Language of document : ECLI:EU:T:2014:839

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Il-Ħames Awla)

26 ta’ Settembru 2014 (*)

“Rikors għal annullament – Għajnuna mill-Istat – Logħob online – Stabbiliment fid-Danimarka ta’ taxxi inqas għolja għal-logħob online milli għall-casinos u għas-swali tal-logħob – Deċiżjoni li tiddikjara l-għajnuna kompatibbli mas-suq intern – Għajnuna intiża li tiffaċilita l-iżvilupp ta’ ċerti attivitajiet – Nuqqas ta’ interess individwali – Att regolatorju li jinvolvi miżuri ta’ implementazzjoni – Inammissibbiltà”

Fil-Kawża T‑601/11,

Dansk Automat Brancheforening, stabbilita fi Fredericia (id-Danimarka), irrappreżentata minn K. Dyekjær, T. Høg u J. Flodgaard, avukati,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, inizjalment irrappreżentata minn M. Afonso u C. Barslev, sussegwentement minn M. Afonso u L. Grønfeldt, bħala aġenti,

konvenuta,

sostnuta minn

Ir-Renju tad-Danimarka, inizjalment irrappreżentat minn C. Vang, sussegwentement minn M. Wolff u C. Thorning, bħala aġenti, assistiti minn K. Lundgaard Hansen, avukat,

minn

Ir-Repubblika ta’ Malta, irrappreżentata minn P. Grech u A. Buhagiar, bħala aġenti,

minn

Betfair Group plc, stabbilit f’Londra (ir-Renju Unit),

u

Betfair International Ltd, stabbilita f’Santa Venera (Malta),

irrappreżentati minn O. Brouwer u A. Pliego Selie, avukati,

u minn

European Gaming and Betting Association (EGBA), stabbilita fi Brussell (il-Belġju), irrappreżentata minn C.-D. Ehlermann, J. C. Heithecker u J. Ylinen, avukati,

intervenjenti,

li għandha bħala suġġett talba għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2012/140/UE, tal-20 ta’ Settembru 2011, dwar il-miżura C 35/10 (ex N 302/10) li d-Danimarka qed tippjana biex timplimenta fil-forma ta’ Dazji fuq il-Logħob tal-Azzard Onlajn fl-Att Daniż dwar id-Dazji fuq il-Logħob tal-Azzard (ĠU 2012, L 68, p. 3),

IL-QORTI ĠENERALI (Il-Ħames Awla),

komposta minn A. Dittrich (Relatur), President, J. Schwarcz u V. Tomljenović, Imħallfin,

Reġistratur: C. Heeren, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-30 ta’ April 2014,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Ir-rikorrenti, Dansk Automat Brancheforening, hija assoċjazzjoni ta’ impriżi u ta’ kumpanniji awtorizzati jinstallaw u joperaw apparati tal-logħob ta’ divertiment (iktar ’il quddiem is-“slot machines”). Il-mudell ekonomiku li fuqu hija bbażata l-attività tal-membri tar-rikorrenti jikkonsisti fl-akkwist ta’ slot machines u sussegwentement il-konklużjoni ta’ ftehimiet dwar l-installazzjoni tagħhom fi swali tal-logħob u stabbilimenti tal-ikel. Ir-rikorrenti għandha 80 membru u tirrappreżenta madwar 86 % tal-operaturi tal-logħob fuq is-slot machines fid-Danimarka. Il-membri tagħha jirċievu dħul gross mil-logħob u jħallsu t-taxxi dovuti lill-Istat. Sussegwentement, huma jħallsu parti mid-dħul tal-logħob lill-istabbilimenti fejn l-apparati tagħhom huma installati.

2        Wara li l-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej fetħet proċedura ta’ ksur u bagħtet, fit-23 ta’ Marzu 2007, lir-Renju tad-Danimarka opinjoni motivata dwar l-ostakoli għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi ta’ mħatri fuq l-isport fid-Danimarka, dan l-Istat Membru ddeċieda li jemenda l-leġiżlazzjoni nazzjonali tiegħu dwar is-servizzi tal-logħob u tal-imħatri u li jissostitwixxi l-monopolju tal-impriża pubblika D. eżistenti għal ċerti forom ta’ logħob b’sistema regolata u parzjalment liberalizzata.

3        F’dan il-kuntest, fis-6 ta’ Lulju 2010 r-Renju tad-Danimarka nnotifika lill-Kummissjoni, skont l-Artikolu 108(3) TFUE, bl-Abbozz ta’ Liġi L 203 dwar id-Dazji fuq il-Logħob, li sar il-Liġi Nru 698, tal-25 ta’ Ġunju 2010 (iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar id-Dazji fuq il-Logħob”). Din il-liġi tagħmel parti integrali minn pakkett leġiżlattiv li jinkludi wkoll liġi dwar il-logħob (iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar il-Logħob”), liġi dwar it-tqassim tad-dħul mil-lotteriji u mill-imħatri fuq it-tlielaq taż-żwiemel u tal-klieb, kif ukoll liġi dwar l-istatut tal-impriża pubblika D. Il-Liġi dwar il-Logħob tipprevedi li l-offerta u l-organizzazzjoni tal-logħob ikunu suġġetti għal awtorizzazzjoni u tirregola dawn l-attivitajiet. Il-pakkett leġiżlattiv jinkludi wkoll liberalizzazzjoni sa fejn dan itemm il-monopolju tal-impriża pubblika D. għal ċerti forom ta’ logħob.

