Language of document : ECLI:EU:T:2023:252

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla Estiża)

17 ta’ Mejju 2023 (*)

“Kompetizzjoni – Konċentrazzjonijiet – Suq tal-elettriku Ġermaniż – Deċiżjoni li tiddikjara l-konċentrazzjoni inkompatibbli mas-suq intern – Rikors għal annullament – Locus standi – Ammissibbiltà – Obbligu ta’ motivazzjoni – Kunċett ta’ ‘konċentrazzjoni waħda’ – Dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva – Dritt għal smigħ – Delimitazzjoni tas-suq – Perijodu ta’ analiżi – Analiżi tas-saħħa fis-suq – Influwenza determinanti – Żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni – Obbligu ta’ diliġenza”

Fil-Kawża T‑312/20,

EVH GmbH, stabbilita f’Halle‑sur‑Saale (il‑Ġermanja), irrappreżentata minn I. Zenke u T. Heymann, avukati,

rikorrenti,

vs

IlKummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn G. Meessen u I. Zaloguin, bħala aġenti, assistiti minn T. Funke u A. Dlouhy, avukati,

konvenuta,

sostnuta minn

IrRepubblika Federali talĠermanja, irrappreżentata minn J. Möller u S. Costanzo, bħala aġenti,

minn

E.ON SE, stabbilita f’Essen (il‑Ġermanja), irrappreżentata minn C. Grave, C. Barth u D.-J. dos Santos Goncalves, avukati,

u minn

RWE AG, stabbilita f’Essen, irrappreżentata minn U. Scholz, J. Siegmund u J. Ziebarth, avukati,

intervenjenti,

IL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla Estiża),

komposta, matul id-deliberazzjonijiet, minn S. Gervasoni, President, L. Madise, P. Nihoul, R. Frendo u J. Martín y Pérez de Nanclares (Relatur), Imħallfin,

Reġistratur: S. Jund, amministratriċi,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura,

wara s-seduta tal‑15 u tas‑16 ta’ Ġunju 2022,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tar-rikors tagħha bbażat fuq l-Artikolu 263 TFUE, ir-rikorrenti, EVH GmbH, titlob l-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2019) 1711 final tas‑26 ta’ Frar 2019 li tiddikjara konċentrazzjoni kompatibbli mas-suq komuni u mal-Ftehim ŻEE (Każ M.8871 – RWE/E.ON Assets) (ĠU 2020, C 111, p. 1, iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni kkontestata”).

I.      Ilfatti li wasslu għallkawża

A.      Impriżi inkwistjoni

2        RWE AG hija kumpannija rregolata mid-dritt Ġermaniż li, meta saret in-notifika tal-konċentrazzjoni proposta, kienet attiva tul il-katina kollha tal-provvista tal-enerġija, inkluż fl-oqsma tal-produzzjoni, tal-provvista bl-ingrossa, tat-trasport, tad-distribuzzjoni, tal-kummerċ bl-imnut tal-enerġija, kif ukoll tas-servizzi tal-enerġija pprovduti lill-konsumaturi (bħall-qari tal-arloġġ, il-mobbiltà elettrika, eċċ.) (iktar ’il quddiem is-“suq tal-elettriku”). RWE u s-sussidjarji tagħha, inkluża innogy SE, joperaw f’diversi Stati Ewropej, jiġifieri fil-Belġju, fir-Repubblika Ċeka, fil-Ġermanja, fi Franza, fl-Italja, fil-Lussemburgu, fl-Ungerija, fil-Pajjiżi l-Baxxi, fil-Polonja, fir-Rumanija, fis-Slovakkja u fir-Renju Unit.

3        E.ON SE hija kumpannija rregolata taħt id-dritt Ġermaniż li, meta saret in-notifika tal-konċentrazzjoni proposta, kienet topera tul il-katina kollha tal-provvista tal-elettriku, fir-rigward tal-produzzjoni, il-bejgħ bl-ingrossa, id-distribuzzjoni jew il-kummerċ bl-imnut tal-elettriku. E.ON tippossjedi u topera assi ta’ produzzjoni tal-elettriku f’diversi Stati Ewropej fosthom il-Ġermanja, Franza, l-Italja, il-Polonja u r-Renju Unit.

4        Ir-rikorrenti hija impriża rregolata taħt id-dritt Ġermaniż li tipproduċi l-elettriku kemm minn sorsi ta’ enerġija konvenzjonali (iktar ’il quddiem l-“elettriku konvenzjonali”) permezz tal-park ta’ impjanti tal-elettriku tagħha, kif ukoll minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli (iktar ’il quddiem l-“elettriku rinnovabbli”) permezz tal-parks eoliċi u fotovoltajċi tagħha. L-assi ta’ produzzjoni tagħha jinsabu fil-Ġermanja.

B.      Ilkuntest talkonċentrazzjoni

5        Il-konċentrazzjoni inkwistjoni f’dan il-każ hija parti minn skambju kumpless ta’ elementi ta’ assi bejn RWE u E.ON, imħabbar fil‑11 u fit‑12 ta’ Marzu 2018 miż-żewġ impriżi kkonċernati (iktar ’il quddiem l-“operazzjoni globali”). B’hekk, permezz tal-ewwel operazzjoni, jiġifieri l-konċentrazzjoni inkwistjoni f’dan il-każ, RWE xtaqet takkwista l-kontroll esklużiv jew il-kontroll konġunt ta’ ċerti assi ta’ produzzjoni ta’ E.ON. It-tieni operazzjoni kienet tikkonsisti fl-akkwist minn E.ON tal-kontroll esklużiv tal-attivitajiet ta’ distribuzzjoni tal-enerġija u tal-kummerċ bl-imnut kif ukoll ta’ ċerti assi ta’ produzzjoni ta’ innogy, li hija kkontrollata minn RWE. Fir-rigward tat-tielet operazzjoni, hija kienet tipprevedi l-akkwist minn RWE ta’ 16.67 % tal-ishma ta’ E.ON.

6        Fis‑17 ta’ April 2018, ir-rikorrenti bagħtet ittra lill-Kummissjoni Ewropea li permezz tagħha hija indikatilha li xtaqet tipparteċipa fil-proċedura relatati mal-ewwel u t-tieni konċentrazzjoni u, konsegwentement, li tirċievi d-dokumenti relatati magħhom.

7        Fis‑26 ta’ Ġunju 2018, saret laqgħa bejn ir-rappreżentant tar-rikorrenti u l-Kummissjoni, li matulha dan ir-rappreżentant esprima lill-Kummissjoni t-tħassib tal-klijent tiegħu fir-rigward tal-ewwel u t-tieni konċentrazzjoni u x-xewqa tiegħu li jipparteċipa fil-proċeduri relatati magħhom.

8        Fit‑28 ta’ Awwissu 2018, saret laqgħa individwali bejn il-Kummissjoni u r-rikorrenti, li matulha din tal-aħħar issottomettiet l-osservazzjonijiet tagħha fuq l-ewwel u t-tieni konċentrazzjoni.

9        It-tieni konċentrazzjoni ġiet innotifikata lill-Kummissjoni fil‑31 ta’ Jannar 2019. Fir-rigward ta’ din it-tieni operazzjoni, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni C(2019) 6530 final tas‑17 ta’ Settembru 2019 li tiddikjara konċentrazzjoni kompatibbli mas-suq komuni u mal-Ftehim ŻEE (Każ M.8870 – E.ON/Innogy) (ĠU 2020, C 379, p. 16, iktar ’il quddiem il-“konċentrazzjoni M.8870”).

10      It-tielet konċentrazzjoni ġiet innotifikata lill-Bundeskartellamt (l-Uffiċċju Federali tal-Akkordji, il-Ġermanja), li awtorizzaha permezz ta’ deċiżjoni tas‑26 ta’ Frar 2019 (Każ B8‑28/19, iktar ’il quddiem il-“konċentrazzjoni B8‑28/19”).

C.      Ilproċedura amministrattiva

11      Fit‑22 ta’ Jannar 2019, il-Kummissjoni rċeviet notifika ta’ proposta ta’ konċentrazzjoni skont l-Artikolu 4 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 tal‑20 ta’ Jannar 2004 dwar il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn impriżi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 3, p. 40) li permezz tagħha RWE xtaqet takkwista, fis-sens tal-Artikolu 3(1)(b) tal-imsemmi regolament, il-kontroll esklużiv jew il-kontroll konġunt ta’ ċerti assi ta’ produzzjoni ta’ E.ON.

12      Fil‑31 ta’ Jannar 2019, il-Kummissjoni ppubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea n-notifika minn qabel ta’ dik il-konċentrazzjoni (Każ M.8871 – RWE/E.ON Assets) (ĠU 2019, C 38, p. 22, iktar ’il quddiem il-“konċentrazzjoni M.8871”), f’konformità mal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 139/2004.

13      L-assi ta’ produzzjoni ta’ E.ON li jifformaw parti mill-konċentrazzjoni M.8871 jinkludu, minn naħa, l-entitajiet u l-ishma fl-entitajiet segwenti, li joperaw fis-settur tal-enerġija rinnovabbli:

–        E.ON Climate & Renewables GmbH (il-Ġermanja);

–        Amrum Offshore West GmbH (il-Ġermanja);

–        E.ON Climate & Renewables UK Limited (ir-Renju Unit);

–        E.ON Climate & Renewables North America, LLC (l-Istati Uniti);

–        E.ON Wind Sweden AB (l-Isvezja);

–        E.ON Climate & Renewables Italia Srl (l-Italja);

–        Arkona (il-Ġermanja) li bdiet topera fil-bidu tal‑2019, li l-produzzjoni tagħha ma tteħditx inkunsiderazzjoni għall-istabbiliment taċ-ċifra tal-produzzjoni ta’ E.ON għall-2017;

–        Delta Nordsee (il-Ġermanja), sit li kien qiegħed jinbena meta sar l-eżami tal-konċentrazzjoni.

14      Barra minn hekk, RWE se takkwista 60.08 % tal-ishma f’Rampion NewCo (ir-Renju Unit), li għandha 50 % tal-ishma f’Rampion Offshore Wind Limited (ir-Renju Unit), u b’hekk tikseb sehem indirett ta’ 30.1 % f’Rampion Offshore Wind.

15      L-assi ta’ produzzjoni ta’ E.ON li jifformaw parti mill-konċentrazzjoni M.8871 jinkludu, min-naħa l-oħra, ishma u d-drittijiet ta’ prelevament assoċjati f’assi nukleari, jiġifieri:

–        sehem minoritarju ta’ 12.5 % f’Kernkraftwerke Lippe-Ems GmbH (il-Ġermanja);

–        sehem minoritarju ta’ 25 % f’Kernkraftwerk Gundremmingen GmbH (il-Ġermanja), kif ukoll sehem ta’ 25 % tal-kombustibbli u tal-iskart nukleari kif ukoll tal-assi immobbli marbuta ma’ dan l-impjant nukleari.

16      Fil-kuntest tal-eżami tagħha tal-konċentrazzjoni M.8871, il-Kummissjoni wettqet investigazzjoni tas-suq u għalhekk bagħtet kwestjonarju lil ċerti impriżi, fosthom ir-rikorrenti, fit‑30 ta’ Jannar 2019.

17      Permezz ta’ ittra tal‑31 ta’ Jannar 2019, ir-rikorrenti tenniet ix-xewqa tagħha li tipparteċipa fil-proċedura mmexxija mill-Kummissjoni u li, f’din l-okkażjoni, tinstema’ mill-Kummissjoni jekk din tiddeċiedi li tiftaħ il-fażi ta’ eżami fil-fond, skont l-Artikolu 6(1)(ċ) tar-Regolament Nru 139/2004.

D.      IdDeċiżjoni kkontestata

18      Fis‑26 ta’ Frar 2019, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni kkontestata. Il-konċentrazzjoni M.8871 ġiet iddikjarata kompatibbli mas-suq intern fil-fażi ta’ eżami prevista fl-Artikolu 6(1)(b) tar-Regolament Nru 139/2004 u fl-Artikolu 57 tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE).

19      Essenzjalment, il-Kummissjoni analizzat l-effetti tal-konċentrazzjoni M.8871 prinċipalment fuq is-suq tal-produzzjoni u tal-provvista bl-ingrossa tal-elettriku fil-Ġermanja. Fl-analiżi tagħha, il-Kummissjoni qieset, inter alia, l-effetti tal-konċentrazzjoni M.8870 u dawk tal-konċentrazzjoni B8‑28/19. Hija qieset ukoll ir-riskju assoċjat mal-istrateġiji ta’ żamma tal-kapaċità u l-analiżi tal-“Residual Supply Index” (Indiċi tal-Provvista Residwa, iktar ’il quddiem l-“RSI” jew l-“indiċi RSI”) ipprovduti minn RWE u minn terzi. Hija waslet għall-konklużjoni li ż-żieda tas-sehem mis-suq ta’ RWE attribwibbli għall-assi ta’ E.ON kienet limitata u temporanja, b’tali mod li l-konċentrazzjoni M.8871 ma kienet toħloq l-ebda dubju serju dwar il-kompatibbiltà tagħha mas-suq intern. Il-Kummissjoni kkunsidrat li din il-konklużjoni ma kinitx ikkontestata mill-elementi l-oħra mqajma mit-terzi. Fl-aħħar nett, hija analizzat ukoll l-effetti tal-konċentrazzjoni M.8871 fuq is-suq tat-trażmissjoni tal-elettriku billi ħadet inkunsiderazzjoni r-relazzjoni ta’ RWE ma’ Amprion GmbH, wieħed mill-erba’ operaturi Ġermaniżi tas-sistema tat-trażmissjoni.

II.    Ittalbiet talpartijiet

20      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-Deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż, inklużi l-ispejjeż tal-avukat u tal-ivvjaġġar, li hija sostniet fil-kuntest tal-proċedura.

21      Il-Kummissjoni, sostnuta mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, E.ON u RWE, titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

III. Iddritt

22      Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tqajjem, essenzjalment, sitt motivi, l-ewwel wieħed ibbażat fuq diviżjoni żbaljata tal-analiżi tal-operazzjoni globali, it-tieni wieħed ibbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni, it-tielet wieħed ibbażat fuq ksur tad-dritt tagħha għal smigħ, ir-raba’ wieħed ibbażat fuq ksur tad-dritt tagħha għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, il-ħames wieħed ibbażat fuq żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni, u s-sitt wieħed ibbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ diliġenza.

23      Qabel kollox għandha tiġi eżaminata l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma minn RWE.

A.      Fuq lammissibbiltà

24      Fin-nota ta’ intervent tagħha, RWE teċċepixxi l-inammissibbiltà tar-rikors minħabba l-assenza ta’ locus standi tar-rikorrenti. F’dan ir-rigward, hija ssostni, essenzjalment, li r-rikorrenti ma għandhiex interess individwali biex titlob l-annullament tad-Deċiżjoni kkontestata.

25      Minn naħa, RWE ssostni li, lil hinn minn interess ġenerali bħala attriċi fis-suq, ir-rikorrenti ma turix x’hemm li jindividwalizzaha speċifikament u jikkaratterizzaha meta mqabbla mal-operaturi u l-kompetituri l-oħra. Min-naħa l-oħra, is-suq tal-elettriku Ġermaniż ma jistax jitqies li jinkludi numru limitat ta’ produtturi.

26      Ir-rikorrenti tirribatti li, minn perspettiva formali, RWE ma tistax, bħala intervenjenti, tqajjem eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà, peress li hija għandha tillimita ruħha għall-motivi ta’ attakk u ta’ difiża tal-Kummissjoni, li insostenn tagħha hija intervjeniet. Minn perspettiva materjali, ir-rikorrenti tikkontesta l-argumenti ta’ RWE.

27      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, fit-talbiet tagħha, il-Kummissjoni sempliċement talbet li r-rikors jiġi miċħud fuq il-mertu u ma kkontestatx il-locus standi tar-rikorrenti.

28      Issa, skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 40 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, applikabbli għall-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali skont l-Artikolu 53 tal-istess statut, it-talbiet tar-rikors għal intervent jistgħu jkollhom biss bħala suġġett is-sostenn tat-talbiet ta’ waħda mill-partijiet fil-kawża. Minbarra dan, skont l-Artikolu 142(3) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, l-intervenjent jidħol fil-kawża in statu et terminis. Minn dan isegwi li RWE ma għandhiex locus standi sabiex tqajjem eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà u li l-qorti tal-Unjoni Ewropea għalhekk ma hijiex obbligata, fil-prinċipju, li teżamina l-motivi ta’ inammissibbiltà invokati minnha. Madankollu, skont ġurisprudenza stabbilita, il-kriterju li jissuġġetta l-ammissibbiltà ta’ rikors ippreżentat minn persuna fiżika jew ġuridika kontra deċiżjoni li hija ma hijiex id-destinatarja tagħha għall-kundizzjonijiet ta’ ammissibbiltà stabbiliti fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE jikkostitwixxi eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà ta’ ordni pubbliku li l-qrati tal-Unjoni jistgħu jeżaminaw f’kull stadju tal-proċedura, u anki ex officio (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑27 ta’ Frar 2014, Stichting Woonlinie et vs Il‑Kummissjoni, C‑133/12 P, EU:C:2014:105, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata). Għaldaqstant, hija l-Qorti Ġenerali li għandha tivverifika ex officio jekk ir-rikorrenti għandhiex locus standi tieħu proċeduri kontra d-Deċiżjoni kkontestata.

29      F’konformità mar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, persuna fiżika jew ġuridika tista’ tippreżenta rikors kontra deċiżjoni indirizzata lil xi persuna oħra biss jekk tkun tikkonċernaha direttament u individwalment.

30      B’hekk, għandu jiġi eżaminat jekk ir-rikorrenti hijiex direttament u individwalment ikkonċernata mid-Deċiżjoni kkontestata.

31      Fl-ewwel lok, f’dak li jirrigwarda l-inċidenza diretta tar-rikorrenti, għandu jiġi rrilevat li, sa fejn hija ppermettiet ir-realizzazzjoni immedjata tal-konċentrazzjoni M.8871, id-Deċiżjoni kkontestata kienet tali li twassal għal modifika immedjata tas-sitwazzjoni tas-swieq ikkonċernati. Sa fejn ir-rieda tal-partijiet għall-konċentrazzjoni M.8871 li jirrealizzawha ma kinitx suġġetta għall-garanzija, l-operaturi ekonomiċi li jintervjenu fis-suq jew fis-swieq ikkonċernati setgħu, fid-data tad-Deċiżjoni kkontestata, jiksbu modifika immedjata jew ta’ malajr tal-istat tas-suq (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑4 ta’ Lulju 2006, easyJet vs Il‑Kummissjoni, T‑177/04, EU:T:2006:187, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata). Minn dan jirriżulta li r-rikorrenti, li hija attiva f’dan is-suq, hija direttament ikkonċernata mid-Deċiżjoni kkontestata.

32      Fit-tieni lok, fir-rigward tal-inċidenza individwali tar-rikorrenti, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, persuni oħra barra d-destinatarji ta’ deċiżjoni jistgħu jippretendu li huma individwalment ikkonċernati biss jekk din id-deċiżjoni taffettwahom minħabba ċerti kwalitajiet partikolari għalihom jew minħabba sitwazzjoni ta’ fatt li tiddifferenzjahom minn kull persuna oħra u minħabba dan tindividwalizzhom bl-istess mod bħal fil-każ tal-persuna li lilha d-deċiżjoni hija indirizzata (ara s-sentenza tal‑4 ta’ Lulju 2006, easyJet vs Il‑Kummissjoni, T‑177/04, EU:T:2006:187, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata).

33      Fil-każ ta’ deċiżjoni li tikkonstata l-kompatibbiltà ta’ konċentrazzjoni mas-suq intern, u f’dak li jikkonċerna impriża terza, huwa abbażi, minn naħa, tal-parteċipazzjoni tagħha fil-proċedura amministrattiva u, min-naħa l-oħra, tal-inċidenza tal-pożizzjoni tagħha fuq is-suq li għandu jiġi ddeterminat jekk hijiex individwalment ikkonċernata. Jekk sempliċi parteċipazzjoni fil-proċedura ċertament waħedha ma hijiex biżżejjed sabiex jiġi stabbilit li r-rikorrenti hija individwament ikkonċernata bid-deċiżjoni, b’mod partikolari fil-qasam tal-konċentrazzjonijiet li l-eżami attent tagħhom jirrikjedi kuntatt regolari ma’ numru ta’ impriżi, jibqa’ xorta waħda l-fatt li l-parteċipazzjoni attiva fil-proċedura amministrattiva tikkostitwixi element regolarment meħud inkunsiderazzjoni mill-ġurisprudenza fil-qasam tal-kompetizzjoni, inkluż fil-qasam iktar speċifiku tal-kontroll tal-konċentrazzjonijiet, sabiex tiġi stabbilita, flimkien ma’ ċirkustanzi speċifiċi oħra, l-ammissibbiltà tar-rikors tagħha (ara s-sentenza tal‑4 ta’ Lulju 2006, easyJet vs Il‑Kummissjoni, T‑177/04, EU:T:2006:187, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata).

34      Huwa fid-dawl tal-ġurisprudenza msemmija fil-punt 33 iktar ’il fuq li l-Qorti Ġenerali adottat miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura intiża sabiex tistieden lill-partijiet jissottomettu, waqt is-seduta, l-osservazzjonijiet tagħhom dwar l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà li hija kellha l-intenzjoni li tqajjem ex officio.

35      Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fil-proċedura amministrattiva dwar il-konċentrazzjoni M.8871, għandu jiġi rrilevat li r-rikorrenti ppreżentat osservazzjonijiet bil-miktub lill-Kummissjoni permezz ta’ ittra tas‑17 ta’ April 2018 u sussegwentement instemgħet waqt laqgħa individwali li saret fit‑28 ta’ Awwissu 2018. Mill-fajl jirriżulta wkoll li r-rikorrenti bagħtet ittra, fit‑18 ta’ Ottubru 2018, intiża sabiex tissupplimenta l-osservazzjonijiet li hija kienet issottomettiet waqt il-laqgħa tat‑28 ta’ Awwissu 2018.

36      Permezz ta’ ittra tal‑4 ta’ Diċembru 2018, ir-rikorrenti bagħtet lill-Kummissjoni studju ppreparat fuq talba tagħha minn Oxera Consulting LLP, impriża ta’ konsulenza ekonomika, intitolat “Transaktion zwischen E.ON und RWE: Auswirkungen auf Erstabsatz- und Regelenergiemarkt” (Operazzjoni bejn E.ON u RWE: Riperkussjonijiet fuq is-swieq tal-ewwel bejgħ u ta’ bbilanċjar), tad‑29 ta’ Novembru 2018 (iktar ’il quddiem l-“istudju Oxera”), li miegħu hija hemżet, permezz ta’ posta elettronika fil‑25 ta’ Jannar 2019, il-bażi tad-data użata għat-tfassil tal-imsemmi studju.

37      Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti rċeviet il-kwestjonarju dwar l-investigazzjoni tas-suq tal-Kummissjoni fl‑24 ta’ Jannar 2019, u wiġbitu fit‑30 ta’ Jannar 2019.

38      Minn dak li ntqal iktar ’il fuq, wara li ssottomettiet lill-Kummissjoni osservazzjonijiet dwar il-konċentrazzjoni M.8871, permezz ta’ posta elettronika, waqt laqgħa individwali, billi pprovdiet l-evalwazzjoni proprja tagħha tal-impatt fuq is-suq tal-konċentrazzjoni, jiġifieri l-istudju Oxera, u billi wieġbet għall-investigazzjoni tas-suq, ir-rikorrenti pparteċipat b’mod attiv fil-proċedura, ħaġa li, barra minn hekk, ma hijiex ikkontestata mill-partijiet l-oħra.

39      Fit-tieni lok, fir-rigward tal-inċidenza individwali tal-pożizzjoni tar-rikorrenti fis-suq, mill-atti tagħha jirriżulta li hija tintervjeni, bħala awtorità muniċipali tal-elettriku, fil-livelli kollha tal-katina ta’ valur, fost l-oħrajn fil-produzzjoni tal-elettriku, u hija, konsegwentement, kompetitriċi tal-partijiet fil-konċentrazzjoni. Din id-deskrizzjoni tal-attività tar-rikorrenti ma ġietx ikkontestata mill-partijiet l-oħra.

40      Min-naħa l-oħra, RWE tqis, essenzjalment, li l-kwalità ta’ kompetitriċi tar-rikorrenti hija biss kwalità oġġettiva, li ma tiddistingwihiex meta mqabbla ma’ kull kompetitur ieħor li jinsab, attwalment jew potenzjalment, f’sitwazzjoni identika. F’dan is-sens, hija ssostni b’mod partikolari l-fatt li r-rikorrenti ma tistabbilixxix differenza bejnha u l-kompetituri l-oħra meta tindirizza l-effetti tal-konċentrazzjoni fuq is-sitwazzjoni kompetittiva tagħha.

41      Barra minn hekk, bi tweġiba għall-mistoqsijiet magħmula mill-Qorti Ġenerali waqt is-seduta, il-partijiet irrikonoxxew li ma kienx neċessarju li jiġi ddeterminat jekk ir-rikorrenti kinitx kompetitriċi prinċipali ta’ RWE u ta’ E.ON, iżda jekk hija kinitx uriet li kienet milquta mid-Deċiżjoni kkontestata minħabba ċirkustanzi partikolari.

42      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li r-rikorrenti sostniet li l-pożizzjoni kompetittiva tagħha hija affettwata mill-konċentrazzjoni M.8871 sa fejn, billi din tbiddel l-istruttura tas-suq tal-elettriku Ġermaniż, ser tiżvaluta l-investimenti sinjifikattivi magħmula mir-rikorrenti u kkalkolati fuq perijodu twil billi tieħu inkunsiderazzjoni l-eżistenza ta’ suq tal-elettriku deċentralizzat u dejjem iktar volatili.

43      Ċertament, tali argument jista’ jitressaq minn kompetituri oħra minbarra r-rikorrenti li jinsabu f’sitwazzjoni simili.

44      Madankollu, jibqa’ l-fatt li dan huwa relatat mas-sitwazzjoni tar-rikorrenti u li, barra minn hekk, hija esprimiet, kemm matul il-proċedura amministrattiva kif ukoll matul il-proċedura ġudizzjarja, it-tħassib serju tagħha bħala riżultat ta’ din il-konċentrazzjoni billi indikat, diversi drabi, li l-pożizzjoni kompetittiva tagħha kienet ser tintlaqat.

45      F’dan ir-rigward, hija indikat lill-Qorti Ġenerali d-diversi proġetti marbuta mal-immodernizzar u mal-kostruzzjoni ta’ impjanti tal-elettriku li kienu se jintlaqtu mill-konċentrazzjoni M.8871. Dawn il-pjanijiet, spjegati fid-dettal fir-rikors, kienu jibqgħu sejrin sal‑2035 u kienu bbażati fuq l-ipoteżi tal-assenza tal-konċentrazzjoni M.8871. Ir-rikorrenti tqis li ċerti investimenti fil-kapaċitajiet il-ġodda huma żvalutati minħabba l-konċentrazzjoni dejjem ikbar tas-suq u l-marġni ta’ manuvra ikbar ta’ RWE wara l-konċentrazzjoni M.8871.

46      B’hekk, fid-dawl taċ-ċirkustanzi speċifiċi ta’ din il-kawża, b’mod partikolari tal-involviment sinjifikattiv tar-rikorrenti fil-proċedura amministrattiva, tal-istatus tagħha bħala kompetitriċi tal-partijiet fil-konċentrazzjoni u tal-impatt potenzjali fuq il-valur ta’ ċerti investimenti identifikati speċifikament mir-rikorrenti wara l-konċentrazzjoni, għandu jiġi kkunsidrat li r-rikorrenti hija individwalment ikkonċernata mid-Deċiżjoni kkontestata.

47      Peress li r-rikorrenti hija direttament u individwalment ikkonċernata mid-Deċiżjoni kkontestata, għandu jiġi konkluż li r-rikors huwa ammissibbli.

B.      Fuq ilmertu

1.      Kunsiderazzjonijiet preliminari

48      Għandu jiġi mfakkar li, meta l-Kummissjoni tanalizza konċentrazzjoni fis-sens tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 139/2004, hija twettaq fażi preliminari ta’ investigazzjoni sabiex tistabbilixxi jekk il-konċentrazzjoni tqajjimx dubji serji dwar il-kompatibbiltà mas-suq intern skont l-Artikolu 6(1) tal-istess regolament. Jekk hija tikkonkludi li l-konċentrazzjoni inkwistjoni tqajjem tali dubji, il-Kummissjoni tiftaħ it-tieni fażi ta’ investigazzjoni li fi tmiemha għandha tiddeċiedi jekk il-konċentrazzjoni tfixkilx b’mod sinjifikattiv il-kompetizzjoni fis-suq intern fis-sens tal-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 139/2004 (sentenza tal‑11 ta’ Diċembru 2013, Cisco Systems u Messagenet vs Il‑Kummissjoni, T‑79/12, EU:T:2013:635, punt 45).

49      Għalkemm huwa minnu li, b’differenza mill-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 139/2004, l-Artikolu 6 ta’ dan ir-regolament jirreferi għall-eżistenza jew għall-assenza ta’ dubji serji dwar il-kompatibbiltà tal-konċentrazzjoni nnotifikata mas-suq intern, xorta jibqa’ l-fatt li l-Kummissjoni għandha tibbaża ruħha fiż-żewġ każijiet fuq l-istess kriterji ta’ evalwazzjoni, kif previsti fl-Artikolu 2 tal-imsemmi regolament. Bl-istess mod, ir-rekwiżiti ta’ prova ma humiex ogħla għad-deċiżjonijiet meħuda skont l-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 139/2004 milli għal dawk meħuda skont l-Artikolu 8 tal-istess regolament. Fil-fatt, jekk il-Kummissjoni tawtorizza, bħal f’dan il-każ, konċentrazzjoni fi tmiem l-ewwel fażi jew wara t-tieni fażi ta’ eżami, ir-rekwiżiti ta’ prova meħtieġa huma identiċi. It-tweġiba għall-kwistjoni dwar jekk il-Kummissjoni tistax tiddeċiedi abbażi tal-Artikolu 6 jew skont l-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 139/2004 tiddependi għalhekk fuq id-disponibbiltà tal-provi tul iż-żmien, iżda mhux fuq il-livell tagħhom (sentenza tal‑11 ta’ Diċembru 2013, Cisco Systems u Messagenet vs Il‑Kummissjoni, T‑79/12, EU:T:2013:635, punt 46).

50      Fir-rigward tar-rekwiżiti ta’ prova, mis-sentenza tal‑10 ta’ Lulju 2008, Bertelsmann u Sony Corporation of America vs Impala (C‑413/06 P, EU:C:2008:392, punti 50 sa 53), jirriżulta li l-Kummissjoni hija, fil-prinċipju, marbuta li tieħu pożizzjoni jew fis-sens tal-awtorizzazzjoni tal-konċentrazzjoni quddiemha, jew f’dak tal-projbizzjoni tagħha, skont l-evalwazzjoni tagħha tal-iżvilupp ekonomiku l-iktar probabbli attribwibbli għall-operazzjoni inkwistjoni. Għaldaqstant din hija evalwazzjoni ta’ probabbiltajiet u mhux obbligu li għandha l-Kummissjoni li tipprova mingħajr dubju raġonevoli li konċentrazzjoni ma tqajjimx problemi ta’ kompetizzjoni (sentenza tal‑11 ta’ Diċembru 2013, Cisco Systems u Messagenet vs Il‑Kummissjoni, T‑79/12, EU:T:2013:635, punt 47).

51      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li r-Regolament Nru 139/2004 ma jistrieħx fuq preżunzjoni ta’ inkompatibbiltà tal-konċentrazzjonijiet mas-suq intern (sentenza tal‑11 ta’ Diċembru 2013, Cisco Systems u Messagenet vs Il‑Kummissjoni, T‑79/12, EU:T:2013:635, punt 48). Fil-fatt, ir-Regolament Nru 139/2004 jipprevedi rekwiżit ta’ prova simteriku sabiex jew jawtorizza jew jipprojbixxi konċentrazzjoni u, għaldaqstant, ma joħloq l-ebda preżunzjoni ta’ legalità jew ta’ illegalità tal-konċentrazzjonijiet.

52      Ċertament, l-Artikolu 6(1)(ċ) tar-Regolament Nru 139/2004 ma jagħti lill-Kummissjoni ebda setgħa diskrezzjonali fir-rigward tal-ftuħ ta’ fażi ta’ investigazzjoni addizzjonali meta din issib dubji serji dwar il-kompatibbiltà tal-konċentrazzjoni mas-suq intern. Fil-fatt, meta l-Kummissjoni jkollha dubji serji dwar il-kompatibbiltà mas-suq intern ta’ konċentrazzjoni, hija għandha l-obbligu li tiftaħ it-tieni fażi ta’ investigazzjoni. Madankollu, anki jekk il-kunċett ta’ “dubji serji” huwa ta’ natura oġġettiva, għandu jitfakkar li xorta jibqa’ l-fatt li, qabel ma tadotta deċiżjoni skont l-Artikolu 6(1)(ċ) tar-Regolament Nru 139/2004, il-Kummissjoni għandha twettaq evalwazzjonijiet ekonomiċi kumplessi u li hija għandha, f’dan ir-rigward, ċerta marġni diskrezzjonali li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni mill-Qorti Ġenerali (sentenzi tat‑3 ta’ April 2003, Royal Philips Electronics vs Il‑Kummissjoni, T‑119/02, EU:T:2003:101, punt 77, u tal‑11 ta’ Diċembru 2013, Cisco Systems u Messagenet vs Il‑Kummissjoni, T‑79/12, EU:T:2013:635, punt 49).

53      Konsegwentement, sew jekk fir-rigward tad-deċiżjonijiet meħuda skont l-Artikolu 6 sew għal dawk adottati abbażi tal-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 139/2004, il-ġurisprudenza tipprovdi livell identiku ta’ stħarriġ ġudizzjarju. Fiż-żewġ każijiet, l-istħarriġ eżerċitat mill-Qorti tal-Unjoni fuq l-evalwazzjonijiet ekonomiċi kumplessi tal-Kummissjoni għandu jillimita ruħu għall-verifika tal-osservanza tar-regoli ta’ proċedura u ta’ motivazzjoni, tal-eżattezza materjali tal-fatti kif ukoll tal-assenza ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni u ta’ abbuż ta’ poter. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Unjoni għandha mhux biss tivverifika l-eżattezza materjali tal-provi invokati, l-affidabbiltà u l-koerenza tagħhom, iżda wkoll tikkontrolla jekk dawn il-provi jikkostitwixxux it-tagħrif kollu rilevanti li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni sabiex tiġi evalwata sitwazzjoni kumplessa u jekk humiex tali li jissostanzjaw il-konklużjonijiet li jinsiltu minnhom (sentenza tal‑11 ta’ Diċembru 2013, Cisco Systems u Messagenet vs Il‑Kummissjoni, T‑79/12, EU:T:2013:635, punt 50).

54      Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li għandhom jiġu eżaminati l-motivi mqajma mir-rikorrenti.

2.      Fuq lewwel motiv, ibbażat fuq diviżjoni żbaljata talanaliżi taloperazzjoni globali

55      Ir-rikorrenti tikkunsidra, essenzjalment, li s-separazzjoni tal-analiżi tal-konċentrazzjoni M.8870 u tal-konċentrazzjoni M.8871 hija purament formali. Fil-fehma tagħha, il-Kummissjoni jmissha evalwat flimkien iż-żewġ konċentrazzjonijiet, peress li dawn kienu jiddependu fuq xulxin mill-perspettiva ekonomika, kienu ġew miftiehma fl-istess ħin u kienu wkoll legalment marbuta.

