Language of document : ECLI:EU:T:2021:332

Edizzjoni Provviżorja

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla Estiża)

9 ta’ Ġunju 2021 (*)

“Servizz pubbliku – Persunal tal-BĊE – Rimbors ta’ spejjeż mediċi u ta’ spejjeż skolastiċi – Falsifikazzjoni – Proċedura dixxiplinari – Tkeċċija – Proċeduri kriminali – Twaqqif mingħajr segwitu – Liberazzjoni – Kompetenza tal-Bord Eżekuttiv – Ċertezza legali – Preskrizzjoni tal-azzjoni dixxiplinari – Massima li l-proċedura dixxiplinari li toħroġ minn reat kriminali għandha tistenna l-eżitu tal-kawża kriminali – Preżunzjoni tal-innoċenza – Imparzjalità tal-Kumitat Dixxiplinari – Żball ta’ liġi – Saħħa probatorja tal-provi – Terminu raġonevoli – Proporzjonalità tas-sanzjoni – Intensità tal-istħarriġ ġudizzjarju – Responsabbiltà”

Fil-Kawża T‑514/19,

DI, irrappreżentat minn L. Levi, avukat,

rikorrent,

vs

Il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE), irrappreżentat minn F. Malfrère u F. von Lindeiner, bħala aġenti, assistiti minn B. Wägenbaur, avukat,

konvenut,

li għandha bħala suġġett talba bbażata fuq l-Artikolu 270 TFUE u fuq l-Artikolu 50a tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u intiża, l-ewwel, għall-annullament tad-deċiżjonijiet tal-BĊE tas‑7 ta’ Mejju 2019 li jkeċċi lir-rikorrent mingħajr avviż tat-temm ta’ impjieg minħabba raġuni dixxiplinari u tal‑25 ta’ Ġunju 2019 li tirrifjuta li tiftaħ mill-ġdid il-proċedura, it-tieni, sabiex ir-reintegrazzjoni tiegħu tiġi ordnata mill‑11 ta’ Mejju 2019 u, it-tielet, għall-kumpens għad-dannu morali li huwa allegatament sostna minħabba dawn id-deċiżjonijiet u minħabba t-tul tal-proċedura dixxiplinari,

IL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla Estiża),

komposta minn S. Gervasoni, President, L. Madise, P. Nihoul, R. Frendo (Relatriċi) u J. Martín y Pérez de Nanclares, Imħallfin,

Reġistratur: P. Cullen, Amministratur,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura u wara s-seduta tad‑9 ta’ Ottubru 2020,

tagħti l-preżenti

Sentenza

I.      Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Ir-rikorrent, DI, ingħaqad mal-persunal tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE jew iktar ’il quddiem il-“Bank”) fl‑1999. Huwa kien jeżerċita l-funzjonijiet ta’ assistent prinċipali fl-informatika, ikklassifikat fil-grad ta’ salarju D, meta kien is-suġġett ta’ proċedura dixxiplinari dwar talbiet għal rimbors, l-ewwel, ta’ fatturi għal servizzi ta’ fiżjoterapija, it-tieni, ta’ rċevuti ta’ spejjeż tal-ispiżeriji u, it-tielet, ta’ fatturi ta’ sostenn skolastiku.

2        Permezz ta’ diversi noti suċċessivi bejn it‑13 ta’ Diċembru 2013 u t‑23 ta’ Novembru 2015, il-kumpannija li tamministra l-iskema ta’ assigurazzjoni tas-saħħa tal-BĊE (iktar ’il quddiem il-“kumpannija A”) informatu b’żewġ sensiliet ta’ fatti. Minn naħa, ir-rikorrent kien ippreżenta xi fatturi ta’ fiżjoterapija għar-rimbors b’mod irregolari, minkejja li dawn kienu ġew ipprovduti minn B, beautician, u, min-naħa l-oħra, huwa kien talab ukoll ir-rimbors ta’ rċevuti foloz ta’ spejjeż farmaċewtiċi.

3        Fl‑14 ta’ Mejju 2014, il-BĊE rrapporta lis-Staatsanwaltschaft Frankfurt am Main (l-Uffiċċju tal-Prosekutur ta’ Frankfurt am Main, il-Ġermanja, iktar ’il quddiem l-“Uffiċċju tal-Prosekutur”) il-fatti dwar ir-rimbors tal-fatturi ta’ fiżjoterapija.

4        Permezz ta’ deċiżjoni tal‑21 ta’ Ottubru 2014, il-Bord Eżekuttiv tal-BĊE ddeċieda li jissospendi lir-rikorrent mill-funzjonijiet tiegħu u li jżomm, għal perijodu massimu ta’ erba’ xhur, 30 % tas-salarju bażiku tiegħu minn Novembru 2014. Din id-deċiżjoni kienet immotivata mill-informazzjoni pprovduta mill-kumpannija A u min-neċessità li jiġu ssalvagwardjati l-investigazzjoni kriminali u s-segwitu dixxiplinari.

5        Fit‑23 ta’ Jannar 2015, il-BĊE kkomunika lill-Uffiċċju tal-Prosekutur l-informazzjoni addizzjonali li l-kumpannija A kienet ipprovdietlu fir-rigward tat-talbiet għal rimbors tal-irċevuti farmaċewtiċi.

6        Wara li semgħet lir-rikorrent fit‑3 ta’ Frar 2016, id-Direttorat Ġenerali (DĠ) “Riżorsi umani, baġit u organizzazzjoni” tal-BĊE ħareġ, fit‑8 ta’ Settembru 2016, “Rapport dwar nuqqas potenzjali ta’ twettiq tal-obbligi professjonali” (iktar ’il quddiem ir-“Rapport Nru 1”), skont l-Artikolu 8.3.2 tar-Regoli Applikabbli għall-Persunal tal-BĊE (iktar ’il quddiem ir-“Regoli Applikabbli għall-Persunal”). Dan ir-rapport kien jinkludi żewġ sensiliet ta’ fatti kontra r-rikorrent. Fl-ewwel lok, mit‑12 ta’ Novembru 2009 sad‑29 ta’ Settembru 2014, ir-rikorrent ippreżenta lill-kumpannija A 86 fattura dwar sessjonijiet ta’ fiżjoterapija pprovduti minn B lill-konjuġi tiegħu, lil uliedhom, kif ukoll lilu nnifsu għal ammont ta’ EUR 61 490, li tiegħu huwa kien kiseb rimbors ta’ EUR 56 041.09, filwaqt li B ma kinitx fiżjoterapista, iżda beautician. Fit-tieni lok, bejn Frar 2009 u Settembru 2013, ir-rikorrent ippreżenta wkoll b’mod frawdolenti lill-kumpannija A rċevuti mill-ispiżeriji miktuba bl-idejn għal ammont totali ta’ EUR 21 289.08, li tiegħu hija rrimborsat EUR 19 427.86.

7        Fit‑12 ta’ Settembru 2016, l-Uffiċċju tal-Prosekutur ħareġ att tal-akkuża formalment kontra r-rikorrent u rreferih quddiem il-qorti kriminali fuq il-bażi ta’ frodi fis-sens tal-Artikolu 263(1) tal-iStrafgesetzbuch (il-Kodiċi Kriminali Ġermaniż) u ta’ falsifikazzjoni ta’ dokumenti skont l-Artikolu 267 tal-istess kodiċi talli talab indebitament ir-rimbors ta’ 71 fattura għal kura ta’ fiżjoterapija. Fl-istess att tal-akkuża, l-Uffiċċju tal-Prosekutur ma ħax azzjoni ulterjuri, konformement mal-Artikolu 154 tal-iStrafprozessordnung (il-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali Ġermaniż), dwar l-aspett tal-kawża dwar l-irċevuti farmaċewtiċi, sa fejn il-fatti kkritikati kienu jeħtieġu wkoll miżuri istruttorji estensivi.

8        Fit‑18 ta’ Novembru 2016, is-Segretarju Ġenerali tas-Servizzi tal-BĊE “li jaġixxi f’isem il-Bord Eżekuttiv” fetaħ proċedura dixxiplinari kontra r-rikorrent għal allegat nuqqas ta’ twettiq tal-obbligi professjonali tiegħu li ħtieġu r-riferiment lill-Kumitat Dixxiplinari u talab lil dan tal-aħħar jagħti opinjoni skont l-Artikolu 8.3.15 tar-Regoli Applikabbli għall-Persunal. Miftuħa fid-dawl tar-Rapport Nru 1, din il-proċedura kienet tirrigwarda l-fatti relatati mal-fatturi ta’ fiżjoterapija u mal-irċevuti mill-ispiżeriji.

9        Il-Kumitat Dixxiplinari skambja diversi ittri mar-rikorrent u semgħu fit‑13 ta’ Frar 2017.

10      Fil‑5 ta’ Settembru 2017, id-DĠ “Riżorsi umani, baġit u organizzazzjoni” tal-BĊE ħareġ “Rapport dwar eventwali nuqqas ta’ twettiq tal-obbligi professjonali” ieħor fis-sens tal-Artikolu 8.3.2 tar-Regoli Applikabbli għall-Persunal (iktar ’il quddiem ir-“Rapport Nru 2”). Dan ir-rapport kien jikkonċerna fatturi ta’ sostenn skolastiku għaż-żewġt ulied tar-rikorrent li huwa kien talab ir-rimbors tagħhom skont l-Artikolu 3.8.4 tar-Regoli Applikabbli għall-Persunal fl‑2010, fl‑2012 u fl‑2014 u, mill-ġdid, f’Jannar 2017. Skont dan ir-rapport, kien jeżisti suspett raġonevoli li l-fatturi maħruġa mill-għalliema C fir-rigward tas-sostenn skolastiku ma kinux ġenwini u reali.

