Language of document : ECLI:EU:T:2011:764

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla)

16 ta’ Diċembru 2011 (*)

“Dumping – Importazzjoni ta’ ċerti briks tal-manjeżja li joriġinaw miċ-Ċina – Regolament li jagħlaq eżami mill-ġdid interim – Paragun bejn il-valur normali u l-prezz tal-esportazzjoni – Kunsiderazzjoni tat-taxxa fuq il-valur miżjud tal-pajjiż tal-oriġini – Applikazzjoni ta’ metodu differenti minn dak użat fl-investigazzjoni inizjali – Bdil fiċ-ċirkustanzi – Artikolu 2(10)(b) u Artikolu 11(9) tar-Regolament (KE) Nru 384/96 [li saru l-Artikolu 2(10)(b) u Artikolu 11(9) tar-Regolament (KE) Nru 1225/2009]”

Fil-Kawża T‑423/09,

Dashiqiao Sanqiang Refractory Materials Co. Ltd, stabbilita f’Dashiqiao (iċ‑Ċina), irrappreżentata minn J.-F. Bellis u R. Luff, avukati,

rikorrenti,

vs

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentat inizjalment minn J.-P. Hix, sussegwentement minn J.-P. Hix u B. Driessen, bħala aġenti, assistiti inizjalment minn G. Berrisch u G. Wolf, sussegwentement minn G. Berrisch, avukati

konvenut,

sostnuta minn

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn É. Gippini Fournier u H. van Vliet, bħala aġenti,

intervenjenti,

li għandha bħala suġġett talba għal annullament tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 826/2009 tas-7 ta’ Settembru 2009 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1659/2005 li jimponi dazju anti-dumping definittiv fuq l-importazzjoni ta’ ċerti briks tal-manjeżja li joriġinaw fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (ĠU L 240, p. 7), sa fejn id-dazju antidumping li huwa stabbilit fir-rigward tar-rikorrenti jeċċedi dak li jkun applikabbli kieku kien stabbilit fuq il-bażi tal-metodu ta’ kalkolu applikat fl-investigazzjoni inizjali sabiex jiġi kkunsidrat in-nuqqas ta’ rimbors tat-taxxa fuq il-valur miżjud Ċiniża fuq l-esportazzjoni,

IL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla),

komposta minn J. Azizi (Relatur), President tal-Awla, V. Vadapalas u S. Frimodt Nielsen, Imħallfin,

Reġistratur: V. Nagy, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-14 ta’ Ġunju 2011,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-kuntest ġuridiku

1        Il-leġiżlazzjoni bażika antidumping hija kkostitwita mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 384/96, tat-22 ta’ Diċembru 1995, dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 11, Vol. 10, p. 45) kif emendat (iktar ’il quddiem ir-“regolament bażiku”) [issostitwit bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009, tat-30 ta’ Novembru 2009, dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (ĠU L 343, p. 51, rettifika ĠU 2010, L 7, p. 22)].

2        L-Artikolu 2(1), (8) u (10) tar-regolament bażiku [li sar l-Artikolu 2(1), (8) u (10) tar-Regolament Nru 1225/2009], kif applikabbli għall-każ preżenti, jipprovdi b’mod partikolari:

“1. Il-valur normali għandu normalment ikun ibbażat fuq il-prezzijiet imħallsa jew pagabbli, fit-tmexxija ordinarja tal-kummerċ, minn klijenti indipendenti mill-pajjiż esportatur.

[…]

8. Il-prezz fuq l-esportazzjoni għandu jkun il-prezz attwalment imħallas jew li għandu jitħallas għall-prodott meta mibjugħ għall-esportazzjoni mill-pajjiż ta’ l-esportazzjoni lill-Komunità.

[…]

10. Għandu jsir paragun xieraq bejn il-prezz ta’ l-esportazzjoni u l-valur normali. Dan il-paragun għandu jsir fl-istess livell tal-kummerċ u fejn għandhom x’jaqsmu l-bejgħ magħmula, kemm jista’ jkun kważi fl-istess ħin, u b’kont dovut meħud ta’ differenzi oħra li jaffettwaw il-paragun tal-prezz. Fejn il-valur normali u l-prezz ta’ l-esportazzjoni kif stabbiliti mhumiex fuq bażi daqshekk komparabbli għandu jkun hemm disposizzjoni, f’forma ta’ aġġustamenti, f’kull każ, fuq il-merti tiegħu, għal differenzi fil-fatturi li huma pretiżi, u murija, li jaffettwaw il-prezzijiet u l-paragun tal-prezzijiet. Kwalunkwe duplikazzjoni meta jsiru l-aġġustamenti għandha tiġi evitata, b’mod partikolari fejn jidħlu tnaqqis, ribassi, kwantitajiet u l-livell tal-kummerċ. Fejn il-kondizzjonijiet speċifikati huma milħuqa, il-fatturi li għalihom jista jsir aġġustament huma mniżżla kif ġej:

[…]

(b) Ħlas fuq l-importazzjoni u taxxi indiretti

Għandu jsir aġġustament għall-valur normali għal ammont li jikkorrispondi ma’ kwalunkwe ħlas fuq l-importazzjoni jew taxxi indiretti li jiġu mħallsa fuq il-prodott simili u minn materjali fiżikament inkorporati hemmhekk, meta maħsuba għal konsum fil-pajjiż ta’ esportazzjoni u mhux miġbura jew mogħtija lura fejn għandu x’jaqsam il-prodott esportat lill-Komunità.

[…]

(k) Fatturi oħra

Aġġustament jista’ jsir ukoll għal differenzi f’fatturi oħra li ma jkunux previsti taħt is-subparagrafi minn (a) sa (j) jekk jiġi ippruvat li dawn jeffettwaw il-komparabilità fil-prezzijiet kif meħtieġ skond dan il-paragrafu, b’mod partikolari li x-xerrejja jħallsu regolarment prezzijiet differenti fis-suq domestiku minħabba d-differenza f’fatturi ta’ din ix-xorta.”

3        L-Artikolu 11(3) u (9) tar-regolament bażiku [li sar l-Artikolu 11(3) u (9) tar-Regolament Nru 1225/2009], kif applikabbli għall-każ preżenti, jipprovdi b’mod partikolari:

“3. Il-bżonn ta’ l-impożizzjoni kontinwa ta’ miżuri tista’ tiġi riveduta wkoll, fejn garantita, fuq l-inizjattiva tal-Kummissjoni jew fuq it-talba ta’ Stat Membru, jew sakemm ikun għadda perjodu raġjonevoli ta’ mill-inqas sena mill-impożizzjoni tal-miżura definittiva, fuq talba minn kwalunkwe esportatur jew importatur jew mill-produtturi tal-Komunità li jkun fiha biżżejjed evidenza li tissostanzja l-bżonn għal reviżjoni [eżami mill-ġdid] interim bħal din.

[…]

9. Fl-investigazzjonijiet kollha ta’ reviżjoni jew ta’ rifużjoni imwettqa skond dan l-Artikolu, il-Kummissjoni għandha, sakemm iċ-ċirkustanzi ma jkunux tbiddlu, tapplika l-istess metodoloġija bħal fl-investigazzjoni li wasslet għad-dazju, waqt li tingħata l-attenzjoni dovuta għall-Artikolu 2, u b’mod partikolari għall-paragrafi 11 u 12 tiegħu, u għall-Artikolu 17.”

