Language of document : ECLI:EU:T:2019:417

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla)

13 ta’ Ġunju 2019 (*)

“Disinn Komunitarju – Proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità – Disinn Komunitarju rreġistrat li jirrappreżenta tabelli li jiddendlu għall-karozzi – Disinn preċedenti – Prova tal-iżvelar – Artikolu 7 tar-Regolament (KE) Nru 6/2002 – Raġuni għall-invalidità – Assenza ta’ karattru individwali – Utent avżat – Grad ta’ libertà tad-disinjatur – Assenza ta’ impressjoni globali differenti – Artikoli 6 u 25(1)(b) tar-Regolament Nru 6/2002”

Fil-Kawża T‑74/18,

Visi/one GmbH, stabbilita f’Remscheid (il-Ġermanja), irrappreżentata minn H. Bourree u M. Bartz, avukati,

rikorrenti,

kontra,

L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO), irrappreżentat minn S. Hanne u D. Walicka, bħala aġenti,

konvenut,

il-parti l-oħra fil-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell tal-EUIPO kienet

EasyFix GmbH, stabbilita fi Vjenna, l-Awstrija,

li għandha bħala suġġett rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni tat-Tielet Bord tal-Appell tal-EUIPO tal-4 ta’ Diċembru 2017 (Każ R 1424/2016‑3), dwar proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità bejn EasyFix u Visi/one,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla),

komposta minn A. M. Collins, President, M. Kancheva (Relatur) u G. De Baere, Imħallfin,

Reġistratur: E. Hendrix, Amministratur,

wara li rat ir-rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-6 ta’ Frar 2018,

wara li rat ir-risposta ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-25 ta’ April 2018,

wara li rat il-mistoqsija bil-miktub tal-Qorti Ġenerali lir-rikorrenti u r-risposta għaliha mressqa fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-4 ta’ Jannar 2019,

wara s-seduta tas-7 ta’ Frar 2019,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Fit-28 ta’ Novembru 2013, ir-rikorrenti, Visi/one GmbH, talbet u kisbet mingħand l-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO), bis-saħħa tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 6/2002 tat-12 ta’ Diċembru 2001 dwar id-disinji Komunitarji (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 27, p. 142), ir-reġistrazzjoni, bin-numru 1391114–0001, tad-disinn Komunitarju rrappreżentat fl-immaġini li ġejjin:

Image not found

2        Id-disinn ikkontestat huwa intiż li jiġi inkorporat fit-“Tabelli li jiddendlu”, li jaqgħu fil-Klassi 20‑03 skont il-Ftehim ta’ Locarno tat-8 ta’ Ottubru 1968 li jistabbilixxi klassifikazzjoni internazzjonali għad-disinni industrijali, kif emendat. Huwa ġie ppubblikat fil-Bullettin tad-disinni Komunitarji Nru 2014/026, tal-10 ta’ Frar 2014.

3        Fis-27 ta’ Lulju 2015, EasyFix GmbH ressqet talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità tad-disinn ikkontestat fuq il-bażi tal-Artikolu 25(1)(b) tar-Regolament Nru 6/2002, moqri flimkien mal-Artikoli 5 u 6 tal-istess regolament, għar-raġuni li l-imsemmi disinn kien nieqes min-novità u minn karattru individwali.

4        Fl-Annessi A sa E tat-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità, EasyFix ipproduċiet id-dokumenti deskritti mill-EUIPO kif ġej:

Image not found

5        B’deċiżjoni tat-3 ta’ Ġunju 2016, id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni laqgħet it-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità tad-disinn ikkontestat, minħabba nuqqas ta’ karattru individwali.

6        Fit-3 ta’ Awwissu 2016, ir-rikorrenti ppreżentat appell quddiem l-EUIPO, taħt l-Artikoli 55 sa 60 tar-Regolament Nru 6/2002, mid-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni.

7        Permezz ta’ deċiżjoni tal-4 ta’ Diċembru 2017 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), it-Tielet Bord tal-Appell tal-EUIPO ċaħad l-appell. Huwa qies, essenzjalment, li d-disinn ikkontestat kien nieqes minn karattru individwali. L-ewwel nett, huwa kkonstata li d-dokumenti prodotti fl-Annessi A sa E tat-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità kienu xierqa biex jiġi pprovat l-iżvelar tad-disinn preċedenti. It-tieni nett, huwa indika li l-utenti avżati tad-disinni kunfliġġenti kienu negozjanti li riedu jittikkettaw il-prodotti tagħhom, kif ukoll dawk responsabbli għax-xiri fil-kumpanniji, li kienu jixtru dawn it-tabelli ta’ lista tal-prezzijiet. It-tielet nett, huwa kien tal-fehma li l-libertà tad-disinjatur fil-produzzjoni tat-“tabelli li jiddendlu, sinjali għall-vetturi” kienet kbira, kemm fil-forma kif ukoll fil-materjal użat. Ir-raba’ nett, huwa rrileva li d-differenzi bejn dawn id-disinni kienu minimi u ma kinux jibdlu l-istess impressjoni globali li tinħoloq minnhom.

 It-talbiet tal-partijiet

8        Wara kjarifika fil-kapijiet tat-talbiet irreġistrati fil-proċess verbal tas-seduta, ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-EUIPO għall-ispejjeż, inklużi dawk sostnuti matul il-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell.

9        L-EUIPO jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Fid-dritt

10      Insostenn tar-rikors, ir-rikorrenti tqajjem erba’ motivi, ibbażati, l-ewwel, fuq evalwazzjoni żbaljata tal-provi dwar l-iżvelar ta’ “disinn preċedenti”, bi ksur tal-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 6/2002, it-tieni, fuq ksur tad-dritt li wieħed jinstema’, konformement mat-tieni frażi tal-Artikolu 62 ta’ dan ir-regolament, it-tielet, fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni, skont l-ewwel frażi tal-Artikolu 62 ta’ dan ir-regolament u, ir-raba’, fuq evalwazzjoni żbaljata tal-karattru individwali tad-disinn ikkontestat, bi ksur tal-Artikoli 6 u 25(1)(b) tal-imsemmi regolament.

 Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq evalwazzjoni żbaljata tal-provi dwar l-iżvelar ta’ “disinn preċedenti” bi ksur tal-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 6/2002

11      Fil-kuntest tal-ewwel motiv, ir-rikorrenti tikkritika l-konstatazzjoni tal-Bord tal-Appell li tgħid li d-dokumenti prodotti fl-Annessi A sa E tat-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità kienu xierqa biex juru l-iżvelar ta’ “disinn preċedenti” fis-sens tal-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 6/2002. Insostenn ta’ dan il-motiv, hija tinvoka seba’ lmenti.

12      Bl-ewwel ilment, ir-rikorrenti ssostni li d-dokumenti prodotti fl-Annessi A u D tat-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità ma juru l-ebda żvelar tad-“disinn preċedenti”, għaliex dawn id-dokumenti ġew stampati biss fl-20 ta’ Lulju 2015, jiġifieri, wara d-data ta’ reġistrazzjoni tad-disinn ikkontestat.

13      Bit-tieni lment tagħha, ir-rikorrenti tikkritika lill-Bord tal-Appell talli ddikjara, fil-punt 17 tad-deċiżjoni kkontestata, fir-rigward tal-katalogu prodott fl-Anness B tat-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità, li l-kwistjoni dwar jekk il-paġna ta’ quddiem effettivament kinitx konnessa mal-bqija tal-paġni ta’ dak l-anness kienet irrilevanti. Hija tallega, bil-kontra, li, minħabba d-dubji dwar il-konnessjoni tal-paġna ta’ quddiem mal-bqija ta’ dan il-katalogu, l-Anness B kollu ma għandux jittieħed inkunsiderazzjoni. In-numerazzjoni mhux kontinwata, l-użu darbtejn tal-istess numru ta’ paġna 2 u l-preżenza tan-numru ta’ paġna 31 imdaħħla bejn iż-żewġ okkorrenzi tan-numru tal-paġna 2 huma biżżejjed biex juru li l-elementi li jidhru fl-Anness B ma jikkostitwixxux katalogu omoġeneu u qatt ma kienu ġew ippubblikati b’dan il-mod. Barra minn hekk, il-fatt li l-istess katalogu jirreferi għal ismijiet ta’ dominji u indirizzi elettroniċi differenti (xi kultant l-isem tad-dominju www.easyfix.co.at u l-indirizz tal-posta elettronika info@easyfix.co.at, xi kultant l-isem tad-dominju www.easyfix.at u l-indirizz tal-posta elettronika info@easyfix.at) jikkontradixxi b’mod ċar l-esperjenza attwali. Barra minn hekk, huwa ċar minn silta mir-Reġistru Awstrijak tal-ismijiet tad-dominju (nic.at GmbH) li l-isem tad-dominju “www.easyfix.co.at” bl-ebda mod ma huwa rreġistrat. Ir-rikorrenti għaldaqstant tikkontesta li l-paġna intitolata “Preisauszeichnung” (lista tal-prezzijiet) u li għandha wkoll il-paġna numru 2 fl-imsemmi katalogu, effettivament ġiet ippubblikata u żvelata qabel id-data tat-tressiq tat-talba għar-reġistrazzjoni tad-disinn ikkontestat.

14      Bit-tielet ilment, ir-rikorrenti tikkritika lill-Bord tal-Appell talli kkonkluda, fil-punt 18 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-katalogu prodott fl-Anness B tat-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità kien ġie ppubblikat fl-2010, għaliex il-paġna intitolata “Editorjal” kienet tindika li l-imsemmi katalogu kien “inħareġ għaż-żmien tal-fiera speċjalizzata Automechanika 2010”. Skont ir-rikorrenti, dan ma setax jipprova li dan id-dokument promozzjonali kien ġie ppubblikat, iktar u iktar kif ġie assemblat u f’liema data. Hija żżid li, anki jekk kellu jkun katalogu marbut li l-EUIPO ttrażmetta lilha biss kopja diżordinata, dan ma jagħtix prova tal-pubblikazzjoni preċedenti tiegħu bil-kontenut ippreżentat.

15      Bir-raba’ lment tagħha, ir-rikorrenti ssostni li, fil-punt 19 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell assuma b’mod żbaljat li kienet ġiet ipprovata l-pubblikazzjoni preċedenti tad-dokument prodott fl-Anness C tat-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità, filwaqt li din, ġustament, ma kinitx ittieħdet inkunsiderazzjoni mid-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni u li seta’ kien abbozz ta’ katalogu indirizzat lil kumpannija marbuta ma’ EasyFix u mhux żvelat lill-pubbliku.

