Language of document : ECLI:EU:C:2012:193

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

CRUZ VILLALÓN

ippreżentati fid-29 ta’ Marzu 2012 (1)

Kawża C-616/10

Solvay SA

vs

Honeywell Fluorine Products Europe BV,

Honeywell Belgium NV,

Honeywell Europe NV,

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mir-Rechtbank ’s-Gravenhage (il-Pajjizi l-Baxxi)]

“Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili — Ġurisdizzjoni, rikonoxximent u eżekuzzjoni tas-sentenzi — Regolament (KE) Nru 44/2001— Azzjoni għal ksur ta’ privattiva Ewropea — Ġurisdizzjoni speċjali u esklużiva — Artikolu 6(1) — Numru ta’ konvenuti — Artikolu 22(4) — Kontestazzjoni tal-validità tal-privattiva — Artikoli 31 — Miżuri provviżorji jew kawtelatorji”






1.        Billi quddiemha tressqu azzjonijiet għal konstatazzjoni ta’ ksur ta’ privattiva Ewropea kontra kumpanniji stabbiliti fi Stati Membri differenti, segwiti minn talba għal miżura provviżorja li tipprojbixxi l-ksur transkonfinali, ir-Rechtbank ’s-Gravenhage (il-Pajjiżi l-Baxxi) qed tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja diversi domandi preliminari dwar l-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001, tat-22 ta’ Diċembru 2000, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (2) fir-rigward ta’ kawżi relatati ma’ drittijiet ta’ proprjetà intellettwali.

2.        Id-domandi ferm preċiżi tal-qorti tar-rinviju (3) huma ffokati fuq uħud mill-problemi prinċipali (4) li tqajjem l-applikazzjoni ta’ dan ir-regolament fir-rigward tal-kawżi transkonfinali li jikkonċernaw il-privattivi Ewropej (5), u b’hekk jagħtu l-opportunità lill-Qorti tal-Ġustizzja l-possibbiltà sabiex tagħmel xi preċiżazzjonijiet dwar l-iktar sentenzi importanti tagħha f’dan il-qasam li jikkonċernaw l-Artikolu 6(1) (6), l-Artikolu 22(4) (7), u l-Artikolu 31 (8) tar-Regolament Nru 44/2001.

I –    Il-kuntest ġuridiku

3.        Skont l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 44/2001, u b’deroga mill-prinċipju stabbilit bl-Artikolu 2 tal-imsemmi regolament, persuni domiċiljati fi Stat Membru jistgħu jitfittxew fil-qrati ta’ Stat Membru ieħor bis-saħħa biss tar-regoli stabbiliti fl-Artikoli 5 sa 24 tal-istess regolament.

4.        L-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 44/2001 jipprevedi li persuna li tkun domiċiljata fi Stat Membru tista’ wkoll titfittex fi Stat Membru ieħor:

“[...]

1.       meta tkun waħda minn numru ta’ konvenuti, fil-qrati tal-post fejn wieħed minnhom jkun domiċiljat, basta illi t-talbiet ikunu marbuta hekk mill-qrib li jkun aktar espedjenti li jinstemgħu u jiġu determinati flimkien sabiex jevitaw ir-riskju ta’ ġudizzji irrikkonċiljabbli li jirriżultaw minn proċedimenti separati;

[…]”.

5.        L-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 44/2001 jipprovdi:

“Dawn il-qrati li ġejjin għandhom ikollhom ġurisdizzjoni esklussiva, independentament mid-domiċilju:

[…]

4. fi proċedimenti li għandhom x’jaqsmu mar-reġistrazzjoni jew validità ta’ patenti [privattivi], trade marks, disinnji [u mudelli], jew drittijiet oħra simili meħtieġa sabiex jiġu depożitati jew reġistrati, il-qrati ta’ l-Istat Membru li fih tkun saret l-applikazzjoni għad-depożitu jew ir-reġistrazzjoni, ikun seħħ jew ikunu taħt it-termini ta’ strument tal-Komunità jew ta’ konvenzjoni internazzjonali huwa meqjus li jkun seħħ.

Bla ħsara għal ġurisdizzjoni ta’ l-Uffiċju Ewropew tal-Patenti [Privattivi] skond il-Konvenzjoni dwar l-Għoti ta’ Patenti [Privattivi] Ewropew, iffirmata f’Munich fil-5 ta’ Ottubru 1973, il-qrati ta’ kull Stat Membru għandhom ikollhom il-ġurisdizzjoni esklussiva, independentament mid-domiċilju, fi proċedimenti li jikkonċernaw ir-reġistrazzjoni jew il-validità ta’ xi patent [privattiva] Ewopew mogħti għal dak l-Istat;

[…]”.

6.        Fl-aħħar nett, l-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 44/2001 jipprovdi:

“Tista’ ssir applikazzjoni lill-qrati ta’ Stat Membru għal miżuri proviżorji bħal dawn, inklużi miżuri protettivi [kawtelatorji], skond kif jista’ jkun disponibbli permezz tal-liġi ta’ dak l-Istat, permezz ta’ dan ir-Regolament, [anki jekk ikunu] qrati ta’ Stat Membru ieħor li jkollhom il-ġurisdizzjoni dwar is-sustanza tal-materja”.

II – Il-fatti li wasslu għall-kawża prinċipali

7.        Il-kumpannija Solvay SA, stabbilita fil-Belġju u proprjetarja tal-privattiva Ewropea EP 0 858 440 fis-seħħ f’diversi Stati Membri (9), fis-6 ta’ Marzu 2009 ressqet quddiem ir-Rechtbank ’s-Gravenhage fil-Pajjiżi l-Baxxi azzjoni għal ksur (10) ta’ diversi partijiet nazzjonali tal-imsemmija privattiva kontra, b’mod partikolari, tliet kumpanniji li joriġinaw minn żewġ Stati Membri differenti, Honeywell Fluorine Products Europe BV, stabbilita fil-Pajjiżi l-Baxxi, kif ukoll Honeywell Belgium NV u Honeywell Europe NV, stabbiliti fil-Belġju (11), talli kkummerċjalizzaw prodott immanifatturat minn Honeywell International Inc. (HFC-245), identiku għal dak kopert mill-imsemmija privattiva.

8.        Fil-kuntest ta’ dawn il-proċeduri, fid-9 ta’ Diċembru 2009, Solvay SA ressqet talba inċidentali kontra l-konvenuti fil-kawża prinċipali (12), fejn talbet l-għoti ta’ miżura provviżorja li tipprojbixxi l-ksur transkonfinali għat-tul kollu tal-kawża prinċipali.

9.        Billi l-konvenuti fil-kawża prinċipali kienu qajmu, fil-kuntest tal-proċedura inċidentali, l-invalidità tal-partijiet nazzjonali tal-privattiva inkwistjoni, mingħajr madankollu ma kienu ressqu u lanqas ma qalu li riedu jressqu azzjonijiet għal dikjarazzjoni ta’ invalidità, u billi kkontestaw il-ġurisdizzjoni tal-qorti Olandiża adita biex tieħu konjizzjoni kemm tal-azzjoni prinċipali kif ukoll tal-proċedura inċidentali, ir-Rechtbank ’s-Gravenhage ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja domanda preliminari dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 44/2001 u diversi domandi preliminari dwar l-Artikolu 22(4) u l-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 44/2001.

III – Id-domandi preliminari

10.      Id-domandi preliminari magħmula mir-Rechtbank ’s-Gravenhage jaqraw hekk:

“1)      Fir-rigward tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 44/2001:

F’sitwazzjoni fejn żewġ kumpanniji jew iktar li joriġinaw minn Stati Membri differenti, huma akkużati, separatament, fi proċeduri pendenti quddiem qorti ta’ wieħed minn dawn l-Istati Membri, bi ksur tal-istess parti nazzjonali ta’ privattiva Ewropea li hija fis-seħħ fi Stat Membru ieħor, minħabba l-atti riżervati tagħhom li jikkonċernaw l-istess prodott, hemm il-possibbiltà ta’ ‘ġudizzji irrikkonċiljabbli’ jekk il-kawżi jiġu deċiżi separatament skont l-Artikolu 6(1) [tal-imsemmi] Regolament?

