Language of document : ECLI:EU:T:2020:13

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla Estiża)

29 ta’ Jannar 2020 (*)

“Servizz pubbliku – Strajk tal-interpreti – Miżuri adottati mill-Parlament Ewropew li jordnaw lill-interpreti bi strajk jipprovdu servizzi minimi – Nuqqas ta’ bażi legali – Responsabbiltà – Dannu morali”

Fil-Kawża T‑402/18,

Roberto Aquino joqgħod il-Brussell (il-Belġju) u r-rikorrenti l-oħrajn li l-ismijiet tagħhom jinsabu fl-anness (1), irrappreżentati minn L. Levi, avukat,

rikorrenti,

vs

Il-Parlament Ewropew, irrappreżentat minn O. Caisou-Rousseau, E. Taneva u T. Lazian bħala aġenti,

konvenut,

sostnut minn

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn M. Bauer u R. Meyer, bħala aġenti,

intervenjent,

li għandha bħala suġġett talba bbażata fuq l-Artikolu 270 TFUE u intiża, minn naħa, għall-annullament tad-deċiżjoni tat-2 ta’ Lulju 2018 tad-Direttur Ġenerali tal-Persunal tal-Parlament dwar ordni lill-interpreti u interpreti ta’ konferenza bi strajk jipprovdu servizzi minimi u ta’ interpreti għat-3 ta’ Lulju 2018 kif ukoll deċiżjonijiet ulterjuri tad-Direttur Ġenerali tal-Persunal tal-Parlament dwar ordni lill-interpreti u interpreti ta’ konferenza bi strajk jipprovdu servizzi minimi u ta’ interpreti għall-4, 5, 10 u 11 ta’ Lulju 2018 u, min-naħa l-oħra, għall-kumpens għad-dannu morali evalwat ex æquo et bono għal EUR 1 000 għal kull persuna li r-rikorrenti kellhom allegatament jissubixxu permezz ta’ dawn id-deċiżjonijiet.

IL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla Estiża),

komposta minn M. van der Woude, President, S. Papasavvas (Relatur), D. Spielmann, Z. Csehi u O. Spineanu‑Matei, Imħallfin,

Reġistratur: L. Ramette, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tad-9 ta’ Ottubru 2019,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Ir-rikorrenti, Roberto Aquino u r-rikorrenti l-oħra li isimhom jidher fl-anness, huma interpreti u interpreti tal-konferenza fil-Parlament Ewropew.

2        Fl-14 ta’ Lulju 2017, ġiet adottata deċiżjoni mis-Segretarju Ġenerali tal-Parlament li temenda l-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-interpreti u interpreti tal-konferenzi.

3        Din id-deċiżjoni ġiet implementata fil-programmi ta’ ħidma tal-interpreti u wasslet għall-preżentata, f’Ottubru 2017, ta’ preavviż ta’ strajk kawtelatorju mill-Kumitat Intersindakali (iktar’ il quddiem il-“KUMI”) li għalih jappartjeni b’mod partikolari s-Sindikat tal-uffiċjali internazzjonali u Ewropej — Taqsima tal-Parlament Ewropew (SUIE-PE). Madankollu, wara li reġgħu bdew id-diskussjonijiet mas-Segretarju Ġenerali tal-Parlament, il-preavviż ta’ strajk ġie rtirat.

4        Fit-28 ta’ Mejju 2018, il-KUMI ppreżenta preavviż ġdid ta’ strajk b’mod kawtelatorju li jkopri l-perijodu mill-5 ta’ Ġunju sal-20 ta’ Lulju 2018.

5        Fil-5 u fis-7 ta’ Ġunju 2018, il-KUMI kkomunika lill-persunal kollu tal-Parlament, minn naħa, u lill-President tal-Parlament, min-naħa l-oħra, il-modalitajiet ta’ azzjoni previsti sal-14 ta’ Ġunju 2018.

6        Fit-8 ta’ Ġunju 2018, id-Direttur Ġenerali tal-Persunal tal-Parlament, minn naħa, bagħat lill-KUMI tabella li għandha n-numru ta’ interpreti mitluba għall-perijodu mit-12 sal-14 ta’ Ġunju 2018 u, min-naħa l-oħra, talab lil dan tal-aħħar sabiex jibgħatlu l-kummenti eventwali tal-organizzazzjonijiet sindakali jew professjonali (iktar’ il quddiem l-“OSP”) tal-persunal tal-istituzzjoni fuq din il-lista qabel il-11 ta’ Ġunju 2018 sas-14.00.

7        Fid-9 u fil-11 ta’ Ġunju 2018, il-KUMI bagħat l-osservazzjonijiet tiegħu lid-Direttur Ġenerali tal-Persunal tal-Parlament.

8        Permezz ta’ deċiżjoni tat-11 ta’ Ġunju 2018, id-Direttur Ġenerali tal-Persunal tal-Parlament ordna lill-interpreti u lill-interpreti tal-konferenzi bi strajk jipprovdu servizzi minimi għall-perijodu mit-12 sal-14 ta’ Ġunju 2018.

9        Proċeduri simili twettqu għall-perijodi mit-18 sat-22 ta’ Ġunju 2018 u mill-25 sas-27 ta’ Ġunju 2018 u taw lok għal deċiżjonijiet li jordnaw lill-interpreti u lill-interpreti tal-konferenzi bi strajk jipprovdu servizzi minimi għal dawn l-istess perijodi.

10      Fil-25 ta’ Ġunju 2018, il-KUMI informa lill-President tal-Parlament li l-preavviż ta’ strajk kien ġie pprorogat sal-14 ta’ Settembru 2018.

11      Fis-27 ta’ Ġunju 2018, id-Direttur Ġenerali tal-Persunal tal-Parlament talab lil KUMI jibgħatlu l-osservazzjonijiet tiegħu fuq l-iskema tal-ordni lill-interpreti bi strajk li jipprovdu servizzi minimi previsti għall-perijodu mit-3 sal-5 ta’ Lulju 2018, sa mhux iktar tard mid-29 ta’ Ġunju 2018 f’nofsinhar.

12      Fid-29 ta’ Ġunju 2018, il-KUMI bagħat il-kummenti tiegħu lill-President tal-Parlament u lid-Direttur Ġenerali tal-Persunal tal-Parlament.

13      Fit-2 ta’ Lulju 2018, id-Direttur Ġenerali tal-Persunal tal-Parlament informa lil KUMI li l-ordnijiet neċessarji għall-iżvolġiment korrett tax-xogħol parlamentari twettqet u li kienet ser tintbagħatlu kopja tad-deċiżjonijiet li jordnaw lill-interpreti u lill-interpreti tal-konferenzi jipprovdu servizzi minimi għall-perijodu mit-3 sal-5 ta’ Lulju 2018.

14      Permezz ta’ deċiżjoni tat-2 ta’ Lulju 2018, id-Direttur Ġenerali tal-Persunal tal-Parlament talab lill-interpreti u lill-interpreti tal-konferenzi jipprovdu servizzi minimi, li fosthom kien hemm uħud mir-rikorrenti, għat-3 ta’ Lulju 2018 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni tat-2 ta’ Lulju 2018”).

 Proċedura

15      Permezz ta’ att ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-3 ta’ Lulju 2018, ir-rikorrenti ressqu din il-kawża.

16      Permezz ta’ att separat ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-istess jum, ir-rikorrenti ressqu talba għal miżuri provviżorji. Permezz ta’ digriet tal-4 ta’ Lulju 2018, Aquino et vs Il-Parlament (T-402/18 R, mhux ippubblikat, EU:T:2018:404), din it-talba ġiet miċħuda u l-ispejjeż ġew irriżervati.

