Language of document : ECLI:EU:C:2011:581

Kawża C-310/09

Ministre du Budget, des Comptes publics et de la Fonction publique

vs

Accor SA

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Conseil d’État (Franza))

“Moviment liberu tal-kapital — Trattament fiskali tad-dividendi — Leġiżlazzjoni nazzjonali li tikkonferixxi kreditu ta’ taxxa fir-rigward ta’ dividendi mqassma mis-sussidjarji stabbiliti fl-Istat ta’ residenza ta’ kumpannija parent — Rifjut ta’ kreditu ta’ taxxa għad-dividendi mqassma mis-sussidjarji mhux residenti — Ridistribuzzjoni ta’ dividendi mill-kumpannija parent lill-azzjonisti tagħha — Tpaċija tal-kreditu ta’ taxxa mat-taxxa f’ras il-għajn dovuta mill-kumpannija parent waqt ir-ridistribuzzjoni — Rifjut li titħallas lura t-taxxa f’ras il-għajn imħallsa mill-kumpannija parent — Arrikkiment indebitu — Provi mitluba fir-rigward tat-tassazzjoni tas-sussidjarji mhux residenti”

Sommarju tas-sentenza

1.        Moviment liberu tal-persuni — Libertà ta’ stabbiliment — Moviment liberu tal-kapital — Leġiżlazzjoni fiskali — Taxxa fuq il-kumpanniji

(Artikoli 49 TFUE u 63 TFUE)

2.        Dritt tal-Unjoni — Effett dirett — Taxxi nazzjonali li huma inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni — Ħlas lura — Rifjut — Kundizzjoni — Taxxa direttament imputata fuq ix-xerrej

3.        Moviment liberu tal-kapital — Restrizzjonijiet — Leġiżlazzjoni fiskali — Taxxa fuq id-dividendi

(Artikolu 63 TFUE)

1.        L-Artikoli 49TFUE u 63 TFUE jipprekludu leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li għandha l-għan li telimina t-taxxa ekonomika doppja tad-dividendi, li tippermetti lil kumpannija parent tattribwixxi fuq it-taxxa f’ras il-għajn, li hija għandha tħallas waqt ir-ridistribuzzjoni lill-azzjonisti tagħha tad-dividendi mħallsa mis-sussidjarji tagħha, il-kreditu tat-taxxa marbut mad-distribuzzjoni ta’ dawn id-dividendi jekk dawn ikunu ġejjin minn sussidjarja stabbilita f’dan l-Istat Membru, iżda ma toffrix din il-possibiltà fil-każ li d-dividendi msemmija jkunu ġejjin minn sussidjarja stabbilita fi Stat Membru ieħor, peress li tali leġiżlazzjoni ma tagħtix id-dritt, f’din l-aħħar ipoteżi, għall-għoti ta’ kreditu ta’ taxxa marbut mad-distribuzzjoni tal-imsemmija dividendi minn din is-sussidjarja.

(ara l-punt 69 u d-dispożittiv 1)

2.        Id-dritt tal-Unjoni jipprekludi, fil-każ li sistema fiskali nazzjonali li għandha l-għan li telimina t-taxxa ekonomika doppja tad-dividendi minnha nnifisha ma timplikax il-ġbir mingħand terz tat-taxxa dovuta b’mod indebitu mill-persuna suġġetta għaliha, li Stat Membru jirrifjuta r-rimbors tas-somom imħallsa mill-kumpannija parent, jew minħabba li dan il-ħlas lura jimplika arrikkiment indebitu fil-konfront ta’ din tal-aħħar, jew għaliex is-somma mħallsa mill-kumpannija parent ma tikkostitwixxix, għaliha, spiża ta’ kontabbiltà jew fiskali, iżda titnaqqas mis-somom kollha li jistgħu jitqassmu mill-ġdid lill-azzjonisti tagħha.

L-unika eċċezzjoni għad-dritt tar-rimbors tat-taxxi miġbura bi ksur tad-dritt tal-Unjoni tirrigwarda l-ipoteżi fejn taxxa mhux dovuta kienet ġiet direttament imputata mill-persuna taxxabbli fuq ix-xerrej.

(ara l-punti 74, 76 u d-dispożittiv 2)

3.        Il-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività ma jipprekludux li rifużjoni lil kumpannija parent tas-somom li jistgħu jiggarantixxu l-applikazzjoni tal-istess sistema fiskali għad-dividendi mqassma mis-sussidjarji tagħha stabbiliti fi Stat Membru u għal dawk li huma mqassma mis-sussidjarji ta’ dik il-kumpannija stabbiliti fi Stati Membri oħra, li jagħtu lok għar-ridistribuzzjoni min-naħa tal-imsemmija kumpannija parent, tkun suġġetta għall-kundizzjoni li l-persuna taxxabbli tressaq il-provi li huma fil-pussess tagħha biss u li b’mod partikolari jirrigwardaw, għal kull wieħed mid-dividendi fil-kontroversja, ir-rata ta’ taxxa effettivament applikata u l-ammont tat-taxxa effettivament imħallas fir-rigward tal-profitti magħmula mis-sussidjarji stabbiliti fl-Istati Membri l-oħra, filwaqt li, fir-rigward tas-sussidjarji stabbiliti fl-imsemmi Stat Membru, dawn l-istess provi, magħrufa mill-amministrazzjoni, ma jkunux meħtieġa. Madankollu, il-produzzjoni ta’ dawn il-provi tista’ tkun meħtieġa biss bil-kundizzjoni li ma jkunx prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli li titressaq il-prova tal-ħlas tat-taxxa min-naħa tas-sussidjarji stabbiliti fl-Istati Membri l-oħra, b’mod partikolari fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni ta’ dawn l-Istati Membri dwar il-prevenzjoni tat-taxxa doppja u dwar ir-reġistrazzjoni tat-taxxa fuq il-kumpanniji li għandha titħallas, kif ukoll dwar il-konservazzjoni tad-dokumenti amministrattivi. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk dawn il-kundizzjonijiet ġewx sodisfatti.

(ara l-punt 102 u d-dispożittiv 3)