Language of document : ECLI:EU:T:2021:724

IS-SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla Estiża)

20 ta’ Ottubru 2021 (*)

“Kompetizzjoni – Konċentrazzjonijiet – Trasport bl-ajru – Deċiżjoni li tiddikjara operazzjoni ta’ konċentrazzjoni kompatibbli mas-suq intern u mal-Ftehim ŻEE – Suq inkwistjoni – Evalwazzjoni tal-effetti tal-operazzjoni fuq il-kompetizzjoni – Impenji – Obbligu ta’ motivazzjoni”

Fil-Kawża T‑296/18,

Polskie Linie Lotnicze “LOT” S.A., stabbiltà f’Varsavja (il-Polonja), irrappreżentata minn M. Jeżewski u M. König, avukati,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn L. Wildpanner, T. Franchoo u J. Szczodrowski, bħala aġenti,

konvenuta,

sostnuta minn

Deutsche Lufthansa AG, stabbilita f’Köln (il-Ġermanja), irrappreżentata minn S. Völcker u R. Benditz, avukati,

intervenjenti,

li għandha bħala suġġett talba bbażata fuq l-Artikolu 263 TFUE u intiża għall-annullament tad-Deċiżjoni C(2017) 9118 finali tal-Kummissjoni, tal-21 ta’ Diċembru 2017, li tiddikjara konċentrazzjoni kompatibbli mas-suq intern u mal-Ftehim ŻEE (Każ COMP/M.8633 – Lufthansa/Ċerti attivi ta’ Air Berlin),

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla Estiża),

Komposta minn M. van der Woude, President tal-Awla, A. Kornezov, E. Buttigieg, K. Kowalik-Bańczyk (Relatriċi) u G. Hesse, Imħallfin,

Reġistratur: R. Ūkelytė, amministratriċi,

Wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura u wara s-seduta tal-10 ta’ Settembru 2020,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Air Berlin plc kienet kumpannija tal-ajru li tagħha Luftfahrtgesellschaft Walter mbH (iktar ’il quddiem “LGW”) u NIKI Luftfarht GmbH kienu sussidjarji. Fil-kuntest ta’ ftehim imsejjaħ “wet lease” (iktar ’il quddiem il-“ftehim wet lease”), LGW kienet tikri lil Air Berlin ajruplani reġjonali flimkien mal-ekwipaġġ tagħhom sabiex talimenta l-flussi ta’ passiġġieri lejn konnessjonijiet oħra operati minn din tal-aħħar.

2        Fl-2016, wara diffikultajiet finanzjarji, Air Berlin bdiet pjan ta’ ristrutturazzjoni li kellu jiġi parzjalment iffinanzjat permezz ta’ self mingħand waħda mill-azzjonisti tagħha, Etihad Airways PJSC.

3        Fis-16 ta’ Diċembru 2016, Air Berlin, fil-kuntest tal-pjan ta’ ristrutturazzjoni tagħha, ikkonkludiet mal-intervenjenti, Deutsche Lufthansa AG, ftehim (iktar ’il quddiem il-“ftehim roof wet lease”) li permezz tiegħu hija sullokat lil żewġ sussidjarji ta’ din tal-aħħar ajruplani flimkien mal-ekwipaġġ tagħhom. Dawn l-ajruplani kienu ġew preċedentement mikrija mingħand terzi minn Air Berlin fil-kuntest ta’ ftehimiet ta’ kiri mingħajr l-ekwipaġġ.

4        Permezz ta’ deċiżjoni tat-30 ta’ Jannar 2017, il-Bundeskartellamt (L-Uffiċċju Federali tal-Kompetizzjoni, il-Ġermanja) approva l-ftehim roof wet lease.

5        Fid-9 ta’ Awwissu 2017, Etihad Airways ma wettqitx il-ħlas tal-parti tas-self li kienet dovuta.

6        Fil-11 ta’ Awwissu 2017, Etihad Airways ħabbret pubblikament li hija ma kinitx iktar sejra ssostni finanzjarjament lil Air Berlin.

7        Fil-15 ta’ Awwissu 2017, minn naħa, Air Berlin bdiet proċedura ta’ insolvenza quddiem l-Amtsgericht Charlottenburg (il-Qorti Distrettwali ta’ Charlottenburg, il-Ġermanja), li awtorizzatha tkompli tamministra u tuża l-beni tagħha taħt is-superviżjoni ta’ amministratur provviżorju.

8        Min-naħa l-oħra, il-Gvern Ġermaniż innotifika lill-Kummissjoni Ewropea, konformement mal-Artikolu 108(3) TFUE, miżura ta’ għajnuna fil-forma ta’ self iggarantit ta’ ammont massimu ta’ EUR 150 il-miljun favur Air Berlin (iktar ’il quddiem l-“għajnuna għas-salvataġġ”). Permezz tad-Deċiżjoni C(2017) 6080 finali, tal-4 ta’ Settembru 2017, dwar l-għajnuna mill-Istat SA.48937 (2017/N) – il-Ġermanja, għas-salvataġġ ta’Air Berlin (ĠU 2017, C 400, p. 7, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni li tiddikjara l-għajnuna għas-salvataġġ kompatibbli mas-suq intern”), il-Kummissjoni ddikjarat l-għajnuna għas-salvataġġ kompatibbli mas-suq intern. F’dan ir-rigward, hija speċifikat li din l-għajnuna kellha tippermetti t-tkomplija tal-attivitajiet ta’ Air Berlin għal tul massimu ta’ tliet xhur li matulhom kien previst li jinbiegħu l-attivi ta’ din tal-aħħar.

9        Fl-10 ta’ Ottubru 2017, l-intervenjenti talbet lill-Kummissjoni, abbażi tal-Artikolu 7(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 tal-20 ta’ Jannar 2004 dwar il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn impriżi (ir-“Regolament KE dwar il-Konċentrazzjonijiet”) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 3, p. 40), sabiex tkun tista’ tidderoga mill-obbligu li jimponi li konċentrazzjoni ma għandhiex tkun implimentata qabel ma tkun notifikata jew qabel ma tkun iddikjarata kompatibbli mas-suq intern. B’mod iktar partikolari, minn naħa, hija talbet sabiex tkun tista’ tissostitwixxi ruħha għal Air Berlin fil-kuntest ta’ diversi kuntratti ta’ kiri ta’ ajruplani konklużi ma terzi sabiex tevita s-sekwestru ta’ dawn l-ajruplani minħabba l-fatt li ma kienx possibbli għal Air Berlin li tħallas is-somom dovuti b’applikazzjoni ta’ dawn il-kuntratti. Min-naħa l-oħra, hija talbet sabiex tkun tista tikri ajruplani bl-ekwipaġġi mingħand LGW u mingħand NIKI Luftfahrt, sabiex tippermetti li dawn tal-aħħar jissostitwixxu ruħhom għal Air Berlin fil-kuntest tal-ftehim roof wet lease.

10      Fit-13 ta’ Ottubru 2017, l-intervenjenti u Air Berlin ikkonkludew ftehim dwar ix-xiri tal-ishma kollha ta’ LGW u ta’ NIKI Luftfahrt (iktar ’il quddiem il-“ftehim tat-13 ta’ Ottubru 2017”). Qabel l-implimentazzjoni ta’ dan il-ftehim, Air Berlin kellha titrasferixxi lejn LGW ċerti ajruplani flimkien mal-ekwipaġġ tagħhom kif ukoll slots tal-ħin għall-perijodu ta’ skedar (staġun) tal-International Air Trasport Association (IATA, l-Assoċjazzjoni għat-Trasport bl-Ajru Internazzjonali) għax-xitwa 2017/2018 u għall-istaġun tas-sajf IATA 2018 fi tmien ajruporti Ġermaniżi (Düsseldorf, Hamburg, Munchen, Berlin-Tegel, Köln-Bonn, Nürnberg, Saarbrücken, Stuttgart), tliet ajruporti Taljani (Bologna, Firenze u Venezia), żewġ ajruporti Svizzeri (Geneva u Zürich), ajruport Ċek (Praga), ajruport Daniż (Kopenħagen Kastrup), ajruport Spanjol (Barcelona-El Prat), ajruport Awstrijak (Salzburg), ajruport Pollakk (Varsavja) u ajruport Svediż (Göteborg).

11      Permezz tad-Deċiżjoni C(2017) 7355 finali tas-27 ta’ Ottubru 2017, il-Kummissjoni laqgħet, taħt ċerti kundizzjonijiet, it-talba ta’ deroga tal-intervenjenti msemmija fil-punt 9 iktar ’il fuq (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni tas-27 ta’ Ottubru 2017”).

12      Fit-28 ta’ Ottubru 2017, Air Berlin temmet l-attivitajiet tagħha fis-swieq ta’ servizzi ta’ trasport bl-ajru ta’ passiġġieri. Għalhekk LGW waqfet tikri ajruplani bl-ekwipaġġ lil Air Berlin abbażi tal-ftehim wet lease, iżda kompliet tikri ajruplani bl-ekwipaġġ lill-intervenjenti abbażi tal-ftehim roof wet lease, bis-saħħa tad-deċiżjoni tas-27 ta’ Ottubru 2017.

13      Fil-31 ta’ Ottubru 2017, l-intervenjenti nnotifikat lill-Kummissjoni, konformement mal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 139/2004, il-konċentrazzjoni li permezz tagħha hija xtrat l-ishma kollha ta’ LGW u ta’ NIKI Luftfahrt kif ukoll ċerti attivi oħra ta’ Air Berlin li kien għad kellhom jiġu ttrasferiti lil LGW, konformement mal-ftehim tat-13 ta’ Ottubru 2017.

14      Permezz ta’ digriet tal-1 ta’ Novembru 2017, l-Amtsgericht Charlottenburg (il-Qorti Distrettwali ta’ Charlottenburg) iddeċidiet li l-insolvenza u d-dejn eċċessiv ta’ Air Berlin kienu stabbiliti.

15      Fit-13 ta’ Diċembru 2017, l-intervenjenti rrinunzjat għax-xiri tal-ishma ta’ NIKI Luftfarht.

16      Fil-15 ta’ Diċembru 2017, l-intervenjenti pproponiet lill-Kummissjoni li tnaqqas minn 450 għal 108 in-numru ta’ slots tal-ħin fil-ġimgħa li kellhom jiġu ttrasferiti lilha abbażi tal-ftehim tat-13 ta’ Ottubru 2017 fl-ajruport ta’ Düsseldorf fir-rigward tal-istaġun tas-sajf IATA 2018 (iktar ’il quddiem l-“impenji meħuda mill-intervenjenti”).

17      Permezz tad-Deċiżjoni C(2017) 9118 finali tal-21 ta’ Diċembru 2017 (Każ COMP/M.8633 – Lufthansa/Ċerti attivi ta’ Air Berlin) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), il-Kummissjoni qieset li, meqjusa l-impenji meħuda mill-intervenjenti, ix-xiri ta’ LGW u ta’ attivi oħra li kellhom jiġu ttrasferiti minn Air Berlin lil din tal-aħħar (iktar ’il quddiem il-“konċentrazzjoni inkwistjoni”) kien kompatibbli mas-suq intern bis-saħħa tal-Artikolu 6(1)(b) u(2) tar-Regolament Nru 139/2004.

18      B’mod iktar partikolari, fl-ewwel lok, il-Kummissjoni qieset, minn naħa, li l-konċentrazzjoni inkwistjoni kienet prinċipalment tirrigwarda t-trasferiment ta’ slots tal-ħin ta’ Air Berlin lill-intervenjenti u, min-naħa l-oħra, li Air Berlin kienet temmet l-attivitajiet tagħha ta’ trasport bl-ajru ta’ passiġġieri qabel l-imsemmija konċentrazzjoni u indipendentement minnha. Hija osservat, f’dan ir-rigward, li dawn is-slots tal-ħin ma kienu marbuta ma ebda konnessjoni bl-ajru speċifika u li Air Berlin ma kienet għadha topera l-ebda konnessjoni bl-ajru. Minn dan hija ddeduċiet li, f’dawn iċ-ċirkustanzi, l-evalwazzjoni tal-effetti ta’ din il-konċentrazzjoni fuq is-swieq ta’ servizzi ta’ trasport bl-ajru ta’ passiġġieri ddefiniti f’pari ta’ bliet, bejn punt ta’ oriġini u punt ta’ destinazzjoni (iktar ’il quddiem is-“swieq O & D”) ma kinitx tippermetti li jsiru magħrufa l-“effetti strutturali” fuq il-kompetizzjoni ta’ konċentrazzjoni bħal din. Konsegwentement, minflok ma evalwat, konformement mal-prassi deċiżjonali tagħha, l-effetti tal-konċentrazzjoni inkwistjoni fuq kull wieħed mill-imsemmija swieq li fihom kienu preżenti Air Berlin u l-intervenjenti, hija ddefinixxiet is-swieq rilevanti ta’ servizzi ta’ trasport bl-ajru ta’ passiġġieri billi ġabret flimkien is-swieq O & D kollha bi tluq jew b’wasla minn jew f’kull wieħed mill-ajruporti li magħhom kienu marbuta l-islots tal-ħin ta’ Air Berlin ittrasferiti lill-intervenjenti. Hija għalhekk iddefinixxiet is-swieq rilevanti bħala dawk tas-servizzi ta’ trasport bl-ajru ta’ passiġġieri bi tluq jew b’wasla minn jew f’dawn l-ajruporti.

19      Fit-tieni lok, il-Kummissjoni qieset li l-intervenjenti jkollha l-kapaċità li tagħlaq l-aċċess għas-swieq rilevanti ta’ servizzi ta’ trasport bl-ajru ta’ passiġġieri meta jkunu ssodisfatti tliet kundizzjonijiet. L-ewwel, in-numru ta’ slots tal-ħin miżmuma mill-intervenjenti f’wieħed mill-ajruporti kkonċernati jkun jirrappreżenta sehem sinjifikattiv min-numru totali ta’ slots tal-ħin ta’ dan l-ajruport, b’mod partikolari meta tintlaħaq ir-rata ta’ konġestjoni massima tiegħu. It-tieni, il-konċentrazzjoni inkwistjoni żżid kunsiderevolment in-numru ta’ slots tal-ħin miżmuma mill-intervenjenti fl-imsemmi ajruport, b’mod partikolari meta tintlaħaq ir-rata ta’ konġestjoni massima tiegħu. It-tielet, il-pussess ta’ slots tal-ħin mill-intervenjenti jaffettwa b’mod negattiv id-disponibbiltà ta’ slots tal-ħin f’dan l-istess ajruport, meqjusa r-rata ta’ konġestjoni għolja tiegħu u n-numru kunsiderevoli ta’ slots tal-ħin miżmuma mill-intervenjenti.

20      Il-Kummissjoni għalhekk qieset li t-tliet kundizzjonijiet imsemmija fil-punt 19 iktar ’il fuq huma ssodisfatti biss f’dak li jirrigwarda l-ajruport ta’ Düsseldorf matul l-istaġun tas-sajf IATA 2018. B’mod iktar partikolari, hija osservat li, fl-assenza tal-impenji meħuda mill-intervenjenti, din tal-aħħar probabbilment tikseb pożizzjoni dominanti fir-rigward tal-pussess ta’ slots tal-ħin li tatiha l-kapaċità u l-inklinazzjoni li tagħlaq l-aċċess għas-suq ta’ servizzi ta’ trasport bl-ajru ta’ passiġġieri bi tluq jew b’wasla minn jew f’dan l-ajruport. Madankollu, hija qieset li dawn l-impenji kienu jnaqqsu suffiċjentement in-numru ta’ slots tal-ħin li kellhom jiġu ttrasferiti lill-intervenjenti b’tali mod li setgħet tikkonstata li l-konċentrazzjoni inkwistjoni ma kienet tqajjem ebda dubju serju dwar il-kompatibbiltà tagħha mas-suq intern.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

21      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-7 ta’ Mejju 2018, ir-rikorrenti ppreżentat dan ir-rikors.

22      Permezz ta’ ittra tat-12 ta’ Ġunju 2018, ir-rikorrenti, abbażi tal-Artikolu 88 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, talbet lill-Qorti Ġenerali tadotta miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura u miżuri istruttorji dwar l-għajnuna għas-salvataġġ, dwar it-tmiem tal-attivitajiet ta’ Air Berlin u dwar il-bejgħ tal-attivi ta’ din tal-aħħar.

23      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-23 ta’ Awwissu 2018, l-intervenjenti talbet li tintervjeni insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni. Permezz ta’ digriet tat-28 ta’ Novembru 2018, il-President tad-Disa’ Awla tal-Qorti Ġenerali aċċetta dan l-intervent.

24      Permezz ta’ att tas-17 ta’ Settembru 2018, ir-rikorrenti talbet it-trattament kunfidenzjali ta’ ċerta informazzjoni li tinstab fin-noti tagħha u fl-annessi għal dawn tal-aħħar. Permezz ta’ att tal-21 ta’ Diċembru 2018, l-intervenjenti ressqet oġġezzjonijiet għal din it-talba ta’ trattament kunfidenzjali.

25      Permezz ta’ digriet tal-20 ta’ Mejju 2019, il-President tad-Disa’ Awla tal-Qorti Ġenerali laqa’ parzjalment it-talba għal trattament kunfidenzjali ppreżentata mir-rikorrenti. Permezz ta’ ittra tas-26 ta’ Ġunju 2019, l-intervenjenti rtirat l-oġġezzjoni tagħha għat-trattament kunfidenzjali tad-data li fir-rigward tagħha l-imsemmija tagħha kienet intlaqgħet.

26      Peress li l-kompożizzjoni tal-Awli tal-Qorti Ġenerali nbidlet, b’applikazzjoni tal-Artikolu 27(5) tar-Regoli tal-Proċedura, l-Imħallef relatur ġie assenjat għall-Għaxar Awla, li lilha ġiet attribwita, konsegwentement, din il-kawża.

27      Fuq proposta tal-Għaxar Awla, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, b’applikazzjoni tal-Artikolu 28 tar-Regoli tal-Proċedura, li tibgħat il-kawża quddiem il-kulleġġ ġudikanti estiż.

28      Permezz ta’ miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura tal-11 ta’ Frar u tas-27 ta’ April 2020, adottati abbażi tal-Artikolu 89(3)(b) tar-Regoli tal-Proċedura, il-Qorti Ġenerali għamlet mistoqsijiet lill-Kummissjoni. Il-Kummissjoni wieġbet dawn il-mistoqsijiet fit-terminu mogħti lilha.

29      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż;

–        tikkundanna lill-intervenjenti tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha.

