Language of document : ECLI:EU:C:2014:2216

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

BOT

ippreżentati fil-11 ta’ Settembru 2014 (1)

Kawża C‑424/13

Zuchtvieh-Export GmbH

vs

Stadt Kempten

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bayerischer Verwaltungsgerichtshof (il-Ġermanja)]

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Agrikoltura — Regolament (KE) Nru 1/2005 — Protezzjoni tal-annimali matul it-trasport — Trasport ta’ annimali minn Stat Membru lejn pajjiż terz — Artikolu 14(1) — Kontroll tar-reġistru tal-vjaġġ li għandu jitwettaq mill-awtorità kompetenti tal-post tat-tluq qabel vjaġġi twal — Kapitolu V tal-Anness I — Dispożizzjonijiet marbuta mal-intervalli għat-tisqija u għall-għalif kif ukoll mal-ħinijiet tal-ivvjaġġar u ta’ mistrieħ — Applikabbiltà ta’ dawn id-dispożizzjonijiet fir-rigward tal-parti tat-trasport li ssir barra t-territorju tal-Unjoni”





1.        Din it-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1/2005, tat-22 ta’ Diċembru 2004, dwar il-protezzjoni tal-annimali waqt it-trasport u operazzjonijiet relatati u li temenda d-Direttivi 64/432/KEE u 93/119/KE u r-Regolament (KE) Nru 1255/97 (2).

2.        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn Zuchtvieh-Export GmbH (iktar ʼil quddiem “Zuchtvieh-Export”) u Stadt Kempten (il-belt ta’ Kempten, il-Ġermanja) dwar id-deċiżjoni adottata minn din tal-aħħar, fil-kwalità tagħha ta’ awtorità kompetenti tal-post tat-tluq, li tirrifjuta l-isdoganar ta’ għadd ta’ annimali tal-ifrat li kellhom jiġu ttrasportati bit-triq minn Kempten sa Andijan (Uzbekistan).

3.        Ir-Regolament Nru 1/2005 jimponi, fuq l-organizzatur ta’ vjaġġ twil, l-obbligu li jippreżenta lill-awtorità kompetenti tal-post tat-tluq, reġistru tal-vjaġġ li t-taqsima 1 tiegħu għandha tinkludi pjan tal-vjaġġ previst. Dan il-pjan għandu jinkludi b’mod partikolari l-punti ta’ mistrieħ, ta’ trasferiment u ta’ ħruġ li jkunu previsti. Il-problema mqajma mill-kawża odjerna hija dik dwar jekk, fir-rigward tal-parti tal-vjaġġ li titwettaq bejn il-punt ta’ ħruġ mit-territorju tal-Unjoni Ewropea u l-pajjiż terz ta’ destinazzjoni, l-organizzatur ta’ dan il-vjaġġ huwiex obbligat jew le jissodisfa r-rekwiżiti marbuta mal-ħinijiet tal-vjaġġ u ta’ mistrieħ li huma previsti fil-Kapitolu V tal-Anness I tar-Regolament Nru 1/2005.

4.        F’dawn il-konklużjonijiet, qed jiġi propost li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li r-Regolament Nru 1/2005 għandu jiġi interpretat fis-sens li dan ma jimponix, fuq l-organizzatur ta’ vjaġġ twil lejn pajjiż terz, l-obbligu li jinkludi fl-intestatura 6 tat-taqsima 1 tar-reġistru tal-vjaġġ informazzjoni marbuta mal-ħinijiet tal-vjaġġ u ta’ mistrieħ b’mod konformi mar-rekwiżiti previsti fil-Kapitolu V tal-Anness I ta’ din ir-regolament jew mal-kundizzjonijiet ġenerali applikabbli għat-trasport ta’ annimali li jinsabu fl-Artikolu 3 tal-imsemmi regolament, fir-rigward tal-parti tal-vjaġġ li titwettaq bejn il-punt ta’ ħruġ mit-territorju tal-Unjoni u l-pajjiż terz ta’ destinazzjoni.

5.        Fil-fehma tiegħi, jirriżulta li l-Artikolu 14(1)(a)(ii) u (ċ) tar-Regolament Nru 1/2005 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-awtorità kompetenti tal-post tat-tluq ma tistax tirrifjuta li tittimbra r-reġistru tal-vjaġġ għar-raġuni li l-informazzjoni inkluża f’dan ir-reġistru dwar il-parti mill-vjaġġ li titwettaq bejn il-punt ta’ ħruġ mit-territorju tal-Unjoni u l-pajjiż terz ta’ destinazzjoni ma tkun konformi la mar-rekwiżiti previsti fil-Kapitolu V tal-Anness I ta’ dan ir-regolament u lanqas mal-kundizzjonijiet ġenerali applikabbli għat-trasport ta’ annimali li jinsabu fl-Artikolu 3 tal-imsemmi regolament.

I –    Il-kuntest ġuridiku

6.        Id-dispożizzjonijiet essenzjali tar-Regolament Nru 1/2005, fil-kuntest ta’ dan ir-rinviju, huma dawn li ġejjin.

7.        L-Artikolu 1(1) ta’ dan ir-regolament jiddefinixxi l-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu kif ġej:

“Dan ir-Regolament għandu japplika għat-trasport ta’ annimali vertebrati ħajjin li jsir ġol-Komunità, inklużi l-ispezzjonijiet speċifiċi li jsiru minn uffiċjali fuq konsenji li jidħlu jew li jħallu t-territorju doganali tal-Komunità.”

8.        L-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1/2005 jinkludi ċertu numru ta’ definizzjonijiet, fosthom:

“d)      ‘post ta’ spezzjoni fuq il-fruntiera’ tfisser kull post ta’ spezzjoni magħżul u approvat in konformità mal-Artikolu 6 tad-Direttiva 91/496/KEE, għall-iżvolġiment ta’ spezzjonijiet veterinarji ta’ annimali li jaslu minn pajjiżi terzi fuq il-fruntiera tat-territorju tal-Komunità;

[...]

f)      ‘l-awtorità kompetenti’ tfisser l-awtorita ċentrali ta’ Stat Membru kompetenti sabiex tagħmel spezzjonijiet dwar il-benesseri ta’ l-annimal jew kull awtorita li lilha tkun delegata din il-kompetenza;

[...]

h)      ‘postijiet ta’ kontroll’ tfisser postijiet ta’ kontroll kif imsemmija fir-Regolament (KE) Nru 1255/97;

i)      ‘punt tal-ħruġ’ tfisser post ta’ spezzjoni fuq il-fruntiera jew kull post ieħor magħżul minn Stat Membru minn fejn annimali jħallu t-territorju doganali tal-Komunità;

j)      ‘vjaġġ’ tfisser l-operazzjoni tat-trasport sħiħa mill-post tat-tluq għall-post destinat, inkluż kull xogħol ta' ħatt, akkomodazzjoni u tgħabija f'punti intermedjarji fil-vjaġġ;

[...]

m)      ‘vjaġġ twil’ tfisser vjaġġ li jaqbeż it-8 sigħat, li jibda minn meta l-ewwel annimal tal-konsenja jiġi mobilitat;

[...]

s)      ‘post ta’ destinazzjoni’ tfisser il-post li fih annimal jiġi mniżżel minn mezz tat-trasport u:

i)      akkomodat għal mill-anqas 48 siegħa qabel il-ħin tat-tluq, jew

ii)      maqtul;

t)      ‘post ta’ mistrieħ jew trasferiment’ tfisser kull waqfa matul il-vjaġġ li m’huwiex post ta’ destinazzjoni fejn l-annimali ġew bidlu l-mezz tat-trasport, kemm jekk ġew imniżżla jew le;

[...]

w)      ‘trasport’ tfisser il-moviment ta’ l-annimali magħmul minn mezz tat-trasport wieħed jew aktar u l-operazzjonijiet relatati, inklużi l-ħatt, it-trasferiment u l-mistrieħ, sal-ħatt ta’ l-annimali fil-post ta’ destinazzjoni tkun kompletata;

[...]”

9.        L-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 1/2005, intitolat “Kondizzjonijiet ġenerali għat-trasport ta’ l-annimali”, jipprovdi:

“L-ebda persuna m’għandha titrasporta annimali jew twassal li annimali jiġu trasportati b’mod li jista’ jwassal għal korriment jew tbatija bla bżonn.

Barra minn hekk, il-kondizzjonijiet li ġejjin għandhom jiġu rispettati:

a)      l-arranġamenti meħtieġa kollha jkunu saru bil-quddiem sabiex jiġi mnaqqas it-tul tal-vjaġġ u sabiex il-ħtiġijiet ta’ l-annimali matul il-vjaġġ ikunu sodisfatti;

b)      l-annimali jkunu tajba għall-vjaġġ;

[...]

f)      it-trasport isir bla dewmien għall-post destinat u l-kondizzjonijiet tal-benesseri ta’ l-annimali huma eżaminati regolarment u miżmuma b'mod xieraq;

[...]

h)      jiġu mogħtija ilma, ġwies u mistrieħ lill-annimali f’intervalli xierqa u li jkunu xierqa fil-kwalità u l-kwantità għall-ispeċi u l-qies tagħhom.”

10.      L-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 1/2005, intitolat “Obbligi ta’ l-ippjanar għat-trasport ta’ l-annimali”, jispeċifika fil-paragrafu 4 tiegħu li “[g]ħal vjaġġi twal bejn l-Istati Membri u ma’ pajjiżi terzi għal Equidae domestiċi barra minn Equidae reġistrati u annimali domestiċi ta’ speċi bovina, ovina, kaprina jew suwina, it-trasportaturi u organizzaturi għandhom jikkonformaw mad-disposizzjonijiet dwar ir-reġistru tal-vjaġġ stabbiliti fl-Anness II”.

