Language of document : ECLI:EU:C:2012:331

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

BOT

ippreżentati fis-7 ta’ Ġunju 2012 (1)

Kawża C‑451/11

Natthaya Dülger

vs

Wetteraukreis

[talba għal deċiżjoni preliminari
mressqa mill-Verwaltungsgericht Giessen (il‑Ġermanja)]

“Ftehim ta’ Assoċjazzjoni KEE‑Turkija — Interpretazzjoni tad-Deċiżjoni Nru 1/80 tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni — Dritt ta’ residenza tal-membri tal-familja ta’ ħaddiem Tork fis-suq regolari tax-xogħol ta’ Stat Membru — Ċittadina Tajlandiża li għal mill-inqas ħames snin kienet tirrisjedi mal-ħaddiem Tork — Drittijiet miksuba qabel id-divorzju minn mal-ħaddiem Tork”






1.        Din il-kawża toffri lill-Qorti tal-Ġustizzja l-opportunità li tiċċara l-portata tal-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni (2), tad-19 ta’ Settembru 1980, dwar l-iżvilupp tal-Assoċjazzjoni (3). Din id-dispożizzjoni tipprovdi li membru tal-familja ta’ ħaddiem Tork, li kien permess jingħaqad mal-ħaddiem fit-territorju tal-Istat Membru ospitanti, għandu d-dritt li jirrispondi għal kull offerta ta’ xogħol f’dak it-territorju meta jkun ilu jirrisjedi hemm ta’ mill-inqas tliet snin u jgawdi minn aċċess liberu għal kull attività bħala persuna impjegata tal-għażla tiegħu meta jkun ilu jirrisjedi hemm b’mod regolari mill-inqas għal ħames snin.

2.        B’mod partikolari, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddeċiedi jekk ċittadin ta’ Stat terz li ma għandux in-nazzjonalità Torka jistax jiġi kkunsidrat bħala membru tal-familja ta’ ħaddiem Tork fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni u jinvoka, għaldaqstant, id-drittijiet li din tal-aħħar ittih.

3.        F’dawn il-konklużjonijiet, ser nindika r-raġunijiet għaliex nemmen li t-tieni inċiż tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 għandu jiġi interpretat fis-sens li ċittadina ta’ Stat terz li ma għandhiex in-nazzjonalità Torka u li għal perijodu ta’ mill-inqas ħames snin kienet tirrisjedi mal-konjuġi tagħha, ħaddiem Tork fis-suq regolari tax-xogħol, tista’ tiġi kklassifikata bħala “membru tal-familja” ta’ ħaddiem Tork.

4.        Imbagħad, ser nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddeċiedi li tali ċittadina, li bħala membru tal-familja ta’ ħaddiem Tork, tibbenefika mid-drittijiet tagħha taħt din id-dispożizzjoni, ma titlifx il-benefiċċju ta’ dawn id-drittijiet minħabba d-divorzju tagħha, minn ma’ dan il-ħaddiem Tork, iddikjarat f’data sussegwenti għall-kisba ta’ dawn id-drittijiet.

I –    Il-kuntest ġuridiku

A –    Il-liġi tal-Unjoni Ewropea

1.      Il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni

5.        Sabiex jiġi rregolat il-moviment liberu tal-ħaddiema Torok fit-territorju tal-Komunità, fit-12 ta’ Settembru 1963 ġie konkluż Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn din tal-aħħar u r-Repubblika tat-Turkija. L-għan ta’ dan il-ftehim huwa li “jippromwovi t-tisħiħ kontinwu u bbilanċjat tar-relazzjonijiet kummerċjali u ekonomiċi bejn il-Partijiet, filwaqt li tittieħed kompletament inkunsiderazzjoni l-ħtieġa li jiġi żgurat l-iżvilupp mgħaġġel tal-ekonomija tat-Turkija u t-titjib fil-livell tal-impjieg u fil-kundizzjonijiet tal-għajxien tal-poplu Tork” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (4).

6.        L-implementazzjoni progressiva tal-moviment liberu tal-ħaddiema Torok li huwa s-suġġett ta’ dan il-ftehim għandha ssir skont il-modalitajiet adottati mill-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni li l-kompitu tiegħu huwa li jiżgura l-applikazzjoni u l-iżvilupp progressiv tas-sistema ta’ assoċjazzjoni (5).

2.      Il-Protokoll Addizzjonali għall-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni

7.        Il-Protokoll Addizzjonali għall-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni (6) jistabbilixxi l-kundizzjonijiet, il-modalitajiet u l-pass tal-fażi tranżizzjonali tal-assoċjazzjoni. Dan fih, fit-Titolu II tiegħu, diversi artikoli dwar il-moviment tal-persuni u tas-servizzi.

8.        Huwa għalhekk jipprovdi, fl-Artikolu 59 tiegħu, li, “[f]l-oqsma koperti minn dan il-Protokoll it-Turkija ma għandhiex tirċievi trattament iktar favorevoli minn dak li l-Istati Membri jagħtu lil xulxin skont it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

3.      Id-Deċiżjoni Nru 1/80

9.        Il-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni għaldaqstant adotta d-Deċiżjoni Nru 1/80 li l-għan tagħha huwa, b’mod partikolari, li tittejjeb is-sitwazzjoni legali tal-ħaddiema u tal-membri tal-familja tagħhom fir-rigward tas-sistema stabbilita bid-Deċiżjoni Nru 2/76 tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni, tal-20 ta’ Diċembru 1976, dwar l-implementazzjoni tal-Artikolu 12 tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni. Din id-deċiżjoni tal-aħħar kienet tipprevedi, favur il-ħaddiema Torok, dritt progressiv ta’ aċċess għax-xogħol fl-Istat Membru ospitanti, kif ukoll, favur it-tfal ta’ dawn il-ħaddiema, id-dritt ta’ aċċess għall-edukazzjoni f’dan l-Istat.

10.      Id-dispożizzjonijiet dwar id-drittijiet tal-membri tal-familja ta’ ħaddiem Tork huma stabbiliti fl-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/80. Dan tal-aħħar jaqra kif ġej:

“Il-membri tal-familja ta’ ħaddiem Tork fis-suq regolari tax-xogħol ta’ Stat Membru, li ġew awtorizzati jingħaqdu miegħu:

–        għandhom id-dritt, bla ħsara għall-prijorità li għandha tingħata lill-ħaddiema tal-Istati Membri tal-Komunità, li jirrispondu għal kull offerta ta’ xogħol meta jkunu ilhom legalment residenti f’dan l-Istat Membru għal minn tal-anqas tliet snin;

–        għandhom igawdu, minn aċċess liberu għal kull attività bħala persuna impjegata tal-għażla tagħhom meta jkunu ilhom legalment residenti hemm għal minn tal-inqas ħames snin.

