Language of document : ECLI:EU:C:2021:1045

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla)

21 ta’ Diċembru 2021 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Protezzjoni tal-konsumaturi – Direttiva 93/13/KEE – Klawżoli inġusti – Artikolu 1(2) – Klawżoli kuntrattwali li jirriflettu dispożizzjonijiet leġiżlattivi jew regolatorji imperattivi – Esklużjonijiet mill‑kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva – Self rimborsabbli f’munita barranija – Klawżola li tirrifletti dispożizzjoni nazzjonali ta’ natura supplimentari – Effett tan-nuqqas ta’ traspożizzjoni ta’ dan l-Artikolu 1(2) – Artikolu 3(1) u Artikolu 4(1) – Stħarriġ tan-natura inġusta ta’ klawżola – Artikolu 8 – Adozzjoni jew żamma ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali li jiżguraw livell ta’ protezzjoni ogħla għall-konsumatur – Interazzjoni bejn dawn id‑diversi dispożizzjonijiet tad-Direttiva 93/13”

Fil-Kawża C‑243/20,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l‑Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Polymeles Protodikeio Athinon (il-Qorti tal‑Ewwel Istanza ta’ Ateni, il-Greċja), permezz ta’ deċiżjoni tal-5 ta’ Mejju 2020, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-5 ta’ Ġunju 2020, fil-proċedura

DP,

SG

vs

Trapeza Peiraios AE,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla),

komposta minn L. Bay Larsen, Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja, li qiegħed jaġixxi bħala President tas-Sitt Awla, N. Jääskinen (Relatur) u M. Safjan, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal DP u SG, minn V. Kontogiannis, dikigoros,

–        għal Trapeza Peiraios AE, minn S. Spyropoulos, dikigoros,

–        għall-Gvern Elleniku, minn V. Karra, S. Charitaki u A. Magrippi, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Ċek, minn M. Smolek, J. Vláčil u S. Šindelková, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn N. Ruiz García u A. Katsimerou, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstemgħet l-Avukata Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 1(2), tal-Artikolu 3(1), tal-Artikolu 4(1) u tal-Artikolu 8 tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13 KEE tal-5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 288).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn DP u SG u Trapeza Peiraios AE dwar in-natura allegatament inġusta ta’ klawżoli li jinsabu fi ftehimiet addizzjonali għal kuntratt ta’ self iddenominat f’euro, li permezz tagħhom il-frank Svizzeru ġie ssostitwit bl-euro.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

3        It-tnax u t-tlettax‑il premessa tad-Direttiva 93/13 huma fformulati kif ġej:

“Billi, iżda, kif inhuma bħalissa, il-liġijiet nazzjonali jippermettu li tiġi kkunsidrata biss armonizzazzjoni parzjali; billi b’mod partikolari, din id-Direttiva tkopri biss klawżoli kuntrattwali li ma jkunux ġew innegozjati individwalment; billi l-Istati Membri għandu jkollhom l-għażla b’konsiderazzjoni xierqa tat‑Trattat, li joffru lill-konsumaturi livell ogħla ta’ protezzjoni permezz ta’ disposizzjonijiet nazzjonali li jkunu aktar stretti minn dawk ta’ din id-Direttiva;

Billi d-disposizzjonijiet statutorji jew regolatorji ta’l-Istati Membri li jistabbilixxu direttament jew indirettament il-klawżoli tal-kuntratti tal-konsumatur huma preżunti li ma’ fihomx klawżoli inġusti; billi, għal dan il-għan, ma jidhirx li huwa meħtieġ li jiġu assoġġettati l-klawżoli li jirriflettu disposizzjonijiet mandatarji statutorji jew regolatorji u l-prinċipji jew id-disposizzjonijiet tal-konvenzjonijiet internazzjonali li għalihom huma parti l-Istati Membri jew il-Komunità; billi f’dak ir-rigward il-kliem ‘disposizzjonijiet mandatarji statutorji jew regolatorji’ fl‑Artikolu 1(2) ikopru wkoll ir-regoli li, skond il-liġi, għandhom jgħoddu bejn il‑partijiet kontraenti sakemm ma twaqqfux xi arranġamenti oħra”.

4        L-Artikolu 1(2) ta’ din id-direttiva jipprevedi:

“Il-klawżoli kuntrattwali li jirriflettu disposizzjonijiet mandatarji statutorji jew regolatorji u d-disposizzjonijiet jew il-prinċipji ta’ konvenzjonijiet internazzjonali li għalihom ikunu parti l-Istati Membri jew il-Komunità, b’mod partikolari fil‑qasam tat-trasport, m’għandhomx ikunu suġġetti għad-disposizzjonijiet ta’ din id‑Direttiva.”

5        Il-verżjoni bil-lingwa Griega tal-Artikolu 1(2) tal-imsemmija direttiva tinkludi t‑tieni subparagrafu, li huwa fformulat kif ġej:

“L-espressjoni ‘dispożizzjonijiet mandatarji statutorji jew regolatorji’ li tinsab fl‑Artikolu 1(2) tkopri wkoll ir-regoli li, skont il-liġi, japplikaw bejn il-partijiet kontraenti meta ma jkun ġie miftiehem ebda arranġament ieħor.”

6        L-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 93/13 jipprovdi:

“Klawżola kuntrattwali li ma tkunx ġiet negozjata individwalment għandha titqies inġusta jekk, kontra l-ħtieġa ta’ buona fede, tkun tikkawża żbilanċ sinifikanti fid‑drittijiet u l-obbligi tal-partijiet li joħorġu mill-kuntratt, bi ħsara għall‑konsumatur.”

7        L-Artikolu 4 ta’ din id-direttiva jistipula:

“1.      Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 7, il-karattru inġust ta’ klawżola kuntrattwali għandu jiġi stmat, billi titqies in-natura tal-merkanzija jew servizzi li għalihom ikun kien konkluż il-kuntratt u ssir referenza, filwaqt li jiġi konkluż il‑kuntratt, għaċ-ċirkostanzi kollha preżenti waqt il-konklużjoni tal-kuntratt u għall-klawżoli l-oħra kollha tal-kuntratt jew ta’ kuntratt ieħor li jiddependi fuqu,

2.      L-istima tan-natura inġusta tal-klawżoli la għandha tirrelata mad‑definizzjoni tal-kwistjoni prinċipali tas-suġġett tal-kuntratt u lanqas mas‑suffiċjenza tal-prezz u r-remunerazzjoni, fuq naħa waħda, kontra s-servizzi jew il-merkanzija provduti bi tpartit, fuq in-naħa l-oħra, safejn dawn il-klawżoli jkunu f’lingwaġġ sempliċi u ċar.”