30      Il-Kummissjoni u l-intervenjenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Id-dritt

31      Preliminarjament, għandu jiġi osservat li l-intervenjenti tikkontesta l-ammissibbiltà tar-rikors. Madankollu, għandu jitfakkar, f’dan ir-rigward, li ma huwiex neċessarju li tingħata deċiżjoni dwar l-ammissibbiltà ta’ rikors meta dan għandu, f’kull każ, jiġi miċħud fuq il-mertu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-26 ta’ Frar 2002, Il-Kunsill vs Boehringer, C‑23/00 P, EU:C:2002:118, punti 51 u 52). Konsegwentement, f’din il-kawża, sa fejn, għar-raġunijiet esposti iktar ’il quddiem, ir-rikors għandu jiġi miċħud fuq il-mertu, ma huwiex neċessarju li tingħata deċiżjoni dwar l-ammissibbiltà tiegħu.

32      Insostenn tat-rikors, ir-rikorrenti tinvoka seba’ motivi, ibbażati, l-ewwel, fuq id-definizzjoni ħażina tas-swieq rilevanti, it-tieni, fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni tal-effetti tal-konċentrazzjoni inkwistjoni, it-tielet, fuq il-ksur tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 95/93 tat-18 ta’ Jannar 1993 dwar ir-regoli komuni għall-allokazzjoni ta’ slots f’ajruporti tal-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 2, p. 3), kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 545/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Ġunju 2009 (ĠU 2009, L 167, p. 24), ir-raba’, fuq l-ommissjoni tal-eżami tal-eventwali titjib fl-effiċjenza li jirriżulta minn din il-konċentrazzjoni, il-ħames, fuq in-natura insuffiċjenti tal-impenji meħuda mill-intervenjenti, is-sitta, fuq l-ommissjoni ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-għajnuna għas-salvataġġ fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-effetti tal-imsemmija konċentrazzjoni u, is-seba’, fuq il-ksur tal-Artikolu 296 TFUE.

 Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq definizzjoni ħażina tas-swieq rilevanti

33      Fil-kuntest tal-ewwel motiv, ir-rikorrenti tikkritika lill-Kummissjoni talli għażlet definizzjoni ħażina tas-swieq rilevanti. Dan il-motiv jinvolvi, essenzjalment, żewġ partijiet. Permezz tal-ewwel parti, ir-rikorrenti tikkontesta l-premessi tar-raġunament tal-Kummissjoni li skonthom, minn naħa, Air Berlin, inkluża LGW, kienet temmet l-attivitajiet tagħha qabel il-konċentrazzjoni inkwistjoni u indipendentement minnha u, min-naħa l-oħra, l-intervenjenti mhux ser tixtri lil Air Berlin inkwantu impriża, iżda biss attivi ta’ din tal-aħħar. Permezz tat-tieni parti, hija tikkritika lill-Kummissjoni talli ma ddefinixxietx is-swieq rilevanti ta’ servizzi ta’ trasport bl-ajru ta’ passiġġieri skont is-swieq O & D, inkluż fil-każ li Air Berlin ikollha titqies bħala li diġà rtirat minn uħud minn dawn is-swieq.

34      Il-Kummissjoni u l-intervenjenti jikkontestaw l-argumenti tar-rikorrenti.

 Fuq l-ewwel parti tal-ewwel motiv, ibbażata fuq il-fatt li Air Berlin ma kinitx temmet l-attivitajiet tagħha qabel il-konċentrazzjoni inkwistjoni u indipendentement minnha u kellha titqies bħala impriża għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-effetti ta’ din il-konċentrazzjoni

35      Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkonstatat li, bl-eċċezzjoni tal-applikazzjoni tal-ftehim roof wet lease awtorizzat permezz tad-deċiżjoni tas-27 ta’ Ottubru 2017, Air Berlin, inkluża LGW, kienet temmet l-attivitajiet tagħha fit-28 ta’ Ottubru 2017 u kienet, konsegwentement, irtirat mis-swieq kollha O & D li fihom din tal-aħħar kienet preżenti, qabel il-konċentrazzjoni inkwistjoni u indipendentement minnha. F’dawn iċ-ċirkustanzi, hija qieset li din il-konċentrazzjoni, sa fejn din kienet tirrigwarda prinċipalment slots tal-ħin, kellha twassal sabiex l-intervenjenti tieħu l-pożizzjonijiet miżmuma minn Air Berlin, mhux speċifikament fis-swieq O & D li fihom din tal-aħħar kienet preżenti, iżda fl-ajruporti li magħhom dawn is-slots tal-ħin kienu marbuta.

36      Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni qieset, żbaljatament, li t-tmiem tal-attivitajiet ta’ Air Berlin kien indipendenti mir-realizzazzjoni tal-konċentrazzjoni inkwistjoni. Hija tosserva li fil-ġurnata tat-talba għall-ftuħ tal-proċedura ta’ insolvenza, fil-15 ta’ Awwissu 2017, l-awtoritajiet Ġermaniżi ddeċidew li jagħtu lil Air Berlin l-għajnuna għas-salvataġġ. Issa, din l-għajnuna ppermettiet li din tal-aħħar tevita l-irtirar tal-liċenzja operattiva tagħha u, konsegwentement, li tkompli l-attivitajiet tagħha u li żżomm l-attivi tagħha, fosthom b’mod partikolari l-islots tal-ħin tagħha. Għalhekk, l-għan tal-imsemmija għajnuna kien li jippermetti t-trasferiment ta’ parti mill-islots tal-ħin tagħha lill-intervenjenti, b’applikazzjoni tal-Artikolu 8a tar-Regolament Nru 95/93.

37      F’dan ir-rigward, huwa paċifiku li l-proċedura ta’ insolvenza ta’ Air Berlin infetħet fil-15 ta’ Awwissu 2017 u li din il-proċedura kienet ir-riżultat tad-diffikultajiet finanzjarji ta’ Air Berlin u tar-rifjut ta’ Etihad Airways li twettaq il-ħlas tal-parti ta’ self favur din tal-aħħar. Barra minn hekk, ir-rikorrenti lanqas ma tikkontesta li, hekk kif jirriżulta, barra minn hekk, mid-deċiżjoni li tiddikjara l-għajnuna għas-salvataġġ kompatibbli mas-suq intern, l-għan ta’ din l-għajnuna kien biss li jiġi ttardjat, għal tul massimu ta’ tliet xhur, it-tmiem tal-attivitajiet ta’ Air Berlin, u mhux li dan jiġi ostakolat.

38      Konsegwentement, għandu jiġi osservat li Air Berlin kienet ittemm l-attivitajiet tagħha, anki fl-assenza tal-konċentrazzjoni inkwistjoni, b’tali mod li l-Kummissjoni qieset, ġustament, li Air Berlin kienet temmet l-attivitajiet tagħha indipendentement minn din il-konċentrazzjoni.

39      Fit-tieni lok, ir-rikorrenti tikkontesta l-fatt li t-tmiem tal-attivitajiet ta’ Air Berlin seħħ qabel il-konċentrazzjoni inkwistjoni. Hija ssostni li d-data tan-notifika tal-konċentrazzjoni ma tistax tkun data “inkontestabbli u dejjem użata” bħala fattur determinanti għall-finijiet tal-evalwazzjoni ta’ din il-konċentrazzjoni, peress li l-għażla ta’ din id-data hija f’idejn il-parti li tinnotifika. Dan jista’ għalhekk “jikkawża distorsjoni” f’din l-evalwazzjoni b’tali mod li jkunu ffavoriti l-interessi tagħha. Ir-rikorrenti minn dan tiddeduċi li, f’din il-kawża, il-Kummissjoni kellha tieħu inkunsiderazzjoni data li fiha Air Berlin kienet għadha topera.

40      B’mod iktar partikolari, minn naħa, ir-rikorrenti ssostni li Air Berlin temmet l-attivitajiet tagħha biss fit-28 ta’ Ottubru 2017, jiġifieri wara l-ftehim tat-13 ta’ Ottubru 2017 li hija d-data tal-bidu tal-konċentrazzjoni inkwistjoni. Iċ-ċirkustanza li, wara l-ftuħ tal-proċedura ta’ insolvenza, fil-15 ta’ Awwissu 2017, Air Berlin bdiet attivament tiskoraġġixxi kull riżervazzjoni ġdida għas-servizzi tagħha ma tfissirx li hija ma kinitx attiva, sa fejn, fid-dawl tal-għajnuna għas-salvataġġ, hija setgħet iżżomm iċ-ċertifikat tagħha ta’ trasportatur tal-ajru kif ukoll il-liċenzja operattiva tagħha. Barra minn hekk, ir-rikorrenti ssostni li, abbażi tar-Regolament (KE) Nru 1008/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Settembru 2008 dwar regoli komuni għall-operat ta’ servizzi ta’ l-ajru fil-Komunità (ĠU 2008, L 293, p. 3), trasportatur tal-ajru li jkun is-suġġett ta’ likwidazzjoni għandu jirrestitwixxi l-islots tal-ħin tiegħu. Issa, Air Berlin ingħatat liċenzja temporanja abbażi tal-Artikolu 9 ta’ dan ir-regolament, li ppermettielha żżomm l-islots tal-ħin tagħha wara t-28 ta’ Ottubru 2017, b’tali mod li hija ma tistax titqies bħala li temmet definittivament l-attivitajiet tagħha fl-imsemmija data.

41      Min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti ssostni, qabel kollox, li d-deterjorazzjoni tas-sitwazzjoni finanzjarja ta’ Air Berlin ippermettiet li l-intervenjenti b’mod progressiv tieħu l-kontroll tal-“kapaċitajiet” ta’ Air Berlin sa mill-2016, b’mod partikolari permezz tal-ftehim roof wet lease u, wara dan, li fl-1 ta’ Frar 2017 Air Berlin ħatret, fil-pożizzjoni ta’ direttur ġenerali, eks direttur tal-intervenjenti u, fl-aħħar, li fil-5 ta’ Mejju 2017 din tal-aħħar kienet ikkonfermat li kienet bdiet negozjati għax-xiri ta’ Air Berlin.

42      F’dan ir-rigward, l-ewwel, mill-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 139/2004 jirriżulta li jkun hemm konċentrazzjoni biss meta jkun hemm bidla fil-kontroll fuq bażi dewwiema tal-impriżi kkonċernati. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li ma huwiex rilevanti li l-partijiet, meta jinnotifikaw konċentrazzjoni lill-Kummissjoni, jippjanaw li jikkonkludu żewġ tranżazzjonijiet jew diversi tranżazzjonijiet; jew inkella li huma jkunu diġà kkonkludewhom qabel in-notifika tagħhom. Hija l-Kummissjoni li għandha tevalwa jekk dawn it-tranżazzjonijiet humiex ta’ natura unitarja b’tali mod li jikkostitwixxu operazzjoni waħda ta’ konċentrazzjoni fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. Sabiex tiġi stabbilita n-natura unitarja tat-tranżazzjonijiet inkwistjoni hemm lok li, f’kull każ inkwistjoni, jiġi evalwat jekk dawn it-tranżazzjonijiet humiex interdipendenti b’mod li waħda ma tistax titwettaq mingħajr l-oħra (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-23 ta’ Frar 2006, Cementbouw Handel & Industrie vs Il-Kummissjoni, T‑282/02, EU:T:2006:64, punti 105 u 107).

43      F’din il-kawża, għandu jiġi osservat li r-rabtiet bejn Air Berlin u l-intervenjenti sa mill-2016, allegati mir-rikorrenti, ma jippermettux li jitqies li l-intervenjenti kienet ħadet il-kontroll ta’ Air Berlin qabel il-konċentrazzjoni inkwistjoni fis-sens tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 139/2004.

44      Fil-fatt, minn naħa, iċ-ċirkustanza li eks direttur tal-intervenjenti nħatar fil-pożizzjoni ta’ direttur ġenerali ta’ Air Berlin fl-1 ta’ Frar 2017 ma tippermettix li jitqies li l-intervenjenti kisbet il-kontroll ta’ Air Berlin fl-imsemmija data. Bl-istess mod, min-negozzjati għax-xiri ta’ Air Berlin mill-intervenjenti fix-xahar ta’ Mejju 2017 ma jistax jirriżulta li l-intervenjenti ħadet il-kontroll ta’ Air Berlin f’dak il-mument.

45      Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-ftehim roof wet lease, li permezz tiegħu Air Berlin ittrasferiet lill-intervenjenti l-operat ta’ ċerti ajruplani flimkien mal-ekwipaġġ tagħhom, ir-rikorrenti tillimita ruħha li ssostni li l-Uffiċċju Federali tal-Kompetizzjoni kien ikkonstata li dan il-ftehim kien jippermetti li jissaħħaħ l-iżvilupp tal-attivitajiet tal-intervenjenti u li kompetitur kien iddikjara li dan kien, għal din tal-aħħar, mezz moħbi biex tixtri Air Berlin. Issa, għandu jiġi osservat li, peress li kkonstata li dan il-ftehim ma kienx iqajjem problemi ta’ kompetizzjoni, l-Uffiċċju Federali tal-Kompetizzjoni kien illibera ruħu milli jiddeċiedi dwar il-kwistjoni ta’ jekk l-imsemmi ftehim kienx jikkostitwixxi konċentrazzjoni fis-sens tad-dritt Ġermaniż. Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li r-rikorrenti bl-ebda mod ma tipproduċi elementi insostenn tad-dikjarazzjoni tal-kompetitur.

46      Barra minn hekk, u f’kull każ, għandu jiġi osservat li r-rikorrenti ma tallegax, u lanqas, a fortiori, ma turi li l-ftehim roof wet lease u l-konċentrazzjoni inkwistjoni kienu tranżazzjonijiet interdipendenti b’tali mod li waħda ma kinitx titwettaq mingħajr l-oħra. Bil-kontra ta’ dan, mill-Anness C.12 tar-replika jirriżulta li l-intervenjenti kienet ħabbret, fil-5 ta’ Mejju 2017, li hija kienet tqis li d-dejn ta’ Air Berlin kien jikkostitwixxi ostakolu għax-xiri ta’ din tal-aħħar u li, konsegwentement, f’dik id-data, hija kienet għadha ma ddeċidietx li tixtri lil Air Berlin jew parti minn din tal-aħħar. Konsegwentement, mill-elementi prodotti mir-rikorrenti ma jirriżultax li l-konklużjoni tal-ftehim roof wet lease tas-16 ta’ Diċembru 2016 kienet tiddependi fuq ir-realizzazzjoni tal-konċentrazzjoni inkwistjoni, b’tali mod li dan il-ftehim u l-konċentrazzjoni inkwistjoni għandhom jitqiesu bħala żewġ tranżazzjonijiet separati.

47      It-tieni, għandu jitfakkar li, abbażi tal-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 139/2004, konċentrazzjoni b’dimensjoni Ewropea ma għandhiex tkun implimentata qabel ma tkun notifikata jew qabel ma tkun iddikjarata kompatibbli mas-suq intern, sakemm il-Kummissjoni ma tagħtix deroga minn dan l-obbligu abbażi tal-Artikolu 7(3) ta’ dan ir-regolament.

48      F’din il-kawża, għandu ċertament jiġi osservat li l-Kummissjoni, permezz tad-deċiżjoni tas-27 ta’ Ottubru 2017, tat lill-intervenjenti deroga abbażi tal-Artikolu 7(3) tar-Regolament Nru 139/2004. Madankollu, din id-deroga kienet essenzjalment tirrigwarda l-kuntratti ta’ kiri ta’ ajruplani, u mhux l-islots tal-ħin. Barra minn hekk, din kienet suġġetta għall-kundizzjoni, b’mod partikolari, li, fil-każ fejn il-konċentrazzjoni inkwistjoni ma sseħx, dawn il-kuntratti jistgħu jew jiġu ttrasferiti lil LGW jew lill-eventwali xerrej ta’ din tal-aħħar, jew inkella jiġu xolti fuq talba ta’ dawn tal-aħħar, mingħajr il-possibbiltà li l-intervenjenti topponi dan jew titlob kumpens. Għalhekk, hija biss deċiżjoni tal-Kummissjoni li tiddikjara din il-konċentrazzjoni kompatibbli mas-suq intern li setgħet twassal għal bidla fil-kontroll fuq bażi dewwiema tal-ajruplani kkonċernati. F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi osservat li r-realizzazzjoni sħiħa tal-imsemmija konċentrazzjoni setgħet isseħħ biss wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, fil-21 ta’ Diċembru 2017, jiġifieri kważi żewġ xhur wara li Air Berlin temmet l-attivitajiet tagħha.

49      Minn dan isegwi li r-rikorrenti ma hijiex fondata li tikkritika lill-Kummissjoni talli qieset li Air Berlin kienet temmet l-attivitajiet tagħha qabel il-konċentrazzjoni inkwistjoni.

50      It-tielet, għandu jiġi osservat li, bil-kontra ta’ dak li ssostni, essenzjalment, ir-rikorrenti, l-evalwazzjoni tal-konċentrazzjoni inkwistjoni, mil-Kummissjoni, ma ġietx ivvizzjata bl-għażla tal-intervenjenti li tinnotifika din il-konċentrazzjoni, fil-31 ta’ Ottubru 2017, wara li Air Berlin temmet l-attivitajiet tagħha.

51      Fil-fatt, minn naħa, għandu jitfakkar li, skont kliem l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 139/2004, konċentrazzjoni b’dimensjoni Ewropea koperta minn dan ir-regolament għandha tiġi nnotifikata lill-Kummissjoni qabel ir-realizzazzjoni tagħha jew wara l-konklużjoni tal-ftehim dwar din il-konċentrazzjoni bejn l-impriżi kkonċernati.

52      F’din il-kawża, għandu jiġi kkonstatat li l-ftehim tat-13 ta’ Ottubru 2017 ġie konkluż qabel in-notifika tal-konċentrazzjoni inkwistjoni, fil-31 ta’ Ottubru 2017. Barra minn hekk, huwa paċifiku li din in-notifika kienet preċedenti għar-realizzazzjoni sħiħa ta’ din il-konċentrazzjoni, bl-eċċezzjoni biss tal-elementi li kienu s-suġġett tad-deċiżjoni tas-27 ta’ Ottubru 2017.

53      Konsegwentement, għandu jiġi osservat li, billi nnotifikat il-konċentrazzjoni inkwistjoni fil-31 ta’ Ottubru 2017, l-intervenjenti kkonformat ruħha mal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 139/2004.