11      Fid-dawl tar-Rapport Nru 2, is-Segretarju Ġenerali tas-Servizzi, “li jaġixxi f’isem il-Bord Eżekuttiv”, iddeċieda, fid‑19 ta’ Settembru 2017, li jestendi l-mandat tal-Kumitat Dixxiplinari għal dawn il-fatti.

12      Fit‑12 ta’ Ottubru 2017, il-BĊE rraporta lill-Uffiċċju tal-Prosekutur l-aspett tal-kawża relatata mal-fatturi ta’ sostenn skolastiku.

13      Il-Kumitat Dixxiplinari sema’ lir-rikorrent u lill-konjuġi tiegħu fis‑17 ta’ Ottubru 2017.

14      Fit‑18 ta’ Ottubru 2017, awla kriminali tal-Landgericht Frankfurt am Main (il-Qorti Reġjonali ta’ Frankfurt am Main, il-Ġermanja) illiberat lir-rikorrent mill-akkużi dwar il-fatturi ta’ fiżjoterapija għal “raġunijiet ta’ fatt”, peress li l-qorti kisbet il-konvinzjoni, “fi tmiem is-seduta […], li l-fatti allegati fl-att tal-akkuża ma [kinux] stabbiliti”.

15      Fil‑11 ta’ April 2018, il-Kumitat Dixxiplinari ta l-opinjoni tiegħu. Qabel kollox, huwa kkunsidra li l-inawtentiċità tal-fatturi ta’ fiżjoterapija ma kinitx suffiċjentement stabbilita, iżda li r-rikorrent kien jaf li B ma kinitx fiżjoterapista, iżda beautician, jew li kellu minn tal-inqas jistaqsi dwar il-kwalifika tagħha. Sussegwentement, il-Kumitat Dixxiplinari qies li l-fatti li taw lok għall-akkużi dwar il-preżentazzjoni tal-irċevuti farmaċewtiċi u l-fatturi ta’ sostenn skolastiku lanqas ma kienu suffiċjentement stabbiliti u li l-proċedura f’dan ir-rigward kellha tingħalaq, bil-kundizzjoni li din terġa’ tinfetaħ fil-każ li jiġu prodotti provi ġodda. Fid-dawl ta’ dak li ntqal, il-Kumitat Dixxiplinari rrakkomanda li tiġi imposta sanzjoni fuq ir-rikorrent li tikkonsisti fi tnaqqis fis-salarju temporanju ta’ EUR 400 fix-xahar fuq perijodu ta’ tnax-il xahar.

16      Wara li r-rikorrent ippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu fuq l-opinjoni tal-Kumitat Dixxiplinari tal‑11 ta’ April 2018, is-Segretarju Ġenerali tas-Servizzi nnotifikah b’deċiżjoni tal-Bord Eżekuttiv tal‑10 ta’ Lulju 2018 li f’dan il-każ jeżerċita s-setgħa dixxiplinari huwa stess (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni tal‑10 ta’ Lulju 2018”).

17      Is-Segretarju Ġenerali tas-Servizzi sussegwentement innotifika lir-rikorrent b’abbozz ta’ deċiżjoni tal-Bord Eżekuttiv intiż għat-tkeċċija tiegħu mingħajr avviż tat-temm ta’ impjieg. Dan kien segwit bi skambju ta’ korrispondenza.

18      Fis‑7 ta’ Mejju 2019, il-Bord Eżekuttiv iddeċieda li jkeċċi lir-rikorrent mingħajr avviż tat-temm ta’ impjieg (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni ta’ tkeċċija”).

19      L-ewwel, il-Bord Eżekuttiv qies, minn naħa, li, “[g]ħal kważi ħames snin, [ir-rikorrent] [kien] wera indifferenza totali u persistenti fir-rigward tal-kwistjoni jekk [B] kellhiex il-kwalifiki meħtieġa sabiex tipprovdi servizzi ta’ fiżjoterapija, minkejja r-raġunijiet ċari u oġġettivi sabiex jistaqsi dwar il-kwalifiki tagħha”, u, min-naħa l-oħra, li huwa kien “attivament ħeba parti mill-informazzjoni” mill-kumpannija A u mill-BĊE.

20      It-tieni, fir-rigward tal-irċevuti farmaċewtiċi, b’numru ta’ iktar minn 500, il-Bord Eżekuttiv qies li r-rikorrent ma setax jinduna li l-ħruġ tagħhom b’forma miktuba bl-idejn ma kinitx normali fil-Ġermanja u li kien hemm indizji oġġettivi li jipprovaw li dawn ma kinux ġenwini u reali.

21      It-tielet, fir-rigward tal-fatturi ta’ sostenn skolastiku, il-Bord Eżekuttiv ikkonstata b’mod partikolari li n-numru fiskali li jinsab fuqhom kien kważi identiku għal dak imsemmi fuq il-fatturi ta’ fiżjoterapija u li l-amministrazzjoni tal-finanzi ta’ Frankfurt am Main (il-Ġermanja) kienet ikkonfermat li dan ma kienx ġenwin. Il-Bord Eżekuttiv osserva wkoll li l-indirizz ta’ C indikat fuq dawn il-fatturi kien huwa wkoll kważi identiku għal dak ta’ B. Għaldaqstant il-BĊE qies li kien improbabbli ħafna li r-rikorrent ma kienx induna b’dan ix-xebh. Konsegwentement, il-Bord Eżekuttiv ikkunsidra li r-rikorrent kien ippreżenta fatturi ta’ sostenn skolastiku għar-rimbors tagħhom li ma kinux ġenwini u reali.

22      Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal, il-Bord Eżekuttiv, essenzjalment, iddikjara li d-dritt li jintalab ir-rimbors ta’ spejjeż mediċi u ta’ sostenn skolastiku ma kienx ifisser li l-membri tal-persunal setgħu ma jiħdux inkunsiderazzjoni ċirkustanzi li jivvizzjaw il-ħruġ ta’ fatturi jew ta’ rċevuti li kienu tali li kull persuna raġonevolment prudenti kienet tistaqsi jekk dawn il-fatturi jew irċevuti kinux jikkostitwixxu dokumentazzjoni xierqa li tagħti d-dritt għar-rimbors tagħhom. Fil-preżenza ta’ tali ċirkustanzi, il-Bord Eżekuttiv qies li kien l-obbligu tal-membri tal-persunal li jinformaw minn tal-inqas b’mod spontanju lill-amministrazzjoni b’dan u li jikkooperaw magħha. Il-Bord Eżekuttiv għalhekk wasal għall-konklużjoni li r-rikorrent kien ħati, l-ewwel, għaliex injora d-dmir tiegħu ta’ lealtà lejn l-istituzzjoni, it-tieni, għaliex naqas mill-obbligu tiegħu li josserva l-valuri komuni tal-BĊE u li jqatta’ l-ħajja professjonali u l-ħajja privata tiegħu skont ir-Regolamenti tal-Persunal tiegħu, it-tielet, għaliex naqas milli jwettaq, b’mod kontinwu, id-dmir tiegħu li jipproteġi l-interessi finanzjarji tal-istituzzjoni u, ir-raba’, għaliex irriskja r-reputazzjoni tal-Bank.

23      Sadanittant, fit‑30 ta’ April 2019, l-Uffiċċju tal-Prosekutur informa lir-rikorrent li l-investigazzjoni dwar il-fatturi ta’ sostenn skolastiku kienet ingħalqet skont l-Artikolu 170(2) tal-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali, u dan minħabba li ma kienx hemm suspetti suffiċjenti sabiex tinbeda l-prosekuzzjoni pubblika.

24      Permezz ta’ ittra tal-istess jum, irreġistrata mill-BĊE fil‑15 ta’ Mejju ta’ wara, l-Uffiċċju tal-Prosekutur informa wkoll lill-BĊE li din l-investigazzjoni kienet twaqqfet. F’din l-ittra, l-Uffiċċju tal-Prosekutur żied li r-riċerki kienu wrew li ma kienx hemm reġistrazzjoni uffiċjali ta’ C u li n-numru fiskali li jidher fuq il-fatturi tiegħu ma kienx ingħata. Madankollu, l-Uffiċċju tal-Prosekutur qies li ma setax jiġi eskluż li l-fatturi inkwistjoni kienu nħarġu u tħallsu mill-akkużat u li l-informazzjoni falza inkluża fihom setgħet tiġi spjegata permezz ta’ “raġunijiet oħra”.

25      Permezz ta’ ittra tat‑12 ta’ Ġunju 2019, ir-rikorrent informa lis-Segretarju Ġenerali tas-Servizzi bir-riżultati tal-proċedura mibdija mill-Uffiċċju tal-Prosekutur fir-rigward tal-fatturi ta’ sostenn skolastiku u talab li l-BĊE jirrevedi d-deċiżjoni ta’ tkeċċija tiegħu.

