Language of document :

Rikors ippreżentat fit-22 ta' Ottubru 2009 - Dashiqiao Sanqiang Refractory Materials vs Il-Kunsill

(Kawża T-423/09)

Lingwa tal-kawża: Il-Franċiż

Partijiet

Rikorrenti: Dashiqiao Sanqiang Refractory Materials Co. Ltd (Dashiqiao City, iċ-Ċina) (rappreżentanti: J.-F. Bellis u R. Luff, avukat)

Konvenut: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla d-dazju antidumping impost fil-konfronti tar-rikorrenti permezz tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 826/2009, tas-7 ta' Settembru 2009, li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1659/2005 li jimponi dazju anti-dumping definittiv fuq l-importazzjoni ta' ċerti briks tal-manjeżja li joriġinaw fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (ĠU L 240/7), sa fejn id-dazju antidumping li huwa jistabbilixxi jeċċedi dak li kien ikun applikabbli kieku kien ġie stabbilit abbażi tal-metodu applikat matul l-investigazzjoni inizjali sabiex jittieħed kont tan-nuqqas ta' ħlas lura tal-VAT Ċiniża għall-esportazzjoni skont l-Artikolu 2(10) tar-Regolament bażiku;

tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

B'dan ir-rikors, ir-rikorrenti, kumpannija stabbilita fiċ-Ċina, titlob l-annullament tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 826/2009, tas-7 ta' Settembru 2009, li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1659/2005 li jimponi dazju anti-dumping definittiv fuq l-importazzjoni ta' ċerti briks tal-manjeżja li joriġinaw fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina1 sa fejn id-dazju antidumping li huwa jistabbilixxi jeċċedi dak li kien ikun applikabbli kieku kien ġie stabbilit abbażi tal-metodu applikat matul l-investigazzjoni inizjali sabiex jittieħed kont tan-nuqqas ta' ħlas lura tal-VAT Ċiniża fuq l-esportazzjoni skont l-Artikolu 2(10) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 384/96, tat-22 ta' Diċembru 1995, dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea2 (Regolament bażiku).

Ir-rikorrenti ssostni żewġ motivi insostenn tar-rikors tagħha.

L-ewwel nett, ir-rikorrenti tqis li l-metodu użat mill-Kummissjoni sabiex tevalwa n-nuqqas ta' ħlas lura tal-VAT fuq l-esportazzjoni fir-rieżami li wassal għar-regolament ikkontestat jikser il-prinċipju tal-paragun xieraq bejn il-prezz tal-esportazzjoni u l-valur normali stabbilit bl-Artikolu 2(10) tar-Regolament bażiku. Fil-fatt, minflok naqqset mill-prezz tal-esportazzjoni l-ammont tal-VAT fuq l-esportazzjoni li ma tħallasx lura, kif kienet għamlet matul l-investigazzjoni inizzjali, il-Kummissjoni pparagunat il-prezz tal-esportazzjoni mal-valur normali abbażi ta' VAT inkluża billi bbażat ruħha fuq interpretazzjoni żbaljata tal-Artikolu 2(10)(b) tar-Regolament bażiku.

It-tieni nett, ir-rikorrenti ssostni li r-regolament huwa wkoll ivvizzjat minn ksur tal-Artikolu 11(9) tar-Regolament bażiku sa fejn il-metodu applikat sabiex jittieħed kont n-nuqqas ta' ħlas lura tal-VAT fil-paragun tal-prezz tal-esportazzjoni u l-valur normali huwa differenti ħafna minn dak applikat fl-investigazzjoni inizjali mingħajr ebda ġustifikazzjoni valida.

____________

1 - ĠU L 240, p. 7

2 - ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 11, Volum 10, p. 45