56      Ir-rikorrenti tikkonkludi li l-operazzjoni globali tirrappreżenta l-istess konċentrazzjoni waħda fis-sens tal-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 139/2004, peress li, skont il-premessa 20 ta’ dan ir-regolament, hija tinkludi operazzjonijiet li huma marbuta mill-qrib fis-sens li huma marbuta b’kundizzjoni.

57      Il-Kummissjoni, sostnuta mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, E.ON u RWE, tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

a)      Fuq ilportata talewwel motiv

58      Mill-ewwel motiv, kif ippreżentat fir-rikors, jirriżulta li l-kritika indirizzata lill-Kummissjoni tirrigwarda l-fatt li din tal-aħħar ma eżaminatx flimkien il-konċentrazzjonijiet M.8870 u M.8871. Madankollu, fil-kuntest, b’mod partikolari, tal-osservazzjonijiet tagħha fuq in-nota ta’ intervent ta’ RWE, ir-rikorrenti tindika li l-operazzjoni globali għandha natura unitarja u li l-Kummissjoni hija kompetenti anki meta impriża, f’dan il-każ RWE, tingħata, bħala korrispettiv għall-kontribuzzjoni ta’ sussidjarji lil kumpannija oħra, jiġifieri innogy lil E.ON, sehem minoritarju li ma jagħti l-ebda dritt ta’ kontroll fl-impriża konċessjonarja, jiġifieri 16.67 % f’E.ON.

59      Mistoqsija waqt is-seduta dwar il-portata tal-motiv tagħha, ir-rikorrenti ppreċiżat li hija kienet tikkunsidra li l-konċentrazzjonijiet M.8870, M.8871 u B8‑28/19 kienu jikkostitwixxu konċentrazzjoni waħda. Filwaqt li tirrikonoxxi li dawn it-tliet konċentrazzjonijiet kienu s-suġġett ta’ kontroll taħt proċeduri differenti, jiġifieri proċedura rregolata mid-dritt Ġermaniż għall-konċentrazzjoni B8‑28/19 u żewġ proċeduri distinti rregolati mid-dritt tal-Unjoni għall-konċentrazzjonijiet M.8870 u M.8871, ir-rikorrenti tikkontesta l-għażla li saret. B’mod partikolari, hija tqis li s-sehem miksub minn RWE f’E.ON ta’ 16.67 % ma huwiex sehem minoritarju u ma jikkostitwixxix sehem finanzjarju mhux sinjifikattiv. Għall-kuntrarju, hija tqis li dan jagħmel possibbli influwenza deċiżiva min-naħa ta’ RWE fuq E.ON. Fid-dawl ta’ dan, għandu jiġi evalwat jekk l-operazzjoni globali tikkostitwixxix konċentrazzjoni waħda fis-sens tal-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 139/2004.

60      Il-kjarifiki magħmula mir-rikorrenti waqt is-seduta jippermettu li jinftiehem li l-ewwel motiv huwa intiż li jikkritika lill-Kummissjoni, minn naħa, li ma kkontrollatx il-konċentrazzjoni B8‑28/19 u, min-naħa l-oħra, li ma kkunsidratx il-konċentrazzjonijiet M.8870, M.8871 u B8‑28/19 bħala l-komponenti ta’ konċentrazzjoni waħda.

b)      Fuq ilkontroll talkonċentrazzjoni B828/19

61      Għandu jiġi rrimarkat li, fil-punt 74 tad-Deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni fakkret li, fl-evalwazzjoni tagħha tal-effetti kompetittivi ta’ kull akkwist ta’ kontroll, hija kellha wkoll tieħu inkunsiderazzjoni s-sehem minoritarju tal-akkwirent fi kwalunkwe kumpanniji relatati. Skont din ir-regola, il-Kummissjoni vverifikat jekk ir-relazzjoni strutturali li tirriżulta mill-akkwist tas-sehem minoritarju f’E.ON, li huwa s-suġġett tal-konċentrazzjoni B8‑28/19, tistax, minn naħa, tnaqqas l-interess li kellhom RWE u E.ON sabiex jikkompetu fis-suq tal-produzzjoni u tal-provvista bl-ingrossa tal-elettriku fil-Ġermanja u, min-naħa l-oħra, jekk tagħti lil RWE jew lil E.ON il-kapaċità u l-interess li jeskludu l-kompetituri, upstream, fil-produzzjoni jew fil-bejgħ bl-ingrossa tal-elettriku fil-Ġermanja, jew downstream, fil-bejgħ bl-imnut tal-elettriku fil-Ġermanja, jew tabilħaqq fiż-żewġ stadji (punt 75 tad-Deċiżjoni kkontestata).

62      Fi kliem ieħor, il-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni s-sehem minoritarju miksub minn RWE f’E.ON fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-effetti tal-konċentrazzjoni M.8871, iżda ma eżaminatx il-kompatibbiltà tal-konċentrazzjoni B8‑28/19 mas-suq intern, fid-dawl tar-Regolament Nru 139/2004.

63      Huwa l-Uffiċċju Federali tal-Akkordji li eżamina l-kompatibbiltà tal-konċentrazzjoni B8‑28/19 fid-dawl tar-regoli stabbiliti mid-dritt nazzjonali Ġermaniż.

64      F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni kellha teżamina l-konċentrazzjoni B8‑28/19, peress li s-sehem minoritarju akkwistat minn RWE f’E.ON kienet tippermetti lil RWE teżerċita influwenza determinanti fuq E.ON.

65      Għandu jitfakkar li l-Artikolu 3(1) u (2) tar-Regolament Nru 139/2004 jipprevedi li:

“1.      Għandu jitqies li hemm konċentrazzjoni meta jkun hemm bidla fil-kontroll fuq bażi dewwiema, liema bidla tkun ir-riżultat ta’:

a)      l-għaqda ta’ tnejn jew aktar impriżi, jew ta’ partijiet minn impriżi, li qabel kienu indipendenti, jew

b)      akkwist, minn persuna jew minn aktar minn persuna waħda li diġa tikkontrolla jew jikkontrollaw mill-anqas impriża waħda, jew minn impriża jew minn aktar minn impriża waħda, ta’ kontroll dirett jew indirett ta’ impriża jew ta’ aktar minn impriża waħda, jew ta’ partijiet minn impriża jew minn aktar minn impriża waħda. Dan l-akkwist jista’ jsir kemm permezz tax-xiri ta’ titoli jew ta’ assi, permezz ta’ kuntratt jew permezz ta’ kull mezz ieħor.

2.      Kontroll għandu jkun permezz ta’ drittijiet, kuntratti, jew permezz ta’ kull mezz ieħor li, separatament jew flimkien, fil-kuntest tal-fatti u tal-liġijiet involuti, jikkonferixxu l-possibbiltà li tkun eżerċitata influwenza deċiżiva fuq l-impriża, b’mod partikolari permezz ta’:

a)      dritt ta’ proprjetà fuq jew dritt ta’ użu mill-assi kollha jew minn parti mill-assi ta’ impriża

b)      drittijiet jew kuntratti li jikkonferixxu influwenza deċiżiva fuq il-komposizzjoni, l-votazzjoni jew id-deċiżjonijiet ta’ l-organi ta’ impriża.”

66      B’hekk, sa fejn l-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 139/2004 jirrigwarda l-influwenza determinanti miksuba fuq l-attività ta’ impriża sabiex tikklassifika l-eżistenza ta’ kontroll li jista’ jikkaratterizza konċentrazzjoni, għandu jiġi dedott mill-kritika tar-rikorrenti li din tal-aħħar tqis il-konċentrazzjoni B8‑28/19 bħala li tikkostitwixxi konċentrazzjoni fis-sens tal-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 139/2004 u li l-Kummissjoni kellha, f’dawn iċ-ċirkustanzi, teżaminaha.

67      Issa, is-suġġett ta’ dan ir-rikors jirrigwarda formalment id-deċiżjoni tal-Kummissjoni, tas‑26 ta’ Frar 2019, li tiddikjara l-konċentrazzjoni M.8871 kompatibbli mas-suq intern. F’dan ir-rigward, anki jekk id-Deċiżjoni kkontestata tinkludi elementi dwar is-sehem minoritarju akkwistat minn RWE f’E.ON tali li juru r-raġunijiet li għalihom il-Kummissjoni ma kkunsidratx il-konċentrazzjoni B8‑28/19 bħala konċentrazzjoni fis-sens tal-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 139/2004, għandu jiġi kkonstatat li din ma tiħux deċiżjoni b’mod espliċitu fuq din il-kwistjoni u, b’estensjoni, fuq il-kompetenza tal-Kummissjoni sabiex tiddetermina l-kompatibbiltà ta’ din il-konċentrazzjoni mas-suq intern. Għaldaqstant, ir-rikorrenti ma tistax tinvoka l-motiv ibbażat fuq diviżjoni żbaljata tal-operazzjoni globali sabiex titlob lill-Qorti Ġenerali tiddeċiedi dwar kwistjoni ta’ kompetenza li ma ġietx ittrattata mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni effettivament ikkontestata quddiemha.

68      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat ukoll li jekk ir-rikorrenti qieset li l-konċentrazzjoni B8‑28/19 seta’ jkollha dimensjoni fil-livell tal-Unjoni, hija kellha tressaq ilment lill-Kummissjoni sabiex titlobha teżaminaha. F’każ bħal dan, fil-fatt, il-Kummissjoni kien ikollha tiddeċiedi proprju fuq il-prinċipju tal-kompetenza tagħha bħala awtorità ta’ kontroll (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑25 ta’ Settembru 2003, Schlüsselverlag J. S. Moser et vs Il‑Kummissjoni, C‑170/02 P, EU:C:2003:501, punti 27 sa 30). Id-deċiżjoni eventwalment adottata setgħet għalhekk tkun is-suġġett ta’ stħarriġ ġudizzjarju permezz ta’ rikors għal annullament skont l-Artikolu 263 TFUE. Sussidjarjament, fl-ipoteżi ta’ assenza ta’ tweġiba min-naħa tal-Kummissjoni, seta’ jiġi ppreżentat rikors għal nuqqas li tittieħed azzjoni, skont it-tielet paragrafu tal-Artikolu 265 TFUE.

69      Fi kwalunkwe każ, l-akkwist ta’ sehem minoritarju jista’ jagħti lok għall-akkwist ta’ kontroll, kif jirriżulta mill-punti 57 u 59 tal-Avviż konsolidat dwar il-kompetenza tal-Kummissjoni skont ir-Regolament Nru 139/2004 (ĠU 2008, C 95, p. 1, iktar ’il quddiem l-“Avviż konsolidat dwar il-kompetenza”), biss jekk ikun hemm drittijiet speċifiċi marbuta mas-sehem minoritarju, li jagħtu lok għal kontroll esklużiv de jure, jew jekk l-azzjonist minoritarju jikseb, minħabba ċirkustanzi speċifiċi, kontroll esklużiv de facto.

70      Issa, f’dan il-każ, minn naħa, ir-rikorrenti ma sostnietx li kien hemm drittijiet speċifiċi marbuta mas-sehem minoritarju akkwistat minn RWE. B’mod partikolari, hija ma sostnietx li l-azzjonijiet akkwistati kienu azzjonijiet preferenzjali li magħhom huma marbuta drittijiet speċjali li jagħtu lil RWE l-possibbiltà li tiddetermina l-istrateġija kummerċjali ta’ E.ON, bħas-setgħa li taħtar iktar minn nofs il-membri tal-bord ta’ sorveljanza jew ta’ amministrazzjoni, u lanqas li RWE għandha d-dritt li tamministra l-attivitajiet ta’ E.ON u li tiddetermina l-politika kummerċjali abbażi tal-istruttura organizzattiva tagħha.

71      Min-naħa l-oħra, kif huwa stabbilit fil-punti 374, 375 u 383 iktar ’il quddiem, il-ftehim dwar ir-relazzjonijiet bejn l-investituri konkluż bejn RWE u E.ON jillimita d-drittijiet tal-votazzjoni li jistgħu jiġu eżerċitati minn RWE għal 16.67 % fil-laqgħat tal-azzjonisti, tkun xi tkun ir-rata ta’ attendenza. Konsegwentement, RWE ma tistax tikseb maġġoranza fil-laqgħa ġenerali ta’ E.ON, anki fil-preżenza ta’ numru żgħir ta’ azzjonisti. Barra minn hekk, kif huwa indikat, essenzjalment, fil-punt 388 iktar ’il quddiem, ir-rikorrenti ma pproduċietx indizji sabiex issostni l-plawżibbiltà tal-eżistenza ta’ kwalunkwe koordinazzjoni bejn [kunfidenzjali] u RWE fil-laqgħat ġenerali ta’ E.ON li tista’ tagħti lil RWE maġġoranza stabbli f’dawn il-laqgħat. Għaldaqstant, ma jistax jitqies li RWE akkwistat kontroll esklużiv de facto fuq E.ON.

72      B’hekk, ir-rikorrenti ma hijiex fondata meta ssostni li l-konċentrazzjoni B8‑28/19 tikkostitwixxi konċentrazzjoni fis-sens tal-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 139/2004.

c)      Fuq leżistenza ta’ konċentrazzjoni waħda

73      Peress li l-partijiet oġġezzjonaw, kemm fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħhom kif ukoll waqt is-seduta, għall-kunċett proprju ta’ “konċentrazzjoni waħda”, dan il-kunċett għandu jiġi ddefinit qabel ma jiġi vverifikat jekk huwiex applikabbli għall-operazzjoni globali.

1)      Fuq ilkunċett ta’ “konċentrazzjoni waħda”

74      Għandu jiġi rrilevat li, ċertament, il-kunċett ta’ “konċentrazzjoni waħda” jidher biss fil-premessa 20, u mhux fl-artikoli tar-Regolament Nru 139/2004 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ Ottubru 2017, Marine Harvest vs Il‑Kummissjoni, T‑704/14, EU:T:2017:753, punt 91).

75      Il-premessa 20 tar-Regolament Nru 139/2004 tindika li:

“Ikun jaqbel li jiġi definit il-kunċett ta’ konċentrazzjoni b’mod li jkopri operazzjonijiet li jwasslu għal bidla fil-tul fil-kontroll ta’ l-impriżi konċernati u għalhekk fl-istruttura tas-suq. Għaldaqstant, huwa xieraq li fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament ikunu inklużi l-joint ventures kollha li jħaddmu, fuq bażi dejjiema, l-funzjonijiet kollha ta’ entità ekonomika awtonoma. Barra minn hekk, huwa xieraq li jkunu meqjusa bħala konċentrazzjoni waħda dawk it-transazzjonijiet li jkunu marbuta ħafna ma xulxin fis-sens li jkunu relattati b’kundizzjoni jew jieħdu l-forma ta’ serje ta’ transazzjonijiet f’titoli liema transazzjonijiet isiru f’perjodu ta’ żmien raġjonevolment qasir.”

76      Madankollu, minn naħa, din il-premessa ma tinkludix definizzjoni eżawrjenti tal-kundizzjonijiet li fihom żewġ tranżazzjonijiet jew iktar jikkostitwixxu konċentrazzjoni waħda. Min-naħa l-oħra, għandu jiġi rrilevat li premessa ta’ regolament, għalkemm tista’ tippermetti li tiġi ċċarata l-interpretazzjoni li għandha tingħata lil dispożizzjoni legali, ma tistax tikkostitwixxi fiha nnifisha tali dispożizzjoni. Il-preambolu ta’ att tal-Unjoni ma għandux valur legali vinkolanti (ara s-sentenza tas‑26 ta’ Ottubru 2017, Marine Harvest vs Il‑Kummissjoni, T‑704/14, EU:T:2017:753, punt 150 u l-ġurisprudenza ċċitata).

77      B’hekk, skont il-ġurisprudenza, il-preambolu ta’ att tal-Unjoni ma jistax jiġi invokat la sabiex jidderoga mid-dispożizzjonijiet stess tal-att ikkonċernat u lanqas sabiex id-dispożizzjonjiet tiegħu jiġu interpretati b’mod manifestament oppost għall-kliem użat fihom (ara s-sentenza tal‑24 ta’ Novembru 2005, Deutsches Milch-Kontor, C‑136/04, EU:C:2005:716, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata). Għaldaqstant, għalkemm il-premessa 20 tar-Regolament Nru 139/2004 tista’ sservi bħala element ta’ interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament, mis-sempliċi kliem ta’ din il-premessa ma tistax tiġi dedotta b’mod validu interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “konċentrazzjoni waħda” li ma tkunx konformi ma’ dawn id-dispożizzjonijiet (sentenza tal‑4 ta’ Marzu 2020, Marine Harvest vs Il‑Kummissjoni, C‑10/18 P, EU:C:2020:149, punt 44).

78      Konsegwentement, il-kunċett ta’ “konċentrazzjoni waħda”, li jidher fil-premessa 20 tar-Regolament Nru 139/2004, għandu jiġi interpretat f’sens li huwa kompatibbli mal-kunċett ta’ “konċentrazzjoni” ddefinit fl-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 139/2004. F’dan is-sens, il-premessa 20 ma tistax tkun is-suġġett ta’ interpretazzjoni li bħala konsegwenza tagħha titwessa’ l-portata tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 139/2004.

79      Issa, fid-dawl tal-kontenut tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 139/2004 imfakkar fil-punt 65 iktar ’il fuq, għandu jiġi kkunsidrat li konċentrazzjoni waħda hija konċentrazzjoni komposta minn tal-inqas żewġ operazzjonijiet marbuta mill-qrib b’kundizzjoni jew minħabba li dawn jieħdu l-forma ta’ serje ta’ tranżazzjonijiet f’titoli liema tranżazzjonijiet isiru f’perijodu ta’ żmien raġonevolment qasir, u li jwasslu għal bidla dejjiema tal-kontroll bħala riżultat tal-amalgamazzjoni ma’ żewġ impriżi jew ta’ diversi partijiet ta’ tali impriżi, jew tal-akkwist minn persuna waħda jew iktar li diġà tikkontrolla tal-inqas impriża waħda jew minn impriża waħda jew iktar tal-kontroll dirett jew indirett ta’ impriża waħda jew iktar sħiħa jew ta’ partijiet tagħhom.

80      Fi kliem ieħor, għandhom jiġu ssodisfatti żewġ kundizzjonijiet sabiex żewġ operazzjonijiet jew iktar jitqiesu li jikkostitwixxu konċentrazzjoni waħda fis-sens tal-premessa 20 u tal-Artikolu 3(1)(b) tar-Regolament Nru 139/2004. Minn naħa, huwa neċessarju li l-operazzjonijiet ikunu interdipendenti, b’tali mod li waħda ma ssirx mingħajr l-oħra. Min-naħa l-oħra, ir-riżultat ta’ dawn l-operazzjonijiet għandu jikkonsisti fl-għoti lil impriża waħda jew iktar ta’ kontroll ekonomiku, dirett jew indirett, fuq l-attività ta’ impriża waħda jew iżjed (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑23 ta’ Frar 2006, Cementbouw Handel & Industrie vs Il‑Kummissjoni, T‑282/02, EU:T:2006:64, punt 109).

81      F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti ssostni li l-premessa 20 tar-Regolament Nru 139/2004 tesprimi b’mod konkret ir-rieda tal-Kummissjoni, espressa fil-Green Paper tagħha dwar ir-Reviżjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 4064/89 tal‑21 ta’ Diċembru 1989 dwar il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn impriżi [traduzzjoni mhux uffiċjali] (COM(2001) 745 final, iktar ’il quddiem il-“Green Paper”), li tikkunsidra b’mod ġenerali ħafna l-iskambji tal-assi bħala konċentrazzjoni waħda sabiex tiżgura evalwazzjoni koerenti tal-operazzjoni kollha kemm hi.

82      Madankollu, minn naħa, għandu jiġi enfasizzat li Green Paper għandha biss l-għan li tniedi proċess ta’ konsultazzjoni fuq il-livell tal-Unjoni u ma tistax, għaldaqstant, toħloq obbligu fuq il-Kummissjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ Ottubru 2017, Marine Harvest vs Il‑Kummissjoni, T‑704/14, EU:T:2017:753, punt 178).

83      Min-naħa l-oħra, għalkemm huwa minnu li, fil-premessa 133 tal-Green Paper, il-Kummissjoni indikat li għandhom jiġu abbozzati dispożizzjonijiet li jassimilaw l-operazzjonijiet li jikkonsistu fi skambji ta’ assi bejn żewġ kumpanniji mal-konċentrazzjonijiet li jikkonsistu f’operazzjoni waħda, madankollu din il-proposta ma ġietx inkluża fir-Regolament Nru 139/2004. B’mod partikolari, l-emenda tal-Artikolu 5 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 4064/89 tal‑21 ta’ Diċembru 1989 dwar il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn impriżi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 31), dwar il-kalkolu tal-valur tal-bejgħ sabiex tiġi ddeterminata l-kompetenza tal-Kummissjoni li tittratta konċentrazzjoni, prevista mill-Green Paper, ma saritx.

84      B’hekk, mill-istorja leġiżlattiva tar-Regolament Nru 139/2004 jirriżulta li r-rinunzja tal-inklużjoni ta’ dispożizzjonijiet ispirati mill-premessa 133 tal-Green Paper hija r-riżultat ta’ deċiżjoni deliberata tal-leġiżlatur tal-Unjoni.  Din il-premessa 133 ma ġietx inkorporata fil-verżjoni finali tar-Regolament Nru 139/2004, kif ġie adottat, u l-unika dispożizzjoni li tittratta l-kunċett ta’ “konċentrazzjoni waħda” hija l-premessa 20 tal-imsemmi regolament.

85      Konsegwentement, anki jekk il-Kummissjoni kienet tal-fehma, meta ppubblikat il-Green Paper tagħha, li skambji ta’ assi bħal dawk f’dan il-każ kellhom jitqiesu li jifformaw konċentrazzjoni waħda, dan huwa irrilevanti għall-mistoqsija dwar jekk il-konċentrazzjonijiet M.8870, M.8871 u B8‑28/19 jikkostitwixxux konċentrazzjoni waħda, peress li huma rilevanti biss, f’dan ir-rigward, ir-Regolament Nru 139/2004 u l-Avviż konsolidat dwar il-kompetenza.

86      Issa, fid-dawl tal-kundizzjonijiet imsemmija fil-punt 80 iktar ’il fuq, il-kunċett ta’ “konċentrazzjoni waħda” ma huwiex intiż li japplika meta impriżi indipendenti jiksbu l-kontroll ta’ miri differenti, bħal fil-każ ta’ skambju ta’ assi.

2)      Applikazzjoni f’dan ilkaż

i)      Fuq ilkundizzjoni dwar linterdipendenza taloperazzjonijiet inkwistjoni

87      Il-kundizzjoni dwar l-interdipendenza tal-operazzjonijiet inkwistjoni ġiet ippreċiżata fil-punt 43 tal-Avviż konsolidat dwar il-kompetenza.

88      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li mill-punti 1 u 4 tal-Avviż konsolidat dwar il-kompetenza jirriżulta li dan ġie adottat fl-interess li jiggarantixxi t-trasparenza, il-prevedibbiltà u ċ-ċertezza legali tal-azzjoni mibdija mill-Kummissjoni (sentenza tal‑5 ta’ Ottubru 2020, HeidelbergCement u Schwenk Zement vs Il‑Kummissjoni, T‑380/17, EU:T:2020:471, punt 132).

89      Il-punt 43 tal-Avviż konsolidat dwar il-kompetenza jipprevedi:

“Il-kondizzjonalità meħtieġa timplika li ebda waħda mit-tranżazzjonijiet ma sseħħ mingħajr l-oħrajn u għalhekk jikkostitwixxu operazzjoni waħda […]. Din il-kondizzjonalità normalment tintwera jekk it-tranżazzjonijiet huma marbutin de jure, i.e. l-ftehimiet stess huma marbutin b’kondizzjonalità reċiproka. Jekk tista’ tintwera l-kondizzjonalità de facto b’mod sodisfaċenti, tista’ tkun biżżejjed biex it-tranżazzjonijiet jiġu ttrattati bħala konċentrazzjoni waħda. Dan jinħtieġ evalwazzjoni ekonomika ta’ jekk kull waħda mit-tranżazzjonijiet tiddependix neċessarjament fuq il-konklużjonijiet ta’ l-oħrajn […]. Indikazzjonijiet ulterjuri ta’ l-interdipendenza ta’ bosta tranżazzjonijiet jistgħu jkunu d-dikjarazzjonijiet tal-partijiet jew il-konklużjoni simultanja tal-ftehimiet rilevanti. Konklużjoni ta’ l-interkondizzjonalità de facto ta’ bosta tranżazzjonijiet hija diffiċli li tintlaħaq fin-nuqqas li jkunu simultanji. Nuqqas pronunzjat ta’ simultanjetà ta’ tranżazzjonijiet legalment interkondizzjonali jista’ bl-istess mod iġib dubji dwar l-interdipendenza vera tagħhom.”

90      F’dan il-każ, huwa paċifiku li l-konċentrazzjonijiet M.8870, M.8871 u B828/19 jagħmlu parti minn skambju kumpless ta’ assi bejn RWE u E.ON u huma legalment marbuta ma’ xulxin. Dan jirriżulta barra minn hekk mill-punt 3 tad-Deċiżjoni kkontestata.

91      Barra minn hekk, id-Deċiżjoni kkontestata ssemmi, fin-nota 34 ta’ qiegħ il-paġna, li “[l]-kuntratti dwar it-trasferiment tal-assi ta’ E.ON lil RWE huma suġġetti għall-konklużjoni tal-akkwist ta’ innogy minn E.ON li, b’hekk, se takkwista, b’mod temporanju […] jew b’mod permanenti, il-kontroll ta’ assi li huma s-suġġett tal-qsim invers” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Bl-istess mod, fil-punt 74 tad-Deċiżjoni kkontestata, huwa indikat, essenzjalment, li s-sehem minoritarju ta’ 16.67 % akkwistat minn RWE f’E.ON tikkostitwixxi l-korrispettiv miksub minn RWE għat-trasferiment lil E.ON tal-attivitajiet tagħha ta’ distribuzzjoni u ta’ kummerċ bl-imnut, kif ukoll ta’ ċerti assi ta’ produzzjoni attwalment operati minn innogy. Minn dan għandu jiġi dedott li l-operazzjonijiet inkwistjoni huma legalment marbuta, jiġifieri li permezz ta’ ftehim ta’ natura kuntrattwali, it-tranżazzjonijiet differenti tal-iskambju tal-assi huma marbuta b’kundizzjonalità reċiproka.

92      Fi kwalunkwe każ, il-konċentrazzjonijiet M.8870, M.8871 u B8‑28/19 huma marbuta b’kundizzjonalità de facto.

93      F’dan is-sens, l-elementi li jippermettu li tiġi rrikonoxxuta l-eżistenza ta’ kundizzjonalità de facto, kif previsti fil-punt 43 tal-Avviż konsolidat, jiġifieri d-dikjarazzjonijiet tal-partijiet fil-konċentrazzjoni stess kif ukoll il-konklużjoni simultanja tal-ftehimiet inkwistjoni, huma ssodisfatti f’dan il-każ.

94      Minn dan jirriżulta li l-operazzjoni globali tissodisfa l-kundizzjoni dwar l-interdipendenza tal-operazzjonijiet inkwistjoni.

ii)    Fuq ilkundizzjoni relatata marriżultat

95      Il-kundizzjoni relatata mar-riżultat kienet is-suġġett ta’ kjarifiki fil-punti 41 u 44 tal-Avviż konsolidat dwar il-kompetenza. Il-punt 41 jindika li:

“Iżda, bosta tranżazzjonijiet, ukoll jekk marbutin b’kondizzjoni fuq xulxin, jistgħu jiġu ttrattati bħala konċentrazzjoni unika, jekk il-kontroll jiġi akkwistat fl-aħħar mill-aħħar mill-istess impriża/i. Huwa f’dawn iċ-ċirkostanzi biss li żewġ tranżazzjonijiet jew aktar jistgħu jitqiesu li huma ta’ natura unitarja u għalhekk li jikkostitwixxu konċentrazzjoni unika għall-għanijiet ta’ l-Artikolu 3 [tar-Regolament Nru 139/2004] […]. Dan jeskludi id-deamalgamazzjoni ta’ l-impriżi konġunti li bihom il-partijiet differenti ta’ impriża jinqasmu bejn il-kumpanniji li qabel kienu l-kumpanniji prinċipali tagħha. Il-Kummissjoni tqis lil dawk it-tranżazzjonijiet bħala konċentrazzjonijiet separati […]. L-istess jgħodd għal tranżazzjonijiet fejn żewġ kumpanniji jew aktar jiskambjaw l-assi f’tranżazzjonijiet li jinvolvu de-amalgamazzjonijiet ta’ impriżi konġunti jew tpartit ta’ assi. Għalkemm il-partijiet normalment iqisu lil dawk it-tranżazzjonijiet bħala interdipendenti, l-għan tar-Regolament dwar l-Amalgamazzjonijiet jeħtieġ evalwazzjoni separata tar-riżultati ta’ kull waħda mit-tranżazzjonijiet: bosta impriżi jakkwistaw l-kontroll ta’ assi differenti; taħlita separata tar-riżorsi ssir għal kull waħda mill-impriżi li qed jakkwistaw; u l-impatt fuq is-suq ta’ kull wieħed minn dawk l-akkwisti ta’ kontroll jeħtieġ li jiġi analizzat separatament taħt ir-Regolament dwar l-Amalgamazzjonijiet.”

96      Il-punt 44 jipprevedi min-naħa tiegħu:

“Il-prinċipju li bosta tranżazzjonijiet jistgħu jiġu ttrattati bħala konċentrazzjoni unika taħt il-kondizzjonijiet imsemmija jgħodd biss jekk ir-riżultat huwa li l-kontroll ta’ waħda mill-impriżi jiġi akkwistat mill-istess persuna/i jew impriża/i. L-ewwel dan jista’ jkun il-każ jekk negozju wieħed jew impriża waħda j/tinkiseb permezz ta’ bosta tranżazzjonijiet legali. It-tieni, l-akkwist tal-kontroll ta’ bosta impriżi wkoll – li jikkostitwixxu konċentrazzjonijiet fihom infushom – jistgħu jiġu marbuta b’tali mod li jikkostitwixxu konċentrazzjoni waħda. Iżda mhuwiex possibbli taħt ir-Regolament dwar l-Amalgamazzjonijiet li jiġu marbuta tranżazzjonijiet legali differenti li jikkonċernaw biss parzjalment l-akkwist tal-kontroll ta’ l-impriżi, iżda wkoll parzjalment l-akkwist ta’ assi oħrajn, bħall-interessi minoritarji li ma jikkontrollawx f’kumpanniji oħrajn. Ma jkunx skond il-qafas u l-għan ġenerali tar-Regolament dwar l-Amalgamazzjonijiet jekk tranżazzjonijiet differenti, marbuta bil-kondizzjonalità, jiġu stmati f’daqqa taħt ir-Regolamenti dwar l-Amalgamazzjonijiet jekk xi wħud biss minn dawn it-tranżazzjonijiet iwasslu għal tibdil fil-kontroll ta’ impriża mmirata definita.”

97      F’dan il-każ, kif tfakkar fil-punt 5 iktar ’il fuq, il-konċentrazzjoni M.8871 tirrigwarda l-akkwist minn RWE tal-assi ta’ E.ON filwaqt li l-konċentrazzjoni M.8870 tirrigwarda l-akkwist minn E.ON ta’ innogy, sussidjarja ta’ RWE. Fir-rigward tal-konċentrazzjoni B8‑28/19, din tippermetti lil RWE takkwista parteċipazzjoni minoritarja ta’ 16.67 % f’E.ON.

98      Fl-ewwel lok, għandu jiġi kkonstatat li, fir-rigward tal-konċentrazzjoni M.8870, minn naħa, u tal-konċentrazzjonijiet M.8871 u B8‑28/19, min-naħa l-oħra, l-impriżi akkwirenti huma differenti. Fil-fatt, dawn huma, rispettivament, E.ON u RWE. Bl-istess mod, l-impriżi akkwistati ma humiex l-istess, peress li, fir-rigward tal-konċentrazzjoni M.8870, din hija innogy, sussidjarja ta’ RWE, u fil-kuntest tal-konċentrazzjonijiet M.8871 u B8‑28/19, l-impriżi fil-mira huma, rispettivament, l-assi ta’ E.ON u E.ON stess.

99      Fit-tieni lok, fir-rigward tal-konċentrazzjonijiet M.8871 u B8‑28/19, anki jekk l-impriża akkwirenti hija l-istess, jiġifieri RWE, l-impriżi akkwistati huma differenti. Fil-fatt, fil-kuntest tal-konċentrazzjoni M.8871, RWE takkwista assi ta’ E.ON filwaqt li, fil-kuntest tal-konċentrazzjoni B8‑28/19, RWE takkwista sehem minoritarju f’E.ON. Issa, il-kombinazzjoni tal-akkwist tal-assi ta’ E.ON u tas-sehem minoritarju f’E.ON ma twassalx sabiex RWE tikseb kontroll fuq E.ON. F’dan is-sens, billi tiddisponi mill-assi tagħha lil RWE, E.ON ma jibqgħalha l-ebda konnessjoni magħhom, u għalhekk RWE ma tistax, permezz tagħhom, teżerċita influwenza determinanti fuq E.ON.

100    F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma jistax jiġi aċċettat li l-konċentrazzjonijiet jirrigwardaw, bħala riżultat, l-akkwist tal-kontroll ta’ impriża waħda jew iktar mill-istess impriża jew impriżi. Fl-aħħar mill-aħħar, minbarra l-interdipendenza maħluqa volontarjament minn RWE u E.ON, ma teżistix rabta funzjonali bejn il-konċentrazzjonijiet M.8870, M.8871 u B8‑28/19, peress li l-operazzjoni globali f’dan il-każ ma hijiex operazzjoni li permezz tagħha jitwettqu diversi tranżazzjonijiet intermedjarji li jwasslu għall-kontroll ta’ impriża waħda jew iktar mill-istess impriża jew mill-istess impriżi.

101    Minn dan jirriżulta li l-operazzjoni globali ma tissodisfax il-kundizzjoni relatata mar-riżultat.

3)      Ilkunċett ta’ “konċentrazzjoni waħda” u rrekwiżit ta’ evalwazzjoni globali

102    Ir-rikorrenti ssostni li huwa kontradittorju għall-Kummissjoni li tanalizza l-konċentrazzjoni M.8871 u l-konċentrazzjoni M.8870 b’mod separat filwaqt li tieħu inkunsiderazzjoni, fil-kuntest tal-eżami tal-konċentrazzjoni M.8871, it-trasferiment ta’ innogy lil E.ON.

103    F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tinvoka r-regola ta’ prijorità.

104    Skont din ir-regola, essenzjalment, il-Kummissjoni tieħu inkunsiderazzjoni, fl-evalwazzjoni tal-effetti ta’ konċentrazzjoni, l-effetti ta’ konċentrazzjoni nnotifikata qabel dik suġġetta għall-kontroll.

105    Skont din ir-regola, il-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni, fil-kuntest tal-analiżi tal-konċentrazzjoni M.8871, il-konċentrazzjoni M.8870 minħabba li din tal-aħħar kienet ġiet innotifikata qabel il-konċentrazzjoni M.8871.

