Language of document : ECLI:EU:T:2020:210

Edizzjoni Provviżorja

DIGRIET TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla)

20 ta’ Mejju 2020 (*)

“Rikors għal annullament – Enerġija – Suq intern tal-gass naturali – Direttiva (UE) 2019/692 – Applikazzjoni tad-Direttiva 2009/73/KE għal-linji tal-gass lejn jew minn pajjiż terz – Nuqqas ta’ inċidenza diretta – Inammissibbiltà – Produzzjoni ta’ dokumenti miksuba illegalment”

Fil-Kawża T‑526/19,

Nord Stream 2 AG, stabbilita f’Zoug (l-Isvizzera), irrappreżentata minn L. Van den Hende, J. Penz-Evren, avukati, u M. Schonberg, solicitor-advocate,

rikorrenti,

vs

Il-Parlament Ewropew, irrappreżentat minn L. Visaggio, J. Etienne u I. McDowell, bħala aġenti,

u

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn A. Lo Monaco, S. Boelaert u K. Pavlaki, bħala aġenti,

konvenut,

li għandu bħala suġġett talba bbażata fuq l-Artikolu 263 TFUE u intiża għall-annullament tad-Direttiva (UE) 2019/692 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-17 ta’ April 2019 li temenda d-Direttiva 2009/73/KE dwar ir-regoli komuni għas-suq intern tal-gass naturali (ĠU 2019, L 117, p. 1),

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla),

komposta minn J. Svenningsen (Relatur), President, R. Barents u C. Mac Eochaidh, Imħallfin,

Reġistratur: E. Coulon,

tagħti l-preżenti

Digriet

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Id-Direttiva 2003/55/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2003 rigward regoli komuni għas-suq intern fil-gass naturali u li tħassar id-Direttiva 98/30/KE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 12, Vol. 2, p. 230), tħassret u ġiet issostitwita bid-Direttiva 2009/73/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2009 (ĠU 2009, L 211, p. 94).

2        Id-Direttiva 2009/73 hija intiża li tistabbilixxi regoli komuni fil-qasam tat-trasport, tad-distribuzzjoni, tal-provvista u tal-ħażna ta’ gass naturali sabiex tippermetti aċċess għas-suq u tiffavorixxi kompetizzjoni ekwa u nondiskriminatorja. F’dan ir-rigward, din id-direttiva tipprevedi, b’mod partikolari, l-obbligu li jiġu sseparati n-networks ta’ trażmissjoni u l-operaturi tan-networks ta’ trażmissjoni kif ukoll l-istabbiliment ta’ sistema ta’ aċċess nondiskriminatorju għal terzi għan-networks ta’ trażmissjoni u ta’ distribuzzjoni tal-gass, u dan abbażi ta’ tariffi ppubblikati.

3        Skont l-Artikolu 36 tad-Direttiva 2009/73, l-infrastrutturi kbar ġodda tal-gass, jiġifieri l-interkonnessjonijiet, il-faċilitajiet tal-gass naturali likwifikat jew ta’ ħażna, jistgħu, fuq talba u taħt ċerti kundizzjonijiet, jibbenefikaw, matul perijodu determinat, minn eżenzjoni minn ċerti obbligi previsti minn din id-direttiva. Sabiex din l-eżenzjoni tkun tista’ tapplika, għandu b’mod partikolari jintwera li l-investiment ser isaħħaħ il-kompetizzjoni fil-provvista tal-gass u ser itejjeb is-sigurtà tal-provvista u li l-livell ta’ riskju marbut mal-investiment huwa tali li dan l-investiment ma jitwettaqx jekk ma tingħatax eżenzjoni.

4        Ir-rikorrenti, Nord Stream 2 AG, hija kumpannija rregolata mid-dritt Svizzeru li l-azzjonist uniku tagħha huwa l-kumpannija pubblika Russa b’responsabbiltà limitata Gazprom. Hija responsabbli mill-ippjanar, mill-kostruzzjoni u mill-operat tal-pipeline “Nord Stream 2”, li l-finanzjament tagħha, sa EUR 9.5 biljun, huwa żgurat 50 % mill-kumpanniji ENGIE SA (Franza), OMV AG (l-Awstrija), Royal Dutch Shell plc (il-Pajjiżi l-Baxxi u r-Renju Unit), Uniper SE (il-Ġermanja) u Wintershall Dea GmbH (il-Ġermanja). Bħal fil-każ tal-pipeline “Nord Stream” (illum komunement imsejjaħ “Nord Stream 1”), li hija komposta minn network ta’ żewġ linji li l-kostruzzjoni tagħhom tlestiet fl-2012 u li l-operat tagħhom kien previst għal tul ta’ 50 sena, il-pipeline “Nord Stream 2”, ukoll komposta minn żewġ linji ta’ trażmissjoni tal-gaz, tiżgura t-trasport tal-gass bejn Vyborg (ir-Russja) u Lubmin (il-Ġermanja), qrib Griefswald (il-Ġermanja), li jġib il-kapaċità globali ta’ trażmissjoni taż-żewġ pipelines “Nord Stream 1” u “Nord Stream 2” għal 55 biljun metri kubi fis-sena. Ladarba fit-territorju Ġermaniż, il-gass ittrasportat minn “Nord Stream 1” jiġi trażmess fil-pipelines terrestri NEL u OPAL, li huma suġġetti, taħt il-kontroll tal-awtorità regolatorja Ġermaniża, għall-obbligi tad-Direttiva 2009/73, filwaqt li dak ittrasportat minn “Nord Stream 2” huwa trażmess mill-pipeline terrestri ENEL kif ukoll il-pipeline terrestri EUGAL, li hija mibnija ġdida, it-tnejn li huma wkoll irregolati fil-Ġermanja skont id-Direttiva 2009/73.

5        F’Jannar 2017, ix-xogħlijiet bdew għall-kisi bil-konkrit ta’ pajpijiet iddestinati għall-pipeline “Nord Stream 2”, li l-kunsinna finali tagħhom seħħet f’Settembru 2018.

6        Fuq proposta tal-Kummissjoni Ewropea COM (2017) 660 final, tat-8 ta’ Novembru 2017 (iktar ’il quddiem il-“proposta għal direttiva”), il-Parlament Ewropew u l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea adottaw, fis-17 ta’ April 2019, id-Direttiva (UE) 2019/692 li temenda d-Direttiva 2009/73 dwar ir-regoli komuni għas-suq intern tal-gass naturali (ĠU 2019, L 117, p. 1, iktar ’il quddiem id-“direttiva kkontestata”), li daħlet fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tagħha, jiġifieri fit-23 ta’ Mejju 2019. F’din id-data, skont l-indikazzjonijiet tar-rikorrenti, ix-xogħlijiet għall-kisi bil-konkrit tal-pajpijiet ta’ “Nord Stream 2” kienu tlestew sa 95 %, filwaqt li, rispettivament, 610 km u 432 km miż-żewġ linji tal-pipeline kienu tpoġġew fil-qiegħ tal-baħar territorjali u/jew taż-żona ekonomika esklużiva (ŻEE) tal-Ġermanja, tal-Finlandja, tar-Russja u tal-Isvezja. Madankollu, fid-data tal-preżentata ta’ dan ir-rikors, ir-rikorrenti kien għad kellha tikseb l-awtorizzazzjoni tal-awtoritajiet Daniżi fir-rigward tar-rotta għaż-żewġ linji ta’ “Nord Stream 2”. Madankollu, din l-awtorizzazzjoni ngħatat fit-30 ta’ Ottubru 2019.

7        Skont il-premessa 3 tad-direttiva kkontestata, din tfittex li tindirizza ostakoli għat-tlestija tas-suq intern tal-gass naturali li jirriżultaw min-nuqqas ta’ applikazzjoni, sal-lum, tar-regoli tas-suq tal-Unjoni Ewropea għal-linji ta’ trażmissjoni tal-gass lejn u minn pajjiż terz.

8        F’dan ir-rigward, l-Artikolu 2(17) tad-Direttiva 2009/73, kif emendata bid-direttiva kkontestata, jipprevedi li l-kunċett ta’ “interkonnettur” ikopri mhux biss “[kull] linja ta’ trasmissjoni li taqsam jew tinfirex tul fruntiera bejn l-Istati Membri għall-finijiet li tgħaqqad is-sistema ta’ trasmissjoni nazzjonali ta’ dawk l-Istati Membri ”, iżda wkoll, minn issa ’l quddiem, “[kull] linja ta’ trasmissjoni bejn Stat Membru u pajjiż terz sat-territorju tal-Istati Membri jew sal-baħar territorjali ta’ dak l-Istat Membru”.

9        Madankollu, skont l-Artikolu 49a(1) tad-Direttiva 2009/73, kif miżjud bid-direttiva kkontestata, “[f]ir-rigward ta’ linji ta’ trasmissjoni tal-gass bejn Stat Membru u pajjiż terz li tlestew qabel it-23 ta’ Mejju 2019, l-Istat Membru fejn jinsab l-ewwel punt ta’ konnessjoni ta’ tali linja ta’ trasmissjoni man-netwerk ta’ [dan l-Istat] Membru jista’ jiddeċiedi li jidderoga [minn ċerti dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2009/73] għat-taqsimiet ta’ tali linja ta’ trasmissjoni tal-gass li jinsabu fit-territorju u l-baħar territorjali tiegħu, għal raġunijiet oġġettivi, bħall-possibbiltà tal-irkupru tal-investiment imwettaq jew minħabba raġunijiet ta’ sigurtà tal-provvista, dment li d-deroga ma tkunx ta’ ħsara għall-kompetizzjoni fis-suq intern tal-gass naturali jew għall-funzjonament effettiv tiegħu, jew għas-sigurtà tal-provvista fl-Unjoni”. L-imsemmi Artikolu 49a(1) jipprevedi wkoll, minn naħa, li d-derogi ta’ dan it-tip huma “limitat[i] fiż-żmien sa 20 sena fuq il-bażi ta’ ġustifikazzjoni oġġettiva, li tista’ tiġġedded jekk ikun hemm ġustifikazzjoni u [jistgħu jkunu suġġetti] għal kondizzjonijiet li jikkontribwixxu għall-kisba tal-kondizzjonijiet ta’ hawn fuq” u, min-naħa l-oħra, li “[t]ali derogi m’għandhomx japplikaw għal-linji ta’ trasmissjoni bejn Stat Membru u pajjiż terz li jkollu l-obbligu li jittrasponi din id-[Direttiva 2009/73 emendata] u li effettivament jimplimenta din id-Direttiva fis-sistema legali tiegħu taħt ftehim konkluż mal-Unjoni”.

10      Barra minn hekk, id-direttiva kkontestata emendat l-Artikolu 36 tad-Direttiva 2009/73 billi pprovdiet, fil-punt (e) tal-ewwel paragrafu ta’ dan l-artikolu, li l-eżenzjoni mogħtija abbażi ta’ din id-dispożizzjoni għall-infrastrutturi eżistenti ġodda ma għandhiex, b’mod partikolari, tippreġudika s-“sigurtà tal-provvista tal-gass naturali fl-Unjoni”.

11      Fir-rigward tat-traspożizzjoni tal-emendi li saru mid-direttiva kkontestata lid-Direttiva 2009/73, l-Artikolu 2 tad-direttiva kkontestata jipprovdi li, ħlief għal dawk li ma jaqsmu l-ebda fruntiera ġeografika jew l-ebda linja ta’ trażmissjoni ma’ pajjiżi terzi, kif ukoll, minħabba s-sitwazzjoni ġeografika tagħhom, Ċipru u Malta, “[l]-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva sal-24 ta’ Frar 2020, mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe deroga skont l-Artikolu 49a tad-Direttiva 2009/73/KE”.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

12      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-26 ta’ Lulju 2019, ir-rikorrenti ppreżentat dan ir-rikors, li fih hija titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-direttiva kkontestata fl-intier tagħha;

–        tikkundanna lill-Parlament u lill-Kunsill għall-ispejjeż.

13      Permezz ta’ att separat ippreżentat ukoll fis-26 ta’ Lulju 2019 fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali, ir-rikorrenti talbet li din il-kawża tibbenefika minn trattament prijoritarju skont l-Artikolu 67(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, liema talba ġiet miċħuda provviżorjament permezz ta’ deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali (L-Ewwel Awla) tal-5 ta’ Awwissu 2019.

14      Permezz ta’ ittra tal-4 ta’ Settembru 2019, ir-rikorrenti, skont l-Artikolu 66 tar-Regoli tal-Proċedura, talbet lill-Qorti Ġenerali sabiex ċerta informazzjoni li tinsab fir-rikors titqies bħala kunfidenzjali fir-rigward tal-pubbliku.

15      Permezz ta’ atti ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-2 ta’ Ottubru 2019 mir-Repubblika tal-Polonja, fil-15 ta’ Ottubru 2019 mill-Kummissjoni, fit-30 ta’ Ottubru 2019 mir-Repubblika tal-Litwanja kif ukoll mir-Repubblika tal-Estonja u fis-6 ta’ Novembru 2019 mir-Repubblika tal-Latvja, dawn talbu, skont l-Artikolu 143 tar-Regoli tal-Proċedura, sabiex jintervjenu insostenn tal-Parlament u tal-Kunsill.

16      Permezz ta’ att separat ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-10 ta’ Ottubru 2019, il-Parlament, skont l-Artikolu 130(1) tar-Regoli tal-Proċedura, qajjem eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà li fiha talab li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        prinċipalment,

–        tiċħad ir-rikors bħala inammissibbli;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż;

–        sussidjarjament, jekk il-Qorti Ġenerali kellha tiċħad l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà jew tiddeċiedi li tgħaqqad l-eżami tal-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mal-mertu, tiffissa termini ġodda għall-Parlament u għall-Kunsill sabiex jippreżentaw ir-risposti rispettivi tagħhom.

17      Permezz ta’ att separat ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-11 ta’ Ottubru 2019 skont l-Artikolu 130(2) tar-Regoli tal-Proċedura (iktar ’il quddiem it-“talba inċidentali”), il-Kunsill talab li l-Qorti Ġenerali:

–        tordna li ċerti dokumenti (iktar ’il quddiem id-“dokumenti kontenzjużi”) ma jagħmlux parti mill-proċess ġudizzjarju jew, fir-rigward ta’ dawk prodotti mir-rikorrenti, li jiġu rtirati mill-imsemmi proċess, f’dan il-każ [kunfidenzjali] (1) (iktar ’il quddiem l-“ewwel dokument kontenzjuż”), [kunfidenzjali] (iktar ’il quddiem it-“tieni dokument kontenzjuż”) u [kunfidenzjali] (iktar ’il quddiem it-“tielet dokument kontenzjuż”);

–        tinjora s-siltiet kollha tar-rikors u tal-annessi tiegħu li jirreferu għal dawn id-dokumenti kklassifikati “Restreint UE/EU Restricted” tal-Kunsill, li jiddeskrivu l-kontenut tagħhom jew jinvokawhom.

18      Fil-kuntest tat-talba inċidentali, il-Kunsill indika li kien irċieva diversi talbiet, skont ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 331), għal aċċess għal dokumenti fil-pussess tiegħu. Dawn it-talbiet kienu jirrigwardaw dokumenti dwar in-negozjati għal ftehim bejn l-Unjoni u pajjiż terz, f’dan il-każ [kunfidenzjali], kif ukoll dwar il-proċedura leġiżlattiva ta’ adozzjoni tad-direttiva kkontestata. F’dan ir-rigward, huwa speċifika li, fid-data tat-tressiq tat-talba inċidentali, huwa ma kien ta aċċess għal ebda minn dawn id-dokumenti u li, fid-data tal-preżentata ta’ dan ir-rikors, ma kienet tressqet ebda kontestazzjoni dwar iċ-ċaħda ta’ dawn it-talbiet għal aċċess għal dokumenti quddiem il-Qorti Ġenerali skont l-Artikolu 263 TFUE. Barra minn hekk, huwa annetta mat-talba inċidentali d-dokumenti li huwa kien stabbilixxa, fil-11 ta’ Ottubru 2019, fil-kuntest tal-imsemmija talbiet.

