Language of document : ECLI:EU:C:2023:1031

Edizzjoni Provviżorja

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Seba’ Awla)

21 ta’ Diċembru 2023 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni mill-pulizija u ġudizzjarja f’materji kriminali – Deċiżjoni Qafas 2002/584/ĠAI – Mandat ta’ arrest Ewropew – Artikolu 4a(1) – Proċeduri ta’ konsenja bejn l-Istati Membri – Kundizzjonijiet għall-eżekuzzjoni – Raġunijiet ta’ nuqqas ta’ eżekuzzjoni fakultattiva – Eċċezzjonijiet – Eżekuzzjoni obbligatorja – Piena mogħtija fil-kontumaċja – Kunċett ta’ ‘proċess li rriżulta fid-deċiżjoni’ – Persuna kkonċernata li ma dehritx personalment la fl-ewwel istanza u lanqas fl-appell – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi projbizzjoni assoluta ta’ konsenja tal-persuna kkonċernata fil-każ ta’ deċiżjoni mogħtija fil-kontumaċja – Obbligu ta’ interpretazzjoni konformi”

Fil-Kawża C‑398/22,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill- Kammergericht Berlin (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Berlin, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tal-14 ta’ Ġunju 2022, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-15 ta’ Ġunju 2022, fil-proċedura dwar l-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ fil-konfront ta’

RQ

fil-preżenza ta’:

Generalstaatsanwaltschaft Berlin,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Seba’ Awla),

komposta minn F. Biltgen (Relatur), President tal-Awla, N. Wahl u M. L. Arastey Sahún, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Pikamäe,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għall-Gvern Ġermaniż, minn J. Möller, P. Busche, M. Hellmann u R. Kanitz, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, bħala aġent,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn S. Grünheid u H. Leupold, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li taqta’ l-kawża mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 4a(1) tad-Deċiżjoni Kwadru [Qafas] tal-Kunsill 2002/584/ĠAI, tat-13 ta’ Ġunju 2002, dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ konsenja bejn l-Istati Membri (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 34) kif emendata bid-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/299/ĠAI, tas-26 ta’ Frar 2009 (ĠU 2009, L 81, p. 24) (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni Qafas 2002/584”).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest tal-proċedura dwar l-eżekuzzjoni, fil-Ġermanja, tal-mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ kontra ċittadin Ċek għall-eżekuzzjoni, fir-Repubblika Ċeka, ta’ piena li tneħħi l-libertà.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

3        L-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, bit-titolu “Definizzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew u l-obbligazzjoni li jiġi esegwit”, jipprevedi:

“1.       Il-mandat ta’ arrest Ewropew hija deċiżjoni ġudizzjarja maħruġa minn Stat Membru bl-iskop ta’ l-arrest u l-konsenja minn Stat Membru ieħor ta’ persuna rikjesta, għall-finijiet tat-tmexxija ta’ azzjoni kriminali jew l-esekuzzjoni ta’ piena ta’ kustodja jew ordni ta’ detenzjoni.

2.       L-Istati Membri għandhom jesegwixxu kwalunkwe mandat ta’ arrest Ewropew abbażi tal-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku u skond id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Deċiżjoni Kwadru.

3.       Din id-Deċiżjoni Qafas m’għandhiex ikollha l-effett li timmodifika l-obbligazzjoni għar-rispett ta’ drittijiet fondamentali u prinċipji legali fondamentali kif miġbur fl-Artikolu 6 tat-Trattat [UE].” ”

4        L-Artikolu 4a(1) ta’ din id-deċiżjoni qafas, intitolat “Deċiżjonijiet mogħtija wara kawża li fiha l-persuna ma dehritx personalment”, hija redatta kif ġej:

“L-awtorità ġudizzjarja tal-eżekuzzjoni tista’ wkoll tiċħad l-eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ għall-finijiet li tiġi eżegwita sentenza ta’ kustodja jew ordni ta’ detenzjoni jekk il-persuna ma dehritx personalment fil-proċess li rriżulta fid-deċiżjoni, sakemm il-mandat ta’ arrest Ewropew ma jiddikjarax li l-persuna, skond ħtiġiet proċedurali ulterjuri definiti fil-liġi nazzjonali tal-Istat Membru emittenti:

(a)       fi żmien debitu

(i)       jew kienet ikkonvokata personalment u għaldaqstant infurmata bid-data u l-post skedati li rriżultaw fid-deċiżjoni, jew b’mezzi oħra fil-fatt irċeviet informazzjoni uffiċjali tad-data u l-post skedati ta’ dik il-kawża b’tali mod li ġie stabbilit inekwivokabbilment li hija kienet konxja mill-kawża skedata;

u

(ii)       kienet infurmata li tista’ tingħata deċiżjoni jekk hija ma tidhirx għall-kawża;

[...]”