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

 Ir-regolamenti antidumping rilevanti

4        Fil-11 ta’ April 2005, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej adottat ir-Regolament (KE) Nru 552/2005 li jistabbilixxi dazji provviżorji antidumping fuq l-importazzjoni ta’ ċerti briks tal-manjeżja li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (ĠU L 93, p. 6), li, b’mod partikolari, jistabbilixxi dazju provviżorju antidumping ta’ 66.1 % applikabbli għall-importazzjonijiet fil-Komunità Ewropea ta’ ċerti briks tal-manjeżja prodotti mir-rikorrenti, Dashiqiao Sanqiang Refractory Materials Co. Ltd.

5        Permezz tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1659/2005, tas-6 ta’ Ottubru 2005, li jimponi dazju anti-dumping definittiv u li jiġbor b’mod definittiv id-dazju provviżorju impost fuq l-importazzjoni ta’ ċerti briks tal-manjeżja li joriġinaw fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (ĠU L 267, p. 1), il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, b’mod partikolari, stabbilixxa dazju antidumping definittiv ta’ 27.7 % applikabbli għall-importazzjoni fil-Komunità ta’ ċerti briks tal-manjeżja prodotti mir-rikorrenti.

6        Fuq talba tar-rikorrenti, ir-Regolament Nru 1659/2005 kien is-suġġett ta’ eżami mill-ġdid interim parzjali taħt l-Artikolu 11(3) tar-regolament bażiku [li sar l-Artikolu 11(3) tar-Regolament Nru 1225/2009]. Taħt din l-eżami mill-ġdid, il-Kunsill adotta r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 826/2009 tas-7 ta’ Settembru 2009 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1659/2005 (ĠU L 240, p. 7, iktar ’il quddiem ir-“regolament ikkontestat”), li permezz tiegħu, id-dazju antidumping applikabbli għall-importazzjoni ta’ ċerta briks tal-manjeżja prodotti mir-rikorrenti tnaqqas għar-rata ta’ 14.4 %.

 Il-leġiżlazzjoni Ċiniża fuq il-VAT

7        Il-leġiżlatur Ċiniż kien stabbilixxa sistema ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) li kienet tikkonsisti f’li tinġabar VAT ta’ 17 %, bħala prinċipju, għall-bejgħ kollu li jsir kemm fis-suq domestiku kif ukoll għall-esportazzjoni. Madankollu, filwaqt li l-bejjiegħ kien responsabbli għall-VAT kollha għall-bejgħ li sar fis-suq domestiku, il-VAT fuq il-bejgħ għall-esportazzjoni setgħet tkun is-suġġett ta’ rimbors sħiħ favur tiegħu.

8        Fl-investigazzjoni inizjali li kienet tkopri l-perijodu bejn l-1 ta’ April 2003 u l-31 ta’ Marzu 2004 u li wasslet għall-adozzjoni tar-Regolament Nru 1659/2005, il-VAT applikabbli għall-bejgħ fuq l-esportazzjoni tal-briks tal-manjeżja kienet irrimborsata parzjalment lill-bejjiegħ/esportatur, jiġifieri rispettivament sa 15 % fl-2003 u sa’ 13 % fl-2004. Imbagħad, fil-perijodu ta’ investigazzjoni koperta mill-proċedura ta’ eżami mill-ġdid li wasslet għall-adozzjoni tar-regolament ikkontestat, jiġifieri bejn l-1 ta’ Jannar 2007 u l-31 Marzu 2008, ir-rata tar-rimbors tal-VAT għall-bejgħ għall-esportazzjoni ta’ briks tal-manjeżja tnaqqset għal żero.

 Il-proċeduri amministrattivi

9        Fl-investigazzjoni inizjali, il-Kummissjoni pproċediet b’paragun bejn il-valur normali u l-prezz tal-esportazzjoni, li huwa sunt bil-mod segwenti fil-premessi 61 u 62 tar-Regolament Nru 552/2005, li saret referenza għalihom fil-premessa 9 tar-Regolament Nru 826/2009:

“(61) Il-valur normali u l-prezzijiet tal-esportazzjoni ġew ipparagunati fuq bażi ex-works u fl-istess stadju kummerċjali. Għall-finijiet ta’ paragun ekwu bejn il-valur normali u l-prezz tal-esportazzjoni, ġew ikkunsidrati, b’mod konformi mal-Artikolu 2(10) tar-regolament bażiku, id-differenzi li ġew allegati u ppruvati li jaffettwaw il-prezzijiet u l-komparabbiltà tagħhom.

(62) Fuq din il-bażi, saru aġġustamenti għad-differenzi tal-ispejjeż tat-trasport, l-assigurazzjoni, tal-manutenzjoni, tat-tagħbija u ta’ spejjeż addizzjonali, tal-ispejjeż ta’ kreditu, tal-kummissjonijiet, taxxi fuq l-importazzjoni u tal-ispejjeż wara l-bejgħ (garanziji).” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

10      Fir-risposta, il-Kunsill spjega dan l-approċċ tal-istituzzjonijiet fl-investigazzjoni inizjali bil-mod segwenti. Wara li kkonstataw li r-rimbors tal-VAT għall-bejgħ għall-esportazzjoni ta’ briks tal-manjeżja kien kważi totali, l-istituzzjonijiet iddeċidew “li jużaw għall-paragun mal-prezzijiet tal-esportazzjoni valur normali nett ta’ VAT, bħal likieku l-prezz għall-esportazzjoni kien fil-fatt eżenti mill-VAT kollha, u li jitnaqqas dan il-prezz mill-ammont ta[l-] VAT mhux rimborsabbli”. Il-Kunsill ippreċiża li anki jekk, “taħt l-Artikolu 2(10)[b), tar-regolament bażiku,] kien iktar konservattiv li [jinżamm] fil-valur normali, rata ta’ VAT proporzjonali għal dik applikabbli għall-bejgħ għall-esportazzjoni wara rimbors u li ma titnaqqasx il-VAT li jifdal tal-prezz ta’ dawn tal-aħħar”, huwa kien ikkunsidra li, “fir-rigward tar-rata baxxa ta’ VAT applikabbli għall-bejgħ għall-esportazzjoni (viċin żero) wara rimbors mill-awtoritajiet fiskali Ċiniżi fl-investigazzjoni inizzjali, […] kien amministrattivament iktar prattiku li sempliċement jiġi eliminat dan il-VAT mill-prezzijiet għall-esportazzjoni”.

11      Fis-seduta, ir-rikorrenti ppreżentat dokument mhux datat, intitolat “Informazzjoni speċifika definittiva” (Specific definitive disclosure), li minnu jirriżulta li l-prezz għall-esportazzjoni ġie effettivament aġġustat bil-mod deskritt mill-Kunsill. Wara li nstemgħu l-partijiet, dan id-dokument iddaħħal fl-atti, u dan l-att tniżżel fil-proċess verbal tas-seduta. Minbarra dan, il-Kunsill indika, fis-seduta, li l-istituzzjonijiet b’hekk jikkunsidraw li l-approċċ fl-investigazzjoni inizjali ma kienx konformi mal-Artikolu 2(10)(b) tar-regolament bażiku [li sar l-Artikolu 2(10)(b) tar-Regolament Nru 1225/2009], peress li din id-dispożizzjoni kienet tipprovdi biss għal aġġustament tal-valur normali u mhux tal-prezz għall-esportazzjoni u li aġġustament ta’ dan il-prezz kellu jkun ibbażat fuq l-Artikolu 2(10)(k) tal-istess regolament [li sar l-Artikolu 2(10)(k) tar-Regolament Nru 1225/2009].