26      Permezz ta’ ittra tas‑26 ta’ Ġunju 2019, is-Segretarju Ġenerali tas-Servizzi informa lir-rikorrent bid-deċiżjoni tal-Bord Eżekuttiv tal‑25 ta’ Ġunju preċedenti li ma jiftaħx mill-ġdid il-proċedura dixxiplinari (iktar ’il quddiem ir-“rifjut li tinfetaħ mill-ġdid il-proċedura”). Din id-deċiżjoni hija bbażata fuq żewġ motivi. Il-BĊE, qabel kollox, sostna li l-Uffiċċju tal-Prosekutur kellu jivverifika jekk il-fatti allegati kinux jikkostitwixxu ksur tad-dritt kriminali Ġermaniż fid-dawl tal-kriterji ta’ prova applikabbli għall-proċeduri kriminali, filwaqt li kellu jivverifika jekk il-fatti allegati kinux jikkostitwixxu ksur tar-regoli tal-impjieg tiegħu stess fid-dawl tal-kriterji ta’ prova differenti li huma applikabbli għall-proċeduri dixxiplinari. Sussegwentement, huwa espona li l-Uffiċċju tal-Prosekutur kien ikkonferma li ma kinitx teżisti reġistrazzjoni uffiċjali ta’ C u li n-numru fiskali li jidher fuq il-fatturi ma kienx ġenwin.

II.    Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

27      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit‑18 ta’ Lulju 2019, ir-rikorrent ressaq dan ir-rikors.

28      Il-BĊE ppreżenta r-risposta fit‑8 ta’ Novembru 2019.

29      Fit‑22 ta’ Jannar 2020, ir-rikorrent ippreżenta r-replika.

30      Fis‑6 ta’ Marzu 2020, il-BĊE ppreżenta l-kontroreplika.

31      Fis‑7 ta’ Lulju 2020, il-Qorti Ġenerali stiednet lill-BĊE, permezz ta’ miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura bbażata fuq l-Artikolu 89(3)(d) tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, jipproduċi żewġ dokumenti. Il-BĊE kkonforma mal-miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura fit-terminu stabbilit.

32      Fuq proposta tar-Raba’ Awla, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, skont l-Artikolu 28 tar-Regoli tal-Proċedura, li tibgħat il-kawża quddiem kulleġġ ġudikanti estiż.

33      Fuq proposta tal-Imħallef Relatriċi, il-Qorti Ġenerali (Ir-Raba’ Awla Estiża) iddeċidiet li tiftaħ il-fażi orali tal-proċedura u, fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 89 tar-Regoli tal-Proċedura, għamlet mistoqsijiet bil-miktub lill-partijiet, filwaqt li stednithom iweġbuhom waqt is-seduta.

34      Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni ta’ tkeċċija u d-deċiżjoni li ma tinfetaħx mill-ġdid il-proċedura (iktar ’il quddiem, meħuda flimkien, id-“deċiżjonijiet ikkontestati”);

–        konsegwentement, tordna r-reintegrazzjoni tiegħu fil-funzjonijiet tiegħu mill‑11 ta’ Mejju 2019, flimkien mad-drittijiet finanzjarji relatati kollha u b’pubbliċità xierqa sabiex ir-reputazzjoni tiegħu terġa’ tkun bħalma kienet;

–        fi kwalunkwe każ, tikkundanna lill-BĊE jikkumpensah għad-dannu morali li huwa ġarrab u li jevalwa ex æquo et bono fl-ammont ta’ EUR 20 000;

–        tikkundanna lill-BĊE għall-ispejjeż.

35      Il-BĊE jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrent għall-ispejjeż;

–        sa fejn ikun meħtieġ, tħarrek bħala xhieda lir-rikorrent, lill-konjuġi tiegħu u lil uliedhom, kif ukoll lil B, sabiex jinstemgħu dwar il-fatturi ta’ fiżjoterapija, jew, tal-inqas, tisma’ f’dan ir-rigward lir-rikorrent bħala parti f’din it-tilwima.

III. Id-dritt

A.      Fuq l-ewwel kap tat-talbiet, intiż għall-annullament tad-deċiżjonijiet ikkontestati

1.      Osservazzjonijiet preliminari

36      Insostenn tat-talbiet tiegħu għal annullament, ir-rikorrent iqajjem disa’ motivi. Madankollu, fid-dawl tal-kontenut tar-rikors, hemm lok li jiġu elenkati għaxra, ibbażati:

–        l-ewwel wieħed, fuq l-inkompetenza tal-awtur tad-deċiżjonijiet ikkontestati;

–        it-tieni wieħed, fuq il-ksur tal-Artikolu 8.3.2 tar-Regoli Applikabbli għall-Persunal u tal-prinċipju ta’ ċertezza legali;

–        it-tielet wieħed, fuq il-ksur tal-massima li l-proċedura dixxiplinari li toħroġ minn reat kriminali għandha tistenna l-eżitu tal-kawża kriminali, tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba u tad-dmir ta’ premura;

–        ir-raba’ wieħed, fuq il-ksur tal-Artikolu 8.3.7 tar-Regoli Applikabbli għall-Persunal u tal-prinċipju ta’ imparzjalità kif stabbilit fl-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”);

–        il-ħames wieħed, fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża;

–        is-sitt wieħed, fuq żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni;

–        is-seba’ wieħed, fuq il-ksur tad-dritt għall-preżunzjoni tal-innoċenza u tal-Artikolu 48 tal-Karta;

–        it-tmien wieħed, fuq il-ksur tat-terminu raġonevoli u tad-dmir ta’ premura;

–        id-disa’ wieħed, fuq il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni;

–        l-għaxar wieħed, ifformulat sussidjarjament, fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

37      Madankollu, hemm lok li t-tielet u s-seba’ motiv iktar ’il fuq jiġu eżaminati flimkien.

38      Barra minn hekk, il-BĊE jsostni, b’mod ġenerali, li huwa biss l-ewwel motiv, ibbażat fuq l-inkompetenza tal-awtur tal-att, li jista’ jintrabat mat-talba intiża għall-annullament tar-rifjut li tinfetaħ mill-ġdid il-proċedura.

39      Madankollu għandu jiġi rrilevat li, anki jekk ir-rikorrent jindirizza essenzjalment l-ilmenti tiegħu kontra d-deċiżjoni ta’ tkeċċija, it-tielet u s-seba’ motiv, ibbażati essenzjalment fuq il-ksur tal-massima li l-proċedura dixxiplinari li toħroġ minn reat kriminali għandha tistenna l-eżitu tal-kawża kriminali u fuq il-ksur tad-dritt għall-preżunzjoni tal-innoċenza, huma wkoll diretti kontra r-rifjut li tinfetaħ mill-ġdid il-proċedura fid-dawl tad-deċiżjoni tal-Uffiċċju tal-Prosekutur li jagħlaq l-investigazzjoni dwar il-fatturi ta’ sostenn skolastiku. Barra minn hekk, fil-każ fejn id-deċiżjoni ta’ tkeċċija għandha tiġi annullata, ir-rifjut li tinfetaħ mill-ġdid il-proċedura għandu wkoll jiġi annullat, bħala konsegwenza u fl-interess taċ-ċertezza legali, sabiex jiġi eliminat kull ostakolu potenzjali għall-obbligu tal-BĊE li jieħu, konformement mal-Artikolu 266 TFUE, il-miżuri involuti fl-eżekuzzjoni tas-sentenza.

2.      Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq l-inkompetenza tal-awtur tad-deċiżjonijiet ikkontestati

40      Skont l-Artikolu 44(ii) tal-Kundizzjonijiet tal-Impjieg tal-Persunal tal-BĊE (iktar ’il quddiem il-“Kundizzjonijiet tal-Impjieg”), il-Bord Eżekuttiv jista’ jimponi tkeċċija b’avviż tat-temm ta’ impjieg jew mingħajru bħala sanzjoni dixxiplinari. L-Artikolu 8.3.17 tar-Regoli Applikabbli għall-Persunal madankollu jiddisponi li “[s]-Segretarju Ġenerali tas-Servizzi, li jaġixxi f’isem il-Bord Eżekuttiv, għall-membri tal-persunal li jinsabu fil-grad ta’ salarju I jew inqas […], għandu jiddeċiedi dwar is-sanzjoni dixxiplinari l-iktar xierqa” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

41      F’dan il-każ, il-Bord Eżekuttiv ħa d-deċiżjonijiet ikkontestati, filwaqt li, skont ir-rikorrent, dawn kienu jaqgħu taħt il-kompetenza tas-Segretarju Ġenerali tas-Servizzi, bis-saħħa tad-delega ta’ kompetenza prevista mill-Artikolu 8.3.17 tar-Regoli Applikabbli għall-Persunal.

42      Madankollu, kif isostni l-BĊE, fl‑10 ta’ Lulju 2018, jiġifieri qabel ma adotta d-deċiżjoni ta’ tkeċċija, il-Bord Eżekuttiv ħa d-deċiżjoni li jeżerċita s-setgħa dixxiplinari huwa stess fil-konfront tar-rikorrent (ara l-punt 16 iktar ’il fuq).

43      Madankollu, ir-rikorrent iqis li l-irtirar tad-delegazzjoni lis-Segretarju Ġenerali tas-Servizzi kien jeħtieġ il-konsultazzjoni minn qabel tal-Kumitat tal-Persunal. Għaldaqstant huwa jikkunsidra li, fl-assenza ta’ tali konsultazzjoni, id-deċiżjoni tal‑10 ta’ Lulju 2018 kienet irregolari, bil-konsegwenza li l-Bord Eżekuttiv ħa d-deċiżjoni ta’ tkeċċija minflok l-awtorità legalment kompetenti.