106    Madankollu, waqt is-seduta, bi tweġiba għall-mistoqsijiet magħmula mill-Qorti Ġenerali, il-Kummissjoni rrikonoxxiet li, minn naħa, ir-regola ta’ prijorità ma kinitx issemmiet fid-Deċiżjoni kkontestata u li, min-naħa l-oħra, ma kienx neċessarju li tiġi invokata sabiex jiġi spjegat it-teħid inkunsiderazzjoni tal-konċentrazzjoni M.8870 fl-analiżi tal-konċentrazzjoni M.8871. F’dan ir-rigward, is-sempliċi fatt li dawn iż-żewġ konċentrazzjonijiet huma marbuta flimkien huwa biżżejjed sabiex jispjega li l-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni l-konċentrazzjoni M.8870 fil-kuntest tad-Deċiżjoni kkontestata.

107    Għandu jiġi rrilevat li r-regola ta’ prijorità tirriżulta biss mill-prassi deċiżjonali tal-Kummissjoni u ma hija prevista mill-ebda dispożizzjoni tar-Regolament Nru 139/2004 jew tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 802/2004 tal‑21 ta’ April 2004 li jimplementa r-Regolament Nru 139/2004 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 3, p. 88).

108    F’dan il-każ, formalment, il-konċentrazzjoni M.8871 ġiet innotifikata fit‑22 ta’ Jannar 2019, jiġifieri qabel il-konċentrazzjoni M.8870, li ġiet innotifikata fil‑31 ta’ Jannar 2019.

109    Għaldaqstant, anki jekk il-Qorti Ġenerali kkonfermat l-eżistenza tar-regola ta’ prijorità, skont it-termini ddefiniti mill-Kummissjoni, din ma tistax, fi kwalunkwe każ, tkun rilevanti sabiex tiġġustifika t-teħid inkunsiderazzjoni tal-effetti tal-konċentrazzjoni M.8870 għall-finijiet tal-analiżi tal-effetti tal-konċentrazzjoni M.8871.

110    Madankollu, il-legalità ta’ deċiżjoni dwar il-kompatibbiltà ta’ konċentrazzjoni mas-suq intern għandha tiġi evalwata fid-dawl tal-informazzjoni li l-Kummissjoni kellha meta adottatha. B’hekk, l-evalwazzjoni, mill-Kummissjoni, tal-kompatibbiltà ta’ konċentrazzjoni mas-suq intern għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-punti kollha ta’ fatt u ta’ liġi li kienu jeżistu fil-mument tan-notifika ta’ din il-konċentrazzjoni u li l-portata ekonomika tagħha tkun tista’ tiġi evalwata fil-mument meta tittieħed din id-deċiżjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑20 ta’ Ottubru 2021, Polskie Linie Lotnicze “LOT” vs Il‑Kummissjoni, T‑296/18, EU:T:2021:724, punt 55 u l-ġurisprudenza ċċitata).

111    Issa, fil-kuntest ta’ skambju ta’ assi, bħal dak f’dan il-każ, il-Kummissjoni, bħall-partijiet notifikanti tad-diversi konċentrazzjonijiet, tista’ tantiċipa l-effetti fuq is-suq intern li l-implimentazzjoni probabbli ta’ kull konċentrazzjoni jista’ jkollha, b’mod separat u konġunt. Fil-fatt, l-interdipendenza de jure u de facto tal-konċentrazzjoni f’dan il-każ tippermetti lill-Kummissjoni tikkonċepixxi s-sitwazzjoni tal-istruttura tas-suq wara r-realizzazzjoni tagħhom.

112    B’hekk, f’dan il-każ, fid-dawl tal-interdipendenza tal-konċentrazzjonijiet inkwistjoni, l-applikazzjoni mekkanika tar-regola ta’ prijorità jista’ jkollha effetti arbitrarji fuq il-portata tal-analiżi tal-Kummissjoni.

113    Għandu jingħad ukoll li l-għan segwit mill-kunċett ta’ “konċentrazzjoni waħda” huwa li jippermetti l-eżami konġunt ta’ tranżazzjonijiet li jirrigwardaw, in fine, l-istess riżultat, jiġifieri l-akkwist minn impriża waħda jew iktar tal-kontroll ekonomiku, dirett jew indirett, fuq l-attività ta’ impriża waħda jew iktar. Dan huwa ġġustifikat mill-fatt li, f’każ bħal dan, it-tranżazzjonijiet previsti jqajmu l-istess problemi u jwasslu għal konsegwenzi tal-istess natura fuq is-suq intern.

114    Din l-interpretazzjoni hija konformi mal-interpretazzjoni li għandha tingħata lill-premessa 20 u lill-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 139/2004, abbażi kemm tal-għan kif ukoll tal-istruttura ġenerali tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑7 ta’ Settembru 2017, Austria Asphalt, C‑248/16, EU:C:2017:643, punt 20 u l-ġurisprudenza ċċitata).

115    Min-naħa l-oħra, meta, bħal f’dan il-każ, il-konċentrazzjonijiet ma jkunux intiżi li jipproduċu l-istess riżultat, dawn ma jkunux essenzjalment ta’ natura unika u ma jkollhomx għalfejn jiġu eżaminati flimkien, bħala tranżazzjonijiet li jagħmlu parti minn konċentrazzjoni waħda, peress li mhux neċessarjament iqajmu l-istess problemi u ma jipproduċux effetti tal-istess natura fuq is-suq. Fil-fatt, f’każ bħal dan, diversi impriżi jiksbu l-kontroll ta’ assi differenti, b’tali mod li jinħoloq sett separat ta’ riżorsi għal kull waħda mill-impriżi akkwirenti u li l-inċidenza fuq is-suq ta’ kull waħda minn dawn l-akkwisti ta’ kontroll ikun differenti.

116    Madankollu, jekk ikollhom rabta li tippermetti lill-Kummissjoni tantiċipa l-effetti probabbli fuq is-suq ta’ kull konċentrazzjoni, hija l-Kummissjoni li għandha teħodhom inkunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni globali tal-provi rilevanti kollha li hija twettaq għal kull waħda minn dawn l-operazzjonijiet. Fil-fatt, f’dan il-każ, kull waħda mit-tranżazzjonijiet inkwistjoni tikkostitwixxi, fir-rigward tal-operazzjonijiet l-oħra, element li l-Kummissjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni fl-analiżi globali tagħha tal-effetti tal-operazzjoni fuq is-suq intern.

117    Minn dan jirriżulta li bl-ebda mod ma huwa kontradittorju min-naħa tal-Kummissjoni li tanalizza b’mod separat il-konċentrazzjonijiet M.8870 u M.8871 inkwistjoni filwaqt li tieħu inkunsiderazzjoni, fid-Deċiżjoni kkontestata, l-impatt li dawn għandhom fuq xulxin rispettivament.

118    Għall-istess raġunijiet, għandu jiġi miċħud l-argument tar-rikorrenti li, billi ħadet inkunsiderazzjoni l-konċentrazzjoni M.8870, il-Kummissjoni antiċipat ir-riżultat tal-evalwazzjoni ta’ din il-konċentrazzjoni, b’tali mod li hija kellha teżamina ż-żewġ konċentrazzjonijiet flimkien.

119    Fil-fatt, sabiex jiġi eżaminat bl-aħjar mod l-impatt li l-konċentrazzjoni M.8871 seta’ jkollha fuq is-suq intern, il-Kummissjoni kienet obbligata tieħu inkunsiderazzjoni suq li jista’ jinbidel permezz tar-realizzazzjoni potenzjali tal-konċentrazzjoni M.8870. Madankollu dan ma jfissirx li ż-żewġ konċentrazzjonijiet kellhom jiġu analizzati fil-kuntest ta’ proċedura waħda, peress li huma ma kinux jissodisfaw il-kundizzjonijiet sabiex jitqiesu li jifformaw parti minn konċentrazzjoni waħda, jew li r-riżultat tal-analiżi tal-konċentrazzjoni M.8870 kien ġie ppreġudikat.

d)      Konklużjoni

120    Peress li waħda miż-żewġ kundizzjonijiet għar-rikonoxximent tal-eżistenza ta’ konċentrazzjoni waħda ma hijiex issodisfatta f’dan il-każ, jiġifieri l-kundizzjoni relatata mar-riżultat, il-Kummissjoni ġustament ikkunsidrat li l-konċentrazzjonijiet M.8870, M.8871 u B8‑28/19 ma kinux jikkostitwixxu l-komponenti ta’ konċentrazzjoni waħda.

121    Minn dak kollu li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud.

3.      Fuq ittieni motiv, ibbażat fuq ilksur talobbligu ta’ motivazzjoni

122    Ir-rikorrenti tikkunsidra li l-motivazzjoni tad-Deċiżjoni kkontestata hija estremament konċiża u ma tirriflettix b’mod ġust il-kumplessità u l-effetti tal-operazzjoni globali. Hija ssostni li l-espożizzjoni tal-Kummissjoni hija bbażata fuq deskrizzjonijiet ġenerali u, fil-mertu, tista’ tinġabar fil-qosor kważi esklużivament fl-argument mhux sostanzjat li t-tkabbir ta’ RWE li jirriżulta mill-konċentrazzjoni huwa minimu u, fi kwalunkwe każ, temporanju minħabba l-waqfien gradwali tal-enerġija nukleari.

123    Skont ir-rikorrenti, il-motivazzjoni tad-Deċiżjoni kkontestata l-iktar l-iktar turi biss b’mod vag il-mod li bih id-diversi oġġezzjonijiet imqajma fir-rigward tal-konċentrazzjoni nstemgħu, ġew evalwati u ġew ibbilanċjati. Fi kwalunkwe każ, huwa impossibbli għar-rikorrenti li tivverifika l-fondatezza tal-awtorizzazzjoni mogħtija. Bl-istess mod, il-Kummissjoni bl-ebda mod ma eżaminat aspetti kompetittivi oħra tal-konċentrazzjoni.

124    Il-Kummissjoni, sostnuta minn E.ON u minn RWE, tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

125    Kif jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita, il-motivazzjoni meħtieġa fl-Artikolu 296 TFUE għandha tkun adattata għan-natura tal-att inkwistjoni u għandha turi, b’mod ċar u inekwivoku, ir-raġunament tal-istituzzjoni, awtriċi tal-att, b’mod li tippermetti lill-persuni kkonċernati jkunu jafu bil-ġustifikazzjonijiet tal-miżura meħuda u lill-qorti kompetenti teżerċita l-istħarriġ tagħha. Ir-rekwiżit ta’ motivazzjoni għandu jiġi evalwat fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ, b’mod partikolari tal-kontenut tal-att, tan-natura tal-motivi invokati u tal-interess li jista’ jkollhom id-destinatarji tal-att jew persuni oħra kkonċernati direttament u individwalment minnu li jingħataw spjegazzjonijiet. Ma huwiex meħtieġ li l-motivazzjoni tispeċifika kull punt ta’ fatt u ta’ liġi rilevanti, sa fejn il-kwistjoni ta’ jekk il-motivazzjoni ta’ att tissodisfax ir-rekwiżiti tal-imsemmi Artikolu 296 għandha tiġi evalwata mhux biss fid-dawl tal-kliem tagħha, iżda wkoll f’dak tal-kuntest tagħha kif ukoll f’dak tar-regoli legali kollha li jirregolaw il-qasam ikkonċernat (ara s-sentenza tal‑10 ta’ Lulju 2008, Bertelsmann u Sony Corporation of America vs Impala, C‑413/06 P, EU:C:2008:392, punt 166 u l-ġurisprudenza ċċitata).

126    Madankollu, l-awtur ta’ tali att ma huwiex obbligat li jieħu pożizzjoni fuq elementi li huwa ċar li huma sekondarji jew li jantiċipa oġġezzjonijiet potenzjali. Barra minn hekk, il-grad ta’ preċiżjoni tal-motivazzjoni ta’ deċiżjoni għandu jkun proporzjonat għall-possibbiltajiet materjali u għall-kundizzjonijiet tekniċi jew ta’ żmien li taħthom hija għandha tintervjeni. B’hekk, il-Kummissjoni ma tiksirx l-obbligu tagħha ta’ motivazzjoni jekk, meta teżerċita s-setgħa tagħha ta’ kontroll ta’ konċentrazzjonijiet, hija ma tinkludix fid-deċiżjoni tagħha motivazzjoni preċiża fir-rigward tal-evalwazzjoni ta’ numru ta’ aspetti tal-konċentrazzjoni li jidhrilha li huma manifestament irrilevanti, insinjifikattivi jew li huwa ċar li huma sekondarji għall-evalwazzjoni ta’ din il-konċentrazzjoni. Tali rekwiżit ikun diffiċli li jiġi rrikonċiljat mal-ħtieġa ta’ ħeffa u mat-termini proċedurali qosra imposti fuq il-Kummissjoni meta hija teżerċita s-setgħa tagħha ta’ kontroll ta’ konċentrazzjonijiet u li jiffurmaw parti miċ-ċirkustanzi partikolari tal-proċedura ta’ kontroll ta’ dawn il-konċentrazzjonijiet (sentenza tal‑10 ta’ Lulju 2008, Bertelsmann u Sony Corporation of America vs Impala, C‑413/06 P, EU:C:2008:392, punt 167).

127    Minn dan jirriżulta li, meta l-Kummissjoni tiddikjara konċentrazzjoni kompatibbli mas-suq intern fuq il-bażi tal-Artikolu 6(1)(b) tar-Regolament Nru 139/2004, ir-rekwiżit ta’ motivazzjoni jiġi ssodisfat jekk din id-deċiżjoni turi b’mod ċar ir-raġunijiet li għalihom il-Kummissjoni tikkunsidra li l-konċentrazzjoni inkwistjoni, jekk ikun il-każ wara modifiki magħmula mill-impriżi kkonċernati, ma tqajjimx dubji serji dwar il-kompatibbiltà tagħha mas-suq intern (ara s-sentenza tas‑7 ta’ Mejju 2009, NVV et vs Il‑Kummissjoni, T‑151/05, EU:T:2009:144, punt 193 u l-ġurisprudenza ċċitata).

128    F’dan ir-rigward, għalkemm huwa minnu li l-Kummissjoni ma hijiex obbligata, fil-motivazzjoni tad-deċiżjonijiet adottati skont il-leġiżlazzjoni dwar il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet, li tieħu pożizzjoni fuq l-elementi u l-argumenti kollha invokati quddiemha, inklużi dawk li huwa ċar li huma sekondarji għall-evalwazzjoni li għandha tingħata, jibqa’ l-fatt li hija għandha tesponi l-fatti u l-kunsiderazzjonijiet ġuridiċi li huma ta’ importanza essenzjali fl-istruttura tad-deċiżjoni. Barra minn hekk, il-motivazzjoni għandha tkun loġika, u ma jkollhiex b’mod partikolari kontradizzjoni interna (sentenza tal‑10 ta’ Lulju 2008, Bertelsmann u Sony Corporation of America vs Impala, C‑413/06 P, EU:C:2008:392, punt 169).

129    Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza jirriżulta li n-nuqqas ta’ motivazzjoni jew motivazzjoni insuffiċjenti tikkostitwixxi motiv ibbażat fuq il-ksur tal-forom proċedurali sostanzjali u distint, bħala tali, mill-motiv ibbażat fuq l-ineżattezza tar-raġunijiet tad-deċiżjoni, li l-istħarriġ tiegħu jaqa’ taħt l-eżami tal-mertu ta’ din id-deċiżjoni (sentenza tad‑19 ta’ Ġunju 2009, Qualcomm vs Il‑Kummissjoni, T‑48/04, EU:T:2009:212, punt 175 u l-ġurisprudenza ċċitata).

130    Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li għandu jiġi eżaminat it-tieni motiv invokat mir-rikorrenti.

131    L-ewwel, għandu jiġi rrilevat li, fid-Deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ddefinixxiet is-suq rilevanti billi spjegat ir-raġunijiet għaliex adottat tali definizzjoni (punti 11 sa 24 tad-Deċiżjoni kkontestata).

132    It-tieni, il-Kummissjoni spjegat l-istruttura tas-suq tal-produzzjoni u tal-provvista bl-ingrossa tal-elettriku fil-Ġermanja u esponiet it-tqassim tal-partijiet tas-suq bejn l-operaturi li jeżerċitaw l-attivitajiet tagħhom hemmhekk (punti 25 sa 29 tad-Deċiżjoni kkontestata) qabel ma analizzat iż-żieda fil-parti ta’ RWE wara l-konċentrazzjoni. F’dan ir-rigward, hija ħadet inkunsiderazzjoni b’mod partikolari l-impatt tat-trasferiment ta’ ċerti assi ta’ innogy lil E.ON (punti 30 sa 35 tad-Deċiżjoni kkontestata). Barra minn hekk, hija fakkret fil-funzjonament taż-żewġ skemi ta’ sussidju tal-assi li jipproduċu elettriku rinnovabbli, kif inhuma previsti mill-Gesetz für den Ausbau erneuerbarer Energien (Erneuerbare-Energien-Gesetz – EEG 2017) (il-Liġi Ġermaniża dwar l-Enerġija Rinnovabbli), tal‑21 ta’ Lulju 2014 (BGBl. 2014 I, p. 1066, iktar ’il quddiem il-“Liġi EEG”) (punti 36 sa 39 tad-Deċiżjoni kkontestata). Wara li fakkret f’dawn id-diversi elementi kif ukoll fil-perspettiva ta’ RWE (punti 40 sa 42 tad-Deċiżjoni kkontestata), hija għaddiet għall-evalwazzjoni tal-impatt tal-konċentrazzjoni fuq is-suq tal-produzzjoni u tal-provvista bl-ingrossa tal-elettriku fil-Ġermanja u waslet għall-konklużjoni li, prima facie, ma tantx kien probabbli li ż-żieda netta li tirriżulta mill-konċentrazzjoni limitata u, fi kwalunkwe każ, ta’ natura temporanja ssaħħaħ b’mod sinjifikattiv is-setgħa ta’ RWE fl-imsemmi suq (punti 43 sa 47 tad-Deċiżjoni kkontestata). Minkejja din il-konstatazzjoni, il-Kummissjoni qieset li kien xieraq, fid-dawl tal-funzjonament tas-suq tal-produzzjoni u tal-provvista bl-ingrossa tal-elettriku, li teżamina r-riskju marbut mal-istrateġiji ta’ żamma tal-kapaċità. F’dan ir-rigward, hija ħadet inkunsiderazzjoni b’mod partikolari t-tweġibiet għall-investigazzjoni tas-suq li hija wettqet (punti 48 sa 58 tad-Deċiżjoni kkontestata). Hija eżaminat ukoll l-analiżijiet tal-RSI ppreżentati minn RWE u minn partijiet terzi u kkonkludiet li l-konċentrazzjoni ma kienet toħloq l-ebda dubju serju dwar il-kompatibbiltà tagħha mas-suq intern (punti 59 sa 66 tad-Deċiżjoni kkontestata). Fl-aħħar nett, hija ħadet inkunsiderazzjoni t-tħassib addizzjonali mqajjem minn terzi u, għalhekk, analizzatu (punti 67 sa 73 tad-Deċiżjoni kkontestata).

133    It-tielet, il-Kummissjoni eżaminat il-kwistjoni tal-impatt tal-akkwist minn RWE ta’ sehem ta’ 16.67 % f’E.ON (punti 74 sa 78 tad-Deċiżjoni kkontestata). Minn dan il-fatt, minn naħa, hija analizzat jekk dan l-akkwist setax ikabbar l-effetti orizzontali tal-konċentrazzjoni u waslet għall-konklużjoni li l-akkwist minn RWE ta’ sehem ta’ 16.67 % ta’ E.ON ma jibdilx il-konklużjoni li kien improbabbli li l-konċentrazzjoni kienet se ssaħħaħ, b’mod sinjifikattiv, il-kapaċità u l-interess ta’ RWE li tipparteċipa f’interventi ta’ żamma tal-kapaċità (punti 79 sa 81 tad-Deċiżjoni kkontestata). Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni eżaminat l-effetti vertikali tal-konċentrazzjoni u, f’dan ir-rigward, l-esklużjoni ta’ dħul u l-esklużjoni tal-konsumaturi (punti 82 sa 88 tad-Deċiżjoni kkontestata). Filwaqt li kkonstatat li ċerti parteċipanti fl-investigazzjoni tas-suq kienu mħassba dwar ir-riperkussjoni tal-konċentrazzjoni fuq il-likwidità tas-suq tal-produzzjoni u tal-provvista bl-ingrossa tal-elettriku kif ukoll fuq l-aċċess ta’ RWE għal informazzjoni dwar l-istrateġiji u l-attivitajiet ta’ E.ON, il-Kummissjoni analizzat ukoll dawn il-kwistjonijiet (punti 89 sa 95 tad-Deċiżjoni kkontestata).

134    Ir-raba’, il-Kummissjoni indirizzat u analizzat il-kwistjoni tar-relazzjoni ta’ RWE ma’ Amprion (punti 96 sa 100 tad-Deċiżjoni kkontestata).

135    Minn dan jirriżulta li l-Kummissjoni esponiet b’mod motivat il-motivi li wassluha biex tadotta d-Deċiżjoni kkontestata.

136    Din il-konklużjoni bl-ebda mod ma hija kkontestata mill-argumenti tar-rikorrenti.

137    Fl-ewwel lok, għandu jiġi nnotat li r-rikorrenti essenzjalment tikkritika lill-Kummissjoni talli bbażat ruħha prinċipalment, jew saħansitra esklużivament, fuq il-konstatazzjoni li ż-żieda fil-partijiet tas-suq ta’ RWE hija biss marġinali u temporanja. Hija tikkunsidra, essenzjalment, li l-Kummissjoni użat dan il-motiv biss sabiex tiċħad l-argumenti mressqa mit-terzi sabiex jikkontestaw il-kompatibbiltà tal-konċentrazzjoni mas-suq intern.

138    Jekk l-istess spjegazzjoni tingħata, mingħajr sfumaturi, sabiex jiġu miċħuda argumenti li jqajmu problemi differenti, hemm lok li wieħed jiddubita l-kwalità tal-motivazzjoni tad-deċiżjoni inkwistjoni. Fil-fatt, anki li kieku din kienet spjegazzjoni partikolarment konvinċenti, din għandha madankollu tiġi adattata jew akkumpanjata minn elementi li jippermettu li jinftiehem kif hija rilevanti sabiex jiġu miċħuda argumenti li jirrigwardaw aspetti differenti.

139    Dan premess, f’dan il-każ, għandu jiġi enfasizzat li d-Deċiżjoni kkontestata hija deċiżjoni adottata abbażi tal-Artikolu 6(1)(b) tar-Regolament Nru 139/2004, li fir-rigward tiegħu l-Qorti Ġenerali aċċettat, kif jirriżulta, essenzjalment, mill-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 126 u 127 iktar ’il fuq, li huwa possibbli li tingħata motivazzjoni li ma tkoprix, b’mod eżawrjenti, l-elementi kollha invokati quddiemha.

140    Għaldaqstant għandu jinstab bilanċ ġust bejn motivazzjoni li tkun, fir-realtà, artifiċjali, peress li tkun fondata b’mod partikolari fuq ġustifikazzjoni sterjotipata, u motivazzjoni li teżiġi sforz sproporzjonat min-naħa tal-istituzzjoni kkonċernata fir-rigward tan-natura tad-deċiżjoni adottata.

141    F’dan il-każ, ma jistax jiġi miċħud li l-Kummissjoni tenniet diversi drabi li, fil-fehma tagħha, il-konċentrazzjoni ma kinitx tqajjem dubji serji dwar il-kompatibbiltà tagħha mas-suq, peress li ż-żieda fil-produzzjoni ta’ RWE li tirriżulta minnha hija, minn naħa, limitata u, min-naħa l-oħra, fi kwalunkwe każ, temporanja. Dan il-motiv jinsab fl-eżami taż-żieda li tirriżulta mill-konċentrazzjoni (punti 31 u 35 tad-Deċiżjoni kkontestata) u fl-evalwazzjoni ġenerali tal-Kummissjoni (punti 44 sa 47 tad-Deċiżjoni kkontestata).

142    Dawn il-punti għalhekk jikkostitwixxu l-qofol tal-evalwazzjoni tal-Kummissjoni.

143    Madankollu, fil-kuntest tal-analiżi tagħha, il-Kummissjoni ma llimitatx ruħha għal din il-konstatazzjoni sabiex tasal għall-konklużjoni li l-konċentrazzjoni ma kinitx tqajjem dubji serji dwar il-kompatibbiltà tagħha mas-suq intern. Fil-fatt, il-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni wkoll, fil-kuntest tal-eżami tar-riskju marbut mal-istrateġiji ta’ żamma ta’ kapaċità, karatteristiċi speċifiċi marbuta mal-produzzjoni tal-elettriku mir-riħ u eżaminat l-interess li tista’ tikseb RWE minn strateġiji ta’ żamma ta’ kapaċità, filwaqt li qieset l-operat tal-iskema ta’ sussidju li minnha bbenefikaw l-assi ta’ produzzjoni tal-elettriku rinnovabbli u l-qligħ li hija setgħet tikseb miż-żamma tagħha ta’ assi nukleari (punti 52, 53, 57 u 58 tad-Deċiżjoni kkontestata). Bl-istess mod, fl-eżami tat-tħassib addizzjonali mqajjem minn terzi, il-Kummissjoni kkunsidrat li, fir-rigward tal-vantaġġ kompetittiv fl-għoti ta’ sussidji għall-iżvilupp u għall-kostruzzjoni ta’ assi ġodda ta’ produzzjoni tal-elettriku rinnovabbli li setgħet tikseb RWE, kien improbabbli ħafna li dan jimmaterjalizza fil-prattika fid-dawl, b’mod partikolari, tal-istruttura frammentata tal-produzzjoni tal-enerġija rinnovabbli fil-Ġermanja (punt 69 tad-Deċiżjoni kkontestata). Bl-istess mod, f’dak li jirrigwarda l-interess li jiġu prodotti previżjonijiet deliberatament żbaljati dwar il-produzzjoni tal-elettriku rinnovabbli, il-Kummissjoni bbażat ruħha fuq it-tweġibiet għall-investigazzjoni tas-suq, li skonthom il-fornituri ma kellhomx, b’mod ġenerali, interess li jipproduċu tali previżjonijiet (punt 71 tad-Deċiżjoni kkontestata). L-istess konstatazzjoni tista’ ssir fir-rigward tal-analiżi tal-impatt tal-akkwist minn RWE ta’ 16.67 % tal-ishma ta’ E.ON fuq l-effetti orizzontali u vertikali tal-konċentrazzjoni. Fil-fatt, il-Kummissjoni eżaminat l-influwenza li RWE kienet se tkun tista’ teżerċita fuq E.ON u l-interess li din kienet se tirrappreżenta għal dawn iż-żewġ entitajiet (ara, b’mod partikolari, il-punti 81, 85, 87, 88, 91 u 94 tad-Deċiżjoni kkontestata). Fl-aħħar nett, fir-rigward tar-relazzjoni vertikali ma’ Amprion, il-Kummissjoni invokat it-tqassim tal-kontroll ta’ Amprion bejn RWE u Commerz Real AG kif ukoll il-leġiżlazzjoni Ġermaniża u tal-Unjoni flimkien maż-żieda marġinali u temporanja ta’ RWE sabiex tikkonkludi li l-konċentrazzjoni ftit li xejn jista’ jkollha l-effett li teskludi l-aċċess ta’ Amprion għas-sistema tat-trażmissjoni (punti 98 u 100 tad-Deċiżjoni kkontestata).

144    Konsegwentement, l-argument prinċipali invokat mir-rikorrenti, kif inhu mfakkar fil-punt 137 iktar ’il fuq, għandu jiġi miċħud.

145    Fit-tieni lok, l-argument tar-rikorrenti bbażat fuq in-numru żgħir ta’ paġni tad-Deċiżjoni kkontestata għandu jiġi miċħud. Fil-fatt, l-evalwazzjoni tal-osservanza, minn istituzzjoni, tal-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha għandha ssir biss fid-dawl tal-kontenut tad-deċiżjoni tagħha. F’dan is-sens, in-numru ta’ paġni huwa irrilevanti, peress li motivazzjoni, anki jekk tkun qasira, tista’ tissodisfa r-regoli msemmija fil-punt 125 iktar ’il fuq, billi tippermetti lill-persuna kkonċernata tifhem il-motivi li għalihom ġiet adottata d-deċiżjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ Diċembru 2018, Syriatel Mobile Telecom vs Il‑Kunsill, T‑411/16, mhux ippubblikata, EU:T:2018:902, punt 79). Barra minn hekk, diġà ġie kkonstatat li l-legalità ta’ deċiżjoni ma tistax tiddependi fuq in-numru ta’ premessi tagħha (sentenza tal‑5 ta’ Ottubru 2020, HeidelbergCement u Schwenk Zement vs Il‑Kummissjoni, T‑380/17, EU:T:2020:471, punt 363 (mhux ippubblikata)) jew li motivazzjoni qasira mhux neċessarjament tikser ir-rekwiżiti tal-Artikolu 296 TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ Diċembru 2013, Cisco Systems u Messagenet vs Il‑Kummissjoni, T‑79/12, EU:T:2013:635, punt 111).

146    Fit-tielet lok, f’konformità mal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 129 iktar ’il fuq, mill-eżami tal-motiv ibbażat fuq l-obbligu ta’ motivazzjoni jirriżulta li l-argumenti tar-rikorrenti intiżi li jikkritikaw, essenzjalment, lill-Kummissjoni talli kkonstatat b’mod żbaljat li t-tkabbir ta’ RWE kien negliġibbli u biss temporanju minħabba l-waqfien gradwali tal-enerġija nukleari għandhom jiġu miċħuda. Fil-fatt, minkejja li hija tifformula dawn l-argumenti sabiex issostni li l-Kummissjoni ma mmotivatx il-konklużjoni tagħha, hija tikkontesta, fir-realtà, il-fondatezza ta’ din il-konstatazzjoni. Dan jgħodd ukoll għall-argumenti li l-Kummissjoni illegalment paċiet iż-żieda ta’ RWE li tirriżulta mill-konċentrazzjoni billi ħadet inkunsiderazzjoni t-trasferiment tal-assi ta’ innogy lil E.ON, ċaħdet l-influwenza ta’ RWE fuq E.ON minħabba l-akkwist minn RWE ta’ 16.67 % tal-ishma ta’ E.ON kif ukoll ċaħdet il-fatt li ż-żieda tal-partijiet tas-suq ta’ RWE ma kinitx insinjifikattiva jew li r-rwol ċentrali ta’ RWE kien żdied b’mod sinjifikattiv. Dawn l-argumenti huma intiżi, fil-fatt, sabiex juru żball manifest ta’ evalwazzjoni tal-effetti tal-konċentrazzjoni M.8871 mill-Kummissjoni u mhux insuffiċjenza tal-motivazzjoni tad-Deċiżjoni kkontestata.

147    Fir-raba’ lok, fir-rigward tal-aspetti kompetittivi li l-Kummissjoni ma eżaminatx, għandu jiġi rrilevat li, skont il-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 128 iktar ’il fuq, hija ma kinitx obbligata tieħu pożizzjoni espliċita fuq dawk li b’mod ċar kienu sekondarji. Barra minn hekk, fir-rigward tal-pożizzjoni ta’ RWE fil-qasam tas-servizzi ta’ bbilanċjar u awżiljarji, għalkemm il-Kummissjoni spjegat għaliex hija ma qisitx li kien neċessarju li twettaq analiżi separata tal-impatt tal-konċentrazzjoni fuq dan is-suq, hija xorta waħda wettqet tali analiżi (ara punt 46 tad-deċiżjoni kkontestata). Barra minn hekk, għall-kuntrarju ta’ dak li ssostni r-rikorrenti, il-Kummissjoni eżaminat l-analiżijiet tal-RSI prodotti minn terzi kif ukoll analizzat il-konsegwenzi għas-suq tal-awtorizzazzjoni ta’ din il-konċentrazzjoni (ara l-punt 59 et seq. tad-deċiżjoni kkontestata).

148    Fil-ħames lok, fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li l-motivazzjoni tad-Deċiżjoni kkontestata l-iktar l-iktar turi biss b’mod vag il-mod li bih id-diversi oġġezzjonijiet imqajma fir-rigward tal-konċentrazzjoni nstemgħu, ġew evalwati u ġew ibbilanċjati, dan għandu jiġi miċħud. Fil-fatt, mid-Deċiżjoni kkontestata, b’mod partikolari mill-punti 63, 64, 67 sa 73 u 89 sa 94 tagħha, jirriżulta li l-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni l-osservazzjonijiet ippreżentati minn terzi, li wħud minnhom kienu sovraposti, u wieġbet għalihom.

149    Minn dak kollu li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li, għall-kuntrarju ta’ dak li ssostni r-rikorrenti, il-Kummissjoni pprovdiet motivazzjoni suffiċjenti sabiex ikunu jistgħu jinftehmu r-raġunijiet li għalihom hija kkunsidrat li l-konċentrazzjoni ma kinitx tqajjem dubji serji dwar il-kompatibbiltà tagħha mas-suq intern, u sabiex tippermetti lill-qorti teżerċita l-istħarriġ tagħha.

4.      Fuq ittielet motiv, ibbażat fuq ksur taddritt tarrikorrenti għal smigħ

150    Ir-rikorrenti ssostni li l-proċedura kisret id-dritt tagħha ta’ parteċipazzjoni. Fil-fatt, l-ewwel, hija tikkunsidra li l-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-kontribuzzjoni tagħha. It-tieni, il-Kummissjoni kellha tiċċara, b’mod partikolari billi tisma’ lir-rikorrenti u billi tinvolviha iktar fil-proċedura, tiċċara l-kwistjoni dwar jekk ċerti approċċi speċifiċi tal-istudju Oxera kinux ineżatti u, jekk kien il-każ, liema minnhom. It-tielet, ma kienx hemm djalogu veru matul il-proċedura quddiem il-Kummissjoni.

151    Il-ksur tad-dritt ta’ parteċipazzjoni tar-rikorrenti jirriżulta wkoll, minn naħa, mill-oppożizzjoni tal-Kummissjoni għall-aċċess tar-rikorrenti għall-fajl magħluq tal-Uffiċċju Federali tal-Akkordji u, min-naħa l-oħra, mis-sempliċi riferiment magħmul mill-Kummissjoni għall-analiżijiet ta’ terzi fuq il-pożizzjoni ta’ RWE fis-suq, imfassla fuq parametri ta’ input differenti u li waslu għal konklużjonijiet differenti, mingħajr ma l-Kummissjoni qieset neċessarju li tikkjarifika l-kontradizzjonijiet ikkonstatati.

152    Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

153    Fl-ewwel lok, għandu jiġi rrilevat li, billi ssostni li hija ma kinitx involuta biżżejjed fil-proċedura amministrattiva u li nkiser id-“dritt ta’ parteċipazzjoni” tagħha, ir-rikorrenti tinvoka, essenzjalment, ksur tad-dritt tagħha għal smigħ.

154    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 11(ċ) tar-Regolament Nru 802/2004, id-dritt għal smigħ skont l-Artikolu 18 tar-Regolament Nru 139/2004 huwa miftuħ għal terzi, jiġifieri l-persuni fiżiċi jew ġuridiċi li juru biċ-ċar interess suffiċċjenti, fost oħrajn il-klijenti, il-fornituri u l-kompetituri fis-sens tat-tieni sentenza tal-Artikolu 18(4) tar-Regolament Nru 139/2004.