 Id-dritt Ġermaniż

5        L-Artikolu 83 tal-Gesetz über die internationale Rechtshilfe in Strafsachen (il-Liġi dwar l-Assistenza Ġudizzjarja Internazzjonali f’Materji Kriminali), tat-23 ta’ Diċembru 1982 (BGBl.1982 I, p. 2071), fil-verżjoni tagħha ppubblikata fis-27 ta’ Ġunju 1994 (BGBl. 1994 I, p. 1537), (iktar ’il quddiem l-“IRG”) jipprevedi:

“L-estradizzjoni hija eskluża meta

[...]

3.      fil-każ ta’ talba għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ piena, il-persuna kkundannata ma dehritx personalment waqt is-seduta fil-proċeduri li wasslu għall-kundanna [...]”

 Id-dritt Ċek

6        L-Artikolu 64 taż-zákon č. 141/1961 Sb. o trestním řízení soudním (trestní řád) [il-Liġi Nru 141/1961 dwar il-Proċeduri Kriminali], tad-29 ta’ Novembru 1961, tipprevedi, essenzjalment, li wara l-ewwel tentattiv ta’ notifika, il-persuna li lilha għandu jiġi nnotifikat att għandha tiġi informata dwar il-post fejn hija tista’ tikseb dan l-att. Meta l-imsemmi att ma jiġix irkuprat f’terminu ta’ 10 ijiem, l-istess att jista’ jiġi ppreżentat fil-kaxxa tal-ittri użata minn din il-persuna, li jikkostitwixxi n-notifika tiegħu.

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

7        Il-Kammergericht Berlin (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Berlin, il-Ġermanja), li hija l-qorti tar-rinviju, ġiet adita mill-awtoritajiet Ċeki b’talba għall-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ fil-15 ta’ Ġunju 2021 kontra ċittadin Ċek mill-Okresní soud v Ostravě (il-Qorti Distrettwali ta’ Ostrava, ir-Repubblika Ċeka). Dan il-mandat ta’ arrest Ewropew huwa intiż għall-arrest u għall-konsenja tal-persuna kkonċernata lil dawn l-awtoritajiet għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ piena ta’ li tneħħi l-libertà ta’ 15-il xahar, mogħtija permezz ta’ sentenza tad-19 ta’ Ġunju 2020, kif irriformata fl-appell permezz ta’ sentenza tal-Krajský soud v Ostravě (il-Qorti Reġjonali ta’ Ostrava, ir-Repubblika Ċeka), tal-25 ta’ Awwissu 2020 (iktar ’il quddiem is-“sentenza mogħtija fl-appell”).

8        Is-sentenza mogħtija fl-appell wasslet għal tnaqqis tal-piena mogħtija fl-ewwel istanza.

9        Huwa paċifiku li l-persuna kkonċernata dehret personalment fis-seduta fl-ewwel istanza. Min-naħa l-oħra, il-persuna kkonċernata ma pparteċipatx fil-proċedura ta’ appell u lanqas ma kienet irrappreżentata minn avukat.

10      It- taħrika għad-dehra fl-appell, li kienet intbagħtet fl-indirizz indikat mill-persuna kkonċernata lill-awtoritajiet Ċeki kompetenti bħala dik tar-residenza permanenti tagħha, li għaliha din tal-aħħar kienet irċeviet personalment it-taħrika għad-dehra fl-ewwel istanza, ġiet ippreżentata fil-kaxxa tal-ittri tal-persuna kkonċernata fis-17 ta’ Awwissu 2020, peress li din tal-aħħar ma kinitx ġabritha personalment kif kienet ġiet mistiedna tagħmel fit-3 ta’ Awwissu preċedenti. Għalkemm ma teżistix prova li l-persuna kkonċernata effettivament irċeviet din it-taħrika għad-dehra fl-appell u li din tal-aħħar iddikjarat li ċċaqilqet lejn il-Ġermanja f’Awwissu 2020 mingħajr ma informat lill-awtoritajiet Ċeki kompetenti, l-imsemmija taħrika għad-dehra fl-appell hija, skont l-Artikolu 64 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali, meqjusa li ġiet innotifikata lill-persuna kkonċernata fl-għaxar jum wara l-istedina għall-ġbir tagħha.

11      Fl-10 ta’ Ottubru 2021, il-persuna kkonċernata ġiet arrestata f’Berlin (il-Ġermanja) abbażi tal-mandat ta’ arrest Ewropew inkwistjoni fil-kawża prinċipali u tqiegħdet taħt detenzjoni provviżorja. Hija għalhekk iddikjarat li ma tagħtix il-kunsens tagħha sabiex tkun suġġetta għal proċedura ta’ konsenja ssemplifikata lill-awtoritajiet Ċeki.