4        Skont il-Liġi dwar id-Dazji fuq il-Logħob, li d-dħul fis-seħħ tagħha ġie sospiż sakemm tingħata d-deċiżjoni tal-Kummissjoni, l-organizzazzjoni u l-offerta ta’ logħob huma suġġetti għal dazji. Din il-liġi tipprevedi diversi rati ta’ tassazzjoni fuq il-logħob, skont jekk dan huwiex propost online jew le. B’hekk, id-detenturi ta’ liċenzja għal ġestjoni tal-logħob fuq is-slot machines fi swali tal-logħob u stabbilimenti tal-ikel għandhom iħallsu taxxa ta’ 41 % tad-dħul gross tal-logħob. L-apparati installati fi stabbilimenti tal-ikel u fi swali tal-logħob huma suġġetti għal taxxa addizzjonali ta’ 30 % fuq il-parti mid-dħul gross tal-logħob li teċċedi 30 000 Kroni Daniżi (DKK) u DKK 250 000, rispettivament. Fir-rigward tad-detenturi ta’ liċenzja ta’ ġestjoni tal-logħob f’casinos fiżiċi, dawn għandhom iħallsu taxxa bażi ta’ 45 % tad-dħul gross tal-logħob, bi tnaqqis tal-valur tat-tokens fil-kaxxa tal-ġbir, u taxxa addizzjonali fuq 30 % tal-parti mid-dħul gross tal-logħob li teċċedi DKK 4 miljun ikkalkolata kull xahar. Min-naħa l-oħra, id-detenturi ta’ liċenzja sabiex jiġġestixxu logħob f’casino online għandhom iħallsu taxxa ta’ 20 % tad-dħul gross mil-logħob.

5        Il-Kummissjoni rċeviet żewġ ilmenti dwar l-Abbozz ta’ Liġi dwar id-Dazji fuq il-Logħob, ippreżentati, l-ewwel wieħed, fit-23 ta’ Lulju 2010 mir-rikorrenti u, it-tieni wieħed, fis-6 ta’ Awwissu 2010 minn casino stabbilit fiżikament fid-Danimarka.

6        Fl-14 ta’ Diċembru 2010, il-Kummissjoni informat lir-Renju tad-Danimarka bid-deċiżjoni tagħha li tiftaħ il-proċedura prevista fl-Artikolu 108(2) TFUE fir-rigward tal-miżura nnotifikata minn dan l-Istat Membru. Permezz ta’ din id-deċiżjoni, ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2011, C 22, p. 9), il-Kummissjoni stiednet lill-partijiet interessati jippreżentawlha l-osservazzjonijiet tagħhom fuq din il-miżura. B’kollox, sbatax-il parti interessata, fosthom ir-rikorrenti, ippreżentaw osservazzjonijiet li ntbagħtu lir-Renju tad-Danimarka, li ssottometta l-osservazzjonijiet tiegħu lill-Kummissjoni b’ittra tal-14 ta’ April 2011.

7        Permezz tad-Deċiżjoni 2012/140/UE, tal-20 ta’ Settembru 2011, dwar il-miżura C 35/10 (ex N 302/10) li d-Danimarka qed tippjana biex timplimenta fil-forma ta’ Dazji fuq il-Logħob tal-Azzard Onlajn fl-Att Daniż dwar id-Dazji fuq il-Logħob tal-Azzard (ĠU 2012, L 68, p. 3, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), il-Kummissjoni approvat il-miżura nnotifikata minn dan l-Istat Membru. Id-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata jipprovdi dan li ġej:

Artikolu 1

Il-miżura C 35/10 li d-Danimarka qed tippjana li timplimenta f’forma ta’ dazji fuq il-logħob tal-azzard onlajn fl-Att Daniż dwar id-Dazji fuq il-Logħob tal-Azzard, hija kompatibbli mas-suq intern fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 107(3)(c) [TFUE].

Għalhekk, l-implimentazzjoni tal-miżura hija awtorizzata.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Renju tad-Danimarka.”

8        Fost ir-raġunijiet tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkonkludiet, fl-ewwel lok, li l-miżura nnotifikata, jiġifieri l-impożizzjoni ta’ taxxa inqas għolja fuq il-logħob online, kienet tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE għall-operaturi ta’ dan il-logħob stabbiliti fid-Danimarka. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni qieset li l-liġi nnotifikata kienet tinkludi vantaġġ fiskali għal dawn l-operaturi, mogħti permezz tar-riżorsi tal-Istat. Il-miżura inkwistjoni titqies prima facie li hija selettiva, sa fejn din tagħmel distinzjoni bejn l-operaturi tal-logħob online u l-operaturi tal-casinos fiżiċi li, fid-dawl tal-għan ta’ din il-miżura, jinsabu f’sitwazzjoni fattwali u legali paragunabbli. Skont il-Kummissjoni, l-awtoritajiet Daniżi ma rnexxilhomx juru li s-selettività apparenti tal-liġi nnotifikata setgħet tiġi tiġġustifika permezz tal-loġika fiskali (premessi 72 sa 102 u 144 tad-deċiżjoni kkontestata).

9        Fit-tieni lok, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-għajnuna inkwistjoni kienet tissodisfa l-kundizzjonijiet sabiex titqies kompatibbli mas-suq intern fis-sens tal-Artikolu 107(3)(ċ) TFUE (premessa 145 tad-deċiżjoni kkontestata). Insostenn ta’ din il-konklużjoni, hija qieset, l-ewwel nett, li l-Liġi dwar id-Dazji fuq il-Logħob, sa fejn din tinvolvi liberalizzazzjoni tas-suq u tippermetti lill-operaturi tal-logħob online Daniżi u barranin joffru s-servizzi tagħhom lid-Daniżi filwaqt li tiggarantixxi li dawn l-operaturi josservaw id-dispożizzjonijiet stabbiliti għall-kisba ta’ liċenzja mill-awtoritajiet Daniżi, isservi għan definit sewwa ta’ interess komuni (premessi 106 sa 123 tad-deċiżjoni kkontestata). It-tieni nett, il-Kummissjoni qieset li l-miżura ta’ għajnuna kienet tissodisfa r-rekwiżit ta’ proporzjonalità ladarba, kif qalet, it-taxxa ta’ 20 % tad-dħul gross mil-logħob għall-operaturi online ma kinitx iktar baxxa milli meħtieġ sabiex jintlaħqu l-għanijiet tal-Liġi dwar il-Logħob (premessi 124 sa 137 tad-deċiżjoni kkontestata). It-tielet nett, il-Kummissjoni eżaminat l-effetti tal-miżura ta’ għajnuna fuq il-kompetizzjoni u l-kummerċ bejn Stati Membri. F’dan ir-rigward, hija qieset li l-istabbiliment ta’ taxxa fuq il-logħob online li tikkorrispondi jew tkun approssimament simili għat-taxxa fis-seħħ fuq il-logħob fiżiku seta’ jwassal għal sitwazzjoni fejn l-operaturi tal-logħob u l-parteċipanti fil-logħob ma jirrispondux għall-possibbiltà ta’ provvista legali ta’ logħob online jew ta’ parteċipazzjoni legali f’logħob online fis-suq Daniż, u b’hekk ma jintlaħqux l-għanijiet ta’ interess komuni ddefiniti u mfittxija mil-Liġi dwar il-Logħob (premessi 138 sa 142 tad-deċiżjoni kkontestata).