2) Fir-rigward tal-Artikolu 22(4) tar-Regolament Nru 44/2001:

a) L-Artikolu 22(4) [ta’ dan ir-] regolament huwa applikabbli għal proċeduri intiżi għall-kisba ta’ miżura provviżorja abbażi ta’ privattiva barranija (bħall-projbizzjoni ‘provviżorja’ ta’ ksur transkonfinali) fil-każ fejn il-konvenut jinvoka, bħala difiża, in-nullità [l-invalidità] tal-privattiva invokata, b’kunsiderazzjoni għall-fatt li l-qorti f’tali każ ma tagħtix deċiżjoni definittiva dwar il-validità tal-privattiva invokata, iżda tevalwa kif il-qorti li għandha ġurisdizzjoni bis-saħħa tal-Artikolu 22(4) [tal-imsemmi] regolament ser tiddeċiedi f’dan ir-rigward, u li l-miżura provviżorja mitluba, fil-forma ta’ projbizzjoni ta’ ksur, tkun irrifjutata jekk il-qorti tqis li teżisti possibbiltà raġonevoli u mhux negliġibbli li l-privattiva invokata ser tiġi annullata mill-qorti li għandha ġurisdizzjoni?

b) Għall-finijiet tal-applikabbiltà tal-Artikolu 22(4) tar-Regolament [Nru 44/2001] fil-kuntest ta’ proċeduri bħal dawk imsemmija fid-domanda preċedenti, l-eċċezzjoni dwar in-nullità [l-invalidità] hija suġġetta għal rekwiżiti proċedurali fis-sens li dan l-artikolu jkun japplika biss meta azzjoni għal dikjarazzjoni ta’ nullità [l-invalidità] tkun diġà tressqet jew tkun ser titressaq — f’terminu li għandu jiġi stabbilit mill-qorti — quddiem il-qorti li għandha ġurisdizzjoni bis-saħħa tal-Artikolu 22(4) [ta’ dan ir-] regolament, jew minn tal-inqas, li jkun ġie jew ikun ser jiġi nnotifikat rikors lill-proprjetarju tal-privattiva, jew huwa biżżejjed li titqajjem eċċezzjoni dwar in-nullità [l-invalidità], u, skont il-każ, jeżistu rekwiżiti fir-rigward tal-kontenut tal-eċċezzjoni invokata fis-sens li għandu jiġi sostnut suffiċjentement u/jew li l-fatt li tiġi invokata tali eċċezzjoni ma għandux jitqies li huwa abbuż proċedurali? 

ċ) Jekk tingħata risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda, il-qorti jibqa’ jkollha ġurisdizzjoni fir-rigward tal-proċeduri ta’ ksur wara li titqajjem eċċezzjoni dwar in-nullità [l-invalidità] fi proċeduri bħal dawk imsemmija fl-ewwel domanda bil-konsegwenza li (jekk din tkun ir-rieda tar-rikorrent) il-proċeduri ta’ ksur għandhom jiġu sospiżi sakemm il-qorti li għandha ġurisdizzjoni skont l-Artikolu 22(4) tar-Regolament [Nru 44/2001] tiddeċiedi dwar il-validità tal-parti nazzjonali tal-privattiva invokata, jew li t-talba għandha tinċaħad, peress li huwa impossibbli li tittieħed deċiżjoni dwar eċċezzjoni essenzjali għad-deċiżjoni, jew il-qorti titlef il-ġurisdizzjoni tagħha sabiex tiddeċiedi fuq proċeduri ta’ ksur wara li titqajjem eċċezzjoni dwar in-nullità [l-invalidità]?

d) Jekk tingħata risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda, il-qorti nazzjonali tista’ tibbaża fuq l-Artikolu 31 tar-Regolament [Nru 44/2001] il-ġurisdizzjoni tagħha sabiex tiddeċiedi fuq azzjoni intiża għall-kisba ta’ miżura provviżorja bbażata fuq privattiva barranija (bħall-projbizzjoni ta’ ksur transkonfinali) u li titqajjem eċċezzjoni kontra tagħha dwar in-nullità [l-invalidità] ta’ privattiva invokata, jew (fis-sitwazzjoni fejn jiġi deċiż li l-applikabbiltà tal-Artikolu 22(4) [tal-imsemmi] regolament ma taffettwax il-ġurisdizzjoni tar-Rechtbank li tiddeċiedi dwar il-kwistjoni tal-ksur) il-ġurisdizzjoni tagħha li tiddeċiedi fuq eċċezzjoni dwar in-nullità [l-invalidità] tal-privattiva barranija invokata? 

e) Jekk tingħata risposta fl-affermattiv għar-raba’ domanda, liema huma l-fatti jew iċ-ċirkustanzi li huma neċessarji sabiex tiġi konkluża rabta vera, kif imsemmi fil-punt 40 tas-sentenza Van Uden, [iċċitata iktar ’il fuq,] bejn is-suġġett tal-miżuri mitluba u l-ġurisdizzjoni territorjali tal-Istat kontraenti tal-qorti li quddiemha titressaq it-talba għal tali miżuri?”

11.      Ir-rikorrenti u l-konvenuti fil-kawża prinċipali, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ir-Repubblika Ellenika, ir-Renju ta’ Spanja kif ukoll il-Kummissjoni ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub. Ir-rappreżentanti ta’ Solvay SA, ta’ Honeywell Fluorine Products Europe BV u l-aġenti tar-Renju ta’ Spanja kif ukoll tal-Kummissjoni nstemgħu matul is-seduta tat-30 ta’ Novembru 2011.

IV – Analiżi

12.      Preliminarjament, għandu jitfakkar li, sa fejn ir-Regolament Nru 44/2001 minn issa ’l quddiem jissostitwixxi, fir-relazzjonijiet bejn l-Istati Membri (13), il-Konvenzjoni tas-27 ta’ Settembru 1968 dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (14), l-interpretazzjoni mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja f’dak li jirrigwarda din il-konvenzjoni tapplika wkoll għall-imsemmi regolament, peress li d-dispożizzjonijiet tiegħu u dawk tal-Konvenzjoni ta’ Brussell jistgħu jiġu kkwalifikati bħala ekwivalenti (15). Minbarra dan, mill-premessa 19 tar-Regolament Nru 44/2001 jirriżulta li l-kontinwità fl-interpretazzjoni bejn il-Konvenzjoni ta’ Brussell u l-imsemmi regolament għandha tiġi żgurata.

A –    Fuq l-azzjoni prinċipali u fuq l-interpretazzjoni tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 44/2001

13.      Bl-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk hija tistax tiddikjara li għandha ġurisdizzjoni abbażi tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 44/2001. B’mod iktar preċiż, hija tixtieq li l-Qorti tal-Ġustizzja tagħtiha xi kjarifiki dwar jekk, fid-dawl tal-fatt li quddiemha tressqu azzjonijiet li jirrigwardaw impriża stabbilita fil-Pajjiżi l-Baxxi u żewġ impriżi stabbiliti fil-Belġju, hemmx riskju ta’ ġudizzji irrikonċiljabbli li jiġġustifika l-ġurisdizzjoni tagħha abbażi ta’ din id-dispożizzjoni.

14.      Fil-fatt, l-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 44/2001 jipprevedi l-possibbiltà li rikorrent ifittex numru ta’ konvenuti fil-qorti tal-post fejn wieħed minnhom ikun iddomiċiljat, basta t-talbiet jintrabtu hekk mill-qrib li jkun iktar espedjenti li jinstemgħu u jiġu ddeterminati flimkien sabiex ikun evitat ir-riskju ta’ ġudizzji irrikkonċiljabbli li jirriżultaw minn proċedimenti separati (16).

