Language of document : ECLI:EU:C:2015:74

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

SZPUNAR

ippreżentati fl-10 ta’ Frar 2015 (1)

Kawża C‑76/14

Mihai Manea

vs

Instituția Prefectului județul Brașov - Serviciul public comunitar regim permise de conducere și înmatriculare a vehiculelor

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Curtea de Apel Braşov (ir-Rumanija)]

“Moviment liberu tal-merkanzija — Taxxa fuq l-emissjonijiet niġġiesa imposta fuq il-vetturi bil-mutur mal-ewwel reġistrazzjoni tagħhom jew fl-okkażjoni tal-ewwel trasferiment tad-dritt għall-proprjetà — Eżenzjoni ta’ vetturi suġġetti għal taxxi preċedentement fis-seħħ — Projbizzjoni ta’ taxxa nazzjonali diskriminatorja skont l-Artikolu 110 TFUE — Nondiskriminazzjoni ta’ vetturi użati importati minn Stati Membri oħra meta mqabbla ma’ vetturi nazzjonali simili”





 Introduzzjoni — oriġini tal-problema u l-kuntest ġuridiku

1.        Il-kwistjoni tat-tassazzjoni tal-vetturi, b’mod partikolari ta’ vetturi użati, hija waħda kostantement preżenti fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (2). F’dawn l-aħħar snin, hija s-sistema Rumena ta’ taxxa ta’ reġistrazzjoni unika li tinsab fil-qalba tal-ġurisprudenza dwar dawn il-kwistjonijiet. Din il-kawża tikkonċerna dispożizzjonijiet li, wara serje ta’ sentenzi li jikkonstataw l-inkompatibbiltà ta’ din is-sistema mad-dritt tal-Unjoni, huma finalment intiżi li jeliminaw dan in-nuqqas ta’ koerenza.

2.        L-adeżjoni tar-Repubblika tar-Rumanija mal-Unjoni Ewropea seħħet fl-1 ta’ Jannar 2007. Fl-istess ġurnata daħlet fis-seħħ taxxa speċjali fuq il-karozzi u l-vetturi bil-mutur, stabbilita bil-Liġi tas-17 ta’ Lulju 2006 li temenda u tikkompleta l-Liġi Nru 571/2003 dwar il-Kodiċi Fiskali (legea n°343/2006 din 17 iulie 2006 pentru modificarea şi completarea Legii nr. 571/2003 privind Codul fiscal, iktar ’il quddiem il-“Liġi Nru 343/2006”) (3). Fl-1 ta’ Lulju 2008, din it-taxxa ġiet issostitwita b’taxxa fuq it-tniġġis tal-karozzi, stabbilita bid-Digriet ta’ urġenza tal-Gvern Nru 50/2008, tal-21 ta’ April 2008, li jistabbilixxi t-taxxa fuq it-tniġġis tal-karozzi (Ordonanţă de Urgenţă a Guvernului nr. 50/2008 din 21 aprilie 2008 pentru instituirea taxei pe poluare pentru autovehicule, iktar ’il quddiem l-“OUG 50/2008”) (4). L-obbligu fiskali impost skont dawn iż-żewġ atti kien jitnissel meta vettura tiġi rreġistrata għall-ewwel darba fit-territorju Rumen.

3.        It-taxxa stabbilita skont l-OUG 50/2008 tqieset li hija kuntrarja għall-Artikolu 110 TFUE wara sentenza mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja (5). Hawnhekk ġie deċiż li taxxa miġbura biss meta l-vettura tiġi rreġistrata għall-ewwel darba fit-territorju nazzjonali u li, fir-rigward ta’ vetturi użati, konsegwentement taffettwa biss lill-vetturi importati minn barra l-pajjiż, tiskoraġġixxi x-xiri ta’ vetturi użati li joriġinaw minn Stati Membri oħra, mingħajr madankollu ma tiskoraġġixxi x-xiri ta’ vetturi użati tal-istess età u bl-istess livell ta’ użu fis-suq nazzjonali (6). Sussegwentement, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat din il-pożizzjoni b’mod ripetut f’dak li jikkonċerna d-dispożizzjonijiet tal-OUG 50/8008, fil-verżjoni oriġinali tagħhom jew kif ifformulati wara li sarulhom emendi kożmetiċi (7).

4.        Fit-13 ta’ Jannar 2012, l-OUG 50/2008 ġiet issostitwita bil-Liġi Nru 9/2012 tas-6 ta’ Jannar 2012 dwar it-taxxa fuq l-emissjonijiet niġġiesa ta’ karozzi (Legea nr. 9/2012 din 6 ianuarie 2012 privind taxa pentru emisiile poluante provenite de la autovehicule, iktar ’il quddiem il-“Liġi Nru 9/2012”). It-taxxa stabbilita skont din il-liġi kellha wkoll bħala fatt taxxabbli l-ewwel reġistrazzjoni tal-vettura fit-territorju Rumen. Madankollu din kienet tinkludi dispożizzjoni supplimentari, l-Artikolu 4(2), li jipprevedi:

“L-obbligu tal-ħlas tat-taxxa jitnissel ukoll mal-ewwel trasferiment fir-Rumanija tad-dritt għall-proprjetà ta’ karozza użata, li għaliha ma tkunx tħallset it-taxxa speċjali fuq il-karozzi tal-passiġġieri u l-karozzi prevista mil-Liġi Nru 571/2003, kif sussegwentement emendata u kkompletata [b’mod partikolari bil-Liġi Nru 343/2006], u lanqas it-taxxa fuq it-tniġġis għall-karozzi [jiġifieri t-taxxa prevista mill-OUG 50/2008], u li ma tagħmilx parti mill-kategorija ta’ karozzi eżentati jew esklużi mill-ħlas ta’ dawn it-taxxi, skont id-dispożizzjonijiet fis-seħħ meta ssir ir-reġistrazzjoni.”