8        Skont l-Artikolu 8 tal-imsemmija direttiva:

“L-Istati Membri jistgħu jadottaw jew iżommu l-aktar disposizzjonijiet stretti kompatibbli mat-Trattat fil-qasam kopert minn din id-Direttiva, biex jiżguraw grad massimu ta’ protezzjoni għall-konsumatur.”

 Id-dritt Grieg

9        L-Artikolu 291 tal-Astikos Kodikas (il-Kodiċi Ċivili) jipprevedi:

“Fir-rigward ta’ dejn monetarju f’munita barranija u li għandu jitħallas fil-Greċja, id-debitur għandu, sakemm ma jkunx miftiehem mod ieħor, id-dritt li jħallas fil‑munita nazzjonali bir-rata tal-kambju tal-munita barranija li tkun fis-seħħ fil‑post u fid-data tal-ħlas.”

10      L-Artikolu 2(6) tal-Liġi 2251/1994, tas-16 ta’ Novembru 1994, dwar il‑protezzjoni tal-konsumaturi (FΕ A’ 191), li ttraspona d-Direttiva 93/13 fid-dritt Grieg, jipprovdi, fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Liġi 2251/1994”):

“Il-kundizzjonijiet ġenerali kuntrattwali li għandhom l-effett li jfixklu b’mod sinjifikattiv il-bilanċ tad-drittijiet u tal-obbligi tal-partijiet kontraenti għad‑detriment tal-konsumatur huma pprojbiti u nulli. In-natura inġusta ta’ kundizzjoni ġenerali inkorporata f’kuntratt għandha tiġi evalwata billi tittieħed inkunsiderazzjoni n-natura tal-oġġetti jew tas-servizzi li huma s-suġġett tal‑kuntratt, l-għan tal-kuntratt, iċ-ċirkustanzi speċifiċi kollha li fihom ikun ġie konkluż, kif ukoll il-klawżoli l-oħra kollha tal-kuntratt, jew ta’ kuntratt ieħor li jiddependi fuqu.”

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

11      Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali huma żewġ konsumaturi residenti fil-Greċja fejn jirċievu dħul f’euro. Fit-3 ta’ Settembru 2004, huma kkonkludew ma’ Trapeza Peiraios, bank stabbilit f’dan l-Istat Membru, kuntratt ta’ self immobiljari għal perijodu ta’ 30 sena. Dan il-kuntratt ta’ self kien iddenominat f’euro u kien suġġett għal rata varjabbli ddefinita meta mqabbla mar-rata Euribor għal 360 jum.

12      Fis-26 ta’ Marzu 2007 u fil-25 ta’ Ġunju 2007, il-partijiet iffirmaw żewġ ftehimiet addizzjonali, sabiex jikkonvertu fi franki Svizzeri dan il-kuntratt ta’ self inizjalment iddenominat f’euro. Dawn il-ftehimiet addizzjonali jistipulaw, minn naħa, li r-rimbors tal-bilanċ li jibqa’ dovut għandu jsir fi franki Svizzeri u, min‑naħa l-oħra, li l-interessi jiġu kkalkolati skont rata fissa matul l-ewwel tliet snin, imbagħad skont rata varjabbli abbażi tar-rata LIBOR fi frank Svizzeru għal 360 jum.

13      Mill-proċess għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, skont il‑klawżola 4.5 ta’ dan l-aħħar ftehim addizzjonali, “[i]l-ħlas lura tas-self mid‑debitur għandu jsir jew fl-istess munita, jew fl-ekwivalenti f’euro tal-ammont fi franki Svizzeri, fejn dan l-ekwivalenti jiġi kkalkolat fil-jum tal-ħlas tal‑pagament ta’ kull xahar abbażi tar-rata tal-munita kkonċernata kif jirriżulta mill‑kuntratt interbankarju tal-kambju. Din ir-rata tkun ogħla mir-rata effettiva li fiha l-Bank ibigħ il-frank Svizzeru u li jidher fil-Bulletin ta’ kuljum tar-rati tal‑kambju tal-Bank”.

14      Skont il-klawżola 8.1(3) li tinsab fl-imsemmi ftehim addizzjonali, “f’każ ta’ xoljiment tal-kuntratt ta’ self, minbarra l-konsegwenzi previsti barra minn hekk f’dan il-każ, il-Bank jirriżerva d-dritt (mingħajr ma jkun obbligat jagħmel) li jikkonverti l-bilanċ kollu f’euro, bir-rata effettiva li biha l-Bank ibigħ il-frank Svizzeru u li tkun tinsab fil-Bulletin ta’ kuljum tar-rati tal-kambju tal-Bank fil-jum tal‑konverżjoni, u li jżid il-bilanċ li jibqa’ dovut bl-interessi moratorji komposti mir-rata bażika tal-Bank fis-seħħ għal self immobiljari, mill-marġni u mit-teħid ta’ kampjuni skont il-Liġi 128/75 u miżjuda bi 2.5 punti perċentwali. Jekk tkun fis‑seħħ rata ta’ interessi ogħla, għandha tapplika rata ta’ interessi ogħla”.

15      Fis-17 ta’ Settembru 2018, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ressqu kawża kontra Trapeza Peiraios quddiem il-qorti tar-rinviju, il-Polymeles Protodikeio Athinon (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Ateni, il-Greċja), prinċipalment sabiex jiksbu, minn naħa, l-annullament tal-imsemmija ftehimiet addizzjonali u, min-naħa l-oħra, l‑istabbiliment mill-ġdid tas-sitwazzjoni preċedenti għalihom. Insostenn tat-talbiet tagħhom, huma jsostnu, b’mod partikolari, li l-klawżola 4.5 u l-klawżola 8.1(3) imsemmija iktar ’il fuq (iktar ’il quddiem il-“klawżoli inkwistjoni”) huma inġusti u għalhekk nulli skont l-Artikolu 2 tal-Liġi 2251/1994. Fil-fehma tagħhom, il‑bank kien ħajjarhom jemendaw il-kuntratt ta’ self, mingħajr ma informahom bir-riskju tal-kambju subit u dan minkejja li huma ma kellhomx l-għarfien neċessarju sabiex jipperċepixxu dan ir-riskju.