155    Barra minn hekk, l-Artikolu 18(4) tar-Regolament Nru 139/2004 jipprevedi li:

“Jekk il-Kummissjoni jew l-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istati Membri jħossu li huwa meħtieġ, huma jistgħu jisimgħu wkoll persuni oħra, kemm persuni naturali u kemm persuni ġuridiċi. Persuni naturali u persuni ġuridiċi li juru interess suffiċjenti u, b’mod speċjali, membri ta’ l-organi amministrattivi u ta’ ġestjoni ta’ l-impriżi konċernati jew ir-rappreżentanti rikonoxxuti ta’ l-impjegati tagħhom għandhom, wara li jagħmlu applikazzjoni, ikunu intitolati li jinstemgħu.”

156    L-Artikolu 16(1) tar-Regolament Nru 802/2004 jipprevedi min-naħa tiegħu:

“Jekk terzi persuni japplikaw bil-kitba sabiex ikunu mismugħa bis-saħħa ta’ l-Artikolu 18(4), it-tieni sentenza, tar-Regolament (KE) Nru 139/2004, il-Kummissjoni għandha tinformhom bil-kitba dwar in-natura u l-materja tas-suġġett tal-proċedura u għandha tistabbilixxi limitu ta’ żmien li fih huma jkunu jistgħu iressqu l-kummenti tagħhom.”

157    Għalhekk, fil-kuntest tal-proċedura tal-Unjoni ta’ kontroll tal-konċentrazzjonijiet, id-dritt għal smigħ huwa mogħti b’mod espliċitu lil terzi, bħar-rikorrenti, li għandhom interess suffiċjenti u li jitolbu li jinstemgħu, permezz tal-Artikolu 18(4) tar-Regolament Nru 139/2004 u tal-Artikolu 11(ċ) u l-Artikolu 16(1) tar-Regolament Nru 802/2004.

158    Dawn it-terzi għandhom id-dritt għal smigħ mill-Kummissjoni, fuq talba tagħhom, sabiex jesponu l-perspettiva tagħhom fuq l-effetti dannużi fuqhom tal-proġett ta’ konċentrazzjoni nnotifikat, liema dritt għandu madankollu jiġi rrikonċiljat, minn naħa, mar-rispett tad-drittijiet tad-difiża tal-partijiet fil-konċentrazzjoni u, min-naħa l-oħra, mal-għan prinċipali tar-regolament, li huwa li jiġu żgurati l-kontroll effettiv u ċ-ċertezza legali tal-impriżi suġġetti għall-applikazzjoni tiegħu (ara s-sentenza tas‑7 ta’ Mejju 2009, NVV et vs Il‑Kummissjoni, T‑151/05, EU:T:2009:144, punt 202 u l-ġurisprudenza ċċitata). Huwa għalhekk fil-kuntest ta’ tali sistema ta’ protezzjoni tad-drittijiet rispettivi tal-partijiet ikkonċernati u ta’ terzi li għandu jiġi ddeterminat jekk, f’dan il-każ, inkisirx id-dritt tar-rikorrenti.

159    Issa, mill-fajl jirriżulta li r-rikorrenti għamlet użu sħiħ mill-possibbiltà offruta lit-terzi li jipparteċipaw fil-proċedura amministrattiva u li jesprimu l-fehma tagħhom dwar il-konċentrazzjoni.

160    Fil-fatt, kif indikat il-Kummissjoni fir-risposta tagħha, u kif ġie indikat fil-punti 35 sa 38 iktar ’il fuq, ir-rikorrenti bagħtet lill-Kummissjoni l-osservazzjonijiet tagħha fuq il-konċentrazzjoni inkwistjoni, qabelxejn, fil-kuntest tal-ittra tagħha tas‑17 ta’ April 2018 u, sussegwentement, waqt laqgħa individwali li saret fit‑28 ta’ Awwissu 2018.

161    Mill-fajl jirriżulta wkoll li r-rikorrenti bagħtet ittra, fit‑18 ta’ Ottubru 2018, intiża sabiex tissupplimenta l-osservazzjonijiet li hija kienet issottomettiet waqt il-laqgħa tat‑28 ta’ Awwissu 2018.

162    Permezz ta’ ittra tal‑4 ta’ Diċembru 2018, ir-rikorrenti bagħtet lill-Kummissjoni l-istudju Oxera, li miegħu hija hemżet, permezz ta’ posta elettronika tal‑25 ta’ Jannar 2019, il-bażi tad-data użata għat-tfassil tal-imsemmi studju.

163    Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti rċeviet il-kwestjonarju dwar l-investigazzjoni tas-suq tal-Kummissjoni fl‑24 ta’ Jannar 2019, u wiġbitu fit‑30 ta’ Jannar 2019. Ir-rikorrenti ma kellhiex drittijiet oħra ta’ parteċipazzjoni.

164    F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rikorrenti ma tistax tikkritika lill-Kummissjoni talli ma ppermettitilhiex tispjega b’mod suffiċjenti l-perspettiva tagħha matul il-proċedura amministrattiva.

165    Fit-tieni lok, fir-rigward tal-kwistjoni tal-aċċess għall-fajl tal-Uffiċċju Federali tal-Akkordji, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li t-talba tar-rikorrenti, li kienet tikkonċerna l-fajl dwar il-konċentrazzjoni B8‑28/19, ġiet ippreżentata lill-Uffiċċju Federali tal-Akkordji fit‑18 ta’ Marzu 2019, jiġifieri wara l-adozzjoni tad-Deċiżjoni kkontestata. Konsegwentement, id-deċiżjoni li tiġi miċħuda l-imsemmija talba, mogħtija fil‑15 ta’ April 2019 mill-Uffiċċju Federali tal-Akkordji, ma seta’ kellha ebda effett fuq ir-rispett, min-naħa tal-Kummissjoni, tad-dritt tar-rikorrenti għal smigħ fil-kuntest tal-proċedura li wasslet għall-adozzjoni tad-Deċiżjoni kkontestata.

166    Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li, għalkemm ir-rikorrenti tikkritika lill-Kummissjoni talli opponiet it-talba tagħha, hija kienet ifformulat din it-talba billi sostniet l-interess tagħha li tikseb aċċess għall-fajl sabiex tipparteċipa fil-proċedura dwar il-konċentrazzjoni M.8870 u ma sostnietx li, fl-assenza tal-komunikazzjoni ta’ dan il-fajl, hija ma setgħetx tippreżenta osservazzjonijiet dwar il-konċentrazzjoni M.8871 eżaminata mill-Kummissjoni.

167    Fit-tielet lok, billi tikkritika lill-Kummissjoni talli ma ħaditx inkunsiderazzjoni biżżejjed il-perspettiva tagħha kif ukoll l-argumenti u l-elementi li hija kienet qajmet matul il-proċedura amministrattiva, ir-rikorrenti tfittex li tikkritika lill-Kummissjoni talli ma evalwatx iċ-ċirkustanzi tal-każ bl-istess mod bħalha.

168    Fil-fatt, hija ssostni li l-Kummissjoni ma xtaqitx tikkjarifika ċerti punti bħal pereżempju ċerti approċċi speċifiċi tal-istudju Oxera jew il-kontradizzjonijiet ikkonstatati bejn l-analiżijiet ta’ terzi fuq il-pożizzjoni ta’ RWE fis-suq, iżda, meta tagħmel dan, hija tonqos milli tippreċiża li, fid-Deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni rrikonoxxiet l-eżistenza ta’ diverġenzi bejn l-analiżijiet ippreżentati minn terzi filwaqt li rrimarkat li dawn kollha kienu jaqblu fuq ċerti punti (ara l-punt 62 tad-Deċiżjoni kkontestata). Issa, il-Kummissjoni bbażat ruħha fuq dawn il-punti ta’ qbil sabiex tfassal il-konklużjonijiet tagħha. Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma tispeċifikax xi kjarifika setgħet tagħti, fir-rigward tal-istudju Oxera jew tal-kontradizzjonijiet ikkonstatati, li kieku l-Kummissjoni staqsietha dwar dawn il-punti.

169    B’hekk, bl-argument tagħha, ir-rikorrenti mhux daqstant tikkritika lill-Kummissjoni li ma semgħathiex, iżda pjuttost tikkritika l-konklużjonijiet li hija siltet mid-diversi osservazzjonijiet li ntbagħtulha. Għaldaqstant, dan l-argument huwa, fil-kuntest tal-eżami ta’ dan il-motiv, ineffettiv.

170    L-istess jgħodd fir-rigward tal-konklużjonijiet tal-Uffiċċju Federali tal-Akkordji li l-Kummissjoni sempliċiment tirriproduċihom.

171    Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal iktar ’il fuq, it-tielet motiv għandu jiġi miċħud.

5.      Fuq irraba’ motiv, ibbażat fuq ksur taddritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva

172    Ir-rikorrenti ssostni li l-pubblikazzjoni tad-Deċiżjoni kkontestata seħħet wara perijodu ta’ żmien kunsiderevoli. Issa, din il-pubblikazzjoni tardiva wasslet għal ksur tad-dritt tagħha għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva. F’dan ir-rigward, il-fatt li t-terminu għall-preżentata ta’ rikors ta’ xahrejn beda jiddekorri biss mid-data tal-pubblikazzjoni tad-Deċiżjoni kkontestata, anki jekk huwa minnu, ma jiġġustifikax iċ-ċaħda mill-effett tiegħu tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva.

173    Barra minn hekk, ir-rikorrenti ssostni, essenzjalment, li l-fatt li l-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 139/2004 ma jippreskrivix il-pubblikazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali tad-deċiżjonijiet adottati abbażi tal-Artikolu 6(1)(b) tal-imsemmi regolament ma jiġġustifikax il-pubblikazzjoni tardiva tad-Deċiżjoni kkontestata. F’dan ir-rigward, skont il-prassi amministrattiva tagħha stess u skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE, il-Kummissjoni tippubblika d-deċiżjonijiet adottati fuq il-bażi tal-Artikolu 6(1)(b) tar-Regolament Nru 139/2004.

174    Fl-aħħar nett, hija tqis, essenzjalment, li l-Kummissjoni ma tistax tistaħba wara l-kuntest, jiġifieri l-fatt li hija kellha tipproċessa bħala prijorità l-konċentrazzjoni M.8870, u lanqas wara t-talbiet ta’ korrezzjonijiet speċifiċi ppreżentati minn RWE u E.ON sabiex tiġġustifika ż-żmien meħud għall-pubblikazzjoni tad-Deċiżjoni kkontestata.

175    Il-Kummissjoni, sostnuta minn E.ON u minn RWE, tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

176    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, “[k]ull persuna li d-drittijiet u l-libertajiet tagħha garantiti mil-liġi ta’ l-Unjoni jiġu vjolati għandha d-dritt għal rimedju effettiv quddiem qorti skond il-kondizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu”.

177    Dan id-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva jeżiġi li l-persuna kkonċernata tkun tista’ tkun taf il-motivi li fuqhom hija bbażata d-deċiżjoni meħuda fir-rigward tagħha jew li tikkawżalha preġudizzju, jew permezz tal-qari tad-deċiżjoni nnifisha, jew permezz ta’ komunikazzjoni ta’ dawn il-motivi fuq talba tagħha, sabiex tkun tista’ tiddefendi d-drittijiet tagħha fl-aħjar kundizzjonijiet possibbli u tiddeċiedi b’għarfien sħiħ tal-kunsiderazzjonijiet kollha involuti jekk huwiex utli li tressaq il-kawża quddiem il-qorti kompetenti, kif ukoll sabiex tippermetti lil din tal-aħħar tistħarreġ b’mod sħiħ il-legalità tad-deċiżjoni inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑15 ta’ Ottubru 1987, Heylens et, 222/86, EU:C:1987:442, punti 15 u 17; tas‑17 ta’ Novembru 2011, Gaydarov, C‑430/10, EU:C:2011:749, punt 41, u tat‑18 ta’ Lulju 2013, Il‑Kummissjoni et vs Kadi, C‑584/10 P, C‑593/10 P u C‑595/10 P, EU:C:2013:518, punt 100 u l-ġurisprudenza ċċitata).

178    Skont il-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 177 iktar ’il fuq, peress li d-Deċiżjoni kkontestata, li kellha tiġi nnotifikata lill-partijiet fil-konċentrazzjoni skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 297(2) TFUE, kienet barra minn hekk tali li taffettwa b’mod dirett u individwali lil partijiet li huma terzi għall-operazzjoni tal-konċentrazzjoni, il-Kummissjoni kellha l-obbligu, sabiex tiggarantixxi d-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva ta’ dawn it-terzi, li tadotta l-miżuri ta’ pubbliċità adegwati sabiex l-imsemmija terzi jkunu jistgħu jkunu jafu r-raġunijiet li fuqhom kienet ibbażata d-Deċiżjoni kkontestata.

179    F’dan il-każ, ma huwiex ikkontestat li r-rikorrenti setgħet tkun taf il-motivi tad-Deċiżjoni kkontestata u tippreżenta, konsegwentement, motivi u elementi sabiex titlob l-annullament tagħha. Bl-istess mod, għandu jiġi rrilevat li hija kellha l-opportunità li tippreżenta rikors kontra d-Deċiżjoni kkontestata quddiem il-Qorti Ġenerali.

180    Ir-rikorrenti tqis, madankollu, li d-dritt tagħha għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva nkiser minħabba l-pubblikazzjoni tardiva tad-Deċiżjoni kkontestata.

181    F’dan ir-rigward, l-ewwel, għandu ċertament jiġi rrilevat, kif tagħmel il-Kummissjoni, li, skont l-Artikolu 20(1) tar-Regolament Nru 139/2004, il-Kummissjoni għandha tippubblika fil-Ġurnal Uffiċjali biss id-deċiżjonijiet li hija tadotta skont l-Artikolu 8(1) sa (6) u l-Artikoli 14 u 15, bl-eċċezzjoni tad-deċiżjonijiet provviżorji meħuda skont l-Artikolu 18(2), flimkien mal-opinjoni tal-Kumitat Konsultattiv, tal-imsemmi regolament.

182    B’hekk, f’dan il-każ, peress li d-Deċiżjoni kkontestata ġiet adottata skont l-Artikolu 6(1)(b) tar-Regolament Nru 139/2004, li ma huwiex imsemmi b’mod espliċitu fl-Artikolu 20(1) tal-istess regolament, il-Kummissjoni ma kinitx obbligata, skont ir-Regolament Nru 139/2004, li tippubblika d-Deċiżjoni kkontestata fil-Ġurnal Uffiċjali.

183    Madankollu, għandu jiġi osservat li, fil-prattika, meta tadotta deċiżjonijiet ibbażati fuq l-Artikolu 6(1)(b) tar-Regolament Nru 139/2004, il-Kummissjoni tippubblika, fil-Ġurnal Uffiċjali, avviż li jindika li t-test sħiħ tad-deċiżjoni ser jiġi ppubblikat, wara li jitħassru s-sigrieti kummerċjali li jista’ jkun fih, u tista’ tiġi kkonsultata kemm fuq is-sit web tal-Kummissjoni, kif ukoll fuq il-EUR-Lex.

184    Barra minn hekk, fil-punt 5 tad-dokument intitolat “Guidance on the preparation of public versions of Commission Decisions adopted under the Merger Regulation” (Dokument ta’ gwida dwar it-tfassil tal-verżjonijiet pubbliċi tad-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni adottati skont ir-Regolament dwar il-Konċentrazzjonijiet), tas‑26 ta’ Mejju 2015 (iktar ’il quddiem id-“dokument ta’ gwida”), il-Kummissjoni tindika li, f’konformità mal-prinċipju ta’ trasparenza li jirriżulta mill-Artikolu 15 TFUE u ma’ prattika stabbilita sew, hija tippubblika wkoll, fuq is-sit web tagħha, il-verżjonijiet mhux kunfidenzjali ta’ deċiżjonijiet adottati f’konformità mal-Artikolu 6(1)(b) tar-Regolament Nru 139/2004 u mal-Artikolu 6(1)(b) ikkunsidrat flimkien mal-Artikolu 6(2) tal-imsemmi regolament. Barra minn hekk, fil-punt 2 tal-istess dokument, il-Kummissjoni ssostni li hija tqiegħed kemm jista’ jkun informazzjoni għad-dispożizzjoni tal-pubbliku u tastjeni milli tiżvela informazzjoni biss sa fejn din tkun koperta mill-obbligu tagħha ta’ sigriet professjonali jew minn eċċezzjonijiet oħra ta’ ordni pubbliku.

185    Issa, skont il-ġurisprudenza, il-Kummissjoni hija marbuta bl-avviżi li tadotta fil-qasam tal-kontroll tal-konċentrazzjonijiet, sa fejn dawn ma jmorrux kontra r-regoli tat-Trattat u tar-Regolament Nru 139/2004 (sentenza tat‑3 ta’ April 2003, BaByliss vs Il‑Kummissjoni, T‑114/02, EU:T:2003:100, punt 143; ara wkoll is-sentenza tad‑9 ta’ Lulju 2007, Sun Chemical Group et vs Il‑Kummissjoni, T‑282/06, EU:T:2007:203, punt 55 u l-ġurisprudenza ċċitata). Barra minn hekk, dawn ir-regoli indikattivi, li jiddefinixxu l-linji gwida li l-Kummissjoni beħsiebha ssegwi, jikkontribwixxu sabiex jiġu żgurati t-trasparenza, il-prevedibbiltà u ċ-ċertezza legali tar-rikors tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑7 ta’ Marzu 2002, L‑Italja vs Il‑Kummissjoni, C‑310/99, EU:C:2002:143, punt 52 u l-ġurisprudenza ċċitata).

186    Għalkemm huwa minnu li l-ġurisprudenza ċċitata fil-punt preċedenti kienet intiża sabiex tistabbilixxi n-natura vinkolanti, għall-Kummissjoni, tal-Avviż tal-Kummissjoni dwar ir-rimedji aċċettabbli taħt ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 4064/89 u taħt ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 447/98 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 89) u tal-Linji ta’ gwida fuq l-istima jew kalkolu ta’ l-għaqdiet orizzontali taħt ir-Regolament tal-Kunsill dwar il-kontroll tal-konċentrazzjonijiet bejn l-intrapriżi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 3, p. 10, iktar ’il quddiem il-“Linji gwida”), huwa madankollu rilevanti jekk din hijiex azzjoni dwar l-evalwazzjoni ta’ sitwazzjonijiet li taf bihom il-Kummissjoni jew linja gwida dwar regola ta’ proċedura. Fil-fatt, jekk jiġi aċċettat il-kuntrarju dan iwassal sabiex il-Kummissjoni tingħata għażla diskrezzjonali dwar jekk tippubblikax jew le deċiżjonijiet li jistgħu jaffettwaw is-sitwazzjoni ġuridika ta’ terzi, li huwa inkompatibbli mad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva u mal-prinċipju ta’ ċertezza legali.

187    Barra minn hekk, minn naħa, fir-rigward tal-konformità tad-dokument ta’ gwida mar-regoli tat-Trattat u tar-Regolament Nru 139/2004, għalkemm l-Artikolu 20(1) tar-Regolament Nru 139/2004 ma jsemmix il-pubblikazzjoni tad-deċiżjonijiet adottati fuq il-bażi tal-Artikolu 6(1)(b) tal-istess regolament fil-Ġurnal Uffiċjali, xejn ma jipprojbixxi lill-Kummissjoni milli tippubblikahom b’mezz ieħor, kif diġà tagħmel fil-prattika.

188    Min-naħa l-oħra, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 1 TUE, fi ħdan l-Unjoni, id-deċiżjonijiet jittieħdu bl-ikbar osservanza tal-prinċipju tal-aċċess miftuħ. Barra minn hekk, il-prinċipju tal-aċċess miftuħ, stabbilit fl-Artikolu 15 TFUE, huwa vinkolanti fuq il-Kummissjoni. Dan il-prinċipju jippermetti, b’mod partikolari, li jiġi żgurata parteċipazzjoni aħjar miċ-ċittadini fil-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet kif ukoll li tiġi ggarantita amministrazzjoni li tgawdi iktar leġittimità u tkun iktar effikaċi u responsabbli fil-konfront taċ-ċittadin f’sistema demokratika (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑1 ta’ Lulju 2008, L‑Isvezja u Turco vs Il‑Kunsill, C‑39/05 P u C‑52/05 P, EU:C:2008:374, punt 45).

189    Konsegwentement, id-dokument ta’ gwida la jmur kontra r-Regolament Nru 139/2004 u lanqas kontra t-Trattat. Għaldaqstant, għandu jiġi ammess, għall-kuntrarju ta’ dak li sostnew il-Kummissjoni, E.ON u RWE, li l-Kummissjoni imponiet fuqha nnifisha l-obbligu li tippubblika d-deċiżjonijiet li hija tadotta, f’konformità mal-Artikolu 6(1)(b) tar-Regolament Nru 139/2004, filwaqt li tirrispetta l-kunfidenzjalità li għandha tiġi żgurata fir-rigward tal-informazzjoni suġġetta għas-segretezza professjonali jew għal eċċezzjonijiet oħra ta’ ordni pubbliku. Tali pubblikazzjoni tad-deċiżjonijiet adottati fuq il-bażi tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 139/2004 hija koerenti mal-obbligu tal-Kummissjoni, imfakkar fil-punt 178 iktar ’il fuq, li tiggarantixxi, permezz ta’ miżuri ta’ pubbliċità xierqa, id-dritt ta’ terzi direttament u individwalment milquta minn tali deċiżjonijiet għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva.

190    Issa, it-tieni, huwa paċifiku li d-Deċiżjoni kkontestata ġiet adottata fis‑26 ta’ Frar 2019 u li avviż dwarha ġie ppubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali fit‑3 ta’ April 2020, jiġifieri 402 jum wara. Dan it-terminu huwa oġġettivament twil, kif irrikonoxxiet il-Kummissjoni waqt is-seduta.

191    Madankollu, mingħajr ma hemm bżonn li tiġi eżaminata l-fondatezza tar-raġunijiet ippreżentati mill-Kummissjoni sabiex tiġġustifika ż-żmien meħud għall-pubblikazzjoni tad-Deċiżjoni kkontestata, għandu jiġi rrilevat li l-pubblikazzjoni tardiva ta’ att tal-Unjoni fil-Ġurnal Uffiċjali ma għandhiex effett fuq il-validità ta’ dan l-att (sentenza tat‑23 ta’ Novembru 1999, Il‑Portugall vs Il‑Kunsill, C‑149/96, EU:C:1999:574, punt 54).

192    It-tielet, l-argument tar-rikorrenti li r-rikors tagħha ma jistax jitqies bħala effettiv minħabba l-fatt li, fid-dawl tad-data tal-pubblikazzjoni tad-Deċiżjoni kkontestata, hija setgħet tippreżenta rikors biss iktar minn 402 jum wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni, li kien iwassal sabiex is-suq jiġi espost għar-realizzazzjoni bla xkiel tal-konsegwenzi tal-konċentrazzjoni fuq il-kompetittività, lanqas ma jista’ jinfluwenza l-validità tad-Deċiżjoni kkontestata.

193    Fil-fatt, fl-ipoteżi li d-Deċiżjoni kkontestata tiġi annullata, il-Kummissjoni tkun obbligata, skont l-Artikolu 266 TFUE, tieħu l-miżuri neċessarji sabiex teżegwixxi s-sentenza mogħtija fir-rigward tagħha u, barra minn hekk, sabiex treġġa’ lura l-partijiet għas-sitwazzjoni li kienu fiha qabel id-Deċiżjoni kkontestata (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑31 ta’ Marzu 1971, Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill, 22/70, EU:C:1971:32, punt 60, u tat‑13 ta’ Diċembru 2017, Crédit mutuel Arkéa vs Il‑BĊE, T‑712/15, EU:T:2017:900, punt 43).

194    Barra minn hekk, jekk ir-rikorrenti tqis li sofriet dannu minħabba l-pubblikazzjoni tardiva tad-Deċiżjoni kkontestata, hija tista’ tippreżenta rikors għad-danni kontra l-Kummissjoni, skont l-Artikolu 268 TFUE.

195    Għaldaqstant, ir-raba’ motiv għandu jiġi miċħud, sa fejn huwa bbażat fuq ksur tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva tar-rikorrenti minħabba l-pubblikazzjoni tardiva tad-Deċiżjoni kkontestata, bħala ineffettiv.

6.      Fuq ilħames motiv, ibbażat fuq żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni

a)      Kunsiderazzjonijiet preliminari

196    Permezz tal-ħames motiv, ibbażat fuq żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni, ir-rikorrenti ssostni, essenzjalment, li l-Kummissjoni qieset b’mod materjalment u manifestament żbaljat li l-konċentrazzjoni kienet kompatibbli mas-suq intern, filwaqt li hija kellha tibda l-fażi tal-proċedura prevista fl-Artikolu 6(1)(ċ) tar-Regolament Nru 139/2004, u, konsegwentement, tiddikjara l-konċentrazzjoni inkompatibbli mas-suq intern skont l-Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 139/2004.

197    Fir-rigward tal-intensità tal-istħarriġ ġudizzjarju u tar-rekwiżiti ta’ prova meħtieġa, isir riferiment għall-ġurisprudenza mfakkar fil-punti 48 sa 53 iktar ’il fuq.

198    Preliminarjament, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 139/2004, għandhom jiġu ddikjarati inkompatibbli mas-suq intern il-konċentrazzjonijiet li jostakolaw b’mod sinjifikattiv kompetizzjoni effettiva fis-suq intern jew f’parti sostanzjali minnu, b’mod partikolari minħabba l-ħolqien jew it-tisħiħ ta’ pożizzjoni dominanti.

199    Għandu jiġi rrilevat li hija l-Kummissjoni li għandha tevalwa globalment ir-riżultat tas-sensiela ta’ indizji użati sabiex tiġi evalwata s-sitwazzjoni tal-kompetizzjoni. F’dan ir-rigward, jista’ jkun li ċerti elementi jiġu pprivileġġjati u oħrajn jiġu mwarrba. Dan l-eżami u l-motivazzjoni tiegħu huma suġġetti għal stħarriġ tal-legalità mill-Qorti Ġenerali fuq id-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni fil-qasam tal-konċentrazzjonijiet (sentenza tas‑6 ta’ Lulju 2010, Ryanair vs Il‑Kummissjoni, T‑342/07, EU:T:2010:280, punt 136).

200    Barra minn hekk, skont ġurisprudenza stabbilita, ir-regoli li huma l-bażi tar-Regolament Nru 139/2004 u, b’mod partikolari, l-Artikolu 2 tiegħu, jagħtu lill-Kummissjoni ċerta setgħa diskrezzjonali, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda evalwazzjonijiet ta’ natura ekonomika, u li, konsegwentement, l-istħarriġ tal-qorti tal-mod kif tiġi eżerċitata din is-setgħa, li huwa essenzjali skont id-definizzjoni tar-regoli fil-qasam tal-konċentrazzjonijiet, għandu jsir hekk kif jirriżulta mill-marġni ta’ diskrezzjoni impliċita fid-dispożizzjonijiet ta’ natura ekonomika li jifformaw parti mir-regoli dwar il-konċentrazzjonijiet (ara s-sentenza tas‑6 ta’ Lulju 2010, Ryanair vs Il‑Kummissjoni, T‑342/07, EU:T:2010:280, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata).

201    Għalkemm il-Kummissjoni għandha marġni ta’ diskrezzjoni fil-qasam ekonomiku fl-oqsma li jagħtu lok għal evalwazzjonijiet ekonomiċi kumplessi, dan ma jimplikax li l-qorti tal-Unjoni għandha tastjeni milli tistħarreġ l-interpretazzjoni, mill-Kummissjoni, ta’ data ta’ natura ekonomika. Fil-fatt, il-qorti tal-Unjoni għandha, b’mod partikolari, mhux biss tivverifika l-eżattezza materjali tal-provi invokati, l-affidabbiltà u l-koerenza tagħhom, iżda wkoll tistħarreġ jekk dawn il-provi jikkostitwixxux l-informazzjoni kollha rilevanti li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni sabiex tiġi evalwata sitwazzjoni kumplessa u jekk din hijiex kapaċi ssostni l-konklużjonijiet milħuqa (sentenzi tal‑15 ta’ Frar 2005, Il‑Kummissjoni vs Tetra Laval, C‑12/03 P, EU:C:2005:87, punt 39, u tas‑7 ta’ Mejju 2009, NVV et vs Il‑Kummissjoni, T‑151/05, EU:T:2009:144, punt 54).

202    Għandu jitfakkar ukoll li l-kwistjoni dwar jekk l-evalwazzjoni materjali li l-konċentrazzjoni inkwistjoni kinitx tqajjem dubji serji dwar il-kompatibbiltà tagħha mas-suq intern, skont l-Artikolu 6(1)(b) tar-Regolament Nru 139/2004, taqa’ taħt l-ambitu tal-eżami tal-eżistenza ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni. Fil-fatt, sabiex jiġi vverifikat jekk il-Kummissjoni bbażatx ruħha ġustament fuq id-dispożizzjoni ċċitata iktar ’il fuq sabiex tagħti d-deċiżjoni tagħha, għandu jiġi analizzat jekk il-Kummissjoni wettqitx żball manifest fl-evalwazzjoni tagħha tal-effetti tal-proġett ta’ konċentrazzjoni fuq il-kompetizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑7 ta’ Ġunju 2013 Spar Österreichische Warenhandels vs Il‑Kummissjoni, T‑405/08, mhux ippubblikata, EU:T:2013:306, punt 48).

203    Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li għandu jiġi eżaminat jekk il-Kummissjoni wettqitx żball manifest ta’ evalwazzjoni.

204    Ir-rikorrenti tqajjem, essenzjalment, erba’ lmenti intiżi sabiex tiġi sostnuta l-eżistenza ta’ żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni mill-Kummissjoni. Ir-rikorrenti tikkritika b’mod partikolari lill-Kummissjoni, permezz tal-ewwel ilment, li waslet għal definizzjoni żbaljata tas-suq rilevanti, permezz tat-tieni lment, li wettqet delimitazzjoni żbaljata tal-perijodu ta’ analiżi, permezz tat-tielet ilment, li wettqet evalwazzjoni żbaljata tas-setgħa fis-suq ta’ RWE u, permezz tar-raba’ lment, li wettqet evalwazzjoni żbaljata tar-relazzjoni bejn RWE u E.ON.

b)      Fuq lewwel ilment, ibbażat fuq definizzjoni żbaljata tassuq rilevanti

205    Ir-rikorrenti tikkritika lill-Kummissjoni li warrbet, mingħajr ġustifikazzjoni, id-delimitazzjoni tas-suq rilevanti kif imwettqa mill-Uffiċċju Federali tal-Akkordji abbażi ta’ prassi deċiżjonali stabbilita. F’dan is-sens, il-Kummissjoni tirreferi għal “suq tal-elettriku prodott b’mod konvenzjonali” [traduzzjoni mhux uffiċjali] li, fir-realtà, ma jeżistix u li jinkludi l-elettriku intiż għall-ferroviji u għall-konsum proprju industrijali.

206    Skont ir-rikorrenti, għandha ssir distinzjoni bejn is-suq tal-produzzjoni u l-provvista bl-ingrossa tal-elettriku konvenzjonali u dak tal-produzzjoni tal-elettriku rinnovabbli. Dan l-aħħar suq huwa awtonomu, peress li huwa suġġett għas-sistema ta’ għajnuna prevista mil-Liġi EEG u peress li, b’differenza mis-suq bl-ingrossa tal-elettriku konvenzjonali, il-prezzijiet ma humiex, essenzjalment, iffissati skont il-provvista u d-domanda. Barra minn hekk, ir-rikorrenti tirrileva li, fil-passat, il-prassi deċiżjonali dwar id-dritt dwar l-akkordji kienet tikkonsisti, b’mod partikolari, fit-trattament tas-servizzi ta’ bbilanċjar u dawk awżiljarji bħala segment tas-suq awtonomu.

207    Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

208    Qabelxejn, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, id-definizzjoni adegwata tas-suq inkwistjoni hija kundizzjoni neċessarja u preliminari għal kull evalwazzjoni dwar l-impatt fuq il-kompetizzjoni ta’ konċentrazzjoni (ara s-sentenza tas‑27 ta’ Jannar 2021, KPN vs Il‑Kummissjoni, T‑691/18, mhux ippubblikata, EU:T:2021:43, punt 63 u l-ġurisprudenza ċċitata).

209    Is-suq tal-prodotti kkonċernati mill-operazzjoni għandu jiġi ddefinit wara li jiġi kkunsidrat il-kuntest ekonomiku kollu, b’tali mod li tkun tista’ tiġi evalwata l-qawwa ekonomika effettiva tal-impriża jew impriżi inkwistjoni, u dan il-għan għandhom jiġu ddefiniti minn qabel il-prodotti li, mingħajr ma huma sostitwibbli bi prodotti oħra, huma suffiċjentement interkambjabbli mal-prodotti li huma joffru, mhux biss skont il-karatteristiċi proprji tagħhom, iżda wkoll skont il-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni u tal-istruttura tad-domanda u l-provvista fis-suq (sentenza tas‑6 ta’ Ġunju 2002, Airtours vs Il‑Kummissjoni, T‑342/99, EU:T:2002:146, punt 20).

210    Sussegwentement, skont ġurisprudenza stabbilita, id-definizzjoni tas-suq inkwistjoni, sa fejn tinvolvi evalwazzjonijiet ekonomiċi kumplessi min-naħa tal-Kummissjoni, tista’ tkun suġġetta biss għal stħarriġ limitat mill-qorti tal-Unjoni (sentenzi tas‑17 ta’ Settembru 2007, Microsoft vs Il‑Kummissjoni, T‑201/04, EU:T:2007:289, punt 482, u tas‑7 ta’ Mejju 2009, NVV et vs Il‑Kummissjoni, T‑151/05, EU:T:2009:144, punt 53). Skont ġurisprudenza stabbilita wkoll, l-istħarriġ ġudizzjarju tal-evalwazzjonijiet tal-Kummissjoni fil-qasam tad-definizzjoni tas-swieq ta’ referenza huwa dak tal-iżball manifest (sentenza tat‑30 ta’ Settembru 2003, Cableuropa et vs Il‑Kummissjoni, T‑346/02 u T‑347/02, EU:T:2003:256, punt 119; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Ġunju 2002, Airtours vs Il‑Kummissjoni, T‑342/99, EU:T:2002:146, punti 26 u 32).

211    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-qorti tal-Unjoni aċċettat li l-Kummissjoni tista’ tħalli miftuħa d-definizzjoni tas-suq tal-prodott inkwistjoni sa fejn l-ebda waħda mid-definizzjonijiet tas-suq ma kienet tippermetti li tiġi kkonstatata l-eżistenza ta’ ostakolu sinjifikattiv għall-kompetizzjoni effettiva wara l-konċentrazzjoni, kif jirriżulta b’mod ċar u inekwivoku mill-motivi spjegati mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni inkwistjoni (sentenza tas‑26 ta’ Ottubru 2017, KPN vs Il‑Kummissjoni, T‑394/15, mhux ippubblikata, EU:T:2017:756, punt 60).