5.        Skont id-Digriet ta’ urġenza tal-Gvern Nru 1/2012, tat-30 ta’ Jannar 2012, dwar is-sospensjoni tal-applikazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tal-Liġi Nru 9/2012 dwar it-taxxa fuq l-emissjonijiet niġġiesa ta’ karozzi u r-rimbors tat-taxxa mħallsa konformement mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 4(2) ta’ din il-liġi (Ordonanţa de urgenţă a Guvernului nr 1/2012 din 30 ianuarie 2012 pentru suspendarea aplicării unor dispoziţii ale Legii nr. 9/2012 privind taxa pentru emisiile poluante provenite de la autovehicule, precum şi pentru restituirea taxei achitate în conformitate cu prevederile articolului 4 alineatul (2) din lege) (8), l-applikazzjoni tal-Artikolu 4(2) tal-Liġi Nru 9/2012 ġiet sospiża mill-31 ta’ Jannar 2012 sal-1 ta’ Jannar 2013, u t-taxxi diġà mħallsa b’applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni kellhom jiġu rrimborsati. It-taxxa miġbura sal-1 ta’ Jannar 2013 fuq il-bażi tal-Liġi Nru 9/2012 għaldaqstant dejjem kienet tmur kontra l-Artikolu 110 TFUE, u dan ġie kkonfermat mill-ġurisprudenza ulterjuri tal-Qorti tal-Ġustizzja (9).

6.        Sussegwentement, fil-15 ta’ Marzu 2013, il-Liġi Nru 9/2012 ġiet issostitwita bid-Digriet ta’ urġenza tal-Gvern Nru 9/2013, tad-19 ta’ Frar 2013, dwar id-dazju ambjentali għall-karozzi (Ordonanţa de urgenţă a Guvernului nr. 9/2013 din 19 februarie 2013 privind timbrul de mediu pentru autovehicule, iktar ’il quddiem l-“OUG 9.2013”) (10). L-Artikolu 4(2) tal-Liġi Nru 9/2012 b’hekk kien ġie applikat mill-1 ta’ Jannar sal-14 ta’ Marzu 2013. Huwa matul dan il-perijodu li seħħew il-fatti eżaminati fil-kawża prinċipali. B’hekk din il-kawża tikkonċerna l-analiżi tas-sitwazzjoni legali prevista mil-Liġi Nru 9/2012, u b’mod partikolari mill-Artikolu 4(2) tagħha.

 Il-fatti u l-proċedura

7.        M. Manea, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, talab lill-Instituția Prefectului – județul Brașov - Serviciul public comunitar regim permise de conducere și înmatriculare a vehiculelor (il-korp kompetenti għar-reġistrazzjoni tal-vetturi fir-reġjun ta’ Brașov [ir-Rumanija]), il-konvenut fil-kawża prinċipali, biex jirreġistra vettura użata li kien xtara fi Spanja. B’ittra tal-5 ta’ Marzu 2013, din l-amministrazzjoni talbet il-ħlas tat-taxxa prevista mil-Liġi Nru 9/2012. M. Manea ppreżenta rikors quddiem it-Tribunalul Brașov (il-Qorti tal-Prim’Istanza ta’ Brașov), u talab sabiex il-vettura tiegħu tiġi rreġistrata mingħajr ma jkun obbligat iħallas din it-taxxa, li huwa jqis li tmur kontra d-dritt tal-Unjoni. Billi r-rikors tiegħu ġie miċħud, ir-rikorrent ippreżenta appell quddiem il-Curtea de Apel Brașov (il-Qorti tal-Appell ta’ Brașov), li ddeċidiet li tissospendi l-proċedura u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:

“1.      Fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tal-Liġi Nru 9/2012 u tal-għan tat-taxxa prevista minn din il-liġi, huwa neċessarju li jiġi kkunsidrat li l-Artikolu 110 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li Stat Membru tal-Unjoni jistabbilixxi taxxa fuq l-emissjonijiet ta’ sustanzi niġġiesa applikabbli għall-vetturi bil-mutur [karozzi] barranin kollha mar-reġistrazzjoni tagħhom fl-imsemmi Stat, taxxa li hija applikabbli wkoll mat-trasferiment tad-dritt għall-proprjetà fuq il-vetturi bil-mutur nazzjonali, bl-eċċezzjoni tal-każ fejn tali taxxa jew taxxa simili tkun diġà tħallset?