19      Permezz ta’ att separat ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-14 ta’ Ottubru 2019 skont l-Artikolu 130(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-Kunsill qajjem eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà li fiha talab li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors bħala inammissibbli;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

20      Fl-4 ta’ Novembru 2019, ir-rikorrenti ppreżentat l-osservazzjonijiet tagħha dwar it-talba inċidentali, li fihom hija titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha tiċħad it-talba għall-irtirar tad-dokumenti mressqa mill-Kunsill, li żżomm fil-proċess ir-riferimenti kollha fid-dokumenti li hija kienet ippreżentat lill-Qorti Ġenerali u li taċċetta dokument, f’dan il-każ l-ewwel dokument kontenzjuż, bħala li jagħmel parti mill-proċess tal-kawża.

21      Fid-29 ta’ Novembru 2019, ir-rikorrenti ppreżentat l-osservazzjonijiet tagħha dwar l-eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Parlament u mill-Kunsill, li fihom hija titlob essenzjalment li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        prinċipalment,

–        tgħaqqad l-eżami tal-eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà mal-mertu;

–        tiffissa terminu ġdid għall-preżentata tar-risposti, iqsar minn dak stabbilit fl-Artikolu 81 tar-Regoli tal-Proċedura sabiex jiġi evitat dewmien addizzjonali fit-trattament tal-kawża;

–        tirriżerva l-ispejjeż;

–        sussidjarjament

–        tiċħad l-eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà mqajma bħala infondati;

–        tikkundanna lill-Parlament u lill-Kunsill għall-ispejjeż.

22      Permezz ta’ att separat ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali wkoll fid-29 ta’ Novembru 2019, ir-rikorrenti talbet lill-Qorti Ġenerali, skont l-Artikolu 88 tar-Regoli tal-Proċedura, tadotta miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura jew, jekk ikun il-każ, miżura istruttorja, li tikkonsisti li l-“konvenuti” jintalbu jipproduċu ċerti dokumenti miżmuma mill-Kunsill (iktar ’il quddiem it-“talba għal miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura”). Fil-kuntest ta’ din it-talba, ir-rikorrenti żvelat, ħaġa li l-Kunsill ma kienx jaf dwarha sa dak iż-żmien, li t-talbiet li kienu tressqu quddiemu, fl-10 u fit-13 ta’ Mejju 2019, skont ir-Regolament Nru 1049/2001, kif invokati minnu fit-talba inċidentali, kienu effettivament ta’ wieħed mill-impjegati tagħha, ċittadin tal-Unjoni (iktar ’il quddiem it-“talbiet tal-impjegat tar-rikorrenti”). Permezz ta’ dawn it-talbiet, dan l-impjegat kien talab l-aċċess għad-dokumenti kollha miżmuma mill-Kunsill li kienu jinkludu l-osservazzjonijiet ippreżentati mill-Istati Membri fuq il-proposta tal-Kummissjoni li wasslet għall-adozzjoni tad-direttiva kkontestata, kif ukoll għal diversi dokumenti tax-xogħol oħra speċifikament indikati. Fit-tweġiba inizjali tiegħu tal-5 ta’ Ġunju 2019, il-Kunsill irrifjuta li jagħti l-aċċess għal dawn id-dokumenti. Wara li dan l-impjegat tar-rikorrenti ppreżenta, fit-23 ta’ Ġunju 2019, talba konfermattiva li tistieden lill-Kunsill jeżamina mill-ġdid il-pożizzjoni tiegħu, dan tal-aħħar, permezz ta’ deċiżjoni tat-8 ta’ Novembru 2019, minn naħa, ta l-aċċess sħiħ għal 23 mid-dokumenti mitluba kif ukoll aċċess parzjali għal 25 oħra mid-dokumenti mitluba, u, min-naħa l-oħra, irrifjuta l-aċċess għal tnejn mid-dokumenti mitluba.

23      Fis-6 ta’ Diċembru 2019, ir-rikorrenti, skont l-Artikolu 66 tar-Regoli tal-Proċedura, talbet li ċerta informazzjoni miżmuma fl-eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Parlament u mill-Kunsill tiġi kkunsidrata bħala kunfidenzjali fir-rigward tal-pubbliku.

24      Fid-19 ta’ Diċembru 2019, ir-rikorrenti ppreżentat osservazzjonijiet dwar l-istat tal-proċedura wara l-proroga mill-Qorti Ġenerali, fuq talba tal-Kunsill, tat-terminu mogħti lill-Parlament u lill-Kunsill sabiex jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom fuq it-talba għal miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura. Il-Qorti Ġenerali aċċettat li tinkludi fil-proċess dan id-dokument mhux previst mir-Regoli tal-Proċedura.

25      Fis-17 ta’ Jannar 2020, il-Parlament u l-Kunsill ippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom fuq it-talba għal miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura.

26      Fis-27 ta’ Jannar 2020, ir-rikorrenti ppreżentat osservazzjonijiet supplimentari, mhux previsti mir-Regoli tal-Proċedura, li l-Qorti Ġenerali aċċettat li tinkludi fil-proċess.

27      Fil-5 ta’ Frar 2020, il-Qorti Ġenerali, bħala miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, talbet lill-partijiet prinċipali jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom dwar il-konsegwenzi li għandhom jinsiltu, fir-rigward tat-talba inċidentali, mis-sentenza tat-31 ta’ Jannar 2020, Is‑Slovenja vs Il‑Kroazja (C‑457/18, EU:C:2020:65). Il-partijiet prinċipali għamlu dan fit-terminu impost.

28      Permezz ta’ deċiżjoni tal-4 ta’ April 2020, il-President tal-Qorti Ġenerali, skont l-Artikolu 67(2) tar-Regoli tal-Proċedura, iddeċieda, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari ta’ din il-kawża, li tiġi deċiża bi prijorità.

29      Fis-6 ta’ April 2020, il-Kunsill ippreżenta produzzjoni ta’ provi ġdida, li tikkonsisti fid-deċiżjoni tal-Ombudsman Ewropew, tas-27 ta’ Marzu 2020, li permezz tagħha dan tal-aħħar, billi ddeċieda dwar ilment tas-27 ta’ Awwissu 2019 dwar ir-rifjut tal-Kunsill li jagħti aċċess għal dokumenti li jikkonċernaw il-pipeline “Nord Stream 2”, għalaq dan l-ilment billi qies li dan ir-rifjut ma kienx jikkostitwixxi każ ta’ amministrazzjoni ħażina, peress li l-imsemmi rifjut kien iġġustifikat mill-protezzjoni tal-interess pubbliku f’dak li jikkonċerna r-relazzjonijiet internazzjonali tal-Unjoni fis-sens tal-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament Nru 1049/2001. Ir-rikorrenti u l-Parlament ġew mistiedna jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom fuq din il-produzzjoni ta’ provi ġdida f’terminu ta’ ġimagħtejn, li għamlu, u, fid-dawl tal-imsemmija osservazzjonijiet, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li taċċetta l-imsemmija produzzjoni ta’ provi ġdida u li tinkludiha fil-proċess.

 Id-dritt

 Fuq il-kwistjoni ta’ proċedura mqajma mill-Kunsill

30      Skont l-Artikolu 130(2) u (7) tar-Regoli tal-Proċedura, meta, permezz ta’ att separat, parti titlob lill-Qorti Ġenerali tiddeċiedi dwar kwistjoni ta’ proċedura, din għandha tiddeċiedi fuq it-talba fl-iqsar żmien possibbli, jekk ikun il-każ, wara li tkun fetħet il-fażi orali tal-proċedura.

31      F’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali tqis li għandha biżżejjed informazzjoni mill-annessi tal-proċess, b’mod partikolari permezz tal-osservazzjonijiet tal-partijiet prinċipali l-oħra dwar it-talba inċidentali kif ukoll permezz tat-tweġibiet tal-partijiet għall-mistoqsija magħmula mill-Qorti Ġenerali fil-5 ta’ Frar 2020, u tiddeċiedi, konsegwentement, dwar l-imsemmija talba inċidentali permezz ta’ dan id-digriet, mingħajr ma huwa neċessarju li tinfetaħ il-fażi orali tal-proċedura.

32      Fit-talba inċidentali, il-Kunsill, sostnut essenzjalment mill-Parlament fit-tweġiba tiegħu għall-mistoqsija tal-Qorti Ġenerali tal-5 ta’ Frar 2020, isostni li d-dokumenti kontenzjużi huma u jibqgħu, inkluż fid-data ta’ din it-talba, dokumenti kklassifikati “Restreint UE/EU Restricted” fis-sens tal-Artikolu 2(2)(d) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/488/UE tat-23 ta’ Settembru 2013 dwar ir-regoli tas-sigurtà għall-protezzjoni ta’ informazzjoni klassifikata tal-UE (ĠU 2013, L 274, p. 1), jiġifieri “informazzjoni u materjal li l-iżvelar mhux awtorizzat tagħhom jista’ jkun żvantaġġuż għall-interessi tal-Unjoni […] jew ta’ Stat Membru wieħed jew aktar”.

33      Barra minn hekk, fir-rigward b’mod partikolari tat-tieni u tat-tielet dokument kontenzjuż, iżda wkoll tal-ewwel dokument kontenzjuż, il-Kunsill isostni li, għalkemm ir-rikorrenti kellha tiġi awtorizzata tipproduċihom insostenn tar-rikors tagħha, dan iwassal sabiex jiġu evitati l-proċeduri previsti skont ir-Regolament Nru 1049/2001, peress li, fir-rigward ta’ dawn id-dokumenti, il-Kunsill, bi tweġiba għat-talbiet tal-impjegat tar-rikorrenti, irrifjuta, parzjalment jew totalment, l-aċċess għal dawn id-dokumenti u li dawn id-deċiżjonijiet ma ġewx sussegwentement ikkontestati skont l-Artikolu 263 TFUE quddiem il-Qorti Ġenerali. Iċ-ċirkustanza li, mingħajr awtorizzazzjoni min-naħa tiegħu, dawn id-dokumenti kienu ġew żvelati fis-sit internet ta’ korp tal-istampa jew permezz ta’ mezz ieħor u li ċerti persuni sussegwentement, b’għarfien sħiħ tal-klassifikazzjoni tagħhom “Restreint UE/EU Restricted”, ifformulaw artikoli u kummenti li permezz tagħhom dawn żvelaw il-kontenut tal-imsemmija dokumenti xorta waħda ma tawtorizzax lir-rikorrenti li tużahom jew li tirreferi għalihom f’din il-proċedura.

34      B’mod partikolari, il-Kunsill isostni li d-dannu kkawżat lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni wara l-produzzjoni u l-użu mhux awtorizzat tad-dokumenti kontenzjużi jeċċedi kunsiderevolment id-dannu kkawżat mill-awturi li jiċċitaw jew jużaw dawn id-dokumenti f’pubblikazzjonijiet ta’ riċerka jew ta’ artikli tal-istampa. Fil-fatt, tali użu fil-kuntest ġudizzjarju ta’ din il-kawża mhux biss iġib fix-xejn il-protezzjoni li l-klassifikazzjoni “Restreint UE/EU Restricted” hija intiża li tagħti, iżda jista’ barra minn hekk iħeġġeġ lir-rikorrenti sabiex tuża l-imsemmija dokumenti fi proċeduri ġudizzjarji oħra quddiem qrati jew istanzi oħra, b’mod partikolari fil-kuntest tal-proċedura ta’ arbitraġġ mibdija, fis-26 ta’ Settembru 2019, mir-rikorrenti kontra l-Unjoni konformement mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar iċ-Charter tal-Enerġija li huwa s-suġġett tad-Deċiżjoni 98/181/KE, KEFA/Euratom, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni tat-23 ta’ Settembru 1997 rigward il-konklużjoni, mill-Komunitajiet Ewropej, tat-Trattat fuq iċ-Charter ta’ l-Enerġija u l-Protokoll taċ-Charter ta’ l-Enerġija dwar l-effiċjenza fl-enerġija u l-aspetti ambjentali relatati (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 12, Vol. 2, p. 24).

35      Fl-osservazzjonijiet tagħha dwar il-kwistjoni ta’ proċedura, ir-rikorrenti ssostni li t-talba tal-Kunsill tal-11 ta’ Ottubru 2019 għandha tiġi miċħuda fl-intier tagħha.

36      F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti ssostni li d-dokumenti kontenzjużi huma manifestament rilevanti sabiex tintwera l-locus standi tagħha għall-annullament tad-direttiva kkontestata, b’mod partikolari l-fatt li din id-direttiva tikkonċernaha “speċifikament”, kif ukoll sabiex jiġu sostnuti l-motivi invokati fuq il-mertu, b’mod partikolari l-ksur tal-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ ċertezza legali kif ukoll l-abbuż ta’ poter tal-koleġiżlatur. Barra minn hekk, fir-rigward taċ-ċirkustanza li dawn id-dokumenti huma kklassifikati bħala “Restreint UE/EU Restricted”, hija tqis li din il-klassifikazzjoni hija interna għall-Kunsill u ma timponi ebda obbligu fuq terzi, bħar-rikorrenti, u li, fi kwalunkwe każ, din il-protezzjoni tispiċċa de facto meta, hekk kif inhu l-każ hawnhekk, id-dokumenti ttimbrati b’din il-klassifikazzjoni, fl-assenza ta’ miżura tal-Kunsill sabiex tiġi prekluża ċ-ċirkulazzjoni tagħhom jew sabiex jiġu osservati r-regoli tiegħu barra mill-konfini tiegħu, huma disponibbli għall-pubbliku, f’dan il-każ fuq l-internet, u huma ċċitati ta’ spiss f’diversi artikli ppubblikati.

37      Barra minn hekk, għandu jiġi miċħud l-argument tal-Kunsill li l-Qorti Ġenerali għandha tirrifjuta lil parti milli tipproduċi dokument sakemm l-aċċess għal dan id-dokument ikun is-suġġett ta’ proċedura amministrattiva jew ta’ proċedura ġudizzjarja pendenti. Fil-fatt, ir-Regolament Nru 1049/2001 ma japplikax direttament fl-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni tal-qorti tal-Unjoni. Barra minn hekk, minħabba termini għall-kisba ta’ deċiżjoni tal-Kunsill skont ir-Regolament Nru 1049/2001 u ta’ deċiżjoni sussegwenti tal-Qorti Ġenerali skont l-Artikolu 263 TFUE dwar il-legalità ta’ tali deċiżjoni tal-Kunsill li tirrifjuta l-aċċess għal dokument, il-pożizzjoni tal-Kunsill, kieku kellha tiġi approvata, twassal sabiex tirrendi fil-prattika impossibbli l-produzzjoni quddiem il-qorti tal-Unjoni, qabel ma tintemm il-proċedura ġudizzjarja prinċipali li fiha l-imsemmi dokument huwa rilevanti u utli bħala prova, ta’ dokument li istituzzjoni tal-Unjoni tirrifjuta li tiżvela. Sussidjarjament, ir-rikorrenti tqis li l-motivi, li l-Kunsill ibbaża fuqhom sabiex jopponi t-talbiet tal-impjegat tar-rikorrenti, u li huwa għandu l-intenzjoni li jirrepeti f’din il-kawża, ma humiex iddettaljati biżżejjed u li, fi kwalunkwe każ, l-allegati effetti dannużi tal-iżvelar tal-kontenut tal-ewwel dokument kontenzjuż kienu diġà ġew ikkawżati minn dikjarazzjonijiet pubbliċi tal-Kummissjoni.