16      Bil-ħames ilment, ir-rikorrenti ssostni li, fil-punt 21 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell qal b’mod żbaljat li l-illustrazzjonijiet li jidhru fid-dokumenti prodotti fl-Annessi A sa D tat-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità kien fihom l-istess skeda informattiva ta’ BMW 520i Touring u minn dan iddeduċa, ukoll bi żball, li, għal din ir-raġuni, it-tabelli li jiddendlu għall-karozzi rriprodotti fil-punt 4 tad-deċiżjoni kkontestata kollha kienu jikkonċernaw l-istess disinn preċedenti. Skont hi, l-użu ta’ test (mudell) identiku ma jippermettix li wieħed isir jaf jekk id-dokumenti promozzjonali kinux ġew ippubblikati biss mal-illustrazzjoni inkwistjoni, jekk dawn kinux ġew ippubblikati fil-forma kkomunikata u f’liema data kienu ġew ippubblikati. Hija tassumi li din hija offerta fittizja użata wkoll minn kumpanniji oħrajn u tipproduċi bħala anness, bħala eżempju, kopja attwali tal-istess test ta’ offerta li jintuża minn fornitur ieħor ta’ tabelli li jiddendlu għal ditti ta’ karozzi oħra.

17      Bis-sitt ilment tagħha, ir-rikorrenti tallega li l-Bord tal-Appell, fil-punti 22 u 31 sa 35 tad-deċiżjoni kkontestata, telaq mis-suppożizzjoni żbaljata li d-dokumenti kollha prodotti fl-Annessi A sa E mat-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità juru “disinn preċedenti” uniku. Skont hi, l-Anness E huwa differenti mill-Annessi B u C b’mod partikolari fis-sens li d-disinn irrappreżentat juri, bejn il-ganċ u l-parti t’isfel, parti mmarkata sew li tgħaqqad il-ganċ u l-parti t’isfel.

18      Bis-seba’ lment tagħha, ir-rikorrenti tikkritika lill-Bord tal-Appell talli, fil-punt 33 tad-deċiżjoni kkontestata, qies li d-disinni kunfliġġenti kienu jikkonsistu f’superfiċji trasparenti. Issa, għalkemm hija tammetti li d-“disinn preċedenti” li jinsab fl-Annessi A sa D tat-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità huwa kompletament trasparenti, mhux biss fil-parti informattiva, iżda wkoll fejn hemm il-ganċ li huwa l-parti t’isfel, hija tqis li d-disinn ikkontestat ma huwiex preċiżament trasparenti, kif jidher mill-“immaġini 1”, b’mod partikolari bl-użu ta’ tifqis.

19      L-EUIPO jikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

20      Skont l-ewwel frażi tal-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 6/2002, “[b]l-għan li jiġu applikati l-Artikoli 5 u 6, disinn għandu jiġi meqjus li jkun ġie magħmul disponibbli għall-pubbliku jekk ikun ġie ppubblikat wara r-reġistrazzjoni jew xorta oħra, jew esibit, użat fil-kummerċ jew żvelat xorta oħra, qabel id-data riferita fl-Artikoli 5(1)(a) u 6(1)(a) jew l-Artikoli 5(1)(b) u 6(1)(b), skond kif ikun il-każ, għajr meta dawn l-okkażjonijiet ma jkunux jistgħu jiġu magħrufa b’mod raġonevoli fil-kors normali tan-negozju liċ-ċirkoli speċjalizzati fis-settur interessat, li jkunu qegħdin joperaw ġewwa l-[Unjoni]”.

21      La r-Regolament Nru 6/2002 u lanqas ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2245/2002 tal-21 ta’ Ottubru 2002, li jimplimenta r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 6/2002 dwar disinnji Komunitarji (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 31, p. 14) ma jispeċifikaw il-forma mandatorja tal-provi li għandhom jitressqu minn persuna li titlob dikjarazzjoni ta’ invalidità sabiex tiġġustifika l-iżvelar tad-disinn preċedenti qabel id-data tat-talba għar-reġistrazzjoni tad-disinn ikkontestat. Minn dan isegwi li, minn naħa, min jitlob id-dikjarazzjoni ta’ invalidità huwa liberu li jagħżel il-prova li huwa jqis li tkun utli li tiġi prodotta quddiem l-EUIPO insostenn tat-talba tiegħu għal dikjarazzjoni ta’ invalidità u, min-naħa l-oħra, li l-EUIPO huwa marbut li janalizza l-elementi kollha prodotti sabiex jikkonkludi jekk ikunux fil-fatt prova tal-iżvelar tad-disinn preċedenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad-9 ta’ Marzu 2012, Coverpla vs OHMI – Heinz-Glas (Flixkun), T‑450/08, mhux ippubblikata, EU:T:2012:117, punti 22 u 23 u l-ġurisprudenza ċċitata; tal-14 ta’ Lulju 2016, Thun 1794 vs EUIPO – Adekor (Simboli grafiċi dekorattivi), T‑420/15, mhux ippubblikata, EU:T:2016:410, punt 26; u tal-25 ta’ April 2018, Euro Castor Green vs EUIPO – Netlon France (Kannizzata li tgħatti), T‑756/16, mhux ippubblikata, EU:T:2018:224, punt 32).

22      Barra minn hekk, l-iżvelar ta’ disinn preċedenti ma jistax jiġi pprovat permezz ta’ probabbiltajiet jew preżunzjonijiet, iżda għandu jkun ibbażat fuq provi konkreti u oġġettivi li juru żvelar effettiv tad-disinn preċedenti fis-suq. Ukoll, il-provi prodotti minn min jagħmel talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità għandhom jiġu evalwati fil-konfront ta’ xulxin. Fil-fatt, għalkemm xi wħud minn dawn l-elementi jistgħu jkunu insuffiċjenti waħedhom sabiex juru l-iżvelar ta’ disinn preċedenti, xorta jibqa’ l-fatt li, meta dawn jiġu assoċjati jew jinqraw flimkien ma’ dokumenti jew informazzjoni oħra, dawn jistgħu jikkontribwixxu sabiex joħolqu l-prova tal-iżvelar. Fl-aħħar nett, sabiex jiġi evalwat il-valur probatorju ta’ dokument, għandha tiġi vverifikata l-probabbiltà u l-veradiċità tal-informazzjoni inkluża fih. Għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, l-oriġini tad-dokument, iċ-ċirkustanzi li fihom ikun ġie abbozzat u d-destinatarju tiegħu, kif ukoll li wieħed jistaqsi lilu nnifsu jekk, mill-kontenut tiegħu, ikunx jidher bis-sens u affidabbli (ara s-sentenza tat-9 ta’ Marzu 2012, Flixkun, T‑450/08, mhux ippubblikata, EU:T:2012:117, punti 24 sa 26 u l-ġurisprudenza ċċitata; is-sentenzi tal-14 ta’ Lulju 2016, Simboli grafiċi dekorattivi, T‑420/15, mhux ippubblikata, EU:T:2016:410, punt 27, u tal-25 ta’ April 2018, Kannizzata li tgħatti, T‑756/16, mhux ippubblikata, EU:T:2018:224, punt 33).

23      Disinn għalhekk jitqies li jkun ġie żvelat ladarba l-parti li ssostni l-iżvelar tiegħu tkun ipprovat il-fatti li jikkostitwixxu dan l-iżvelar. Sabiex tiġi kkonfutata din il-preżunzjoni, min-naħa l-oħra, hija l-parti li tikkontesta d-żvelar li għandha turi skont il-liġi li ċ-ċirkustanzi tal-każ jistgħu jkunu raġonevolment ikunu tali li setgħu raġonevolment iwaqqfu, fil-kors normali tan-negozju, li dawn il-fatti jkunu magħrufa fl-ambjenti speċjalizzati li joperaw fis-settur ikkonċernat fl-Unjoni Ewropea (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-21 ta’ Mejju 2015, Senz Technologies vs OHMI – Impliva (Umbrelel), T‑22/13 u T‑23/13, EU:T:2015:310, punt 26; tal-15 ta’ Ottubru 2015, Promarc Technics vs OHMI – PIS (Parti minn bieb), T‑251/14, mhux ippubblikata, EU:T:2015:780, punt 26, u tas-27 ta’ Frar 2018, Gramberg vs EUIPO – Mahdavi Sabet (Kaxxa għat-teefon ċellulari), T‑166/15, EU:T:2018:100, punt 22).

24      Għall-fini li jiġi stabbilit l-iżvelar ta’ disinn preċedenti, għandha ssir analiżi f’żewġ stadji, li fihom, fl-ewwel lok, jiġu eżaminati jekk l-elementi ppreżentati fit-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità jurux, minn naħa, il-fatti li jikkostitwixxu żvelar ta’ disinn u, min-naħa l-oħra, in-natura anterjuri ta’ dan l-iżvelar meta mqabbla mad-data tal-preżentazzjoni jew tal-prijorità tad-disinn ikkontestat u, fit-tieni lok, fl-ipoteżi fejn id-detentur ta’ disinn ikkontestat ikun allega l-kontra, jekk l-imsemmija fatti setgħux, fil-kors normali tan-negozju, raġonevolment ikunu magħrufa fl-ambjenti speċjalizzati li joperaw fis-settur ikkonċernat fl-Unjoni, u fin-nuqqas ta’ dan, l-iżvelar jitqies li jkun bla effett u ma jittiħidx inkunsiderazzjoni.

25      Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li għandu jiġi eżaminat jekk, f’dan il-każ, il-Bord tal-Appell ġustament qies li l-elementi prodotti minn EasyFix fit-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità kienu kapaċi jistabbilixxu l-fatti kostituttivi tal-iżvelar ta’ disinn, u n-natura anterjuri ta’ dan l-iżvelar.

26      Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li, fiċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ, id-data li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni għall-evalwazzjoni tal-anterjorità tal-iżvelar hija d-data tas-sottomissjoni tat-talba għar-reġistrazzjoni tad-disinn ikkontestat, jiġifieri, kif ġie indikat fil-punt 1 hawn fuq, it-28 ta’ Novembru 2013 (id-“data rilevanti”).