54      Min-naħa l-oħra, għandu jiġi osservat li l-għan tal-kontroll tal-konċentrazzjonijiet huwa li jiġi evitat, fuq il-bażi ta’ analiżi prospettiva tal-istrutturi tas-suq, it-twettiq ta’ konċentrazzjoni li xxekkel b’mod sinjifikattiv kompetizzjoni effettiva fis-suq intern jew f’parti sostanzjali tiegħu, b’mod partikolari minħabba l-fatt tal-ħolqien jew ta’ tisħiħ ta’ pożizzjoni dominanti (sentenza tas-6 ta’ Lulju 2010, Ryanair vs Il-Kummissjoni, T‑342/07, EU:T:2010:280, punt 250). Għalhekk din ma tinvolvix l-eżami ta’ avvenimenti fl-imgħoddi, li dwarhom spiss ikun hemm disponibbli bosta elementi li jippermettu li wieħed jifhem il-kawżi tagħhom, iżda teħtieġ li jiġu mbassra avvenimenti li ser iseħħu fil-ġejjieni, fuq bażi ta’ probabbiltà ftit jew wisq qawwija, jekk ma tiġix adottata deċiżjoni li tipprojbixxi l-konċentrazzjoni ppjanata jew li tistabbilixxi l-kundizzjonijiet għaliha. Għalhekk, l-analiżi prospettiva tikkonsisti f’eżami ta’ kif konċentrazzjoni tista’ tbiddel il-fatturi li jiddeterminaw l-istat tal-kompetizzjoni f’suq partikolari sabiex jiġi stabbilit jekk din tistax tirriżulta fi tfixkil sinjifikattiv tal-kompetizzjoni effettiva. Din l-analiżi teħtieġ li jiġu mbassra diversi xejriet ta’ kawża u effett bil-għan li jiġi stabbilit liema minnhom huma l-aktar probabbli (sentenza tal-15 ta’ Frar 2005, Il-Kummissjoni vs Tetra Laval, C‑12/03 P, EU:C:2005:87, punti 42 u 43).

55      F’dan ir-rigward, għandu jiġi speċifikat li l-legalità ta’ deċiżjoni dwar il-kompatibbiltà ta’ konċentrazzjoni mas-suq intern għandha tiġi evalwata skont il-punti ta’ informazzjoni li l-Kummissjoni kellha fil-mument meta hija ddeċidiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-4 ta’ Lulju 2006, easyJet vs Il-Kummissjoni, T‑177/04, EU:T:2006:187, punt 203, u tad-9 ta’ Lulju 2007, Sun Chemical Group et vs Il-Kummissjoni, T‑282/06, EU:T:2007:203, punt 179). Għalhekk, l-evalwazzjoni, mill-Kummissjoni, tal-kompatibbiltà ta’ konċentrazzjoni mas-suq intern għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-punti kollha ta’ fatt u ta’ liġi li kienu jeżistu fil-mument tan-notifika ta’ din il-konċentrazzjoni u li l-portata ekonomika tagħha tkun tista’ tiġi evalwata fil-mument meta tittieħed din id-deċiżjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad-19 ta’ Mejju 1994, Air France vs Il-Kummissjoni, T‑2/93, EU:T:1994:55, punt 70, u tat-13 ta’ Settembru 2010, Éditions Odile Jacob vs Il-Kummissjoni, T‑279/04, mhux ippubblikata, EU:T:2010:384, punt 327).

56      Madankollu, hekk kif tosserva r-rikorrenti, id-data eżatta tan-notifika ta’ konċentrazzjoni ma għandhiex neċessarjament influwenza determinanti fuq l-evalwazzjoni ta’ din il-konċentrazzjoni, b’mod partikolari meta, bħal f’din il-kawża, l-informazzjoni użata fil-kuntest tal-analiżi prospettiva tkun diġà magħrufa qabel din id-data.

57      Fil-fatt, għandu jiġi kkonstatat li l-attivitajiet ta’ Air Berlin kienu ntemmu qabel in-notifika tal-konċentrazzjoni inkwistjoni. Madankollu, din il-konstatazzjoni ma kinitx determinanti peress li, hekk kif jirriżulta mill-punt 37 iktar ’il fuq, Air Berlin kienet insolventi wara r-rifjut ta’ Etihad Airways, fid-9 ta’ Awwissu 2017, li twettaq il-ħlas tal-parti ta’ self favuriha u li hija kienet, konsegwentement, ser ittemm definittivament l-attivitajiet tagħha. F’dan ir-rigward, iċ-ċirkustanza, invokata mir-rikorrenti, li fil-25 ta’ Ottubru 2017 il-Luftfahrt-Bundesamt (l-Uffiċċju Federali tal-Avjazzjoni, il-Ġermanja) kien, abbażi tal-Artikolu 10(4)(c) tar-Regolament Nru 95/93 u tal-Artikolu 9(1) tar-Regolament Nru 1008/2008, ħareġ, favur Air Berlin, liċenzja temporanja valida sat-3 ta’ Jannar 2018 u li din il-liċenzja tawtorizzaha żżomm is-slots tal-ħin tagħha sa din id-data ma kinitx suffiċjenti sabiex hija tkun f’pożizzjoni li tkompli l-attivitajiet tagħha minħabba l-insolvenza tagħha. Minn dan isegwi li ċ-ċirkustanza li l-konċentrazzjoni inkwistjoni ġiet innotifikata fil-31 ta’ Ottubru 2017, jiġifieri tlett ijiem wara t-tmiem effettiv tal-attivitajiet ta’ Air Berlin, fit-28 ta’ Ottubru 2017, u mhux qabel l-imsemmi tmiem, ma kinitx, fiha nnifisha ta’ natura li tbiddel l-analiżi prospettiva tal-Kummissjoni, inkluż fir-rigward tad-definizzjoni tas-swieq rilevanti.

58      Fit-tielet lok, ir-rikorrenti tikkritika lill-Kummissjoni talli sseparat artifiċjalment l-attivi ta’ Air Berlin, li huma s-suġġett tal-konċentrazzjoni inkwistjoni, mill-“impriża globali” Air Berlin, li kienet kumpannija tal-ajru kompetitriċi tal-intervenjenti. Għalkemm l-intervenjenti xtrat biss parti mill-attivi ta’ Air Berlin, ir-rikorrenti ssostni li Air Berlin kienet fl-istess ħin il-bejjiegħ ta’ dawn l-attivi u waħda mill-partijiet għall-imsemmija konċentrazzjoni. Hija tkompli tesponi li, b’kuntrast għal gruppi astratti ta’ attivi, huma biss l-impriżi li jistgħu jiġu kklassifikati bħala partijiet għal konċentrazzjoni. Issa, fid-dawl tat-trasferiment lil LGW ta’ slots tal-ħin u ta’ ajruplani għat-twettiq tal-konċentrazzjoni inkwistjoni, l-intervenjenti effettivament xtrat impriża fil-kuntest tal-konċentrazzjoni inkwistjoni.

59      F’dan ir-rigward, l-ewwel, għandu jitfakkar li, skont kliem l-Artikolu 3(1)(b) tar-Regolament Nru 139/2004, ikun hemm konċentrazzjoni meta jkun hemm bidla fil-kontroll fuq bażi dewwiema li tirriżulta mix-xiri, minn impriża, tal-kontroll dirett ta’ impriża oħra kollha jew ta’ partijiet minnha. Barra minn hekk, f’dak li jirrigwarda l-kalkolu tad-dħul mill-bejgħ, l-Artikolu 5(2) ta’ dan ir-regolament jipprovdi li, meta l-konċentrazzjoni tikkonsisti fix-xiri ta’ partijiet ta’ impriża, huwa biss id-dħul mill-bejgħ relatat mal-partijiet li huma s-suġġett tal-konċentrazzjoni li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni fir-rigward tal-bejjiegħ. Minn dan isegwi li, hekk kif huwa espost min-naħa l-oħra ġustament fil-punt 136 tal-Avviż ġurisdizzjonali konsolidat tal-Kummissjoni taħt ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 (ĠU 2008, C 95, p. 1), l-impriżi kkonċernati fis-sens ta’ dan ir-regolament huma ix-xerrejja u l-parti jew il-partijiet mixtrija tal-impriża mmirata, iżda mhux l-attivitajiet miżmuma mill-bejjiegħ.

60      Minn dan isegwi li, bil-kontra ta’ dak li ssostni r-rikorrenti, l-attivitajiet miżmuma minn Air Berlin ma humiex meqjusa bħala impriża kkonċernata fis-sens tar-Regolament Nru 139/2004.

61      It-tieni, għandu jiġi osservat li r-rikorrenti ma tikkontestax il-fatt, osservat mill-Kummissjoni fil-punt 13 tad-deċiżjoni kkontestata, li xi attivi jistgħu jikkostitwixxu negozju bi preżenza fis-suq, li għalih jista’ jiġi attribwit b’mod ċar dħul mill-bejgħ. Hija lanqas ma tikkontesta li tali negozju jista’ jikkostitwixxi impriża kkonċernata fis-sens tar-Regolament Nru 139/2004. Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li hija ma tipproduċi l-ebda element li jista’ juri li, f’din il-kawża, l-attivi mixtrija mill-intervenjenti, hekk kif iddefiniti fid-deċiżjoni kkontestata, ma jikkostitwixxux negozju bi preżenza fis-suq, li għalih jista’ jiġi attribwit b’mod ċar dħul mill-bejgħ.

62      Minn dan isegwi li l-Kummissjoni qieset, ġustament, li l-attivi mixtrija mill-intervenjenti fil-kuntest tal-konċentrazzjoni inkwistjoni kienu jikkostitwixxu impriża jew parti ta’ impriża fis-sens tar-Regolament Nru 139/2004, filwaqt li Air Berlin kienet temmet l-attivitajiet tagħha qabel din il-konċentrazzjoni. Konsegwentement, sa fejn huwa paċifiku li l-intervenjenti xtrat biss parti mill-attivi ta’ Air Berlin, il-Kummissjoni kkonstatat, ġustament, li l-intervenjenti kienet kisbet il-kontroll ta’ impriża jew ta’ parti ta’ impriża li tikkorrispondi biss għal ċerti attivi ta’ Air Berlin u li dawn l-attivi kienu jikkostitwixxu impriża kkonċernata fis-sens tal-imsemmi regolament.

63      F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-ewwel parti tal-ewwel motiv tar-rikorrenti għandha tiġi miċħuda.

 Fuq it-tieni parti tal-ewwel motiv, ibbażata fuq l-allegazzjoni li l-Kummissjoni messha eżaminat il-konċentrazzjoni inkwistjoni f’kull wieħed mis-swieq O & D rilevanti

64      Ir-rikorrenti tikkritika lill-Kummissjoni talli ma analizzatx l-eventwali effetti antikompetittivi tal-konċentrazzjoni inkwistjoni fuq is-swieq O & D rilevanti.

65      Qabel kollox, għandu jitfakkar li, sabiex tiddikjara li konċentrazzjoni hija kompatibbli mas-suq intern, il-Kummissjoni għandha, konformement mal-Artikolu 2(2) tar-Regolament Nru 139/2004, tikkonstata li t-twettiq ta’ din il-konċentrazzjoni ma huwiex ser ixekkel b’mod sinjifikattiv kompetizzjoni effettiva fis-suq intern jew f’parti sostanzjali tiegħu, b’mod partikolari minħabba l-fatt tal-ħolqien jew ta’ tisħiħ ta’ pożizzjoni dominanti.

66      Id-definizzjoni xierqa tas-suq rilevanti hija, għalhekk, rekwiżit neċessarju minn qabel kull evalwazzjoni magħmula fuq l-impatt ta’ operazzjoni ta’ konċentrazzjoni fuq il-kompetizzjoni (sentenza tal-31 ta’ Marzu 1998, Franza et vs Il-Kummissjoni, C‑68/94 u C‑30/95, EU:C:1998:148, punt 143). F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li s-suq tal-prodotti li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni jinvolvi dawk il-prodotti u/jew is-servizzi kollha li l-konsumatur iqis li huma interkambjabbli jew sostitwibbli, minħabba l-karatteristiċi tagħhom, il-prezzijiet tagħhom u l-użu maħsub tagħhom (sentenza tat-23 ta’ Jannar 2018, F. Hoffmann-La Roche u, C‑179/16, EU:C:2018:25, punt 50). B’mod iktar partikolari, il-kunċett ta’ suq rilevanti jimplika li kompetizzjoni effettiva tista’ teżisti bejn il-prodotti jew is-servizzi li jagħmlu parti minnu, li jippreżupponi grad suffiċjenti ta’ interkambjabbiltà minħabba l-istess użu bejn il-prodotti jew is-servizzi kollha li jagħmlu parti mill-istess suq (sentenza tat-23 ta’ Jannar 2018, F. Hoffmann-La Roche u, C‑179/16, EU:C:2018:25, punt 51).

67      Madankollu, meta jiġi lmentat li l-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni problema eventwali ta’ kompetizzjoni fi swieq oħra barra minn dawk li kienu kkonċernati mill-analiżi kompetittiva, huwa r-rikorrent li għandu jipproduċi indikazzjonijiet serji li juru b’mod tanġibbli l-eżistenza ta’ problema ta’ kompetizzjoni li kellha, minħabba l-impatt tagħha, tiġi eżaminata mill-Kummissjoni. Sabiex dan ir-rekwiżit jiġi ssodisfatt, huwa r-rikorrent li għandu jidentifika s-swieq kkonċernati, jiddeskrivi s-sitwazzjoni kompetittiva fl-assenza ta’ konċentrazzjoni u jindika liema ser ikunu l-effetti probabbli ta’ konċentrazzjoni fid-dawl tas-sitwazzjoni kompetittiva f’dawn is-swieq (sentenzi tal-4 ta’ Lulju 2006, easyJet vs Il-Kummissjoni, T‑177/04, EU:T:2006:187, punti 65 u 66, u tat-13 ta’ Mejju 2015, Niki Luftfahrt vs Il-Kummissjoni, T‑162/10, EU:T:2015:283, punti 174 u 175).

68      F’din il-kawża, il-Kummissjoni osservat, fid-deċiżjoni kkontestata, li l-kumpanniji tal-ajru jinstabu fuq in-naħa tad-domanda fir-rigward tas-suq tas-servizzi ta’ infrastruttura tal-ajruporti pprovduti mill-ajruporti u fuq in-naħa tal-offerta fis-swieq ta’ servizzi ta’ trasport bl-ajru ta’ passiġġieri.

69      F’dak li jirrigwarda b’mod iktar partikolari l-islots tal-ħin, il-Kummissjoni osservat li, hekk kif jirriżulta mill-Artikolu 2(a) tar-Regolament Nru 95/93, dawn kienu awtorizzazzjonijiet, mogħtija minn koordinatur, sabiex jintużaw l-infrastrutturi tal-ajruporti kollha li kienu neċessarji għall-provvista ta’ servizz tal-ajru f’ajruport ikkoordinat, f’data u f’ħin preċiż, għall-finijiet tal-atterraġġ u tat-tluq. Minn dan hija ddeduċiet li l-islots tal-ħin jikkostitwixxu elementi neċessarji sabiex jippermettu li l-kumpanniji tal-ajru jaċċedu għas-servizzi ta’ infrastruttura tal-ajruporti pprovduti mill-ajruporti u, b’konsegwenza ta’ dan, li jipprovdu servizzi ta’ trasport bl-ajru ta’ passiġġieri bi tluq jew b’wasla minn jew f’dawn l-ajruporti. Wara dan, sa fejn il-konċentrazzjoni inkwistjoni kienet intiża, prinċipalment, għat-trasferiment ta’ slots tal-ħin ta’ Air Berlin lill-intervenjenti, hija qieset li din il-konċentrazzjoni kellha tipproduċi effetti fuq id-domanda fis-swieq ta’ servizzi ta’ infrastruttura tal-ajruporti u fuq l-offerta fis-swieq ta’ servizzi ta’ trasport bl-ajru ta’ passiġġieri.

70      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-konċentrazzjoni inkwistjoni, il-Kummissjoni eżaminat jekk, minħabba t-tkattir tan-numru ta’ slots tal-ħin miżmuma mill-intervenjenti, din tal-aħħar jkollhiex il-kapaċità jew tkunx imħeġġa li tagħlaq l-aċċess tal-kumpanniji l-oħra tal-ajru għas-servizzi ta’ infrastruttura tal-ajruporti u, b’konsegwenza ta’ dan, għas-swieq ta’ servizzi ta’ trasport bl-ajru ta’ passiġġieri bi tluq jew b’wasla minn jew fl-ajruporti li magħhom kienu marbuta l-islots tal-ħin ta’ Air Berlin.

71      F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, minn naħa, ir-rikorrenti ssostni li, mil-perspettiva tal-konsumaturi, is-servizzi ta’ trasport bl-ajru ta’ passiġġieri huma pprovduti f’konnessjonijiet speċifiċi u li l-attività eżerċitata minn kumpanniji tal-ajru f’ajruport hija suġġetta għall-provvista ta’ dawn is-servizzi. Minn dan hija tiddeduċi li ma huwiex possibbli li l-attività eżerċitata minn kumpanniji tal-ajru f’ajruport tiġi distinta mill-provvista tal-imsemmija servizzi. Għalhekk, il-Kummissjoni bbażat ruħha fuq il-premessa żbaljata li l-kumpanniji tal-ajru huma operaturi ta’ ajruporti li joffru slots tal-ħin, filwaqt li l-iskambju ta’ tali slots tal-ħin bejn kumpanniji tal-ajru ma jikkorrispondix għall-attività prinċipali tagħhom.

72      Min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti ssostni li, fl-assenza tal-konċentrazzjoni inkwistjoni, l-islots tal-ħin miżmuma minn Air Berlin kienu jitqiegħdu għad-dispożizzjoni ta’ kumpanniji tal-ajru oħra, konformement mar-Regolament Nru 95/93. Hija ssostni wkoll li l-kompetizzjoni hija iktar intensa fis-swieq O & D meta impriża tirtira minn dawn is-swieq milli meta l-attivi ta’ din l-impriża jinxtraw minn kompetitur, kif huwa l-każ f’din il-kawża. Konsegwentement, hija tqis li miċ-ċirkustanza li Air Berlin kienet temmet l-attivitajiet tagħha fis-swieq O & D ma jirriżultax li l-konċentrazzjoni inkwistjoni ma kienx ser ikollha effetti fuq dawn tal-aħħar.

73      F’dan ir-rigward, għandu ċertament jiġi osservat li, hekk kif issostni, essenzjalment, ir-rikorrenti, id-definizzjoni tas-swieq O & D tirrifletti l-perspettiva tad-domanda li minnha l-konsumaturi ta’ servizzi ta’ trasport ta’ passiġġieri jqisu l-għażliet kollha possibbli, inklużi l-modi differenti ta’ trasport, sabiex imorru minn belt ta’ oriġini lejn belt oħra ta’ destinazzjoni (sentenza tat-13 ta’ Mejju 2015, Niki Luftfahrt vs Il-Kummissjoni, T‑162/10, EU:T:2015:283, punt 138).

74      Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li l-Kummissjoni qieset, fid-deċiżjoni kkontestata, li, fl-assenza tal-konċentrazzjoni inkwistjoni, l-islots tal-ħin mixtrija mill-intervenjenti kienu probabbilment imorru lura fil-ġemgħa msemmija fl-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 95/93 (iktar ’il quddiem il-“ġemgħa”). Iktar minn hekk, il-Kummissjoni kkonstatat li l-islots tal-ħin kienu ta’ “importanza kruċjali” għall-finijiet tal-provvista ta’ servizzi ta’ trasport bl-ajru ta’ passiġġieri sa fejn dawn jikkundizzjonaw l-aċċess għas-servizzi ta’ infrastruttura tal-ajruporti. Hija għalhekk aċċettat li l-imsemmija konċentrazzjoni seta’ jkollha effetti fuq id-diversi swieq O & D bi tluq jew b’wasla minn jew fl-ajruporti li magħhom kienu marbuta l-islots tal-ħin ta’ Air Berlin.