 Kunsiderazzjonijiet preliminari

38      Qabelxejn, l-ewwel nett, għandu jiġi kkonstatat li, f’dan il-każ, huwa paċifiku li r-rikorrenti ma talbitx minn qabel lill-Kunsill u/jew lill-Kummissjoni l-awtorizzazzjoni sabiex tipproduċi quddiem il-Qorti Ġenerali d-dokumenti kontenzjużi li dawn l-istituzzjonijiet tal-Unjoni huma l-awturi u/jew id-destinatarji tagħhom; it-tieni nett, għandha tingħata deċiżjoni dwar il-kwistjoni ta’ proċedura bla ħsara għat-talba għal miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura tar-rikorrenti tad-29 ta’ Novembru 2019, li ser tiġi eżaminata sussegwentement; it-tielet nett, għandu jiġi rrilevat li, fid-data tat-tressiq tat-talba inċidentali u f’dan l-istadju tal-eżami tal-kwistjoni ta’ proċedura mqajma f’din it-talba, il-Qorti Ġenerali ma kinitx ordnat il-produzzjoni tal-imsemmija dokumenti kontenzjużi fil-kuntest tal-proċedura prinċipali u, ir-raba’ nett, għandu jiġi kkonstatat li, la l-Kunsill, la l-Parlament, u lanqas il-Kummissjoni ma kienu żvelawhom, parzjalment jew totalment, minn jeddhom jew b’tweġiba għal talba għal aċċess tal-pubbliku għad-dokumenti tal-istituzzjonijiet imressqa skont ir-Regolament Nru 1049/2001.

39      Sussegwentement, għandu jiġi kkonstatat li, anki jekk id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1049/2001 ma humiex applikabbli f’din il-proċedura, ir-rikorrenti madankollu pproduċiet id-dokumenti kontenzjużi f’dan il-każ mingħajr l-awtorizzazzjoni tal-awturi u/jew tad-destinatarji tagħhom. Għalhekk, dawn id-dispożizzjonijiet għandhom ċertu valur indikattiv fid-dawl tal-ibbilanċjar tal-interessi meħtieġ sabiex tingħata deċiżjoni dwar it-talba inċidentali intiża għall-irtirar tal-imsemmija dokumenti (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal-14 ta’ Mejju 2019, L‑Ungerija vs Il‑Parlament, C‑650/18, mhux ippubblikat, EU:C:2019:438, punti 9, 12 u 13, u s-sentenza tal-31 ta’ Jannar 2020, Is‑Slovenja vs Il‑Kroazja, C-457/18, EU:C:2020:65, punt 67).

40      F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, l-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 jipprovdi li “[l]-istituzzjonijiet għandhom jirrifjutaw aċċess għal dokument meta l-iżvelar tiegħu jista’ jdgħajjef il-ħarsien [...] proċedimenti fil-qrati u pariri legali, [...] jekk ma’ jkunx hemm interess pubbliku akbar fl-iżvelar tiegħu”. Issa, ikun kuntrarju għall-interess pubbliku, li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni skont din id-dispożizzjoni, li tipprovdi li l-istituzzjonijiet jistgħu jibbenefikaw mill-pariri tas-servizz legali tagħhom, mogħtija b’indipendenza sħiħa, li jiġi aċċettat li l-produzzjoni ta’ dokumenti interni, li għandhom in-natura ta’ parir legali, tista’ sseħħ fil-kuntest ta’ tilwima quddiem il-Qorti Ġenerali mingħajr ma l-imsemmija produzzjoni tkun ġiet awtorizzata mill-istituzzjoni kkonċernata jew ordnata minn din il-qorti (ara d-digriet tal-14 ta’ Mejju 2019, L‑Ungerija vs Il‑Parlament, C‑650/18, mhux ippubblikat, EU:C:2019:438, punt 8 u l-ġurisprudenza ċċitata; sentenza tal-31 ta’ Jannar 2020, Is‑Slovenja vs Il‑Kroazja, C‑457/18, EU:C:2020:65, punt 66 ).

41      Dawn il-kunsiderazzjonijiet japplikaw mutatis mutandis fir-rigward tal-interessi protetti mill-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament Nru 1049/2001. Din id-dispożizzjoni tipprevedi kriterji ġenerali ħafna li fid-dawl tagħhom il-pubbliku għandu jiġi rrifjutat l-aċċess, hekk kif jirriżulta mit-termini ta’ din id-dispożizzjoni, meta l-iżvelar tad-dokument ikkonċernat jista’ “jdgħajjef” il-protezzjoni tal-“interess pubbliku” f’dak li jirrigwarda b’mod partikolari s-“sigurtà pubblika” jew ir-“relazzjonijiet internazzjonali” u mhux biss, hekk kif dan kien ġie propost matul il-proċedura leġiżlattiva li wasslet għall-adozzjoni ta’ dan ir-regolament, meta dannu “sinjifikattiv” għal din il-protezzjoni jiġi effettivament ikkonstatat (sentenzi tal-1 ta’ Frar 2007, Sison vs Il‑Kunsill, C‑266/05 P, EU:C:2007:75, punti 36 sa 38, u tas-7 ta’ Frar 2018, Access Info Europe vs Il‑Kummissjoni, T‑851/16, EU:T:2018:69, punt 39).

42      Għalhekk, ikun kuntrarju għall-interess pubbliku intiż għall-protezzjoni tal-“interess pubbliku” f’dak li jirrigwarda b’mod partikolari s-“sigurtà pubblika” jew ir-“relazzjonijiet internazzjonali”, li jiġi aċċettat li l-produzzjoni ta’ dokumenti interni, li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, tista’ sseħħ fil-kuntest ta’ tilwima quddiem il-Qorti Ġenerali mingħajr ma l-imsemmija produzzjoni tkun ġiet awtorizzata mill-istituzzjoni kkonċernata jew ordnata minn din il-qorti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-31 ta’ Jannar 2020, Is‑Slovenja vs Il‑Kroazja, C‑457/18, EU:C:2020:65, punt 66).

43      Barra minn hekk, is-sempliċi fatt li r-rikorrenti tinvoka ċerti dokumenti kontenzjużi f’tilwima quddiem il-Qorti Ġenerali kontra parti li ma hijiex l-istituzzjoni li minna ħarġu dawn id-dokumenti, f’dan il-każ l-istituzzjoni destinatarja ta’ dawn id-dokumenti, huwa mingħajr effett fuq il-protezzjoni tal-interessi pubbliċi tal-istituzzjonijiet, hekk kif protetti mill-Artikolu 4(1) sa (3) tar-Regolament Nru 1049/2001, u għalhekk ma jirrendix superfluwu l-ibbilanċjar tal-interessi meħtieġ sabiex tingħata deċiżjoni dwar it-talba għall-irtirar ta’ dawn id-dokumenti mill-proċess tal-kawża (ara s-sentenza tal-31 ta’ Jannar 2020, Is‑Slovenja vs Il‑Kroazja, C‑457/18, EU:C:2020:65, punt 69 u l-ġurisprudenza ċċitata).

44      Fl-aħħar nett, iċ-ċirkustanza. invokata mir-rikorrenti, li hija kellha aċċess għad-dokumenti kontenzjużi permezz tas-sit internet li sar riferiment għalih f’artiklu akkademiku ġuridiku jew li hija kienet taf bil-kontenut tagħhom permezz tal-elementi miġjuba minn awturi ta’ artikli akkademiċi ġuridiċi, ma tistax tqajjem dubju dwar il-kunsiderazzjonijiet preċedenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-31 ta’ Jannar 2020, Is‑Slovenja vs Il‑Kroazja, C‑457/18, EU:C:2020:65, punt 72 u l-ġurisprudenza ċċitata).

45      Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li għandhom jiġu eżaminati t-talbiet tal-Kunsill ifformulati fit-talba inċidentali.

 Fuq it-talbiet intiżi sabiex il-Qorti Ġenerali tirtira d-dokumenti kontenzjużi mill-proċess ġudizzjarju

46      It-talba tal-Kunsill tirrigwarda tliet dokumenti, li għandhom jiġu eżaminati suċċessivament, b’kunsiderazzjoni tal-fatt, ikkonfermat mir-rikorrenti, li, fir-rigward tal-ewwel żewġ dokumenti kontenzjużi, kien sar riferiment għalihom fit-talbiet tal-impjegat tar-rikorrenti, li taw lok għal deċiżjonijiet ta’ ċaħda tal-Kunsill, li, skont din tal-aħħar, kienu ġew adottati bi ksur tar-Regolament Nru 1049/2001.

–       Fuq l-ewwel dokument kontenzjuż

47      Fir-rigward tal-ewwel dokument kontenzjuż, il-Kunsill jenfasizza li l-parir legali inkluż fih ma ġiex ippubblikat minħabba li x-xandir mhux awtorizzat tiegħu seta’ jippreġudika l-funzjonament tajjeb tal-istituzzjoni. Minkejja li dan it-test ma ġiex anness mar-rikors, ir-rikorrenti tiċċita u tanalizza l-kontenut ta’ dan id-dokument, billi tirreferi għal artikli ta’ awturi li mhux biss jiddeskrivu l-kontenut ta’ dan it-test, iżda, barra minn hekk, jipprovdu hyperlinks lejn is-sit internet ta’ korp tal-istampa li jagħti aċċess għal dan il-parir.

48      F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma kinitx inizjalment annettiet mar-rikors l-ewwel dokument kontenzjuż. Madankollu, filwaqt li l-Kunsill kien talab, fil-11 ta’ Ottubru 2019, li l-imsemmi dokument ma jagħmilx parti mill-proċess, ir-rikorrenti ħadet il-libertà li tipproduċi dan id-dokument f’anness mal-osservazzjonijiet tagħha dwar it-talba inċidentali.

49      Għalhekk, anki jekk, fir-rigward tal-ewwel dokument kontenzjuż, it-talba inċidentali ma setgħetx inizjalment tirrigwarda rtirar ta’ dan id-dokument mill-proċess ġudizzjarju iżda, l-iktar, kellha titqies bħala talba li tistieden lill-Qorti Ġenerali, għall-kumplament tal-proċedura, li ma taċċettax dan l-anness u lanqas li teżiġi l-produzzjoni tiegħu, għandu madankollu jiġi kkonstatat li, peress li r-rikorrenti kienet sussegwentement ipproduċiet dan id-dokument u l-Kunsill ikkonkluda li dan id-dokument kien inammissibbli fil-kuntest tal-osservazzjonijiet tiegħu tas-17 ta’ Jannar 2020, hija issa l-Qorti Ġenerali li għandha tiddeċiedi dwar l-ammissibbiltà tal-imsemmi dokument.

50      F’dan ir-rigward, l-ewwel dokument kontenzjuż huwa, hekk kif jindika t-titolu tiegħu, parir ifformulat mis-servizz legali tal-Kunsill u indirizzat lir-rappreżentanti permanenti tal-Istati Membri tal-Unjoni ma’ din l-istituzzjoni. Dan għandu t-titolu “[kunfidenzjali]”. Għaldaqstant, dan id-dokument bla dubju jinkludi parir legali fis-sens tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001.

51      Sussegwentement, billi invokat u pproduċiet, fil-kuntest ta’ dan ir-rikors, dan il-parir legali, li joriġina mis-servizz legali ta’ wieħed mill-konvenuti u li jinkludi evalwazzjoni ġuridika fuq kwistjonijiet ta’ liġi rilevanti fir-rigward tas-suġġett tar-rikors, ir-rikorrenti għandha l-intenzjoni li tikkonfronta lill-konvenuti b’dan il-parir fil-proċedura preżenti. Issa, li tiġi awtorizzata ż-żamma ta’ dan il-parir legali fil-proċess tal-kawża, filwaqt li l-iżvelar tiegħu ma kienx ġie awtorizzat mill-Kunsill, li ċaħad it-talbiet tal-impjegat tar-rikorrenti, iwassal sabiex din tal-aħħar tkun tista’ tevita l-proċedura ta’ talba għal aċċess għal tali dokument, kif stabbilita bir-Regolament Nru 1049/2001 (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal-14 ta’ Mejju 2019, L-Ungerija vs Il‑Parlament, C‑650/18, mhux ippubblikat, EU:C:2019:438, punt 14, u s-sentenza tal-31 ta’ Jannar 2020, Is‑Slovenja vs Il‑Kroazja, C‑457/18, EU:C:2020:65, punt 68).

52      F’dan il-każ, jeżisti riskju prevedibbli, mhux ipotetiku, li, minħabba l-produzzjoni mhux awtorizzata tal-ewwel dokument kontenzjuż f’din il-proċedura, il-Kunsill u, sa ċertu punt, il-Parlament huma obbligati li jieħdu pożizzjoni pubblika fir-rigward ta’ parir legali li kien intiż, evidentement, għal użu intern ta’ istituzzjoni tal-Unjoni. Issa, tali perspettiva twassal inevitabbilment għal riperkussjonijiet negattivi fir-rigward tal-interess tal-istituzzjonijiet, b’mod partikolari tal-Kunsill, li jitlob pariri legali u li jirċievi pariri onesti, oġġettivi u komprensivi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-31 ta’ Jannar 2020, Is‑Slovenja vs Il‑Kroazja, C‑457/18, EU:C:2020:65, punt 70; ara wkoll, b’analoġija, is-sentenza tal-1 ta’ Lulju 2008, L-Isvezja u Turco vs Il‑Kunsill, C‑39/05 P u C‑52/05 P, EU:C:2008:374, punt 42, u d-digriet tal-14 ta’ Mejju 2019, L‑Ungerija vs Il‑Parlament, C‑650/18, mhux ippubblikat, EU:C:2019:438, punt 16).

53      Għaldaqstant il-Kunsill ġustament jinvoka, fit-talba inċidentali, il-protezzjoni tal-pariri legali, kif prevista fit-tieni inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001. F’dan ir-rigward, kuntarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, b’kunsiderazzjoni tal-funzjoni probatorja u strumentali tal-annessi (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal-8 ta’ Novembru 2007, Il‑Belġju vs Il‑Kummissjoni, C‑242/07 P, EU:C:2007:672, punt 41), il-Kunsill seta’ jsostni l-affermazzjonijiet tiegħu magħmula fit-talba inċidentali billi jipproduċi, f’anness mal-osservazzjonijiet tiegħu dwar it-talba għal miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, id-deċiżjoni ta’ rifjut ta’ aċċess għall-ewwel dokument kontenzjuż fil-konfront ta’ persuna fiżika, li rriżultat, fil-mori tal-kawża, li kienet il-persuna impjegata mir-rikorrenti li aġixxiet fl-interess ta’ din tal-aħħar.

