Language of document : ECLI:EU:C:2010:620

Kawża C-467/08

Padawan SL

vs

Sociedad General de Autores y Editores de España (SGAE)

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa

mill-Audiencia Provincial de Barcelona)

“Approssimazzjoni tal-liġijiet — Drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati — Direttiva 2001/29/KE — Dritt ta’ riproduzzjoni — Eċċezzjonijiet u limitazzjonijiet — Eċċezzjoni ta’ kopja għal użu privat — Kunċett ta’ ‘kumpens ġust’ — Interpretazzjoni uniformi — Implementazzjoni mill-Istati Membri — Kriterji — Limiti — Sistema ta’ ħlas għal kopja privata applikata fir-rigward ta’ apparat, tagħmir u mezzi relatati mar-riproduzzjoni diġitali”

Sommarju tas-sentenza

1.        Approssimazzjoni tal-liġijiet — Drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati — Direttiva 2001/29 — Armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti tad-drittijiet tal-awtur u ta’ drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni — Dritt ta’ riproduzzjoni

(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2001/29, Artikolu 5(2)(b))

2.        Approssimazzjoni tal-liġijiet — Drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati — Direttiva 2001/29 — Armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti tad-drittijiet tal-awtur u ta’ drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni — Dritt ta’ riproduzzjoni

(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2001/29, premessi 35 u 38 u l-Artikolu 5(2)(b))

3.        Approssimazzjoni tal-liġijiet — Drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati — Direttiva 2001/29 — Armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti tad-drittijiet tal-awtur u ta’ drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni — Dritt ta’ riproduzzjoni

(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2001/29, Artikolu 5(2)(b))

1.        Il‑kunċett ta’ “kumpens ġust” fis‑sens tal‑Artikolu 5(2)(b) tad‑Direttiva 2001/29, dwar l‑armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet tal‑awtur u drittijiet relatati fis‑soċjetà tal‑informazzjoni, huwa kunċett awtonomu tad‑dritt tal‑Unjoni, li għandu jiġi interpretat b’mod uniformi fl‑Istati Membri kollha li introduċew eċċezzjoni ta’ kopja privata, indipendentement mill‑fakultà rikonoxxuta lilhom li jiddeterminaw, fil‑limiti imposti mid‑dritt tal‑Unjoni, b’mod partikolari mill‑istess direttiva, il‑forma, ir‑regoli dettaljati tal‑finanzjament u l‑ġbir kif ukoll il‑livell ta’ dan il‑kumpens ġust.

(ara l-punt 37, dispożittiv 1)

2.        L‑Artikolu 5(2)(b) tad‑Direttiva 2001/29/KE, dwar l‑armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet tal‑awtur u drittijiet relatati fis‑soċjetà tal‑informazzjoni, għandu jiġi interpretat fis‑sens li l‑“bilanċ ġust” li għandu jkun hemm bejn il‑persuni kkonċernati jimplika li l‑kumpens ġust għandu neċessarjament jiġi kkalkolat abbażi tal‑kriterju ta’ ħsara kkawżata lill‑awturi tax‑xogħlijiet protetti wara l‑introduzzjoni tal‑eċċezzjoni ta’ kopja privata. Huwa konformi mal‑ħtiġijiet ta’ dan il‑“bilanċ ġust” li jiġi kkunsidrat li l‑persuni li għandhom apparat, tagħmir u mezzi ta’ riproduzzjoni diġitali u li, abbażi ta’ dan, fid‑dritt jew fil‑fatt, iqegħdu dan l‑apparat għad‑dispożizzjoni tal‑utenti privati jew jagħtu lil dawn tal‑aħħar servizz ta’ riproduzzjoni huma l‑persuni responsabbli għall‑ħlas tal‑finanzjament tal‑kumpens ġust, inkwantu dawn il‑persuni għandhom il‑possibbiltà li jgħaddu l‑ispiża reali ta’ dan il‑finanzjament fuq l‑utenti privati.

F’dan ir-rigward, fid‑dawl tad‑diffikultajiet prattiċi sabiex jiġu identifikati l‑utenti privati kif ukoll sabiex jiġu obbligati jikkumpensaw lid‑detenturi tad‑drittijiet għall‑ħsara li joħolqulhom u fid‑dawl tal‑fatt li l‑ħsara li tista’ tirriżulta minn kull użu privat, ikkunsidrat individwalment, tista’ tkun minima u, għaldaqstant, ma tagħtix lok għal obbligu ta’ ħlas, kif tindika l‑aħħar sentenza tal‑premessa 35 tad‑Direttiva 2001/29, huwa possibbli għall‑Istati Membri li jistabbilixxu, għall‑finijiet tal‑finanzjament tal‑kumpens ġust, sistema ta’ ħlas għal kopja privata li għandhom iħallsuha mhux il‑persuni privati kkonċernati, imma dawk li jkollhom apparat, tagħmir u mezzi ta’ riproduzzjoni diġitali.

(ara l-punti 46, 50, dispożittiv 2)

3.        L‑Artikolu 5(2)(b) tad‑Direttiva 2001/29, dwar l‑armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet tal‑awtur u drittijiet relatati fis‑soċjetà tal‑informazzjoni, għandu jiġi interpretat fis‑sens li hemm bżonn rabta bejn l‑applikazzjoni tas‑sistema ta’ ħlas intiża sabiex tiffinanzja l‑kumpens ġust fir‑rigward ta’ apparat, tagħmir kif ukoll mezzi ta’ riproduzzjoni diġitali u l‑preżunzjoni ta’ użu ta’ dawn tal‑aħħar għal finijiet ta’ riproduzzjoni privata. Konsegwentement, l‑applikazzjoni mingħajr distinzjoni tas‑sistema ta’ ħlas għal kopja privata, b’mod partikolari fir‑rigward ta’ apparat, tagħmir u mezzi ta’ riproduzzjoni diġitali li ma tqegħdux għad‑dispożizzjoni ta’ utenti privati u huma manifestament riżervati għal użu differenti mill‑ħolqien ta’ kopji għal użu privat, ma hijiex konformi mad‑Direttiva 2001/29.

Min‑naħa l‑oħra, peress li l‑apparat inkwistjoni tqiegħed għad‑dispożizzjoni tal‑persuni fiżiċi għal finijiet privati, ma huwiex neċessarju li jiġi stabbilit li dawn effettivament għamlu kopji privati għall‑għajnuna ta’ dawn tal‑aħħar u għalhekk ikkawżaw effettivament ħsara lill‑awtur tax‑xogħol protett. Fil‑fatt, hemm preżunzjoni leġittima li dawn il‑persuni fiżiċi jibbenefikaw integralment minn dan it‑tqegħid għad‑dispożizzjoni, jiġifieri li huma jistgħu jisfruttaw il‑funzjonijiet kollha assoċjati mal‑imsemmi apparat, inkluża l-funzjoni ta’ riproduzzjoni.

(ara l-punti 54, 55, 59, dispożittiv 3)