Language of document : ECLI:EU:T:2021:822

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla)

24 ta’ Novembru 2021 (*)

“Servizz pubbliku – Persunal tal-BEI – Stat ta’ saħħa – Kapaċità li persuna taħdem – Assenza mhux iġġustifikata – Rikors għal annullament – Kunċett ta’ invalidità – Ġurisdizzjoni sħiħa – Tilwim ta’ natura pekunjarja – Ħlas retroattiv tal-pensjoni tal-invalidità – Rikors għad-danni”

Fil-Kawża T‑370/20,

KL, irrappreżentat minn L. Levi u A. Champetier, avukati,

rikorrent,

vs

Il-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI), irrappreżentat minn G. Faedo u M. Loizou, bħala aġenti, assistiti minn A. Duron, avukata,

konvenut,

li għandha bħala suġġett talba bbażata fuq l-Artikolu 270 TFUE u l-Artikolu 50a tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u li hija intiża, fl-ewwel lok, għall-annullament tad-deċiżjonijiet tal-BEI tat‑8 ta’ Frar u tat‑8 ta’ Marzu 2019 li jiddikjaraw lir-rikorrent bħala kapaċi li jaħdem u assenti b’mod mhux iġġustifikat sa mit‑18 ta’ Frar 2019 u, safejn hemm bżonn, tad-deċiżjoni tal-President tal-BEI tas‑16 ta’ Marzu 2020 li kkonfermat dawn id-deċiżjonijiet, fit-tieni lok, għall-kundanna tal-BEI għal ħlas retroattiv tal-pensjoni tal-invalidità tar-rikorrent sa mill‑1 ta’ Frar 2019 u, fit-tielet lok, għall-kumpens għad-dannu li r-rikorrent sofra minħabba dawn id-deċiżjonijiet,

IL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn S. Gervasoni, President, P. Nihoul (Relatur) u R. Frendo, Imħallfin,

Reġistratur: L. Ramette, amministratur,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura u wara s-seduta tal‑24 ta’ Ġunju 2021,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Ilfatti li wasslu għallkawża

1        Mill‑1997 sal‑2001, ir-rikorrent, KL, ħadem bħala konsulent tal-informatika għall-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI).

2        B’effett mill‑1 ta’ Settembru 2001, huwa kien impjegat mal-BEI taħt kuntratt għal żmien indeterminat.

3        Wara diversi perijodi ta’ assenza tar-rikorrent, il-BEI, b’ittra tat‑22 ta’ Mejju 2017, informah li A, il-konsulent mediku tal-BEI fil-qasam tal-inkapaċità, kien irrakkomanda li huwa jitqiegħed f’inkapaċità temporanja parzjali (ekwivalenti għal 50 %) għal perijodu ta’ sitt xhur b’effett mill‑1 ta’ Ġunju 2017.

4        Permezz ta’ ittra tal‑1 ta’ Ġunju 2017, ir-rikorrent ikkontesta r-rakkomandazzjoni ta’ A u talab proċedura ta’ arbitraġġ mediku biex tiġi evalwata l-allegata inkapaċità totali tiegħu biex jerġa’ jibda jaqdi l-funzjonijiet tiegħu mal-BEI.

5        Permezz ta’ ittra indirizzata lir-rikorrent tad‑9 ta’ Ottubru 2017, il-BEI ppreċiża li l-proċedura mitluba kienet dik prevista fl-Artikolu 4 tal-Anness X tad-dispożizzjonijiet amministrattivi applikabbli għall-persunal tal-BEI, adottati b’implimentazzjoni tar-Regolamenti tal-Persunal tal-BEI (iktar ’il quddiem id-“dispożizzjonijiet amministrattivi”), u informah li huwa kien ħatar lil B, bħala tabib indipendenti, biex iwettaqha.

6        Fit‑18 ta’ Ottubru 2017, ir-rikorrent iltaqa’ ma’ B, li kkonferma l-opinjoni ta’ A u bagħat il-konklużjoni tiegħu lil BEI u lir-rikorrent fid‑29 ta’ Novembru u fil‑11 ta’ Diċembru 2017 rispettivament.

7        Permezz ta’ ittra tal‑14 ta’ Diċembru 2017, il-BEI informa lir-rikorrent li kienu għaddejjin diskussjonijiet biex huwa jkun jista’ jirritorna għax-xogħol part-time għal perijodu ta’ tliet xhur f’kariga differenti minn dik li huwa kellu, bil-konsegwenza li, bejn l‑1 ta’ Jannar 2018 u r-reintegrazzjoni tiegħu, huwa jkun eżentat milli jippreżenta ruħu l-BEI.

8        F’faks tat‑28 ta’ Diċembru 2017, il-konsulent legali tar-rikorrent sostna li l-proċedura li kellha tiġi implimentata ma kinitx dik tal-arbitraġġ mediku, prevista fl-Artikolu 4 tal-Anness X tad-dispożizzjonijiet amministrattivi, imma dik tal-Kumitat tal-Invalidità, prevista fl-Artikolu 13‑1 tar-Regoli tranżitorji tal-iskema ta’ pensjoni applikabbli għall-membri tal-persunal tal-BEI (iktar ’il quddiem ir-“RTSP”). Għaldaqstant, huwa kkontesta l-konsegwenzi li dan tal-aħħar kellu l-intenzjoni jnissel mill-arbitraġġ mediku.

9        B’faks tad‑19 ta’ Jannar 2018, il-konsulent legali tar-rikorrent talab lill-BEI biex il-proċedura quddiem il-Kumitat tal-Invalidità tiġi implimentata fuq il-bażi tal-Artikolu 11.3 tad-dispożizzjonijiet amministrattivi u tal-Artikolu 13‑1 tar-RTSP.

10      F’ittra tas‑7 ta’ Frar 2018, il-BEI aċċetta t-talba tar-rikorrent u stiednu jaħtar tabib biex jirrappreżentah quddiem il-Kumitat tal-Invalidità kif ukoll biex jibgħatlu r-rapport ta’ dan tal-aħħar mhux iktar tard mis‑16 ta’ Frar 2018, u dan peress li, sakemm il-Kumitat tal-Invalidità jkun ta l-opinjoni tiegħu, huwa kien ser jitqies bħala li għandu inkapaċità temporanja totali.

11      B’faks tat‑28 ta’ Marzu 2018, il-konsulent legali tar-rikorrent informa lill-BEI li l-klijent tiegħu kien ħatar lit-tabib kuranti tiegħu, C, biex jirrappreżentah quddiem il-Kumitat tal-Invalidità u li d-dokumenti mediċi kollha li jirrigwardaw il-problema inkwistjoni kienu ser jiġu kkomunikati lil dan il-kumitat, malli dan jitwaqqaf.

12      B’faks tal‑24 ta’ April 2018, il-konsulent legali tar-rikorrent b’mod partikolari bagħat lill-BEI rapport minn C li jikkonċerna l-kwistjonijiet mediċi kkontestati u intiż għall-Kumitat tal-Invalidità.

13      Permezz ta’ ittra tas‑26 ta’ Ottubru 2018, il-BEI informa lir-rikorrent li l-Kumitat tal-Invalidità kien kompost minn C, it-tabib li jirrappreżenta lir-rikorrent, minn A, it-tabib li jirrappreżenta lill-BEI, u minn D, it-tabib maħtur bi qbil bejn l-ewwel tnejn, li kellu jippresjedi lill-Kumitat tal-Invalidità skont l-Artikolu 13‑1 tar-RTSP. Il-BEI stieden ukoll lir-rikorrent biex jippreżenta ruħu quddiem il-Kumitat tal-Invalidità fid‑9 ta’ Novembru 2018.

14      B’faks tat‑2 ta’ Novembru 2018, il-konsulent legali tar-rikorrent irrifjuta din l-istedina minħabba l-istat ta’ saħħa tal-klijent tiegħu.

15      F’ittra tas‑6 ta’ Novembru 2018, il-BEI indika lill-konsulent legali tar-rikorrent li l-istat ta’ saħħa tal-klijent tiegħu ma kienx jikkostitwixxi kontraindikazzjoni għall-preżenza tiegħu quddiem il-Kumitat tal-Invalidità, li, fuq kollox, kien iltaqa’ biex jevalwa dan l-istat ta’ saħħa fuq talba tal-imsemmija klijent.

16      Permezz ta’ ittra tal‑14 ta’ Novembru 2018, il-BEI sejjaħ lir-rikorrent għal laqgħa fil‑21 ta’ Novembru 2018 mat-tabib D biss, President tal-Kumitat tal-Invalidità, li għaliha r-rikorrent attenda.

17      Kif jirriżulta mill-punt 15 tal-kontroreplika, fil‑21 ta’ Diċembru 2018, il-BEI rċieva mingħand D dokument iffirmat minnu, bid-data tat‑18 ta’ Diċembru ta’ qabel u intitolat “Konklużjoni tal-Kumitat tal-Invalidità tad‑9/11/2018”. Il-kontenut tiegħu kien ifformulat kif ġej:

“Minħabba l-mard mentali tiegħu, [KL] ma jistax jirritorna għall-aħħar post tax-xogħol tiegħu u mal-aħħar persuna li impjegatu. Għaldaqstant huwa persuna invalida fir-rigward tal-BEI, imma mhux persuna invalida fir-rigward tas-suq ġenerali tax-xogħol. Il-Kumitat tal-Invalidità huwa unanimu f’dan ir-rigward” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

18      Mill-punt 16 tal-kontroreplika jirriżulta wkoll li, b’mod parallel, D bagħat lis-servizz mediku rapport sħiħ, bid-data wkoll tat‑18 ta’ Diċembru 2018 u intitolat “Perizja medika fil-kuntest tal-Kumitat tal-Invalidità tad‑9/11/2018”. Dan ir-rapport kien fiha l-istess konklużjoni bħad-dokument intitolat “Konklużjoni tal-Kumitat tal-Invalidità tad‑9/11/2018”.

