Language of document : ECLI:EU:T:2019:238

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (L-EWWEL AWLA)

10 ta’ April 2019 (*)

“Politika estera u ta’ sigurtà komuni – Miżuri restrittivi speċifiċi meħuda kontra ċerti persuni, gruppi u entitajiet fid-dawl tal-ġlieda kontra t-terroriżmu – Iffriżar ta’ fondi – Possibbiltà għal awtorità ta’ Stat terz li tiġi kklassifikata bħala awtorità kompetenti fis-sens tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931/PESK – Bażi fattwali tad-deċiżjonijiet ta’ ffriżar tal-fondi – Obbligu ta’ motivazzjoni – Awtentikazzjoni tal-atti tal-Kunsill”

Fil-Kawża T-643/16,

Al-Gama’a al - Islamiyya Egypt, irrappreżentat minn L. Glock, avukat,

rikorrent,

vs

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentat inizjalment minn G. Étienne u H. Marcos Fraile, sussegwentement minn H. Marcos Fraile, B. Driessen u V. Piessevaux, u fl-aħħar minn H. Marcos Fraile, M. Driessen u A. Sikora-Kalėda, bħala aġenti,

konvenut,

sostnut minn

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata inizjalment minn J. Norris-Usher, L. Havas, R. Tricot u L. Baumgart, sussegwentement minn R. Tricot, C. Zadra u A. Tizzano, bħala aġenti,

parti intervenjenti,

li għandha bħala suġġett talba bbażata fuq l-Artikolu 263 TFUE u intiża għall-annullament, l-ewwel nett, tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2016/1136, tat-12 ta’ Lulju 2016, li taġġorna l-lista ta’ persuni, gruppi u entitajiet soġġetti għall-Artikoli 2, 3 u 4 tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931/PESK dwar l-applikazzjoni ta’ miżuri speċifiċi fil-ġlieda kontra t-terroriżmu, u li tħassar id-Deċiżjoni (PESK) 2015/2430 (ĠU 2016, L 188, p. 21) u tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2016/1127, tat-12 ta’ Lulju 2016, li jimplimenta l-Artikolu 2(3) tar-Regolament (KE) Nru 2580/2001 dwar miżuri restrittivi speċifiċi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet bil-għan li jiġi miġġieled it-terroriżmu u li jħassar ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/2425 (ĠU 2016, L 188, p. 1), it-tieni nett, tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2017/154, tas-27 ta’ Jannar 2017, li taġġorna l-lista ta’ persuni, gruppi u entitajiet soġġetti għall-Artikoli 2, 3 u 4 tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931/PESK dwar l-applikazzjoni ta’ miżuri speċifiċi fil-ġlieda kontra t-terroriżmu, u li tħassar id-Deċiżjoni (PESK) 2016/1136 (ĠU 2017, L 23, p. 21), u tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2017/150, tas-27 ta’ Jannar 2017 li jimplimenta l-Artikolu 2(3) tar-Regolament (KE) Nru 2580/2001 dwar miżuri restrittivi speċifiċi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet bil-għan li jiġi miġġieled it-terroriżmu u li jħassar ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2016/1127 (ĠU 2017, L 23, p. 3), it-tielet nett, tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2017/1426, tal-4 ta’ Awwissu 2017 li taġġorna l-lista ta’ persuni, gruppi u entitajiet soġġetti għall-Artikoli 2, 3 u 4 tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931/PESK dwar l-applikazzjoni ta’ miżuri speċifiċi fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u li tħassar id-Deċiżjoni (PESK) 2017/154 (ĠU 2017, L 204, p. 95), u tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2017/1420, tal-4 ta’ Awwissu 2017 li jimplimenta l-Artikolu 2(3) tar-Regolament (KE) Nru 2580/2001 dwar miżuri restrittivi speċifiċi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet bil-għan li jiġi miġġieled it-terroriżmu u li jħassar ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2017/150, (ĠU 2017, L 204, p. 3), ir-raba’ nett, tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2018/475, tal-21 ta’ Marzu 2018 li taġġorna l-lista ta’ persuni, gruppi u entitajiet soġġetti għall-Artikoli 2, 3 u 4 tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931/PESK dwar l-applikazzjoni ta’ miżuri speċifiċi fil-ġlieda kontra t-terroriżmu, u li tħassar id-Deċiżjoni (PESK) 2017/1426 (ĠU 2018, L 79, p. 26), u tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2018/468, tal-21 ta’ Marzu 2018 li jimplimenta l-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 2580/2001 dwar miżuri restrittivi speċifiċi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet bil-għan li jiġi miġġieled it-terroriżmu u li jħassar ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2017/1420 (ĠU 2018, L 79, p. 7), il-ħames nett, tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2018/1084 tat-30 ta’ Lulju 2018 li taġġorna l-lista ta’ persuni, gruppi u entitajiet suġġetti għall-Artikoli 2, 3 u 4 tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931/PESK dwar l-applikazzjoni ta’ miżuri speċifiċi fil-ġlieda kontra t-terroriżmu, u li tħassar id-Deċiżjoni (PESK) 2018/475 (ĠU 2018, L 194, p. 144), u tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2018/1071 tat-30 ta’ Lulju 2018 li jimplimenta l-Artikolu 2(3) tar-Regolament (KE) Nru 2580/2001 dwar miżuri restrittivi speċifiċi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet bil-għan li jiġi miġġieled it-terroriżmu u li jħassar ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/468 (ĠU 2018 L 194, p. 23), sa fejn dawn jikkonċernaw lir-rikorrent,

IL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla),

komposta minn I. Pelikánová, President, P. Nihoul (Relatur) u J. Svenningsen, Imħallfin,

Reġistratur: L. Ramette, Amministratur,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura u wara s-seduta tas-6 ta’ Novembru 2018,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża u fatti sussegwenti għall-preżentata ta’ dan ir-rikors

 Ir-Riżoluzzjoni 1373 (2001) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti

1        Fit-28 ta’ Settembru 2001, il-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti adotta r-Riżoluzzjoni 1373(2001), li tistabbilixxi strateġiji wiesgħa fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u, b’mod partikolari, il-ġlieda kontra l-iffinanzjar tat-terroriżmu. Il-paragrafu 1(ċ) ta’ din ir-Riżoluzzjoni jipprovdi, b’mod partikolari, li l-Istati kollha għandhom jiffriżaw mingħajr dewmien il-fondi u l-assi finanzjarji l-oħra jew ir-riżorsi ekonomiċi ta’ persuni li jwettqu, jew jippruvaw iwettqu atti terroristiċi, jew li jipparteċipaw jew jiffaċilitaw it-twettiq ta’ atti terroristiċi, tal-entitajiet li jappartjenu lil dawn il-persuni jew li huma kkontrollati minnhom, u tal-persuni u tal-entitajiet li jaġixxu f’isem, jew huma mmexxija, minn dawn il-persuni u entitajiet.

2        L-imsemmija riżoluzzjoni ma tipprevedix lista ta’ persuni, ta’ entitajiet jew ta’ gruppi li dawn il-miżuri għandhom japplikaw għalihom.

 Id-dritt tal-Unjoni Ewropea

3        Fis-27 ta’ Diċembru 2001, peress li qies li att tal-Unjoni Ewropea kien neċessarju sabiex tiġi implimentata r-Riżoluzzjoni 1373 (2001), il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea adotta l-Pożizzjoni Komuni 2001/931/PESK dwar l-applikazzjoni ta’ miżuri speċifiċi fil-ġlieda kontra t-terroriżmu (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 18, Vol. 1, p. 217). B’mod partikolari, l-Artikolu 2 tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931 kien jipprevedi l-iffriżar ta’ fondi u ta’ assi finanzjarji oħrajn jew riżorsi ekonomiċi tal-persuni, gruppi u entitajiet involuti f’atti terroristiċi u mniżżla fil-lista li tinsab fl-anness tal-imsemmija pożizzjoni komuni.

4        Fl-istess jum, sabiex jimplimenta fuq il-livell tal-Unjoni l-miżuri deskritti fil-Pożizzjoni Komuni 2001/931, il-Kunsill adotta r-Regolament (KE) Nru 2580/2001, dwar miżuri restrittivi speċifiċi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet bil-għan li jiġi miġġieled it-terroriżmu (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 18, Vol. 1, p. 207), kif ukoll id-Deċiżjoni 2001/927/KE li tistabbilixxi l-lista prevista fl-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 2580/2001 (ĠU 2001, L 344, p. 83).

5        Fit-2 ta’ Mejju 2002, l-isem “Gama’a al-Islamiyya” (magħruf ukoll taħt l-isem “Al Gama’a al-Islamiyya”) (“grupp Islamiku”—“GI”)” tniżżel mill-Kummissjoni fil-lista annessa mal-Pożizzjoni Komuni 2002/340/PESK li taġġorna l-Pożizzjoni Komuni 2001/931 (ĠU 2002, L 116, p. 75), u dik inkluża fid-Deċiżjoni 2002/334/KE, li timplimenta l-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 2580/2001 u li tħassar id-Deċiżjoni 2001/927 (ĠU 2002, L 116, p. 33).

6        Dawn il-listi ġew aġġornati bl-applikazzjoni tal-Artikolu 1(6) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931 u tal-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 2580/2001.

7        Fil-21 ta’ Diċembru 2015, il-Kunsill żamm l-isem tar-rikorrent fuq l-imsemmija listi permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2015/2430 li taġġorna l-lista ta’ persuni, gruppi u entitajiet soġġetti għall-Artikoli 2, 3 u 4 tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931/PESK dwar l-applikazzjoni ta’ miżuri speċifiċi fil-ġlieda kontra t-terroriżmu, u li tħassar id-Deċiżjoni (PESK) 2015/1334 (ĠU 2015, L 334, p. 18), u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2015/2425 li jimplimenta l-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 2580/2001 u li jħassar ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/1325 (ĠU 2015, L 334, p. 1).

8        Fit-22 ta’ Diċembru 2015, il-Kunsill ippubblika fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea l-Avviż għall-attenzjoni tal-persuni, il-gruppi u l-entitajiet fil-lista prevista fl-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 2580/2001 (ĠU 2015, C 430, p. 5). Dan l-avviż informa lill-persuni, gruppi u entitajiet li isimhom kien inżamm fuq il-lista ta’ ffriżar ta’ fondi u li setgħu jindirizzaw lill-Kunsill b’talba sabiex jiksbu l-espożizzjoni tal-motivi li ġġustifikat lil din iż-żamma.

9        Fl-20 ta’ Mejju 2016, l-avukat tar-rikorrent talab lill-Kunsill sabiex jikkomunikalu l-espożizzjoni tal-motivi li minħabba fihom isem il-klijent tiegħu kien tniżżel inizjalment fuq il-listi ta’ ffriżar ta’ fondi, u sussegwentement inżamm fuq dawn il-listi permezz tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/2425, filwaqt li poġġa indiskussjoni l-fatt li l-imsemmija listi kienu jikkonċernaw fir-realtà lill-klijent tiegħu.

10      Fis-26 ta’ Mejju 2016, il-Kunsill ikkomunikalu ħdax-il espożizzjoni tal-motivi billi indika:

“Ser issib mehmuża hawnhekk l-espożizzjoniet tal-motivi li jiġġustifikaw l-inklużjoni u ż-żamma tal-klijent tiegħek fuq il-lista li tidher fir-Regolament [ta’ Implimentazzjoni] 2015/2425 […] li jimplimenta l-Artikolu 2(3) tar-Regolament […] Nru 2580/2001.”

 L-atti kkontestati

 L-atti ta’ Lulju 2016

11      Fit-12 ta’ Lulju 2016, il-Kunsill adotta, minn naħa, id-Deċiżjoni (PESK) 2016/1136 li taġġorna l-lista ta’ persuni, gruppi u entitajiet soġġetti għall-Artikoli 2, 3 u 4 tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931, u li tħassar id-Deċiżjoni (PESK) 2015/2430 (ĠU 2016, L 188, p. 21) u, min-naħa l-oħra, ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2016/1127 li jimplimenta l-Artikolu 2(3) tar-Regolament (KE) Nru 2580/2001, u li jħassar ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/2425 (ĠU 2016, L 188, p. 1) (iktar ’il quddiem, ikkunsidrati flimkien, l-“atti ta’ Lulju 2016”). L-isem tar-rikorrent kien inżamm fuq il-listi annessi ma’ dawn l-atti (iktar ’il quddiem, il-“listi kkontestati ta’ Lulju 2016”).

12      Permezz ta’ ittra tat-13 ta’ Lulju 2016, il-Kunsill indirizza lill-avukat tar-rikorrent l-espożizzjoni tal-motivi li tiġġustifika ż-żamma ta’ isimha fil-listi kkontestati ta’ Lulju 2016, billi indikalu l-possibbiltà li jitlob eżami mill-ġdid ta’ dawn il-listi fil-kuntest tal-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 2580/2001 u tal-Artikolu 1(6) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931. Barra minn hekk, f’din l-ittra, huwa indika dan li ġej:

“Il-Kunsill qies li ma kienx hemm elementi ġodda fil-fajl li jiġġustifikaw l-emenda tal-pożizzjoni tiegħu. Konsegwentement huwa jqis li l-motivi kkomunikati lilek preċedentement fl-ittra tas-26 ta’ Mejju 2016 għadhom validi.”

13      Mill-espożizzjoni tal-motivi tal-atti ta’ Lulju 2016 jirriżulta li l-inklużjoni ta’ isem ir-rikorrent fil-listi kkontestati kienet ibbażata fuq erba’ deċiżjonijiet nazzjonali.

14      L-ewwel deċiżjoni nazzjonali kienet id-Digriet Nru 1261 tas-Secretary of State for the Home Department (Ministeru għall-Intern, ir-Renju Unit, iktar ’il quddiem, il-“Home Secretary”), tad-29 ta’ Marzu 2001, li temenda l-UK Terrorism Act 2000 (il-liġi tar-Renju Unit tal-2000 fuq it-terroriżmu) u li tikkundanna lir-rikorrent, meqjus bħala organizzazzjoni involuta f’atti terroristiċi (iktar ’il quddiem, id-“deċiżjoni tal-Home Secretary”).

15      It-tieni deċiżjoni nazzjonali kienet deċiżjoni tal-United States Secretary of State (Segretarju tal-Istat tal-Istati Uniti), tat-8 ta’ Ottubru 1997, li tikklassifika, għall-finijiet tal-Immigration and Nationality Act (il-liġi tal-Istati Uniti dwar l-immigrazzjoni u ċ-ċittadinanza) lir-rikorrent bħala “organizzazzjoni terroristika barranija” (iktar ’il quddiem, id-“deċiżjoni Amerikana tal-1997”).