10      Fl-1 ta’ Jannar 2012 daħal fis-seħħ il-pakkett leġiżlattiv imsemmi fil-punt 3 iktar ’il fuq, li jinkludi inter alia l-Liġi dwar id-Dazji fuq il-Logħob u l-Liġi dwar il-Logħob.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

11      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-30 ta’ Novembru 2011, ir-rikorrenti ressqet din l-azzjoni.

12      Permezz ta’ att separat, ippreżentat ukoll fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-30 ta’ Novembru 2011, ir-rikorrenti ressqet talba għal miżuri provviżorji, li fiha hija talbet, essenzjalment, lill-President tal-Qorti Ġenerali jogħġbu jissospendi l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni kkontestata. B’digriet tat-13 ta’ Frar 2012, Dansk Automat Brancheforening vs Il‑Kummissjoni (T‑601/11 R, EU:T:2012:66), il-President tal-Qorti Ġenerali ċaħad din it-talba għal miżuri provviżorji u rriżerva l-ispejjeż.

13      B’att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali, fid-9 ta’ Diċembru 2011, ir-Renju tad-Danimarka talab li jintervjeni insostenn tat-talbiet tar-rikorrenti. Wara li nstemgħu l-partijiet prinċipali, din it-talba ntlaqgħat permezz ta’ digriet tal-President tas-Seba’ Awla tal-Qorti Ġenerali tal-1 ta’ Marzu 2012.

14      Fid-9 ta’ Jannar 2012, ir-rikorrenti ppreżentat talba għal trattament kunfidenzjali, fil-konfront tal-pubbliku, ta’ ċerti partijiet mir-rikors u ta’ xi wħud mill-annessi tiegħu.

15      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fid-9 ta’ Marzu 2012, CODERE SA u l-Asociación de Empresarios de Máquinas Recreativas (AEMAR) talbu li jintervjenu insostenn tat-talbiet tar-rikorrenti. B’digriet tal-President tas-Seba’ Awla tal-Qorti Ġenerali tal-21 ta’ Settembru 2012, dan l-intervent ġie miċħud.

16      Permezz ta’ atti ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali rispettivament fid-19 u fil-21 ta’ Marzu 2012, minn naħa, Betfair Group plc u Betfair International Ltd (iktar ’il quddiem, meħuda flimkien, “Betfair”) u, min-naħa l-oħra, il-European Gaming and Betting Association (EGBA) talbu li jintervjenu insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni. Dawn it-talbiet intlaqgħu, wara li nstemgħu l-partijiet prinċipali, permezz tad-digrieti tal-President tas-Seba’ Awla tal-Qorti Ġenerali tal-21 ta’ Settembru 2012.

17      Fit-8 ta’ Ġunju 2012 u fis-7 ta’ Jannar 2013, ir-Renju tad-Danimarka u Betfair rispettivament ippreżentaw fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali n-noti ta’ intervent tagħhom. Ir-rikorrenti ppreżentat l-osservazzjonijiet tagħha dwar dawn in-noti fis-26 ta’ Lulju 2012 u fit-18 ta’ Marzu 2013 rispettivament. Il-Kummissjoni ma ppreżentatx osservazzjonijiet dwar dawn in-noti.

18      Peress illi kien hemm bidla fil-kompożizzjoni tal-Awli tal-Qorti Ġenerali, l-Imħallef Relatur ġie assenjat lill-Ħames Awla, din il-kawża ġiet għalhekk assenjata lil din l-awla.

19      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-10 ta’ Marzu 2014, ir-Repubblika ta’ Malta talbet li tintervjeni insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni. Wara li nstemgħu l-partijiet prinċipali, din it-talba ntlaqgħat permezz ta’ digriet tal-President tal-Ħames Awla tal-Qorti Ġenerali tad-9 ta’ April 2014.

20      Peress li t-talbiet ta’ intervent tar-Repubblika ta’ Malta u tal-EGBA ġew ippreżentati wara l-iskadenza tat-terminu previst fl-Artikolu 115(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, ġie deċiż li r-Repubblika ta’ Malta u l-EGBA setgħu jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom biss matul il-proċedura orali, konformement mal-Artikolu 116(6) ta’ dawn ir-regoli.

21      Fuq rapport tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (Il-Ħames Awla) iddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali.

22      Fl-ambitu ta’ miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura prevista fl-Artikolu 64 tar-Regoli tal-Proċedura, il-Qorti Ġenerali stiednet lill-partijiet iwieġbu għall-kwistjoni ta’ jekk id-deċiżjoni kkontestata tikkostitwixxix att regolatorju li ma jinvolvix miżuri ta’ implementazzjoni fis-sens tal-aħħar parti tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE. Huma osservaw din it-talba fit-terminu mogħti.

23      It-trattazzjoni tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tat-30 ta’ April 2014.

24      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla l-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

25      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors bħala inammissibbli jew, sussidjarjament, bħala infondat;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

26      L-intervenjenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha tiċħad ir-rikors bħala inammissibbli jew, sussidjarjament, bħala infondat. Fil-każ li l-Qorti Ġenerali tannulla d-deċiżjoni kkontestata, ir-Renju tad-Danimarka jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha tordna ż-żamma tal-effetti tagħha, skont l-Artikolu 264(2) TFUE. Barra minn hekk, Betfair u l-EGBA jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż, inklużi l-ispejjeż tagħhom.

 Id-dritt

27      Mingħajr ma qajmet formalment l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà, il-Kummissjoni, sostnuta mill-intervenjenti, tikkontesta l-ammissibbiltà tar-rikors. Hija ssostni li r-rikorrenti ma għandhiex locus standi minħabba l-assenza ta’ interess dirett u individwali fir-rigward tad-deċiżjoni kkontestata.