It-tfal tal-ħaddiema Torok li jkunu temmew taħriġ professjonali fil-pajjiż ospitanti jistgħu, irrispettivament mit-tul ta’ residenza tagħhom f’dan l-Istat Membru u bil-kundizzjoni li wieħed mill-ġenituri jkun eżerċita legalment impjieg fl-Istat Membru kkonċernat għal minn tal-anqas tliet snin, jirrispondu għal kull offerta ta’ xogħol fl-imsemmi Stat Membru.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

B –    Il-liġi nazzjonali

11.      L-Artikolu 4(5), tal-liġi dwar ir-residenza, ix-xogħol u l-integrazzjoni tal-barranin fit-territorju federali (Gesetz über den Aufenthalt, die Erwerbstätigkeit und die Integration von Ausländern im Bundesgebiet), tat-30 ta’ Lulju 2004 (7), jipprovdi li barrani li, skont il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni, għandu dritt ta’ residenza, għandu jipprova l-eżistenza ta’ dan id-dritt billi juri li huwa għandu permess ta’ residenza jekk ma għandu la l-permess ta’ stabbiliment u lanqas permess ta’ residenza permanenti fl-Unjoni Ewropea. Il-permess ta’ residenza jinħareġ fuq talba.

II – Il-fatti tal-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

12.      Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, N. Dülger hija ċittadina Tajlandiża mwielda fis-26 ta’ Lulju 1973 f’Buriram (it-Tajlandja). Hija daħlet fit-territorju Ġermaniż fit-30 ta’ Ġunju 2002 fil-pussess ta’ viża turistika.

13.      Fit-12 ta’ Settembru 2002, hija żżewġet, fid-Danimarka, lil Dülger, ċittadin Tork imwieled fl-1 ta’ Diċembru 1960 fit-Turkija. Sa mill-1988 dan tal-aħħar huwa fil-pussess ta’ permess ta’ residenza mingħajr limitu ta’ żmien fil-Ġermanja. Huwa ħadem ma’ diversi persuni li jimpjegaw, mill-1 ta’ Ottubru 2002 sat-30 ta’ Ġunju 2004, mill-1 ta’ Awwissu 2004 sat-8 ta’ Ġunju 2005, mill-1 ta’ Marzu 2006 sal-15 ta’ Marzu 2008, kif ukoll mill-1 ta’ Ġunju 2008 sal-31 ta’ Diċembru 2009. Huwa stabbilit f’dan ir-rigward, li għall-perijodu rilevanti, Dülger huwa ċittadin Tork fis-suq regolari tax-xogħol fis-sens tal-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 (8).

14.      Fit-18 ta’ Settembru 2002, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali talbet lill-awtoritajiet Ġermaniżi joħorġu permess ta’ residenza u ddikjarat, f’dan ir-rigward, li hija kienet miżżewġa u li kellha żewġt itfal imwielda fl-1996 u fl-1998 fit-Tajlandja. Hija kisbet permess ta’ residenza għal żmien limitat sabiex tkun tista’ tgħix ħajja konjugali komuni mal-konjuġi tagħha. Sussegwentement, dan il-permess kien regolarment estiż, fosthom, fl-aħħar lok, mill-10 ta’ Settembru 2008 sas-26 ta’ Ġunju 2011. Mill‑21 ta’ Ġunju 2011, din ir-rikorrenti għandha fil-pussess tagħha ċertifikat li joħloq fictio juris sabiex id-dritt ta’ residenza jibqa’ jeżisti.

15.      Il-Verwaltungsgericht Giessen (il-Ġermanja) tispeċifika li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali kienet ilha tgħix b’mod kontinwu ma’ Dülger miż-żwieġ tagħhom f’Settembru 2002 sas-separazzjoni tagħhom f’Ġunju 2009.

16.      Fit-3 ta’ Ġunju, 2009, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali sseparat mill-konjuġi tagħha u marret tgħix f’dar li tilqa’ lin-nisa fi Friedberg (il-Ġermanja) maż-żewġt ibniet tagħha li kienu waslu fit-territorju Ġermaniż fl-1 ta’ Lulju 2006. Minn dakinhar, hija tirċievi benefiċċji soċjali għaliha nnifisha kif ukoll għall-bniet tagħha. Id-divorzju tagħha minn żewġha sar finali fit-3 ta’ Frar 2011.

17.      B’ittra tad-9 ta’ Settembru 2009, id-Dipartiment tal-Immigrazzjoni ta’ Wetteraukreis (id-distrett ta’ Wetterau) ġibed l-attenzjoni tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali fuq il-fatt li hija kienet akkwistat dritt indipendenti ta’ residenza wara li kienet isseparat minn mal-konjuġi tagħha, iżda li dan id-dritt kien jeżisti biss għal sena mingħajr ma jkun suġġett għall-obbligu li din ir-rikorrenti tipprova li hija kienet f’pożizzjoni li tmantni lilha nnifisha u lil dawn iż-żewġt itfal tagħha. Li kieku kellha tkompli tiddependi fuq l-għajnuna soċjali mill-4 ta’ Ġunju 2010, id-dritt tagħha ta’ residenza, bħal dak tat-tfal tagħha, kellu jkun limitat a posteriori u kien ikollha titlaq mit-territorju Ġermaniż. Kien biss jekk hija u wliedha, f’dak iż-żmien, setgħu imantnu lilhom infushom b’mod indipendenti li hija kienet tista’ tkompli tgawdi d-dritt tagħha ta’ residenza.

18.      Fit-18 ta’ Settembru 2009, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali talbet lill-Wetteraukreis joħroġ permess ta’ residenza abbażi tal-Artikolu 4(5) ta’ din il-liġi dwar ir-residenza, ix-xogħol u l-integrazzjoni tal-barranin fit-territorju federali, fuq il-bażi li kienet akkwistat drittijiet taħt l-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/80. Hija tikkunsidra, fil-fatt, li hija membru tal-familja ta’ ħaddiem Tork fis-suq regolari tax-xogħol ta’ Stat Membru, li miegħu hija kienet legalment residenti għal mill-inqas tliet snin, filwaqt li l-kwistjoni dwar jekk il-membru tal-familja għandux in-nazzjonalità Torka hija irrilevanti.

19.      B’deċiżjoni tal-15 ta’ Marzu 2010, il-Wetteraukreis irrifjuta t-talba tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali. Huwa jqis li din tal-aħħar ma akkwistat ebda dritt taħt din id-dispożizzjoni, peress li l-membri Torok biss tal-familja ta’ ħaddiem Tork jistgħu jieħdu vantaġġ ta’ din id-dispożizzjoni. Barra minn hekk, il-konjuġi Tork tagħha ma kienx ipproduċa prova li kien debitament irreġistrat fis-suq regolari tax-xogħol għaliex kien eżerċita biss perijodi qosra ta’ impjieg matul il-perijodu tagħhom ta’ koabitazzjoni.