17      Permezz ta’ att separat ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-17 ta’ Lulju 2018, ir-rikorrenti ppreżentaw, abbażi tal-Artikolu 86 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, nota ta’ adattament tar-rikors sabiex tittieħed inkunsiderazzjoni l-adozzjoni ta’ tliet deċiżjonijiet fit-3, fl-4 u fis-7 ta’ Lulju 2018 li permezz tagħhom id-Direttur Ġenerali tal-Persunal tal-Parlament ordna lill-interpreti u lill-interpreti tal-konferenzi jipprovdu servizzi minimi fl-4, fil-5, fl-10 u fil-11 ta’ Lulju 2018 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjonijiet ta’ wara l-preżentata tar-rikors”).

18      Permezz ta’ ittra tar-Reġistratur tat-30 ta’ Lulju 2018, ir-rikorrenti ġew informati li, bis-saħħa tal-Artikolu 91(4) tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea (iktar’ il quddiem ir- “Regolamenti tal-Persunal”), il-proċedura fil-kawża prinċipali kienet sospiża sal-mument tal-adozzjoni ta’ deċiżjoni espliċita jew impliċita ta’ ċaħda tal-ilment tagħhom ippreżentata fit-3 ta’ Lulju 2018.

19      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-18 ta’ Ottubru 2018, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea talab li jintervjeni f’din il-kawża insostenn tat-talbiet tal-Parlament.

20      Permezz ta’ ittra tas-7 ta’ Novembru 2018, ir-rikorrenti informaw lill-Qorti Ġenerali li, permezz ta’ deċiżjoni tal-5 ta’ Novembru 2018, il-Parlament kien ċaħad l-ilment tagħhom.

21      Permezz ta’ ittra tar-Reġistratur tal-15 ta’ Novembru 2018, ir-rikorrenti ġew informati bit-tkomplija tal-proċedura.

22      Il-Parlament ippreżenta risposta fit-22 ta’ Jannar 2019.

23      Permezz ta’ deċiżjoni tal-24 ta’ Jannar 2019, il-President tas-Sitt Awla tal-Qorti Ġenerali aċċetta l-intervent tal-Kunsill.

24      Il-Kunsill ressaq in-nota ta’ intervent tiegħu fit-18 ta’ Marzu 2019 u l-partijiet prinċipali ppreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom dwarha fit-termini stabbiliti.

25      Fil-25 ta’ Marzu 2019, fuq proposta tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (Is-Sitt Awla), fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 89 tar-Regoli tal-Proċedura, stiednet lir-rikorrenti jipproduċu l-lista tal-interpreti u tal-interpreti tal-konferenzi biex jipprovdu servizzi minimi għat-3 ta’ Lulju 2018. Ir-rikorrenti rrispondew għal din il-miżura fit-terminu mogħti.

26      Ir-rikorrenti ppreżentaw ir-replika fl-1 ta’ April 2019.

27      Permezz ta’ ittra ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-3 ta’ April 2019, Cécile Dupont, Françoise Joostens, Agnieszka Matuszek, Joanna Trzcielinska Inan u Frank van den Boogaard irtiraw ir-rikors tagħhom (iktar’ il quddiem ir-“rinunzja parzjali”). Permezz ta’ atti ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-5 ta’ April 2019, il-Parlament u l-Kunsill ippreżentaw osservazzjonijiet dwar ir-rinunzja parzjali. Permezz ta’ digriet tat-30 ta’ April 2019, il-President tas-Sitt Awla tal-Qorti Ġenerali ħassar l-ismijiet tal-imsemmija persuni mil-lista tar-rikorrenti u ddeċieda dwar l-ispejjeż relatati mar-rinunzja parzjali.

28      Il-Parlament ippreżenta kontroreplika fl-10 ta’ Mejju 2019, data li fiha ngħalqet il-fażi bil-miktub tal-proċedura.

29      Minħabba impediment ta’ Membru tas-Sitt Awla, il-President tal-Qorti Ġenerali ħatar imħallef ieħor sabiex jikkompleta l-Awla.

30      Fuq proposta tas-Sitt Awla, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, skont l-Artikolu 28 tar-Regoli tal-Proċedura, li tirreferi l-kawża quddiem kulleġġ ġudikanti estiż.

31      Fuq proposta tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (Is-Sitt Awla Estiża) iddeċidiet li tiftaħ il-fażi orali tal-proċedura u, fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 89 tar-Regoli tal-Proċedura, għamlet mistoqsijiet lill-partijiet u stiednet, minn naħa, lill-Parlament jipprovdilha d-deċiżjoni li permezz tagħha huwa kien iddetermina l-awtoritajiet li kienu jeżerċitaw fi ħdanu s-setgħat iddelegati mir-Regolamenti tal-Persunal lill-Awtorità tal-Ħatra u, min-naħa l-oħra, lir-rikorrenti jipproduċu l-“ftehim ad hoc ta’ Jannar 2014” li għalih għamlu riferiment fir-rikors. Il-partijiet issodisfaw dawn it-talbiet tagħha fit-terminu mogħti.

32      It-trattazzjoni tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-domandi orali tal-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tad-9 ta’ Ottubru 2019.

 It-talbiet tal-partijiet

33      Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni tat-2 ta’ Lulju 2018 kif ukoll id-deċiżjonijiet sussegwenti għall-preżentata tar-rikors;

–        tikkundanna lill-Parlament sabiex jipprovdi kumpens għad-dannu morali ivvalutat ex aequo et bono fl-ammont ta’ EUR 1 000;

–        tikkundanna lill-Parlament għall-ispejjeż kollha.

34      Il-Parlament jitlob lil-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors bħala parzjalment inammissibbli u bħala parzjalment infondat;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

35      Il-Kunsill jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors bħala parzjalment inammissibbli u bħala parzjalment infondat;

–        tiddeċiedi fuq l-ispejjeż skont il-liġi;

 Id-dritt

 Fuq it-talbiet għall-finijiet tal-annullament

 Fuq l-ammissibbiltà

–       Fuq l-ammissibbiltà tar-rikors sa fejn huwa intiż kontra d-deċiżjonijiet ta’ wara l-preżentata tar-rikors

36      Il-Parlament isostni li r-rikorrenti ma jistgħux jibbażaw ruħhom fuq l-Artikolu 86 tar-Regoli tal-Proċedura sabiex jitolbu l-annullament tad-deċiżjonijiet sussegwenti għall-preżentata tar-rikors sa fejn dawn tal-aħħar ma humiex intiżi li jissostitwixxu jew jemendaw id-deċiżjoni tat-2 ta’ Lulju 2018. Huwa jsostni li d-deċiżjonijiet ta’ wara l-preżentata tar-rikors, minkejja l-probabbiltà kbira tal-adozzjoni tagħhom, ma jistgħux ikunu s-suġġett ta’ dan ir-rikors peress li ma kinux jipproduċu effetti legali fil-mument tal-preżentata tal-imsemmi rikors. Huwa jżid, sussidjarjament, li r-rikorrenti kien imisshom osservaw il-proċedura prekontenzjuża prevista fl-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal qabel ma talbu l-annullament tad-deċiżjonijiet sussegwenti għall-preżentata tar-rikors.