12      Fil-15 ta’ Lulju 2009, il-Kummissjoni kkomunikat lir-rikorrenti dokument intitolat “Informazzjoni ġenerali Dokument R453” (General Disclosure Document R453), li fih indikat, dwar is-suġġett tal-metodu tal-paragun bejn il-valur normali u l-prezz għall-esportazzjoni applikat fil-proċedura ta’ eżami mill-ġdid, taħt il-punt B.4 tal-imsemmi dokument, intitolat “Paragun”, hekk kif ġej:

“Il-valur normali medju u l-prezz medju għall-esportazzjoni ġew ipparagunati, għal kull tip ta’ prodott ikkonċernat, fuq bażi ex-works u fl-istess stadju kummerċjali. Sabiex il-paragun bejn il-valur normali u l-prezz għall-esportazzjoni jkun ekwu, ġew ikkunsidrati, b’mod konformi mal-Artikolu 2(10) tar-regolament bażiku, differenzi kkostatati fil-fatturi fejn ġie sostnut u muri li huma jinfluwenzaw il-prezzijiet u l-komparabbiltà tagħhom. Għal dan il-għan, xi aġġustamenti ddestinati li jiġu kkunsidrati differenzi li jikkonċernaw l-ispejjeż tat-trasport, ta’ assigurazzjoni, ta’ manutenzjoni, ta’ tagħbija u ta’ kreditu, kif ukoll id-dazji antidumping effettivament imħallsa, ġew applikati fil-każijiet fejn huma kienu applikabbli u ġustifikati.

L-investigazzjoni ppermettiet li jiġi stabbilit li l-VAT imħallsa fuq il-bejgħ għall-esportazzjoni ma kinitx ġiet irrimborsata. Fl-investigazzjoni inizjali, il-VAT kienet tnaqqset kemm mill-valur normali kif ukoll mill-prezz tal-esportazzjoni sabiex il-prezz tal-esportazzjoni u l-valur normali jirreflettu l-istess livell ta’ taxxa indiretta. Madankollu huwa kkunsidrat, b’mod konformi mal-Artikolu 2(10)(b) tar-regolament bażiku, li l-metodoloġija applikabbli, f’każ ta’ nuqqas ta’ rimbors tat-taxxi indiretti fuq l-esportazzjoni, tikkonsisti f’li jiġi aġġustat il-valur normali tal-ammont tat-taxxi interni applikabbli meta l-prodott simili huwa mibjugħ sabiex ikun ikkunsmat fil-pajjiż esportatur. Konsegentement, il-valur normali ġie stabbilit b’kunsiderazzjoni tal-VAT imħallsa jew dovuta.”

13      F’dokument ieħor, intitolat “Anness II Dokument ta’ informazzjoni speċifika” (Annex II Specific Disclosure Document), ikkomunikat lir-rikorrenti fl-istess jum, il-Kummissjoni ppreċiżat, taħt il-punt 3.2 tal-imsemmi dokument, intitolat “Aġġustamenti – Valur normali”, hekk kif ġej:

“Aġġustamenti tal-valur normali seħħew għall-ispejjeż tat-trasport, ta’ assigurazzjoni, ta’ manutenzjoni, ta’ tagħbija u ta’ kreditu.

B’mod konformi mal-Artikolu 2(10)(b) tar-regolament bażiku, il-metodu applikabbli, f’każ ta’ nuqqas ta’ rimbors tat-taxxi indiretti fuq l-esportazzjoni, jikkonsisti fl-aġġustament tal-valur normali tal-ammont ta’ taxxi interni applikabbli meta l-prodott simili huwa mibjugħ sabiex jiġi kkunsmat fil-pajjiż esportatur. Konsegwentement, il-valur normali ġie stabbilit b’kunsiderazzjoni tal-VAT imħallsa jew dovuta. Ir-rata ta’ taxxa tal-VAT użata għal dan il-għan titla’ għal 17 %.”

14      Permezz ta’ ittra tal-24 ta’ Lulju 2009, ir-rikorrenti ppreżentat l-osservazzjonijiet tagħha fuq id-dokumenti previsti fil-punti 12 u 13 iktar ’il fuq u, b’mod partikolari, ikkontestat il-metodu “ġdid” ta’ paragun tal-prezz tal-esportazzjoni mal-valur normali fuq bażi ta’ “VAT inkluża”.

15      Fil-31 ta’ Lulju 2009, il-Kummissjoni kkomunikat lir-rikorrenti dokument intitolat “Orjentazzjonijiet tas-servizzi tal-Kummissjoni wara r-reazzjonijiet tiegħek għall-informazzjoni finali” (Orientations of the Commission’s services after your reactions to final disclosure), li fih kien indikat, taħt il-punt 3, b’mod partikolari, dan li ġej:

“Fl-informazzjoni mogħtija […] ġie indikat li l-investigazzjoni kienet ppermettiet li jiġi stabbilit li l-VAT imħallsa fuq il-bejgħ għall-esportazzjoni ma kinitx irritornata u li kemm il-prezz tal-esportazzjoni kif ukoll il-valur normali kienu stabbiliti b’kunsiderazzjoni tal-VAT imħallsa jew dovuta. Fl-osservazzjonijiet tiegħek tal-24 ta’ Lulju 2009, inti ssostni li dan l-apporċċ huwa illegali. Madankollu, l-argumenti tiegħek jirrikjedu r-rimarki segwenti:

L-ewwel nett, fir-rigward tal-argument li fl-investigazzjoni inizjali ntużat metodoloġija oħra (jiġifieri t-tnaqqsi tal-VAT kemm mill-valur normali u mill-prezz tal-esportazzjoni), ta’ min jenfasizza li ċ-ċirkustanzi li kienu applikabbli matul il-perjodu ta’ investigazzjoni tal-eżami mill-ġdid ma kinux l-istess bħal dawk applikabbli matul il-perjodu ta’ investigazzjoni inizjali. Filwaqt li fil-perjodu tal-investigazzjoni inizjali, il-VAT kienet parzjalment imħallsa lura, liema ħlas jirrikjedi aġġustament skont l-Artikolu 2(10), matul il-PIR, l-ebda VAT fuq il-bejgħ bl-esportazzjoni ma kienet imħallsa lura. Għaldaqstant, ma kien hemm bżonn l-ebda aġġustament fir-rigward ta’ VAT, la fir-rigward tal-prezz tal-esportazzjoni u lanqas fir-rigward tal-valur normali. Anki jekk dan jista’ jikkwalifika bħala bidla fil-metodoloġija, dan huwa ġġustifikat skont l-Artikolu 11(9) tar-regolament bażiku [li sar l-Artikolu 11(9) tar-Regolament Nru 1225/2009], billi ċ-ċirkustanzi nbidlu.”

16      Fl-aħħarnett, fil-premessi 29 sa 32 tar-regolament ikkontestat, li jidhru taħt il-punt 4, intitolat “It-tqabbil”, huwa indikat kif ġej:

“(29) Il-valur normali medju u l-prezz medju tal-esportazzjoni għal kull tip tal-prodott ikkonċernat tqabblu fuq bażi ex-works u fl-istess livell ta’ kummerċ u fl-istess livell ta’ tassazzjoni indiretta. Sabiex jiġi żgurat paragun imparzjali bejn il-valur normali u l-prezz tal-esportazzjoni, ittieħed kont, skont l-Artikolu 2(10) tar-regolament bażiku, tad-differenzi fil-fatturi li kienu affermati u ppruvati li jaffettwaw il-prezzijiet u l-komparabilità tal-prezzijiet. Għal dan il-għan, fejn kienu applikabbli u ġustifikati, saru aġġustamenti għall-ispejjeż tat-trasport, l-assigurazzjoni, il-miżati tal-maniġġ u t-tagħbija, l-ispejjeż tal-kreditu, u d-dazji tal-anti-dumping realment imħallsa.

