Language of document : ECLI:EU:F:2012:139

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU
TAL-UNJONI EWROPEA

(L-Ewwel Awla)

2 ta’ Ottubru 2012

Kawża F‑52/05 RENV

Q

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Servizz pubbliku — Rinviju quddiem it-Tribunal wara annullament — Dmir ta’ assistenza — Fastidju psikoloġiku — Miżura provviżorja ta’ allontanament — Kumpens għad-dannu morali — Rapporti tal-iżvilupp tal-karriera — Assenzi ġġustifikati minħabba mard — Nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni”

Suġġett: Rinviju tar-rikors F‑52/05, inizjalment ippreżentat skont l-Artikoli 236 KE u 152 KEEA, quddiem it-Tribunal permezz ta’ sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea, tat-12 ta’ Lulju 2011, Il-Kummissjoni vs Q (T‑80/09 P, iktar ’il quddiem is-“sentenza ta’ rinviju”, li tannulla parzjalment is-sentenza tat-Tribunal tad-9 ta’ Diċembru 2008, Q vs Il-Kummissjoni (F‑52/05, iktar ’il quddiem is-“sentenza inizjali”), li kien iddeċieda dwar ir-rikors irreġistrat fl-4 ta’ Lulju 2005, li permezz tiegħu Q kien talab, essenzjalment, l-ewwel nett, l-annullament tad-deċiżjoni li permezz tagħha l-Kummissjoni kienet, b’mod impliċitu, ċaħdet it-talba tiegħu għal assistenza, it-tieni nett, l-annullament tar-rapporti tiegħu tal-iżvilupp tal-karriera stabbiliti rispettivament għall-perijodi mill-1 ta’ Jannar sal-31 ta’ Ottubru u mill-1 ta’ Novembru sal-31 ta’ Diċembru 2003 (iktar ’il quddiem ir-“RŻK 2003”), u t-tielet nett, il-kundanna tal-Kummissjoni sabiex tħallsu għad-danni.

Deċiżjoni: Ir-rapporti tal-iżvilupp tal-karriera huma annullati. Il-Kummissjoni Ewropea hija kkundannata tħallas lir-rikorrent is-somma ta’ EUR 10 000. Il-Kummissjoni għandha tbati l-ispejjeż tagħha relattivi għall-proċedura mibdija quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea u għaż-żewġ proċeduri mibdija quddiem it-Tribunal u hija kkundannata għal tliet kwarti mill-ispejjeż sostnuti mir-rikorrent relattivi għaż-żewġ proċeduri mibdija quddiem it-Tribunal. Ir-rikorrent għandu jbati l-ispejjeż tiegħu relattivi għall-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea u kwart mill-ispejjeż tiegħu relattivi għaż-żewġ proċeduri mibdija quddiem it-Tribunal.

Sommarju

1.      Uffiċjali — Evalwazzjoni — Rapport tal-iżvilupp tal-karriera — Nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-assenzi ġustifikati — Annullament tar-rapport

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 43)

2.      Uffiċjali — Fastidju psikoloġiku — Obbligu ta’ assistenza tal-amministrazzjoni — Rifjut li tittieħed miżura provviżorja ta’ allontanament — Dritt tal-uffiċjal għal kumpens adegwat għad-dannu morali

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 24)

1.      Minkejja li l-assenzi ġustifikati ta’ uffiċjal ma jistgħux jippenalizzawh fil-kuntest tal-evalwazzjoni tiegħu, il-marka għar-rendiment tista’ tiżdied b’mod li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-kundizzjonijiet li fihom huwa eżerċita l-funzjonijiet tiegħu minkejja l-fatt li, minħabba l-assenza tiegħu, huwa kellu inqas ħin tax-xogħol effettiv. Għalhekk, il-ksur, minn istituzzjoni, tal-obbligu ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-assenzi ġustifikati minħabba mard sabiex tevalwa r-rendiment ta’ uffiċjal, fil-kuntest tal-istabbiliment ta’ rapport tal-iżvilupp tal-karriera, jikkostitwixxi żball manifest ta’ evalwazzjoni li jagħti bażi għall-annullament tal-imsemmi rapport.

(ara l-punti 23 sa 25)

Referenza:

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 6 ta’ Ottubru 2009, Sundholm vs Il-Kummissjoni, T‑102/08 P, punt 29

2.      Ir-rifjut ta’ istituzzjoni li tieħu miżura provviżorja ta’ allontanament, fil-kuntest ta’ talba għal assistenza bbażata fuq allegazzjoni ta’ fastidju psikoloġiku, jista’ jkollu konsegwenzi iktar ta’ ħsara għall-vittma preżunta milli d-dewmien għall-ftuħ ta’ proċedimenti ta’ investigazzjoni amministrattiva, u għandu jagħti lok għal kumpens adegwat għad-dannu morali sostnut.

(ara l-punt 31)