54      F’dak li jikkonċerna l-eżistenza ta’ interess pubbliku superjuri li jiġġustifika ż-żamma tal-ewwel dokument kontenzjuż fil-proċess ta’ din il-kawża, minbarra l-fatt li, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, il-parir legali li jinsab f’dan id-dokument ma jikkonċernax proċedura leġiżlattiva li fir-rigward tagħha hija meħtieġa trasparenza addizzjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-1 ta’ Lulju 2008, L‑Isvezja u Turco vs Il‑Kunsill, C‑39/05 P u C‑52/05 P, EU:C:2008:374, punti 46, 47, 67 u 68), peress li jirreferi unikament, f’dan l-istadju [kunfidenzjali], għandu jiġi osservat li, għar-rikorrenti, l-interess f’din iż-żamma huwa li tkun f’pożizzjoni li tinvoka dan il-parir legali insostenn tar-rikors tagħha u tal-osservazzjonijiet tagħha dwar l-eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Parlament u mill-Kunsill. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-produzzjoni tal-imsemmi parir legali tidher li hija ggwidata mill-interessi speċifiċi tar-rikorrenti li ssostni l-argumenti tagħha dwar l-ammissibbiltà u l-mertu tar-rikors, u mhux minn kwalunkwe interess pubbliku superjuri (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal-14 ta’ Mejju 2019, L‑Ungerija vs Il‑Parlament, C‑650/18, mhux ippubblikat, EU:C:2019:438, punt 18, u s-sentenza tal-31 ta’ Jannar 2020, Is-Slovenja vs Il‑Kunsill, C‑457/18, EU:C:2020:65, punt 71).

55      Barra minn hekk, iċ-ċirkustanza, invokata mir-rikorrenti, li hija kellha aċċess għad-dokumenti kontenzjużi permezz ta’ sit internet li sar riferiment għalih f’artiklu akkademiku ġuridiku jew li hija kellha għarfien tal-kontenut tagħhom permezz tal-elementi miġjuba minn awturi ta’ artikli akkademiċi ġuridiċi jew anki li istituzzjonijiet oħra, bħall-Parlament jew il-Kummissjoni, f’dikjarazzjonijiet jew f’dokumenti mqiegħda online fis-siti internet tagħhom, ikunu rreferew għall-ewwel dokument kontenzjuż, eventwalment billi żvelaw parzjalment il-konklużjonijiet tal-parir legali li kien jinsab fih, ma tistax tqajjem dubju dwar il-kunsiderazzjonijiet preċedenti li jikkonċernaw l-interess tal-Kunsill, u mhux ta’ dawn l-istituzzjonijiet oħra, li jżomm il-prerogattiva tiegħu li jitlob mis-servizz legali tiegħu pariri legali u li jirċievi pariri onesti, oġġettivi u komprensivi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-31 ta’ Jannar 2020, Is-Slovenja vs Il‑Kroazja, C‑457/18, EU:C:2020:65, punt 72 u l-ġurisprudenza ċċitata).

56      Fir-rigward tal-kritika tar-rikorrenti fir-rigward tal-inkapaċità tal-Kunsill li jikkontrolla l-iżvelar, barra mill-konfini tiegħu, tal-ewwel dokument kontenzjuż u tal-inerzja tiegħu li jiżgura n-natura kunfidenzjali li huwa kellu l-intenzjoni li jagħti lil dan id-dokument permezz tal-klassifikazzjoni tiegħu “Restreint UE/EU Restricted”, il-Qorti Ġenerali tqis li, anki jekk kien effettivament possibbli għall-Kunsill li jieħu passi intiżi, b’mod partikolari, għat-tneħħija ta’ riferiment għal dan id-dokument mill-internet, xorta jibqa’ l-fatt li l-assenza ta’ inizjattiva jew l-assenza ta’ suċċess tal-Kunsill f’dan ir-rigward ma tistax tippermetti li minn dan jiġi dedott li huwa kien impliċitament awtorizza l-iżvelar ta’ dan id-dokument fis-sens tar-Regolament Nru 1049/2001.

–       Fuq it-tieni dokument kontenzjuż

57      Fir-rigward tat-tieni dokument kontenzjuż, dan jikkostitwixxi, hekk kif jindika t-titolu tiegħu, rakkomandazzjonijiet ifformulati mill-Kummissjoni indirizzati lill-Kunsill fid-dawl tal-adozzjoni ta’ deċiżjoni li tikkonċerna negozjati internazzjonali ma’ pajjiż terz li tirrigwarda speċifikament [kunfidenzjali].

58      F’dan ir-rigward, il-Kunsill isostni, fit-talba inċidentali, li t-tieni dokument kontenzjuż kien għadu qed jiġi eżaminat minn din l-istituzzjoni. Dan id-dokument ma kienx ġie żvelat lill-pubbliku, inkluż wara talbiet għal aċċess għad-dokumenti mressqa skont ir-Regolament Nru 1049/2001, peress li tali żvelar jippreġudika l-protezzjoni tal-interess pubbliku f’dak li jirrigwarda r-relazzjonijiet internazzjonali u jippreġudika l-proċess deċiżjonali tal-Kunsill, b’mod partikolari billi jikkomprometti l-pożizzjoni tal-Kunsill u tal-Unjoni fi proċeduri ġudizzjarji, inkluż quddiem istanzi ta’ arbitraġġ, fis-sens tal-Artikolu 4(1) u (2) ta’ dan ir-regolament.

59      Ir-rikorrenti tqis mill-ġdid, fir-rigward tat-tieni dokument kontenzjuż, li l-Qorti Ġenerali għandha żżomm mal-elementi esposti mill-Kunsill fit-talba inċidentali, mingħajr ma tkun tista’ tibbaża ruħha fuq il-motivi ta’ rifjut ta’ aċċess għal dan id-dokument, kif esposti fid-deċiżjoni tal-Kunsill, li huwa annetta mal-osservazzjonijiet tiegħu, li tirrifjuta tali aċċess lil persuna fiżika. Sussidjarjament, fir-rigward tal-allegazzjoni tal-Kunsill, esposta f’din id-deċiżjoni ta’ rifjut, li tgħid li l-iżvelar tat-tieni dokument kontenzjuż jippreġudika r-relazzjonijiet internazzjonali tal-Unjoni, billi jiżvela [kunfidenzjali], ir-rikorrenti tqis, filwaqt li tirrileva li dan huwa l-ewwel darba li dokument ta’ din in-natura ma jkunx ġie żvelat lill-pubbliku, li, mill-mument li fih huwa ħalla d-dokument jew l-informazzjoni taħrab mill-ħitan tiegħu, il-Kunsill ma jistax jinvoka tali motivi u lanqas jallega li l-iżvelar ta’ dan id-dokument jaffettwa b’mod negattiv id-diskussjonijiet dwar dan il-proċess u [kunfidenzjali]. Fi kwalunkwe każ, ir-riferiment għal allegata dgħufija tal-pożizzjoni tal-Unjoni, fil-proċedura ta’ arbitraġġ li r-rikorrenti bdiet kontriha, lanqas ma huwa suffiċjenti sabiex jiġġustifika l-irtirar tat-tieni dokument kontenzjuż mill-proċess. Fil-fatt, din il-proċedura hija distinta minn din il-proċedura ġudizzjarja. Issa, skont ir-rikorrenti, fl-imsemmija proċedura ta’ arbitraġġ, la r-Regolament Nru 1049/2001 u lanqas ir-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali ma huma applikabbli, l-istess bħad-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali dwar il-kwistjoni ta’ proċedura f’dan il-każ ma tistax tiġi implimentata fl-imsemmija proċedura ta’ arbitraġġ.

60      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-prinċipju ta’ interpretazzjoni stretta tal-eċċezzjonijiet previsti fl-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1049/2001, kif irrikonoxxut mill-ġurisprudenza (sentenzi tal-1 ta’ Frar 2007, Sison vs Il-Kunsill, C‑266/05 P, EU:C:2007:75, punt 63; tal-1 ta’ Lulju 2008, L‑Isvezja u Turco vs Il‑Kunsill, C‑39/05 P u C‑52/05 P, EU:C:2008:374, punt 36, u tas-17 ta’ Ottubru 2013, Il‑Kunsill vs Access Info Europe, C‑280/11 P, EU:C:2013:671, punt 30), ma jipprekludix li, fir-rigward tal-eċċezzjonijiet relatati mal-interess pubbliku previsti fil-punt (a) tal-ewwel paragrafu ta’ dan l-artikolu, l-istituzzjoni kkonċernata jkollha marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ sabiex tiddetermina jekk l-iżvelar lill-pubbliku ta’ dokument jippreġudikax l-interessi protetti minn din id-dispożizzjoni (sentenzi tal-1 ta’ Frar 2007, Sison vs Il‑Kunsill, C‑266/05 P, EU:C:2007:75, punt 64, u tas-7 ta’ Frar 2018, Access Info Europe vs Il‑Kummissjoni, T‑851/16, EU:T:2018:69, punt 40).

61      Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li għandu jiġi rrikonoxxut li n-natura partikolarment sensittiva u essenzjali ta’ dawn l-interessi, flimkien man-natura obbligatorja tar-rifjut ta’ aċċess li, skont l-imsemmija dispożizzjoni, għandha tiġi kkontestata mill-istituzzjoni meta l-iżvelar lill-pubbliku ta’ dokument jippreġudika dawn l-interessi, tagħti lid-deċiżjoni li għandha għalhekk tittieħed mill-istituzzjoni natura kumplessa u delikata li teħtieġ livell ta’ prudenza partikolari ħafna u li, f’dan il-każ, din id-deċiżjoni għalhekk tirrikjedi marġni ta’ diskrezzjoni (sentenza tal-1 ta’ Frar 2007, Sison vs Il-Kunsill, C‑266/05 P, EU:C:2007:75, punt 35). Dan huwa kkorroborat mill-fatt li l-eċċezzjonijiet previsti fl-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 1049/2001 huma fformulati f’termini imperattivi sa fejn l-istituzzjonijiet huma obbligati jirrifjutaw l-aċċess għad-dokumenti li jaqgħu taħt dawn l-eċċezzjonijiet obbligatorji meta tiġi prodotta l-prova taċ-ċirkustanzi previsti mill-imsemmija eċċezzjonijiet, mingħajr ma huwa neċessarju li l-protezzjoni tal-interess pubbliku tiġi bbilanċjata ma’ interess ġenerali superjuri li jirrikjedi l-iżvelar tagħhom (ara s-sentenzi tas-7 ta’ Frar 2018, Access Info Europe vs Il‑Kummissjoni, T‑851/16, EU:T:2018:69, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tas-7 ta’ Frar 2018, Access Info Europe vs Il‑Kummissjoni, T‑852/16, EU:T:2018:71, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata).

62      F’dan ir-rigward, diġà ġie deċiż, essenzjalment, li l-iżvelar ta’ elementi li għandhom rabta mal-għanijiet li għandhom jintlaħqu mill-Unjoni u mill-Istati Membri f’deċiżjonijiet, b’mod partikolari meta jittrattaw il-kontenut speċifiku ta’ ftehim internazzjonali previst jew l-għanijiet strateġiċi li għandhom jintlaħqu mill-Unjoni fin-negozjati, kien jippreġudika l-klima ta’ fiduċja fin-negozjati li kienu pendenti fil-mument tad-deċiżjoni ta’ rifjut ta’ aċċess għad-dokumenti li jinkludu dawn l-elementi (sentenza tas-7 ta’ Frar 2018, Access Info Europe vs Il‑Kummissjoni, T‑852/16, EU:T:2018:71, punt 44; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tal-4 ta’ Mejju 2012, In’t Veld vs Il‑Kunsill, T‑529/09, EU:T:2012:215, punti 35, 36 u 39).

63      Fir-rigward tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti u tal-kontenut tat-tieni dokument kontenzjuż, għandu jiġi kkonstatat li l-Kunsill ġustament iqis li l-iżvelar ta’ dan id-dokument jippreġudika konkretament u effettivament il-protezzjoni tal-interess pubbliku f’dak li jirrigwarda r-relazzjonijiet internazzjonali fis-sens tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 1049/2001, f’dan il-każ fir-relazzjonijiet bejn l-Unjoni u [kunfidenzjali] li jiġġustifika, fih innifsu, li l-imsemmi dokument jitneħħa mill-proċess, mingħajr ma jkun neċessarju li tiġi bbilanċjata l-protezzjoni ta’ dan l-interess pubbliku ma’ interess ġenerali superjuri, u lanqas ma jkun neċessarju li jiġu eżaminati ż-żewġ motivi l-oħra, invokati mill-Kunsill bħala li jipprekludu l-possibbiltà għar-rikorrenti li tipproduċi t-tieni dokument kontenzjuż, jiġifieri dawk intiżi għall-protezzjoni tal-proċeduri ġudizzjarji u tal-proċess deċiżjonali intern tal-Kunsill, kif previsti, rispettivament, fit-tieni inċiż tal-Artikolu 4(2) u fl-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001.

64      Barra minn hekk, għandu jiġi rrepetut li din il-konklużjoni ma tistax tiġi kkontestata mill-argumenti diġà esposti u miċħuda fil-punti 55 u 56 iktar ’il fuq.

–       Fuq it-tielet dokument kontenzjuż

65      Fir-rigward tat-tielet dokument kontenzjuż, ir-rikorrenti ssostni li hija ma tirreferix għalih fir-rikors u li, fir-realtà, l-ilment tal-Kunsill għandu jinftiehem bħala jirreferi għal artiklu akkademiku ġuridiku, prodott bħala Anness A.19. Madankollu, sa fejn l-argument tar-rikorrenti jirriżulta biss minn dak li huwa espost fir-rikors, u mhux dak li huwa mehmuż fl-anness u li għalih ma jsirx riferiment f’dan ir-rikors, it-talba tal-Kunsill dwar it-tielet dokument kontenzjuż hija mingħajr skop.

66      F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li, effettivament, għalkemm it-tieni u t-tielet dokument kontenzjuż, kif invokati mill-Kunsill fit-talba inċidentali, it-tnejn għandhom id-data 12 ta’ Ġunju 2017 u li t-tielet huwa anness tat-tieni wieħed, madankollu jidher li r-rikorrenti ma pproduċietx, bħala tali, it-tielet dokument kontenzjuż. Għaldaqstant, ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni fuq it-talba, ifformulata b’mod prinċipali, intiża għall-irtirar tal-imsemmi dokument mill-proċess.

67      Fir-rigward tat-talba tal-Kunsill, apparentement sussidjarja, intiża sabiex il-Qorti Ġenerali tordna li t-tielet dokument kontenzjuż “ma jkunx parti” mill-proċess, jidher li din hija intiża sabiex tesprimi b’mod preventiv il-pożizzjoni ta’ din l-istituzzjoni fil-każ li l-Qorti Ġenerali jkollha l-intenzjoni tadotta miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura li permezz tagħha huwa jintalab jipproduċi l-imsemmi dokument. Madankollu, talba simili ma tirriflettix l-eżistenza ta’ kwistjoni ta’ proċedura, b’tali mod li lanqas ma hemm iktar lok li tingħata deċiżjoni dwarha.

68      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li, sa fejn dawn ġew prodotti mingħajr awtorizzazzjoni tal-istituzzjoni kkonċernata, bħala awtur jew bħala destinatarju, u mingħajr ma l-Qorti Ġenerali, f’dan l-istadju, tkun ordnat il-produzzjoni tagħhom, għandu jiġi eskluż mill-proċess l-ewwel dokument kontenzjuż, prodott bħala Anness O. 20 tal-osservazzjonijiet tar-rikorrenti dwar it-talba inċidentali, kif ukoll it-tieni dokument kontenzjuż, prodott bħala Anness A. 14 tar-rikors.

