Language of document :

Appell ippreżentat fit-3 ta’ Diċembru 2020 minn Lico Leasing, S.A.U u Pequeños y Medianos Astilleros Sociedad de Reconversión, S.A. mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (It-Tmien Awla Estiża) fit-23 ta’ Settembru 2020 fil-Kawżi magħquda T-515/13 RENV u T-719/13 RENV, Ir-Renju ta’ Spanja et vs Il-Kummissjoni

(Kawża C-658/20 P)

Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol

Partijiet

Appellanti: Lico Leasing, S.A.U u Pequeños y Medianos Astilleros Sociedad de Reconversión, S.A. (rappreżentanti: J.M. Rodríguez Cárcamo u M.A. Sánchez, abogados)

Partijiet oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea, Bankia, S.A. et u Aluminios Cortizo, S.A.

Talbiet

Lico Leasing, S.A.U., Establecimiento Financiero de Crédito (“LICO”) u Pequeños y Medianos Astilleros Sociedad de Reconversión, S.A. (“PYMAR”) jitolbu bir-rispett li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla kompletament is-sentenza tal-Qorti Ġenerali, tat-23 ta’ Settembru 2020, Spanja et vs Il-Kummissjoni (T-515/13 RENV u T-719/13 RENV, EU:T:2020:434);

tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2014/200/UE tas-17 ta’ Lulju 2013 dwar l-għajnuna mill-Istat SA.21233 C/11 (ex NN/11, ex CP 137/06) mogħtija minn Spanja Reġim tat-taxxa applikabbli għal ċerti ftehimiet ta’ lokazzjoni finanzjarja magħruf ukoll bħala s-Sistema Spanjola tat-Taxxa tal-Lokazzjoni (ĠU 2014, L 114, p. 1) jew, sussidjarjament, tannulla l-ordni ta’ rkupru tal-għajnuna, u

tikkundanna lill-Kummissjoni Ewropea għall-ispejjeż sostnuti minn LICO u minn PYMAR fil-kuntest ta’ dan l-appell u għall-ispejjeż sostnuti minn LICO u PYMAR fil-proċeduri ta’ rinviju (T-719/13 RENV), fl-appell (C-128/16 P) u fil-proċedura inizjali fl-ewwel istanza (T-719/13).

Aggravji u argumenti prinċipali

L-ewwel aggravju: żbalji sostantivi ta’ klassifikazzjoni tal-fatti u ta’ motivazzjoni fl-applikazzjoni tal-Artikolu 107(1) TFUE

LICO u PYMAR jallegaw li l-Qorti Ġenerali wettqet is-segwenti żbalji ta’ liġi, kemm sostantivi, kif ikoll ta’ klassifikazzjoni tal-fatti u ta’ motivazzjoni, fl-interpretazzjoni tal-Artikolu 107 TFUE(1):

(i) Żball ta’ liġi fil-verifika tas-sistema ta’ referenza peress li l-Kummissjoni ma identifikatx, la fid-deċiżjoni, u lanqas quddiem il-Qorti Ġenerali, liema hija s-sistema ta’ referenza tal-Iskema Spanjola tat-Taxxa tal-Lokazzjoni, la b’mod ġenerali, u lanqas fir-rigward ta’ kull waħda mill-miżuri individwali li jiffurmaw din is-sistema.

(ii) Żbalji ta’ liġi fil-klassifikazzjoni ġuridika tal-awtorizzazzjoni amministrattiva tad-deprezzament antiċipat: (a) żball meta qieset li l-eżistenza ta’ proċedura ta’ awtorizzazzjoni tinvolvi neċessarjament is-selettività tal-miżura, mingħajr il-ħtieġa li jitwettaq l-eżami fi tliet fażijiet rikjest mill-ġurisprudenza tal-qorti, (b) żball fil-klassifikazzjoni tal-awtorizzazzjoni tad-deprezzament antiċipat bħala possibbiltà diskrezzjonali li tippermetti l-ilħuq ta’ għanijiet mhux relatati mas-sistema fiskali u (ċ) żball fl-evalwazzjoni li tgħid li, is-selettività ta’ waħda biss mill-miżuri li ppermettew li jittieħed benefiċċju mill-Iskema Spanjola tat-Taxxa tal-Lokazzjoni fil-globalità tagħha (l-awtorizzazzjoni tad-deprezzament antiċipat) tippermetti li jitqies li s-sistema kienet selettiva fil-globalità tagħha.

(iii) Nuqqas ta’ motivazzjoni f’dak li jirrigwarda l-ipparagunar ta’ sitwazzjonijiet fattwali u ġuridiċi bejn l-impriżi affettwati mill-miżura eżaminata.

It-tieni aggravju: żnaturament u żball fil-klassifikazzjoni tal-fatti fir-rigward tal-ittra tal-Kummissjoni responsabbli mid-Direttorat Ġenerali (DĠ) “Kompetizzjoni” fid-dawl tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi

LICO u PYMAR jallegaw li l-Qorti Ġenerali żnaturati l-kontenut tal-ittra tal-Kummissjoni responsabbli mid-Direttorat Ġenerali (DĠ) “Kompetizzjoni” u kklassifikat żbaljatament il-kontenut tagħha fis-sens li l-ittra ma kinitx toffri garanziji preċiżi, inkundizzjonati u konkordanti li setgħu joħolqu aspettattivi leġittimi.

It-tielet aggravju: żball ta’ klassifikazzjoni tal-fatti fl-applikazzjoni u fl-interpretazzjoni tal-principju ta’ ċertezza legali

LICO u PYMAR jallegaw li, anki li kieku l-Qorti Ġenerali ma żnaturatx il-kontenut tal-ittra tal-Kummissjoni responsabbli mid-Direttorat Ġenerali (DĠ) “Kompetizzjoni” għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ aspettattivi leġittimi, il-Qorti Ġenerali kklassifikat żbaljatament, kemm dan il-fatt, kif ukoll id-deċiżjoni dwar il-gruppi ta’ interess ekonomiku fiskali Franċiżi, fil-kuntest tal-eżami tal-motiv dwar il-prinċipju ta’ ċertezza legali, li wassalha għal interpretazzjoni u applikazzjoni żbaljati tal-imsemmi prinċipju.

Ir-raba’ aggravju: żball ta’ liġi fir-rigward tal-prinċipji applikabbli għall-irkupru tal-għajnuna

LICO u PYMAR jallegaw li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi fir-rigward tal-prinċipji applikabbli għall-irkupru tal-għajnuna, (i) peress li ċ-ċirkustanza li l-kumpanniji tat-tbaħħir ma tqisux benefiċjarji tal-għajnuna ma tippermettix li jiġi ddikjarat li l-gruppi ta’ interess ekonomiku u l-investituri gawdew effettivament mit-totalità tal-għajnuna, meta huwa stabbilit li dan ma kienx il-każ u (ii) għaliex jekk sabiex tiġi ddeterminata l-eżistenza tal-għajnuna mill-Istat għandha tingħata attenzjoni għall-effetti tal-miżura u mhux għat-teknika użata, bl-istess mod, fil-kuntest tal-irkupru għandha tingħata attenzjoni għall-effetti u mhux għat-teknika użata, u għal din ir-raġuni ma huwiex raġonevoli li fil-każ Franċiż ingħataw skonti fuq l-ammonti ttrasferiti lill-utenti u dawn l-istess ammonti ma humiex suġġetti għal skont fil-każ Spanjol, meta l-effetti prattiċi fiż-żewġ każijiet huma identiċi.

____________