11.      L-Artikolu 14 tar-Regolament Nru 1/2005, intitolat “Spezzjonijiet u miżuri oħra relatati mar-reġistru tal-vjaġġ li għandhu jsir mill-awtorità kompetenti qabel vjaġġi twal”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“F’każ ta’ vjaġġi twal bejn l-Istati Membri u ma’ pajjiżi terzi għal Equidae domestiċi u annimali domestiċi ta’ speċi bovina, ovina, kaprina jew suwina, l-awtorità kompetenti tal-post tat-tluq għandha:

a)      tagħmel spezzjonijiet xierqa sabiex tivverifika li:

i)      it-trasportatur indika fil-ktieb tal-vjaġġ l-awtorizzazzjonijiet validi li jikkorrispondu ta’ trasportatur, iċ-ċertifikati validi ta’ l-approvazzjoni għal mezzi tat-trasport għal vjaġġi twal u ċertifikati validi ta’ kompetenza għax-xufiera u akkompanjanti;

ii)      il-ktieb tal-vjaġġ ippreżentat mill-organizzatur huwa realistiku u jindika konformità ma’ dan ir-Regolament;

b)      fejn ir-riżultat ta’ l-ispezzjonijiet li huwa pprovdut dwaru f’punt (a) m’huwiex sodisfaċenti, jirrikjedi lill-organizzatur sabiex jibdel l-arranġamenti għall-vjaġġ twil intenzjonat sabiex tikkonforma ma’ dan ir-Regolament;

ċ)      fejn ir-riżultat tal-kontrolli previsti f’punt (a) ikun sodisfaċenti, l-awtorità kompetenti għandha tittimbra il-ktieb tal-vjaġġ;

d)      tibgħat dettalji mill-aktar fis possibbli dwar il-vjaġġi twal intenzjonati stabbiliti fid-dħul tal-vjaġġ għall-awtorità kompetenti tal-post ta’ destinazzjoni, tal-punt tal-ħruġ jew tal-post tal-kontroll bl-użu tas-sistema ta’ skambju ta’ informazzjoni msemmija fl-Artikolu 20 tad-Direttiva 90/425/KEE.”

12.      L-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 1/2005, intitolat “Spezzjonijiet li għandhom isiru minn awtorità kompetenti f’kull stadju ta’ vjaġġ twil”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu, li “[l]-awtorità kompetenti għandha tagħmel f’kull stadju ta’ vjaġġ twil spezzjonijiet xierqa fuq bażi bla sekwenza jew fuq bażi ta’ soġġetti fil-mira tivverfika li l-ħin tal-vjaġġi huma realistiċi u li l-vjaġġ jikkonforma ma’ dan ir-Regolament u b’mod partikolari li l-ħinijiet ta’ l-ivvjaġġar u l-perijodi tal-mistrieħ huma konformi mal-limiti stabbiliti fil-Kapitolu V ta’ l-Anness I”.

13.      L-Artikolu 21 tar-Regolament Nru 1/2005, intitolat “Spezzjonijiet f’punti tal-ħruġ u f’postijiet ta’ spezzjoni fuq il-fruntiera”, huwa redatt kif ġej:

“1.      [...], fejn l-annimali huma ppreżentati f’punti tal-ħruġ jew postijiet ta’ spezzjoni fuq il-fruntiera, veterinarji uffiċjali ta’ l-Istati Membri għandhom jikkontrollaw li l-annimali huma trasportati in konformità ma’ dan ir-Regolament u b’mod partikolari:

a)      li trasportatur preżenta kopja ta’ awtorizzazzjoni valida [...];

b)      li xufiera ta’ vetturi tat-triq li jittrasportaw equidae domestiċi, annimali domestiċi ta’ speċi bovina, ovina, kaprina jew suwina jew tjur u li akkompanjaturi ppreżentaw ċertifikat ta’ kompetenza validu [...];

(ċ)      li l-annimali huma f’kondizzjoni li jkomplu l-vjaġġ tagħhom;

d)      li l-mezzi tat-trasport li bihom l-annimali ikomplu l-vjaġġ tagħhom huma konformi mal-Kapitolu II u fejn huwa applikabbli l-Kapitolu VI ta’ l-Anness I;

e)      illi, fil-każ ta’ esportazzjoni, it-trasportatur ipprovda prova li l-vjaġġ mill-post tat-tluq għall-ewwel post tal-ħatt fil-pajjiż ta’ destinazzjoni finali hija konformi ma’ kull qbil internazzjonali elenkat fl-Anness V li huwa applikabbli fil-pajjiżi terzi konċernati;

f)      dwar jekk equidae domestiċi u annimali domestiċi ta’ speċi bovina, ovina, kaprina u suwina ġew jew ser jiġu ttrasortati għal vjaġġi twal.

2.      F’każ ta’ vjaġġi twal għal equidae domestiċi u annimali domestiċi ta’ speċi bovina, ovina, kaprina jew suwina, veterinarji uffiċjali ta’ punti tal-ħruġ and postijiet ta’ spezzjoni fuq il-fruntiera għandhom jagħmlu u jirreġistraw l-ispezzjonijiet elenkati fit-Taqsima 3 ‘Post ta’ destinazzjoni’ tal-ktieb tal-vjaġġ fl-Anness II. Rekords ta’ dawk l-ispezzjonijiet u l-kontroll li huwa pprovdut dwaru fil-paragrafu 1 għandu jinżamm mill-awtorità kompetenti għal perijodu ta’ mhux anqas minn tliet snin mid-data ta’ l-spezzjonijiet [...].

3.      Fejn l-awtorità kompetenti tikkunsidra li l-annimali mhumiex f’kondizzjoni li jkomplu l-vjaġġ, dawn għandhom jiġu mħatta, mogħtija l-ilma, ġwies u mistrieħ.”

14.      Il-Kapitolu V tal-Anness I tar-Regolament Nru 1/2005 jinkludi regoli relatati mal-intervalli għat-tisqija u għall-għalif kif ukoll mal-ħinijiet tal-ivvjaġġar u ta’ mistrieħ. Skont il-punti 1.4(d) u 1.5 ta’ dan il-kapitolu, fir-rigward tal-annimali tal-ifrat, il-vjaġġi twal bit-triq għandhom jinkludu, wara 14-il siegħa ta’ trasport, ħin ta’ mistrieħ ta’ mill-inqas siegħa li matulu dawn għandhom jiġu misqija u, jekk ikun neċessarju, magħlufa, u wara dan it-trasport jista’ jitkompla għal mhux iktar minn 14-il siegħa, u wara dan l-annimali għandhom jinħattu, jingħalfu u jiġu misqija, u għandhom jibbenefikaw minn ħin ta’ mistrieħ ta’ mill-inqas 24 siegħa.

15.      L-Anness II tal-istess regolament jinkludi d-dispożizzjonijiet marbuta mar-reġistru tal-vjaġġ, li skont l-Artikolu 5(4) tal-imsemmi regolament għandu jinżamm mit-trasportaturi u mill-organizzaturi fil-każ ta’ vjaġġi twal bejn Stati Membri kif ukoll li joriġinaw minn jew li jwasslu lejn destinazzjoni ta’ pajjiż terz. Dan ir-reġistru jinkludi ħames taqsimiet marbuta, rispettivament, mal-ippjanar tal-vjaġġ, mal-post tat-tluq, mal-post ta’ destinazzjoni, mad-dikjarazzjoni tat-trasportatur li tikkonċerna, minn naħa, l-itinerarju effettiv, il-punti ta’ mistrieħ, ta’ trasferiment u ta’ ħruġ u, min-naħa l-oħra, l-annimali korruti jew mejta matul il-vjaġġ, u ma’ rapporti ta’ anomaliji possibbli . Dan l-anness jinkludi b’mod partikolari d-dispożizzjonijiet li ġejjin:

–        punt 3(e): “L-organizzatur għandu [...] jassigura li l-ktieb tal-vjaġġ jakkompannja lill-annimali matul il-vjaġġ sal-post tad-destinazzjoni jew, fil-każ ta’ esportazzjoni lejn pajjiż terz, mill-anqas sal-punt tal-ħruġ”;

–        punt 4: “Gwardjani fil-post tat-tluq u, meta l-post tad-destinazzjoni jinsab fit-territorju tal-Komunità, gwardjani fil-post tad-destinazzjoni, għandhom jimlew u jiffirmaw it-taqsimiet rilevanti tal-ktieb tal-vjaġġ. Għandhom jinfurmaw lill-awtorità kompetenti b’kull riżerva dwar il-konformità mad-disposizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament permezz ta’ l-użu tal-formola kampjun tat-Taqsima 5 mill-aktar fis possibbli”;

–        punt 7: “Jekk l-annimali huma esportati lejn pajjiż terz, it-trasportatur għandu jagħti l-ktieb tal-vjaġġ lill-veterinarju uffiċjali fil-punt tal-ħruġ. F’każ ta’ esportazzjoni ta’ annimali bovini ħajjin b’rimbors, it-Taqsima 3 tal-ktieb tal-vjaġġ m’għandhiex tkun meħtieġa jekk il-leġislazzjoni agrikola tirrikjedi rapport”;

–        punt 8: “It-trasportatur imsemmi fit-Taqsima 3 tal-ktieb tal-vjaġġ għandu jżomm: (a) kopja tal-ktieb tal-vjaġġ komplet; [...]. Id-dokumenti msemmija [...] għandhom ikunu disponibbli għall-awtorità kompetenti li taw l-awtorizzazzjoni lit-trasportatur u fuq talba ta’ l-awtorità kompetenti tal-post tat-tluq, fi żmien xahar wara li ġiet kompluta u għandha tinżamm minn trasportatur għal perijodu ta' mill-anqas tliet snin mid-data ta’ l-ispezzjoni. Id-dokumenti msemmija f’punt (a) għandhom jiġu mogħtija lura lill-awtorità kompetenti tal-post tat-tluq fi żmien xahar minn meta jispiċċa l-vjaġġ, jekk ma jkunux ġew użati s-sistemi [ta’ navigazzjoni] msemmija fl-Artikolu 6(9). [...]”

16.      L-appendiċi tal-Anness II tar-Regolament Nru 1/2005 jinkludi mudell tat-taqsimiet differenti tar-reġistru tal-vjaġġ.

II – Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

17.      Zuchtvieh-Export kriet żewġ trakkijiet sabiex tittrasporta 62 annimal tal-ifrat minn Kempten għal Andijan mill-Polonja, il-Belarussja, ir-Russja u l-Każakstan, jiġifieri vjaġġ li jinvolvi 7 000 kilometru. Dan it-trasport kellu jitwettaq mit-23 ta’ April u sat-2 ta’ Mejju 2012. Din kienet esportazzjoni mingħajr talba għal ħlas lura fuq l-esportazzjoni.

18.      L-intestatura 6 tat-taqsima 6 tar-reġistru tal-vjaġġ ippreżentat fil-kuntest tat-talba għal sdoganar kienet issemmi, bħala l-uniċi punti ta’ mistrieħ u ta’ trasferiment għall-parti mill-vjaġġ li twettqet fit-territorju tal-pajjiżi terzi kkonċernati, il-lokalitajiet ta’ Brest (Belarussja), li kien previst li jintlaħaq fl-24 ta’ April fis-13.00, u ta’ Karaganda (Każakstan), li kien previst li jintlaħaq fit-30 ta’ April fit-15.00, fejn kien previst mistrieħ ta’ 24 siegħa f’kull wieħed minn dawn il-postijiet. Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, bejn l-imsemmija lokalitajiet, kienu previsti perijodi ta’ mistrieħ li matulhom l-annimali kellhom jingħalfu u jiġu misqija, mingħajr madankollu ma jinħattu. Il-parti finali tal-vjaġġ, bejn Karaganda u Andijan, kellha tieħu 29 siegħa addizzjonali.

19.      Permezz ta’ deċiżjoni tat-30 ta’ Jannar 2012, Stadt Kempten irrifjutat l-isdoganar tal-annimali tal-ifrat, filwaqt li talbet li l-pjan tal-vjaġġ jiġi emendat b’mod li jiġu osservati d-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1/2005 wkoll għall-parti tal-vjaġġ imwettaq fit-territorju tal-pajjiżi terzi kkonċernati, bejn Brest u Andijan, li ma kienx il-każ fid-dawl tal-informazzjoni tal-pjan indikata fit-taqsima 1 tal-imsemmi reġistru tal-vjaġġ.

20.      Minbarra talba għal miżuri provviżorji, li ma ntlaqatx, Zuchtvieh-Export ippreżentat rikors fuq il-mertu kontra d-deċiżjoni msemmija iktar ʼil fuq, li jinsab attwalment fi stadju ta’ appell quddiem il-Bayerischer Verwaltungsgerichtshof (qorti amministrattiva ta’ Bavaria, il-Ġermanja). Fil-kuntest ta’ dan ir-rikors, Zuchtvieh-Export titlob, b’mod partikolari, li tiġi kkonstatata l-illegalità tad-deċiżjoni ta’ Stadt Kempten tat-30 ta’ Jannar 2012, u li din tal-aħħar tiġi ordnata tipproċedi bl-isdoganar ta’ dawn l-annimali tal-ifrat.

21.      Quddiem il-qorti tar-rinviju, il-partijiet fil-kawża prinċipali sostnew teżijiet opposti fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk, fil-każ ta’ vjaġġ li jibda fit-territorju tal-Unjoni iżda li jispiċċa barra dan it-territorju, ir-Regolament Nru 1/2005, u b’mod partikolari l-Artikolu 14(1) ta’ din tal-aħħar, għandux japplika wkoll għall-parti ta’ dan il-vjaġġ li titwettaq fit-territorju ta’ pajjiż terz wieħed jew iktar.

22.      Il-qorti tar-rinviju tesprimi ruħha favur it-teżi li, skont l-Artikolu 14(1) tar-Regolament Nru 1/2005, l-awtorità kompetenti tal-post tat-tluq, fil-każ ta’ trasport li l-post tat-tluq tiegħu jkun fi ħdan it-territorju tal-Unjoni u l-post ta’ destinazzjoni jkun jinsab fit-territorju ta’ pajjiż terz, tista’ tittimbra r-reġistru tal-vjaġġ biss jekk il-kontrolli tagħha jkunu juru li d-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament ġew osservati wkoll barra t-territorju tal-Unjoni. F’dan ir-rigward hija ssemmi, minn naħa, iżda mingħajr spjegazzjoni, l-Artikoli 1, 3, 5 u 21(1)(e) tal-imsemmi regolament. Hija tagħmel riferiment, min-naħa l-oħra u fuq kollox, għall-appendiċi tal-Anness II tar-Regolament Nru 1/2005, li fih hemm il-mudelli ta’ taqsimiet differenti tar-reġistru tal-vjaġġ, u b’mod speċjali għat-taqsima 1, marbuta mal-pjan tal-vjaġġ, li tinkludi indikazzjoni f’dan is-sens:

–        il-punti 2 sa 4 tagħha (tul totali previst, post u mument tat-tluq, post ta’ destinazzjoni u mument tal-wasla), meħuda flimkien mad-definizzjoni tal-kunċett ta’ “vjaġġ” stabbilita fl-Artikolu 2(j) ta’ dan ir-regolament, li jindika li għandha tiġi pprovduta informazzjoni għall-vjaġġ kollu;

–        id-dikjarazzjoni tal-organizzatur li hija suġġetta għall-punt 7 ta’ din it-taqsima, li huwa “adotta miżuri xierqa sabiex jippreserva l-benesseri tal-annimali matul il-vjaġġ kollu, skont id-dispożizzjonijiet [tal-imsemmi] regolament”.

23.      Il-qorti tar-rinviju tirrileva wkoll li, anki fil-każ ta’ esportazzjoni, u għalkemm it-trasportatur għandu jippreżenta r-reġistru tal-vjaġġ lill-veterinarju uffiċjali tal-punt ta’ ħruġ, skont il-punt 7 tal-Anness II, huwa għandu madankollu jżomm kopja tiegħu u jibgħatha lill-awtorità kompetenti tal-post tat-tluq, skont il-punt 8 tal-imsemmi anness.

24.      Din il-qorti tqis li r-reġistru tal-vjaġġ ippreżentat minn Zuchtvieh-Export ma jinkludi l-ebda informazzjoni “realistik[a]” fis-sens tal-Artikolu 14(1)(a)(ii) tar-Regolament Nru 1/2005 għall-partijiet tal-vjaġġ imwettqa fit-territorju ta’ pajjiżi terzi. Għaldaqstant l-informazzjoni inkluża f’dan ir-reġistru tal-vjaġġ ma tippermettix li jiġi konkluż li l-vjaġġ previst josserva r-rekwiżiti li jirriżultaw minn dan ir-regolament.

25.      F’dan ir-rigward, hija tqis li ma huwiex suffiċjenti li Zuchtvieh-Export tikkonferma li, fil-kuntest tal-istadji tat-trasport li saru barra t-territorju tal-Unjoni, ġew osservati d-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjonijiet applikabbli fil-pajjiżi terzi li għaddew minnhom kif ukoll il-konvenzjonijiet internazzjonali applikabbli f’dawn il-pajjiżi. Jeħtieġ li dawn jiġu riflessi fl-entrati tar-reġistru tal-vjaġġ. Issa, dan ma seħħx fil-każ odjern, peress li t-taqsima 1 tar-reġistru tal-vjaġġ kontenzjuż ma jinkludi l-ebda informazzjoni “realistik[a]”, fis-sens tal-Artikolu 14(1)(a)(ii) tar-Regolament Nru 1/2005, filwaqt li dan ma jsemmi l-ebda punt ta’ mistrieħ matul il-vjaġġi bejn Brest u Karaganda u bejn din l-aħħar lokalità u Andijan, il-post ta’ destinazzjoni finali. Barra minn hekk, it-tqegħid tat-timbru tal-awtorità tal-post tat-tluq ikun jagħti x’jifhem li l-vjaġġ, sal-post ta’ destinazzjoni, ġie approvat fil-modalitajiet kollha tiegħu, fatt li, skont il-qorti tar-rinviju, huwa inopportun ukoll fir-rigward tal-awtoritajiet tal-pajjiżi terzi.

26.      Skont it-teżi kuntrarja, sostnuta minn Zuchtvieh-Export, l-approvazzjoni tal-pjan tal-vjaġġ fil-kuntest tal-kontrolli li għandhom jitwettqu mill-awtorità kompetenti tal-post tat-tluq skont l-Artikolu 14(1) tar-Regolament Nru 1/2005 tirrigwarda biss il-parti tal-vjaġġ li għaliha huwa applikabbli r-regolament ratione loci. Diversi dispożizzjonijiet ta’ dan tal-aħħar, fosthom l-Artikolu 21(1)(e) relatat mal-kontrolli fil-punti ta’ ħruġ u mal-postijiet ta’ ispezzjoni fil-fruntiera, jindikaw li s-sistema stabbilita minnu ma tapplikax lil hinn mill-fruntieri tal-Unjoni.

27.      Zuchtvieh-Export issostni wkoll li l-applikabbiltà tar-regoli tar-Regolament Nru 1/2005 barra t-territorju tal-Unjoni, speċjalment dawk tal-Kapitolu V tal-Anness I, marbuta mal-intervalli għat-tisqija u għall-għalif kif ukoll mal-ħinijiet tal-vjaġġ u tal-mistrieħ, ma hijiex realistika u hija kontroproduttiva; peress li, fil-pajjiż terzi, ma hemmx ħafna stalel li huma iġenikament u teknikament siguri fejn jistgħu jiġu mserrħa l-annimali ttrasportati, b’tali mod li jkun hemm riskji kbar ta’ ġrieħi u ta’ tixrid ta’ mard infettiv. Fil-fatt, ir-regoli stabbiliti minn dan ir-regolament ma jistgħux jitbiegħdu mill-kwalità tal-infrastrutturi previsti għat-trasport tal-annimali fit-territorju tal-Unjoni, bħall-postijiet ta’ kontroll (li huma l-postijiet ta’ mistrieħ) hemm mibnija, li l-Artikolu 36 tal-imsemmi regolament jissuġġetta għal rekwiżiti tekniċi u sanitarji.

