tal-impatt negattiv fuq l-impriżi tat-trasport fl-Istati Membri tal-Unjoni, speċjalment dawk li jinsabu fil-periferija ġeografika tal-Unjoni.

2.    It-tieni motiv, ibbażat fuq restrizzjoni mhux iġġustifikata tad-dritt ta’ stabbiliment, kif stabbilit fl-Artikolu 49 TFUE

Ir-Rumanija tikkunsidra li l-miżura stabbilita fil-punt 3 tal-Artikolu 1 tiġġenera spejjeż operattivi sinjifikattivi għall-kumpanniji tat-trasport mwaqqfa fi Stat Membru fil-periferija ġeografika tal-Unjoni. Il-profittabiltà u impliċitament l-attrazzjoni għat-twaqqif ta’ kumpannija bħal din f’dawn l-Istati ser tonqos sinjifikattivament. Fl-istess ħin, l-operaturi diġà stabbiliti ser jiċċaqilqu lejn l-Istati fl-Ewropa tal-Punent sabiex inaqqsu l-effetti negattivi tal-obbligu tar-ritorn tal-vettura fiċ-ċentru operazzjonali fl-Istat Membru ta’ stabbiliment fi żmien tmien ġimgħat.

Għalhekk din il-miżura tikkostitwixxi restrizzjoni għal-libertà ta’ stabbiliment fis-sens tal-Artikolu 49 TFUE. Din ir-restrizzjoni ma hijiex iġġustifikata.

3.    It-tielet motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni fuq il-bażi tan-nazzjonalità, kif stabbilit fl-Artikolu 18 TFUE

Ir-Rumanija tikkunsidra li l-miżura tar-ritorn tal-vettura lejn iċ-ċentru operazzjonali fl-Istat Membru ta’ stabbiliment fi żmien tmien ġimgħat u r-restrizzjonijiet supplimentari fuq il-kabotaġġ huma kuntrarji għall-għanijiet ta’ konverġenza tal-Unjoni u għandhom natura protezzjonista, li joħolqu ostakoli sinjifikattivi għad-dħul fis-suq tat-trasport minn operaturi li ma humiex residenti.

Għalkemm apparentement mhux diskriminatorji, dawn il-miżuri de facto ser ikollhom impatt differenti fil-livell tal-Istati Membri, peress li ser jaffettwaw b’mod sinjifikattiv u sproporzjonat l-attività ekonomika tal-operaturi tat-trasport stabbiliti fil-periferija ġeografika tal-Unjoni.

Minbarra dan, il-miżuri koperti bir-Regolament 2020/1055, bir-Regolament (UE) 2020/1054 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Lulju 2020 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 561/2006 fir-rigward ta’ rekwiżiti minimi dwar il-ħinijiet massimi ta’ sewqan kuljum u kull ġimgħa, il-pawżi minimi u l-perijodi ta’ mistrieħ kuljum u kull ġimgħa u r-Regolament (UE) Nru 165/2014 fir-rigward tal-pożizzjonament permezz ta’ takografi 1 u bid-Direttiva (UE) 2020/1057 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Lulju 2020 li tistabbilixxi regoli speċifiċi rigward id-Direttiva 96/71/KE u d-Direttiva 2014/67/UE għall-istazzjonar tax-xufiera fis-settur tat-trasport bit-triq u li temenda d-Direttiva 2006/22/KE fir-rigward ta’ rekwiżiti tal-infurzar u r-Regolament (UE) Nru 1024/2012 2 (dwar ir-restrizzjoni supplimentari għall-operazzjonijiet ta’ kabotaġġ, ir-ritorn tal-vettura fiċ-ċentru operazzjonali tal-Istat Membru ta’ stabbiliment fi żmien tmien ġimgħat, ir-ritorn tas-sewwieq tal-vettura fi żmien erba’ ġimgħat, il-projbizzjoni li l-perijodi regolari ta’ mistrieħ ta’ kull ġimgħa jitwettqu fil-kabina tal-vettura u l-kollokament tas-sewwieq tal-vettura) kienu intiżi bħala pilastri li jifformaw flimkien pakkett leġislattiv wieħed, kuntest li fih hija biss analiżi tal-effetti kumulattivi tagħhom li tista’ turi l-impatt reali tagħhom fis-suq tat-trasport.

____________

1     ĠU 2020, L 249, p 1.

2     ĠU 2020, L 249, p 49.