19      Fis‑27 ta’ Diċembru 2018, ir-rikorrent bagħat tfakkira lill-BEI dwar l-opinjoni tal-Kumitat tal-Invalidità. Dan irrisponda li huwa kien għadu ma kienx irċieva din l-opinjoni.

20      Permezz tal-ittra tat‑8 ta’ Frar 2019, il-BEI informa lill-konsulent legali tar-rikorrent li, fit‑23 ta’ Jannar ta’ qabel, il-Kumitat tal-Invalidità kien bagħatlu d-deċiżjoni tiegħu, adottata unanimament, li tgħid li dan il-klijent ma kienx invalidu, u talbet lil dan tal-aħħar jerġa’ jidħol għax-xogħol b’effett mit‑18 ta’ Frar sussegwenti, wara li jkun għamel kuntatt mas-servizz tar-relazzjonijiet umani u tal-benesseri biex jiddiskuti l-kundizzjonijiet għar-reintegrazzjoni tiegħu. Ma’ din l-ittra ġew annessi tliet formoli, intitolati, “Invalidity committee decision” (deċiżjoni tal-Kumitat tal-Invalidità), li fihom il-kaxxa “not invalid” (mhux invalidu) kienet ġiet immarkata. Tnejn minn dawn il-formoli kellhom id-data tas‑16 ta’ Jannar 2019 u t-tielet waħda t‑23 ta’ Jannar sussegwenti (iktar ’il quddiem il-“formoli tas‑16 u tat‑23 ta’ Jannar 2019”). F’din l-istess ittra tat‑8 ta’ Frar 2019, il-BEI żied li s-servizz mediku tiegħu kien irċieva dokument supplimentari ta’ D, li jista’ jintbagħat lir-rikorrent fuq talba tiegħu.

21      Id-deċiżjoni li tinsab f’din l-ittra tat‑8 ta’ Frar 2019 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni tat‑8 ta’ Frar 2019”), inkwantu tiddikjara lir-rikorrent bħala kapaċi li jaħdem u assenti b’mod mhux iġġustifikat b’effett mit‑18 ta’ Frar 2019, tikkostitwixxi l-ewwel deċiżjoni kkontestata fil-kuntest ta’ dan ir-rikors.

22      B’faks tal‑14 ta’ Frar 2019, il-konsulent legali tar-rikorrent talab lill-BEI biex jibgħatlu l-opinjoni motivata tal-Kumitat tal-Invalidità, imsemmija fl-Artikolu 15‑3 tar-RTSP.

23      F’ittra tat‑8 ta’ Marzu 2019, il-BEI bagħat lill-konsulent legali tar-rikorrent id-dokument, imsemmi fil-punt 17 iktar ’il fuq, intitolat “Konklużjoni tal-Kumitat tal-Invalidità tad‑9/11/2018”, u spjega li huwa kien interpretah fis-sens li jissuġġerixxi arranġament li jgħid li r-rikorrent ikollu jitlaq b’mod definittiv minn mal-BEI filwaqt li jirċievi somma flus. Tali arranġament kien ikun possibbli fis-sistema ta’ sigurtà soċjali Lussemburgiża, imma mhux fil-kuntest ġuridiku tal-BEI.

24      Konsegwentement, fl-istess ittra, il-BEI rrepeta li, skont id-deċiżjoni tal-Kumitat tal-Invalidità li jiddikjarah mhux invalidu, ir-rikorrent kellu jerġa’ jidħol fis-servizz fit‑18 ta’ Frar 2019. Huwa żied li l-assenza tiegħu ser titqies bħala li hija mhux iġġustifikata skont l-Artikolu 3.4 tal-Anness X tad-dispożizzjonijiet amministrattivi, b’mod li l-ġranet li matulhom huwa ma kienx ħadem ser jitnaqqsu mil-leave annwali tiegħu.

25      Id-deċiżjoni li tinsab f’din l-ittra tat‑8 ta’ Marzu 2019, inkwantu tiddikjara lir-rikorrent bħala kapaċi li jaħdem u assenti b’mod mhux iġġustifikat sa mit‑18 ta’ Frar 2019 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni tat‑8 ta’ Marzu 2019”), tikkostitwixxi t-tieni deċiżjoni kkontestata fil-kuntest ta’ dan ir-rikors.

26      F’faks tad‑29 ta’ Marzu 2019 indirizzat lill-BEI, il-konsulent legali tar-rikorrent ikkontesta d-deċiżjonijiet tat‑8 ta’ Frar u tat‑8 ta’ Marzu 2019. Ma’ dan il-faks ġie anness ċertifikat mediku ta’ C, tal‑15 ta’ Marzu 2019, li fih dan espona li “l-opinjoni unanima [tal-Kumitat] tal-Invalidità, mogħtija fil-konklużjonijiet tiegħu tad‑9 ta’ Novembru 2018, [kienet] li [r-rikorrent kien] invalidu biex eventwalment jirritorna għax-xogħol mal-BEI” u li, li kieku fehem sewwa l-formola mibgħuta lill-BEI, “huwa kien jimmarka l-kaxxa ‘invalidu’ b’riferiment għall-BEI”.

27      F’ittra mibgħuta fit‑2 ta’ Mejju 2019 lill-konsulent legali tar-rikorrent, il-BEI kkonferma d-deċiżjonijiet tiegħu tat‑8 ta’ Frar u tat‑8 ta’ Marzu preċedenti.

28      Fis‑16 ta’ Mejju 2019, wara li għamel talba huwa stess, ir-rikorrent irċieva mingħand D id-dokument intitolat “Perizja medika fil-kuntest tal-Kumitat tal-Invalidità tad‑9/11/2018”, kif ukoll post-it iffirmata li tippreċiża li d-deċiżjoni tal-Kumitat tal-Invalidità kienet fil-fatt li tiddikjarah “invalidu fir-rigward tal-BEI”.

29      Fit‑8 ta’ Ġunju 2019, ir-rikorrent talab il-ftuħ ta’ proċedura ta’ konċiljazzjoni skont l-Artikolu 41 tar-Regolamenti tal-Persunal tal-BEI (iktar ’il quddiem ir-“Regolamenti tal-Persunal tal-BEI”). Din it-talba kienet tirrigwarda d-deċiżjoni tat‑8 ta’ Marzu 2019, inkwantu din kienet tikkonferma d-deċiżjoni tat‑8 ta’ Frar 2019, inkwantu din kienet tiddikjarah assenti b’mod mhux iġġustifikat b’effett mit‑18 ta’ Frar 2019 u kienet tapplika l-Artikolu 3.4 tal-Anness X tad-dispożizzjonijiet amministrattivi billi tnaqqas il-ġranet ta’ assenza mhux iġġustifikata mil-leave annwali tiegħu.

30      Permezz ta’ ittra tal‑25 ta’ Lulju 2019, il-BEI qabel mal-ftuħ ta’ tali proċedura.

31      B’effett mill‑1 ta’ Awwissu 2019, ir-rikorrent ma baqax jirċievi r-remunerazzjoni tiegħu, peress li l-ġranet tal-leave li kellu kienu nħlew.

32      Fit‑12 ta’ Settembru 2019, f’ittra indirizzata lir-rikorrent, it-tabib C spjega li, fl-ewwel lok, huwa kien immarka l-kaxxa “invalid” (invalidu), u mbagħad, wara li għamel kuntatt mal-BEI, li indikalu li ż-żewġ tobba l-oħra kienu mmarkaw il-kaxxa “not invalid” (mhux invalidu) u li huwa kellu jagħmel l-istess, huwa kien biddel ir-risposta tiegħu għal “not invalid”, u ħaseb li l-formola kienet ser isservi biex tindika li r-rikorrent kien mhux invalidu fir-rigward tas-suq ġenerali tax-xogħol.

33      F’messaġġ elettroniku tat-18 ta’ Settembru 2019, D kiteb lir-rikorrent:

“Il-BEI tani inkarigu li jien jidhirli li wettaqt. Il-konklużjoni tat-tliet tobba tal-kumitat ta’ perizja kienet dwar l-invalidità fir-rigward tal-aħħar post tax-xogħol, jiġifieri mal-BEI, imma mhux invalidità fir-rigward tas-suq ġenerali tax-xogħol, ħaġa li ma hijiex sinonima mal-kapaċità li terġa’ tibda taħdem mal-BEI. It-tliet tobba kienu tal-opinjoni li inti ma tistax tidħol lura għax-xogħol mal-BEI. Dan ġie indikat b’mod ċar fir-rapport tal-perizja u l-konklużjoni [tal-Kumitat] tal-Invalidità (li, minħabba raġunijiet ta’ sigriet mediku, tinkludi biss l-aħħar sentenza tar-rapport tal-perizja u mhux id-dijanjożi medika: ir-rapport tal-perizja ntbagħat biss lit-tabib tal-BEI). Jien bgħattlek dawn iż-żewġ dokumenti.