27      Il-Bord tal-Appell, fil-punti 17 sa 22 tad-deċiżjoni kkontestata, qies li d-dokument prodott fl-Anness B tat-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità kien l-oriġinal ta’ katalogu tal-bejgħ u li l-kwistjoni dwar jekk il-paġna ta’ quddiem ta’ dan il-katalogu kinitx verament marbuta mal-bqija tal-paġni tal-istess katalogu kienet irrilevanti għall-evalwazzjoni tal-fatti. Huwa rrileva li, fil-paġna 2 ta’ dan il-katalogu, kien hemm id-disinn użat għat-tqabbil, kif ġie rriprodott fil-punt 4 hawn fuq, u li, fl-editorjal tal-imsemmi katalogu, li kien jinsab fil-paġna 1, u għalhekk fl-istess paġna tal-illustrazzjoni, kien ġie spjegat li l-katalogu inkwistjoni kien “inħareġ fil-ħin għall-fiera speċjalizzata Automechanika 2010”. Minn dan, il-Bord tal-Appell ikkonkluda li l-katalogu kien ġie ppubblikat fl-2010, filwaqt li ppreċiża li l-konstatazzjoni ta’ data preċiża tal-pubblikazzjoni ma kinitx meħtieġa, peress li r-reġistrazzjoni tad-disinn ikkontestat kienet intalbet f’Novembru 2013. Huwa rrileva, barra minn hekk, li l-editorjal kien jirreferi għall-fatt li s-“sit internet ġdid www.easyfix.at, modifikat, [kien] online” u li dan kien spjega l-inkonsistenza bejn l-isem tad-dominju użat fil-qoxra u l-isem tad-dominju li kien jinsab fil-paġna 2. Barra minn hekk, il-Bord tal-Appell żied li ma kellu ebda dubju li d-dokument prodott fl-Anness C tat-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità, jiġifieri l-kopja parzjali ta’ katalogu, kien iġib id-data tal-2011; li r-riproduzzjoni skematika fid-dokument prodott fl-Anness E ta’ din it-talba, li tikkonċerna l-mudell ta’ utilità, kienet ġiet ippubblikata fil-bullettin Ġermaniż tal-privattivi fi Frar 2012, u għaldaqstant kienet ġiet żvelata lill-pubbliku mhux iktar tard minn din id-data; li t-tabelli li jiddendlu għall-karozzi rriprodotti fil-punt 4 hawn fuq kollha kellhom l-istess disinn; u li l-illustrazzjonijiet li jidhru fl-Annessi A sa D ta’ din it-talba kien fihom l-istess skeda informattiva ta’ BMW 520i Touring. Minn dan huwa kkonkluda li d-dokumenti prodotti fl-Annessi A sa E tat-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità kienu xierqa biex jiġi pprovat l-iżvelar tad-disinn preċedenti invokat, fis-sens tal-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 6/2002.

28      Il-Qorti Ġenerali tqis li jkun opportun li qabel kollox teżamina t-tieni sar-raba’ lmenti, li jikkonċernaw l-evalwazzjoni tal-valur probatorju tad-dokumenti prodotti fl-Annessi B u C tat-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità.

29      Fir-rigward tat-tieni lment, li biha r-rikorrenti tqiegħed inkwistjoni l-valur probatorju tad-dokument prodott fl-Anness B tat-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità, għandhom jingħataw il-kjarifiki li ġejjin dwar dan l-anness, li tiegħu l-Qorti Ġenerali setgħet tikkonsulta l-oriġinal fil-verżjoni karta tal-proċess tal-Bord tal-Appell. F’dan il-proċess, l-Anness B fil-verità ma fihx katalogu wieħed, iżda żewġ katalogi; minn naħa, “Katalogu 2010/11” ta’ EasyFix, li jikkonsisti f’128 paġna u żewġ paġni bħala qoxra tal-kartun, u, min-naħa l-oħra, katalogu ta’ “News 2010” ta’ EasyFix, li jikkonsisti f’31 paġna nnumerata u l-aħħar paġna mhux innumerata. Dawn huma siltiet minn dawn iż-żewġ katalogi, li r-rikorrenti hemżet mat-talba.

30      Mid-dokumenti fil-proċess jirriżulta li, fit-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità, EasyFix irreferiet għal żewġ katalogi bl-isem ta’ “EasyFix 2010/11” u “EasyFix News 2010”, li hija ppreżentat bħala tagħha (“unseren Katlogen”), u li, bħala anness ma’ din it-talba, annettiet l-oriġinali ta’ dawn iż-żewġ katalogi. L-EUIPO bagħat it-talba lir-rikorrenti bil-posta rreġistrata, flimkien ma’ kopja skennjata tal-annessi li huma ta’ 210 paġna.

31      Ċertament, għandu jiġi kkonstatat, kif qal l-EUIPO fil-punt 26 tar-risposta, li l-proċess elettroniku tal-Bord tal-Appell, kif skennjat u kkomunikat lir-rikorrenti, ma jirriproduċix fl-ordni korretta l-paġni taż-żewġ katalogi msemmija fil-punti 29 u 30 ta’ hawn fuq, għal raġuni mhux magħrufa.

32      Madankollu, għandu jiġi rrilevat li l-paġni kollha ta’ dawn iż-żewġ katalogi ntbagħtu lir-rikorrenti f’kopja skennjata. Ukoll, fin-nota li tesponi l-aggravji quddiem il-Bord tal-Appell, hija ċċitat ir-referenza ta’ EasyFix fil-katalogi prodotti fl-Anness B tat-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità bħala “Katalogi tagħha” (“unseren Katlogen”) “EasyFix 2010/11” u “EasyFix News 2010”, b’mod li r-rikorrenti ma tistax validament tgħid li ma tafx li l-Anness B kien jinkludi żewġ katalogi, mhux wieħed biss.

33      Barra minn din il-kjarifika, huwa importanti li jiġi rrilevat li huwa fil-paġna 2 tal-“Katalogu 2010/11” ta’ EasyFix (u fil-paġna 212 tal-proċess elettroniku tal-Bord tal-Appell), intitolat “Preisauszeichnung” (Lista tal-prezzijiet), li tidher l-immaġini rriprodotta fil-punt 4 tad-deċiżjoni kkontestata u fil-punt 4 hawn fuq, u ppreżentata bħala l-iżvelar tad-disinn preċedenti.

34      F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat, qabel kollox, f’dak li għandu x’jaqsam mal-prova tal-fatti kostituttivi tal-iżvelar, li l-paġna 2 tal-“Katalogu 2010/11”, fejn tidher rappreżentazzjoni tat-tabella li tiddendel għall-karozzi rriprodotta fil-punt 4 tad-deċiżjoni kkontestata flimkien mal-Anness B tat-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità, ippermetta lill-Bord tal-Appell jikkonstata l-iżvelar ta’ dan id-disinn. Wara, fir-rigward tal-prova tal-anterjorità ta’ dan l-iżvelar, il-paġna 1 tal-istess katalogu, fuq in-naħa ta’ quddiem tal-paġna 2, li fiha l-editorjal u d-dati msemmija fih, jiġifieri “Zum Start der Automechanika 2010” (għall-ftuħ ta’ Automechanika 2010) u “Ab 2011 werden in Deutschland” (mill‑2011, fil-Ġermanja), ippermettiet lill-Bord tal-Appell jikkonkludi, mingħajr ma jwettaq żball fl-evalwazzjoni tal-provi, li l-iżvelar tal-imsemmija disinn seħħ fl-2010 jew, l-iktar tard, fl-2011, iżda f’kull każ qabel id-data rilevanti tat-28 ta’ Novembru 2013. Dan huwa iktar u iktar hekk billi l-provi tal-fatti kostituttivi u tal-anterjorità ta’ tali żvelar huma kkorroborati mill-paġna 3 tal-katalogu “News 2010” prodott fl-Anness B u mill-estratt tal-katalogu ta’ AHB tal-2011, li jidher fl-Anness C tat-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità.

35      Barra minn hekk, għandu jiġi kkunsidrat, kif qal l-EUIPO fil-punt 29 tar-risposta, li ma hemmx l-eżiġenza li tiġi prodotta kull paġna ta’ katalogu bħala prova, iżda li estratti ta’ tali katalogu jistgħu jiġu prodotti, mingħajr ma neċessarjament jitnaqqas il-valur probatorju tal-paġni prodotti. Għalhekk, fid-dawl tal-provi kollha ppreżentati, b’mod partikolari l-paġni 1 u 2 tal-“Katalogu 2010/11”, il-Bord tal-Appell ma kienx obbligat li jevalwa separatament il-qoxra ta’ dan il-katalogu.

36      Barra minn hekk, hemm lok li jiġi rrilevat li t-tqassim tal-paġna, il-kulur u l-kontenut tal-varji paġni jikkoinċidu b’tali mod li jippermetti li ssir il-konklużjoni li dawn kienu fil-katalogi rilevanti magħrufa bħala “Katalogu 2010/11” u “News 2010”, kif sostniet EasyFix. Tkun xi tkun ir-raġuni għad-diverġenza bejn l-ismijiet tad-dominju indikati fil-paġna 1 tal-katalogu li fih l-editorjal u l-paġna 2 tal-katalogu li tirriproduċi d-disinn preċedenti, jiġifieri “www.easyfix.at”, minn naħa, u “www.easyfix.co.at”, min-naħa l-oħra, dan ma jeskludix li dawn iż-żewġ paġni joriġinaw mill-istess “Katalogu 2010/11”, peress li dan huwa fil-fatt dak tan-naħa ta’ wara u ta’ quddiem tal-istess paġna. L-estratt mir-reġistru Awstrijak tal-ismijiet tad-dominju anness mat-talba għaldaqstant ma huwiex rilevanti.

37      Sa fejn, waqt is-seduta, ir-rikorrenti sempliċement esprimiet dubji dwar l-eżistenza stess u l-awtentiċità tal-katalogi invokati minn EasyFix, għandu jiġi kkonstatat li tali dubji ma humiex biżżejjed biex iqiegħdu inkwistjoni s-serje ta’ indizji konkordanti, b’mod partikolari l-katalogi ta’ EasyFix u l-katalogu ta’ AHB, ipprovduti minn EasyFix u adottati mill-Bord tal-Appell biex jikkonkludu li huma prova tal-fatti kostituttivi ta’ żvelar, iktar u iktar peress li l-allegazzjonijiet tar-rikorrenti dwar manipulazzjoni possibbli tal-katalogi prodotti minn EasyFix ma ġewx stabbiliti u l-argument tagħha li ma hemm ebda dikjarazzjoni ġuramentata tmur kontra l-libertà ta’ għażla tal-prova rrikonoxxuta lil min jagħmel talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-17 ta’ Mejju 2018, Basil vs EUIPO – Artex (Basktijiet speċjali għar-roti), T‑760/16, EU:T:2018:277, punti 47 sa 49 u 53).

38      Fi kwalunkwe każ, il-Qorti Ġenerali, li għandha f’idejha l-verżjoni karta tal-proċess tal-Bord tal-Appell, tikkonstata l-eżistenza u n-numerazzjoni kontinwa taż-żewġ katalogi oriġinali ta’ EasyFix prodotti fl-Anness B tat-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità. Barra minn hekk, waqt is-seduta, ir-rikorrenti setgħet tara l-oriġinali ta’ dawn iż-żewġ katalogi. Fuq stedina tal-Qorti, hija kkonfermat il-preżenza, fl-oriġinal tal-“Katalogu 2010/11”, fil-paġna 2, ta’ ritratti tal-prodott invokat minn EasyFix u, fuq in-naħa ta’ wara ta’ din il-paġna, jiġifieri fil-paġna 1, tar-referenzi għas-snin 2010 u 2011, kif ukoll il-koeżistenza, fuq l-istess paġna fiż-żewġ naħat, tal-ismijiet tad-dominju “www.easyfix.at” u “www.easyfix.co.at”. Hija kkonfermat ukoll il-preżenza, fl-oriġinal tal-katalogu l-ieħor ta’ EasyFix “News 2010”, fil-paġna 3, tal-prodott invokat minn EasyFix, bid-data tat-31 ta’ Awwissu 2010 fil-qiegħ tal-paġna. Dawn il-konfermi ġew irreġistrati fil-proċess verbal tas-seduta.