20.      Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali appellat minn din id-deċiżjoni quddiem il-qorti tar-rinviju. Din tal-aħħar għandha dubji dwar l-interpretazzjoni li għandha tingħata lill-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/80. Il-Verwaltungsgericht Giessen iddeċidiet għalhekk li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja s-segwenti domanda preliminari:

“Ċittadina Tajlandiża, li kienet miżżewġa lil ċittadin Tork li jagħmel parti mis-suq regolari tax-xogħol ta’ Stat Membru u li, wara li kienet awtorizzata tingħaqad miegħu, għexet miegħu għal iktar minn tliet snin mingħajr waqfien, tista’ tinvoka d-drittijiet stabbiliti fl-ewwel inċiż tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 […] bil-konsegwenza li, minħabba l-effett dirett ta’ din id-dispożizzjoni, din iċ-ċittadina tgawdi minn dritt ta’ residenza?”

III – L-analiżi tiegħi

21.      B’mod preliminari, ninnota li ġie stabbilit li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali għexet b’mod kontinwu mal-ħaddiem Tork miż-żwieġ tagħhom f’Settembru 2002 sas-separazzjoni tagħhom, fit-3 ta’ Ġunju 2009 (9). Is-sitwazzjoni ta’ din ir-rikorrenti tista’ taqa’, għalhekk, mhux taħt l-ewwel inċiż tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/80, iżda taħt it-tieni inċiż tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 7 tagħha, peress li kienet legalment residenti għal mill-inqas ħames snin fit-territorju tal-Istat Membru ospitanti.

22.      Għalhekk, sabiex tingħata risposta utli lill-qorti tar-rinviju, hemm lok li tiġi eżaminata l-kwistjoni jekk it-tieni inċiż tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 għandux jiġi interpretat fis-sens li ċittadina ta’ Stat terz li ma għandhiex in-nazzjonalità Torka u li għal perijodu ta’ mill-inqas ħames snin kienet tirrisjedi mal-konjuġi tagħha, ħaddiem Tork fis-suq regolari tax-xogħol, tista’ tiġi kklassifikata bħala “membru tal-familja” ta’ ħaddiem Tork. Fl-ipotesi li tingħata risposta affermattiva, tali ċittadina titlef id-drittijiet tagħha taħt din id-dispożizzjoni minħabba d-divorzju tagħha, minn ma’ dan il-ħaddiem Tork, iddikjarat f’data sussegwenti għall-kisba ta’ dawn id-drittijiet?

A –    Fuq il-kunċett ta’ membru tal-familja

23.      Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-okkażjoni tinterpreta l-kunċett ta’ “membru tal-familja” ta’ ħaddiem Tork fis-sens tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/80. Hija, b’mod partikolari, qieset li l-wild ta’ ħaddiem Tork iżomm dak l-istatus anki wara li jkun laħaq maġġurenni u anki jekk jgħix ħajja indipendenti minn dik tal-ġenituri tiegħu fl-Istat Membru ospitanti (10). Bl-istess mod, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li l-klassifikazzjoni ta’ “membru tal-familja” ta’ ħaddiem Tork ma hijiex limitata għal qraba tad-demm. Fil-fatt, iben miż-żwieġ ta’ qabel taħt l-età ta’ 21 sena jew dipendenti ta’ ħaddiem Tork fis-suq regolari tax-xogħol ta’ Stat Membru huwa membru tal-familja ta’ dan il-ħaddiem (11).

24.      Madankollu, il-Qorti hija meħtieġa, għall-ewwel darba, tagħti risposta għad-domanda dwar jekk ċittadina ta’ Stat terz li ma għandhiex nazzjonalità Torka tistax tiġi kklassifikata bħala “membru tal-familja” ta’ ċittadin Tork, fis-sens tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/80, u tibbenefikax, għaldaqstant, mid-drittijiet mogħtija minnu. F’dan ir-rigward, il-fatt li, kif tenfasizza l-qorti tar-rinviju, f’serje ta’ sentenzi dwar kawżi li jinvolvu din id-dispożizzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja invokat id-drittijiet tal-membri Torok tal-familja ta’ ħaddiem Tork (12) ma jidhirlix rilevanti għas-soluzzjoni tal-kawża prinċipali. Fil-fatt, f’dawn il-kawżi, il-membru tal-familja tal-ħaddiem Tork kellu nazzjonalità Torka fil-fatt, bil-kuntrarju tal-kawża sottomessa lilna hawn.

25.      Minn qari sempliċi tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/80, nikkonstata li din id-dispożizzjoni tissuġġetta l-benefiċċju tad-drittijiet li tipprovdi għall-erba’ kundizzjonijiet, jiġifieri li l-persuna kkonċernata tkun membru tal-familja ta’ ħaddiem Tork, li dan tal-aħħar ikun fis-suq regolari tax-xogħol, li l-membru tal-familja jkun ġie awtorizzat li jissieħeb mal-ħaddiem u, finalment, li jirrisjedi fl-Istat Membru ospitanti għal mill-inqas tliet snin jew mill-inqas ħames snin. B’hekk ma jirriżultax mill-kliem ta’ din id-dispożizzjoni li l-istatus ta’ membru tal-familja huwa suġġett għal xi kundizzjoni ta’ nazzjonalità, li ma huwiex il-każ tal-ħaddiem li permezz tiegħu l-membru tal-familja jikseb dawn id-drittijiet, peress li dan il-ħaddiem jeħtieġ bla dubju li jkun ta’ nazzjonalità Torka.

26.      Madankollu, peress li l-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni huwa intiż li jirregola l-moviment liberu tal-ħaddiema Torok fit-territorju tal-Unjoni Ewropea, hemm dubju dwar il-kwistjoni jekk ċittadin ta’ Stat terz, li ma għandux nazzjonalità Torka, jistax jiġi kklassifikat bħala “membru tal-familja” ta’ ħaddiem Tork u jinvoka, għalhekk, id-drittijiet previsti fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/80.

27.      Il-kunċett ta’ “membru tal-familja” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni għandu, kif il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat fis-sentenza Ayaz, iċċitata iktar ’il fuq, ikun is-suġġett ta’ interpretazzjoni uniformi fil-livell tal-Unjoni, biex jiżgura applikazzjoni konsistenti tiegħu fl-Istati Membri (13). Għalhekk, il-portata tiegħu għandha tiġi ddeterminata skont l-għan tiegħu kif ukoll skont il-kuntest li jkun jinsab fih (14).

28.      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 għandu għan doppju. Inizjalment, qabel l-iskadenza tal-perijodu inizjali ta’ tliet snin, din id-dispożizzjoni hija mmirata li tippermetti l-preżenza ta’ membri tal-familja tal-ħaddiem immigrant flimkien ma’ dan tal-aħħar, bil-għan li tippromwovi għaldaqstant, permezz tar-riunifikazzjoni tal-familja, ix-xogħol u r-residenza tal-ħaddiem Tork li huwa diġà legalment integrat fl-Istat Membru ospitanti (15).