37      Ir-rikorrenti jinvokaw ċirkustanzi eċċezzjonali u jsostnu, essenzjalment, li, fid-dawl tal-adozzjoni estremament tardiva tal-miżuri ta’ ordni jipprovdu servizzi minimi, huma jistgħu jitolbu l-annullament tad-deċiżjonijiet sussegwenti għall-preżentata tar-rikors. Huma jżidu li, għalkemm huwa minnu li dawn id-deċiżjonijiet ma kinux ġew adottati fid-data tal-preżentata tar-rikors, l-adozzjoni tagħhom kienet madankollu ċerta. Fil-fehma tagħhom, li tobbligahom jippreżentaw lill-qorti kemm rikorsi kif ukoll deċiżjonijiet adottati huwa manifestament sproporzjonat, irraġonevoli, kuntrarju għall-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja u jikser id-dritt għal rimedju effettiv previst mill-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar’ il quddiem il-“Karta”). Huma jippreċiżaw li huma osservaw il-proċedura prekontenzjuża prevista fl-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal.

38      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza, il-Qorti Ġenerali tista’ tiġi adita b’mod validu biss b’talba intiża għall-annullament ta’ att eżistenti u li jikkawża preġudizzju (sentenza tas-16 ta’ Settembru 2013, Bank Kargoshaei et vs Il-Kunsill, T-8/11, mhux ippubblikata, EU:T:2013:470, punt 47).

39      F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li, fir-rikors, ir-rikorrenti indikaw li talbu l-annullament tad-“deċiżjonijiet futuri li jordnaw il-provvista ta’ servizzi minimi lill-persunal fl-4, 5, 10 u 11 ta’ Lulju 2018”. Issa, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 38 iktar ’il fuq, tali talbiet, intiżi sabiex il-Qorti Ġenerali tiddeċiedi dwar il-legalità ta’ atti ipotetiċi li għadhom ma ġewx adottati, huma inammissibbli u jistgħu biss jiġu miċħuda (digriet tas-27 ta’ Frar 2019, SUIE-PE vs Il-Parlament, T-401/18, mhux ippubblikat, EU:T:2019:132, punt 30). Għalkemm ir-rikorrenti jsostnu li, fis-27 ta’ Ġunju 2018, l-imsemmija deċiżjonijiet kienu ċerti kemm fir-rigward tal-eżistenza tagħhom kif ukoll fil-kontenut tagħhom, huma jirrikonoxxu li ma jistax jiġi eskluż li ċerti interpreti, li inizjalment kellhom jiġu ordnati jipprovdu servizzi minimi, kellhom jiġu ssostitwiti fl-aħħar mument, minħabba mard b’mod partikolari.

40      L-argumenti l-oħra mressqa mir-rikorrenti, kif imfakkra fil-punt 37 iktar’ il fuq, ma jippermettux li tiġi kkontestata tali konklużjoni.

41      Fir-rigward, l-ewwel nett, tal-allegat ksur tal-Artikolu 47 tal-Karta, għandu jitfakkar li dan l-artikolu ma għandux l-għan li jbiddel is-sistema ta’ stħarriġ ġudizzjarju prevista mit-Trattati, u b’mod partikolari r-regoli dwar l-ammissibbiltà tar-rikorsi ppreżentati direttament quddiem il-qorti tal-Unjoni Ewropea, kif jirriżulta wkoll mill-ispjegazzjonijiet relatati ma’ dan l-Artikolu 47, li għandhom, konformement mat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 6(1) TUE u mal-Artikolu 52(7) tal-Karta, jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-interpretazzjoni tagħha (ara s-sentenza tal-4 ta’ Ġunju 2015, Andechser Molkerei Scheitz vs Il-Kummissjoni, C-682/13 P, mhux ippubblikata, EU:C:2015:356, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata).

42      Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li l-adozzjoni allegatament tardiva tad-deċiżjonijiet sussegwenti għall-preżentata tar-rikors ma ċaħħadx lir-rikorrenti mill-possibbiltà li jippreżentaw, fil-kundizzjonijiet previsti mill-Artikolu 270 TFUE, rikors għal annullament kontra dawn id-deċiżjonijiet wara l-adozzjoni tagħhom. Għalhekk, id-dritt għal rimedju effettiv tar-rikorrenti, fi kwalunkwe każ, ma ġiex miksur.

43      It-tieni nett, fir-rigward tan-nota ta’ adattament ippreżentata mir-rikorrenti fis-17 ta’ Lulju 2018, din issemmi li d-deċiżjonijiet li kienu għadhom futuri meta ġie ppreżentat dan ir-rikors ġew effettivament adottati. Ir-rikorrenti jqisu li din in-nota ta’ adattament tirrendi mingħajr skop dan il-motiv ta’ inammissibbiltà.

44      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 86(1) tar-Regoli tal-Proċedura, “[m]eta att li jkun qiegħed jintalab l-annullament tiegħu jiġi ssostitwit jew emendat b’att ieħor li jkollu l-istess suġġett, ir-rikorrent jista’, qabel l-għeluq tal-fażi orali tal-proċedura jew qabel ma l-Qorti Ġenerali tiddeċiedi li taqta’ l-kawża mingħajr il-fażi orali tal-proċedura, jadatta r-rikors sabiex jittieħed inkunsiderazzjoni dan l-element ġdid”.

45      Issa, għandu jiġi kkonstatat li d-deċiżjonijiet ta’ wara l-preżentata tar-rikors ma jistgħux jitqiesu li jissostitwixxu jew jemendaw id-deċiżjoni tat-2 ta’ Lulju 2018 jew id-deċiżjonijiet futuri li l-annullament tagħhom intalab fir-rikors. Minn naħa, huwa paċifiku li d-deċiżjonijiet ta’ wara l-preżentata tar-rikors ma humiex intiżi sabiex jissostitwixxu jew jemendaw id-deċiżjoni tat-2 ta’ Lulju 2018, li ma tirrigwardax l-istess ġranet u hija indirizzata lil destinatarji differenti. Min-naħa l-oħra, fir-rigward tad-deċiżjonijiet futuri li l-annullament tagħhom intalab fir-rikors u kuntrarjament għal dak li jsostnu r-rikorrenti, l-Artikolu 86(1) tar-Regoli tal-Proċedura ma huwiex intiż li jirrendi ammissibbli rikors dirett kontra deċiżjonijiet li kienu għadhom ma ġewx adottati fid-data tal-preżentata tiegħu. Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li n-nota ta’ adattament tar-rikors ippreżentata mir-rikorrenti ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 86(1) tar-Regoli tal-Proċedura.

46      F’dawn iċ-ċirkustanzi, dan ir-rikors huwa inammissibbli sa fejn huwa intiż kontra d-deċiżjonijiet ta’ wara l-preżentata tar-rikors.

–       Fuq il-locus standi ta’ ċerti rikorrenti

47      B’risposta għal miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura ordnata mill-Qorti Ġenerali, il-Parlament isostni li, mill-31 rikorrent li ppreżentaw dan ir-rikors, tmienja biss kienu destinatarji tad-deċiżjoni tat-2 ta’ Lulju 2018. Minn dan huwa jikkonkludi li r-rikorrenti l-oħra, mitluba jipprovdu servizzi minimi mid-deċiżjonijiet ta’ wara l-preżentata tar-rikors, ma għandhomx locus standi sabiex jitolbu l-annullament tad-deċiżjoni tat-2 ta’ Lulju 2018 li tagħha huma ma humiex destinatarji.

48      Ir-rikorrenti sostnew, waqt is-seduta, li dawk li ma kinux id-destinatarji tad-deċiżjoni tat-2 ta’ Lulju 2018 kienu madankollu individwalment ikkonċernati minn dan ir-rikors peress li kienu jikkostitwixxu kategorija suffiċjentement identifikata fi ħdan il-popolazzjoni tal-Parlament fis-sens tas-sentenza tal-15 ta’ Lulju 1963, Plaumann vs Il-Kummissjoni (25/62, EU:C:1963:17, p. 223), li huma kienu kkonċernati mill-preavviż ta’ strajk ippreżentat fl-aħħar ta’ Mejju 2018 kif ukoll mill-komunikazzjonijiet intersindakali kollha u li kienu ġew assoċjati, permezz tar-rappreżentanti tagħhom tal-persunal fi ħdan il-KUMI għall-proċess li wassal għall-preparazzjoni tad-deċiżjoni tat-2 ta’ Lulju 2018.