28.      Barra minn hekk, il-fatt li r-regoli tar-Regolament Nru 1/2005 ma humiex neċessarjament applikabbli, mill-perspettiva materjali, fi kwalunkwe ċirkustanza huwa kkonfermat mill-Artikolu 30(6) ta’ dan tal-aħħar, li jipprevedi l-possibbiltà ta’ derogi għal vjaġġi twal bil-għan li jittieħed inkunsiderazzjoni l-lok remot ta’ ċerti reġjuni inkonnessjoni mal-parti kontinentali tat-territorju tal-Unjoni.

29.      Mill-intestatura tal-punt 6 tat-taqsima 1 tal-mudell tar-reġistru tal-vjaġġ (“Lista ta’ punti previsti ta’ mistrieħ, ta’ trasferiment jew ta’ ħruġ”) jirriżulta wkoll li l-organizzatur tat-trasport ma huwiex obbligat li jsemmi l-punti kollha ta’ mistrieħ. Barra minn hekk, ir-realtajiet ġeografiċi mhux dejjem jippermettu li jiġi previst fejn isiru l-pawżi.

30.      Barra minn hekk, dawn ir-regoli jistgħu jkunu qed jikkontradixxu r-regoli applikabbli fil-pajjiżi terzi kkonċernati, bħal dawk fis-seħħ fil-Federazzjoni tar-Russja, fejn il-prassi stabbilita tal-awtoritajiet hija dik li tipprojbixxi l-ħatt tal-annimali waqt il-ħin ta’ mistrieħ.

31.      Fl-aħħar nett, il-prinċipju ta’ territorjalità jmur favur l-applikabbiltà tar-Regolament Nru 1/2005 limitatament għat-territorju tal-Unjoni.

32.      Għal dawn l-argumenti, il-konvenuta fil-kawża prinċipali u l-Landesanwaltschaft Bayern (il-prosekutur pubbliku tal-Land Bavaria) jirrispondu li l-indisponibbiltà ta’ punti ta’ mistrieħ barra t-territorju tal-Unjoni ma teżentax lit-trasportaturi mill-obbligi imposti f’dan ir-rigward mir-Regolament Nru 1/2005. B’mod partikolari, l-assenza ta’ ħatt tal-annimali għall-perijodi ta’ mistrieħ għandha bħala konsegwenza l-fatt li l-kontenituri tat-trasport ma jitnaddfux, li t-tisqija tal-annimali kollha ma tkunx iggarantita u li ma jkunx possibbli l-kontroll tal-istat tas-saħħa ta’ kull annimal. Għaldaqstant, fid-dawl tal-premessa 5 ta’ dan ir-regolament, li tiddikjara li l-vjaġġi twal għandhom kemm jista’ jkun jiġu llimitati, jeħtieġ li tiġi prevista l-possibbiltà li ċerti trasporti ma jkunux jistgħu jitwettqu peress li l-kundizzjonijiet loġistiċi tat-trasport previst ma jkunux konformi mar-regoli applikabbli.

33.      Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Bayerischer Verwaltungsgerichtshof iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      L-Artikolu 14(1) tar-Regolament [Nru 1/2005] għandu jiġi interpretat fis-sens li, fil-każ ta’ vjaġġi twal ta’ Equidae domestiċi u ta’ annimali domestiċi tal-ispeċi tal-ifrat, tan-nagħaġ, tal-mogħoż u tal-ħnieżer, fejn il-post ta’ tluq ikun jinsab fi Stat Membru tal-Unjoni Ewropea iżda l-post ta’ destinazzjoni jkun f’pajjiż terz, l-awtorità kompetenti tal-post tat-tluq tista’ tittimbra [ir-reġistru tal-vjaġġ] ippreżentat mill-organizzatur [tat-trasport] skont l-Artikolu 14(1)(c) biss jekk [dan] [ir-reġistru jkun] jissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 14(1)(a)(ii) għall-vjaġġ kollu mill-post tat-tluq sal-post tad-destinazzjoni, jiġifieri fir-rigward ukoll tal-partijiet tal-vjaġġ li jsiru kompletament barra mit-territorju tal-Unjoni Ewropea?

2)      L-Artikolu 14(1) tar-Regolament [Nru 1/2005] għandu jiġi interpretat fis-sens li l-awtorità tal-post tat-tluq, li għandha kompetenza skont din id-dispożizzjoni, tista’ tobbliga lill-organizzatur tat-trasport, skont l-Artikolu 14(1)(b) [ta’ dan] ir-Regolament, jemenda l-arranġamenti tal-vjaġġ twil b’mod li d-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament jiġu osservati għall-vjaġġ kollu mill-post tat-tluq sal-post tad-destinazzjoni, anki jekk ċerti partijiet tal-vjaġġ isiru esklużivament f’pajjiżi terzi?”

III – L-analiżi tiegħi

34.      Pemezz tad-domandi preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 14(1) tar-Regolament Nru 1/2005 għandux jiġi interpretat fis-sens li trasport fit-tul li jibda minn Stat Memrbu u jispiċċa f’pajjiż terz għandux ikun konformi ma’ dan ir-regolament, b’mod partikolari mad-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu V tal-Anness I tal-imsemmi regolament, marbuta, b’mod partikolari, mal-ħinijiet tal-vjaġġ u ta’ mistrieħ, inkluża l-parti ta’ dan it-trasport li titwettaq barra t-territorju tal-Unjoni, u, konsegwentement, jista’ jiġi awtorizzat biss mill-awtorità kompetenti tal-post tat-tluq jekk jiġi ppjanat b’osservanza ta’ dawn id-dispożizzjonijiet.

35.      Għalhekk, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk l-awtorità kompetenti tal-post tat-tluq tistax, legalment, tirrifjuta li tittimbra r-reġistru tal-vjaġġ meta hija tqis li, fid-dawl tal-entrati inklużi fir-reġistru li jikkorrispondu għall-parti mill-vjaġġ li titwettaq barra t-territorju tal-Unjoni, l-imsemmi reġistru ma jkunx realistiku fis-sens tal-Artikolu 14(1)(a)(ii) tar-Regolament Nru 1/2005, u għalhekk, ma jkunx konformi mad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament.

36.      Ir-reġistru tal-vjaġġ, li l-mudell tiegħu jinsab fl-Anness II tal-imsemmi regolament, għandu l-għan li jipprovdi lill-awtoritajiet kompetenti bl-informazzjoni neċessarja għat-twettiq tal-kontrolli relatati mal-osservanza tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1/2005 għal vjaġġi twal. Id-dikjarazzjonijiet li jikkonċernaw l-organizzazzjoni tal-vjaġġ li jkunu inklużi fir-reġistru tal-vjaġġ għandhom jiġu vverifikati u l-konformità tagħhom għandha tiġi vvalidata mill-awtorità kompetenti tal-post tat-tluq qabel it-tagħbija tal-annimali. Din l-informazzjoni tikkostitwixxi l-bażi tal-kontrolli uffiċjali li jistgħu jiġu eżegwiti matul it-twettiq materjali tal-vjaġġ, jiġifieri fit-tagħbija, matul it-trasport jew fid-destinazzjoni.

37.      Il-kontrolli preliminari għat-tluq jirrigwardaw l-eżistenza u l-validità tal-awtorizzazzjonijiet amministrattivi obbligatorji (trasportaturi, vetturi, sewwieqa), dwar l-osservanza tad-densitajiet massimi tat-tagħbija awtorizzati skont il-kategoriji ta’ annimali ddikjarati, kif ukoll fuq id-dettall tal-itinerarju ppjanat, b’teħid inkunsiderazzjoni tal-intervalli ta’ mistrieħ mitluba skont il-kategoriji ta’ annimali kkonċernati, tad-distanza magħmula u tat-tul prevedibbli tal-operazzjonijiet f’kull stadju tal-vjaġġ.

38.      Sussegwentement, jistgħu jsiru kontrolli mill-awtoritajiet kompetenti f’kull stadju ta’ vjaġġ twil. Dawn il-kontrolli, li huma previsti fl-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 1/2005, jirrigwardaw, b’mod partikolari, l-osservanza tal-pjan li jinsab fit-taqsima 1 tar-reġistru tal-vjaġġ.

39.      Id-dikjarazzjonijiet inklużi fit-taqsima 1 tar-reġistru tal-vjaġġ (“Pjanar”), li huma l-qofol ta’ din il-kawża, huma maħsuba li jiġu pparagunati ma’ dawk inklużi fit-taqsimiet 2 (“Post tat-tluq”), 3 (“Post ta’ destinazzjoni”), 4 (“Dikjarazzjoni minn trasportatur”) u, fejn xieraq, 5 (“Rapport kampjun ta’ anomalija”). Għaldaqstant, it-taqsimiet 2 sa 5 tar-reġistru tal-vjaġġ għandhom jiġu kkompletati progressivament matul il-vjaġġ u sussegwentement għandha tintbagħat kopja ta’ dan ir-reġistru lill-awtorità kompetenti tal-post tat-tluq.

40.      Jeħtieġ, minn issa, li jiġi speċifikat li t-trasporti ta’ annimali lejn jew minn pajjiż terz huma suġġetti għal kontrolli speċifiċi, rispettivament fil-punti ta’ ħruġ u fil-postijiet ta’ spezzjoni fil-fruntieri tal-Unjoni.

41.      Dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari għandu jiġi eżaminat fid-dawl tal-ispirtu ta’ din l-iskema globali ta’ kontrolli li japplikaw għall-vjaġġi twal.

42.      Bil-għan li tingħata risposta għad-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju, huwa neċessarju li tinftiehem il-portata tal-informazzjoni marbuta mal-ħinijiet tal-vjaġġ u ta’ mistrieħ li l-organizzatur ta’ vjaġġ twil huwa obbligat li jinkludi fir-reġistru tal-vjaġġ. Fil-fatt, huwa b’mod partikolari fid-dawl ta’ din l-informazzjoni li l-awtorità kompetenti tal-post tat-tluq hija obbligata, skont l-Artikolu 14(1)(a)(ii) tar-Regolament Nru 1/2005, li tiddeċiedi jekk ir-reġistru tal-vjaġġ jippreżentax jew le natura realistika fis-sens ta’ din l-aħħar dispożizzjoni, u jekk jippermettix li jitqies li t-trasport huwa konformi ma’ dan ir-regolament.