75      Madankollu, il-Kummissjoni qieset li l-eżami tal-effetti tal-konċentrazzjoni inkwistjoni fis-swieq ta’ servizzi ta’ trasport bl-ajru ta’ passiġġieri bi tluq jew b’wasla minn jew fl-ajruporti li magħhom kienu marbuta l-islots tal-ħin ta’ Air Berlin għandu jippermetti li jinftehmu l-effetti tal-imsemmija konċentrazzjoni fuq is-swieq O & D kollha bi tluq jew b’wasla minn jew fl-imsemmija ajruporti. Fil-fatt, hija qieset, bi qbil mar-rikorrenti, li, għalkemm il-kumpanniji tal-ajru jxaqilbu lejn in-naħa tad-domanda fis-suq tas-servizzi ta’ infrastruttura tal-ajruporti, it-tkattir tan-numru ta’ slots tal-ħin miżmuma mill-intervenjenti seta’ eventwalment jippermettilha li tagħlaq l-aċċess għal dawn is-servizzi. Hija għalhekk ivverifikat jekk it-tkattir tan-numru ta’ slots tal-ħin miżmuma mill-intervenjenti għandux jagħti lil din tal-aħħar il-kapaċità jew l-inklinazzjoni li tagħlaq l-aċċess għas-servizzi ta’ infrastruttura tal-ajruporti u, b’konsegwenza ta’ dan, għad-diversi swieq O & D bi tluq jew b’wasla minn jew fl-imsemmija ajruporti.

76      Minn dan isegwi li, bil-kontra ta’ dak li ssostni r-rikorrenti, il-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni l-eventwali effetti tal-konċentrazzjoni inkwistjoni fuq is-swieq O & D rilevanti, għalkemm hija ma eżaminatx kull wieħed minn dawn is-swieq individwalment.

77      Fit-tieni lok, ir-rikorrenti tqis li l-Kummissjoni messha ħadet inkunsiderazzjoni kemm l-ishma tas-suq ta’ Air Berlin u tal-intervenjenti kif ukoll l-effett tal-konċentrazzjoni inkwistjoni fuq ir-relazzjoni kompetittiva tagħhom, fuq il-klijenti tagħhom u fuq il-kompetituri tagħhom fis-swieq O & D rilevanti. F’dan ir-rigward, hija tispeċifika li l-Kummissjoni messha identifikat kemm il-konnessjonijiet operati minn Air Berlin li kienu ser jittieħdu mill-intervenjenti wara din il-konċentrazzjoni kif ukoll is-swieq O & D li fihom l-imsemmija konċentrazzjoni kellha x’aktarx toħloq monopolju. Hija tkompli tesponi li l-Kummissjoni messha wkoll wettqet analiżi tal-“istruttura tendenzjali tad-domanda u tal-flussi ta’ passiġġieri” lejn l-ajruporti li jservu, għall-intervenjenti, ta’ pjattaformi ta’ korrispondenzi (hub).

78      B’mod iktar partikolari, ir-rikorrenti ssostni li, minn naħa, il-konċentrazzjoni inkwistjoni setgħet ixxekkel b’mod sinjifikattiv il-kompetizzjoni effettiva fis-swieq Düsseldorf – New York (l-Istati Uniti), Düsseldorf – Munchen, Hamburg – Munchen u Berlin-Tegel – Köln-Bonn. F’dan ir-rigward, l-intervenjenti ħadet il-konnessjonijiet operati minn Air Berlin wara l-konċentrazzjoni inkwistjoni, bil-kontra tad-dikjarazzjoni, li tinstab fid-deċiżjoni kkontestata, li tgħid li “hija ma hijiex ser tieħu, fl-ebda każ, il-konnessjonijiet operati preċedentement minn Air Berlin”. Min-naħa l-oħra, il-konċentrazzjoni inkwistjoni tippermetti li l-intervenjenti tkabbar in-numru ta’ passiġġieri fi tranżitu lejn l-ajruporti ta’ Frankfurt am Main (il-Ġermanja), ta’ Munchen, ta’ Vjenna (Awstrija) u ta’ Zürich li kienu jservuha ta’ pjattaformi ta’ korrispondenzi, b’tali mod li din il-konċentrazzjoni x’aktarx jista’ wkoll ikollha effetti fis-swieq O & D bi tluq jew b’wasla minn jew f’dawn l-ajruporti u, b’mod partikolari, fis-swieq O & D li fihom l-imsemmija ajruporti jservu ta’ pjattaformi ta’ korrispondenzi fil-kuntest ta’ konnessjonijiet lejn l-Ażja jew l-Amerika ta’ Fuq. Barra minn hekk, il-Kummissjoni messha eżaminat il-barrieri għad-dħul ta’ kull wieħed minn dawn is-swieq O & D u, b’mod partikolari, id-disponibbiltà tad-diversi slots tal-ħin fl-ajruporti kkonċernati sa fejn il-kumpanniji tal-ajru għandhom ikunu jistgħu joffru titjiriet f’ħinijiet differenti skont is-suq O & D inkwistjoni, inkluż bi tluq jew b’wasla minn jew fl-istess ajruport.

79      L-ewwel, għandu jiġi osservat li, hekk kif jirriżulta mill-punt 73 iktar ’il fuq, l-eżami tas-swieq O & D jista’ jippermetti li jiġu identifikati, fost is-servizzi ta’ trasport ta’ passiġġieri, dawk li l-konsumatur iqis li huma interkambjabbli jew sostitwibbli. Minn dan isegwi li, meta l-impriżi kkonċernati mill-konċentrazzjoni huma kumpanniji tal-ajru li għadhom attivi, il-Kummissjoni tista’ tidentifika s-swieq O & D li fihom l-attivitajiet tagħhom jikkoinċidu. Hija tista’ għalhekk tevalwa l-impatt fuq il-kompetizzjoni li din il-konċentrazzjoni jista’ jkollha fuq il-provvista ta’ servizzi ta’ trasport ta’ passiġġieri f’dawn is-swieq. B’mod iktar partikolari, hija tista’ b’mod partikolari tiddetermina l-portata tal-bidliet fir-rigward tal-ishma tas-suq u l-livelli ta’ konċentrazzjoni, billi tikkalkola s-sehem tas-suq kumulat tal-imsemmija impriżi wara l-imsemmija konċentrazzjoni u dak tal-kompetituri tagħhom.

80      Madankollu, f’din il-kawża, fid-dawl tat-tmiem tal-attivitajiet ta’ Air Berlin, din tal-aħħar kienet irtirat mis-swieq kollha O & D li fihom hija kienet preżenti, b’tali mod li l-attivitajiet tagħha u dawk tal-intervenjenti ma kienu għadhom jikkoinċidu fuq l-ebda wieħed minn dawn is-swieq. Barra minn hekk, sa fejn l-islots tal-ħin ta’ Air Berlin ma kienu marbuta ma ebda konnessjoni bl-ajru, il-Kummissjoni osservat, ġustament, li dawn setgħu, konsegwentement, jintużaw mill-intervenjenti fi swieq O & D oħra għajr dawk li fihom Air Berlin kienet preċedentement preżenti. Fil-fatt, huwa paċifiku li l-intervenjenti kienet f’pożizzjoni li tqassam mill-ġdid l-islots tal-ħin fuq numru kbir ta’ swieq O & D, sa fejn ir-rikorrenti, barra minn hekk, tammetti, fil-punti 106 u 115 tar-replika, li kien possibbli, għall-Kummissjoni, li teżamina s-swieq O & D kollha li fihom setgħu jiġu assenjati mill-ġdid l-islots tal-ħin ta’ Air Berlin.

81      Minn dan isegwi li, b’kuntrast mal-konċentrazzjonijiet li jinvolvu kumpanniji tal-ajru li għadhom attivi, ma kienx ċert, f’din il-kawża, li l-konċentrazzjoni inkwistjoni kien ser ikollha xi effett fuq il-kompetizzjoni fis-swieq O & D li fihom Air Berlin kienet preżenti qabel it-tmiem tal-attivitajiet tagħha.

82      It-tieni, għandu jiġi osservat li r-rikorrenti ma tipproduċi l-ebda element li jista’ juri li l-eżami tal-effetti tal-konċentrazzjoni inkwistjoni fuq is-swieq ta’ servizzi ta’ infrastruttura tal-ajruporti ma kienx jippermetti li jiġi identifikat eventwali xkiel għall-kompetizzjoni effettiva fid-diversi swieq O & D bi tluq jew b’wasla minn jew fl-ajruporti li magħhom kienu marbuta l-islots tal-ħin ta’ Air Berlin.

83      B’mod iktar partikolari, għalkemm ir-rikorrenti tidentifika swieq O & D li fihom l-intervenjenti, jew kienet ser tieħu l-konnessjonijiet preċedentement operati minn Air Berlin, jew li kienet x’aktarx ser tuża l-islots tal-ħin ta’ din tal-aħħar, b’mod partikolari sabiex tkabbar in-numru ta’ passiġġieri fi tranżitu lejn il-pjattaformi ta’ korrispondenzi tagħha, hija ma tallegax li l-konċentrazzjoni inkwistjoni effettivament ikkostitwixxiet xkiel sinjifikattiv għall-kompetizzjoni effettiva f’dawn is-swieq. Bil-kontra ta’ dan, hija tallega li ma hijiex obbligata li tipprova l-eżistenza ta’ tali xkiel, iżda li hija l-Kummissjoni li għandha turi l-assenza tiegħu. Għalhekk, hija tillimita ruħha li ssostni li din il-konċentrazzjoni setgħet tikkostitwixxi tali xkiel u li l-Kummissjoni messha kkompletat l-analiżi tagħha, mingħajr, madankollu, ma tipproduċi, f’dan ir-rigward, indikazzjonijiet serji fis-sens tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 67 iktar ’il fuq. B’mod partikolari hija tibqa’ ma tispjegax kif l-imsemmija konċentrazzjoni setgħet ixxekkel b’mod sinjifikattiv il-kompetizzjoni effettiva f’ċerti swieq O & D fil-każ fejn jinżamm l-aċċess tal-kumpanniji tal-ajru l-oħra għas-servizzi ta’ infrastruttura tal-ajruporti inkwistjoni.

84      Barra minn hekk, f’dak li jirrigwarda, minn naħa, is-swieq Munchen – Düsseldorf u Vjenna – Düsseldorf, li fihom l-intervenjenti kienet, skont ir-rikorrenti, f’sitwazzjoni ta’ monopolju wara l-konċentrazzjoni inkwistjoni, għandu jingħad ukoll li mill-Anness C.25 tar-replika jirriżulta li din is-sitwazzjoni kienet ir-riżultat tal-irtirar ta’ Air Berlin minn dawn is-swieq. Issa, dan l-irtirar huwa l-konsegwenza tat-tmiem tal-attivitajiet ta’ Air Berlin li, hekk kif ġie osservat fil-punti 35 sa 57 iktar ’il fuq, seħħ qabel din il-konċentrazzjoni u indipendentement minnha. Fir-rigward tas-swieq Frankfurt am Main – Venezia u Zürich – Hamburg, li ukoll jissemmew mir-rikorrenti, huwa biżżejjed li jiġi osservat li Air Berlin ma kinitx preżenti f’dawn is-swieq, li l-allegata żieda tas-sehem tas-suq tal-intervenjenti hija r-riżultat tal-irtirar ta’ kumpanniji tal-ajru oħra mill-imsemmija swieq u li r-rikorrenti ma tispjegax b’liema mod dan l-irtirar kien marbut mal-imsemmija konċentrazzjoni. Konsegwentement, iċ-ċirkustanza li l-intervenjenti tinstab, wara t-twettiq tal-imsemmija konċentrazzjoni, f’sitwazzjoni ta’ monopolju f’dawn is-swieq O & D ma tfissirx, f’kull każ, li din il-konċentrazzjoni setgħet ixxekkel b’mod sinjifikattiv il-kompetizzjoni effettiva f’dawn is-swieq.

85      F’dak li jirrigwarda, min-naħa l-oħra, is-swieq O & D bi tluq jew b’wasla minn jew fl-ajruporti ta’ Frankfurt am Main, ta’ Munchen, ta’ Vjenna u ta’ Zürich jew li fihom dawn l-ajruporti kienu jservu ta’ pjattaformi ta’ korrispondenzi, ikkunsidrati flimkien, għandu jiġi osservat, hekk kif tagħmel il-Kummissjoni, li mill-punti 123 sa 130 tar-replika jirriżulta li r-rikorrenti tammetti li l-eżami tal-kapaċità tal-intervenjenti, wara l-konċentrazzjoni inkwistjoni, li tagħlaq l-aċċess għas-servizzi ta’ infrastruttura tal-ajruporti pprovduti minn ajruport seta’ jippermetti li jiġi vverifikat li din il-konċentrazzjoni ma hijiex ser ixxekkel b’mod sinjifikattiv il-kompetizzjoni effettiva fis-swieq O & D bi tluq jew b’wasla minn jew f’dawn l-ajruporti. Barra minn hekk, għalkemm ir-rikorrenti tagħmel riferiment għan-numri ta’ passiġġieri fi tranżitu rispettivament fl-ajruporti ta’ Frankfurt am Main, ta’ Munchen, ta’ Vjenna u ta’ Zürich kif ukoll għall-ishma tas-suq tal-intervenjenti fuq il-konnessjonijiet bejn dawn l-ajruporti u ajruporti oħra li magħhom kienu marbuta dawn l-islots ta’ Air Berlin, hija ma tispjegax b’liema mod jirriżulta minn din id-data li l-konċentrazzjoni inkwistjoni għandha xxekkel b’mod sinjifikattiv il-kompetizzjoni effettiva f’dawn is-swieq.

86      It-tielet, għandu jiġi osservat, hekk kif tagħmel il-Kummissjoni, li mill-allegazzjoni tar-rikorrenti li tgħid li l-intervenjenti ser tuża l-islots tal-ħin ta’ Air Berlin sabiex tkabbar il-flussi ta’ passiġġieri lejn il-pjattaformi ta’ korrispondenzi tagħha, jirriżulta li l-intervenjenti ma hijiex ser tieħu l-konnessjonijiet kollha li kienu preċedentement operati minn Air Berlin. Konsegwentement, għandu jitqies li l-Kummissjoni qieset, ġustament, li l-konċentrazzjoni inkwistjoni seta’ jkollha effetti fuq is-swieq O & D kollha bi tluq jew b’wasla minn jew fl-ajruporti li magħhom kienu marbuta l-islots tal-ħin ta’ Air Berlin, b’tali mod li l-eżami tal-effetti ta’ din il-konċentrazzjoni ma setax ikun limitat għas-swieq O & D identifikati mir-rikorrenti.

87      Ir-raba’, għandu jiġi osservat li l-Kummissjoni kkonstatat, fil-punt 42 tad-deċiżjoni kkontestata, li, fin-notifika tal-konċentrazzjoni inkwistjoni, l-intervenjenti kienet indikat li kellha l-intenzjoni li tuża l-islots tal-ħin li huma s-suġġett ta’ din il-konċentrazzjoni sabiex timplimenta l-“pjanijiet ta’ tkabbir tagħha” u li “hija ma hijiex ser tieħu, fl-ebda każ, il-konnessjonijiet operati preċedentement minn Air Berlin”. Madankollu, dawn il-kunsiderazzjonijiet, invokati mir-rikorrenti, jikkostitwixxu biss tfakkira tal-kontenut ta’ din in-notifika u mhux raġuni tad-deċiżjoni kkontestata li l-legalità tagħha tista’ tiġi kkontestata mir-rikorrenti.

88      Minn dan isegwi li r-rikorrenti ma hijiex fondata meta ssostni li d-definizzjoni tas-suq magħżula mill-Kummissjoni ma tippermettix li jiġi identifikat l-eventwali xkiel sinjifikattiv għall-kompetizzjoni effettiva li jirriżulta mill-konċentrazzjoni inkwistjoni, inkluż fis-swieq O & D li hija kienet identifikat.

89      Konsegwentement, it-tieni parti tal-ewwel motiv tar-rikorrenti għandha tiġi miċħuda u, b’konsegwenza ta’ dan, l-imsemmi motiv għandu jiġi miċħud fit-totalità tiegħu.

 Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni tal-effetti tal-konċentrazzjoni inkwistjoni

90      It-tieni motiv huwa magħmul, essenzjalment, minn żewġ partijiet. Permezz tal-ewwel parti, imqajma formalment fir-rikors fil-kuntest tal-ewwel motiv, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni f’dak li jirrigwarda l-effetti tal-ftehimiet roof wet lease u wet lease fl-evalwazzjoni ta’ din il-konċentrazzjoni. Permezz tat-tieni parti, hija ssostni li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni f’dak li jirrigwarda l-effetti tal-imsemmija konċentrazzjoni, b’mod partikolari fis-swieq ta’ servizzi ta’ trasport bl-ajru ta’ passiġġieri bi tluq jew b’wasla minn jew fl-ajruporti ta’ Düsseldorf, ta’ Zürich, ta’ Hamburg, ta’ Munchen, ta’ Stuttgart u ta’ Berlin-Tegel.

91      Il-Kummissjoni u l-intervenjenti jikkontestaw l-argumenti tar-rikorrenti.

92      Preliminarjament, għandu jitfakkar li skont ġurisprudenza stabbilita r-regoli bażiċi tar-Regolament Nru 139/2004, u, b’mod partikolari l-Artikolu 2 tiegħu, jagħtu lill-Kummissjoni ċerta setgħa diskrezzjonali, b’mod partikolari fir-rigward tal-evalwazzjonijiet ta’ natura ekonomika, u li, għaldaqstant, l-istħarriġ mill-qorti tal-eżerċizzju ta’ tali setgħa, li huwa essenzjali fid-definizzjoni tar-regoli dwar il-konċentrazzjonijiet, għandu jsir fid-dawl tal-marġni ta’ evalwazzjoni li fuqu huma msejsa r-regoli ta’ natura ekonomika li jagħmlu parti mir-regoli dwar il-konċentrazzjonijiet (sentenzi tat-18 ta’ Diċembru 2007, Cementbouw Handel & Industrie vs Il-Kummissjoni, C‑202/06 P, EU:C:2007:814, punt 53, u tat-13 ta’ Mejju 2015, Niki Luftfahrt vs Il-Kummissjoni, T‑162/10, EU:T:2015:283, punt 85). Għalhekk, hija ġurisprudenza stabbilita li l-istħarriġ li l-qrati tal-Unjoni jeżerċitaw fuq l-evalwazzjonijiet ekonomiċi kumplessi magħmula mill-Kummissjoni huwa limitat neċessarjament għall-verifika tal-osservanza tar-regoli ta’ proċedura u ta’ motivazzjoni, kif ukoll tal-eżattezza materjali tal-fatti, tal-assenza ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni tal-fatti u ta’ użu ħażin ta’ poter (sentenzi tas-7 ta’ Mejju 2020, BTB Holding Investments u Duferco Participations Holding vs Il-Kummissjoni, C‑148/19 P, EU:C:2020:354, punt 56; tal-5 ta’ Settembru 2014, Éditions Odile Jacob vs Il-Kummissjoni, T‑471/11, EU:T:2014:739, punt 137, u tat-12 ta’ Diċembru 2018, Servier et vs Il-Kummissjoni, T‑691/14, taħt appell, EU:T:2018:922, punt 1374).

