Language of document : ECLI:EU:T:2021:718

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (L-Għaxar Awla)

20 ta’ Ottubru 2021 (*)

“Disinn Komunitarju – Proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità – Disinn Komunitarju rreġistrat li jirrappreżenta elastiku tax-xagħar f’forma spirali – Żvelar ta’ disinni preċedenti – Żvelar fuq l-internet – Artikolu 7(1) tar-Regolament (KE) Nru 6/2002 – Opportunitajiet ugwali għall-partijiet – Provi prodotti għall-ewwel darba quddiem il-Qorti Ġenerali”

Fil-Kawża T‑823/19,

JMS Sports sp. z o.o., stabbilita f’Lódź (Il-Polonja), irrappreżentata minn D. Piróg u J. Słupski, avukati,

rikorrenti,

vs

L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO), irrappreżentat minn E. Śliwińska u D. Walicka, bħala aġenti,

konvenut,

il-parti l-oħra fil-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell tal-EUIPO, intervenjenti quddiem il-Qorti Ġenerali, hija

Inter-Vion S.A., stabbilita f’Varsavja (Il-Polonja), irrappreżentata minn T. Grucelski u T. Gawliczek, avukati,

li għandha bħala suġġett rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni tat-Tielet Bord tal-Appell tal-EUIPO tat-13 ta’ Settembru 2019 (Każ R 1573/2018‑3), dwar proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità bejn Inter-Vion u JMS Sports,

IL-QORTI ĠENERALI (L-Għaxar Awla),

komposta minn A. Kornezov, President, E. Buttigieg (Relatur) u K. Kowalik‑Bańczyk, Imħallfin,

Reġistratur: R. Ūkelytė, amministratriċi,

wara li rat ir-rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-4 ta’ Diċembru 2019,

wara li rat ir-risposta tal-EUIPO ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-31 ta’ Marzu 2020,

wara li rat ir-risposta tal-intervenjenti ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-23 ta’ Marzu 2020,

wara li rat il-mistoqsijiet bil-miktub tal-Qorti Ġenerali lill-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għal dawn il-mistoqsijiet ippreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-25, fit-30 ta’ Novembru u fl-1 ta’ Diċembru 2020,

wara s-seduta tal-15 ta’ Jannar 2021,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Ir-rikorrenti, JMS Sports sp. z o.o., hija l-proprjetarja tad-disinn Komunitarju ppreżentat fl-24 ta’ Ġunju 2010 quddiem l-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO) u rreġistrat bin-Numru 1723677–0001, skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 6/2002 tat-12 ta’ Diċembru 2001 dwar id-disinji Komunitarji (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 27, p. 142), għal prodotti ddefiniti bħala “klipps tax-xagħar”, inklużi fil-klassi 28.03 fis-sens tal-Ftehim ta’ Locarno tat-8 ta’ Ottubru 1968 li jistabbilixxi klassifikazzjoni internazzjonali għad-disinni industrijali.

2        Id-disinn ikkontestat huwa rrappreżentat kif ġej:

Image not found

3        Fit-3 ta’ Jannar 2017, l-intervenjenti, Inter-Vion S.A., ressqet talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità marbuta mad-disinn ikkontestat abbażi tal-Artikolu 25(1)(b) tar-Regolament Nru 6/2002, moqri flimkien mal-Artikoli 5 u 6 tal-imsemmi regolament. L-intervenjenti sostniet li d-disinn ikkontestat kien nieqes min-novità u minn karattru individwali meta mqabbel, b’mod partikolari, maż-żewġ disinni li ġejjin:

–        id-disinn Fancy Fane, żvelat fid-29 ta’ Novembru 2009 fuq is-sit internet “http://faneaccessories.blogspot.fr/2009/11” (iktar ’il quddiem is-sit internet jew il-blog “faneaccessories.blogspot”) u rrappreżentat kif ġej:

Image not found

Image not found

–        id-disinn SwirliDo, żvelat fl-1 ta’ Novembru 2009 fuq is-sit internet “http://nouveaucheap.blogspot.com/2009/11” (iktar ’il quddiem is-sit tal-internet jew il-blog “nouveaucheap.blogspot”) u msemmi, ukoll, f’ritratt tal-iskrin tas-sit internet “facialwork.com” tal-10 ta’ Lulju 2009, miksub permezz tas-servizz ta’ arkivjar tas-siti internet “https://archive.org”, magħruf ukoll bl-isem Wayback Machine. Id-disinn SwirliDo huwa rrappreżentat kif ġej:

Image not found

Image not found

4        Permezz ta’ deċiżjoni tas-26 ta’ Ġunju 2018, id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni ddikjarat l-invalidità tad-disinn ikkontestat minħabba li ma kellux novità, fis-sens tal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 6/2002, meta mqabbel mad-disinn SwirliDo.

5        Fit-13 ta’ Awwissu 2018, ir-rikorrenti ppreżentat appell, skont l-Artikoli 55 sa 60 tar-Regolament Nru 6/2002, intiż għall-annullament tad-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni.

6        Permezz tad-deċiżjoni tat-13 ta’ Settembru 2019 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), it-Tielet Bord tal-Appell ċaħad l-appell imsemmi fil-punt 5 iktar ’il fuq. Huwa qies li l-iżvelar tad-disinni preċedenti kien ġie debitament ipprovat u li dawn id-disinni ma kinux jippermettu li d-disinn ikkontestat jiġi kkunsidrat bħala ġdid. F’dan ir-rigward, il-Bord tal-Appell ikkonkluda, b’mod partikolari, minn naħa, li r-rikorrenti ma rnexxilhiex tqiegħed f’dubju l-kredibbiltà tal-prova tal-iżvelar tad-disinni preċedenti Fancy Fane u SwirliDo fuq, minn tal-inqas, iż-żewġ siti internet imsemmija fil-punt 3 iktar ’il fuq u, min-naħa l-oħra, li d-disinn ikkontestat kien identiku għaż-żewġ disinni preċedenti msemmija iktar ’il fuq u kien, għalhekk, nieqes min-novità fis-sens tal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 6/2002. F’dan il-kuntest, il-Bord tal-Appell irrileva li r-rikorrenti, fl-ebda mument matul il-proċedura amministrattiva, ma qajmet argumenti intiżi li juru d-differenzi bejn id-disinn ikkontestat u ż-żewġ disinni preċedenti msemmija iktar ’il fuq.

 It-talbiet tal-partijiet

7        Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-UASI għall-ispejjeż, inklużi dawk tar-rikorrenti sostnuti fil-kuntest tal-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell tal-EUIPO.

–        tikkundanna lill-intervenjenti għall-ispejjeż tagħha stess.

8        L-EUIPO u l-intervenjenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Fid-dritt

 Fuq l-ammissibbiltà tal-Annessi A.5 sa A.16 tar-rikors

9        L-EUIPO, sostnut mill-intervenjenti, isostni li l-Annessi A.5 sa A.16 tar-rikors jikkostitwixxu provi li ma kinux ġew prodotti matul il-proċedura amministrattiva u li għalhekk ġew ippreżentati għall-ewwel darba quddiem il-Qorti Ġenerali. L-EUIPO jippreċiża li r-rikorrenti kellha l-possibbiltà li tippreżenta dawn il-provi matul il-proċedura amministrattiva, iżda hija ma għamlitx dan. Minn dan huwa jikkonkludi li l-annessi msemmija iktar ’il fuq għandhom jiġu miċħuda bħala inammissibbli.

10      Ir-rikorrenti twieġeb li l-Annessi A.5 sa A.16 tar-rikors ma jikkostitwixxux provi inammissibbli u ma jbiddlux is-suġġett tat-tilwima. Skont ir-rikorrenti, dawn l-annessi ma jikkostitwixxux provi, iżda jservu biss sabiex jiffaċilitaw il-komprensjoni tal-argumentazzjoni tagħha dwar, b’mod partikolari, il-possibbiltajiet li tiġi mmanipulata l-informazzjoni li tirriżulta mis-siti internet, bħal blogs. Ir-rikorrenti tippreċiża li d-dokumenti li jinsabu fl-annessi msemmija iktar ’il fuq jistgħu jinħolqu, f’kull mument, bl-użu ta’ għodod tal-informatika ġeneralment aċċessibbli.