15.      Ir-rekwiżit ta’ din ir-rabta ta’ konnessjoni bejn it-talbiet kien ġie stabbilit mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 6(1) tal-Konvenzjoni ta’ Brussell (17), qabel ma ġie stabbilit bir-redazzjoni tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 44/2001 (18), sabiex ikun evitat li l-eċċezzjoni għall-prinċipju tal-ġurisdizzjoni tal-qrati tal-Istat Membru fejn il-konvenut ikun iddomiċiljat ma tistax titqiegħed inkwistjoni l-eżistenza stess ta’ dan il-prinċipju.

16.      Il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat ukoll li, sabiex ċerti deċiżjonijiet ikunu jistgħu jitqiesu bħala kontradittorji, ma huwiex biżżejjed li tkun teżisti differenza fil-mod kif tiġi solvuta l-kawża. Jeħtieġ ukoll li din id-differenza tkun irriżultat fil-kuntest tal-istess sitwazzjoni ta’ fatt u ta’ dritt (19).

17.      Barra minn hekk, hija l-qorti nazzjonali li għandha tevalwa, fid-dawl tal-elementi kollha tal-proċess, l-eżistenza ta’ rabta ta’ konnessjoni bejn id-diversi talbiet imressqa quddiemha, jiġifieri tar-riskju ta’ deċiżjonijiet irrikonċiljabbli f’każ li l-imsemmija talbiet jiġu deċiżi separatament (20).

18.      Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja, fis-sentenza Roche Nederland et, iċċitata iktar ’il fuq, iddeċidiet li azzjonijiet paralleli għal ksur fi Stati Membri differenti, li għandhom ikunu konformi mal-Artikolu 64(3) tal-Konvenzjoni ta’ Munich għandhom jiġu eżaminati fid-dawl ta’ kull leġiżlazzjoni nazzjonali fis-seħħ (21), ma jirriżultawx mill-istess sitwazzjoni ta’ dritt (22), b’tali mod li deċiżjonijiet potenzjalment differenti ma għandhomx jiġu kkwalifikati bħala kontradittorji (23).

19.      Fi kliem ieħor, jidher li, fil-prinċipju, il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 44/2001 ma jistgħux jiġu sodisfatti meta l-azzjonijiet għal ksur ikunu bbażati fuq privattiva Ewropea.

20.      Il-ġurisprudenza Roche Nederland et tal-Qorti tal-Ġustizzja, minn dan il-lat, ġiet ferm ikkritikata (24) peress li hija naqset ferm il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 44/2001 (25) fil-qasam tal-proprjetà industrijali (26). Huwa kkunsidrat ukoll b’mod wiesa’ (27) li hija ddgħajjef il-protezzjoni tal-proprjetarji tal-privattivi Ewropej (28) filwaqt li hija inkompatibbli mal-Artikolu 69 tal-Konvenzjoni ta’ Munich (29).

21.      Għaldaqstant, għandu jiġi kkunsidrat li l-problema mqajma minn din il-kawża, fl-aħħar mill-aħħar, se twassal biex jiġi deċiż dan, jew li tiġi kkonfermata, jew ikkonfutata l-ġurisprudenza Roche Nederland et?

22.      Jien ma naħsibx li dan huwa l-każ. Jidhirli li, kif sostnew kemm ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja kif ukoll ir-Renju ta’ Spanja u l-Kummissjoni, huwa possibbli approċċ iktar sottili, li jillimita b’attenzjoni l-portata tal-ġurisprudenza Roche Nederland et.

23.      Fil-fatt, is-sitwazzjoni tad-dritt inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija differenti minn dik inkwistjoni fil-kawża li tat lok għas-sentenza Roche Nederland et, iċċitata iktar ’il fuq, sa fejn il-konvenuti fil-kawża prinċipali stabbiliti fil-Pajjiżi l-Baxxi u fil-Belġju ġew akkużati, b’mod separat, li jikkummerċjalizzaw l-istess prodotti ffalsifikati fl-istess Stati Membri u b’hekk li jiksru l-istess “partijiet nazzjonali tal-privattiva Ewropea” kif inhuma fis-seħħ f’dawn l-Istati Membri tal-aħħar.

24.      Sabiex tkun evalwata r-rilevanza ta’ dawn l-argumenti, jista’ jkun opportun li tiġi evalwata s-sitwazzjoni li tirriżulta fil-każ li l-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 44/2001 kellu jiġi ddikjarat inapplikabbli. Il-qorti tar-rinviju, Olandiża, ikollha ġurisdizzjoni fir-rigward tal-azzjoni kontra l-konvenuta fil-kawża prinċipali stabbilita fil-Pajjiżi l-Baxxi u r-rikorrenti fil-kawża prinċipali jkollha tressaq azzjoni għal ksur kontra ż-żewġ konvenuti fil-kawża prinċipali stabbiliti fil-Belġju quddiem qorti Belġjana, abbażi tal-Artikolu 2 tal-imsemmi regolament (30).

25.      Iż-żewġt iqrati jkollhom jeżaminaw, kull waħda min-naħa tagħha, il-ksur irrapportat fid-dawl tad-drittijiet nazzjonali differenti li jirregolaw il-“partijiet nazzjonali tal-privattiva Ewropea” differenti li qed jiġi allegat li nkisru, skont il-prinċipju ta’ lex loci protectionis (31). Pereżempju, huma jintalbu jevalwaw skont l-istess dritt Finlandiż il-ksur min-naħa tat-tliet konvenuti fil-kawża prinċipali tal-parti Finlandiża tal-privattiva Ewropea minħabba l-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodott iffalsifikat identiku fit-territorju Finlandiż.

26.      Huwa minnu li, f’dawn il-kundizzjonijiet, huma jintalbu jagħtu deċiżjonijiet li jirriżultaw mill-istess sitwazzjoni tad-dritt — billi l-ksur tal-istess frazzjoni nazzjonali ta’ privattiva jiddefinixxi fl-istess termini l-portata tal-protezzjoni tal-imsemmija privattiva (32) — imma huma jkunu jistgħu jagħtu sentenzi kompletament differenti.

27.      Fi kliem ieħor, l-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 44/2001 ma jiġix applikat għal għadd ta’ azzjonijiet għal ksur li jirrigwardaw kumpanniji differenti stabbiliti fi Stati Membri differenti peress li dawn ikunu jirrigwardaw atti mwettqa fi Stati Membri differenti u jiksru partijiet nazzjonali ta’ privattiva Ewropea differenti rregolati minn drittijiet differenti (33). Min-naħa l-oħra, ikun jista’ jiġi applikat, sakemm il-kundizzjoni li tirrigwarda l-identiċità tas-sitwazzjoni ta’ fatt tkun ġiet sodisfatta, għal għadd ta’ azzjonijiet għal ksur li jirrigwardaw kumpanniji differenti stabbiliti fi Stati Membri differenti, sakemm dawn jirrigwardaw separatament atti mwettqa fi Stat Membru wieħed u li jiksru l-istess parti nazzjonali ta’ privattiva Ewropea rregolata mill-istess dritt (34).

28.      Madankollu, għandu jitfakkar li r-regoli tal-ġurisdizzjoni speċjali tar-Regolament Nru 44/2001 għandhom jiġu interpretati mill-qorti nazzjonali (35) b’osservanza tal-prinċipju taċ-ċertezza legali li jikkostitwixxi wieħed mill-għanijiet tal-imsemmi regolament, li jimplika li l-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 44/2001 jiġi interpretat “b’tali mod li jippermett[i] lil konvenut normalment avżat li jipprevedi quddiem liema qorti, barra min dik ta’ l-Istat tad-domiċilju tiegħu, huwa jista’ jiġi mfittex” (36).