16      It-tielet deċiżjoni nazzjonali ħarġet mis-Segretarju tal-Istat tal-Istati Uniti u kienet ittieħdet fil-31 ta’ Ottubru 2001 b’applikazzjoni tal-Executive Order Nru 13224 (Digriet Presidenzjali Nru 13224) (iktar ’il quddiem, id-“deċiżjoni Amerikana tal-2001”).

17      Ir-raba’ deċiżjoni nazzjonali kellha d-data tat-23 ta’ Jannar 1995 u kienet ittieħdet b’applikazzjoni tal-Executive Order Nru 12947 (Digriet Presidenzjali Nru 12947) (iktar ’il quddiem, id-“ deċiżjoni Amerikana tal-1995”).

18      Fil-parti prinċipali tal-espożizzjoni tal-motivi dwar l-atti ta’ Lulju 2016, il-Kunsill ikkonstata, qabel kollox, li dawn id-deċiżjonijiet nazzjonali kienu jikkostitwixxu deċiżjonijiet ta’ awtoritajiet kompetenti fis-sens tal-Artikolu 1(4) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931 u li dawn kienu għadhom fis-seħħ. Sussegwentement, huwa indika li eżamina jekk kinux jeżistu xi elementi fil-pussess tiegħu li kienu jidderiġu favur it-tneħħija ta’ isem ir-rikorrent mil-listi kkontestati ta’ Lulju 2016 u ma sab xejn. Fl-aħħar, huwa indika li kien iqis li r-raġunijiet li ġġustifikaw l-inklużjoni ta’ isem ir-rikorrent fil-listi tal-iffriżar tal-fondi kienu għadhom validi u kkonkluda li kellu jinżamm fil-listi kkontestati ta’ Lulju 2016.

19      Barra minn hekk, l-espożizzjoni tal-motivi dwar l-atti ta’ Lulju 2016 kienet tinkludi Anness A li jikkonċerna lid-“deċiżjoni tal-awtorità kompetenti tar-Renju Unit”, u Anness B li jikkonċerna lid-“deċiżjonijiet tal-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Uniti”. Kull wieħed minn dawn l-annessi kien jinkludi deskrizzjoni tal-leġiżlazzjonijiet nazzjonali taħt liema kienu ġew adottati d-deċiżjonijiet tal-awtoritajiet nazzjonali, preżentazzjoni tad-definizzjonijiet tal-kunċetti ta’ terroriżmu li kienu jinsabu f’dawn il-leġiżlazzjonijiet, deskrizzjoni tal-proċeduri ta’ eżami mill-ġdid tal-imsemmija deċiżjonijiet, deskrizzjoni ta’ fatti li l-imsemmija awtoritajiet ibbażaw ruħhom fuqhom u l-konstatazzjoni li dawn il-fatti kienu jikkostitwixxu atti terroristiċi fis-sens tal-Artikolu 1(3) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931.

20      Fil-punt 16 tal-Anness A tal-espożizzjoni tal-motivi dwar l-atti ta’ Lulju 2016, il-Kunsill indika li, f’Novembru 2013, il-Home Secretary kien ikkonkluda, fuq il-bażi tal-elementi ta’ prova disponibbli, li “il-grupp kien implikat b’mod ieħor fit-terroriżmu u li, konsegwentement, il-kundanna kellha tinżamm”.

21      Fil-punt 10 tal-Anness B tal-atti ta’ Lulju 2016, il-Kunsill kien indika li, fl-Istati Uniti, l-eżami mill-ġdid l-iktar riċenti tad-deskrizzjoni tar-rikorrent bħala organizzazzjoni terroristika barranija kien ġie konkluż fil-15 ta’ Diċembru 2010 u li l-Gvern Amerikan kien iddeċieda li tinżamm din id-deskrizzjoni. Barra minn hekk, il-punt 18 tal-Anness B, dan irrefera għall-“fajls amministrattivi” (“administrative records”)  ta’ Gama’a al-Islamiyya  tal-2010 u tal-2003 tad-Dipartiment tal-Istat”.

 L-atti ta’ Jannar 2017

22      Fis-27 ta’ Jannar 2017, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2017/154, li taġġorna l-lista ta’ persuni, gruppi u entitajiet soġġetti għall-Artikoli 2, 3 u 4 tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931/PESK, u li tħassar id-Deċiżjoni (PESK) 2016/1136 (ĠU 2017, L 23, p. 21), u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/150 li jimplimenta l-Artikolu 2(3) tar-Regolament (KE) Nru 2580/2001 u li jħassar ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2016/1127 (ĠU 2017, L 23, p. 3), (iktar ’il quddiem il-“listi kkontestati ta’ Jannar 2017”).

23      Permezz ta’ ittra tat-30 ta’ Jannar 2017, il-Kunsill ikkomunika lill-avukat tar-rikorrent l-espożizzjoni tal-motivi li tiġġustifika ż-żamma ta’ ismu fil-listi kkontestati ta’ Jannar 2017, filwaqt li indikalu l-possibbiltà li jitlob eżami mill-ġdid ta’ dawn il-listi fil-kuntest tal-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 2580/2001 u tal-Artikolu 1(6) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931.

24      Din l-espożizzjoni tal-motivi kienet identika għal dik relattiva għall-atti ta’ Lulju 2016.

25      Ir-rikorrent ma rreaġixxiex għal din l-ittra.

 L-atti ta’ Awwissu 2017

26      Fl-4 ta’ Awwissu 2017, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2017/1426 li taġġorna l-lista ta’ persuni, gruppi u entitajiet soġġetti għall-Artikoli 2, 3 u 4 tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931/PESK u li tħassar id-Deċiżjoni (PESK) 2017/154 (ĠU 2017, L 204, p. 95), u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/1420 li jimplimenta l-Artikolu 2(3) tar-Regolament (KE) Nru 2580/2001 u li jħassar ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2017/150 (ĠU 2017, L 204, p. 3), (iktar ’il quddiem, ikkunsidrati flimkien, l-“Atti ta’ Awwissu 2017”). Isem ir-rikorrent kien inżamm fuq il-listi annessi ma’ dawn l-atti (iktar ’il quddiem, il-“listi kkontestati ta’ Awwissu 2017”).

27      Permezz ta’ ittra tas-7 ta’ Awwissu 2017, il-Kunsill ikkomunika lill-avukat tar-rikorrent l-espożizzjoni tal-motivi li tiġġustifika ż-żamma ta’ ismu fil-listi kkontestati ta’ Awwissu 2017, filwaqt li indikalu l-possibbiltà li jitlob eżami mill-ġdid ta’ dawn il-listi fil-kuntest tal-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 2580/2001 u tal-Artikolu 1(6) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931.

28      Din l-espożizzjoni tal-motivi kienet identika għal dik li tirrigwarda l-atti ta’ Lulju 2016 u ta’ Jannar 2017.

29      Ir-rikorrent ma rreaġixxiex għal din l-ittra.

 L-atti ta’ Marzu 2018

30      Fil-21 ta’ Marzu 2018, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2018/475 li taġġorna l-lista ta’ persuni, gruppi u entitajiet soġġetti għall-Artikoli 2, 3 u 4 tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931/PESK u li tħassar id-Deċiżjoni (PESK) 2017/1426 (ĠU 2018, L 79, p. 26), u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/468 li jimplimenta l-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 2580/2001 u li jħassar lir-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2017/1420 (ĠU 2018, L 79, p. 7) (iktar ’il quddiem, meħuda flimkien, l-“atti ta’ Marzu 2018”).Isem ir-rikorrent kien inżamm fuq il-listi annessi ma’ dawn l-atti (iktar ’il quddiem, il-“listi kkontestati ta’ Marzu 2018”).

31      Permezz ta’ ittra tat-22 ta’ Marzu 2018, il-Kunsill ikkomunika lill-avukat tar-rikorrent l-espożizzjoni tal-motivi li tiġġustifika ż-żamma ta’ ismu fil-listi kkontestati ta’ Marzu 2018, filwaqt li indikalu l-possibbiltà li jitlob eżami mill-ġdid ta’ dawn il-listi fil-kuntest tal-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 2580/2001 u tal-Artikolu 1(6) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931.

32      Din l-espożizzjoni tal-motivi kienet identika għal dik li tirrigwarda l-atti ta’ Lulju 2016 kif ukoll tal- atti ta’ Jannar u ta’ Awwissu 2017.

33      Ir-rikorrent ma rreaġixxiex għal din l-ittra.

 L-atti ta’ Lulju 2018

34      Fit-30 ta’ Lulju 2018, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2018/1084, li taġġorna l-lista ta’ persuni, gruppi u entitajiet suġġetti għall-Artikoli 2, 3 u 4 tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931/PESK u li tħassar id-Deċiżjoni (PESK) 2018/475 (ĠU 2018, L 194, p. 144), u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/1071 li jimplimenta l-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 2580/2001 u li jħassar ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2018/468 (ĠU 2018 L 194, p. 23). Isem ir-rikorrent kien inżamm fuq il-listi annessi ma’ dawn l-atti (iktar ’il quddiem, il-“listi kkontestati ta’ Lulju 2018”).

35      Permezz ta’ ittra tal-31 ta’ Lulju 2018, il-Kunsill ikkomunika lill-avukat tar-rikorrent l-espożizzjoni tal-motivi li tiġġustifika ż-żamma ta’ ismu fil-listi kkontestati ta’ Lulju 2018, filwaqt li indikalu l-possibbiltà li jitlob eżami mill-ġdid ta’ dawn il-listi fil-kuntest tal-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 2580/2001 u tal-Artikolu 1(6) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931.

36      Din l-espożizzjoni tal-motivi kienet identika għal dik relattiva għall-atti ta’ Lulju 2016, tal-atti ta’ Jannar u ta’ Awwissu 2017 kif ukoll dik tal-atti ta’ Marzu 2018, bl-esklużjoni ta’ xi differenzi formali u ta’ referenza, fil-punt 16 tal-Anness B, għad-“dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva” u mhux iktar għad-“dritt għal protezzjoni ġudizzjarja”.

37      Ir-rikorrent ma rreaġixxiex għal din l-ittra.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

38      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-11 ta’ Settembru 2016, ir-rikorrent ippreżenta r-rikors preżenti, li fih talab l-annullament tal-atti ta’ Lulju 2016, sa fejn dawn jikkonċernawh.

39      Fit-18 ta’ Ottubru 2016, il-kawża ġiet assenjata lill-Ħames Awla tal-Qorti Ġenerali.

40      Fit-2 ta’ Diċembru 2016, il-President tal-Ħames Awla tal-Qorti Ġenerali ddeċieda, konformement mal-Artikolu 69(d) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, li jissospendi l-kawża sad-deċiżjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja li jagħlqu l-istanza fil-Kawżi C‑599/14 P, Il‑Kunsill vs LTTE, u C‑79/15 P, Il‑Kunsill vs Hamas.

41      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-21 ta’ Diċembru 2016, il-Kummissjoni Ewropea talbet li tintervjeni fil-kawża preżenti insostenn tat-talbiet tal-Kunsill.

42      Permezz ta’ att separat ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-27 ta’ Marzu 2017, fuq il-bażi tal-Artikolu 86 tar-Regoli tal-Proċedura, ir-rikorrent adatta r-rikors sabiex jinkludi l-atti ta’ Jannar 2017, sa fejn jikkonċernawh.

43      Permezz ta’ ittra tas-16 ta’ Awwissu 2017, il-partijiet ġew mistiedna jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom fuq il-konsegwenzi li għandhom jittieħdu mis-sentenzi tas-26 ta’ Lulju 2017, Il‑Kunsill vs LTTE (C‑599/14 P, EU:C:2017:583), u tas-26 ta’ Lulju 2017, Il‑Kunsill vs Hamas (C‑79/15 P, EU:C:2017:584), għall-kawża preżenti.

44      Fit-3 ta’ Settembru 2017, ir-rikorrent irrisponda għal din it-talba.

45      Fit-18 ta’ Settembru 2017, il-Kunsill ippreżenta r-risposta tiegħu, li kien fiha, barra minn hekk, ir-risposta għan-nota ta’ adattament tas-27 ta’ Marzu 2017 u l-osservazzjonijiet imsemmija fil-punt 43 iktar ’il fuq.

46      B’deċiżjoni tas-26 ta’ Settembru 2017, il-President tal-Ħames Awla tal-Qorti Ġenerali awtorizza l-intervent tal-Kummissjoni.

47      Permezz ta’ att separat ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-3 ta’ Ottubru 2017, ir-rikorrent, fuq il-bażi tal-Artikolu 86 tar-Regoli tal-Proċedura, adatta lir-rikors sabiex jittieħdu inkunsiderazzjoni l-atti ta’ Awwissu 2017.

48      Fit-12 ta’ Ottubru 2017, il-Kunsill, fuq stedina tal-Qorti Ġenerali, irrisponda għan-nota ta’ adattament tat-3 ta’ Ottubru 2017.

49      Fit-8 ta’ Novembru 2017, ir-rikorrent ippreżenta replika.

50      Fid-9 ta’ Novembru 2017, il-Kummissjoni ppreżentat nota ta’ intervent.

51      Fit-28 ta’ Novembru 2017, il-Kunsill ippreżenta, fuq stedina tal-Qorti Ġenerali, l-osservazzjonijiet tiegħu fuq in-nota ta’ intervent tal-Kummissjoni.

52      Fil-15 ta’ Jannar 2018, il-Kunsill ippreżenta kontroreplika.

53      Fit-13 ta’ April 2018, bl-applikazzjoni tal-Artikolu 27(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-President tal-Qorti Ġenerali assenja mill-ġdid il-kawża għal raġunijiet ta’ konnessjoni, lil Imħallef Relatur ieħor, assenjat lill-Ewwel Awla.

54      Permezz ta’ att separat ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-13 ta’ Mejju 2018, ir-rikorrent, fuq il-bażi tal-Artikolu 86 tar-Regoli tal-Proċedura, adatta r-rikors sabiex jittieħdu inkunsiderazzjoni l-atti ta’ Marzu 2018.

55      Permezz ta’ atti tal-4 u tad-19 ta’ Ġunju 2018, il-Kunsill u l-Kummissjoni, fuq stedina tal-Qorti Ġenerali, irrispondew għan-nota ta’ adattament tat-13 ta’ Mejju 2018.

56      Permezz ta’ att separat ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-14 ta’ Settembru 2018, ir-rikorrent, fuq il-bażi tal-Artikolu 86 tar-Regoli tal-Proċedura, adatta r-rikors sabiex jittieħdu inkunsiderazzjoni l-atti ta’ Lulju 2018.

57      Permezz ta’ atti tas-27 ta’ Settembru u tas-17 ta’ Ottubru 2018, il-Kunsill u l-Kummissjoni, fuq stedina tal-Qorti Ġenerali, irrispondew għan-nota ta’ adattament tal-14 ta’ Settembru 2018.