11      Għandu jitfakkar li r-rikors imressaq quddiem il-Qorti Ġenerali huwa intiż sabiex tiġi mistħarrġa l-legalità tad-deċiżjonijiet tal-Bordijiet tal-Appell tal-EUIPO fis-sens tal-Artikolu 61 tar-Regolament Nru 6/2002, u din il-legalità għandha tiġi evalwata fid-dawl tal-informazzjoni li dawn seta’ jkollhom fil-mument li taw dawn id-deċiżjonijiet (ara, f’dan is-sens, id-digriet tat-13 ta’ Settembru 2011, Wilfer vs UASI, C‑546/10 P, mhux ippubblikat, EU:C:2011:574, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata). Minn dan isegwi li l-funzjoni tal-Qorti Ġenerali ma hijiex dik li teżamina mill-ġdid iċ-ċirkustanzi ta’ fatt fid-dawl ta’ dokumenti prodotti għall-ewwel darba quddiemha (ara s-sentenza tas-27 ta’ Frar 2018, Gramberg vs EUIPO – Mahdavi Sabet (Għata għal telefon ċellulari), T‑166/15, EU:T:2018:100, punt 17 u l-ġurisprudenza ċċitata).

12      Mill-proċess jirriżulta li d-dokumenti annessi fl-Annessi A.5 sa A.16 iktar ’il fuq ma ġewx ippreżentati quddiem il-Bord tal-Appell, minkejja l-fatt li r-rikorrenti kellha l-possibbiltà li tagħmel dan, iżda ġew ippreżentati għall-ewwel darba quddiem il-Qorti Ġenerali. Minn dan isegwi li, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 11 iktar ’il fuq, id-dokumenti msemmija iktar ’il fuq għandhom jiġu miċħuda bħala inammissibbli, sa fejn ma jaqgħux fil-kuntest fattwali tat-tilwima kif kienet teżisti quddiem il-Bord tal-Appell u ma jistgħux, għaldaqstant, jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-istħarriġ tal-legalità tad-deċiżjoni kkontestata.

13      Din il-konklużjoni ma tistax titqiegħed f’dubju mill-allegazzjoni tar-rikorrenti li d-dokumenti msemmija iktar ’il fuq inkisbu permezz tal-użu ta’ għodod bħall-mutur ta’ tfittxija Google u l-Wayback Machine li huma liberament aċċessibbli u li jistgħu jiġu riprodotti f’kull mument. Fil-fatt, dan il-fatt, invokat mir-rikorrenti, ma jaffettwax il-konstatazzjoni li, jekk il-Qorti Ġenerali tieħu inkunsiderazzjoni l-provi msemmija iktar ’il fuq fil-kuntest tal-evalwazzjoni tagħha, hija twettaq eżami mill-ġdid taċ-ċirkustanzi ta’ fatt fid-dawl ta’ dokumenti li ma kinux ippreżentati quddiem il-Bord tal-Appell, b’mod li tmur lil hinn mil-limiti tal-istħarriġ tal-legalità tad-deċiżjoni kkontestata li hija għandha twettaq skont l-Artikolu 61 tar-Regolament Nru 6/2002.

14      Fuq il-bażi tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, l-Annessi A.5 sa A.16 tar-rikors għandhom jiġu miċħuda bħala inammissibbli.

 Fuq il-mertu

15      Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tqajjem tliet motivi bbażati fuq il-ksur tal-Artikolu 5(1) u tal-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 6/2002 meħuda flimkien, tar-regola dwar it-tqassim tal-oneru tal-prova u tal-prinċipju ta’ opportunitajiet ugwali għall-partijiet, rispettivament.

 Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 5(1) tar-Regolament Nru 6/2002 flimkien mal-Artikolu 7(1) tal-imsemmi regolament

16      Fil-kuntest ta’ dan il-motiv, ir-rikorrenti tikkontesta l-preċedenza tal-iżvelar lill-pubbliku ta’ disinn identiku għad-disinn ikkontestat, fis-sens tal-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 6/2002. B’mod iktar speċifiku, hija tikkontesta s-saħħa probatorja tal-provi prodotti mill-intervenjenti sabiex turi l-preċedenza ta’ dan l-iżvelar. Min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti ma tikkontestax l-identità, fis-sens tal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 6/2002, tad-disinni inkwistjoni li jikkonsistu f’elastiċi tax-xagħar f’forma spirali.

17      L-EUIPO u l-intervenjenti jikkontestaw l-argumentazzjoni tar-rikorrenti.

18      L-Artikolu 25(1)(b) tar-Regolament Nru 6/2002 jipprevedi, b’mod partikolari, li disinn Komunitarju għandu jiġi ddikjarat invalidu jekk ma jissodisfax il-kundizzjoni dwar in-novità, prevista fl-Artikolu 5 tal-imsemmi regolament.

19      Skont l-Artikolu 5(1)(b) tar-Regolament Nru 6/2002, disinn irreġistrat għandu jiġi kkunsidrat bħala ġdid jekk ebda disinn identiku ma jkun ġie żvelat lill-pubbliku qabel id-data tal-preżentazzjoni tal-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tad-disinn li għalih ikun hemm talba għall-protezzjoni, jew, jekk ikun hemm talba għal prijorità, id-data tal-prijorità.

20      Barra minn hekk, l-Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru 6/2002 jippreċiża li d-disinni huma kkunsidrati bħala identiċi meta l-karatteristiċi tagħhom ikunu differenti biss f’dettalji immaterjali.

21      Skont l-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 6/2002, għall-finijiet tal-applikazzjoni b’mod partikolari tal-Artikolu 5(1)(b) tal-istess regolament, disinn għandu jiġi meqjus li jkun ġie żvelat lill-pubbliku jekk ikun ġie ppubblikat wara r-reġistrazzjoni jew xorta oħra, jew espost, użat fil-kummerċ jew żvelat xorta oħra, qabel id-data tal-preżentazzjoni tal-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tad-disinn li għalih tintalab protezzjoni, ħlief jekk dawn il-fatti, fil-kors normali tan-negozju, ma setgħux raġonevolment ikunu magħrufa miċ-ċrieki speċjalizzati fis-settur ikkonċernat, li joperaw fl-Unjoni. Id-disinn ma għandux, madankollu, jitqies li jkun ġie żvelat lill-pubbliku fil-każ li jkun ġie żvelat biss lil persuna terza taħt kundizzjonijiet espliċiti jew impliċiti ta’ kunfidenzjalità.

22      Skont ġurisprudenza stabbilita, disinn jitqies li jkun ġie żvelat ladarba l-parti li ssostni l-iżvelar tkun ipprovat il-fatti li jikkostitwixxu dan l-iżvelar (ara s-sentenza tas-27 ta’ Frar 2018, Għata għal telefon ċellulari, T‑166/15, EU:T:2018:100, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata).

23      L-iżvelar ta’ disinn preċedenti ma jistax jintwera permezz ta’ probabbiltajiet jew ta’ preżunzjonijiet, iżda għandu jkun ibbażat fuq provi konkreti u oġġettivi li jipprovaw żvelar effettiv tad-disinn preċedenti tat-trade mark (ara s-sentenza tas-27 ta’ Frar 2018, Għata għal telefon ċellulari, T‑166/15, EU:T:2018:100, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata).

24      Mill-ġurisprudenza jirriżulta wkoll li l-provi prodotti minn min jitlob dikjarazzjoni ta’ invalidità għandhom jiġu evalwati billi jitqabblu ma’ xulxin. Fil-fatt, jekk uħud minn dawn il-provi jistgħu jkunu insuffiċjenti fihom innifishom sabiex juru l-iżvelar ta’ disinn preċedenti, xorta waħda jibqa’ l-fatt li, meta jiġu assoċjati jew moqrija flimkien ma’ dokumenti jew informazzjoni oħra, dawn jistgħu jikkontribwixxu sabiex jifformaw il-prova tal-iżvelar (ara s-sentenza tas-27 ta’ Frar 2018, Għata għal telefon ċellulari, T‑166/15, EU:T:2018:100, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata).

25      Barra minn hekk, skont il-ġurisprudenza, sabiex jiġi evalwat il-valur probatorju ta’ dokument, għandha tiġi vverifikata l-probabbiltà u l-veraċità tal-informazzjoni li tinsab fih. Għandu jiġi kkunsidrat, b’mod partikolari, l-oriġini tad-dokument, taċ-ċirkustanzi tar-redazzjoni tiegħu u tad-destinatarju tiegħu kif ukoll jekk, skont il-kontenut tiegħu, jidhirx sensibbli u affidabbli (ara s-sentenza tas-27 ta’ Frar 2018, Għata għal telefon ċellulari, T‑166/15, EU:T:2018:100, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata).