43.      Jekk tiġi segwita t-teżi sostnuta minn Stadt Kempten, il-Landesanwaltschaft Bayern u r-Repubblika tal-Litwanja, jeħtieġ li r-reġistru tal-vjaġġ ikun jispeċifika l-parti mill-vjaġġ bejn il-punt ta’ ħruġ mit-territorju tal-Unjoni u l-pajjiż terz ta’ destinazzjoni, u dan b’mod konformi mar-rekwiżiti marbuta mal-ħinijiet tal-vjaġġ u ta’ mistrieħ previsti fil-punti 1.4(d) u 1.5 tal-Kapitolu V tal-Anness I tar-Regolament Nru 1/2005. B’mod konkret, fir-rigward tal-annimali tal-ifrat li huma suġġetti għat-trasport inkwistjoni fil-kawża prinċipali, dawn id-dispożizzjonijiet jipprevedu s-segwenti ritmi ta’ vvjaġġar: wara 14-il siegħa ta’ trasport, l-annimali għandhom jingħataw ħin ta’ mistrieħ suffiċjenti, tal-inqas ta’ siegħa, b’mod partikolari sabiex jiġu misqija u, jekk neċessarju, jingħalfu. Wara dan il-ħin ta’ mistrieħ, it-trasport jista’ jitkompla għal perijodu ieħor ta’ 14-il siegħa. Kull darba li jiskadi dan it-tul tal-vjaġġ, l-annimali għandhom jinħattu, jingħalfu u jiġu misqija u għandhom jingħataw ħin ta’ mistrieħ minimu ta’ mhux inqas minn 24 siegħa.

44.      Huwa allegat li Zuchtvieh-Export ma ppjanatx il-parti tal-vjaġġ bejn il-punt ta’ ħruġ mit-territorju tal-Unjoni u l-pajjiż terz ta’ destinazzjoni finali b’osservanza ta’ dawn ir-regoli.

45.      Fil-fehma tiegħi, din l-allegazzjoni ma hijiex fondata.

46.      Fil-fatt, mill-Artikolu 14(1)(a)(ii) tar-Regolament Nru 1/2005 jirriżulta b’mod ċar li l-kontroll preliminari li għandu jitwettaq mill-awtorità kompetenti tal-post tat-tluq jirrigwarda l-osservanza tar-regoli inklużi f’dan l-istess regolament. Għaldaqstant huwa determinanti li jiġi eżaminat liema huwa l-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmi regolament.

47.      L-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 1/2005 huwa, f’dan ir-rigward, mingħajr ambigwità. Il-kliem ta’ din id-dispożizzjoni jindika b’mod ċar li dan ir-regolament “għandu japplika għat-trasport ta’ annimali vertebrati ħajjin li jsir ġol-Komunità, inklużi l-ispezzjonijiet speċifiċi li jsiru minn uffiċjali fuq konsenji li jidħlu jew li jħallu t-territorju doganali tal-Komunità” (3).

48.      B’hekk, il-formulazzjoni magħżula mil-leġiżlatur tal-Unjoni tfisser, fl-opinjoni tiegħi, li r-regoli inklużi fl-imsemmi regolament u l-kontrolli marbuta magħhom japplikaw unikament għall-parti mit-trasport tal-annimali li titwettaq fit-territorju tal-Unjoni. Dan jinkludi l-kontrolli speċifiċi tal-lottijiet li jkunu deħlin fit-territorju doganali tal-Unjoni jew li jkun ħerġin minnu, fatt li huwa loġiku peress li, meta jitwettqu dawn il-kontrolli, it-trasport tal-annimali jkun fi ħdan it-territorju tal-Unjoni u għandu għaldaqstant ikun konformi mar-regoli stabbiliti mir-Regolament Nru 1/2005, tkun xi tkun il-provenjenza jew id-destinazzjoni tiegħu.

49.      Fid-dawl tad-definizzjoni ċara tal-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1/2005 li tinsab fl-Artikolu 1(1) ta’ dan tal-aħħar, ma jistax jiġi sostnut li l-formulazzjoni magħżula mil-leġiżlatur tal-Unjoni fl-Artikolu 14(1) tal-imsemmi regolament, sabiex tindika l-vjaġġi twal li għandhom jkunu suġġetti għal kontroll preliminari mill-awtorità kompetenti tal-post tat-tluq, tmur favur obbligu fuq l-organizzatur ta’ tali vjaġġ li josserva r-regoli marbuta mal-ħinijiet tal-vjaġġ u ta’ mistrieħ, kif huma previsti fil-Kapitolu V tal-Anness I tar-Regolament Nru 1/2005, għall-parti mill-vjaġġ li titwettaq bejn il-punt ta’ ħruġ mit-territorju tal-Unjoni u pajjiż terz.

50.      Infakkar li, skont l-Artikolu 14(1) ta’ dan ir-regolament, l-awtorità kompetenti tal-post tat-tluq hija obbligata li twettaq ċertu numru ta’ kontrolli preliminari “[fil-]każ ta’ vjaġġi twal bejn l-Istati Membri u ma’ pajjiżi terzi għal Equidae domestiċi u annimali domestiċi ta’ speċi bovina, ovina, kaprina jew suwina”.

51.      L-indikazzjoni hekk magħmula tal-vjaġġi twal li għandhom ikunu suġġetti għal kontroll ta’ konformità mar-rekwiżiti inklużi fir-Regolament Nru 1/2005 mill-awtorità kompetenti tal-post tat-tluq, ma tfissirx li, fil-każ ta’ trasport ta’ annimali lejn pajjiżi terzi, dan il-kontroll ma għandux jirrigwarda biss il-parti tal-vjaġġ li titwettaq fit-territorju tal-Unjoni, iżda wkoll il-parti tal-vjaġġ li titwettaq bejn il-punt ta’ ħruġ ta’ dan it-territorju u dak tal-pajjiż terz ta’ destinazzjoni.

52.      Fil-fatt, din l-informazzjoni hija intiża biss sabiex tispeċifika li l-vjaġġi twal kollha huma suġġetti għal kontroll preliminari mwettaq mill-awtorità kompetenti tal-post tat-tluq, kemm jekk dawn isiru biss bejn l-Istati Membri tal-Unjoni u kemm jekk dawn ikun minn jew lejn pajjiżi terzi (4). Tali formulazzjoni tippermetti li l-vjaġġi twal kollha jkunu suġġetti għar-regoli stabbiliti mir-Regolament Nru 1/2005 biss jekk dawn jitwettqu b’mod totali jew parzjali fit-territorju tal-Unjoni.

53.      Fid-dawl kemm tal-kamp ta’ applikazzjoni territorjali tar-Regolament Nru 1/2005 kif iddefinit fl-Artikolu 1(1) ta’ dan tal-aħħar, u tal-fatt li l-kontroll li l-awtorità kompetenti tal-post tat-tluq għandha twettaq huwa kontroll ta’ konformità mar-regoli stabbiliti minn dan l-istess regolament, l-organizzatur ma jistax, abbażi tal-Artikolu 14(1)(a)(ii) tal-imsemmi regolament, jintalab jindika fir-reġistru tal-vjaġġ informazzjoni relatata mal-ħinijiet tal-ivvjaġġar u ta’ mistrieħ, skont ir-rekwiżiti previsti fil-Kapitolu V tal-Anness I tar-Regolament Nru 1/2005, għall-parti mill-vjaġġ twil li titwettaq barra t-territorju tal-Unjoni.

54.      Fi kliem ieħor, huwa kontradittorju li l-awtorità kompetenti tal-post tat-tluq tista’ tallega li l-organizzatur ma inkludiex fir-reġistru tal-vjaġġ, għall-parti mill-vjaġġ li titwettaq bejn il-punt ta’ ħruġ tat-territorju tal-Unjoni u pajjiż terz, il-postijiet ta’ mistrieħ b’intervalli skont ir-rekwiżiti stabbiliti fil-Kapitolu V tal-Anness I tar-Regolament Nru 1/2005 meta, minn naħa, il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament huwa limitat għat-territorju tal-Unjoni u meta, min-naħa l-oħra, il-kontroll li din l-awtorità hija obbligata li twettaq huwa, skont l-Artikolu 14(1)(a)(ii) tal-imsemmi regolament, kontroll ta’ konformità mar-regoli stabbiliti minn dan tal-aħħar.

55.      Minn dan niddeduċi li l-“lista tal-punti previsti ta’ mistrieħ, ta’ trasferiment jew ta’ ħruġ” li għandha tiġi inkluża fl-intestatura 6 tat-taqsima 1 tar-reġistru tal-vjaġġ teżiġi biss l-inklużjoni tal-postijiet li jinsabu fit-territorju tal-Unjoni.

56.      Minn dan jirriżulta li l-Artikolu 14(1)(a)(ii) tar-Regolament Nru 1/2005 għandu, fl-opinjoni tiegħu, jiġi interpretat fis-sens li dan jawtorizza lill-awtorità kompetenti tal-post tat-tluq sempliċement li tivverifika li, fir-rigward, b’mod partikolari, tal-ħin tal-ivvjaġġar u ta’ mistrieħ previsti fil-Kapitolu V tal-Anness I ta’ dan ir-regolament, ir-reġistru tal-vjaġġ ippreżentat mill-organizzatur ikun realisitiku u jippermetti li wieħed jaħseb li t-trasport huwa konformi mal-imsemmi regolament, limitatament għall-parti mill-vjaġġ li titwettaq bejn il-post tat-tluq u l-punt ta’ ħruġ mit-territorju tal-Unjoni.

57.      Id-definizzjonijiet tal-kunċetti ta’ “vjaġġ” u ta’ “trasport” li jinsabu, rispettivament, fl-Artikolu 2(j) u (w) tar-Regolament Nru 1/2005, sa fejn dawn jirreferu għall-operazzjoni kollha ta’ trasport sal-ħatt tal-annimali fil-post ta’ destinazzjoni, mingħajr ebda distinzjoni abbażi tal-fatt li dan il-post ikun jinsab fit-territorju tal-Unjoni jew inkella f’dak ta’ pajjiż terz, ma jistgħux jiġu invokati bil-għan li jiġi estiż il-kamp ta’ applikazzjoni territorjali ta’ dan l-istess regolament. Għall-kuntrarju, dawn id-definizzjonijiet għandhom jinqraw fid-dawl tal-Artikolu 1(1) tal-imsemmi regolament, li jikkostitwixxi l-uniku artikolu li għandu l-għan li jistabbilixxi l-kamp ta’ applikazzjoni territorjali tar-Regolament Nru 1/2005.