(30)      L-investigazzjoni stabbiliet li l-VAT imħallsa fuq il-bejgħ bl-esportazzjoni ma kinitx irritornata (l-anqas parzjalment, kif kien il-każ fl-investigazzjoni oriġinali). Fir-rivelazzjoni pprovduta lill-applikant skont l-Artikolu 20 tar-regolament bażiku [li sar l-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 1225/2009], kien għalhekk indikat li kemm il-prezz tal-esportazzjoni u l-valur normali se jkunu stabbiliti fuq bażi ta’ VAT imħallsa jew pagabbli. L-applikant argumenta li dan l-approċċ ikun kontra l-liġi. Fir-rigward tal-argumenti tiegħu, wieħed jista’ jinnota dan li ġej.

(31)      L-ewwel nett, fir-rigward tal-argument li fl-investigazzjoni oriġinali ntużat metodoloġija oħra (jiġifieri t-tnaqqsi tal-VAT kemm mill-valur normali u mill-prezz tal-esportazzjoni), ta’ min jenfasizza li ċ-ċirkostanzi li kienu applikabbli matul il-perjodu ta’ investigazzjoni tar-reviżjoni (‘PIR’) ma kinux l-istess bħal dawk applikabbli matul il-perjodu ta’ investigazzjoni oriġinali. Filwaqt li fil-perjodu tal-investigazzjoni oriġinali, kif imsemmi hawn fuq, il-VAT kienet parzjalment imħallsa lura, liema ħlas jirrikjedi aġġustament skont l-Artikolu 2(10) [tar-regolament bażiku,], matul il-PIR, l-ebda VAT fuq il-bejgħ bl-esportazzjoni ma kienet imħallsa lura. Għaldaqstant, ma kien hemm bżonn l-ebda aġġustament fir-rigward ta’ VAT, la fir-rigward tal-prezz tal-esportazzjoni u lanqas fir-rigward tal-valur normali. Anke jekk dan jista’ jikkwalifika bħala bidla fil-metodoloġija, dan huwa ġġustifikat skont l-Artikolu 11(9) tar-regolament bażiku billi ċ-ċirkostanzi nbidlu.

(32)      It-tieni argument li qed jagħmel l-applikant huwa li l-metodu użat f’din ir-reviżjoni ikabbar il-marġni ta’ dumping b’mod artifiċjali. Dan l-argument ma jistax jiġi aċċettat. Il-metodu użat huwa newtrali. Dan għandu l-istess effett, anke jekk, pereżempju għal ċerti prodotti jew tranżazzjonijiet, il-kumpanija tbiegħ lill-Komunità bi prezz tal-esportazzjoni li ma jirriżultax f’dumping. Fi kliem ieħor, anke jekk wieħed jassumi li l-inklużjoni tal-VAT fuq iż-żewġ naħat iżżid id-differenza bejn iż-żewġ elementi, dan ikun il-każ anke għal dawk il-mudelli li għalihom ma kienx hemm dumping.”

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

17      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-22 ta’ Ottubru 2009, ir-rikorrenti ppreżentat din il-kawża.

18      Permezz ta’ att separat irreġistrat fir-reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-istess jum, ir-rikorrenti talbet, skont l-Artikolu 76a tar-Regoli tal-Proċedura, li tingħata deċiżjoni permezz ta’ proċedura mħaffa. Permezz ta’ ittra tad-9 ta’ Novembru 2009, il-Kunsill ressaq l-osservazzjonijiet tiegħu fir-rigward ta’ din it-talba. Permezz ta’ ittra tat-23 ta’ Novembru 2009, il-Qorti Ġenerali informat lir-rikorrenti dwar id-deċiżjoni tagħha li tiċħad it-talba għal proċedura mħaffa.

19      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-dazju antidumping impost fuqha mir-regolament ikkontestat sa fejn dan id-dazju jeċċedi dak li kien ikun applikabbli kieku ġie stabbilit skont il-metodu ta’ kalkolu applikat fl-investigazzjoni inizjali, b’mod konformi mal-Artikolu 2(10) tar-regolament bażiku, sabiex jiġi kkunsidrat in-nuqqas ta’ rimbors tal-VAT Ċiniża fuq l-esportazzjoni;

–        tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż.

20      Il-Kunsill jitlob lill-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

21      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fid-19 ta’ Jannar 2010, il-Kummissjoni talbet sabiex tintervjeni insostenn tat-talbiet tal-Kunsill. Permezz ta’ digriet tal-5 ta’ Marzu 2010, il-President tat-Tielet Awla tal-Qorti Ġenerali aċċetta dan l-intervent. Il-Kummissjoni ma ppreżentatx in-nota ta’ intervent tagħha fit-terminu mogħti.

22      Peress li membru tal-Awla ma setax jipparteċipa fid-deliberazzjoni, il-President tal-Qorti Ġenerali nnomina Imħallef, skont l-Artikolu 32(3) tar-Regoli tal-Proċedura, sabiex jikkompleta l-Awla.

23      Fuq rapport tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (L-Ewwel Awla) iddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali.

24      Is-sottomissjonijiet orali tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tal-14 ta’ Ġunju 2011.

 Id-dritt

 Sunt tal-motivi ta’ annullament

25      Ir-rikorrenti tinvoka żewġ motivi insostenn tar-rikors tagħha.

26      L-ewwel motiv huwa bbażat fuq ksur tal-Arikolu 2(10) tar-regolament bażiku, sa fejn dan it-tibdil tal-metodu jikser il-prinċipju tal-paragun ekwu bejn il-valur normali u l-prezz tal-esportazzjoni.

27      It-tieni motiv huw bbażat fuq ksur tal-Artikolu 11(9) tar-regolament bażiku, peress li, fil-kuntest tal-proċedura ta’ eżami mill-ġdid li wasslet għall-adozzjoni tar-regolament ikkontestat, il-Kummissjoni ma applikatx l-istess metodu bħal dak użat fl-investigazzjoni inizjali.

 Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 2(10) tar-regolament bażiku

28      Insostenn tal-ewwel motiv, ir-rikorrenti ssostni, essenzjalment, li, fl-investigazzjoni inizjali, il-Kummissjoni trattat in-nuqqas ta’ rimbors (parzjali) tal-VAT fuq l-esportazzjoni bħala spiża fuq l-esportazzjoni, peress li għandha bħala effett li tnaqqas id-dħul tal-esportatur mill-bejħ fuq l-esportazzjoni. Hija b’hekk naqqset mill-prezz tal-esportazzjoni l-ammont mhux rimborsabbli tal-VAT skont l-Artikolu 2(10) tar-regolament bażiku. Min-naħa l-oħra, fil-proċedura ta’ eżami mill-ġdid, il-Kummissjoni biddlet radikalment il-metodu.