29.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għall-ewwel domanda preliminari magħmula mill-qorti tar-rinviju billi tiddeċiedi li l-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 44/2001 għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa japplika fil-kuntest ta’ kawża għal ksur ta’ privattiva Ewropea li tinvolvi diversi kumpanniji stabbiliti fi Stati Membri differenti, meta l-azzjonijiet jirrigwardaw separatament atti mwettqa fl-istess Stat Membru u meta jiksru l-istess parti nazzjonali ta’ privattiva Ewropea rregolata mill-istess dritt.

B –    Fuq il-proċedura inċidentali

30.      Bit-tieni sensiela ta’ domandi tagħha, il-qorti tar-rinviju qed tistaqsi, essenzjalment, jekk il-fatt li l-validità ta’ privattiva tqiegħdet f’dubju fil-kuntest ta’ proċedura inċidentali, dwar projbizzjoni transkonfinali ta’ ksur, parallela għal azzjoni prinċipali għal konstatazzjoni ta’ ksur, huwiex suffiċjenti, u jekk ir-risposta hija fl-affermattiv, f’liema kundizzjonijiet formali jew proċedurali sabiex ikun jista’ jiġi applikat l-Artikolu 22(4) tar-Regolament Nru 44/2001, b’tali mod li, min-naħa l-waħda, il-qorti li quddiemha tressqet il-kawża jkollha tiddikjara li hija ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni tal-azzjoni prinċipali, abbażi tal-Artikolu 25 tar-Regolament Nru 44/2001 u, min-naħa l-oħra u konsegwentement, ikollha teżamina l-ġurisdizzjoni tagħha sabiex tieħu konjizzjoni tal-proċedura inċidentali abbażi tal-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 44/2001.

1.      Fuq l-interpretazzjoni tal-Artikolu 22(4) tar-Regolament Nru 44/2001

31.      Huwa fid-dawl tal-motivi u tad-dispożittiv tas-sentenza GAT (37) li għandha tiġi eżaminata l-ewwel sensiela ta’ domandi li jirrigwardaw il-portata tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 22(4) tar-Regolament Nru 44/2001.

32.      F’din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikolu 16(4) tal-Konvenzjoni ta’ Brussell kellu jiġi interpretat, fid-dawl tal-għan u tal-pożizzjoni ta’ din id-dispożizzjoni fis-sistema tal-imsemmija konvenzjoni (38), fis-sens li r-regola tal-ġurisdizzjoni esklużiva li jistabbilixxi tikkonċerna l-kawżi kollha li jirrigwardaw ir-reġistrazzjoni jew il-validità ta’ privattiva, indipendentement minn jekk il-kwistjoni titqajjimx permezz ta’ azzjoni jew permezz ta’ eċċezzjoni u jkun liema jkun l-istadju tal-proċedura li matulha titqajjem.

33.      Mingħajr ma jerġa’ jiġi diskuss l-iskop ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, jista’ jiġi enfasizzat li tliet sensiliet ta’ kunsiderazzjonijiet, b’rabta mal-bażi u mal-għan tas-sistema stabbilita mill-Konvenzjoni ta’ Brussell jiġġustifikaw din is-soluzzjoni (39): qabel xejn, in-natura vinkolanti tal-ġurisdizzjoni esklużiva stabbilita mill-Artikolu 16(4) tal-Konvenzjoni ta’ Brussell (40); it-tieni nett, in-neċessità li tiġi ggarantita l-prevedibbiltà tar-regoli tal-ġurisdizzjoni u b’hekk iċ-ċertezza legali, filwaqt li tiġi evitata ż-żieda fil-qrati li jkollhom ġurisdizzjoni (41) u, fl-aħħar nett, in-neċessità li tkun evitata ż-żieda fir-riskju ta’ deċiżjonijiet kontrastanti, fatt li l-Konvenzjoni ta’ Brussell trid preċiżament tevita (42).

34.      Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ir-Repubblika Ellenika, ir-Renju ta’ Spanja kif ukoll il-Kummissjoni, filwaqt li jirrepetu f’dan ir-rigward ċerti elementi mressqa mill-qorti tar-rinviju, jaqblu meta essenzjalment jikkunsidraw li l-qrati li quddiemhom titressaq talba inċidentali, bħal fil-kawża prinċipali, la jagħtu sentenza fuq il-mertu, la fuq l-eżistenza tal-ksur (l-għan tal-azzjoni prinċipali) u lanqas fuq il-validità tal-privattiva (motiv ta’ difiża mqajjem fil-kuntest tal-proċedura inċidentali), imma anzi normalment jillimitaw ruħhom li jeżaminaw jekk il-kundizzjonijiet għall-għoti tal-miżura provviżorja mitluba jiġux sodisfatti. Peress li l-eżami eventwali tal-validità ta’ privattiva jsir prima facie u ma jwassal għall-ebda deċiżjoni definittiva, għaldaqstant ma hemm l-ebda riskju ta’ deċiżjonijiet kontrastanti.

35.      Din il-perspettiva madankollu għandha tiġi diskussa fid-dawl, b’mod partikolari, tal-punt 30 tas-sentenza GAT, iċċitata iktar ’il fuq, fejn il-Qorti tal-Ġustizzja, b’mod ferm preċiż, ħadet pożizzjoni dwar il-kwistjoni tar-rilevanza tal-effetti tad-deċiżjonijiet fuq l-applikabbiltà tal-Artikolu 16(4) tal-Konvenzjoni ta’ Brussell. Ġie argumentat li, meta l-effetti ta’ deċiżjoni li tiddeċiedi b’mod inċidentali fuq il-validità ta’ privattiva jkunu limitati, fid-dritt Ġermaniż, għall-partijiet għall-kawża (effett inter partes), ma jistax ikun hemm riskju ta’ deċiżjonijiet kontrastanti. Il-Qorti tal-Ġustizzja ċaħdet l-argument f’termini kemm ġenerali kif ukoll ferm radikali.

36.      Filwaqt li enfasizzat li l-effetti marbutin ma’ tali deċiżjoni jkunu ddeterminati mid-dritt nazzjonali u li, f’diversi Stati kontraenti, id-deċiżjoni li tannulla privattiva għandha effett erga omnes, hija kkunsidrat li, “[s]abiex jiġi evitat ir-riskju ta’ deċiżjonijiet kontrastanti, għalhekk huwa meħtieġ li l-ġurisdizzjoni ta’ qrati ta’ Stati oħra, li ma jkunux dawk fejn ingħatat il-privattiva, li jiddeċiedu, b’mod inċidentali, fuq il-validità ta’ privattiva barranija tiġi ristretta biss għal dawk il-każijiet fejn id-dritt nazzjonali applikabbli jagħti lid-deċiżjoni li għandha tingħata biss effett li jkun limitat bejn il-partijiet fl-istanza”. Hija ddeċidiet li dan ma kienx possibbli, għaliex “restrizzjoni bħal din twassal [...] għal distorsjonijiet, u għalhekk tipperikola l-ugwaljanza u l-uniformità tad-drittijiet u ta’ l-obbligi li jirriżultaw mill-Konvenzjoni kemm għall-Istati kontraenti kif ukoll għall-persuni kkonċernati” (43).

37.      Għaldaqstant, għandu jiġi kkunsidrat li s-sentenza GAT, iċċitata iktar ’il fuq, timponi fuq il-qorti tar-rinviju li tirrinunzja għall-ġurisdizzjoni tagħha fiċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali? Naħseb li teħtieġ risposta iktar sottili li tieħu inkunsiderazzjoni r-realtà proċedurali.

38.      Fil-fatt, għandu jiġi enfasizzat li jistgħu jirriżultaw tliet każijiet biss, skont jekk il-validità tal-privattiva tqiegħditx f’dubju kemm fil-kuntest tal-azzjoni prinċipali kif ukoll fil-kuntest tal-proċedura inċidentali [każ a)], skont jekk tqiegħditx f’dubju biss fil-kuntest tal-azzjoni prinċipali [każ b)] jew biss fil-kuntest tal-proċedura inċidentali [każ ċ)].