26      La r-Regolament Nru 6/2002 u lanqas ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2245/2002 tal-21 ta’ Ottubru 2002 li timplimenta r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 6/2002 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 31, p. 14) ma jispeċifikaw il-forma mandatorja tal-provi li għandhom jitressqu minn persuna li titlob dikjarazzjoni ta’ invalidità sabiex tiġġustifika l-iżvelar tad-disinn preċedenti qabel id-data tal-preżentazzjoni tal-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tad-disinn ikkontestat. Minn dan isegwi li, minn naħa, l-applikant għal dikjarazzjoni ta’ invalidità huwa liberu fl-għażla tal-prova li huwa jqis utli li jippreżenta lill-EUIPO sabiex isostni t-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità tiegħu u, min-naħa l-oħra, l-EUIPO huwa marbut janalizza l-provi kollha prodotti sabiex jikkonkludi jekk humiex effettivament prova tal-iżvelar tad-disinn preċedenti (ara s-sentenza tat-13 ta’ Ġunju 2019, Visi/one vs EUIPO – EasyFix (Tabella li tiddendel għal vetturi), T‑74/18, EU:T:2019:417, punt 21 u l-ġurisprudenza ċċitata).

27      Fil-każ ineżami, mill-punti 4 u 24 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Bord tal-Appell ibbaża ruħu, prinċipalment, fuq il-provi li ġejjin, prodotti mill-intervenjenti, sabiex jikkonkludi favur l-iżvelar tad-disinni preċedenti:

–        ir-ritratt tal-iskrin tas-sit internet “faneaccessories.blogspot”, li juri d-disinn Fancy Fane datat id-29 ta’ Novembru 2009 (ara t-tielet inċiż tal-punt 3, iktar ’il fuq);

–        ir-ritratt tal-iskrin tas-sit internet “nouveaucheap.blogspot”, li juri d-disinn SwirliDo datat l-1 ta’ Novembru 2009 (ara t-tieni inċiż tal-punt 3, iktar ’il fuq);

–        ir-ritratt tal-iskrin tas-sit internet “facialwork.com”, datat l-10 ta’ Lulju 2009, miksub permezz tal-Wayback Machine, li juri d-disinn SwirliDo (ara t-tieni inċiż tal-punt 3, iktar ’il fuq).

28      Barra minn hekk, kif jirriżulta mill-punt 33 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell ħa inkunsiderazzjoni wkoll provi addizzjonali prodotti mill-intervenjenti, intiżi sabiex juru l-awtentiċità tar-ritratti tal-iskrin tas-sit internet “nouveaucheap.blogspot” dwar id-disinn SwirliDo. Dawn il-provi addizzjonali kienu:

–        artikoli ppubblikati fl-2009 fuq is-sit internet “nouveaucheap.blogspot” għal prodotti tas-sbuħija li ma humiex elastiċi tax-xagħar;

–        ritratt tal-iskrin li juri r-riżultati ta’ tfittxija li saret fuq Google li tikkonferma li l-artikolu intitolat “SWIRLIDO OR SWIRLIDON’T?” ġie ppubblikat fuq il-blog “nouveaucheap.blogspot” fl-1 ta’ Novembru 2009;

–        dokument tal-Wayback Machine li jikkonferma li s-sit internet “nouveaucheap.blogspot” kien attiv fl-2009.

29      Il-Bord tal-Appell qies, fil-punt 25 tad-deċiżjoni kkontestata, li d-dehra tal-immaġni ta’ disinn fuq l-internet tikkostitwixxi avveniment li jista’ jiġi kklassifikat bħala “pubblikazzjoni” fis-sens tal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 6/2002 u tistabbilixxi, għalhekk, żvelar, sakemm dan l-avveniment ma jkunx jista’ raġonevolment ikun magħruf miċ-ċrieki speċjalizzati tas-settur ikkonċernat. Huwa rrileva, fil-punt 26 tad-deċiżjoni kkontestata, li r-rikorrenti ma kinitx qiegħda tikkontesta l-fatt li pubblikazzjoni online setgħet tikkostitwixxi żvelar, iżda kienet qiegħda tikkontesta l-“kredibbiltà” jew l-“affidabbiltà” tar-ritratti tal-iskrin tas-siti internet “faneaccessories.blogspot” u “nouveaucheap.blogspot”.

30      Il-Bord tal-Appell ikkonkluda, fil-punt 39 tad-deċiżjoni kkontestata, li r-rikorrenti ma rnexxilhiex tqiegħed f’dubju l-kredibbiltà tal-prova tal-iżvelar tad-disinn preċedenti fuq, tal-inqas, is-siti internet “faneaccessories.blogspot” u “nouveaucheap.blogspot”.

31      Din il-konklużjoni tal-Bord tal-Appell ma hijiex ivvizzjat bi żball.

32      F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 6/2002 jipprovdi biss eżempji ta’ każijiet ta’ żvelar potenzjali (billi juża l-kliem “ippubblikat wara r-reġistrazzjoni jew xorta oħra”, “esibit”, “użat fil-kummerċ”), u mhux lista eżawrjenti (“żvelat xorta oħra”). Barra minn hekk, diġà ġie ppreċiżat li ma hemm ebda limitu fir-rigward tal-post fejn każ ta’ żvelar jista’ jsir sabiex disinn jitqies li jkun ġie żvelat lill-pubbliku (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-13 ta’ Frar 2014, H. Gautzsch Großhandel, C‑479/12, EU:C:2014:75, punt 33). Abbażi ta’ dawn l-elementi, għandha titqies valida l-kunsiderazzjoni tal-Bord tal-Appell, fil-punt 25 tad-deċiżjoni kkontestata, li d-dehra tal-immaġni ta’ disinn fuq l-internet tikkostitwixxi avveniment li jista’ jiġi kklassifikat bħala “pubblikazzjoni” u tifforma, għalhekk, “żvelar lill-pubbliku”, fis-sens tal-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 6/2002.

33      Fit-tieni lok, għandu jiġi rrilevat li r-ritratti tal-iskrin tas-siti internet “faneaccessories.blogspot” u “nouveaucheap.blogspot” irrappreżentaw b’mod ċar id-disinni Fancy Fane u SwirliDo li kienu identiċi għad-disinn ikkontestat. Barra minn hekk, ir-ritratti tal-iskrin imsemmija iktar ’il fuq kienu jippreżentaw b’mod ċar l-indirizzi URL (Uniform Resource Locator) sħaħ taż-żewġ siti internet kif ukoll id-dati tal-iżvelar lill-pubbliku, jiġifieri d-29 ta’ Novembru u l-1 ta’ Novembru 2009, rispettivament. Issa dawn id-dati jippreċedu d-data tal-preżentazzjoni tal-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tad-disinn ikkontestat, jiġifieri l-24 ta’ Ġunju 2010.

34      Fit-tielet lok, għandu jiġi kkonstatat li r-ritratt tal-iskrin tas-sit internet “nouveaucheap.blogspot” kellu informazzjoni oħra bil-ħin u d-data li turi li d-disinn SwirliDo kien żvelat lill-pubbliku fl-1 ta’ Novembru 2009. Din l-informazzjoni l-oħra bil-ħin u d-data kienet komposta minn kummenti ta’ utenti tal-internet, datati l-1 u t-2 ta’ Novembru 2009 u li jispeċifikaw il-ħin li fih dawn ġew ippubblikati, fuq l-artikolu intitolat “SWIRLIDO OR SWIRLIDON’T?”, li kien ikkostitwit minn rendikont ta’ elastiċi tax-xagħar bl-isem kummerċjali SwirliDo.

35      Fir-raba’ lok, ma ġietx ikkontestata l-kunsiderazzjoni, fil-punt 22 tad-deċiżjoni kkontestata, li s-siti internet “faneaccessories.blogspot” u “nouveaucheap.blogspot” kienu blogs speċjalizzati fl-aċċessorji tas-sbuħija li jipproponu preżentazzjonijiet u kritika ta’ prodotti sabiex il-pubbliku kkonċernat ikun jista’ jara dawn il-prodotti u jiskambja opinjonijiet fir-rigward tagħhom. Lanqas ma ġiet ikkontestata l-konstatazzjoni, fil-punt 31 tad-deċiżjoni kkontestata, li ż-żewġ blogs imsemmija iktar ’il fuq kienu distinti minn xulxin. Il-fatt li ż-żewġ blogs imsemmija iktar ’il fuq, distinti minn xulxin, jispeċjalizzaw fil-qasam tal-aċċessorji tas-sbuħija jsaħħaħ, fid-dawl tan-natura tal-prodotti msemmija, il-valur probatorju tar-ritratti tal-iskrin tagħhom, ippreżentati mill-intervenjenti bħala provi.