39      Fl-aħħar mill-aħħar, għalkemm hija ħasra li d-dipartimenti amministrattivi tal-EUIPO kkomunikaw lir-rikorrenti ż-żewġ katalogi prodotti fl-Anness B tat-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità b’numerazzjoni mhux konsekuttiva li ma kinitx tikkorrispondi mal-ordni tal-paġni tal-katalogi oriġinali, ċirkustanza bħal din bl-ebda mod ma tista’ tqajjem dubji dwar il-legalità tad-deċiżjoni kkontestata f’dak li jirrigwarda l-prova tal-fatti kostituttivi u tal-anterjorità tal-iżvelar tat-tabelli li jiddendlu għall-karozzi rriprodotti fil-punt 4 tad-deċiżjoni kkontestata fir-rigward tal-Anness B u, b’mod partikolari, il-valur probatorju ta’ dawn id-dokumenti għall-fini li jiġi stabbilit l-iżvelar tad-disinn preċedenti.

40      Għaldaqstant, it-tieni lment għandu jitwarrab.

41      Fir-rigward tat-tielet ilment, li bih ir-rikorrenti tikkritika lill-Bord tal-Appell talli wettaq konklużjoni tar-riferiment għall-fiera internazzjonali Automechanika 2010 fl-editorjali tal-“Katalogu 2010/11”, prodott fl-Anness B tat-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità, għandu jiġi kkonstatat li l-fatt li dan l-editorjal isemmi din il-fiera internazzjonali u jidher fil-paġna 1 tal-katalogu, fin-naħa ta’ wara tal-paġna 2 ta’ dan il-katalogu, fejn tidher ir-rappreżentazzjoni tat-tabella li tiddendel għall-karozzi rriprodott fil-punt 4 tad-deċiżjoni kkontestata fir-rigward tal-Anness B, jippermetti li jiġi ddatat l-iżvelar ta’ dan id-disinn fl-2010 jew, l-iktar tard, fl-2011. Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li kull wieħed minn dawn iż-żewġ katalogi prodotti fl-Anness B għandu jiġi evalwat fl-intier tiegħu u flimkien mal-provi kollha prodotti, konformement mal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 22 hawn fuq, u għalhekk jista’ jiġi ddatat b’ċertezza qabel id-data rilevanti. Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma ppreżentat ebda indizju li joħloq xi dubji dwar jekk il-katalogi tqassmux effettivament fl-2010, għall-iskop ta’ din il-fiera internazzjonali għat-tieni, l-iktar tard, fl-2011.

42      Fir-rigward tar-raba’ lment, li biha r-rikorrenti ssostni b’mod partikolari li d-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni ġustament ma ħaditx inkunsiderazzjoni tad-dokument prodott fl-Anness C tat-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità, għandu jiġi rrilevat, qabel kollox, li, fid-deċiżjoni tagħha tat-3 ta’ Ġunju 2016, id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni ma qisitx li d-dokument ma kienx adatt biex jikkontribwixxi għall-prova ta’ żvelar tat-tabella li tiddendel għall-vetturi inkwistjoni fl-evalwazzjoni globali, iżda sempliċement qieset li l-fatti kostituttivi tal-iżvelar u tal-anterjorità ta’ dan l-iżvelar fid-data rilevanti kienu diġà ġew ipprovati fuq il-bażi ta’ elementi oħra. Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li, fl-evalwazzjoni globali tal-provi, dan id-dokument huwa rilevanti wkoll. Fil-fatt, dan l-estratt tal-katalogu ta’ AHB juri fuq l-istess qoxra kemm t-tabella li tiddendel għall-karozzi kif ukoll is-sena 2011. Barra minn hekk, xejn ma qiegħed isostni l-allegazzjoni tar-rikorrenti li tgħid li hija użanza normali li jiġu skambjati l-katalogi mhux ippubblikati fi ħdan grupp ta’ kumpanniji li tagħhom EasyFix kienet parti.

43      Għandu jiġi konkluż, fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal hawn fuq, li l-fatti kostituttivi tal-iżvelar tat-tabella li tiddendel għall-karozzi li jidher fil-paġna 2 tal-“Katalogu 2010/11” ta’ EasyFix u rriprodott fil-punt 4 tad-deċiżjoni kkontestata fir-rigward tal-Anness B tat-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità (ara l-punt 4 hawn fuq) ġew ipprovati biżżejjed f’dan il-katalogu, kif ukoll in-natura anterjuri ta’ dan l-iżvelar. Dawn il-provi huma kkorroborati wkoll minn elementi addizzjonali bħall-katalogu “News 2010” ta’ EasyFix li jidher ukoll fl-Anness B, u l-estratt mill-katalogu ta’ AHB prodott fl-Anness C tat-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità. Konsegwentement, il-Bord tal-Appell ġustament qies li l-fatti kostituttivi tal-iżvelar ta’ disinn u n-natura anterjuri ta’ dan l-iżvelar kienu ġew stabbiliti fid-dawl tal-Annessi B u C, li kien fihom katalogi ddatati.

44      Minn dan isegwi li l-ewwel, il-ħames, is-sitt u s-seba’ lment, dwar id-dokumenti prodotti fl-Annessi A, D u E tat-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità jew fl-immaġini 1 tad-disinn ikkontestat, għandhom jitwarrbu bħala ineffettivi.

45      Għal dawn ir-raġunijiet kollha, l-ilmenti tar-rikorrenti ma jippermettux li titqiegħed inkwistjoni l-legalità tad-deċiżjoni kkontestata fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-provi dwar il-fatti kostituttivi tal-iżvelar tad-disinn u n-natura anterjuri ta’ dan l-iżvelar fir-rigward tad-data rilevanti. Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma wrietx, u lanqas ma allegat, li ċ-ċirkustanzi tal-każ jistgħu raġonevolment jkunu tali li jostakolaw, fil-kors normali tan-negozju, li dawn il-fatti jkunu magħrufa fl-ambjenti speċjalizzati li joperaw fis-settur ikkonċernat fl-Unjoni. Minħabba l-assenza ta’ indizji kuntrarji li jippermettu li wieħed jikkonkludi li dawn il-katalogi ma kinux tqassmu lil dawn l-ambjenti speċjalizzati, huwa mingħajr ma wettaq ebda żball li l-Bord tal-Appell seta’ jikkonkludi li kien ġie żvelat id-disinn preċedenti.

46      Għaldaqstant, l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat.

 Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tad-dritt għal smigħ, konformement mat-tieni frażi tal-Artikolu 62 tar-Regolament Nru 6/2002

47      Ir-rikorrenti tallega li l-Bord tal-Appell kiser id-dritt tagħha li tinstema’ billi ma tahiex l-opportunità li tieħu pożizzjoni dwar id-dokumenti prodotti fl-Annessi A u D tat-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità qabel ma bbaża ruħu fuqhom fid-deċiżjoni kkontestata (b’mod partikolari fil-punti 31 sa 35), u dan bil-kontra tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni li ma ħadithomx inkunsiderazzjoni bħala “ritratti bla data”, billi d-data tal-istampar kienet tiġi wara d-data tal-preżentata tad-disinn ikkontestat. Ir-rikorrenti ssostni li, kieku l-Bord tal-Appell kien jagħtiha l-opportunità tesprimi l-fehmiet tagħha, hija kienet tkun tista’ tindika li ma kien hemm ebda pubblikazzjoni effettiva minn qabel u kienet tkun tista’, barra minn hekk, “tiddefendi ruħha kontra [dawn l-annessi]”.

48      L-EUIPO jikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

49      Skont it-tieni frażi tal-Artikolu 62 tar-Regolament Nru 6/2002, id-deċiżjonijiet tal-EUIPO għandhom ikunu bbażati biss fuq motivi jew provi li fuqhom il-partijiet ikollhom il-possibbiltà li jieħdu pożizzjoni. Din id-dispożizzjoni tistabbilixxi, fil-kuntest tad-dritt tad-disinni tal-Unjoni, il-prinċipju ġenerali ta’ rispett tad-drittijiet tad-difiża. Bis-saħħa ta’ dan il-prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, id-destinatarji tad-deċiżjonijiet tal-awtoritajiet pubbliċi li jaffettwaw b’mod kunsiderevoli l-interessi tagħhom għandhom ikollhom l-opportunità li jressqu l-opinjoni tagħhom b’mod effettiv. Id-dritt għal smigħ jestendi b’mod korrispondenti għal kull kwistjoni ta’ fatt jew ta’ dritt li tifforma l-bażi tal-att deċiżjonali, iżda mhux għall-pożizzjoni finali li l-amministrazzjoni jkollha l-ħsieb li tadotta (ara s-sentenzi tas-27 ta’ Ġunju 2013, Beifa Group vs OHMI – Schwan-Stabilo Schwanhäußer (Strumenti tal-kitba), T‑608/11, mhux ippubblikata, EU:T:2013:334, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata; tad-9 ta’ Frar 2017, Mast-Jägermeister vs EUIPO (Tazzi), T‑16/16, EU:T:2017:68, punt 57; u tal-21 ta’ Ġunju 2018, Haverkamp IP vs EUIPO – Sissel (Twapet tal-art), T‑227/16, mhux ippubblikata, EU:T:2018:370, punt 67).

50      F’dan il-każ, għandu jiġi rrilevat, preliminarjament, li d-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni ma kklassifikatx id-dokumenti prodotti fl-Annessi A u D tat-talba għall-invalidità bħala provi mhux rilevanti għaliex “ritratti bla data”. Għall-kuntrarju, id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni kkonstatat l-iżvelar tad-disinn preċedenti fuq il-bażi ta’ provi oħra, b’mod li ma kienx neċessarju li dawn l-annessi jiġu indirizzati separatament (ara l-punt 43 hawn fuq).

51      Wara, għandu jiġi osservat li l-Bord tal-Appell kien intitolat li jibbaża d-deċiżjoni kkontestata fuq it-tqabbil bejn id-disinn ikkontestat u d-disinn irriprodott fid-dokumenti prodotti fl-Annessi A u D tat-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità. Fil-fatt, mill-Artikolu 60(1) tar-Regolament Nru 6/2002 jirriżulta li, minħabba l-azzjoni li tressqet quddiemha, il-Bord tal-Appell huwa mistenni jwettaq eżami sħiħ mill-ġdid tal-mertu tat-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità, kemm fil-liġi kif ukoll fil-fatt. Din il-konstatazzjoni timplika li l-Bord tal-Appell jista’ jibbaża ruħu fuq kwalunkwe disinn preċedenti invokat minn min jagħmel talba għal dikjarazzjoni għal invalidità, mingħajr ma jkun marbut bil-kontenut tad-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni u mingħajr ma jagħti ebda raġuni speċifika fuq dan il-punt [ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-14 ta’ Ġunju 2011, Sphere Time vs OHMI – Punch (Arloġġ marbut ma’ ċinga), T‑68/10, EU:T:2011:269, punt 13 u l-ġurisprudenza ċċitata). Issa, f’dan il-każ, mhux qiegħed jiġi kkontestat li d-dokumenti prodotti fl-Annessi A u D ġew invokati minn EasyFix insostenn tat-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità.