49      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-persuni li ma humiex id-destinatarji ta’ deċiżjoni jistgħu jippretendu li huma individwalment ikkonċernati biss jekk din id-deċiżjoni tolqothom minħabba ċerti kwalitajiet li huma partikolari għalihom jew minħabba sitwazzjoni ta’ fatt li tikkaratterizzahom meta mqabla ma’ kull persuna oħra u, minħabba dan, tindividwalizzahom b’mod simili għal dak tad-destinatarju (sentenzi tal-15 ta’ Lulju 1963, Plaumann vs Il-Kummissjoni, 25/62, EU:C:1963:17, p. 223; ara s-sentenza tad-29 ta’ April 2004, L-Italja vs Il-Kummissjoni, C-298/00 P, EU:C:2004:240, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata).

50      F’dan il-każ, huwa biżżejjed li jiġi nnotat li d-deċiżjoni tat-2 ta’ Lulju 2018, li hija deċiżjoni individwali li d-destinatarji tagħha, fis-sens tal-Artikolu 263 TFUE, huma l-interpreti li huma s-suġġett tat-talba biex jipprovdu servizzi minimi (digriet tas-27 ta’ Frar 2019, SUIE-PE vs Il-Parlament, T-401/18, mhux ippubblikat, EU:T:2019:132, punt 42), ma laħqitx lir-rikorrenti li hija ma ordnatx jipprovdu servizzi minimi peress li ma ħadet ebda miżura fir-rigward tagħhom u li s-sitwazzjoni personali tagħhom ma ġietx affettwata. Konsegwentement, ir-rikorrenti li ma kinux id-destinatarji tad-deċiżjoni tat-2 ta’ Lulju 2018 ma humiex individwalizzati b’mod simili għal dak tad-destinatarji fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 49 iktar’ il fuq u għalhekk ma għandhomx locus standi sabiex jitolbu l-annullament tal-imsemmija deċiżjoni.

 Fuq il-mertu

51      Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw tliet motivi. L-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tad-dritt għal rikors għal azzjonijiet kollettivi u tad-dritt għall-informazzjoni u għall-konsultazzjoni, kif stabbiliti fl-Artikoli 27 u 28 tal-Karta u d-Direttiva 2002/14/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Marzu 2002 li tistabbilixxi qafas ġenerali dwar l-informazzjoni u l-konsultazzjoni tal-impjegati fil-Komunità Ewropea - Dikjarazzjoni magħquda tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni dwar ir-rappreżentanza tal-impjegati (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 219) u implimentati mill-ftehim qafas iffirmat fit-12 ta’ Lulju 1990 bejn il-Parlament u l-OSP (iktar ’il quddiem il-“ftehim qafas”) kif ukoll fuq il-ksur tad-dritt għal amministrazzjoni tajba kif stabbilit fl-Artikolu 41 ta-Karta. It-tieni motiv huwa bbażat fuq l-inkompetenza tal-awtur tal-att u fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali u t-tielet wieħed huwa bbażat fuq il-ksur tad-dritt għal rimedju effettiv kif previst mill-Artikolu 47 tal-Karta.

52      L-ewwel motiv tar-rikors jinqasam f’żewġ partijiet. L-ewwel waħda hija bbażata fuq il-ksur tad-dritt tal-interpreti u tal-interpreti tal-konferenzi li jwettqu azzjonijiet kollettivi u t-tieni waħda hija bbażata fuq il-ksur tal-proċedura ta’ ftehim u ta’ konsultazzjoni.

53      Fir-rigward tal-ewwel parti, ir-rikorrenti jsostnu li d-dritt għall-istrajk huwa dritt fundamentali stabbilit b’mod partikolari mill-Karta u mill-Karta Soċjali Ewropea, iffirmata f’Torino fit-18 ta’ Ottubru 1961, kif irriveduta. Huma jirrikonoxxu madankollu li tali dritt mhuwiex assolut, li għandu jirrispetta l-prinċipju ta’ proporzjonalità u li l-eżerċizzju tiegħu jista’ jkun suġġett għal restrizzjonijiet. Huma jqisu li la l-Artikolu 55 tar-Regolamenti tal-Persunal, li ma jirrigwardax is-servizz minimu f’każ ta’ strajk, la l-Ftehim qafas u lanqas id-deċiżjoni tat-2 ta’ Lulju 2018 ma jistgħu jaġixxu bħala liġi fis-sens tal-Artikolu 52(1) tal-Karta, li jawtorizza l-limitazzjonijiet għad-dritt tal-istrajk. Huma jaffermaw li huwa ġeneralment aċċettat li d-dritt li wieħed jagħmel strajk fis-servizz pubbliku għandu jkun ekwilibrat mal-ħtieġa li jiġu ggarantiti s-servizzi essenzjali. Huma jirreferu għall-Kumitat dwar il-libertà sindakali tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO) li jagħmel distinzjoni bejn is-servizzi essenzjali u l-oħrajn. Huma jenfasizzaw li l-Parlament qatt ma ddefinixxa regoli ċari u inekwivoċi sabiex jiddetermina liema servizzi jistgħu jkunu essenzjali sabiex tiġi żgurata l-kontinwità tas-servizz. Skont ir-rikorrenti, tali definizzjoni minn qabel kienet tippermetti li tintwera, fl-ewwel lok, in-natura leġittima tal-għan imfittex u, fit-tieni lok, in-natura neċessarja tar-restrizzjoni. Issa, f’dan il-każ, skont ir-rikorrenti, id-deċiżjoni tat-2 ta’ Lulju 2018 ma għandhiex għan leġittimu u hija sproporzjonata.

54      Il-Parlament iwieġeb li huwa ma jikkontestax il-fatt li d-dritt għall-istrajk huwa dritt fundamentali stabbilit fl-Artikolu 28 tal-Karta. Huwa jfakkar li r-Regolamenti tal-Persunal ma jikkonċernawx id-dritt ta’ strajk u li l-Unjoni ma hija, bħala prinċipju, marbuta b’ebda wieħed mit-testi ġuridiċi li joriġinaw mill-ILO peress li l-Unjoni ma tagħmilx parti minnu. Huwa jżid li, kuntrarjament għal dak li jsostnu r-rikorrenti, l-Artikolu 55(1) tar-Regolamenti tal-Persunal għandu jitqies bħala limitazzjoni għad-dritt ta’ strajk previst mil-liġi fis-sens tal-Artikolu 52(1) tal-Karta u għalhekk jikkostitwixxi d-dispożizzjoni tar-Regolamenti tal-Persunal li tista’ tkun il-bażi ta’ ordnijiet li jiġu pprovduti servizzi minimi. Huwa jsostni li tali ordnijiet huma ġġustifikati peress li l-movimenti ta’ strajk għandhom bħala effett, u anki bħala għan, li jfixklu x-xogħol tal-Parlament bħala leġiżlatur, awtorità baġitarja u ta’ kontroll. Dawn il-miżuri huma għalhekk neċessarji fis-sens tal-Artikolu 52(1) tal-Karta. Fir-rigward tal-proporzjonalità tal-ordnijiet li jinsabu fid-deċiżjoni tat-2 ta’ Lulju 2018, il-Parlament jenfasizza li, matul l-iżvolġiment tal-moviment tal-istrajk, huwa rranġa aħjar is-servizz ta’ interpretazzjoni minima. Minn dan huwa jiddeduċi li d-deċiżjoni tat-2 ta’ Lulju 2018 ma tistax tiġi serjament ikkontestata mill-perspettiva tal-proporzjonalità.