36      Fil-ħames lok, għandu jiġi kkonstatat li l-iżvelar tad-disinn SwirliDo fl‑2009 huwa kkorroborat mit-tliet elementi li ġejjin ippreżentati quddiem il-Bord tal-Appell. L-ewwel, dan l-iżvelar huwa kkorroborat mir-ritratt tal-iskrin tas-sit internet “www.facialwork.com” tal-10 ta’ Lulju 2009, miksub mill-Wayback Machine, fejn dan ir-ritratt tal-iskrin jirreferi għall-prodott tal-elastiċi tax-xagħar SwirliDo. It-tieni, dan l-iżvelar huwa kkorroborat mir-riżultat ta’ tfittxija fuq il-mutur ta’ tfittxija ta’ Google li jassoċja d-disinn SwirliDo mas-sena 2009. It-tielet, dan l-iżvelar huwa kkorroborat mir-riżultat ta’ tfittxija mwettqa permezz tal-Wayback Machine, li juri li s-sit internet “nouveaucheap.blogspot” kien attiv fl‑2009.

37      Il-provi ppreżentati fil-punti 33 sa 36 iktar ’il fuq, evalwati flimkien, juru, b’mod suffiċjenti fid-dritt, li d-disinni Fancy Fane u SwirliDo, identiċi għad-disinn ikkontestat, kienu ġew żvelati lill-pubbliku, l-iktar tard f’Novembru 2009, permezz tal-pubblikazzjoni tagħhom fuq żewġ siti internet speċjalizzati fil-qasam tal-aċċessorji tas-sbuħija.

38      Din il-konklużjoni ma hijiex imqiegħda f’dubju mill-argumentazzjoni tar-rikorrenti.

39      Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti ssostni li r-ritratti tal-iskrin tas-siti internet għandhom saħħa probatorja limitata għall-finijiet tal-prova tal-iżvelar lill-pubbliku ta’ disinn u li dawn għandhom jiġu kkorroborati bi provi iktar kredibbli għall-finijiet ta’ din il-prova. Insostenn ta’ din it-teżi, ir-rikorrenti tinvoka l-punt 5.5.1.5 tad-dokument tal-EUIPO intitolat “Direttivi dwar l-eżami tad-disinni Komunitarji rreġistrati” (iktar ’il quddiem id-“Direttivi tal-EUIPO dwar id-disinni”) tal-1 ta’ Ottubru 2017.

40      Din l-argumentazzjoni tar-rikorrenti ma tistax tintlaqa’.

41      Fil-fatt, għandu jitfakkar li l-applikant għal dikjarazzjoni ta’ invalidità huwa liberu fl-għażla tal-prova li jqis utli li jippreżenta lill-EUIPO sabiex isostni t-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità tiegħu u li l-EUIPO huwa obbligat janalizza l-provi kollha ppreżentati sabiex jikkonkludi jekk dawn jikkostitwixxux fil-fatt prova tal-iżvelar tad-disinn preċedenti (ara l-punt 26 iktar ’il fuq). Għalhekk, għandu jiġi kkonstatat li la l-leġiżlazzjoni applikabbli u lanqas il-ġurisprudenza ma jikkorroboraw it-teżi tar-rikorrenti dwar il-valur probatorju limitat tar-ritratti tal-iskrin.

42      Barra minn hekk, kuntrarjament għall-allegazzjonijiet tar-rikorrenti, id-Direttivi tal-EUIPO dwar id-disinni, fil-verżjoni tagħhom tal-1 ta’ Ottubru 2018 li kienet fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, lanqas ma jsostnu t-teżi tagħha fuq is-saħħa probatorja limitata tar-ritratti tal-iskrin. Dawn id-direttivi kienu jippreċiżaw, fil-punt 5.5.1.5, li l-informazzjoni żvelata fuq l-internet jew f’databases online kienet ikkunsidrata pubblikament disponibbli fid-data meta ġiet ippubblikata l-informazzjoni. Huma kienu jindikaw ċertament li n-natura tal-internet setgħet tirrendi diffiċli l-istabbiliment tad-data reali li fiha ġiet ippubblikata l-informazzjoni. Madankollu, dawn kien jindikaw li d-data tal-iżvelar fuq l-internet kienet ikkunsidrata bħala affidabbli meta kienet applikabbli waħda mill-erba’ sitwazzjonijiet li ġejjin:

–        is-sit internet inkwistjoni jipproponi informazzjoni bil-ħin u d-data dwar l-istorja tal-bidliet magħmula f’fajl jew f’paġna tal-internet (pereżempju, kif disponibbli għal Wikipedia jew awtomatikament annessi mal-kontenut, pereżempju l-messaġġi fuq il-fora jew il-blogs);

–        id-dati tal-indiċjar jingħataw lill-paġna tal-internet permezz ta’ muturi ta’ tfittxija;

–        ritratt tal-iskrin ta’ paġna tal-internet jipprovdi data speċifika jew

–        informazzjoni dwar l-aġġornamenti ta’ paġna tal-internet tkun disponibbli fi ħdan servizz ta’ arkivjar tal-internet bħall-Wayback Machine.

43      B’hekk jirriżulta li d-Direttivi tal-EUIPO dwar id-disinni, fil-verżjoni tagħhom tal-1 ta’ Ottubru 2018, bl-ebda mod ma kienu jqiegħdu f’dubju l-valur probatorju tar-ritratti tal-iskrin tas-siti internet inkwistjoni, iżda kienu jipprovdu ċerti kjarifiki dwar l-istabbiliment tad-data rilevanti tal-iżvelar fuq l-internet. Id-deċiżjoni kkontestata tikkonforma ruħha mad-direttivi msemmija iktar ’il fuq sa fejn hija bbażata fuq, b’mod partikolari, ir-ritratti tal-iskrin tas-siti “faneaccessories.blogspot” u “nouveaucheap.blogspot”, li, kif ġie rrilevat fil-punt 33 iktar ’il fuq, kienu jipprovdu dati speċifiċi, jiġifieri, id-29 ta’ Novembru 2009 u l-1 ta’ Novembru 2009, rispettivament, b’mod li jistabbilixxu, skont id-direttivi msemmija iktar ’il fuq (ara t-tielet inċiż tal-punt 42, iktar ’il fuq), id-data tal-iżvelar lill-pubbliku tad-disinni preċedenti Fancy Fane u SwirliDo.

44      Mill-kunsiderazzjonijiet li jinsabu fil-punti 41 sa 43 iktar ’il fuq jirriżulta li t-teżi tar-rikorrenti dwar il-valur probatorju limitat tar-ritratti tal-iskrin tas-siti internet għandha tiġi miċħuda.

45      Fit-tieni lok, ir-rikorrenti ssostni li jeżistu possibbiltajiet kbar għat-tibdil tal-kontenut tal-blogs ippubblikati fuq il-pjattaforma “Blogger.com”, fis-sub-domain “blogspot.com”, bħall-blogs “faneaccessories.blogspot” u “nouveaucheap.blogspot” fil-każ ineżami. Skont ir-rikorrenti, il-pjattaforma “Blogger.com” tippermetti li jinħolqu artikoli ta’ blog ex nihilo billi jingħataw data preċedenti, iżda wkoll li tiġi mibdula d-data tal-pubblikazzjoni ta’ artikolu diġà eżistenti, billi din tiġi ssostitwita b’data preċedenti. Imbagħad, din id-data tista’, skont ir-rikorrenti, tiġi indiċjata mill-mutur ta’ tfittxija Google u tidher fost ir-riżultati ta’ tfittxija, li jagħti l-impressjoni li artikolu ġie ppubblikat qabel id-data reali tal-pubblikazzjoni tiegħu. Ir-rikorrenti tippreċiża li l-possibbiltà li data ta’ kontenut titressaq lura tapplika wkoll għall-kummenti tal-artikoli ppubblikati fuq il-pjattaforma “Blogger.com”. Ir-rikorrenti tikkonkludi li sempliċi ritratt tal-iskrin tas-sit internet li jippreżenta artikolu tal-pjattaforma “Blogger.com”, mingħajr konferma li toriġina, pereżempju, mill-Wayback Machine, għandu jiġi kkunsidrat bħala prova inqas kredibbli minn dik tal-istess ritratt tal-iskrin ta’ sit internet ieħor li ma joffrix possibbiltajiet daqshekk vasti ta’ tibdil tal-elementi essenzjali tiegħu.

46      Ir-rikorrenti ssostni wkoll li l-fatt li, skont il-ġurisprudenza tal-qorti tal-Unjoni, is-sit internet Wikipedia ma jistax jitqies bħala sors totalment kredibbli, minħabba l-possibbiltajiet kbar ta’ tibdil tal-kodiċi, jikkorrobora t-teżi tagħha li s-sempliċi ritratti tal-iskrin tal-artikoli ppubblikati fuq il-pjattaforma “Blogspot.com” għandhom jiġu ttrattati b’ħafna prudenza fir-rigward tas-saħħa probatorja tagħhom.