Ma nafx kif nista’ nkun iktar preċiż. Jekk l-amministrazzjoni tal-BEI tinterpreta dan ir-rapport u din il-konklużjoni bil-mod tagħhom, jeħtieġ li din tiġi ċċarata magħhom fuq livell ġuridiku. Skont il-perizja, inti invalidu fir-rigward tal-aħħar post tax-xogħol” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

34      Permezz ta’ messaġġ elettroniku tas‑27 ta’ Novembru 2019, il-konsulent legali tar-rikorrent sostna quddiem il-kummissjoni ta’ konċiljazzjoni li l-BEI kien wettaq żball meta applika l-konklużjonijiet tal-Kumitat tal-Invalidità, billi interpreta b’mod żbaljat il-kunċett ta’ invalidità tiegħu, kif jirriżulta mill-Artikolu 46‑1 tar-RTSP, li jgħid li l-invalidità kellha tiġi evalwata fir-rigward tal-pożizzjoni okkupata mill-impjegat ikkonċernat tal-BEI.

35      Fl‑20 ta’ Jannar 2020, il-President tal-kummissjoni ta’ konċiljazzjoni informa lill-President tal-BEI li l-proċedura ta’ konċiljazzjoni ma kinitx irnexxiet.

36      F’ittra tas‑16 ta’ Marzu 2020, il-BEI kkonstata li l-proċedura ta’ konċiljazzjoni ma kinitx irnexxiet u kkomunika l-konklużjonijiet ta’ din il-kummissjoni lir-rikorrent. Id-deċiżjoni li tinsab f’din l-ittra, inkwantu timplimenta l-konklużjonijiet tal-kummissjoni ta’ konċiljazzjoni u, konsegwentement, tikkonferma d-deċiżjonijiet tat‑8 ta’ Frar u tat‑8 ta’ Marzu 2019, hija kkontestata safejn hemm bżonn f’dan ir-rikors.

37      Bejn it‑18 ta’ Frar 2019 u t‑28 ta’ Diċembru 2020, ir-rikorrent ippreżenta d-diversi ċertifikati mediċi biex jiġġustifika l-assenzi tiegħu mix-xogħol.

38      Fit‑12 ta’ Ġunju, fit‑18 ta’ Lulju, fit‑13 ta’ Awwissu, fil‑25 ta’ Settembru, fit‑28 ta’ Ottubru, fl‑14 ta’ Novembru, fit‑18 ta’ Diċembru 2019 kif ukoll fil‑15 u fil‑25 ta’ Frar 2020, il-BEI sejħet lir-rikorrent għal kontrolli mediċi li kellhom iseħħu fit‑18 ta’ Ġunju, fit‑8 ta’ Awwissu, fis‑27 ta’ Awwissu, fit‑2 ta’ Ottubru, fl‑4 ta’ Novembru, fil‑25 ta’ Novembru, fit‑23 ta’ Diċembru 2019 kif ukoll fit‑3 u fit‑28 ta’ Frar 2020 rispettivament.

39      Ir-rikorrent, permezz tal-konsulent legali tiegħu, irrifjuta li jkun suġġett għal dawn il-kontrolli u bagħat iċ-ċertifikati mediċi li jattestaw l-inkapaċità tiegħu biex jattendi għalihom.

 Ilproċedura u ttalbiet talpartijiet

40      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil‑11 ta’ Ġunju 2020, ir-rikorrent ippreżenta dan ir-rikors.

41      Permezz ta’ ittra ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-istess ġurnata, ir-rikorrent ippreżenta talba intiża għall-anonimat. Il-Qorti Ġenerali laqgħet din it-talba b’deċiżjoni tal‑21 ta’ Lulju 2020.

42      Ir-risposta, ir-replika u l-kontroreplika ġew ippreżentati fis‑17 ta’ Settembru 2020, fil‑25 ta’ Novembru 2020 u fid‑19 ta’ Jannar 2021 rispettivament.

43      Fis‑26 ta’ April 2021, ir-rikorrent, fuq il-bażi tal-Artikolu 85(3) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, ipproduċa provi ġodda.

44      Fis‑27 ta’ April 2021, fuq proposta tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (ir-Raba’ Awla) iddeċidiet li tiftaħ il-fażi orali tal-proċedura u, fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 89 tar-Regoli tal-Proċedura, stiednet lill-partijiet jippreżentaw ċerti dokumenti u għamlitilhom ċerti mistoqsijiet bil-miktub filwaqt li talbithom iwieġbu għalihom bil-miktub. Il-partijiet wieġbu għal dawn it-talbiet fit-terminu impost.

45      Is-sottomissjonijiet orali tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tal‑24 ta’ Ġunju 2021.

46      Waqt is-seduta, il-Qorti Ġenerali talbet, min-naħa, lill-BEI biex jipproduċi dokumenti ġodda u jwieġeb għal diversi mistoqsijiet u, min-naħa l-oħra, lir-rikorrent biex jippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu fuq it-tweġibiet mogħtija mill-BEI, ħaġa li ż-żewġ partijiet għamlu fit-termini imposti.

47      Il-fażi orali tal-proċedura ngħalqet fid‑29 ta’ Lulju 2021.

48      Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjonijiet tat‑8 ta’ Frar u tat‑8 ta’ Marzu 2019 li jiddikjaraw lir-rikorrent bħala kapaċi li jaħdem u assenti b’mod mhux iġġustifikat mit‑18 ta’ Frar 2019;

–        sa fejn meħtieġ, tannulla d-deċiżjoni tal-President tal-BEI tas‑16 ta’ Marzu 2020 li tikkonferma l-konklużjonijiet tal-kummissjoni ta’ konċiljazzjoni u, konsegwentement, id-deċiżjonijiet tat‑8 ta’ Frar u tat‑8 ta’ Marzu 2019;

–        għaldaqstant, tikkundanna lill-BEI għall-ħlas retroattiv tal-pensjoni tal-invalidità dovuta bħala prinċipju mill‑1 ta’ Frar 2019, u, sakemm isir il-ħlas komplet, tal-interessi moratorji ffissati bir-rata ta’ interessi tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) miżjuda b’żewġ punti;

–        tikkundanna lil BEI għall-kumpens tad-dannu morali tiegħu;

–        tikkundanna lil BEI għall-ispejjeż kollha.

49      Il-BEI jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors bħala parzjalment inammissibbli;

–        tiċħad ir-rikors bħala infondat kollu kemm hu;

–        tikkundanna lir-rikorrent għall-ispejjeż kollha.

 Fiddritt

 Fuq ittalba għallannullament

50      Insostenn tat-talba għall-annullament tiegħu, ir-rikorrent jinvoka żewġ motivi. L-ewwel motiv huwa bbażat fuq il-ksur tal-Artikoli 46‑1 u 48‑1 tar-RTSP u tal-Artikoli 11.1 u 11.3 tad-dispożizzjonijiet amministrattivi kif ukoll fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni, filwaqt li t-tieni wieħed huwa bbażat fuq ksur tad-dmir ta’ premura.

51      Fl-ewwel motiv, ir-rikorrent isostni b’mod partikolari li, meta qies, fid-deċiżjonijiet tat‑8 ta’ Frar u tat‑8 ta’ Marzu 2019, ikkonfermati b’dik tas‑16 ta’ Marzu 2020 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjonijiet ikkontestati”), li huwa kien kapaċi jaħdem u li kien assenti b’mod mhux iġġustifikat sa mit‑18 ta’ Frar 2019, il-BEI, min-naħa, kiser l-Artikoli 46‑1 u 48‑1 tar-RTSP kif ukoll l-Artikoli 11.1 u 11.3 tad-dispożizzjonijiet amministrattivi u, min-naħa l-oħra, wettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni.

52      Skont ir-rikorrent, dawn l-illegalitajiet jirriżultaw mill-fatt li l-Kumitat tal-Invalidità kien iddikjarah invalidu fir-rigward tax-xogħol mal-BEI f’żewġ dokumenti, intitolati rispettivament “Perizja medika fil-kuntest tal-Kumitat tal-Invalidità tad‑9/11/2018” u “Konklużjoni tal-Kumitat tal-Invalidità tad‑9/11/2018”.

53      Il-pożizzjoni fformulata mill-Kumitat tal-Invalidità f’dawn iż-żewġ dokumenti kienu ġew ikkorroborati, min-naħa, miċ-ċertifikat ta’ C tat‑12 ta’ Settembru 2019 u, min-naħa l-oħra, mill-messaġġ elettroniku ta’ D tat‑18 ta’ Settembru 2019.

54      Skont ir-rikorrent, biex jiġi ddikjarat invalidu fis-sens tal-Artikolu 46‑1 tar-RTSP, huwa biżżejjed li l-membru tal-persunal jew l-uffiċjal ikun invalidu fir-rigward tal-BEI mingħajr ma tkun trid tiġi stabbilita l-invalidità fir-rigward tas-suq ġenerali tax-xogħol.