28      Ir-rikorrenti tosserva li hija għandha locus standi peress li hija tinsab direttament u individwalment ikkonċernata mid-deċiżjoni kkontestata. Barra minn hekk, hija tafferma li d-deċiżjoni kkontestata hija att regolatorju li ma jinvolvix miżuri ta’ implementazzjoni fis-sens tal-aħħar parti tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE.

29      Skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika tista’, taħt il-kundizzjonijiet previsti fl-ewwel u fit-tieni paragrafi ta’ dan l-artikolu, tressaq azzjoni kontra att indirizzat lilha jew li jirrigwardaha direttament u individwalment, kif ukoll kontra att regolatorju li jirrigwardaha direttament u li ma jinvolvix miżuri ta’ implementazzjoni.

30      Fil-każ ineżami, huwa paċifiku li d-deċiżjoni kkontestata għandha r-Renju tad-Danimarka bħala destinatarju uniku tagħha. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-preżenti rikors għal annullament huwa, skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, ammissibbli biss jekk ir-rikorrenti hija direttament u individwalment ikkonċernata mid-deċiżjoni kkontestata jew jekk ir-rikorrenti hija direttament ikkonċernata mid-deċiżjoni kkontestata u din tal-aħħar tikkostitwixxi att regolatorju li ma jinvolvix miżuri ta’ implementazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2013, Telefónica vs Il-Kummissjoni, C‑274/12 P, Ġabra, EU:C:2013:852, punt 19).

 Fuq l-interess individwali tar-rikorrenti

31      Skont ġurisprudenza stabbilita, persuni li ma humiex id-destinatarji ta’ deċiżjoni ma jistgħux jallegaw li huma kkonċernati individwalment ħlief fil-każ li din id-deċiżjoni tolqothom minħabba ċerti kwalitajiet li huma partikolari għalihom jew minħabba sitwazzjoni ta’ fatt li tikkaratterizzahom fil-konfront ta’ kull persuna oħra u, minħabba dan il-fatt, tindividwalizzahom b’mod simili bħalma jkun individwalizzat id-destinatarju ta’ deċiżjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-15 ta’ Lulju 1963, Plaumann vs Il-Kummissjoni, 25/62, Ġabra, EU:C:1963:17, p. 197, 223, u tat-22 ta’ Novembru 2007, Spanja vs Lenzing, C‑525/04 P, Ġabra, EU:C:2007:698, punt 30).

32      B’mod partikolari fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat, ir-rikorrenti li jikkontestaw il-fondatezza ta’ deċiżjoni ta’ evalwazzjoni tal-għajnuna mogħtija fit-tmiem tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali huma kkunsidrati li huma individwalment ikkonċernati mill-imsemmija deċiżjoni meta l-pożizzjoni tagħhom fis-suq tkun sostanzjalment affettwata mill-għajnuna li hija s-suġġett tad-deċiżjoni inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-28 ta’ Jannar 1986, Cofaz et vs Il‑Kummissjoni, 169/84, Ġabra, EU:C:1986:42, punti 22 sa 25 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tat-22 ta’ Novembru 2007, Sniace vs Il‑Kummissjoni, C‑260/05 P, Ġabra, EU:C:2007:700, punt 54 u l-ġurisprudenza ċċitata).

33      F’dan ir-rigward, huma partikolarment irrikonoxxuti bħala individwalment ikkonċernati minn deċiżjoni tal-Kummissjoni li tagħlaq il-proċedura ta’ investigazzjoni formali, minbarra l-impriża benefiċjarja, l-impriżi kompetituri ta’ din tal-aħħar li kellhom rwol attiv f’din il-proċedura, sa fejn il-pożizzjoni tagħhom fis-suq hija sostanzjalment affettwata mill-miżura ta’ għajnuna li hija s-suġġett tad-deċiżjoni kkontestata (ara s-sentenza Sniace vs Il-Kummissjoni, punt 32 iktar ’il fuq, EU:C:2007:700, punt 55 u l-ġurisprudenza ċċitata).

34      B’hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li l-fatt li impriża kienet ressqet l-ilment li ta lok għall-ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali, il-fatt li nstemgħu l-osservazzjonijiet tagħha u l-fatt li l-iżvolġiment ta’ din il-proċedura ġie influwenzat b’mod kunsiderevoli mill-osservazzjonijiet tagħha jikkostitwixxu elementi rilevanti fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-locus standi ta’ din l-impriża (sentenzi Cofaz et vs Il-Kummissjoni, punt 32 iktar ’il fuq, EU:C:1986:42, punti 24 u 25, u tas-27 ta’ April 1995, ASPEC et vs Il‑Kummissjoni, T‑435/93, Ġabra, EU:T:1995:79, punt 63).

35      Fil-każ ineżami, huwa paċifiku li r-rikorrenti kellha rwol attiv fl-ambitu tal-proċedura quddiem il-Kummissjoni. Fil-fatt, ir-rikorrenti adixxiet lill-Kummissjoni b’ilment fit-23 ta’ Lulju 2010 u ppreżentat osservazzjonijiet fl-ambitu tal-proċedura prevista fl-Artikolu 108(2) TFUE.

36      Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni, sostnuta mill-intervenjenti, tikkontesta li r-rikorrenti hija sostanzjalment affettwata mill-miżura ta’ għajnuna li hija s-suġġett tad-deċiżjoni kkontestata.

37      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li assoċjazzjoni professjonali li għandha l-inkarigu li tiddefendi l-interessi kollettivi tal-membri tagħha, bħar-rikorrenti, ma hijiex fil-prinċipju ammissibbli sabiex tippreżenta rikors għal annullament kontra deċiżjoni finali tal-Kummissjoni fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat ħlief f’żewġ ipoteżijiet, jiġifieri, l-ewwel nett, jekk l-impriżi li hija tirrappreżenta jew xi wħud minnhom ikollhom locus standi fuq bażi individwali u, it-tieni nett, jekk hija tkun tista’ ssostni interess tagħha, b’mod partikolari peress li l-pożizzjoni tagħha ta’ negozjatriċi tkun ġiet affettwata mill-att li l-annullament tiegħu jkun mitlub (digriet tat-18 ta’ Diċembru 1997, Sveriges Betodlares u Henrikson vs Il-Kummissjoni, C‑409/96 P, Ġabra, EU:C:1997:635, punt 45; sentenzi tat-12 ta’ Diċembru 1996, AIUFFASS u AKT vs Il‑Kummissjoni, T‑380/94, Ġabra, EU:T:1996:195, punt 50, u tal-15 ta’ Jannar 2013, Aiscat vs Il-Kummissjoni, T‑182/10, Ġabra, EU:T:2013:9, punt 48).