44      Sabiex jiġġustifika l-fatt li l-Kumitat tal-Persunal kellu jiġi kkonsultat, ir-rikorrent isostni, fl-ewwel lok, li d-deċiżjoni tal‑10 ta’ Lulju 2018 kienet tikkostitwixxi emenda tar-Regoli Applikabbli għall-Persunal u li tali emenda teżiġi l-konsultazzjoni ta’ dan il-kumitat konformement mal-Artikolu 21 tar-Regoli tal-Proċedura tal-BĊE u mal-prinċipju tal-paralleliżmu tal-proċeduri.

45      Madankollu, kuntrarjament għal dak li jsostni r-rikorrent, id-deċiżjoni tal‑10 ta’ Lulju 2018 ma ħassritx l-Artikolu 8.3.17 tar-Regoli Applikabbli għall-Persunal. Kif jirrikonoxxi huwa stess fir-replika, din id-deċiżjoni kienet tikkonċerna lilu biss u kienet limitata għall-kawża inkwistjoni. Għaldaqstant, hija għandha biss portata individwali.

46      Issa, l-obbligu ta’ konsultazzjoni mal-Kumitat tal-Persunal huwa limitat għall-emenda ta’ atti ta’ portata ġenerali (digriet tad‑9 ta’ Novembru 2017, Bowles vs BĊE, T‑564/16, mhux ippubblikat, EU:T:2017:816, punt 48). Fil-fatt, l-Artikolu 48 tal-Kundizzjonijiet tal-Impjieg jiddisponi li l-Kumitat tal-Persunal “jirrappreżenta l-interessi ġenerali tal-membri kollha tal-persunal fil-qasam tal-kuntratti ta’ xogħol, tar-regolamenti tal-persunal u tar-remunerazzjonijiet, tal-kundizzjonijiet tal-impjieg, tax-xogħol, tas-saħħa u tas-sigurtà fil-BĊE, tas-sigurtà soċjali u tal-iskemi tal-irtirar” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 49 tal-istess Kundizzjonijiet tal-Impjieg, “il-Kumitat tal-Persunal għandu jiġi kkonsultat qabel ma jiġu emendati dawn il-Kundizzjonijiet tal-Impjieg, ir-Regoli Applikabbli għall-Persunal u kwistjonijiet relatati, kif iddefiniti fl-Artikolu 48 iktar ’il fuq” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

47      Madankollu, ir-rikorrent isostni, fit-tieni lok, li, anki jekk huwa biss kien ikkonċernat mid-deċiżjoni tal‑10 ta’ Lulju 2018, il-possibbiltà li l-Bord Eżekuttiv jinvoka każijiet individwali għandha l-konsegwenza li l-Artikolu 8.3.17 tar-Regoli Applikabbli għall-Persunal ma jistax jitqies bħala dispożizzjoni definittiva, iżda bħala dispożizzjoni li tista’ tinbidel skont id-diskrezzjoni tal-BĊE. Issa, fil-qasam dixxiplinari, iċ-ċertezza legali u l-pubbliċità huma indispensabbli. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rikorrent iqis li l-konsultazzjoni mal-Kumitat tal-Persunal kienet utli.

48      F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li l-Bord Eżekuttiv huwa responsabbli għall-amministrazzjoni kurrenti tal-BĊE bis-saħħa tal-Artikolu 11.6 tal-Protokoll dwar l-Istatuti tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali u tal-BĊE u li l-Artikolu 44(ii) tal-Kundizzjonijiet tal-Impjieg jirrikonoxxilu b’mod iktar preċiż il-kompetenza li jadotta deċiżjonijiet ta’ tkeċċija mingħajr avviż tat-temm ta’ impjieg.

49      F’dawn iċ-ċirkustanzi, billi jafda lis-Segretarju Ġenerali tas-Servizzi l-kompitu li jadotta deċiżjonijiet individwali ta’ tkeċċija “f’isem il-Bord Eżekuttiv”, l-Artikolu 8.3.17 tar-Regoli Applikabbli għall-Persunal jaqa’ fil-kuntest tas-setgħa diskrezzjonali wiesgħa li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni għandhom fuq il-livell intern fl-organizzazzjoni interna tagħhom skont il-bżonnijiet tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ Mejju 2005, Tralli vs BĊE, C‑301/02 P, EU:C:2005:306, punt 58). Issa, għalkemm il-prinċipju ta’ ċertezza legali, invokat mir-rikorrent, jimponi fuq l-amministrazzjoni, meta tadotta regoli, l-obbligu li tabbozza dawn ir-regoli b’mod li dawn ikunu suffiċjentement ċari sabiex il-partijiet fil-kawża jkunu jistgħu jagħrfu d-drittijiet u l-obbligi tagħhom mingħajr ambigwità u b’hekk jaġixxu konsegwentement, dan il-prinċipju ma jobbligax lill-BĊE li jillimita s-setgħa diskrezzjonali li huwa għandu fl-organizzazzjoni interna tiegħu (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑24 ta’ Settembru 2019, US vs BĊE, T‑255/18, mhux ippubblikata, EU:T:2019:680, punt 90). Għaldaqstant, il-prinċipju ta’ ċertezza legali ma jipprekludix li l-Artikolu 8.3.17 imsemmi iktar ’il fuq jiġi interpretat fis-sens li d-deċiżjonijiet tas-Segretarju Ġenerali tas-Servizzi f’dan il-qasam jesprimu dawk tal-Bord Eżekuttiv, li jassumi bis-sħiħ ir-responsabbiltà għalihom u li għalih huma legalment responsabbli.

50      Barra minn hekk, ir-regoli ta’ amministrazzjoni tajba fil-qasam tal-amministrazzjoni tal-persunal ċertament jippreżumu li t-tqassim tal-kompetenzi fi ħdan il-BĊE huwa ddefinit u ppubblikat b’mod ċar (sentenza tad‑9 ta’ Lulju 2008, Kuchta vs BĊE, F‑89/07, EU:F:2008:97, punt 62). F’dan il-każ, l-Artikolu 8.3.17 tar-Regoli Applikabbli għall-Persunal huwa ppubblikat u l-BĊE ġġustifika l-għażla li ma jagħmilx pubbliku d-deċiżjoni tal‑10 ta’ Lulju 2018 fl-interess tar-rikorrent, sabiex jippreżerva r-reputazzjoni tiegħu fi żmien meta ma setax jiġi ġġudikat minn qabel fir-rigward tar-riżultat finali tal-proċedura dixxiplinari. Barra minn hekk, ir-rikorrent irċieva notifika ta’ din id-deċiżjoni u għalhekk kien ġie informat biha b’dan il-mod.

51      Konsegwentement, id-deċiżjoni tal-Bord Eżekuttiv li jeżerċita direttament is-setgħa dixxiplinari fil-każ individwali tar-rikorrent ma twassalx għal emenda tar-Regoli Applikabbli għall-Persunal li kienet teħtieġ il-konsultazzjoni mal-Kumitat tal-Persunal fl-interess taċ-ċertezza legali u tal-pubbliċità, kif jallega r-rikorrent.

52      Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li r-rikorrent ma ġie mċaħħad minn ebda garanzija. Għall-kuntrarju, l-eżerċizzju kulleġġjali ta’ kompetenza, bħal f’dan il-każ, joffri, bħala prinċipju, iktar protezzjoni lid-destinatarji tal-miżuri li għandhom jittieħdu minn kompetenza eżerċitata minn persuna waħda (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑19 ta’ Settembru 2019, GE Healthcare vs Il‑Kummissjoni, T‑783/17, EU:T:2019:624, punt 182).

53      Għalhekk, l-ewwel motiv ma huwiex fondat.

3.      Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 8.3.2 tar-Regoli Applikabbli għall-Persunal u tal-prinċipju ta’ ċertezza legali

54      It-tielet inċiż tal-Artikolu 8.3.2 tar-Regoli Applikabbli għall-Persunal jiddisponi li “[i]l-proċedura dixxiplinari għandha tinbeda mhux iktar tard minn ħames snin wara li jseħħu l-fatti u fis-sena tal-iskoperta tagħhom, ħlief fil-każ ta’ nuqqas serju li jista’ jwassal għal tkeċċija, fejn it-termini huma ta’ 10 snin u ta’ sena rispettivament” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

55      Ir-rikorrent isostni li l-fatti kienu preskritti bis-saħħa ta’ din id-dispożizzjoni minħabba l-iskadenza tat-terminu ta’ sena mill-iskoperta tal-fatti.

a)      Fuq in-natura obbligatorja jew le tat-terminu ta’ sena

56      Il-BĊE jsostni li t-terminu ta’ sena previst mill-Artikolu 8.3.2 tar-Regoli Applikabbli għall-Persunal ma huwiex mandatorju. Huwa jsostni li, skont il-ġurisprudenza, il-qbiż ta’ terminu jwassal għall-annullament ta’ att biss jekk dan ma jkunx raġonevoli, b’tali mod li jaffettwa d-drittijiet tad-difiża, li hija ħaġa li r-rikorrent ma jallegax.