55      Il-Kunsill jikkunsidra li r-Regolamenti tal-Persunal fihom diversi dispożizzjonijiet li jistgħu jkunu l-bażi tal-ordnijiet li jinsabu fid-deċiżjoni tat-2 ta’ Lulju 2018. Dan huwa d-dmir ta’ lealtà tal-uffiċjal previst mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 11 tar-Regolamenti tal-Persunal, li jipprovdi li l-uffiċjal jaqdi l-funzjonijiet fdati lilu b’mod oġġettiv u imparzjali b’osservanza tad-dmir tiegħu ta’ lealtà lejn l-Unjoni. Bl-istess mod, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 21 tar-Regolamenti tal-Persunal, li jipprovdi li l-uffiċjal, ikun xi jkun il-grad tiegħu fil-ġerarkija, għandu jassisti u jagħti parir lis-superjuri tiegħu u huwa responsabbli għall-eżekuzzjoni tal-kompiti fdati lilu, seta’ jservi ta’ bażi għad-deċiżjoni tat-2 ta’ Lulju 2018. Il-Kunsill jiċċita wkoll l-Artikolu 55(1) tar-Regolamenti tal-Persunal li jipprevedi li l-uffiċjali attivi għandhom, f’kull mument, ikunu għad-dispożizzjoni tal-istituzzjoni tagħhom. Fl-aħħar nett, il-Kunsill jinvoka d-dmir ta’ premura kif żviluppat mill-ġurisprudenza.

56      F’dan ir-rigward, mill-Artikolu 28 tal-Karta, jirriżulta li l-ħaddiema u min iħaddem, jew l-organizzazzjonijiet rispettivi tagħhom, għandhom skont id-dritt tal-Unjoni u l-liġijiet u l-prattiki nazzjonali, id-dritt li jinnegozjaw u li jikkonkludu ftehim kollettivi, fil-livelli xierqa u f’każijiet ta’ konflitt ta’ interess, li jieħdu azzjoni kollettiva biex jiddefendu l-interessi tagħhom inkluż id-dritt tal-istrajk.

57      Dawn id-dispożizzjonijiet jistgħu japplikaw fir-relazzjonijiet bejn l-istituzzjonijiet tal-Unjoni u l-persunal tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-15 ta’ Settembru 2016, U4U et vs Il-Parlament u Il-Kunsill, T-17/14, mhux ippubblikata, EU:T:2016:489, punt 77; ara s-sentenza tat-13 ta’ Diċembru 2018, Haeberlen vs ENISA, T-632/16, mhux ippubblikata, EU:T:2018:957, punt 189 u l-ġurisprudenza ċċitata).

58      Barra minn hekk, l-Artikolu 52(1) tal-Karta jipprevedi li kull limitazzjoni fl-eżerċizzju tad-drittijiet u tal-libertajiet irrikonoxxuti minn din tal-aħħar għandha tkun prevista mil-liġi u għandha tirrispetta l-kontenut essenzjali tal-imsemmija drittijiet u libertajiet. Bla ħsara għall-prinċipju ta’ proporzjonalità, jistgħu jsiru limitazzjonijiet f’dawk il-każijiet biss fejn ikun meħtieġ u fejn ġenwinament jintlaħqu l-objettivi ta’ interess ġenerali rikonoxxuti mill-Unjoni jew il-ħtieġa li jiġu protetti d-drittijiet u l-libertajiet ta’ oħrajn.

59      Minn dan l-artikolu jirriżulta li, sabiex titqies li hija konformi mad-dritt tal-Unjoni, limitazzjoni għal dritt protett mill-Karta għandha, fi kwalunkwe każ, tissodisfa tliet kundizzjonijiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-28 ta’ Mejju 2013, Trabelsi et vs Il-Kunsill, T-187/11, EU:T:2013:273, punt 78).

60      L-ewwel nett, il-limitazzjoni għandha tkun “prevista mil-liġi”. Fi kliem ieħor, il-miżura inkwistjoni għandha jkollha bażi legali (ara s-sentenza tat-28 ta’ Mejju 2013, Trabelsi et vs Il-Kunsill, T-187/11, EU:T:2013:273, punt 79 u l-ġurisprudenza ċċitata).

61      It-tieni nett, il-limitazzjoni għandu jkollha għan ta’ interess ġenerali, rikonoxxut bħala tali mill-Unjoni (sentenza tas-28 ta’ Mejju 2013, Trabelsi et vs Il-Kunsill, T‑187/11, EU:T:2013:273, punt 80).

62      It-tielet nett, il-limitazzjoni ma tistax tkun eċċessiva. Minn naħa, hija għandha tkun neċessarja u proporzjonali għall-għan li għandu jintlaħaq. Min-naħa l-oħra, l-“essenza”, jiġifieri s-sustanza tad-dritt jew tal-libertà inkwistjoni, ma għandhiex tiġi ppreġudikata (ara s-sentenza tat-28 ta’ Mejju 2013, Trabelsi et vs Il-Kunsill, T-187/11, EU:T:2013:273, punt 81 u l-ġurisprudenza ċċitata).

63      Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li għandu jiġi eżaminat jekk id-deċiżjoni tat-2 ta’ Lulju 2018 tikkostitwixxix limitazzjoni għad-dritt ta’ strajk kif protett mill-Artikolu 28 tal-Karta u, fl-affermattiv, jekk it-tliet kundizzjonijiet sabiex tiġi kkunsidrata tali limitazzjoni konformi mad-dritt tal-Unjoni humiex issodisfatti f’dan il-każ.

64      Il-Qorti Ġenerali tqis li, sa fejn tirrestrinġi l-possibbiltà għall-interpreti kkonċernati mill-miżura ta’ ordni li jipparteċipaw fit-terminazzjoni kollettiva u miftiehma tax-xogħol għad-difiża tal-interessi tagħhom, id-deċiżjoni tat-2 ta’ Lulju 2018 tikkostitwixxi limitazzjoni fl-eżerċizzju tad-dritt ta’ strajk iggarantit mill-Artikolu 28 tal-Karta. Barra minn hekk, il-Parlament ma jikkontestax tali konklużjoni, billi jsostni madankollu li l-imsemmija limitazzjoni hija konformi mad-dritt tal-Unjoni.

65      Għaldaqstant hemm lok li jiġi eżaminat jekk il-limitazzjoni rrappreżentata mid-deċiżjoni tat-2 ta’ Lulju 2018 tissodisfax il-kundizzjonijiet imfakkra fil-punti 60 sa 62 iktar ’il fuq.

66      Fir-rigward tal-kundizzjoni li l-limitazzjoni tkun “prevista mil-liġi”, għandu jitfakkar li r-rekwiżit li kull limitazzjoni tal-eżerċizzju tad-dritt iggarantit mill-Karta għandha tkun prevista mil-liġi jimplika li l-bażi legali għandha tkun ċara u preċiża biżżejjed u li, billi tiddefinixxi hija stess il-portata tal-limitazzjoni tal-eżerċizzju ta’ dan id-dritt, hija għandha toffri ċerta protezzjoni kontra eventwali ksur arbitrarju ta’ din l-amministrazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-17 ta’ Diċembru 2015, WebMindLicenses, C-419/14, EU:C:2015:832, punt 81).

67      Barra minn hekk, skont ġurisprudenza stabbilita, il-prinċipju ta’ ċertezza legali, li jagħmel parti mill-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, jeżiġi, b’mod partikolari, li d-dispożizzjonijiet legali jkunu ċari, preċiżi u prevedibbli fl-effetti tagħhom, b’mod partikolari meta dawn jista’ jkollhom konsegwenzi sfavorevoli għall-individwi u għall-impriżi (ara s-sentenza tat-18 ta’ Novembru 2008, Förster, C‑158/07, EU:C:2008:630, punt 67 u l-ġurisprudenza ċċitata).