212    Fl-aħħar nett, il-qorti tal-Unjoni rrikonoxxiet li għalkemm il-Kummissjoni ma kinitx marbuta bl-evalwazzjonijiet dwar is-swieq rilevanti mwettqa fid-deċiżjonijiet preċedenti tagħha, dan ma jfissirx madankollu li tali evalwazzjonijiet li saru fil-passat ma setgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni fl-analiżi tagħha bħala wieħed mill-elementi rilevanti jekk ma kien hemm xejn li jindika li l-kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni fis-suq rilevanti kienu nbidlu sostanzjalment meta mqabbla mad-deċiżjonijiet preċedenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ Jannar 2017, Topps Europe vs Il‑Kummissjoni, T‑699/14, mhux ippubblikata, EU:T:2017:2, punt 93).

213    F’dan il-każ, l-ewwel, għandu jiġi rrilevat li, kif jirriżulta mill-punt 13 tad-Deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni segwiet il-prassi deċiżjonali preċedenti tagħha li tikkonsisti f’li tiddefinixxi s-suq tal-produzzjoni u tal-provvista bl-ingrossa tal-elettriku bħala li jinkludi l-kummerċ fis-suq tal-produzzjoni u tal-provvista bl-ingrossa tal-elettriku prodott f’ċertu suq ġeografiku kif ukoll l-elettriku importat fiżikament f’dan is-suq ġeografiku permezz ta’ interkonnetturi, indipendentement mis-sors tal-elettriku prodott.

214    Madankollu, il-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni, kif jirriżulta mill-punt 14 tad-Deċiżjoni kkontestata, il-prassi tal-Uffiċċju Federali tal-Akkordji li, b’differenza mill-Kummissjoni, tiddistingwi, essenzjalment, is-suq tal-elettriku konvenzjonali u dak tal-elettriku ġġenerat minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli li jgawdu minn sussidji pubbliċi skont il-Liġi EEG.

215    Minkejja dan, il-Kummissjoni essenzjalment ikkunsidrat, fil-punt 15 tad-Deċiżjoni kkontestata, li tali distinzjoni ma kinitx neċessarja għall-finijiet tal-analiżi tal-impatt tal-konċentrazzjoni peress li ma kien hemm l-ebda problema fir-rigward tal-kompetizzjoni, kemm jekk dawn iż-żewġ swieq jiġu kkunsidrati flimkien jew separatament.

216    Barra minn hekk, il-Kummissjoni rrilevat, fil-punt 16 tad-Deċiżjoni kkontestata, li, fil-passat, hija kienet qasmet is-suq bejn il-produzzjoni u l-provvista bl-ingrossa tal-elettriku, minn naħa, u s-servizzi ta’ bbilanċjar u dawk awżiljarji, min-naħa l-oħra, iżda li, f’dan il-każ, dan ma kienx neċessarju peress li ma kien hemm l-ebda problema fir-rigward tal-kompetizzjoni anki jekk jiġi ddefinit suq distint għas-servizzi ta’ bbilanċjar u dawk awżiljari.

217    It-tieni, il-Kummissjoni identifikat, fil-punti 21 u 22 tad-Deċiżjoni kkontestata, is-suq tat-trażmissjoni tal-elettriku bħala suq distint minn dak tal-produzzjoni u tal-provvista bl-ingrossa tal-elettriku.

218    Fl-aħħar nett, fit-tielet lok, il-Kummissjoni kkunsidrat, fil-punti 23 u 24 tad-Deċiżjoni kkontestata, li d-definizzjoni tas-suq tal-provvista bl-imnut tal-elettriku setgħet titħalla miftuħa, kemm f’dak li jirrigwarda l-prodotti kif ukoll fir-rigward tal-kamp ta’ applikazzjoni ġeografiku, peress li, irrispettivament mid-definizzjoni adottata, il-konċentrazzjoni ma kinitx toħloq problema fir-rigward tal-kompetizzjoni.

219    Permezz tal-argumenti tagħha, minn naħa, ir-rikorrenti, essenzjalment, tikkritika lill-Kummissjoni talli ddevjat, mingħajr ma tat spjegazzjonijiet dwar dan, mill-prassi deċiżjonali preċedenti tagħha billi ma għamlitx distinzjoni bejn is-suq tal-produzzjoni u l-provvista bl-ingrossa tal-elettriku u dak tas-servizzi ta’ bbilanċjar u dawk awżiljarji, u billi ma ddistingwietx, fil-kuntest tad-delimitazzjoni tas-suq tal-provvista bl-imnut, suq speċifiku għall-elettriku intiż għall-ferroviji u għall-konsum proprju industrijali. Min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti tqis li huwa b’mod żbaljat u mingħajr ma tat spjegazzjoni ulterjuri li l-Kummissjoni ddevjat mill-prassi deċiżjonali tal-Uffiċċju Federali tal-Akkordji li tagħmel distinzjoni bejn is-suq tal-elettriku konvenzjonali, li jinkludi kemm l-elettriku prodott minn sorsi konvenzjonali kif ukoll dak minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli li ma jgawdux mil-Liġi EEG, u s-suq tal-elettriku rinnovabbli, li jinkludi l-elettriku ġġenerat minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli li jgawdu mil-Liġi EEG, meta ddefinixxiet is-suq tal-prodotti inkwistjoni.

220    Fl-ewwel lok, għandu madankollu jiġi kkonstatat li mill-punti 213 sa 218 iktar ’il fuq jirriżulta li, għall-kuntrarju ta’ dak li ssostni r-rikorrenti, il-Kummissjoni spjegat għaliex, l-ewwel, iddeċidiet li ma tadottax l-istess definizzjoni tas-suq bħall-Uffiċċju Federali tal-Akkordji, it-tieni, ma kinitx iddistingwiet is-suq tal-produzzjoni u l-provvista bl-ingrossa tal-elettriku minn dak tas-servizzi ta’ bbilanċjar u dawk awżiljarji u, it-tielet, fil-kuntest tad-delimitazzjoni tas-suq tal-provvista bl-imnut, ma kinitx iddistingwiet bejn it-tipi ta’ klijenti. F’dan ir-rigward, hija indikat li, fil-fehma tagħha, irrispettivament mid-definizzjonijiet tas-suq tal-produzzjoni u tal-provvista bl-ingrossa tal-elettriku u tas-suq tal-provvista bl-imnut tal-elettriku finalment adottati, il-konċentrazzjoni ma kinitx toħloq problemi fir-rigward tal-kompetizzjoni.

221    Issa, ir-rikorrenti ma ressqet l-ebda argument speċifiku sabiex tikkontesta l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni. F’dan is-sens, hija ma tispjegax, b’mod konkret, għal liema raġunijiet il-Kummissjoni kellha tadotta definizzjoni differenti taż-żewġt iswieq inkwistjoni. B’mod partikolari, hija ma tinvoka l-ebda element relatat mal-karatteristiċi speċifiċi tas-sorsi differenti tal-enerġija, fl-assenza ta’ interkambjabbiltà, mal-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni u mal-istruttura tad-domanda u tal-provvista f’dawn is-swieq, li jiġġustifika segmentazzjoni ikbar. Ċertament, hija tinvoka, fir-rikors, il-fatt li s-suq tal-elettriku ġġenerat minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli li jgawdu mil-liġi EEG huwa suq awtonomu sa fejn, għall-kuntrarju tas-suq tal-elettriku konvenzjonali, il-prezzijiet ma humiex, essenzjalment, stabbiliti skont il-provvista u d-domanda, iżda hija ma komplietx tiżviluppa l-argument tagħha, b’tali mod li din l-affermazzjoni ma hijiex tali li tikkontesta d-definizzjoni adottata mill-Kummissjoni.

222    Fit-tieni lok, l-ewwel, fir-rigward tad-definizzjoni tas-suq tal-produzzjoni u tal-provvista bl-ingrossa tal-elettriku sa fejn din tinkludi s-servizzi ta’ bbilanċjar u dawk awżiljarji, minn naħa, mill-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 212 iktar ’il fuq jirriżulta li l-Kummissjoni ma hijiex marbuta bl-evalwazzjonijiet dwar is-swieq rilevanti mwettqa fid-deċiżjonijiet preċedenti tagħha. Għaldaqstant, hija setgħet tiddeċiedi, f’dan il-każ, li ma tiddistingwixxix is-suq tal-produzzjoni u tal-provvista bl-ingrossa tal-elettriku minn dak tas-servizzi ta’ bbilanċjar u dawk awżiljarji.

223    Min-naħa l-oħra, mill-punti 46 u 47 tad-Deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Kummissjoni xorta waħda analizzat l-effetti tal-konċentrazzjoni fl-ipoteżi fejn hija taqbel li jiġi previst suq distint għas-servizzi ta’ bbilanċjar u dawk awżiljarji.

224    It-tieni, sa fejn il-Kummissjoni ma segwietx id-definizzjoni adottata mill-Uffiċċju Federali tal-Akkordji fis-suq tal-produzzjoni u tal-provvista bl-ingrossa tal-elettriku, minn naħa, għandu jiġi rrilevat li l-Qorti tal-Ġustizzja indikat li, fid-dawl tat-tqassim preċiż tal-kompetenzi li fuqu huwa bbażat ir-Regolament Nru 139/2004, id-deċiżjonijiet tal-awtoritajiet nazzjonali ma jistgħux jorbtu lill-Kummissjoni fil-kuntest tal-proċeduri ta’ kontroll tal-konċentrazzjonijiet (sentenza tat‑18 ta’ Diċembru 2007, Cementbouw Handel Industrie vs Il‑Kummissjoni, C‑202/06 P, EU:C:2007:814, punt 56). Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma kinitx obbligata li tadotta l-istess definizzjoni tas-suq rilevanti bħall-Uffiċċju Federali tal-Akkordji.

225    Min-naħa l-oħra, minkejja li l-Kummissjoni ddeċidiet li tħalli d-definizzjoni tas-suq tal-produzzjoni u tal-provvista bl-ingrossa ta’ elettriku miftuħa u li ma tużax l-istess definizzjoni tas-suq bħall-Uffiċċju Federali tal-Akkordji, hija madankollu analizzat, fil-punti 31, 34, 45, 47 u 99 tad-Deċiżjoni kkontestata, l-impatt taż-żieda tal-partijiet mis-suq ta’ RWE marbuta mal-konċentrazzjoni fl-ipoteżi fejn jiġu distinti s-suq tal-produzzjoni minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli li jgawdu mil-Liġi EEG u dawk tal-produzzjoni minn sorsi li ma jgawdux minnhom. Konsegwentement, hija ħadet inkunsiderazzjoni s-suq tal-produzzjoni u tal-provvista bl-ingrossa tal-elettriku kif inhu ddefinit mill-Uffiċċju Federali tal-Akkordji.

226    It-tielet, f’dak li jirrigwarda d-definizzjoni tas-suq tal-provvista bl-imnut tal-elettriku, il-Kummissjoni indikat, fin-noti 27 u 29 ta’ qiegħ il-paġna tad-Deċiżjoni kkontestata, li ċ-ċifra dwar il-produzzjoni totali tal-elettriku fil-Ġermanja, bis-sorsi kollha tal-enerġija miġbura flimkien, indikata fit-tabella 1, u dik relatata mal-produzzjoni tal-elettriku konvenzjonali, indikata fit-tabella 2, kienu jinkludu wkoll il-konsum attwali speċifiku għall-ferroviji. Hija ppreċiżat li, anki jekk jiġi eskluż il-volum marbut ma’ dawn l-elementi, il-partijiet mis-suq tad-diversi produtturi tal-elettriku Ġermaniżi jibqgħu sostanzjalment l-istess.

227    Issa, għalkemm ir-rikorrenti tikkunsidra li, billi għamlet hekk, il-Kummissjoni, għall‑2017, ħadet inkunsiderazzjoni l-volum reali tas-suq tal-produzzjoni u tal-provvista bl-ingrossa tal-elettriku ta’ 396.6 terawatt/siegħa (TWh), minflok volum ta’ 363.5 TWh, hija ma tindikax li dan kellu impatt sinjifikattiv fuq it-tqassim tal-partijiet mis-suq kif inhu ppreżentat mill-Kummissjoni fid-Deċiżjoni kkontestata.

228    Minn dak kollu li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li r-rikorrenti ma waslitx li turi li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni meta ddefinixxiet is-suq rilevanti. Għaldaqstant, l-ilment ibbażat fuq definizzjoni żbaljata tas-suq rilevanti għandu jiġi miċħud.

c)      Fuq ittieni lment, ibbażat fuq delimitazzjoni żbaljata tal-perijodu ta’ analiżi

229    Ir-rikorrenti tilmenta li l-Kummissjoni llimitat ruħha għal perijodu ta’ analiżi qasir wisq billi waqfet fil-perijodu qabel l‑2022. Barra minn hekk, minn naħa, il-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni biss il-waqfien gradwali tal-enerġija nukleari u, min-naħa l-oħra, hija ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-fatt li s-settur tal-enerġija kien ikkaratterizzat minn ċikli ta’ investiment fit-tul, ikkalkolati fuq medda ta’ bejn 15 u 20 sena. Issa, is-suq tal-elettriku Ġermaniż jinsab ikkonfrontat b’mod irrimedjabbli bit-tranżizzjoni enerġetika u klimatika, li taqleb ta’ taħt fuq kull fattur kostanti preċedenti. Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti tirrimarka li, fil-prassi preċedenti tagħha, il-Kummissjoni spiss qieset, fil-previżjonijiet tagħha, perijodi twal ta’ amortizzazzjoni.

230    Il-Kummissjoni, sostnuta minn E.ON, tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

231    Għandu jitfakkar li, fil-kontroll tal-konċentrazzjonijiet, il-Kummissjoni hija rikjesta li tipprovdi previżjoni dwar l-iżvilupp futur tas-suq. Fil-fatt, hija għandha tevalwa jekk konċentrazzjoni hijiex tali li tostakola b’mod sinjifikattiv il-kompetizzjoni effettiva fis-suq intern jew f’parti sostanzjali minnu. Dan jirriżulta mill-Artikolu 2(2) u (3) tar-Regolament Nru 139/2004.

232    Din l-analiżi prospettiva jeħtieġ li ssir b’attenzjoni kbira, peress li ma hijiex kwistjoni ta’ eżami ta’ avvenimenti passati, li għalihom spiss ikunu disponibbli diversi elementi li jippermettu li jinftiehmu l-kawżi, u lanqas ta’ avvenimenti preżenti, iżda ta’ tbassir tal-avvenimenti li se jseħħu fil-futur, skont probabbiltà ikbar jew iżgħar, jekk ma tiġi adottata l-ebda deċiżjoni li tipprojbixxi jew tippreċiża l-kundizzjonijiet tal-konċentrazzjoni proposta. L-analiżi prospettiva li tikkonsisti f’li jiġi eżaminat kif konċentrazzjoni tista’ tbiddel il-fatturi li jiddeterminaw l-istat tal-kompetizzjoni f’suq partikolari sabiex jiġi vverifikat jekk minn dan jirriżultax ostakolu sinjifikattiv għal kompetizzjoni effettiva teħtieġ li jiġu immaġinati d-diversi xejriet ta’ kawża u effett, sabiex jiġu kkunsidrati dawk li huma l-iktar probabbli (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Diċembru 2005, General Electric vs Il‑Kummissjoni, T‑210/01, EU:T:2005:456, punt 64).

233    Fl-aħħar nett, kif tfakkar, essenzjalment, fil-punt 110 iktar ’il fuq, l-evalwazzjoni mill-Kummissjoni tal-kompatibbiltà mas-suq intern ta’ konċentrazzjoni bejn impriżi għandha ssir biss fuq il-bażi ta’ ċirkustanzi ta’ fatt u ta’ liġi eżistenti fil-mument meta tiġi nnotifikata din il-konċentrazzjoni u mhux fuq il-bażi ta’ elementi ipotetiċi li l-portata ekonomika tagħhom ma tistax tiġi evalwata fil-mument meta tittieħed id-deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni (ara s-sentenza tat‑13 ta’ Settembru 2010, Éditions Odile Jacob vs Il‑Kummissjoni, T‑279/04, mhux ippubblikata, EU:T:2010:384, punt 327 u l-ġurisprudenza ċċitata).

234    Minn dan jirriżulta li l-Kummissjoni hija mistennija twettaq evalwazzjoni tal-effetti tal-konċentrazzjoni fuq perijodu li t-tul massimu tiegħu ma jistax jaqbeż il-perijodu li fih seħħew, sa ċertu grad ta’ ċertezza suffiċjenti, ċerti avvenimenti. Iktar ma jkun ’il bogħod fiż-żmien l-avveniment previst, iktar tkun kbira l-inċertezza dwar jekk hux se jseħħ. F’dan is-sens, il-Kummissjoni ma tistax tintalab twettaq analiżi prospettiva fuq il-bażi ta’ elementi li hija ma tkunx f’pożizzjoni li tipprevedi, b’marġni ta’ żball raġonevoli, l-effetti tagħhom fuq perijodu twil ta’ żmien.

235    F’dan il-każ, fl-ewwel lok, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni wettqet analiżi prospettiva billi ħadet inkunsiderazzjoni t-tranżizzjoni enerġetika u l-waqfien gradwali tal-enerġija nukleari, avvenimenti li jistgħu jingħadu li se jseħħu bi grad suffiċjenti ta’ ċertezza, fid-data tal-adozzjoni tad-Deċiżjoni kkontestata, peress li ġew deċiżi mill-Gvern Ġermaniż.

236    F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni eżaminat l-effetti tal-konċentrazzjoni fuq il-partijiet mis-suq ta’ RWE billi għamlet distinzjoni bejn żewġ perijodi, jiġifieri dak bejn l-implimentazzjoni tal-imsemmija konċentrazzjoni sal‑31 ta’ Diċembru 2022, u dak sussegwenti għal din id-data, kif jirriżulta, b’mod partikolari, mill-punti 30 u 35 tad-Deċiżjoni kkontestata. Il-Kummissjoni għamlet l-istess f’dak li jirrigwarda l-analiżi dwar l-effetti tal-konċentrazzjoni fuq ir-riskju marbut mal-istrateġiji ta’ żamma tal-kapaċità (punti 56, 80 u 81 tad-Deċiżjoni kkontestata), fuq ir-rwol ċentrali ta’ RWE (punti 62 u 65 tad-Deċiżjoni kkontestata) u fuq is-suq tat-trażmissjoni tal-elettriku (punti 99 u 100 tad-Deċiżjoni kkontestata). Id-data tal‑31 ta’ Diċembru 2022 intużat sa fejn, f’konformità mal-Gesetz zur geordneten Beendigung der Kernenergienutzung zur gewerblichen Erzeugung von Energie (il-Liġi dwar il-Waqfien Ordnat tal-Użu tal-Enerġija Nukleari għall-Produzzjoni Industrijali tal-Enerġija), tat‑22 ta’ April 2002 (BGBl. 2002 I, p. 1351), l-assi nukleari kkonċernati mill-konċentrazzjoni kellhom jingħalqu sa mhux iktar tard minn din id-data.

237    Għandu jiġi rrilevat li, fil-kuntest tal-analiżi tal-vantaġġ kompetittiv fl-għoti tas-sussidji għall-iżvilupp u l-kostruzzjoni ta’ assi ġodda ta’ produzzjoni minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli li RWE tista’ tikseb bis-saħħa tal-konċentrazzjoni, mill-punti 68 u 69 tad-Deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Kummissjoni ma llimitatx ruħha fiż-żmien. Dan huwa minnu wkoll fir-rigward tal-analiżi mwettqa mill-Kummissjoni, fil-punti 82 sa 88 tad-Deċiżjoni kkontestata, dwar il-kwistjoni dwar jekk l-akkwist minn RWE tas-sehem minoritarju f’E.ON jistax jagħti lok għal esklużjoni ta’ dħul jew tal-konsumaturi, l-analiżi tar-riskju ta’ riperkussjonijiet negattivi fuq il-likwidità tas-suq tal-produzzjoni u tal-provvista bl-ingrossa tal-elettriku, magħmula fil-punti 89 sa 91 tad-Deċiżjoni kkontestata, u l-analiżi tar-riskju ta’ aċċess, minn RWE, għal informazzjoni dwar l-istrateġiji u l-attivitajiet downstream ta’ E.ON, magħmula fil-punti 92 sa 94 tad-Deċiżjoni kkontestata.

238    B’hekk, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni ma waqfitx fil-perijodu ta’ qabel l‑2022.

239    Għaldaqstant, l-argument tar-rikorrenti intiż li jikkritika lill-Kummissjoni li llimitat ruħha għall-perijodu ta’ qabel l‑2022 għandu jiġi miċħud.

240    Fit-tieni lok, peress li l-Kummissjoni kkunsidrat il-perijodu ta’ wara l‑2022 mingħajr madankollu ma ppreċiżat it-tul massimu li fuqu hija bbażat ruħha sabiex tanalizza l-effetti tal-konċentrazzjoni, huwa raġonevoli li jiġi kkunsidrat li hija bbażat ruħha fuq perijodu ta’ bejn 3 u 5 snin min-notifika tal-konċentrazzjoni, li saret fl‑2019, sabiex twettaq l-analiżi tagħha.

241    Din l-interpretazzjoni hija kkorroborata mis-sottomissjonijiet bil-miktub tal-Kummissjoni u ta’ E.ON.

242    F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti tikkunsidra li l-Kummissjoni kellha tikkunsidra perijodu ta’ bejn 15 u 20 sena. Tali perijodu jieħu inkunsiderazzjoni, minn naħa, iċ-ċikli ta’ investiment speċifiċi għas-suq tal-elettriku u, min-naħa l-oħra, it-taqlib li se jseħħ li dan is-suq kien jaf bih minħabba t-tranżizzjoni enerġetika u l-waqfien gradwali tal-enerġija nukleari. Barra minn hekk, hija tikkritika lill-Kummissjoni li ħadet inkunsiderazzjoni biss il-waqfien gradwali tal-enerġija nukleari u li ma segwietx il-prassi deċiżjonali preċedenti tagħha.

243    Fir-rigward tad-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni ċċitati mir-rikorrenti insostenn tal-argument tagħha, għandu jiġi rrilevat, kif għamlet il-Kummissjoni, li dawn ġew adottati f’kuntest ekonomiku u politiku differenti minn dak f’dan il-każ.

244    B’hekk, fir-rigward tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2005) 5593 final tal‑21 ta’ Diċembru 2005 li tiddikjara konċentrazzjoni kompatibbli mas-suq komuni u mal-Ftehim ŻEE (Każ COMP/M.3696 – E.ON/MOL), din kienet tikkonċerna s-suq tal-elettriku Ungeriż fl‑2005, li kien maħsub li jsirulu diversi bidliet, kif muri, b’mod partikolari, mill-proġetti tal-bini ta’ impjanti tal-enerġija li diġà kienu ġew deċiżi (ara, b’mod partikolari, il-punti 150, 594, 601 u 602). Fir-rigward tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2009) 9059 final tat‑12 ta’ Novembru 2009 li tiddikjara konċentrazzjoni kompatibbli mas-suq komuni (Każ COMP/M.5549 – EDF/Segebel), din mhux biss kienet tikkonċerna s-suq tal-elettriku Franċiż, Belġjan u Olandiż tal‑2009, iżda, barra minn hekk, it-tranżazzjoni nnifisha pprevediet ċerti skadenzi għat-tlestija ta’ ċerti stadji (ara, b’mod partikolari, il-punti 66 u 75 tal-imsemmija deċiżjoni). Fl-aħħar nett, fir-rigward tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni tas‑7 ta’ Mejju 2002 li tiddikjara konċentrazzjoni kompatibbli mas-suq komuni (Każ COMP/M.2745 – Shell/Enterprise Oil), din kienet tikkonċerna s-suq tar-Renju Unit fl‑2002 u d-data pprovduta mill-partijiet notifikanti u t-terzi kienet ippermettiet lill-Kummissjoni tibbaża ruħha fuq perijodu ta’ 10 snin.

245    B’hekk, pjuttost milli ddeċidiet, b’mod astratt, li tikkunsidra perijodu ta’ iktar minn 10 snin sabiex tanalizza l-effetti tal-konċentrazzjonijiet li kienu ġew innotifikati lilha, sempliċement għaliex kienu jaqgħu taħt is-suq tal-elettriku, il-Kummissjoni għamlet dan għaliex kellha fil-pussess tagħha elementi li kienu jippermettulha, b’ċertezza raġonevoli, tikkunsidra l-iżvilupp tas-suq matul dan il-perijodu ta’ żmien u, konsegwentement, l-effetti tal-konċentrazzjonijiet.

246    Għaldaqstant, għandha tiġi eżaminata l-kwistjoni jekk, f’dan il-każ, il-Kummissjoni kellhiex fil-pussess tagħha elementi li kienu jippermettulha twettaq analiżi prospettiva fuq perijodu itwal ta’ żmien.

247    F’dan ir-rigward, kif ġie indikat fil-punt 235 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni t-tranżizzjoni enerġetika u l-waqfien gradwali tal-enerġija nukleari. Dan huwa rifless fil-fatt li, minn naħa, il-Kummissjoni semmiet, f’diversi okkażjonijiet fid-Deċiżjoni kkontestata, il-waqfien gradwali tal-enerġija nukleari u, min-naħa l-oħra, li hija qieset l-effetti tal-konċentrazzjoni billi ħadet inkunsiderazzjoni l-impatt tal-Liġi EEG.

248    Din il-konstatazzjoni hija biżżejjed sabiex jiġi miċħud l-argument tar-rikorrenti bbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni kkunsidrat biss il-waqfien gradwali tal-enerġija nukleari.

249    Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li, għalkemm ir-rikorrenti tikkritika lill-Kummissjoni li ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-fatt li, fis-suq tal-elettriku, iċ-ċikli ta’ investiment idumu perijodi ta’ bejn 15 u 20 sena, hija ssemmi biss il-proġetti ta’ investiment tagħha. B’hekk, hija ma tagħmilx riferiment għal investimenti li setgħet twettaq RWE, wara l-konċentrazzjoni, li jistgħu jibdlu s-suq tal-produzzjoni u tal-provvista bl-ingrossa tal-elettriku. Għall-kuntrarju, hija tindika wkoll li, fil-fehma tagħha, RWE u E.ON jistgħu jiġu skoraġġuti milli jagħmlu investimenti kbar wara l-konċentrazzjoni. Minn dan jirriżulta li ma kienx ċert, fid-data tal-adozzjoni tad-Deċiżjoni kkontestata, li RWE u E.ON kienu se jagħmlu, wara l-konċentrazzjoni, investimenti tali li jibdlu l-istruttura tas-suq. Għaldaqstant, anki jekk jitqies li ċ-ċikli ta’ investiment idumu perijodi ta’ bejn 15 u 20 sena, kif issostni r-rikorrenti, il-Kummissjoni ma setgħetx tibbaża l-analiżi prospettiva tagħha fuq tali perijodu għal din ir-raġuni biss.

250    Fir-rigward tal-impatt potenzjali tal-waqfien gradwali tal-faħam, imsemmi kemm mir-rikorrenti kif ukoll minn RWE, għandu jiġi rrilevat li dan il-waqfien huwa previst mill-Gesetz zur Reduzierung und zur Beendigung der Kohleverstromung (il-Liġi dwar it-Tnaqqis u t-Tmiem tal-Produzzjoni tal-Elettriku mill-Faħam) tat‑8 ta’ Awwissu 2020 (BGBl. 2020 I, p. 1818, iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar it-Waqfien Gradwali tal-Faħam”). Fi kliem ieħor, dan seħħ wara l-adozzjoni tad-Deċiżjoni kkontestata b’tali mod li jista’ jiġi kkunsidrat li, għal din ir-raġuni biss, il-Kummissjoni ma setgħetx tieħu inkunsiderazzjoni l-effetti ta’ din il-liġi sabiex tiddetermina l-perijodu li għalih hija kellha twettaq l-analiżi tagħha.

251    Madankollu, għandu jiġi rrilevat li din il-liġi ġiet adottata wara li ntbagħat rapport tal‑31 ta’ Jannar 2019 imħejji mill-Kommission für Wachstum, Strukturwandel und Beschäftigung (il-Kummissjoni dwar it-Tkabbir, it-Tibdil Strutturali u l-Impjiegi, il-Ġermanja), maħtura mill-Gvern Federali Ġermaniż fis‑6 ta’ Ġunju 2018. Dan ir-rapport kien jinkludi rakkomandazzjonijiet għat-tfassil ta’ pjan intiż għat-tnaqqis u l-eliminazzjoni gradwali tal-produzzjoni tal-elettriku mill-faħam, kif ukoll il-miżuri legali, ekonomiċi, ta’ appoġġ soċjali, ta’ riorganizzazzjoni u ta’ politika strutturali neċessarji sabiex dan iseħħ. Id-data tat-waqfien gradwali tal-faħam kienet prevista għall‑2038.

252    F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti tinvoka l-għajbien ta’ Uniper SE sabiex issostni l-argument li l-istruttura tas-suq se tinbidel favur RWE. Uniper hija eks kumpannija tal-enerġija u sussidjarja ta’ E.ON, akkwistata minn Fortum Oyj wara d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2018) 3921 final tal‑15 ta’ Ġunju 2018 li tiddikjara konċentrazzjoni kompatibbli mas-suq intern u mal-Ftehim ŻEE (Każ M 8660 – M.8660 – Fortum/Uniper).

253    Issa, fir-rigward ta’ Uniper, għandu jiġi rrilevat li r-rapport imsemmi fil-punt 251 iktar ’il fuq ma ddikjarax data preċiża għall-għeluq tal-impjanti tal-elettriku tagħha li jaħdmu bil-faħam, iżda kien jindika li l-operatur tal-minjiera tal-faħam li tforni lil Uniper kellu l-intenzjoni li jibqa’ jopera sa nofs is-snin 2030.

254    Barra minn hekk, mill-istqarrija għall-istampa tal-Gvern Federali Ġermaniż tal‑15 ta’ Jannar 2020, li tagħmel riferiment għaliha l-Kummissjoni fil-kontroreplika, jirriżulta li ġie konkluż ftehim bejn il-Gvern Federali Ġermaniż u l-Länder għall-waqfien gradwali tal-faħam. Dan il-ftehim kien intiż sabiex jimplimenta r-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar it-Tkabbir, it-Tibdil Strutturali u l-Impjiegi. Barra minn hekk, fl-istqarrija għall-istampa ta’ Uniper tat‑30 ta’ Jannar 2020, din l-impriża esprimiet ir-rieda tagħha li gradwalment twaqqaf l-użu tal-faħam u li r-rapport tal-Kummissjoni dwar it-Tkabbir, it-Tibdil Strutturali u l-Impjieg ippropona li l-Gvern Federali Ġermaniż għandu jilħaq ftehim magħha sabiex l-impjant tal-enerġija li jaħdem bil-faħam Datteln 4 ma jiġix ikkummissjonat inkambju għal kumpens finanzjarju. Huwa f’dan il-kuntest li ġiet adottata l-Liġi dwar il-Waqfien Gradwali tal-Faħam. Għandu jiġi osservat ukoll li għalkemm l-Artikolu 4 ta’ din il-liġi jipprevedi skeda ta’ żmien għat-tnaqqis u l-waqfien gradwali tal-emissjonijiet mill-impjanti li jaħdmu bil-faħam, dan ma jsemmix, b’differenza mil-Liġi dwar il-waqfien gradwali tal-enerġija nukleari, l-ismijiet tal-impjanti kkonċernati.

255    B’hekk, anki jekk il-Kummissjoni kienet taf li kienet qiegħda titħejja liġi dwar it-waqfien gradwali tal-faħam u li Uniper kienet se ttemm l-operat tal-impjanti tal-enerġija tagħha li jaħdmu bil-faħam, hija madankollu ma kinitx f’pożizzjoni li tkun taf il-modalitajiet eżatti tal-implimentazzjoni ta’ din il-liġi, jew li tipprevedihom, peress li, fi kwalunkwe każ, dawn ġew speċifikati biss f’Jannar 2020. Barra minn hekk, ir-rikorrenti tinteressa ruħha biss f’Uniper mingħajr ma tqis l-effetti probabbli ta’ din il-liġi fuq is-sitwazzjoni ta’ RWE, li wkoll għandha impjanti li jaħdmu bil-faħam. Peress li, fl-aħħar nett, l-assi ta’ produzzjoni tal-elettriku konvenzjonali ta’ E.ON ikkonċernati mill-konċentrazzjoni huma assi nukleari u mhux impjanti tal-enerġija li jaħdmu bil-faħam, għandu jiġi konkluż li l-Kummissjoni ma kellhiex għalfejn tieħu inkunsiderazzjoni l-bidliet li rriżultaw minn din il-liġi fis-suq tal-produzzjoni u tal-provvista bl-ingrossa tal-elettriku sabiex tantiċipa b’mod raġonevoli l-effetti tal-konċentrazzjoni fuq suq b’hekk iddefinit mill-ġdid. Dan huwa saħansitra ġġustifikat ulterjorament mill-fatt li, peress li l-waqfien gradwali tal-faħam għandu jseħħ sal‑2038, tali eżerċizzju kien ikun jeżiġi mill-Kummissjoni projezzjoni fil-futur imbiegħed, li jista’ jkun ikkaratterizzat mill-okkorrenza ta’ bidliet oħra li għadhom ma humiex prevedibbli u li iżda jistgħu jibdlu wkoll l-istruttura tas-suq.

256    Għaldaqstant, għandu jiġi miċħud l-argument tar-rikorrenti f’dan ir-rigward, l-istess bħall-argument tagħha dwar il-bidla fl-istruttura tas-suq minħabba d-deterjorament tal-pożizzjoni ta’ Uniper b’riżultat tal-għeluq tal-impjanti tal-enerġija tagħha li jaħdmu bil-faħam.

257    Barra minn hekk, ir-rikorrenti ssostni li l-Liġi dwar il-Waqfien Gradwali tal-Faħam tikkawża distorsjoni fil-kompetizzjoni sa fejn il-Gvern Ġermaniż jagħti lil RWE mezzi finanzjarji kunsiderevoli. F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li, fi kwalunkwe każ, kif issostni l-Kummissjoni, din tal-aħħar ma kklassifikatx b’mod preċiż il-mekkaniżmu ta’ sejħiet għall-offerti tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja bħala distorsjoni tal-kompetizzjoni. Għall-kuntrarju, hija kkonkludiet li l-għajnuna li tikkostitwixxi dawn il-mezzi finanzjarji hija kompatibbli mas-suq intern [id-Deċiżjoni C(2020) 8065 final tal-Kummissjoni tal‑25 ta’ Novembru 2020 dwar l-għajnuna mill-Istat SA.58181 (2020/N) – Il-mekkaniżmu ta’ sejħiet għall-offerti għall-waqfien gradwali tal-użu tal-faħam fil-Ġermanja].

258    Minn dak kollu li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li l-Kummissjoni ma kellhiex disponibbli għaliha elementi li jippermettulha twettaq analiżi prospettiva bbażata fuq perijodu itwal minn dak li hija kkunsidrat, jiġifieri minn 3 sa 5 snin min-notifika tal-konċentrazzjoni. Għaldaqstant, hija ma wettqitx żball manifest ta’ evalwazzjoni fid-delimitazzjoni tal-perijodu ta’ analiżi.