38      Fil-każ ineżami, ir-rikorrenti ma ssostnix interess tagħha, iżda tafferma li r-rikors huwa ammissibbli, peress li l-parti l-kbira tal-membri tagħha għandhom locus standi sabiex jaġixxu minħabba l-fatt li l-pożizzjoni kompetittiva tagħhom hija sostanzjalment affettwata mill-miżura ta’ għajnuna inkwistjoni.

39      Għalhekk, għandu jiġi eżaminat jekk ir-rikorrenti wrietx li l-pożizzjoni fis-suq tal-membri tagħha kinitx sostanzjalment affettwata mill-miżura ta’ għajnuna li tikkostitwixxi s-suġġett tad-deċiżjoni kkontestata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-22 ta’ Diċembru 2008, British Aggregates vs Il-Kummissjoni, C‑487/06 P, Ġabra, EU:C:2008:757, punti 33 u 35).

40      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar, fir-rigward tal-portata tal-isħarriġ ġudizzjarju, li ma huwiex il-kompitu tal-qorti tal-Unjoni, fl-istadju tal-eżami tal-ammissibbiltà, li tippronunzja ruħha b’mod definittiv fuq ir-relazzjonijiet ta’ kompetizzjoni bejn il-membri tar-rikorrenti u l-impriżi benefiċjarji tal-għajnuna inkwistjoni. Hija biss ir-rikorrenti li għandha tindika b’mod rilevanti r-raġunijiet li għalihom l-għajnuna inkwistjoni tista’ tippreġudika l-interessi leġittimi ta’ membru jew ta’ diversi membri billi taffettwa sostanzjalment il-pożizzjoni tagħhom fis-suq inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Cofaz et vs Il-Kummissjoni, punt 32 iktar ’il fuq, EU:C:1986:42, punt 28, u Aiscat vs Il-Kummissjoni, punt 37 iktar ’il fuq, EU:T:2013:9, punt 60).

41      Fir-rigward tad-determinazzjoni ta’ effett sostanzjali fuq il-pożizzjoni ta’ impriża kompetitriċi f’suq, diġà ġie deċiż li s-sempliċi fatt li att jista’ jeżerċita ċerta influwenza fuq ir-relazzjonijiet ta’ kompetizzjoni fis-suq rilevanti u li l-impriża kkonċernata tkun tinsab f’xi relazzjoni ta’ kompetizzjoni mal-benefiċjarju ta’ dan l-att ma huwiex f’kull każ suffiċjenti sabiex tali impriża tista’ titqies li hija individwalment ikkonċernata mill-istess att. Għalhekk, impriża ma tistax tibbaża ruħha biss fuq il-kwalità tagħha ta’ kompetitriċi fir-rigward tal-impriża benefiċjarja, iżda għandha turi wkoll li hija tinsab f’ċirkustanzi ta’ fatt li jindividwalizzawha b’mod analogu għal kif ikun individwalizzat id-destinatarju (sentenza Spanja vs Lenzing, punt 31 iktar ’il fuq, EU:C:2007:698, punti 32 u 33).

42      Għandu wkoll jitfakkar li tali stat partikolari, li jikkaratterizza individwu minbarra d-destinatarji ta’ deċiżjoni, fis-sens tas-sentenza Plaumann vs Il-Kummissjoni (punt 31 iktar ’il fuq, EU:C:1963:17), fil-konfront ta’ kull operatur ekonomiku ieħor, ma għandux neċessarjament jiġi dedott minn elementi bħal tnaqqis sinjifikattiv tad-dħul mill-bejgħ, telf finanzjarju mhux negliġibbli jew ukoll tnaqqis sinjifikattiv tal-ishma mis-suq wara l-konċessjoni tal-għajnuna inkwistjoni. L-għoti ta’ għajnuna mill-Istat jista’ jippreġudika s-sitwazzjoni kompetittiva ta’ operatur anki b’modi oħra, b’mod partikolari, billi jikkawża telf mid-dħul jew żvilupp inqas favorevoli minn dak li kien jirriżulta fin-nuqqas ta’ tali għajnuna. Barra minn hekk, l-intensità ta’ din il-ħsara tista’ tvarja skont numru kbir ta’ fatturi bħal, b’mod partikolari, l-istruttura tas-suq inkwistjoni jew in-natura tal-għajnuna inkwistjoni. Il-prova ta’ ħsara sostanzjali lill-pożizzjoni ta’ kompetitur fis-suq ma tistax, għaldaqstant, tkun limitata għall-preżenza ta’ ċerti elementi li jindikaw li jkun mar lura fil-kapaċitajiet kummerċjali jew finanzjarji tiegħu (ara s-sentenza British Aggregates vs Il-Kummissjoni, punt 39 iktar ’il fuq, EU:C:2008:757, punt 53 u l-ġurisprudenza ċċitata).

43      Insostenn tal-affermazzjoni tagħha li l-pożizzjoni tal-parti l-kbira tal-membri tagħha hija sostanzjalment affettwata mill-miżura ta’ għajnuna inkwistjoni, ir-rikorrenti ssostni li r-rata ta’ tassazzjoni applikabbli għalihom, li hija ogħla minn dik għal-logħob online, timplika li r-rebħ tal-parteċipanti tal-impriżi membri jkun iktar dgħajjef milli jkun kieku din ir-rata kienet inqas għolja. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti tirreferi, bħala eżempju, għal żewġ impriżi fost il-membri tagħha, li d-dħul mill-bejgħ tagħhom huwa bbażat fuq il-ġestjoni ta’ slot machines fiżiċi. Skont ir-rikorrenti, fuq medda ta’ żmien xi ftit jew wisq twil, id-dgħufija relattiva tal-aspettattivi ta’ rebħ għall-parteċipanti twassal sabiex dawn jibdew jirrikorru minflok għal-logħob online. Barra minn hekk, il-marġni benefiċjarja iktar dgħajfa taffettwa negattivament is-sitwazzjoni kompetittiva tal-membri tagħha, b’mod partikolari minħabba li l-operaturi tal-logħob online għandhom mezzi ikbar għar-reklamar kummerċjali u l-miżuri l-oħra tal-istess natura. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti tirreferi għar-riżultati tal-kalkoli dwar id-dħul mill-bejgħ ta’ waħda mill-impriżi membri tagħha. Dawn ir-riżultati juru tnaqqis fid-dħul ta’ din l-impriża ta’ madwar żewġ terzi jekk, għal raġunijiet ta’ kompetizzjoni, ir-rata ta’ ridistribuzzjoni tiżdied mingħajr ma jinbidel il-livell stabbilit.