93      Madankollu, minkejja li l-Qorti Ġenerali ma għandhiex tissostitwixxi l-evalwazzjoni ekonomika tal-Kummissjoni, li għandha l-kompetenza istituzzjonali f’dan ir-rigward, bl-evalwazzjoni ekonomika rispettiva tagħha, minn ġurisprudenza li issa hija stabbilita sew jirriżulta li l-qorti tal-Unjoni għandha, b’mod partikolari, mhux biss tivverifika l-eżattezza materjali tal-provi invokati, il-kredibbiltà tagħhom u l-koerenza tagħhom, iżda għandha wkoll tistħarreġ jekk dawn l-elementi jikkostitwixxux l-informazzjoni rilevanti kollha li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni sabiex tiġi evalwata sitwazzjoni kumplessa u jekk dawn humiex ta’ natura li jikkonfermaw il-konklużjonijiet misluta minnhom (sentenzi tal-15 ta’ Frar 2005, Il-Kummissjoni vs Tetra Laval, C‑12/03 P, EU:C:2005:87, punt 39, u tal-11 ta’ Settembru 2014, CB vs Il-Kummissjoni, C‑67/13 P, EU:C:2014:2204, punt 46).

 Fuq l-ewwel parti tat-tieni motiv, ibbażata fuq l-effetti tal-ftehimiet roof wet lease u wet lease

94      Fl-ewwel lok, fid-deċiżjoni kkontestata l-Kummissjoni osservat li, b’applikazzjoni tal-ftehim roof wet lease, Air Berlin kienet tikri lil żewġ sussidjarji tal-intervenjenti ajruplani flimkien mal-ekwipaġġ tagħhom. Barra minn hekk, hija kkonstatat li s-sostituzzjoni ta’ Air Berlin minn LGW fil-kuntest ta’ dan il-ftehim, li hija kienet awtorizzat permezz tad-deċiżjoni tas-27 ta’ Ottubru 2017, kienet intiża li żżomm l-effetti ta’ dan il-ftehim wara t-tmiem tal-attivitajiet ta’ Air Berlin. Minn dan hija ddeduċiet li din is-sostituzzjoni kien ser ikollha, bħala tali, biss effett limitat fis-swieq ta’ servizzi ta’ trasport bl-ajru ta’ passiġġieri. B’mod analogu, hija qieset li l-“integrazzjoni” ta’ dawn l-ajruplani flimkien mal-ekwipaġġ tagħhom fi ħdan l-intervenjenti, permezz tal-konċentrazzjoni inkwistjoni, kellu jkollha effetti limitati fuq dawn is-swieq sa fejn din l-integrazzjoni tkun il-werrieta tal-ftehim roof wet lease. Barra minn hekk, hija kkonstatat li l-Uffiċċju Federali tal-Kompetizzjoni kien approva dan il-ftehim fit-30 ta’ Jannar 2017.

95      F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti ma tikkontestax id-deċiżjoni tal-Uffiċċju Federali tal-Kompetizzjoni li japprova l-ftehim roof wet lease. Madankollu, hija ssostni li dan il-ftehim jikkostitwixxi biss element “qabel it-tranżazzjoni” tal-konċentrazzjoni inkwistjoni li kellu jittieħed inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni. Hija għalhekk issostni li l-Uffiċċju Federali tal-Kompetizzjoni kien illimita ruħu li jeżamina l-imsemmi ftehim b’mod iżolat u li hija l-Kummissjoni li kellha tevalwa din il-konċentrazzjoni fil-globalità tagħha.

96      F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni messha “evalwat l-importanza” tal-attivi kkonċernati mil-ftehim roof wet lease għall-funzjonament tas-swieq rispettivament ta’ servizzi ta’ trasport bl-ajru ta’ passiġġieri u ta’ kiri ta’ ajruplani. Hija tkompli tesponi li l-konċentrazzjoni inkwistjoni ppermettiet li l-intervenjenti tixtri ajruplani bl-ekwipaġġ b’mod iktar mgħaġġel milli kieku kienu jippermettu l-kundizzjonijiet normali tas-suq, fid-dawl, b’mod partikolari, tad-diffikultà li jiġu rreklutati piloti. Fl-aħħar, hija ssostni li, fl-assenza tal-konċentrazzjoni inkwistjoni, dawn l-ajruplani u l-ekwipaġġ tagħhom setgħu jinxtraw minn kompetituri oħra tal-intervenjenti.

97      F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat, hekk kif ġie msemmi fil-punt 46 iktar ’il fuq, li l-ftehim roof wet lease u l-konċentrazzjoni inkwistjoni għandhom jitqiesu bħala żewġ tranżazzjonijiet separati. Minn dan isegwi li, bil-kontra ta’ dak li ssostni r-rikorrenti, il-ftehim roof wet lease ma jistax jitqies bħala li jikkostitwixxi element ta’ din il-konċentrazzjoni.

98      Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li l-ftehim roof wet lease kien ġie konkluż għal perijodu ta’ sitt snin, li jista’ jiġġedded taħt ċerti kundizzjonijiet. Minn dan isegwi li, skont kliem dan il-ftehim, l-intervenjenti tista’ tuża l-ajruplani flimkien mal-ekwipaġġ tagħhom koperti minn dan il-ftehim minn tal-inqas sax-xahar ta’ Diċembru 2022. Konsegwentement, il-fatt, allegat mir-rikorrenti, li l-ftehim tat-13 ta’ Ottubru 2017, dwar il-konċentrazzjoni inkwistjoni, ippermetta li l-intervenjenti tixtri dawn l-ajruplani b’mod iktar mgħaġġel u li tieħu l-ekwipaġġ tagħhom ma jippermettix, fih innifsu, li jintwera li din il-konċentrazzjoni setgħet ixxekkel b’mod sinjifikattiv il-kompetizzjoni effettiva fis-swieq rispettivament ta’ servizzi ta’ trasport bl-ajru ta’ passiġġieri u ta’ kiri ta’ ajruplani.

99      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni ma injoratx b’mod manifest l-effetti tal-ftehim roof wet lease fil-kuntest tal-evalwazzjoni tagħha tal-konċentrazzjoni inkwistjoni.

100    Fit-tieni lok, il-Kummissjoni osservat li LGW kienet tikri, fil-kuntest tal-ftehim wet lease, ajruplani bl-ekwipaġġ lil Air Berlin u li din tal-aħħar kellha l-islots tal-ħin neċessarji għall-użu ta’ dawn l-ajruplani u kienet tikkummerċjalizza l-biljetti tal-ajru fir-rigward tat-titjiriet operati permezz tal-imsemmija ajruplani. Minn dan hija ddeduċiet li Air Berlin kienet preżenti fis-swieq ta’ servizzi ta’ trasport bl-ajru ta’ passiġġieri u li LGW kienet preżenti fis-suq tal-kiri ta’ ajruplani, għalkemm unikament fi ħdan il-grupp Air Berlin. Fl-aħħar, hija kkonstatat li t-tmiem tal-attivitajiet ta’ Air Berlin kien wassal sabiex LGW tirtira mis-suq tal-kiri ta’ ajruplani qabel il-konċentrazzjoni inkwistjoni u indipendentement minnha.

101    F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni kienet żbaljata meta qieset li LGW kienet preżenti fis-suq tal-kiri ta’ ajruplani sa fejn din tal-aħħar kienet tillimita ruħha li tikri ajruplani lill-kumpannija omm tagħha, Air Berlin. Hija minn dan tiddeduċi li l-attivitajiet ta’ LGW kienu ħaġa waħda ma dawk ta’ Air Berlin u li fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-konċentrazzjoni inkwistjoni l-Kummissjoni messha, konsegwentement, wettqet eżami speċifiku tal-ftehim wet lease.

102    Għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti tqis, bi qbil mal-Kummissjoni, li LGW kienet tikri ajruplani biss lil Air Berlin, b’tali mod li l-Kummissjoni kienet iġġustifikata meta kkonstatat li l-applikazzjoni tal-ftehim wet lease kienet intemmet flimkien mat-tmiem tal-attivitajiet ta’ Air Berlin, li seħħ qabel il-konċentrazzjoni inkwistjoni u indipendentement minnha, hekk kif ġie osservat fil-punti 38 u 49 iktar ’il fuq. Issa, ir-rikorrenti ma tispjegax kif dan il-ftehim, li l-applikazzjoni tiegħu ntemmet qabel din il-konċentrazzjoni u indipendentement minnha, seta’ jiżvela l-eżistenza ta’ xkiel sinjifikattiv għal kompetizzjoni effettiva fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-imsemmija konċentrazzjoni mill-Kummissjoni.

103    Barra minn hekk, għalkemm ir-rikorrenti riedet tikkritika lill-Kummissjoni talli ma ħaditx inkunsiderazzjoni, fl-analiżi tagħha, tal-eventwali effetti tax-xiri, mill-intervenjenti, tal-ajruplani reġjonali li l-kiri tagħhom kien is-suġġett tal-ftehim wet lease, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li hija la tispjega b’liema mod, u lanqas f’liema suq, dan ix-xiri seta’ jikkostitwixxi xkiel sinjifikattiv għal kompetizzjoni effettiva.

104    Minn dan isegwi li r-rikorrenti ma hijiex fondata meta ssostni li l-Kummissjoni messha wettqet eżami speċifiku tal-effetti tal-ftehim wet lease, b’tali mod li l-ewwel parti tat-tieni motiv tar-rikorrenti għandha tiġi miċħuda.

 Fuq it-tieni parti tat-tieni motiv, ibbażata fuq l-effetti tal-konċentrazzjoni inkwistjoni fis-swieq ta’ servizzi ta’ trasport bl-ajru ta’ passiġġieri bi tluq jew b’wasla minn jew fl-ajruporti ta’ Düsseldorf, ta’ Zürich, ta’ Hamburg, ta’ Munchen, ta’ Stuttgart u ta’ Berlin-Tegel

105    Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti ssostni li l-konċentrazzjoni inkwistjoni tipproduċi effetti antikompetittivi. Fil-fatt, fl-assenza ta’ din il-konċentrazzjoni, parti kunsiderevoli mill-islots tal-ħin ittrasferiti lill-intervenjenti kienet tiġi attribwita lil kumpanniji oħra tal-ajru. Ir-rikorrenti ssostni, f’dan ir-rigward, li 14 mid-19-il ajruporti kkonċernati mill-imsemmija konċentrazzjoni huma ajruporti kkoordinati fis-sens tar-Regolament Nru 95/93, fosthom l-ajruporti ta’ Düsseldorf, ta’ Zürich, ta’ Hamburg, ta’ Munchen, ta’ Stuttgart u ta’ Berlin-Tegel. Konsegwentement, konformement mal-Artikolu 10 ta’ dan ir-regolament, sa nofs l-islots tal-ħin preċedentement miżmuma minn Air Berlin kienu jiġu attribwiti lil “kompetituri ġodda” fl-assenza ta’ din il-konċentrazzjoni, u dan kien inaqqas il-barrieri għad-dħul fis-swieq inkwistjoni.

106    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, konformement mal-Artikolu 2(2) u (3) tar-Regolament Nru 139/2004, huma biss il-konċentrazzjonijiet li sejrin ixekklu b’mod sinjifikattiv kompetizzjoni effettiva fis-suq intern jew f’parti sostanzjali tiegħu, b’mod partikolari minħabba l-fatt tal-ħolqien jew ta’ tisħiħ ta’ pożizzjoni dominanti, li għandhom jiġu ddikjarati inkompatibbli mas-suq intern.

107    Konsegwentement, hekk kif issostni, ġustament, il-Kummissjoni, iċ-ċirkustanza li konċentrazzjoni għandha tipproduċi effetti antikompetittivi ma hijiex, fiha nnifisha, suffiċjenti sabiex jitqies li din il-konċentrazzjoni hija inkompatibbli mas-suq intern, peress li din ma xxekkilx b’mod sinjifikattiv kompetizzjoni effettiva fis-suq intern jew f’parti sostanzjali tiegħu.

108    F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-sempliċi ċirkustanza li, fl-assenza tal-konċentrazzjoni inkwistjoni, uħud mill-islots tal-ħin ittrasferiti lill-intervenjenti setgħu jiġu attribwiti lil kumpanniji oħra tal-ajru, u b’dan il-mod jitnaqqsu, għal dawn tal-aħħar, il-barrieri għad-dħul fir-rigward tal-ajruporti kkonċernati, ma tippermettix, bħala tali, li jintwera li din il-konċentrazzjoni setgħet ixxekkel b’mod sinjifikattiv kompetizzjoni effettiva fis-suq intern jew f’parti sostanzjali tiegħu.

109    Fit-tieni lok, ir-rikorrenti ssostni li l-konċentrazzjoni inkwistjoni għandha xxekkel b’mod sinjifikattiv il-kompetizzjoni effettiva fis-swieq ta’ servizzi ta’ trasport bl-ajru ta’ passiġġieri bi tluq jew b’wasla minn jew fl-ajruporti ta’ Düsseldorf, ta’ Zürich, ta’ Hamburg, ta’ Munchen, ta’ Stuttgart u ta’ Berlin-Tegel. F’dan ir-rigward, hija ssostni, minn naħa, li din il-konċentrazzjoni għandha toħloq jew issaħħaħ il-pożizzjoni dominanti tal-intervenjenti fis-swieq ta’ servizzi ta’ trasport bl-ajru ta’ passiġġieri bi tluq jew b’wasla mill-ajruporti ta’ Düsseldorf u ta’ Zürich. Min-naħa l-oħra, l-imsemmija konċentrazzjoni għandha ttella s-sehem ta’ slots tal-ħin miżmuma mill-intervenjenti fl-ajruporti ta’ Hamburg, ta’ Munchen, ta’ Stuttgart u ta’ Berlin-Tegel b’mod sinjifikattiv għal iktar minn 25 % meta dawn l-ajruporti għandhom rati ta’ konġestjoni għoljin.

110    F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni eżaminat il-kapaċità tal-intervenjenti li tagħlaq l-aċċess għas-servizzi ta’ infrastruttura tal-ajruporti u, sussegwentement, għas-swieq tas-servizzi ta’ trasport bl-ajru ta’ passiġġieri bi tluq jew b’wasla b’mod partikolari minn jew fl-ajruporti ta’ Düsseldorf, ta’ Zürich, ta’ Hamburg, ta’ Munchen, ta’ Stuttgart u ta’ Berlin-Tegel. Hekk kif jirriżulta mill-punt 19 iktar ’il fuq, hija ħadet inkunsiderazzjoni, minn naħa, il-konġestjoni ta’ dawn l-ajruporti u, min-naħa l-oħra, is-sehem ta’ slots tal-ħin miżmuma mill-intervenjenti u l-effett tal-konċentrazzjoni inkwistjoni fuq dan is-sehem ta’ slots tal-ħin.

111    F’dak li jirrigwarda, minn naħa, il-konġestjoni tal-ajruporti, il-Kummissjoni ikkonstatat li, hekk kif jirriżulta mill-Artikolu 3(5) tar-Regolament Nru 95/93, il-kapaċità tal-ajruporti kkoordinati ma kinitx suffiċjenti sabiex jiġu ssodisfatti d-domandi kollha tat-trasportaturi tal-ajru abbażi ta’ kooperazzjoni volontarja bejniethom. Madankollu, hija osservat li ajruport seta’ jiġi kklassifikat bħala kkoordinat fis-sens ta’ dan ir-regolament mingħajr ma jintużaw l-islots kollha tal-ħin ta’ dan l-ajruport. Hija għalhekk ikkalkolat, meta qieset li dan kien meħtieġ, ir-rata ta’ konġestjoni tal-ajruporti kkonċernati billi ddividiet, għall-kull waħda mis-sigħat ta’ ftuħ, in-numru ta’ slots tal-ħin attribwiti lill-kumpanniji kollha tal-ajru bin-numru total ta’ slots tal-ħin disponibbli. Hija qieset, mingħajr kontestazzjoni f’dan ir-rigward min-naħa tar-rikorrenti, li l-eżistenza ta’ xkiel sinjifikattiv għal kompetizzjoni effettiva tista’, bħala prinċipju, tiġi eskluża meta r-rata ta’ konġestjoni medja ta’ ajruport tkun ta’ inqas minn 60 %.

112    F’dak li jirrigwarda, min-naħa l-oħra, l-effett tal-konċentrazzjoni inkwistjoni fuq is-sehem ta’ slots tal-ħin miżmum mill-intervenjenti, il-Kummissjoni kkonstatat, hekk kif ġie indikat fil-punt 74 iktar ’il fuq, li, fl-assenza tal-konċentrazzjoni inkwistjoni, l-islots tal-ħin ta’ Air Berlin, inklużi dawk ta’ Niki Luftfahrt, kienu jmorru lura fil-ġemgħa qabel ma jerġgħu jiġu ddistribwiti lit-trasportaturi l-oħra tal-ajru li jitolbuhom. F’dan ir-rigward, hija speċifikat, hekk kif issostni r-rikorrenti, li, konformement mal-Artikolu 10(6) tar-Regolament Nru 95/93, 50 % ta’ dawn l-islots tal-ħin kienu jiġu attribwiti lil kompetituri ġodda, sakemm it-talbiet ta’ dawn tal-aħħar ma jkunux jirrappreżentaw inqas minn 50 % tal-imsemmija slots tal-ħin. Konsegwentement, minn tal-inqas 50 % tal-islots tal-ħin ta’ Air Berlin kienu jiġu ttrasferiti lill-kumpanniji l-oħra tal-ajru, fosthom l-intervenjenti, li diġà kellha numru suffiċjenti ta’ slots tal-ħin fl-ajruporti kkonċernati.