68      Preliminarjament, l-ewwel nett, għandu jiġi ppreċiżat li d-deċiżjoni tat-2 ta’ Lulju 2018 tirrigwarda l-Artikolu 55 tar-Regolamenti tal-Persunal, l-Artikoli 16 u 90 tal-Kundizzjonijiet tal-impjieg applikabbli għall-aġenti l-oħra tal-Unjoni Ewropea (iktar’ il quddiem il-“Kundizzjonijiet tal-impjieg”) kif ukoll il-Ftehim qafas.

69      L-Artikolu 16 tal-Kundizzjonijiet tal-impjieg jipprevedi l-applikazzjoni, b’analoġija, tal-Artikolu 55 tar-Regolamenti tal-Persunal għall-membri l-oħra tal-persunal tal-Unjoni. Għaldaqstant, dan ma huwiex is-suġġett ta’ eżami distint minn dak tal-imsemmi Artikolu 55. L-Artikolu 90 tal-Kundizzjonijiet tal-impjieg jipprovdi min-naħa tiegħu li, b’deroga mid-dispożizzjonijiet tat-titolu dwar il-membri tal-persunal bil-kuntratt, l-interpreti tal-konferenzi rreklutati mill-Parlament jew ingaġġati mill-Kummissjoni Ewropea f’isem l-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Unjoni huma suġġetti għall-kundizzjonijiet previsti fil-ftehim tat-28 ta’ Lulju 1999 konkluż bejn il-Parlament, il-Kummissjoni u l-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, li jaġixxu f’isem l-istituzzjonijiet, minn naħa, u l-assoċjazzjonijiet li jirrappreżentaw il-professjoni, min-naħa l-oħra. Dan l-artikolu ma fih ebda dispożizzjoni li tista’ sservi bħala bażi legali għall-miżuri ta’ ordni inkwistjoni. Barra minn hekk, ma huwa invokat minn ebda waħda mill-partijiet fl-istanza.

70      It-tieni nett, għandu jiġi nnotat li, għalkemm id-deċiżjoni tat-2 ta’ Lulju 2018 tirrigwarda l-Artikolu 55 tar-Regolamenti tal-Persunal fl-intier tiegħu, il-Parlament jippreċiża li qatt ma kien hemm kwistjoni li din tiġi bbażata fuq il-paragrafi 2, 3 jew 4 tal-imsemmi Artikolu 55, iżda biss fuq il-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu, li għandu portata awtonoma, indipendenti mill-kampijiet ta’ applikazzjoni rispettivi tal-paragrafi l-oħra tal-artikolu. Fi kwalunkwe każ, il-paragrafi 2, 3 jew 4 tal-Artikolu 55 tar-Regolamenti tal-Persunal ma jipprevedux l-użu tal-ordnijiet b’tali mod li ma jistgħux jaġixxu bħala liġi fis-sens tal-Artikolu 52(1) tal-Karta.

71      Għaldaqstant, għandu jiġi eżaminat jekk l-Artikolu 55(1) tar-Regolamenti tal-Persunal, minn naħa, jew il-ftehim qafas, min-naħa l-oħra, setgħux jikkostitwixxu bażi legali għad-deċiżjoni tat-2 ta’ Lulju 2018 fis-sens tal-Artikolu 52(1) tal-Karta.

72      Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-Artikolu 55(1) tar-Regolamenti tal-Persunal, għandu jiġi kkonstatat qabel kollox li, kif kienet diġà rrilevat il-ġurisprudenza, ir-Regolamenti tal-Persunal ma jgħidu xejn dwar il-kwistjoni tad-dritt tal-istrajk (sentenza tat-18 ta’ Marzu 1975, Acton et vs Il-Kummissjoni, 44/74, 46/74 u 49/74, EU:C:1975:42, punt 15). L-iżviluppi suċċessivi tagħhom ma emendawx dan l-istat ta’ fatt, kif barra minn hekk jirrikonoxxi l-Parlament.

73      Barra minn hekk, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 55(1) tar-Regolamenti tal-Persunal, “[l]-[u]ffiċjali f’impieg attiv għandhom f’kull ħin ikunu għad-disposizzjoni ta’ l-istituzzjoni tagħhom”. Għandu jiġi kkonstatat li tali dispożizzjoni, li tinsab fil-Kapitolu 1, dwar it-tul tal-ħin tax-xogħol, tat-Titolu 4 dwar il-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-uffiċjal, ma tipprevedi ebda limitazzjoni preċiża u ċara tal-eżerċizzju tad-dritt ta’ strajk, u lanqas a fortiori ma tipprevedi l-użu ta’ ordnijiet. Għalhekk, hija ma tinkludi ebda preċiżazzjoni dwar il-portata tal-limitazzjoni tad-dritt ta’ strajk fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 66 u 67 iktar’ il fuq u għalhekk ma tistax isservi bħala bażi legali għall-miżuri ta’ ordni inkwistjoni.

74      L-argument tal-Parlament li jsostni li l-Artikolu 55(1) tar-Regolamenti tal-Persunal jippermetti lill-istituzzjoni li tirrikorri għall-uffiċjali barra mis-sigħat tax-xogħol u li tagħti preċedenza lill-interess tas-servizz fuq kull kunsiderazzjoni tal-ħinijiet normali ta’ referenza jew ta’ leave ma jistax jikkontesta din il-konklużjoni. Fil-fatt, tali argument ma jistax jipprevali quddiem in-neċessità, imposta mill-Karta, li jiġi limitat l-eżerċizzju ta’ dritt li hija tiggarantixxi biss bl-użu ta’ liġi suffiċjentement ċara u preċiża, li tiddefinixxi hija stess il-portata tal-limitazzjoni tal-eżerċizzju tad-dritt inkwistjoni.

75      Minn dak li ntqal iktar’ il fuq jirriżulta li l-artikoli tar-Regolamenti tal-Persunal imsemmija fid-deċiżjoni tat-2 ta’ Lulju 2018, u b’mod iktar partikolari l-Artikolu 55(1) tar-Regolamenti tal-Persunal, ma setgħux iservu bħala bażi legali għall-ordnijiet li jinsabu fid-deċiżjoni tat-2 ta’ Lulju 2018.

76      Fit-tieni lok, fir-rigward tal-ftehim qafas, għandu jiġi ppreċiżat li, skont l-Artikolu 8 ta’ dan il-ftehim, il-partijiet jimpenjaw ruħhom li jiddefinixxu, fi protokoll li għandu jiġi anness mal-imsemmi ftehim, proċedura ta’ konċiljazzjoni li għandha tiġi implimentata waqt waqfien mix-xogħol.

77      Madankollu, huwa paċifiku li l-protokoll imsemmi fil-punt 76 iktar’ il fuq qatt ma ġie adottat. Issa, ebda artikolu ieħor tal-Ftehim qafas ma jista’ jservi ta’ bażi legali għall-miżuri ta’ ordni inkwistjoni.

78      Konsegwentement, anki jekk jitqies li l-uffiċjali jistgħu jisiltu drittijiet mill-ksur tad-dispożizzjonijiet li jirregolaw ir-relazzjonijiet tal-istituzzjonijiet mal-OSP, l-Artikolu 8 tal-Ftehim qafas ma setax, fl-assenza tal-adozzjoni tal-protokoll li għalih jirreferi u fi kwalunkwe każ, jaġixxi bħala liġi fis-sens tal-Artikolu 52(1) tal-Karta.