259    Għaldaqstant, l-ilment ibbażat fuq delimitazzjoni żbaljata tal-perijodu ta’ analiżi għandu jiġi miċħud.

d)      Fuq ittielet ilment, ibbażat fuq levalwazzjoni żbaljata tassetgħa fissuq ta’ RWE

260    Ir-rikorrenti tikkritika lill-Kummissjoni li evalwat b’mod żbaljat il-pożizzjoni fis-suq ta’ RWE, billi kkonkludiet li ż-żieda fis-setgħa fis-suq ta’ RWE ma kinitx xkiel. Fl-ewwel lok, hija ssostni li l-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni biss, sabiex tanalizza s-setgħa tas-suq ta’ RWE, il-partijiet mis-suq ta’ din l-impriża. Fit-tieni lok, il-Kummissjoni wettqet żball fl-analiżi tal-partijiet mis-suq u ta’ fatturi rilevanti oħra, jiġifieri r-rwol ċentrali ta’ RWE fis-suq tal-produzzjoni u tal-provvista bl-ingrossa tal-elettriku, l-inċentivi ta’ RWE għal strateġiji ta’ żamma ta’ kapaċità u ta’ użi strateġiċi oħra tal-portafoll ta’ produzzjoni tagħha u r-rwol ċentrali ta’ RWE fis-suq tas-servizzi ta’ bbilanċjar u dawk awżiljarji.

261    Il-Kummissjoni, sostnuta minn E.ON u minn RWE, tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

262    Għandha tiġi eżaminata kull waħda mill-kritiki mqajma mir-rikorrenti, l-ewwel dik dwar il-fatturi meħuda inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni.

1)      Fuq lelementi meħuda inkunsiderazzjoni millKummissjoni għallfinijiet talanaliżi tagħha tassetgħa fissuq ta’ RWE

263    Ir-rikorrenti tikkritika lill-Kummissjoni talli wettqet l-analiżi tas-setgħa fis-suq dejjem tikber ta’ RWE billi bbażat ruħha esklużivament fuq il-partijiet mis-suq, mingħajr ma ħadet inkunsiderazzjoni fatturi supplimentari. Il-Kummissjoni naqqset l-iskala tal-analiżi tas-setgħa fis-suq għall-partijiet mis-suq tal-produtturi, ikkalkolati abbażi tal-kwantitajiet ta’ elettriku prodotti u tal-kapaċitajiet, mingħajr ma rrikorriet għal fatturi oħra rilevanti skont l-istandards tal-kontroll tal-konċentrazzjonijiet u użati fl-analiżi preċedenti tas-suq Ġermaniż tal-produzzjoni u tal-provvista bl-ingrossa tal-elettriku. B’mod iktar speċifiku, ir-rikorrenti tagħmel riferiment għal-livell ta’ konċentrazzjoni kkalkolat abbażi tal-indiċi ta’ Herfindahl-Hirschman (iktar ’il quddiem l-“IHH”), għar-rwol ċentrali ta’ RWE, muri mill-indiċi RSI, għall-analiżijiet prodotti minn terzi u għall-istudju Oxera u saħansitra għall-investigazzjoni tas-suq. B’hekk, il-Kummissjoni ma indirizzatx il-parti l-kbira tal-problemi ta’ kompetizzjoni li jirriżultaw mill-konċentrazzjoni. B’dan il-mod, il-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni.

264    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, fl-eżami tagħha, il-Kummissjoni ttrattat il-partijiet mis-suq prinċipalment fit-Taqsima 5.1.1 tad-Deċiżjoni kkontestata, intitolata “Struttura tas-suq” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (punti 25 sa 29), u fit-Taqsima 5.1.2 tad-Deċiżjoni kkontestata, intitolata “Iż-żieda li tirriżulta mill-konċentrazzjoni” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (punti 30 sa 35).

265    Barra minn hekk, il-Kummissjoni ddeskriviet fid-dettall “L-iskema ta’ sussidji għall-assi li jipproduċu minn enerġija rinnovabbli” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (Taqsima 5.1.3 tad-Deċiżjoni kkontestata, punti 36 sa 39), kif ukoll “Il-perspettiva tal-parti notifikanti” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (Taqsima 5.1.4 tad-Deċiżjoni kkontestata, punti 40 sa 42), ibbażata prinċipalment fuq, l-ewwel, l-ammont baxx kumulattiv tal-partijiet mis-suq, it-tieni, iż-żieda minima tagħhom, it-tielet, il-preżenza ta’ kompetituri oħra u, ir-raba’, in-nuqqas ta’ żieda fir-rwol ċentrali ta’ RWE.

266    Fid-dawl tal-partijiet mis-suq u tal-elementi msemmija fil-punt preċedenti, il-Kummissjoni wettqet l-analiżi tagħha fit-Taqsima 5.1.5 intitolata “L-evalwazzjoni tal-Kummissjoni” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (punti 43 sa 65). Il-Kummissjoni ddeterminat f’dik it-taqsima li, fid-dawl taż-żieda limitata u tan-natura temporanja tal-partijiet mis-suq fis-suq kollu jew fis-segmenti kollha previsti, ma huwiex probabbli, prima facie, li din iż-żieda se ssaħħaħ b’mod sostanzjali s-setgħa fis-suq ta’ RWE (punt 47 tad-Deċiżjoni kkontestata).

267    Madankollu, il-Kummissjoni ma waqfitx b’din il-konstatazzjoni. Fil-fatt, hija rrikonoxxiet li, minħabba n-natura tas-suq tal-produzzjoni u l-provvista bl-ingrossa tal-elettriku, impriża b’partijiet mis-suq limitati tista’, madankollu, tkun f’pożizzjoni li tinfluwenza l-prezzijiet. Konsegwentement, hija analizzat il-kapaċità u l-interess ta’ RWE li tinfluwenza l-prezzijiet (punt 48 tad-Deċiżjoni kkontestata). Il-Kummissjoni bdiet din l-analiżi bl-evalwazzjoni tar-riskju marbut mal-istrateġiji ta’ żamma tal-kapaċità (punti 49 sa 58 tad-Deċiżjoni kkontestata) u kkonkludiet li, fid-dawl tal-portafoll ta’ produzzjoni ta’ RWE u tat-tweġibiet għall-investigazzjoni tas-suq, li l-konċentrazzjoni ma kinitx se żżid il-kapaċità ta’ RWE li żżomm parti mill-produzzjoni tagħha b’xi mod determinanti (punt 54 tad-Deċiżjoni kkontestata). Sussegwentement, il-Kummissjoni eżaminat l-analiżijiet tal-RSI ppreżentati minn RWE u minn terzi (Taqsima 5.1.5.1 tad-Deċiżjoni kkontestata, punti 59 sa 65) u kkonkludiet li dawn ma kinux ser iwassluha sabiex tibdel il-konklużjoni tagħha, jiġifieri li l-konċentrazzjoni ma kinitx tibdel sostanzjalment il-kapaċità jew l-interess ta’ RWE li toħloq distorsjoni fil-kompetizzjoni (punt 65 tad-Deċiżjoni kkontestata).

268    Fid-dawl tal-partijiet mis-suq u, b’mod partikolari, taż-żieda baxxa u temporanja tagħhom, tal-analiżi tagħha tal-kapaċità ta’ żamma ta’ RWE u tal-analiżijiet tar-rwol ċentrali ta’ RWE, il-Kummissjoni kkonstatat li l-konċentrazzjoni ma kienet toħloq l-ebda dubju serju dwar il-kompatibbiltà tagħha mas-suq intern. Għall-Kummissjoni, din il-konstatazzjoni hija valida indipendentement minn jekk is-suq tal-produzzjoni u tal-provvista bl-ingrossa tal-elettriku fil-Ġermanja jitqiesx li jinkludi l-produzzjoni kollha jew li huwa maqsum bejn il-produzzjoni tal-elettriku konvenzjonali u dik tal-elettriku rinnovabbli (Taqsima 5.1.6 tad-Deċiżjoni kkontestata, punt 66).

269    Barra minn hekk, fid-dawl tan-natura tal-industrija kkonċernata, il-Kummissjoni ddeċidiet li tanalizza elementi oħra li jistgħu juru effett fuq is-swieq f’termini tal-kompetizzjoni, bħall-analiżijiet ibbażati fuq l-indiċi RSI meta mqabbla mar-rwol ċentrali jew mal-indiċi “Return on Withholding Capacity Index” (l-Indiċi ta’ Redditu fuq il-Kapaċitajiet Miżmuma, iktar ’il quddiem l-“indiċi RWC”) sabiex tanalizza l-kapaċità ta’ żamma. Il-Kummissjoni ħadet ukoll inkunsiderazzjoni t-tweġibiet għall-investigazzjoni tas-suq, li għalihom għamlet bosta riferimenti (punti 53, 59, 67, 71, 92, 94 u n-nota 9 ta’ qiegħ il-paġna tad-Deċiżjoni kkontestata). Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni analizzat it-tħassib ta’ wħud mit-terzi li wieġbu għall-investigazzjoni tas-suq dwar is-sehem minoritarju ta’ RWE f’E.ON kif ukoll fuq l-effetti tal-konċentrazzjoni fuq swieq oħra minbarra s-suq tal-produzzjoni u tal-provvista bl-ingrossa tal-elettriku fil-Ġermanja.

270    Ċertament, kif issostni r-rikorrenti, il-Kummissjoni ma analizzatx, fid-Deċiżjoni kkontestata, l-indiċi IHH.

271    Skont il-punt 14 tal-Linji gwida, il-livell ta’ konċentrazzjoni spiss jagħti indikazzjoni inizjali utli dwar l-istruttura tas-suq u l-importanza tal-partijiet fil-konċentrazzjoni. Mill-punt 16 tal-Linji gwida jirriżulta wkoll li l-livell ta’ konċentrazzjoni globali ta’ suq jista’ jikkostitwixxi informazzjoni siewja dwar il-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni. Issa, skont dan l-aħħar punt, sabiex tikkalkola l-livelli ta’ konċentrazzjoni, il-Kummissjoni spiss tapplika l-IHH, li huwa ugwali għas-somma tal-kwadri tal-partijiet mis-suq ta’ kull waħda mill-impriżi preżenti fis-suq. Għalkemm il-livell assolut tal-IHH jista’ jagħti indikazzjoni inizjali tal-pressjonijiet kompetittivi li ser jiġu eżerċitati fis-suq wara l-konċentrazzjoni, il-varjazzjoni tal-IHH, magħrufa bl-isem “delta”, hija indikatur utli tal-bidla fil-livell ta’ konċentrazzjoni li tirriżulta direttament mill-operazzjoni. Madankollu, la l-punt 14 u lanqas il-punt 16 tal-Linji gwida ma jeżiġu li l-Kummissjoni tikkunsidra l-IHH fid-deċiżjonijiet kollha tagħha (ara s-sentenza tas‑7 ta’ Ġunju 2013, Spar Österreichische Warenhandels vs Il‑Kummissjoni, T‑405/08, mhux ippubblikata, EU:T:2013:306, punti 65 u 66 u l-ġurisprudenza ċċitata).

272    Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li l-punti 19 sa 21 tal-Linji gwida jiddefinixxu, essenzjalment, il-limiti tal-IHH li taħthom konċentrazzjoni ma toħloqx, probabbilment, problemi kompetittivi. B’hekk, fil-Linji gwida, il-Kummissjoni tqis, b’mod partikolari, li huwa improbabbli li operazzjoni tqajjem problemi ta’ kompetizzjoni orizzontali f’suq meta l-IHH, fi tmiem l-operazzjoni, ikun bejn 1 000 u -2 000 u meta d-delta jkun inqas minn 250, jew meta l-IHH, fi tmiem l-operazzjoni, ikun ogħla minn 2 000 u meta d-delta jkun inqas minn 150, ħlief f’każijiet eċċezzjonali.

273    F’dan il-każ, għandu jiġi rrilevat li r-rikorrenti ma tipprovdix il-kalkoli proprji tagħha tal-IHH. Issa, hija kellha tagħmel dan sabiex turi li, kieku l-Kummissjoni kienet ħaditu inkunsiderazzjoni, hija kienet tasal għal konklużjoni differenti dwar l-effetti tal-konċentrazzjoni fuq is-suq.

274    Minn dak li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li l-Kummissjoni mhux biss ħadet inkunsiderazzjoni fatturi rilevanti oħra minbarra l-partijiet mis-suq sabiex tevalwa s-setgħa fis-suq ta’ RWE, iżda li, barra minn hekk, ir-rikorrenti ma wrietx kif it-teħid inkunsiderazzjoni tal-IHH, li ma kienx meħtieġ skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 271 iktar ’il fuq, jew ta’ xi fatturi possibbli oħra seta’ jikkontesta l-konklużjonijiet tal-Kummissjoni.

275    Għaldaqstant, għandha tiġi eżaminata l-analiżi li għamlet il-Kummissjoni, l-ewwel, tal-partijiet mis-suq ta’ RWE u, it-tieni, ta’ fatturi oħra.

2)      Fuq lanaliżi talpartijiet missuq

276    Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni fl-evalwazzjoni tal-partijiet mis-suq.

277    F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, ir-rikorrenti tagħmel użu minn data differenti minn dik trażmessa mill-partijiet fil-konċentrazzjoni li fuqha l-Kummissjoni bbażat ruħha sabiex tanalizza l-partijiet mis-suq ta’ RWE. Issa, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma tindikax l-eżistenza ta’ norma ġuridika li tipprojbixxi lill-Kummissjoni milli tibbaża ruħha fuq id-data pprovduta mill-partijiet fil-konċentrazzjoni stess fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva jew, għall-kuntrarju, li tobbligaha twettaq l-investigazzjoni proprja tagħha tas-suq indipendentement mid-data pprovduta mill-partijiet fil-konċentrazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑7 ta’ Ġunju 2013, Spar Österreichische Warenhandels vs Il‑Kummissjoni, T‑405/08, mhux ippubblikata, EU:T:2013:306, punt 126).

278    Barra minn hekk, ir-rikorrenti tillimita ruħha li tuża d-data tagħha stess mingħajr ma tispjega r-raġunijiet għaliex id-data użata mill-Kummissjoni ma hijiex korretta.

279    Issa, ma huwiex biżżejjed li r-rikorrenti tuża data differenti minn dik użata mill-Kummissjoni fid-Deċiżjoni kkontestata sabiex tistabbilixxi l-iżball manifest ta’ evalwazzjoni mwettaq mill-Kummissjoni mingħajr ma tipproduċi prova konkreta tali li turi li t-teħid inkunsiderazzjoni tad-data fid-Deċiżjoni kkontestata jikkostitwixxi żball manifest ta’ evalwazzjoni mill-Kummissjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑7 ta’ Ġunju 2013, Spar Österreichische Warenhandels vs Il‑Kummissjoni, T‑405/08, mhux ippubblikata, EU:T:2013:306, punt 156).

280    Minn dak li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li r-rikorrenti ma wrietx li d-data użata mill-Kummissjoni ma kinitx korretta.

281    Fit-tieni lok, għandu jiġi vverifikat jekk il-Kummissjoni wettqitx żball manifest ta’ evalwazzjoni fl-analiżi tagħha tad-data li hija użat.

282    Għandu jitfakkar li, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tagħha tal-effetti antikompetittivi ta’ konċentrazzjoni, il-Kummissjoni tqabbel il-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni kif jirriżultaw mill-operazzjoni nnotifikata ma’ dawk li kien ikun hemm fis-suq li kieku l-konċentrazzjoni ma seħħitx (sentenza tat‑23 ta’ Mejju 2019, KPN vs Il‑Kummissjoni, T‑370/17, EU:T:2019:354, punt 115).

283    Għandu jiġi rrilevat li l-eżistenza ta’ partijiet fis-suq ta’ portata kbira hija sinjifikattiva ħafna u r-relazzjoni bejn il-partijiet fis-suq miżmumin mill-impriża (jew mill-impriżi) parti(jiet) fil-konċentrazzjoni u mill-kompetituri taghħa (tagħhom), b’mod partikolari dawk li jsegwuha (jsegwuhom) immedjatament, tikkostitwixxi indizju validu tal-eżistenza ta’ pożizzjoni dominanti. Barra minn hekk, parti mis-suq partikolarment kbira tista’ fiha nnifisha tikkostitwixxi l-prova tal-eżistenza ta’ pożizzjoni dominanti, speċjalment meta l-operaturi l-oħra fis-suq ikollhom biss partijiet ħafna iżgħar (sentenza tat‑23 ta’ Frar 2006, Cementbouw Handel & Industrie vs Il‑Kummissjoni, T‑282/02, EU:T:2006:64, punt 201). A contrario, il-konċentrazzjonijiet li, minħabba l-parti mis-suq limitata tal-impriżi kkonċernati, ma jistgħux ifixklu l-kompetizzjoni effettiva jistgħu jiġu preżunti li huma kompatibbli mas-suq intern (premessa 32 tar-Regolament Nru 139/2004).

284    Mill-punt 17 tal-Linji gwida jirriżulta, minn naħa, li huwa biss parti mis-suq partikolarment kbira ta’ 50 % u iktar li tista’, fiha nnifisha, tikkostitwixxi l-prova tal-eżistenza ta’ pożizzjoni dominanti fis-suq u, min-naħa l-oħra, li, għalkemm b’parti mis-suq ta’ inqas minn 50 % il-konċentrazzjoni tista’ madankollu tqajjem problemi ta’ kompetizzjoni, dan ikun minħabba fatturi oħra, bħal, b’mod partikolari, is-saħħa tal-kompetituri u n-numru tagħhom (sentenza tas‑7 ta’ Ġunju 2013, Spar Österreichische Warenhandels vs Il‑Kummissjoni, T‑405/08, mhux ippubblikata, EU:T:2013:306, punt 59).

285    Huwa għalhekk f’dan il-kuntest li għandu jiġi ddeterminat jekk, f’dan il-każ, kif issostni r-rikorrenti, il-Kummissjoni wettqitx żball manifest ta’ evalwazzjoni meta evalwat b’mod żbaljat il-pożizzjoni fis-suq ta’ RWE u meta kkonkludiet li ż-żieda fis-setgħa fis-suq ta’ RWE ma kinitx xkiel.

286    F’dan il-każ, l-ewwel, il-Kummissjoni rrilevat, fil-punti 26 et seq. tad-Deċiżjoni kkontestata, li, fis-suq tal-produzzjoni u tal-provvista bl-ingrossa tal-elettriku, RWE kellha, qabel il-konċentrazzjoni, fis-suq tal-produzzjoni kollha tal-elettriku, parti mis-suq ta’ bejn 20 % u 30 %, jiġifieri [kunfidenzjali] (1) %, għall-produzzjoni tal-elettriku u ta’ bejn 20 % u 30 %, jiġifieri [kunfidenzjali] %, għall-kapaċità ta’ produzzjoni installata. Bis-saħħa tal-konċentrazzjoni, RWE kienet ser takkwista parti mis-suq addizzjonali ta’ bejn 0 % u 1 %, jiġifieri [kunfidenzjali] %, (jew [kunfidenzjali] TWh) tal-produzzjoni kollha tal-elettriku u ta’ bejn 0 % u 1 %, jiġifieri [kunfidenzjali] %, (jew [kunfidenzjali] MW) tal-kapaċità ta’ produzzjoni installata (punt 27, Tabella 1 u n-nota 26 ta’ qiegħ il-paġna tad-Deċiżjoni kkontestata). Madankollu, minħabba l-konċentrazzjoni M.8870, iż-żieda kienet se tkun biss bejn 0 % u 1 %, jiġifieri [kunfidenzjali] %, għall-produzzjoni tal-elettriku (jew [kunfidenzjali] TWh) u bejn 0 % u 1 %, jiġifieri [kunfidenzjali]%, (jew [kunfidenzjali] MW) għall-kapaċità ta’ produzzjoni installata (punt 34 u n-nota 36 ta’ qiegħ il-paġna tad-Deċiżjoni kkontestata). Dan huwa spjegat mill-fatt li, permezz tal-konċentrazzjoni M.8870, ċerti assi ta’ produzzjoni ta’ innogy, eks sussidjarja ta’ RWE, kienu se jiġu ttrasferiti lil E.ON.

287    It-tieni, il-Kummissjoni rrilevat, fir-rigward tal-produzzjoni tal-elettriku konvenzjonali, li, qabel il-konċentrazzjoni, RWE kellha parti mis-suq ta’ bejn 30 % u 40 %, jiġifieri [kunfidenzjali] %, għall-produzzjoni tal-elettriku u ta’ bejn 20 % u 30 %, jiġifieri [kunfidenzjali] %, għall-kapaċità ta’ produzzjoni installata u li l-konċentrazzjoni kienet se tagħti lil RWE parti mis-suq addizzjonali ta’ bejn 0 % u 1 %, jiġifieri [kunfidenzjali] %, (jew [kunfidenzjali] TWh) għall-produzzjoni tal-elettriku jew ta’ bejn 0 % u 1 %, jiġifieri [kunfidenzjali] % (jew madwar [kunfidenzjali MW) għall-kapaċità ta’ produzzjoni installata (punt 28, Tabella 2 u n-nota 28 ta’ qiegħ il-paġna tad-Deċiżjoni kkontestata). Minħabba l-konċentrazzjoni M.8870, iż-żieda kienet se tkun biss bejn 0 % u 1 %, jiġifieri [kunfidenzjali] %, għall-produzzjoni tal-elettriku (punt 34 tad-Deċiżjoni kkontestata).

288    It-tielet, fir-rigward tal-produzzjoni tal-elettriku rinnovabbli, il-Kummissjoni rrilevat li, qabel il-konċentrazzjoni, RWE kellha parti mis-suq ta’ bejn 0 % u 5 %, jiġifieri [kunfidenzjali] %, għall-produzzjoni tal-elettriku u ta’ bejn 0 % u 5 %, jiġifieri [kunfidenzjali] %, għall-kapaċità ta’ produzzjoni installata u li l-konċentrazzjoni kienet se tagħti lil RWE parti mis-suq addizzjonali ta’ bejn 0 % u 1 %, jiġifieri [kunfidenzjali] %, (jew [kunfidenzjali] TWh) għall-produzzjoni tal-elettriku u ta’ bejn 0 % u 1 %, jiġifieri [kunfidenzjali] % (jew madwar [kunfidenzjali MW) għall-kapaċità ta’ produzzjoni installata (punt 29, Tabella 3 u n-nota 31 ta’ qiegħ il-paġna tad-Deċiżjoni kkontestata). Minħabba l-konċentrazzjoni M.8870, iż-żieda kienet se tkun biss bejn 0 % u 1 %, jiġifieri [kunfidenzjali] %, għall-produzzjoni tal-elettriku (punt 34 tad-Deċiżjoni kkontestata).

289    Konsegwentement, il-konċentrazzjoni tagħti lil RWE parti addizzjonali mis-suq ta’ mhux iktar minn bejn 0 % u 1 %, jiġifieri [kunfidenzjali] %. Żieda limitata bħal din fiha nnifisha ma tistax titqies bħala sinjifikattiva.

290    Għandu jiġi konkluż li l-Kummissjoni ma wettqitx żball manifest ta’ evalwazzjoni meta qieset li l-konċentrazzjoni ma twassalx għal żieda sinjifikattiva fl-ishma mis-suq ta’ RWE, irrispettivament mid-delimitazzjoni tas-suq adottat.

291    Barra minn hekk, permezz tad-dekummissjonar ta’ Gundremmingen C ippjanata għall‑31 ta’ Diċembru 2021 u dik ta’ Emsland ippjanata għal mhux iktar tard mill‑31 ta’ Diċembru 2022, parti miż-żieda fis-sehem mis-suq se tiġi assorbita, jiġifieri [kunfidenzjali] minn [kunfidenzjali] TWh ta’ produzzjoni u [kunfidenzjali] minn [kunfidenzjali] MW tal-kapaċità ta’ produzzjoni installata. B’lekk, iż-żieda dejjiema ser tkun dik relatata mal-kapaċità tal-parks eoliċi u li tammonta għal [kunfidenzjali] MW. Sa fejn iż-żieda fil-partijiet mis-suq fis-suq tal-elettriku konvenzjonali hija bbażata esklużivament fuq l-akkwist ta’ impjanti tal-enerġija nukleari, din iż-żieda għandha tgħib kompletament wara l-waqfien gradwali tal-enerġija nukleari ppjanat għal mhux iktar tard mill‑31 ta’ Diċembru 2022. B’hekk, iż-żieda netta fil-partijiet mis-suq wara r-realizzazzjoni tal-konċentrazzjoni M.8871 ser tkun biss bejn 0 % u 1 %, jiġifieri [kunfidenzjali] %, (jew [kunfidenzjali] TWh) għall-produzzjoni tal-elettriku fis-suq tal-produzzjoni u tal-provvista bl-ingrossa tal-elettriku. Barra minn hekk, bil-waqfien gradwali tal-enerġija nukleari sa mhux iktar tard mill‑31 ta’ Diċembru 2022, il-produzzjoni tal-elettriku għandha tonqos b’[kunfidenzjali] TWh. Konsegwentement, iż-żieda fil-partijiet mis-suq wara l-konċentrazzjoni ser tkun temporanja, jew negattiva, mill‑2023.

292    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, il-Kummissjoni ma wettqitx żball manifest ta’ evalwazzjoni meta kkonkludiet li ż-żieda reali li tirriżulta mill-konċentrazzjoni kienet ta’ natura unikament temporanja peress li fil-biċċa l-kbira tagħha kellha tgħib ladarba l-assi nukleari jagħlqu b’mod definittiv sal-aħħar tal‑2022 (punt 35 tad-Deċiżjoni kkontestata). B’hekk, iż-żieda baxxa, minn [kunfidenzjali] % għal [kunfidenzjali] % fis-suq tal-produzzjoni u tal-provvista tal-elettriku konvenzjonali tal-Ġermanja, ser tgħib ladarba jintemm il-waqfien gradwali tal-enerġija nukleari.

293    Din il-konklużjoni ma tistax tiġi kkontestata mill-argumenti l-oħra tar-rikorrenti.

294    L-ewwel, fir-rigward tal-argument li l-Kummissjoni injorat il-fatt li RWE kienet tiddomina s-suq tal-produzzjoni u tal-provvista bl-ingrossa tal-elettriku qabel il-konċentrazzjoni, huwa ċertament minnu li l-Kummissjoni ma ssemmix, fid-Deċiżjoni kkontestata, l-eżistenza ta’ pożizzjoni dominanti preeżistenti ta’ RWE. Madankollu, peress li l-Kummissjoni hija kapaċi tistabbilixxi abbażi tal-elementi tal-fajl li konċentrazzjoni ma hijiex probabbli li toħloq jew issaħħaħ pożizzjoni dominanti, il-Kummissjoni ma hijiex obbligata tistabbilixxi, minn qabel, jekk l-impriża kkonċernata kinitx diġà tgawdi minn pożizzjoni dominanti.

295    Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma wettqitx żball manifest ta’ evalwazzjoni meta ma analizzatx jekk RWE kinitx impriża dominanti qabel il-konċentrazzjoni.

296    Fi kwalunkwe każ, kif inhu indikat fil-punt 310 iktar ’il quddiem, l-element kwantitattiv ewlieni li fuqu tibbaża ruħha r-rikorrenti sabiex issostni l-eżistenza ta’ pożizzjoni dominanti preeżistenti ta’ RWE, jiġifieri r-rwol ċentrali li kellha RWE u mkejjel mill-indiċi RSI tal-istudju Oxera, ma jikkostitwixxix indizju ta’ tali pożizzjoni.

297    It-tieni, ir-rikorrenti ssostni li l-akkwist kważi totali tal-produzzjoni kollha tal-elettriku rinnovabbli ta’ E.ON jippermetti lil RWE tispikka b’mod iktar ċar bħala l-produttur ewlieni tal-elettriku konvenzjonali u ssir il-produttur ewlieni tal-elettriku rinnovabbli. Din il-kombinazzjoni tagħtiha marġni kunsiderevoli ta’ manuvra fis-suq, li jaggrava l-effetti tal-konċentrazzjoni fuq il-kompetizzjoni fid-dawl tal-ostakoli strutturali kbar għad-dħul u tan-neċessità ta’ investiment kapitali sinjifikattiv ħafna u ta’ ppjanar fit-tul.

298    F’dan ir-rigward, kif ġie kkonstatat fil-punti 290 u 292 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni ma wettqitx żball manifest ta’ evalwazzjoni meta kkunsidrat li ż-żieda fil-partijiet mis-suq kienet limitata u temporanja. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tenfasizza ġustament li, fir-rigward tal-produzzjoni minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli, E.ON u RWE għandhom parti żgħira ħafna mis-suq kumulattiv, li tammonta biss għal bejn 0 % u 5 %, jiġifieri [kunfidenzjali] %. Fir-rigward tal-produzzjoni minn sorsi konvenzjonali, minkejja li RWE hija l-ikbar fornitur fil-Ġermanja ([kunfidenzjali] %), iż-żieda netta hija limitata ([kunfidenzjali] %) u, fi kwalunkwe każ, kompletament dovuta għal assi li jaħdmu bl-enerġija nukleari li kellhom jieqfu joperaw b’mod definittiv sal-aħħar tal‑2022 (punt 45 tad-Deċiżjoni kkontestata). B’hekk, il-Kummissjoni kkonkludiet, mingħajr ma wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni, li, prima facie, ma tantx kien probabbli li din iż-żieda ssaħħaħ b’mod sostanzjali s-setgħa ta’ RWE fis-suq Ġermaniż tal-produzzjoni u tal-provvista bl-ingrossa tal-elettriku (punt 47 tad-Deċiżjoni kkontestata).

299    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li, f’dak li jikkonċerna l-analiżi tal-partijiet mis-suq ta’ RWE, il-Kummissjoni ma wettqitx żball manifest ta’ evalwazzjoni.

3)      Fuq irrwol ċentrali ta’ RWE fissuq talproduzzjoni u talprovvista blingrossa talelettriku

300    Ir-rikorrenti tikkritika lill-Kummissjoni talli ma eżaminatx b’mod eżawrjenti t-tisħiħ tar-rwol ċentrali ta’ RWE fis-suq tal-produzzjoni u tal-provvista bl-ingrossa tal-elettriku muri b’mod partikolari mill-indiċi RSI.

301    Skont ir-rikorrenti, fid-dawl b’mod partikolari tal-istudju Oxera, RWE diġà kellha, qabel il-konċentrazzjoni, rwol ċentrali fis-suq tal-produzzjoni u tal-provvista bl-ingrossa tal-elettriku, li kien jirrifletti pożizzjoni dominanti. Permezz tal-konċentrazzjoni, ir-rwol ċentrali ta’ RWE se jissaħħaħ.

302    Kif jirriżulta mill-punt 60 tad-Deċiżjoni kkontestata, analiżi tal-RSI tikkonsisti fid-determinazzjoni ta’ jekk kumpannija għandhiex rwol ċentrali, jiġifieri jekk hijiex indispensabbli sabiex tiġi ssodisfatta d-domanda. Fil-prattika, l-RSI jservi sabiex jiġi vverifikat, għas-sigħat kollha f’sena partikolari, jekk il-kapaċità tal-kompetituri hijiex suffiċjenti sabiex tiġi ssodisfatta d-domanda li kieku l-entità li tirriżulta mill-konċentrazzjoni toħroġ mis-suq.

303    F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni spjegat, fil-punt 60 tad-Deċiżjoni kkontestata, li l-Uffiċċju Federali tal-Akkordji u l-Monopolkommission (il-Kummissjoni tal-Monopolji, il-Ġermanja) qiesu li, peress li fornitur kellu rwol ċentrali għal iktar minn 5 % tas-sigħat ta’ sena partikolari, dan kien indikattiv ta’ setgħa fis-suq.

304    Madankollu, filwaqt li rrikonoxxiet l-utilità tiegħu, il-Kummissjoni qieset, fil-punt 61 tad-Deċiżjoni kkontestata, li l-indiċi RSI kien isofri minn ċerti limitazzjonijiet li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni waqt l-eżami tal-effetti tal-konċentrazzjonijiet. Fil-fatt, kumpannija li ma għandhiex rwol ċentrali tista’ madankollu tinfluwenza l-prezzijiet bl-ingrossa, pereżempju permezz taż-żamma tal-kapaċitajiet. Hija rrilevat ukoll li kumpannija li madankollu kellha rwol ċentrali jista’ jkollha biss interess limitat li teżerċitah peress li d-domanda residwa li ma setgħetx tiġi ssodisfatta mill-kompetituri.

305    Madankollu, filwaqt li spjegat għalfejn hija kienet tqis li l-analiżijiet tal-RSI kienu limitati fl-utilità fil-kontroll tal-konċentrazzjonijiet, il-Kummissjoni ħadithom inkunsiderazzjoni u eżaminathom xorta waħda. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tista’, fil-kuntest tas-setgħa diskrezzjonali tagħha f’dan il-qasam, tiġbed l-attenzjoni lejn il-limitazzjonijiet tal-mudell tal-analiżijiet ekonomiċi bbażati fuq l-indiċi RSI li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni globali tal-konċentrazzjoni (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tas‑6 ta’ Lulju 2010, Ryanair vs Il‑Kummissjoni, T‑342/07, EU:T:2010:280, punti 116 sa 118). Għaldaqstant, ir-rikorrenti ma tistax tikkritika lill-Kummissjoni talli ħadet inkunsiderazzjoni l-limitazzjonijiet tal-analiżijiet ibbażati fuq l-indiċi RSI fil-kuntest tal-analiżi tagħha tar-rwol ċentrali ta’ RWE.

306    Barra minn hekk, il-Kummissjoni indikat, fin-nota 46 ta’ qiegħ il-paġna tad-Deċiżjoni kkontestata, mingħajr ma ġiet kontradetta fuq dan il-punt mir-rikorrenti, li, skont terzi, iż-żieda fir-rwol ċentrali, jiġifieri ż-żieda assoluta fil-perċentwali tas-sigħat kollha tas-sena li matulhom RWE tkun indispensabbli sabiex tiġi ssodisfatta d-domanda, kienet ta’ bejn 0.4 % u 1.1 % għall‑2017 u bejn 0.7 % u 1.1 % għall‑2019.

307    Barra minn hekk, mill-punt 62 tad-Deċiżjoni kkontestata jirriżulta li d-diversi analiżijiet tal-RSI ppreżentati lill-Kummissjoni kollha jaqblu fuq il-fatt li, minn naħa, RWE hija fuq medda ta’ żmien qasira, jiġifieri sal‑2022, fornitur indispensabbli sabiex tiġi ssodisfatta d-domanda għal ħafna inqas minn 10 % tas-sigħat kollha tas-sena, u, min-naħa l-oħra, li kull żieda fil-perijodi li matulhom RWE tkun indispensabbli se tintemm sa mhux iktar tard mill-waqfien gradwali tal-enerġija nukleari ppjanat għall-aħħar tal‑2022.

308    Barra minn hekk, il-Kummissjoni enfasizzat, fil-punt 64 tad-Deċiżjoni kkontestata, li l-istudju Oxera biss kien jipprevedi xenarju bbażat fuq iż-żamma tal-kapaċità ta’ produzzjoni eolika u l-kontroll tal-assi ta’ produzzjoni bbażati fuq sorsi konvenzjonali ta’ enerġija ta’ E.ON li l-effetti tagħhom kienu relattivament sinjifikattivi. Madankollu, il-Kummissjoni tqis li l-ipoteżijiet li fuqhom kien ibbażat l-imsemmi xenarju ma kinux sostnuti mill-fatti tal-każ: minn naħa, RWE ma kinitx f’pożizzjoni li twettaq żamma ta’ kapaċità tal-produzzjoni li tirriżulta minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli fuq bażi ta’ kull siegħa sa fejn l-assi ta’ produzzjoni minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli ma kinux adattati għal interventi ta’ żamma; min-naħa l-oħra, is-sehem minoritarju tagħha f’E.ON ma kienx jagħti lil RWE l-kontroll sħiħ fuq il-ġestjoni ta’ kuljum tal-assi ta’ E.ON.