29.      Sussegwentement, l-istess dispożizzjoni għandha l-għan li ssaħħaħ id-dħul fit-tul tal-familja tal-ħaddiem immigrant Tork fl-Istat Membru li jospita, billi wara perijodu ta’ tliet snin ta’ residenza regolari tingħata lill-membru tal-familja kkonċernat, il‑possibbiltà li huwa stess ikun jista’ jaċċedi għas-suq tax-xogħol. L-għan primarju hekk mixtieq huwa li tikkonsolida l-koeżjoni tal-familja li l-komponent essenzjali tagħha, jiġifieri l-koppja, tinstab diġà regolarment integrata fl-Istat Membru ospitanti (16). Billi tagħti lill-konjuġi l-mezzi tal-qligħ tal-ħajja tagħhom stess fl-Istat inkwistjoni, it-test isaħħaħ il-potenzjal ekonomiku tas-sitwazzjoni tal-familja, sitwazzjoni li tikkostitwixxi fattur innegabbli ta’ integrazzjoni.

30.      Permezz tal-operazzjoni stess ta’ dan il-mekkaniżmu maħsub favur l-integrazzjoni tal-ħaddiem Tork, il-konjuġi takkwista, fi tmiem il-perijodu meħtieġ, sitwazzjoni awtonoma li tirriżulta min-natura stess tas-sistema organizzata mit-testi speċifiċi (17).

31.      Fl-opinjoni tiegħi, minn din il-ġurisprudenza jirriżulta ċar li, għalkemm huwa veru li l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 japplika għall-membru tal-familja tal-ħaddiem Tork, xorta jibqa’ l-fatt li din id-dispożizzjoni ġiet adottata bl-iskop li tiġi ppreservata l-unità tal-familja sabiex il-ħaddiem Tork jista’ tassew ikun integrat fl-Istat Membru ospitanti. Il-partijiet għall-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni kienu, fil-fatt, qiesu li l-preżenza ta’ membri tal-familja ta’ dan il-ħaddiem maġenbu kienet essenzjali biex tiggarantielu l-aħjar kundizzjonijiet possibbli ta’ xogħol fi ħdan dan l-Istat. Bħala tali, din id-dispożizzjoni hija għalhekk ta’ importanza partikolari mill-perspettiva umana.

32.      Għalhekk, ftit jimporta, fil-fehma tiegħi, li l-membru tal-familja awtorizzat jissieħeb mal-ħaddiem Tork ikunx jew le ta’ nazzjonalità Torka. Il-familja hija definita mhux mill-pussess tal-istess nazzjonalità, iżda minn rabtiet mill-qrib li jorbtu żewġ persuni jew iktar, kemm jekk dawn ir-rabtiet ikunu rabtiet maħluqa bil-liġi, pereżempju, biż-żwieġ, bħal fil-kawża prinċipali, kif ukoll jekk ikunu rabtiet tad-demm.

33.      Jien ma narax għaliex il-ħaddiem Tork ikollu dritt iżomm ir-rabtiet tiegħu tal-familja meta l-konjuġi tiegħu tkun tal-istess nazzjonalità filwaqt li, min-naħa l-oħra, għandu jkun ipprojbit milli jkollu l-konjuġi miegħu meta din tal-aħħar tkun ta’ nazzjonalità differenti minn dik Torka. Dan iwassal, finalment, sabiex jiġi kkunsidrat li l-preżenza ta’ konjuġi tal-istess nazzjonalità mal-ħaddiem Tork hija iktar essenzjali għall-integrazzjoni ta’ dan tal-aħħar fl-Istat Membru ospitanti minn dik ta’ konjuġi li ma għandhiex nazzjonalità Torka. Minn dan jirriżulta, barra minn hekk, li f’sitwazzjonijiet komparabbli, mara li ma jkollhiex nazzjonalità Torka tiġi ttrattata agħar minn mara ta’ nazzjonalità Torka. Dan jirriżulta f’diskriminazzjoni inaċċettabbli.

34.      Minbarra li ma tkunx iġġustifikata, din l-analiżi tippreġudika b’mod sinjifikattiv l-għan stess tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 7, tad-Deċiżjoni Nru 1/80 kif ukoll id-dritt tal-ħaddiem Tork għar-rispett għall-ħajja privata u familjari tiegħu, kif previst fl-Artikolu 7 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. Fil-fatt, l-Artikolu 51(1) tagħha jipprovdi li d-dispożizzjonijiet tagħha japplikaw meta l-Istati Membri jimplementaw il-liġi tal-Unjoni Ewropea. Issa, kif il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat fil-punt 23 tas-sentenza Kahveci u Inan, iċċitata iktar ’il fuq, l-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 huwa parti integrali mid-dritt tal-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri huma għalhekk marbuta bl-obbligi li joħorġu minn din id-dispożizzjoni eżattament bl-istess mod li huma għandhom id-dmir jirrispettaw id-drittijiet stabbiliti mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni Ewropea.

35.      Bil-kontra tal-affermazzjonijiet tal-Gvern Ġermaniż u Taljan, ma nemminx li l-analiżi tiegħi hija tali li testendi l-kamp ta’ applikazzjoni tad-Deċiżjoni Nru 1/80.

36.      Kif osservajt qabel, il-ħaddiem Tork jibqa’ l-benefiċjarju ewlieni tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 7, tad-Deċiżjoni Nru 1/80, peress li din id-dispożizzjoni hija intiża li tippreserva l-unità tal-familja hekk li l-ħaddiem jista’ jiġi verament integrat fl-Istat Membru ospitanti. Id-drittijiet li din id-dispożizzjoni tagħti lill-membri tal-familja ta’ ħaddiem Tork huma drittijiet idderivati, miksuba purament f’dik il-kwalità bħala membru tal-familja. Il-ħaddiem Tork jibqa’ l-element essenzjali li mingħajru ma jkunx possibbli għall-membru tal-familja, li jikseb dawn id-drittijiet (18).

37.      Barra minn hekk, infakkar li l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 jipprevedi li jistgħu jibbenefikaw mill-imsemmija drittijiet il-membri tal-familja tal-ħaddiem Tork fis-suq regolari tax-xogħol ta’ Stat Membru, li kienu awtorizzati jingħaqdu miegħu (19). L-Istati Membri jibqgħu għalhekk ħielsa li jawtorizzaw jew le r-riunifikazzjoni tal-familja (20). Huwa biss meta jkunu awtorizzaw espliċitament din ir-riunifikazzjoni tal-familja li huma jeħtieġu jirrispettaw id-drittijiet iggarantiti minn din id-dispożizzjoni.

38.      Barra minn hekk, l-analiżi tiegħi hija kkorroborata mill-fatt li skont ġurisprudenza stabbilita, il-prinċipji aċċettati fil-kuntest tal-Artikoli 45 TFUE, 46 TFUE u 47 TFUE għandhom jiġu trasposti, sa fejn possibbli, għaċ-ċittadini Torok li jgawdu mid-drittijiet irrikonoxxuti bid-Deċiżjoni Nru 1/80 (21).