55      Min-naħa l-oħra, il-BEI jsostni li l-opinjoni tal-Kumitat tal-Invalidità ma tinsabx fid-dokumenti ċċitati mir-rikorrent, imma fil-formoli tas‑16 u tat‑23 ta’ Jannar 2019, li fihom it-tliet membri tal-Kumitat tal-Invalidità mmarkaw il-kaxxa “not invalid” (mhux invalidu). Flimkien, dawn it-tliet formoli jikkostitwixxu l-opinjoni li l-Kumitat tal-Invalidità kellu jibgħatlu skont l-Artikolu 15‑4 tar-RTSP.

56      Il-BEI jsostni li mill-opinjoni tal-Kumitat tal-Invalidità, li tqis lir-rikorrent bħala “mhux invalidu”, jirriżulta li huwa kellu jerġa’ jidħol għax-xogħol mal-BEI fit‑18 ta’ Frar 2019 u, fin-nuqqas, jitqies bħala assenti b’mod mhux iġġustifikat b’effett minn din id-data, u dan kif huwa indika fid-deċiżjonijiet tat‑8 ta’ Frar u tat‑8 ta’ Marzu 2019.

57      Skont il-BEI, ir-RTSP jirrikonoxxu tip ta’ invalidità waħda biss, jiġifieri l-invalidità għas-suq ġenerali tax-xogħol, u mhux invalidità li teżisti biss fir-rigward tal-BEI.

 Fuq iddokumenti li jikkostitwixxu lopinjoni talKumitat talInvalidità

58      Kif jirriżulta mill-punti 52, 53 u 55 iktar ’il fuq, il-partijiet ma jaqblux fuq id-dokumenti li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni biex jiġi stabbilit jekk, skont il-Kumitat tal-Invalidità, ir-rikorrent kienx invalidu jew le.

59      F’dan il-każ, mill-punti 17,18 u 20 iktar ’il fuq, jirriżulta li, fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjonijiet tat‑8 ta’ Frar u tat‑8 ta’ Marzu 2019, il-BEI kellu:

–        id-dokument intitolat “Konklużjoni tal-Kumitat tal-Invalidità tad‑9/11/2018”, li rċevieh fil‑21 ta’ Diċembru 2018;

–        il-formoli tas‑16 u tat‑23 ta’ Jannar 2019, li rċevihom f’Jannar 2019;

–        ir-rapport intitolat “Perizja medika fil-kuntest tal-Kumitat tal-Invalidità tad‑9/11/2018”, li kien indirizzat, fit‑18 ta’ Diċembru 2018, lis-servizz mediku tal-BEI, li, kif jinsab indikat fid-deċiżjoni tat‑8 ta’ Marzu 2019, ikkomunika l-kontenut tiegħu lill-amministrazzjoni tal-BEI mingħajr ma żvela d-data personali sensittiva; il-konklużjoni msemmija fil-qiegħ ta’ dan id-dokument taqbel ma’ dik li tinsab fid-dokument intitolat “Konklużjoni tal-Kumitat tal-Invalidità tad‑9/11/2018”.

60      Fl-atti tagħha fil-proċedura, il-BEI jsostni li, fost dawn id-dokumenti, huma biss il-formoli tas‑16 u tat‑23 ta’ Jannar 2019 li setgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni, u dan għal erba’ raġunijiet.

61      Fl-ewwel lok, dawn il-formoli jikkostitwixxu l-uniku dokument uffiċjali li huwa awtentiku, li fihom l-opinjoni tal-Kumitat tal-Invalidità skont l-Artikolu 15‑4 tar-RTSP.

62      Fit-tieni lok, l-imsemmija formoli saru wara d-dokument intitolat “Konklużjoni tal-Kumitat tal-Invalidità tad‑9/11/2018”.

63      Fit-tielet lok, il-formoli tas‑16 u tat‑23 ta’ Jannar 2019 ġew iffirmati mit-tliet membri tal-Kumitat tal-Invalidità, filwaqt li d-dokument intitolat “Konklużjoni tal-Kumitat tal-Invalidità tad‑9/11/2018” kien iffirmat biss minn D.

64      Fir-raba’ lok, it-titolu ta’ dan l-aħħar dokument fih data qarrieqa, inkwantu r-rikorrent ma ġiex eżaminat mill-Kumitat tal-Invalidità fid‑9 ta’ Novembru 2018.

65      Għal dak li jirrigwarda l-ewwel argument tal-BEI, għandu jiġi rrilevat li dan tal-aħħar ma pproduċiex regolament jew dispożizzjoni ta’ natura interna li minnha jirriżulta li l-opinjoni tal-Kumitat tal-Invalidità kkomunikata lill-amministrazzjoni tiegħu skont l-Artikolu 15‑4 tar-RTSP kellha bilfors tkun espressa f’formola bħalma hija dik tas‑16 u tat‑23 ta’ Jannar 2019. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma jistax jitqies li dawn il-formoli kienu jikkostitwixxu l-uniku dokument uffiċjali li ħareġ mill-Kumitat tal-Invalidità li l-BEI kien awtorizzat jieħu inkunsiderazzjoni biex jiddikjara lir-rikorrent invalidu.

66      Għal dak li jirrigwarda t-tieni argument tal-BEI, jeħtieġ li jiġi rrilevat li l-fatt li d-dokument intitolat “Konklużjoni tal-Kumitat tal-Invalidità tad‑9/11/2018” ġie qabel il-formoli tas‑16 u tat‑23 ta’ Jannar 2019 ma kienx jikkostitwixxi ostakolu biex dan jittieħed inkunsiderazzjoni, peress li l-kontenut tiegħu ma ġiex invalidat mill-membri tal-Kumitat tal-Invalidità meta huma mlew dawn il-formoli. Kieku l-membri tal-Kumitat tal-Invalidità xtaqu jirrevedu l-evalwazzjoni magħmula fl-ewwel dokument, jew li jikkwalifikawha, kien ikun biżżejjed għalihom li jagħmlu indikazzjoni f’dan is-sens fuq l-imsemmija formoli.

67      Għal dak li jirrigwarda t-tielet argument tal-BEI, jeħtieġ li jiġi kkonstatat li, għalkemm id-dokument intitolat “Konklużjoni tal-Kumitat tal-Invalidità tad‑9/11/2018” huwa effettivament iffirmat biss mit-tabib D, huwa jirreferi għall-Kumitat tal-Invalidità kollu u jindika taħt dan it-titolu “Kompożizzjoni tal-Kumitat: Dr [C], Dr [A], Dr [D]”. Issa, skont l-Artikolu 15‑2 tar-RTSP, il-Kumitat tal-Invalidità jirregola huwa stess il-proċedura tiegħu. Fl-assenza ta’ dispożizzjoni prodotta mill-BEI, li minnha jkun jirriżulta li l-opinjoni tal-Kumitat tal-Invalidità għandu jkun iffirmat minn kull wieħed mill-membri tiegħu, dan id-dokument ma jistax jiġi injorat minħabba li huwa ffirmat biss mill-President tal-Kumitat tal-Invalidità, peress li dan seta’ kien imqabbad mill-membri l-oħra sabiex jistabbilixxih. Il-BEI ma pproduċa ebda prova li tindika li l-membri tal-Kumitat tal-Invalidità barra mill-President tiegħu ddistakkaw ruħhom mill-kontenut ta’ dan id-dokument u mir-rapport tal-perizja medika.

68      Għal dak li jirrigwarda r-raba’ argument tal-BEI, jeħtieġ li jiġi rrilevat li d-data tad‑9 ta’ Novembru 2018 li tinsab fit-titolu tal-imsemmi dokument ma tistax twassal biex dan id-dokument jiġi injorat minħabba l-fatt li r-rikorrent ma kienx deher quddiem il-Kumitat tal-Invalidità f’dik id-data.

69      Fil-fatt, għad-determinazzjoni tal-invalidità eventwali tar-rikorrent, tgħodd biss ir-realtà tal-konstatazzjonijiet magħmula minn kull membru tal-Kumitat tal-Invalidità fir-rigward tal-istat ta’ saħħa tiegħu u l-eżistenza ta’ maġġoranza jew ta’ unanimità fi ħdan dan il-kumitat biex tissostanzja l-konklużjoni li għaliha jkun wasal dan il-kumitat.

70      Issa, ebda wieħed minn dawn l-elementi ma ġie kkontestat quddiem il-Qorti Ġenerali. Min-naħa, mill-proċess jirriżulta li l-fajl mediku tar-rikorrent ġie studjat mit-tliet membri tal-Kumitat tal-Invalidità u li D iltaqa’ mar-rikorrent fil‑21 ta’ Novembru 2018. Min-naħa l-oħra, l-eżistenza ta’ qbil fi ħdan dan il-kumitat biex ir-rikorrent jitqies li kien invalidu fir-rigward tal-BEI, imma mhux fir-rigward tas-suq ġenerali tax-xogħol, ma ġietx ikkontestata mill-partijiet.

71      F’dawn iċ-ċirkustanzi, id-dokument intitolat “Konklużjoni tal-Kumitat tal-Invalidità tad‑9/11/2018” ma jistax jiġi injorat minħabba li d-data li tinsab fuqu ma hijiex dik li fiha ir-rikorrent ġie eżaminat mill-Kumitat tal-Invalidità.