47      Barra minn hekk, ir-rikorrenti ssostni li f’dan il-każ jeżistu elementi serji u konkreti li jqajmu dubji dwar il-kredibbiltà tar-ritratti tal-iskrin tas-siti internet “faneaccessories.blogspot” u “nouveaucheap.blogspot”.

48      F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti tispjega, essenzjalment, li t-tfittxija permezz tal-mutur ta’ tfittxija Google tal-artikolu “TC0100201 – Thick telephone coil rubber band” li jidher fir-ritratt tal-iskrin tas-sit internet “faneaccessories.blogspot” u tal-artikolu “SWIRLIDO OR SWIRLIDON’T?” li jidher fir-ritratt tal-iskrin tas-sit internet “nouveaucheap.blogspot” ma twassal għal ebda riżultat jekk wieħed jillimita din it-tfittxija għal dati qrib l-allegati dati ta’ pubblikazzjoni ta’ dawn iż-żewġ artikoli. Skont ir-rikorrenti, din l-assenza ta’ riżultat fit-tfittxija bil-mutur ta’ tfittxija Google tqajjem dubji dwar id-data reali tal-pubblikazzjoni tal-artikoli msemmija iktar ’il fuq u, għalhekk, tal-iżvelar lill-pubbliku tad-disinni Fancy Fane u SwirliDo, sa fejn, jekk iż-żewġ artikoli msemmija iktar ’il fuq kienu fil-fatt ippubblikati fid-29 ta’ Novembru 2009 u fl-1 ta’ Novembru 2009, rispettivament, dawn kienu, probabbilment, jiġu indiċjati mill-mutur ta’ tfittxija Google f’dati viċini tal-allegati dati ta’ pubblikazzjoni tagħhom u kienu jidhru, għalhekk, fir-riżultati tat-tfittxija Google li saret. Insostenn ta’ din l-argumentazzjoni, ir-rikorrenti ppreżentat l-annessi A.9 sa A.13 tar-rikors.

49      Fir-rigward tal-argumentazzjoni tar-rikorrenti ppreżentata fil-punt 45 iktar ’il fuq, għandu jiġi kkonstatat li din l-argumentazzjoni hija intiża sabiex turi, b’mod astratt u teoretiku, il-possibbiltajiet ta’ manipulazzjoni tal-kontenut tal-blogs. Issa, kif irrileva ġustament il-Bord tal-Appell fil-punt 29 tad-deċiżjoni kkontestata, is-sempliċi possibbiltà astratta li l-kontenut jew id-data ta’ sit internet ikunu mmanipulati ma tikkostitwixxix raġuni suffiċjenti sabiex titqiegħed f’dubju l-kredibbiltà tal-prova kkostitwita mir-ritratt tal-iskrin tal-imsemmi sit internet. Din il-kredibbiltà tista’ titqiegħed f’dubju biss billi jiġu invokati fatti li jissuġġerixxu b’mod konkret manipulazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-27 ta’ Frar 2018, Għata għal telefon ċellulari, T‑166/15, EU:T:2018:100, punt 90, u tas-27 ta’ Frar 2020, Bog‑Fran vs EUIPO – Fabryki Mebli “Forte” (Għamara), T‑159/19, mhux ippubblikata, EU:T:2020:77, punti 28 u 29). Skont il-konstatazzjonijiet tal-Bord tal-Appell fil-punt 29 tad-deċiżjoni kkontestata, tali fatti jistgħu jinkludu sinjali evidenti ta’ falsifikazzjoni, kontradizzjonijiet inkontestabbli fl-informazzjoni ppreżentata jew inkoerenzi evidenti li jistgħu raġonevolment jiġġustifikaw l-eżistenza ta’ dubji dwar l-awtentiċità tar-ritratti tal-iskrin tas-siti tal-internet inkwistjoni.

50      Issa, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma tinvokax tali fatti konkreti li jqiegħdu f’dubju l-kredibbiltà tar-ritratti tal-iskrin tal-blogs “faneaccessories.blogspot” u “nouveaucheap.blogspot”, u sempliċement tippreżenta l-possibbiltajiet li jeżistu, teoretikament, ta’ tibdil tal-kontenut u tad-data tal-artikoli u tal-kummentarji relatati mal-blogs ippubblikati fuq il-pjattaforma “Blogger.com”. Għalhekk, din l-argumentazzjoni ma tistax tintlaqa’.

51      F’dan il-kuntest, għandu jiġi ppreċiżat ukoll li l-argumentazzjoni tar-rikorrenti, ippreżentata fil-punti 47 u 48 iktar ’il fuq, dwar l-allegata eżistenza ta’ provi “serji u konkreti” li jqajmu dubji dwar il-kredibbiltà tar-ritratti tal-iskrin tal-blogs “faneaccessories.blogspot” u “nouveaucheap.blogspot”, għandha tiġi miċħuda mingħajr ma hemm bżonn li tingħata deċiżjoni dwar l-ammissibbiltà tagħha, li tqiegħdet f’dubju mill-EUIPO. Fil-fatt, ma huwiex ikkontestat li din l-argumentazzjoni hija bbażata fuq annessi kkunsidrati inammissibbli (ara l-punti 9 sa 14 iktar ’il fuq) u li b’hekk il-fondatezza tagħha ma tistax, fi kwalunkwe każ, titqies stabbilita. B’mod partikolari, l-argumentazzjoni msemmija iktar ’il fuq hija bbażata fuq il-premessa li l-mutur ta’ tfittxija Google jipproċedi bl-indiċjar tas-siti internet (f’dan il-każ, il-blogs “faneaccessories.blogspot” u “nouveaucheap.blogspot”) f’data qrib id-dati tal-allegata dehra tagħhom fuq l-internet. Issa, din il-premessa ma ġietx ipprovata mir-rikorrenti.

52      Dwar l-argument tar-rikorrenti ibbażat fuq il-ġurisprudenza tal-qorti tal-Unjoni dwar is-sit internet Wikipedia (ara l-punt 46 iktar ’il fuq), għandu jiġi rrilevat li minn din il-ġurisprudenza jirriżulta li estratt minn Wikipedia jikkostitwixxi informazzjoni inċerta, sa fejn dan huwa meħud minn enċiklopedija kollettiva stabbilita fuq l-internet li l-kontenut tagħha jista’ jinbidel f’kull mument u, f’ċerti każijiet, minn kwalunkwe viżitatur, anki anonimu (sentenza tas-16 ta’ Ġunju 2016, Fútbol Club Barcelona vs EUIPO – Kule (KULE), T‑614/14, mhux ippubblikata, EU:T:2016:357, punt 47). Issa, kemm l-EUIPO kif ukoll l-intervenjenti sostnew, mingħajr ma dan ġie kkontestat mir-rikorrenti, li, kuntrarjament għall-kontenut tas-sit internet Wikipedia li jista’ jiġi editjat fi kwalunkwe mument mill-utenti ta’ dan is-sit, il-kontenut tal-blogs jista’ jiġi editjat biss mill-awturi tagħhom u mhux minn terzi. Fid-dawl tal-possibbiltajiet ħafna iktar limitati ta’ modifika tal-kontenut tal-blogs meta mqabbla ma’ dawk li jikkonċernaw il-kontenut tas-sit internet Wikipedia, l-argument tar-rikorrenti bbażat fuq il-ġurisprudenza dwar dan is-sit internet ma jikkorroborax it-teżi tagħha dwar is-saħħa probatorja limitata tar-ritratti tal-iskrin ta’ artikoli ta’ blog. Fi kwalunkwe każ, jibqa’ l-fatt li r-rikorrenti ma invokat ebda element serju u konkret li jista’ jqajjem dubji dwar il-kredibbiltà tar-ritratti tal-iskrin tal-blogs “faneaccessories.blogspot” u “nouveaucheap.blogspot”.

53      Fit-tielet lok, ir-rikorrenti tikkontesta l-affidabbiltà tar-riżultati ġġenerati mill-Wayback Machine. F’dan ir-rigward, hija tinvoka, b’mod partikolari, preżentazzjoni tal-2017 li fiha membru ta’ Bord tal-Appell tal-EUIPO kien indika li l-użu tal-Wayback Machine bħala għodda sabiex jintwera l-iżvelar preċedenti ta’ disinn qajjem ċerti inċertezzi, speċjalment dwar l-immaġni ppubblikati fuq is-siti internet li huma arkivjati fil-Wayback Machine. Dawn l-inċertezzi huma marbuta mal-fatt li d-data indikata tal-verżjonijiet tas-siti internet arkivjati fil-Wayback Machine tirrigwarda biss il-kontenut tal-fajl HTML tal-imsemmija siti u mhux l-immaġni li huma marbuta ma’ dawn is-siti bħala kontenut estern. Għalhekk, jista’ jkun li l-immaġni li jidhru fir-ritratt tal-iskrin ta’ sit internet ma ġewx arkivjati fl-istess data bħall-fajl HTML. Minn dan isegwi li, sabiex isir magħruf meta immaġni tkun ġiet arkivjata, huwa neċessarju li jiġi vverifikat l-indirizz URL tagħha. Barra minn hekk, jiġri wkoll li d-data ta’ immaġni ma tidhirx, pereżempju, meta din l-immaġni ma tkunx ġiet arkivjata.