58      Fuq proposta tal-Imħallef Relatur, l-Ewwel Awla tal-Qorti Ġenerali ddeċidiet li tiftaħ il-fażi orali tal-proċedura.

59      It-trattazzjoni tal-partijiet u r-risposti tagħhom għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tas-6 ta’ Novembru 2018.

60      Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla l-atti ta’ Lulju 2016, ta’ Jannar u ta’ Awwissu 2017 kif ukoll ta’ Marzu u ta’ Lulju 2018, sa fejn jikkonċernawh (iktar ’il quddiem, meħuda flimkien, l-“atti kkontestati”);

–        tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż.

61      Il-Kunsill, sostnut mill-Kummissjoni, jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors bħala infondat;

–        tikkundanna lir-rikorrent għall-ispejjeż.

 Id-dritt

62      Ir-rikorrent jinvoka tmien motivi, ibbażati rispettivament:

–        fuq ksur tal-Artikolu 1(5) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931;

–        fuq ksur tal-Artikolu 1(4) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931;

–        fuq żbalji dwar il-materjalità tal-fatti;

–        fuq żball ta’ evalwazzjoni fir-rigward tan-natura tiegħu bħala “grupp terroristiku”;

–        fuq ksur tal-Artikolu 1(6) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931;

–        fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni;

–        fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża u tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva;

–        fuq nuqqas ta’ awtentikazzjoni tal-espożizzjonijiet tal-motivi.

63      Il-Qorti Ġenerali tqis opportun li teżamina l-ewwel, it-tieni, it-tielet u s-sitt motivi, sa fejn, f’dan tal-aħħar, ir-rikorrent jallega li l-Kunsill ma indikax, fl-atti kkontestati, il-provi jew l-indizji serji fis-sens tal-Artikolu 1(4) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931, kif ukoll it-tmien motiv.

64      Is-sitt motiv ser jiġi eżaminat wara t-tieni motiv.

 Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 1(5) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931

65      Ir-rikorrent iqis li l-Kunsill kiser l-Artikolu 1(5) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931 peress li ma indikax, f’ismu hekk kif jidher fil-listi kkontestati ta’ Lulju 2016, ta’ Jannar u ta’ Awwissu 2017, kif ukoll ta’ Marzu u ta’ Lulju 2018 (iktar ’il quddiem, il-“listi kkontestati”), il-post fejn huwa stabbilit, jiġifieri l-Eġittu. Huwa josserva, f’dan ir-rigward, li, matul iż-żmien, ismu nbidel fl-atti tal-Kunsill u li kienu jeżistu diversi gruppi li isimhom huma simili għal tiegħu. Dawn l-ismijiet huma differenti permezz ta’ xi ittri biss u jfissru, f’kull każ, “grupp Islamiku”. Huwa jallega li, minħabba din in-nuqqas ta’ preċiżjoni, huwa kien jinsab f’sitwazzjoni ta’ inċertezza fir-rigward tal-kwistjoni jekk huwa kienx inkluż fil-listi kkontestati.

66      Il-Kunsill, sostnut mill-Kummissjoni, jikkontesta l-fondatezza ta’ dan il-motiv.

67      Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li s-suġġett tar-rikors huwa limitat għall-atti kkontestati, fis-sens li dan il-motiv jista’ biss jiġi eżaminat sa fejn jirreferi għalihom.

68      F’dan is-sens, għandu jiġi nnotat li l-Artikolu 1(5) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931 jipprevedi kif ġej:

“Il-Kunsill għandu jaħdem biex jassigura li l-ismijiet ta’ persuni normali u legali, gruppi jew entitatjiet illistjati fl-Anness, għandhom biżżejjed dettalji personali annessi biex jippermettu identifikazzjoni effettiva ta’ nies umani speċifiċi, persuni legali, entitajiet u biex b’hekk jevitaw li jiġu identifikati bi żball dawk li għandhom l-istess isem jew isem simili.”

69      F’dan il-każ, fl-atti kkontestati kollha, il-Kunsill semma lir-rikorrent kif ġej: “Gama’a al-Islamiyya” (magħruf ukoll taħt l-isem “Al Gama’a al-Islamiyya”) (“grupp Islamiku”—“GI”)”.

70      Kif jenfasizza r-rikorrent, dan l-isem ma fihx indikazzjoni tal-post tal-istabbiliment ta’ din l-organizzazzjoni.

71      Madankollu, l-indikazzjoni ta’ din l-informazzjoni ma hijiex meħtieġa mid-dispożizzjoni ċċitata fil-punt 68 iktar ’il fuq, fejn il-ħtieġa hija biss dik li l-isem li jintuża mill-Kunsill ikun suffiċjentement preċiż sabiex tiġi evitata konfużjoni ma’ organizzazzjonijiet li għandhom ismijiet identiċi jew simili.

72      Fil-kawża preżenti, l-isem tar-rikorrent imsemmi fl-atti kkontestati u rrepetut fil-punt 69 iktar ’il fuq huwa suffiċjentement speċifiku, peress li huwa differenti, parzjalment jew kompletament, mill-isem tal-gruppi u l-entitajiet li isimhom seta’, fl-opinjoni tiegħu, jiġu konfużi ma’ tiegħu, jiġifieri “Al-Jamâ’h al-Islâmiyah”, “Jemaah Islamiyah”, “Al-Jama’ah Al-Islamiyah”, “Jamaat al-Islamiya” u “Jamaa Islamiya”.

73      Anki jekk jitqies li jeżisti riskju ta’ konfużjoni, kif osserva l-Kunsill, tali riskju ma setax jippreġudika lir-rikorrent, peress li dan seta’ jsir jaf bl-atti kkontestati bl-għarfien li dawn kienu jikkonċernawh, kif juru l-ittri tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2016, tat-30 ta’ Jannar u tas-7 ta’ Awwissu 2017 kif ukoll tat-22 ta’ Marzu u tal-31 ta’ Lulju 2018 (ara l-punti 12, 23, 27, 31 u 35 iktar ’il fuq) u l-atti proċedurali li permezz tagħhom huwa talab l-annullament tagħhom.

74      F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li l-ewwel motiv jiġi miċħud bħala infondat.

 Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 1(4) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931

75      Ir-rikorrent jilmenta li l-Kunsill kiser l-Artikolu 1(4) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931 billi kklassifika lid-deċiżjoni tal-Home Secretary u lid-deċiżjonijiet Amerikani tal-1995, tal-1997 u tal-2001 (iktar ’il quddiem, ikkunsidrati flimkien, id-“deċiżjonijiet Amerikani”) bħala deċiżjonijiet meħuda minn awtoritajiet kompetenti fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

76      Iż-żamma tal-isem ta’ persuna jew ta’ entità fil-lista ta’ ffriżar ta’ fondi tikkostitwixxi, essenzjalment, l-estensjoni tal-inklużjoni inizjali u tippreżumi, għaldaqstant, il-persistenza tar-riskju ta’ involviment tal-persuna jew tal-entità kkonċernata f’attivitajiet terroristiċi, kif ġie kkonstatat inizjalment mill-Kunsill, abbażi tad-deċiżjoni nazzjonali li serviet bħala bażi għal din l-inklużjoni inizjali (sentenzi tas-26 ta’ Lulju 2017, Il‑Kunsill vs LTTE, C‑599/14 P, EU:C:2017:583, punt 61, u tas-26 ta’ Lulju 2017, Il‑Kunsill vs Hamas, C‑79/15 P, EU:C:2017:584, punt 39).

77      Għaldaqstant, dan il-motiv huwa effettiv.

78      Għandhom jiġu eżaminati l-kritiki speċifiċi kontra d-deċiżjonijiet mill-awtoritajiet tal-Istati Uniti qabel dawk li huma komuni għall-awtoritajiet Amerikani u tar-Renju Unit.

 Fuq il-kritiki speċifiċi kontra d-deċiżjonijiet tal-awtoritajiet Amerikani

79      L-ewwel nett, ir-rikorrent iqis li l-Kunsill ma setax jibbaża l-atti kkontestati fuq id-deċiżjonijiet tal-awtoritajiet Amerikani peress li l-Istati Uniti jikkostitwixxu Stat terz u li, bħala prinċipju, l-awtoritajiet ta’ dawn l-Istati ma humiex “awtoritajiet kompetenti” fis-sens tal-Artikolu 1(4) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931.

80      Dwar dan il-punt, ir-rikorrent isostni, li s-sistema stabbilita mill-Artikolu 1(4) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931 hija bbażata fuq il-fiduċja mogħtija lill-awtoritajiet nazzjonali, liema fiduċja hija bbażata fuq il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali bejn il-Kunsill u l-Istati Membri tal-Unjoni, u hija bbażata fuq valuri komuni, elenkati fit-Trattati, kif ukoll fuq l-issuġġettar għal standards komuni, fosthom il-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950 u l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. L-awtoritajiet ta’ Stati terzi ma jistgħux igawdu minn din il-fiduċja.

81      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, il-kunċett ta’ “awtorità kompetenti” użat fl-Artikolu 1(4) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931 ma huwiex limitat biss għall-awtoritajiet tal-Istati Membri, iżda jista’, bħala prinċipju, jinkludi wkoll awtoritajiet ta’ Stati terzi (sentenza tas-26 ta’ Lulju 2017, Il‑Kunsill vs LTTE, C‑599/14 P, EU:C:2017:583, punt 22).

82      L-interpretazzjoni adottata mill-Qorti tal-Ġustizzja hija ġġustifikata, minn naħa, mill-kliem tal-Artikolu 1(4) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931, li ma jillimitax il-kunċett ta’ “awtoritajiet kompetenti” għall-awtoritajiet tal-Istati Membri, u, min-naħa l-oħra, mill-għan ta’ din il-pożizzjoni komuni, li ġiet adottata sabiex timplimenta r-Riżoluzzjoni 1373 (2001) tal-Kunsill ta’ Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti, li hija intiża sabiex tintensifika l-ġlieda kontra t-terroriżmu fil-livell dinji, permezz tal-kooperazzjoni sistematika u mill-qrib tal-Istati kollha (sentenza tas-26 ta’ Lulju 2017, Il‑Kunsill vs LTTE, C‑599/14 P, EU:C:2017:583, punt 23).

83      Sussidjarjament, fil-każ li jiġi aċċettat li l-awtorità ta’ Stat terz tista’ tikkostitwixxi awtorità kompetenti fis-sens tal-Artikolu 1(4) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931, ir-rikorrent josserva li l-validità tal-atti adottati mill-Kunsill tiddependi wkoll mill-verifiki li għandhom isiru minnu sabiex jiżgura ruħu, b’mod partikolari, mill-kompatibbiltà tal-leġiżlazzjoni Amerikana mal-prinċipju tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża u tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva.

84      Issa, fil-kawża preżenti, il-Kunsill, fil-motivazzjoni tal-atti kkontestati, illimita ruħu, essenzjalment, li sempliċement jiddeskrivi proċeduri ta’ eżami mill-ġdid u li josserva li kienu jeżistu possibbiltajiet ta’ rimedji legali, mingħajr ma vverifika jekk id-drittijiet tad-difiża u d-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva kinux iggarantiti.

85      F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, meta l-Kunsill jibbaża ruħu fuq deċiżjoni ta’ Stat terz, huwa għandu jivverifika, minn qabel, jekk din id-deċiżjoni tkunx ġiet adottata b’osservanza tad-drittijiet tad-difiża u tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-26 ta’ Lulju 2017, Il‑Kunsill vs LTTE, C‑599/14 P, EU:C:2017:583, punt 31).

86      Fl-espożizzjonijiet tal-motivi li jirrigwardaw l-atti tiegħu stess, il-Kunsill għandu jipprovdi l-indikazzjonijiet li jippermettu li jitqies li huwa wettaq din il-verifika (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-26 ta’ Lulju 2017, Il‑Kunsill vs LTTE, C‑599/14 P, EU:C:2017:583, punt 31).

87      Għal dan il-għan, il-Kunsill għandu jagħmel riferiment, f’dawn l-espożizzjonijiet tal-motivi, għar-raġunijiet li wassluh biex iqis li d-deċiżjoni tal-Istat terz li huwa qiegħed jibbaża ruħu fuqha ġiet adottata b’rispett tal-prinċipju tad-drittijiet tad-difiża u tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva (sentenza tas-26 ta’ Lulju 2017, Il‑Kunsill vs LTTE, C‑599/14 P, EU:C:2017:583, punt 33).

88      Skont il-ġurisprudenza, ir-referenzi li għandhom jidhru fl-espożizzjonijiet tal-motivi fir-rigward ta’ din l-evalwazzjoni jistgħu jkunu, jekk ikun il-każ, qosra (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-26 ta’ Lulju 2017, Il‑Kunsill vs LTTE, C‑599/14 P, EU:C:2017:583, punt 33).

89      Huwa fid-dawl tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 85 sa 88 iktar ’il fuq li għandhom jiġu eżaminati l-argumenti mqajma mir-rikorrent f’dak li jirrigwarda, minn naħa, id-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva u, min-naħa l-oħra, il-prinċipju tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża.

90      Il-Qorti Ġenerali tqis li huwa opportun li tibda mill-eżami ta’ din it-tieni kwistjoni.

91      F’dan ir-rigward, ir-rikorrent tosserva li, fl-espożizzjoni tal-motivi dwar l-atti kkontestati, il-Kunsill ma pprovdiex indikazzjonijiet dwar ir-raġunijiet li wassluh biex iqis, wara verifika, li, fl-Istati Uniti, ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża kien iggarantit fil-kuntest ta’ proċeduri amministrattivi dwar il-klassifikazzjoni ta’ organizzazzjonijiet bħala terroristi.

92      Barra minn hekk, il-leġiżlazzjoni Amerikana la teżiġi li jkunu nnotifikati u lanqas immotivati d-deċiżjonijiet adottati minn awtoritajiet f’dan il-qasam. Skont ir-rikorrent, għalkemm l-Artikolu 219 tal-liġi tal-Istati Uniti fuq l-immigrazzjoni u ċ-ċittadinanza, li huwa l-bażi tad-deċiżjoni Amerikana tal-1997, fih l-obbligu ta’ pubblikazzjoni tad-deċiżjoni ta’ klassifikazzjoni fir-Reġistru Federali, dan ma japplikax ukoll għad-Digriet Presidenzjali Nru 13224, li d-Deċiżjoni Amerikana tal‑2001 hija bbażata fuqu, u ma jipprevedi ebda miżura ta’ dan it-tip.

93      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza, il-prinċipju tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża jeżiġi li d-destinatarji tad-deċiżjonijiet li jaffettwaw sostanzjalment l-interessi tagħhom ikunu f’pożizzjoni li jesprimu l-fehma tagħhom fir-rigward tal-elementi li huma allegati fil-konfront tagħhom, liema elementi huma l-bażi tad-deċiżjoni inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-26 ta’ Settembru 2013, Texdata Software, C‑418/11, EU:C:2013:588, punt 83 u l-ġurisprudenza ċċitata).