72      Dan iktar u iktar għaliex din id-data ma hijiex neċessarjament żbaljata, peress li l-Kumitat tal-Invalidità seta’, fiċ-ċirkustanzi indikati fil-punt 70 iktar ’il fuq, jikkonstata sa mid‑9 ta’ Novembru 2018 l-eżistenza ta’ maġġoranza insostenn tal-konklużjoni li rriżultat li hija dik li huwa stess ikkonferma fil‑21 ta’ Novembru 2018 wara li eżamina lir-rikorrent.

73      Għaldaqstant, jeħtieġ li jiġu miċħuda l-argumenti invokati mill-BEI insostenn tal-pożizzjoni tiegħu li tgħid li huma biss il-formoli tas‑16 u tat‑23 ta’ Jannar 2019 li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni biex jiġi stabbilit il-kontenut tal-opinjoni tal-Kumitat tal-Invalidità u, għaldaqstant, biex tiġi evalwata l-legalità tad-deċiżjonijiet ikkontestati. Konsegwentement, dawn l-evalwazzjonijiet għandhom ikunu bbażati fuq l-imsemmija formoli kif ukoll fuq id-dokument intitolat “Konklużjoni tal-Kumitat tal-Invalidità tad‑9/11/2018”, li kien ġie kkonfermat mid-dokument intitolat “Perizja medika fil-kuntest tal-Kumitat tal-Invalidità tad‑9/11/2018”.

 Fuq ilkontenut talopinjoni talKumitat talInvalidità

74      Wara li d-dokumenti li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni ġew identifikati, jeħtieġ li jiġi stabbilit il-kontenut tal-opinjoni tal-Kumitat tal-Invalidità.

75      Mid-dokument intitolat “Konklużjoni tal-Kumitat tal-Invalidità tad‑9/11/2018”, li l-amministrazzjoni tal-BEI rċeviet fil‑21 ta’ Diċembru 2018, jirriżulta li, għat-tliet membri tal-Kumitat tal-Invalidità, ir-rikorrent ma baqax jista’ jaħdem mal-BEI, iżda li huwa kien għadu kapaċi jeżerċita attività professjonali barra mill-imsemmi BEI.

76      Din il-pożizzjoni tikkorrispondi ma’ dik espressa fil-qiegħ tad-dokument intitolat “Perizja medika fil-kuntest tal-Kumitat tal-Invalidità tad‑9/11/2018”, li ntbagħat fit‑18 ta’ Diċembru 2018 lis-servizz mediku tal-BEI, li, kif dan kiteb fit‑8 ta’ Marzu 2019, ikkomunikah lill-amministrazzjoni tiegħu filwaqt li minnu neħħa d-data personali sensittiva.

77      L-opinjoni tal-Kumitat tal-Invalidità, espressa b’dan il-mod, ma tikkontradixxix il-pożizzjoni adottata mit-tliet membri ta’ dan il-kumitat fil-formoli tas‑16 u tat‑23 ta’ Jannar 2019.

78      Fil-fatt, mid-deċiżjoni tat‑8 ta’ Marzu 2019, mill-punt 75 tar-risposta u mid-dikjarazzjonijiet li saru mill-BEI waqt is-seduta jirriżulta li, bejn il-komunikazzjoni taż-żewġ dokumenti msemmija fil-punti 75 u 76 iktar ’il fuq u t-trażmissjoni tal-formoli tas‑16 u tat‑23 ta’ Jannar 2019, seħħew kuntatti informali bejn il-BEI u, tal-inqas, il-President tal-Kumitat tal-Invalidità. Wara dawn il-kuntatti, il-membri ta’ dan il-kumitat setgħu jqisu li, peress li r-rikorrent ma huwiex invalidu fir-rigward tas-suq ġenerali tax-xogħol, kien jeħtieġ li tiġi mmarkata l-kaxxa “not invalid”, peress li din kienet it-tifsira tal-invalidità mogħtija mill-BEI.

79      Kontra din il-pożizzjoni, il-BEI jsostni li, meta indika fid-dokument intitolat “Konklużjoni tal-Kumitat tal-Invalidità tad‑9/11/2018” li r-rikorrent kien invalidu fir-rigward tal-BEI, imma mhux fir-rigward tas-suq ġenerali tax-xogħol, il-President tal-Kumitat tal-Invalidità kien issuġġerixxa, fir-realtà, forma ta’ arranġament finanzjarju eżistenti fid-dritt nazzjonali, li kien jippermetti lir-rikorrent jitlaq mill-istituzzjoni filwaqt li jingħata ċerta somma ta’ flus.

80      Barra mill-fatt li ma ġietx ipprovata, din l-allegazzjoni tikkonċerna r-raġunijiet li ħajjru lill-President tal-Kumitat tal-Invalidità sabiex jafferma, fid-dokument iċċitat iktar ’il fuq, li r-rikorrent seta’ jeżerċita attività professjonali fis-suq ġenerali tax-xogħol anki jekk huwa kien, minn issa ’l quddiem, inkapaċi li jaħdem fi ħdan il-BEI, iżda ma tikkontestax l-affermazzjoni nnifisha.

81      Konsegwentement, biex tiġi evalwata l-legalità tad-deċiżjonijiet ikkontestati, jeħtieġ li jiġi kkunsidrat li, skont l-opinjoni tal-Kummissjoni tal-Invalidità, ir-rikorrent ma kienx għadu jista’ jeżerċita l-funzjonijiet tiegħu mal-BEI, imma kien għadu kapaċi li jeżerċita attività professjonali fis-suq ġenerali tax-xogħol.

 Fuq ilkunċett ta’ invalidità użat flArtikolu 461 tarRTSP u flArtikolu 11.1 taddispożizzjonijiet amministrattivi

82      Ir-rikorrent isostni li, peress li huwa kien inkapaċi li jaħdem mal-BEI, huwa kellu jiġi ddikjarat mill-BEI bħala invalidu peress li, skont il-BEI, il-kunċett ta’ invalidità jeskludi li persuna tkun għadha f’pożizzjoni li taħdem barra minn dan l-organu.

83      F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jiġi rrilevat li, skont l-Artikolu 46‑1 tar-RTSP u l-Artikolu 11.1 tad-dispożizzjonijiet amministrattivi, jitqies invalidu dak l-affiljat li, wara marda, inċident jew diżabbiltà, ikun jinsab f’inkapaċità fiżika jew mentali, debitament irrikonoxxuta, biex jaqdi b’mod permanenti “il-funzjoni tiegħu jew funzjonijiet oħra fuq livell ekwivalenti”.

84      Minn dawn id-dispożizzjonijiet jirriżulta li l-invalidità ta’ membru tal-persunal tal-BEI għandha tiġi evalwata fir-rigward tal-kapaċità tiegħu li jerġa’ jwettaq il-“funzjoni tiegħu jew funzjonijiet oħra fuq livell ekwivalenti”.

85      B’kuntrast ma’ dak li jafferma l-BEI, il-“funzjonijiet oħra fuq livell ekwivalenti” li r-rikorrenti kellu wkoll ikun inkapaċi li jeżerċita, fis-sens tal-Artikolu 46‑1 tar-RTSP u tal-Artikolu 11.1 tad-dispożizzjonijiet amministrattivi, kellhom ikunu interni għall-BEI.

86      Fil-fatt, fl-ewwel lok, l-Artikolu 46‑1 tar-RTSP u l-Artikolu 11.1 tad-dispożizzjonijiet amministrattivi għandhom jiġu interpretati, fuq dan il-punt, b’analoġija mal-Artikolu 78 tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem ir-“Regolamenti tal-Persunal”), li jgħid li “[u]ffiċjal ikun intitolat […] għal allowance ta’ invalidità fil-każ ta’ invalidità permanenti totali, li ma tħallihx jaqdi dmirijietu li jkun jikkorrispondu għal pożizzjoni fil-grupp tal-funzjoni tiegħu”.

87      Bl-istess mod bħalma l-Artikolu 78 tar-Regolamenti tal-Persunal jirreferi għall-gruppi ta’ funzjonijiet iddefiniti fl-Artikolu 5 u fl-Anness I tar-Regolamenti tal-Persunal, li jirrigwardaw l-organizzazzjoni tal-istituzzjonijiet Ewropej, jeħtieġ li jiġi kkunsidrat li l-Artikolu 46‑1 tar-RTSP u l-Artikolu 11.1 tad-dispożizzjonijiet amministrattivi jirreferu għall-klassifikazzjoni tal-funzjonijiet interni għall-BEI, stabbilita bl-Artikolu 14 tar-Regolamenti tal-Persunal tal-BEI.

88      L-Artikolu 14 tar-Regolamenti tal-Persunal tal-BEI jelenka erba’ kategoriji ta’ persuni, jiġifieri l-persunal f’pożizzjoni maniġerjali, il-persunal f’pożizzjoni eżekuttiva, il-persunal amministrattiv u ż-żgħażagħ gradwati, u, fi ħdan dawn il-kategoriji, diversi gradi ta’ funzjonijiet, jiġifieri l-maniġers ta’ livell għoli u l-funzjoni C għall-persunal f’pożizzjoni maniġerjali, il-funzjonijiet D, E u F għall-persunal f’pożizzjoni eżekuttiva u l-funzjonijiet G, H, I u K għall-persunal amministrattiv.