2.      Fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tal-Liġi Nru 9/2012 u tal-għan tat-taxxa prevista minn din il-liġi, huwa neċessarju li jiġi kkunsidrat li l-Artikolu 110 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li Stat Membru tal-Unjoni jistabbilixxi taxxa fuq l-emissjonijiet ta’ sustanzi niġġiesa applikabbli għall-vetturi bil-mutur barranin kollha mar-reġistrazzjoni tagħhom fl-imsemmi Stat, taxxa li, fil-każ ta’ vetturi bil-mutur nazzjonali, hija dovuta biss mat-trasferiment tad-dritt għall-proprjetà fuq tali vettura, li għandu bħala konsegwenza li vettura barranija ma tistax tintuża mingħajr ħlas tat-taxxa, filwaqt li vettura nazzjonali tista’ tintuża b’mod illimitat fiż-żmien mingħajr ħlas tat-taxxa, sal-mument tat-trasferiment tad-dritt għall-proprjetà fuq l-imsemmija vettura, jekk iseħħ tali trasferiment?”

 Analiżi

8.        B’dawn iż-żewġ domandi, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 110 TFUE jipprekludix l-istabbiliment ta’ taxxa unika fuq il-vetturi minn Stat Membru, li tinġabar mal-ewwel reġistrazzjoni tal-vettura fit-territorju ta’ dak l-Istat, kif ukoll mal-ewwel trasferiment, mill-jum tal-introduzzjoni ta’ dik it-taxxa, tad-dritt għall-proprjetà fuq vettura diġà rreġistrata, u li minnha huma eżentati l-vetturi li għalihom tkun diġà tħallset taxxa simili fil-passat, filwaqt li l-vetturi li diġà ġew irreġistrati fit-territorju ta’ dak l-Istat ma jkunux suġġetti għal din it-taxxa l-ġdida sakemm ma jkunux suġġetti għal trasferiment tad-dritt għall-proprjetà.

9.        Ir-risposta għal din id-domanda teżiġi li l-punti segwenti jiġu ċċarati: l-ewwel nett, il-possibbiltà li tiġi stabbilita taxxa bħal dik Rumena inkwistjoni fil-kawża prinċipali, aspett li jinvolvi wkoll il-problema tan-nuqqas ta’ tassazzjoni ta’ vetturi li l-proprjetarju tagħhom ma nbidilx; it-tieni nett, il-possibbiltà li jiġu eżentati minn din it-taxxa l-vetturi li għalihom tkun diġà tħallset taxxa simili fil-passat; u t-tielet nett, il-possibbiltà li tali eżenzjoni tiġi applikata fil-każ fejn taxxi Rumeni preċedentement fis-seħħ tqiesu inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni.

 Il-possibbiltà li tiġi stabbilita taxxa ta’ reġistrazzjoni unika fuq il-vetturi

10.      Jekk ma tiġix ikkunsidrata l-kwistjoni tal-eżenzjoni ta’ vetturi li għalihom tkun diġà tħallset taxxa simili fil-passat, il-mudell tat-taxxa kif stabbilit fir-Rumanija bl-applikazzjoni tal-Liġi Nru 9/2012, fil-verżjoni applikabbli fil-kawża prinċipali, ma jippreżenta l-ebda diffikultà: it-taxxa hija dovuta ma’ kull reġistrazzjoni għall-ewwel darba, mill-jum tad-dħul fis-seħħ tagħha, tal-isem tal-proprjetarju tal-vettura fid-dokument tar-reġistrazzjoni (11). F’dan ir-rigward ma huwiex rilevanti jekk il-vettura kinitx ġiet irreġistrata qabel, jew jekk din ir-reġistrazzjoni saritx fir-Rumanija jew fi Stat ieħor.

11.      Bl-istabbiliment ta’ tali taxxa, ir-Repubblika tar-Rumanija kellha l-ħsieb li telimina l-inkompatibbiltà tat-taxxa prevista mill-OUG 50/2008 mal-Artikolu 110 TFUE. Din l-inkompatibbiltà kienet tirriżulta minħabba li t-taxxa kienet imposta biss mal-ewwel reġistrazzjoni ta’ vettura fir-Rumanija, b’tali mod li, fir-rigward ta’ vetturi użati, dawk importati minn Stati Membri oħra kienu suġġetti għaliha, filwaqt li dawk li diġà kienu jinsabu fis-suq nazzjonali kienu jiffrankawha (12). It-taxxa stabbilita konformement mal-Liġi Nru 9/2012 għall-kuntrarju hija imposta darba biss fuq kull vettura li, wara li tinxtara, tiġi rreġistrata f’isem proprjetarju ġdid.

12.      Ma jidhirlix li taxxa aġġustata b’dan il-mod tqajjem dubji mill-perspettiva tal-Artikolu 110 TFUE. Skont ġurisprudenza stabbilita, l-Artikolu 110 TFUE ma jipprekludix lill-Istati Membri milli jistabbilixxu taxxi ġodda u lanqas milli jemendaw it-taxxi jew il-valuri taxxabbli tat-taxxi eżistenti, sakemm dawn it-taxxi huma bbażati fuq kriterji oġġettivi u ma jikkawżawx diskriminazzjoni fir-rigward tal-prodotti importati minn Stati Membri oħra (13). Fil-każ ta’ taxxa imposta esklużivament fuq il-vetturi importati minn barra l-pajjiż, id-diskriminazzjoni tirriżulta mill-fatt li x-xerrej ta’ tali vettura għandu jħallas taxxa minbarra l-prezz, filwaqt li jekk jixtri l-istess vettura fil-pajjiż, iħallas biss il-prezz. L-estensjoni tat-taxxa għall-vetturi nazzjonali telimina dan l-effett diskriminatorju.