29      Skont ir-rikorrenti, l-Artikolu 2(10)(b) tar-regolament bażiku ma huwiex applikabbli għall-każ preżenti. Din id-dispożizzjoni tipprovdi biss għall-eżenzjonijiet fiskali mogħtija minn ċerti Stati li permezz tagħhom xi dazji u taxxi miġbura upstream fuq l-inputs ikkunsmati fl-istadji differenti tal-produzzjoni ta’ prodott huma rrimborsati meta dan huwa esportat. F’każ bħal dan, il-valur normali jkun is-suġġett ta’ aġġustament fil-forma ta’ tnaqqis ta’ ammont li jikkorispondi għal rimbors tad-dazji u tat-taxxi inkwistjoni. Min-naħa l-oħra, din id-dispożizzjoni ma tapplikax għas-sitwazzjoni tal-każ preżenti li tikkonċerna taxxa miġbura fl-okkażjoni tal-esportazzjoni tal-prodott ikkonċernat. B’hekk, kien żball li l-Kummissjoni kkunsidrat ruħha marbuta, skont l-Artikolu 2(10)(b) tar-regolament bażiku, li tikkompara l-valur normali u l-prezz tal-esportazzjoni fuq bażi “VAT inkluża”, metodu li l-istituzzjonijiet qatt ma użaw qabel. Ir-rikorrenti tippreċiża li l-unika differenza fir-rata ta’ rimbors tal-VAT fuq l-esportazzjoni ma tistax tiġġustifika dan it-tibdil radikali tal-metodu, peress li nuqqas ta’ rimbors (parzjali) huwa spiża fuq l-esportazzjoni li għandu jitnaqqas mill-prezz tal-esportazzjoni.

30      Ir-rikorrenti tikkontesta r-raġunament espost fil-premessi 31 u 32 tar-regolament ikkontestat, li skont dan il-paragun li seħħ bejn il-valur normali u l-prezz tal-esportazzjoni huwa ekwu, saħansitra newtru, peress li dawn iż-żewġ elementi huma kkomparati fuq l-istess bażi, jiġiferi bażi ta’ “VAT inkluża”, li tipproduċi l-istess effetti. Anki fis-sitwazzjoni l-istess rata tal-VAT hija applikata fuq il-bejgħ kemm domestiku kif ukoll fuq l-esportazzjoni, l-ammont li fuq il-bażi tiegħu din il-VAT hija kkalkolata jkun differenti. Fil-fatt, fis-sitwazzjonijiet previsti mill-proċeduri ta’ dumping, bħal dawk tal-każ preżenti, il-prezz tal-esportazzjoni jkun regolarment iktar baxx mill-valur normali, b’mod li l-ammont ta’ VAT miżjud mal-valur normali jkun għola minn dak imħallas mill-esportatur fuq il-bejgħ fuq l-esportazzjoni. Il-metodu ta’ paragun bejn il-valur normali u l-prezz tal-esportazzjoni, VAT inkluża, ikollu b’hekk bħala effett li jkabbar artifiċjalment il-marġni ta’ dumping. Il-Kunsill b’hekk allegatament kiser il-prinċipju tal-paragun ekwu bejn il-valur normali u l-prezz tal-esportazzjoni fis-sens tal-Artikolu 2(10)(b) tar-regolament bażiku.

31      Ir-rikorrenti ssostni li l-metodu ta’ paragun applikat fil-każ preżenti huwa inkompatibbli mal-prattika tal-istituzzjonijiet fil-qasam tad-dumping. B’hekk, fil-premessa 31 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1193/2008, tal-1 ta’ Diċembru 2008, li jimponi dazju anti-dumping definittiv u jiġbor b’mod definittiv id-dazji provviżorji imposti fuq l-importazzjonijiet ta’ aċidu ċitriku li joriġina mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (ĠU L 323, p. 1), il-Kunsill anki rrikonoxxa speċifikament li l-Artikolu 2(10)(b) tar-regolament bażiku kien irrilevanti u li n-nuqqas ta’ rimbors tal-VAT fuq l-esportazzjoni kellu jkun is-suġġett ta’ aġġustament fuq il-bażi tal-Artikolu 2(10)(k), tal-imsemmi regolament.

32      Ir-rikorrenti tikkonkludi li r-regolament ikkontestat jikser l-Artikolu 2(10) tar-regolament bażiku. Skont din, id-dritt antidumping impost għall-importazzjonijiet tagħha kien kunsiderevolment iktar baxx, jiġifieri ta’ bejn wieħed u ieħor 4 sa 5 %, jekk il-Kummissjoni kienet applikat l-istess metodu ta’ paragun bħal fl-investigazzjoni inizjali, li kienet konformi ma’ din id-dispożizzjoni.

33      Il-Kunsill jitlob iċ-ċaħad tal-motiv preżenti.

34      Fl-ewwel lok, għandu jiġi eżaminat l-argument tal-Kunsill li permezz tiegħu dan jiċħad li applika l-Artikolu 2(10)(b) tar-regolament bażiku fl-eżami mill-ġdid sabiex “jaġġusta” l-valur normali u/jew il-prezz tal-esportazzjoni.

35      Ċertament, fid-dokument intitolat “Informazzjoni ġenerali Dokument R453”, il-Kummissjoni rreferiet għall-Artikolu 2(10)(b) tar-regolament bażiku sabiex tiġġustifika l-konklużjoni tagħha li skont din, “il-metodoloġija applikabbli, f’każ ta’ nuqqas ta’ rimbors tat-taxxi indiretti fuq l-esportazzjoni, tikkonsisti f’li jiġi aġġustat il-valur normali tal-ammont tat-taxxi interni applikabbli meta l-prodott simili huwa mibjugħ sabiex jiġi kkunsmat fil-pajjiż esportatur” u “[k]onsegwentement, il-valur normali ġie stabbilit b’kunsiderazzjoni tal-VAT imħallsa jew dovuta” (ara punt 12 iktar ’il fuq). Bl-istess mod, il-Kummissjoni tenniet dan ir-raġunament fid-dokument intitolat “Anness II Dokument ta’ informazzjoni speċifika” (ara punt 13 iktar ’il fuq).

36      Madankollu, hekk kif jirriżulta mid-dokument intitolat “Orjentazzjonijiet tas-servizzi tal-Kummissjoni wara r-reazzjonijiet tiegħek għall-informazzjoni finali”, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni sussegwentement biddlet l-approċċ tagħha. Hija kkunsidrat, essenzjalment li, fl-eżami mill-ġdid, l-ebda aġġustament kemm tal-prezz tal-esportazzjoni, kif ukoll tal-valur normali, fis-sens tal-Artikolu 2(10)(b) tar-regolament bażiku, ma huwa neċessarju (ara punt 15 iktar ’il fuq). Huwa finalment dan l-istess raġunament li ġie kkunsidrat mill-Kunsill fil-premessa 31 tar-regolament ikkontestat (ara punt 16 iktar ’il fuq).

37      B’hekk jirriżulta li, fir-regolament ikkontestat, il-Kunsill ikkunsidra li, fil-proċedura ta’ eżami mill-ġdid, kuntrarjament għas-sitwazzjoni fl-investigazzjoni inizjali, il-kundizzjonijiet għal aġġustament tal-valur normali u/jew tal-prezz tal-esportazzjoni taħt l-Artikolu 2(10)(b) tar-regolament bażiku ma ġewx sodisfatti, b’mod li din id-dispożizzjoni ma tistax tiġi applikata. Konsegwentement, minkejja dak li jirriżulta mid-dokumenti preliminari adottati mill-Kummissjoni, intitolati “Informazzjoni Ġenerali Dokument R453” (ara punt 12 iktar ’il fuq) u “Anness II Dokument ta’ informazzjoni speċifika” (ara punt 13 iktar ’il fuq), ma hemmx lok li jiġi kkunsidrat li, fir-regolament ikkontestat, b’kunsiderazzjoni tal-VAT ta’ 17 %, il-Kunsill applika l-Artikolu 2(10)(b) tar-regolament bażiku u b’hekk għamel aġġustamenti fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni għall-valur normali u għall-prezz tal-esportazzjoni sabiex tiġi ristabbilita s-simetrija bejn dan il-valur u prezz.