58.      Barra minn hekk, dispożizzjonijiet oħra ta’ dan ir-regolament jikkonfermaw li, għall-finijiet tal-kontroll preliminari previst fl-Artikolu 14(1)(a)(ii) tal-imsemmi regolament, l-organizzatur ma huwiex obbligat li jinkludi informazzjoni marbuta mal-pjan tal-vjaġġ skont ir-rekwiżiti inklużi fil-Kapitolu V tal-Anness I tar-Regolament Nru 1/2005 fir-rigward tal-parti mill-vjaġġ li titwettaq bejn il-punt ta’ ħruġ mit-territorju tal-Unjoni u l-pajjiż terz ta’ destinazzjoni.

59.      Infakkar, f’dan ir-rigward, li, fil-każ ta’ vjaġġ twil li jkollu bħala destinazzjoni pajjiż terz, il-kontroll imwettaq mill-awtorità kompetenti tal-post tat-tluq jiġi kkompletat b’kontrolli oħra. Dawn jinvolvu, minn naħa, il-kontrolli previsti fl-Artikoli 15 tar-Regolament Nru 1/2005, li jistgħu jsiru f’kull stadju tal-vjaġġ fit-territorju tal-Unjoni bil-għan, b’mod partikolari, li jiġi vverifikat li l-ħinijiet tal-vjaġġ u ta’ mistrieħ ikunu josservaw il-limiti stabbiliti fil-Kapitolu V tal-Anness I ta’ dan ir-Regolament. Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 21 tal-imsemmi regolament jimponi kontrolli fil-punti ta’ ħruġ mit-territorju tal-Unjoni.

60.      Fir-rigward ta’ din l-aħħar imsemmija kategorija ta’ kontrolli, l-Artikolu 21(1) tar-Regolament Nru 1/2005 jipprevedi li, meta l-annimali jiġu ppreżentati fil-punti ta’ ħruġ, il-veterinarji uffiċjali tal-Istati Membri għandhom jivverfikaw li l-annimali jkunu ġew ittrasportati b’osservanza ta’ dan ir-regolament. Fil-kuntest tal-kontrolli fil-punti ta’ ħruġ, jiġi b’hekk ivverifikat, essenzjalment, li t-trasportaturi għandhom awtorizzazzjoni valida, li s-sewwieqa jinsabu f’pożizzjoni li jippreżentaw ċertifikat ta’ kapaċità u ta’ kompetenza professjonali valida, li l-annimali jifilħu jagħmlu l-vjaġġ, li l-mezzi ta’ trasport li bihom l-annimali ser ikollhom ikomplu l-vjaġġ tagħhom josservaw id-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu II tal-Anness I u, fejn xieraq, il-Kapitolu VI tal-imsemmi regolament, jekk ikunu ġew jew għandhom jiġu ttrasportati fit-tul Equidae domestiċi u ta’ annimali domestiċi tal-ispeċi tal-ifrat, tan-nagħaġ, tal-mogħoż u tal-ħnieżer.

61.      Barra minn hekk, l-Artikolu 21(1)(e) tar-Regolament Nru 1/2005 jipprevedi li l-veterinarji uffiċjali għandhom jivverifikaw li, “fil-każ ta’ esportazzjoni, it-trasportatur ipprovda prova li l-vjaġġ mill-post tat-tluq għall-ewwel post tal-ħatt fil-pajjiż ta’ destinazzjoni finali hija konformi ma’ kull qbil internazzjonali elenkat fl-Anness V li huwa applikabbli fil-pajjiżi terzi konċernati”. Dan l-aħħar anness jagħmel riferiment, f’dan ir-rigward, għall-konvenzjoni Ewropea għall-protezzjoni tal-annimali matul it-trasport internazzjonali. (5).

62.      Fl-opinjoni tiegħi, jista’ jiġi dedott mill-Artikolu 21(1)(e) tar-Regolament Nru 1/2005 li, b’mod koerenti mal-kamp ta’ applikazzjoni territorjali tar-Regolament Nru 1/2005 kif huwa speċifikat fil-Artikolu 1(1) ta’ dan ir-regolament, il-vjaġġ bejn il-punt ta’ ħruġ tat-territorju tal-Unjoni u l-pajjiż terz ta’ destinazzjoni huwa rregolat mhux minn regoli inklużi fl-imsemmi regolament, iżda, fejn applikabbli, minn strumenti ta’ ftehim internazzjonali.

63.      Barra minn hekk, diversi dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1/2005 juru, fil-fehma tiegħi, li, fil-każ ta’ vjaġġ twil lejn pajjiż terz, ir-reġistru tal-vjaġġ għandu jiġi kkompletat biss sal-punt ta’ ħruġ mit-territorju tal-Unjoni.

64.      Għalhekk, l-Artikolu 21(2) ta’ dan ir-regolament jispeċifika, b’mod partikolari, li, għal tali vjaġġi, “veterinarji uffiċjali ta’ punti tal-ħruġ [...] għandhom jagħmlu u jirreġistraw l-ispezzjonijiet elenkati fit-Taqsima 3 ‘Post ta’ destinazzjoni’ tal-ktieb tal-vjaġġ fl-Anness II”. Għal dawn il-vjaġġi, il-veterinarju uffiċjali tal-punt ta’ ħruġ għalhekk jissostitwixxi d-detentur fil-post ta’ destinazzjoni, li huwa obbligat, fil-prinċipju, li jimla t-taqsima 3 tar-reġistru tal-vjaġġ. Fi kliem ieħor, huwa dan il-veterinarju, f’dan l-istadju tal-vjaġġ, li għandu l-obbligu li jikkonferma li dan tal-aħħar huwa konformi mar-Regolament Nru 1/2005, u, b’mod partikolari, li l-pjan previst fit-taqsima 1 tar-reġistru tal-vjaġġ jiġi osservat bejn il-post tat-tluq u l-punt ta’ ħruġ.

65.      Diversi punti introduttivi tal-Anness II tar-Regolament Nru 1/2005 huma fl-istess sens. Għalhekk, skont il-punt 3(e), ta’ dan l-anness, l-organizzatur għandu “jassigura li l-ktieb tal-vjaġġ jakkompannja lill-annimali matul il-vjaġġ sal-post tad-destinazzjoni jew, fil-każ ta’ esportazzjoni lejn pajjiż terz, mill-anqas sal-punt tal-ħruġ” (6). Barra minn hekk, l-ewwel paragrafu tal-punt 7 tal-imsemmi Anness, jispeċifika li, “[j]ekk l-annimali huma esportati lejn pajjiż terz, it-trasportatur għandu jagħti l-ktieb tal-vjaġġ lill-veterinarju uffiċjali fil-punt tal-ħruġ”. Il-konstatazzjoni li, skont il-punt 8 tal-Anness II tar-Regolament Nru 1/2005, it-trasportatur għandu sussegwentement iżomm kopja tar-reġistru tal-vjaġġ ikkompletat ma tiċħadx, iżda bil-kontra tikkonferma, li l-oriġinal tar-reġistru tal-vjaġġ ma għandux iktar jiġi kkompletat wara l-kontrolli mwettqa mill-veterinarju uffiċjali fil-punt ta’ ħruġ tal-Unjoni.

66.      Issa, li kieku l-leġiżlatur tal-Unjoni ried jimponi l-osservanza tar-regoli inklużi fil-Kapitolu V tal-Anness I tar-Regolament Nru 1/2005 għall-parti mill-vjaġġ li titwettaq bejn il-punt ta’ ħruġ u l-pajjiż terz ta’ destinazzjoni, dan kien jimponi fuq it-trasportatur l-obbligu li jżomm l-oriġinal tar-reġistru tal-vjaġġ matul il-vjaġġ kollu u kien jipprevedi sistema ta’ kontroll fil-pajjiż terz ta’ destinazzjoni.

67.      Mill-elementi preċedenti jirriżulta li, fil-każ ta’ vjaġġ twil lejn pajjiż terz, il-pjan tal-vjaġġ inkluż fit-taqsima 1 tar-reġistru tal-vjaġġ huwa rifless b’mod konkret fit-taqsimiet l-oħra biss ta’ dan ir-reġistru sal-punt ta’ ħruġ mit-territorju tal-Unjoni. Għalhekk, dan il-pjan ma huwiex intiż li jiġi pparagunat mal-vjaġġ li jkun sar effettivament wara dan il-punt ta’ ħruġ. Għaldaqstant ikun inkoerenti li jintalab li tali pjan ikun jinkludi informazzjoni relatata mal-ħinijet tal-ivvjaġġar u ta’ mistrieħ skont ir-rekwiżiti previsti fil-Kapitolu V tal-Anness I tar-Regolament Nru 1/2005 fir-rigward tal-vjaġġ li jitwettaq lil hinn mill-punt ta’ ħruġ mit-territorju tal-Unjoni, peress li din il-parti mill-vjaġġ ma hijiex suġġetta għal verifiki fil-kuntest tas-sistema ġenerali implementata minn dan ir-regolament.

68.       F’dan ir-rigward, il-paragun mas-sistema speċjali implementata mil-leġiżlatur tal-Unjoni fil-qasam tal-ħlas lura fuq l-esportazzjoni juri li, barra din is-sistema, ir-rekwiżiti inklużi fil-Kapitolu V tal-Anness I tar-Regolament Nru 1/2005 ma humiex intiżi li japplikaw għall-parti tat-trasport tal-annimali li titwettaq barra t-territorju tal-Unjoni.