13.      Fir-rigward tal-vetturi użati, il-Qorti tal-Ġustizzja fil-ġurisprudenza tagħha żviluppat ukoll duttrina li tikkompleta l-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni fiskali ta’ merkanzija li toriġina minn Stati Membri oħra. Skont din id-duttrina, taxxa imposta fuq il-vetturi użati importati minn Stati Membri oħra ma tiksirx l-Artikolu 110 TFUE sakemm din ma teċċedix l-ammont residwu ta’ taxxa simili inkorporata fil-valur ta’ vetturi użati li diġà jinsabu fis-suq nazzjonali (14).

14.      Il-Qorti tal-Ġustizzja ma stabbilixxietx metodu vinkolanti għall-kalkolu tat-taxxa fuq il-vetturi. Minkejja dan, tali metodu għandu jieħu inkunsiderazzjoni t-tnaqqis fil-valur tal-vettura, kif ukoll l-età u l-livell ta’ użu tagħha, b’tali mod li t-taxxa miġbura fuq il-vetturi użati importati minn Stati Membri oħra ma taqbiżx dak l-ammont residwu tat-taxxa inkorporata fil-valur tas-suq ta’ vetturi nazzjonali (15).

15.      Fir-rigward tat-taxxa stabbilita bl-OUG 50/2008, il-Qorti tal-Ġustizzja wettqet analiżi ddettaljata u qieset li din tissodisfa l-kriterju msemmi hawn fuq (16). Peress li r-regoli tal-kalkolu tat-taxxa stabbilita skont il-Liġi Nru 9/2012, kif stabbiliti fl-Artikoli 6 u 9 tagħha, jidhru li huma simili għal dawk previsti mill-OUG 50/2008, huwa probabbli ħafna li dawn ukoll jissodisfaw il-kundizzjoni msemmija hawn fuq. Madankollu finalment hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina dan.

16.      Il-kwistjoni mqajma fit-tieni domanda preliminari dwar l-eżistenza ta’ vetturi rreġistrati fir-Rumanija li ma humiex suġġetti għal dik it-taxxa peress li l-proprjetarju tagħhom ma jkunx inbidel jidhirli li ma tbiddilx din il-konklużjoni. L-ewwel nett, kif il-Kummissjoni tinnota b’mod korrett fl-osservazzjonijiet tagħha, ma hijiex inkwistjoni taxxa imposta fuq l-użu ta’ vettura iżda fuq ir-reġistrazzjoni tagħha, u għalhekk, indirettament, fuq l-akkwist tagħha. It-tieni nett, skont ġurisprudenza stabbilita, l-Artikolu 110 TFUE, fis-sistema tat-Trattat KE, jikkompleta d-dispożizzjonijiet dwar it-tneħħija tad-dazji doganali u tat-taxxi b’effett ekwivalenti. Din id-dispożizzjoni għandha l-għan li tiżgura l-moviment liberu tal-merkanzija bejn l-Istati Membri f’kundizzjonijiet normali ta’ kompetizzjoni permezz tat-tneħħija ta’ kull forma ta’ protezzjoni li tista’ tirriżulta mill-applikazzjoni ta’ taxxi interni diskriminatorji fuq prodotti li joriġinaw minn Stati Membri oħra (17). Madankollu vettura użata tikkostitwixxi merkanzija biss jekk tkun offruta għall-bejgħ. In-nuqqas ta’ tassazzjoni ta’ vetturi li ma tqegħdux fis-suq għalhekk ma jinvolvix diskriminazzjoni kuntrarja għall-Artikolu 110 TFUE.

17.      Fl-aħħar nett, jeħtieġ li jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja reċentement tat sentenza li tista’ tissuġġerixxi li l-analiżi tar-rati, tal-valur taxxabbli u tal-metodu tal-kalkolu tat-taxxa tista’ tidher insuffiċjenti f’ċerti sitwazzjonijiet (18). Fil-fatt jista’ jkun meħtieġ li tiġi mfittxija fis-suq nazzjonali l-vettura bl-iktar karatteristiċi simili għal dawk ta’ vettura li tkun suġġetta għall-proċedura u li l-ammont tat-taxxa li għandha titħallas fuq din it-tieni karozza jitqabbel mal-ammont residwu tat-taxxa inkorporata fil-valur tal-ewwel waħda. Madankollu, dik is-sentenza kienet tikkonċerna s-sitwazzjoni speċifika ta’ taxxa fil-Pajjiżi l-Baxxi li l-bażi tagħha kienet ikkalkolata fuq il-bażi tal-prezz tal-katalgu tal-vettura, imnaqqas b’mod proporzjonali skont ir-rata ta’ deprezzament applikabbli għall-vetturi użati (19). Ma nqisx li l-evalwazzjoni magħmula f’din is-sentenza tista’ tiġi applikata f’kuntest usa’, b’mod partikolari fir-rigward tat-taxxi mfassla b’mod differenti minn dak tal-Pajjiżi l-Baxxi. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li din tal-aħħar tikser l-Artikolu 110 TFUE minħabba emenda magħmula fil-metodu ta’ kalkolu tagħha, li kienet tikkonsisti fiż-żieda mal-element ibbażat fuq il-valur tal-vettura ta’ element ieħor ibbażat fuq l-emissjonijiet ta’ CO2, b’tali mod li t-taxxa imposta fuq il-vetturi importati minn Stati Membri oħra kienet teċċedi b’mod inevitabbli, wara l-emenda, l-ammont residwu tat-taxxa inkorporata fil-valur ta’ vetturi analogi rreġistrati fil-Pajjiżi l-Baxxi qabel din l-emenda (20). L-imsemmija sentenza għaldaqstant tikkonċerna sitwazzjoni fejn l-Istat Membru jgħolli t-taxxa diġà fis-seħħ, u b’hekk jikkawża diskriminazzjoni fir-rigward tal-vetturi użati importati minn Stati Membri oħra.