113    F’dawn iċ-ċirkustanzi, fid-deċiżjoni kkontestata l-Kummissjoni eżaminat dik li hija kklassifikat bħala “żieda netta”, jiġifieri d-differenza bejn is-sehem ta’ slots tal-ħin miżmum mill-intervenjenti wara l-konċentrazzjoni inkwistjoni u s-sehem ta’ slots tal-ħin miżmum mill-intervenjenti fl-assenza ta’ din il-konċentrazzjoni, b’teħid inkunsiderazzjoni tal-islots tal-ħin ta’ Air Berlin, inklużi dawk ta’ Niki Luftfahrt, li kienu jiġu, jekk ikun il-każ, ittrasferiti lilha permezz tal-ġemgħa.

–       Fuq l-effetti tal-konċentrazzjoni inkwistjoni fuq is-swieq ta’ servizzi ta’ trasport bl-ajru ta’ passiġġieri bi tluq jew b’wasla minn jew fl-ajruporti ta’ Düsseldorf u ta’ Zürich

114    L-ewwel, fir-rigward tal-istaġun tax-xitwa IATA 2017/2018 fl-ajruport ta’ Düsseldorf, il-Kummissjoni osservat li s-sehem medju ta’ slots tal-ħin miżmum mill-intervenjenti jiżdied minn 26 % għal 39 % jew għal 42 %, skont jekk l-islots tal-ħin miżmuma minn Niki Luftfahrt jiġux ittrasferiti lil kumpannija oħra tal-ajru jew jekk imorrux lura fil-ġemgħa, li ż-żieda netta medja tkun ta’ 4 % u li r-rata ta’ konġestjoni medja tkun ta’ 73 %. Barra minn hekk, is-sehem massimu ta’ slots tal-ħin miżmum mill-intervenjenti jiżdied minn 46 % għal 58 %, bejn il-ħamsa ta’ wara nofsinhar u l-ħamsa u disa’ u ħamsin minuta ta’ wara nofsinhar, skont il-ħin universali kkoordinat (UTC), meta tintlaħaq ir-rata ta’ konġestjoni massima ta’ 99 %. Iż-żieda netta tkun għalhekk ta’ 6 %.

115    It-tieni, fir-rigward tal-istaġun tas-sajf IATA 2018 fl-ajruport ta’ Düsseldorf, il-Kummissjoni osservat li s-sehem tas-slots tal-ħin miżmum mill-intervenjenti jiżdied minn 39 % għal 52 % jew għal 54 %, skont jekk l-islots tal-ħin miżmuma minn Niki Luftfahrt jiġux ittrasferiti lil kumpannija oħra tal-ajru jew jekk imorrux lura fil-ġemgħa, u li ż-żieda netta medja tkun ta’ 5 %. Filwaqt li ħadet inkunsiderazzjoni l-impenji meħuda mill-intervenjenti, il-Kummissjoni osservat li lill-intervenjenti kellu jiġi ttrasferit biss numru ridott ta’ slots tal-ħin, b’tali mod li s-sehem ta’ slots tal-ħin miżmum minn din tal-aħħar ma jaqbiżx il-50 % u li ż-żieda netta tkun limitata għal 1 %. Barra minn hekk, hija kkonstatat li r-rata ta’ konġestjoni medja tal-ajruport ta’ Düsseldorf kienet ta’ 91 % matul l-istaġun tas-sajf IATA 2017 u li żewġ slots tal-ħin biss kellhom jiġu ttrasferiti lill-intervenjenti meta r-rata ta’ konġestjoni massima ta’ 100 % tintlaħaq, bejn nofsinhar u nofsinhar u disa’ u ħamsin minuta UTC.

116    It-tielet, fir-rigward tal-ajruport ta’ Zürich, il-Kummissjoni kkonstatat li lill-intervenjenti kellhom jiġu ttrasferiti slots tal-ħin biss għall-istaġun tas-sajf IATA 2018. B’mod iktar partikolari, hija osservat li s-sehem medju ta’ slots tal-ħin miżmum mill-intervenjenti jiżdied minn 51 % għal 52 %, li ż-żieda netta medja tkun qrib iż-0 % u li r-rata ta’ konġestjoni medja tal-ajruport ta’ Zürich kienet ta’ 69 %. F’dak li jirrigwarda s-sehem massimu ta’ slots tal-ħin miżmum mill-intervenjenti, dan għandu jiżdied minn 81 % għal 84 %, bejn l-erba’ ta’ filgħodu u l-erba’ u disa’ u ħamsin minuta ta’ filgħodu UTC, meta tintlaħaq ir-rata ta’ konġestjoni massima ta’ 94 %, iżda ż-żieda netta għalhekk tkun ta’ 0 %.

117    Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti tfakkar li sehem tas-suq ta’ iktar minn 50 % joħloq preżunzjoni ta’ pożizzjoni dominanti. F’dan ir-rigward, minn naħa, minn dan hija tiddeduċi li, f’din il-kawża, il-konċentrazzjoni inkwistjoni tagħti tali pożizzjoni lill-intervenjenti fir-rigward tal-ajruport ta’ Düsseldorf u ssaħħaħ din il-pożizzjoni fir-rigward tal-ajruport ta’ Zürich. Min-naħa l-oħra, hija ssostni li l-ħolqien u t-tisħiħ tal-pożizzjoni dominanti tal-intervenjenti jikkostitwixxu, bħala tali, xkiel sinjifikattiv għal kompetizzjoni effettiva, billi jippermettu li din tagħlaq l-aċċess għas-servizzi ta’ trasport bl-ajru ta’ passiġġieri bi tluq jew b’wasla minn jew f’dawn l-ajruporti. Hija għalhekk issostni li s-sehem tas-slots tal-ħin miżmum mill-intervenjenti fl-ajruport ta’ Düsseldorf kien jammonta għal 42 % u għal 54 % matul l-istaġuni rispettivament tax-xitwa IATA 2017/2018 u tas-sajf IATA 2018 u li r-rata ta’ konġestjoni ta’ dan l-ajruport tilħaq il-91 %. Hija tispeċifika, barra minn hekk, li l-impenji meħuda mill-intervenjenti huma insuffiċjenti sa fejn is-sehem ta’ slots tal-ħin li ser ikunu miżmuma minnha jerġa’ jilħaq il-50 % ta’ slots tal-ħin matul l-istaġun tas-sajf IATA 2018. Fir-rigward tal-ajruport ta’ Zürich, hija tosserva li s-sehem tas-slots tal-ħin miżmum mill-intervenjenti kien jammonta, medjament, għal 52 %, u, l-iktar għal 84 % matul l-istaġun tas-sajf IATA 2018 u li dak tal-eqreb kompetitur tagħha kien jammonta għal 6 % biss.

118    F’dan ir-rigward, mill-Artikolu 2(2) u (3) tar-Regolament Nru 139/2004 jirriżulta li konċentrazzjoni tista’, f’ċerti każijiet, tikkostitwixxi xkiel sinjifikattiv għal kompetizzjoni effettiva meta din twassal għall-ħolqien jew għat-tisħiħ ta’ pożizzjoni dominanti (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tal-14 ta’ Diċembru 2005, General Electric vs Il-Kummissjoni, T‑210/01, EU:T:2005:456, punt 87).

119    Iktar minn hekk, hekk kif issostni r-rikorrenti, jekk id-daqs tal-ishma tas-suq jista’ jvarja minn suq għal ieħor, jista’ jkun ġustament ikkunsidrat li ishma tas-suq estremament kbar jammontaw fihom infushom, u ħlief f’ċirkustanzi eċċezzjonali, għall-prova tal-eżistenza ta’ pożizzjoni dominanti. Dan jista’ jkun il-każ ta’ sehem tas-suq ta’ 50 % jew iktar (ara s-sentenza tas-6 ta’ Lulju 2010, Ryanair vs Il-Kummissjoni, T‑342/07, EU:T:2010:280, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata).

120    Madankollu, f’din il-kawża, f’dak li jirrigwarda, minn naħa, l-istaġun tax-xitwa IATA 2017/2018 fl-ajruport ta’ Düsseldorf, għandu jiġi osservat li l-intervenjenti kellha, medjament, biss 42 % tal-islots tal-ħin. Konsegwentement, hekk kif dan jirriżulta barra minn hekk mill-argumenti tar-rikorrenti, ma jistax jiġi preżunt li l-intervenjenti għandha pożizzjoni dominanti sa fejn is-sehem tagħha ta’ slots tal-ħin miżmuma wara l-konċentrazzjoni inkwistjoni jibqa’ ta’ inqas minn 50 %. Issa, għandu jiġi kkonstatat li, sabiex turi l-eżistenza tal-pożizzjoni dominanti tal-intervenjenti, ir-rikorrenti tillimita ruħha li tinvoka l-fatt li s-sehem ta’ slots tal-ħin miżmum minnha huwa ta’ iktar minn 40 % u l-fatt li r-rata ta’ konġestjoni ta’ dan l-ajruport hija għolja. Madankollu, fl-assenza b’mod partikolari ta’ informazzjoni dwar is-sehem ta’ slots tal-ħin miżmuma mill-kumpanniji l-oħra tal-ajru, dawn il-fatti ma humiex suffiċjenti, waħedhom, sabiex juru li l-intervenjenti għandha tali pożizzjoni. Fl-aħħar, iċ-ċirkustanza li s-sehem massimu ta’ slots tal-ħin miżmum mill-intervenjenti jista’ jilħaq it-58 % bejn il-ħamsa ta’ wara nofsinhar u l-ħamsa u disa’ u ħamsin minuta ta’ wara nofsinhar UTC ma tippermettix li jiġi konkluż li l-intervenjenti kellha pożizzjoni dominanti għall-istaġun tax-xitwa IATA 2017/2018, ikkunsidrat fit-totalità tiegħu. F’kull każ, tali ċirkustanza ma hijiex biżżejjed sabiex jiġi stabbilit li l-konċentrazzjoni inkwistjoni x’aktarx li tikkostitwixxi, manifestament, xkiel sinjifikattiv għal kompetizzjoni effettiva b’applikazzjoni tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 118 iktar ’il fuq, fid-dawl, b’mod partikolari, tad-disponibbiltà ta’ slots tal-ħin fl-ajruport ta’ Düsseldorf matul dan l-istaġun, hekk kif ikkonstatat il-Kummissjoni fil-punt 214 tad-deċiżjoni kkontestata.

121    F’dak li jirrigwarda, min-naħa l-oħra, l-istaġun tas-sajf IATA 2018 fl-ajruporti ta’ Düsseldorf u ta’ Zürich, mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li, wara l-impenji meħuda mill-intervenjenti, iż-żieda netta hija ta’ 0 % jew qrib iż-0 %, b’tali mod li s-sehem ta’ slots tal-ħin miżmum mill-intervenjenti huwa l-istess, jew kważi l-istess, irrispettivament mill-implimentazzjoni jew min nuqqas ta’ implimentazzjoni tal-konċentrazzjoni inkwistjoni. Konsegwentement, il-ħolqien jew it-tisħiħ tal-pożizzjoni dominanti allegata mir-rikorrenti ma tirriżultax mill-konċentrazzjoni inkwistjoni, bħala tali, iżda unikament mit-tmiem tal-attivitajiet ta’ Air Berlin. F’dawn iċ-ċirkustanzi, mis-sempliċi fatt li s-sehem ta’ slots tal-ħin miżmum mill-intervenjenti wara l-konċentrazzjoni inkwistjoni huwa għola jew ekwivalenti għal 50 % ma jistax jiġi dedott li din il-konċentrazzjoni tikkostitwixxi xkiel sinjifikattiv għal kompetizzjoni effettiva.

122    Fit-tieni lok, ir-rikorrenti ssostni li, fid-dawl tas-sehem kunsiderevoli tagħha ta’ slots tal-ħin u tar-rata ta’ konġestjoni, b’mod partikolari tal-ajruporti ta’ Düsseldorf u ta’ Zürich, l-intervenjenti tista’ tadotta diversi strateġiji ta’ esklużjoni. Din għalhekk tista’, l-ewwel, iżżid in-numru ta’ titjiriet fil-ħinijiet tat-titjiriet ippjanati minn kompetitur ġdid jew fuq il-linji diġà operati minn dan tal-aħħar, b’tali mod li trendi l-attivitajiet tiegħu inqas redditizji, it-tieni, tuża b’mod iktar effiċjenti l-islots tal-ħin tagħha billi tallokahom mill-ġdid, skont il-bżonn, għad-diversi konnessjonijiet tagħha u, it-tielet, toffri programmi ta’ fedeltà iktar vantaġġużi għall-klijenti tagħha.

123    F’dan ir-rigward, l-ewwel, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni osservat, hekk kif għamlet ir-rikorrenti, li l-fatt li jkollha numru kunsiderevoli ta’ slots tal-ħin jista’ jippermetti li kumpanniji tal-ajru joffru titjiriet f’ħinijiet qrib dawk ippjanati minn kumpannija oħra tal-sabiex, b’mod partikolari, sabiex irendu iktar diffiċli d-dħul ta’ din tal-aħħar fis-suq tas-servizzi ta’ trasport bl-ajru ta’ passiġġieri bi tluq jew b’wasla minn jew fl-ajruport ikkonċernat.

124    Madankollu, minn naħa, għandu jiġi osservat li ż-żieda netta tan-numru ta’ slots tal-ħin fl-ajruporti ta’ Düsseldorf u ta’ Zürich matul l-istaġun tas-sajf IATA 2018 hija ta’ 0 % jew kważi ta’ 0 %. Minn dan isegwi li l-fatt li l-intervenjenti tista’, fid-dawl tan-numru elevat ta’ slots tal-ħin li hija għandha, b’iktar faċilità żżid in-numru ta’ titjiriet fil-ħinijiet tat-titjiriet ippjanati minn kompetitur ġdid jew fuq il-linji diġà operati minn dan tal-aħħar ma huwiex ir-riżultat tal-konċentrazzjoni inkwistjoni, iżda tat-tmiem tal-attivitajiet ta’ Air Berlin. Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-istaġun tax-xitwa IATA 2017/2018 fl-ajruport ta’ Düsseldorf u tal-istaġun tas-sajf IATA 2018 fl-ajruport ta’ Zürich, il-Kummissjoni osservat, fid-deċiżjoni kkontestata, li r-rata ta’ konġestjoni medja ta’ dawn l-ajruporti, rispettivament ta’ 73 % u ta’ 69 %, hija suffiċjentement baxxa sabiex tippermetti l-iżvilupp tal-attivitajiet tal-kompetituri wara l-konċentrazzjoni inkwistjoni, minkejja s-sehem ta’ slots tal-ħin miżmum mill-intervenjenti. Issa, ir-rikorrenti ma tipproduċi l-ebda element li jista’ jikkonfuta din l-evalwazzjoni.

125    It-tieni, għandu jitfakkar li ċ-ċirkustanza li l-kompetituri jistgħu jkunu leżi mill-fatt li konċentrazzjoni tiġġenera titjib fl-effiċjenza ma tistax, fiha nnifisha, tikkostitwixxi xkiel għall-kompetizzjoni. Issa, ir-rikorrenti ma tispjegax b’liema mod l-użu iktar effiċjenti mill-intervenjenti tal-islots tal-ħin tagħha kif ukoll l-implimentazzjoni ta’ programmi ta’ fedeltà iktar vantaġġużi favur il-klijenti tagħha ma jirriflettux titjib fl-effiċjenza li, għalkemm jista’ jkunu ta’ ħsara għall-kompetituri, ma jikkostitwixxix madankollu xkiel sinjifikattiv għal kompetizzjoni effettiva.

126    Minn dan isegwi li l-Kummissjoni ma wettqitx żball manifest ta’ evalwazzjoni meta qieset li l-konċentrazzjoni inkwistjoni ma hijiex ser ixxekkel b’mod sinjifikattiv il-kompetizzjoni effettiva fis-swieq ta’ servizzi ta’ trasport bl-ajru ta’ passiġġieri bi tluq jew b’wasla minn jew fl-ajruporti ta’ Düsseldorf u ta’ Zürich.

–       Fuq l-effetti tal-konċentrazzjoni inkwistjoni fis-swieq ta’ servizzi ta’ trasport bl-ajru ta’ passiġġieri bi tluq jew b’wasla minn jew fl-ajruporti ta’ Hamburg, ta’ Munchen, ta’ Stuttgart u ta’ Berlin-Tegel

127    L-ewwel, fir-rigward tal-istaġun tas-sajf IATA 2018 fl-ajruport ta’ Hamburg, il-Kummissjoni osservat li s-sehem medju ta’ slots tal-ħin miżmum mill-intervenjenti jiżdied minn 30 % għal 33 %, li ż-żieda netta medja tkun ta’ 1 % u li r-rata ta’ konġestjoni medja tkun ta’ 54 %. Is-sehem massimu ta’ slots tal-ħin miżmum mill-intervenjenti jiżdied minn 39 % għal 43 %, bejn l-erba’ ta’ wara nofsinhar u l-erba’ u disa’ u ħamsin minuta ta’ wara nofsinhar UTC, meta tintlaħaq r-rata ta’ konġestjoni massima ta’ 75 %. Iż-żieda netta għalhekk tkun madankollu limitata għal 1 %.

128    It-tieni, fir-rigward tal-istaġun tax-xitwa IATA 2017/2018 fl-ajruport ta’ Munchen, il-Kummissjoni osservat li s-sehem medju ta’ slots tal-ħin miżmum mill-intervenjenti jiżdied minn 39 % għal 41 %, li ż-żieda netta medja tkun ta’ 0 % u li r-rata ta’ konġestjoni medja tkun ta’ 60 %. Hija osservat ukoll li s-sehem massimu ta’ slots tal-ħin miżmum mill-intervenjenti jkun ta’ 78 %, bejn is-siegħa ta’ wara nofsinhar u s-siegħa u disa’ u ħamsin minuta ta’ wara nofsinhar UTC, meta tintlaħaq ir-rata ta’ konġestjoni massima ta’ 93 %. Hija madankollu kkonstatat li ż-żieda netta tibqa’ ta’ 0 %.

129    It-tielet, f’dak li jirrigwarda l-ajruport ta’ Stuttgart, il-Kummissjoni osservat, minn naħa, fir-rigward tal-istaġun tax-xitwa IATA 2017/2018, li s-sehem medju ta’ slots tal-ħin miżmum mill-intervenjenti jiżdied minn 15 % għal 17 %, li ż-żieda netta medja tkun ta’ 1 % u li r-rata ta’ konġestjoni medja tkun ta’ 30 %. Hija osservat ukoll li s-sehem massimu ta’ slots tal-ħin miżmum mill-intervenjenti jkun ta’ 33 %, bejn il-ħamsa ta’ wara nofsinhar u l-ħamsa u disa’ u ħamsin minuta ta’ wara nofsinhar UTC, meta tintlaħaq ir-rata ta’ konġestjoni massima ta’ 59 %. Madankollu hija kkonstatat li ż-żieda netta tibqa’ limitata għal 1 %. Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-istaġun tas-sajf IATA 2018, is-sehem medju ta’ slots tal-ħin miżmum mill-intervenjenti jiżdied minn 30 % għal 33 %, li ż-żieda netta medja tkun ta’ 1 % u li r-rata ta’ konġestjoni medja tkun ta’ 43 %. Barra minn hekk, is-sehem massimu tas-sehem ta’ slots tal-ħin miżmum mill-intervenjenti jkun ta’ 46 %, bejn l-erba’ ta’ wara nofsinhar u l-erba’ u disa’ u ħamsin minuta ta’ wara nofsinhar UTC, meta tintlaħaq ir-rata ta’ konġestjoni massima ta’ 74 %. Iż-żieda netta għalhekk tkun ta’ 2 %.