69.      Skont l-Artikolu 168 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007, tat-22 ta’ Ottubru 2007, li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni ta’ swieq agrikoli u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għal ċerti prodotti agrikoli (regolament “OKS unika”) (7), dwar prodotti tas-settur tal-laħam tal-annimali tal-ifrat, “l-għoti u l-pagament tar-rifużjoni għal esportazzjonijiet [ħlas lura fuq l-esportazzjoni] ta’ annimali ħajjin għandhom ikunu suġġetti għal qbil mad-dispożizzjonijiet stabbiliti fil-leġislazzjoni Komunitarja rigward il-benesseri ta’ l-annimali u, b’mod partikolari, il-protezzjoni ta’ l-annimali waqt it-trasport”.

70.      L-Artikolu 1 tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 817/2010, tas-16 ta’ Settembru 2010, li jippreskrivi regoli dettaljati skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 fir-rigward ta’ rekwiżiti għall-għoti ta’ rifużjonijiet konnessi mal-welfare tal-annimali tal-ifrat ħajjin matul it-trasport (8), intitolat “Ambitu”, jispeċifika li l-ħlas ta’ dawn il-ħlasijiet lura “għandu jkun suġġett għall-konformità, waqt it-trasport tal-annimali lejn l-ewwel post tal-ħatt fil-pajjiż terz tad-destinazzjoni finali, mal-Artikoli 3 sa 9 tar-Regolament (KE) Nru 1/2005 u [mal-annessi msemmija fih] [...]”.

71.      Minn din id-dispożizzjoni jirriżulta b’mod ċar li, bil-kontra ta’ dak li huwa applikabbli fil-kuntest tas-sistema ġenerali stabbilita mir-Regolament Nru 1/2005, l-osservanza tar-rekwiżiti imposti mill-Artikoli 3 sa 9 ta’ dan ir-regolament kif ukoll fl-annessi marbuta magħhom hija imposta fir-rigward tal-vjaġġ kollu, inkluża l-parti mill-vjaġġ li titwettaq bejn il-punt ta’ ħruġ mit-territorju tal-Unjoni u l-pajjiż terz ta’ destinazzjoni.

72.      Is-sistema ta’ kontroll implementata mir-Regolament Nru 817/2010 hija adattata għal dan il-kamp ta’ applikazzjoni estiż tar-rekwiżiti stabbiliti mir-Regolament Nru 1/2005.

73.      Għalhekk, fir-rigward tal-kontrolli fit-territorju doganali tal-Unjoni, l-Artikolu 2(2) tar-Regolament Nru 817/2010 jipprevedi li l-veterinarju uffiċjali tal-punt ta’ ħruġ għandu jwettaq il-verifiki li ġejjin.

74.      Minn naħa, skont l-Artikolu 2(2)(a) ta’ dan ir-regolament, il-veterinarju uffiċjali tal-punt ta’ ħruġ għandu jivverifika jekk “ir-rekwiżiti preskritti fir-Regolament (KE) Nru 1/2005 kinux osservati mill-post tat-tluq [...] sal-punt ta’ ħruġ”.

75.      Min-naħa l-oħra, dan il-veterinarju għandu, skont l-Artikolu 2(2)(b) tar-Regolament Nru 817/2010, jivverifka jekk “il-kondizzjonijiet tat-trasport għall-bqija tal-vjaġġ jikkonformawx mar-Regolament (KE) Nru 1/2005 u [jekk ittieħdux] l-arranġamenti meħtieġa [...] biex tkun żgurata l-osservanza tiegħu sal-ewwel ħatt fil-pajjiż terz tad-destinazzjoni finali.”

76.      Il-veterinarju uffiċjali tal-punt ta’ ħruġ għandu jdaħħal ir-riżultati ta’ dan il-kontroll fir-“rapport ta’ kontroll fil-punt ta’ ħruġ” li l-mudell tiegħu jinsab fl-Anness I tar-Regolament Nru 817/2010. Dan ir-rapport jiddistingwi bejn il-kontrolli li huma relatati mal-vjaġġ sal-punt ta’ ħruġ u dawk li jikkonċernaw il-vjaġġ lil hinn mill-punt ta’ ħruġ. Sabiex il-kontrolli jitqiesu li huma sodisfaċenti, jeħtieġ li l-esportatur josserva r-rekwiżiti inklużi fir-Regolament Nru 1/2005 fir-rigward taż-żewġ partijiet tal-vjaġġ.

77.      Sussegwentement, dawn il-kontrolli għandhom jiġu kkompletati minn kontrolli fil-pajjiżi terzi.

78.      Għalhekk, skont l-Artikolu 3(1)(a) u (b) tar-Regolament Nru 817/2010, l-esportatur għandu jiżgura li l-annimali jiġu ssuġġettati għal kontroll wara li jkunu ħallew it-territorju doganali tal-Unjoni f’żewġ każijiet, jiġifieri, minn naħa, kullimkien fejn ikun hemm tibdil tal-mezz ta’ trasport u, min-naħa l-oħra, mal-ewwel ħatt fil-pajjiż terz ta’ destinazzjoni finali. Skont l-Artikolu 3(2) ta’ dan ir-regolament, dawn il-kontrolli għandhom jitwettqu minn kumpannija speċjalizzata fuq livell internazzjonali fil-qasam tal-kontroll u ta’ sorveljanza, approvata u kkontrollata għal dan l-għan minn Stat Membru, jew inkella minn korp uffiċjali ta’ Stat Membru.

79.      Din id-deskrizzjoni tas-sistema speċjali implementata mir-Regolament Nru 817/2010 turi, fil-fehma tiegħi, li, kieku l-leġiżlatur tal-Unjoni kien irid jestendi b’mod ġenerali l-obbligu tal-organizzatur ta’ vjaġġ twil li josserva r-rekwiżiti inklużi fil-Kapitolu V tal-Anness I tar-Regolament Nru 1/2005 fir-rigward tal-parti mill-vjaġġ li titwettaq bejn il-punt ta’ ħruġ mit-territorju tal-Unjoni u l-pajjiż terz ta’ destinazzjoni, dan kien, minn naħa, jadotta definizzjoni iktar wiesgħa tal-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament minn dik inkluża fl-Artikolu 1(1) ta’ dan tal-aħħar u, min-naħa l-oħra, jinkludi ma’ dan l-obbligu sistema ta’ kontroll paragunabbli ma’ dak li implementa fil-qasam ta’ ħlas lura fuq l-esportazzjoni.

80.      Fid-dawl ta’ dawn l-elementi kollha, jiena nqis li r-Regolament Nru 1/2005 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jobbligax l-organizzatur ta’ vjaġġ twil lejn pajjiż terz jinkludi fl-intestatura 6 tat-taqsima 1 tar-reġistru tal-vjaġġ informazzjoni marbuta mal-ħinijiet tal-vjaġġ u ta’ mistrieħ skont ir-rekwiżiti previsti fil-Kapitolu V tal-Anness I ta’ dan ir-regolament fir-rigward tal-parti mill-vjaġġ li titwettaq bejn il-punt ta’ ħruġ mit-territorju tal-Unjoni u l-pajjiż terz ta’ destinazzjoni.

81.      Konsegwentement, jiena tal-fehma li l-Artikolu 14(1)(a)(ii) u (ċ) tal-imsemmi regolament għandu jiġi interpretat fis-sens li l-awtorità kompetenti tal-post tat-tluq ma tistax tirrifjuta li tittimbra r-reġistru tal-vjaġġ abbażi tal-fatt li l-informazzjoni inkluża f’dan ir-reġistru li tkun marbuta mal-parti mill-vjaġġ li titwettaq bejn il-punt ta’ ħruġ mit-territorju tal-Unjoni u l-pajjiż terz ta’ destinazzjoni ma tkunx konformi mar-rekwiżiti previsti mill-Kapitolu V tal-Anness I tar-Regolament Nru 1/2005.

82.      L-istess japplika għat-trasport ta’ annimali li joriġina minn pajjiż terz. L-organizzatur ta’ dan it-trasport huwa mitlub li jikkonforma ruħu mar-rekwiżiti inklużi f’dan ir-regolament sa mid-dħul tiegħu fit-territorju tal-Unjoni minn post ta’ ispezzjoni tal-fruntiera. Bil-kontra, fid-dawl tal-fatt li l-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmi regolament huwa limitat għat-territorju tal-Unjoni, dan l-organizzatur ma jistax jiġi mistenni li jkun osserva dawn l-istess rekwiżiti fir-rigward tal-parti mill-vjaġġ li titwettaq qabel id-dħul tiegħu fit-territorju tal-Unjoni, anki jekk il-vjaġġ minn pajjiż terz sal-Istat Membru ta’ destinazzjoni tikkostitwixxi l-uniku u l-istess vjaġġ.

83.      Issa jeħtieġ li tiġi eżaminata l-fondatezza tat-teżi żviluppata mill-Kummissjoni Ewropea fil-kuntest ta’ din il-kawża.

84.      Fil-fatt, għalkemm, fid-dawl tal-ispjegazzjonijiet li pprovdiet fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha kif ukoll waqt is-seduta, il-Kummissjoni tidher ukoll li tqis li r-rekwiżiti previsti fil-Kapitolu V tal-Anness I tar-Regolament Nru 1/2005 ma humiex applikabbli għall-parti mill-vjaġġ li titwettaq barra t-territorju tal-Unjoni, hija tipproponi madankollu triq tan-nofs li essenzjalment tippermetti lill-awtorità kompetenti tal-post tat-tluq li tivverfika jekk, fir-rigward ta’ dik il-parti mill-vjaġġ, l-organizzatur ta’ dan tal-aħħar ikunx osserva l-“kondizzjonijiet ġenerali għat-trasport ta’ l-annimali” elenkati fl-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 1/2005.

85.      Għandu jitfakkar li din id-dispożizzjoni tiddikjara l-prinċipju li “[l] -ebda persuna m’għandha titrasporta annimali jew twassal li annimali jiġu trasportati b’mod li jista’ jwassal għal korriment jew tbatija bla bżonn”. Din tinkludi wkoll ċertu numru ta’ kundizzjonijiet ġenerali, bħal dak li tistabbilixxi li “l-arranġamenti meħtieġa kollha jkunu saru bil-quddiem sabiex jiġi mnaqqas it-tul tal-vjaġġ u sabiex il-ħtiġijiet ta’ l-annimali matul il-vjaġġ ikunu sodisfatti”, dak li tipprevedi li “it-trasport isir bla dewmien għall-post destinat u [li] l-kondizzjonijiet tal-benesseri ta’ l-annimali huma eżaminati regolarment u miżmuma b’mod xieraq”, jew anki dak li tistabbilixxi li “jiġu mogħtija ilma, ġwies u mistrieħ lill-annimali f’intervalli xierqa u li jkunu xierqa fil-kwalità u l-kwantità għall-ispeċi u l-qies tagħhom”.