39.      Għalhekk, il-Qorti ripetutament iddeċidiet li l-kunċett ta’ “membru tal-familja” ta’ ħaddiem Tork fis-sens tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 7 ta’ din id-deċiżjoni, għandu jiġi interpretat b’riferiment għall-interpretazzjoni tal-istess kunċett li jidher fl-Artikolu 10(1) tar-Regolament (KEE) Nru 1612/68 (22) fir-rigward ta’ ħaddiema ċittadini ta’ Stat Membru (23). Kif tenfasizza l-Kummissjoni Ewropea, din id-dispożizzjoni tal-aħħar hija intiża, b’mod partikolari, għall-konjuġi tal-ħaddiem ċittadin ta’ Stat Membru, irrispettivament min-nazzjonalità tagħhom.

40.      L-Artikolu 10(1) tar-Regolament Nru 1612/68 ġie mħassar bid-Direttiva 2004/38/KE (24) u l-Artikolu 38(3) tagħha jipprevedi li r-riferiment għad-direttivi u għad-disposizzjonijiet imħassra għandhom jinftiehmu bħala riferimenti magħmula għad-Direttiva 2004/38.

41.      F’dan ir-rigward, jirriżulta mill-ħames premessa ta’ din id-direttiva li d-dritt taċ-ċittadini kollha tal-Unjoni Ewropea li jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri għandu, sa fejn jista’ jiġi eżerċitat taħt il-kundizzjonijiet objettivi ta’ libertà u ta’ dinjità, jingħata wkoll lill-membri tal-familja tagħhom, irrispettivament min-nazzjonalità tagħhom. Għalhekk, l-Artikolu 2(2) ta’ din id-direttiva, li jiddefinixxi l-kunċett ta’ membru tal-familja, ma jinkludi ebda kundizzjoni dwar in-nazzjonalità tal-membri tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni. Bl-istess mod, id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2004/38 li jagħtu drittijiet lill-membri tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni japplikaw ukoll għal dawk li ma għandhomx in-nazzjonalità ta’ Stat Membru (25).

42.      Madankollu, il-Gvern Ġermaniż għandu dubji dwar il-fatt li huwa jirreferi, fil-preżent, għad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2004/38 u għall-interpretazzjoni mogħtija lill-kunċett ta’ membru tal-familja, meta jirrigwarda d-determinazzjoni tal-portata tal-istess kunċett fis-sens tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/80. Essenzjalment, huwa jqis li mis-sentenza tat‑8 ta’ Diċembru 2011, Ziebell (26), ma għadux possibbli li l-kunċett ta’ “membru tal-familja” jiġi interpretat fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, b’riferiment għall-interpretazzjoni tal-istess kunċett li jidher fid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2004/38, minħabba li jeżistu differenzi sostanzjali bejn ir-regoli tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni, li jsegwu għan purament ekonomiku, u dawn l-aħħar dispożizzjonijiet, intiżi biex jiffaċilitaw l-eżerċizzju tad-dritt fundamentali u individwali ta’ ċaqliq u ta’ residenza libera fit-territorju ta’ Stati Membri li huwa mogħti direttament lil ċittadini tal-Unjoni mit-Trattat FUE (27).

43.      Jien ma għandix dawn id-dubji.

44.      Fil-fatt, fil-kawża li wasslet għal din is-sentenza, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali nvokat is-sistema ta’ protezzjoni msaħħa kontra t-tkeċċija stabbilita mill-Artikolu 28(3)(a) tad-Direttiva 2004/38 favur iċ-ċittadini tal-Unjoni. Huwa meqjus li, skont ġurisprudenza stabbilita, hija għandha tiġi applikata b’analoġija għal dan l-artikolu għal sitwazzjoni li taqa’ taħt l-Artikolu 14(1) tad-Deċiżjoni Nru 1/80.

45.      Il-Qorti tal-Ġustizzja, għalhekk indikat li, sabiex jiġi deċiż jekk dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni Ewropea tippermettix applikazzjoni b’analoġija fil-kuntest tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni, huwa importanti li jsir paragun bejn l-għan segwit minn dan il-ftehim kif ukoll il-kuntest li jinsab fih, minn naħa, u dawk segwiti mill-istrument inkwistjoni tad-dritt tal-Unjoni Ewropea, min-naħa l-oħra (28). Il-Qorti tal-Ġustizzja tinnota għalhekk li, b’differenza mid-dritt tal-Unjoni Ewropea kif jirriżulta mid-Direttiva 2004/38, il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni jsegwi biss għan purament ekonomiku u huwa limitat sabiex iwettaq progressivament il-moviment liberu tal-ħaddiema (29). Imbagħad hija tispjega li l-kunċett stess ta’ ċittadinanza jiġġustifika r-rikonoxximent favur iċ-ċittadini tal-Unjoni biss tal-garanziji msaħħa b’mod sinjifikattiv fir-rigward ta’ tkeċċija, bħal dawk stabbiliti fl-Artikolu 28(3)(a) ta’ din id-direttiva. Għalhekk minn dan hija tikkonkludi li l-applikazzjoni b’analoġija tas-sistema ta’ protezzjoni msaħħa kontra t-tkeċċija prevista f’din id-dispożizzjoni għal sitwazzjonijiet koperti bl-Artikolu 14(1) tad-Deċiżjoni Nru 1/80 hija eskluża (30).

46.      Huwa għalhekk minħabba li s-sistema ta’ protezzjoni msaħħa ma hijiex intiża għall-ħaddiema ċittadini ta’ Stat terz, iżda ċ-ċittadini tal-Unjoni, li għalihom il-leġiżlatur tal-Unjoni ppreveda garanziji saħansitra ikbar milli l-integrazzjoni tagħhom hija b’saħħitha fl-Istat Membru ospitanti, li applikazzjoni b’analoġija ma tistax tiġi kkunsidrata.

47.      Madankollu, il-kwistjoni hawnhekk ma tirrigwardax l-applikazzjoni għall-ħaddiema Torok, tal-istess sistema u l-istess garanziji bħal dawk li jibbenefikaw minnhom iċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea, iżda dwar li tiġi ddeterminata l-portata tal-kunċett ta’ membru tal-familja fil-kuntest tar-riunifikazzjoni tal-familja. Issa, jirriżulta mill-ħames u s-sitt premessa tad-Direttiva 2004/38 li, bl-għoti lill-membri tal-familja taċ-ċittadin tal-Unjoni Ewropea tad-dritt li jiċċaqilqu u jgħixu fit-territorju tal-Istat Membru, hija għandha l-għan li tiffaċilita l-eżerċizzju ta’ dan id-dritt billi tippermetti wkoll iż-żamma ta’ rabtiet familjari, irrispettivament min-nazzjonalità tal-membru tal-familja.

48.      Il-kunċett ta’ membru tal-familja għandu jkopri, fl-opinjoni tiegħi, l-istess portata, billi dan jidħol fid-dispożizzjonijiet li jsegwu l-istess għan fiż-żewġ testi. Huwa preċiżament għal din ir-raġuni li l-Qorti tal-Ġustizzja ripetutament iddeċidiet li l-prinċipji aċċettati fil-kuntest tal-Artikoli 45 TFUE sa 47 TFUE għandhom, sa fejn possibbli, jiġu trasposti għaċ-ċittadini li jibbenefikaw minn drittijiet irrikonoxxuti mill-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni (31).