16      Il-qorti tar-rinviju tirrileva li l-klawżoli inkwistjoni jirriproduċu, essenzjalment, il‑kontenut tal-Artikolu 291 tal-Kodiċi Ċivili, li jippermetti lill-persuna li tissellef, ħlief fil-każ ta’ ftehim kuntrarju, li tħallas, fil-Greċja, id-dejn tagħha f’munita barranija jew f’dik il-munita, jew fil-munita nazzjonali bir-rata tal-kambju tal‑imsemmija munita li tkun fis-seħħ fil-post u fid-data tal-ħlas.

17      Għaldaqstant, dik il-qorti tistaqsi jekk tistax tistħarreġ in-natura inġusta tal‑klawżoli inkwistjoni, filwaqt li l-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 93/13 jeskludi mill-kamp ta’ applikazzjoni tagħha l-“klawżoli kuntrattwali li jirriflettu disposizzjonijiet mandatarji statutorji jew regolatorji”.

18      Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tenfasizza li l-Artikolu 1(2) tad‑Direttiva 93/13, fil-verżjoni tiegħu bil-lingwa Griega, jeżenta mill-istħarriġ tan-natura inġusta l-klawżoli kuntrattwali li jirriflettu dispożizzjonijiet leġiżlattivi jew regolatorji supplimentari u ma ġiex riprodott espliċitament fil-Liġi 2251/1994 li tiżgura t-traspożizzjoni tad-Direttiva 93/13 fid-dritt Grieg.

19      F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tindika li jeżistu diverġenzi fil-ġurisprudenza Griega fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk, fl-assenza ta’ kwalunkwe dispożizzjoni tad-dritt intern li tintegra espressament l-esklużjoni li tinsab fl‑Artikolu 1(2) tad-Direttiva 93/13, il-leġiżlazzjoni nazzjonali tistax madankollu tiġi interpretata bħala li tittrasponi lil din tal-aħħar, b’tali mod li jkun impossibbli li tiġi mistħarrġa n-natura inġusta ta’ klawżola kuntrattwali li sempliċement tirriproduċi dispożizzjoni leġiżlattiva ta’ natura supplimentari bħall-Artikolu 291 tal-Kodiċi Ċivili.

20      Għalhekk, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, fis-sentenza tagħha Nru 4/2019, il-formazzjoni plenarja tal-Areios Pagos (il-Qorti tal-Kassazzjoni, il-Greċja) iddeċidiet li, minkejja li ma ġietx trasposta fid-dritt Grieg permezz ta’ dispożizzjoni speċifika u espressa, l-esklużjoni prevista fl-Artikolu 1(2) tad‑Direttiva 93/13 hija madankollu inerenti għall-Artikolu 2(6) tal‑Liġi 2251/1994, skont interpretazzjoni konformi mad-dritt tal-Unjoni u mal‑għan ta’ din id-direttiva. Skont dik is-sentenza, “meta l-klawżola inkwistjoni tirrifletti dispożizzjoni, obbligatorja jew supplimentari, tad-dritt nazzjonali, huwa bħala definizzjoni inkonċepibbli li l-bilanċ bejn il-partijiet kontraenti jiġi mfixkel jew li l-klawżola tkun inġusta. Għaldaqstant, tali klawżola ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Liġi 2251/1994”. L-imsemmija sentenza tippreċiża li dan huwa l-każ ta’ klawżola ta’ kuntratt ta’ self immobiljari li tirrifletti l-kontenut tal‑Artikolu 291 tal-Kodiċi Ċivili.

21      Id-deċiżjoni tar-rinviju ssemmi li din l-interpretazzjoni madankollu ma ġietx aċċettata unanimament. Skont l-opinjoni minoritarja espressa fi ħdan l-Areios Pagos (il-Qorti ta’ Kassazzjoni), ma jistax jitqies li l-esklużjoni prevista fl‑Artikolu 1(2) tad-Direttiva 93/13 tinsab fl-Artikolu 2(6) tal-Liġi 2251/1994, peress li d-derogi għall-istħarriġ tan-natura inġusta ta’ klawżola għandhom jiġu interpretati b’mod strett. L-imsemmija opinjoni minoritarja tibbaża ruħha fuq il‑fatt li din id-direttiva, kif jindikaw it-tnax‑il premessa u l-Artikolu 8 tagħha, twettaq biss armonizzazzjoni parzjali u minima, billi tħalli lill-Istati Membri l‑possibbiltà li joffru livell ta’ protezzjoni ogħla lill-konsumaturi. Kien għal dan il‑għan li l-leġiżlatur Grieg deliberatament eskluda, fit-traspożizzjoni tal‑imsemmija direttiva, l-esklużjoni prevista fl-Artikolu 1(2) tagħha. Interpretazzjoni differenti tal-Artikolu 2(6) tal-Liġi 2251/1994 tmur kontra x‑xewqa tal-leġiżlatur Grieg li jagħti protezzjoni ikbar lill-konsumaturi u tikkostitwixxi interpretazzjoni contra legem inaċċettabbli.

22      Il-qorti tar-rinviju tippreċiża li l-membri tagħha jaqblu fil-parti l-kbira ma’ din l‑aħħar opinjoni u jqisu li l-qrati Griegi jistgħu jistħarrġu n-natura inġusta tal‑klawżoli msemmija fl-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 93/13, peress li l-leġiżlatur Grieg naqas milli jinkorpora fid-dritt intern id-deroga stabbilita f’din id‑dispożizzjoni.

23      Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Polymeles Protodikeio Athinon (il-Qorti tal‑Ewwel Istanza, Ateni) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      L-Artikolu 8 tad-Direttiva 93/13/KEE, li jipprovdi l-possibbiltà għall-Istati Membri li jadottaw dispożizzjonijiet iktar stretti sabiex jiggarantixxu livell ogħla ta’ protezzjoni għall-konsumatur, għandu jkun interpretat fis-sens li Stat Membru jista’ ma jittrasponix l-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 93/13 fil-liġi nazzjonali u li jawtorizza stħarriġ tal-qorti ta’ klawżoli li jirriproduċu liġijiet jew regolamenti imperattivi jew supplimentari?

2)      L-ewwel u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 93/13, għalkemm ma humiex trasposti espliċitament fil-liġi Griega, jista’ jiġi kkunsidrat li ġie adottat indirettament flimkien mal-kontenut tal-Artikoli 3(1) u 4(1) ta’ din id-direttiva, kif ġie traspost fid-dispożizzjoni tal-Artikolu [2(6)] tal-Liġi Nru 225[1]/1994?

3)      Il-kunċett ta’ klawżola inġusta u l-kamp ta’ applikazzjoni tagħha, kif huma ddefiniti mid-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 3(1) u 4(1) tad-Direttiva 93/13, jinkludu d-deroga msemmija fl-ewwel u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 1(2) ta’ din id-direttiva?