89      Minn dan ir-riferiment għall-organizzazzjoni tax-xogħol stabbilita mill-Artikolu 14 tar-Regolamenti tal-Persunal tal-BEI jirriżulta li l-kunċett ta’ invalidità li jinsab fl-Artikolu 46‑1 tar-RTSP u fl-Artikolu 11.1 tad-dispożizzjonijiet amministrattivi għandu jiġi ddefinit fir-rigward tal-BEI u fir-rigward tal-funzjonijiet li huma eżerċitati hemmhekk.

90      Fit-tieni lok, jeħtieġ li jiġi enfasizzat li l-Kumitati tal-Invalidità mwaqqfa mill-BEI jikkostitwixxu organi tiegħu (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tal‑11 ta’ April 2006, Angeletti vs Il‑Kummissjoni, T‑394/03, EU:T:2006:111, punt 159) u, għaldaqstant, ma għandhomx, fuq livell ġuridiku, kompetenza biex jevalwaw il-kapaċità tal-persunal tal-BEI biex jeżerċitaw funzjonijiet professjonali barra minn dan l-organu.

91      L-imsemmija kumitati għandhom, fuq livell ġuridiku, kompetenza biex jiddeċiedu fuq il-kapaċità tal-persunal tal-BEI biex jaħdem fi ħdan l-istituzzjoni. Min-naħa l-oħra, huma ma għandhomx tali kompetenza meta tkun trid tiġi evalwata l-kapaċità ta’ persuna, anki jekk din hija membru tal-persunal tal-BEI, biex taħdem għal istituzzjoni oħra tal-Unjoni Ewropea jew, fi ħdan is-suq nazzjonali, għal impriża jew amministrazzjoni fl-Istati Membri. Biex jiddeċiedu dwar il-kapaċità ta’ dawn il-persuni biex jaħdmu barra mill-kuntest tal-BEI, huma l-kumitati, stabbiliti mill-istituzzjonijiet l-oħra jew mill-awtoritajiet nazzjonali, li għandhom jeżaminaw lill-persuna kkonċernata.

92      Għaldaqstant, wieħed ma jistax jimmaġina li l-opinjonijiet mogħtija minn Kumitat tal-Invalidità mwaqqaf mill-BEI jista’ jorbot lill-kumitati tal-istess tip li jitwaqqfu mill-istituzzjonijiet l-oħra jew mill-awtoritajiet nazzjonali fil-pajjiżi fejn il-persunal tal-BEI jkun jista’ sussegwentement jeżerċita attivitajiet.

93      Billi ddeċieda fuq il-kapaċità tar-rikorrent biex jeżerċita attività fuq is-suq ġenerali tax-xogħol, il-Kumitat tal-Invalidità mwaqqaf f’din il-kawża ndaħal għaldaqstant fil-kompetenza ta’ tali kumitati, u ħoloq b’dan il-mod riskju ta’ kontradizzjoni bejn l-evalwazzjoni tal-kapaċità tar-rikorrent li jaħdem fis-suq ġenerali tax-xogħol u l-evalwazzjonijiet li jistgħu jsiru sussegwentement mill-kumitati tal-invalidità mwaqqfa mill-istituzzjonijiet l-oħra jew mill-awtoritajiet nazzjonali.

94      Fit-tielet lok, jeħtieġ li jiġi rrilevat li, skont l-Artikolu 51‑1 tar-RTSP, il-pensjoni tal-invalidità titnaqqas jekk il-persuna invalida teżerċita attività bi ħlas, sa fejn s-somma tal-pensjoni tal-invalidità, tal-pensjonijiet tat-tfal u tal-qligħ provenjenti minn din l-attività tkun taqbeż l-ammont tar-remunerazzjoni netta li jikkorrispondi għall-iskala u għall-funzjoni li kellha l-persuna assigurata fuq l-istess bażi familjari bħal meta ġiet iddikjarata invalida.

95      Minn din id-dispożizzjoni jirriżulta li l-leġiżlazzjoni applikabbli għall-BEI taċċetta l-possibbiltà, għal membru tal-persunal iddikjarat invalidu fi ħdan l-imsemmi BEI, li jeżerċita attività bi ħlas barra minn dan l-organu, sakemm it-totalità ta’ dan il-varju dħul ma jkunx ogħla mir-remunerazzjoni netta li huwa kien jirċievi meta kien jaħdem mal-BEI.

96      Waqt is-seduta, il-BEI sostna li din il-possibbiltà kienet limitata għall-eżerċizzju ta’ attivitajiet li ma setgħux jitqiesu bħala ekwivalenti għal dawk li l-membru tal-persunal kien jeżerċita fi ħdan dan l-organu. Fil-fehma tiegħu, il-kunċett ta’ invalidità li jinsab fl-Artikolu 46‑1 tar-RTSP u fl-Artikolu 11.1 tad-dispożizzjonijiet amministrattivi jirrigwarda l-inkapaċità li wieħed jeżerċita, fi ħdan dan l-organu u barra minnu, attività identika jew ekwivalenti għal dik eżerċitata mill-membru tal-persunal fil-mument li fih il-Kumitat tal-Invalidità jkun ta l-opinjoni tiegħu. Għaldaqstant, l-Artikolu 51.1 tar-RTSP jirrigwarda biss sitwazzjonijiet, rari, li fihom persuna ddikjarata invalida fi ħdan il-BEI teżerċita, barra minn dan l-organu, attività differenti minn dik li hija eżerċitat fi ħdanu.

97      L-interpretazzjoni mħaddna mill-BEI ma tistax tiġi aċċettata.

98      Min-naħa, hija ma ssib ebda sostenn fit-test tar-regoli inkwistjoni li, min-naħa l-oħra, jafferma, mingħajr ebda restrizzjoni, il-possibbiltà li membru tal-persunal tal-BEI jeżerċita attività oħra wara li jkun ġie ddikjarat invalidu fi ħdanu. Minn tali formulazzjoni, li tuża termini ġenerali, jirriżulta li l-eżerċizzju ta’ attività, tkun xi tkun, hija permessa barra mill-BEI, fil-każ ta’ dikjarazzjoni ta’ invalidità, fejn l-unika limitu huwa l-limitu massimu tad-dħul kif jinsab indikat fl-imsemmija dispożizzjoni.

99      Min-naħa l-oħra, l-interpretazzjoni adottata mill-BEI hija tali li twassal għal inċertezza legali. Fil-fatt, kieku tali interpretazzjoni tiġi adottata, ikun permess li wieħed jistaqsi kif il-BEI jista’ jiddefinixxi l-funzjonijiet li, fis-suq ġenerali, jistgħu jew għandhom jitqiesu bħala li huma ekwivalenti għal dawk eżerċitati mill-membri tal-persunal tiegħu fi ħdanu. B’mod partikolari, il-Qorti Ġenerali tistaqsi fuq il-kriterji li jkollhom għaldaqstant jiġu adottati biex tiġi stabbilita tali ekwivalenza, tistaqsi jekk tali kriterji għandhomx ikunu s-suġġett ta’ pubbliċità u tikkonstata li tali xogħol ta’ definizzjoni u pubbliċità jidher li huwa impossibbli li jitwettaq minħabba n-natura evoluttiva ħafna tal-funzjonijiet li jitwettqu fis-suq ġenerali tax-xogħol.

100    Fid-dawl ta’ dawn id-diversi elementi, jeħtieġ li jitqies li l-kunċett ta’ invalidità, fis-sens tal-Artikolu 46‑1 tar-RTSP u tal-Artikolu 11.1 tad-dispożizzjonijiet amministrattivi, għandu jiġi interpretat fis-sens li jirrigwarda membru tal-persunal tal-BEI li jkun ġie ddikjarat, minn Kumitat tal-Invalidità mwaqqaf mill-istess BEI, bħala li huwa inkapaċi li jerġa’ jibda jeżerċita l-funzjonijiet tiegħu jew funzjonijiet ekwivalenti fi ħdan dan l-organu.

 Fuq ilksur tal-Artikoli 461 u 481 tarRTSP u talArtikoli 11.1 u 11.3 taddispożizzjonijiet amministrattivi

101    F’dan il-każ, peress li l-Kumitat tal-Invalidità kien iddikjara li r-rikorrent kien inkapaċi li jeżerċita l-funzjonijiet tiegħu mal-BEI u li l-kunċett ta’ invalidità użat mill-Artikolu 46‑1 tar-RTSP u l-Artikolu 11.1 tad-dispożizzjonijiet amministrattivi kellu jiġi evalwat biss fir-rigward ta’ dan l-organu, il-BEI kien obbligat li jiddikjara lir-rikorrent bħala invalidu.

102    Konsegwentement, jeħtieġ li jitqies li, meta ddikjarah bħala li huwa kapaċi li jaħdem u assenti b’mod mhux iġġustifikat sa mit‑18 ta’ Frar 2019 fid-deċiżjonijiet ikkontestati, il-BEI kiser l-Artikolu 46‑1 tar-RTSP u l-Artikolu 11.1 tad-dispożizzjonijiet amministrattivi.

103    Il-BEI kiser ukoll l-Artikolu 48‑1 tar-RTSP u l-Artikolu 11.3 tad-dispożizzjonijiet amministrattivi, invokati wkoll mir-rikorrent fil-kuntest tal-ewwel motiv, li jgħidu li, fil-każ ta’ kontestazzjoni, huwa l-Kumitat tal-Invalidità li huwa kompetenti biex jistabbilixxi l-invalidità.