12      Fl-14 ta’ Ottubru 2021, il-qorti tar-rinviju ordnat li l-persuna kkonċernata tinżamm taħt detenzjoni bl-għan tal-konsenja tagħha lill-awtoritajiet Ċeki.

13      Wara li kiseb mingħand l-awtorità ġudizzjarja emittenti kkonċernata preċiżazzjonijiet dwar iċ-ċirkustanzi eżatti li fihom il-persuna kkonċernata kienet ġiet imsejħa, il-Generalstaatsanwaltschaft (il-Prosekutur Ġenerali ta’ Berlin, il-Ġermanja), illibera lill-persuna kkonċernata u talab lill-qorti tar-rinviju tannulla l-mandat ta’ arrest maħruġ għall-finijiet ta’ estradizzjoni, kif ukoll tiddikjara illegali l-konsenja tal-persuna kkonċernata minħabba li l-punt 3 tal-Artikolu 83(1) tal-IRG, li jittrasponi fid-dritt Ġermaniż l-Artikolu 4a tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, joħloq ostakola għal tali konsenja.

14      Permezz ta’ digriet tal-4 ta’ Novembru 2021, il-qorti tar-rinviju neħħiet il-mandat ta’ arrest maħruġ għall-finijiet ta’ estradizzjoni. Minkejja li qieset li l-kundizzjoni ta’ kriminalità doppja tal-fatt, li għaliha hija suġġetta tali konsenja u li tikkonsisti fil-verifika li l-fatti allegati jikkostitwixxu reat fiż-żewġ Stati Membri li kkooperaw, kienet issodisfatta f’dan il-każ, hija ddeċidiet li tissospendi d-deċiżjoni dwar it-talba intiża sabiex il-konsenja tal-persuna kkonċernata tiġi ddikjarata illegali.

15      Fl-ewwel lok, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-Artikolu 4a(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta’ “proċess li rriżulta fid-deċiżjoni”, li jinsab f’din id-dispożizzjoni, ikopri l-proċess li ppreċeda d-deċiżjoni tal-ewwel istanza jekk din id-deċiżjoni tkun ġiet mibdula fl-appell f’sens favorevoli għall-persuna kkonċernata.

16      Il-Qorti tar-rinviju tfakkar il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tirriżulta mis-sentenza tal-10 ta’ Awwissu 2017, Tupikas (C-270/17 PPU, EU:C:2017:628), li tgħid li, fil-każ ta’ proċeduri kriminali li jinkludu diversi istanzi, dan il-kunċett jirrigwarda l-proċess li fil-kuntest tiegħu tkun ingħatat deċiżjoni definittiva dwar il-ħtija tal-persuna kkonċernata kif ukoll dwar il-kundanna ta’ din tal-aħħar għal piena wara eżami ġdid, fil-fatt kif ukoll fid-dritt, tal-kawża fuq il-mertu, jiġifieri l-aħħar istanza fil-mertu.

17      Minn dan il-qorti tar-rinviju tiddeduċi li, f’dan il-każ, hija l-proċedura quddiem il-qorti li tiddeċiedi fl-appell, li fiha l-persuna kkonċernata ma pparteċipatx, li hija determinanti għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 4a(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 u li, sa fejn il-persuna kkonċernata ma dehritx personalment fil-kuntest ta’ din il-proċedura, il-konsenja tagħha għandha tiġi ddikjarata illegali u għandha tiġi rrifjutata l-eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

18      Madankollu, il-qorti tar-rinviju għandha dubji dwar l-applikabbiltà tal-ġurisprudenza li tirriżulta minn din is-sentenza f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fejn il-persuna kkonċernata dehret personalment fl-ewwel istanza, iżda ma segwitx it-taħrika tagħha għas-seduta fil-kuntest tal-proċedura ta’ appell.

19      F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tirrileva, minn naħa, li jeżistu diverġenzi fl-organizzazzjoni tal-proċedura ta’ appell fid-diversi Stati Membri, b’mod partikolari fir-rigward tal-obbligu, tal-qorti nazzjonali, li tipproċedi, fil-każ tal-assenza tal-persuna kkonċernata, għal eżami tal-kawża fil-mertu. Ċertament, dan huwa l-każ fid-dritt Ċek, u dan l-eżami jista’, bħal f’dan il-każ, jagħti lok għal deċiżjoni li tirriforma s-sentenza tal-ewwel istanza f’sens favorevoli għall-persuna kkonċernata. Madankollu, jekk, bħal fid-dritt Ġermaniż applikabbli, tali obbligu ma huwiex previst, is-sentenza mogħtija ma taqax taħt il-kunċett ta’ “proċess”, fis-sens tal-Artikolu 4a(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584.