94      Fil-każ ta’ miżuri intiżi sabiex jiġu inklużi l-ismijiet ta’ persuni jew ta’ entitajiet fil-lista ta’ ffriżar ta’ fondi, dan il-prinċipju jimplika li l-motivi għal dawn il-miżuri jiġu kkomunikati lil dawk il-persuni jew l-entitajiet flimkien, jew immedjatament wara l-adozzjoni tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2011, Franza vs People’s Mojahedin Organization of Iran, C‑27/09 P, EU:C:2011:853, punt 61).

95      Fil-punt 16 tal-Anness B tal-espożizzjoni tal-motivi dwar l-atti kkontestati, il-Kunsill afferma kif ġej:

“Fir-rigward tal-proċeduri ta’ rieżami msemmija u tad-deskrizzjoni li ngħatat tar-rimedji legali disponibbli, il-Kunsill iqis li l-leġiżlazzjoni rilevanti tal-Istati Uniti tiżgura l-protezzjoni tad-dritt għal difiża […]”

96      L-informazzjoni pprovduta mill-Kunsill fl-espożizzjoni tal-motivi dwar l-atti kkontestati tvarja sussegwentement skont id-deċiżjonijiet Amerikani eżaminati.

97      Minn naħa, fir-rigward tad-Digrieti Presidenzjali Nri 12947 u 13224, li d-deċiżjonijiet Amerikani tal-1995 u tal-2001 huma bbażati fuqhom, id-deskrizzjoni ġenerali pprovduta mill-Kunsill ma ssemmi ebda obbligu għall-awtoritajiet Amerikani li jikkomunikaw motivazzjoni lill-persuni interessati jew anki li jippubblikaw dawn id-deċiżjonijiet.

98      Minn dan isegwi li r-rispett tad-drittijiet tad-difiża ma huwiex żgurat għal dawn iż-żewġ deċiżjonijiet u li, konsegwentement, skont il-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 85 sa 88 iktar ’il fuq, l-atti kkontestati ma jistgħux ikunu bbażati fuqhom.

99      Min-naħa l-oħra, fir-rigward tad-Deċiżjoni Amerikana tal-1997, huwa minnu li mill-punti 10 u 11 tal-Anness B tal-atti kkontestati jirriżulta li, bl-applikazzjoni tal-liġi tal-Istati Uniti fuq l-immigrazzjoni u ċ-ċittadinanza, l-ismijiet ta’ organizzazzjonijiet terroristiċi barranin jew id-deċiżjonijiet sussegwenti għal talba għar-revoka ta’ dawn l-ismijiet għandhom ikunu s-suġġett ta’ pubblikazzjoni fir-Reġistru Federali. Madankollu, il-Kunsill ma jipprovdi l-ebda indikazzjoni fuq il-kwistjoni dwar jekk, f’dan il-każ, il-pubblikazzjoni tad-Deċiżjoni Amerikana tal-1997 kinitx tinkludi xi tip ta’ motivazzjoni. Barra minn hekk, mill-espożizzjoni tal-motivi dwar l-atti kkontestati lanqas ma jirriżulta li, minbarra d-dispożittiv tal-imsemmija deċiżjoni, kienet ingħatat xi tip ta’ motivazzjoni lir-rikorrent.

100    F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi eżaminat jekk l-indikazzjoni li deċiżjoni hija ppubblikata f’ġurnal uffiċjali tal-Istat terz hijiex biżżejjed sabiex jitqies li l-Kunsill, konformement mal-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 85 sa 88 iktar ’il fuq, issodisfa l-obbligu tiegħu li jivverifika jekk, fl-Istati terzi minn fejn ħarġu d-deċiżjonijiet li l-atti kkontestati huma bbażati fuqhom, ġew irrispettati d-drittijiet tad-difiża.

101    Għal dan il-għan, għandu jsir riferiment għall-kawża li tat lok għas-sentenzi tas-26 ta’ Lulju 2017, Il‑Kunsill vs LTTE (C‑599/14 P, EU:C:2017:583), u tas-16 ta’ Ottubru 2014, LTTE vs Il‑Kunsill (T‑208/11 u T‑508/11, EU:T:2014:885). F’din il-kawża, il-Kunsill kien indika, fl-espożizzjoni tal-motivi ta’ wieħed mill-atti msemmija, li d-deċiżjonijiet tal-awtoritajiet tal-Istat terz ikkonċernat kienu s-suġġett ta’ pubblikazzjoni fil-ġurnal uffiċjali ta’ dan l-Istat, mingħajr ma pprovda iktar informazzjoni (sentenza tas-16 ta’ Ottubru 2014, LTTE vs Il‑Kunsill, T‑208/11 u T‑508/11, EU:T:2014:885, punt 145).

102    Fis-sentenza tas-26 ta’ Lulju 2017, Il‑Kunsill vs LTTE (C‑599/14 P, EU:C:2017:583, punti 36 u 37), il-Qorti tal-Ġustizzja, li qieset ir-referenzi kollha dwar id-deċiżjonijiet tal-awtoritajiet tal-Istat terz fit-totalità tagħhom, li jidhru fl-espożizzjoni tal-motivi tar-Regolament tal-Kunsill, iddeċidiet li dawn ma kinux biżżejjed sabiex ikun jista’ jiġi kkonstatat li din l-istituzzjoni kienet wettqet il-verifika meħtieġa f’dak li kien jirrigwarda l-osservanza, f’dan l-Istat terz, tal-prinċipju tad-drittijiet tad-difiża.

103    Għandha tinżamm l-istess konklużjoni, għall-istess motivi, fil-kawża preżenti, f’dak li jirrigwarda r-referenza, li tinsab fl-espożizzjoni tal-motivi dwar l-atti kkontestati, li tgħid li d-Deċiżjoni Amerikana tal-1997 kienet is-suġġett, fl-Istati Uniti, ta’ pubblikazzjoni fir-Reġistru Federali.

104    Għal dawn ir-raġunijiet, u anki mingħajr il-ħtieġa li tiġi eżaminata l-kwistjoni tar-rispett tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, għandu jitqies li, f’dan il-każ, il-motivazzjoni dwar id-deċiżjonijiet Amerikani hija insuffiċjenti, b’mod li l-atti kkontestati ma jistgħux ikunu bbażati fuqhom.

105    L-Artikolu 1(4) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931 ma jeħtieġx li l-atti tal-Kunsill ikunu bbażati fuq diversi deċiżjonijiet ta’ awtoritajiet kompetenti, peress li l-atti kkontestati setgħu, f’dak li jirrigwarda l-inklużjoni tal-isem tar-rikorrent fil-listi kkontestati, jagħmlu riferiment, madankollu, għall-unika deċiżjoni tal-Home Secretary, b’mod li jkollu jsir l-eżami tar-rikors, billi dan jiġi limitat għall-atti kkontestati, sa fejn dawn huma bbażati, inizjalment, fuq din l-aħħar deċiżjoni.

 Fuq il-kritiki komuni għad-deċiżjonijiet tal-awtoritajiet tar-Renju Unit u għad-deċiżjonijiet tal-awtoritajiet Amerikani

106    Ir-rikorrent josserva li, għal tliet raġunijiet, id-deċiżjonijiet tal-awtoritajiet Amerikani u tar-Renju Unit, li l-atti kkontestati huma bbażati fuqhom, ma jikkostitwixxux “deċiżjonijiet ta’ awtoritajiet kompetenti” fis-sens tal-Artikolu 1(4) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931.

107    Dawn ir-raġunijiet ser jiġu eżaminati iktar ’il quddiem sa fejn dawn jikkonċernaw lid-deċiżjoni adottata mill-Home Secretary, konformement mal-punt 105 iktar ’il fuq.

–       Dwar il-preferenza li għandha tingħata lill-awtoritajiet ġudizzjarji

108    Ir-rikorrent isostni li, skont l-Artikolu 1(4) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931, il-Kunsill jista’ jibbaża ruħu fuq deċiżjonijiet amministrattivi biss jekk l-awtoritajiet ġudizzjarji ma għandhom l-ebda ġurisdizzjoni fil-qasam tal-ġlieda kontra t-terroriżmu. Issa, dan ma huwiex il-każ f’din il-kawża, peress li, fir-Renju Unit, l-awtoritajiet ġudizzjarji għandhom ġurisdizzjoni f’dan il-qasam. Għaldaqstant, id-deċiżjoni tal-Home Secretary ma setgħetx tittieħed inkunsiderazzjoni mill-Kunsill fl-atti kkontestati.

109    Il-Kunsill, sostnut mill-Kummissjoni, jikkontesta l-fondatezza ta’ dan l-argument.

110    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, skont il-ġurisprudenza, in-natura amministrattiva u mhux ġudizzjarja ta’ deċiżjoni ma hijiex determinanti għall-applikazzjoni tal-Artikolu 1(4) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931, sa fejn il-kliem stess ta’ din id-dispożizzjoni jipprevedi espliċitament li awtorità mhux ġudizzjarja tista’ tiġi kklassifikata bħala awtorità kompetenti fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni (sentenzi tat-23 ta’ Ottubru 2008, People’s Mojahedin Organization of Iran vs Il‑Kunsill, T‑256/07, EU:T:2008:461, punti 144 u 145, u tas-16 ta’ Ottubru 2014, LTTE vs Il‑Kunsill, T‑208/11 u T‑508/11, EU:T:2014:885, punt 105).

111    Anki jekk it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 1(4) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931 jinkludi preferenza għad-deċiżjonijiet minn awtoritajiet ġudizzjarji, dan bl-ebda mod ma jeskludi t-teħid inkunsiderazzjoni ta’ deċiżjonijiet minn awtoritajiet amministrattivi meta, minn naħa, dawn l-awtoritajiet ikunu effettivament mogħnija, fid-dritt nazzjonali, bil-kompetenza li jadottaw deċiżjonijiet restrittivi kontra gruppi involuti fit-terroriżmu u, min-naħa l-oħra, meta dawn l-awtoritajiet, għalkemm biss amministrattivi, jistgħu jitqiesu bħala “ekwivalenti” għall-awtoritajiet ġudizzjarji (sentenza tas-16 ta’ Ottubru 2014, LTTE vs Il‑Kunsill, T‑208/11 u T‑508/11, EU:T:2014:885, punt 107).

112    Skont il-ġurisprudenza, awtoritajiet amministrattivi għandhom jitqiesu bħala ekwivalenti għal awtoritajiet ġudizzjarji meta d-deċiżjonijiet tagħhom ikunu jistgħu jiġu kkontestati quddiem qorti (sentenza tat-23 ta’ Ottubru 2008, People’s Mojahedin Organization of Iran vs Il‑Kunsill, T‑256/07, EU:T:2008:461, punt 145).

113    Bħala konsegwenza, il-fatt li l-qrati tal-Istat ikkonċernat għandhom xi kompetenzi fil-qasam tar-repressjoni tat-terroriżmu ma jostakolax lill-Kunsill milli jieħu inkunsiderazzjoni deċiżjonijiet mogħtija mill-awtorità amministrattiva nazzjonali inkarigata mill-adozzjoni ta’ miżuri restrittivi fil-qasam tat-terroriżmu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Ottubru 2014, LTTE vs Il‑Kunsill, T‑208/11 u T‑508/11, EU:T:2014:885, punt 108).

114    F’dan il-każ, mill-informazzjoni pprovduta mill-Kunsill jirriżulta li d-deċiżjonijiet tal-Home Secretary jistgħu jkunu s-suġġett ta’ rikors quddiem il-Proscribed Organisations Appeal Commission (il-kummissjoni tal-appell dwar l-organizzazzjonijiet ipprojbiti, ir-Renju Unit), li tiddeċiedi billi tapplika l-prinċipji li jirregolaw lill-istħarriġ ġudizzjarju, u li kull parti tista’ tappella mid-deċiżjoni tal-kummissjoni tal-appell dwar l-organizzazzjonijiet ipprojbiti fuq punt ta’ liġi quddiem qorti ta’ appell jekk din tikseb l-awtorizzazzjoni minn din il-kummissjoni, jew, fin-nuqqas ta’ dan, mill-qorti tal-appell (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-12 ta’ Diċembru 2006, Organisation des Modjahedines du peuple d’Iran vs Il‑Kunsill, T‑228/02, EU:T:2006:384, punt 2).

115    F’dawn iċ-ċirkustanzi, jidher li d-deċiżjonijiet tal-Home Secretary jistgħu jkunu s-suġġett ta’ azzjoni ġudizzjarja fis-sens li, b’applikazzjoni tal-ġurisprudenza esposta fil-punti 111 u 112 iktar ’il fuq, din l-awtorità amministrattiva għandha titqies bħala l-ekwivalent ta’ awtorità ġudizzjarja u, għaldaqstant, bħala awtorità kompetenti, hekk kif isostni l-Kunsill, fis-sens tal-Artikolu 1(4) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931 b’konformità mal-ġurisprudenza li diġà ddeċidiet diversi drabi f’dan is-sens (sentenzi tat-23 ta’ Ottubru 2008, People’s Mojahedin Organization of Iran vs Il-Kunsill, T‑256/07, EU:T:2008:461, punt 144, u tas-16 ta’ Ottubru 2014, LTTE vs Il‑Kunsill, T‑208/11 u T‑508/11, EU:T:2014:885, punti 120 sa 123).

116    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-atti kkontestati ma jistgħux jiġu annullati għar-raġuni li, fl-espożizzjoni tal-motivi tagħhom, il-Kunsill għamel riferiment għal deċiżjoni tal-Home Secretary, li tikkostitwixxi awtorità amministrattiva.

–       Fuq il-fatt li d-deċiżjoni tal-Home Secretary tikkonsisti fl-elenkar ta’ organizzazzjonijiet terroristiċi

117    Ir-rikorrent jargumenta li l-azzjoni tal-awtoritajiet kompetenti kkonċernati mill-atti kkontestati, fosthom il-Home Secretary, tikkonsisti, fil-prattika, f’li jfasslu listi ta’ organizzazzjonijiet terroristiċi sabiex jimponu sistema restrittiva fuqhom. Din l-attività ta’ elenkar ma tikkostitwixxix kompetenza repressiva li tista’ tiġi pparagunata ma’ “bidu għall-investigazzjonijiet jew il-prosekuzzjoni” jew anki “kundanna”, sabiex jiġu ċċitati s-setgħat li, skont il-kliem tal-Artikolu 1(4) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931, għandha tgawdi minnhom l-“awtorità kompetenti”.