79      Fit-tielet lok, fir-rigward tad-dispożizzjonijiet l-oħra ċċitati mill-Kunsill, jiġifieri l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 11 u l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 21 tar-Regolamenti tal-Persunal, għandu jiġi kkonstatat li dawn ma humiex koperti mid-deċiżjoni tat-2 ta’ Lulju 2018 b’tali mod li ma setgħux jaġixxu bħala bażi legali. Fi kwalunkwe każ, għandu jiġi nnotat li lanqas ma għandhom l-għan li jiddefinixxu l-portata tal-limitazzjoni tal-eżerċizzju tad-dritt tal-istrajk fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 66 iktar’ il fuq.

80      L-istess japplika għad-dmir ta’ premura, invokat ukoll mill-Kunsill, li, skont il-ġurisprudenza, jirrifletti l-bilanċ tad-drittijiet u tal-obbligi reċiproċi fir-relazzjonijiet bejn l-awtorità pubblika u l-membri tal-persunal tas-servizz pubbliku u jimplika b’mod partikolari li, meta tiddeċiedi dwar is-sitwazzjoni ta’ uffiċjal, l-awtorità tieħu inkunsiderazzjoni l-elementi kollha li jistgħu jiddeterminaw id-deċiżjoni tagħha u li, b’dan il-mod, hija tieħu inkunsiderazzjoni mhux biss l-interess tas-servizz, iżda wkoll, b’mod partikolari, dak tal-uffiċjal ikkonċernat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-13 ta’ Diċembru 2017, Arango Jaramillo et vs BEI, T-482/16 RENV, EU:T:2017:901, punt 131 (mhux ippubblikata) u l-ġurisprudenza ċċitata). Fuq dan il-punt, għandu jiġi nnotat li għalkemm, b’applikazzjoni ta’ tali prinċipju, l-awtorità pubblika hija obbligata tieħu inkunsiderazzjoni mhux biss l-interess tal-uffiċjal, iżda wkoll dak tas-servizz, hija ma tistax, sabiex tagħmel dan, tadotta deċiżjonijiet barra minn kull kuntest legali. Għaldaqstant, tali argument jista’ jiġi biss miċħud.

81      Minn dak kollu li ntqal iktar’ il fuq jirriżulta li l-miżuri ta’ ordni inkwistjoni jirrappreżentaw limitazzjoni għad-dritt ta’ strajk li ma kienx previst mil-liġi. Id-deċiżjoni tat-2 ta’ Lulju 2018 għandha għalhekk tiġi annullata, sa fejn tikser dan id-dritt fundamentali, mingħajr ma huwa neċessarju li jiġu eżaminati ż-żewġ kundizzjonijiet l-oħra stabbiliti mill-Artikolu 52(1) tal-Karta, imfakkra fil-punti 61 u 62 iktar’ il fuq, u l-motivi l-oħra mqajma mir-rikorrenti.

 Fuq it-talbiet għal kumpens

82      Ir-rikorrenti jsostnu, essenzjalment, li l-illegalitajiet imqajma insostenn tat-talbiet għal annullament tagħhom jikkostitwixxu daqstant żbalji li, meħuda waħedhom jew flimkien, huma ta’ natura li jagħtu lok għar-responsabbiltà tal-Parlament. Huma jaffermaw li sofrew dannu morali minħabba dawn in-nuqqasijiet.

83      Il-Parlament jikkunsidra li huwa ma wettaq ebda illegalità fil-proċedura ta’ ordni għall-l-interpreti u għall-interpreti tal-konferenzi. Huwa jżid li, filwaqt li huma għandhom jippruvaw ir-realtà tad-dannu subit, ir-rikorrenti ma jippreċiżawx liema dannu morali allegatament sofrew.

84      Preliminarjament, għandu jitfakkar li r-rikors għal annullament u r-rikors għad-danni huma rimedji awtonomi. Peress li l-Artikoli 90 u 91 tar-Regolamenti tal-Persunal ma jagħmlu ebda distinzjoni bejn dawn iż-żewġ rikorsi, fir-rigward tal-proċedura kemm amministrattiva kif ukoll kontenzjuża, l-uffiċjal jista’ jagħżel, minħabba l-awtonomija ta’ dawn ir-rimedji legali distinti, kemm wieħed, kif ukoll l-ieħor, jew it-tnejn flimkien, bil-kundizzjoni li jressaq kawża quddiem il-qorti tal-Unjoni fit-terminu ta’ tliet xhur wara ċ-ċaħda tal-ilment tiegħu (ara s-sentenza tas-18 ta’ Settembru 2018, Barroso Truta et vs Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, T-702/16 P, EU:T:2018:557, punt 66 u l-ġurisprudenza ċċitata).

85      Madankollu, il-ġurisprudenza stabbilixxiet eċċezzjoni għal dan il-prinċipju, meta l-azzjoni għad-danni tinvolvi rabta stretta mal-azzjoni għall-annullament, li sejra jew tista’ tkun, barra minn hekk, iddikjarata inammissibbli. Għalhekk, it-talbiet għad-danni huma inammissibbli meta l-azzjoni għad-danni tkun intiża esklużivament sabiex jiġu kkumpensati l-konsegwenzi tal-att li kien imsemmi fl-azzjoni għal annullament li seta’ ġie jew ġie ddikjarat inammissibbli (ara s-sentenza tat-18 ta’ Settembru 2018, Barroso Truta et vs Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, T-702/16 P, EU:T:2018:557, punt 67 u l-ġurisprudenza ċċitata).

86      F’dan il-każ, ir-rikorrenti jitolbu li jiġu kkumpensati għad-dannu subit minħabba l-illegalitajiet imwettqa mill-Parlament bl-adozzjoni kemm tad-deċiżjoni tat-2 ta’ Lulju 2018 kif ukoll tad-deċiżjonijiet sussegwenti għall-preżentata tar-rikors. Issa, mill-punti 38 sa 46 iktar’ il fuq jirriżulta li dan ir-rikors huwa inammissibbli sa fejn huwa dirett kontra d-deċiżjonijiet ta’ wara l-preżentata tar-rikors. Konsegwentement, dawn it-talbiet għal kumpens, sa fejn huma intiżi għall-kundanna tal-Parlament sabiex jikkumpensa lir-rikorrenti minħabba d-deċiżjonijiet ta’ wara l-preżentata tar-rikors, huma inammissibbli u jistgħu biss jiġu miċħuda.

87      Fir-rigward tat-talbiet għad-danni intiżi għall-kumpens tad-dannu subit minħabba d-deċiżjoni tat-2 ta’ Lulju 2018, għandu jitfakkar li, konformement ma’ ġurisprudenza stabbilita, l-istabbiliment tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni, fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE, huwa suġġett għall-eżistenza ta’ numru ta’ kundizzjonijiet, jiġifieri l-illegalità tal-aġir li bih hija akkużata l-istituzzjoni tal-Unjoni, ir-realtà tad-dannu u l-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn l-aġir ta’ din l-istituzzjoni u d-dannu invokat (ara s-sentenza tal-20 ta’ Settembru 2016, Ledra Advertising et vs Il-Kummissjoni u BĊE, C-8/15 P sa C-10/15 P, EU:C:2016:701, punt 64 u l-ġurisprudenza ċċitata).