130    Ir-raba’, f’dak li jirrigwarda l-ajruport ta’ Berlin-Tegel, il-Kummissjoni osservat, minn naħa, fir-rigward tal-istaġun tax-xitwa IATA 2017/2018, li s-sehem medju ta’ slots tal-ħin miżmum mill-intervenjenti jiżdied minn 16 % għal 25 %, li ż-żieda netta medja tkun ta’ 4 % u li r-rata ta’ konġestjoni medja tkun ta’ 54 %. Hija osservat ukoll li s-sehem massimu ta’ slots tal-ħin miżmum mill-intervenjenti jkun ta’ 40 %, bejn is-seba’ ta’ wara nofsinhar u s-seba’ u disa’ u ħamsin minuta ta’ wara nofsinhar UTC, filwaqt li r-rata ta’ konġestjoni massima ta’ 73 % tintlaħaq bejn is-seba’ ta’ filgħodu u s-seba’ u ħamsin minuta ta’ filgħodu UTC. Barra minn hekk hija kkonstatat li ż-żieda netta tkun ta’ 11 % bejn is-seba’ ta’ wara nofsinhar u s-seba’ u disa’ u ħamsin minuta ta’ wara nofsinhar UTC. Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-istaġun tas-sajf IATA 2018, is-sehem medju ta’ slots tal-ħin miżmum mill-intervenjenti jiżdied minn 28 % għal 35 %, li ż-żieda netta medja tkun ta’ 3 % u li r-rata ta’ konġestjoni medja tkun ta’ 62 %. Barra minn hekk, is-sehem massimu tas-sehem ta’ slots tal-ħin miżmum mill-intervenjenti jkun ta’ 52 %, bejn l-erba’ ta’ wara nofsinhar u l-erba’ u disa’ u ħamsin minuta ta’ wara nofsinhar UTC, filwaqt li r-rata ta’ konġestjoni massima ta’ 83 % tintlaħaq bejn l-għaxra ta’ filgħodu u l-għaxra u disa’ u ħamsin minuta ta’ filgħodu UTC. Iż-żieda netta bejn l-erba’ ta’ wara nofsinhar u l-erba’ u disa’ u ħamsin minuta ta’ wara nofsinhar UTC tkun limitata għal 1 %.

131    Ir-rikorrenti ssostni li, hekk kif ġie indikat fil-punt 18 tal-Linji ta’ gwida fuq l-istima jew kalkolu ta’ l-għaqdiet orizzontali taħt ir-Regolament tal-Kunsill dwar il-kontroll tal-konċentrazzjonijiet bejn l-intrapriżi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 3, p. 10) (iktar ’il quddiem il-“Linji Gwida dwar il-Konċentrazzjonijiet Orizzontali”) u fil-premessa 32 tar-Regolament Nru 139/2004, konċentrazzjoni ma tikkostitwixxix xkiel sinjifikattiv għal kompetizzjoni effettiva meta s-sehem tas-suq tal-impriżi kkonċernati ma jaqbiżx il-25 %. Issa, hija ssostni li s-sehem tas-suq tal-intervenjenti wara l-konċentrazzjoni inkwistjoni jaqbeż b’mod sinjifikattiv il-25 %, l-ewwel, matul l-istaġun tas-sajf IATA 2018 fl-ajruport ta’ Hamburg, it-tieni, matul l-istaġun tax-xitwa IATA 2017/2018 fl-ajruport ta’ Munchen u, it-tielet, matul l-istaġuni tax-xitwa IATA 2017/2018 u tas-sajf IATA 2018 fl-ajruporti ta’ Stuttgart u ta’ Berlin-Tegel. Minn dan hija tiddeduċi li, fid-dawl tar-rata ta’ konġestjoni għolja ta’ dawn l-ajruporti, il-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni meta qieset li l-konċentrazzjoni inkwistjoni ma tikkostitwixxix xkiel sinjifikattiv għal kompetizzjoni effettiva fis-swieq ta’ servizzi ta’ trasport bl-ajru ta’ passiġġieri bi tluq jew b’wasla minn jew fl-imsemmija ajruporti.

132    F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, mingħajr ma jkun meħtieġ li tingħata deċiżjoni dwar il-kwistjoni ta’ jekk il-konċentrazzjoni inkwistjoni tikkostitwixxix konċentrazzjoni orizzontali fis-sens tal-Linji Gwida dwar il-Konċentrazzjonijiet Orizzontali, mill-punt 18 ta dawn il-linji gwida u mill-premessa 32 tar-Regolament Nru 139/2004 jirriżulta li l-fatt li s-sehem tas-suq tal-impriżi kkonċernati ma jaqbiżx il-25 % tikkostitwixxi indikazzjoni li tippermetti li jiġi preżunt li konċentrazzjoni hija kompatibbli mas-suq intern. Madankollu, minn dan ma jistax jiġi dedott li konċentrazzjoni ma hijiex kompatibbli mas-suq intern biss minħabba l-fatt li s-sehem tas-suq tal-impriżi kkonċernati jaqbeż il-25 %.

133    Fit-tieni lok, għalkemm ir-rikorrenti tagħmel riferiment għar-rati ta’ konġestjoni tal-ajruporti li hija identifikat, hija ma tallegax, u lanqas, a fortiori, ma turi, li dawn ir-rati jipprekluduha milli taċċedi għas-swieq tas-servizzi ta’ trasport bl-ajru ta’ passiġġieri bi tluq jew b’wasla minn jew f’dawn l-ajruporti. Barra minn hekk, minn naħa, għandu jiġi osservat li r-rati ta’ konġestjoni medji ta’ dawn tal-aħħar jirriżultaw qrib jew jaqbżu r-rata ta’ 60 %, imsemmija fil-punt 111 iktar ’il fuq, li taħtha l-Kummissjoni qieset, mingħajr ma ġiet ikkontestata mir-rikorrenti, li l-eżistenza ta’ xkiel sinjifikattiv għall-kompetizzjoni tista’, bħala prinċipju, tiġi eskluża.

134    Min-naħa l-oħra, għandu jiġi osservat li r-rati ta’ konġestjoni massimi tal-ajruporti inkwistjoni jintlaħqu f’ħinijiet differenti. Issa, għalkemm, hekk kif issostni r-rikorrenti, il-ħin li fih il-kumpanniji tal-ajru jistgħu jwettqu t-tluq jew l-atterraġġ tal-ajruplani tagħhom huwa element importanti għall-finijiet tal-provvista ta’ servizzi ta’ trasport bl-ajru ta’ passiġġieri, ir-rikorrenti ma tidentifikax l-islots tal-ħin li jkunu neċessarji f’kull wieħed mill-ajruporti li hija identifikat sabiex tali servizzi jiġu żviluppati. B’mod iktar partikolari, hija ma tispjegax kif l-islots tal-ħin ta’ Air Berlin għandhom jippermettu li l-intervenjenti tagħlaq l-aċċess għas-servizzi ta’ infrastruttura tal-ajruporti u, sussegwentement, għas-swieq ta’ servizzi ta’ trasport bl-ajru ta’ passiġġieri bi tluq jew b’wasla minn jew f’kull wieħed minn dawn l-ajruporti.

135    Fit-tielet lok, mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li ma hemmx żieda netta fl-ajruport ta’ Munchen u li din ma taqbiżx il-1 % fl-ajruport ta’ Hamburg. Din tilħaq, l-iktar l-iktar, it-2 % fl-ajruport ta’ Stuttgart, bejn l-erba’ ta’ wara nofsinhar u l-erba’ u disa’ u ħamsin minuta ta’ wara nofsinhar UTC matul l-istaġun tas-sajf IATA 2018 u tibqa’, fil-medja, ta’ 1 % għall-istaġuni kollha meqjusa flimkien. Fl-aħħar, fir-rigward tal-ajruport ta’ Berlin-Tegel, din tilħaq, fil-medja, rispettivament it-3 % matul l-istaġun tas-sajf IATA 2018 u 4 % matul l-istaġun tax-xitwa IATA 2017/2018 u, l-iktar l-iktar il-11 %, bejn is-seba’ ta’ wara nofsinhar u s-seba’ u disa’ u ħamsin minuta ta’ wara nofsinhar UTC, matul dan l-aħħar staġun. Madankollu, ir-rata ta’ konġestjoni medja hija biss ta’ 62 % matul l-istaġun tas-sajf IATA 2018 u ta’ 54 % matul l-istaġun tax-xitwa IATA 2017/2018.

136    F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi osservat li ż-żieda netta tibqa’ limitata f’dak li jirrigwarda l-ajruporti ta’ Hamburg, ta’ Munchen u ta’ Stuttgart, b’tali mod li l-eventwali diffikultajiet ta’ aċċess għas-swieq tas-servizzi ta’ trasport bl-ajru ta’ passiġġieri bi tluq jew b’wasla minn jew f’dawn l-ajruporti ma jirriżultawx mill-konċentrazzjoni inkwistjoni. Fir-rigward tal-ajruport ta’ Berlin-Tegel, iż-żieda netta hija ftit ogħla. Madankollu, fid-dawl tar-rata ta’ konġestjoni u tas-sehem ta’ slots tal-ħin miżmum mill-intervenjenti wara din il-konċentrazzjoni, din iċ-ċirkustanza ma tippermettix, waħedha, li jiġi stabbilit li l-imsemmija konċentrazzjoni tikkostitwixxi manifestament xkiel sinjifikattiv għal kompetizzjoni effettiva.

137    Minn dan isegwi li l-Kummissjoni ma wettqitx żball manifest ta’ evalwazzjoni meta qieset li l-konċentrazzjoni inkwistjoni ma hijiex ser ixxekkel b’mod sinjifikattiv il-kompetizzjoni effettiva fis-swieq ta’ servizzi ta’ trasport bl-ajru ta’ passiġġieri bi tluq jew b’wasla minn jew fl-ajruporti ta’ Hamburg, ta’ Munchen, ta’ Stuttgart u ta’ Berlin-Tegel.

138    Għalhekk, it-tieni parti tat-tieni motiv tar-rikorrenti għandha tiġi miċħuda u, b’konsegwenza ta’ dan, l-imsemmi motiv għandu jiġi miċħud fit-totalità tiegħu.

 Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq il-ksur tar-Regolament Nru 95/93

139    Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni kisret l-Artikolu 8a(2)(a) tar-Regolament Nru 95/93 kif ukoll il-prinċipji ta’ newtralità, ta’ trasparenza u ta’ nondiskriminazzjoni li jirriżultaw minn dan ir-regolament. B’mod iktar partikolari, hija ssostni li ma huwiex possibbli li slots tal-ħin jiġu ttrasferiti fil-kuntest ta’ konċentrazzjoni meta jkun hemm ir-riskju li tali trasferiment jippreġudika l-operazzjonijiet ta’ ajruport. Issa, il-konċentrazzjoni inkwistjoni tikkawża tali preġudizzju, b’mod partikolari fl-ajruporti ta’ Düsseldorf u ta’ Zürich, billi toħloq jew billi ssaħħaħ il-pożizzjoni dominanti tal-intervenjenti.

140    Il-Kummissjoni u l-intervenjenti jikkontestaw l-argumenti tar-rikorrenti.

141    F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, għandu jitfakkar li, hekk kif ġie osservat fil-punt 121 iktar ’il fuq, il-ħolqien jew it-tisħiħ tal-pożizzjoni dominanti li tallega r-rikorrenti ma humiex ir-riżultat tal-konċentrazzjoni inkwistjoni.

142    Fit-tieni lok, minn naħa, issemma, fil-punt 106 iktar ’il fuq, li, konformement mal-Artikolu 2(2) u (3) tar-Regolament Nru 139/2004, huma biss il-konċentrazzjonijiet li sejrin ixekklu b’mod sinjifikattiv kompetizzjoni effettiva fis-suq intern jew f’parti sostanzjali tiegħu, b’mod partikolari minħabba l-fatt tal-ħolqien jew ta’ tisħiħ ta’ pożizzjoni dominanti, li għandhom jiġu ddikjarati inkompatibbli mas-suq intern. Min-naħa l-oħra, mill-Artikolu 8a(2) tar-Regolament Nru 95/93 jirriżulta li huwa unikament il-koordinatur tal-ajruporti kkonċernati li jista’ jirrifjuta li jikkonferma t-trasferimenti ta’ slots tal-ħin li jiġu nnotifikati lilu jekk ma jkunx konvint li l-operazzjonijiet tal-ajruporti ma humiex ser isofru preġudizzju. Konsegwentement, għandu jiġi osservat li l-Kummissjoni ma kellhiex il-kompetenza meħtieġa sabiex tapplika din id-dispożizzjoni.

143    F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-tielet motiv tar-rikorrenti għandu jiġi miċħud.

 Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq l-ommissjoni tal-eżami tal-eventwali titjib fl-effiċjenza b’riżultat tal-konċentrazzjoni inkwistjoni

144    Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni kisret il-Linji Gwida dwar il-Konċentrazzjonijiet Orizzontali billi naqset milli teżamina l-eventwali titjib fl-effiċjenza li jista’ jirriżulta mill-konċentrazzjoni inkwistjoni.

145    Il-Kummissjoni u l-intervenjenti jikkontestaw l-argumenti tar-rikorrenti.

146    Fl-ewwel lok, għandu jiġi osservat li, hekk kif jirriżulta barra minn hekk minn kliem it-taqsima 9 tal-formola CO dwar in-notifika ta’ konċentrazzjoni konformement mar-Regolament Nru 139/2004, li tinstab fl-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 802/2004 tal-Kummissjoni tal-21 ta’ April 2004 li jimplementa r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 3, p. 88), u minn dak tal-punt 78 tal-Linji Gwida dwar il-Konċentrazzjonijiet Orizzontali, it-titjib fl-effiċjenza kkawżat mill-konċentrazzjoni għandu jkun ta’ natura li jiffavorixxi l-kompetizzjoni favur il-konsumaturi. Il-premessa 29 tar-Regolament Nru 139/2004, li għaliha tagħmel riferiment ir-rikorrenti, tfakkar għalhekk li tali effiċjenzi li jirriżultaw mill-konċentrazzjoni jistgħu jpattu għall-effetti fuq il-kompetizzjoni, u b’mod partikolari, għall-ħsara potenzjali għall-konsumaturi, li jkollha jew jista’ jkollha din il-konċentrazzjoni u li, għalhekk, din ma xxekkilx b’mod sinjifikattiv kompetizzjoni effettiva fis-suq intern jew f’parti sostanzjali tiegħu.

147    F’din il-kawża, għandu jiġi osservat li l-Kummissjoni qieset, billi bbażat ruħha fuq l-Artikolu 6(1)(b) u(2) tar-Regolament Nru 139/2004, li, fid-dawl tal-impenji meħuda mill-intervenjenti, il-konċentrazzjoni inkwistjoni ma setgħetx tikkostitwixxi xkiel sinjifikattiv għal kompetizzjoni effettiva fis-suq intern jew f’parti sostanzjali tiegħu, mingħajr ma jkun meħtieġ li l-intervenjenti turi li kien hemm titjib fl-effiċjenza. Konsegwentement, peress li, hekk kif ġie indikat fil-punti 126 u 137 iktar ’il fuq, ir-rikorrenti ma hijiex fondata li ssostni li l-imsemmija konċentrazzjoni tista’ manifestament tikkostitwixxi tali xkiel, ma kienx hemm lok li l-Kummissjoni teżamina titjib fl-effiċjenza li seta’ jpatti għall-effetti fuq il-kompetizzjoni ta’ din il-konċentrazzjoni.

148    Fit-tieni lok, mill-premessa 29 tar-Regolament Nru 139/2004 u mill-punti 84 sa 87 tal-Linji Gwida dwar il-Konċentrazzjonijiet Orizzontali, invokati mir-rikorrenti, jirriżulta li huma l-partijiet għall-konċentrazzjoni li għandhom juru l-eventwali titjib fl-effiċjenza li jirriżulta minn din il-konċentrazzjoni, hekk kif tammetti, barra minn hekk, ir-rikorrenti. Konsegwentement, ir-rikorrenti ma tistax tikkritika lill-Kummissjoni talli ma fittxitx li tikkonstata l-eżistenza ta’ titjib fl-effiċjenza li ma ntweriex minn qabel mill-intervenjenti.

149    F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-raba’ motiv tar-rikorrenti għandu jiġi miċħud.

 Fuq il-ħames motiv, ibbażat fuq in-natura insuffiċjenti tal-impenji meħuda mill-intervenjenti

150    Ir-rikorrenti ssostni li, minkejja l-impenji meħuda mill-intervenjenti, is-sehem ta’ slots tal-ħin miżmuma minn din tal-aħħar fl-ajruport ta’ Düsseldorf kien jammonta għal 50 % matul l-istaġun tas-sajf IATA 2018, fatt li jindika li din tal-aħħar għandha pożizzjoni dominanti. Barra minn hekk, dawn l-impenji ma jirrigwardawx l-islots tal-ħin tal-istaġun tax-xitwa IATA 2017/2018, meta l-intervenjenti għandha, anki matul dan l-istaġun, tali pożizzjoni dominanti u meta r-rata ta’ konġestjoni tal-imsemmi ajruport hija għolja.

151    Il-Kummissjoni u l-intervenjenti jikkontestaw l-argumenti tar-rikorrenti.

152    Skont kliem tal-Artikolu 6(2) tar-Regolament Nru 139/2004, jekk il-Kummissjoni tikkonstata li, wara bidliet mill-impriżi konċernati, konċentrazzjoni notifikata ma baqgħetx toħloq dubji serji dwar il-kompatibbiltà tagħha mas-suq intern, hija għandha tiddikjara l-konċentrazzjoni kompatibbli mal-imsemmi suq.

153    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-għan tal-impenji meħuda għall-adozzjoni ta’ deċiżjoni abbażi tal-Artikolu 6(2) tar-Regolament Nru 139/2004 huwa li jneħħi kull dubju serju dwar il-kwistjoni ta’ jekk il-konċentrazzjoni hijiex ser ixxekkel b’mod sinjifikattiv kompetizzjoni effettiva f’suq intern jew f’parti sostanzjali tiegħu, b’mod partikolari minħabba l-fatt tal-ħolqien jew ta’ tisħiħ ta’ pożizzjoni dominanti (sentenza tat-13 ta’ Mejju 2015, Niki Luftfahrt vs Il-Kummissjoni, T‑162/10, EU:T:2015:283, punt 297).