57      Għalkemm huwa ppreżentat sussidjarjament, dan l-argument għandu jiġi eżaminat fl-ewwel lok.

58      Għandu jitfakkar, f’dan ir-rigward, li terminu ta’ preskrizzjoni għandu l-funzjoni li jiżgura ċ-ċertezza legali u li dan ir-rekwiżit fundamentali jipprekludi lill-amministrazzjoni milli ddum indefinittivament biex teżerċita s-setgħat tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑10 ta’ Ġunju 2004, François vs Il‑Kummissjoni, T‑307/01, EU:T:2004:180, punti 45 u 46, u tat‑8 ta’ Marzu 2012, Kerstens vs Il‑Kummissjoni, F‑12/10, EU:F:2012:29, punti 122 u 123). Konsegwentement, meta jkun hemm dispożizzjonijiet li jistabbilixxu termini ta’ preskrizzjoni għall-ftuħ ta’ proċedura dixxiplinari, kull kunsiderazzjoni marbuta ma’ terminu raġonevoli għandha tiġi miċħuda (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenzi tat‑13 ta’ Novembru 2014, Nencini vs Il‑Parlament, C‑447/13 P, EU:C:2014:2372, punti 52 sa 54, u tat‑18 ta’ Ġunju 2008, Hoechst vs Il‑Kummissjoni, T‑410/03, EU:T:2008:211, punt 224). Jekk jiġi aċċettat li t-termini fil-qasam dixxiplinari ma kinux perentorji, dan ġie deċiż biss fir-rigward tal-iżvolġiment tal-proċedura (sentenza tas‑17 ta’ Marzu 2015, AX vs BĊE, F‑73/13, EU:F:2015:9, punt 174; ara wkoll, fir-rigward tat-termini msemmija fit-Taqsima 5 tal-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea, is-sentenza tat‑8 ta’ Marzu 2012, Kerstens vs Il‑Kummissjoni, F‑12/10, EU:F:2012:29, punt 124), u mhux għal dawk li jikkonċernaw il-bidu tagħha.

59      Huwa għalhekk b’mod żbaljat li l-BĊE jsostni li t-terminu ta’ preskrizzjoni ta’ sena previst fl-Artikolu 8.3.2 tar-Regoli Applikabbli għall-Persunal ma huwiex mandatorju.

60      Madankollu, il-BĊE jsostni li l-fatti ma kinux preskritti f’dan il-każ.

b)      Fuq il-kwistjoni dwar jekk il-fatti kinux preskritti

1)      Fuq il-kunċett tal-“iskoperta tal-fatti” li minnu jibda jiddekorri t-terminu ta’ preskrizzjoni ta’ sena

61      Il-BĊE josserva li, skont l-Artikolu 8.3.2 tar-Regoli Applikabbli għall-Persunal, it-terminu ta’ preskrizzjoni ta’ sena jibda jiddekorri biss mill-iskoperta tal-fatti. Għaldaqstant, għandu jiġi stabbilit x’inhu kopert minn dan il-kunċett.

62      F’dan ir-rigward, mill-Artikolu 8.3.15 tar-Regoli Applikabbli għall-Persunal jirriżulta li l-missjoni tal-Kumitat Dixxiplinari tikkonsisti b’mod partikolari f’li jiġu mfittxija u stabbiliti l-fatti kemm jista’ jkun bir-reqqa. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 8.3.14 tal-imsemmija regoli, l-imsemmi kumitat jista’ jitlob lil wieħed mill-membri tiegħu jwettaq investigazzjonijiet addizzjonali jekk iqis li l-informazzjoni li għandu ma hijiex suffiċjenti. Minn dan isegwi li l-għan tal-proċedura dixxiplinari jikkonsisti fid-determinazzjoni definittiva tal-fatti u fl-istabbiliment tagħhom fi tmiem proċess kontradittorju.

63      Għaldaqstant, il-kunċett tal-iskoperta tal-fatti ma jistax jeżiġi għarfien preċiż u ddettaljat tal-fatti kollha li jikkostitwixxu nuqqas dixxiplinari (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑8 ta’ Novembru 2012, Evropaïki Dynamiki vs Il‑Kummissjoni, C‑469/11 P, EU:C:2012:705, punt 37). Barra minn hekk, dan il-kunċett ma jeħtieġx li l-fatti jkunu definittivament stabbiliti, għaliex l-iskoperta tagħhom tirreferi għall-għarfien tagħhom, u mhux għall-prova tagħhom (ara, b’analoġija, id-digriet tas‑27 ta’ April 2017, CJ vs ECDC, T‑696/16 REV u T‑697/16 REV, mhux ippubblikat, EU:T:2017:318, punt 39).

64      Għaldaqstant, għandu jiġi ammess, kif isostni l-Bank, li l-iskoperta tal-fatti fis-sens tal-Artikolu 8.3.2 tar-Regoli Applikabbli għall-Persunal isseħħ fil-mument meta l-fatti magħrufa jkunu suffiċjenti sabiex tkun tista’ ssir evalwazzjoni prima facie tal-eżistenza ta’ nuqqas ta’ twettiq tal-obbligi professjonali, li jiddependi, min-naħa tiegħu, fuq l-obbligi potenzjalment miksura u fuq ir-rekwiżiti inerenti għal kull wieħed minnhom. Barra minn hekk, fil-verità, ir-rikorrent ma jikkontestax din l-interpretazzjoni.

65      Madankollu, għandu jiġi miċħud mill-ewwel l-argument tal-BĊE bbażat fuq il-fatt li, minħabba l-konsegwenzi gravi marbuta mal-iskadenza tat-terminu ta’ preskrizzjoni, il-bidu tad-dekorrenza tiegħu għandu jkun ċert sabiex tiġi żgurata ċ-ċertezza legali.

66      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li t-termini ta’ preskrizzjoni huma intiżi sabiex jiżguraw iċ-ċertezza legali tal-persuni li jistgħu jkunu akkużati iktar milli dik tal-awtorità li takkuża (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑13 ta’ Novembru 2014, Nencini vs Il‑Parlament, C‑447/13 P, EU:C:2014:2372, punt 52). Barra minn hekk, il-kunċett ta’ “skoperta tal-fatti” użat mill-BĊE fl-Artikolu 8.3.2 tar-Regoli Applikabbli għall-Persunal jinkludi fih stess ċertu livell ta’ inċertezza. Fl-aħħar nett, għandu jitfakkar li l-prinċipju ta’ ċertezza legali ma jeżiġix li l-konsegwenzi ta’ kull att ikunu prevedibbli b’ċertezza assoluta fir-rigward tad-dispożizzjonijiet applikabbli (ara, b’analoġija, is-sentenza tas‑16 ta’ Settembru 2013, Hansa Metallwerke et vs Il‑Kummissjoni, T‑375/10, mhux ippubblikata, EU:T:2013:475, punt 51 u l-ġurisprudenza ċċitata). Huwa biżżejjed li dawn jistgħu jkunu prevedibbli sa livell raġonevoli (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Ottubru 2015, AC‑Treuhand vs Il‑Kummissjoni, C‑194/14 P, EU:C:2015:717, punt 42), bla ħsara għall-istħarriġ tal-qorti tal-Unjoni.

67      Wara li dan ġie ppreċiżat, għandu jiġi eżaminat in concreto jekk il-fatti kinux effettivament preskritti f’dan il-każ.

2)      Fuq l-eventwali preskrizzjoni tal-proċedura dixxiplinari fir-rigward ta’ fatturi ta’ fiżjoterapija

68      Mill-proċess jirriżulta li l-kumpannija A bagħtet lill-BĊE, fit‑13 u fit‑18 ta’ Diċembru 2013, informazzjoni dwar frodi possibbli tar-rikorrent fir-rigward tar-rimbors ta’ fatturi ta’ fiżjoterapija. Sussegwentement hija pprovditilha preċiżazzjonijiet addizzjonali fl‑20 ta’ Frar, fl‑20 ta’ Marzu, fis‑27 ta’ Mejju, fit‑13 ta’ Ġunju, fil‑15 ta’ Lulju u fit‑13 u fil‑21 ta’ Ottubru 2014.

69      Il-BĊE jsostni li l-informazzjoni msemmija fil-punt 68 iktar ’il fuq, ipprovduta mill-kumpannija A, ma tistax tikkostitwixxi “skoperta tal-fatti”, għaliex, bħala assiguratur, din seta’ jkollha interess personali li tqajjem in-natura indebita tar-rimborsi magħmula favur ir-rikorrent u li l-informazzjoni tagħha kellha għalhekk tittieħed bi prudenza.

70      Madankollu, mill-proċess ma jirriżultax li l-BĊE kien laqa’ l-informazzjoni tal-kumpannija A bir-riżerva li timplika suspett ta’ kunflitt ta’ interessi.

71      Għall-kuntrarju, minn rapport tal-kumpannija A tal‑20 ta’ Novembru 2014 jirriżulta li l-BĊE qies, minn Diċembru 2013, li l-ewwel informazzjoni pprovduta mill-imsemmija kumpannija kienet suffiċjenti sabiex jibda l-proċeduri statutorji tiegħu previsti f’każ ta’ suspett ta’ frodi.

72      Barra minn hekk, abbażi tal-informazzjoni miksuba mill-kumpannija A, il-BĊE rrapporta lill-Uffiċċju tal-Prosekutur il-fatti li jikkonċernaw ir-rimbors tal-fatturi ta’ fiżjoterapija fl‑14 ta’ Mejju 2014 (ara l-punt 3 iktar ’il fuq).

73      Barra minn hekk, skont ir-rapport tal‑20 ta’ Novembru 2014, il-BĊE kien talab lill-kumpannija A, fis‑17 ta’ Novembru preċedenti, sabiex tibda l-preparamenti sabiex tikseb l-irkupru tal-ammonti mħallsa lir-rikorrent għall-ispejjeż tiegħu ta’ fiżjoterapija u tal-ispiżerija, u dan fid-dawl tal-volum kunsiderevoli ta’ talbiet għal rimbors potenzjalment frawdolenti.