44      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-Liġi dwar id-Dazji fuq il-Logħob tipprovdi b’mod partikolari regoli dwar it-taxxi fuq il-logħob applikabbli għad-detenturi ta’ liċenzja għal ġestjoni tal-logħob f’casino online, għad-detenturi ta’ liċenzja għal ġestjoni tal-logħob f’casinos fiżiċi u għad-detenturi ta’ liċenzja għal ġestjoni tal-logħob fuq is-slot machines fi swali tal-logħob u stabbilimenti tal-ikel, bħall-membri tar-rikorrenti. Filwaqt li dawk tal-ewwel klassifikazzjoni għandhom iħallsu taxxa ta’ 20 % tad-dħul gross tal-logħob, dawk tat-tieni għandhom iħallsu taxxa bażika ta’ 45 % tad-dħul gross tal-logħob u taxxa addizzjonali fuq 30 % tal-parti mid-dħul gross tal-logħob li teċċedi DKK 4 miljun. Dawk tat-tielet klassifikazzjoni għandhom iħallsu taxxa ta’ 41 % tad-dħul gross tal-logħob. Barra minn hekk, l-apparati installati fi stabbilimenti tal-ikel u fi swali tal-logħob huma suġġetti għal taxxa addizzjonali ta’ 30 % fuq il-parti mid-dħul gross tal-logħob li teċċedi DKK 30 000 u DKK 250 000, rispettivament.

45      Huwa minnu li, fid-dawl tal-fatt li l-operaturi tal-logħob online u l-operaturi tal-logħob mhux online jinsabu f’sitwazzjoni fattwali u legali komparabbli, kif il-Kummissjoni kkonstatat fil-premessa 94 tad-deċiżjoni kkontestata, ma jistax jiġi konkluż li l-miżura ta’ għajnuna inkwistjoni, li tistabbilixxi rata ta’ tassazzjoni ħafna iktar dgħajfa għal dawk tal-ewwel milli għal dawk tat-tieni, ma tikkawżax għal dawn tal-aħħar nuqqas ta’ dħul jew żvilupp inqas favorevoli minn dak li kien jirriżulta fl-assenza ta’ tali għajnuna.

46      Madankollu, ir-rikorrenti ma wrietx li minn dawn iċ-ċirkustanzi jirriżulta li l-membri tagħha kienu jinsabu f’sitwazzjoni li tindividwalizzahom b’mod simili għal dak tad-destinatarju tad-deċiżjoni kkontestata.

47      L-ewwel nett, fil-fatt, ir-rikorrenti kkonfermat, bi tweġiba għal mistoqsija li saret fis-seduta, li r-riżultati tal-kalkoli dwar id-dħul mill-bejgħ ta’ waħda mill-impriżi membri tagħha, li juru tnaqqis fid-dħul ta’ din l-impriża ta’ madwar żewġ terzi, juru biss li l-mekkaniżmu implementat mill-miżura ta’ għajnuna japplika, kif hija tirrikonoxxi, għall-membri kollha tagħha u mhux partikolarment għal din l-impriża. Minn dan isegwi li, skont ir-rikorrenti, it-tmenin membru tagħha huma lkoll ikkonċernati mid-deċiżjoni kkontestata b’mod identiku, jiġifieri fil-kwalità oġġettiva tagħhom ta’ operaturi tal-logħob fuq is-slot machines fid-Danimarka.

48      It-tieni nett, għandu jiġi kkonstatat li, bi tweġiba għal mistoqsija li saret fis-seduta, ir-rikorrenti indikat ukoll li, fil-fehma tagħha, il-mekkaniżmu implementat mill-miżura ta’ għajnuna inkwistjoni, sa fejn dan jaffettwa s-sitwazzjoni ekonomika tal-membri tagħha, ma japplikax biss għal dawn tal-aħħar, iżda għall-operaturi kollha tal-logħob fuq is-slot machines fid-Danimarka. L-argumentazzjoni mressqa mir-rikorrenti tikkonċerna għalhekk l-operaturi kollha tal-logħob fuq is-slot machines fid-Danimarka u ma hijiex ta’ natura li tistabbilixxi l-aspett partikolari tas-sitwazzjoni ta’ membru jew ta’ diversi membri tagħha.

49      It-tielet nett, għandu jiġi rrilevat li r-rikorrenti ma wrietx sa liema grad l-impatt tal-Liġi dwar id-Dazji fuq il-Logħob fuq il-pożizzjoni tal-membri tagħha fis-suq inkwistjoni huwa differenti mill-impatt ta’ din il-liġi fuq il-pożizzjoni tal-operaturi tal-logħob f’casinos fiżiċi. Fil-fatt, skont din il-liġi, l-operaturi tal-logħob f’casinos fiżiċi huma suġġetti wkoll għal rata ta’ tassazzjoni ferm ogħla minn dik prevista għall-operaturi tal-logħob f’casino online (ara l-punt 44 iktar ’il fuq). Issa, ir-rikorrenti ma pproduċietx provi li jippermettu li jiġi kkonstatat li l-mekkaniżmu implementat, fil-fehma tagħha, mill-miżura ta’ għajnuna inkwistjoni fir-rigward tas-sitwazzjoni ekonomika tal-membri tagħha ma kienx japplika bl-istess mod għall-operaturi tal-logħob f’casinos fiżiċi. L-argumentazzjoni mressqa mir-rikorrenti ma tikkonċernax għalhekk biss l-operaturi tal-logħob fuq is-slot machines fid-Danimarka, iżda wkoll l-operaturi kollha tal-logħob f’casinos fiżiċi f’dan l-Istat Membru.