20      Min-naħa l-oħra, il-qorti tar-rinviju tikkunsidra li, jekk l-appell jiġi miċħud mingħajr ma jsir eżami fuq il-mertu, is-sentenza mogħtija fl-ewwel istanza tikseb l-awtorità ta’ res judicata u hija għalhekk eżekuttiva, li jimplika li l-konsenja tal-persuna kkonċernata hija, fir-realtà, mitluba għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ din is-sentenza. Minn dan hija tiddeduċi li l-Artikolu 4a(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta’ “proċess”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, jirreferi għad-deċiżjoni li għandha tiġi eżegwita. Il-qorti tar-rinviju tqis li din l-interpretazzjoni tapplika wkoll meta, bħal f’dan il-każ, id-deċiżjoni tal-ewwel istanza tkun ġiet mibdula fl-appell b’mod favorevoli għall-persuna kkonċernata, anki jekk din id-deċiżjoni tal-ewwel istanza ma tikkostitwixxix għalhekk, kuntrarjament għal sentenza fl-appell mogħtija mingħajr ma jkun sar eżami fuq il-mertu, waħedha d-deċiżjoni li għandha tiġi eżegwita, iżda għandha tiġi kkombinata mas-sentenza mogħtija fl-appell li tkun biddlitha.

21      Fit-tieni lok, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk il-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali, bħall-punt 3 tal-Artikolu 83(1) tal-IRG, li tistabbilixxi l-kundanna fil-kontumaċja bħala “ostakolu assolut” għall-konsenja ta’ persuna li hija s-suġġett ta’ mandat ta’ arrest Ewropew filwaqt li l-Artikolu 4a(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, li din il-leġiżlazzjoni nazzjonali tittrasponi fid-dritt Ġermaniż, jipprevedi biss f’dan ir-rigward raġuni fakultattiva ta’ rifjut.

22      Skont il-qorti tar-rinviju, din l-aħħar dispożizzjoni ma ġietx trasposta b’mod sħiħ fid-dritt Ġermaniż peress li l-punt 3 tal-Artikolu 83(1) tal-IRG ma jipprevedix il-possibbiltà għal awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni li teżerċita setgħa diskrezzjonali fil-każ ta’ kundanna fil-kontumaċja.

23      Il-qorti tar-rinviju tirrileva li, fis-sentenza tal-24 ta’ Ġunju 2019, Popławski (C‑573/17, EU:C:2019:530, punti 69, 72, 73 u 76), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, għalkemm l-applikazzjoni diretta tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 hija eskluża, peress li din tal-aħħar ma għandhiex effett dirett, xorta jibqa’ l-fatt li awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni hija obbligata tinterpreta d-dritt nazzjonali konformement ma’ din id-deċiżjoni qafas sabiex jintlaħaq ir-riżultat previst minnha, madankollu hija eskluża interpretazzjoni contra legem ta’ dan id-dritt.

24      Il-qorti tar-rinviju tikkunsidra li hija ma hijiex f’pożizzjoni li tinterpreta l-punt 3 tal-Artikolu 83(1) tal-IRG fis-sens li jagħtiha, fil-kuntest tal-eżami tal-ostakolu għall-konsenja tal-persuna kkonċernata, setgħa diskrezzjonali li tippermettilha tiddikjara legali din il-konsenja minkejja l-eċċezzjonijiet previsti fil-paragrafi 2 sa 4 ta’ dan l-artikolu. Hija tqis li, skont l-Artikolu 4a(1) (a) sa (d) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 u s-setgħa diskrezzjonali li hija għandha f’dan ir-rigward, hija għandha tkun tista’ tqis li, fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ, id-dritt għal smigħ tal-persuna kkonċernata ġie debitament irrispettat anki jekk hi ma dehritx personalment fil-kuntest tal-proċedura ta’ appell u li l-konsenja ta’ din tal-aħħar hija għalhekk legali. Fil-fatt, il-persuna kkonċernata stess naqset milli tattendi fil-proċedura ta’ appell, peress li, wara li appellat, hija baqgħet irraġunġibbli u ma ġabritx it-taħrika għad-dehra fl-appell li kienet intbagħtitilha fl-indirizz li kienet indikat lill-awtoritajiet Ċeki kompetenti, minkejja l-fatt li kienet taf bil-preżentata tagħha.

25      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kammergericht Berlin (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Berlin) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1.      Il-kunċett ta’ ‘proċess’ użat fl-Artikolu 4a(1) tad-Deċiżjoni Qafas [2002/584] għandu jiġi interpretat fis-sens li, fil-każ fejn ikun sar appell, dan jipprevedi l-proċess li ppreċeda d-deċiżjoni tal-ewwel istanza fil-każ li l-persuna mħarrka biss tkun ressqet appell u dan jew ikun ġie miċħud mingħajr eżami fil-mertu jew is-sentenza tal-ewwel istanza tkun ġiet irriformata f’sens favorevoli għall-persuna mħarrka?