86.      Ma naħsibx li s-soluzzjoni proposta mill-Kummissjoni tista’ tintlaqa’ u dan għar-raġunijiet li ġejjin.

87.      Fl-ewwel lok, jeħtieġ li jiġi enfasizzat il-fatt li, fin-nuqqas ta’ indikazzjoni kuntrarja, id-definizzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni territorjali ta’ dan ir-regolament, kif tirriżulta mill-Artikolu 1(1) ta’ dan tal-aħħar, tapplika wkoll neċessarjament għar-rekwiżiti kollha inklużi fl-imsemmi regolament, sa fejn dan jirrigwarda l-“[k]ondizzjonijiet ġenerali għat-trasport ta’ l-annimali”, kif elenkati fl-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 1/2005, jew ir-rekwiżiti iktar preċiżi, bħall-ispeċifikazzjonijiet tekniċi ddettaljati fl-Anness I ta’ dan l-istess regolament.

88.      Għaldaqstant, fid-dawl tal-kliem ċar tal-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 1/2005, jidher li huwa impossibbli li jiġi sostnut, kif tagħmel il-Kummissjoni, minn naħa, li r-rekwiżiti previsti mill-Kapitolu V tal-Anness I ta’ dan ir-regolament ma humiex applikabbli għall-parti mill-vjaġġ li titwettaq barra t-territorju tal-Unjoni u, min-naħa l-oħra, li din l-insuffiċjenza tal-imsemmi regolament tista’ tiġi rrimedjata billi jiġi estiż il-kamp ta’ applikazzjoni tal-“[k]ondizzjonijiet ġenerali għat-trasport ta’ l-annimali” li jinsabu fl-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 1/2005 għall-vjaġġ kollu sal-pajjiż terz ta’ destinazzjoni.

89.      Fit-tieni lok, is-soluzzjoni suġġerita mill-Kummissjoni twassal sabiex l-awtorità kompetenti tal-post tat-tluq tingħata setgħa ta’ evalwazzjoni estiża sabiex tevalwa, fir-rigward tal-parti mill-vjaġġ li titwettaq barra t-territorju tal-Unjoni, in-natura adegwata tal-ħinijiet tal-ivvjaġġar u ta’ mistrieħ previsti. Id-diverġenzi ta’ evalwazzjoni li jsegwu min-naħa tal-awtoritajiet kompetenti jidhirli li ma huwiex kompatibbli wisq mal-għan imperattiv tal-applikazzjoni uniformi tar-Regolament Nru 1/2005, kif ukoll ma’ għanijiet oħra segwiti minn dan ir-regolament, flimkien ma’ dak ta’ protezzjoni tal-annimali matul it-trasport, jiġfieri l-eliminazzjoni ta’ ostakoli tekniċi għall-kummerċ ta’ annimali ħajjin u l-funzjonament korrett tal-organizzazzjonijiet tas-suq (9).

90.      Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal, jekk jiġi ammess li l-awtorità kompetenti tal-post tat-tluq tibbenefika minn setgħa ta’ evalwazzjoni daqstant estiża fl-implementazzjoni tal-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 3 tal-imsemmi regolament, li huma kkaratterizzati mill-aspett ġenerali tagħhom, dan ikun iwassal għal distorsjonijiet tal-kompetizzjoni bejn l-organizzaturi tat-trasport ta’ annimali ħajjin.

91.      Għal dawn ir-raġunijiet, jiena ma nsegwix għaldaqstant it-teżi sostnuta mill-Kummissjoni, li tikkonsisti fl-għoti ta’ risposta differenti għad-domandi magħmula mill-qorti tat-rinviju skont jekk ikunux inkwistjoni l-kundizzjonijiet ġenerali applikabbli għat-trasport ta’ annimali, kif inhuma elenkati fl-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 1/2005 jew inkella r-rekwiżiti iktar preċiżi inklużi f’dan ir-regolament, bħal dawk imsemmija fil-Kapitolu V tal-Anness I ta’ dan ir-regolament.

92.      Sabiex nikkonkludi, nindika li jiena perfettament konxju mill-importanza tal-għan ta’ protezzjoni tal-annimali waqt it-trasport. Għandi wkoll għal qalbi l-ispirtu tal-Artikolu 13 TFUE li jimponi fuq l-Unjoni u l-Istati Membri, meta jifformulaw u jimplementaw il-politika tal-Unjoni b’mod partikolari fl-oqsma tal-agrikoltura u tat-trasporti, li jittieħdu kompletament inkunsiderazzjoni r-rekwiżiti tal-benesseri tal-anninali bħala esseri sensittivi.

93.      Nifhem ukoll il-problema fl-għoti ta’ effett utli lir-Regolament Nru 1/2005 sabiex ikun l-iktar estiż possibbli f’termini ġeografiċi, kemm jekk jintużaw ir-regoli ġenerali li jinsabu fl-Artikolu 3 ta’ dan ir-regolament jew ukoll jekk jintuża l-Artikolu 13 TFUE.

94.      Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li l-leġiżlatur tal-Unjoni kellu l-intenzjoni, tal-inqas f’dan l-istadju tal-evoluzzjoni tad-dritt tal-Unjoni, li jillimita l-kamp ta’ applikazzjoni ratione loci tar-Regolament Nru 1/2005 għat-territorju tal-Unjoni.

95.      Konsegwentement, fil-fehma tiegħi, huwa dan l-istess leġiżlatur, u huwa biss, li għandu jiddeċiedi li jimponi fil-futur, l-osservanza tar-rekwiżiti inklużi f’dan ir-regolament għall-vjaġġ twil kollu, inkluż fir-rigward tal-parti minn dan il-vjaġġ li titwettaq barra t-territorju tal-Unjoni, u li jinkludi tali estensjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni territorjali tal-imsemmi regolament bl-implementazzjoni ta’ sistema adegwata ta’ kontroll.

IV – Konklużjoni

96.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha premessi, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tirrispondi għad-domandi preliminari magħmula mill-Bayerischer Verwaltungsgerichtshof kif ġej:

Ir-Regolament (KE) Nru 1/2005, tat-22 ta’ Diċembru 2004, dwar il-protezzjoni tal-annimali waqt it-trasport u operazzjonijiet relatati u li temenda d-Direttivi 64/432/KEE u 93/119/KE u r-Regolament (KE) Nru 1255/97, għandu jiġi interpretat fis-sens li dan ma jimponix fuq l-organizzatur ta’ vjaġġ twil lejn pajjiż terz li jinkludi fl-intestatura 6 tat-taqsima 1 tar-reġistru tal-vjaġġ, informazzjoni relatata mal-ħinijiet tal-ivvjaġġar u ta’ mistrieħ b’mod konformi mar-rekwiżiti previsti fil-Kapitolu V tal-Anness I ta’ dan ir-regolament jew mal-kundizzjonijiet ġenerali applikabbli għat-trasport ta’ annimali inklużi fl-Artikolu 3 tal-imsemmi regolament, fir-rigward tal-parti mill-vjaġġ li titwettaq bejn il-punt ta’ ħruġ mit-territorju tal-Unjoni u l-pajjiż terz ta’ destinazzjoni.

Konsegwentment, l-Artikolu 14(1)(a)(ii) u (ċ) tar-Regolament Nru 1/2005 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-awtorità kompetenti tal-post tat-tluq ma tistax tirrifjuta li tittimbra r-reġistru tal-vjaġġ abbażi tal-fatt li l-informazzjoni inkluża f’dan ir-reġistru marbuta mal-parti mill-vjaġġ li titwettaq bejn il-punt ta’ ħruġ mit-territorju tal-Unjoni u l-pajjiż terz ta’ destinazzjoni ma tkun konformi la mar-rekwiżiti previsti fil-Kapitolu V tal-Anness I ta’ dan ir-regolament u lanqas mal-kundizzjonijiet ġenerali applikabbli għat-trasport ta’ annimali inklużi fl-Artikolu 3 tal-imsemmi regolament.


1 – Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2 – ĠU 2005, L 3, p. 1, u – rettifika – ĠU 2011, L 336, p. 86.


3 – Il-korsiv huwa żieda tiegħi.


4 – L-istess analiżi tapplika għall-Artikolu 5(4) tar-Regolament Nru 1/2005, li jimponi fuq it-trasportaturi u l-organizzaturi li jikkonformaw ruħhom mad-dispożizzjonijiet marbuta mar-reġistru tal-vjaġġ li huma inklużi fl-Anness II ta’ dan ir-Regolament, fil-każ ta’ vjaġġi twal, bejn l-Istati Membri u minn jew lejn pajjiżi terzi.


5 – Konvenzjoni ffirmata fit-13 ta’ Diċembru 1968 f’Pariġi. Test irrivedut skont id-dispożizzjonijiet tal-Protokoll tal-Konvenzjoni Ewropea għall-protezzjoni tal-annimali matul it-trasport internazzjonali, li daħal fis-seħħ fis-7 ta’ Novembru 1989. Fir-rigward tal-iffirmar ta’ din il-konvenzjoni mill-Unjoni, ara d-Deċiżjoni tal-Kunsill, tal-21 ta’ Ġunju 2004, dwar l-iffirmar tal-Konvenzjoni Ewropea għall-protezzjoni tal-annimali matul it-trasport internazzjonali (ĠU L 241, p. 21).


6 – Il-korsiv huwa miżjud minni.


7 – ĠU L 299, p. 1.


8 – ĠU L 245, p. 16.


9 – F’dan ir-rigward, ara s-sentenza Danske Svineproducenter (C‑316/10, EU:C:2011:863, punti 44 u 55).