309    F’dan ir-rigward, kif huwa kkonstatat fil-punti 322 u 391 iktar ’il quddiem, l-affermazzjonijiet tal-Kummissjoni li, minn naħa, il-faċilitajiet tal-produzzjoni tal-elettriku rinnovabbli ma humiex adattati għaż-żamma u, min-naħa l-oħra, li RWE ma kinitx ser tikseb kontroll fuq l-operazzjonijiet ta’ kuljum ta’ E.ON huma ssostanzjati. B’hekk, il-Kummissjoni setgħet tqis, b’mod plawżibbli, li l-ipoteżijiet li fuqhom kien ibbażat il-mudell tal-istudju Oxera ma kinux jirriflettu r-realtà.

310    Barra minn hekk, l-istudju Oxera ma jistax isostni, permezz tar-rwol ċentrali ta’ RWE, l-eżistenza ta’ ostakolu sinjifikattiv għall-kompetizzjoni effettiva. Qabel kollox, minn dan l-istudju jirriżulta li, fl‑2019, mingħajr il-konċentrazzjoni, RWE kellha rwol ċentrali għal 4 % tas-sigħat tas-sena, u b’hekk kienet taħt il-limitu ta’ 5 %, li huwa indikattiv ta’ setgħa fis-suq skont l-Uffiċċju Federali tal-Akkordji u l-Kummissjoni tal-Monopolji, b’tali mod li ma jistax jiġi konkluż li RWE kellha pożizzjoni dominanti f’dan ir-rigward qabel il-konċentrazzjoni. Sussegwentement, iż-żieda fl-RSI wara l-konċentrazzjoni hija limitata. B’hekk, għall‑2019, dan il-mudell jipprevedi li s-sehem mis-sigħat tas-sena li matulhom RWE għandha rwol ċentrali se jiżdied minn 4 % fin-nuqqas tal-konċentrazzjoni għal 5.5 % wara l-konċentrazzjoni, u għall‑2022 minn 8.6 % fin-nuqqas tal-konċentrazzjoni għal 9.9 % wara l-konċentrazzjoni. Dan għalhekk ifisser li ż-żieda fis-sigħat li matulhom RWE għandha rwol ċentrali jiżdied b’1.5 punti perċentwali għall‑2019 u b’1.3 punti perċentwali għall‑2022. B’hekk, iż-żieda fir-rwol ċentrali ta’ RWE kkonstatata mill-istudju Oxera ma hijiex radikalment differenti minn dik ikkonstatata minn terzi u msemmija fil-punt 306 iktar ’il fuq. Barra minn hekk, il-valuri tal-RSI għall‑2024 huma identiċi għas-sitwazzjoni fin-nuqqas tal-konċentrazzjoni u wara l-konċentrazzjoni, li juri li ma hemm ebda żieda fir-rwol ċentrali ta’ RWE minħabba l-konċentrazzjoni wara l-waqfien gradwali tal-enerġija nukleari.

311    Minn dak li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li r-rikorrenti ma wrietx l-eżistenza ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni fl-analiżi magħmula mill-Kummissjoni tar-rwol ċentrali ta’ RWE.

4)      Fuq linċentivi ta’ RWE għal strateġiji ta’ żamma talkapaċità u għal użi strateġiċi oħra talportafoll ta’ produzzjoni tagħha

312    Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni ċaħdet b’mod żbaljat il-potenzjal ta’ żamma tal-kapaċità minn RWE, minn naħa, billi għamlet riferiment għan-natura negliġibbli tat-tkabbir ta’ RWE u, min-naħa l-oħra, billi bbażat ruħha fuq l-investigazzjoni tas-suq minflok ma stmat il-marġni ta’ manuvra addizzjonali. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti ssostni b’mod partikolari li l-indiċi RWC dwar ir-redditu fuq il-kapaċitajiet miżmuma jiżvela li RWE kienet f’pożizzjoni li tinfluwenza l-prezzijiet u li tottimizza d-dħul mill-portafoll tagħha billi żżomm il-kapaċitajiet li għandha diġà qabel il-konċentrazzjoni minħabba s-setgħa tagħha fis-suq. Permezz tal-konċentrazzjoni, RWE tista’ żżomm kapaċitajiet addizzjonali u tibbenefika saħansitra iktar miż-żidiet fil-prezzijiet. B’hekk, l-indiċi RWC dwar ir-redditu fuq il-kapaċitajiet miżmuma juri li ż-żamma kienet profittabbli għal RWE għal diversi eluf ta’ sigħat fis-sena.

313    L-istrateġiji ta’ żamma tal-kapaċità mill-fornituri jikkonsistu fiż-żamma, fiżikament jew ekonomikament, ta’ parti mill-produzzjoni tagħhom sabiex jiskattaw żieda fil-prezzijiet, li jeħtieġ, sabiex wieħed jibbenefika minnhom, il-kombinazzjoni ta’ produzzjoni flessibbli (il-faħam u l-gass) li tista’ tinżamm u l-produzzjoni bażika (l-enerġija nukleari, il-linjite u l-enerġija rinnovabbli) li tibqa’ operattiva u tibbenefika miż-żieda li tirriżulta fil-prezzijiet.

314    Fl-ewwel lok, għandu jitfakkar li hija l-Kummissjoni li għandha tevalwa globalment ir-riżultat tas-sensiela ta’ indizji użati sabiex tiġi evalwata s-sitwazzjoni tal-kompetizzjoni. Fl-applikazzjoni ta’ din l-evalwazzjoni globali, il-Kummissjoni tista’ tipprivileġġa ċerti elementi u twarrab oħrajn. Il-Qorti Ġenerali għandha tistħarreġ il-legalità ta’ dan l-eżami u r-raġunijiet għalih (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Lulju 2010, Ryanair vs Il‑Kummissjoni, T‑342/07, EU:T:2010:280, punt 136).

315    Għandu jiġi kkonstatat li, fil-punt 51 tad-Deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni qieset li l-kapaċità addizzjonali miksuba minn RWE ma kinitx issaħħaħ b’mod sostanzjali l-kapaċità jew l-interess tagħha li twettaq żamma tal-kapaċità.

316    Minn naħa, l-impjanti tal-enerġija li jipproduċu minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli għandhom, fost it-teknoloġiji ta’ produzzjoni flessibbli, l-inqas spejjeż marġinali, b’tali mod li huma l-iktar għaljin biex jinżammu (punt 52 tad-Deċiżjoni kkontestata). Il-produtturi tal-elettriku kkonfermaw, matul l-investigazzjoni tas-suq, li dawn il-faċilitajiet normalment jitħaddmu b’kapaċità sħiħa u li ż-żamma tagħhom, li teknikament hija possibbli, kienet tagħmel sens f’termini ekonomiċi biss f’ċirkustanzi rari fejn il-prezzijiet bl-ingrossa jkunu negattivi (punt 53 tad-Deċiżjoni kkontestata). Il-Kummissjoni qieset, fil-punt 54 tad-Deċiżjoni kkontestata, li l-akkwist tal-parks eoliċi b’riżultat tal-konċentrazzjoni ma kienx iżid il-kapaċità taż-żamma ta’ RWE b’xi mod determinanti. Mill-punt 57 tad-Deċiżjoni kkontestata jirriżulta li dan lanqas ma kien se jżid l-interess ta’ RWE li twettaq żamma tal-kapaċità, peress li ż-żieda netta temporanja ta’ [kunfidenzjali] TWh tal-kapaċità rinnovabbli eolika kienet irremunerata taħt l-iskema tal-“bejgħ dirett” b’tali mod li żieda fil-prezzijiet fis-suq tal-produzzjoni u tal-provvista bl-ingrossa tal-elettriku kellha t-tendenza li tnaqqas b’mod sinjifikattiv il-punt sa fejn impjant li kien jibbenefika mil-Liġi EEG kien jibbenefika minn żieda fil-prezzijiet.

317    Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni rrilevat, fil-punti 55, 56 u 58 tad-Deċiżjoni kkontestata, li ż-żieda fil-kapaċità taż-żamma ta’ RWE permezz tal-akkwist ta’ kapaċitajiet nukleari kienet temporanja u limitata għal [kunfidenzjali] TWh jew bejn 0 % u 1 %, jiġifieri [kunfidenzjali] %, tal-produzzjoni totali u kienet improbabbli li jkollha effett sinjifikattiv fuq l-interess ta’ RWE li tniedi strateġija ta’ żamma tal-kapaċità.

318    Il-Kummissjoni ppreċiżat, fil-punt 63 tad-Deċiżjoni kkontestata, li l-istudju Oxera biss ippreżenta mudell ta’ simulazzjoni li kien intiż sabiex jistma l-interess li RWE kien se jkollha li tikkunsidra żamma tal-kapaċità. Minn dan il-mudell il-Kummissjoni kkonkludiet li, fil-każ ta’ żamma tal-kapaċità ta’ produzzjoni minn sorsi ta’ enerġija konvenzjonali, bħall-impjanti li jaħdmu bil-gass u bil-faħam, l-effetti tal-konċentrazzjoni kienu limitati ħafna.

319    B’hekk, mid-Deċiżjoni kkontestata, b’mod iktar partikolari mill-punt 65 tagħha, jirriżulta li l-Kummissjoni analizzat l-istudju Oxera, li permezz tiegħu r-rikorrenti pprovat issostni l-affermazzjonijiet tagħha fuq il-possibbiltà u l-inċentivi ta’ RWE sabiex iżżomm il-kapaċitajiet, u li hija kkonkludiet li d-diversi analiżijiet ippreżentati, inkluż l-istudju Oxera, ma kinux tali li jibdlu l-konklużjonijiet tagħha.

320    Fit-tieni lok, għandu jiġi vverifikat jekk il-Kummissjoni wettqitx żball manifest ta’ evalwazzjoni fl-analiżi tagħha tar-riskju ta’ żamma tal-kapaċitajiet ta’ produzzjoni.

321    Kif ġie indikat fil-punti 290 u 292 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni ma wettqitx żball manifest meta kkunsidrat li ż-żieda fil-partijiet mis-suq ma kinitx sinjifikattiva u, fi kwalunkwe każ, li din iż-żieda kienet se tkun temporanja. Minn dan għandu jiġi dedott li l-ebda kapaċità addizzjonali ta’ żamma ma tista’ tirriżulta mill-konċentrazzjoni sal-waqfien gradwali tal-enerġija nukleari ppjanat għall-aħħar tal‑2022. Din il-konstatazzjoni hija kkonfermata mill-istudju Oxera, li l-mudell tiegħu juri li, għall‑2024, ma huwa ser ikun hemm l-ebda inċentiv addizzjonali ta’ żamma meta mqabbla mas-sitwazzjoni qabel il-konċentrazzjoni.

322    Fir-rigward tal-kapaċitajiet jew l-inċentivi addizzjonali għaż-żamma miksuba għal medda ta’ żmien qasir, jiġifieri sal-waqfien gradwali tal-enerġija nukleari previst għall-aħħar tal‑2022, minn naħa, fir-rigward tal-impjanti ta’ enerġija rinnovabbli, il-Kummissjoni kkonstatat li l-parteċipanti fl-investigazzjoni tas-suq indikaw li l-impjanti li jaħdmu bl-enerġija rinnovabbli ma setgħux jiġu użati fi strateġiji ta’ żamma. Għandu jiġi kkonstatat ukoll li r-rikorrenti ma tikkontestax il-konstatazzjoni tal-Kummissjoni li l-impjanti ta’ enerġija rinnovabbli għandhom l-inqas spejjeż marġinali fost l-impjanti tal-enerġija, b’tali mod li huma l-iktar profittabbli u l-inqas li jistgħu jinżammu. u miżmuma. Il-Kummissjoni vverifikat ukoll jekk l-akkwist temporanju ta’ kapaċità rinnovabbli supplimentari setax jinkoraġġixxi lil RWE li żżomm l-impjanti tagħha tal-enerġija għajr l-impjanti ta’ enerġija rinnovabbli. F’dan ir-rigward, hija nnotat li żieda possibbli fil-prezzijiet ikkawżata miż-żamma ta’ impjanti oħra tal-enerġija kienet tfisser li r-remunerazzjoni għall-impjanti rinnovabbli mil-Liġi EEG kienet se tonqos. B’hekk, flimkien man-natura temporanja taż-żidiet possibbli fil-kapaċità ta’ żamma, għandu jiżdied li kwalunkwe inċentiv addizzjonali għaż-żamma fuq medda ta’ żmien qasira li jirriżulta mill-kapaċità ta’ enerġija rinnovabbli ser ikun limitat.

323    Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-akkwist ta’ sehem minoritarju fil-kapital tal-impjanti tal-enerġija nukleari Emsland u Gundremmingen C, il-kapaċitajiet jew inċentivi addizzjonali għaż-żamma huma temporanji u limitati, minħabba il-waqfien tagħhom sal-aħħar tal‑2022. Għandu jiġi kkonstatat ukoll li l-istudju Oxera ma stabbilixxiex l-eżistenza ta’ żieda sinjifikattiva fl-inċentivi għaż-żamma. F’dak li jirrigwarda l-enerġija minn sorsi konvenzjonali, l-istudju Oxera ma juri, f’dan ir-rigward, l-ebda bidla sinjifikattiva fil-prezzijiet u n-numru ta’ sigħat li jrendu qligħ marbuta maż-żamma ta’ impjant tal-gass wara l-konċentrazzjoni. Fil-każ taż-żamma ta’ impjant tal-faħam, in-numru ta’ sigħat li jrendu qligħ huwa ftit ogħla għall‑2019 u l‑2022 u prattikament identiku għall‑2024.

324    Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni ma wettqitx żball manifest ta’ evalwazzjoni fir-rigward tal-analiżi tagħha tal-possibbiltà u tal-inċentivi għaż-żamma tal-kapaċitajiet ta’ RWE wara l-konċentrazzjoni.

325    Fit-tielet lok, għandu jiġi analizzat it-tħassib addizzjonali tar-rikorrenti marbut mal-użu strateġiku potenzjali tal-portafoll ta’ produzzjoni ta’ RWE, jiġifieri, l-ewwel, l-istabbiliment ta’ previżjonijiet deliberatament żbaljati fil-qasam tal-elettriku rinnovabbli mir-riħ, it-tieni, l-użu strateġiku tal-perijodu ta’ żmien bejn is-suq tal-jum ta’ qabel u s-suq tal-istess jum iktar volatili u, it-tielet, il-manipulazzjoni tal-prezzijiet.

326    F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni rrilevat, fil-punt 71 tad-Deċiżjoni kkontestata, li l-profitabbiltà ta’ strateġija bbażata fuq previżjonijiet deliberatament żbaljati sabiex tinħoloq domanda ikbar għal servizzi ta’ bbilanċjar ikkaratterizzati minn prezzijiet ogħla kienet diffiċli li tiġi stabbilita u li, barra minn hekk, il-maġġoranza tal-kompetituri li pparteċipaw fl-investigazzjoni tas-suq kienu indikaw li l-fornituri ġeneralment ma kellhom l-ebda interess li jipprovdu previżjonijiet żbaljati tal-produzzjoni minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli. Il-Kummissjoni kkonkludiet, fil-punt 72 tad-Deċiżjoni kkontestata, li l-konċentrazzjoni seta’ jkollha effetti biss f’żewġ xenarji alternattivi, jiġifieri jekk il-kapaċitajiet rinnovabbli ta’ RWE jiżdiedu b’mod sinjifikattiv jew jekk il-pożizzjoni ta’ RWE fis-suq tas-servizzi ta’ bbilanċjar u dawk awżiljarji tissaħħaħ. Peress li r-rikorrenti la kkontestat ir-rilevanza ta’ dawn iż-żewġ xenarji u lanqas ma ppreżentat ipoteżijiet oħra li fihom il-konċentrazzjoni jista’ jkollha effetti, għandu jiġi vverifikat biss jekk dawn iż-żewġ xenarji ġewx irrealizzati f’dan il-każ.

327    Issa, fir-rigward tal-kapaċitajiet eoliċi u l-kapaċitajiet fil-qasam tas-servizzi ta’ bbilanċjar u dawk awżiljarji, ġie konkluż, rispettivament fil-punt 290 iktar ’il fuq u fil-punt 331 iktar ’il quddiem, li l-Kummissjoni setgħet tqis mingħajr ma twettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni li ż-żidiet dovuti għall-konċentrazzjoni kienu limitati u temporanji. Barra minn hekk, il-kapaċità jew l-inċentivi għal RWE li tarbitra l-prezzijiet bi kwalunkwe mod ma humiex marbuta mal-kapaċità jew mal-inċentivi għaż-żamma tal-kapaċitajiet jew mas-suq tal-ibbilanċjar sa fejn il-bejgħ fis-suq ta’ kuljum u l-bejgħ fis-suq tal-istess jum jseħħu fl-istess suq, dak tal-produzzjoni u tal-provvista bl-ingrossa tal-elettriku. In-natura limitata u temporanja ta’ kwalunkwe żieda fil-kapaċità ta’ RWE twassal għall-istess konklużjoni: il-kapaċità u l-inċentivi għal RWE li timmanipula l-prezzijiet jistgħu jiżdiedu biss b’mod limitat u temporanju minħabba l-konċentrazzjoni. Konsegwentement, l-ebda wieħed miż-żewġ xenarji msemmija fil-punt 326 iktar ’il fuq ma ġie rrealizzat.

328    Fi kwalunkwe każ, ikun xi jkun l-effett li ż-żidiet fil-kapaċità jista’ jkollhom fuq medda ta’ żmien qasira, dawn huma inċerti u r-rikorrenti ma stabbilixxietx, skont il-livell ta’ prova meħtieġ, l-eżistenza ta’ indizju partikolarment konvinċenti ta’ ostakolu sinjifikattiv għall-kompetizzjoni effettiva f’dan ir-rigward.

329    Għaldaqstant, għandu jiġi konkluż li l-Kummissjoni ma wettqitx żball manifest ta’ evalwazzjoni fl-analiżi tagħha tat-tħassib addizzjonali li jirriżulta minn użu strateġiku tal-portafoll ta’ produzzjoni ta’ RWE.

5)      Fuq irrwol ċentrali ta’ RWE fissuq tasservizzi ta’ bbilanċjar u dawk awżiljarji

330    Ir-rikorrenti ssostni, essenzjalment, li RWE diġà kienet fornitur ċentrali fis-suq tas-servizzi ta’ bbilanċjar u dawk awżiljarji qabel il-konċentrazzjoni u li, permezz tal-konċentrazzjoni, in-numru ta’ sigħat li matulhom RWE kellha rwol ċentrali jibqa’ l-istess, iżda li E.ON ser tgħib bħala kompetitur. Skont ir-rikorrenti, il-Kummissjoni ma eżaminatx b’mod speċifiku l-fatt li RWE kienet żgurat rwol ċentrali fil-qasam tas-servizzi ta’ bbilanċjar u dawk awżiljarji.

331    Fl-ewwel lok, għandu jiġi rrilevat li l-Kummissjoni, fil-punt 46 tad-Deċiżjoni kkontestata, ikkonkludiet li, fis-suq tas-servizzi ta’ bbilanċjar u awżiljarji, iż-żieda li tirriżulta mill-konċentrazzjoni tkun limitata ħafna u temporanja. Il-Kummissjoni osservat li l-produzzjoni tal-elettriku minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli normalment ma tintużax għall-finijiet ta’ bbilanċjar u li l-kapaċitajiet nukleari kellhom jiġu kklassifikati minn qabel għal dan l-użu. Din il-klassifikazzjoni minn qabel tirriżulta mill-proċess mibdi minn fornitur li jixtieq jipparteċipa fis-suq ta’ bbilanċjar permezz ta’ unità tal-produzzjoni, u li jirreġistra mal-operatur tas-sistema ta’ trażmissjoni kompetenti għas-sejħa għal-offerti fil-qasam tal-enerġija tal-ibbilanċjar. Issa, fir-rigward tal-kapaċitajiet nukleari akkwsitati, minn naħa, l-impjant ta’ Emsland kien, ċertament, ikklassifikat minn qabel, iżda RWE diġà kellha d-drittijiet kollha għall-kummerċjalizzazzjoni tal-enerġija ta’ riżerva. Min-naħa l-oħra, l-impjant ta’ Gundremmingen C huwa kklassifikat minn qabel għall-istabbiliment ta’ riżervi primarji, jiġifieri l-ewwel riżervi tal-elettriku attivati awtomatikament fil-każ ta’ żbilanċ fis-sistema, u terzjarji, jiġifieri t-tielet riżervi tal-elettriku attivati mill-operatur tas-sistema tat-trażmissjoni skont mekkaniżmu ta’ aġġustament, iżda qatt ma pparteċipa fl-irkantar tar-riżervi primarji.

332    Għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti tirrikonoxxi li n-numru ta’ sigħat li matulhom RWE teżerċita rwol ċentrali fis-suq tas-servizzi ta’ bbilanċjar u dawk awżiljarji ma huwiex se jinbidel b’riżultat tal-konċentrazzjoni. Barra minn hekk, l-istudju Oxera josserva li, fil-prattika, l-impjanti tal-enerġija nukleari ma jintużawx għall-finijiet ta’ bbilanċjar u jindika li ma huwiex probabbli li l-konċentrazzjoni jkollha effett dirett fuq is-suq tas-servizzi ta’ bbilanċjar u dawk awżiljarji.

333    Minħabba f’hekk, il-konċentrazzjoni ma għandhiex effett fuq sa fejn RWE hija indispensabbli sabiex tiġi ssodisfatta d-domanda totali tal-elettriku fis-suq tas-servizzi ta’ bbilanċjar u dawk awżiljarji. Għaldaqstant, il-Kummissjoni kkonkludiet, mingħajr ma wettqet żball manifest, li l-livell tar-rwol ċentrali ta’ RWE fis-suq tas-servizzi ta’ bbilanċjar u dawk awżiljarji ma kienx ser jiżdied.

334    Fit-tieni lok, fir-rigward tal-impatt tal-għajbien ta’ E.ON bħala kompetitriċi, għandu jiġi nnotat li, skont l-istudju Oxera, it-tisħiħ tal-pożizzjoni ta’ RWE fis-suq tas-servizzi ta’ bbilanċjar u dawk awżiljarji jirriżulta minn din l-għajbien. Ir-relazzjoni bejn RWE u E.ON hija analizzata fil-punti 339 sa 391 iktar ’il quddiem, iżda huwa diġà possibbli li jiġi kkonstatat li, bil-kapaċitajiet baxxi ta’ produzzjoni li hija żammet wara l-bejgħ ta’ Uniper lil Fortum, E.ON ma setgħetx iżżomm, qabel ir-realizzazzjoni tal-konċentrazzjoni, importanza rilevanti fis-suq tas-servizzi ta’ bbilanċjar u dawk awżiljarji. Barra minn hekk, l-assi ttrasferiti lil RWE permezz tal-konċentrazzjoni ma kellhomx, qabel il-konċentrazzjoni, kapaċitajiet għall-finijiet tal-ibbilanċjar għar-raġunijiet spjegati fid-dettall fil-punt 331 iktar ’il fuq.

335    Minn dan jirriżulta li r-rikorrenti ma rnexxilhiex tikkontesta l-fondatezza tal-konstatazzjonijiet magħmula mill-Kummissjoni fid-Deċiżjoni kkontestata dwar ir-rwol ċentrali ta’ RWE fis-suq tas-servizzi ta’ bbilanċjar u dawk awżiljarji.

6)      Konklużjoni

336    Minn dak kollu li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li, suġġett għall-eżami tal-fondatezza tal-argumenti tar-rikorrenti dwar il-prossimità tal-partijiet għall-konċentrazzjoni (ara l-punti 339 sa 346 iktar ’il quddiem) u l-għajbien dejjiemi ta’ E.ON (ara l-punti 347 sa 365 iktar ’il quddiem), il-Kummissjoni ma wettqitx żball manifest ta’ evalwazzjoni fl-analiżi tagħha tal-impatt tal-konċentrazzjoni fuq is-saħħa fis-suq ta’ RWE. F’dan ir-rigward, hija ġustament ikkunsidrat li l-eżami tal-partijiet mis-suq miksuba permezz tal-konċentrazzjoni kif ukoll ta’ fatturi oħra ma kienx juri li l-konċentrazzjoni setgħet tibdel b’mod sinjifikattiv is-setgħa fis-suq ta’ RWE. Konsegwentement, l-ilment tar-rikorrenti bbażat fuq evalwazzjoni żbaljata tas-setgħa fis-suq ta’ RWE għandu jiġi miċħud.

e)      Fuq irraba’ lment, ibbażat fuq levalwazzjoni żbaljata tarrelazzjoni bejn RWE u E.ON

337    Ir-rikorrenti ssostni, essenzjalment, li l-Kummissjoni ma eżaminatx b’mod xieraq ir-relazzjoni bejn RWE u E.ON u, b’mod partikolari, ir-rabtiet ta’ interdipendenza u l-prossimità bejn RWE u E.ON, l-għajbien dejjiemi ta’ E.ON, l-influwenza deċiżiva ta’ RWE fuq E.ON u l-allokazzjoni tas-swieq tal-elettriku deċiża minn RWE u E.ON. F’dan ir-rigward, kieku l-Kummissjoni eżaminat b’mod korrett u komplut il-fatti relatati mar-relazzjoni bejn RWE u E.ON u wettqet evalwazzjoni ekonomika diliġenti, ma kinitx tiddikjara l-konċentrazzjoni kompatibbli mas-suq intern.

338    Il-Kummissjoni, sostnuta minn E.ON u minn RWE, tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

1)      Fuq irrabtiet ta’ interdipendenza u lprossimità bejn RWE u E.ON

339    Ir-rikorrenti ssostni li, billi ma ħaditx inkunsiderazzjoni r-rabtiet ta’ interdipendenza u l-prossimità bejn RWE u E.ON, il-Kummissjoni ddeterminat b’mod żbaljat is-setgħa fis-suq ta’ RWE.

340    L-ewwel nett, fir-rigward tal-ishma diretti jew indiretti ta’ RWE u ta’ E.ON f’impriżi fis-settur tal-enerġija fil-Ġermanja, ir-rikorrenti tqis, essenzjalment, li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni peress li hija ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-ishma miżmuma minn RWE u E.ON fis-settur tal-enerġija kollu.

341    Madankollu, ir-rikorrenti ma tispjegax x’impatt seta’ jkollhom dawn l-ishma fuq l-analiżi tal-ostakoli għall-kompetizzjoni marbuta mal-konċentrazzjoni. Fil-fatt, ir-rikorrenti tillimita ruħha li ssemmi n-numru ta’ ishma ta’ RWE u ta’ E.ON f’impriżi oħra mingħajr ma tispjega jekk dawn humiex attivi fis-swieq rilevanti, lanqas il-pożizzjonijiet li huma jokkupaw fis-suq, il-mod kif ir-relazzjoni tagħhom ma’ RWE u E.ON tista’ tostakola l-kompetizzjoni jew jekk dawn l-ostakoli ipotetiċi humiex konsegwenzi marbuta mal-konċentrazzjoni.

342    Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li l-Kummissjoni effettivament ħadet inkunsiderazzjoni, waqt l-evalwazzjoni tagħha tal-konċentrazzjoni, il-kapaċitajiet ta’ produzzjoni miżmuma minn sussidjarji u minn impriżi li għandhom parteċipazzjonijiet fil-kapital tagħhom RWE u E.ON. B’hekk, fil-partijiet mis-suq attribwiti lil RWE u lil E.ON fit-Tabella 1 tad-Deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni attribwiet lil RWE u lil E.ON il-kapaċitajiet ta’ produzzjoni kollha li dawn tal-aħħar jikkontrollaw b’mod dirett jew indirett permezz ta’ sussidjarji. Konsegwentement, il-Kummissjoni effettivament ħadet inkunsiderazzjoni l-ishma diretti jew indiretti ta’ RWE u ta’ E.ON.

343    It-tieni, fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li E.ON u RWE huma strutturati u ppożizzjonati b’mod simili ħafna, hija ssostni, essenzjalment, li din il-prossimità tikkostitwixxi indizju supplimentari tas-setgħa mis-suq ta’ RWE.

344    F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti madankollu ma tispjegax kif l-iżvilupp parallel tal-prezzijiet fil-borża ta’ dawn iż-żewġ stokks, kif ukoll ir-riżultat operattiv identifikat jew il-fatt li E.ON u RWE għandhom l-uffiċċju rreġistrat tagħhom fl-istess belt jaffettwaw l-applikazzjoni tad-dritt dwar il-konċentrazzjonijiet u, b’mod partikolari, kif dawn l-elementi jista’ jkollhom effett fuq il-ħolqien jew it-tisħiħ ta’ pożizzjoni dominanti ta’ RWE. Għall-kuntrarju, dawn l-elementi huma ta’ natura sempliċement inċidentali. Fil-fatt, il-fatt li ż-żewġ impriżi għandhom is-sede tagħhom f’Essen (il-Ġermanja) huwa irrilevanti għall-evalwazzjoni tal-effetti tal-konċentrazzjoni fuq is-suq tal-produzzjoni u tal-provvista bl-ingrossa tal-elettriku. Fir-rigward tal-iżvilupp parallel tad-dħul tagħhom u tal-valur fil-borża tagħhom, dan jista’ jiġi spjegat mill-iżvilupp normali ta’ żewġ impriżi attivi fl-istess settur.

345    It-tielet, bl-istess mod, ir-rikorrenti ma tispjegax kif is-sempliċi prossimità ġeografika tal-persunal ta’ RWE u ta’ E.ON tista’ twassal għall-ħolqien ta’ ftehim bejn iż-żewġ impriżi li jikser l-Artikolu 101 TFUE jew id-dritt dwar il-konċentrazzjonijiet.

346    Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma wettqitx żball manifest ta’ evalwazzjoni f’dak li jikkonċerna r-rabtiet ta’ interdipendenza u l-prossimità bejn RWE u E.ON.

2)      Fuq lgħajbien dejjiemi ta’ E.ON

347    Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni naqset milli teżamina l-għajbien ta’ E.ON u l-konsegwenzi negattivi fuq il-kompetizzjoni li jirriżultaw minn dan, li tkun il-problema ċentrali għall-kompetizzjoni li toffri l-konċentrazzjoni.

348    Ir-rikorrenti ssostni, essenzjalment, li E.ON kienet teżerċita pressjoni kompetittiva b’saħħitha fil-konfront ta’ RWE u li r-riżultat l-iktar sinjifikattiv tal-konċentrazzjoni huwa l-għajbien dejjiemi ta’ E.ON bħala kompetitriċi potenzjali fil-qasam tal-produzzjoni tal-elettriku rinnovabbli u fis-suq tas-servizzi ta’ bbilanċjar u dawk awżiljarji. B’hekk, il-Kummissjoni injorat il-punt 27 tal-Linji gwida fid-dawl, l-ewwel, tal-prossimità bejn il-partijiet fil-konċentrazzjoni f’termini ta’ kompetizzjoni, it-tieni, tal-kapaċità tal-impriżi li huma partijiet fil-konċentrazzjoni li jwaqqfu l-espansjoni ta’ kompetituri iżgħar u, it-tielet, tal-eliminazzjoni permezz tal-konċentrazzjoni ta’ mutur importanti tal-kompetizzjoni.

349    Għandu jitfakkar li, kif issemma fil-punt 185 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni hija marbuta bl-avviżi li tadotta fil-qasam tal-kontroll tal-konċentrazzjonijiet, sa fejn dawn ma jmorrux kontra r-regoli tat-Trattat u tar-Regolament Nru 139/2004 (sentenzi tat‑3 ta’ April 2003, BaByliss vs Il‑Kummissjoni, T‑114/02, EU:T:2003:100, punt 143, u tas‑7 ta’ Ġunju 2013, Spar Österreichische Warenhandels vs Il‑Kummissjoni, T‑405/08, mhux ippubblikata, EU:T:2013:306, punt 58).

350    Issa, il-Linji gwida ma jeħtiġux eżami fil-każijiet kollha tal-elementi kollha li jsemmu, peress li l-Kummissjoni għandha setgħa diskrezzjonali li tippermettilha li tagħżel li tieħu jew ma tiħux inkunsiderazzjoni ċerti elementi (sentenza tas‑7 ta’ Ġunju 2013, Spar Österreichische Warenhandels vs Il‑Kummissjoni, T‑405/08, mhux ippubblikata, EU:T:2013:306, punt 274).

351    Fl-aħħar nett, l-istħarriġ ġudizzjarju tal-Qorti Ġenerali fuq id-Deċiżjoni kkontestata ma jistax ikun limitat biss għall-eżami tat-teħid inkunsiderazzjoni jew tal-injorar mill-Kummissjoni ta’ elementi msemmija fil-Linji gwida bħala rilevanti għall-evalwazzjoni tal-effetti ta’ konċentrazzjoni fuq il-kompetizzjoni. Il-Qorti Ġenerali għandha tikkunsidra wkoll, fil-kuntest ta’ dan l-istħarriġ, jekk l-ommisjonijiet possibbli tal-Kummissjoni jistgħux jikkontestaw il-konklużjoni tagħha li din il-konċentrazzjoni ma tqajjimx dubji serji fir-rigward tal-kompatibbiltà tagħha mas-suq intern (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑9 ta’ Lulju 2007, Sun Chemical Group et vs Il‑Kummissjoni, T‑282/06, EU:T:2007:203, punt 61 u l-ġurisprudenza ċċitata).

352    Għandu jiġi kkonstatat li mid-Deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-partijiet mis-suq ta’ RWE qabel il-konċentrazzjoni (fl‑2017) kienu limitati, jiġifieri bejn 20 % u 30 % (b’mod iktar preċiż [kunfidenzjali] %) fis-suq tal-produzzjoni kollha tal-elettriku fil-Ġermanja, bejn 30 % u 40 % (b’mod iktar preċiż [kunfidenzjali] %) fis-suq tal-produzzjoni tal-elettriku konvenzjonali fil-Ġermanja u bejn 0 % u 5 % (b’mod iktar preċiż [kunfidenzjali] %) fis-suq tal-produzzjoni tal-elettriku rinnovabbli fil-Ġermanja u li ż-żidiet rispettivi wara l-konċentrazzjoni li jammontaw għal bejn 0 % u 1 % (jiġifieri [kunfidenzjali] %), bejn 0 % u 1 % (jiġifieri [kunfidenzjali] %) u bejn 0 % u 1 % (jiġifieri [kunfidenzjali] %) f’dawn is-swieq huma limitati (punti 27 sa 29 tad-Deċiżjoni kkontestata). Iż-żieda hija saħansitra iżgħar peress li ċerti assi ta’ produzzjoni ta’ innogy ser jiġu ttrasferiti lil E.ON b’mod permanenti wara l-konċentrazzjoni M.8870, b’tali mod li ż-żieda fil-partijiet mis-suq ta’ RWE wara l-konċentrazzjoni se tkun ta’ [kunfidenzjali] %, [kunfidenzjali] % u [kunfidenzjali] % f’dawn is-swieq rispettivi (punti 33 u 34 tad-Deċiżjoni kkontestata).