118    Il-Kunsill, sostnut mill-Kummissjoni, jikkontesta l-fondatezza ta’ dan l-argument.

119    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, skont il-ġurisprudenza, il-Pożizzjoni Komuni 2001/931 ma teħtieġx li d-deċiżjoni tal-awtorità kompetenti taqa’ fil-kuntest ta’ proċedura kriminali stricto sensu, sakemm, fid-dawl tal-għanijiet imfittxija mill-Pożizzjoni Komuni 2001/931 fil-kuntest tal-implimentazzjoni tar-Riżoluzzjoni 1373 (2001) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti, il-proċedura nazzjonali inkwistjoni jkollha bħala għan il-ġlieda kontra t-terroriżmu fis-sens wiesa’ (sentenza tas-16 ta’ Ottubru 2014, LTTE vs Il‑Kunsill, T‑208/11 u T‑508/11, EU:T:2014:885, punt 113).

120    F’dan is-sens, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li l-protezzjoni tal-persuni kkonċernati ma titpoġġix indiskussjoni jekk id-deċiżjoni meħuda mill-awtorità nazzjonali taqa’ mhux fil-kuntest ta’ proċeduri intiżi li jiġu imposti sanzjonijiet kriminali, iżda f’dak ta’ proċeduri li għandhom bħala għan miżuri ta’ tip preventiv (sentenza tal-15 ta’ Novembru 2012, Al-Aqsa vs Il‑Kunsill u Il‑Pajjiżi l-Baxxi vs Al-Aqsa, C‑539/10 P u C‑550/10 P, EU:C:2012:711, punt 70).

121    Fil-kawża preżenti, id-deċiżjoni tal-Home Secretary tistabbilixxi miżuri ta’ projbizzjoni kontra organizzazzjonijiet meqjusa bħala terroristiċi, u għaldaqstant, titqies, kif tirrikjedi l-ġurisprudenza, bħala proċedura nazzjonali intiża, prinċipalment, għall-impożizzjoni ta’ miżuri ta’ tip preventiv jew repressiv kontra r-rikorrent, bħala parti mill-ġlieda kontra t-terroriżmu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Ottubru 2014, LTTE vs Il‑Kunsill, T‑208/11 u T‑508/11, EU:T:2014:885, punt 115).

122    Fir-rigward tal-fatt li l-attività tal-awtorità inkwistjoni twassal għall-istabbiliment ta’ lista ta’ persuni jew ta’ entitajiet involuti fit-terroriżmu, għandu jiġi enfasizzat li dan ma jimplikax, bħala tali, li din l-awtorità ma wettqitx evalwazzjoni individwali fir-rigward ta’ kull wieħed minn dawn il-persuni jew entitajiet qabel l-inklużjoni tagħhom f’dawn il-listi, u lanqas li din l-evalwazzjoni għandha neċessarjament tkun arbitrarja jew infondata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Ottubru 2014, LTTE vs Il‑Kunsill, T‑208/11 u T‑508/11, EU:T:2014:885, punt 118).

123    Għalhekk, ma huwiex il-fatt li l-attività tal-awtorità inkwistjoni tirriżulta f’lista ta’ persuni jew entitajiet involuti fit-terroriżmu li huwa inkwistjoni, iżda l-kwistjoni sabiex isir magħruf jekk din l-attività tiġix eżerċitata b’garanziji suffiċjenti sabiex jippermettu lill-Kunsill li jibbaża ruħu fuqha sabiex jibbaża d-deċiżjoni tiegħu ta’ inklużjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Ottubru 2014, LTTE vs Il‑Kunsill, T‑208/11 u T-508/11, EU:T:2014:885, punt 118).

124    Konsegwentement, ir-rikorrent huwa żbaljat meta jargumenta li jekk is-setgħa ta’ elenkar titqies li tista’ tikkaratterizza lil awtorità kompetenti dan ikun jikkontradixxi, bħala prinċipju, lill-Pożizzjoni Komuni 2001/931.

125    Din il-pożizzjoni ma hijiex imminata mill-argumenti l-oħra invokati mir-rikorrent.

126    Fl-ewwel lok, ir-rikorrent isostni li, skont l-Artikolu 1(4) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931, huma biss il-listi mfassla mill-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti li jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni mill-Kunsill.

127    Dan l-argument ma jistax jiġi aċċettat, peress li l-għan tal-aħħar sentenza tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 1(4) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931 huwa biss li l-Kunsill jingħata possibbiltà ta’ elenkar addizzjonali, flimkien mal-elenkar li huwa jista’ jagħmel abbażi ta’ deċiżjonijiet ta’ awtoritajiet nazzjonali kompetenti.

128    Fit-tieni lok, ir-rikorrent jenfasizza li, sa fejn din tinkludi listi proposti mill-awtoritajiet kompetenti, il-lista tal-Unjoni hija lista ta’ listi, u b’dan il-mod testendi l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ miżuri amministrattivi nazzjonali adottati, skont il-każ, minn awtoritajiet ta’ Stati terzi, mingħajr ma l-persuni kkonċernati jkunu informati u mingħajr ma jkunu f’pożizzjoni li jiddefendu ruħhom b’mod effettiv.

129    F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li, kif jindika r-rikorrent, il-Kunsill, meta jidentifika l-persuni jew l-entitajiet li għandhom jiġu ssuġġettati għall-miżuri ta’ ffriżar ta’ fondi, jibbaża ruħu fuq konstatazzjonijiet imwettqa minn awtoritajiet kompetenti.

130    Fil-kuntest tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931, ġiet stabbilita forma ta’ kooperazzjoni partikolari bejn l-awtoritajiet tal-Istati Membri u l-istituzzjonijiet Ewropej li toħloq, għall-Kunsill, l-obbligu li sa fejn possibbli jirreferi għall-evalwazzjoni tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-23 ta’ Ottubru 2008, People’s Mojahedin Organization of Iran vs Il‑Kunsill, T‑256/07, EU:T:2008:461, punt 133, u tal-4 ta’ Diċembru 2008, People’s Mojahedin Organization of Iran vs Il‑Kunsill, T‑284/08, EU:T:2008:550, punt 53).

131    Bħala prinċipju, ma huwiex il-Kunsill li għandu jiddeċiedi dwar l-osservanza tad-drittijiet fundamentali tal-parti kkonċernata mill-awtoritajiet tal-Istati Membri, peress li din is-setgħa hija tal-qrati nazzjonali li għandhom ġurisdizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-11 ta’ Lulju 2007, Sison vs Il‑Kunsill, T‑47/03, mhux ippubblikata, EU:T:2007:207, punt 168).

132    Huwa biss b’mod eċċezzjonali, meta r-rikorrent jikkontesta, abbażi ta’ elementi konkreti, li awtoritajiet tal-Istati Membri osservaw id-drittijiet fundamentali, li l-Qorti Ġenerali għandha tivverifika li dawn effettivament ġew osservati [ara, b’analoġija, is-sentenza tal-25 ta’ Lulju 2018, Minister for Justice and Equality (Nuqqasijiet tas-sistema ġudizzjarja), C‑216/18 PPU, EU:C:2018:586, punt 36].

133    Min-naħa l-oħra, meta jkunu involuti awtoritajiet ta’ Stati terzi, il-Kunsill huwa obbligat, hekk kif ġie rrilevat fil-punti 85 u 86 iktar ’il fuq, li jiżgura ruħu uffiċjalment li dawn il-garanziji ġew effettivament implimentati u li jimmotiva d-deċiżjoni tiegħu dwar dan il-punt.

–       Fuq in-nuqqas ta’ provi jew ta’ indizji serji u kredibbli li huma l-bażi tad-deċiżjoni tal-Home Secretary

134    Ir-rikorrent iqis essenzjalment li, peress li huwa bbaża ruħu fuq deċiżjoni amministrattiva u mhux fuq deċiżjoni ġudizzjarja, il-Kunsill kellu jistabbilixxi li din id-deċiżjoni kienet “ibbażata fuq provi jew indizji serji u kredibbli”, kif jeżiġi l-Artikolu 1(4) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931.

135    Peress li ma jikkonċernax il-klassifikazzjoni ta’ “deċiżjoni meħuda mill-awtoritajiet kompetenti” fis-sens tal-Artikolu 1(4) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931, li hija s-suġġett tal-motiv preżenti, dan l-argument ser ikun eżaminat fil-kuntest tat-tieni u tas-sitt motivi sa fejn dawn jikkonċernaw il-provi jew l-indizji serji u kredibbli fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

136    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, u bla ħsara għall-eżami tal-argument imsemmi fil-punt 134 iktar ’il fuq, it-tieni motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat.

 Fuq it-tieni u s-sitt motivi, sa fejn jikkonċernaw il-provi jew l-indizji serji u kredibbli fis-sens tal-Artikolu 1(4) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931

137    Fil-kuntest tat-tieni u tas-sitt motivi, ir-rikorrent isostni li l-Kunsill kellu, fl-espożizzjonijiet tal-motivi dwar l-atti kkontestati, jindika “l-provi u l-indizji serji u kredibbli” li d-deċiżjonijiet tal-awtoritajiet kompetenti kienu bbażati fuqhom. Ċertament, hemm fatti msemmija. Iżda dawn jissemmew f’termini vagi u astratti.

138    Barra minn hekk, kif jirriżulta mill-punt 134 iktar ’il fuq, fil-kuntest tat-tieni motiv, ir-rikorrent jikkunsidra li l-Kunsill ma jipprovdi l-ebda prova fir-rigward tal-fatti msemmija fl-atti kkontestati.

139    Fid-dawl ta’ dak li ġie deċiż fil-punt 105 iktar ’il fuq, dan il-motiv għandu jiġi eżaminat biss sa fejn jikkonċerna d-deċiżjoni tal-Home Secretary.

140    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 1(4) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931, il-listi ta’ ffriżar ta’ fondi jitfasslu abbażi ta’ informazzjoni preċiża jew ta’ elementi tal-proċess li juru li ttieħdet deċiżjoni minn awtorità kompetenti fil-konfront tal-persuni u tal-entitajiet imsemmija, kemm fil-każ ta’ ftuħ ta’ investigazzjonijiet jew ta’ azzjonijiet kriminali għal att terroristiku, jew ta’ tentattiv li jitwettaq, jew ta’ parteċipazzjoni fi, jew ta’ ffaċilitar ta’ tali att, “ibbażat[i] fuq xhieda serja u kredibbli jew indikazzjonijiet” jew fuq kundanna għal tali fatti.

141    Mill-istruttura ġenerali ta’ din id-dispożizzjoni jirriżulta li r-rekwiżit li għandu jiġi vverifikat mill-Kunsill, qabel ma jinkludi l-isem ta’ persuni jew ta’ entitajiet fil-listi ta’ ffriżar ta’ fondi abbażi ta’ deċiżjonijiet meħuda minn awtoritajiet kompetenti, li dawn id-deċiżjonijiet ikunu “ibbażat[i] fuq xhieda serja u kredibbli jew indikazzjonijiet”, jikkonċerna biss id-deċiżjonijiet ta’ ftuħ ta’ investigazzjonijiet jew ta’ azzjonijiet penali, iżda ma japplikax għad-deċiżjonijiet li jirrigwardaw kundanna.

142    Din id-distinzjoni bejn iż-żewġ tipi ta’ deċiżjonijiet tirriżulta mill-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali bejn l-istituzzjonijiet u l-Istati Membri, prinċipju li tidħol fih l-adozzjoni ta’ miżuri restrittivi fil-qasam tal-ġlieda kontra t-terroriżmu u skont liema l-Kunsill għandu jibbaża l-inklużjoni ta’ persuni jew ta’ entitajiet terroristiċi fil-listi ta’ ffriżar ta’ fondi fuq deċiżjonijiet adottati mill-awtoritajiet nazzjonali mingħajr ma jkollu jew mingħajr ma jkun jista’ jikkontestahom.

143    Iddefinit b’dan il-mod, il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali huwa applikabbli għad-deċiżjonijiet nazzjonali ta’ kundanna bil-konsegwenza li l-Kunsill ma għandux jivverifika, qabel ma jinkludi l-isem ta’ persuni jew ta’ entitajiet fil-listi ta’ ffriżar ta’ fondi, li dawn id-deċiżjonijiet huma bbażati fuq provi jew fuq indizji serji u kredibbli u li huwa għandu, fuq dan il-punt, jistrieħ fuq l-evalwazzjoni magħmula mill-awtorità nazzjonali.

144    Fir-rigward tad-deċiżjonijiet nazzjonali dwar il-ftuħ ta’ investigazzjonijiet jew ta’ azzjonijiet kriminali, dawn iseħħu, minħabba n-natura tagħhom, fil-bidu jew matul proċedura li għadha għaddejja. Sabiex tiġi żgurata n-natura effettiva ta’ din il-ġlieda, tqies utli li l-Kunsill, sabiex jadotta miżuri restrittivi, ikun jista’ jibbaża ruħu fuq tali deċiżjonijiet, anki jekk dawn huma ta’ natura preparatorja biss, filwaqt li jipprevedi, sabiex tiġi żgurata l-protezzjoni tal-persuni koperti minn dawn il-proċeduri, li dan l-użu jkun suġġett għall-verifika, mill-Kunsill, li dawn ikunu bbażati fuq provi jew indizji serji u kredibbli.

145    F’dan il-każ, id-deċiżjoni tal-Home Secretary hija definittiva fis-sens li din ma għandhiex tiġi segwita b’investigazzjoni. Barra minn hekk, din għandha l-għan li tipprojbixxi lir-rikorrent fir-Renju Unit, b’konsegwenzi kriminali għall-persuni li jżommu rabta mill-qrib jew mill-bogħod miegħu.

146    F’dawn il-kundizzjonijiet, id-deċiżjoni tal-Home Secretary ma tikkostitwixxix deċiżjoni ta’ ftuħ ta’ investigazzjonijiet jew ta’ azzjonijiet kriminali, iżda għandha tiġi pparagunata ma’ deċiżjoni ta’ kundanna, b’mod li, skont l-Artikolu 1(4) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931, il-Kunsill ma kellux l-obbligu li jindika, fl-espożizzjoni tal-motivi dwar l-atti kkontestati, il-provi u l-indizji serji li kienu jikkostitwixxu l-bażi tad-deċiżjoni ta’ din l-awtorità.

147    F’dan ir-rigward, il-fatt li l-Home Secretary jikkostitwixxi awtorità amministrattiva huwa indifferenti, peress li, hekk kif jirriżulta mill-punti 114 u 115 iktar ’il fuq, id-deċiżjonijiet tiegħu jistgħu jkunu s-suġġett ta’ azzjoni legali u li, għaldaqstant, dan għandu jitqies bħala l-ekwivalenti ta’ awtorità ġudizzjarja.

148    Konsegwentement, il-Kunsill ma jistax jiġi akkużat li ma indikax, fl-espożizzjonijiet tal-motivi dwar l-atti kkontestati, “l-provi u l-indizji serji u kredibbli” li kienu l-bażi tad-deċiżjoni tal-Home Secretary.