18.      Minħabba r-raġunijiet preċedenti, inqis li taxxa unika imposta fuq il-vetturi mal-ewwel reġistrazzjoni tagħhom fit-territorju tal-Istat Membru li jkun stabbilixxa dik it-taxxa, kif ukoll mal-ewwel trasferiment, mill-jum tal-istabbiliment ta’ dik it-taxxa, tad-dritt għall-proprjetà fuq il-vettura diġà rreġistrata, bħala prinċipju ma tmurx kontra l-Artikolu 110 TFUE, sakemm din tissodisfa l-kriterju indikat fil-punt 14 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

 Il-possibbiltà li l-vetturi li għalihom diġà tħallset taxxa simili preċedentement applikabbli jiġu eżentati mit-taxxa

19.      Bl-istabbiliment tat-taxxa l-ġdida miġbura mar-reġistrazzjoni tal-vetturi, l-Artikolu 4(2) tal-Liġi Nru 9/2012 fl-istess ħin jeżenta l-vetturi li għalihom diġà tkun tħallset it-taxxa li kienet preċedentement applikabbli, jiġifieri dik prevista mil-Liġi Nru 343/2006 jew mill-OUG 50/2008. Skont l-ispjegazzjonijiet mogħtija mill-Gvern Rumen fl-osservazzjonijiet li ppreżenta f’din il-kawża, din l-eżenzjoni għandha l-għan li tipprevjeni taxxa doppja ta’ dawn l-istess vetturi. Jeħtieġ li tiġi eżaminata l-kwistjoni jekk din l-eżenzjoni twassalx għal nuqqas ta’ konformità tat-taxxa Rumena mal-Artikolu 110 TFUE.

20.      Eżenzjoni bħal din tfisser li din it-taxxa l-ġdida ma tkunx imposta fuq il-vetturi użati kollha li jinbiegħu fis-suq nazzjonali, filwaqt li bħala prinċipju tolqot il-vetturi kollha importati minn Stati Membri oħra. Madankollu, l-ammont residwu tat-taxxa preċedentement applikabbli ser ikun inkorporat fil-valur tal-vetturi li huma eżentati mit-taxxa l-ġdida. B’hekk il-kundizzjoni għal-legalità ta’ din l-eżenzjoni hija analoga għal dik speċifikata fil-punt 14, jiġifieri l-fatt li l-ammont tat-taxxa l-ġdida imposta fuq il-vetturi użati importati minn Stati Membri oħra ma jistax jaqbeż l-ammont residwu tat-taxxa preċedenti li huwa inkorporat fil-valur ta’ vetturi nazzjonali simili.

21.      Bl-istabbiliment tat-taxxa msemmija fil-punt 18 ta’ dawn il-konklużjonijiet, l-Istat Membru b’hekk jista’ jeżenta l-vetturi li għalihom diġà tkun tħallset taxxa preċedentement applikabbli, sakemm l-ammont tat-taxxa l-ġdida miġbura fuq il-vetturi użati importati minn Stati Membri oħra ma jaqbiżx l-ammont residwu tat-taxxa preċedenti inkorporat fil-valur tas-suq ta’ vetturi nazzjonali.

22.      F’dan il-każ din il-kundizzjoni tidher li hija ssodisfatta, peress li, kif diġà għidt, il-metodu tal-kalkolu tat-taxxa stabbilita skont il-Liġi Nru 9/2012 huwa simili ħafna għal dak tat-taxxa prevista mill-OUG 50/2008, kif ukoll għal dak tat-taxxa preċedenti taħt il-Liġi Nru 343/2006, u jieħu inkunsiderazzjoni kif xieraq id-deprezzament tal-vettura, kif ukoll tal-età u tal-livell ta’ użu tagħha.

 Il-possibbiltà li tiġi applikata eżenzjoni fil-każ tat-taxxa Rumena fuq il-vetturi

23.      Jeħtieġ li issa jiġi eżaminat jekk il-prinċipju msemmi fil-punt 21 ta’ dawn il-konklużjonijiet jistax jiġi applikat fil-każ partikolari tat-taxxa Rumena fuq il-vetturi, u sa liema punt jista’ jiġi applikat.

24.      Kif diġà indikajt fl-introduzzjoni, id-dispożizzjonijiet tal-Liġi Nru 9/2012, li jimplementaw it-taxxa li hija s-suġġett ta’ din il-kawża, jipprovdu li huma eżentati minnha l-vetturi li għalihom diġà tkun tħallset it-taxxa prevista mil-Liġi Nru 343/2006 jew fl-OUG 50/2008.