39.      Fil-każijiet a) u b), il-ġurisprudenza GAT tapplika; u l-qorti adita għandha għaldaqstant, skont l-Artikolu 25 tar-Regolament Nru 44/2001, tirrinunzja għall-ġurisdizzjoni tagħha sabiex tieħu konjizzjoni tal-azzjoni prinċipali u teżamina l-eventwali għoti tal-miżura provviżorja mitluba abbażi tal-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 44/2001.

40.      Fil-każ ċ), jistgħu jirriżultaw żewġ sitwazzjonijiet. Jista’ jkun il-każ li l-konvenut ma kellux il-possibbiltà li jqajjem il-kwistjoni tal-validità tal-privattiva fil-kuntest tal-azzjoni prinċipali, pereżempju għaliex il-miżura provviżorja tkun ġiet adottata qabel ma tinbeda l-azzjoni prinċipali (44) [sitwazzjoni ċ1)]. Jista’ wkoll ikun il-każ li l-konvenut kellu din il-possibbiltà imma ddeċieda li ma kienx opportun li jisfruttaha [sitwazzjoni ċ2), li jidher li jikkorrispondi għas-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, xi ħaġa li għandha tistabbilixxiha l-qorti tar-rinviju].

41.      Fis-sitwazzjoni ċ1), il-qorti adita bil-kawża għandha tkun tista’ teżamina t-talba għal miżura provviżorja jew kawtelatorja mitluba u tagħtiha, jekk ikun il-każ, imma filwaqt li tiġi osservata strettament il-ġurisprudenza GAT. Dan jimplika li tali miżura provviżorja tista’ tiġi adottata biss bil-kundizzjoni li quddiem il-qorti adita bil-kawża, f’terminu raġonevoli, tkun adita wkoll b’azzjoni prinċipali marbuta mal-miżura mitluba, azzjoni għal konstatazzjoni ta’ ksur fil-kuntest ta’ talba għal projbizzjoni ta’ ksur, li fil-kuntest tagħha tkun tista’ tiġi ggarantita l-osservanza tal-ġurisprudenza GAT, u b’hekk bil-kundizzjoni stretta li ma tipproduċi ebda effett definittiv.

42.      Fis-sitwazzjoni ċ2), min-naħa l-oħra, l-argument ibbażat, fil-kuntest tal-proċedura inċidentali, fuq l-invalidità tal-privattiva inkwistjoni, fil-prinċipju, ma jistax iwassal lill-qorti adita bil-kawża sabiex tirrinunzja għall-ġurisdizzjoni tagħha li tieħu konjizzjoni tal-azzjoni prinċipali skont l-Artikolu 25 tar-Regolament Nru 44/2001. F’dan il-każ, fil-fatt, jista’ jiġi preżunt li l-argument ibbażat fuq l-invalidità tal-privattiva inkwistjoni huwa wieħed dilatorju, li huwa l-konvenut li għandu l-oneru li jistabbilixxi li huwa beda quddiem il-qorti li għandha ġurisdizzjoni azzjoni għal dikjarazzjoni ta’ invalidità tal-imsemmija privattiva. B’hekk, il-qorti adita bil-kawża tista’, bla ħsara li hija jkollha ġurisdizzjoni fuq il-mertu, tadotta l-miżura provviżorja mitluba f’konformità mad-dritt nazzjonali tagħha.

43.      Konsegwentement, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li l-Artikolu 22(4) tar-Regolament Nru 44/2001 għandu jiġi interpretat fis-sens li r-regola tal-ġurisdizzjoni esklużiva li jistabbilixxi ma tistax tiġi applikata meta l-validità ta’ privattiva titqajjem biss fil-kuntest ta’ proċedura inċidentali, sakemm id-deċiżjoni li tista’ tiġi adottata fi tmiem din il-proċedura ma tipproduċi ebda effett definittiv.

2.      Fuq l-interpretazzjoni tal-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 44/2001

44.      Il-konklużjonijiet dwar dan il-punt qed jiġu ppreżentati biss b’mod sussidjarju, f’każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li l-qorti tar-rinviju jew ma jkollhiex ġurisdizzjoni biex tieħu konjizzjoni tal-kawża fuq il-mertu, skont l-Artikolu 22(4) tar-Regolament Nru 44/2001, jew li ma jkollhiex ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni tal-kawża kollha fuq il-mertu, skont l-Artikolu 6(1) tal-imsemmi regolament.

45.      Fil-fatt, u kif jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita (45), il-qorti li jkollha ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni ta’ kawża fuq il-mertu abbażi ta’ wieħed mill-elementi tal-ġurisdizzjoni previsti fil-Konvenzjoni ta’ Brussell, u minn issa ’l quddiem fir-Regolament Nru 44/2001, ikollha wkoll ġurisdizzjoni sabiex tordna miżuri provviżorji jew kawtelatorji, mingħajr ma din il-ġurisidizzjoni tal-aħħar tkun suġġetta għal kundizzjonijiet oħrajn (46).

46.      Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 44/2001, l-istess bħal ma kien qablu l-Artikolu 24 tal-Konvenzjoni ta’ Brussell, jikkostitwixxi element awtonomu ta’ ġurisdizzjoni (47), supplimentari għall-elementi ta’ ġurisdizzjoni stabbiliti fl-Artikoli 2 sa 24 tar-Regolament Nru 44/2001 (48). Madankollu, sa fejn din id-dispożizzjoni tipprovdi eċċezzjoni għas-sistema ta’ ġurisdizzjoni kif stabbilita mir-Regolament Nru 44/2001, hija għandha tiġi interpretata b’mod restrittiv (49), bl-eżerċizzju tal-“ġurisdizzjoni provviżorja” jkun suġġett għal ċerti kundizzjonijiet, stabbiliti mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, li jirrigwardaw in-natura tad-drittijiet li għandhom jiġu protetti kif ukoll l-għan u l-iskop tal-miżuri mitluba (50).

47.      Qabel xejn, il-miżuri provviżorji għandhom jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 44/2001, limitat għall-kunċett ta’ materji ċivili u kummerċjali, b’din is-sħubija għandha tiġi ddeterminata, fid-dawl tal-varjetà kbira tal-imsemmija miżuri fl-Istati Membri differenti, mhux min-natura tagħhom stess, iżda min-natura tad-drittijiet li tagħhom jiżguraw is-salvagwardja (51). Dan huwa mingħajr dubju l-każ tal-azzjonijiet għal ksur, li fir-rigward tagħhom huma applikabbli r-regoli ġenerali tar-Regolament Nru 44/2001 (52), kif ukoll tat-talbiet għal miżuri provviżorji li jipprojbixxu l-ksur transkonfinali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali (53).

48.      Il-miżuri li jistgħu jiġu adottati abbażi tal-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 44/2001 għandhom, barra minn hekk, ikollhom natura provviżorja, jiġifieri jkunu intiżi sabiex jippreservaw sitwazzjoni ta’ fatt jew ta’ dritt bil-għan li jħarsu d-drittijiet li l-qorti li għandha ġurisdizzjoni tkun qiegħda tintalab tirrikonoxxi (54). Din il-kundizzjoni timplika prinċipalment li miżura provviżorja adottata abbażi tal-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 44/2001 tkun limitata ratione temporis.

49.      F’termini ferm ġenerali, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li l-qorti li ntalbet tagħti tali miżura għandha taġixxi “b’kawtela partikolari u b’konoxxenza dettaljata taċ-ċirkustanzi reali li fihom il-miżura għandu jkollha l-effetti tagħha”, li jimplika li hija għandha “tillimita ratione temporis l-awtorizzazzjoni tagħha u, b’mod iktar ġenerali tissuġġetta l-awtorizzazzjoni tagħha għall-kundizzjonijiet kollha li jiggarantixxu n-natura provviżorja jew kawtelatorja [tagħha]” (55), normalment sakemm tittieħed deċiżjoni fuq il-mertu.