149    Peress li ma għandhomx jiġu indikati, dawn il-fatti ma għandhomx, a fortiori, jiġu pprovati.

150    Għaldaqstant, it-tieni u s-sitt motivi, sa fejn jikkonċernaw il-provi u l-indizji serji u kredibbli fis-sens tal-Artikolu 1(4) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931, għandhom jiġu miċħuda.

 Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq żbalji fuq il-materjalità tal-fatti

151    Ir-rikorrent jikkritika l-fatti msemmija mill-Kunsill fl-espożizzjonijiet tal-motivi dwar l-atti kkontestati, minħabba l-fatt li jissemmew b’mod wisq impreċiż, li ma humiex stabbiliti, u li huma antiki wisq sabiex jiġġustifikaw iż-żamma tal-inklużjoni ta’ ismu fil-listi kkontestati.

152    Dan it-tielet motiv għandu jiġi eżaminat biss sa fejn jikkonċerna l-fatti li bbaża ruħu fuqhom il-Kunsill sabiex iżomm isem ir-rikorrent fuq il-listi kkontestati. Fil-fatt, hekk kif jirriżulta mill-eżami tal-motiv preċedenti, il-fatti li huma l-bażi tad-deċiżjoni tal-Home Secretary ma għandhomx jiġu indikati fl-atti kkontestati.

153    F’dak li jikkonċerna ż-żamma tal-inklużjoni tal-isem tar-rikorrent fuq il-listi kkontestati, il-Kunsill, fil-punt 7 tal-espożizzjoni tal-motivi dwar l-atti kkontestati, innota li, f’din il-kawża, id-deċiżjonijiet tal-awtoritajiet kompetenti li dan ibbaża ruħu fuqhom għall-inklużjoni inizjali kienu għadhom fis-seħħ.

154    Mill-ġurisprudenza jirriżulta li, meta jiddekorri żmien twil bejn id-deċiżjoni nazzjonali li serviet bħala bażi għall-inklużjoni inizjali u l-adozzjoni tal-atti intiżi għaż-żamma ta’ din l-inklużjoni, il-Kunsill ma jistax, sabiex jikkonkludi li kien għadu jippersisti r-riskju ta’ involviment tal-persuna jew tal-entità kkonċernata f’xi attivitajiet terroristiċi, jillimita ruħu sabiex jiddikjara li l-imsemmija deċiżjoni għadha fis-seħħ, iżda għandu jwettaq evalwazzjoni aġġornata tas-sitwazzjoni, filwaqt li jieħu inkunsiderazzjoni elementi fattwali iktar riċenti, li juru li l-imsemmi riskju jissussisti (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-26 ta’ Lulju 2017, Il‑Kunsill vs LTTE, C‑599/14 P, EU:C:2017:583, punti 54 u 55, u tas-26 ta’ Lulju 2017, Il‑Kunsill vs Hamas, C‑79/15 P, EU:C:2017:584, punti 32 u 33).

155    Mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 154 iktar ’il fuq jirriżulta wkoll li l-elementi fattwali l-iktar riċenti li huma l-bażi taż-żamma ta’ isem ta’ persuna jew ta’ entità fuq il-listi ta’ ffriżar ta’ fondi jistgħu jiġu minn sorsi li ma humiex deċiżjonijiet nazzjonali adottati minn awtoritajiet kompetenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-26 ta’ Lulju 2017, Il‑Kunsill vs LTTE, C‑599/14 P, EU:C:2017:583, punt 72, u tas-26 ta’ Lulju 2017, Il‑Kunsill vs Hamas, C‑79/15 P, EU:C:2017:584, punt 50).

156    F’dan il-każ, id-deċiżjoni inizjali tal-Home Secretary ngħatat fl-2001, filwaqt li l-atti kkontestati kienu ġew adottati bejn Lulju 2016 u Lulju 2018.

157    Fid-dawl tat-tul tal-perijodu li jissepara lid-deċiżjoni inizjali tal-Home Secretary mill-atti kkontestati, li jvarja bejn ħmistax u sbatax-il sena, il-Kunsill ma setax, bl-applikazzjoni tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 154 iktar ’il fuq, jillimita ruħu li jikkonstata li d-deċiżjoni tal-Home Secretary kienet inżammet fis-seħħ, mingħajr ma jsemmi l-elementi iktar ġodda li juru li r-riskju tal-involviment tar-rikorrent f’xi attivitajiet terroristiċi baqa’ jeżisti.

158    L-ewwel nett, fir-rigward ta’ tali elementi, il-Kunsill indika, fil-punt 16 tal-Anness A tal-espożizzjoni tal-motivi dwar l-atti kkontestati, fir-rigward tal-proċedura tal-eżami mill-ġdid li seħħet fl-2013 fir-Renju Unit:

“F’Novembru 2013, il-Home Secretary ikkonkluda, abbażi tal-provi disponibbli, li l-grupp kien b’mod ieħor involut fit-terroriżmu peress li kellu armi u baqa’ ddeterminat li juża l-vjolenza biex jikseb l-għan tiegħu ta’ Stat Iżlamiku […]”

159    Skont ir-rikorrent, dan il-fatt huwa impreċiż wisq sabiex jiġġustifika ż-żamma tal-inklużjoni ta’ ismu fuq il-listi kkontestati.

160    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, għad-deċiżjonijiet ta’ ffriżar ta’ fondi sussegwenti, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li l-qorti tal-Unjoni kienet marbuta li tivverifika, b’mod partikolari, minn naħa, l-osservanza tal-obbligu ta’ motivazzjoni previst fl-Artikolu 296 TFUE kif ukoll, min-naħa l-oħra, il-punt dwar jekk dawn il-motivi humiex sostnuti (sentenzi tas-26 ta’ Lulju 2017, Il‑Kunsill vs LTTE, C‑599/14 P, EU:C:2017:583, punt 70, u tas-26 ta’ Lulju 2017, Il‑Kunsill vs Hamas, C‑79/15 P, EU:C:2017:584, punt 48).

161    Fir-rigward tal-obbligu ta’ motivazzjoni, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilità, il-motivazzjoni rikjesta mill-Artikolu 296 TFUE għandha tindika b’mod ċar u mingħajr ekwivoku r-raġunament tal-istituzzjoni, awtur tal-att, b’mod li tippermetti lill-individwi kkonċernati li jkunu jafu r-raġunijiet għall-miżura meħuda u għall-qorti kompetenti li teżerċita stħarriġ tagħha (ara s-sentenza tal-15 ta’ Novembru 2012, Il‑Kunsill vs Bamba, C‑417/11 P, EU:C:2012:718, punt 50 u l-ġurisprudenza ċċitata).

162    Ma huwiex meħtieġ li l-motivazzjoni tispeċifika kull punt ta’ fatt u ta’ liġi rilevanti, sa fejn in-natura suffiċjenti ta’ motivazzjoni għandha tiġi evalwata mhux biss fir-rigward ta’ kliemha, iżda wkoll fil-kuntest tagħha kif ukoll tar-regoli legali kollha li jirregolaw il-qasam ikkonċernat (sentenzi tal-15 ta’ Novembru 2012, Il‑Kunsill vs Bamba, C‑417/11 P, EU:C:2012:718, punt 53, u tal-14 ta’ Ottubru 2009, Bank Melli Iran vs Il‑Kunsill, T‑390/08, EU:T:2009:401, punt 82).

163    B’mod partikolari, att li jikkawża preġudizzju jkun immotivat b’mod suffiċjenti meta dan ikun sar f’kuntest magħruf mill-persuna kkonċernata, li jkun jippermettilha tifhem il-portata tal-miżura adottata fil-konfront tagħha (sentenzi tal-15 ta’ Novembru 2012, Il‑Kunsill vs Bamba, C‑417/11 P, EU:C:2012:718, punt 54, u tal-14 ta’ Ottubru 2009, Bank Melli Iran vs Il‑Kunsill, T‑390/08, EU:T:2009:401, punt 82).

164    F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li, meta indika, fil-punt 16 tal-Anness A tal-espożizzjoni tal-motivi tal-atti kkontestati li “[ir-rikorrent] kellu armi u baqa’ ddeterminat li juża l-vjolenza biex jikseb l-għan tiegħu ta’ Stat Iżlamiku”, il-Kunsill ma ssodisfax l-obbligu ta’ motivazzjoni tiegħu li għadu kif ġie ddefinit.

165    Fil-fatt, minn naħa, il-Kunsill illimita ruħu, f’tali dikjarazzjoni, sabiex isemmi, f’termini ġenerali, pussess ta’ armi, mingħajr ma ta indikazzjoni tal-perijodu ta’ żmien jew tal-post. Min-naħa l-oħra, huwa jagħti lir-rikorrent intenzjoni li la ma hija ddeterminata u lanqas ma hija determinabbli.

166    F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rikorrent isib ruħu, fir-rigward ta’ dan il-fatt, f’sitwazzjoni fejn huwa impossibbli li jidentifika, anki bl-għajnuna tal-kuntest, dak li ġie akkużat bih, filwaqt li l-Qorti Ġenerali titqiegħed f’sitwazzjoni fejn, minħabba l-istess raġuni, ikun impossibbli għaliha li teżerċita l-istħarriġ meħtieġ mill-Qorti tal-Ġustizzja.

167    Għaldaqstant, il-motivazzjoni ta’ dan il-fatt ma tissodisfax il-kundizzjonijiet imposti mill-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 160 sa 163 iktar ’il fuq.

168    Fit-tieni lok, il-Kunsill, fil-punt 18 tal-Anness B tal-espożizzjoni tal-motivi dwar l-atti kkontestati, elenka l-fatti li ġejjin mill-“fajls amministrattivi (“administrative records”) dwar Gama’a l-Islamiyya tal-2010 u tal-2003 tad-Dipartiment tal-Istat”, billi indika, fil-punt 10 tal-istess Anness, li l-eżami l-iktar riċenti tad-deskrizzjoni tar-rikorrent bħala organizzazzjoni terroristika barranija kienet tlestiet fil-15 ta’ Diċembru 2010.

169    Dawn il-fatti huma dawk li ġejjin:

–        “[ir-rikorrent] ħa responsabbiltà għall-attentat ta’ qtil tal-President Eġizzjan Hosni Moubarak f’Ġunju 1995”;

–        “fl-1997, [ir-rikorrent] attakka lil xi turisti f’Luxor (l-Eġittu), u kellu 58 vittma”;

–        “f’bullettin tal-2006, il-[Federal Bureau of Investigation (FBI, l-Uffiċċju Federali għall-Investigazzjonijiet, l-Istati Uniti tal-Amerika)] wissa’ lill-awtoritajiet li Rahman, uffiċjal [tar-rikorrent], sejjaħ sabiex isiru attentati bħala ritaljazzjoni fil-każ li huwa jmut fil-ħabs. Il-bullettin ikkwota l-aħħar xewqat u t-testment ta’ Rahman li xxerrdu waqt konferenza tal-Al-Qaïda fl-1998”.

170    Hekk kif jidher mill-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 154 u 155 iktar ’il fuq, tali fatti jistgħu jiġġustifikaw iż-żamma ta’ isem ir-rikorrenti fil-lista ta’ ffriżar ta’ fondi u s-sors li intuża sabiex jiġu rrapportati huwa indifferenti, peress li l-essenzjali huwa li l-Kunsill jiddisponi minn elementi suffiċjentement riċenti sabiex isostni l-pożizzjoni tiegħu.

171    Fost dawn il-fatti, l-ewwel tnejn huma preċedenti għad-deċiżjoni tal-Home Secretary li hija l-bażi għall-inklużjoni inizjali tar-rikorrent. Għaldaqstant, ma jistgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex tiġi ġġustifikata ż-żamma ta’ din l-inklużjoni.

172    Fir-rigward tat-tielet fatt, ir-rikorrent isostni li dan huwa evokat b’mod approssimattiv wisq u, partikolarment, li l-persuna msejħa Rahman ma hijiex identifikata b’mod ċar. Huwa jżid li d-dikjarazzjonijiet ta’ din il-persuna ma jistgħux jiġu attribwiti lill-organizzazzjoni tiegħu, u li dan il-fatt, bħall-oħrajn imsemmija fl-atti kkontestati, huwa antik wisq.

173    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-grad ta’ motivazzjoni meħtieġ mill-Kunsill għandu jiġi evalwat fid-dawl tal-kuntest li fih seħħ l-att ikkontestat u tal-għarfien li jista’ jkollu r-rikorrent ta’ dan il-kuntest. F’dan il-każ, huwa fatt magħruf mill-pubbliku li Omar Abdel Rahman kien uffiċjal tar-rikorrent, li ntbagħat il-ħabs fl-Istati Uniti fl-1993 wara li wettaq attentati fuq it-territorju Amerikan fejn kien baqa’ sakemm miet fl-2017.

174    Minħabba dan il-kuntest magħruf, għandu jitqies li dan il-fatt ġie deskritt b’mod preċiż biżżejjed sabiex ikun sodisfatt l-obbligu ta’ motivazzjoni.

175    B’mod partikolari, il-persuna msejħa Rahman setgħet tiġi identifikata faċilment u ma kienx irraġonevoli, fid-dawl tal-pożizzjoni tiegħu, li d-dikjarazzjonijiet tiegħu jiġu attribwiti lir-rikorrent.

176    Madankollu, dan il-fatt ma huwiex suffiċjenti sabiex jiġġustifika, waħdu, iż-żamma ta’ isem ir-rikorrent fil-listi kkontestati.

177    Fil-fatt, il-konferenza stampa li fiha ġew imxandra l-aħħar xewqat ta’ O. A. Rahman seħħet fl-1998 u hija għaldaqstant preċedenti għad-deċiżjoni tal-Home Secretary, li ġiet adottat fl-2001. Fir-rigward tal-bullettin tal-FBI, dan ixxandar fl-2006, jiġifieri għaxar snin qabel l-adozzjoni tal-atti kkontestati.

178    L-analiżi preċedenti hija kkontestata mill-Kunsill, li jgħid li l-Qorti Ġenerali ma tistax teżerċita l-istħarriġ deskritt fil-punt 160 iktar ’il fuq fuq il-fatti msemmija fl-espożizzjoni tal-motivi dwar l-atti kkontestati peress li dawn ġejjin minn deċiżjonijiet adottati minn awtoritajiet nazzjonali kompetenti fil-kuntest tar-reviżjoni tad-deċiżjonijiet meħuda, inizjalment, minn dawk l-awtoritajiet sabiex jipproċedu għall-inklużjoni inizjali tar-rikorrent.