54      F’dan il-kuntest, ir-rikorrenti tikkontesta l-valur probatorju tar-ritratt tal-iskrin tas-sit internet “www.facialwork.com” tal-10 ta’ Lulju 2009, li oriġina mill-Wayback Machine, li jsemmi d-disinn SwirliDo (ara t-tielet inċiż tal-punt 3 u t-tielet inċiż tal-punt 27, iktar ’il fuq. Ir-rikorrenti tirrileva li dan ir-ritratt tal-iskrin ma jinkludi ebda fotografija, u lanqas immaġni li tippermetti li jkun magħruf għal liema disinn qed isir riferiment, b’tali mod li dan ma jagħtix il-possibbiltà li l-iżvelar ta’ disinn preċedenti identiku għal dak ikkontestat jiġi pprovat.

55      L-argumentazzjoni tar-rikorrenti, ippreżentata fil-punti 53 u 54 iktar ’il fuq, ma tistax tintlaqa’.

56      F’dan ir-rigward, u indipendentement mill-valur probatorju tar-riżultati ġġenerati mill-Wayback Machine, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li l-Bord tal-Appell ma bbażax ruħu biss fuq din il-prova, iżda ħa inkunsiderazzjoni r-ritratt tal-iskrin li oriġina mill-Wayback Machine (ara t-tieni inċiż tal-punt 4 tad-deċiżjoni kkontestata) bħala prova li tikkorrobora l-informazzjoni li toriġina mir-ritratt tal-iskrin tas-sit internet “nouveaucheap.blogspot” li skontha d-disinn SwirliDo ġie żvelat fuq dan is-sit f’Novembru 2009. Il-Bord tal-Appell għalhekk evalwa r-ritratt tal-iskrin li oriġina mill-Wayback Machine mhux b’mod iżolat, iżda flimkien ma’ provi oħra.

57      F’dan il-kuntest, l-argument tar-rikorrenti ppreżentat fil-punt 54 iktar ’il fuq għandu jiġi miċħud. Fil-fatt, ir-ritratt tal-iskrin li oriġina mill-Wayback Machine msemmi f’dan l-argument jirreferi espliċitament għall-prodott SwirliDo msemmi fir-ritratt tal-iskrin tas-sit internet “nouveaucheap.blogspot” u jiddeskrivih bħala elastiku tax-xagħar. Il-prezzijiet indikati fiż-żewġ ritratti tal-iskrin huma wkoll l-istess. Barra minn hekk, ir-ritratt tal-iskrin li joriġina mill-Wayback Machine jinkludi fih espressjonijiet bħal “neutral colors”, “jelly colors” u “no pony lines” li jistgħu jinqraw ukoll fuq ir-ritratt tal-iskrin tas-sit internet “nouveaucheap.blogspot”.

58      Għalhekk, anki jekk ir-ritratt tal-iskrin li oriġina mill-Wayback Machine ma jinkludix fih immaġni tal-prodott SwirliDo, jista’ jiġi dedott mill-elementi ppreżentati fil-punt 57 iktar ’il fuq, meħuda flimkien, li dan ir-ritratt tal-iskrin jirreferi għall-istess prodott SwirliDo bħal dak ippreżentat fir-ritratt tal-iskrin tas-sit internet “nouveaucheap.blogspot”. Minn dan isegwi li r-ritratt tal-iskrin li oriġina mill-Wayback Machine jikkostitwixxi sors ta’ informazzjoni rilevanti li jikkorrobora l-affidabbiltà tar-ritratt tal-iskrin tas-sit internet “nouveaucheap.blogspot” u li l-Bord tal-Appell kien korrett meta ħa dan inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-iżvelar ta’ disinn preċedenti identiku għal dak ikkontestat.

59      Fir-raba’ lok, ir-rikorrenti tikkontesta s-saħħa probatorja tar-ritratt tal-iskrin li jirrappreżenta r-riżultati ta’ tfittxija fuq il-mutur ta’ tfittxija Google li jassoċja d-disinn SwirliDo mas-sena 2009 (ara it-tieni inċiż tal-punt 28, iktar ’il fuq). Insostenn tal-allegazzjoni tagħha, ir-rikorrenti tqiegħed f’dubju, b’mod ġenerali, il-kredibbiltà tal-prova fil-forma ta’ riżultati ta’ tfittxija fuq il-mutur ta’ tfittxija Google. Ir-rikorrenti tispjega, essenzjalment, li dawn ir-riżultati ta’ tfittxija juru d-data tal-pubblikazzjoni ta’ paġna tal-internet fil-mument meta din il-paġna tkun ġiet indiċjata mill-mutur ta’ tfittxija Google u mhux id-data reali tal-pubblikazzjoni. Skont ir-rikorrenti, ir-riżultati ta’ tfittxija fil-mutur ta’ tfittxija Google ma jippermettux li jiġi vverifikat jekk id-data reali tal-pubblikazzjoni ta’ paġna tal-internet kinitx is-suġġett ta’ manipulazzjoni u, konsegwentement, il-wiri ta’ data fir-riżultati ta’ tfittxija fuq il-mutur ta’ tfittxija ta’ Google ma jikkostitwixxix prova kredibbli li paġna tal-internet inħolqot f’din id-data.

60      Lanqas din l-argumentazzjoni ma tista’ tintlaqa’. Fil-fatt, għandu jiġi osservat li, bl-argumentazzjoni tagħha, ir-rikorrenti tinvoka l-possibbiltà astratta u teoretiku li r-riżultat tar-riċerka fuq il-mutur ta’ riċerka Google, ippreżentat fit-tieni iniż tal-punt 28, iktar ’il fuq, ma jurix id-data reali tal-pubblikazzjoni tal-artikolu “SWIRLIDO OR SWIRLIDON’T?”, mingħajr ma tressaq provi probatorji konkreti li jqiegħdu f’dubju l-kredibbiltà u l-forza probatorja tar-riżultat ta’ riċerka msemmi iktar ’il fuq. Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li r-riżultat ta’ riċerka msemmi iktar ’il fuq huwa kkorroborat minn provi oħra li juru l-iżvelar tad-disinn SwirliDo fuq il-blog “nouveaucheap.blogspot” fl-1 ta’ Novembru 2009 u, b’mod partikolari, mir-ritratt tal-iskrin tal-blog imsemmi iktar ’il fuq (ara t-tieni inċiż tal-punt 27, iktar’ il fuq).

61      Fil-ħames lok, ir-rikorrenti, sabiex tqiegħed f’dubju r-ritratt tal-iskrin tal-blog “faneaccessories.blogspot” (ara l-ewwel inċiż tal-punt 3 u l-ewwel inċiż tal-punt 27, iktar ’il fuq), issostni li l-imsemmi blog huwa hu nnifsu nieqes mill-kredibbiltà. Insostenn ta’ din it-teżi, ir-rikorrenti tinvoka, l-ewwel, il-fatt li l-pubblikazzjonijiet kollha ta’ dan il-blog huma datati Novembru jew Diċembru 2009 u li dan il-blog ma kienx jiffunzjona la qabel u lanqas wara dawn id-dati. Għaldaqstant, dan huwa blog effimeru. It-tieni, ir-rikorrenti tirrileva li t-tfittxija, fuq il-mutur ta’ tfittxija Google, tal-kelma prinċipali “www.faneaccessories.blogspot.com”, limitata għall-perijodu bejn l-1 ta’ Novembru 2009 u s-27 ta’ Ġunju 2010, ma tagħti l-ebda riżultat, kif juri l-Anness A.16 tar-rikors. It-tielet, ir-rikorrenti ssostni li l-artikoli li jinsabu f’dan il-blog huma fil-qosor u jinġabru biss f’ritratt wieħed jew iktar tal-prodotti u fi ftit kliem ta’ deskrizzjoni. Lanqas il-blog ma jinkludi kummentarji. Ir-raba’, ir-rikorrenti ssostni li l-blog u l-artikolu intitolat “TC0100201 – Thick telephone coil rubber band” ma kinux ġew indiċjati mill-Wayback Machine qabel is-sena 2013, għall-blog, u qabel is-sena 2017 għall-artikolu. Insostenn ta’ dan l-argument tal-aħħar, ir-rikorrenti ppreżentat l-Annessi A.14 u A.15 tar-rikors.