52      F’dawn iċ-ċirkustanzi, konformement mad-dritt tar-rikorrenti li tinstema’, kien il-Bord tal-Appell li kellu jagħtiha l-opportunità li tesprimi l-osservazzjonijiet fuq il-punti ta’ fatt u ta’ liġi tal-proċess. Issa, ir-rikorrenti kellha suffiċjentement l-okkażjoni li tagħmel dan tul il-proċedimenti, inkluż dwar id-dokumenti prodotti fl-Annessi A u D tat-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità.

53      Min-naħa l-oħra, skont il-ġurisprudenza stabbilita ċċitata fil-punt 49 hawn fuq, il-Bord tal-Appell, qabel ma jadotta d-deċiżjoni kkontestata, ma kienx marbut li jisma’ lir-rikorrenti fir-rigward tal-pożizzjoni finali li kellha l-ħsieb li tadotta, li tagħha l-evalwazzjoni tad-dokumenti prodotti fl-Annessi A u D tat-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità kienet tifforma parti integrali.

54      It-tieni motiv għandu għaldaqstant jiġi miċħud bħala infondat.

 Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni, konformement mal-ewwel frażi tal-Artikolu 62 tar-Regolament Nru 6/2002

55      Ir-rikorrenti ssostni li l-Bord tal-Appell kiser id-dmir tiegħu ta’ motivazzjoni meta ddikjara, mingħajr ebda ġustifikazzjoni, fil-punt 19 tad-Deċiżjoni kkontestata, li ma hemm l-ebda dubju li d-dokument prodott fl-Anness C tat-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità kien iddatat 2011, meta qabel kienet ikkontestat il-pubblikazzjoni preċedenti tad-dokumenti prodotti fl-Annessi A sa C ta’ din it-talba u kienet ukoll ipprovdiet indizji li jikkonfutaw il-pubblikazzjoni preċedenti. Il-Bord tal-Appell, peress li kien ibbaża wkoll id-deċiżjoni kkontestata (b’mod partikolari fil-punti 22, 31, 32 u 35) fuq l-illustrazzjoni li tidher fl-Anness C, kellu jispjega għaliex qies, bil-kontra tal-osservazzjonijiet tar-rikorrenti, li d-dokument prodott f’dan l-anness kien is-suġġett ta’ pubblikazzjoni preċedenti u kien jikkostitwixxi prova ta’ żvelar anterjuri.

56      L-EUIPO jikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

57      Bis-saħħa tal-ewwel frażi tal-Artikolu 62 tar-Regolament Nru 6/2002, id-deċiżjonijiet tal-EUIPO għandhom ikunu motivati. Dan l-obbligu għandu l-istess portata bħal dak li jirriżulta mill-Artikolu 296 TFUE, li jgħid li r-raġunament tal-awtur tal-att għandu jidher b’mod ċar u mhux ekwivoku. Dan l-obbligu għandu l-għan doppju li jippermetti, minn naħa, li l-persuni kkonċernati jkunu jafu l-ġustifikazzjonijiet tal-miżura meħuda sabiex ikunu jistgħu jiddefendu d-drittijiet tagħhom u, min-naħa l-oħra, li l-Qorti tal-Unjoni tistħarreġ il-legalità tad-deċiżjoni (ara s-sentenza tal-25 ta’ April 2013, Bell & Ross vs OHMI – KIN (Kaxxa tal-arloġġ tal-idejn), T‑80/10, mhux ippubblikata, EU:T:2013:214, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata). Il-kwistjoni dwar jekk il-motivazzjoni ta’ deċiżjoni tissodisfax dawn ir-rekwiżiti għandha tiġi evalwata mhux biss fid-dawl tal-formulazzjoni tagħha, iżda wkoll fid-dawl tal-kuntest tagħha kif ukoll tas-sett ta’ regoli legali li jirregolaw il-materja kkonċernata (sentenzi tad-9 ta’ Frar 2017, Tazzi, T‑16/16, EU:T:2017:68, punt 58, u tal-14 ta’ Marzu 2018, Gifi Diffusion vs EUIPO – Crocs (Żraben), T‑424/16, mhux ippubblikata, EU:T:2018:136, punt 29).

58      Madankollu, ma jistax ikun meħtieġ mill-Bordijiet tal-Appell li jipprovdu espożizzjoni eżawrjenti u wieħed wieħed għall-argumenti mressqa mill-partijiet quddiemhom. Għaldaqstant, il-motivazzjoni tista’ tkun impliċita bil-kundizzjoni li hija tippermetti lill-partijiet ikkonċernati jkunu jafu r-raġunijiet għalfejn ġiet adottata d-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell u lill-qorti kompetenti jkollha għad-dispożizzjoni tagħha elementi suffiċjenti sabiex teżerċita l-istħarriġ tagħha (sentenzi tal-25 ta’ April 2013, Kaxxa tal-arloġġ tal-idejn, T‑80/10, mhux ippubblikata, EU:T:2013:214, punt 37; tal-4 ta’ Lulju 2017; Murphy vs EUIPO – Nike Innovate (Ċinga ta’ arloġġ elettroniku), T‑90/16, mhux ippubblikata, EU:T:2017:464, punt 19; u tad-29 ta’ Novembru 2018, Sata vs EUIPO – Zhejiang Auarita Pneumatic Tools (Pistola għaż-żebgħa), T‑651/17, mhux ippubblikata, EU:T:2018:855, punt 21). Raġunijiet mhux espliċiti jistgħu għalhekk jittieħdu inkunsiderazzjoni meta jkunu ta’ natura evidenti, kemm għall-partijiet ikkonċernati kif ukoll għall-qorti kompetenti (ara s-sentenza tat-14 ta’ Marzu 2018, Żraben, T‑424/16, mhux ippubblikata, EU:T:2018:136, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata).

59      F’dan il-każ, għandu jiġi rrilevat li l-Anness C tat-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità jinkludi kopja tal-qoxra ta’ katalogu tal-2011 ta’ AHB, li fih jidhru d-disinn preċedenti u l-intestatura “Katalog 2011” (katalogu 2011). Huwa għal din ir-raġuni li l-Bord tal-Appell, fil-punt 4 tad-deċiżjoni kkontestata, iddeskriva d-dokument prodott f’dan l-anness bħala l-“[k]opkja ta’ katalogu ta’ kumpannija terza tal-2011 (estratti)”, ħaġa li hija magħrufa mir-rikorrenti u mhux ikkontestata minnha. Huwa wkoll għal din i-raġuni li, fil-punt 19 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell seta’ jikkonstata li huwa “ma [kienx] ċert li [d-dokument prodott fl-]Anness C, kopja parzjali ta’ katalogu, kien datat 2011”. Din il-konstatazzjoni toħroġ b’mod evidenti mill-konsultazzjoni ta’ dan id-dokument, li jindika “Katalogu 2011” u ġie kkomunikat lir-rikorrenti. F’dan il-kuntest, ma kinitx meħtieġa motivazzjoni addizzjonali. Barra minn hekk, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 58 hawn fuq, jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni motivazzjonijiet espliċiti meta jkollhom natura evidenti, kemm għall-partijiet ikkonċernati kif ukoll għall-qorti kompetenti. Dan huwa manifestament il-każ fir-rigward tal-indikazzjoni tas-sena 2011 fid-dokument prodott fl-Anness C.

60      Barra minn hekk, għandu jitfakkar ukoll li l-Bord tal-Appell ma bbażax il-konklużjoni tiegħu fuq l-iżvelar anterjuri biss fuq id-dokument prodott fl-Anness C tat-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità, iżda li dan id-dokument jikkostitwixxi biss element wieħed fl-evalwazzjoni globali tal-provi prodotti, rilevanti b’mod partikolari għall-mument tal-imsemmi żvelar. Fil-verità, il-prova prinċipali ta’ dan l-iżvelar hija d-dokument prodott fl-Anness B tat-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità (ara l-punti 42 u 43 hawn fuq).

61      It-tielet motiv, għaldaqstant, għandu jiġi miċħud bħala infondat.

 Fuq ir-raba’ motiv, li jallega evalwazzjoni żbaljata tal-karattru individwali tad-disinn ikkontestat, bi ksur tal-Artikolu 6 u tal-Artikolu 25(1)(b) tar-Regolament Nru 6/2002

62      Permezz tar-raba’ motiv, ir-rikorrenti tikkritika l-evalwazzjoni żbaljata tal-karattru individwali tad-disinn ikkontestat li l-Bord tal-Appell wettaq. Dan il-motiv jikkonsisti f’żewġ ilmenti dwar, l-ewwel, il-grad ta’ libertà tad-disinjatur fl-elaborazzjoni tad-disinn u, it-tieni, il-paragun tad-disinni kunfliġġenti, fid-dawl tal-attenzjoni li l-utent avżat jagħti għad-differenzi bejniethom.

63      L-EUIPO jikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

64      Bis-saħħa tal-Artikolu 25(1)(b) tar-Regolament Nru 6/2002, disinn Komunitarju jista’ jiġi ddikjarat invalidu biss fil-każijiet elenkati f’din id-dispożizzjoni, b’mod partikolari jekk ma jissodisfax il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 4 sa 9 tal-istess regolament. Għandu jiġi ppreċiżat li, kuntrarjament għar-raġunijiet ta’ invalidità msemmija fl-Artikolu 25(1)(ċ) sa (g) ta’ dan ir-regolament, ir-raġunijiet ta’ invalidità msemmija fil-punti (a) u (b) jistgħu, bħala prinċipju, jiġu invokati minn kullħadd.

65      Skont l-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 6/2002, il-protezzjoni ta’ disinn permezz ta’ disinn Komunitarju ma huwiex żgurat ħlief sa fejn ikun ġdid u jkollu karattru individwali. Skont l-Artikolu 6(1)(b) tal-istess regolament, disinn jitqies li jkollu karattru individwali jekk l-impressjoni globali li jipproduċi fuq utent avżat tkun differenti minn dik li titħalla fuq dan l-utent minn kull disinn li jkun ġie żvelat lill-pubbliku qabel id-data tal-preżentata tat-talba għar-reġistrazzjoni jew, jekk ikun hemm talba għal prijorità, qabel id-data tal-prijorità. L-Artikolu 6(2) tal-istess regolament iżid li, fl-evalwazzjoni tal-karattru individwali, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-grad ta’ libertà tad-disinjatur fl-elaborazzjoni tad-disinn. Il-premessa 14 tal-imsemmi regolament tippreċiża li, fl-evalwazzjoni tal-karattru individwali ta’ disinn fir-rigward tal-patrimonju tad-disinni, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-karattru tal-prodott li għalih japplika d-disinn jew li fih ikun ser jiġi inkorporat u, b’mod partikolari, is-settur industrijali li jaqa’ fih.