38      Konsegwentement, għandu jiġi miċħud l-argument tar-rikorrenti li skont dan il-metodu ta’ paragun applikat fir-regolament ikkontestat jikkonsisti f’li jiġi aġġustat il-valur normali u l-prezz tal-esportazzjoni skont l-Artikolu 2(10)(b) tar-regolament bażiku. Fil-fatt, dan huwa każ ta’ paragun ta’ dan il-valur u prezz fuq bażi ta’ “VAT inkluża” fuq il-bażi biss tad-dispożizzjoni ġenerali prevista fl-ewwel u t-tieni sentenzi tal-Artikolu 2(10) [li saru l-ewwel u t-tieni sentenzi tal-Artikolu 2(10) tar-Regolament Nru 1225/2009] tal-istess regolament.

39      Fit-tieni lok, għandu jiġi eżaminat jekk dan il-metodu ta’ paragun kienx ekwu fis-sens tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 2(10) tar-regolament bażiku, ħaġa li r-rikorrenti tikkontesta b’mod partikolari peress li l-imsemmi metodu jwassal għal tkabbir artifiċjali tal-marġni ta’ dumping.

40      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, fil-qasam tal-miżuri ta’ protezzjoni tal-kummerċ, l-istituzzjonijiet igawdu minn setgħa diskrezzjonali wiesgħa minħabba l-kumplessità tas-sitwazzjonijiet ekonomiċi, politiċi u ġuridiċi li huma jkollhom janalizzaw (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-27 ta’ Settembru 2007, Ikea Wholesale, C‑351/04, Ġabra p. I‑7723, punt 40; sentenzi tal-Qorti Ġenerali tat-8 ta’ Lulju 2008, Huvis vs Il-Kunsill, T‑221/05, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 38, u tat-23 ta’ Settembru 2009, Dongguan Nanzha Leco Stationery vs Il-Kunsill, T‑296/06, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 40).

41      Din is-setgħa wiesgħa tirrigwarda, bħala prinċipju, ukoll l-evalwazzjoni tal-fatti li jiġġustifikaw in-natura ekwa tal-metodu tal-paragun applikat, peress li l-kunċett ta’ ekwità għandu natura vaga u għandu jkun ikkonkretizzat mill-istituzzjonijiet każ b’każ hekk kif jirriżulta mill-kuntest ekonomiku rilevanti. Fil-fatt ġie rikonoxxut minn ġurisprudenza stabbilita li l-għażla bejn id-diversi metodi ta’ kalkolu tal-marġni ta’ dumping, kif ukoll l-evalwazzjoni tal-valur normali ta’ prodott jippresupponu l-evalwazzjoni ta’ sitwazzjonijiet ekonomiċi kumplessi, u l-istħarriġ ġudizzjarju ta’ evalwazzjoni bħal din għandu għalhekk jiġi limitat għall-verifika tal-osservanza tar-regoli tal-proċedura, tal-eżattezza materjali tal-fatti kkonstatati sabiex issir l-għażla kontestata, tan-nuqqas ta’ żball manifest fl-evalwazzjoni ta’ dawn il-fatti jew tan-nuqqas ta’ abbuż ta’ poter (sentenza Ikea Wholesale, punt 40 iċċitata iktar ’il fuq, punt 41; sentenza Huvis vs Il-Kunsill, punt 40 iċċitata iktar ’il fuq, punt 39; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza Dongguan Nanzha Leco Stationery vs Il-Kunsill, punt 40 iċċitata iktar ’il fuq, punt 41).

42      Barra minn hekk, skont ġurisprudenza stabbilita, jirriżulta kemm mill-kliem kif ukoll mill-istruttura tal-Artikolu 2(10) tar-regolament bażiku li aġġustament tal-prezz tal-esportazzjoni jew tal-valur normali jista’ jsir biss sabiex jittieħdu inkunsiderazzjoni differenzi fil-fatturi li jaffettwaw il-prezzijiet u għalhekk il-paragun tagħhom. Dan ifisser, fi kliem ieħor, li r-raġuni għall-aġġustament hija li tiġi stabbilita mill-ġdid is-simetrija bejn il-valur normali u l-prezz tal-esportazzjoni ta’ prodott, b’mod li, jekk l-aġġustament ikun sar korrettament, dan jimplika li jkun stabbilixxa mill-ġdid is-simetrija bejn il-valur normali u l-prezz tal-esportazzjoni. Min-naħa l-oħra, jekk l-aġġustament ma jkunx sar korrettament, dan jimplika li huwa jkun ħoloq nuqqas ta’ simetrija bejn il-valur normali u l-prezz tal-esportazzjoni (ara s-sentenza Dongguan Nanzha Leco Stationery vs Il‑Kunsill, punt 40 iċċitata iktar ’il fuq, punt 42, u l-ġurisprudenza ċċitata).

43      Fil-kuntest tal-evalwazzjoni tan-natura ekwa tal-metodu ta’ paragun applikat, il-kunċett ta’ simetrija bejn il-valur normali u l-prezz tal-esportazzjoni b’hekk jammonta għal element ċentrali li jikkorrispondi mal-ħtieġa li tiġi stabbilita l-komparabbiltà tal-prezzijiet fis-sens tal-Artikolu 1(2) tar-regolament bażiku [li sar l-Artikolu 1(2) tar-Regolament Nru 1225/2009]. Fil-fatt, skont l-ewwel sat-tielet sentenza tal-Artikolu 2(10) tal-istess regolament [li saru l-ewwel sat-tielet sentenza tal-Artikolu 2(10) tar-Regolament Nru 1225/2009], il-paragun ekwu bejn il-prezz tal-esportazzjoni u l-valur normali għandu jseħħ, fl-istess stadju kummerċjali, għall-bejgħ li saru f’dati kemm jista’ jkun qrib ta’ xulxin u bid-debita kunsiderazzjoni ta’ differenzi oħra li jaffettwaw il-komparabbiltà tal-prezzijiet, u huwa biss fil-każijiet fejn il-valur normali u l-prezz tal-esportazzjoni stabbiliti ma jistgħux jiġu kkomparati li l-istituzzjonijiet huma awtorizzati li jipproċedu b’aġġustamenti.

44      Min-naħa l-oħra, hekk kif il-Kunsill sostna fis-seduta, mid-definizzjonijiet li jidhru fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(1), u fl-Artikolu 2(8) tar-regolament bażiku [li saru l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(1) u l-Artikolu 2(8) tar-Regolament Nru 1225/2009] jirriżulta li, minn naħa, il-valur normali huwa dak li huwa “normalment ibbażat fuq il-prezzijiet imħallsa jew dovuti, fi tranżazzjonijiet kummerċjali normali” u li, min-naħa l-oħra, il-prezz tal-esportazzjoni huwa dak li huwa “realment imħallas jew dovut” li jeħtieġ, bħala prinċipju, li tiġi inkluża l-VAT f’dawn il-valuri u prezzijiet.

45      F’dawn iċ-ċirkustanzi, kien mingħajr ma wettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni li l-Kunsill setgħa jikkunsidra li, fil-każ preżenti, il-paragun bejn il-valur normali u l-prezz tal-esportazzjoni fuq bażi ta’ “VAT inkluża” jammonta għal metodu ta’ paragun ekwu, peress li l-imsemmi paragun kien seħħ, b’rispett għar-rekwiżit ta’ simetrija bejn il-valur normali u l-prezz tal-esportazzjoni, fl-istess stadju kummerċjali, għall-bejgħ simultanji kemm domestiċi kif ukoll għall-esportazzjoni, li huma kollha suġġetti għall-applikazzjoni ta’ rata ta’ VAT ta’ 17 %.