50.      Barra minn hekk, u preċiżament sabiex tkun iggarantita n-natura provviżorja jew kawtelatorja tal-miżuri adottati abbażi tal-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 44/2001, il-Qorti tal-Ġustizzja, fis-sentenza Van Uden tagħha, iċċitata iktar ’il fuq (56), imponiet kundizzjoni supplimentari li tirrigwarda l-eżistenza ta’ rabta vera bejn l-għan tal-miżuri provviżorji mitluba u l-ġurisdizzjoni territorjali tal-Istat Membru tal-qorti li quddiemha tressqet il-kawża (57), li huwa tabilħaqq is-suġġett tal-aħħar domanda preliminari magħmula mill-qorti tar-rinviju.

51.      Sa issa, il-Qorti tal-Ġustizzja ma kellhiex direttament l-opportunità sabiex tippreċiża dak li jimplikaw dawn iż-żewġ kundizzjonijiet fir-rigward tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali.

52.      Peress li t-talba inċidentali inkwistjoni fil-kawża prinċipali tressqet wara li nbdiet azzjoni prinċipali, b’tali mod li l-kundizzjoni li tirrigwarda l-limitazzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni ratione temporis tal-miżura adottata tista’ tiġi kkunsidrata bħala potenzjalment sodisfatta, beħsiebni niddiskuti fuq kollox l-eżami tal-kundizzjoni li tirrigwarda l-eżistenza ta’ rabta vera.

53.      Din il-kundizzjoni, ikkritikata (58), kienet is-suġġett ta’ diversi interpretazzjonijiet (59). Għal uħud, dan ir-rekwiżit jikkostitwixxi limitu għall-effett extraterritorjali tal-miżuri provviżorji adottati. Għal oħrajn, dik il-kundizzjoni timplika li l-miżura adottata tipproduċi, għall-inqas parzjalment, l-effetti tagħha fl-Istat Membru tal-qorti li quddiemha tressqet il-kawża. Il-kundizzjoni b’hekk bl-ebda mod ma tagħmilha ta’ limitazzjoni għall-kamp ta’ applikazzjoni ratione loci tal-miżura adottata; anzi din tal-aħħar jista’ jkollha l-effetti tagħha fi Stati Membri oħrajn barra dak tal-qorti li quddiemha tressqet il-kawża u b’hekk ikollha portata extraterritorjali (60). B’hekk, din hija kundizzjoni għal-lokalizzazzjoni territorjali minima tal-miżura provviżorja mitluba. L-eżistenza ta’ rabta vera għaldaqstant għandha tiġi eżaminata filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni prinċipalment il-metodi ta’ eżekuzzjoni tal-Istat Membru tal-qorti li quddiemha tressqet il-kawża (61).

54.      Fil-fatt, jidhirli li jista’ jiġi aċċettat li l-qorti ta’ Stat Membru, ex hypothesi mingħajr ġurisdizzjoni biex tieħu konjizzjoni tal-kawża fuq il-mertu, tista’ tiddikjara li hija għandha ġurisdizzjoni biex tagħti miżura provviżorja abbażi tal-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 44/2001 biss sakemm din ikollha effett fit-territorju tal-imsemmi Stat Membru u tista’ tiġi eżegwita hemmhekk. Hija din l-istess qorti, li tkun fl-aħjar pożizzjoni biex tagħmel dan, li għandha tevalwa l-eżistenza ta’ din ir-rabta vera.

55.      Konsegwentement, jiena nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li l-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 44/2001 għandu jiġi interpretat fis-sens li qorti nazzjonali ma tistax tagħti miżura provviżorja li ma tipproduċi ebda effett fit-territorju tagħha, fatt li għandha tiddeterminah hija stess.

V –    Konklużjoni

56.      Fl-aħħar nett, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi preliminari magħmula mir-Rechtbank ’s-Gravenhage billi tiddeċiedi,

1)      prinċipalment:

“a)      L-Artikolu 6(1) tar-Regolament (KE) Nru 44/2001, tat-22 ta’ Diċembru 2000, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali, għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa japplika fil-kuntest ta’ kawża għal ksur ta’ privattiva Ewropea li tinvolvi diversi kumpanniji stabbiliti fi Stati Membri differenti, meta l-azzjonijiet jirrigwardaw separatament atti mwettqa fl-istess Stat Membru u meta jiksru l-istess parti nazzjonali ta’ privattiva Ewropea rregolata mill-istess dritt.

b)      L-Artikolu 22(4) tar-Regolament Nru 44/2001 għandu jiġi interpretat fis-sens li r-regola tal-ġurisdizzjoni esklużiva li jistabbilixxi ma tistax tiġi applikata meta l-validità ta’ privattiva titqajjem biss fil-kuntest ta’ proċedura inċidentali, sakemm id-deċiżjoni li tista’ tiġi adottata fi tmiem din il-proċedura ma tipproduċi l-ebda effett definittiv”.

2)      u sussidjarjament,

“L-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 44/2001 għandu jiġi interpretat fis-sens li qorti nazzjonali ma tistax tagħti miżura provviżorja li ma tipproduċi ebda effett fit-territorju tagħha, fatt li għandha tiddeterminaha hija stess”.


1 —      Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2 —      ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 42.


3 —      Barra minn hekk, dawn id-domandi saru ftit taż-żmien wara l-pubblikazzjoni mill-Kummissjoni Ewropea ta’ Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali (Riformulazzjoni), tal-14 ta’ Diċembru 2010, [COM (2010) 748 finali, iktar ’il quddiem il-“proposta għar-riformulazzjoni tar-Regolament Nru 44/2001”]. Għal eżami tal-imsemmija proposta, ara C. Heinze, “Choice of Court Agreements, Coordination of Proceedings and Provisional Measures in the Reform of the Brussels I Regulation”, Rabels Zeitschrift für ausländisches und internationales Privatrecht, 2011, Vol. 75, p. 581.


4 —      Il-problemi msemmija mill-Kummissjoni fir-rapport tagħha lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar l-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001, tal-21 ta’ April 2009, [COM(2009) 174 finali, punt 3.4]. Ara, ukoll il-Green Paper dwar ir-reviżjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001, tal-21 ta’ April 2009, [COM(2009) 175 finali, punti 4 u 6], u Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew, tas-7 ta’ Settembru 2010, dwar l-applikazzjoni [u r-reviżjoni] tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001 dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU 2011 C 308E, p. 36, punt 22).


5 —      Ara b’mod partikolari D. P. Fernández Arroyo, Compétence exclusive et compétence exorbitante dans les relations privées internationales, RCADI, 2006, Vol. 323, b’mod partikolari p. 95, punti 80 et seq; S. Leible u A. Ohly, (ed.), Intellectual Property and Private International Law, Mohr Siebeck, 2009; M. Schauwecker, Extraterritoriale Patentverletzungsjuridiktion— Die internationale Zuständigkeit der Gerichte außerhalb des Patenterteilungsstaates für Verletzungsverfahren, Carl Heymanns Verlag, 2009; C. Nourissat u E. Treppoz, Droit international privé et propriété intellectuelle. Un nouveau cadre pour de nouvelles stratégies, Lamy, Axe Droit, 2010; M. Winkler, Die internationale Zuständigkeit für Patentverletzungsstreitigkeiten, Peter Lang, 2011.


6—      Sentenza tat-13 ta’ Lulju 2006, Roche Nederland et (C-539/03, Ġabra p. I-6535).


7—      Sentenza tat-13 ta’ Lulju 2006, GAT (C-4/03, Ġabra p. I-6509).


8—      Sentenza tas-17 ta’ Novembru 1998, Van Uden (C-391/95, Ġabra p. I-7091).