50      F’dan ir-rigward, għandha wkoll titfakkar il-ġurisprudenza stabbilita li l-possibbiltà li jiġi ddeterminat, b’xi ftit jew wisq preċiżjoni, in-numru jew ukoll l-identità tal-individwi li għalihom tapplika miżura ma timplikax li dawn l-individwi għandhom jitqiesu li huma kkonċernati individwalment minn din il-miżura ladarba din l-applikazzjoni hija effettwata fuq il-bażi ta’ sitwazzjoni oġġettiva ta’ dritt jew ta’ fatt iddefinita mill-att inkwistjoni (ara s-sentenza Telefónica vs Il‑Kummissjoni, punt 30 iktar ’il fuq, EU:C:2013:852, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata).

51      Ir-raba’ nett, għandu jiġi rrilevat li r-rikorrenti ma wrietx il-portata tal-impatt li l-miżura ta’ għajnuna inkwistjoni jista’ jkollha fuq is-sitwazzjoni ekonomika tal-membri tagħha. Ċertament, meta pproduċiet kalkoli dwar id-dħul mill-bejgħ ta’ waħda mill-impriżi membri tagħha, ir-rikorrenti riedet turi l-impatt li l-miżura ta’ għajnuna inkwistjoni seta’ jkollha fuq is-sitwazzjoni ekonomika tal-membri tagħha skont evalwazzjoni li saret fil-mument tal-preżentata tar-rikors. Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma pprovdiet ebda fatt li jsostni dawn il-kalkoli, b’mod li dawn tal-aħħar għandhom neċessarjament natura ipotetika peress li l-Liġi dwar id-Dazji fuq il-Logħob daħlet fis-seħħ biss wara l-preżentata ta’ dan ir-rikors, jiġifieri fl-1 ta’ Jannar 2012. Barra minn hekk, ma huwiex eskluż li tnaqqis fid-dħul mill-bejgħ tal-membri tar-rikorrenti jkun imputabbli għall-effetti tal-kriżi ekonomika fl-Unjoni, kif jafferma r-Renju tad-Danimarka.

52      Peress li r-rikorrenti ma wrietx, minn naħa, li l-konsegwenzi tal-miżura ta’ għajnuna ma taffettwax biss il-membri tagħha fil-kwalità oġġettiva tagħhom ta’ operaturi tal-logħob mhux online fid-Danimarka, fuq l-istess bażi bħal kull operatur ekonomiku ieħor li jinsab f’sitwazzjoni identika, lanqas, min-naħa l-oħra, il-portata tal-impatt li din il-miżura seta’ jkollha fuq is-sitwazzjoni ekonomika tal-membri tagħha, hija ma wrietx, għalhekk, li l-miżura ta’ għajnuna inkwistjoni setgħet toħloq preġudizzju sostanzjali għall-pożizzjoni ta’ membru jew diversi membri tagħha fis-suq ikkonċernat. Għalhekk, il-membri tar-rikorrenti u, konsegwentement, din tal-aħħar ma humiex individwalment ikkonċernati mid-deċiżjoni kkontestata.

 Fuq l-eżistenza ta’ att regolatorju li ma jinvolvix miżuri ta’ implementazzjoni

53      Ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni kkontestata tikkostitwixxi att regolatorju li ma jinvolvix miżuri ta’ implementazzjoni fis-sens tal-aħħar parti tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE.

54      Għandu jiġi rrilevat li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà stabbilixxiet li l-kunċett ta’ att regolatorju li ma jinvolvix miżuri ta’ implementazzjoni, fis-sens tat-tieni parti tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, għandu jiġi interpretat fid-dawl tal-għan ta’ din id-dispożizzjoni li, kif jirriżulta mill-istabbiliment tagħha, huwa dak li jiġi evitat li individwu jkun kostrett jikser il-liġi sabiex ikun jista’ jaċċedi għall-qorti. Issa, meta att regolatorju jipproduċi direttament effetti fuq is-sitwazzjoni legali ta’ persuna fiżika jew ġuridika mingħajr ma jeżiġi miżuri ta’ implementazzjoni, din tal-aħħar tirriskja li ma jkollhiex protezzjoni ġudizzjarja effettiva jekk hija ma jkollhiex rimedju dirett quddiem il-qorti tal-Unjoni sabiex tikkontesta l-legalità ta’ dan l-att regolatorju. Fil-fatt, fl-assenza ta’ miżuri ta’ implementazzjoni, persuna fiżika jew ġuridika, anki jekk direttament ikkonċernata mill-att inkwistjoni, tkun tista’ tikseb stħarriġ ġudizzjarju ta’ dan l-att biss wara li tkun kisret id-dispożizzjonijiet ta’ dan l-att billi tinvoka l-illegalità tagħhom fl-ambitu tal-proċeduri miftuħa kontra tagħha quddiem il-qrati nazzjonali (sentenza Telefónica vs Il-Kummissjoni, punt 30 iktar ’il fuq, EU:C:2013:852, punt 27).

55      Il-Qorti tal-Ġustizzja speċifikat ukoll li, meta att regolatorju jinvolvi miżuri ta’ implementazzjoni, l-istħarriġ ġudizzjarju tal-osservanza tal-ordinament ġuridiku tal-Unjoni huwa żgurat indipendentement mill-kwistjoni ta’ jekk dawn il-miżuri joriġinawx mill-Unjoni jew mill-Istati Membri. Peress li l-persuni fiżiċi jew ġuridiċi ma jistgħux, minħabba l-kundizzjonijiet ta’ ammissibbiltà previsti fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, jikkontestaw att regolatorju direttament quddiem il-qorti tal-Unjoni, dawn huma protetti mill-applikazzjoni fil-konfront tagħhom ta’ tali att permezz tal-possibbiltà li jikkontestaw il-miżuri ta’ implementazzjoni li dan l-att jinvolvi (sentenza Telefónica vs Il-Kummissjoni, punt 30 iktar ’il fuq, EU:C:2013:852, punt 28).