49.      Jien ma narax kif jista’ jiġi kkunsidrat li, fil-kuntest taż-żamma ta’ rabtiet familjari, il-kunċett ta’ familja jista’ jkopri kontenut differenti skont jekk wieħed huwiex ċittadin tal-Unjoni Ewropea jew ħaddiem Tork. Fiż-żewġ każijiet, l-approċċ huwa li tiġi permessa iktar stabbiltà soċjali favur il-persuna kkonċernata billi tiġi permessa li jkollha l-membri tal-familja tagħha maġenba u tgħix ħajja tal-familja normali. Il-preżenza tal-konjuġi, tkun xi tkun in-nazzjonalità tiegħu hija, f’dan ir-rigward, indispensabbli sabiex jintlaħqu dawn l-għanijiet.

50.      Din is-soluzzjoni tidhirli iktar iġġustifikata fid-dawl tal-fatt li hija s-soluzzjoni meħtieġa wkoll għal dak li jikkonċerna d-Deċiżjoni Nru 3/80 tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni, tad-19 ta’ Settembru 1980, dwar l-applikazzjoni ta’ skemi ta’ sigurtà soċjali tal-Istati Membri tal-Komunitajiet Ewropej għall-ħaddiema Torok u għall-membri tal-familja tagħhom (32), intiża biex tikkoordina l-iskemi tas-sigurtà soċjali tal-Istati Membri sabiex ħaddiema Torok li jaħdmu jew li ħadmu fi Stat Membru wieħed jew iktar tal-Komunità, kif ukoll il-membri tal-familja ta’ dawn il-ħaddiema u s-superstiti tagħhom igawdu minn benefiċċji fil-fergħat tradizzjonali tas-sigurtà soċjali.

51.      Fil-fatt, l-Artikolu 1(a) tad-Deċiżjoni Nru 3/80 jipprevedi, b’mod partikolari, li l-kunċett ta’ membru tal-familja, għall-finijiet tal-applikazzjoni ta’ din id-deċiżjoni, għandha t-tifsira mogħtija lilha fl-Artikolu 1 tar-Regolament (KEE) Nru 1408/71 (33). Din l-aħħar dispożizzjoni tipprevedi, b’mod partikolari, li l-kunċett ta’ membru tal-familja jfisser kwalunkwe persuna definita jew irrikonoxxuta bħala membru tal-familja.

52.      Barra minn hekk, jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, li l-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 1408/71, li jiddefinixxi l-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae tiegħu, huwa intiż għal żewġ kategoriji kompletament distinti ta’ persuni, jiġifieri l-ħaddiema, minn naħa waħda, u l-membri tal-familji tagħhom u s-superstiti tagħhom, fuq naħa oħra. Tal-ewwel għandhom, sabiex jaqgħu taħt dan ir-regolament, ikunu ċittadini ta’ Stat Membru, persuni bla stat jew refuġjati li jgħixu ġewwa t-territorju ta’ Stat Membru. Madankollu, ebda kundizzjoni ta’ nazzjonalità ma hija meħtieġa għall-membri tal-familja (34) jew is-superstiti tal-ħaddiema, ċittadini tal-Unjoni Ewropea, sabiex dan ir-regolament ikun applikabbli għalihom (35). Bl-istess mod, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li d-definizzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae tad-Deċiżjoni Nru 3/80 li tidher fl-Artikolu 2 tagħha hija ispirata mill-istess definizzjoni stipulata fl-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 1408/71 (36).

53.      Għalhekk, mill-mument li l-kunċett ta’ “membru tal-familja” kif definit fl-Artikolu 1(a) tad-Deċiżjoni Nru 3/80, għandu jiġi interpretat, fil-fehma tiegħi, bħala li ma jimponi ebda kundizzjoni ta’ nazzjonalità, dan l-istess kunċett li jidher fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 għandu jiġi interpretat b’mod identiku.

54.      Barra minn hekk, il-Gvern Ġermaniż jikkunsidra, essenzjalment, li tali analiżi għandha bħala konsegwenza l-kostituzzjoni ta’ trattament iktar favorevoli għall-membri tal-familja ta’ ċittadin Tork meta mqabbla ma’ membri tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni, bi ksur tal-Artikolu 59 tal-Protokoll Addizzjonali għall-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni. B’mod partikolari, huwa jispjega li, skont id-Direttiva 2004/38, iż-żamma tad-dritt ta’ residenza għal ċittadin iddivorzjat minn ċittadin tal-Unjoni u li joriġina minn Stat terz hija, sal-akkwist tad-dritt ta’ residenza permanenti fit-territorju tal-Istat Membru ospitanti wara ħames snin ta’ residenza legali, suġġetta għall-kundizzjoni li dak iċ-ċittadin għandu riżorsi suffiċjenti. Madankollu, id-dritt li l-membru tal-familja ta’ ħaddiem Tork huwa ntitolat għalih taħt l-ewwel inċiż tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 jinkiseb diġà wara perijodu ta’ tliet snin ta’ residenza legali fl-Istat Membru ospitanti u ma jeħtieġ ebda kundizzjoni għaż-żamma tiegħu. Għalhekk, skont il-Gvern Ġermaniż, jekk aħna ninterpretaw din id-dispożizzjoni fis-sens li hija tapplika wkoll għall-membru tal-familja ta’ ċittadin ta’ Stat terz li ma jkollux nazzjonalità Torka, il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan it-trattament iktar favorevoli se jestendi iktar milli diġà huwa.

55.      F’dan ir-rigward, huwa suffiċjenti li jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li s-sitwazzjoni tal-membru tal-familja ta’ ħaddiem immigrant Tork ma tistax tiġi raġonevolment imqabbla ma’ dik ta’ membru tal-familja ta’ ċittadin ta’ Stat Membru, minħabba d-differenzi sinjifikattivi li jeżistu bejn is-sitwazzjonijiet legali rispettivi tagħhom (37).

56.      B’mod partikolari, għandu jiġi nnotat li, skont l-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 2004/38, il-membri tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni li huma ċittadini ta’ Stati terzi jibbenefikaw mid-dritt ta’ dħul fit-territorju tal-Istati Membri suġġetti biss għall-kundizzjoni li jkollhom fil-pussess tagħhom viża tad-dħul jew permess ta’ residenza validu, filwaqt li l-Istati Membri għandhom jagħtu l-faċilitajiet kollha meħtieġa biex jinkisbu dawn il-viżi, mingħajr ma jinħarġu bil-ħlas u fuq il-kundizzjoni li jingħataw fl-iqsar żmien, u fil-kuntest ta’ proċedura mħaffa. Min-naħa l-oħra, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 espressament jissuġġetta r-riunifikazzjoni tal-familja għall-permess biex jingħaqdu mal-ħaddiem immigrant Tork mogħti skont ir-rekwiżiti tal-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru ospitanti.