179    Skont il-Kunsill, dawn id-deċiżjonijiet ta’ reviżjoni għandhom jiġu pparagunati ma’ dawk previsti mill-Artikolu 1(4) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931, b’tali mod li l-fatti li huma l-bażi ta’ dawn id-deċiżjonijiet ma għandhomx jiġu mistħarrġa mill-Qorti Ġenerali fir-rigward tal-motivazzjoni u tal-materjalità tagħhom, anki meta dawn jiġu kkontestati.

180    Dan l-argument huwa infondat fil-fatt u fil-liġi.

181    Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-fatti msemmija fil-punt 16 tal-Anness A tal-espożizzjoni tal-motivi dwar l-atti kkontestati, għandu qabel kollox jiġi kkonstatat li, fil-kuntest tal-mistoqsijiet magħmula mill-Qorti Ġenerali, il-Kunsill indika li, f’Novembru 2013, id-deċiżjoni tal-Home Secretary kienet ġiet eżaminata mill-ġdid mill-Grupp Intragovernattiv responsabbli għall-eżami mill-ġdid tal-interdizzjonijiet. Madankollu, fis-seduta, ġie rrikonoxxut, b’mod formali, li dan l-eżami mill-ġdid ma kienx wassal għall-adozzjoni, mill-awtoritajiet tar-Renju Unit, ta’ att speċifiku li jista’ jitressaq quddiem il-Qorti Ġenerali. Għaldaqstant, ma teżistix deċiżjoni li tista’ tiġi assimilata ma’ deċiżjoni ta’ awtorità kompetenti fis-sens tal-Artikolu 1(4) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931.

182    Barra minn hekk, fir-rigward tal-fatti msemmija fil-punt 18 tal-Anness B tal-espożizzjoni tal-motivi dwar l-atti kkontestati, għandu jiġi nnotat li ma ġietx stabbilita rabta preċiża ma’ deċiżjoni ta’ eżami mill-ġdid meħuda mill-Istati Uniti. Fil-fatt, f’dan il-punt 18 jissemmew biss il-fatti stabbiliti fl-“administrative records”, mingħajr ma jiġi ppreċiżat l-istatus ta’ dawn tal-aħħar fir-rigward tal-eżami mill-ġdid imsemmi fil-punt 10 tal-istess anness, u d-data mogħtija lil wieħed minn dawn ir-“records” ma tikkorrispondix għal dik tal-imsemmi eżami mill-ġdid.

183    Barra minn hekk, għandu jitfakkar li d-deċiżjonijiet Amerikani ċċitati mill-Kunsill fl-atti kkontestati ma jistgħux iservu bħala bażi għal dawn tal-aħħar, peress li din l-istituzzjoni ma vverifikatx, fl-espożizzjoni tal-motivi, li r-rekwiżiti marbuta mal-osservanza tad-drittijiet tad-difiża kienu ġew issodisfatti f’konformità mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

184    Minn dawn l-elementi differenti jirriżulta li l-Kunsill ma jistax jinvoka deċiżjonijiet ta’ eżami mill-ġdid nazzjonali li jissodisfaw il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 1(4) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931.

185    Fit-tieni lok, meta l-eżami mill-ġdid stess tad-deċiżjonijiet tal-awtoritajiet kompetenti li kienu l-bażi tal-inklużjoni inizjali jkun is-suġġett ta’ deċiżjonijiet li ssodisfaw il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 1(4) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931, għandu jiġi kkonstatat li, f’kull każ, dawn id-deċiżjonijiet ma jsostnux l-inklużjoni inizjali fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, iżda deċiżjoni ta’ żamma ta’ inklużjoni fis-sens tal-Artikolu 1(6) tal-istess pożizzjoni komuni.

186    Issa, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, fil-kuntest ta’ rikors ippreżentat kontra deċiżjoni ta’ żamma ta’ inklużjoni, il-persuna jew l-entità kkonċernata tista’ tikkontesta l-elementi kollha li l-Kunsill jibbaża ruħu fuqhom sabiex juri l-persistenza tar-riskju tal-involviment tagħha f’attivitajiet terroristiċi, indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk dawn l-elementi humiex ibbażati fuq deċiżjoni nazzjonali adottata minn awtorità kompetenti jew fuq sorsi oħra (sentenzi tas-26 ta’ Lulju 2017, Il‑Kunsill vs LTTE, C‑599/14 P, EU:C:2017:583, punt 71, u tas-26 ta’ Lulju 2017, Il‑Kunsill vs Hamas, C‑79/15 P, EU:C:2017:584, punt 49).

187    Għaldaqstant, iċ-ċirkustanza li l-fatti msemmija fil-punt 16 tal-Anness A u fil-punt 18 tal-Anness B tal-espożizzjonijiet tal-motivi tal-atti kkontestati huma l-bażi ta’ deċiżjonijiet ta’ awtoritajiet nazzjonali iktar riċenti li jissodisfaw il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 1(4) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931, ma jneħħix id-dritt, tar-rikorrent, sabiex jikkritika l-motivazzjoni u l-materjalità tagħhom u l-obbligu tal-Qorti Ġenerali sabiex tistħarriġhom, konformement mal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 160 iktar ’il fuq.

188    B’hekk, fil-punti 161 sa 177 iktar ’il fuq, hemm effettivament lok li jiġu eżaminati l-motivazzjoni u l-materjalità tal-fatti invokati mill-Kunsill sabiex tinżamm l-inklużjoni ta’ isem ir-rikorrent fuq il-lista tal-iffriżar tal-fondi, anki jekk ikunu ġejjin minn deċiżjoni ta’ eżami mill-ġdid nazzjonali.

189    Fit-tmiem ta’ dan l-eżami, għandu jitqies, f’dan il-każ, li l-fatti msemmija mill-Kunsill fl-espożizzjonijiet tal-motivi dwar l-atti kkontestati ma jippermettux li tiġi ġġustifikata ż-żamma ta’ isem ir-rikorrenti fil-listi kkontestati.

190    Għaldaqstant, it-tielet motiv għandu jitqies bħala fondat.

191    Madankollu, il-Qorti Ġenerali tqis li jkun opportun li tkompli bl-eżami tat-tmien motiv.

 Fuq it-tmien motiv, ibbażat fuq nuqqas ta’ awtentikazzjoni tal-espożizzjonijiet tal-motivi tal-atti kkontestati

192    Fir-rikors, ir-rikorrent josserva li l-espożizzjonijiet tal-motivi dwar l-atti kkontestati, li ntbagħtu lill-avukat tiegħu permezz tal-ittri tal-Kunsill fis-26 ta’ Mejju u fit-13 ta’ Lulju 2016, fit-30 ta’ Jannar u fis-7 ta’ Awwissu 2017 kif ukoll fit-22 ta’ Marzu u fil-31 ta’ Lulju 2018, ma kinux iffirmati mill-President ta’ din l-istituzzjoni u, għaldaqstant, li ma ġewx awtentikati, kif jeżiġi l-Artikolu 15 tar-Regoli tal-Proċedura ta’ din l-istituzzjoni, kif adottati bid-Deċiżjoni 2009/937/UE tal-1 ta’ Diċembru 2009 (ĠU 2009, L 325, p. 35).

193    Ir-rikorrent isostni li, fin-nuqqas ta’ tali awtentikazzjoni, huwa ma jistax ikun ċert li l-espożizzjonijiet tal-motivi li ntbagħtulu jikkorrispondu perfettament ma’ dawk adottati mill-Kunsill u li ġew riprodotti kompletament mingħajr bdil sussegwenti għall-adozzjoni tagħhom.

194    Dwar dan, ir-rikorrent josserva li l-espożizzjonijiet tal-motivi li ġew ikkomunikati lilu bl-ittra tas-26 ta’ Mejju 2016 kienu kollha bid-data tal-24 ta’ Mejju 2016, li jimplika li dawn sarilhom xi emendi, fi kwalunkwe każ f’dak li jikkonċerna d-data tagħhom, peress li ġew adottati f’mumenti differenti, mingħajr ma jkun jista’ jiġi ddeterminat jekk din il-bidla kinitx l-unika waħda li twettqet.

195    Preliminarjament, għandu jiġi kkonstatat li l-motiv ma huwiex kompletament effettiv sa fejn jikkonċerna l-espożizzjonijiet tal-motivi dwar l-atti kkontestati. Għaldaqstant, l-espożizzjonijiet tal-motivi kkomunikati bl-ittra tas-26 ta’ Mejju 2016, li jirrigwardaw atti preċedenti għaliha, ma jistgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni b’mod utli.

196    Dwar il-mertu, għandu jitfakkar li l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 297(2) TFUE jipprovdi kif ġej:

“L-atti mhux leġislattivi adottati fl-għamla ta’ regolamenti, direttivi u deċiżjonijiet, meta dawn ma jindikawx destinatarju, għandhom ikunu ffirmati mill-Presidenti ta’ l-istituzzjoni li tkun adottathom.”

197    Barra minn hekk, l-Artikolu 15 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Kunsill jipprevedi:

“It-test tal-atti adottati mill-[…]Kunsill […] għandhom jiġu ffirmati mill-President-in-Kariga fil-ħin tal-adozzjoni tagħhom u mis-Segretarju-Ġenerali. Is-Segretarju-Ġenerali jista’ jiddelega s-setgħa tiegħu li jiffirma lid-Diretturi-Ġenerali tas-Segretarjat Ġenerali.”

198    Fis-sentenza tal-15 ta’ Ġunju 1994, Il‑Kummissjoni vs BASF et (C‑137/92 P, EU:C:1994:247, punt 75), iċċitata mir-rikorrent, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fir-rigward ta’ deċiżjoni adottata mill-Kummissjoni, li l-awtentikazzjoni prevista mir-Regoli tal-Proċedura ta’ din l-istituzzjoni ma tistax tiġi analizzata bħala sempliċi formalità intiża sabiex tiżgura l-memorja tagħha, iżda għandha bħala għan li tiżgura ċ-ċertezza legali billi tiffissa, fil-lingwi awtentiċi, it-test adottat mill-kulleġġ.

199    Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, l-awtentikazzjoni prevista mir-Regoli tal-Proċedura tal-Kummissjoni tippermetti li tiġi vverifikata, fil-każ ta’ kontestazzjoni, il-korrispondenza perfetta tat-testi nnotifikati jew ippubblikati mat-test adottat mill-istituzzjoni, u, permezz tal-istess, mar-rieda tal-awtur tagħhom (sentenza tal-15 ta’ Ġunju 1994, Il‑Kummissjoni vs BASF et, C‑137/92 P, EU:C:1994:247, punt 75).

200    Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, minn dan isegwi li l-awtentikazzjoni meħtieġa mir-Regoli tal-Proċedura tal-Kummissjoni tikkostitwixxi, fis-sens tal-Artikolu 263 TFUE, rekwiżit formali essenzjali li l-ksur tiegħu jista’ jagħti lok għal rikors għal annullament (sentenza tal-15 ta’ Ġunju 1994, Il‑Kummissjoni vs BASF et, C‑137/92 P, EU:C:1994:247, punt 76).

201    Dawn ir-regoli, stabbiliti fis-sentenza tal-15 ta’ Ġunju 1994, Il‑Kummissjoni vs BASF et (C‑137/92 P, EU:C:1994:247, punti 75 u 76), fir-rigward tal-atti tal-Kummissjoni, għandhom jiġu trasposti għall-atti tal-Kunsill.

202    Fil-fatt, bħalma hu l-każ għall-atti tal-Kummissjoni, il-prinċipju taċ-ċertezza legali jimponi li l-partijiet terzi li jiddisponu minn mezz sabiex jivverifikaw li l-atti tal-Kunsill li huma ppubblikati jew innotifikati jikkorrispondu għal dawk li ġew adottati.

203    Dan huwa minnu għalkemm, b’differenza mill-Kummissjoni, il-Kunsill ma jikkostitwixxix kulleġġ. Fil-fatt, fis-sentenza tal-15 ta’ Ġunju 1994, Il‑Kummissjoni vs BASF et, (C‑137/92 P, EU:C:1994:247), il-Qorti tal-Ġustizzja, sabiex tiġġustifika l-obbligu tal-awtentikazzjoni tal-atti, ibbażat ruħha, partikolarment, fuq il-ħtieġa li tiġi żgurata ċ-ċertezza legali, billi ppermettiet li tiġi vverifikata, fil-każ ta’ kontestazzjoni, il-korrispondenza perfetta tat-testi nnotifikati jew ippubblikati mat-test adottat mill-istituzzjoni. Issa, iċ-ċertezza legali hija prinċipju ġenerali tad-dritt li japplika għall-istituzzjonijiet kollha, b’mod indipendenti min-natura tagħhom, partikolarment meta, bħal fil-każ fil-kawża preżenti, dawn jadottaw atti intiżi biex jipproduċu xi effetti fuq is-sitwazzjoni legali ta’ persuni ġuridiċi jew privati.

204    Barra minn hekk, bħall-Kummissjoni, l-atti tal-Kunsill, partikolarment abbażi tal-Artikolu 215 TFUE huma suġġetti għal regoli ta’ maġġoranza, li l-osservanza tagħhom għandha tiġi vverifikata.

205    Fil-kawża preżenti, huwa stabbilit li l-espożizzjonijiet tal-motivi dwar l-atti kkontestati, li ntbagħtu lir-rikorrent, ma kinux iffirmati, iżda ġew ippreżentati, fihom infushom, bħala dokumenti ttajpjati nieqsa minn letterhead u li ma fihom l-ebda referenza, lanqas data, li tippermetti li jiġu identifikati bħala atti maħruġa mill-Kunsill u sabiex tiġi ddeterminata d-data li fiha ġew adottati.

206    Fir-risposta, il-Kunsill spjega li l-espożizzjonijiet tal-motivi kkomunikati lir-rikorrent kienu estratti min-noti indirizzati lill-Kumitat tar-Rappreżentanti Permanenti (Coreper) qabel l-approvazzjoni mill-Kunsill tal-atti kkontestati, konformement mal-proċedura applikabbli. Barra minn hekk, dan ippreżenta l-Anness B 25 li kien fih:

–        in-nota 10272/16 mibgħuta lill-Coreper fis-17 ta’ Ġunju 2016, li fl-anness tagħha kienet tinsab l-espożizzjoni tal-motivi dwar l-atti ta’ Lulju 2016;

–        l-aġenda provviżorja tal-2591 laqgħa tal-Coreper tal-21 u tat-22 ta’ Ġunju 2016; fil-punt 25 tal-aġenda provviżorja tal-Coreper tal-21 ta’ Ġunju 2016 kienu jidhru, fost il-punti I, l-abbozzi tal-atti ta’ Lulju 2016 b’referenza għan-nota 10272/16 kif ukoll għal dokumenti oħra;

–        l-aġenda tat-3480 laqgħa tal-Kunsill tat-12 ta’ Lulju 2016, li tikkonċerna l-punti A; fil-punt 21 ta’ din l-aġenda kienu msemmija l-abbozzi tal-atti ta’ Lulju 2016 b’referenza għan-nota 10272/16 u għad-dokumenti msemmija fl-aġenda tal-Coreper kif ukoll għal dokumenti oħra.