 Fuq it-talba intiża sabiex il-Qorti Ġenerali tinjora ċerti siltiet tar-rikors u tal-annessi

69      Fir-rigward tat-talba konnessa tal-Kunsill intiża sabiex il-Qorti Ġenerali tinjora s-siltiet tar-rikors li jirreferu għad-dokumenti kontenzjużi, b’mod partikolari l-punti 50 sa 53, il-punt 112(a)(iii), il-punt 139 u l-punt 158(d), ir-rikorrenti tqis li din għandha tiġi miċħuda. Fil-fatt, hija tirrileva li, f’dawn il-punti u bl-esklużjoni ta’ dan tal-aħħar li fih ma hemm ebda riferiment speċifiku għall-ewwel dokument kontenzjuż, hija llimitat ruħha tispjega li d-direttiva kkontestata kienet toriġina mill-analiżi ġuridika li tinsab fl-ewwel dokument kontenzjuż. Issa, din l-oriġini hija spjegata fit-tieni paragrafu tal-proposta għal direttiva, li tikkostitwixxi dokument pubbliku. Barra minn hekk, l-allegazzjoni tal-Kunsill tidher li tirrigwarda iktar l-allegata possibbiltà, għar-rikorrenti, li tibbaża ruħha fuq dokument ippubblikat mill-Parlament, intitolat “Common Rules for Gas Pipelines entering the EU Internal Market” (Regoli komuni għall-pajpijiet tal-gass li jidħlu fis-suq intern tal-Unjoni), minkejja li, minħabba n-natura pubblika ta’ dan id-dokument, ir-rikorrenti tista’ tirreferi għalih kif ukoll għall-informazzjoni li jiżvela. Għall-kumplament, il-Qorti Ġenerali ma tistax iċċaħħad lir-rikorrenti mill-possibbiltà li tirreferi għal kitbiet universitarji, anki jekk dawn kellhom huma stess jibbażaw ruħhom jew jirreferu, totalment jew parzjalment, għal dokumenti kunfidenzjali jew jiżvelaw, direttament jew indirettament, il-kontenut tagħhom.

70      F’dan ir-rigward, wara l-irtirar tal-ewwel u tat-tieni dokument kontenzjuż mill-proċess, hemm lok li jiġi kkunsidrat, konsegwentement, li l-allegazzjonijiet tar-rikorrenti, kif jinsabu fir-rikors u li jirreferu għall-imsemmija dokumenti, ma humiex iktar sostnuti minn provi li jikkorroboraw il-kontenut tagħhom u l-veraċità tagħhom. Fir-rigward tal-artikli tad-duttrina prodotti mir-rikorrenti u li jirreferu għall-ewwel żewġ dokumenti kontenzjużi jew jiżvelaw estratti minnhom, minn naħa, dawn il-pubblikazzjonijiet ma ġewx huma stess iddikjarati illegali minn awtorità amministrattiva jew ġudizzjarja u, min-naħa l-oħra, peress li s-saħħa probatorja ta’ pubblikazzjonijiet u ta’ kummenti oħra maħruġa mid-duttrina hija, b’mod ġenerali, limitata, għandu jiġi kkunsidrat li, a fortiori, dawk prodotti f’dan il-każ, anki jekk ma hemmx lok li jitneħħew mill-proċess, għandhom għaldaqstant inqas forza probatorja fl-assenza tal-produzzjoni mir-rikorrenti, b’mod legali, ta’ dokumenti sorsi li minnhom huma allegatament jiżvelaw il-kontenut.

71      F’dawn il-kundizzjonijiet, għandha tintlaqa’ t-talba inċidentali intiża sabiex il-Qorti Ġenerali tinjora ċerti siltiet tar-rikors u tal-annessi unikament f’dak li jikkonċerna dawk li fihom huma riprodotti siltiet mill-ewwel u mit-tieni dokument kontenzjuż (ara, f’dan is-sens, id-digrieti tat-30 ta’ April 2010, Inuit Tapiriit Kanatami et vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, T‑18/10 R, mhux ippubblikat, EU:T:2010:172, punt 23, u tal-21 ta’ Frar 2013, Besselink vs Il‑Kunsill, T‑331/11, mhux ippubblikat, EU:T:2013:91, punt 16). Għall-kumplament, din it-talba għandha tiġi miċħuda.

72      Fir-rigward tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, hemm lok li tittieħed deċiżjoni kif ġej dwar it-talba inċidentali:

–        id-dokumenti prodotti mir-rikorrenti bħala Annessi A. 14 u O. 20 jitneħħew mill-proċess u lanqas ma għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni siltiet mir-rikors u mill-annessi li fihom huma riprodotti estratti minn dawn id-dokumenti;

–        ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni fir-rigward tat-tielet dokument kontenzjuż;

–        il-kumplament tat-talba inċidentali huwa miċħud.

 Fuq l-eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Parlament u mill-Kunsill

73      Insostenn tal-eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà tagħhom, il-Parlament u l-Kunsill isostnu li r-rikorrenti ma għandhiex locus standi sabiex titlob l-annullament tad-direttiva kkontestata, peress li la hija direttament u lanqas individwalment ikkonċernata mill-imsemmija direttiva. Għaldaqstant, dan ir-rikors huwa inammissibbli.

74      Ir-rikorrenti ssostni, hija stess, li għandha locus standi għall-annullament tad-direttiva kkontestata.

75      F’dan ir-rigward, skont l-Artikolu 130 tar-Regoli tal-Proċedura, meta, permezz ta’ att separat, il-konvenut jew il-konvenuti jitolbu lill-Qorti Ġenerali tiddeċiedi dwar l-inammissibbiltà jew dwar l-inkompetenza, mingħajr ma tidħol fil-mertu tal-kawża, din għandha tiddeċiedi dwar it-talba fl-iqsar żmien possibbli, jekk ikun il-każ, wara li tkun fetħet il-fażi orali tal-proċedura.

76      F’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali tqis li għandha biżżejjed informazzjoni mill-annessi tal-proċess u tiddeċiedi permezz ta’ dan id-digriet dwar l-eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Parlament u mill-Kunsill, mingħajr ma huwa neċessarju li tinfetaħ il-fażi orali tal-proċedura.

 Kunsiderazzjonijiet preliminari

77      Skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, “[k]walunkwe persuna fiżika jew ġuridika tista’, taħt il-kondizzjonijiet previsti fl-ewwel u t-tieni subparagrafi, tressaq appell kontra [, l-ewwel ipoteżi,] att indirizzat lilha jew [, it-tieni ipoteżi,] li jirrigwardha direttament u individwalment, kif ukoll [, it-tielet ipoteżi,] kontra att regolatorju li jirrigwardha direttament u li ma jinvolvix miżuri ta’ implimentazzjoni”.

78      F’dan ir-rigward, għalkemm ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE ma jirreferix speċifikament għall-ammissibbiltà tar-rikorsi għal annullament ippreżentati minn persuni fiżiċi jew ġuridiċi kontra direttiva, madankollu mill-ġurisprudenza jirriżulta li dan il-fatt waħdu ma huwiex biżżejjed sabiex tali rikorsi jiġu ddikjarati inammissibbli. Fil-fatt, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni ma jistgħux, bl-għażla biss tal-forma tal-att inkwistjoni, jeskludu l-protezzjoni ġudizzjarja li din id-dispożizzjoni tat-Trattat toffri lill-persuni fiżiċi jew ġuridiċi (ara, b’analoġija, id-digriet tal-10 ta’ Settembru 2002, Japan Tobacco u JT International vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, T‑223/01, EU:T:2002:205, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata).

79      Dan premess, konformement mat-tielet paragrafu tal-Artikolu 288 TFUE, direttiva għandha bħala destinatarji lill-Istati Membri. Għalhekk, skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, persuni fiżiċi jew ġuridiċi, bħar-rikorrenti, ma jistgħux jippreżentaw rikors għal annullament kontra direttiva, bħal dik ikkontestata, ħlief bil-kundizzjoni kemm, skont it-“tieni ipoteżi” li hija tikkonċernahom direttament u individwalment, kif ukoll, skont it-“tielet ipoteżi”, li hija tikkostitwixxi att regolatorju li jikkonċernahom direttament u li ma jinkludix miżuri ta’ implimentazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-25 ta’ Ottubru 2010, Microban International u Microban (Europe) vs Il‑Kummissjoni, T‑262/10, EU:T:2011:623, punt 19; tas-6 ta’ Settembru 2013, Sepro Europe vs Il‑Kummissjoni, T‑483/11, mhux ippubblikata, EU:T:2013:407, punt 29, u d-digriet tas-7 ta’ Lulju 2014, Wepa Lille vs Il‑Kummissjoni, T‑231/13, mhux ippubblikat, EU:T:2014:640, punt 20).

80      Fir-rigward tal-kunċett ta’ “att regolatorju”, fis-sens tat-“tielet ipoteżi” tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, dan għandu jinftiehem bħala li jirreferi għal kull att ta’ portata ġenerali, bl-eċċezzjoni tal-atti leġiżlattivi. Fil-fatt, fir-rigward ta’ dawn l-aħħar atti, l-awturi tat-Trattat ta’ Lisbona kellhom l-intenzjoni li jżommu approċċ restrittiv, f’dak li jirrigwarda l-possibbiltà għall-individwi li jitolbu l-annullament tagħhom, billi jipprovaw li huma “direttament u individwalment ikkonċernati” mill-imsemmija atti leġiżlattivi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-3 ta’ Ottubru 2013, Inuit Tapiriit Kanatami et vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, C‑583/11 P, EU:C:2013:625, punti 59 u 60, kif ukoll Segretarjat tal-Konvenzjoni Ewropea, Rapport finali taċ-Ċirku ta’ Diskussjoni dwar il-Funzjonament tal-Qorti tal-Ġustizzja, tal-25 ta’ Marzu 2003, CONV 636/03, punt 22, u nota ta’ trażmissjoni tal-Praesidium għall-Konvenzjoni, tat-12 ta’ Mejju 2003. CONV 734/03, p. 20).

81      F’dan ir-rigward, id-distinzjoni bejn att leġiżlattiv u att regolatorju hija bbażata, skont it-Trattat FUE, fuq il-kriterju tal-proċedura, leġiżlattiva jew mhux, li wassal għall-adozzjoni tiegħu (ara d-digriet tas-7 ta’ Jannar 2015, Freitas vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, T‑185/14, mhux ippubblikat, EU:T:2015:14, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata). Fil-fatt, skont l-Artikolu 289 TFUE, l-atti ġuridiċi adottati bil-proċedura leġiżlattiva jikkostitwixxu atti leġiżlattivi, kif ukoll, fil-każijiet speċifiċi previsti mit-Trattati, ċerti atti adottati fuq inizjattiva ta’ grupp ta’ Stati Membri jew tal-Parlament, fuq rakkomandazzjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) jew fuq talba tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea jew tal-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI).

82      F’dan il-każ, huwa paċifiku li d-direttiva kkontestata ġiet adottata skont l-Artikolu 194(2) TFUE u skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja, kif iddettaljata fl-Artikolu 294 TFUE. Konsegwentement, l-imsemmija direttiva tikkostitwixxi att leġiżlattiv fis-sens tat-Trattat FUE.

83      F’dawn iċ-ċirkustanzi, indipendentement mill-fatt li, inkwantu direttiva, id-direttiva kkontestata tipprevedi l-adozzjoni minn ċerti Stati Membri destinatarji ta’ miżuri ta’ traspożizzjoni, li diġà jeskludi minnu nnifsu li hija tista’ fil-prinċipju titqies bħala att li ma jinkludix “miżuri ta’ implimentazzjoni”, il-kundizzjoni dwar il-locus standi tar-rikorrenti kontra l-imsemmija direttiva ma tistax tkun ibbażata fuq it-“tielet ipoteżi” prevista fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, peress li l-att ikkontestat, jiġifieri d-direttiva kkontestata, ma jikkostitwixxix “att regolatorju” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

84      Fir-rigward tat-“tieni ipoteżi” prevista fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, għandu jitfakkar li, f’ċerti ċirkustanzi, anki att leġiżlattiv li japplika għal operaturi ekonomiċi kkonċernati ġenerali jista’ jikkonċerna direttament u individwalment uħud minnhom fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-17 ta’ Jannar 1985, Piraiki-Patraiki et vs Il‑Kummissjoni, 11/82, EU:C:1985:18, punti 11 sa 32, u tas-27 ta’ Ġunju 2000, Salamander et vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, T‑172/98 u T‑175/98 sa T‑177/98, EU:T:2000:168, punt 30).

85      Għalhekk, f’dan il-każ, għandu jiġi eżaminat jekk ir-rikorrenti, fir-rigward tal-kundizzjonijiet stabbiliti, f’dak li jikkonċerna t-“tieni ipoteżi”, permezz tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, urietx li hija kienet direttament u individwalment ikkonċernata mid-direttiva kkontestata, filwaqt li jitfakkar li l-kunċett ta’ inċidenza diretta u individwali, li jinsab f’din id-dispożizzjoni, jikkorrispondi ma’ dak tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 230 KE, kunċett li l-awturi tat-Trattat ta’ Lisbona ma kellhomx l-intenzjoni li jbiddlu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-3 ta’ Ottubru 2013, Inuit Tapiriit Kanatami et vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, C‑583/11 P, EU:C:2013:625, punti 70 u 71).

 Fuq l-inċidenza diretta tar-rikorrenti

86      Il-Parlament iqis li r-rikorrenti ma hijiex direttament ikkonċernata mid-direttiva kkontestata, peress li din hija att normattiv ta’ portata ġenerali li japplika b’mod astratt għal sitwazzjonijiet iddeterminati oġġettivament. Barra minn hekk, hija ma tipproduċix effetti fuq is-sitwazzjoni legali tar-rikorrenti qabel ma l-Istati Membri, destinatarji tad-direttiva kkontestata, jimplementaw il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji sabiex jikkonformaw ruħhom mal-imsemmija direttiva, jew, skont il-każ, qabel l-iskadenza tat-terminu ta’ traspożizzjoni.

87      B’mod partikolari, il-Parlament iqis li, fid-dawl tal-possibbiltà għall-Istati Membri li jidderogaw mill-obbligi tad-Direttiva 2009/73, kif emendata bid-direttiva kkontestata, u tal-possibbiltà għall-awtoritajiet regolatorji nazzjonali li jikkunsidraw bħala ġġustifikati tali derogi u li jiddefinixxu l-obbligi li għandhom jiġu imposti fuqhom, hemm lok li jiġi kkunsidrat, bħalma ddeċidiet il-Qorti Ġenerali fis-sentenza tal-27 ta’ Ġunju 2000, Salamander et vs Il-Parlament u Il-Kunsill (T‑172/98 u T‑175/98 sa T‑177/98, EU:T:2000:168, punti 67 sa 70), li d-direttiva kkontestata tħalli lill-Istati Membri setgħa diskrezzjonali ta’ natura tali li teskludi li r-rikorrenti tkun direttament ikkonċernata mill-imsemmija direttiva.

88      Barra minn hekk, il-Parlament jirrileva li, fi kwalunkwe każ, fid-data ta’ preżentata ta’ dan ir-rikors, ir-rotta li kellha tieħu l-linja doppja ta’ trażmissjoni tal-gass “Nord Stream 2” fiż-ŻEE tad-Danimarka, lil hinn mill-gżira ta’ Bornholm, kienet għadha mhux deċiża. Dan jikkonferma li, sabiex turi li hija direttament ikkonċernata, ir-rikorrenti tibbaża ruħha fuq l-effett, potenzjali u futur, tad-direttiva kkontestata fuq l-istatus tagħha stess futur. Issa, l-inċidenza diretta għandha teżisti fid-data ta’ preżentata tar-rikors, li hija essenzjalment nieqsa f’dan il-każ.