74      Fl-aħħar nett, l-informazzjoni kkomunikata mill-kumpannija A kienet akkumpanjata minn xhieda u minn dokumenti oħra li kienu jissostanzjawha u b’hekk għamluha kredibbli.

75      Il-BĊE jsostni wkoll li l-informazzjoni miksuba mill-kumpannija A kienet parzjali meta mqabbla mat-talbiet għal rimbors li kienu mifruxa fuq perijodu ta’ madwar ħames snin.

76      Madankollu, permezz tar-rapport tagħha tat‑13 ta’ Ottubru 2014, il-kumpannija A indikat lill-BĊE total ta’ 91 fattura ta’ fiżjoterapija għal ammont globali ta’ EUR 56 041.09, li ma jistax jiġi kkunsidrat bħala informazzjoni parzjali, peress li dan l-ammont jikkorrispondi għal dak indikat fid-deċiżjoni ta’ tkeċċija.

77      Barra minn hekk, ir-rapport tat‑13 ta’ Ottubru 2014 wassal lill-BĊE sabiex jieħu d-deċiżjoni li jissospendi lir-rikorrent mill-funzjonijiet tiegħu mill‑21 ta’ Ottubru 2014 (ara l-punt 4 iktar ’il fuq).

78      Ċertament, il-BĊE jsostni li, skont l-Artikolu 46 tal-Kundizzjonijiet tal-Impjieg, sospensjoni tista’ tiġi deċiża “f’każ ta’ allegazzjoni ta’ nuqqas serju” li jeħtieġ livell ta’ prova iktar baxx minn dak ta’ “skoperta tal-fatti” fis-sens tal-Artikolu 8.3.2 tar-Regoli Applikabbli għall-Persunal.

79      Madankollu, il-Bord Eżekuttiv immotiva d-deċiżjoni tiegħu li jissospendi r-rikorrent bil-fatt li, fid-dawl tal-informazzjoni pprovduta mill-kumpannija A, kien hemm provi suffiċjentement preċiżi u rilevanti li jippermettu li jitqies jew li huwa kien iffalsifika l-fatturi inkwistjoni, jew li tal-inqas kien konxju tan-nuqqas ta’ awtentiċità tagħhom. Fid-dawl ta’ dawn il-provi, il-Bord Eżekuttiv ikkunsidra li, jekk jirriżulta li dawn huma stabbiliti, dawn il-fatti jikkostitwixxu nuqqas gravi tad-dmirijiet tal-persuna kkonċernata u li b’mod partikolari kellhom jiġu ppreżervati l-konsegwenzi dixxiplinari.

80      Barra minn hekk, għalkemm il-Bank iġġustifika d-deċiżjoni ta’ sospensjoni permezz ta’ provi li huwa stess ikklassifika bħala suffiċjentement preċiżi u rilevanti sabiex tiġi preżunta l-eżistenza ta’ nuqqas gravi li jista’ jiġi suġġett għal proċeduri dixxiplinari, l-imsemmija provi pprovduti mill-kumpannija A kienu neċessarjament suffiċjenti sabiex jikkostitwixxu “skoperta tal-fatti” fis-sens tal-Artikolu 8.3.2 tar-Regoli Applikabbli għall-Persunal, kif ikkonstatat fil-punt 64 iktar ’il fuq.

81      Minn dan isegwi li, sa fejn il-fatti żvelati mill-kumpannija A lill-BĊE f’Ottubru 2014 kienu suffiċjenti sabiex jaqgħu taħt il-kunċett ta’ skoperta tal-fatti fis-sens tal-Artikolu 8.3.2 tar-Regoli Applikabbli għall-Persunal, għandhom jiġu miċħuda l-argumenti l-oħra tal-BĊE li jgħidu li, sabiex tinfetaħ il-proċedura dixxiplinari, kien ikun raġonevoli li wieħed jistenna li l-awtoritajiet ġudizzjarji Ġermaniżi jiġbru iktar informazzjoni, b’mod partikolari wara tfittxija, jew li jkun hemm il-possibbiltà li jiġi kkonsultat il-fajl tal-Uffiċċju tal-Prosekutur sabiex jinsabu provi addizzjonali fih. Fi kwalunkwe każ, anki jekk jitqies li l-BĊE qies li għandu bżonn provi addizzjonali sabiex jiftaħ il-proċedura dixxiplinari, huwa seta’ jibdieha u jissospendiha fl-istennija tar-riżultati tal-proċeduri kriminali. Fil-fatt, anki jekk l-ebda dispożizzjoni fis-seħħ fi ħdan il-BĊE u l-ebda prinċipju ġenerali ma kien jimponi din is-sospensjoni (ara l-punti 105 sa 107 iktar ’il quddiem), huwa setgħa jaġixxi b’dan il-mod, peress li t-termini relatati mal-iżvolġiment tal-proċedura dixxiplinari ma humiex perentorji (ara l-punt 58 iktar ’il fuq), xejn ma jippermetti li wieħed jaħseb li l-bżonnijiet tal-investigazzjoni kriminali kienu jipprekluduha u, għall-kuntrarju, id-deċiżjoni ta’ sospensjoni tal‑21 ta’ Ottubru 2014 kienet diġà tirreferi għaliha.

82      Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha jirriżulta li għaddiet iktar minn sena bejn l-iskoperta tal-fatti fir-rigward tal-ispejjeż ta’ fiżjoterapija f’Ottubru 2014 u d-deċiżjoni tat‑18 ta’ Novembru 2016 li tinfetaħ il-proċedura dixxiplinari.

83      Għaldaqstant, it-tieni motiv huwa fondat sa fejn jikkonċerna l-aspett tal-kawża dwar il-fatturi ta’ fiżjoterapija.

3)      Fuq l-eventwali preskrizzjoni tal-proċedura dixxiplinari fir-rigward ta’ rċevuti ta’ spejjeż farmaċewtiċi

84      Kif diġà ġie espost (ara l-punti 4 u 73 iktar ’il fuq), għandu jitfakkar li r-rikorrent ġie sospiż mill-funzjonijiet tiegħu fil‑21 ta’ Ottubru 2014 u li, mis‑17 ta’ Novembru ta’ wara, il-BĊE talab lill-kumpannija A sabiex tibda l-preparazzjonijiet sabiex tikseb l-irkupru tal-ammonti mħallsa lir-rikorrent għall-ispejjeż tas-saħħa tiegħu.

85      Barra minn hekk, mill-proċess jirriżulta li, fil‑21 ta’ Novembru 2014, il-kumpannija A bagħtet rapport, datat lejliet u ddokumentat, lill-BĊE intiż sabiex jistabbilixxi l-frodi possibbli tar-rikorrent (ara l-punti 71 u 73 iktar ’il fuq). Dan ir-rapport kien jikkonċerna mhux biss il-fatturi ta’ fiżjoterapija, iżda wkoll ir-rimbors ta’ rċevuti farmaċewtiċi miktuba bl-idejn. Huwa ppreċiża li l-proprjetarju tal-ispiżeriji inkwistjoni kien iddikjara li l-irċevuti tiegħu kienu stampati u li dawk li kellhom ammonti miktuba bl-idejn ma kinux inħarġu minn waħda minnhom, li l-ammonti indikati fuq il-kopji ta’ rċevuti mibgħuta lilu ma kinux jikkorrispondu għat-tariffi użati, li diversi prodotti msemmija qatt ma kienu ġew ordnati jew ma kinux mibjugħa u li t-timbri li jidhru fuqhom kienu probabbilment iffalsifikati. Il-kumpannija A evalwat li s-somom li għandhom jiġu rkuprati minħabba dawn il-irċevuti huma ta’ EUR 88 289.65. Lista tal-irċevuti inkwistjoni kienet mehmuża mal-imsemmi rapport.

86      Il-kumpannija A kkompletat ir-rapport tagħha tal‑20 ta’ Novembru 2014 permezz ta’ żewġ messaġġi elettroniċi tat‑22 u tat‑23 ta’ Jannar 2015.

87      Fl-aħħar nett, mir-Rapport Nru 1 jirriżulta li l-informazzjoni mibgħuta mill-kumpannija A kienet biżżejjed sabiex il-BĊE jikkomunika l-fatti li jikkonċernaw l-irċevuti farmaċewtiċi lill-awtoritajiet ġudizzjarji Ġermaniżi fit‑23 ta’ Jannar 2015.

88      Fid-dawl ta’ dak li ntqal, jidher li, fir-rigward tal-aspett tal-kawża relatat mal-irċevuti farmaċewtiċi, il-fatti mressqa quddiem il-BĊE bejn il‑21 ta’ Novembru 2014 u t‑23 ta’ Jannar 2015 kienu suffiċjenti sabiex dan ikun jista’ jagħmel evalwazzjoni prima facie tal-eżistenza ta’ nuqqas min-naħa tar-rikorrent tal-obbligi professjonali tiegħu.

89      Għal din ir-raġuni, u għal dawk diġà esposti fil-punt 66 iktar ’il fuq, hemm lok li jiġi kkunsidrat li, fir-rigward tal-irċevuti farmaċewtiċi, it-terminu ta’ preskrizzjoni ta’ sena beda jiddekorri mhux iktar tard mit‑23 ta’ Jannar 2015, u mhux mid-data li fiha l-BĊE kellu aċċess għall-fajl kriminali tal-Uffiċċju tal-Prosekutur, fl‑20 ta’ Novembru ta’ wara, kif invokat minnu. Konsegwentement, fit‑18 ta’ Novembru 2016, id-data li fiha nfetħet il-proċedura dixxiplinari, it-terminu ta’ preskrizzjoni ta’ sena kien diġà skada fir-rigward tal-irċevuti farmaċewtiċi.