9 —      F’dan il-każ, kienu d-Danimarka, l-Irlanda, il-Greċja, il-Lussemburgu, l-Awstrija, il-Portugall, il-Finlandja u l-Isvezja, li magħhom għandhom jiżdiedu wkoll il-Liechtenstein u l-Isvizzera.


10 —      Iktar ’il quddiem l-“azzjoni prinċipali”.


11 —      Iktar ’il quddiem, flimkien, il-“konvenuti fil-kawża prinċipali”.


12 —      Iktar ’il quddiem, il-“proċedura inċidentali”.


13—      Għar-Renju tad-Danimarka, ara l-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u r-Renju tad-Danimarka dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali, iffirmat fi Brussell fid-19 ta’ Ottubru 2005 (ĠU L 173M, p. 128).


14 —      ĠU 1972, L 299, p. 32, iktar ’il quddiem “Il-Konvenzjoni ta’ Brussell”.


15 —      Ara b’mod partikolari, is-sentenzi tal-10 ta’ Settembru 2009, German Graphics Graphische Maschinen (C-292/08, Ġabra p. I-8421, punt 27), kif ukoll tat-18 ta’ Ottubru 2011, Realchemie Nederland, (C-406/09, Ġabra p. I-9773, punt 38).


16 —      Sentenzi tas-27 ta’ Settembru 1988, Kalfelis (189/87, Ġabra p. 5565, punt 12); tas-27 ta’ Ottubru 1998, Réunion européenne et (C-51/97, Ġabra p. I-6511, punt 48); kif ukoll Roche Nederland et, iċċitata iktar ’il fuq (punt 20).


17—      Sentenza Kalfelis, iċċitata iktar ’il fuq (punt 12).


18 —      Kif fakkret il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha Roche Nederland et, iċċitata iktar ’il fuq (punt 21).


19 —      Sentenzi Roche Nederland et, iċċitata iktar ’il fuq (punt 26); tal-11 ta’ Ottubru 2007, Freeport (C-98/06, Ġabra p. I-8319, punt 40), kif ukoll tal-1 ta’ Diċembru 2011, Painer (C-145/10, Ġabra p.I-12533, punt 79).


20—      Sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Freeport (punt 41) u Painer (punt 83).


21—      Punt 30.


22—      Punt 31.


23—      Punti 32 u 35.


24 —      Ara, b’mod partikolari, European Max-Planck Group on Conflict of Laws in Intellectual Property (CLIP), Intellectual Property and the Reform of Private International Law: Sparks from a Difficult Relationship, IPRax, 2007, Nru 4, p. 284; punti 78 sa 85 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata fil-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Trstenjak fil-kawża li tat lok għas-sentenza Painer, iċċitata iktar ’il fuq, ara barra minn hekk, H. Muir Watt, “Article 6”, f’U. Magnus u P. Mankowski, Brussels I Regulation, 2nd ed., Sellier, European Law Publishers, 2012, p. 313, Nru 25a; M. Noorgård, “A, Spider without a Web? Multiple Defendants in IP Litigation”, f’S. Leible u A. Ohly (ed.), iċċitata iktar ’il fuq, Mohr Siebeck, 2009, p. 211; C. Gonzalez Beilfuss, “Is there any Web for the Spider? Jurisdiction over Co-defendants after Roche Nederland”, f’A. Nuyts (ed.), InternationalLitigation in Intellectual Property and Information Technology, Kluwer Law International, p. 79.


25 —      Ċerti awturi kritiċi madankollu rrikonoxxew li din il-ġurisprudenza ġabet fi tmiemha snin ta’ insikurezza u kkontribwiet sabiex tgħolli l-livell ta’ armonizzazzjoni fl-Ewropa. Ara f’dan is-sens, A. Kur, “Are there any Common European Principles of Private International Law with regard to Intellectual Property”, f’S. Leible u A. Ohly op.cit., p. 1, 2.


26 —      B’mod partikolari, B. Hess, et,Report on the Application of Regulation Brussels I in the Member States (Study JLS/C4/2005/03), Ruprecht-Karls-Universität Heidelberg, Settembru 2007, Nru 204, p. 104, (iktar ’il quddiem il-“Heidelberg Report”).


27 —      Il-Kummissjoni stess ġibdet l-attenzjoni għad-diffikultajiet li jirriżultaw minn din il-ġurisprudenza fir-rapport tagħha tal-21 ta’ April 2009 dwar l-applikazzjoni tar-Regolament Nru 44/2001 (punt 3.4). Il-Green Paper dwar ir-reviżjoni tar-Regolament Nru 44/2001 madankollu tindirizza l-kwistjoni b’kawtela kbira, fid-dawl inċidentalment tal-punti 36 sa 38 tas-sentenza Roche Nederland et, iċċitata iktar ’il fuq. Fi kwalunkwe każ, għandu jiġi kkonstatat li fil-proposta għar-riformulazzjoni tar-Regolament Nru 44/2001 tagħha hija ma pproponietx li l-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 44/2001 jiġi emendat, anki jekk l-għan tagħha kien biss li “ċerti nuqqasijiet tas-sistema ta’ bħalissa jistgħu jiġu identifikati” u indirizzati sakemm tinħoloq is-sistema unifikata għar-riżoluzzjoni ta’ tilwim dwar il-privattivi Ewropej u Komunitarji. Ara, f’dan ir-rigward, Opinjoni mogħtija skont l-Artikolu 218(1) TFUE (Ġabra p. I-1137), fejn il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-ftehim previst li joħloq sistema unifikata ta’ riżoluzzjoni ta’ tilwim fil-qasam tal-privattivi “Qorti tal-privattiva Ewropea u tal-privattiva Komunitarja” ma kienx kompatibbli mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat UE u tat-Trattat FUE.


28 —      Heidelberg Report, p. 338, Nru 825 et seq.


29 —      Heidelberg Report, p. 340, Nru 833.


30 —      F’din il-kawża ma ġiex diskuss kemm huwa opportun li jitressqu azzjonijiet abbażi tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 44/2001 u konsegwentement dan il-punt ma huwiex qed jiġi eżaminat fil-kuntest ta’ dawn il-konklużjonijiet.


31 —      Ara, fuq dan il-punt, punti 97 u 118 tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Léger fil-kawża li tat lok għas-sentenza Roche Nederland et, iċċitata iktar ’il fuq.


32 —      F’dan is-sens, ara F. Blumer, Patent Law and International Private Law on both Sides of the Atlantic, seminar tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Proprjetà Intellettwali (OMPI) fuq id-dritt Internazzjonali Privat u l-Proprjetà Intellettwali, Genéve, 30 u 31 ta’ Jannar 2001 (WIPO/PIL/01/3).


33 —      Il-Qorti tal-Ġustizzja, fil-punt 33 tas-sentenza tagħha Roche Nederland et, iċċitata iktar ’il fuq, fil-fatt ikkunsidrat li ma setgħetx tiġi stabbilita konnessjoni “bejn kawżi dwar ksur tal-istess privattiva Ewropea li kull waħda minnhom tkun imressqa kontra kumpannija stabbilita fi Stat Kontraenti differenti fir-rigward ta’ fatti li din tkun allegatament wettqet fit-territorju ta’ dan l-Istat”.


34 —      Għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 44/2001 seta’ jiġi applikat anki jekk l-azzjonijiet inkwistjoni ma jkollhomx l-istess bażi legali. Ara s-sentenza Freeport, iċċitata iktar ’il fuq (punti 31 sa 47).


35—      Sentenza tat-13 ta’ Lulju 2006, Reisch Montage (C-103/05, Ġabra p. I-6827, punt 24).