89      Il-Kunsill isostni li r-rikorrenti ma hijiex direttament ikkonċernata mid-direttiva kkontestata fis-sens tat-“tieni ipoteżi” tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, li għandha tiġi interpretata b’mod strett, kif enfasizzat il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tat-3 ta’ Ottubru 2013, Inuit Tapiriit Kanatami et vs Il-Parlament u Il-Kunsill (C‑583/11 P, EU:C:2013:625, punt 59).

90      F’dan ir-rigward, il-Kunsill jikkunsidra li d-direttiva kkontestata ma hijiex, fiha nnifisha, qabel u indipendentement mill-adozzjoni tal-miżuri nazzjonali ta’ traspożizzjoni tal-imsemmija direttiva, tali li taffettwa s-sitwazzjoni legali tar-rikorrenti. B’mod partikolari, fir-rigward tal-formulazzjoni u tal-kontenut tad-direttiva kkontestata, ebda obbligu ma huwa impost direttament fuq ir-rikorrenti, peress li kull obbligu fil-qasam tas-separazzjoni, ta’ aċċess minn terzi jew ta’ tariffi rregolati jista’ jirriżulta biss mill-miżuri nazzjonali ta’ traspożizzjoni ta’ din id-direttiva. Barra minn hekk, ir-rikorrenti rrikonoxxiet dan l-istat ta’ fatt, fi skambju ta’ ittri qabel il-bidu minnha ta’ proċedura ta’ arbitraġġ kontra l-Unjoni skont iċ-Charter tal-Enerġija, peress li hija indikat li, “[m]eta d-direttiva [kkontestata] tidħol fis-seħħ u tiġi trasposta fid-dritt Ġermaniż, il-parti tam-Nord Stream 2 li taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ġeografiku tad-Direttiva (jiġifieri l-parti li tinsab fit-territorju Ġermaniż u fl-ibħra territorjali Ġermaniżi) [hija] fil-prinċipju suġġetta għar-regoli tad-Direttiva [2009/73, kif emendata bid-direttiva kkontestata,] dwar, b’mod partikolari, is-separazzjoni, għall-aċċess minn terzi u għar-regolazzjoni ta’ tariffi”.

91      Fir-rigward tal-miżuri ta’ traspożizzjoni tad-direttiva kkontestata, l-Istati Membri għandhom marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ fir-rigward tal-mod li bih huma jixtiequ jimplimentaw din id-direttiva, f’dak li jikkonċerna, b’mod partikolari, l-ewwel nett, l-għażla bejn tliet mudelli ta’ separazzjoni (mudell ta’ separazzjoni integrali tal-istrutturi ta’ proprjetà, mudell tal-operatur ta’ network indipendenti u mudell ta’ operatur ta’ network ta’ trażmissjoni indipendenti), it-tieni nett, il-possibbiltà li jingħataw derogi u eżenzjonijiet mill-obbligi previsti mid-Direttiva 2009/73, kif emendata bid-direttiva kkontestata, u, it-tielet nett, il-possibbiltà li jsir riferiment għall-proċedura ta’ awtorizzazzjoni sabiex jiġu konklużi jew emendati ftehimiet ma’ pajjiżi terzi sabiex jiġi żgurat li dawn il-ftehimiet internazzjonali josservaw id-dritt tal-Unjoni. Fir-rigward, b’mod speċifiku, tad-derogi li jistgħu jingħataw, l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom setgħa diskrezzjonali fl-adozzjoni ta’ dawn id-deċiżjonijiet, iżda wkoll fid-definizzjoni tal-kundizzjonijiet xierqa għall-kompetizzjoni, għall-funzjonament effikaċi tas-suq intern jew għas-sigurtà tal-provvista li għalihom huma jistgħu jissuġġettaw tali derogi.

92      Barra minn hekk, id-direttiva kkontestata teżiġi l-adozzjoni ta’ miżuri ta’ implementazzjoni addizzjonali mill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali, pereżempju fir-rigward tal-iffissar, il-metodi ta’ kalkolu u l-approvazzjoni tat-tariffi, li għalihom huma għandhom marġni ta’ diskrezzjoni.

93      Fi kwalunkwe każ, il-Kunsill isostni li, anki jekk jitqies, għall-bżonnijiet tad-dimostrazzjoni ġuridika, li l-Istati Membri ma għandhomx marġni ta’ manuvra fl-adozzjoni tal-miżuri nazzjonali ta’ traspożizzjoni tad-direttiva kkontestata, l-inċidenza diretta tas-sitwazzjoni legali tar-rikorrenti xorta waħda tkun nieqsa peress li d-direttiva kkontestata tipproduċi l-effetti legali tagħha fir-rigward ta’ operatur, bħar-rikorrenti, unikament permezz ta’ atti adottati mill-awtoritajiet nazzjonali.

94      Il-Kunsill iqis ukoll li d-dimostrazzjoni, mir-rikorrenti, tal-inċidenza diretta tagħha mid-direttiva kkontestata tibda mill-premessa, żbaljata, li hija ma għandha l-ebda possibbiltà li tikseb deroga skont l-Artikolu 49a, li ddaħħlet ġdida permezz tad-direttiva kkontestata fid-Direttiva 2009/73, jew saħansitra skont l-Artikolu 36 ta’ din l-aħħar direttiva. Issa, minn naħa, kuntrarjament għal dak li tissuġġerixxi r-rikorrenti, id-direttiva kkontestata ma timponix fuq l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali li jeżiġu li t-talbiet għal deroga jitressqu qabel ma tittieħed deċiżjoni ta’ investiment jew qabel ma tinbeda l-kostruzzjoni tal-infrastruttura tal-gass ikkonċernata. Min-naħa l-oħra, id-deċiżjoni dwar jekk tingħatax jew le tali deroga tappartjeni lill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali, li jaġixxu fuq il-bażi tal-leġiżlazzjoni ta’ traspożizzjoni tad-direttiva kkontestata. Barra minn hekk, f’dan ir-rigward, l-imsemmija awtoritajiet għandhom il-possibbiltà li jissuġġettaw tali derogi għal kundizzjonijiet partikolari li għandhom jiġu ddefiniti minnhom.

95      Fl-aħħar nett, il-Kunsill ifakkar li, fi kwalunkwe każ, eventwali effetti tad-direttiva kkontestata fuq is-sitwazzjoni ekonomika tar-rikorrenti ma jistgħux jitqiesu bħala li juru li hija direttament affettwata fil-pożizzjoni ġuridika tagħha mill-imsemmija direttiva.

96      Fir-rikors u fl-osservazzjonijiet tagħha dwar l-eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Parlament u mill-Kunsill, ir-rikorrenti ssostni li hija direttament ikkonċernata mid-direttiva kkontestata. Fil-fehma tagħha, indipendentement mill-allegata possibbiltà li tinkiseb deroga mill-awtorità regolatorja Ġermaniża skont l-Artikolu 49a, kif miżjud mid-direttiva kkontestata mad-Direttiva 2009/73, jew skont l-Artikolu 36 ta’ din l-aħħar direttiva, li fi kwalunkwe każ tista’ tapplika biss għall-“infrastrutturi ġodda”, li ma huwiex il-każ ta’ “Nord Stream 2”, ir-rekwiżiti ta’ din l-aħħar direttiva huma minn issa applikabbli għaliha. Dan japplika wkoll għall-obbligi fil-qasam ta’ separazzjoni tan-networks ta’ trażmissjoni u tal-operaturi ta’ networks ta’ trażmissjoni, kif previsti mill-Artikolu 9 tad-Direttiva 2009/73; mill-obbligu li terzi jingħataw l-aċċess għall-pipeline tagħha, kif previst fl-Artikolu 32 ta’ din id-direttiva, u obbligi fuq il-livell tariffarju, kif previsti fl-Artikolu 41(1) u (6) tal-imsemmija direttiva kif ukoll fil-liġijiet ta’ traspożizzjoni Ġermaniżi korrispondenti.

97      Dawn l-obbligi ġodda għandhom iwasslu għal bidliet importanti fil-każ tar-rikorrenti, peress li hija għandha, sabiex tikkonforma ruħha magħhom, tbigħ il-pipeline “Nord Stream 2” kollu lil terz jew tbiddel kompletament l-istruttura organizzattiva u ta’ impriża tagħha, u dan jippreġudika fundamentalment il-bażi tal-finanzjament ta’ din l-infrastruttura li magħha kienu, barra minn hekk, ġew assoċjati impriżi Ewropej.

98      Skont ir-rikorrenti, id-direttiva kkontestata ma tagħti lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, Stat Membru li fuq il-baħar territorjali tiegħu tinsab il-parti kkonċernata tal-pipeline Nord Stream 2, ebda marġni ta’ diskrezzjoni reali fl-implimentazzjoni ta’ din id-direttiva, peress li r-regoli dwar is-separazzjoni, l-aċċess minn terzi u r-regolazzjoni tat-tariffi huma applikati għar-rikorrenti mingħajr possibbiltà li hija tkun tista’ tikseb deroga mid-dispożizzjonijiet korrispondenti tad-Direttiva 2009/73 skont l-Artikolu 49a introdott ġdid f’din l-aħħar direttiva permezz tad-direttiva kkontestata.

99      Issa, kull waħda mill-għażliet fil-qasam ta’ separazzjoni, kif previsti mid-direttiva kkontestata, tipproduċi effetti kunsiderevoli fuq is-sitwazzjoni tar-rikorrenti, billi taffettwa fundamentalment l-istruttura ta’ proprjetà u ta’ impriża tagħha. B’hekk, “peress li l-Ġermanja hija obbligata titlob lir-rikorrenti sabiex tikkonforma ruħha ma’ mill-inqas waħda minn dawn it-tliet għażliet, dan l-Istat Membru ma għandux il-possibbiltà li jaġixxi jew li ma jaġixxix”, skont il-formola adottata mill-Qorti Ġenerali fil-punt 53 tad-digriet tat-22 ta’ Ġunju 2006, Sahlstedt et vs Il‑Kummissjoni (T‑150/05, EU:T:2006:172), u, għalhekk, “il-ħsara magħmula għas-sitwazzjonijiet legali [tar-rikorrenti] huma dovuti għall-ħtieġa li jintlaħaq dan ir-riżultat” skont il-formula adottata mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-punt 63 tas-sentenza tat-13 ta’ Marzu 2008, Il‑Kummissjoni vs Infront WM (C‑125/06 P, EU:C:2008:159).

100    Fi kwalunkwe każ, ma jistax jiġi kkontestat li kumpannija f’sitwazzjoni, bħal dik tar-rikorrenti, li tixtieq tikkonforma ruħha mar-rekwiżiti tad-direttiva kkontestata sabiex tkun lesta sabiex topera pipeline, bħal “Nord Stream 2”, fid-data ta’ skadenza tat-terminu mogħti lill-Istati Membri sabiex jittrasponu l-imsemmija direttiva, jiġifieri l-24 ta’ Frar 2020, kellha immedjatament tibda l-modifiki neċessarji, u dan juri l-eżistenza ta’ effetti legali ta’ din id-direttiva fuq is-sitwazzjoni tar-rikorrenti.

101    Barra minn hekk, fir-rigward tal-possibbiltà għar-rikorrenti li tikseb deroga mill-awtorità regolatorja Ġermaniża skont l-Artikolu 49a il-ġdid tad-Direttiva 2009/73, li ġie miżjud magħha permezz tad-direttiva kkontestata, liema deroga, skont il-Parlament u l-Kunsill, tista’, fil-prattika, tħassar l-effetti legali kollha tad-direttiva kkontestata fuq is-sitwazzjoni tagħha, ir-rikorrenti tqis li talba min-naħa tagħha sabiex tikseb tali deroga tkun iddestinata li ma tirnexxix. Fil-fatt, tali deroga tista’ tingħata biss jekk l-infrastruttura tal-gass ikkonċernata kienet “tlest[iet] qabel it-23 ta’ Mejju 2019”, li ma kienx il-każ ta’ “Nord Stream 2”. Fir-realtà, il-kwistjoni vera, fil-mertu, hija dik tal-portata ta’ din il-kundizzjoni li tillimita l-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tal-imsemmi Artikolu 49a, li jiġġustifika li l-Qorti Ġenerali tiddeċiedi li tgħaqqad l-eżami tal-eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà mal-mertu u tiffissa terminu għall-preżentata mill-Parlament u mill-Kunsill tar-risposti tagħhom.

102    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, konformement ma’ ġurisprudenza stabbilita, il-kundizzjoni li persuna fiżika jew ġuridika għandha tkun direttament ikkonċernata mill-att tal-Unjoni li huwa s-suġġett tar-rikors, kif prevista mit-“tieni ipoteżi” tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, tirrikjedi li żewġ kriterji jkunu ssodisfatti b’mod kumulattiv, jiġifieri, minn naħa, li dan l-att jipproduċi direttament effetti fuq is-sitwazzjoni legali tar-rikorrenti u, min-naħa l-oħra, li ma jħalli ebda setgħa diskrezzjonali lid-destinatarji tiegħu li huma inkarigati mill-implimentazzjoni tiegħu, billi din għandha natura purament awtomatika u tirriżulta unikament mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, mingħajr applikazzjoni ta’ regoli intermedjarji oħra (digriet tad-19 ta’ Ġunju 2008, US Steel Košice vs Il‑Kummissjoni, C-6/08 P, mhux ippubblikat, EU:C:2008:356, punt 60, u s-sentenza tas-6 ta’ Novembru 2018, Scuola Elementare Maria Montessori vs Il‑Kummissjoni, Il‑Kummissjoni vs Scuola Elementare Maria Montessori u Il‑Kummissjoni vs Ferracci, C‑622/16 P sa C‑624/16 P, EU:C:2018:873, punt 42).

103    L-istess japplika meta l-possibbiltà għad-destinatarji li ma jagħtux segwitu għall-att tal-Unjoni kkontestat tkun purament teoretika, billi r-rieda tagħhom li jisiltu konsegwenzi konformi miegħu ma toħloq ebda dubju (ara d-digriet tad-19 ta’ Ġunju 2008, US Steel Košice vs Il‑Kummissjoni, C-6/08 P, mhux ippubblikat, EU:C:2008:356, punt 61 u l-ġurisprudenza ċċitata, u s-sentenza tal-4 ta’ Diċembru 2019, Polskie Górnictwo Naftowe i Gazownictwo vs Il‑Kummissjoni, C‑342/18 P, mhux ippubblikata, EU:C:2019:1043, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata).

104    F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li, b’mod ġenerali, mid-dħul fis-seħħ tad-direttiva kkontestata, l-operaturi tal-pipeline, bħar-rikorrenti, minn issa ’l quddiem jaraw, potenzjalment, parti mil-linji tagħhom ta’ trażmissjoni tal-gass, f’dan il-każ il-parti li tinsab bejn Stat Membru u Stat terz sat-territorju tal-Istati Membri jew dik li tinsab fil-baħar territorjali tal-Istat Membru, suġġetta għall-obbligi previsti mid-Direttiva 2009/73 u mid-dispożizzjonijiet nazzjonali ta’ traspożizzjoni ta’ din l-aħħar direttiva kif emendata bid-direttiva kkontestata.

