Language of document : ECLI:EU:F:2008:165

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU (It-Tieni Awla)

11 ta’ Diċembru 2008

Kawża F-83/06

Arno Schell

vs

Il‑Kummissjoni tal‑Komunitajiet Ewropej

“Servizz pubbliku – Uffiċjali – Promozzjoni – Punti ta’ prijorità – DĠI tal-Artikolu 45 tar-Regolamenti tal-Persunal”

Suġġett: Rikors, ippreżentat skont l-Artikoli 236 KE u 152 KEEA, li permezz tiegħu A. Schell jitlob, prinċipalment, l-annullament tal-listi tal‑uffiċjali promossi fil-grad B*8 bis-saħħa tal-proċeduri ta’ promozzjoni 2004 u 2005, sa fejn dawn il-listi ma jinkludux ismu, kif ukoll tal-atti preparatorji ta’ dawn id-deċiżjonijiet, u, sussidjarjament, l-annullament tad-deċiżjonijiet li jiffissaw in‑numru totali ta’ punti ta’ promozzjoni għall-proċeduri ta’ promozzjoni 2004 u 2005.

Deċiżjoni: Ir-rikors huwa miċħud. Kull parti għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

Sommarju

Uffiċjali – Rikors – Ilment amministrattiv li għandu jitressaq qabel – Sistema ta’ promozzjoni stabbilita mill-Kummissjoni – Ilment kontra l-lista tal-uffiċjali promossi u kontra l-iffissar tal-punti mogħtija lill-uffiċjali – Deċiżjoni ta’ ċaħda – Motivazzjoni

(Regolamenti tal-Persunal, it-tieni paragrafu tal-Artikolu 25, Artikoli 45 u 90(2))

Fil-kuntest tas-sistema ta’ promozzjoni introdotta permezz ta’ leġiżlazzjoni interna għall-Kummissjoni, fejn il-proċedura ta’ promozzjoni titwettaq permezz ta’ att li jinvolvi żewġ deċiżjonijiet separati mill-Awtorità tal-Ħatra, waħda li tistabbilixxi l-lista tal-uffiċjali promossi u l-oħra li tiffissa n-numru totali ta’ punti tal-uffiċjali, l-ebda waħda minn dawn iż-żewġ deċiżjonijiet ma hija kkunsidrata motivata. L-obbligu ta’ motivazzjoni huwa sodisfatt meta l-Awtorità tal-Ħatra timmotiva d-deċiżjoni tagħha li tiċħad ilment dirett kontra l-imsemmija deċiżjonijiet u ppreżentat skont l-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal.

F’dan ir-rigward, peress li l-promozzjonijiet isiru bi proċedura ta’ għażla, l-Awtorità tal-Ħatra ma hijiex marbuta tiżvela lill-kandidat skartat l-evalwazzjoni komparattiva li hija għamlet fuqu u fuq il-kandidat magħżul għall-promozzjoni. Għaldaqstant, huwa biżżejjed li, fir-risposta għall-ilment, jissemma kif ġew applikati l-kundizzjonijiet legali u statutorji ta’ promozzjoni fis-sitwazzjoni individwali tal-uffiċjal biex b’hekk jiġi sodisfatt l-obbligu ta’ motivazzjoni.

(ara l-punti 89 u 91)

Referenza: Il-Qorti tal-Ġustizzja 7 ta’ Frar 1990, Culin vs Il‑Kummissjoni, C‑343/87, Ġabra p. I‑225, punt 13; Il-Qorti Ġenerali 25 ta’ Frar 1992, Schloh vs Il‑Kunsill, T‑11/91, Ġabra p. II‑203, punti 73, 85 u 86; 29 ta’ Mejju 1997, Contargyris vs Il‑Kunsill, T‑6/96, ĠabraSP p. I‑A‑119 u II‑357, punti 147 u 148; 14 ta’ Ġunju 2001, McAuley vs Il‑Kunsill, T‑230/99, ĠabraSP p. I‑A‑127 u II‑583, punti 50 sa 52; 29 ta’ Novembru 2005, Napoli Buzzanca vs Il‑Kummissjoni, T‑218/02, ĠabraSP p. I‑A‑267 u II‑1221, punt 59; 19 ta’ Ottubru 2006, Buendía Sierra vs Il‑Kummissjoni, T‑311/04, Ġabra p. II‑4137, punt 147