207    Permezz ta’ miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, il-Qorti Ġenerali, fid-29 ta’ Ġunju 2018, talbet lill-Kunsill sabiex jikkomunikalha l-atti kkontestati, iffirmati skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 297(2) TFUE u l-Artikolu 15 tar-Regoli tal-Proċedura tiegħu.

208    Fl-20 ta’ Lulju 2018, il-Kunsill bagħat l-atti kkontestati lill-Qorti Ġenerali, li kellhom data u li kienu ffirmati mill-President u mis-Segretarju Ġenerali tiegħu, iżda madankollu mingħajr ma dawn l-atti kellhom espożizzjoni tal-motivi li tiġġustifika l-adozzjoni tagħhom.

209    Finalment, il-Kunsill irrikonoxxa, waqt is-seduta, li l-espożizzjonijiet tal-motivi dwar l-atti kkontestati ma kinux is-suġġett ta’ firma mill-President u mis-Segretarju Ġenerali tiegħu.

210    B’hekk jidher li ġie miksur rekwiżit formali essenzjali waqt l-adozzjoni tal-atti kkontestati u li, għaldaqstant, l-atti kkontestati għandhom jiġu annullati.

211    Din l-analiżi hija kkontestata mill-Kunsill.

212    Fl-ewwel lok, il-Kunsill jindika li l-atti ġew iffirmati kif previst mir-Regoli tal-Proċedura u li l-firma hija biss nieqsa fuq l-espożizzjonijiet tal-motivi. Peress li l-formalità ġiet irrispettata għal dawn l-atti, dawn tal-aħħar ma għandhomx jiġu annullati.

213    F’dan ir-rigward, għandu jiġi nnotat li l-argument imqajjem mill-Kunsill iwettaq separazzjoni bejn l-atti u l-motivazzjoni tagħhom li ma hijiex aċċettabbli.

214    B’applikazzjoni tal-Artikolu 296 TFUE, l-atti adottati mill-Kunsill għandhom ikunu mmotivati, peress li din id-dispożizzjoni teżiġi, skont ġurisprudenza stabbilita, li l-istituzzjoni kkonċernata għandha tesponi r-raġunijiet li wassluha sabiex tiddeċidihom, sabiex il-persuna kkonċernata tkun tista’ ssir taf il-ġustifikazzjonijiet tal-miżuri meħuda u lill-qorti kompetenti li teżerċita l-istħarriġ tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-15 ta’ Novembru 2012, Il‑Kunsill vs Bamba, C‑417/11 P, EU:C:2012:718, punt 50 u l-ġurisprudenza ċċitata).

215    Id-dispożittiv ta’ att ma jistax jinftiehem u l-portata tiegħu ma tistax titkejjel ħlief fid-dawl tal-motivi tiegħu. Id-dispożittiv u l-motivazzjoni jikkostitwixxu ħaġa waħda indiviżibbli (sentenza tal-15 ta’ Ġunju 1994, Il‑Kummissjoni vs BASF et, C‑137/92 P, EU:C:1994:247, punt 67, u tat-18 ta’ Jannar 2005, Confédération Nationale du Crédit Mutuel vs Il‑Kummissjoni, T‑93/02, EU:T:2005:11, punt 124), u hija l-istituzzjoni li għandha tadotta, kemm wieħed u kemm l-oħra.

216    Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, l-ebda distinzjoni ma tista’ titwettaq bejn il-motivi u d-dispożittiv ta’ att għall-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet li jeħtieġu awtentikazzjoni. Meta, bħal fil-kawża preżenti, l-att u l-espożizzjoni tal-motivi jidhru f’dokumenti distinti, kemm wieħed u kemm l-ieħor għandhom jiġu awtentikati, kif jeżiġu dawn id-dispożizzjonijiet, mingħajr ma l-preżenza ta’ firma fuq wieħed ma tkun tista’ tagħti lok għal preżunzjoni, konfutabbli jew inkonfutabbli, li t-tieni wieħed ġie awtentikat ukoll.

217    Fit-tieni lok, il-Kunsill isostni li, fil-kawża preżenti, il-kuntest fattwali huwa differenti minn dak tal-kawża li tat lok għas-sentenza tal-15 ta’ Ġunju 1994, Il‑Kummissjoni vs BASF et, (C‑137/92 P, EU:C:1994:247), sa fejn, fil-kawża preżenti, l-atti kkontestati u l-espożizzjonijiet tal-motivi relattivi għalihom ġew adottati, fit-totalità tagħhom, mill-istituzzjoni kkonċernata.

218    F’dan ir-rigward, għandu jiġi nnotat li, skont il-ġurisprudenza, il-ksur ta’ rekwiżit formali essenzjali huwa kkostitwit mis-sempliċi nuqqas ta’ awtentikazzjoni ta’ att, mingħajr ma huwa neċessarju li jiġi stabbilit, barra minn hekk, li l-att ikollu xi difett ieħor jew li n-nuqqas ta’ awtentikazzjoni kkawża dannu lill-persuna li tinvokah (sentenzi tas-6 ta’ April 2000, Il‑Kummissjoni vs ICI, C‑286/95 P, EU:C:2000:188, punt 42, u tas-6 ta’ April 2000, Il‑Kummissjoni vs Solvay, C‑287/95 P u C‑288/95 P, EU:C:2000:189, punt 46).

219    Fil-kawża preżenti, peress li l-espożizzjoni tal-motivi ma ġietx awtentikata, rekwiżit formali essenzjali ma ġiex osservat, li jwassal għall-annullament tal-atti kkontestati, mingħajr ma jkun neċessarju li jiġi eżaminat jekk id-dokumenti kkomunikati lir-rikorrent jikkorrispondux eżattament għal dawk adottati mill-Kunsill.

220    Fit-tielet lok, il-Kunsill jallega li l-ġurisprudenza timponilu li jissepara, fil-kuntest tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931, l-espożizzjonijiet tal-motivi mill-atti stess. Għal dak li jikkonċerna l-miżuri restrittivi adottati mill-Kunsill, huwa għaldaqstant mill-ġurisprudenza stess li tirriżulta s-sitwazzjoni attwali, li fiha l-atti jiġu ffirmati, iżda mhux l-espożizzjoni tal-motivi, b’mod li l-ebda lment ma jista’ jiġi indirizzat kontrih fuq dan il-punt u li, bħala konsegwenza, l-atti ma jistgħux jiġu annullati.

221    F’dan ir-rigward, għandu jiġi nnotat li, b’applikazzjoni tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 296 TFUE, l-atti kollha għandhom jiġu mmotivati u li, hekk kif ġie rrilevat fil-punt 215 iktar ’il fuq, id-dispożittiv u l-motivi ta’ deċiżjoni jikkostitwixxu ħaġa waħda indiviżibbli.

222    Huwa minnu li, fid-dawl tal-fatt li l- pubblikazzjoni dettaljata tal-ilmenti mressqa kontra l-persuni u l-entitajiet ikkonċernati tista’ mhux biss tmur kontra l-kunsiderazzjonijiet imperattivi ta’ interess ġenerali u tippreġudika l-interessi leġittimi tagħhom, ġie ammess li l-pubblikazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali tad-dispożittiv u ta’ motivazzjoni ġenerali għall-miżuri ta’ ffriżar ta’ fondi kienet suffiċjenti, sakemm il-motivazzjoni speċifika u konkreta ta’ din id-deċiżjoni kellha tiġi fformalizzata u mgħarrfa lill-partijiet ikkonċernati b’kull mezz ieħor li huwa xieraq (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-12 ta’ Diċembru 2006, Organisation des Modjahedines du peuple d’Iran vs Il‑Kunsill, T‑228/02, EU:T:2006:384, punt 147).

223    Madankollu, din it-tolleranza tikkonċerna biss il-pubblikazzjoni tal-atti u mhux l-atti nnifishom u, konsegwentement, l-obbligu, previst mill-Artikolu 15 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Kunsill, li dawn jiġu ffirmati.

224    Fir-raba’ lok, il-Kunsill isostni li l-proċedura użata għall-funzjonament tiegħu ppermettiet, fil-kawża preżenti, li jiġi vverifikat, b’mod differenti mill-firma, li l-espożizzjonijiet tal-motivi indirizzati lill-avukat tar-rikorrenti kkorrispondew ma’ dawk li kien adotta.

225    Il-Kunsill iqis li wera dan meta, fil-5 ta’ Ottubru 2018, b’risposta għal xi mistoqsijiet magħmula lilu mill-Qorti Ġenerali, huwa vverifika l-passi tal-proċedura segwita fi ħdanu sabiex jiġu adottati l-atti ta’ Lulju 2016 u kkomunika sensiela ta’ dokumenti relattivi għal dawn l-atti, fejn ġie dedott li l-espożizzjonijiet tal-motivi mibgħuta lir-rikorrent kienu jikkorrispondu ma’ dawk li kienu ġew approvati minnu.

226    Minn dan l-argument jirriżulta li, skont il-Kunsill, alternattiva għall-firma tista’ tiġi implimentata mill-istituzzjonijiet meta dawn iqisu li dan ikun utli jew neċessarju.

227    Tali argument ma jistax jintlaqa’.

228    Meta t-Trattat u r-Regoli tal-Proċedura ta’ istituzzjoni jeżiġu minn din tal-aħħar li twettaq formalità speċifika f’kuntest partikolari, din l-istituzzjoni ma tistax tissostitwixxi lil dan ir-rekwiżit bi prattiki mhux previsti fir-regoli applikabbli għaliha. Peress li huma għas-servizz ta’ unjoni ta’ dritt, l-istituzzjonijiet, ikunu liema jkunu, ma jistgħux iwarrbu regoli li huma applikabbli għalihom.

229    F’kull każ, il-Kunsill ma weriex li huwa possibbli għal parti terza li tiżgura li l-espożizzjonijiet tal-motivi indirizzati lilha jikkorrispondu għal dawk li adotta.

230    Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, it-tielet u t-tmien motivi għandhom jiġu milqugħa u l-atti kkontestati għandhom jiġu annullati, sa fejn jikkonċernaw lir-rikorrent, mingħajr ma huwa neċessarju li jiġu eżaminati r-raba’, il-ħames, u s-seba’ motivi kif ukoll il-partijiet tas-sitt motiv li ma jikkonċernawx il-provi jew l-indizju serji u kredibbli fis-sens tal-Artikolu 1(4) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931.

 Fuq l-ispejjeż

231    Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu.

232    Peress li l-Kunsill tilef, hemm lok li huwa jiġi ordnat ibati l-ispejjeż, kif ukoll dawk tar-rikorrent, skont it-talbiet ta’ dan tal-aħħar.

233    Barra minn hekk, skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura, l-istituzzjonijiet li intervjenew fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.

234    Għalhekk il-Kummissjoni għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

Għal dawn il-motivi,

Il-QORTI ĠENERALI (L-EWWEL AWLA)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2016/1136 tat-12 ta’ Lulju 2016 li taġġorna l-lista ta’ persuni, gruppi u entitajiet soġġetti għall-Artikoli 2, 3 u 4 tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931/PESK dwar l-applikazzjoni ta’ miżuri speċifiċi fil-ġlieda kontra t-terroriżmu, u li tħassar id-Deċiżjoni (PESK) 2015/2430, ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2016/1127 tat-12 ta’ Lulju 2016 li jimplimenta l-Artikolu 2(3) tar-Regolament (KE) Nru 2580/2001 dwar miżuri restrittivi speċifiċi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet bil-għan li jiġi miġġieled it-terroriżmu u li jħassar ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/2425, id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2017/154, tas-27 ta’ Jannar 2017, li taġġorna l-lista ta’ persuni, gruppi u entitajiet soġġetti għall-Artikoli 2, 3 u 4 tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931/PESK dwar l-applikazzjoni ta’ miżuri speċifiċi fil-ġlieda kontra t-terroriżmu, u li tħassar lid-Deċiżjoni 2016/1136, ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2017/150 tas27 ta’ Jannar 2017 li jimplimenta l-Artikolu 2(3) tar-Regolament (KE) Nru 2580/2001 dwar miżuri restrittivi speċifiċi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet bil-għan li jiġi miġġieled it-terroriżmu u li jħassar ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2016/1127, id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2017/1426 tal4 ta’ Awwissu 2017 li taġġorna l-lista ta’ persuni, gruppi u entitajiet soġġetti għall-Artikoli 2, 3 u 4 tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931/PESK dwar l-applikazzjoni ta’ miżuri speċifiki fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u li tħassar id-Deċiżjoni (PESK) 2017/154, ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2017/1420 tal4 ta’ Awwissu 2017 li jimplimenta l-Artikolu 2(3) tar-Regolament (KE) Nru 2580/2001 dwar miżuri restrittivi speċifiċi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet bil-għan li jiġi miġġieled it-terroriżmu u li jħassar ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2017/150, id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2018/475 tal-21 ta’ Marzu 2018 li taġġorna l-lista ta’ persuni, gruppi u entitajiet soġġetti għall-Artikoli 2, 3 u 4 tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931/PESK dwar l-applikazzjoni ta’ miżuri speċifiċi fil-ġlieda kontra t-terroriżmu, u li tħassar id-Deċiżjoni (PESK) 2017/1426, ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2018/468 tal21 ta’ Marzu 2018 li jimplimenta l-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 2580/2001 dwar miżuri restrittivi speċifiċi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet bil-għan li jiġi miġġieled it-terroriżmu u li jħassar ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2017/1420, id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2018/1084 tat-30 ta’ Lulju 2018 li taġġorna l-lista ta’ persuni, gruppi u entitajiet suġġetti għall-Artikoli 2, 3 u 4 tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931/PESK dwar l-applikazzjoni ta’ miżuri speċifiċi fil-ġlieda kontra t-terroriżmu, u li tħassar id-Deċiżjoni (PESK) 2018/475, u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2018/1071 tat-30 ta’ Lulju 2018 li jimplimenta l-Artikolu 2(3) tar-Regolament (KE) Nru 2580/2001 dwar miżuri restrittivi speċifiċi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet bil-għan li jiġi miġġieled it-terroriżmu u li jħassar ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/468, huma annullati, sa fejn dawn l-atti jikkonċernaw lil “Gama’a al-Islamiyya” (magħruf ukoll taħt l-isem ta’ “Al Gama’a al-Islamiyya”) (“grupp Islamiku”—“GI”)”.

2)      Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea għandu jbati l-ispejjeż tiegħu kif ukoll dawn sostnuti minn Al-Gama’a al - Islamiyya Egypt.

3)      Il-Kummissjoni Ewropea għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

Pelikánová

Nihoul

Svenningsen

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fl-10 ta’ April 2019.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.