4)      Klawżola fi ftehim ta’ kreditu konkluż bejn il-konsumatur u l-istituzzjoni ta’ kreditu, li tirrifletti l-kontenut ta’ regola supplimentari tal-Istat Membru, tista’ tiġi suġġetta għal stħarriġ tan-natura inġusta tal-kundizzjonijiet ġenerali tal-kuntratt konformement mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 93/13, jekk din il-klawżola ma ġietx innegozjata b’mod individwali?”

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari

24      Trapeza Peiraios issostni li diversi motivi ta’ inammissibbiltà jivvizzjaw kemm it‑talba għal deċiżjoni preliminari kollha kif ukoll kull waħda mid-domandi magħmula. Essenzjalment, hija ssostni li, fl-ewwel lok, din it-talba ma għandha ebda rabta mas-suġġett tal-kawża prinċipali u tistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja tifformula opinjoni konsultattiva. Fit-tieni lok, l-Areios Pagos (il-Qorti ta’ Kassazzjoni) diġà temmet id-dibattitu ġurisprudenzjali intern li jissemma fl‑imsemmija talba u l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi dwar l-interpretazzjoni ta’ dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali li ġew invokati mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali biss. Fit-tielet lok, uħud mid-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju ma humiex preċiżi, jew saħansitra ma jinftehmux.

25      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal‑Ġustizzja hija biss il-qorti nazzjonali li quddiemha titressaq il-kawża u li għandha tagħti d-deċiżjoni li għandha tevalwa, fir-rigward taċ-ċirkustanzi tal‑kawża, kemm in-neċessità ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun f’pożizzjoni li tagħti s-sentenza tagħha kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill‑Qorti tal-Ġustizzja, li jibbenefikaw minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Għaldaqstant, peress li d-domanda magħmula tirrigwarda l-interpretazzjoni jew il‑validità ta’ regola tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja, bħala prinċipju, hija marbuta li tagħti deċiżjoni, ħlief jekk ikun jidher b’mod manifest li l‑interpretazzjoni mitluba ma għandha l-ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tal‑kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella meta l‑Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex għad-dispożizzjoni tagħha l-punti ta’ fatt u ta’ liġi meħtieġa sabiex tirrispondi b’mod utli għall-imsemmija domanda (sentenza tat-2 ta’ Settembru 2021, OTP Jelzálogbank et, C‑932/19, EU:C:2021:673, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata).

26      Huwa paċifiku wkoll li, fil-kuntest tal-proċedura msemmija fl‑Artikolu 267 TFUE, ibbażata fuq separazzjoni ċara tal-funzjonijiet bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja, hija biss il-qorti nazzjonali li għandha ġurisdizzjoni sabiex tinterpreta u tapplika dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali, filwaqt li l-Qorti tal-Ġustizzja biss hija awtorizzata tiddeċiedi dwar l‑interpretazzjoni jew il-validità ta’ test tal-Unjoni, abbażi tal-fatti li huma indikati lilha mill-qorti nazzjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad-29 ta’ April 2021, Bank BPH, C‑19/20, EU:C:2021:341, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tal-10 ta’ Ġunju 2021, Ultimo Portfolio Investment (Luxembourg), C‑303/20, EU:C:2021:479, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata).

27      F’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar is-sens u l-portata ta’ diversi dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni sabiex tiddetermina jekk hija tistax tistħarreġ in-natura inġusta tal-klawżoli inkwistjoni skont id-Direttiva 93/13. Fil-fatt, hija titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tinterpreta l-Artikolu 1(2), l-Artikolu 3(1), l‑Artikolu 4(1) u l-Artikolu 8 ta’ din id-direttiva, filwaqt li tippreċiża li l‑Liġi 2251/1994, li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali jinvokaw b’mod iktar speċifiku, hija intiża sabiex tittrasponi l-imsemmija direttiva fl-ordinament ġuridiku Grieg. Barra minn hekk, l-imsemmija qorti esponiet, b’ċarezza u preċiżjoni suffiċjenti, iċ-ċirkustanzi ta’ fatt li wasslu għall-kawża prinċipali kif ukoll il-kuntest ġuridiku tagħha, elementi li minnhom jirriżulta li d-domandi magħmula la huma nieqsa minn rabta mas-suġġett ta’ din il-kawża u lanqas ma huma ta’ natura ipotetika.

28      Minn dan jirriżulta li t-talba għal deċiżjoni preliminari hija ammissibbli.

 Fuq il-mertu

 Fuq ir-raba’ domanda preliminari

29      Permezz tar-raba’ domanda tagħha, li għandha tiġi eżaminata fl-ewwel lok, il‑qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 93/13 għandux jiġi interpretat fis-sens li jeskludi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id‑direttiva klawżola inkluża f’kuntratt konkluż bejn bejjiegħ jew fornitur u konsumatur li tirrifletti dispożizzjoni leġiżlattiva jew regolatorja ta’ natura supplimentari, jiġifieri li tapplika awtomatikament fl-assenza ta’ arranġament differenti bejn il-partijiet, anki jekk l-imsemmija klawżola ma kinitx is-suġġett ta’ negozjati individwali.

30      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 93/13 jeskludi mill-kamp ta’ applikazzjoni tagħha l-klawżoli kuntrattwali li jirriflettu “disposizzjonijiet mandatarji statutorji jew regolatorji”, espressjoni li, fid-dawl tat‑tlettax‑il premessa ta’ din id-direttiva, tinkludi kemm id-dispożizzjonijiet tad‑dritt nazzjonali li japplikaw bejn il-partijiet kontraenti indipendentement mill‑għażla tagħhom kif ukoll dawk li huma ta’ natura supplimentari, jiġifieri li japplikaw awtomatikament, fl-assenza ta’ arranġament differenti bejn il-partijiet (sentenza tat-2 ta’ Settembru 2021, OTP Jelzálogbank et, C‑932/19, EU:C:2021:673, punt 28, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

31      Għandu jiġi enfasizzat, f’dan ir-rigward, li l-verżjoni bil-lingwa Griega tad‑Direttiva 93/13 hija l-unika waħda li fiha l-Artikolu 1(2) tagħha jinkludi t-tieni subparagrafu li l-kliem tiegħu jikkorrispondi għal dak tat-tlettax‑il premessa, in fine, ta’ din id-direttiva, li jipprovdi li l-espressjoni “disposizzjonijiet mandatarji statutorji jew regolatorji” li tinsab f’din id-dispożizzjoni “tkopri wkoll ir-regoli li, skont il-liġi, japplikaw bejn il-partijiet kontraenti meta ma jkun ġie miftiehem ebda arranġament ieħor”.