56      Għandu wkoll jitfakkar li, għall-finijiet ta’ evalwazzjoni tal-kwistjoni ta’ jekk att regolatorju jinvolvix miżuri ta’ implementazzjoni, huwa meħtieġ li wieħed jiffoka fuq il-pożizzjoni tal-persuna li tinvoka d-dritt ta’ azzjoni skont l-aħħar parti tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE (sentenza Telefónica vs Il-Kummissjoni, EU:C:2013:852, punt 30).

57      Barra minn hekk, sabiex jiġi vverifikat jekk l-att ikkontestat jinvolvix miżuri ta’ implementazzjoni, għandu jsir riferiment biss għall-għan tar-rikors (sentenza Telefónica vs Il-Kummissjoni, punt 30 iktar ’il fuq, EU:C:2013:852, punt 31).

58      Fil-każ ineżami, ir-rikorrenti tfittex bir-rikors tagħha l-annullament tal-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata, li ġiet adottata fl-20 ta’ Settembru 2011, u li permezz tagħha l-Kummissjoni ddikjarat l-għajnuna inkwistjoni inkompatibbli mas-suq intern. Dan l-artikolu ma jiddefinixxix il-konsegwenzi speċifiċi u konkreti ta’ din id-dikjarazzjoni għal kull wieħed mill-kontribwenti. Barra minn hekk, mit-tielet premessa tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li d-dħul fis-seħħ tal-Liġi dwar id-Dazji fuq il-Logħob ġie pospost mill-awtoritajiet Daniżi sakemm il-Kummissjoni tkun tat deċiżjoni finali fil-każ inkwistjoni, konformement mal-Artikolu 108(3) TFUE. Skont din il-liġi, l-awtoritajiet Daniżi kellhom jistabbilixxu d-data tad-dħul fis-seħħ tagħha. Il-Liġi dwar id-Dazji fuq il-Logħob daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2012.

59      Minn dan isegwi li l-konsegwenzi speċifiċi u konkreti tad-deċiżjoni kkontestata fir-rigward tal-membri tar-rikorrenti ġew materjalizzati b’atti nazzjonali, jiġifieri l-Liġi dwar id-Dazji fuq il-Logħob, li permezz tagħha ġiet introdotta fid-Danimarka l-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni, u l-atti li saru għall-implementazzjoni ta’ din il-liġi li jistabbilixxu l-ammont tat-taxxi dovuti mill-persuni taxxabbli, li jikkostitwixxu bħala tali miżuri ta’ implementazzjoni li d-deċiżjoni kkontestata tittratta, fis-sens tal-aħħar parti tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-27 ta’ Frar 2014, Stichting Woonpunt et vs Il-Kummissjoni, C‑132/12 P, Ġabra, EU:C:2014:100, punt 53, u Stichting Woonlinie et vs Il-Kummissjoni, C‑133/12 P, Ġabra, EU:C:2014:105, punt 40). Dawn l-atti kellhom jintervjenu wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata sabiex l-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni tipproduċi effetti fir-rigward tal-membri tar-rikorrenti. Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li peress li dawn l-atti setgħu jiġu kkontestati quddiem qorti nazzjonali, kif jafferma wkoll ir-Renju tad-Danimarka, il-membri tar-rikorrenti setgħu jaċċedu għal qorti, u dan mingħajr ma kienu kostretti jiksru l-liġi. Fil-fatt, fl-ambitu ta’ azzjoni quddiem il-qrati nazzjonali, huma setgħu jsostnu l-invalidità tad-deċiżjoni kkontestata u jwasslu lil dawn tal-aħħar sabiex jagħmlu rinviju, fuq il-bażi tal-Artikolu 267 TFUE, lill-Qorti tal-Ġustizzja permezz ta’ domandi preliminari (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-3 ta’ Ottubru 2013, Inuit Tapiriit Kanatami et vs Il-Parlament u Il-Kunsill, C‑583/11 P, Ġabra, EU:C:2013:625, punt 93, u Telefónica vs Il‑Kummissjoni, EU:C:2013:852, punt 29).

60      Konsegwentement, indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk id-deċiżjoni kkontestata tikkostitwixxix att regolatorju fis-sens tal-aħħar parti tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, ir-rikors tar-rikorrenti ma jissodisfax il-kundizzjonijiet ta’ ammissibbiltà previsti f’din id-dispożizzjoni.

61      Fid-dawl tal-premess u mingħajr ma huwa neċessarju li jiġi indirizzat l-interess dirett tal-membri tar-rikorrenti, ir-rikors għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli minħabba nuqqas ta’ locus standi tar-rikorrenti.

 Fuq l-ispejjeż

62      Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Skont l-Artikolu 87(4) tal-istess regoli, l-Istati Membri li jintervjenu fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.

63      Peress li r-rikorrenti tilfet, hija għandha tiġi kkundannata tbati, minbarra l-ispejjeż tagħha, l-ispejjeż sostnuti mill-Kummissjoni, Betfair u l‑EGBA, skont kif mitlub minn dawn tal-aħħar. Fir-rigward tal-ispejjeż marbuta mal-proċeduri għall-miżuri provviżorji, ir-rikorrenti għandha tiġi kkundannata tbati, minbarra l-ispejjeż tagħha, l-ispejjeż sostnuti mill-Kummissjoni, skont kif mitlub minn din tal-aħħar. Ir-Renju tad-Danimarka u r-Repubblika ta’ Malta għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Il-Ħames Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Dansk Automat Brancheforening għandha tbati, minbarra l-ispejjeż tagħha marbuta mal-proċedura prinċipali, dawk sostnuti mill-Kummissjoni Ewropea, Betfair Group plc, Betfair International Ltd u European Gaming and Betting Association (EGBA).

3)      Dansk Automat Brancheforening għandha tbati, minbarra l-ispejjeż tagħha marbuta mal-proċeduri għall-miżuri provviżorji, dawk sostnuti mill-Kummissjoni.

4)      Ir-Renju tad-Danimarka u r-Repubblika ta’ Malta għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.

Dittrich

Schwarcz

Tomljenović

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fis-26 ta’ Settembru 2014.

Firem


* Lingwa tal-kawża: id-Daniż.