90      Għaldaqstant, it-tieni motiv huwa fondat fir-rigward ta’ dan l-aspett tal-kawża.

4)      Fuq l-eventwali preskrizzjoni tal-proċedura dixxiplinari fir-rigward ta’ fatturi ta’ sostenn skolastiku

91      Is-Segretarju Ġenerali tas-Servizzi ddeċieda li jestendi l-mandat tal-Kumitat Dixxiplinari għall-fatti relatati mal-fatturi ta’ sostenn skolastiku fid‑19 ta’ Settembru 2017 u għalhekk, f’din id-data, fetaħ il-proċedura dixxiplinari fir-rigward tagħhom.

92      Ir-rikorrent isostni li l-element li wassal għall-ftuħ ta’ dan l-aspett tal-kawża kien relatat mal-fatt li l-fatturi tal-għalliema C kellhom numru fiskali kważi identiku għal dak tal-preżunta fiżjoterapista B. Issa, huwa jżid li l-BĊE kien jaf bil-fatti li wasslu għall-proċedura dixxiplinari relatata mal-fatturi ta’ fiżjoterapija wara l-komunikazzjoni tar-rapporti tal-kumpannija A u l-fatturi ta’ C kienu jinsabu fil-fajl tiegħu u kienu disponibbli għall-Bank iktar minn sena qabel id-deċiżjoni ta’ estensjoni tal-mandat tal-Kumitat Dixxiplinari. Konsegwentement, ir-rikorrent iqis li l-iskoperta tal-fatti relatati mal-fatturi ta’ sostenn skolastiku ma tistax tirriżulta mill-investigazzjonijiet imwettqa fl‑2017 mill-Kumitat Dixxiplinari fil-kuntest tal-aspetti tal-kawża li jikkonċernaw il-fatturi ta’ fiżjoterapija u l-irċevuti mill-ispiżeriji.

93      Huwa minnu li l-fatt li ġibed l-attenzjoni tal-BĊE dwar il-fatturi ta’ sostenn skolastiku, jiġifieri l-kważi identiċità tan-numri fiskali ta’ B u ta’ C, kien jinsab fil-fajl tar-rikorrent. Madankollu, għalkemm, bi tweġiba għall-mistoqsijiet intiżi sabiex jiġi ddeterminat jekk is-servizzi tal-preżunta fiżjoterapista B kinux reali, il-konsulent tar-rikorrent semma’, fit‑3 ta’ Frar 2016, il-fatt li huwa ħallas għas-servizzi tiegħu fi flus kontanti, huwa ma pproduċa l-ebda prova f’dak il-mument, minkejja talba espressa f’dan is-sens. Kien biss fid‑29 ta’ Settembru ta’ wara li r-rikorrent bagħat estratti tal-kontijiet bankarji tiegħu lill-BĊE u kien biss f’anness ma’ nota tas-sottomissjonijiet orali fid-dawl tas-smigħ mill-Kumitat Dixxiplinari a fit‑13 ta’ Frar 2017 li huwa pprovda tabella tad-dati u tal-postijiet fejn huwa wettaq il-ġbid tiegħu tal-flus. Barra minn hekk, il-BĊE ma kellu l-ebda raġuni sabiex iħares lejn il-fatturi ta’ sostenn skolastiku tal-fajl tar-rikorrent sabiex jivverifika jekk dawn kinux jikkorroboraw l-allegazzjonijiet tiegħu qabel ma dan enfasizza l-mod li jħallas lil B u ma jressaqx dokumenti insostenn tal-affermazzjonijiet tiegħu. Huwa biss matul dan l-eżami fil-fond, imwettaq fil-kuntest tal-aspett relatat mal-fatturi ta’ fiżjoterapija, li l-Kumitat Dixxiplinari kellu jagħmel konnessjoni bejn dawn tal-aħħar u dawk ta’ sostenn skolastiku. Dan japplika iktar u iktar fid-dawl tal-fatt li kienet biss neċessità reali li setgħet tiġġustifika l-eżami ta’ informazzjoni sensittiva fil-fajl tar-rikorrent, bħal dik relatata mas-sostenn ta’ wliedu, li kien ġie rrikonoxxut li kienu qegħdin isofru minn problemi mediċi u kienu jeħtieġu bżonnijiet edukattivi partikolari.

94      Mill-proċess jirriżulta b’mod iktar preċiż li l-Kumitat Dixxiplinari wettaq l-investigazzjonijiet li ġibdu l-attenzjoni tiegħu fuq il-fatturi ta’ sostenn skolastiku ta’ C f’Marzu 2017 u li, wara xi verifiki mwettqa malajr fi ħdan l-amministrazzjonijiet fiskali u dawk muniċipali ta’ Frankfurt am Main, huwa talab, fl‑24 ta’ April ta’ wara, l-estensjoni tal-mandat tiegħu għall-fatti relatati mal-imsemmija fatturi.

95      Konsegwentement, ir-rikorrent ma jistabbilixxix li l-BĊE skopra l-fatti relatati mal-fatturi ta’ sostenn skolastiku iktar minn sena qabel il-ftuħ tal-aspett tal-proċedura dixxiplinari li jikkonċernahom fid‑19 ta’ Settembru 2017.

96      Minn dan isegwi li t-tieni motiv ma huwiex fondat fir-rigward tal-aspett tal-kawża dwar il-fatturi ta’ sostenn skolastiku.

c)      Konklużjoni dwar it-tieni motiv

97      Fid-dawl ta’ dak li ntqal, it-tieni motiv huwa fondat sa fejn il-fatti relatati mal-fatturi ta’ fiżjoterapija u mal-irċevuti mill-ispiżeriji kienu preskritti fil-mument tal-ftuħ tal-proċedura dixxiplinari li tikkonċernahom. Mill-banda l-oħra, it-tieni motiv ma huwiex fondat fir-rigward tal-aspett tal-kawża marbut mal-fatturi ta’ sostenn skolastiku.

98      Fir-rigward tal-effetti tal-ksur tat-terminu ta’ preskrizzjoni f’dak li jikkonċerna l-ewwel żewġ aspetti imsemmija fil-punt 97 iktar ’il fuq dwar il-legalità tad-deċiżjoni ta’ tkeċċija, għandu jiġi osservat li kull wieħed mit-tliet aspetti tal-kawża kien jikkonċerna nuqqasijiet ta’ natura pekunjarja li jikkonsistu, tal-inqas, f’nuqqas ta’ viġilanza min-naħa tar-rikorrent fir-rigward tar-rekwiżiti minimi meħtieġa għall-produzzjoni ta’ provi dokumentali suffiċjenti ta’ provvisti u ta’ tranżazzjonijiet li l-ispiża tagħhom kellha titħallas, kompletament jew parzjalment, permezz tal-mekkaniżmi ta’ protezzjoni soċjali stabbiliti mill-BĊE għall-benefiċċju tiegħu. Għandu jiġi rrilevat ukoll li l-BĊE b’mod partikolari poġġa dawn in-nuqqasijiet fil-kuntest tal-kompetenzi tiegħu fil-qasam finanzjarju u minn dan iddeduċa li r-rikorrent mhux biss kiser id-dmir tiegħu ta’ lealtà, iżda wkoll li ma osservax il-valuri komuni tiegħu u li b’hekk kien hedded ir-reputazzjoni tal-BĊE.

99      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-BĊE seta’ jqis, fil-punt 37 tad-deċiżjoni ta’ tkeċċija, li kull wieħed mit-tliet aspetti tal-każ, anki jekk meħuda waħedhom, kien affettwa b’mod irriversibbli l-fiduċja abbażi tar-relazzjoni tiegħu mal-persunal tiegħu.

100    Minn dan isegwi li n-natura parzjalment fondata tat-tieni motiv ma hijiex biżżejjed sabiex tiġġustifika l-annullament tad-deċiżjoni ta’ tkeċċija, peress li din tibqa’ a priori ġġustifikata mit-tielet aspett tal-kawża.

101    Konsegwentement, hemm lok li jitkompla l-eżami tal-motivi l-oħra billi dan jiġi limitat għall-aspett relatat mal-fatturi ta’ sostenn skolastiku.

4.      Fuq it-tielet u s-seba’ motiv, ibbażati, rispettivament, minn naħa, fuq il-ksur tal-massima li l-proċedura dixxiplinari li toħroġ minn reat kriminali għandha tistenna l-eżitu tal-kawża kriminali, tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba u tad-dmir ta’ premura u, min-naħa l-oħra, fuq il-ksur tad-dritt għall-preżunzjoni tal-innoċenza u tal-Artikolu 48 tal-Karta

a)      Fuq il-ksur tal-massima li l-proċedura dixxiplinari li toħroġ minn reat kriminali għandha tistenna l-eżitu tal-kawża kriminali

102    Ir-rikorrent isostni li l-massima li l-proċedura dixxiplinari li toħroġ minn reat kriminali għandha tistenna l-eżitu tal-kawża kriminali tikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni li japplika anki fl-assenza ta’ dispożizzjoni espliċita f’dan is-sens.