2.      Il-fatt li fil-punt 3 tal-Artikolu 83(1) tal-[IRG], il-leġiżlatur Ġermaniż stabbilixxa l-kundanna fil-kontumaċja bħala ostakolu assolut għall-konsenja minkejja li l-Artikolu 4a(1) tad-Deċizjoni Qafas [2002/584], jipprevedi biss f’dan ir-rigward raġuni fakultattiva għal rifjut, huwa kompatibbli mas-supremazija tad-dritt tal-Unjoni?”

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ewwel domanda

26      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 4a(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta’ “proċess li rriżulta fid-deċiżjoni” li jinsab f’din id-dispożizzjoni jkopri l-proċess li rriżulta fid-deċiżjoni tal-ewwel istanza meta din tal-aħħar tkun ġiet mibdula fl-appell f’sens favorevoli għall-persuna kkonċernata.

27      Fi kliem ieħor, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk, meta, bħal f’dan il-każ, il-persuna kkonċernata ma tkunx dehret fil-kuntest tal-proċedura ta’ appell li tkun wasslet għal sentenza li tirriforma d-deċiżjoni mogħtija fl-ewwel istanza, din il-proċedura taqax taħt il-kunċett ta’ “proċess li rriżulta fid-deċiżjoni”, fis-sens tal-Artikolu 4a(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584.

28      Għandu jitfakkar, f’dan ir-rigward, li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-kunċett ta’ “proċess li rriżulta fid-deċiżjoni”, fis-sens tal-Artikolu 4a(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, għandu jinftiehem bħala kunċett awtonomu tad-dritt tal-Unjoni u għandu jiġi interpretat b’mod uniformi fit-territorju ta’ din tal-aħħar, indipendentement mill-klassifikazzjonijiet fl-Istati Membri. (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-10 ta’ Awwissu 2017, Tupikas, C‑270/17 PPU, EU:C:2017:628, punt 67, u tat-22 ta’ Diċembru 2017, Ardic, C‑571/17 PPU, EU:C:2017:1026, punt 63).

29      Dan il-kunċett għandu jinftiehem bħala li jindika l-proċedura li wasslet għad-deċiżjoni ġudizzjarja li kkundannat b’mod definittiv lill-persuna li ntalbet il-konsenja tagħha fil-kuntest tal-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew (sentenzi tal-10 ta’ Awwissu 2017, Tupikas, C‑270/17 PPU, EU:C:2017:628, punt 74, kif ukoll tat-23 ta’ Marzu 2023, Minister for Justice and Equality (Tneħħija tas-sospensjoni), C‑514/21 u C-515/21, EU:C:2023:235, punt 52).

30      Hija d-deċiżjoni ġudizzjarja li tiddeċiedi definittivament il-kawża fuq il-mertu, fis-sens li ma tistax tinbidel permezz ta’ rimedju ordinarju, li hija determinanti għall-persuna kkonċernata, peress li taffettwa direttament is-sitwazzjoni personali tagħha fir-rigward tad-dikjarazzjoni ta’ ħtija kif ukoll, jekk ikun il-każ, fl-istabbiliment tal-piena ta’ tneħħija ta’ libertà li għandha tiskonta (sentenza tal-10 ta’ Awwissu 2017, Tupikas, C-270/17 PPU, EU:C:2017:628, punt 83).

31      Għaldaqstant, huwa f’dan l-istadju tal-proċedura li l-persuna kkonċernata għandha tkun tista’ teżerċita d-drittijiet tagħha ta’ difiża b’mod sħiħ sabiex targumenta, b’mod effettiv, il-punt tagħha u teżerċita b’hekk influwenza fuq id-deċiżjoni finali li tista’ tinvolvi t-tneħħija ta’ libertà individwali tagħha. Ir-riżultat li twassal għalih din il-proċedura huwa irrilevanti f’dan il-kuntest (sentenza tal-10 ta’ Awwissu 2017, Tupikas, C‑270/17 PPU, EU:C:2017:628, punt 84).

32      Fir-rigward, b’mod iktar partikolari, ta’ xenarju, bħal dak inkwistjoni, fejn il-proċess żvolġa matul żewġ istanzi suċċessivi, jiġifieri l-ewwel istanza segwita bi proċedura ta’ appell, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li hija l-proċedura li wasslet għad-deċiżjoni mogħtija fl-appell li hija rilevanti biss għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 4a(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, sakemm din l-istanza kienet intiża għad-deċiżjoni li ma tistax tiġi suġġetta għal appell ordinarju li għaldaqstant ddeċidiet b’mod definittiv il-kawża fir-rigward tal-mertu (sentenza tal-10 ta’ Awwissu 2017, Tupikas, C‑270/17 PPU, EU:C:2017:628, punt 90).