32      Madankollu, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il‑formulazzjoni użata f’waħda mill-verżjonijiet lingwistiċi ta’ dispożizzjoni tad‑dritt tal-Unjoni ma tistax isservi bħala bażi unika għall-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni u lanqas ma tista’ tingħata prijorità fuq il-verżjonijiet lingwistiċi l-oħra. Id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni għandhom, fil-fatt, jiġu interpretati u applikati b’mod uniformi, fid-dawl tal-verżjonijiet stabbiliti bil-lingwi kollha tal-Unjoni. Fil-każ ta’ diverġenza bejn id-diversi verżjonijiet lingwistiċi ta’ test tad-dritt tal-Unjoni, id-dispożizzjoni inkwistjoni għandha tiġi interpretata skont l‑istruttura ġenerali u l-għan tal-leġiżlazzjoni li tifforma parti minnha (sentenza tad-9 ta’ Lulju 2020, Banca Transilvania, C‑81/19, EU:C:2020:532, punt 33 u l‑ġurisprudenza ċċitata).

33      Fir-rigward tal-istruttura ġenerali tad-Direttiva 93/13, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikolu 1(2) ta’ din id-direttiva għandu jiġi interpretat fis-sens li klawżola kuntrattwali li ma tkunx ġiet innegozjata individwalment, iżda li tirrifletti regola li, skont il-liġi nazzjonali, tapplika bejn il-partijiet kontraenti meta ma jkun ġie miftiehem ebda arranġament ieħor f’dan ir-rigward, ma taqax fil‑kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva (sentenza tad-9 ta’ Lulju 2020, Banca Transilvania, C‑81/19, EU:C:2020:532, punt 37).

34      F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li l-fatt li klawżola kuntrattwali li tirrifletti waħda mid-dispożizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 1(2) tad‑Direttiva 93/13 ma tkunx ġiet innegozjata b’mod individwali ma għandux effett fuq l-esklużjoni tagħha mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva. Fil‑fatt, konformement mal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 93/13, l-assenza ta’ negozjati individwali hija kundizzjoni dwar il-ftuħ tal-istħarriġ tan-natura inġusta ta’ klawżola li ma tistax isseħħ meta l-klawżola kuntrattwali ma tkunx taqa’ fil‑kamp ta’ applikazzjoni tagħha (sentenza tad-9 ta’ Lulju 2020, Banca Transilvania, C‑81/19, EU:C:2020:532, punt 36).

35      Fir-rigward tal-għan tad-Direttiva 93/13, il-Qorti tal-Ġustizzja repetutament iddeċidiet li l-esklużjoni tal-applikazzjoni tas-sistema ta’ din id-direttiva li tirriżulta mill-Artikolu 1(2) tagħha hija ġġustifikata mill-fatt li, bħala prinċipju, huwa leġittimu li jiġi preżunt li l-leġiżlatur nazzjonali stabbilixxa bilanċ bejn id‑drittijiet u l-obbligi kollha tal-partijiet f’ċerti kuntratti, bilanċ li l-leġiżlatur tal‑Unjoni ried espliċitament iżomm (sentenza tal-10 ta’ Ġunju 2021, Prima banka Slovensko, C‑192/20, EU:C:2021:480, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata). Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li l-fatt li tali bilanċ ġie stabbilit ma jikkostitwixxix kundizzjoni għall-applikazzjoni tal-esklużjoni msemmija fl‑imsemmi Artikolu 1(2), iżda l-ġustifikazzjoni ta’ din l-esklużjoni (ara, f’dan is‑sens, is-sentenza tad-9 ta’ Lulju 2020, Banca Transilvania, C‑81/19, EU:C:2020:532, punt 27, kif ukoll id-digriet tal-14 ta’ Ottubru 2021, NSV u NM, C‑87/21, mhux ippubblikat, EU:C:2021:860, punt 31).

36      Mill-kunsiderazzjonijiet li jinsabu fil-punti 33 sa 35 jirriżulta li l-qrati nazzjonali ma jistgħux jistħarrġu, fid-dawl tad-Direttiva 93/13, in-natura inġusta ta’ klawżola li tinsab f’kuntratt konkluż bejn bejjiegħ jew fornitur u konsumatur, anki jekk din ma tkunx ġiet innegozjata b’mod individwali, meta din il-klawżola tirrifletti dispożizzjoni leġiżlattiva jew regolatorja li hija “mandatorja”, fis-sens tal‑Artikolu 1(2) tal-imsemmija direttiva, peress li dan il-kunċett jinkludi mhux biss dispożizzjoni li tapplika bejn il-partijiet kontraenti indipendentement mill‑għażla tagħhom, iżda wkoll għal dispożizzjoni ta’ natura supplimentari, jiġifieri li tapplika awtomatikament, fin-nuqqas ta’ arranġament differenti bejn il‑partijiet, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 30 ta’ din is-sentenza.

37      Huma l-qrati nazzjonali aditi li għandhom jivverifikaw jekk il-klawżola kkonċernata taqax taħt l-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 93/13 fid-dawl tal-kriterji li ġew iddefiniti mill-Qorti tal-Ġustizzja, jiġifieri billi jieħdu inkunsiderazzjoni n‑natura, l-istruttura ġenerali u l-istipulazzjonijiet tal-kuntratti ta’ self ikkonċernati kif ukoll il-kuntest ġuridiku u fattwali li jaqgħu taħtu, filwaqt li jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li, fid-dawl tal-għan ta’ protezzjoni tal-konsumaturi previst minn din id-direttiva, l-eċċezzjoni stabbilita fl-Artikolu 1(2) tagħha għandha tiġi interpretata b’mod strett (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-20 ta’ Settembru 2017, Andriciuc et, C‑186/16, EU:C:2017:703, punti 30 u 31).

38      F’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju tqis li l-klawżoli inkwistjoni, li jidhru li ma ġewx innegozjati bejn il-partijiet fil-kuntratt ta’ self ikkonċernat, jirriproduċu l-kontenut tal-Artikolu 291 tal-Kodiċi Ċivili, li hija tikklassifika bħala dispożizzjoni leġiżlattiva ta’ natura supplimentari.