105    Madankollu, fir-rigward tal-obbligi konkreti li minn issa ser tkun suġġetta għalihom, skont dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2009/73, kif emendata, il-parti tal-linji ta’ trażmissjoni tal-gass ta’ ċerti operaturi, bħar-rikorrenti, kif ukoll tal-mod li bih dawn l-obbligi ser ikunu ddefiniti b’mod preċiż, dawn jiddependu mill-miżuri nazzjonali ta’ traspożizzjoni li l-Istat Membru li fil-baħar territorjali tiegħu tinsab din il-parti ta’ linja ser jadotta jew adotta skont l-Artikolu 2 tad-direttiva kkontestata, moqri flimkien mat-tielet paragrafu tal-Artikolu 288 TFUE, u dan, l-iktar tard, fl-24 ta’ Frar 2020.

106    Fil-fatt, direttiva ma tistax, minnha nnifisha, toħloq obbligi fuq individwu u għalhekk ma tistax tiġi invokata, inkwantu tali, mill-awtoritajiet nazzjonali kontra operaturi fl-assenza ta’ miżuri ta’ traspożizzjoni tal-imsemmija direttiva adottati minn qabel minn dawn l-awtoritajiet (sentenza tas-26 ta’ Frar 1986, Marshall, 152/84, EU:C:1986:84, punt 48, u d-digriet tal-7 ta’ Lulju 2014, Group’Hygiène vs Il‑Kummissjoni, T‑202/13, EU:T:2014:664, punt 33; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tal-14 ta’ Lulju 1994, Faccini Dori, C‑91/92, EU:C:1994:292, punti 20 u 25).

107    Għalhekk, indipendentement mill-kwistjoni jekk dawn humiex ċari u suffiċjentement preċiżi, id-dispożizzjonijiet tad-direttiva kkontestata ma jistgħux preċedentement għal, u indipendentement minn, l-adozzjoni ta’ miżuri statali ta’ traspożizzjoni, ikunu sors dirett u immedjat ta’ obbligi fuq ir-rikorrenti u li jistgħu, f’dan ir-rigward, jaffettwaw direttament is-sitwazzjoni legali tagħha fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-27 ta’ Ġunju 2000, Salamander et vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, T‑172/98 u T‑175/98 sa T‑177/98, EU:T:2000:168, punt 54, u d-digriet tas-7 ta’ Lulju 2014, Group’Hygiène vs Il‑Kummissjoni, T‑202/13, EU:T:2014:664, punt 33). B’mod partikolari, l-awtorità regolatorja Ġermaniża ma tistax, fl-assenza ta’ adozzjoni, mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, tal-miżuri ta’ traspożizzjoni tad-direttiva kkontestata, teżiġi mir-rikorrenti li tosserva l-obbligi ġodda applikabbli fil-każ tagħha, bħal ma dan huwa previst mill-imsemmija direttiva.

108    F’dan ir-rigward, iċ-ċirkustanza li, minn issa, l-attivitajiet tar-rikorrenti jkunu parzjalment irregolati mid-dritt tal-Unjoni, f’dan il-każ mid-Direttiva 2009/73 emendata, hija unikament il-konsegwenza tal-għażla tagħha li tiżviluppa u li żżomm l-attività tagħha fit-territorju tal-Unjoni, f’dan il-każ fil-baħar territorjali ta’ wieħed mill-Istati Membri tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2011, Air Transport Association of America et, C‑366/10, EU:C:2011:864, punti 127 u 128). Madankollu, id-direttiva kkontestata, inkwantu tali u sa mid-dħul fis-seħħ tagħha, ma tipproduċix effetti immedjati u konkreti fuq is-sitwazzjoni legali ta’ operaturi, bħar-rikorrenti u, fi kwalunkwe każ, mhux qabel l-iskadenza tat-terminu ta’ traspożizzjoni previst fl-Artikolu 2(1) tagħha.

109    Barra minn hekk, jekk wieħed jaċċetta l-perspettiva tar-rikorrenti li s-sitwazzjoni legali tagħha ġiet direttament affettwata mid-dħul fis-seħħ tad-direttiva kkontestata, minħabba li l-operat tan-network ta’ pipelines doppji tagħha “Nord Stream 2” kien altrimenti evita l-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tad-Direttiva 2009/73, ikun ifisser li, kull darba li l-Unjoni tilleġiżla mill-ġdid f’qasam billi tissuġġetta operaturi għal obbligi li għalihom huma ma kinux suġġetti preċedentement, din il-leġiżlazzjoni, minkejja li tkun ġiet adottata fil-forma ta’ direttiva u skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja, taffettwa neċessarjament u direttament l-operaturi fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE. Issa, tali approċċ imur kontra l-istess formulazzjoni tat-tielet paragrafu tal-Artikolu 288 TFUE, li jipprovdi li “[d]irettivi [għandhom jorbtu] l-Istati Membri, f’dak li għandu x’jaqsam mar-riżultat li jrid jinkiseb, iżda [jħallu] l-għażla ta’ forom u metodi f’idejn l-awtoritajiet nazzjonali” u, konsegwentement, il-fatt li l-operaturi huma fil-prinċipju affettwati fis-sitwazzjoni legali tagħhom mill-miżuri nazzjonali ta’ traspożizzjoni ta’ kull direttiva.

110    Għalhekk, f’dan il-każ, huwa biss bl-intermedju tal-miżuri nazzjonali ta’ traspożizzjoni tad-direttiva kkontestata li l-Istati Membri, f’dan il-każ ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja fil-każ tar-rikorrenti, ser jadottaw jew adottaw li l-operaturi, bħar-rikorrenti, ser ikunu jew huma suġġetti, u dan fil-kundizzjonijiet adottati minn dawn l-Istati Membri, għall-obbligi tad-Direttiva 2009/73 kif emendata bid-direttiva kkontestata (ara. f’dan is-sens, id-digrieti tal-10 ta’ Settembru 2002, Japan Tobacco u JT International vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, T‑223/01, EU:T:2002:205, punt 47, u tas-7 ta’ Lulju 2014, Group’Hygiène vs Il‑Kummissjoni, T‑202/13, EU:T:2014:664, punti 33 u 36).

111    Fuq dan il-punt, minn naħa, fid-data ta’ preżentata ta’ dan ir-rikors, ma kienx hemm tali miżuri ta’ traspożizzjoni fir-rigward tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja. Min-naħa l-oħra u fi kwalunkwe każ, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, għandu jiġi kkonstatat li, fir-rigward tal-miżuri nazzjonali ta’ traspożizzjoni li kellhom, sa mhux iktar tard mill-24 ta’ Frar 2020, jiġu adottati mill-Istati Membri u sabiex jirrendu vinkolanti, fir-rigward tal-operaturi, l-obbligi tad-Direttiva 2009/73, kif emendata bid-direttiva kkontestata, l-imsemmija Stati Membri kellhom setgħa diskrezzjonali fl-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva.

112    Fil-fatt, minn naħa, fir-rigward tal-obbligi previsti fl-Artikolu 9 tad-Direttiva 2009/73, kif emendata, l-Istati Membri għandhom il-possibbiltà, skont l-ewwel subparagrafu ġdid tat-tmien paragrafu kif ukoll skont id-disa’ paragrafu ta’ dan l-Artikolu 9, kif miżjuda bid-direttiva kkontesatata, li jiddeċiedu li ma japplikawx l-obbligu ta’ separazzjoni tan-networks ta’ trażmissjoni u tal-operaturi ta’networks ta’ trażmissjoni kif previst fl-ewwel paragrafu tal-imsemmi Artikolu 9. Iktar partikolarment, huma “jistgħu” jiddeċiedu dwar dan kif ukoll għall-parti tan-network ta’ trażmissjoni ta’ gass li tgħaqqad Stat Membru ma’ pajjiż terz bejn il-fruntiera ta’ dan l-Istat Membru u l-ewwel punt ta’ konnessjoni man-network ta’ dan l-Istat Membru, minn naħa, meta, fit-23 ta’ Mejju 2019, in-network ta’ trażmissjoni kien jappartjeni lil impriża vertikalment integrata u, min-naħa l-oħra, meta, fit-23 ta’ Mejju 2019, in-network ta’ trażmissjoni kien jappartjeni lil impriża vertikalment integrata u li jeżistu dispożizzjonijiet li jiggarantixxu indipendenza iktar effettiva tal-operatur ta’ network ta’ trażmissjoni bħad-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu IV tad-Direttiva 2009/73.

113    Barra minn hekk, ir-rikorrenti tirrikonoxxi din il-possibbiltà billi tenfasizza li “[h]uwa wkoll minnu li, f’dak li jikkonċerna s-separazzjoni tal-istrutturi ta’ proprjetà, id-Direttiva [2009/73, kif emendata bid-direttiva kkontestata] tippermetti lill-Istati Membri jintroduċu alternattivi għas-separazzjoni integrali, jiġifieri l-mudell ta’ operatur indipendenti […] u l-mudell ta’ operatur ta’ network ta’ trażmizzjoni indipendenti”. Bl-istess mod, għandu jiġi kkonstatat li, skont l-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2009/73, kif miżjud bid-direttiva kkontestata, l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li ma japplikawx l-Artikolu 9(1), u, fuq proposta tal-proprjetarju tan-network ta’ trażmissjoni kkonċernat u bl-approvazzjoni tal-Kummissjoni, jaħtru operatur ta’ network indipendenti.

114    Min-naħa l-oħra, skont l-emendi miġjuba għad-Direttiva 2009/73 permezz tad-direttiva kkontestata, b’mod partikolari dawk li jikkonċernaw l-Artikolu 36 u ż-żieda tal-Artikolu 49a, l-awtoritajiet nazzjonali jistgħu jiddeċiedu li jagħtu, lill-“[i]nfrastrutturi maġġuri ġodda tal-gass” u lil-“linji ta’ trasmissjoni tal-gass bejn Stat[i] Membr[i] u pajjiż[i] terz[i] li tlestew qabel it-23 ta’ Mejju 2019”, derogi għal ċerti artikoli tad-Direttiva 2009/73 emendata, f’dan il-każ, f’dak li jirrigwarda l-Artikolu 36, eżenzjonijiet għall-Artikoli 9, 32, 33, 34 kif ukoll għall-Artikolu 41(6), (8) u (10), u, f’dak li jirrigwarda l-Artikolu 49a, derogi għall-Artikoli 9, 10, 11, 32 u għall-Artikolu 41(6), (8) u (10).

115    F’dan ir-rigward, huma l-Istati Membri li għandhom jadottaw il-miżuri nazzjonali li jippermettu lill-operaturi kkonċernati jitolbu l-benefiċċju ta’ dawn id-derogi, li jiddeterminaw preċiżament il-kundizzjonijiet għall-kisba ta’ dawn id-derogi fir-rigward tal-kriterji ġenerali previsti mill-Artikolu 49a tad-Direttiva 2009/73 kif emendata, u li jfasslu l-proċedura li tippermetti lill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali tagħhom jiddeċiedu dwar tali talbiet fit-termini previsti mid-direttiva kkontestata. Minbarra dan, għall-finijiet tal-implimentazzjoni ta’ dawn il-kundizzjonijiet, l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom setgħa diskrezzjonali wiesgħa fir-rigward tal-għoti ta’ tali derogi u l-eventwali kundizzjonijiet partikolari li għalihom dawn id-derogi jistgħu jkunu suġġetti (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-4 ta’ Diċembru 2019, Polskie Górnictwo Naftowe i Gazownictwo vs Il‑Kummissjoni, C‑342/18 P, mhux ippubblikata, EU:C:2019:1043, punti 48 sa 53).

116    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li r-rikorrenti ma hijiex direttament ikkonċernata mid-dispożizzjonijiet tad-direttiva kkontestata.

117    Fl-aħħar nett, l-appellanti ma tistax tinvoka s-soluzzjoni adottata mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tat-13 ta’ Marzu 2008, Il‑Kummissjoni vs Infront WM (C‑125/06 P, EU:C:2008:159). Fil-fatt, din il-kawża kienet tikkonċerna deċiżjoni tal-Kummissjoni indirizzata lill-Istati Membri minbarra r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, li permezz tagħha l-Kummissjoni kienet approvat il-miżuri meħuda minn dan l-Istat, f’dak iż-żmien, membru tal-Unjoni, li kellha bħala konsegwenza li timponi fuq l-organi ta’ xandir televiżiv nazzjonali ċertu numru ta’ limiti meta huma kellhom l-intenzjoni li jittrażmettu mill-ġdid avvenimenti magħżula li għalihom ir-rikorrenti fl-ewwel istanza kienet akkwistat drittijiet esklużivi. Għalhekk, is-sitwazzjoni legali u fattwali tal-imsemmija kawża bl-ebda mod ma hija paragunabbli ma’ dik ta’ din il-kawża, li tikkonċerna unikament direttiva u li, barra minn hekk, ma hijiex atipika.

118    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li r-rikorrenti ma hijiex direttament ikkonċernata mid-direttiva kkontestata. Issa, peress li l-kundizzjonijiet previsti fit-“tieni ipoteżi” tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 huma kumulattivi, din il-konstatazzjoni għandha bħala konsegwenza li r-rikorrenti ma tistax iżżomm il-locus standi fl-annullament tad-deċiżjoni kkontestata fir-rigward ta’ din it-tieni ipoteżi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-4 ta’ Diċembru 2019, Polskie Górnictwo Naftowe i Gazownictwo vs Il‑Kummissjoni, C‑342/18 P, mhux ippubblikata, EU:C:2019:1043, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata).

119    Għandu jingħad ukoll li, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, iċ-ċirkustanza li l-Parlament u l-Kunsill kienu adottaw l-att ikkontestat fil-forma ta’ direttiva jew ukoll li huma kienu ddeċidew li jibbenefikaw minn deroga, skont l-Artikolu 49a il-ġdid tad-Direttiva 2009/73 kif emendata, biss il-pipelines “li tlestew qabel it-23 ta’ Mejju 2019”, ma hijiex ta’ natura li tirrestrinġi d-dritt tagħha għal rimedju ġudizzjarju effettiv skont l-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

120    Fil-fatt, it-Trattat FUE, permezz tal-Artikoli 263 u 277 tiegħu, minn naħa, u permezz tal-Artikolu 267 tiegħu, min-naħa l-oħra, jistabbilixxi sistema sħiħa ta’ rimedji ġudizzjarji u ta’ proċeduri maħsuba sabiex jiġi żgurat l-istħarriġ tal-legalità tal-atti tal-Unjoni, billi jafdaha lill-qorti tal-Unjoni (sentenzi tat-23 ta’ April 1986, Les Verts vs Il‑Parlament, 294/83, EU:C:1986:166, punt 23; tal-25 ta’ Lulju 2002, Unión de Pequeños Agricultores vs Il-Kunsill, C‑50/00 P, EU:C:2002:462, punt 40, kif ukoll tat-3 ta’ Ottubru 2013, Inuit Tapiriit Kanatami et vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, C-583/11 P, EU:C:2013:625, punt 92).

121    Għalhekk, il-persuni fiżiċi jew ġuridiċi, bħar-rikorrenti, li ma jistgħux, minħabba kundizzjonijiet ta’ ammissibbiltà previsti fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, jikkontestaw direttament atti tal-Unjoni ta’ portata ġenerali huma protetti kontra l-applikazzjoni ta’ tali atti fil-konfront tagħhom (sentenza tat-3 ta’ Ottubru 2013, Inuit Tapiriit Kanatami et vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, C‑583/11 P, EU:C:2013:625, punt 93).