33      Minn dan isegwi li l-element determinanti għall-finijiet tal-klassifikazzjoni ta’ proċedura bħala li taqa’ taħt il-kunċett ta’ “proċess li rriżulta fid-deċiżjoni”, fis-sens tal-Artikolu 4a(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, huwa l-fatt li din il-proċedura wasslet għal sentenza li tikkostitwixxi kundanna definittiva u li, konsegwentement, tiddeċiedi l-kawża definittivament fuq il-mertu.

34      Għaldaqstant, proċedura ta’ appell bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tat lok għal sentenza li tbiddel id-deċiżjoni mogħtija fl-ewwel istanza u b’hekk iddeċidiet b’mod definittiv il-kawża kkonċernata, fatt li madankollu għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju, taqa’ taħt dan il-kunċett.

35      Konsegwentement, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 4a(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 għandu jiġi interpretat fis-sens li proċedura ta’ appell li tat lok għal sentenza li tbiddel id-deċiżjoni mogħtija fl-ewwel istanza u li b’hekk tiddeċiedi definittivament il-kawża taqa’ taħt il-kunċett ta’ “proċess li rriżulta fid-deċiżjoni”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

 Fuq it-tieni domanda

36      Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tittrasponi l-Artikolu 4a(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, li jeskludi, b’mod ġenerali, il-possibbiltà għal awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni li teżegwixxi mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ piena meta l-persuna kkonċernata ma tkunx dehret personalment fil-kuntest tal-proċess li wassal għad-deċiżjoni kkonċernata.

37      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li d-Deċiżjoni Qafas 2002/584 tistabbilixxi, fl-Artikolu 1(2) tagħha, ir-regola skont liema l-Istati Membri għandhom l-obbligu li jeżegwixxu kull mandat ta’ arrest Ewropew abbażi tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku u konformement għad-dispożizzjonijiet ta’ din l-istess deċiżjoni qafas. Ħlief f’ċirkustanzi eċċezzjonali, l-awtoritajiet ġudizzjarji ta’ eżekuzzjoni jistgħu għalhekk jirrifjutaw li jeżegwixxu tali mandat biss fil-każijiet, elenkati b’mod eżawrjenti, previsti mill-imsemmija deċiżjoni qafas. L-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew tkun tista’ ssir suġġetta għal waħda mill-kundizzjonijiet li huma limitatament elenkati fiha. Konsegwentement, billi l-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew jikkostitwixxi l-prinċipju, ir-rifjut ta’ eżekuzzjoni tiegħu huwa mifhum bħala eċċezzjoni li għandha tkun suġġetta għal interpretazzjoni stretta (sentenza tal-10 ta’ Awwissu 2017, Tupikas, C‑270/17 PPU, EU:C:2017:628, punt 50).

38      B’hekk, id-Deċiżjoni Qafas 2002/584 tistabbilixxi espliċitament, minn naħa, ir-raġunijiet obbligatorji (Artikolu 3 ta’ din id-deċiżjoni qafas) u, min-naħa l-oħra, ir-raġunijiet fakultattivi (Artikoli 4 u 4a tal-imsemmija deċiżjoni qafas) għan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew. B’mod partikolari, l-Artikolu 4a tal-istess deċiżjoni qafas, jillimita l-possibbiltà li tiġi rrifjutata l-eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew billi jelenka, b’mod speċifiku u uniformi, il-kundizzjonijiet li fihom ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni mogħtija fi tmiem proċess li fih il-persuna kkonċernata ma tkunx dehret personalment ma jistgħux jiġu rrifjutati (sentenza tal-10 ta’ Awwissu 2017, Tupikas, C‑270/17 PPU, EU:C:2017:628, punt 53).

39      Mill-kliem tal-Artikolu 4a(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 jirriżulta li din id-dispożizzjoni tipprevedi raġuni fakultattiva ta’ nuqqas ta’ eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ għall-finijiet ta’ eżekuzzjoni ta’ piena jew ta’ miżura ta’ garanzija li tneħħi l-libertà, jekk il-persuna kkonċernata ma tkunx dehret personalment għall-proċedura li wasslet għal din il-kundanna. Din l-għażla hija, madankollu, suġġetta għal erba’ eċċezzjonijiet, stabbiliti rispettivament fil-punti (a) sa (d) ta’ din id-dispożizzjoni, li fihom l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni hija mċaħħda mill-possibbiltà li tirrifjuta l-eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew li kienet ġiet indirizzata lilha. (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-26 ta’ Frar 2013, Melloni, C‑399/11, EU:C:2013:107, punt 40).