39      Madankollu, għandu jitfakkar li hija dik il-qorti li għandha teżamina, billi tapplika l-kriterji indikati fil-punt 37 ta’ din is-sentenza, jekk il-klawżoli kollha kkontestati quddiemha jirriflettux verament dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali li huma mandatorji, fis-sens tal-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 93/13, peress li dawk tal‑imsemmija klawżoli li ma jaqgħux taħt din il-klassifikazzjoni ma jistgħux jiġu esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmija direttiva f’dan ir-rigward. Il‑fatt li ċerti klawżoli li jirriflettu tali dispożizzjonijiet leġiżlattivi ma jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 93/13 ma jimplikax li l-validità ta’ klawżoli oħra, li jinsabu fl-istess kuntratt u li ma humiex koperti minn dispożizzjonijiet leġiżlattivi, ma tistax tiġi evalwata mill-qorti nazzjonali fid-dawl ta’ din id-direttiva (sentenza tal-20 ta’ Settembru 2018, OTP Bank u OTP Faktoring, C‑51/17, EU:C:2018:750, punt 66).

40      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għar-raba’ domanda għandha tkun li l-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 93/13 għandu jiġi interpretat fis-sens li jeskludi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva klawżola inkluża f’kuntratt konkluż bejn bejjiegħ jew fornitur u konsumatur li tirrifletti dispożizzjoni leġiżlattiva jew regolatorja nazzjonali ta’ natura supplimentari, jiġifieri li tapplika awtomatikament fl-assenza ta’ arranġament differenti bejn il‑partijiet, anki jekk l-imsemmija klawżola ma kinitx is-suġġett ta’ negozjati individwali.

 Fuq it-tieni u t-tielet domanda preliminari

41      Permezz tat-tieni u tat-tielet domanda tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 1(2) tad‑Direttiva 93/13 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-qrati ta’ Stat Membru huma obbligati jeskludu mill-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom il-klawżoli li huma msemmija f’dan l-Artikolu 1(2), anki jekk l-imsemmija dispożizzjoni ma ġietx trasposta b’mod formali fl-ordinament ġuridiku ta’ dan l-Istat, u, f’każ bħal dan, jekk dawn il-qrati jistgħux jikkunsidraw li l-imsemmi Artikolu 1(2) ġie inkorporat fid-dritt nazzjonali b’mod indirett permezz tat-traspożizzjoni tal-Artikolu 3(1) u tal-Artikolu 4(1) ta’ din id-direttiva.

42      Din id-domanda hija bbażata fuq il-premessa li l-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 93/13 ma ġiex inkluż espressament fil-leġiżlazzjoni Griega li tiżgura t-traspożizzjoni tagħha, l-Areios Pagos (il-Qorti ta’ Kassazzjoni) iddeċidiet, abbażi ta’ interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali meqjusa konformi ma’ din id-direttiva, li l‑esklużjoni mill-kamp ta’ applikazzjoni tagħha stabbilita fl-Artikolu 1(2) tagħha tinsab impliċitament fl-imsemmija leġiżlazzjoni, għaliex din l-esklużjoni hija inerenti għall-Artikolu 2(6) tal-Liġi 2251/1994, li ttraspona l-Artikolu 3(1) u l‑Artikolu 4(1) tal-imsemmija direttiva.

43      Qabelxejn, fir-rigward tal-konsegwenzi tal-assenza ta’ traspożizzjoni tal‑Artikolu 1(2) tad-Direttiva 93/13 fid-dritt intern, għandu jiġi enfasizzat li d‑dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva huma intiżi li japplikaw biss għal każijiet li ma humiex esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tagħha, b’mod partikolari abbażi tal-esklużjoni li l-imsemmi Artikolu 1(2) jistabbilixxi, fil-kundizzjonijiet li huwa jiddefinixxi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-26 ta’ Marzu 2020, Mikrokasa u Revenue Niestandaryzowany Sekurytyzacyjny Fundusz Inwestycyjny Zamknięty, C‑779/18, EU:C:2020:236, punt 50, kif ukoll tad-9 ta’ Lulju 2020, Banca Transilvania, C‑81/19, EU:C:2020:532, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata).

44      Sussegwentement, għandu jiġi kkonstatat li l-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 93/13 jeskludi mill-kamp ta’ applikazzjoni tagħha l-klawżoli li huwa jsemmi, b’mod partikolari l-klawżoli li jirriflettu dispożizzjonijiet mandatarji statutorji jew regolatorji. Konsegwentement, minkejja eventwali assenza ta’ traspożizzjoni ta’ dan l-Artikolu 1(2) fl-ordinament ġuridiku ta’ Stat Membru, xorta jibqa’ l-fatt li l‑istħarriġ, fid-dawl tar-rekwiżiti ta’ din id-direttiva, tal-konformità ta’ tali klawżoli kuntrattwali, u indirettament tad-dispożizzjonijiet nazzjonali mandatorji li dawn jirriflettu, ma huwiex previst mid-dritt tal-Unjoni.

45      Fil-fatt, tali assenza ta’ traspożizzjoni ma tistax tbiddel il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 93/13, li għandu, bħala prinċipju, ikun l-istess fl-Istati Membri kollha, bla ħsara għall-arranġamenti li huma awtorizzati mid-dritt tal-Unjoni. F’dan l-aħħar rigward, għandu jitfakkar li l-Istati Membri jżommu, b’mod partikolari, il-possibbiltà li japplikaw id-dispożizzjonijiet tal-imsemmija direttiva, bħala regoli tad-dritt nazzjonali, għal sitwazzjonijiet li ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din tal-aħħar, sakemm dan ikun kompatibbli mal-għanijiet segwiti minnha u mat-trattati (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-2 ta’ April 2020, Condominio di Milano, via Meda, C‑329/19, EU:C:2020:263, punti 32 sa 38).

46      Fl-aħħar nett, fid-dawl tal-kuntest tal-proċedura fil-kawża prinċipali, kif espost fil‑punti 18 sa 22 u 42 ta’ din is-sentenza, hemm lok li jiġi eżaminat jekk, meta l‑Artikolu 1(2) tad-Direttiva 93/13 ma ġiex traspost b’mod espliċitu fl-ordinament ġuridiku ta’ Stat Membru permezz tal-adozzjoni ta’ dispożizzjoni legali espressa u speċifika f’dan is-sens, il-qrati ta’ dan l-Istat jistgħux, jew għandhomx, iqisu li l‑imsemmija dispożizzjoni ġiet trasposta b’mod impliċitu bl-adozzjoni tad‑dispożizzjonijiet nazzjonali li ttrasponew l-Artikolu 3(1) u l-Artikolu 4(1) ta’ din id-direttiva.