62      L-argumentazzjoni tar-rikorrenti, ippreżentata fil-punt 61 iktar ’il fuq, ma tistax tintlaqa’, mingħajr ma hemm bżonn li tingħata deċiżjoni dwar l-ammissibbiltà tagħha, li ġiet ikkontestata mill-EUIPO. Fil-fatt, din l-argumentazzjoni hija bbażata essenzjalment fuq suppożizzjonijiet, mhux sostnuti minn prova, peress li l-Annessi A.14, A.15 u A.16 huma kkunsidrati, barra minn hekk, bħala inammissibbli (ara l-punti 9 sa 14 iktar ’il fuq). B’mod iktar speċifiku, l-argument li l-blog “faneaccessories.blogspot” ma huwiex kredibbli minħabba n-natura effimera tiegħu, in-natura konċiża tal-artikoli ppubblikati fuq dan il-blog u l-assenza ta’ kummentarji tal-utenti tal-internet jikkostitwixxi suppożizzjoni. L-argumenti dedotti mit-tfittxija fuq il-mutur ta’ tfittxija Google u mit-tfittxija fuq il-Wayback Machine huma bbażati wkoll fuq is-suppożizzjoni li l-mutur ta’ riċerka Google u l-Wayback Machine jipproċedu għall-indiċjar tas-siti internet u tal-kontenut tagħhom f’data qrib id-data tal-allegata dehra tagħhom fuq l-internet. Issa, din is-suppożizzjoni marbuta mal-mod ta’ funzjonament tal-mutur ta’ riċerka Google u tal-Wayback Machine ma hija ssostanzjata b’ebda prova (ara, ukoll, il-punt 51 iktar ’il fuq). Għaldaqstant għandu jiġi konkluż li l-argumenti tar-rikorrenti ma jistgħux iqiegħdu f’dubju s-saħħa probatorja tar-ritratt tal-iskrin tal-blog “faneaccessories.blogspot”, li, kif diġà ġie rrilevat (ara l-punt 33 iktar ’il fuq), jindika b’mod ċar l-indirizz URL tal-blog u d-disinn Fancy Fane u, b’mod sinjifikattiv, jindika d-data tal-pubblikazzjoni tal-artikolu “TC0100201 – Thick telephone coil rubber band” u, għaldaqstant, id-data tal-iżvelar lill-pubbliku tad-disinn imsemmi iktar ’il fuq.

63      Fis-sitt lok, għandu jiġi rrilevat li r-rikorrenti ma ssostnix li l-fatti li jikkostitwixxu l-iżvelar tad-disinni Fancy Fane u SwirliDo, invokati mill-intervenjenti, ma setgħux, fil-kors normali tan-negozju, ikunu raġonevolment magħrufa miċ-ċrieki speċjalizzati tas-settur ikkonċernat li joperaw fl-Unjoni fis-sens tal-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 6/2002.

64      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, il-konklużjoni tal-Bord tal-Appell li l-intervenjenti pprovat il-fatti li jikkostitwixxu l-iżvelar tad-disinni preċedenti Fancy Fane u SwirliDo ma hijiex ivvizzjata bi żball. Konsegwentement, l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq il-ksur tar-regola dwar it-tqassim tal-oneru tal-prova

65      Ir-rikorrenti, billi titlaq mill-premessa li hija l-persuna li titlob dikjarazzjoni ta’ invalidità tad-disinn inkwistjoni li għandha turi l-preċedenza tal-iżvelar lill-pubbliku ta’ disinn identiku għalih, issostni li l-Bord tal-Appell kiser f’dan il-każ din ir-regola dwar it-tqassim tal-oneru tal-prova, sa fejn huwa rrikonoxxa s-saħħa probatorja tas-sempliċi ritratti tal-iskrin tas-siti internet u eżiġa li r-rikorrenti tqiegħed f’dubju din is-saħħa probatorja. Billi pproċeda b’dan il-mod, l-EUIPO tefa’ fuqha b’mod illegali l-oneru tal-prova li kien impost fuq l-intervenjenti.

66      Fuq din il-bażi, ir-rikorrenti ssostni li l-Bord tal-Appell kiser l-Artikolu 63(1) tar-Regolament Nru 6/2002 moqri flimkien mal-Artikolu 28(1)(b), (v) u (vi) tar-Regolament Nru 2245/2002, dispożizzjonijiet li minnhom jirriżulta li hija l-persuna li titlob l-annullament tad-disinn Komunitarju inkwistjoni li għandha tipproduċi l-provi li juru ċ-ċirkustanzi li jiġġustifikaw id-dikjarazzjoni ta’ invalidità.

67      Fil-kuntest ta’ dan il-motiv, ir-rikorrenti tikkontesta wkoll il-kunsiderazzjoni tal-Bord tal-Appell li tinsab fil-punt 29 tad-deċiżjoni kkontestata li skontha t-tqegħid fid-dubju tas-saħħa probatorja ta’ estratt stampat ta’ sit internet ma jistax ikun ibbażat biss fuq il-possibbiltà astratta ta’ manipulazzjoni tad-data jew tal-kontenut ta’ dan is-sit internet. Skont ir-rikorrenti, il-pożizzjoni tal-Bord tal-Appell taffettwa ċ-ċertezza legali u d-drittijiet tal-proprjetarju tad-disinn inkwistjoni sa fejn huwa diffiċli ħafna għalih li juri manipulazzjoni moħbija sewwa ta’ sit internet. Ir-rikorrenti tispjega li l-proprjetarju tad-disinn inkwistjoni ma huwiex f’pożizzjoni li jkollu d-drittijiet ta’ aċċess għas-sit internet fil-kwalità, pereżempju, ta’ amministratur jew ta’ proprjetarju ta’ blog. Fil-fatt, huwa neċessarju li jinkiseb l-isem tal-utent u l-password, magħrufa biss mill-persuni responsabbli mill-kontenut ta’ sit internet partikolari, jiġifieri informazzjoni li l-proprjetarju prattikament qatt ma jkollu aċċess għaliha jew ma jistax ikollu aċċess għaliha.

68      Ir-rikorrenti tikkonkludi li l-Bord tal-Appell, billi bbaża ruħu fuq il-provi ftit kredibbli prodotti mill-intervenjenti u billi imponilha rekwiżiti impossibbli li jiġu ssodisfatti sabiex tqiegħed f’dubju dawn il-provi, tefa’ fuqha oneru tal-prova iktar oneruż minn dak impost fuq l-intervenjenti. Din iċ-ċirkustanza tiġġustifika l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata.

69      L-EUIPO u l-intervenjenti jikkontestaw l-argumentazzjoni tar-rikorrenti.

70      Għandu jitfakkar li huwa l-applikant għal dikjarazzjoni ta’ invalidità –intervenjenti fil-każ ineżami – li għandu jipprova l-fatti li jikkostitwixxu l-iżvelar preċedenti u li dan l-iżvelar ma jistax jintwera permezz ta’ probabbiltajiet jew preżunzjonijiet, iżda għandu jkun ibbażat fuq provi konkreti u oġġettivi (ara l-punti 22 u 23 iktar ’il fuq). Għandu jitfakkar ukoll li l-applikant għal dikjarazzjoni ta’ invalidità huwa liberu fl-għażla tal-prova li huwa jqis utli li jippreżenta lill-EUIPO (ara l-punt 26 iktar ’il fuq).

71      Fir-rigward tas-saħħa probatorja tar-ritratti tal-iskrin tas-siti internet (u b’mod ġenerali tal-provi miġjuba mill-internet), għandu jitfakkar li din is-saħħa probatorja tista’ titqiegħed f’dubju permezz tal-invokazzjoni ta’ fatti li jissuġġerixxu konkretament manipulazzjoni (ara l-punt 49 iktar ’il fuq).

72      Fil-każ ineżami, kif ġie kkonstatat fil-kuntest tal-ewwel motiv, l-intervenjenti ppreżentat provi affidabbli insostenn tal-allegazzjoni tagħha dwar l-iżvelar tad-disinni preċedenti Fancy Fane u SwirliDo. Dawn il-provi, li l-kontenut u d-data tagħhom kienu kkorroborati minn diversi sorsi, ma qajmux dubji serji dwar l-affidabbiltà u l-kredibbiltà tagħhom u, barra minn hekk, ir-rikorrenti ma ressqet ebda prova konkreta li turi l-eżistenza ta’ tali dubji. Matul il-proċedura amministrattiva quddiem l-EUIPO, ir-rikorrenti sempliċement invokat, b’mod astratt, il-possibbiltà li s-siti internet, u l-blogs b’mod partikolari, jistgħu jiġu mmanipulati.