40      Għaldaqstant, awtorità ġudizzjarja tal-eżekuzzjoni tista’ wkoll tirrifjuta l-eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ piena jew ta’ miżura ta’ sigurtà li jneħħu l-libertà jekk il-persuna kkonċernata ma tkunx dehret personalment fil-proċeduri li jkunu wasslu għad-deċiżjoni kkonċernata, sakemm dan il-mandat ta’ arrest Ewropew ma jkunx jindika li l-kundizzjonijiet stabbiliti, rispettivament fil-punti (a) sa (d) tal-Artikolu 4a(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 ġew issodisfatti (sentenza tal-10 ta’ Awwissu 2017, Tupikas, C-270/17 PPU, EU:C:2017:628, punt 54).

41      Minn dan isegwi li awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni hija marbuta li tipproċedi bl-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew, minkejja l-assenza tal-parti kkonċernata fil-proċeduri li wasslu għad-deċiżjoni kkonċernata, meta tkun ivverifikata l-eżistenza ta’ waħda miċ-ċirkustanzi previsti rispettivament fil-punti (a) sa (d) tal-Artikolu 4a(1) ta’ din id-deċiżjoni qafas (sentenza tal-10 ta’ Awwissu 2017, Tupikas, C‑270/17 PPU, EU:C:2017:628, punt 55).

42      Il-Qorti tal-Ġustizzja kellha l-opportunità tippreċiża li, peress li dan l-Artikolu 4a jipprevedi każ ta’ nuqqas ta’ eżekuzzjoni fakultattiva ta’ mandat ta’ arrest Ewropew, awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni tista’, fi kwalunkwe każ, anki wara li tkun ikkonstatat li ċ-ċirkustanzi msemmija fil-punt preċedenti ta’ din is-sentenza ma jkoprux is-sitwazzjoni tal-persuna li hija s-suġġett ta’ mandat ta’ arrest Ewropew, tieħu inkunsiderazzjoni ċirkustanzi oħra li jippermettulha tiżgura ruħha li l-konsenja tal-persuna kkonċernata ma timplikax ksur tad-drittijiet tad-difiża ta’ din tal-aħħar (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-10 ta’ Awwissu 2017, Zdziaszek C‑270/17 PPU, EU:C:2017:629, punt 107, kif ukoll tas-17 ta’ Diċembru 2020, Generalstaatsanwaltschaft Hamburg, C‑416/20 PPU, EU:C:2020:1042, punt 51 u l-ġurisprudenza ċċitata).

43      Fil-kuntest ta’ tali evalwazzjoni, awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni tista’ b’hekk tieħu inkunsiderazzjoni l-aġir muri mill-persuna kkonċernata. Fil-fatt huwa f’dan l-istadju tal-proċedura ta’ konsenja li tista’ tingħata attenzjoni partikolari lill-fatt li l-persuna kkonċernata ppruvat tevita n-notifika tal-informazzjoni indirizzata lilha (sentenza tas-17 ta’ Diċembru 2020, Generalstaatsanwaltschaft Hamburg, C‑416/20 PPU, EU:C:2020:1042, punt 52 u l-ġurisprudenza ċċitata)

44      Minn dan jirriżulta li, meta tivverifika li waħda mill-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 4a(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 hija ssodisfatta, awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni ma tistax tiġi prekluża milli tiżgura r-rispett tad-drittijiet tad-difiża tal-persuna kkonċernata billi tieħu, f’dan ir-rigward, debitament inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi kollha li jikkaratterizzaw il-kawża li hija adita biha, inkluża l-informazzjoni li hija jista’ jkollha għad-dispożizzjoni tagħha hija stess.

45      F’dan il-każ, mill-informazzjoni pprovduta mill-qorti tar-rinviju jirriżulta li l-leġiżlazzjoni Ġermaniża inkwistjoni fil-kawża prinċipali tobbliga, b’mod ġenerali, lill-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni kkonċernata sabiex tirrifjuta li teżegwixxi mandat ta’ arrest Ewropew fil-każ ta’ kundanna fil-kontumaċja. Din il-leġiżlazzjoni ma tħalli lil din l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni ebda setgħa diskrezzjonali għall-finijiet tal-verifika tal-eżistenza ta’ waħda mis-sitwazzjonijiet imsemmija, rispettivament, fil-punti (a) sa (d) tal-Artikolu 4a(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, abbażi taċ-ċirkustanzi tal-każ, jekk id-drittijiet tad-difiża tal-persuna kkonċernata jistgħux jitqiesu li ġew irrispettati, u, għaldaqstant, sabiex tiddeċiedi li teżegwixxi l-mandat ta’ arrest Ewropew ikkonċernat.

46      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li tali leġiżlazzjoni nazzjonali tmur kontra l-Artikolu 4a(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584.