46      Ir-rikorrenti ma ressqet l-ebda argument jew fatt ta’ natura li juru n-natura manifestament mhux xierqa ta’ dan il-metodu ta’ paragun, peress li r-raġunament tagħha kien limitat għat-tibdil fil-metodu tal-kalkolu meta mqabbel ma’ dak applikat fl-investigazzjoni inizjali li jista’ jkabbar artifiċjalment il-marġni ta’ dumping. Issa, hekk kif jirriżulta mis-setgħa wiesgħa ta’ evalwazzjoni li jgawdu l-istituzzjonijiet, dan l-argument ma jistax juri li dan il-metodu, li huwa bbażat fuq parametri ta’ paragun identiċi, ma kienx ekwu, u lanqas li l-applikazzjoni tagħha kienet vizzjata bi żball manifest ta’ evalwazzjoni.

47      Għandu jiġi ppreċiżat li r-rikorrenti ma tikkontestax li, fir-regolament ikkontestat, l-istituzzjonijiet segwew skrupolożament dan il-metodu ta’ paragun, lanqas li dan il-paragun ittratta bejgħ domestiċi u għall-esportazzjoni li seħħew f’dati kemm jista’ jkun viċini ta’ xulxin, u lanqas li l-issuġġettar tal-imsemmija bejgħ għall-VAT iseħħ fl-istess stadju kummerċjali fis-sens tat-tieni sentenza tal-Artikolu 2(10) tar-regolament bażiku.

48      Bl-istess mod, ir-rikorrenti ma wrietx li teżisiti prattika kostanti tal-istituzzjonijiet fir-rigward tat-tnaqqis tal-VAT kemm tal-valur normali kif ukoll tal-prezz tal-esportazzjoni għall-finijiet tal-paragun ekwu tagħhom fis-sens tal-Artikolu 2(10) tar-regolament bażiku. Fil-fatt, l-eżempji li jidhru fir-rikors ma jikkonċernaw l-ebda sitwazzjoni ta’ dan it-tip, iżda każijiet li jimplikaw l-issuġġettar tal-prezz tal-esportazzjoni biss għar-rimbors parzjali tal-VAT mill-awtoritajiet Ċiniżi, bħall-aġġustament li seħħ fl-investigazzjoni inizjali fil-każ preżenti, fejn il-legalità ma hijiex is-suġġett tal-kawża preżenti.

49      Konsegwentement, billi tikkompara l-valur normali u l-prezz tal-esportazzjoni fuq bażi ta’ “VAT inkluża”, il-Kunsill la wettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni u lanqas kiser il-paragun ekwu skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 2(10) tar-regolament bażiku.

50      Konsegwentement, l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat.

 Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 11(9) tar-regolament bażiku

51      Insostenn tat-tieni motiv, ir-rikorrenti ssostni li r-regolament ikkontestat jikser ukoll l-Artikolu 11(9) tar-regolament bażiku, sa fejn huwa bbażat fuq l-applikazzjoni ta’ metodu ta’ paragun bejn il-valur normali u l-prezz tal-esportazzjoni li huwa radikalment differenti minn dak applikat fl-investigazzjoni inizjali. Dan l-approċċ ma jkunx konformi mal-ġurisprudenza rilevanti f’dan ir-rigward (sentenza Huvis vs Il-Kunsill, punt 40 iċċitata iktar ’il fuq, punt 41).

52      Skont ir-rikorrenti, l-istituzzjonijiet naqsu milli jressqu ġustifikazzjoni valida għal dan it-tibdil ta’ metodu ta’ paragun. Il-fatt li, bejn il-perijodi koperti rispettivament mill-investigazzjonijiet inizjali u tal-eżami mill-ġdid, ir-rata ta’ VAT li ma kinitx is-suġġett ta’ rimbors telgħat minn 4 sa 17 % ma tammontax għal tibdil fiċ-ċirkustanzi, fis-sens tal-Artikolu 11(9) tar-regolament bażiku, li jista’ jiġġustifika l-abbandun tal-metodu applikat fl-investigazzjoni inizjali. Fl-aħħar nett, l-istituzzjonijiet ma wrewx li l-metodu applikat fl-investigazzjoni inizjali ma kinitx konformi mal-Artikolu 2(10) tal-istess regolament. Fi kwalunkwe każ, ir-rikorrenti stabilixxew li l-metodu ġdid kien imur kontra l-prinċipju tal-paragun ekwu previst minn din id-dispożizzjoni u huwa bbażat fuq motivazzjoni inkoerenti.

53      Il-Kunsill jitlob iċ-ċaħda tal-motiv preżenti.

54      Mill-Artikolu 11(9) tar-regolament bażiku jirriżulta illi, bħala regola ġenerali, fil-kuntest ta’ eżami mill-ġdid, l-istituzzjonijiet għandhom japplikaw l-istess metodu, inkluż il-metodu tal-iffissar tal-prezz tal-esportazzjoni u l-valur normali skont l-Artikolu 2(10) tar-regolament bażiku, bħall-metodu użat waqt l-investigazzjoni inizjali li wassal għall-impożizzjoni tad-dazju antidumping. Din id-dispożizzjoni tistabbilixxi eċċezzjoni li tippermetti lill-istituzzjonijiet japplikaw metodu differenti minn dak użat fl-investigazzjoni inizjali, iżda biss sa fejn iċ-ċirkustanzi jkunu nbiddlu. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, kull deroga jew eċċezzjoni għandha tiġi interpretata b’mod restrittiv. Barra minn hekk, l-istituzzjonijiet għandhom juru li ċ-ċirkustanzi tbiddlu jekk huma għandhom l-intenzjoni japplikaw metodu differenti minn dak applikat fl-investigazzjoni inizjali (ara s-sentenza Huvis vs Il-Kunsill, punt 40 iċċitata iktar ’il fuq, punt 41, u l-ġurisprudenza ċċitata).

55      Hekk kif ġie kkonstatat fil-punti 10 u 11 iktar ’il fuq, il-Kunsill jirrikonoxxi li wettaq aġġustament tal-prezz tal-esportazzjoni fl-investigazzjoni inizjali, fis-sens tal-Artikolu 2(10)(b) tar-regolament bażiku, u rrinunzja għal aġġustament bħal dan fil-kuntest tal-proċedura ta’ eżami mill-ġdid peress li l-kundizzjonijiet ta’ din id-dispożizzjoni ma seħħewx.

56      Għandu jiġi kkonstatat li din id-differenza fl-approċċ tal-Kunsill ma tagħmilx “tibdil fil-metodu” fis-sens tal-Artikolu 11(9) tar-regolament bażiku.

57      F’dan ir-rigward, għandu jingħad li l-kunċetti tal-“metodu” u tal-“aġġustament” ma jikkoinċidux. Iżda, anki jekk wieħed jissupponi li l-kunċett ta’ “aġġustament” skont l-Artikolu 2(10) tar-regolament bażiku jista’ jiġi assimilat għal dak il-“metodu” fis-sens tal-Artikolu 11(9), tal-istess regolament, jirriżulta mill-motivi msemmija fil-premessa 31 tar-regolament ikkontestat kif ukoll tal-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punti 34 sa 38 iktar ’il fuq li, fil-każ preżenti, l-istituzzjonijiet ma “biddlux” “metodu ta’ aġġustament” bejn l-investigazzjoni inizjali u l-proċedura ta’ eżami mill-ġdid, fis-sens tal-ġurisprudenza (ara s-sentenza Huvis vs Il-Kunsill, punt 40 iċċitata iktar ’il fuq, punti 27, 28 u 43, dwar it-tibdil bejn il-metodu “tal-vantaġġ” jew “input” u l-metodu “residwu”), iżda sempliċement irrinunzjaw għal aġġustament għar-raġuni li, bid-differenza tas-sitwazzjoni fil-mument tal-investigazzjoni inizjali, il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 2(10)(b) tar-regolament bażiku li jiġġustifikaw aġġustament bħal dan ma ġewx sodisfatti fil-mument tal-eżami mill-ġdid. Issa, l-unika rinunzja għal aġġustament mhux ġustifikat fir-rigward taċ-ċirkustanzi preżenti ma tistax tiġi kkunsidrata bħala tibdil fil-metodu fis-sens tal-Artikolu 11(9) tar-regolament bażiku.