353    Meta mqabbla mal-produzzjoni tal-elettriku rinnovabbli, il-Kummissjoni ġustament ikkonstatat, fid-dawl tal-partijiet mis-suq, li din il-produzzjoni kienet ifframmentata, jiġifieri mqassma fost bosta fornituri, u li b’[kunfidenzjali] TWh fl‑2017, RWE kellha parti ta’ bejn 0 % u 5 %, jiġifieri inqas minn [kunfidenzjali] %, u li l-assi ta’ E.ON kienu saħansitra inqas sinjifikattivi, b’[kunfidenzjali] TWh, jiġifieri bejn 0 % u 1 %, jiġifieri [kunfidenzjali] % (punt 29 tad-Deċiżjoni kkontestata). Il-Kummissjoni kkonstatat ukoll, fir-rigward tal-kapaċità totali installata, li RWE kellha parti ta’ bejn 0 % u 5 %, jiġifieri [kunfidenzjali] %, u li l-kapaċità ta’ produzzjoni li tirriżulta minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli tal-assi ta’ E.ON kienet tammonta għal madwar [kunfidenzjali] MW, li tirrappreżenta bejn 0 % u 1 %, bejn wieħed u ieħor [kunfidenzjali] %, tal-kapaċità tal-produzzjoni installata fil-Ġermanja minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli (nota 31 ta’ qiegħ il-paġna tad-Deċiżjoni kkontestata).

354    Kif jirriżulta mill-punti 290, 292 u 321 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni kkonkludiet, mingħajr ma wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni, li ż-żieda tal-partijiet mis-suq ta’ RWE minħabba l-konċentrazzjoni kienet limitata u temporanja.

355    Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, anki jekk il-Kummissjoni naqset milli tanalizza ċerti elementi li huma meħtieġa mill-punt 27 tal-Linji gwida, tali ommissjonijiet ma jistgħux jikkontestaw il-konklużjoni tal-Kummissjoni li l-konċentrazzjoni ma tqajjimx dubji serji fir-rigward tal-kompatibbiltà tagħha mas-suq intern.

356    Barra minn hekk, ir-rikorrenti hija żbaljata dwar il-portata tal-punt 27 tal-Linji gwida. Il-Linji gwida jsemmu bħala elementi tal-kompetizzjoni li għandhom jiġu eżaminati fil-kuntest tal-effetti mhux koordinati, l-ewwel, jekk il-fatt li l-partijiet fil-konċentrazzjoni huma kompetituri mill-qrib ta’ xulxin (punti 28 sa 30); it-tieni, jekk l-entità li tirriżulta mill-konċentrazzjoni tistax twaqqaf l-espansjoni tal-kompetituri (punt 36); jew, it-tielet, jekk il-konċentrazzjoni teliminax mutur importanti tal-kompetizzjoni (punti 37 u 38).

357    Issa, f’dan ir-rigward, l-ewwel, huwa suffiċjenti li jitfakkar li l-partijiet fil-konċentrazzjoni huma RWE u l-assi ta’ E.ON, u mhux RWE u E.ON, b’tali mod li E.ON ma kinitx ser tgħib minħabba l-konċentrazzjoni. It-tieni, ir-rikorrenti tidher li tafferma li RWE u E.ON huma kompetituri mill-qrib ta’ xulxin u li jistgħu jwaqqfu l-espansjoni tal-kompetituri l-oħra. Madankollu, il-mistoqsija hija jekk, minn naħa, l-assi ta’ E.ON akkwistati minn RWE u RWE humiex kompetituri mill-qrib u, min-naħa l-oħra, jekk l-assi ta’ E.ON akkwistati minn RWE u RWE jistgħux iwaqqfu l-espansjoni tal-kompetituri. Issa, ir-rikorrenti titlaq mill-premessa żbaljata li RWE akkwistat lil E.ON kollha hemm hi permezz tas-sehem minoritarju tagħha, li ma huwiex korrett, kif huwa stabbilit fil-punti 366 sa 391 iktar ’il quddiem.

358    It-tielet, f’dak li jirrigwarda l-eliminazzjoni tal-pressjoni kompetittiva fuq RWE eżerċitata minn E.ON minħabba l-konċentrazzjoni, għandu jiġi rrilevat li s-sempliċi tnaqqis fil-pressjoni kompetittiva li jirriżulta, b’mod partikolari, mill-għajbien ta’ impriża li għandha rwol ikbar mill-partijiet tagħha mis-suq ma huwiex fih innifsu suffiċjenti sabiex jagħti prova ta’ ostakolu sinjifikattiv għall-kompetizzjoni effettiva.

359    F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li t-tnaqqis fil-kapaċità tal-produzzjoni ta’ E.ON ma huwiex biss il-konsegwenza tal-konċentrazzjoni.

360    Fil-fatt, minn naħa, għandu jiġi rrilevat li E.ON kienet diġà ħadet id-deċiżjoni, b’mod awtonomu, li tittrasferixxi partijiet essenzjali mill-attività tagħha tal-produzzjoni tal-elettriku konvenzjonali, bl-eċċezzjoni essenzjalment tal-kapaċitajiet tal-impjanti tal-enerġija nukleari, lill-eks sussidjarja tagħha, Uniper, u li tbigħ is-sehem li hija kellha fil-kapital ta’ din tal-aħħar lil Fortum, ħaġa li ma ġietx ikkontestata mir-rikorrenti.

361    Min-naħa l-oħra, il-leġiżlatur Ġermaniż kien iddeċieda li l-impjanti tal-enerġija nukleari ta’ E.ON kellhom jingħalqu sa mhux iktar tard mill-aħħar tal‑2022, b’tali mod li, anki li kieku E.ON żammet dawn l-assi, ma kinitx se tkun tista’ tibqa’ tħaddimhom wara din id-data. Għalhekk, l-attività tal-produzzjoni tal-elettriku ta’ E.ON diġà kienet naqset ħafna qabel il-konċentrazzjoni u kienet se tkompli tonqos.

362    Barra minn hekk, mit-Tabella 1 tad-Deċiżjoni kkontestata jista’ jiġi dedott li kienet biss madwar [kunfidenzjali] tal-produzzjoni totali ta’ E.ON fl‑2017 li ser tiġi akkwistata minn RWE. Meta mqabbla mal-enerġija konvenzjonali, is-sehem mill-produzzjoni totali ta’ E.ON fl‑2017 akkwistata minn RWE se tkun biss ta’ madwar [kunfidenzjali] (Tabella 2 tad-Deċiżjoni kkontestata). Fir-rigward tal-enerġija rinnovabbli, RWE se takkwista erbgħa minn sebgħa l-produzzjoni ta’ E.ON (Tabella 3 tad-Deċiżjoni kkontestata). Għalhekk, E.ON ma hix se tgħib bħala kompetitriċi wara l-konċentrazzjoni.

363    Konsegwentement, jekk l-importanza ta’ E.ON fis-suq tal-produzzjoni u tal-provvista bl-ingrossa tal-elettriku qiegħda tonqos, dan ma huwiex esklużivament marbut mal-konċentrazzjoni, iżda jirriżulta wkoll minn operazzjonijiet oħra mwettqa minn dan l-operatur.

364    Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat ukoll li l-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni kriterji li jmorru lil hinn mill-partijiet mis-suq (punti 48 et seq. tad-Deċiżjoni kkontestata). Għalhekk, għalkemm il-Kummissjoni evalwat ir-relazzjoni kompetittiva bejn E.ON u RWE abbażi, prinċipalment, tal-analiżi tal-partijiet mis-suq, xorta jibqa’ l-fatt li l-Kummissjoni eżaminat elementi oħra bħar-rwol ċentrali jew il-kapaċitajiet ta’ żamma ta’ RWE (ara l-punt 267 iktar ’il fuq), kif ukoll is-sehem minoritarju ta’ RWE f’E.ON (ara l-punt 372 iktar ’il fuq).

365    Minn dak li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li l-Kummissjoni ma kisritx il-punt 27 tal-Linji gwida.

3)      Fuq linfluwenza deċiżiva ta’ RWE fuq E.ON

366    Ir-rikorrenti ssostni li s-sehem f’E.ON mhux biss jagħti lil RWE influwenza deċiżiva fuq deċiżjonijiet importanti tal-impriża, iżda li l-effett u l-għan veru tal-operazzjoni globali huwa pjuttost li jippermetti lil RWE tikkontrolla l-attività operattiva ta’ E.ON u teskludi b’mod konkret u dejjiemi lil E.ON mill-kompetizzjoni dwar il-produzzjoni, filwaqt li teskludi l-possibbiltà li E.ON terġa’ tibda tipproduċi u mill-ġdid issir kompetitriċi ta’ RWE. B’hekk, RWE tista’ tillimita l-kompetizzjoni u ssaħħaħ il-pożizzjoni tagħha fil-produzzjoni permezz tal-influwenza tagħha bħala azzjonista f’E.ON.

367    Preliminarjament, għandu jiġi ċċarat li, fil-kuntest tal-istħarriġ ġudizzjarju tal-mertu tad-Deċiżjoni kkontestata, il-Qorti Ġenerali ma għandhiex teżamina jekk l-influwenza eżerċitata minn RWE fuq E.ON kinitx deċiżiva, fis-sens tal-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 139/2004, iżda biss jekk RWE setgħetx teżerċita influwenza deċiżiva fuq E.ON (ara l-punt 76 tad-Deċiżjoni kkontestata), b’tali mod li l-konċentrazzjoni tkun tista’ toħloq ostakolu sinjifikattiv għall-kompetizzjoni effettiva fis-sens tal-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 139/2004.

368    F’dan ir-rigward, kif tfakkar fil-punt 114 iktar ’il fuq, meta l-interpretazzjoni litterali ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni ma tippermettix li tiġi evalwata l-portata eżatta tagħha, id-dispożizzjoni inkwistjoni għandha tiġi interpretata fuq il-bażi tal-għan tagħha kif ukoll fuq l-istruttura ġenerali tagħha.

369    Rigward l-għanijiet segwiti mir-Regolament Nru 139/2004, mill-premessi 5, 6 u 8 tiegħu jirriżulta li għandu l-għan li jiżgura li r-ristrutturazzjonijiet ta’ impriżi ma jwasslux għal preġudizzju dejjiemi għall-kompetizzjoni. Konsegwentement, skont dawn il-premessi, id-dritt tal-Unjoni għandu jinkludi dispożizzjonijiet applikabbli għall-konċentrazzjonijiet li jistgħu jfixklu b’mod sinjifikattiv il-kompetizzjoni effettiva fis-suq intern jew f’parti sostanzjali minnu u li jippermettu kontroll effettiv tal-konċentrazzjonijiet kollha skont l-effett tagħhom fuq l-istruttura tal-kompetizzjoni fl-Unjoni. Għaldaqstant, dan ir-regolament għandu japplika għall-bidliet strutturali sinjifikattivi li l-effett tagħhom fuq is-suq jestendi lil hinn mill-fruntieri nazzjonali ta’ Stat Membru (sentenza tas‑7 ta’ Settembru 2017, Austria Asphalt, C‑248/16, EU:C:2017:643, punti 20 u 21).

370    Minn perspettiva kompetittiva, il-pussess ta’ ishma minoritarji bejn il-kompetituri wkoll jista’ jipproduċi effetti antikompetittivi kkoordinati billi jinfluwenza l-kapaċità u l-motivazzjoni tal-atturi fis-suq li jiftiehmu b’mod taċitu jew espliċitu sabiex jiksbu benefiċċji suprakompetittivi.

371    Għaldaqstant, il-Kummissjoni hija obbligata li tivverifika, fil-kuntest tal-analiżi tal-konċentrazzjoni, jekk is-sehem minoritarju akkwistat minn RWE f’E.ON jistax iwassal għal ostakolu sinjifikattiv għall-kompetizzjoni effettiva fis-suq intern jew f’parti sostanzjali minnu.

372    F’dan il-każ, il-Kummissjoni analizzat, fid-Deċiżjoni kkontestata, minn naħa, l-effetti orizzontali, jiġifieri t-tnaqqis tal-interess ta’ RWE u ta’ E.ON li jikkompetu fis-suq tal-produzzjoni u tal-provvista bl-ingrossa tal-elettriku, u, min-naħa l-oħra, l-effetti vertikali, iddefiniti bħala l-kapaċità jew l-interess ta’ RWE u ta’ E.ON li jeskludu kompetituri upstream u downstream (punti 75 u 79 sa 95 tad-Deċiżjoni kkontestata).

373    Il-Kummissjoni, RWE u E.ON jagħmlu riferiment għall-ftehim dwar relazzjonijiet bejn l-investituri konkluż bejn RWE u E.ON sabiex tiġi mminimizzata l-influwenza li RWE jista’ jkollha fuq E.ON wara l-akkwist ta’ sehem minoritarju ta’ 16.67 %.

374    L-ewwel, minn dan il-ftehim jirriżulta li d-drittijiet tal-votazzjoni li jistgħu jiġu eżerċitati minn RWE huma limitati għal 16.67 % fil-laqgħat tal-azzjonisti, tkun xi tkun ir-rata ta’ preżenza (punt 76 tad-Deċiżjoni kkontestata).

375    Din il-limitazzjoni setgħet twassal lill-Kummissjoni sabiex tqis, mingħajr ma twettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni, li RWE ma kellha l-ebda influwenza sinjifikattiva fuq l-operat ta’ kuljum tal-assi ta’ produzzjoni ta’ E.ON (punt 81 tad-Deċiżjoni kkontestata). F’dan ir-rigward, anki jekk RWE ssir, permezz ta’ dan is-sehem, l-ikbar azzjonista ta’ E.ON u jekk l-ishma ta’ E.ON ikunu frammentati, xorta jibqa’ l-fatt li d-drittijiet tal-votazzjoni ta’ RWE dejjem se jkunu limitati għad-daqs tas-sehem tagħha, ikun xi jkun in-numru ta’ azzjonijiet irrappreżentati waqt il-votazzjoni fil-laqgħa tal-azzjonisti, fatt li jipprekludi, de facto, lil RWE milli tadotta deċiżjonijiet strateġiċi u tikseb saħansitra kontroll negattiv fuq E.ON permezz ta’ minoranza li timblokka fil-laqgħa tal-azzjonisti.

376    It-tqassim tal-azzjonijiet ta’ E.ON ma jistax jikkontesta din l-evalwazzjoni. Fil-fatt, anki jekk ir-rata ta’ preżenza fil-laqgħat ġenerali tista’ tonqos iktar meta l-azzjonijiet ta’ impriża jkunu fframmentati, id-drittijiet tal-votazzjoni ta’ RWE dejjem jibqgħu limitati għal 16.67 %.

377    Barra minn hekk, permezz ta’ dan il-ftehim, RWE timpenja ruħha li ma teżerċitax id-drittijiet tal-votazzjoni tagħha flimkien ma’ azzjonisti minoritarji oħra; li ma takkwistax iktar ishma supplimentari; li ma tbiddilx l-istruttura legali jew finanzjarja, u lanqas il-ġestjoni, ta’ E.ON; u li ma tużax id-drittijiet tal-votazzjoni tiegħu kontra l-bord ta’ amministrazzjoni jew il-bord superviżorju.

378    Dawn il-limitazzjonijiet kollha għall-eżerċizzju tad-drittijiet soċjali ta’ RWE jillimitaw l-influwenza li RWE tista’ teżerċita fuq E.ON.

379    Ir-rikorrenti tqis, b’mod żbaljat, li l-ftehim dwar ir-relazzjonijiet bejn l-investituri huwa irrilevanti minħabba n-natura kuntrattwali tiegħu.

380    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 139/2004, il-kontroll jirriżulta mid-drittijiet, kuntratti jew mezzi oħra li jagħtu l-possibbiltà li tiġi eżerċitata influwenza determinanti. A contrario, in-nuqqas ta’ possibbiltà li tiġi eżerċitata influwenza determinanti jista’ joriġina minn dispożizzjonijiet kuntrattwali. B’analoġija, l-eżistenza jew l-assenza ta’ influwenza deċiżiva li tista’ tikkontribwixxi għall-ħolqien ta’ ostakolu sinjifikattiv għall-kompetizzjoni effettiva fis-sens tal-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 139/2004 għandha tkun tista’ tirriżulta minn dispożizzjoni kuntrattwali.

381    Fi kwalunkwe każ, u indipendentement mit-trattament ta’ dan il-ftehim mid-dritt Ġermaniż, in-nuqqas ta’ osservanza tal-ftehim dwar ir-relazzjonijiet bejn l-investituri jew emenda ta’ dan il-ftehim, sa fejn dan in-nuqqas ta’ osservanza jippermetti lil RWE takkwista influwenza determinanti fuq E.ON, fil-fatt jew fid-dritt, għandu jiġi eżaminat bħala konċentrazzjoni ġdida suġġetta għall-obbligu ta’ notifika skont l-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 139/2004.

382    B’hekk, l-argument li RWE tikseb influwenza deċiżiva fuq E.ON wara l-akkwist tas-sehem minoritarju, fid-dawl tal-fatt li RWE ssir l-ikbar azzjonista individwali ta’ E.ON u li l-azzjonisti ta’ E.ON huma fframmentati, ma huwiex sostnut mill-fatti. Għaldaqstant, ir-rikorrenti ma tistax turi li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni f’dan ir-rigward.

383    It-tieni, fir-rigward tal-impatt ta’ parteċipazzjoni baxxa fil-laqgħat ġenerali fuq il-kapaċità ta’ RWE li tinfluwenza lil E.ON, huwa biżżejjed li jiġi enfasizzat li r-restrizzjoni imposta fuq id-drittijiet tal-votazzjoni ta’ RWE mill-ftehim dwar ir-relazzjonijiet mal-investituri tipprevjeni lil RWE milli teżerċita influwenza deċiżiva fuq il-laqgħa ġenerali ta’ E.ON. Anki jekk, kif isostni r-rikorrenti, il-parteċipazzjoni f’laqgħa ġenerali ta’ E.ON tkun biss medja ta’ 38.35 % matul is-seba’ snin ta’ qabel il-konċentrazzjoni, RWE ma setgħetx teżerċita d-drittijiet tal-votazzjoni tagħha għal iktar minn 6.39 % tal-kapital azzjonarju ta’ E.ON. L-argument li l-istorja u l-kultura komuni u s-sovrappożizzjoni tal-attivitajiet tagħhom fis-suq huma indikazzjonijiet li RWE ssegwi interessi strateġiċi fi ħdan l-E.ON, u mhux biss interessi finanzjarji, huwa irrilevanti fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tal-ftehim dwar ir-relazzjonijiet bejn l-investituri.

384    It-tielet, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni ma eżaminatx b’mod xieraq l-influwenza kollettiva eżerċitata minn RWE u [kunfidenzjali]. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti ssostni li [kunfidenzjali] kellha, fil-mument tal-adozzjoni tad-Deċiżjoni kkontestata, madwar 6.5 % tal-azzjonijiet ta’ E.ON u madwar 6.18 % tal-azzjonijiet ta’ RWE.

385    Għandu jiġi osservat li l-“azzjonisti komuni”, fi kliem ieħor iż-żamma mill-istess investituri istituzzjonali ta’ azzjonijiet f’impriżi kompetituri u l-effetti kompetittivi mhux koordinati tagħha, reċentement ittieħdu inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni.

386    Fil-prassi deċiżjonali tagħha, il-Kummissjoni qieset li, fil-preżenza ta’ azzjonisti komuni, li kienu realtà f’ċerti setturi, il-miżuri ta’ konċentrazzjoni, bħall-partijiet mis-suq jew l-IHH, setgħu jissottovalutaw il-livell ta’ konċentrazzjoni tal-istruttura tas-suq u, konsegwentement, is-setgħa fis-suq tal-partijiet. Għalhekk, l-azzjonijiet komuni f’dawn l-industriji kellhom jitqiesu bħala element kuntestwali fl-evalwazzjoni ta’ kwalunkwe ostakolu sinjifikattiv għall-kompetizzjoni effettiva (ara, pereżempju, id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2017) 1946 final tas‑27 ta’ Marzu 2017 li tiddikjara konċentrazzjoni kompatibbli mas-suq intern u mal-funzjonament tal-Ftehim ŻEE (Każ M.7932 – Dow/DuPont), punti 4 u 81, u d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2018) 1709 final tal‑21 ta’ Marzu 2018 li tiddikjara konċentrazzjoni kompatibbli mas-suq intern u l-funzjonament tal-Ftehim ŻEE (Każ M.8084 – Bayer/Monsanto), punti 224 u 3303).

387    Issa, anki jekk jiġi preżunt li t-tnaqqis tal-pressjonijiet kompetittivi fuq il-kompetituri l-oħra jista’ jirriżulta minn azzjonijiet komuni, l-effett biss ta’ dan it-tnaqqis ma huwiex fil-prinċipju suffiċjenti waħdu sabiex jintwera ostakolu sinjifikattiv għall-kompetizzjoni effettiva fil-kuntest ta’ ipoteżi tal-preġudizzju bbażata fuq effetti mhux koordinati.

388    F’dan il-każ, ir-rikorrenti ma ressqet l-ebda indizju li jsostni l-plawżibbiltà tal-eżistenza ta’ kwalunkwe koordinazzjoni bejn [kunfidenzjali] u RWE fil-laqgħat ġenerali ta’ E.ON. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti ma tispjegax sa liema punt [kunfidenzjali] hija involuta fil-ġestjoni ta’ E.ON jew RWE. Anki jekk jitqies li hija stabbilita kapaċità ta’ influwenza fuq il-ġestjoni ta’ E.ON jew ta’ RWE, ir-rikorrenti baqgħet ma identifikatx indizji li jistgħu jistabbilixxu li l-preżenza ta’ [kunfidenzjali] fil-kapital ta’ RWE u ta’ E.ON tikkostitwixxi element li jindika li diġà teżisti tendenza ta’ dominanza kollettiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Ġunju 2002, Airtours vs Il‑Kummissjoni, T‑342/99, EU:T:2002:146, punt 91).

389    L-ommissjoni ta’ kull riferiment mill-Kummissjoni għal tali relazzjoni ma tistax għaldaqstant tikkostitwixxi żball manifest ta’ evalwazzjoni min-naħa tagħha.

390    Ir-raba’, fir-rigward tal-influwenza fuq il-kompożizzjoni tal-bordijiet ta’ amministrazzjoni u ta’ sorveljanza, għandu jiġi rrilevat li, skont l-Artikolu 12(3) tal-istatuti ta’ E.ON, ir-riżoluzzjonijiet tal-bord superviżorju ta’ E.ON huma adottati b’maġġoranza sempliċi tal-voti mitfugħa u li ebda riżoluzzjoni tal-bord superviżorju ta’ E.ON ma teħtieġ maġġoranza kkwalifikata sabiex tiġi adottata. B’wieħed minn erbatax-il membru, RWE għandha biss influwenza limitata ħafna fuq il-bord superviżorju ta’ E.ON u għalhekk ma hijiex f’pożizzjoni li timblokka l-adozzjoni ta’ riżoluzzjonijiet tal-bord superviżorju ta’ E.ON. Fir-rigward tal-bord ta’ amministrazzjoni, li l-membri tiegħu jinħatru mill-bord superviżorju, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li, peress li RWE ma tikkontrollax il-bord superviżorju, lanqas ma tikkontrolla l-bord tat-tmexxija.

391    Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni ma wettqitx żball manifest ta’ evalwazzjoni fir-rigward tal-influwenza li RWE għandha fuq E.ON minħabba l-akkwist ta’ sehem minoritarju.

4)      Fuq ittqassim tasswieq tal-elettriku deċiż minn RWE u E.ON

392    Ir-rikorrenti ssostni essenzjalment li, permezz tal-operazzjoni globali, RWE u E.ON qassmu bejniethom l-istadji tal-katina ta’ valur fis-suq tal-elettriku tal-Ġermanja, li jikkostitwixxi restrizzjoni tal-kompetizzjoni, bi ksur tal-Artikolu 101 TFUE.

393    Għandu jiġi rrilevat li, kif jirriżulta mill-Artikolu 21(1) tar-Regolament Nru 139/2004, dan tal-aħħar huwa applikabbli biss għall-konċentrazzjonijiet kif iddefiniti fl-Artikolu 3 ta’ dan ir-regolament, li għalihom ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 tas‑16 ta’ Diċembru 2002 fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli [101] u [102 TFUE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205) fil-prinċipju ma japplikax. Min-naħa l-oħra, dan l-aħħar regolament jibqa’ applikabbli għall-aġir tal-impriżi li, mingħajr ma jikkostitwixxi konċentrazzjoni fis-sens tar-Regolament Nru 139/2004, jista’ madankollu jwassal għal koordinazzjoni bejniethom li tikser l-Artikolu 101 TFUE u li, għal din ir-raġuni, huma suġġetti għall-kontroll tal-Kummissjoni jew tal-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni (sentenza tas‑7 ta’ Settembru 2017, Austria Asphalt, C‑248/16, EU:C:2017:643, punti 32 u 33).

394    Il-fatt li s-suġġett tad-Deċiżjoni kkontestata jikkonċerna konċentrazzjoni ma huwiex ikkontestat. Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, l-argument ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 101 TFUE huwa ineffettiv.

5)      Konklużjoni

395    Minn dak kollu li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li l-Kummissjoni ma wettqitx żball manifest ta’ evalwazzjoni meta evalwat ir-relazzjoni bejn RWE u E.ON u l-mod kif din tista’ tinbidel minħabba l-konċentrazzjoni u, konsegwentement, kif taffettwa l-kompetizzjoni fis-suq intern. Għaldaqstant, l-ilment tar-rikorrenti dwar evalwazzjoni żbaljata tar-relazzjoni bejn RWE u E.ON għandu jiġi miċħud.

f)      Konklużjoni dwar ilħames motiv

396    Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal iktar ’il fuq, għandu jiġi konkluż li, għall-kuntrarju ta’ dak li ssostni r-rikorrenti, il-Kummissjoni ma wettqet l-ebda żball manifest ta’ evalwazzjoni fid-definizzjoni tas-suq rilevanti, fid-delimitazzjoni tal-perijodu ta’ analiżi, fl-evalwazzjoni tas-setgħa fis-suq ta’ RWE u fir-relazzjoni bejn RWE u E.ON. Konsegwentement, il-Kummissjoni kkonkludiet, mingħajr ma wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni, li l-konċentrazzjoni ma qajmitx dubji serji dwar il-kompatibbiltà tagħha mas-suq intern fis-sens tal-Artikolu 6(1)(b) tar-Regolament Nru 139/2004.

397    Għaldaqstant, il-ħames motiv għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.

7.      Fuq issitt motiv, ibbażat fuq ksur talobbligu ta’ diliġenza

398    Ir-rikorrenti ssostni, essenzjalment, li l-Kummissjoni eżaminat il-fatti b’mod insuffiċjenti, bi ksur tal-obbligu tagħha ta’ diliġenza. Għalhekk, il-Kummissjoni ma kkonstatatx, b’attenzjoni u prudenza, iċ-ċirkustanzi li jista’ jkollhom effett fuq ir-riżultat tal-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet. Lanqas ma ħadet inkunsiderazzjoni l-elementi fattwali u l-informazzjoni sottomessa mill-partijiet u terzi li pparteċipaw fil-proċedura jew ħadet inkunsiderazzjoni parametri rilevanti oħra.

399    Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

400    Għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, fil-każijiet fejn l-istituzzjonijiet tal-Unjoni għandhom setgħa diskrezzjonali, bħal fil-qasam tal-kontroll tal-konċentrazzjonijiet, l-osservanza tal-garanziji mogħtija mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni fil-proċeduri amministrattivi tikseb importanza saħansitra iktar fundamentali. Fost dawn il-garanziji hemm, b’mod partikolari, l-obbligu għall-istituzzjoni kompetenti li teżamina, b’attenzjoni u imparzjalità, l-elementi rilevanti kollha tal-każ inkwistjoni, id-dritt tal-persuna kkonċernata li tesponi l-fehma tagħha kif ukoll id-dritt li d-deċiżjoni tiġi mmotivata b’mod suffiċjenti (sentenzi tal‑21 ta’ Novembru 1991, Technische Universität München, C‑269/90, EU:C:1991:438, punt 14, u tas‑6 ta’ Lulju 2010, Ryanair vs Il‑Kummissjoni, T‑342/07, EU:T:2010:280, punt 31).

401    Fil-qasam tal-kontroll tal-konċentrazzjonijiet, il-Kummissjoni għandha, skont ġurisprudenza stabbilita sew, marġni ta’ diskrezzjoni, b’mod partikolari fir-rigward tal-evalwazzjonijiet ta’ natura ekonomika. L-osservanza min-naħa tagħha tal-garanziji mogħtija mill-ordinament ġuridiku Komunitarja fil-proċeduri amministrattivi, li jinkludu l-obbligu ta’ diliġenza li jimponilha li teżamina b’reqqa u b’imparzjalità l-elementi kollha rilevanti tal-każ ikkonċernat, tieħu għaldaqstant, f’dan il-qasam, ferm iktar importanza (sentenza tas‑7 ta’ Mejju 2009, NVV et vs Il‑Kummissjoni, T‑151/05, EU:T:2009:144, punt 164).

402    Peress li l-Kummissjoni hija suġġetta, f’dan il-qasam, għall-osservanza tal-obbligu ta’ diliġenza fil-kuntest tal-azzjoni tagħha, hija għandha tikkonstata, bir-reqqa neċessarja, il-punti ta’ fatt u ta’ liġi li minnhom jiddependi l-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tagħha meta tiġbor il-fatti indispensabbli għall-eżerċizzju ta’ din is-setgħa u li jista’ jkollhom effett sinjifikattiv fuq ir-riżultat tal-proċess ta’ deċiżjoni. L-ewwel, dan l-obbligu jimplika li l-Kummissjoni hija marbuta li tieħu inkunsiderazzjoni kemm il-fatti u l-informazzjoni li jiġu ppreżentati lilha mill-partijiet notifikanti kif ukoll dawk ippreżentati minn terzi oħra li jipparteċipaw attivament fil-proċedura u, it-tieni, li hija marbuta, jekk ikun il-każ, li tfittex dawn il-fatti permezz ta’ investigazzjonijiet fis-suq jew ta’ talbiet għal informazzjoni mibgħuta lill-partijiet ikkonċernati fis-suq (sentenza tas‑7 ta’ Mejju 2009, NVV et vs Il‑Kummissjoni, T‑151/05, EU:T:2009:144, punt 165).

403    Madankollu, għandu jiġi rrilevat li, f’dan il-qasam, ir-rekwiżit tal-osservanza mill-Kummissjoni tal-garanziji mogħtija mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni fil-proċeduri amministrattivi, u għaldaqstant ukoll dak tal-osservanza tal-obbligu ta’ diliġenza, għandu jiġi interpretat, fid-dawl ta’ dak tal-osservanza tal-obbligu ta’ motivazzjoni, b’mod kompatibbli mar-rekwiżit imperattiv ta’ ħeffa li jikkaratterizza l-istruttura ġenerali tar-Regolament Nru 139/2004 u li jimponi fuq il-Kummissjoni l-osservanza ta’ termini stretti meta teżerċita s-setgħa diskrezzjonali tagħha (ara s-sentenza tas‑7 ta’ Mejju 2009, NVV et vs Il‑Kummissjoni, T‑151/05, EU:T:2009:144, punt 166 u l-ġurisprudenza ċċitata).

404    Fid-dawl tal-konstatazzjonijiet magħmula b’mod partikolari fil-kuntest tal-ħames motiv, ma jistax jiġi miċħud li l-Kummissjoni eżaminat bir-reqqa neċessarja l-punti kollha ta’ fatt u ta’ liġi rilevanti, peress li hija ħadet inkunsiderazzjoni l-punti ta’ fatt u l-informazzjoni kollha pprovduti kemm mill-parti notifikanti kif ukoll mit-terzi li pparteċipaw fil-proċedura. Il-Kummissjoni għamlet ukoll ir-riċerki tagħha permezz tal-investigazzjoni tas-suq u ta’ talbiet għal informazzjoni indirizzati lill-operaturi fis-suq. Barra minn hekk, mid-Deċiżjoni kkontestata jirriżulta b’mod ċar li l-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni r-riżultati ta’ dawn ir-riċerki.

405    Għaldaqstant, is-sitt motiv għandu jiġi miċħud.

C.      Fuq ittalba li tidher personalment jew, sussidjarjament, tassmigħ taxxhieda

406    Fit‑30 ta’ Mejju 2022, ir-rikorrenti ppreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali talba li tidher personalment, waqt is-seduta, ta’ A, l-eks President ta’ E.ON, ta’ B, l-eks President ta’ RWE, u ta’ C, Direttur tat-Tmien Fergħa Deċiżjonali tal-Uffiċċju Federali tal-Akkordji. Sussidjarjament, hija talbet li tiġi organizzata seduta ta’ smigħ ta’ dawn ix-xhieda.

407    Il-Kummissjoni, E.ON u RWE, essenzjalment, joġġezzjonaw għad-dehra personali u, sussidjarjament, għas-smigħ tal-persuni msemmija fil-punt preċedenti.

408    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Qorti Ġenerali hija l-unika parti li tista’ tiddeċiedi fuq kwalunkwe ħtieġa li tiġi ssupplimentata l-informazzjoni disponibbli għaliha dwar il-kawżi quddiemha (ara s-sentenza tat‑22 ta’ Novembru 2007, Sniace vs Il‑Kummissjoni, C‑260/05 P, EU:C:2007:700, punt 77 u l-ġurisprudenza ċċitata).

409    Għaldaqstant, hija l-Qorti Ġenerali li għandha tevalwa r-rilevanza ta’ talba li tidher personalment jew għas-smigħ ta’ xhieda meta mqabbla mas-suġġett tal-kawża u tal-ħtieġa li tipproċedi għad-dehra personali jew għas-smigħ tax-xhieda msemmija (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Novembru 2007, Sniace vs Il‑Kummissjoni, C‑260/05 P, EU:C:2007:700, punt 77 u l-ġurisprudenza ċċitata).

410    F’dan il-każ, minbarra l-assenza ta’ spjegazzjoni mir-rikorrenti, skont l-Artikolu 88(2) tar-Regoli tal-Proċedura, tar-raġunijiet li għalihom dawn it-talbiet għal miżuri istruttorji ġew ippreżentati biss wara li l-fażi bil-miktub tal-proċedura ngħalqet u ġimagħtejn biss qabel is-seduta u tan-natura mhux preċiża tagħhom, peress li r-rikorrenti ma indikatx il-punti speċifiċi li fuqhom kien hemm qbil li jinstemgħu dawn it-tliet persuni, għandu jiġi rrilevat li l-elementi fil-fajl u l-ispjegazzjonijiet mogħtija waqt is-seduta huma suffiċjenti sabiex il-Qorti Ġenerali tkun tista’ tieħu deċiżjoni b’mod utli fuq il-bażi tat-talbiet, tal-motivi u tal-argumenti żviluppati matul il-proċedura u fid-dawl tad-dokumenti ppreżentati mill-partijiet.

411    Għaldaqstant ma hemmx lok li jintlaqgħu t-talbiet għal miżuri istruttorji.

412    Minn dak kollu li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li r-rikors għandu jiġi miċħud.

 Fuq lispejjeż

413    Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li r-rikorrenti tilfet il-kawża, għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż rispettivi tagħha kif ukoll dawk tal-Kummissjoni, ta’ E.ON u ta’ RWE, skont it-talbiet ta’ dawn tal-aħħar.

414    Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura, l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet li intervjenew fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom. Għaldaqstant ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla Estiża)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      EVH GmbH għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha kif ukoll dawk sostnuti mill-Kummissjoni Ewropea, minn E.ON SE u minn RWE AG.

3)      Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha.

Gervasoni

Madise

Nihoul

Frendo

 

      Martín y Pérez de Nanclares

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fis‑17 ta’ Mejju 2023.

Firem


Werrej



*      Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.


1 Id-data kunfidenzjali ġiet redatta.