66      Skont il-ġurisprudenza, mid-dispożizzjonijiet hawn fuq jirriżulta li l-evalwazzjoni tal-karattru individwali ta’ disinn Komunitarju jimxi, sostanzjalment, fuq eżami f’erba’ fażijiet. Dan l-eżami jikkonsisti f’li jiġi ddeterminat, fl-ewwel lok, is-settur tal-prodotti li fih id-disinn huwa ddestinat li jiġi inkorporat jew li miegħu jkun iddestinat li jiġi applikat, fit-tieni lok, l-utent avżat tal-imsemmija prodotti skont l-iskop tagħhom u, b’riferiment għal dan l-utent avżat, il-grad ta’ għarfien ta’ arti preċedenti kif ukoll il-livell ta’ attenzjoni għas-similitudnijiet u għad-differenzi fit-tqabbil tad-disinni, fit-tielet lok, il-grad ta’ libertà tad-disinjatur fl-elaborazzjoni tad-disinn, li tiegħu l-influwenza tad-disinjatur hija proporzjonalment inversa, u, fir-raba’ lok, filwaqt li wieħed jieħu inkunsiderazzjoni dan kollu, ir-riżultat tat-tqabbil, dirett jew possibbli, tal-impressjonijiet globali prodotti fuq l-utent avżat mid-disinn ikkontestat u minn kull disinn preċedenti żvelat lill-pubbliku, meħud individwalment (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-7 ta’ Novembru 2013, Budziewska vs OHMI – Puma (Felin li jaqbeż), T‑666/11, mhux ippubblikata, EU:T:2013:584, punt 21 u l-ġurisprudenza ċċitata; tal-10 ta’ Settembru 2015, H&M Hennes & Mauritz vs OHMI – Yves Saint Laurent (Basktijiet tal-idejn), T‑525/13, EU:T:2015:617, punt 32; u tal-21 ta’ Ġunju 2018, Twapet tal-art, T‑227/16, mhux ippubblikat, EU:T:2018:370, punt 22].

67      Fil-każ preżenti, huwa paċifiku li s-settur ikkonċernat mid-disinni kunfliġġenti huwa dak ta’ “tabelli li jiddendlu għall-karozzi”. Għandhom jiġu eżaminati, wieħed wieħed, il-grad ta’ libertà tad-disinjatur u t-tqabbil tal-impressjonijiet globali prodotti minn dawn id-disinni.

 Fuq l-utent avżat

68      Ir-rikorrenti ma tagħmel ebda lment speċifiku dwar l-utent avżat kif iddefinit mill-Bord tal-Appell. Madankollu, fil-punti 49 u 55 tar-rikors, hija tikkontesta l-konstatazzjoni tal-Bord tal-Appell li l-utent avżat ma jagħtix “attenzjoni partikolari” lil ċerti differenzi, li ma tiħux inkunsiderazzjoni l-“għarfien” ta’ dan l-utent. Għandu għaldaqstant jiġu stabbilit il-grad ta’ għarfien u l-livell ta’ attenzjoni tal-utent avżat, li minnhom tirriżulta l-kapaċità li wieħed jipperċepixxi d-differenzi bejn id-disinni kunfliġġenti.

69      Skont il-ġurisprudenza dwar il-kunċett ta’ “utent avżat”, minn naħa, il-kwalità ta’ “utent” timplika li l-persuna kkonċernata, kemm jekk tkun utent finali jew xerrej professjonali, tuża l-prodott li fih id-disinn ikun inkorporat f’konformità mal-għan li għalih ikun iddestinat l-istess prodott. Min-naħa l-oħra, il-klassifikazzjoni ta’ “avżat” tissuġġerixxi li, mingħajr ma wieħed ikun disinjatur jew espert tekniku, dan l-utent ikollu għarfien tad-disinni differenti li jeżistu fis-settur ikkonċernat, ikollu ċertu grad ta’ għarfien ta’ xi jfissru normalment dawn id-disinni, u, minħabba l-interess tiegħu għall-prodotti kkonċernati, juri livell ta’ attenzjoni relattivament għolja meta jużahom. Madankollu, dan il-fatt ma jimplikax li l-utent avżat ikun kapaċi, lil hinn mill-esperjenza miksuba permezz tal-użu tal-prodott ikkonċernat, jiddistingwi l-aspetti tal-apparenza tal-prodott li jkunu imposti mill-funzjoni teknika tiegħu minn dawk li jkunu arbitrarji (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑20 ta’ Ottubru 2011, PepsiCo vs Grupo Promer Mon Graphic, C‑281/10 P, EU:C:2011:679, punt 59; ara, ukoll, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-22 ta’ Ġunju 2010, Shenzhen Taiden vs OHMI – Bosch Security Systems (Tagħmir ta’ komunikazzjoni), T‑153/08, EU:T:2010:248, punti 46 sa 48, u tal-21 ta’ Ġunju 2018, Twapet tal-art, T‑227/16, mhux ippubblikata, EU:T:2018:370, punt 37).

70      Il-kunċett ta’ “utent avżat” għandu għalhekk jinftiehem bħala kunċett intermedju bejn dak ta’ “konsumatur medju” fil-qasam tat-trade marks, li għalih ma huwa mitlub ebda għarfien speċifiku, u li, b’mod ġenerali, minħabba l-memorja imperfetta tiegħu, ma joħloqx relazzjoni diretta bejn it-trade marks kunfliġġenti, u dak tan-“negozjant” fil-liġi dwar il-privattivi, espert b’ħiliet tekniċi estensivi. B’dan il-mod, il-kunċett ta’ utent avżat jista’ jinftiehem li jfisser utent li ma għandux attenzjoni medja, imma viġilanza partikolari, kemm minħabba l-esperjenza personali tiegħu jew kemm minħabba għarfien wiesa’ tas-settur ikkonċernat (sentenza tas-20 ta’ Ottubru 2011, PepsiCo vs Grupo Proer Mon Graphic, C‑281/10 P, EU:C:2011:679, punt 53, tal-21 ta’ Ġunju 2018, Twapet tal-art, T‑227/16, mhux ippubblikata, EU:T:2018:370, punt 36, u tad-29 ta’ Novembru 2018, Pistola taż-żebgħa, T‑651/17, mhux ippubblikata, EU:T:2018:855, punt 20). Fir-rigward tal-grad ta’ attenzjoni tal-utent avżat, għalkemm ma huwiex il-konsumatur medju normalment informat u raġonevolment attent u avżat li normalment jipperċepixxi disinn fl-intier tiegħu u ma jwettaqx eżami tad-diversi dettalji tiegħu, huwa lanqas ma huwa l-espert jew l-ispeċjalista, bħal ma huwa l-bniedem tas-sengħa, li jkun kapaċi josserva fid-dettall id-differenzi minimi li jistgħu jeżistu bejn id-disinni kunfliġġenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-20 ta’ Ottubru 2011, PepsiCo vs Grupo Promer Mon Graphic, C‑281/10 P, EU:C:2011:679, punt 59).

71      F’dan il-każ, il-Bord tal-Appell, fil-punt 26 tad-deċiżjoni kkontestata, iddefinixxa l-utenti avżati tad-disinni kkontestati bħala negozjanti li riedu jittikkettjaw il-prodotti tagħhom kif ukoll persuni responsabbli għax-xiri fl-impriżi, li jkunu jixtru mil-listi tal-prezzijiet, jiġifieri tabelli li jiddendlu għall-karozzi. Għandu jiġi kkonstatat li din id-definizzjoni, filwaqt li ma ġietx ikkontestata mir-rikorrenti, ma fihiex żball.

72      Fir-rigward tal-grad ta’ għarfien u tal-livell ta’ attenzjoni tal-utent avżat, b’mod partikolari mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 69 u 70 hawn fuq, kif ukoll fil-punt 25 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li, anki jekk din il-persuna ta’ riferiment ikollha ċertu grad ta’ għarfien tad-diversi disinni li jeżistu fis-settur ikkonċernat u juru livell relattivament għoli ta’ attenzjoni u viġilanza partikolari meta jużawhom, xorta ma tkunx espert jew speċjalista, bħall-bniedem tas-sengħa, li jkun kapaċi josserva fid-dettall id-differenzi minimi li jistgħu jeżistu bejn id-disinni kunfliġġenti.

 Fuq il-grad ta’ libertà tad-disinjatur

73      Bl-ewwel ilment, ir-rikorrenti tikkritika lill-Bord tal-Appell talli, fil-punt 27 tad-deċiżjoni kkontestata, qies bħala “kbir” il-grad ta’ libertà tad-disinjatur fl-elaborazzjoni ta’ “tabelli informattivi [jew tabelli li jiddendlu], sinjali għall-vetturi”, kemm fil-forma kif ukoll fil-materjal użat. Skont hi, dan il-grad ta’ libertà huwa baxx ħafna u suġġett għal limitazzjonijiet fir-rigward tal-forma u tad-daqs. Peress li l-karta li għandha tiddaħħal fiha għandha informazzjoni dwar il-karozza u informazzjoni dwar il-prezz, hija neċessarja forma rettangolari. B’mod simili, fir-rigward tad-daqs u d-dimensjonijiet, dawn għandhom neċessarjament ikunu f’format ta’ mill-inqas A4 għall-viżibbiltà u format massimu li jiddependi mid-dimensjonijiet rispettivi tal-ħġieġ minn ġewwa li magħhom ikunu ser jitwaħħlu t-tabelli. B’dan il-mod, il-grad ta’ libertà tad-disinjatur ikun fil-parti l-kbira limitat, minn naħa, bl-użu previst (inserzjoni ta’ karta ta’ format minimu A4, li fiha jidhru d-dettalji tal-karozza u informazzjoni dwar il-prezz) u, min-naħa l-oħra, mid-dimensjonijiet rispettivi tal-ħġieġ tal-vettura.

74      Skont il-ġurisprudenza, il-grad ta’ libertà tad-disinjatur fl-elaborazzjoni ta’ disinn huwa ddefinit li jibda, b’mod partikolari, mir-restrizzjonijiet marbuta mal-karatteristiċi imposti mill-funzjoni teknika tal-prodott jew ta’ element tal-prodott, jew ukoll mir-rekwiżiti legali applikabbli għall-prodott. Dawn ir-restrizzjonijiet iwasslu għal normalizzazzjoni ta’ ċerti karatteristiċi, li jsiru komuni għad-disinni applikati għall-prodott ikkonċernat (sentenzi tat-18 ta’ Marzu 2010, Grupo Promer Mon Graphic vs OHMI – PepsiCo (Rappreżentazzjoni ta’ mezz promozzjonali tond), T‑9/07, EU:T:2010:96, punt 67; tad-9 ta’ Settembru 2011, Kwang Yang Motor vs OHMI – Honda Giken Kogyo (Magna b’kombustjoni interna), T‑10/08, EU:T:2011:446, punt 32, u tal-21 ta’ Ġunju 2018, Twapet tal-art, T‑227/16, mhux ippubblikata, EU:T:2018:370, punt 54).