25.      Wara s-sentenza Tatu, li ġiet ikkonfermata minn sentenzi ulterjuri (21), it-taxxa stabbilita mill-OUG 50/2008 tqieset li hija kuntrarja għall-Artikolu 110 TFUE minħabba li kienet tiddiskrimina l-vetturi użati importati minn Stati Membri oħra meta mqabbla ma’ vetturi nazzjonali simili.

26.      It-taxxa stabbilita mil-Liġi Nru 343/2006 ma kienet is-suġġett tal-ebda rinviju għal deċiżjoni preliminari. Madankollu, jeħtieġ li jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li, fil-kuntest ta’ proċedura għal deċiżjoni preliminari, il-Qorti tal-Ġustizzja ma tevalwax il-konformità mad-dritt tal-Unjoni ta’ dispożizzjonijiet speċifiċi tad-dritt nazzjonali ta’ Stati Membri, iżda twettaq biss interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, li fuq il-bażi tagħha l-qrati nazzjonali jistgħu sussegwentement jiddeċiedu dwar il-konformità tar-regoli nazzjonali. Jidher li t-taxxa stabbilita skont il-Liġi Nru 343/2006 kellha din l-istess natura diskriminatorja bħal dik ikkonstatata fir-rigward tat-taxxa prevista mill-OUG 50/2008. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-qrati Rumeni għandhom jikkunsidrawha wkoll bħala kuntrarja għall-Artikolu 110 TFUE skont is-sentenza Tatu u l-ġurisprudenza sussegwenti.

27.      Konformement ma’ ġurisprudenza stabbilita, taxxa miġbura bi ksur tad-dritt tal-Unjoni għandha tiġi rrimborsata flimkien mal-interessi. Dan l-obbligu huwa l-konsegwenza tal-implementazzjoni tad-drittijiet li jibbenefikaw minnhom il-partijiet fil-kawża skont id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li jipprojbixxu tali taxxi, kif ukoll mill-interpretazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward ta’ dawn id-dispożizzjonijiet (22).

28.      L-eżenzjoni ta’ vettura mit-taxxa l-ġdida minħabba li din diġà tkun ġiet issuġġettata għal taxxa preċedentement applikabbli u li mbagħad tqieset kuntrarja għad-dritt tal-Unjoni ma jikkostitwixxix metodu leġittimu kif għandu jiġi ssodisfatt dan l-obbligu. Il-persuni suġġetti għal dawn iż-żewġ taxxi fil-fatt huma ta’ żewġ tipi differenti. Fil-fatt huwa x-xerrej tal-vettura li jibbenefika mill-eżenzjoni, peress li jkun eżentat mill-obbligu li jħallas it-taxxa mar-reġistrazzjoni ta’ dik il-karozza f’ismu, filwaqt li l-persuna intitolata għar-rimbors tat-taxxa preċedenti, li tqieset inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni, hija dik li tkun ħallset din it-taxxa, jiġifieri l-bejjiegħ tal-vettura, jew wieħed mil-proprjetarji preċedenti tagħha jekk din il-vettura tkun diġà nbiegħet bejn il-jum tal-ħlas tat-taxxa preċedenti u dak tad-dħul fis-seħħ tat-taxxa l-ġdida. Anki jekk id-dħul fiskali ta’ din it-taxxa li tqieset inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni jiġi llivellat b’dan il-mod, il-vantaġġ li jirriżulta jkun ta’ benefiċċju għal persuna terza u mhux għall-persuna li għandha d-dritt għar-rimbors ta’ din it-taxxa. Bħala massimu, il-persuna intitolata tirkupra, fil-prezz tal-bejgħ, l-ammont residwu tat-taxxa inkorporata fil-valur tal-vettura, li madankollu rari ser ikun ugwali għall-ammont tat-taxxa mħallsa fir-realtà, u fl-ebda każ ma jkun jinkludi l-interessi dovuti.

29.      Għar-raġunijiet imsemmija hawn fuq, tali mekkaniżmu ta’ kumpens tat-taxxa miġbura bi ksur tad-dritt tal-Unjoni, permezz tal-eżenzjoni mit-taxxa l-ġdida, lanqas ma jiggarantixxi n-newtralità ta’ din it-taxxa, kif jeżiġi l-Artikolu 110 TFUE. Fil-fatt, peress li l-obbligu tar-rimbors tat-taxxa ma jkunx ġie ssodisfatt, il-persuna taxxabbli tibqa’ intitolata għad-dritt li tikseb dan ir-rimbors u b’hekk tista’ titlob prezz iktar baxx waqt il-bejgħ, li ma jiħux inkunsiderazzjoni t-taxxa mħallsa preċedentement. Għaldaqstant ma jistax jiġi kkunsidrat li xi ammont residwu ta’ din it-taxxa huwa inkorporat fil-valur tal-vettura. Il-vetturi importati minn barra, li fuqhom hija dejjem imposta t-taxxa l-ġdida, peress li mid-definizzjoni tagħhom stess ma humiex koperti mill-eżenzjoni, għalhekk jitqiegħdu awtomatikament f’sitwazzjoni kompetittiva iktar sfavorevoli mill-vetturi nazzjonali, li għalihom tħallset it-taxxa preċedenti inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni.