47      F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li l-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 93/13 jillimita l-kamp ta’ applikazzjoni tas-sistema ta’ protezzjoni kontra l-klawżoli inġusti li ġiet stabbilita minn din id-direttiva, filwaqt li l-Artikoli 3 u 4 tagħha jirrigwardaw rispettivament il-kunċett ta’ klawżoli inġusti u l-portata tal‑evalwazzjoni tan-natura inġusta ta’ tali klawżoli, fil-kuntest tal-imsemmija direttiva.

48      Barra minn hekk, kif diġà ddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja, kull strument tad-dritt tal-Unjoni huwa applikabbli għal sitwazzjoni partikolari biss sa fejn din taqa’ fil‑kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan l-istrument (digrieti tat-14 ta’ April 2021, Credit Europe Ipotecar IFN u Credit Europe Bank, C‑364/19, EU:C:2021:306, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tal-14 ta’ Ottubru 2021, NSV u NM, C‑87/21, mhux ippubblikat, EU:C:2021:860, punt 37). Barra minn hekk, mill-istruttura stess tad-Direttiva 93/13 jirriżulta b’mod ċar li l-evalwazzjoni eventwali tan‑natura inġusta ta’ klawżola fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tagħha, u b’mod partikolari tal-Artikoli 3 u 4 tagħha, teħtieġ li jiġi ddeterminat, minn qabel, jekk il‑klawżola kkonċernata taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva, b’mod partikolari fir-rigward tal-esklużjoni li hija stabbilita fl-Artikolu 1(2) tal‑imsemmija direttiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-10 ta’ Ġunju 2021, BNP Paribas Personal Finance, C‑609/19, EU:C:2021:469, punti 23 u 26, kif ukoll id‑digrieti tal-14 ta’ April 2021, Credit Europe Ipotecar IFN u Credit Europe Bank, C‑364/19, EU:C:2021:306, punt 33, u tal-14 ta’ Ottubru 2021, NSV u NM, C‑87/21, mhux ippubblikat, EU:C:2021:860, punt 38).

49      Għaldaqstant, meta l-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 93/13, li għandu l-għan li jiddefinixxi l-kamp ta’ applikazzjoni tagħha, ma jkunx ġie traspost formalment, permezz ta’ dispożizzjoni legali espressa u speċifika, fl-ordinament ġuridiku ta’ Stat Membru, il-qrati tiegħu ma jistgħux jikkunsidraw li din id-dispożizzjoni ġiet indirettament inkorporata permezz tat-traspożizzjoni tal-Artikolu 3(1) u tal‑Artikolu 4(1) ta’ din id-direttiva, li ma għandhomx l-istess suġġett.

50      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għat-tieni u għat-tielet domanda għandha tkun li l-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 93/13 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-klawżoli li huma msemmija f’dan l-Artikolu 1(2) huma esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva, anki jekk l-imsemmija dispożizzjoni ma ġietx trasposta b’mod formali fl-ordinament ġuridiku ta’ Stat Membru u, f’każ bħal dan, il-qrati ta’ dan l-Istat Membru ma jistgħux iqisu li l‑imsemmi Artikolu 1(2) ġie inkorporat b’mod indirett fid-dritt nazzjonali, permezz tat-traspożizzjoni tal-Artikolu 3(1) u tal-Artikolu 4(1) ta’ din id-direttiva.

 Fuq l-ewwel domanda preliminari

51      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 8 tad-Direttiva 93/13 għandux jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix l-adozzjoni jew iż-żamma ta’ dispożizzjonijiet tad-dritt intern li għandhom l-effett li japplikaw is-sistema ta’ protezzjoni tal-konsumaturi prevista minn din id-direttiva għal klawżoli li huma msemmija fl-Artikolu 1(2) tagħha.

52      Preliminarjament, għandu jiġi kkonstatat li l-qorti tar-rinviju u r-rikorrenti fil‑kawża prinċipali donnhom jaqblu li l-assenza ta’ traspożizzjoni fid-dritt Grieg, bil-Liġi 2251/1994, tal-esklużjoni prevista fl-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 93/13 tfittex impliċitament, abbażi tal-Artikolu 8 tagħha, l-għan li jiżdied il-livell ta’ protezzjoni tal-konsumaturi meta mqabbel ma’ dak iggarantit minn din id‑direttiva. Madankollu, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom, Trapeza Peiraios u l-Gvern Elleniku jikkonfutaw li l-leġiżlatur nazzjonali kellu tali intenzjoni.

53      F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li, skont ġurisprudenza stabbilita, hija l‑Qorti tal-Ġustizzja li għandha tieħu inkunsiderazzjoni, fil-kuntest tat-tqassim tal‑ġurisdizzjoni bejn din tal-aħħar u l-qrati nazzjonali, il-kuntest fattwali u leġiżlattiv tad-domandi preliminari, kif iddefinit mid-deċiżjoni tar-rinviju, b’tali mod li l-eżami ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari ma jistax isir fid-dawl tal‑interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali invokata mill-Gvern ta’ Stat Membru jew minn parti fil-kawża prinċipali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-15 ta’ April 2021, L-Istat Belġjan (Elementi sussegwenti għad-deċiżjoni ta’ trasferiment), C‑194/19, EU:C:2021:270, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata).

54      Wara li ġie ppreċiżat dan, għandu jitfakkar li, skont it-tnax‑il premessa tad‑Direttiva 93/13, din tipproċedi biss għal armonizzazzjoni parzjali u minima tal‑leġiżlazzjonijiet nazzjonali dwar il-klawżoli inġusti, filwaqt li tħalli lill-Istati Membri l-possibbiltà, fl-osservanza tat-Trattat FUE, li jiżguraw livell ta’ protezzjoni ogħla għall-konsumatur permezz ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali iktar stretti minn dawk ta’ din id-direttiva. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 8 tal‑imsemmija direttiva, l-Istati Membri jistgħu jadottaw jew iżommu, fil-qasam irregolat minnha, dispożizzjonijiet iktar stretti, kompatibbli ma’ dan it-trattat, sabiex jiżguraw livell ogħla ta’ protezzjoni għall-konsumatur (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-2 ta’ April 2020, Condominio di Milano, via Meda, C‑329/19, EU:C:2020:263, punt 33, u tat-3 ta’ Settembru 2020, Profi Credit Polska, C‑84/19, C‑222/19 u C‑252/19, EU:C:2020:631, punt 84).