88      Barra minn hekk, il-kontenzjuż fil-qasam tas-servizz pubbliku skont l-Artikolu 270 TFUE u l-Artikoli 90 u 91 tar-Regolamenti tal-Persunal, inkluż dak intiż għall-kumpens ta’ dannu kkawżat lil uffiċjal jew lil membru tal-persunal, jissodisfa r-regoli partikolari u speċjali b’kuntrast ma’ dawk li jirriżultaw mill-prinċipji ġenerali li jirregolaw ir-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni fil-kuntest tal-Artikolu 268 KE u tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE. Fil-fatt, jirriżulta b’mod partikolari mir-Regolamenti tal-Persunal li, b’differenza ma’ kull individwu ieħor, l-uffiċjal jew il-membru tal-persunal tal-Unjoni huwa marbut mal-istituzzjoni jew mal-korp li huwa jiddependi minnu permezz ta’ relazzjoni legali ta’ impjieg li tinvolvi ekwilibriju ta’ drittijiet u ta’ obbligi reċiproċi speċifiċi, li huwa rifless mid-dmir ta’ premura tal-istituzzjoni fir-rigward tal-persuna kkonċernata (ara s-sentenza tat-16 ta’ Diċembru 2010, Il-Kummissjoni vs Petrilli, T-143/09 P, EU:T:2010:531, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata). Minn dan isegwi li s-sempliċi konstatazzjoni ta’ illegalità hija suffiċjenti sabiex tiġi kkunsidrata bħala ssodisfatta l-ewwel waħda mit-tliet kundizzjonijiet neċessarji għall-istabbiliment tar-responsabbiltà tal-Unjoni għad-danni kkawżati lill-uffiċjali u lill-membri tal-persunal tagħha minħabba ksur tad-dritt tas-servizz pubbliku tal-Unjoni (sentenza tat-12 ta’ Lulju 2011, Il-Kummissjoni vs Q, T-80/09 P, EU:T:2011:347, punt 45).

89      F’dan il-każ, mill-punti 72 sa 81 iktar ’il fuq jirriżulta li d-deċiżjoni tat-2 ta’ Lulju 2018 hija illegali u għandha tiġi annullata.

90      Ċertament, skont ġurisprudenza stabbilita, meta t-talbiet għad-danni jkunu bbażati fuq l-illegalità tal-att annullat, l-annullament iddikjarat mill-Qorti Ġenerali jikkostitwixxi, fih innifsu, kumpens adegwat u, bħala prinċipju, suffiċjenti għal kull dannu morali li r-rikorrenti setgħet ġarrbet (ara s-sentenza tas-18 ta’ Settembru 2015, Wahlström vs Frontex, T-653/13 P, EU:T:2015:652, punt 82 u l-ġurisprudenza ċċitata).

91      Madankollu, ġie deċiż li l-annullament ta’ att, meta jkun imċaħħad minn kull effett utli, ma jistax jikkostitwixxi fih innifsu l-kumpens adegwat u suffiċjenti għal kull dannu morali kkawżat mill-att annullat (sentenza tat-18 ta’ Settembru 2015, Wahlström vs Frontex, T-653/13 P, EU:T:2015:652, punt 83).

92      Issa, f’dan il-każ, huwa paċifiku li d-deċiżjoni tat-2 ta’ Lulju 2018 eżawriet l-effetti kollha tagħha. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-annullament ta’ din id-deċiżjoni mhux ser jikkostitwixxi kumpens adegwat u suffiċjenti għad-dannu morali subit mir-rikorrenti.

93      Għaldaqstant, għandu jiġi ddeterminat jekk ir-rikorrenti, minbarra l-illegalità msemmija fil-punt 89 iktar ’il fuq li tikkostitwixxi nuqqas ta’ natura li tagħti lok għar-responsabbiltà tal-Parlament, urewx l-eżistenza ta’ dannu marbut ma’ dan in-nuqqas.

94      F’dan il-każ, mill-punti 72 sa 81 iktar’ il fuq jirriżulta li, minħabba d-deċiżjoni tat-2 ta’ Lulju 2018, ir-rikorrenti ġew ordnati jipprovdu servizzi minimi għall-ġurnata tat-3 ta’ Lulju 2018 fin-nuqqas ta’ kull bażi legali li tawtorizza lill-Parlament jipproċedi għal tali miżuri u, konsegwentement, ma setgħux jeżerċitaw id-dritt tagħhom ta’ strajk matul it-terminu tal-ordnijiet. Barra minn hekk, dawn l-ordnijiet saru tard, peress li r-rikorrenti ġew informati biss lejliet filgħaxija tal-ġurnata tal-implimentazzjoni tagħhom. Dawn iċ-ċirkustanzi, għall-inqas ta’ dispjaċir, ikkawżaw dannu morali b’rabta diretta mal-illegalità li biha hija vvizzjata d-deċiżjoni tat-2 ta’ Lulju 2018.

95      F’dawn iċ-ċirkustanzi, issir evalwazzjoni ġusta tad-dannu jekk il-Parlament jiġi kkundannat iħallas lil kull waħda mir-rikorrenti ordnati bid-deċiżjoni tat-2 ta’ Lulju 2018, jiġifieri Barbara Carli-Ganotis, Claudine de Seze, Maria Corina Diaconu Olszewski, Maria Provata, Irène Sevastikoglou u Benedetta Tissi, is-somma ta’ EUR 500.

 Fuq l-ispejjeż

96      Skont l-Artikolu 134(2) tar-Regoli tal-Proċedura, jekk ikun hemm iktar minn parti waħda li titlef il-kawża, il-Qorti Ġenerali għandha tiddeċiedi dwar kif għandhom jinqasmu l-ispejjeż.

97      Minn naħa, peress li l-Parlament tilef, hemm lok li huwa jiġi kkundannat ibati l-ispejjeż tiegħu kif ukoll dawk sostnuti mir-rikorrenti ordnati jipprovdu servizzi minimi permezz tad-deċiżjoni tat-2 ta’ Lulju 2018, inklużi dawk relatati mal-proċeduri għal miżuri provviżorji u dawk relatati mal-intervent tal-Kunsill. Min-naħa l-oħra, għandu jiġi deċiż li r-rikorrenti ordnati mid-deċiżjonijiet ta’ wara l-preżentata tar-rikors, li wkoll tilfu, għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.

98      Barra minn hekk, skont l-Artikolu 138 tar-Regoli tal-Proċedura, l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet li jintervjenu fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom. Il-Kunsill għandu jbati l-ispejjeż tiegħu.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla Estiża)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Id-deċiżjoni tat-2 ta’ Lulju 2018 tad-Direttur Ġenerali tal-Persunal tal-Parlament dwar ordni lill-interpreti u interpreti ta’ konferenza bi strajk jipprovdu servizzi minimi u ta’ interpreti għat-3 ta’ Lulju 2018 hija annullata.

2)      Il-Parlament huwa kkundannat iħallas lil kull waħda minn Carli-Ganotis Barbara, de Seze Claudine, Diaconu Olszewski Maria Corina, Provata Maria, Sevastikoglou Irène u Tissi Benedetta, is-somma ta’ EUR 500.

3)      Ir-rikors huwa miċħud għall-bqija.

4)      Il-Parlament għandujibati l-ispejjeż tiegħu kif ukoll dawk sostnuti mir-rikorrenti ordnati jipprovdu servizzi minimi permezz tad-deċiżjoni tat-2 ta’ Lulju 2018, inklużi dawk relatati mal-proċeduri għal miżuri provviżorji u dawk relatati mal-intervent tal-Kunsill.

5)      Ir-rikorrenti ordnati jipprovdu servizzi minimi permezz tad-deċiżjonijiet wara l-preżentata tar-rikors għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom stess.

6)      Il-Kunsill għandu jbati l-ispejjeż tiegħu stess.

Van der Woude

Papasavvas

Spielmann

Csehi

 

      Spineanu-Matei

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fid-29 ta’ Jannar 2020.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.


1      Il-lista tar-rikorrenti l-oħrajn hija annessa biss mal-verżjoni nnotifikata lill-partijiet.