Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Fővárosi Törvényszék (l-Ungerija) fis-26 ta’ Awwissu 2021 – M.D. vs Országos Idegenrendészeti Főigazgatóság Budapesti és Pest Megyei Regionális Igazgatósága

(Kawża C-528/21)

Lingwa tal-kawża: l-Ungeriż

Qorti tar-rinviju

Fővárosi Törvényszék

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: M.D.

Konvenut: Országos Idegenrendészeti Főigazgatóság Budapesti és Pest Megyei Regionális Igazgatósága

Domandi preliminari

L-Artikoli 5 u 11 tad-Direttiva 2008/115/KE 1 u l-Artikolu 20 TFUE, moqrija flimkien mal-Artikoli 7, 20, 24 u 47 tal-Karta, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu prattika ta’ Stat Membru fejn, anki fil-proċeduri mibdija mill-ġdid, fuq ordni, fi proċeduri mressqa preċedentement, tiġi ordnata l-applikazzjoni ta’ emenda tal-leġiżlazzjoni bil-konsegwenza li ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz membru tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni jitqiegħed taħt sistema proċedurali li hija ħafna iktar sfavorevoli, sa tali punt li jitlef l-istatus tiegħu, miksub abbażi tat-tul tas-soġġorn tiegħu sa dak il-punt, ta’ persuna li ma tistax tiġi mkeċċija anki għal raġunijiet relatati mal-ordni pubbliku, mas-sigurtà pubblika u mas-sigurtà nazzjonali, u sussegwentement, abbażi tal-istess fatti u tal-istess raġunijiet ta’ sigurtà nazzjonali, jara l-applikazzjoni tiegħu għal soġġorn permanenti tiġi rrifjutata u l-karta ta’ soġġorn li kienet inħarġitlu tiġi rtirata u, iktar minn hekk, ikun is-suġġett ta’ projbizzjoni ta’ dħul u ta’ soġġorn, mingħajr teħid inkunsiderazzjoni, fil-kuntest ta’ xi proċedura, tas-sitwazzjoni personali u familjari tiegħu, u b’mod partikolari, f’dan il-kuntest, tal-fatt li huwa responsabbli għal ċittadin Ungeriż minuri, fejn il-konsegwenza ta’ din id-deċiżjoni tkun jew il-ksur tal-Unità tal-familja, jew inkella li ċ-ċittadini tal-Unjoni membri tal-familja taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz, fosthom wild minuri, jkunu obbligati jitilqu mit-territorju tal-Istat Membru?

L-Artikoli 5 u 11 tad-Direttiva 2008/115/KE u l-Artikolu 20 TFUE, moqrija flimkien mal-Artikoli 7 u 24 tal-Karta, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu prattika ta’ Stat Membru fejn is-sitwazzjoni personali u familjari taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ma tiġix eżaminata qabel ma tiġi deċiża l-projbizzjoni ta’ dħul u ta’ soġġorn, għar-raġuni li s-soġġorn taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz membru tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni jikkostitwixxi theddida reali, diretta u gravi għas-sigurtà nazzjonali tal-pajjiż?

Jekk ir-risposta għad-domandi 1 u 2 għandha tkun fl-affermattiv:

L-Artikoli 5 u 13 tad-Direttiva 2008/115/KE u l-Artikolu 20 TFUE, moqrija flimkien mal-Artikoli 20 u 47 tal-Karta, kif ukoll il-premessa 22 tad-Direttiva 2008/115/KE li timponi l-obbligu li l-interess superjuri tal-wild jittieħed inkunsiderazzjoni bħala konsiderazzjoni primarja, u l-premessa 24 tal-istess direttiva, li timponi r-rispett tad-drittijiet fundamentali u l-osservanza tal-prinċipji sanċiti fil-Karta, għandhom jiġu interpretati fis-sens li, jekk qorti nazzjonali, billi tibbaża ruħha fuq sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, tikkonstata li d-dritt ta’ Stat Membru jew il-prattika tal-awtorità tal-pulizija tal-barranin ibbażata fuq dan id-dritt tmur kontra d-dritt tal-Unjoni, hija tista’, fil-kuntest tal-eżami tal-bażi legali tad-deċiżjoni ta’ projbizzjoni ta’ dħul u ta’ soġġorn, tieħu inkunsiderazzjoni, inkwantu dritt kweżit tar-rikorrent fil-kawża preżenti, il-fatt li, taħt is-sistema tas-szabad mozgás és tartózkodás jogával rendelkező személyek beutazásáról és tartózkodásáról szóló 2007. évi I. törvény (il-Liġi I tal-2007 dwar id-dħul u s-soġġorn ta’ persuni li jibbenefikaw mid-dritt għall-moviment liberu u ta’ soġġorn), ir-rikorrent jissodisfa r-rekwiżiti neċessarji għall-applikazzjoni tal-Artikolu 42, jiġifieri jkun issoġġorna legalment fl-Ungerija għal iktar minn 10 snin, jew inkella l-imsemmija qorti għandha, fil-kuntest tal-eżami tan-natura infondata tad-deċiżjoni ta’ projbizzjoni ta’ dħul u ta’ soġġorn, tibbaża ruħha, f’dak li jirrigwarda l-evalwazzjoni tas-sitwazzjoni personali u familjari, fuq l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2008/115, fin-nuqqas ta’ dispożizzjonijiet f’dan is-sens fil-harmadik országbeli állampolgárok beutazásáról és tartózkodásáról szóló 2007. évi II. törvény (il-Liġi II tal-2007 dwar id-dħul u s-soġġorn taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi) ?

Prattika ta’ Stat Membru li abbażi tagħha, fil-kuntest ta’ kontenzjuż dwar ċittadin ta’ pajjiż terz membru tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni li għandu dritt għal rimedju, l-awtorità tal-pulizija tal-barranin ma teżegwixxix deċiżjoni ġudizzjarja definittiva li tordna protezzjoni ġudizzjarja immedjata kontra l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni, billi tinvoka l-fatt li hija diġà ħarġet allert dwar projbizzjoni ta’ dħul u ta’ soġġorn fis-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen (SIS II), bil-konsegwenza li ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz membru tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni ma huwiex f’pożizzjoni li jeżerċità fiżikament id-dritt tiegħu għal rimedju u li jidħol fl-Ungerija għat-tul tal-proċedura, qabel ma tittieħed deċiżjoni definittiva fil-kawża tiegħu, hija kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari mad-dritt għal rimedju effettiv sanċit fl-Artikolu 13 tad-Direttiva 2008/115 u mad-dritt għal smigħ xieraq sanċit fl-Artikolu 47 tal-Karta?

____________

1 Direttiva 2008/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2008 dwar standards u proċeduri komuni fl-Istati Membri għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment (ĠU 2008, L 348, p. 98).