36 —      Ara, is-sentenza Reisch Montage, iċċitata iktar ’il fuq (punt 25); ara wkoll, fir-rigward tal-Artikolu 5(1) tal-Konvenzjoni ta’ Brussell, sentenzi tas-17 ta’ Ġunju 1992, Handte (C-26/91, Ġabra p. I-3967, punt 18); tat-28 ta’ Settembru 1999, GIE Groupe Concorde et (C-440/97, Ġabra p. I-6307, punt 24); kif ukoll tad-19 ta’ Frar 2002, Besix (C-256/00, Ġabra p. I-1699, punti 24 sa 26); fir-rigward tal-eċċezzjoni ta’ forum non conveniens, sentenza tal-1 ta’ Marzu 2005, Owusu (C-281/02, Ġabra p. I-1383, punt 40); fir-rigward tal-Artikolu 24 tal-Konvenzjoni ta’ Brussell, sentenza tat-28 ta’ April 2005, St. Paul Dairy (C-104/03, Ġabra p. I-3481, punt 19).


37—      Iċċitata iktar ’il fuq (punti 13 sa 31).


38—      Punti 20 sa 24.


39 —      Fuq l-iskop ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, għandu jsir riferiment għall-għadd kbir ta’ xogħlijiet tad-duttrina.


40—      Punti 26 u 27.


41—      Punt 28.


42—      Punt 29.


43 —      Fir-rigward tar-Regolament Nru 44/2001, ara s-sentenza tat-28 ta’ April 2009, Apostolides (C-420/07, Ġabra p. I-3571, punt 41).


44 —      Jekk l-ipoteżi tista’ tidher assurda, li proċedura inċidentali preżunta bħal din, jista’ jingħad min-natura tagħha stess, tiżdied ma’ proċedura prinċipali parallela, madankollu dan jista’ jiġri, kif se jkolli l-okkażjoni li nenfasizza iktar ’l isfel.


45—      Sentenzi Van Uden, iċċitata iktar ’il fuq (punti 22 u 48), kif ukoll tas-27 ta’ April 1999, Mietz (C-99/96, Ġabra p. I-2277, punt 41).


46 —      Għandu jiġi nnotat li dawn id-dispożizzjonijiet ġew irripetuti f’dispożizzjoni ġdida tal-proposta għar-riformulazzjoni tar-Regolament Nru 44/2001, jiġifieri l-Artikolu 35.


47 —      Sentenza Van Uden, iċċitata iktar ’il fuq (punt 42); ara, b’mod partikolari, M. Pertegás Sender, “Article 24 of the Brussels Convention: a particular Reading for Patent Infringement Disputes?”, f’R. Fentiman et, L’espace judiciaire européen en matières civile et commerciale, Bruylant, 1999, p. 277; M. Pertegás Sender, Cross-Border Enforcement of Patent Rights, Oxford University Press, p. 130, Nru 3.138.


48 —      Fuq din id-dispożizzjoni, ara r-rapport fuq il-Konvenzjoni dwar ġurisdizzjoni u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali, iffirmata fi Brussell fis-27 ta’ Settembru 1968 redatt minn M. Jenard (ĠU 1979, C 59, p. 1, b’mod partikolari p. 42), kif ukoll ir-rapport ta’ spjegazzjoni fuq il-Konvenzjoni dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali, iffirmata f’Lugano fit-30 ta’ Ottubru 2007 ta’ F. Pocar (ĠU 2009 C 319, p. 1, punt 124).


49 —      Ara, dwar l-Artikolu 24 tal-Konvenzjoni ta’ Brussell, is-sentenza St. Paul Dairy, iċċitata iktar ’il fuq (punt 11).


50—      Sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Van Uden (punt 46) u Mietz (punt 47).


51—      Sentenzi tas-27 ta’ Marzu 1979, de Cavel (143/78, Ġabra p. 1055, punt 8); tas-26 ta’ Marzu 1992, Reichert u Kockler (C-261/90, Ġabra p. I-2149, punt 32); Van Uden, iċċitata iktar ’il fuq (punt 33), kif ukoll Realchemie Nederland, iċċitata iktar ’il fuq (punt 40).


52—      Sentenza tal-15 ta’ Novembru 1983, Duijnstee (288/82, Ġabra p. 3663, punt 23).


53 —      Minkejja li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li kellha tkun il-qorti tar-rinviju li tivverifika jekk dan kienx tabilħaqq il-każ. Ara s-sentenza St. Paul Dairy, iċċitata iktar ’il fuq (punt 10).


54 —      Sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Reichert u Kockler (punt 34); Van Uden (punt 37), kif ukoll St. Paul Dairy (punt 13).


55 —      Sentenzi tal-21 ta’ Mejju 1980, Denilauler (125/79, Ġabra p. 1553, punti 15 u 16); Reichert et Kockler, iċċitati iktar ’il fuq (punt 33), kif ukoll Van Uden, iċċitati iktar ’il fuq (punt 38).


56—      Punt 40.


57 —      Għandu jiġi ppreċiżat li, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja ma rreferietx b’mod formali u espliċitu għal dik il-kundizzjoni fis-sentenzi sussegwenti tagħha, madankollu hija għamlet referenza għaliha fis-sentenza Mietz tagħha, iċċitata iktar ’il fuq (punt 42).


58 —      B’mod partikolari mill-Kummissjoni, li rrepetiet id-duttrina, fir-rapport dwar l-applikazzjoni tar-Regolament Nru 44/2001 tagħha (imsemmi iktar ’il fuq), kif ukoll fil-Green Paper dwar ir-reviżjoni tar-Regolament Nru 44/2001 tagħha (imsemmija iktar ’il fuq). Fir-riżoluzzjoni tiegħu tas-7 ta’ Settembru 2010 (iċċitata iktar ’il fuq) il-Parlament Ewropew “[i]ħeġġeġ li tiddaħħal premessa ħalli jintgħelbu d-diffikultajiet maħluqin [minn dan ir-]rekwiżit”. Għal ħarsa ġenerali, ara A. Dickinson, “Provisional Measures in the ‘Brussels I’ Review: Disturbing the Status Quo?”, Journal of Private International Law, 2010, Volum 6, Nru 3, p. 519.


59 —      Ara, b’mod partikolari, M. Pertegás Sender, Cross-Border Enforcement of Patent Rights, op. cit., punt 3.158; M.-C. Janssens, “International Disputes Involving Intellectual Property Rights: How to Take the Hurdles of Jurisdiction and Applicable Law”, f’E. Dirix, u Y.-H. Leleu, The Belgian report at the XVIIIthCongress of Washington of the International Academy of Comparative Law, Bruylant, 2011, Nru 46, p. 611 u 640.


60 —      Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret dan fis-sentenza tagħha tal-15 ta’ Lulju 2010, Purrucker (C-256/09, Ġabra p. I-7349, punt 85), b’referenza, f’dan ir-rigward, għar-rapport ta’ spjegazzjoni fuq il-Konvenzjoni stabbilita abbażi tal-Artikolu K.3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea fuq il-ġurisdizzjoni, ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni tas-sentenzi fil-kawżi matrimonjali, redatt minn A. Borrás (ĠU 1998 C 221, 1998, p. 27, punt 59). Ara, ukoll is-sentenza Denilauler, iċċitata iktar ’il fuq (punt 17).


61 —      Il-proposta għar-riformulazzjoni tar-Regolament Nru 44/2001 (imsemmija iktar ’il fuq, punt 3.1.5, premessa 25) tipprevedi l-moviment liberu ta’ miżuri provviżorji ordnati minn qorti li jkollha ġurisdizzjoni fuq il-mertu tat-tilwima għandu jkun żgurat. Meta, madankollu, miżuri bħal dawn jiġu adottati minn qorti li ma jkollhiex ġurisdizzjoni fuq il-mertu, l-effett ta’ dawn il-miżuri għandu jkun limitat għat-territorju ta’ dak l-Istat Membru. Ara wkoll, l-Artikolu 99 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94, tal-20 ta’ Diċembru 1993, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 146) u l-Artikolu 103 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009, tas-26 ta’ Frar 2009, dwar it-trade mark Komunitarja (Verżjoni kodifikata) (ĠU L 78, p. 1).