154    F’din il-kawża, l-ewwel, fil-punt 121 iktar ’il fuq ġie osservat li, fir-rigward tal-istaġun tas-sajf IATA 2018 fl-ajruport ta’ Düsseldorf, is-sehem ta’ slots tal-ħin miżmum mill-intervenjenti jibqa’, fid-dawl tal-impenji meħuda minn din tal-aħħar, kważi l-istess, irrispettivament mill-implimentazzjoni jew min nuqqas ta’ implimentazzjoni tal-konċentrazzjoni inkwistjoni. Minn dan isegwi li l-pożizzjoni dominanti allegata mir-rikorrenti ma hijiex ir-riżultat tal-konċentrazzjoni inkwistjoni, bħala tali, iżda tat-tmiem tal-attivitajiet ta’ Air Berlin. Konsegwentement, il-Kummissjoni ma wettqitx żball manifest ta’ evalwazzjoni meta qieset li l-impenji meħuda mill-intervenjenti kienu suffiċjenti sabiex ineħħu kull dubju dwar il-kompatibbiltà tal-konċentrazzjoni inkwistjoni mas-suq intern.

155    It-tieni, fil-punti 120 u 123 iktar ’il fuq ġie osservat li, fir-rigward tal-istaġun tax-xitwa IATA 2017/2018, ir-rikorrenti ma kinitx stabbilixxiet li, wara l-konċentrazzjoni inkwistjoni, l-intervenjenti jkollha pożizzjoni dominanti jew il-kapaċità li timplimenta strateġiji ta’ esklużjoni. F’dawn iċ-ċirkustanzi, sa fejn ir-rikorrenti ma hijiex fondata li ssostni li l-imsemmija konċentrazzjoni tista’ manifestament tikkostitwixxi xkiel sinjifikattiv għal kompetizzjoni effettiva, ma kienx hemm lok li l-Kummissjoni teżamina impenji li setgħu jipprevjenu dan ix-xkiel.

156    It-tielet, mill-Artikolu 6(2) tar-Regolament Nru 139/2004 u mill-Artikolu 19 tar-Regolament Nru 802/2004 jirriżulta li huma, jekk ikun il-każ, il-partijiet għall-konċentrazzjoni li għandhom jipproponu, f’forma ta’ impenji, bidliet għal din il-konċentrazzjoni. Minn dan isegwi li r-rikorrenti ma tistax tikkritika lill-Kummissjoni talli ma imponietx impenji fir-rigward tal-istaġun tax-xitwa IATA 2017/2018 li ma ġewx proposti minn qabel mill-intervenjenti.

157    Konsegwentement, il-ħames motiv tar-rikorrenti għandu jiġi miċħud.

 Fuq is-sitt motiv, ibbażat fuq l-ommissjoni ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-għajnuna għas-salvataġġ fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-effetti tal-konċentrazzjoni inkwistjoni

158    Ir-rikorrenti ssostni li l-għajnuna għas-salvataġġ ingħatat lil Air Berlin sabiex titwettaq il-konċentrazzjoni inkwistjoni. F’dan ir-rigward, hija ssostni li din l-għajnuna ma kinitx kompatibbli mas-suq intern, li ċerta informazzjoni dwar din l-għajnuna ma hijiex aċċessibbli għall-pubbliku u li n-negozzjati dwar l-imsemmija konċentrazzjoni bejn l-intervenjenti u Air Berlin ġew miżmuma b’bibien magħluqa. Hija minn dan tiddeduċi li l-għajnuna għas-salvataġġ ipprekludiet lil “operaturi iktar effiċjenti” oħra milli jixtru l-attivi ta’ Air Berlin. Barra minn hekk, hija tqis li din l-għajnuna bidlet il-kapaċità finanzjament ta’ Air Berlin, b’tali mod li l-Kummissjoni kellha tieħu din l-għajnuna inkunsiderazzjoni, konformement mal-Artikolu 2(1)(b) tar-Regolament Nru 139/2004.

159    Il-Kummissjoni u l-intervenjenti jikkontestaw l-argumenti tar-rikorrenti.

160    F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, mid-deċiżjoni li tiddikjara l-għajnuna għas-salvataġġ kompatibbli mas-suq intern jirriżulta li l-għan ta’ din l-għajnuna kien b’mod partikolari li jkun permess il-bejgħ “ordnat” tal-attivi ta’ Air Berlin b’tali mod li l-konsegwenzi negattivi għall-persunal ta’ din tal-aħħar jiġu limitati.

161    Madankollu, l-ewwel, mill-allegata inkompatibbiltà tal-għajnuna għas-salvataġġ mas-suq intern, mill-fatt li ċerta informazzjoni dwar din l-għajnuna ma hijiex aċċessibbli għall-pubbliku u li n-negozzjati dwar il-konċentrazzjoni inkwistjoni bejn l-intervenjenti u Air Berlin ġew miżmuma b’bibien magħluqa ma jistax jirriżulta li l-għan ta’ din l-għajnuna kien speċifikament ix-xiri, mill-intervenjenti, tal-attivi ta’ Air Berlin ikkonċernati mill-konċentrazzjoni inkwistjoni.

162    It-tieni, ir-rikorrenti ma tallegax, u lanqas, a fortiori, ma turi li l-“operaturi iktar effiċjenti” li għalihom hija tagħmel riferiment ma setgħux jitfgħu offerta għal xiri ta’ attivi ta’ Air Berlin fil-kuntest tal-proċedura ta’ insolvenza ta’ din tal-aħħar.

163    It-tielet, għandu jitfakkar li, hekk kif ġie indikat fil-punt 108 iktar ’il fuq, is-sempliċi ċirkustanza li, fl-assenza tal-konċentrazzjoni inkwistjoni, l-islots tal-ħin ta’ Air Berlin ittrasferiti lill-intervenjenti setgħu jiġu, minn tal-inqas parzjalment, attribwiti lil kompetituri ta’ din tal-aħħar, ma hijiex suffiċjenti, waħedha, sabiex jitqies li din il-konċentrazzjoni setgħet ixxekkel b’mod sinjifikattiv kompetizzjoni effettiva, b’tali mod li l-Kummissjoni kellha tiddikjaraha inkompatibbli mas-suq intern.

164    Fit-tieni lok, mill-Artikolu 2(1)(b) tar-Regolament Nru 139/2004 jirriżulta li, fl-evalwazzjoni tagħha tal-konċentrazzjonijiet, il-Kummissjoni għandha b’mod partikolari tieħu inkunsiderazzjoni l-pożizzjoni fis-suq tal-impriżi kkonċernati u tas-setgħa ekonomika u finanzjarja tagħhom. Madankollu, għandu jiġi osservat li r-rikorrenti ma tipproduċi l-ebda element li jista’ juri li l-ammont tas-self mogħti lil Air Berlin abbażi tal-għajnuna għas-salvataġġ kien ġie ttrasferit lil LGW fid-dawl tax-xiri tagħha mill-intervenjenti.

165    F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma huwiex stabbilit li l-ammont tas-self mogħti lil Air Berlin kien jifforma parti mill-konċentrazzjoni inkwistjoni, b’tali mod li hemm lok li jitqies li l-għajnuna għas-salvataġġ ma kinitx ta’ natura li taffettwa l-pożizzjoni fis-suq jew is-setgħa ekonomika u finanzjarja ta’ LGW jew tal-attivi ta’ Air Berlin mixtrija mill-intervenjenti. Minn dan isegwi li din l-għajnuna ma setgħetx tibdel l-evalwazzjoni, mill-Kummissjoni, ta’ din il-konċentrazzjoni.

166    Konsegwentement, is-sitt motiv tar-rikorrenti għandu jiġi miċħud.

 Fuq is-seba’ motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 296 TFUE

167    Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni kisret l-Artikolu 296 TFUE minħabba li d-deċiżjoni kkontestata ma hijiex immotivata suffiċjentement. Hija b’mod iktar partikolari tikkritika lill-Kummissjoni talli ma analizzatx b’mod iktar eżawrjenti l-kuntest fattwali tal-konċentrazzjoni inkwistjoni. Hija għalhekk issostni li l-Kummissjoni ma eżaminatx l-effetti ta’ din il-konċentrazzjoni fis-swieq O & D rilevanti, li hija ħadet inkunsiderazzjoni biss “ċertu numru ta’ elementi […] dwar l-istat tal-kompetizzjoni fl-ajruporti koperti minn [din il-konċentrazzjoni]”, li hija ma kinitx ivverifikat jekk it-titjib fl-effiċjenza b’riżultat tal-imsemmija konċentrazzjoni kienx ipatti għall-effetti antikompetittivi prodotti minnha, li hija ma eżaminatx jekk l-impenji meħuda mill-intervenjenti setgħux jippermettu li jiġi eliminat ix-xkiel sinjifikattiv għal kompetizzjoni effettiva b’riżultat tal-imsemmija konċentrazzjoni u, fl-aħħar, li hija ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-għajnuna għas-salvataġġ.

168    Il-Kummissjoni u l-intervenjenti jikkontestaw l-argumenti tar-rikorrenti.

169    Skont kliem l-Artikolu 296 TFUE, l-atti ġuridiċi adottati mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni għandhom ikunu motivati.

170    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-motivazzjoni rikjesta mill-Artikolu 296 TFUE għandha tkun adattata għan-natura tal-att inkwistjoni u għandha turi b’mod ċar u inekwivoku r-raġunament tal-istituzzjoni li tkun adottat l-att, b’tali mod li tippermetti li l-persuni kkonċernati jkunu jafu l-ġustifikazzjoni tal-miżura adottata u li l-qorti kompetenti teżerċita l-istħarriġ tagħha. Għalhekk, ir-rekwiżit ta’ motivazzjoni għandu jkun evalwat skond iċ-ċirkustanzi tal-każ inkwistjoni, b’mod partikolari l-kontenut tal-att, in-natura tal-motivi invokati u l-interess li d-destinatarji tal-att jew persuni oħra kkonċernati direttament u individwalment mill-att jista’ jkollhom li jirċievu spjegazzjonijiet. Ma huwiex meħtieġ li l-motivazzjoni tispeċifika l-punti kollha ta’ fatt u ta’ liġi rilevanti, sa fejn il-kwistjoni dwar jekk il-motivazzjoni ta’ att tissodisfax ir-rekwiżiti tal-Artikolu 296 TFUE għandha tiġi evalwata mhux biss fid-dawl tal-formulazzjoni tagħha, iżda wkoll fid-dawl tal-kuntest tagħha kif ukoll f’dak tar-regoli ġuridiċi kollha li jirregolaw il-qasam ikkonċernat (sentenzi tat-2 ta’ April 1998, Il-Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France, C‑367/95 P, EU:C:1998:154, punt 63; tat-22 ta’ Ġunju 2004, Il-Portugall vs Il-Kummissjoni, C‑42/01, EU:C:2004:379, punt 66, u tal-15 ta’ April 2008, Nuova Agricast, C‑390/06, EU:C:2008:224, punt 79).

171    Għalhekk, il-Kummissjoni ma tiksirx l-obbligu ta’ motivazzjoni impost fuqha jekk, meta hija teżerċita s-setgħa tagħha ta’ kontroll tal-konċentrazzjonijiet, hija ma tinkludix, fid-deċiżjoni tagħha, motivazzjoni preċiża dwar l-evalwazzjoni ta’ ċertu numru ta’ aspetti tal-konċentrazzjoni li jidhrulha manifestament barra l-iskop tagħha, mhux sinjifikattivi u evidentement sekondarji għall-evalwazzjoni ta’ din tal-aħħar (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-2 ta’ April 1998, Il-Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France, C‑367/95 P, EU:C:1998:154, punt 64). Tali rekwiżit ikun fil-fatt diffiċilment kompatibbli mal-ħtieġa ta’ ħeffa u mat-termini qosra ta’ proċedura li l-Kummissjoni għandha tosserva meta teżerċita s-setgħa tagħha ta’ kontroll ta’ konċentrazzjonijiet u li jifformaw parti minn ċirkustanzi partikolari ta’ proċeduri għall-kontroll ta’ dawn il-konċentrazzjonijiet. Minn dan jirriżulta li, meta l-Kummissjoni tiddikjara konċentrazzjoni kompatibbli mas-suq komuni fuq il-bażi tal-Artikolu 6(1)(b) tar-Regolament Nru 139/2004, ir-rekwiżit ta’ motivazzjoni huwa ssodisfatt jekk din id-deċiżjoni turi b’mod ċar ir-raġunijiet li għalihom il-Kummissjoni tqis li l-konċentrazzjoni inkwistjoni, jekk ikun il-każ wara tibdiliet magħmula mill-impriżi kkonċernati, ma xxekkilx b’mod sinjifikattiv kompetizzjoni effettiva fis-suq intern jew f’parti sostanzjali tiegħu, b’mod partikolari minħabba l-fatt tal-ħolqien jew ta’ tisħiħ ta’ pożizzjoni dominanti (ara, b’analoġija, is-sentenza tat-13 ta’ Mejju 2015, Niki Luftfahrt vs Il-Kummissjoni, T‑162/10, EU:T:2015:283, punt 100).

172    F’din il-kawża, l-ewwel, għandu jiġi kkonstatat, hekk kif jirriżulta mill-punti 35 u 69 iktar ’il fuq, li l-Kummissjoni esponiet, fid-deċiżjoni kkontestata, ir-raġuni li għaliha hija ma kinitx evalwat il-konċentrazzjoni inkwistjoni f’kull wieħed mis-swieq O & D rilevanti. Fil-fatt, minn naħa, hija spjegat li, sa fejn kienet temmet l-attivitajiet tagħha qabel il-konċentrazzjoni inkwistjoni u indipendentement minnha, Air Berlin ma kienet għadha topera fuq l-ebda wieħed mis-swieq O & D li fihom din tal-aħħar kienet preżenti preċedentement. Min-naħa l-oħra, hija sostniet li l-effetti ta’ din il-konċentrazzjoni fis-swieq ta’ servizzi ta’ trasport bl-ajru ta’ passiġġieri bi tluq jew b’wasla minn jew fl-ajruporti li magħhom kienu marbuta l-islots tal-ħin ta’ Air Berlin kellhom jiġu evalwati minħabba li dawn l-islots tal-ħin ma kienu allokati għal ebda suq O & D speċifiku.

173    It-tieni, għandu jiġi osservat li r-rikorrenti ma tidentifikax l-“elementi […] dwar l-istat tal-kompetizzjoni fl-ajruporti koperti minn [din il-konċentrazzjoni]” li fir-rigward tagħhom hija tqis li l-Kummissjoni kellha tiddeċiedi.

174    It-tielet, hekk kif jirriżulta mill-punti 147 u 155 iktar ’il fuq, ma kienx hemm lok li l-Kummissjoni tevalwa eventwali titjib fl-effiċjenza li jirriżulta mill-konċentrazzjoni inkwistjoni jew li tikkunsidra eventwali impenji addizzjonali li setgħu jiġu proposti mill-intervenjenti. Bl-istess mod, hekk kif jirriżulta mill-punt 165 iktar ’il fuq, ma hemmx lok li l-Kummissjoni tieħu inkunsiderazzjoni l-għajnuna għas-salvataġġ għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-konċentrazzjoni inkwistjoni. Minn dan isegwi li dawn id-diversi elementi, invokati mir-rikorrenti, setgħu ġustament jidhru, f’għajnejn il-Kummissjoni, bħala li huma manifestament barra mill-iskop tal-eżami, b’tali mod li, fid-dawl tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 171 iktar ’il fuq, hija ma tistax tiġi kkritikata talli kisret l-obbligu ta’ motivazzjoni impost fuqha billi ma semmithomx fid-deċiżjoni kkontestata.

175    F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma jistax jitqies li d-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata minn nuqqas ta’ motivazzjoni, b’tali mod li s-seba’ motiv tar-rikorrenti għandu jiġi miċħud.

 Fuq it-talba tar-rikorrenti għall-adozzjoni ta’ miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura u ta’ miżuri istruttorji

176    Permezz ta’ ittra tat-12 ta’ Ġunju 2018, ir-rikorrenti, abbażi tal-Artikolu 88 tar-Regoli tal-Proċedura, talbet lill-Qorti Ġenerali tadotta miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura u miżuri istruttorji dwar l-għajnuna għas-salvataġġ, dwar it-tmiem tal-attivitajiet ta’ Air Berlin u dwar il-bejgħ tal-attivi ta’ din tal-aħħar.

177    Madankollu, għandu jiġi osservat, minn naħa, li, bi ksur tal-Artikolu 88(2) tar-Regoli tal-Proċedura, ir-rikorrenti ma indikatx, b’mod suffiċjentement iddettaljat, ir-raġunijiet li jistgħu jiġġustifikaw il-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura u l-miżuri istruttorji kollha li hija talbet u, min-naħa l-oħra, li, hekk kif jirriżulta b’mod partikolari mill-punti 36 sa 49 u 161 sa 165 iktar ’il fuq, dawn il-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura u dawn il-miżuri istruttorji ma humiex neċessarji sabiex tingħata deċiżjoni dwar ir-rikors.

178    Konsegwentement, ma hemmx lok li t-talba għal miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura u għal miżuri istruttorji mressqa mir-rikorrenti tintlaqa’.

179    Minn dak li ġie espost iktar ’il fuq jirriżulta li r-rikors għandu jiġi miċħud fit-totalità tiegħu, mingħajr il-ħtieġa li tingħata deċiżjoni dwar l-ammissibbiltà tal-Anness C.2 tar-replika, ikkontestata mill-Kummissjoni. Barra minn hekk, peress li t-talbiet tal-intervenjenti huma milqugħa, ma għadx hemm lok li tingħata deċiżjoni dwar l-oġġezzjoni, ifformulata minn din tal-aħħar għall-eżerċizzju tad-drittijiet proċedurali tagħha, għat-trattament kunfidenzjali tad-data li fir-rigward tagħha t-talba għal trattament kunfidenzjali tar-rikorrenti kienet ġiet milqugħa permezz tad-digriet tal-20 ta’ Mejju 2019 tal-President tad-Disa’ Awla tal-Qorti Ġenerali.

 Fuq l-ispejjeż

180    Skont kliem l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, kull parti li titlef għandha tiġi kkundannata għall ispejjeż jekk dawn jintalbu. Peress li r-rikorrenti tilfet, hemm lok li hija tiġi kkundannata għall-ispejjeż kif mitluba mill-Kummissjoni u mill-intervenjenti.

Għal dawn ir-raġunijiet,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla Estiża)

Taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Polskie Linie Lotnicze “LOT” S.A. hija kkundannata għall-ispejjeż.

Van der Woude

Kornezov

Buttigieg

Kowalik-Bańczyk

 

      Hesse

Hekk mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu fl-20 ta’ Ottubru 2021.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Pollakk.