75      Madankollu, tendenza ġenerali fil-qasam tad-design ma tistax titqies li hija fattur ta’ limitazzjoni tal-libertà tad-disinjatur, peress li hija preċiżament din il-libertà ta’ disinjatur li tippermettilu jiskopri forom ġodda, tendenzi ġodda, jew innovazzjoni fil-kuntest ta’ tendenza eżistenti (sentenza tat-13 ta’ Novembru 2012, Antrax It vs OHMI – THC (Radjaturi ta’ tisħin), T‑83/11 u T‑84/11, EU:T:2012:592, punt 95). Fil-fatt, il-kwistjoni dwar jekk disinn isegwix jew le tendenza ġenerali ta’ design hija rilevanti, l-iktar l-iktar, fir-rigward tal-perċezzjoni estetika tad-disinn ikkonċernat u tista’ għaldaqstant, eventwalment, eżerċita influwenza fuq is-suċċess kummerċjali tal-prodott li fih hija tiġi inkorporata. Min-naħa l-oħra, din il-kwistjoni ma għandhiex rilevanza fil-kuntest tal-eżami tal-karattru individwali tad-disinn ikkonċernat, li jikkonsisti f’li jiġi vverifikat jekk l-impressjoni globali prodotta minn dan tal-aħħar tkunx differenti mill-impressjonijiet globali prodotti mid-disinni żvelati preċedentement, indipendentement mill-kunsiderazzjonijiet estetiċi jew kummerċjali (sentenzi tat-22 ta’ Ġunju 2010, Tagħmir ta’ komunikazzjoni, T‑153/08, EU:T:2010:248, punt 58; tal-4 ta’ Frar 2014, Sachi Premium-Outdoor Furniture vs OHMI – Gandia Blasco (Sufan), T‑357/12, mhux ippubblikata, EU:T:2014:55, punt 24, u tas-17 ta’ Novembru 2017, Ciarko vs EUIPO – Maan (Duħħanier ta’ kċina), T‑684/16, mhux ippubblikata, EU:T:2017:819, punt 58).

76      Il-fattur relatat mal-grad tal-libertà tad-disinjatur fl-elaborazzjoni tad-disinn ikkontestat ma jistax minnu nnifsu jiddetermina l-karattru individwali tad-disinn, iżda jippermetti li din l-evalwazzjoni tiġi kkwalifikata (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-10 ta’ Settembru 2015, Basktijiet tal-idejn, T‑525/13, EU:T:2015:617, punt 35, u tal-4 ta’ Lulju 2017, Ċinga ta’ arloġġ elettroniku, T‑90/16, mhux ippubblikata, EU:T:2017:464, punt 38). Fil-fatt, l-influwenza tiegħu fuq il-karattru individwali tvarja skont regola ta’ proporzjonalità inversa. B’dan il-mod, iktar ma tkun kbira l-libertà tad-disinjatur, ikunu suffiċjenti inqas differenzi żgħar bejn id-disinni kunfliġġenti sabiex jagħtu impressjoni globali differenti lill-utent avżat. Inversament, iktar ma tkun ristretta l-libertà tad-disinjatur, differenzi żgħar bejn id-disinni kunfliġġenti jkunu iktar suffiċjenti sabiex jagħtu impressjoni globali differenti lill-utent avżat. Fi kliem ieħor, livell għoli ta’ libertà tad-disinjatur isaħħaħ il-konklużjoni li disinni mingħajr differenzi sinjifikattivi jipproduċu l-istess impressjoni globali għall-utent avżat u, għaldaqstant, id-disinn ikkontestat ma jkollux karattru individwali. Inversament, livell baxx ta’ libertà tad-disinjatur jiffavorixxi l-konklużjoni li d-differenzi ċari biżżejjed bejn id-disinni jipproduċu impressjoni differenti għall-utent avżat u, għaldaqstant, id-disinn ikkontestat ikollu karattru individwali (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-9 ta’ Settembru 2011, Magna b’kombustjoni interna, T‑10/08, EU:T:2011:446, punt 33; tat-13 ta’ Novembru 2012, Radjaturi tat-tisħin, T‑83/11 u T‑84/11, EU:T:2012:592, punt 45, u tal-21 ta’ Ġunju 2018, Twapet tal-art, T‑227/16, mhux ippubblikata, EU:T:2018:370, punt 54).

77      F’dan il-każ, il-Bord tal-Appell, fil-punti 27 sa 29 tad-deċiżjoni kkontestata, qies li l-libertà tad-disinjatur fil-produzzjoni tat-“tabelli li jiddendlu, sinjali għall-vetturi” kienet kbira, kemm fil-forma kif ukoll fil-materjal użat. Skont hu, tabella li tiddendel għall-karozzi tista’ jkollha kull forma ġeometrika, sakemm tippermetti li tinkludi l-informazzjoni; tista’ tkun mhux biss forma rettangolari bażika, iżda wkoll kwadra, tonda jew ellittika, u l-forma rettangolari hija dovuta għall-għażla libera tad-disinjatur, li ma jkun predeterminat la mis-suq u lanqas minn raġunijiet jew restrizzjonijiet oħra. Huwa qies li l-istess japplika għall-għażla tal-materjal u li, f’dan ir-rigward, l-użu tal-plastik diġà kien jirrappreżenta għażla libera tad-disinjatur, li ma kien predeterminat la mis-suq u lanqas permezz minn raġunijiet jew restrizzjonijiet oħra; tal-inqas, huwa rrileva, il-partijiet ma kienu sostnew li jmur kontra din il-kunsiderazzjoni.

78      F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li l-argumenti kuntrarji tar-rikorrenti ftit li xejn huma konvinċenti. Fir-rigward tad-daqs jew tad-dimensjonijiet tat-tabelli li jiddendlu għall-karozzi, dawn ma jistgħux jirrestrinġu l-libertà tad-disinjatur f’dan il-każ. B’mod partikolari, ebda element fil-proċess ma jindika li l-iskedi tekniċi inklużi f’dawn it-tabelli li jiddendlu kellhom bilfors ikunu fil-format A4. Anki jekk dan il-format kien normali fis-suq, dan ma jindika ebda restrizzjoni rilevanti fuq il-libertà tad-disinjatur. Fil-fatt, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 75 hawn fuq, tendenza ġenerali li jintużaw skedi tekniċi fil-format A4 u li jiġu ddisinjati l-prodotti skont dan ma hijiex rilevanti fil-kuntest tal-eżami tal-karattru individwali tad-disinn. Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma stabbilixxiex, u lanqas ma allegat, l-eżistenza ta’ restrizzjonijiet marbuta mal-karatteristiċi imposti mill-funzjoni teknika tal-prodott jew ta’ xi element tal-prodott, jew ukoll ta’ rekwiżiti legali applikabbli għall-prodott.

79      Barra minn hekk, għandu jitfakkar li l-grad ta’ libertà tad-disinjatur huwa meqjus li huwa għoli jew għoli ħafna mill-Qrati tal-Unjoni meta huwa jkun possibbli li wieħed jimmaġina konfigurazzjonijiet differenti għall-istess prodott (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-13 ta’ Novembru 2012, Radjaturi ta’ tisħin, T‑83/11 u T‑84/11, EU:T:2012:592, punti 46 sa 52), meta l-prodott ikun jista’ jinħoloq f’varjetà kbira ħafna ta’ forom, ta’ kuluri jew ta’ materjali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-5 ta’ Lulju 2017, Gamet vs EUIPO – “Metal-Bud II” Robert Gubała (Pum ta’ bieb), T‑306/16, mhux ippubblikata, EU:T:2017:466, punti 45 sa 47), meta d-deskrizzjoni tal-prodott ikkonċernat tirriżulta wiesa’ ħafna, u ma jkollha ebda preċiżazzjoni fuq it-tip tiegħu jew il-funzjonalità tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-15 ta’ Ottubru 2015, Promarc Technics vs OHMI – PIS (Parti minn bieb), T‑251/14, mhux ippubblikata, EU:T:2015:780, punt 55), jew ukoll meta r-restrizzjonijiet ta’ natura funzjonali li jikkonċernaw il-preżenza ta’ ċerti elementi essenzjali ma jkunux ser jinfluwenzaw, b’mod sinjifikattiv, il-forma u l-aspett ġenerali tal-prodott, peress li dan ikun jista’ jkollu diversi forom u jiġi ġestit b’diversi modi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-14 ta’ Ġunju 2011, Arloġġ marbut ma’ ċinga, T‑68/10, EU:T:2011:269, punti 68 u 69; tal-21 ta’ Novembru 2013, El Hogar Perfecto del Siglo XXI vs OHMI – Wenf International Advisers (Iġbed-tappijiet), T‑337/12, EU:T:2013:601, punti 36 sa 39, u tad-29 ta’ Ottubru 2015, Roca Sanitario vs OHMI – Villeroy & Boch (Vit b’kontroll uniku), T‑334/14, mhux ippubblikata, EU:T:2015:817, punti 45 sa 52). Dan huwa, sostanzjalment, il-każ hawnhekk, b’mod partikolari fir-rigward tal-forom u tal-materjali użati.

80      Minn dan isegwi li l-grad ta’ libertà tad-disinjatur fl-elaborazzjoni ta’ “tabelli li jiddendlu għall-karozzi, sinjali ta’ vetturi” huwa għoli, kemm fir-rigward tal-forma u tad-daqs tal-prodott kif ukoll fir-rigward tal-materjal użat, kif ġustament ikkonstata l-Bord tal-Appell fil-punti 27 sa 29 tad-deċiżjoni kkontestata.

81      L-ewwel ilment għaldaqstant ma jistax jintlaqa’.

 Fuq il-paragun tal-impressjonijiet globali

82      Bit-tieni lment, ir-rikorrenti tikkritika l-konstatazzjoni tal-Bord tal-Appell, fil-punti 33 u 34 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-utent avżat ma jagħtix attenzjoni partikolari għad-differenza bejn it-tul u l-wisa’ (f’dan il-każ relazzjoni ta’ 2:1 jew 2.2:1 minflok il-format A4) kif ukoll id-differenza fil-forma tal-ġanċ li tinsab fil-parti t’isfel tad-disinn ikkontestat u f’dik tad-disinni invokati kontriha. Skont ir-rikorrenti, id-disinn ikkontestat għandu “karattru mtawwal u kważi effett ta’ esklużività eleganti”, “jagħti, minħabba l-grad limitat ta’ libertà ta’ elaborazzjoni li titħalla għad-disinjatur, id-dehra ta’ kwalità għolja” u jipproduċi “impressjoni eleganti ta’ rettangolu mtawwal” kif ukoll “effett ta’ fraġilità, ta’ esklużività, mhux aggressiv, bil-kontra tad-disinn fl-Anness E”, filwaqt li dan tal-aħħar jagħti “impressjoni tqila u raffa” u li d-disinni msemmija tal-Annessi minn A sa E huma kollha “ddisinjati raffi u mhux armonjużi” fir-rigward tal-kombinazzjoni tal-ġanċ u l-parti li tagħti l-forma tagħha lill-ħaġa globali, u jipproduċu “impressjoni ħarxa u artiġjanali”, “mingħajr raffinar jew eleganza”.