104    Il-ksur tad-dispożizzjonijiet imsemmija huwa iktar evidenti fir-rigward tad-deċiżjoni tas‑16 ta’ Marzu 2020 li, fil-mument tal-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni, il-BEI kellu wkoll ċertifikat ta’ C tal‑15 ta’ Marzu 2019, li fih dan indika, min-naħa, li, skont l-opinjoni unanima tal-Kumitat tal-Invalidità, ir-rikorrent kien invalidu fir-rigward tal-BEI u, min-naħa l-oħra, li kieku huwa fehem il-formola tat‑23 ta’ Jannar 2019, huwa kien jimmarka “l-kaxxa ‘invalid’ b’riferiment għall-BEI”. Dan iċ-ċertifikat ikkonferma, mingħajr ma kien hemm il-bżonn li jagħmel dan, li, għall-Kumitat tal-Invalidità, ir-rikorrent kien inkapaċi li jerġa’ jibda jaħdem mal-BEI.

 Konklużjoni fuq lewwel motiv

105    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, jeħtieġ li l-ewwel motiv jitqies bħala infondat u, għaldaqstant, li jiġu annullati d-deċiżjonijiet ikkontestati, mingħajr il-bżonn li jiġu eżaminati la l-argumenti l-oħra invokati mir-rikorrent fil-kuntest tal-ewwel motiv, la l-ammissibbiltà tal-provi addizzjonali prodotti fis‑26 ta’ April 2021 mir-rikorrent insostenn ta’ dan il-motiv u lanqas it-tieni motiv.

 Fuq ittalba intiża għallkundanna talBEI għallħlas retroattiv talpensjoni talinvalidità tarrikorrent

106    Fit-tielet talba tiegħu, ir-rikorrent jitlob li l-BEI jiġi kkundannat għall-ħlas retroattiv tal-pensjoni tal-invalidità dovuta bħala prinċipju mill‑1 ta’ Frar 2019, u sakemm isir il-ħlas komplet, sabiex iħallas l-interessi moratorji ffissati bir-rata ta’ interessi tal-BĊE miżjuda b’żewġ punti.

107    Il-BEI jsostni li din it-talba hija inammissibbli, peress li, jekk l-imsemmija talba tiġi milqugħa, dan ikun jimplika li l-Qorti Ġenerali tkun qiegħda tordnalu jirrikonoxxi lir-rikorrent bħala invalidu fis-sens tar-regoli applikabbli. Issa, skont il-BEI, il-Qorti Ġenerali ma tistax tagħti ordnijiet lill-istituzzjonijiet li, skont l-Artikolu 266 TFUE għandhom jieħdu biss il-miżuri neċessarji li jwasslu għall-eżekuzzjoni ta’ sentenza ta’ annullament.

108    Barra minn hekk, skont il-BEI, la l-Qorti Ġenerali u lanqas huwa stess ma jistgħu jissostitwixxu lill-Kumitat tal-Invalidità fil-konstatazzjonijiet mediċi tiegħu, li għandhom jitqiesu bħala definittivi. Biex lir-rikorrent tkun tista’ tingħatalu pensjoni tal-invalidità, huwa jqis li għandu jitwaqqaf Kumitat tal-Invalidità ġdid, liema kumitat ikollu bħala missjoni li jiddetermina jekk ir-rikorrent huwiex invalidu jew le.

109    F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jitfakkar li, kif jindika l-BEI, il-qorti tal-Unjoni ma tistax, mingħajr ma tindaħal fuq il-prerogattivi tal-awtorità amministrattiva, tordna lil xi istituzzjoni jew lil xi organu tal-Unjoni li jieħdu l-miżuri partikolari li jinvolvu l-eżekuzzjoni ta’ sentenza li tiddikjara l-annullament ta’ deċiżjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Settembru 2011, Marcuccio vs Il‑Kummissjoni, T‑236/02, EU:T:2011:465, punt 163 u l-ġurisprudenza ċċitata).

110    Madankollu, skont il-ġurisprudenza, jeħtieġ li, għat-tilwim li jkun seħħ bejn il-BEI u l-membri tal-persunal tiegħu, tiġi applikata r-regola li tinsab fit-tieni sentenza tal-Artikolu 91(1) tar-Regolamenti tal-Persunal (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑28 ta’ Settembru 1999, Hautem vs BEI, T‑140/97, EU:T:1999:176, punt 77, ikkonfermata bis-sentenza tat‑2 ta’ Ottubru 2001, BEI vs Hautem, C‑449/99 P, EU:C:2001:502, punt 95).

111    Din id-dispożizzjoni tagħti lill-qorti tal-Unjoni, fit-tilwim ta’ natura pekunjarja, ġurisdizzjoni sħiħa li permezz tagħha hija għandha s-setgħa, jekk ikun hemm bżonn, li tikkundanna lill-konvenut ex officio sabiex iħallas kumpens għal dannu kkawżat minħabba tort tiegħu, u f’każ bħal dan, wara li tikkunsidra ċ-ċirkustanzi kollha tal-kawża, tiddetermina d-dannu subit ex æquo et bono (ara s-sentenza tal‑20 ta’ Mejju 2010, Gogos vs Il‑Kummissjoni, C‑583/08 P, EU:C:2010:287, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata).

112    Il-ġurisdizzjoni sħiħa mogħtija lill-qorti tal-Unjoni permezz tat-tieni sentenza tal-Artikolu 91(1) tar-Regolamenti tal-Persunal tagħtiha l-missjoni li ssib soluzzjoni sħiħa għat-tilwimiet li jitressqu quddiemha u li tiżgura l-effettività tas-sentenzi ta’ annullament mogħtija minnha fil-kawżi tas-servizz pubbliku (ara s-sentenza tal‑20 ta’ Mejju 2010, Gogos vs Il‑Kummissjoni, C‑583/08 P, EU:C:2010:287, punti 49 u 50 u l-ġurisprudenza ċċitata).

113    Meta teżerċita l-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, il-qorti tal-Unjoni ma tagħtix ordnijiet lill-istituzzjonijiet jew lill-organi kkonċernati, imma għandha, jekk ikun il-każ, il-kompetenza li tissostitwixxi ruħha flokhom biex tieħu d-deċiżjonijiet li jimplikaw neċessarjament il-konklużjonijiet li għalihom hija tasal fi tmiem l-evalwazzjoni legali tagħha tat-tilwima.

114    F’dan il-każ, tqum il-kwistjoni dwar jekk it-tielet talba tar-rikorrent għandhiex tiġi interpretata bħala talba magħmula lill-Qorti Ġenerali biex tagħmel użu mill-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha. F’dan ir-rigward jeħtieġ li jiġi stabbilit jekk il-Qorti Ġenerali hijiex, b’din it-talba, adita b’“tilwima ta’ natura pekunjarja” fis-sens tal-Artikolu 91(1) tar-Regolamenti tal-Persunal.

115    Mistoqsi fuq dan il-punt mill-Qorti Ġenerali, il-BEI ma jikkontestax li, fit-tilwim ta’ bejnu u l-membri tal-persunal tiegħu, il-qrati tal-Unjoni għandhom, inkluż fir-rigward tal-BEI, ġurisdizzjoni sħiħa sakemm dan it-tilwim ikollu natura pekunjarja.

116    Madankollu, il-BEI jsostni li din it-tilwima ma għandhiex din in-natura, peress li t-talba tar-rikorrent intiża għall-ħlas retroattiv ta’ pensjoni tal-invalidità tippreżumi li huwa jkun ġie rrikonoxxut bħala invalidu fis-sens tar-regoli applikabbli għall-BEI u li tali dikjarazzjoni ta’ invalidità taqa’ biss taħt il-kompetenza tal-Kumitat tal-Invalidità.

117    F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza, it-“tilwim ta’ natura pekunjarja” skont din id-dispożizzjoni huma mhux biss l-azzjonijiet għad-danni magħmula mill-membri tal-persunal kontra xi istituzzjoni jew organu tal-Unjoni, iżda wkoll dawk l-azzjonijiet kollha li huma intiżi għall-ħlas minn naħa ta’ tali istituzzjoni jew organu lill-membru tal-persunal ta’ ammont li huwa jqis li huwa dovut lilu skont ir-Regolamenti tal-Persunal jew att ieħor li jirregola r-relazzjonijiet ta’ xogħol tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑18 ta’ Diċembru 2007, Weißenfels vs Il‑Parlament, C‑135/06 P, EU:C:2007:812, punt 65, u tal‑20 ta’ Mejju 2010, Gogos vs Il‑Kummissjoni, C‑583/08 P, EU:C:2010:287, punt 45).

118    F’dan il-każ, meta r-rikorrent jitlob lill-qorti tal-Unjoni biex tiddeċiedi dwar il-legalità tad-deċiżjoni li ma tirrikonoxxilux l-istatus ta’ persuna “invalida” u, skont it-tielet talba, biex tordna lill-BEI tħallsu somma flus, hemm lok li wieħed jifhem li dan ir-rikors isir tilwima ta’ natura pekunjarja. Fil-fatt, id-deċiżjoni biex ir-rikorrent jitqies bħala “mhux invalidu” għandha konsegwenzi diretti fuq il-kontinwità tas-sitwazzjoni tal-persuna kkonċernata bħala membru tal-persunal fi ħdan il-BEI, u għaldaqstant fuq ir-remunerazzjoni tiegħu u d-drittijiet pekunjarji tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑20 ta’ Mejju 2010, Gogos vs Il‑Kummissjoni, C‑583/08 P, EU:C:2010:287, punt 47, u tat‑30 ta’ Settembru 2013, Possanzini vs Frontex, F‑124/11, EU:F:2013:137, punt 73).