55      Mill-kliem tal-Artikolu 8 tad-Direttiva 93/13 jirriżulta li l-possibbiltà li għandhom l-Istati Membri skont din id-dispożizzjoni, sabiex iżidu l-livell ta’ protezzjoni tal‑konsumaturi, hija applikabbli “fil-qasam kopert minn din id-Direttiva”, li tkopri l-klawżoli li jistgħu jkunu inġusti li jinsabu fil-kuntratti konklużi bejn bejjiegħ jew fornitur u konsumatur.

56      Fir-rigward tal-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 93/13, moqri fid-dawl tat-tlettax‑il premessa tagħha, dan jeskludi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva ċerti klawżoli ta’ kuntratti konklużi mal-konsumaturi, b’mod partikolari dawk li jirriflettu dispożizzjonijiet mandatarji statutorji jew regolatorji.

57      L-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 93/13 ma jippreġudikax il-fakultà tal-Istati Membri, li hija stabbilita fit-tnax‑il premessa u fl-Artikolu 8 ta’ din id-direttiva, li jiżguraw livell ta’ protezzjoni ogħla għall-konsumatur permezz ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali iktar stretti minn dawk tal-imsemmija direttiva, fl-osservanza tat‑Trattat FUE.

58      Barra minn hekk, fis-sentenza tat-3 ta’ Ġunju 2010, Caja de Ahorros u Monte de Piedad de Madrid (C‑484/08, EU:C:2010:309, punti 30 sa 35, 40 u 43), li jirrigwardaw ir-relazzjoni bejn il-possibbiltà li hija miftuħa fl-Artikolu 8 u l‑eċċezzjoni għall-mekkaniżmu ta’ stħarriġ fil-mertu tal-klawżoli inġusti li huwa stabbilit fl-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 93/13, il-Qorti tal-Ġustizzja, wara li kkonstatat li l-klawżoli msemmija f’dan l-Artikolu 4(2) jaqgħu taħt il-qasam irregolat mid-Direttiva 93/13 u li, għaldaqstant, l-Artikolu 8 tagħha ma japplikax ukoll għall-imsemmi Artikolu 4(2), iddeċidiet li dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet ma kinux jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti stħarriġ ġudizzjarju tan-natura abbużiva ta’ dawn il-klawżoli li tiżgura lill-konsumatur livell ta’ protezzjoni ogħla minn dak stabbilit minn din id-direttiva.

59      Sussegwentement, il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret li l-klawżoli msemmija fl‑Artikolu 4(2) tad-Direttiva 93/13 ma humiex suġġetti għal evalwazzjoni tal‑eventwali natura inġusta tagħhom, iżda jaqgħu taħt il-qasam irregolat minnha fis-sens tal-Artikolu 8 tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-30 ta’ April 2014, Kásler u Káslerné Rábai, C‑26/13, EU:C:2014:282, punt 41), u li dispożizzjoni tad‑dritt nazzjonali li tagħti portata iktar stretta lill-eċċezzjoni stabbilita mill‑imsemmi Artikolu 4(2), tagħmel parti mill-għan ta’ protezzjoni tal‑konsumaturi mfittex minn din id-direttiva (sentenza tat-3 ta’ Settembru 2020, Profi Credit Polska, C‑84/19, C‑222/19 u C‑252/19, EU:C:2020:631, punt 85).

60      Madankollu, teżisti differenza bejn l-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 93/13, li jeskludi mill-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tagħha l-ewwel kategorija ta’ klawżoli kuntrattwali, u l-Artikolu 4(2) ta’ din id-direttiva, li ma jistabbilixxix dan il-kamp ta’ applikazzjoni, iżda jeskludi mill-evalwazzjoni tan-natura inġusta t‑tieni kategorija ta’ klawżoli kuntrattwali li, min-naħa tagħhom, jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-3 ta’ Ġunju 2010, Caja de Ahorros u Monte de Piedad de Madrid, C‑484/08, EU:C:2010:309, punt 32).

61      Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li l-klawżoli msemmija f’dan l-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 93/13 ma jaqgħux fil-qasam irregolat minn din id-direttiva u li, konsegwentement, l-Artikolu 8 tagħha ma japplikax għall-imsemmi Artikolu 1(2).

62      Wara li ġie stabbilit dan, għandu madankollu jiġi rrilevat, kif tfakkar fil-punt 45 ta’ din is-sentenza, li l-Istati Membri jistgħu japplikaw dispożizzjonijiet ta’ din id‑direttiva għal sitwazzjonijiet li ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din tal-aħħar, sakemm dan ikun kompatibbli mal-għanijiet segwiti minnha u mat‑trattati (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-2 ta’ April 2020, Condominio di Milano, via Meda, C‑329/19, EU:C:2020:263, punt 37).

63      Konsegwentement, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 8 tad-Direttiva 93/13 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix l-adozzjoni jew iż-żamma ta’ dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali li għandhom l-effett li japplikaw is-sistema ta’ protezzjoni tal-konsumaturi prevista minn din id-direttiva għal klawżoli li huma msemmija fl-Artikolu 1(2) tagħha.

 Dwar l-ispejjeż

64      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in‑natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal‑osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-Artikolu 1(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13 KEE tal-5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur għandu jiġi interpretat fis-sens li jeskludi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din iddirettiva klawżola inkluża f’kuntratt konkluż bejn bejjiegħ jew fornitur u konsumatur li tirrifletti dispożizzjoni leġiżlattiva jew regolatorja nazzjonali ta’ natura supplimentari, jiġifieri li tapplika awtomatikament fl-assenza ta’ arranġament differenti bejn il-partijiet, anki jekk l-imsemmija klawżola ma kinitx is-suġġett ta’ negozjati individwali.

2)      L-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 93/13 għandu jiġi interpretat fis-sens li lklawżoli li huma msemmija f’dan l-Artikolu 1(2) huma esklużi millkamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva, anki jekk l-imsemmija dispożizzjoni ma ġietx trasposta b’mod formali fl-ordinament ġuridiku ta’ Stat Membru, u, f’każ bħal dan, il-qrati ta’ dan l-Istat Membru ma jistgħux iqisu li l-imsemmi Artikolu 1(2) ġie inkorporat b’mod indirett fid-dritt nazzjonali, permezz tat-traspożizzjoni tal-Artikolu 3(1) u talArtikolu 4(1) ta’ din id-direttiva.

3)      L-Artikolu 8 tad-Direttiva 93/13 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix l-adozzjoni jew iż-żamma ta’ dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali li għandhom l-effett li japplikaw is-sistema ta’ protezzjoni tal-konsumaturi prevista minn din id-direttiva għal klawżoli li huma msemmija fl-Artikolu 1(2) tagħha.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Grieg.