Language of document :

Rikors ippreżentat fit-23 ta’ Ottubru 2020 – Ir-Repubblika ta’ Malta vs Il-Parlament Ewropew, Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

(Kawża C-552/20)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrent: Ir-Repubblika ta’ Malta (rappreżentanti: A. Buhagiar, aġent, D. Sarmiento Ramírez-Escudero, J. Sedano Lorenzo, abogados)

Konvenuti: Il-Parlament Ewropew, Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla l-Artikolu 5(1)(b) tar-Regolament 1071/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Ottubru 2009 li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kondizzjonijiet li għandhom jiġu rispettati għall-eżerċizzju tal-professjoni ta’ operatur tat-trasport bit-triq u li jħassar id-Direttiva tal-Kunsill 96/26/KE 1 u l-Artikolu 8(2a) tar-Regolament 1072/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Ottubru 2009 dwar regoli komuni għall-aċċess għas-suq internazzjonali tat-trasport bit-triq tal-merkanzija 2 , kif emendati bl-Artikoli 1 u 2, rispettivament, tar-Regolament (UE) 2020/1055 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Lulju 2020 li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 1071/2009, (KE) Nru 1072/2009 u (UE) Nru 1024/2012 bl-għan li jiġu adattati għall-iżviluppi fis-settur tat-trasport bit-triq 3 .

tikkundanna lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill għall-ispejjeż tar-rikorrenti.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-Repubblika ta’ Malta titlob l-annullament tal-miżuri kkontestati abbażi tal-motivi li ġejjin.

L-ewwel motiv, li jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddikjara l-annullament tal-Artikolu 1(3) tar-Regolament 2020/1055 (ir-regola tar-“Ritorn tal-Vetturi”), sa fejn dan l-artikolu

jikser l-Artikolu 91(2) TFUE, flimkien mal-Artikolu 11 TFUE u l-Artikolu 37 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, minħabba li l-adozzjoni tiegħu seħħet b’nuqqas ta’ kunsiderazzjoni għall-impatt ambjentali u għall-effetti serji tiegħu fuq l-operazzjonijiet tat-trasport.

jikser l-Artikolu 5(4) TUE u l-prinċipju ta’ proporzjonalità, peress li din ir-regola ma hijiex il-miżura l-inqas restrittiva u tikkawża dannu sproporzjonat fir-rigward tal-bilanċ bejn il-benefiċċji u l-ispejjeż minn perspettiva ambjentali u minn dik tal-operazzjonijiet tat-trasport.

It-tieni motiv, li jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddikjara l-annullament tal-Artikolu 2(4)(a) tar-Regolament 2020/1055 (ir-regola tal-“Perijodu ta’ Preklużjoni tal-Kabotaġġ”), sa fejn dan l-artikolu

jikser l-Artikolu 91(2) TFUE minħabba n-negliġenza tal-konvenuti fir-rigward tal-impatt serju tal-miżura fuq l-operazzjonijiet tat-trasport.

jikser l-Artikolu 5(4) TUE u l-prinċipju ta’ proporzjonalità, peress li huwa drastikament jillimita l-kapaċità tat-trasportaturi li jagħmlu arranġamenti għal-loġistika tagħhom u li jiżguraw il-funzjonament bla xkiel tal-flotot tagħhom.

jikser l-Artikoli 20 u 21 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali u l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, billi naqas milli jieħu inkunsiderazzjoni l-partikolaritajiet ta’ Stat Membru insulari u tas-suq tiegħu tat-trasport tal-merkanzija mingħajr ġustifikazzjoni oġġettiva.

____________

1     ĠU 2009, L 300, p. 51.

2     ĠU 2009, L 300, p. 72, rettifika fil-ĠU 2018, L 241, p. 14.

3     ĠU 2020, L 249, p. 17.