119    F’dawn iċ-ċirkustanzi, jeħtieġ li jiġi kkonstatat li din it-tilwima għandha natura pekunjarja u li, għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali għandha f’dan il-każ ġurisdizzjoni sħiħa.

120    Ċertament, jeħtieġ li, wara l-annullament tad-deċiżjonijiet ikkontestati, deċiż fil-punt 105 iktar ’il fuq, il-BEI jadotta, fuq il-bażi tal-Artikolu 266 TFUE, deċiżjoni ġdida li tikkonstata l-istat ta’ invalidità tar-rikorrent u tirrikonoxxilu d-dritt għal pensjoni tal-invalidità, peress li l-opinjoni tal-kumitat ma tistax, waħidha, tipproduċi dawn l-effetti.

121    Madankollu, għall-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni, il-BEI ma jkollux jeżamina mill-ġdid is-sitwazzjoni tar-rikorrent, peress li huwa għandu biss, f’dan il-każ, kompetenza limitata, li tobbligah jislet il-konsegwenzi amministrattivi mid-dikjarazzjoni ta’ invalidità tal-Kumitat tal-Invalidità regolarment implimentata għal dan il-għan (ara, a contrario, fir-rigward tal-annullament ta’ deċiżjoni medika li, warajha, l-amministrazzjoni kienet obbligata teżamina mill-ġdid is-sitwazzjoni tar-rikorrent, is-sentenza tat‑28 ta’ Settembru 2011, Allen vs Il‑Kummissjoni, F‑23/10, EU:F:2011:162, punt 115).

122    Fil-fatt, min-naħa, mill-Artikoli 46‑1 u 48‑1 tar-RTSP jirriżulta li l-istat ta’ invalidità huwa rrikonoxxut mill-Kumitat tal-Invalidità. Min-naħa l-oħra, skont l-Artikoli 33d u 36 tar-Regolamenti tal-Persunal tal-BEI u tal-Artikolu 49‑1 tar-RTSP, il-membri tal-persunal irrikonoxxuti bħala li huma invalidi mill-Kumitat tal-Invalidità għandhom dritt għal pensjoni tal-invalidità.

123    F’dan il-każ, kif jirriżulta mill-punti 75 sa 81 iktar ’il fuq, l-opinjoni tal-Kumitat tal-Invalidità li tgħid li r-rikorrent huwa invalidu ġiet espressa fid-dokument intitolat “Konklużjoni tal-Kumitat tal-Invalidità tad‑9/11/2018”, fejn ingħad, fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha ta’ dan il-każ, li kien jesprimi l-pożizzjoni tal-membri tal-Kumitat tal-Invalidità, b’mod li l-BEI, li ma argumentax li l-proċedura quddiem il-Kumitat tal-Invalidità kienet irregolari, ma għandux għażla oħra ħlief li jiddikjara lir-rikorrent invalidu u, għaldaqstant, li jirrikonoxxilu d-dritt li jirċievi pensjoni tal-invalidità, mingħajr ma jkollu jiġi kkostitwit Kumitat tal-Invalidità ieħor.

124    Għaldaqstant, jeħtieġ li l-BEI jiġi kkundannat iħallas lir-rikorrent il-pensjoni tal-invalidità li hija dovuta lilu b’effett mill‑1 ta’ Frar 2019, kif ukoll l-interessi moratorji fuq din il-pensjoni sal-ħlas komplet, fejn l-interessi moratorji huma ffissati bir-rata ta’ interessi applikata mill-BĊE għat-tranżazzjonijiet prinċipali ta’ rifinanzjament u fis-seħħ fl-ewwel ġurnata tax-xahar ta’ skadenza tal-ħlas, miżjuda b’żewġ punti.

125    Mis-somma hekk ikkalkolata, jeħtieġ li jitnaqqsu s-somom li tħallsu lir-rikorrent bħala remunerazzjoni matul l-istess perijodu u li minnhom jidher li, minħabba l-ħlas tal-pensjoni tal-invalidità, dawn ma kinux dovuti lilu.

 Fuq ittalba għallkumpens

126    Ir-rikorrent jargumenta li, bil-fatt li obbligah jippreżenta rikors meta l-opinjoni tal-Kumitat tal-Invalidità kienet ċara fir-rigward tal-invalidità tiegħu, il-BEI ikkaġunalu dannu morali, li jikkonsisti fl-aggravazzjoni tal-istat ta’ ansjetà tiegħu, li jeħtieġ li jiġi kkumpensat bil-ħlas tas-somma ta’ EUR 5 000, evalwat ex æquo et bono.

127    Skont ir-rikorrent, ir-rabta ta’ kawżalità bejn dan id-dannu morali u l-aġir adottat mill-BEI huwa evidenti, inkwantu huwa ma kienx isofri dan l-istress addizzjonali li kieku l-BEI kien aċċetta li jikkonferma l-konklużjonijiet tal-Kumitat tal-Invalidità.

128    Fuq dan il-punt ir-rikorrent jipproduċi rapport tal-psikjatra tiegħu, E, bid-data tat‑2 ta’ Ġunju 2020.

129    Il-BEI jikkontesta din it-talba.

130    F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jiġi rrilevat li, skont il-ġurisprudenza, l-annullament ta’ att ivvizzjat b’illegalità jista’ jikkostitwixxi, minnu nnifsu, kumpens adegwat u, bħala prinċipju, suffiċjenti għal kull dannu morali li dan l-att seta’ kkawża (sentenza tad‑9 ta’ Novembru 2004, Montalto vs Il‑Kunsill, T‑116/03, EU:T:2004:325, punt 127; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑9 ta’ Lulju 1987, Hochbaum u Rawes vs Il‑Kummissjoni, 44/85, 77/85, 294/85 u 295/85, EU:C:1987:348, punt 22).

131    Is-sitwazzjoni tkun differenti biss jekk ir-rikorrent juri li jkun sofra dannu morali separat mill-illegalità li fuqha huwa bbażat l-annullament u li ma jistax jiġi kkumpensat totalment permezz ta’ dan l-annullament (sentenza tal‑31 ta’ Mejju 2018, Korwin-Mikke vs Il‑Parlament, T‑352/17, EU:T:2018:319, punt 78).

132    F’dan il-każ, għalkemm jeħtieġ li jiġi kkonstatat li d-dannu tal-aggravazzjoni tal-istat ta’ ansjetà li jinvoka r-rikorrent huwa marbut mal-aġir adottat mill-BEI fil-fażi prekontenzjuża, il-Qorti Ġenerali tqis madankollu li r-rikorrent ma jurix li dan id-dannu ma jistax jiġi kkumpensat totalment bl-annullament tad-deċiżjoni tal-BEI, iktar u iktar meta, f’dan il-każ, l-annullament jiġi akkumpanjat b’kundanna kontra l-organu biex iħallas lir-rikorrent is-somom kollha li huwa ġie mċaħħad minnhom bħala riżultat tad-deċiżjoni annullata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑30 ta’ Jannar 2020, BZ vs Il‑Kummissjoni, T‑336/19, mhux ippubblikata, EU:T:2020:21, punt 55).

133    Għaldaqstant, it-talba għall-kumpens tad-dannu morali magħmula mir-rikorrent għandha tiġi miċħuda.

 Fuq lispejjeż

134    Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, kull parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba.

135    Peress li l-BEI tilef fil-biċċa l-kbira tat-talbiet tiegħu, jeħtieġ li dan jiġi kkundannat għall-ispejjeż, skont it-talbiet tar-rikorrent.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Id-deċiżjonijiet tal-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) tat8 ta’ Frar u tat8 ta’ Marzu 2019, li jiddikjaraw lil KL bħala kapaċi li jaħdem u assenti b’mod mhux iġġustifikat b’effett mit18 ta’ Frar 2019, u d-deċiżjoni tal-President tal-BEI tas16 ta’ Marzu 2020, li tikkonfermahom, huma annullati.

2)      Il-BEI huwa kkundannat iħallas pensjoni tal-invalidità lil KL b’effett mill1 ta’ Frar 2019, kif ukoll l-interessi moratorji fuq din il-pensjoni sal-ħlas komplet, fejn l-interessi moratorji huma ffissati bir-rata ta’ interessi applikata mill-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) għat-tranżazzjonijiet prinċipali ta’ rifinanzjament tiegħu u fis-seħħ fl-ewwel ġurnata tax-xahar ta’ skadenza tal-ħlas, miżjuda b’żewġ punti, suġġetti għat-tnaqqis tal-ammonti li tħallsu lir-rikorrent bħala remunerazzjoni matul l-istess perijodu u li minnhom jidher li, minħabba l-ħlas tal-pensjoni tal-invalidità, dawn ma kinux dovuti lilu.

3)      Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.

4)      Il-BEI huwa kkundannat għall-ispejjeż.

Gervasoni

Nihoul

Frendo

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fl‑24 ta’ Novembru 2021.

Firem


*      Lingwa tal-proċedura: il-Franċiż.