58      Fil-fatt, l-Artikolu 11(9) tar-regolament bażiku jeħtieġ li l-metodu kkonċernat ikun konformi mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 2 u tal-Artikolu 17 (li sar l-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 1225/2009) tal-istess regolament, fejn ir-rekwiżiti għandhom ikunu rrispettati fil-każijiet kollha. B’hekk, il-Qorti Ġenerali diġà ddeċidiet li, jekk għandu jseħħ, fi stadju ta’ eżami mill-ġdid, li l-applikazzjoni tal-metodu applikat fl-investigazzjoni inizjali ma tkunx konformi mal-Artikolu 2(10)(b) tar-regolament bażiku, l-istituzzjonijiet ikunu marbuta li ma japplikawx l-imsemmi metodu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Huvis vs Il-Kunsill, punt 40 iċċitata iktar ’il fuq, punti 42 u 50), b’mod li dan jimplika strettament “tibdil ta’ metodu”.

59      B’hekk meta, fil-proċedura ta’ eżami mill-ġdid, l-istituzzjonijiet ma humiex awtorizzati jagħmlu aġġustament taħt l-Artikolu 2(10) tar-regolament bażiku, huma ma jistgħux jiġu mġiegħla, taħt l-Artikolu 11(9) tal-istess regolament, li madankollu jagħmlu dan, għas-sempliċi raġuni li aġġustament bħal dan tressaq fl-investigazzjoni inizjali. Fi kliem ieħor, peress li din l-imsemmija dispożizzjoni tal-aħħar teħtieġ speċifikament li l-metodu applikat fl-eżami mill-ġdid jirrispetta r-rekwiżiti tal-Artikolu 2 tar-regolament bażiku, eżami mill-ġdid bħal din ma jistax ikollu bħala riżultat aġġustament mhux awtorizzat, b’mod partikolari, permezz tal-Artikolu 2(10)(b), tal-imsemmi regolament.

60      Issa, hekk kif ir-rikorrenti stess irrikonoxxiet (ara punti 29 u 31 iktar ’il fuq), l-Artikolu 2(10)(b) tar-regolament bażiku, li ġie applikat mill-istituzzjonijiet fl-investigazzjoni inizjali, ma jammontax għall-bażi legali rilevanti sabiex iseħħ, fir-eżami mill-ġdid, aġġustament eventwali, b’mod partikolari, tal-prezz tal-esportazzjoni, li ma ġiex previst minn din id-dispożizzjoni. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma hemmx bżonn li tiddeċiedi dwar il-kwistjoni dwar jekk, fil-każ preżenti, il-metodu applikat fl-investigazzjoni inizjali kienx konformi mal-Artikolu 2(10)(b), tal-imsemmi regolament, ħaġa li l-Kunsill ikkontesta fis-seduta (ara punt 11 iktar ’il fuq).

61      B’hekk jirriżulta li l-Kunsill ma kisirx l-Artikolu 11(9) tar-regolament bażiku meta pparaguna l-valur normali u l-prezzijiet tal-esportazzjoni tal-prodotti kkonċernati fuq bażi ta’ “VAT inkluża”.

62      Fi kwalunkwe każ, anki jekk wieħed jissuponi li, fil-proċedura ta’ eżami mill-ġdid, il-Kunsill adotta metodu ieħor ta’ paragun bejn il-valur normali u l-prezz tal-esportazzjoni tal-prodotti kkonċernati li dan applika fl-investigazzjoni inizjali, huwa wera li, minn naħa, bejn l-investigazzjoni inizjali u l-proċedura ta’ eżami mill-ġdid, iċ-ċirkustanzi kienu tbiddlu u li, min-naħa l-oħra, dan it-tibdil kien ta’ tip li jiġġustifika li jiġi rrinunzjat aġġustament bħal dan.

63      Fil-fatt, huwa stabbilit li, fl-investigazzjoni inizjali, il-VAT Ċiniża tal-bejgħ għall-esportazzjoni tal-prodotti kkonċernati kien parzjalment rimborsat b’mod li din il-VAT kienet totalment miġbura fuq il-bejgħ domestiku. Min-naħa l-oħra, fil-perijodu kopert mill-proċedura ta’ eżami mill-ġdid, kemm il-bejgħ domestiku kif ukoll il-bejgħ tal-esportazzjoni kienu totalment suġġetti għal din il-VAT. B’mod konformi ma’ dak espost fil-premessa 31 tar-regolament ikkontestat, din id-differenza fis-sitwazzjonijiet rispettivi hija kostituttiva ta’ tibdil taċ-ċirkustanzi fis-sens tal-Artikolu 11(9) tar-regolament bażiku.

64      Barra minn hekk, hekk kif jirriżulta minn dan it-tibdil ta’ ċirkustanzi, il-Kunsill kien iġġustifikat li jirrinunzja għal aġġustament tal-valur normali u għall-prezz tal-esportazzjoni fil-proċedura ta’ eżami mill-ġdid, peress li kien possibbli li jseħħ paragun ekwu bejn dawn il-valuri u l-prezzijiet fuq il-bażi tal-“VAT inkluża”, b’mod li, fl-investigazzjoni inizjali, huwa kien ikkunsidra neċessarju li jagħmel aġġustament sabiex jerġa jistabbilixxi s-simetrija tal-parametri rilevanti tal-paragun, peress li l-prodotti esportati jibbenefikaw minn rimbors parzjali tal-VAT.

65      Konsegwentement, il-metodu tal-paragun applikat mill-Kunsill fil-proċedura ta’ eżami mill-ġdid ma jmurx kontra l-Artikolu 11(9) tar-regolament bażiku.

66      Konsegwentement, it-tieni motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat.

67      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-rikors għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.

 Fuq l-ispejjeż

68      Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li r-rikorrenti tilfet, hija għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż tagħha kif ukoll dawk tal-Kunsill, kif mitlub mill-Kunsill.

69      Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 87(4) tar-Regoli tal-Proċedura, l-istituzzjonijiet li jintervjenu fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom. Konsegwentement, il-Kummissjoni għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Dashiqiao Sanqiang Refractory Materials Co. Ltd għandha tbati l-ispejjeż tagħha kif ukoll dawk sostnuti mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.

3)      Il-Kummissjoni Ewropea għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

Azizi

Vadapalas

Frimodt Nielsen

Firem

Werrej

Il-kuntest ġuridiku

Il-fatti li wasslu għall-kawża

Ir-regolamenti antidumping rilevanti

Il-leġiżlazzjoni Ċiniża fuq il-VAT

Il-proċeduri amministrattivi

Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

Id-dritt

Sunt tal-motivi ta’ annullament

Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 2(10) tar-regolament bażiku

Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 11(9) tar-regolament bażiku

Fuq l-ispejjeż



* Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.