30.      Għaldaqstant inqis li għalkemm l-Istat Membru bħala prinċipju għandu tabilħaqq id-dritt li japplika din it-tip ta’ eżenzjoni msemmija fil-punt 21 ta’ dawn il-konklużjonijiet, madankollu din l-eżenzjoni ma tistax tingħata minħabba l-ħlas tat-taxxa preċedentement applikabbli u li sussegwentement tqieset li hija inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni.

31.      Fil-każ speċifiku Rumen inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fil-fehma tiegħi jirriżulta li l-Artikolu 110 TFUE jipprekludi l-eżenzjoni pprovduta fl-Artikolu 4(2) tal-Liġi Nru 9/2012, li jeżenta mit-taxxa stabbilita fih dawk il-vetturi li għalihom diġà tkun tħallset it-taxxa preċedentement applikabbli skont il-Liġi Nru 343/2006 jew l-OUG 50/2008 (23).

32.      Din il-konklużjoni ma tinbidilx minħabba li, fis-sentenza Tatu tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li t-taxxa prevista fl-OUG 50/2008 ma kinitx sors ta’ diskriminazzjoni bejn il-vetturi użati li jkunu ġejjin minn Stati Membri oħra u dawk li diġà kienu preżenti fis-suq Rumen, wara l-importazzjoni preċedenti u l-ħlas ta’ din it-taxxa (24). Fil-fatt din il-konstatazzjoni saret qabel ma l-Qorti tal-Ġustizzja pparagunat, iktar tard fis-sentenza tagħha, is-sitwazzjoni ta’ vetturi li ġejjin minn Stati Membri oħra ma’ dik ta’ vetturi li għalihom qatt ma kienet tħallset din it-taxxa (irreġistrati fir-Rumanija qabel ma din ġiet stabbilita), u qabel ma kkonstatat in-natura diskriminatorja tagħha fir-rigward tal-vetturi użati inġenerali (25).

33.      Madankollu, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li d-deċiżjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja li fihom it-taxxa stabbilita mill-OUG 50/2008 ġiet iddikjarata bħala inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni, u li, kif indikat fil-punt 26, huma wkoll applikabbli għat-taxxa stabbilita mil-Liġi Nru 343/2006, kienu jikkonċernaw proprju l-vetturi użati. F’dawn is-sentenzi l-Qorti tal-Ġustizzja fil-fatt ikkonstatat li l-Artikolu 110 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li Stat Membru jistabbilixxi taxxa fuq it-tniġġis imposta fuq karozzi meta dawn jiġu rreġistrati għall-ewwel darba f’dan l-Istat Membru, jekk din il-miżura fiskali hija stabbilita b’tali mod li tiskoraġġixxi t-tqegħid fiċ-ċirkulazzjoni, fl-imsemmi Stat Membru, ta’ vetturi użati mixtrija fi Stati Membri oħra, mingħajr madankollu ma tiskoraġġixxi x-xiri ta’ vetturi użati tal-istess età u tal-istess livell ta’ użu fis-suq nazzjonali (26). Is-sitwazzjoni ta’ vetturi ġodda f’dan ir-rigward hija differenti, peress li karozza ġdida bħala regola hija dejjem irreġistrata għall-ewwel darba (27), kemm jekk tkun ġiet immanifatturata fil-pajjiż fejn issir din ir-reġistrazzjoni kif ukoll jekk tkun ġiet importata minn barra l-pajjiż. It-taxxa miġbura mal-ewwel reġistrazzjoni fl-Istat ikkunsidrat għalhekk, fir-rigward ta’ vetturi ġodda, ma għandhiex l-effett diskriminatorju li għandha fuq il-vetturi użati.

34.      Barra minn hekk, ma narax għalfejn it-taxxi miġbura skont il-Liġi Nru 343/2006 jew l-OUG 50/2008 mar-reġistrazzjoni ta’ vetturi ġodda għandhom jitqiesu li huma inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni. Anki l-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 4(2) tal-Liġi Nru 9/2012 ma hijiex kuntrarja għall-Artikolu 110 TFUE sa fejn din tikkonċerna l-vetturi rreġistrati fir-Rumanija bħala karozzi ġodda, naturalment bla ħsara għall-kundizzjoni indikata fl-aħħar tal-punt 21.

 Konklużjoni

35.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li r-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja għad-domandi preliminari magħmula mill-Curtea de Apel Braşov tkun kif ġej:

1)      L-Artikolu 110 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix l-istabbiliment minn Stat Membru ta’ taxxa unika fuq il-vetturi, miġbura mal-ewwel reġistrazzjoni ta’ vettura fit-territorju tal-Istat Membru li jistabbilixxi din it-taxxa, kif ukoll mal-ewwel trasferiment, mill-jum tal-introduzzjoni ta’ din it-taxxa, tad-dritt għall-proprjetà fuq vettura diġà rreġistrata f’dan l-Istat. Din it-taxxa trid tiġi aġġustata b’tali mod li l-ammont impost fuq il-vetturi użati li ġejjin minn Stati Membri oħra ma jaqbiżx l-ammont residwu tat-taxxa inkorporata fil-valur tas-suq ta’ vetturi nazzjonali.

2)      L-Artikolu 110 TFUE lanqas ma jipprekludi lill-Stat Membru milli, bl-introduzzjoni ta’ din it-taxxa, jeżenta minnha l-vetturi li għalihom tkun diġà tħallset taxxa preċedentement applikabbli, sakemm l-ammont tat-taxxa l-ġdida imposta fuq il-vetturi użati li ġejjin minn Stati Membri oħra ma jaqbiżx l-ammont residwu tat-taxxa preċedenti inkorporata fil-valur tas-suq tal-vetturi nazzjonali.