122    Fil-fatt, fil-każ tagħha, huwa possibbli għar-rikorrenti li titlob, mingħand l-awtorita regolatorja Ġermaniża, deroga skont l-Artikolu 49a, jew skont l-Artikolu 36 tad-Direttiva 2009/73 kif emendata u, skont il-każ, li tikkontesta d-deċiżjoni ta’ din l-awtorità quddiem qorti Ġermaniża billi tinvoka l-invalidità tad-direttiva kkontestata u billi twassalha sabiex tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja permezz ta’ domandi preliminari dwar il-validità tad-direttiva kkontestata, u dan fuq il-bażi tal-Artikolu 267 TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-16 ta’ Mejju 2019, Pebagua vs Il‑Kummissjoni, C‑204/18 P, mhux ippubblikata, EU:C:2019:425, punti 67 u 68, u tal-4 ta’ Diċembru 2019, Polskie Górnictwo Naftowe i Gazownictwo vs Il‑Kummissjoni, C‑342/18 P, mhux ippubblikata, EU:C:2019:1043, punt 63 u l-ġurisprudenza ċċitata).

123    F’dan ir-rigward, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, tali rinviju għal deċiżjoni preliminari ma jkollu ebda raġuni li jiġi ddikjarat inammissibbli minħabba li r-rikorrenti “setgħ[et] mingħajr ebda dubju” taġixxi għall-annullament tad-direttiva kkontestata skont l-Artikolu 263 TFUE, fis-sens tal-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza tad-9 ta’ Marzu 1994, TWD Textilwerke Deggendorf (C‑188/92, EU:C:1994:90), u ppreċiżata reċentement fis-sentenza tat-25 ta’ Lulju 2018, Georgsmarienhütte et (C‑135/16, EU:C:2018:582, punt 43). Għall-kuntrarju, iċ-ċaħda ta’ dan ir-rikors bħala inammissibbli tikkonferma li hija ma għandhiex il-locus standi skont l-Artikolu 263 TFUE.

124    Għaldaqstant, ir-rikors għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli sa fejn ir-rikorrenti ma tistax tibbaża l-locus standi tagħha għall-annullament tad-direttiva kkontestata fuq wieħed mill-ipoteżijiet previsti fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE.

 Fuq it-talba għal miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura

125    Fit-talba tagħha għal miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, ir-rikorrenti tindika li diversi siltiet ġew moħbija fil-25 dokument li għalihom ingħata aċċess parzjali biss mill-Kunsill bi tweġiba għat-talbiet tal-impjegat tagħha. Għalhekk, hija għandha raġunijiet sabiex temmen li l-imsemmija siltiet moħbija kienu rilevanti ħafna għall-eżitu ta’ dan ir-rikors, peress li dawn probabbilment jinkludu informazzjoni li turi li d-direttiva kkontestata, adottata mil-leġiżlatur tal-Unjoni, kienet tirreferi għaliha speċifikament. Bħala prova ta’ dan huwa l-fatt li kisbet, ovvjament minn sors ieħor, il-verżjonijiet mhux imnaddfa ta’ tnejn mill-25 dokument li l-aċċess sħiħ tagħhom kien ġie rrifjutat. Issa, dawn iż-żewġ dokumenti, li jinkludu l-osservazzjonijiet tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja dwar il-proposta għal direttiva, juru li r-rikorrenti kienet speċifikament imsemmija mid-direttiva kkontestata.

126    Għalhekk, ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali tordna lill-Kunsill jipproduċi verżjonijiet mhux imnaddfa tal-25 dokument li tagħhom ingħata biss aċċess parzjali lill-impjegat tagħha kif ukoll iż-żewġ dokumenti li l-Kunsill irrifjuta li jikkomunikalha, filwaqt li ppreċiżat li l-imsemmija verżjonijiet jistgħu jaħbu l-eventwali siltiet li jirrigwardaw parir mogħti mis-servizz legali tal-Kunsill jew data personali.

127    Fl-osservazzjonijiet tiegħu dwar it-talba għal miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, il-Kunsill, sostnut essenzjalment mill-Parlament, jitlob lill-Qorti Ġenerali, prinċipalment, li tiċħad din it-talba, peress li d-dokumenti mitluba huma manifestament irrilevanti f’dak li jirrigwarda l-locus standi tar-rikorrenti. Barra minn hekk, huwa jenfasizza li, fil-kuntest ta’ din il-kawża, il-Qorti Ġenerali ma tistax tistħarreġ, lanqas indirettament, il-legalità tad-deċiżjonijiet li huwa adotta, b’tweġiba għat-talbiet ta’ impjegat tar-rikorrenti, skont ir-Regolament Nru 1049/2001, u li hija kellha, għall-kuntrarju, tiċħad it-tentattiv tar-rikorrenti li tibda proċedura ta’ talba għal dokumenti (dokument discovery) abbużiva u li tevita n-natura definittiva, fl-assenza ta’ rikors skont l-Artikolu 263 TFUE, tad-deċiżjonijiet ta’ rifjut ta’ aċċess fil-konfront tal-impjegat tagħha. Il-Kunsill jitlob ukoll li, fi kwalunkwe każ, il-Qorti Ġenerali tordna l-irtirar mill-proċess tad-dokumenti, prodotti bħala Annessi M. 26 u M. 30 tat-talba għal miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, minħabba li dawn inkisbu illegalment mir-rikorrenti u, konsegwentement, prodotti illegalment u annessi mat-talba tagħha.

128    Filwaqt li enfasizza li l-Qorti tal-Ġustizzja ġiet adita b’problema konnessa fil-kuntest tal-kawża li tat lok għas-sentenza tat-28 ta’ Marzu 2017, Rosneft (C‑72/15, EU:C:2017:236), li fiha r-rikorrenti fittxet li tuża l-proċedura prevista mir-Regolament Nru 1049/2001 sabiex tikseb dokumenti ta’ istituzzjoni sabiex issostni l-allegazzjonijiet tagħha bħala parti privata għal tilwima kontra l-Unjoni, il-Kunsill jindika essenzjalment it-tħassib li, f’din il-kawża, ir-rikorrenti qed tfittex biss li tikseb mill-Qorti Ġenerali li tirregolarizza, fid-dawl tal-użu sussegwenti tagħhom fil-kuntest tal-proċedura ta’ arbitraġġ li hija bdiet kontra l-Unjoni, il-pussess, mir-rikorrenti, tad-dokumenti li jiżvelaw diskussjonijiet interni u l-pożizzjonijiet preliminari tal-Istati Membri dwar id-direttiva kkontestata, minkejja li l-aċċess għalihom fil-verżjonijiet mhux imnaddfa kien ġie rrifjutat lilha mill-Kunsill skont ir-Regolament Nru 1049/2001.

129    F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li d-dokumenti previsti mit-talba għal miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura huma ta’ natura li jistabbilixxu, fil-perspettiva tar-rikorrenti, l-inċidenza individwali ta’ din tal-aħħar mid-direttiva kkontestata. Issa, sa fejn l-assenza ta’ inċidenza diretta tas-sitwazzjoni legali tar-rikorrenti, kif ikkonstatata preċedentement, hija suffiċjenti sabiex jiġi kkunsidrat li hija ma għandhiex locus standi għall-annullament tad-direttiva kkontestata, dan ir-rikors jista’ jiġi miċħud bħala inammissibbli mingħajr ma jkun hemm bżonn li tingħata deċiżjoni dwar it-talba għal miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura.

130    Fir-rigward tat-talba tal-Kunsill intiża sabiex iż-żewġ dokumenti prodotti mir-rikorrenti bħala annessi M. 26 u M. 30 jiġu rtirati mill-proċess, għandu jiġi enfasizzat li, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti fl-ittra tagħha tas-27 ta’ Jannar 2020, li fiha spontanjament ħadet pożizzjoni fuq din it-talba addizzjonali tal-Kunsill, tali kwistjoni ta’ proċedura ma għandhiex obbligatorjament titqajjem permezz ta’ att separat, skont l-Artikolu 130(2) tar-Regoli tal-Proċedura, u barra minn hekk tista’ titqajjem f’kull stadju tal-proċedura. It-talba tal-Kunsill, kif ifformulata fl-osservazzjonijiet tiegħu dwar it-talba għal miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, hija għalhekk ammissibbli.

131    F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li ż-żewġ dokumenti kontenzjużi jinkludu pożizzjonijiet tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja fil-kuntest tal-proċedura leġiżlattiva li wasslet għall-adozzjoni tad-direttiva kkontestata.

132    Fl-ittra tagħha tas-27 ta’ Jannar 2020, ir-rikorrenti tikkontesta li żżomm l-imsemmija dokumenti b’mod illegali. Minn naħa, hija tenfasizza li dawn ma kinux ittimbrati “Restreint UE/EU Restricted” u kienu jindikaw biss li kienu intiżi għal użu fi ħdan komunità ta’ destinatarji u li l-ipproċessar kif ukoll it-tixrid sussegwenti tal-imsemmija dokumenti kienu jaqgħu taħt ir-responsabbiltà esklużiva tal-membri tal-imsemmija komunità. Min-naħa l-oħra, hija indikat li, “[j]ekk membru ta’ tali komunità [kien] jaqsam dokument [magħha], [ikun] diffiċli ħafna li wieħed jara kif dan jista’ jwassal għal illegalità min-naħa [tagħha]”.

133    F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li, fl-ittra tagħha tas-27 ta’ Jannar 2020, ir-rikorrenti ma indikatx liema mir-rappreżentanti permanenti tal-Istati Membri tal-Unjoni, li jappartjenu lill-komunità tad-destinatarji taż-żewġ dokumenti inkwistjoni, kien taha l-awtorizzazzjoni li tiddisponi mill-imsemmija dokumenti. Hija lanqas ma bbażat ruħha fuq il-kunsens tar-rappreżentant permanenti tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja, fil-kwalità tiegħu bħala awtur tal-imsemmija dokumenti. Lanqas ma jidher li, fis-sens tal-Artikolu 4(5) tar-Regolament Nru 1049/2001 (ara, fuq din il-fakultà, is-sentenza tat-18 ta’ Diċembru 2007, L-Isvezja vs Il‑Kummissjoni, C‑64/05 P, EU:C:2007:802, punti 85 sa 89), l-imsemmi Stat Membru kien taċitament jew espliċitament ta l-kunsens tiegħu sabiex l-imsemmija kummenti jiġu trażemssi lir-rikorrenti kemm qabel, kif ukoll wara ċ-ċaħda parzjali, mill-Kunsill, tat-talbiet tal-impjegat tar-rikorrenti.

134    F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma stabbilixxietx li l-verżjonijiet mhux imnaddfa tal-kummenti tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja mressqa fil-kuntest tal-proċedura ta’ adozzjoni tad-direttiva kkontestata kienu nkisbu legalment.

135    Għaldaqstant, għandha tintlaqa’ t-talba tal-Kunsill intiża sabiex id-dokumenti prodotti mir-rikorrenti, bħala Annessi M. 26 u M. 30, jiġu rtirati mill-proċess, filwaqt li jiġi enfasizzat, fi kwalunkwe każ, minn naħa, li dawn id-dokumenti ma humiex ta’ natura li juru l-inċidenza diretta tar-rikorrenti skont it-tieni ipoteżi tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, b’mod li ma kienx hemm lok għall-Qorti Ġenerali li teżiġi mill-Kunsill il-produzzjoni tagħhom sabiex tiddeċiedi dwar l-eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà, u, min-naħa l-oħra, li l-iżvelar tal-kontenut ta’ dawn id-dokumenti, inkluż fil-kuntest ta’ din il-proċedura, huwa ta’ natura li jippreġudika konkretament u effettivament il-protezzjoni tal-interess pubbliku f’dak li jikkonċerna r-relazzjonijiet internazzjonali tal-Unjoni fis-sens tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 1049/2001, b’mod partikolari billi jdgħajjef il-pożizzjoni tal-Unjoni fil-kuntest tal-proċedura ta’ arbitraġġ mibdija kontriha mir-rikorrenti, inkluż minħabba li l-adozzjoni, mill-Qorti Ġenerali, tal-miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura proposta mir-rikorrenti hija intiża sabiex tilleġittimizza l-pussess tal-verżjonijiet mhux imnaddfa ta’ dawn id-dokumenti minnha.

 Fuq it-talbiet għal intervent

136    Konformement mal-Artikolu 144(3) tar-Regoli tal-Proċedura, meta l-konvenut iressaq eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà jew ta’ nuqqas ta’ kompetenza, imsemmija fl-Artikolu 130(1), id-deċiżjoni dwar it-talba għal intervent ma għandhiex tittieħed qabel ma din l-eċċezzjoni tiġi miċħuda jew titħalla għad-deċiżjoni fil-mertu. Barra minn hekk, konformement mal-Artikolu 142(2) tal-istess regoli, l-intervent jitlef l-għan tiegħu b’mod partikolari meta r-rikors jiġi ddikjarat inammissibbli.

137    Issa, peress li l-eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà ntlaqgħu f’dan il-każ u peress li dan id-digriet, konsegwentement, itemm l-istanza, ma hemmx iktar lok li tingħata deċiżjoni dwar it-talbiet għal intervent imressqa mir-Repubblika tal-Estonja, mir-Repubblika tal-Latvja, mir-Repubblika tal-Litwanja, mir-Repubblika tal-Polonja u mill-Kummissjoni.

 Fuq l-ispejjeż

138    Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li l-Parlament u l-Kunsill għamlu talba f’dan is-sens, hemm lok li r-rikorrenti tiġi kkundannata għall-ispejjeż.

139    Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura, l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet li jintervjenu fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom. Minbarra dan, skont l-Artikolu 144(10) ta’ dawn ir-regoli, jekk l-istanza fil-kawża prinċipali tingħalaq qabel ma tingħata deċiżjoni dwar talba għal intervent, min ressaq it-talba għal intervent u l-partijiet prinċipali għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom marbuta mat-talba għal intervent. Konsegwentement, ir-rikorrenti, il-Parlament u l-Kunsill kif ukoll ir-Repubblika tal-Estonja, ir-Repubblika tal-Latvja, ir-Repubblika tal-Litwanja, ir-Repubblika tal-Polonja u l-Kummissjoni għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom relatati mat-talbiet għal intervent.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla)

tordna:

1)      Id-dokumenti prodotti minn Nord Stream 2 AG bħala Annessi A. 14 u O. 20 huma rtirati mill-proċess u ma hemmx lok li jittieħdu inkunsiderazzjoni siltiet mir-rikors u mill-annessi li fihom huma riprodotti estratti minn dawn id-dokumenti.

2)      Il-kumplament tat-talba inċidentali mressqa mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea huwa miċħud.

3)      Id-dokumenti prodotti minn Nord Stream 2 bħala Annessi M. 26 u M. 30 huma rtirati mill-proċess.

4)      Ir-rikors huwa miċħud bħala inammissibbli.

5)      Ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni dwar it-talbiet għal intervent imressqa mir-Repubblika tal-Estonja, mir-Repubblika tal-Latvja, mir-Repubblika tal-Litwanja, mirRepubblika tal-Polonja u mill-Kummissjoni Ewropea.

6)      Nord Stream 2 hija kkundannata għall-ispejjeż tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, bl-eċċezzjoni ta’ dawk relatati mat-talbiet għal intervent.

7)      Nord Stream 2, il-Parlament u l-Kunsill kif ukoll ir-Repubblika tal-Estonja, ir-Repubblika tal-Latvja, ir-Repubblika tal-Litwanja, ir-Repubblika tal-Polonja u l-Kummissjoni għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom relatati mat-talbiet għal intervent.

Magħmul fil-Lussemburgu, fl-20 ta’ Mejju 2020.

Reġistratur

 

Il-President

E. Coulon

 

J. Svenningsen


*      Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.


1 Informazzjoni kunfidenzjali moħbija