83      Skont ġurisprudenza stabbilita, il-karattru individwali ta’ disinn jirriżulta minn impressjoni globali ta’ differenza, jew ta’ assenza ta’ “déjà vu”, mill-perspettiva tal-utent avżat, meta mqabbel ma’ kull anterjorità fi ħdan il-patrimonju tad-disinni, mingħajr ma jittieħdu inkunsiderazzjoni d-differenzi mhux evidenti biżżejjed li jaffettwaw l-imsemmija impressjoni globali, minkejja li jkunu juru dettalji insinjifikattivi, iżda billi jittieħdu inkunsiderazzjoni differenzi suffiċjentement evidenti biex joħolqu impressjonijiet ġenerali differenti (ara s-sentenzi tas-7 ta’ Novembru 2013, Felin jaqbeż, T‑666/11, mhux ippubblikata, EU:T:2013:584, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata; tal-21 ta’ Ġunju 2018, Twapet tal-art, T‑227/16, mhux ippubblikata, EU:T:2018:370, punt 72; u tad-29 ta’ Novembru 2018, Pistola għaż-żebgħa, T‑651/17, mhux ippubblikata, EU:T:2018:855, punt 39).

84      L-evalwazzjoni tal-karattru individwali ta’ disinn għandu jitwettaq fir-rigward ta’ disinn preċedenti wieħed jew iktar, meħuda individwalment minn fost id-disinni żvelati lill-pubbliku qabel, u mhux fir-rigward ta’ kombinazzjoni ta’ disinni preċedenti, meħuda minn għadd ta’ disinni preċedenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad-19 ta’ Ġunju 2014, Karen Millen Fashions, C‑345/13, EU:C:2014:2013, punti 25 u 35, u tal-21 ta’ Settembru 2017, Easy Sanitary Solutions u EUIPO vs Group Nivelles, C‑361/15 P u C‑405/15 P, EU:C:2017:720, punt 61). Il-paragun tal-impressjonijiet ġenerali prodotti mid-disinni għandu jkun sintetiku u ma jistax ikun sempliċement paragun analitiku ta’ elenkar ta’ similitudnijiet u ta’ differenzi. Dan il-paragun għandu jkun ibbażat fuq il-karatteristiċi żvelati fid-disinn ikkontestat u għandu jirrigwarda biss il-karatteristiċi protetti, mingħajr ma jittieħdu inkunsiderazzjoni l-karatteristiċi, b’mod partikolari l-karatteristiċi tekniċi, esklużi mill-protezzjoni. Tali tqabbil għandu jsir fir-rigward ta’ disinni rreġistrati, mingħajr ma jkun mistenni minn min jagħmel talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità rappreżentazzjoni grafika tad-disinn invokat, komparabbli mar-rappreżentazzjoni fit-talba għar-reġistrazzjoni tad-disinn ikkontestat (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-7 ta’ Novembru 2013, Felin li jaqbeż, T‑666/11, mhux ippubblikata, EU:T:2013:584, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata; tat-13 ta’ Ġunju 2017, Ball Beverage Packaging Europe vs EUIPO – Crown Hellas Can (Bottijiet), T‑9/15, EU:T:2017:386, punt 79; u tas-17 ta’ Novembru 2017, Duħħanier tal-kċina, T‑684/16, mhux ippubblikata, EU:T:2017:819, punt 43).

85      F’dan il-każ, il-Bord tal-Appell qabbel id-disinni li ġejjin:

Image not found

86      Il-Bord tal-Appell, fil-punt 32 tad-deċiżjoni kkontestata, ma ħax inkunsiderazzjoni l-iskeda informattiva li kienet ġiet irriprodotta fid-dokumenti prodotti fl-Annessi A sa D tat-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità, peress li kien ċar għall-utent avżat li t-tabelli li jiddendlu għall-karozzi kienu jiddependu minn lista tal-prezzijiet, minkejja li fl-impressjoni globali, huwa ma ta ebda piż lit-test konkret. Fil-punt 33 tad-deċiżjoni kkontestata, huwa ddeċieda li kemm id-disinn ikkontestat kif ukoll id-disinn preċedenti kienu jikkonsistu f’superfiċji trasparenti li fiha tista’ titqiegħed karta; li l-forma bażika tagħhom kienet rettangolari, b’xi differenzi fil-proporzjon tat-tul u l-wisa’; li ż-żewġ disinni kellhom fix-xifer t’isfel tagħhom ganċ forma parabolojdali; u li, filwaqt li fid-disinn preċedenti, il-parabola kienet taqsam ir-rettangolu fit-truf tiegħu, fid-disinn ikkontestat, il-parabola kienet tmiss mar-rettangolu li kien kemxejn imtawwal. Fil-punt 34 tad-Deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell qies li dawn id-differenzi kienu minimi u li ma kinux ibiddlu l-impressjoni globali prodotta miż-żewġ disinni. Skont il-Bord, l-utent avżat ma kienx ser jagħti attenzjoni partikolari għad-differenza fil-proporzjon tat-tul u tal-wisa’ tar-rettangolu, b’mod partikolari minħabba li l-ganċ kien kważi identiku fil-forma, u l-fatt li l-ganċ jasal sal-parti t’isfel kollha, fid-disinn preċedenti, bil-kontra tad-disinn ikkontestat, ma għandux jidher.

87      F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali tqis li huwa biżżejjed li jittieħed inkunsiderazzjoni d-disinn preċedenti rriprodott fid-dokumenti prodotti fl-Annessi B u C tat-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità.

88      Qabel kollox, hemm lok li jiġi rrilevat li l-impressjoni globali prodotta fuq l-utent avżat bid-disinni kunfliġġenti hija ddominata minn forma rettangolari b’superfiċji trasparenti u b’ganċ triangolari fil-parti l-baxxa. Is-sinerġija ta’ dawn it-tliet karatteristiċi fundamentali tipproduċi impressjoni globali simili.

89      Wara, għandu jiġi kkonstatat li d-differenzi bejn id-disinni kunfliġġenti, li jinsabu fil-proporzjon bejn it-tul u l-wisa’ marġinalment imtawla tal-parti rettangolari ta’ fuq kif ukoll fil-forma marġinalment iktar imbewqa jew parabolojdali u pożizzjoni marġinalment imtawla fil-wisa’ tal-ganċ triangolari ta’isfel fid-disinn ikkontestat, huma relattivament minimi.

90      Issa, għandu jitfakkar li, minkejja l-livell relattivament għoli ta’ attenzjoni tiegħu, l-utent avżat ma josservax fid-dettall id-differenzi minuri li jistgħu jeżistu bejn id-disinni kunfliġġenti (ara l-punt 72 hawn fuq).

91      Għaldaqstant, dawn id-differenzi ma jistgħux jeskludu l-impressjoni ta’ “déjà vu” li toħroġ mid-disinni kunfliġġenti, fid-dawl tal-elementi komuni tagħhom, li jagħmlu parti mill-elementi l-iktar viżibbli u importanti tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad-29 ta’ Ottubru 2015, Vit b’kontroll uniku, T‑334/14, mhux ippubblikata, EU:T:2015:817, punt 74, u tat-28 ta’ Settembru 2017, Rühland vs EUIPO — 8 seasons design (Lampa stilla), T‑779/16, mhux ippubblikata, EU:T:2017:674, punt 43).

92      B’hekk, għandu jiġi konkluż li differenzi bħal dawn għadhom mhux evidenti biżżejjed biex jipproduċu, waħedhom, impressjoni globali fuq l-utent avżat differenti minn dik prodotta mid-disinn preċedenti, meta jittieħed inkunsiderazzjoni l-grad għoli ta’ libertà tad-disinjatur fl-elaborazzjoni tad-disinn. Għalhekk, dawn ma humiex kapaċi li jagħtu karattru individwali lid-disinn ikkontestat.

93      Konsegwentement, kien mingħajr ebda żball li l-Bord tal-Appell, filwaqt li ħa inkunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni tiegħu d-differenzi invokati mir-rikorrenti, qies li d-disinni kunfliġġenti pproduċew l-istess impressjoni globali fuq l-utent avżat u li d-disinn ikkontestat kien nieqes minn karattru individwali.

94      Għaldaqstant, it-tieni talba ma tistax tintlaqa’.

95      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, hemm lok li r-raba’ motiv jiġi miċħud bħala infondat u, għaldaqstant, ir-rikors kollu kemm hu.

 Fuq l-ispejjeż

96      Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Madankollu, bis-saħħa tal-Artikolu 135(1) ta’ dawn ir-regoli, meta l-ekwità titlob dan, il-Qorti Ġenerali tista’ tiddeċiedi li parti li titlef ikollha, minbarra l-ispejjeż tagħha, tbati parti biss mill-ispejjeż tal-parti l-oħra, jew li ma tiġix ikkundannata f’dan ir-rigward.

97      F’dan il-każ, ir-rikorrenti hija l-parti telliefa u l-EUIPO espressament talab li hija għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż. Madankollu, fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ, b’mod partikolari l-komunikazzjoni b’nuqqas ta’ ordni tal-paġni ta’ żewġ katalogi mill-EUIPO lir-rikorrenti (ara l-punti 28 sa 39 hawn fuq), l-ekwità teżiġi, konformement mal-Artikolu 135(1) tar-Regoli ta’ Proċedura, li kull parti tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla)

tiddikjara u taqta’:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Visi/one GmbH u l-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO) għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

Collins

Kancheva

De Baere

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-13 ta’ Ġunju 2019.

Firem


Werrej


Il-fatti li wasslu għall-kawża

It-talbiet tal-partijiet

Fid-dritt

Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq evalwazzjoni żbaljata tal-provi dwar l-iżvelar ta’ “disinn preċedenti” bi ksur tal-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 6/2002

Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tad-dritt għal smigħ, konformement mat-tieni frażi tal-Artikolu 62 tar-Regolament Nru 6/2002

Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni, konformement mal-ewwel frażi tal-Artikolu 62 tar-Regolament Nru 6/2002

Fuq ir-raba’ motiv, li jallega evalwazzjoni żbaljata tal-karattru individwali tad-disinn ikkontestat, bi ksur tal-Artikolu 6 u tal-Artikolu 25(1)(b) tar-Regolament Nru 6/2002

Fuq l-utent avżat

Fuq il-grad ta’ libertà tad-disinjatur

Fuq il-paragun tal-impressjonijiet globali

Fuq l-ispejjeż


*      Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.