3)      Din l-eżenzjoni ma tistax tingħata minħabba l-ħlas ta’ taxxa preċedentement applikabbli u li nstabet li hija inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni.


1 – Lingwa oriġinali: il-Pollakk.


2 – Ser nillimita ruħi biex infakkar ċerti sentenzi li huma relatati mal-kwistjonijiet li huma s-suġġett ta’ din il-kawża: Il-Kummissjoni vs Id-Danimarka (C‑47/88, EU:C:1990:449), Nunes Tadeu (C‑345/93, EU:C:1995:66), De Danske Bilimportører (C‑383/01, EU:C:2003:352), Nádasdi u Németh (C‑290/05 u C‑333/05, EU:C:2006:652), Brzeziński (C‑313/05, EU:C:2007:33), u, iktar reċenti, X (C‑437/12, EU:C:2013:857).


3Monitorul Oficial al României, Partea 1, nr. 662.


4Monitorul Oficial al României, Partea 1, nr. 327.


5 – Sentenza Tatu (C‑402/09, EU:C:2011:219).


6Ibidem, dispożittiv.


7 – Sentenza Nisipeanu (C‑263/10, EU:C:2011:466) u serje ta’ deċiżjonijiet ulterjuri.


8Monitorul Oficial al României, Partea 1, nr. 97.


9 – Digriet Câmpean u Ciocoiu (C‑97/13 u C‑214/13, EU:C:2014:229).


10 – Monitorul Oficial al României, Partea 1, nr. 119.


11 –      Il-leġiżlatur Rumen f’dan ir-rigward jagħmel distinzjoni bejn ir-“reġistrazzjoni” għall-vetturi li qatt ma ġew irreġistrati fir-Rumanija, u t-“trasferiment tad-dritt għall-proprjetà” għall-vetturi diġà rreġistrati f’dan il-pajjiż (ara l-Artikolu 2(h) u (i) tal-Liġi Nru 9/2012).


12 – Sentenza Tatu (C‑402/09, EU:C:2011:219, punti 48 sa 61).


13 –      Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Nunes Tadeu (C‑345/93, EU:C:1995:66, punt 11), u Nádasdi u Németh (C‑290/05 u C‑333/05, EU:C:2006:652, punti 49 u 51).


14 –      Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Il-Kummissjoni vs Id-Danimarka (C‑47/88, EU:C:1990:449, punt 20); Brzeziński (C-313/05, EU:C:2007:33, punt 2 tad-dispożittiv), u Tatu (C‑402/09, EU:C:2011:219, punt 39).


15 – Ara b’mod partikolari, is-sentenza Tatu (C‑402/09, EU:C:2011:219, punti 40 sa 42 u l-ġurisprudenza ċċitata).


16 – Ibidem, punti 43 sa 47.


17 – Sentenza Nádasdi u Németh (C‑290/05 u C‑333/05, EU:C:2006:652, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata).


18 – Sentenza X (C‑437/12, EU:C:2013:857).


19 – Ibidem, punti 3 sa 10 u l-ewwel punt tad-dispożittiv.


20 – Ibidem, punti 39 sa 41.


21 – Ara l-punt 3 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


22 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenza Littlewoods Retail et (C‑591/10, EU:C:2012:478, punti 24 sa 26), u, fir-rigward tat-taxxa stabbilita skont l-OUG 50/2008, is-sentenza Nicula (C‑331/13, EU:C:2014:2285, punti 27 sa 29).


23 – Għandha ssir distinzjoni bejn din il-leġiżlazzjoni u dik eżaminata fis-sentenza Nicula (C‑331/13, EU:C:2014:2285). Dik is-sentenza kienet tikkonċerna l-mekkaniżmu li permezz tiegħu taxxa inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni kellha tiġi rrimborsata lill-persuna li tkun ħallsitha, mekkaniżmu li kien ġie stabbilit f’att legali ulterjuri, jiġifieri l-OUG 9/2013 (ara l-punt 6 ta’ dawn il-konklużjonijiet). Għall-kuntrarju, f’din il-kawża, kif diġà indikajt hawn fuq, hija kkonċernata l-eżenzjoni tal-proprjetarju l-ġdid ta’ vettura minħabba t-taxxa mħallsa fuqha mill-proprjetarju preċedenti.


24 – Sentenza Tatu (C‑402/09, EU:C:2011:219, punti 43 sa 47). Il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li l-mekkaniżmu tal-kalkolu tat-taxxa kien jieħu b’mod suffiċjenti inkunsiderazzjoni d-deprezzament tal-vettura, b’tali mod li s-somma mħallsa ma kinitx ogħla mill-ammont residwu tat-taxxa inkorporata fil-valur ta’ vetturi simili li għalihom din it-taxxa kienet diġà tħallset. Ara l-punt 15 ta’ dawn l-osservazzjonijiet.


25 – Sentenza Tatu (C‑402/09, EU:C:2011:219, punti 52 sa 61).


26 – Ibidem, dispożittiv (enfasi miżjuda minni).


27 – Vettura li tkun għadha ma ġietx irreġistrata titqies li hija vettura ġdida.