73      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi konkluż li r-regola tat-tqassim tal-oneru tal-prova f’dan il-każ ma nkisritx. Fil-fatt, peress li l-intervenjenti ppreżentat provi miġjuba mill-internet li juru l-iżvelar tad-disinni preċedenti Fancy Fane u SwirliDo li ma kinux iqajmu dubji serji dwar l-affidabbiltà u l-kredibbiltà tagħhom, kienet ir-rikorrenti (li invokat in-nuqqas ta’ kredibbiltà ta’ dawn il-provi) li kellha turi b’mod konkret dan in-nuqqas ta’ kredibbiltà, ħaġa li hija ma għamlitx.

74      Barra minn hekk, l-argumentazzjoni tar-rikorrenti ma turi l-ebda ksur tad-dispożizzjonijiet imsemmija fil-punt 66 iktar ’il fuq. Fil-fatt, l-Artikolu 63(1) tar-Regolament Nru 6/2002 jippreċiża, b’mod partikolari, li, f’azzjoni għal dikjarazzjoni ta’ invalidità, l-eżami mill-EUIPO għandu jkun limitat għall-motivi invokati u għat-talbiet imressqa mill-partijiet. L-Artikolu 28(1)(b) tar-Regolament Nru 2245/2002 jikkostitwixxi dispożizzjoni proċedurali li tirregola r-rekwiżiti formali tat-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità. Din id-dispożizzjoni tipprevedi, fil-punt (v), li din it-talba għandha tinkludi l-indikazzjoni u r-riproduzzjoni tad-disinni preċedenti li fuqhom hija bbażata t-talba u d-dokumenti li jipprovaw l-eżistenza ta’ dawn id-disinni preċedenti. Din id-dispożizzjoni tipprevedi, fil-punt (vi), li din it-talba għandha tinkludi l-fatti, il-provi u l-osservazzjonijiet ippreżentati insostenn tat-talba.

75      Barra minn hekk, fir-rigward tal-argumentazzjoni tar-rikorrenti ppreżentata fil-punt 67 iktar ’il fuq, għandu jiġi rrilevat, bħalma għamel l-EUIPO, li dak li kien rikjest minnha ma kienx li tipprova l-manipulazzjoni tas-siti internet inkwistjoni, iżda li tindika ċirkustanzi konkreti li huma indikaturi ta’ manipulazzjoni kredibbli. Il-Bord tal-Appell irrefera, fil-punt 29 tad-deċiżjoni kkontestata, għal “sinjali evidenti ta’ falsifikazzjoni”, “kontradizzjonijiet inkontestabbli fl-informazzjoni ppreżentata” u għal “inkoerenzi evidenti” li jistgħu raġonevolment jiġġustifikaw l-eżistenza ta’ dubji dwar l-awtentiċità tal-estratti stampati. B’hekk jirriżulta li l-Bord tal-Appell ma talabx lir-rikorrenti turi l-manipulazzjoni ta’ sit internet u, b’mod partikolari, ta’ blog. Minn dan isegwi li l-argumentazzjoni tar-rikorrenti ppreżentata fil-punt 67 iktar ’il fuq għandha tiġi miċħuda peress li hija bbażata fuq interpretazzjoni żbaljata tad-deċiżjoni kkontestata.

76      Barra minn hekk, kieku l-argumentazzjoni tar-rikorrenti kellha tintlaqa’, ikun b’hekk possibbli għall-proprjetarju ta’ disinn li jiċħad kull żvelar debitament iddokumentat fuq l-internet fuq il-bażi biss ta’ affermazzjonijiet ġenerali u astratti li s-siti internet jistgħu, teoretikament, jiġu mmanipulati.

77      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet premessi, it-tieni motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ opportunitajiet ugwali għall-partijiet

78      Ir-rikorrenti ssostni li l-Bord tal-Appell, meta kkunsidra li l-provi prodotti mill-intervenjenti kienu kredibbli u billi impona fuqha obbligu li huwa impossibbli li tissodisfa fil-prattika, jiġifieri dak li turi b’mod konkret il-manipulazzjoni tal-kontenut tar-ritratti tal-iskrin ta’ blogs, kiser il-prinċipju ta’ opportunitajiet ugwali għall-partijiet. Ir-rikorrenti tippreċiża li l-Bord tal-Appell ipprovoka żbilanċ bejn il-partijiet sa fejn impona fuqha oneru tal-prova ikbar minn dak impost fuq l-intervenjenti.

79      L-EUIPO u l-intervenjenti jikkontestaw l-argumentazzjoni tar-rikorrenti.

80      Għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-prinċipju ta’ opportunitajiet ugwali għall-partijiet, li huwa korollari għall-kunċett innifsu ta’ smigħ xieraq u għandu l-għan li jiżgura bilanċ bejn il-partijiet fil-kawża, jimplika l-obbligu li kull parti tingħata possibbiltà raġonevoli li tippreżenta l-kawża tagħha, inklużi l-provi tagħha, f’ċirkustanzi li ma jpoġġuhiex f’sitwazzjoni ta’ żvantaġġ ċar b’paragun mal-avversarju tagħha (ara s-sentenza tat-28 ta’ Lulju 2016, Ordre des barreaux francophones et germanophone et, C‑543/14, EU:C:2016:605, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata).

81      Dan il-prinċipju għandu l-għan li jiżgura bilanċ proċedurali bejn il-partijiet fi proċedura ġudizzjarja, billi jiggarantixxi l-ugwaljanza tad-drittijiet u tal-obbligi ta’ dawn il-partijiet fir-rigward, b’mod partikolari, tar-regoli li jirregolaw l-amministrazzjoni tal-provi u d-dibattitu kontradittorju quddiem il-qorti (ara s-sentenza tat-28 ta’ Lulju 2016, Ordre des barreaux francophones et germanophone et, C‑543/14, EU:C:2016:605, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata).

82      Il-prinċipju ta’ opportunitajiet ugwali għall-partijiet japplika wkoll, b’analoġija, għal proċedimenti inter partes quddiem l-istanzi tal-EUIPO, bħal dawk tal-każ ineżami (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenzi tal-10 ta’ Mejju 2012, Rubinstein u L’Oréal vs UASI, C-100/11 P, EU:C:2012:285, punt 102; tat-8 ta’ Mejju 2017, Les Éclaires vs EUIPO – L’éclaireur International (L’ECLAIREUR), T‑680/15, mhux ippubblikata, EU:T:2017:320, punt 23; u tal-10 ta’ Ġunju 2020, Louis Vuitton Malletier vs EUIPO – Wisniewski (Rappreżentazzjoni ta’ disinn ta’ chequerboard), T‑105/19, mhux ippubblikata, EU:T:2020:258, punt 50).

83      Fil-każ ineżami, għandu jiġi kkonstatat li l-ilmenti tar-rikorrenti, ippreżentati fil-punt 78 iktar ’il fuq, jikkostitwixxu, essenzjalment, repetizzjoni tal-ilmenti mqajma fil-kuntest tat-tieni motiv li ġie miċħud. Fil-fatt, ġie kkonstatat li l-Bord tal-Appell kien korrett meta qies li l-provi invokati mill-intervenjenti sabiex turi l-iżvelar ta’ disinni preċedenti għal dak ikkontestat kienu kredibbli, li r-regola dwar it-tqassim tal-oneru tal-prova kienet ġiet osservata mill-Bord tal-Appell u li ebda obbligu, fil-qasam tal-provi, impossibbli sabiex jiġi ssodisfatt, ma kien ġie impost fuq ir-rikorrenti.

84      Peress li r-rikorrenti ma qajmet ebda argument ieħor insostenn tat-tielet motiv u fl-assenza ta’ ċirkustanza li turi l-ksur tal-prinċipju ta’ opportunitajiet ugwali għall-partijiet matul il-proċedimenti amministrattivi quddiem l-EUIPO, dan il-motiv għandu jiġi miċħud u, konsegwentement, ir-rikors kollu kemm hu.

 Fuq l-ispejjeż

85      Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li r-rikorrenti tilfet, hemm lok li hija tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha kif ukoll dawk sostnuti mill-EUIPO u mill-intervenjenti, konformement mat-talbiet ta’ dawn tal-aħħar.

Għal dawn ir-raġunijiet,

IL-QORTI ĠENERALI (L-Għaxar Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      JMS Sports sp. z o.o. għandha tbati l-ispejjeż tagħha stess kif ukoll l-ispejjeż sostnuti mill-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO) u minn InterVion S.A.

Kornezov

Buttigieg

Kowalik-Bańczyk

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fl-20 ta’ Ottubru 2021.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Pollakk.