57.      Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ripetutament li, “b’differenza mill-ħaddiema ta’ l-Istati Membri, iċ-ċittadini Torok ma jibbenefikawx minn moviment liberu ġewwa [l-Unjoni], iżda jistgħu jgawdu biss minn ċerti drittijiet fit-territorju ta’ l-Istat Membru ospitanti biss” (38).

58.      Barra minn dan, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-kundizzjonijiet li fihom id-drittijiet ibbażati fuq l-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 jistgħu jiġu ristretti tipprovdi, flimkien mal-eċċezzjoni bbażata fuq l-ordni pubbliku, is-sigurtà pubblika u s-saħħa pubblika, li tapplika bl-istess mod għaċ-ċittadini Torok u għaċ‑ċittadini tal-Unjoni, kawża ulterjuri ta’ telf tal-imsemmija drittijiet li tolqot biss lill-immigranti Torok, jiġifieri l-fatt li dawn tal-aħħar jitilqu mill-Istat Membru ospitanti għal perijodu sinjifikattiv u mingħajr raġunijiet leġittimi. F’sitwazzjoni tali, l-awtoritajiet tal-Istat Membru kkonċernat huma ntitolati li jeżiġu, fil-każ fejn il-persuna kkonċernata tkun tixtieq terġa’ tistabbilixxi ruħha f’dan l-Istat, li hija għandha tressaq applikazzjoni ġdida bil-għan li tiġi awtorizzata sabiex tingħaqad mal-ħaddiem Tork jekk hija għadha dipendenti fuq dan tal-aħħar, jew sabiex tkun aċċettata bil-għan li teżerċita impjieg f’dak l-Istat abbażi tal-Artikolu 6 tal-istess deċiżjoni (39).

59.      Għalhekk, fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal, jien nemmen li t-tieni inċiż tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 għandu jiġi interpretat fis-sens li ċittadina ta’ Stat terz li ma għandhiex in-nazzjonalità Torka u li għal perijodu ta’ mill-inqas ħames snin kienet tirrisjedi mal-konjuġi tagħha, ħaddiem Tork fis-suq regolari tax-xogħol, tista’ tiġi kklassifikata bħala “membru tal-familja” ta’ ħaddiem Tork.

B –    Fuq iż-żamma tad-drittijiet miksuba taħt it-tieni inċiż tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 7, tad-Deċiżjoni Nru 1/80, qabel ix-xoljiment ta’ żwieġ

60.      Għandha, issa, issir il-mistoqsija dwar jekk il-membru tal-familja ta’ ħaddiem Tork titlifx id-drittijiet tagħha abbażi tat-tieni inċiż tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 minħabba d-divorzju tagħha minn ma’ dan il-ħaddiem Tork, iddikjarat f’data sussegwenti għall-kisba ta’ dawn id-drittijiet.

61.      Fil-fatt, infakkar li jirriżulta mill-fatti tal-kawża prinċipali li r-rikorrenti sseparat minn mal-konjuġi tagħha fit‑3 ta’ Ġunju 2009 u li d-divorzju sar finali fit‑3 ta’ Frar 2011. Barra minn hekk, ir-rikorrenti għexet b’mod kontinwu mal-konjuġi tagħha miż-żwieġ tagħhom f’ Settembru 2002 sas-separazzjoni tagħhom f’ Ġunju 2009.

62.      Fid-data li fiha d-divorzju sar finali, ir-rikorrenti kienet għexet mal-konjuġi tagħha għal mill-inqas ħames snin u kienet għalhekk diġà kisbet id-dritt ta’ aċċess għas-suq tax-xogħol taħt it-tieni inċiż tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/80.

63.      F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja indikat li, għalkemm il-membru tal-familja huwa, bħala prinċipju u ħlief għal motivi leġittimi, marbut li effettivament jirrisjedi mal‑ħaddiem immigrant sakemm huwa stess ma għandux id-dritt jaċċedi għas-suq tax‑xogħol — fi kliem ieħor, qabel l-iskadenza tal-perijodu ta’ tliet snin —, min‑naħa l-oħra dan ma jkunx iktar il-każ meta l-parti kkonċernata tkun kisbet legalment dan id-dritt skont l-ewwel inċiż tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 u dak għandu a fortiori jkun il-każ meta, wara ħames snin, hija jkollha dritt mingħajr kundizzjoni għall-impjieg (40).

64.      Fil-fatt, meta l-kundizzjonijiet previsti fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 huma sodisfatti, din id-dispożizzjoni tagħti lill-membru tal-familja ta’ ħaddiem Tork dritt proprju ta’ aċċess għas-suq tax-xogħol fl-Istat membru ospitanti kif ukoll, korrelattivament, id-dritt li jkompli jirrisjedi fit‑territorju tiegħu (41).

65.      Id-drittijiet bħal dawk miksuba legalment fuq il-bażi tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 jeżistu għalhekk b’mod indipendenti miż-żamma tal-kundizzjonijiet li kienu mitluba biex jagħtu lok għal dawn id-drittijiet, b’tali mod li l-membru tal-familja li diġà għandu d-drittijiet taħt din id-deċiżjoni huwa f’pożizzjoni li gradwalment jikkonsolida l-pożizzjoni tiegħu fl-Istat Membru ospitanti u biex jintegra ruħu hemm fit-tul billi jgħix ħajja indipendenti minn dik tal-persuna li permezz tagħha huwa kiseb dawn id-drittijiet (42).

66.      Kif il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat fil-punt 41 tas-sentenza Bozkurt, iċċitata iktar ’il fuq, tali interpretazzjoni hija biss l-espressjoni tal-prinċipju iktar ġenerali ta’ rispett tad-drittijiet miksuba, stabbilit fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. Fi kliem ieħor, minn meta l-membru tal-familja ta’ ċittadin Tork ikun validament kiseb drittijiet taħt dispożizzjoni tad-Deċiżjoni Nru 1/80, dawn id-drittijiet ma jiddependux iktar fuq il-persistenza ta’ ċirkustanzi li taw lok għalihom, peress li kundizzjoni ta’ dik in-natura ma hijiex imposta minn din id-deċiżjoni (43).

67.      Għalhekk, jien tal-fehma li t-tieni inċiż tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 għandu jiġi interpretat fis-sens li ċittadina ta’ Stat terz li ma għandhiex in-nazzjonalità Torka li, fil-kwalità tagħha bħala membru tal-familja ta’ ħaddiem Tork, tibbenefika mid-drittijiet tagħha bbażati fuq din id-dispożizzjoni, ma titlifx il-benefiċċju ta’ dawn id-drittijiet minħabba d-divorzju tagħha, minn ma’ dan il-ħaddiem Tork, iddikjarat f’data sussegwenti għall-kisba ta’ dawn id-drittijiet.