47      Għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jobbligax lil qorti nazzjonali ma tapplikax dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali inkompatibbli mad-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, peress li din ma għandhiex effett dirett. Madankollu, l-awtoritajiet tal-Istati Membri, inklużi l-qrati, huma meħtieġa jagħtu, sa fejn ikun possibbli, interpretazzjoni konformi tad-dritt nazzjonali tagħhom li tippermettilhom jiżguraw riżultat kompatibbli mal-finalità segwita mid-deċiżjoni qafas ikkonċernata (sentenza tal-24 ta’ Ġunju 2019, Popławski (C‑573/17, EU:C:2019:530, punti 109)

48      Fil-fatt, għalkemm id-deċiżjonijiet qafas ma jistgħux jipproduċu effett dirett, in-natura vinkolanti tagħhom madankollu timplika obbligu min-naħa tal-awtoritajiet nazzjonali li jinterpretaw id-dritt nazzjonali tagħhom f’konformità mad-dritt tal-Unjoni mid-data tal-iskadenza tat-terminu previst għat-traspożizzjoni ta’ dawn id-deċiżjonijiet qafas. Meta japplikaw id-dritt nazzjonali tagħhom, dawn l-awtoritajiet huma għalhekk obbligati li jinterpretawh, sa fejn huwa possibbli, fid-dawl tat-test u tal-finalità tad-deċiżjoni qafas ikkonċernata sabiex jintlaħaq ir-riżultat previst minnha, madankollu hija eskluża interpretazzjoni contra legem tad-dritt nazzjonali. B’hekk, il-prinċipju ta’ interpretazzjoni konformi jeħtieġ li jittieħed inkunsiderazzjoni d-dritt intern kollu u li jiġu applikati metodi ta’ interpretazzjoni rrikonoxxuti minnu, sabiex tiġi ggarantita l-effikaċja sħiħa tad-deċiżjoni qafas ikkonċernata u sabiex tinstab soluzzjoni konformi mal-finalità mfittxija minnha (sentenza tal-24 ta’ Ġunju 2019, Popławski, C‑573/17, EU:C:2019:530, punti 72 sa 77).

49      Minn dan isegwi li hija l-qorti tar-rinviju, billi li tieħu inkunsiderazzjoni d-dritt nazzjonali kollu u billi tapplika metodi ta’ interpretazzjoni rrikonoxxuti minn dan id-dritt, li għandha tinterpreta d-dispożizzjonijiet nazzjonali, sa fejn huwa possibbli, fid-dawl tat-test u tal-finalità tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584.

50      Konsegwentement, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 4a(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 għandu jiġi interpretat fis-sens li leġiżlazzjoni nazzjonali li tittrasponi din id-dispożizzjoni li teskludi, b’mod ġenerali, il-possibbiltà għal awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni li teżegwixxi mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ piena meta l-persuna kkonċernata ma dehritx personalment fil-kuntest tal-proċess li wassal għad-deċiżjoni kkonċernata, tmur kontra l-imsemmija dispożizzjoni. Il-qorti nazzjonali għandha, billi tieħu inkunsiderazzjoni d-dritt nazzjonali kollu u billi tapplika metodi ta’ interpretazzjoni rrikonoxxuti minn dan id-dritt, li tinterpreta din il-leġiżlazzjoni nazzjonali, sa fejn huwa possibbli, fid-dawl tat-test u tal-finalità ta’ din id-deċiżjoni qafas.

 Fuq l-ispejjeż

51      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta' kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Seba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikolu 4a(1) tad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2002/584/ĠAI tat-13 ta’ Ġunju 2002 fuq il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ ċediment bejn l-Istati Membri, kif emendata bid-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/299/ĠAI tas-26 ta’ Frar 2009, għandu jiġi interpretat fis-sens li proċedura ta’ appell li tat lok għal sentenza li tbiddel id-deċiżjoni mogħtija fl-ewwel istanza u li b’hekk tiddeċiedi definittivament il-kawża taqa’ taħt il-kunċett ta’ “proċess li rriżulta fid-deċiżjoni”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

L-Artikolu 4a(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, kif emendata bid-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/299/ĠAI, għandu jiġi interpretat fis-sens li leġiżlazzjoni nazzjonali li tittrasponi din id-dispożizzjoni li teskludi, b’mod ġenerali, il-possibbiltà għal awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni li teżegwixxi mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ piena meta l-persuna kkonċernata ma dehritx personalment fil-kuntest tal-proċess li wassal għad-deċiżjoni kkonċernata, tmur kontra l-imsemmija dispożizzjoni.

Qorti nazzjonali għandha, billi tieħu inkunsiderazzjoni d-dritt nazzjonali kollu u billi tapplika metodi ta’ interpretazzjoni rrikonoxxuti minn dan id-dritt, li tinterpreta din il-leġiżlazzjoni nazzjonali, sa fejn huwa possibbli, fid-dawl tat-test u tal-finalità ta’ din id-deċiżjoni qafas.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.