IV – Konklużjoni

68.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, nistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tirrispondi lill-Verwaltungsgericht Giessen bil-mod segwenti

It-tieni inċiż tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/80, tad‑19 ta’ Settembru 1980, dwar l-iżvilupp tal-Assoċjazzjoni, adottata mill-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni li twaqqaf permezz tal-Ftehim dwar il-ħolqien ta’ Assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u t-Turkija, li ġie ffirmat fit‑12 ta’ Settembru 1963 f’Ankara mir-Repubblika tat-Turkija, minn naħa, kif ukoll mill-Istati Membri tal-KEE u l-Komunità, min-naħa l-oħra, u li ġie konkluż, approvat u kkonfermat f’isem il-Komunità permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 64/732/KEE, tat‑23 ta’ Diċembru 1963, għandu jiġi interpretat fis-sens li:

–        ċittadina ta’ Stat terz li ma għandhiex in-nazzjonalità Torka u li għal perijodu ta’ mill-inqas ħames snin kienet tirrisjedi mal-konjuġi tagħha, ħaddiem Tork fis-suq regolari tax-xogħol, tista’ tiġi kklassifikata bħala “membru tal-familja” ta’ ħaddiem Tork;

–        ċittadina ta’ Stat terz li ma għandhiex in-nazzjonalità Torka li, fil-kwalità tagħha bħala membru tal-familja ta’ ħaddiem Tork, tibbenefika mid-drittijiet tagħha bbażati fuq din id-dispożizzjoni, ma titlifx il-benefiċċju ta’ dawn id-drittijiet minħabba d-divorzju tagħha, minn ma’ dan il-ħaddiem Tork, iddikjarat f’data sussegwenti għall-kisba ta’ dawn id-drittijiet.


1 —      Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2—      Il-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni kien twaqqaf bil-Ftehim dwar il-ħolqien ta’ Assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u t-Turkija, li ġie ffirmat fit-12 ta’ Settembre 1963 f’Ankara, mir-Repubblika tat-Turkija minn naħa, kif ukoll mill-Istati Membri tal-KEE u l-Komunità, min-naħa l-oħra. Dan il-ftehim kien ġie konkluż, approvat u kkonfermat f’isem il-Komunità bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 64/732/KEE, tat-23 ta’ Diċembru 1963 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 11, p. 10, iktar ’il quddiem il-“Ftehim ta’ Assoċjazzjoni”).


3—      Id-Deċiżjoni Nru 1/80 tista’ tiġi kkonsultata fil-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni u Protokolli KEE‑Turkija u Testi Bażiċi oħrajn, Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej, Brussell, 1992.


4—      Ara l-Artikolu 2(1) tal‑Ftehim ta’ Assoċjazzjoni.


5—      Ara l-Artikolu 6 tal‑Ftehim ta’ Assoċjazzjoni.


6—      Dan il-Protokoll ġie ffirmat fi Brussell fit-23 ta’ Novembru 1970 u ġie konkluż, approvat u kkonfermat f’isem il-Komunità mir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2760/72, tad-19 ta’ Diċembru 1972 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 11, p. 41).


7—      BGBl. 2004 I, p. 1950, fil-verżjoni tagħha ppubblikata fil-25 ta’ Frar 2008 (BGBl. 2008 I, p. 162).


8 —      Ara, b’mod partikolari, il-punt 5 tad-deċiżjoni tar-rinviju.


9— Ara l-punt 5(c) tad-deċiżjoni tar-rinviju.


10—      Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-16 ta’ Marzu 2000, Ergat (C‑329/97, Ġabra p. I‑1487, punti 26 u 27), kif ukoll tal-4 ta’ Ottubru 2007, Polat (C‑349/06, Ġabra p. I‑8167, punt 21).


11—      Ara s-sentenza tat-30 ta’ Settembru 2004, Ayaz (C‑275/02, Ġabra p. I‑8765).


12 —      Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-22 ta’ Ġunju 2000, Eyüp (C‑65/98, Ġabra p. I‑4747); tat-18 ta’ Lulju 2007, Derin (C‑325/05, Ġabra p. I‑6495), u tat-22 ta’ Diċembru 2010, Bozkurt (C‑303/08, Ġabra p. I-13445).


13—      Ara l-punt 39 ta’ din is-sentenza.


14—      Ara l-punt 40 tal-imsemmija sentenza.


15—      Ara s-sentenza tad-29 ta’ Marzu 2012, Kahveci u Inan (C‑7/10 u C‑9/10, punt 32, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).


16—      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Kahveci u Inan, iċċitata iktar ’il fuq (punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata).


17—      Idem.


18—      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Bozkurt, iċċitata iktar ’il fuq (punti 36 u 37).


19—      Enfasi tiegħi.


20—      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ Novembru 2004, Cetinkaya (C‑467/02, Ġabra p. I‑10895, punt 22).


21—      Ara s-sentenza Ayaz, iċċitata iktar ’il fuq (punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata).


22—      Regolament tal-Kunsill, tal‑15 ta’ Ottubru 1968, dwar il-libertà tal-moviment għall-ħaddiema fi ħdan il-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 15)


23—      Ara s-sentenza Ayaz, iċċitata iktar ’il fuq (punt 45).


24—      Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ April 2004, dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri u li temenda r-Regolament Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 46).


25 —      Ara, b’mod partikolari, l-Artikoli 6(2), 7(2) u 12(2) u (3) ta’ din id-direttiva, dwar id-dritt ta’ residenza, kif ukoll l-Artikolu 16(2) ta’ din id-direttiva, dwar id-dritt ta’ residenza permanenti.


26—      C‑371/08, Ġabra p. I‑12735.


27—      Ara l-osservazzjonijiet tal-Gvern Ġermaniż (punti 70 sa 72).


28—      Ara s-sentenza Ziebell, iċċitata iktar ’il fuq (punt 62).


29—      Ibidem (punt 72).


30—      Ibidem (punt 74).


31 —      Ibidem (punti 66 u 68).


32— ĠU 1983, C 110, p. 60.


33—      Regolament tal-Kunsill, tal-14 ta’ Ġunju 1971, dwar l-applikazzjoni tal-iskemi tas-sigurtà soċjali għall-persuni impjegati u l-familja tagħhom li jiċċaqilqu ġewwa l-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 35).


34—      Enfasi tiegħi.


35—      Ara s-sentenza tat‑30 ta’ April 1996, Cabanis-Issarte (C‑308/93, Ġabra p. I‑2097, punt 21).


36—      Ara s-sentenza tal‑4 ta’ Mejju 1999, Sürül (C‑262/96, Ġabra p. I‑2685, punt 84).


37—      Ara s-sentenza Bozkurt, iċċitata iktar ’il fuq (punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata).


38—      Ara s-sentenza Derin, iċċitata iktar ’il fuq, punt 66 u l-ġurisprudenza ċċitata.


39—      Ibidem (punt 67).


40—      Sentenza Bozkurt, iċċitata iktar ’il fuq, punt 35.


41—      Ibidem (punt 36).


42—      Ibidem (punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata).


43—      Ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑29 ta’ Settembru 2011, Unal (C‑187/10, Ġabra p. I‑9045, punt 50).