103    Din il-massima hija stabbilita mill-Artikolu 25 tal-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea. Madankollu, kif josserva l-BĊE u kif diġà rrileva t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea fis-sentenza tiegħu tas‑17 ta’ Marzu 2015, AX vs BĊE (F‑73/13, EU:F:2015:9, punt 125), dispożizzjoni analoga li kienet tinsab fil-Kundizzjonijiet tal-Impjieg kienet tħassret mill‑1 ta’ Jannar 2009.

104    Barra minn hekk, huwa minnu li l-Artikolu 9(c) tal-Kundizzjonijiet tal-Impjieg jipprovdi li, “[g]ħall-interpretazzjoni tad-drittijiet u tal-obbligi previsti minn dawn il-kundizzjonijiet […], il-prinċipji stabbiliti mir-regolamenti, mir-regoli u mill-ġurisprudenza li jirrigwardaw il-persunal tal-istituzzjonijiet [tal-Unjoni] għandhom debitament jittieħdu inkunsiderazzjoni” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Madankollu, il-BĊE jsostni, bir-raġun, li din id-dispożizzjoni għandha l-għan li timla lakuni possibbli u li hija ma tistax tintuża sabiex tintroduċi mill-ġdid regola li huwa ħassar.

105    Barra minn hekk, il-ġurisprudenza bbażata fuq l-Artikolu 25 tal-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑30 ta’ Ġunju 2015, Dybman vs SEAE, F‑129/14, EU:F:2015:71, punti 35 u 37) ċertament tikklassifika l-massima li l-proċedura dixxiplinari li toħroġ minn reat kriminali għandha tistenna l-eżitu tal-kawża kriminali bħala prinċipju, iżda ma tirrikonoxxilhiex għaldaqstant il-valur ta’ prinċipju ġenerali tad-dritt. Ir-rikorrent stess ma jissostanzjax l-opinjoni tiegħu li dan jikkostitwixxi prinċipju.

106    Minn dan isegwi li l-massima li l-proċedura dixxiplinari li toħroġ minn reat kriminali għandha tistenna l-eżitu tal-kawża kriminali ma hijiex imposta fuq il-BĊE.

107    Għaldaqstant, ir-rikorrent għalxejn isostni li din il-massima ġiet injorata peress li nbdiet il-proċedura dixxiplinari fir-rigward tal-fatturi ta’ sostenn skolastiku meta l-proċeduri kriminali kienu għadhom pendenti. Fin-nuqqas ta’ dispożizzjoni espressa li tagħmilha applikabbli għall-BĊE, huwa wkoll inutli li, abbażi tagħha, ir-rikorrent jakkużah li adotta d-deċiżjoni ta’ tkeċċija qabel l-eżitu tal-investigazzjoni kriminali relatata mal-imsemmija fatturi.

b)      Fuq il-ksur tad-dritt għall-preżunzjoni tal-innoċenza u tal-Artikolu 48 tal-Karta

108    Ir-rikorrent isostni li d-dritt għall-preżunzjoni tal-innoċenza, issa żgurat mill-Artikolu 48 tal-Karta, jimponi li persuna akkużata bi ksur tiġi preżunta innoċenti sakemm il-ħtija tagħha ma tkunx ġiet stabbilita legalment lil hinn minn kull dubju raġonevoli matul proċedura ġudizzjarja. Huwa jsostni, b’mod partikolari, li l-BĊE kiser dan id-dritt meta injora l-proċeduri kriminali kontrih kif ukoll l-eżitu tagħhom u billi bbaża ruħu fuq fatti li ma kinux ġew stabbiliti mill-awtoritajiet ġudizzjarji Ġermaniżi.

109    F’dan il-każ, id-deċiżjoni tal-Uffiċċju tal-Prosekutur tat‑30 ta’ April 2019 li ma tittiħidx azzjoni ulterjuri dwar l-aspett tal-kawża relatat mal-fatturi ta’ sostenn skolastiku skont l-Artikolu 170(2) tal-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali ttieħdet qabel id-deċiżjoni ta’ tkeċċija, li ġiet adottata fis‑7 ta’ Mejju ta’ wara. Madankollu, ma huwiex ikkontestat li l-BĊE ma kienx jaf biha f’dik id-data.

110    Peress li l-legalità ta’ att jiġi evalwat fid-dawl tal-punti ta’ fatt u ta’ liġi li l-amministrazzjoni kellha għad-dispożizzjoni tagħha fil-mument meta adottatu (ara s-sentenza tat‑12 ta’ Frar 2014, Beco vs Il‑Kummissjoni, T‑81/12, EU:T:2014:71, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata), ir-rikorrent ma jistax għalhekk jinvoka din il-klassifikazzjoni sabiex jikkontesta l-validità tad-deċiżjoni ta’ tkeċċija minħabba li l-BĊE kiser l-eżitu favorevoli tal-proċeduri kriminali.

111    Mill-banda l-oħra, tqum il-kwistjoni dwar jekk id-dritt tar-rikorrent li jiġi preżunt innoċenti jipprekludix lill-Bank milli jibbaża d-deċiżjoni ta’ tkeċċija tiegħu fuq l-aspett tal-fatturi ta’ sostenn skolastiku qabel ma jkun sar jaf bil-konklużjonijiet tal-awtoritajiet ġudizzjarji.

112    Mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-preżunzjoni tal-innoċenza tirregola l-proċeduri kriminali kollha, għaliex b’mod partikolari din għandha l-għan li tiżgura lil kull persuna li ma tkunx indikata jew ittrattata bħala ħatja fir-rigward ta’ reat qabel ma tkun ġiet stabbilita l-ħtija tagħha minn qorti (sentenzi tat‑8 ta’ Lulju 2008, Franchet u Byk vs Il‑Kummissjoni, T‑48/05, EU:T:2008:257, punt 210, u tat‑12 ta’ Lulju 2012, Il‑Kummissjoni vs Nanopoulos, T‑308/10 P, EU:T:2012:370, punt 91).

113    Barra minn hekk, it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 6(1) TUE u l-Artikolu 52(7) tal-Karta jipprovdu li l-ispjegazzjonijiet dwar il-Karta (ĠU 2007, C 303, p. 17) għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-interpretazzjoni tiegħu (sentenza tal‑20 ta’ Novembru 2017, Petrov et vs Il‑Parlament, T‑452/15, EU:T:2017:822, punt 38). Issa, skont l-imsemmija spjegazzjonijiet, l-Artikolu 48 tal-Karta għandu l-istess sens u l-istess portata bħall-Artikolu 6(2) tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl‑4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem il-“KEDB”).

114    F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-Artikolu 6(2) tal-KEDB għall-finijiet tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 48 tal-Karta, bħala limitu minimu ta’ protezzjoni (sentenza tal‑5 ta’ Settembru 2019, AH et (Preżunzjoni tal-innoċenza), C‑377/18, EU:C:2019:670, punt 41). Għaldaqstant, għandu jsir riferiment ukoll għall-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (iktar ’il quddiem il-“Qorti EDB”), konformement mal-Artikolu 52(3) tal-Karta (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑28 ta’ Frar 2013, Eżami mill-ġdid Arango Jaramillo et vs BEI, C‑334/12 RX‑II, EU:C:2013:134, punt 43; tat‑18 ta’ Diċembru 2014, Abdida, C‑562/13, EU:C:2014:2453, punt 47, u tat‑3 ta’ Settembru 2015, Inuit Tapiriit Kanatami et vs Il‑Kummissjoni,  C‑398/13 P, EU:C:2015:535, punt 61).

115    Issa, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti EDB, l-Artikolu 6(2) tal-KEDB jipproteġi, b’mod partikolari, id-dritt għall-preżunzjoni tal-innoċenza tal-persuni ssuspettati sa mill-ftuħ fir-rigward tagħhom ta’ investigazzjonijiet preliminari fis-sens tad-dritt Ġermaniż (ara, f’dan is-sens, Qorti EDB, 27 ta’ Frar 2014, Karaman vs Il‑Ġermanja, CE:ECHR:2014:0227JUD001710310, punt 43).

116    Konsegwentement, ir-rikorrent jista’ jinvoka d-dritt għall-preżunzjoni tal-innoċenza sa fejn huwa kien preċiżament is-suġġett, fuq talba tal-Bank stess, ta’ investigazzjoni preliminari fis-sens tad-dritt Ġermaniż dwar il-kwistjoni tal-fatturi ta’ sostenn skolastiku, li r-riżultat tagħha ma kienx għadu magħruf meta l-BĊE adotta d-deċiżjoni ta’ tkeċċija.

117    Għaldaqstant, għandu jitfakkar, l-ewwel, li l-preżunzjoni tal-innoċenza ma hijiex limitata għal garanzija proċedurali fil-qasam kriminali, iżda li l-portata tagħha hija iktar estiża, it-tieni, li l-ksur tal-preżunzjoni tal-innoċenza jista’ jirriżulta minn kwalunkwe awtorità pubblika (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑8 ta’ Lulju 2008, Franchet u Byk vs Il‑Kummissjoni, T‑48/05, EU:T:2008:257, punt 211, u tat‑12 ta’ Lulju 2012, Il‑Kummissjoni vs Nanopoulos, T‑308/10 P, EU:T:2012:370, punt 92) u, it-tielet, li dan il-ksur jista’ jirriżulta minn dikjarazzjonijiet jew minn deċiżjonijiet li jirriflettu opinjoni li l-persuna hija ħatja, li jinkoraġġixxu lill-pubbliku jemmen li hija ħatja jew li jippreġudikaw l-evalwazzjoni tal-fatti mil-lat kriminali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ Lulju 2012, Il‑Kummissjoni vs Nanopoulos, T‑308/10 P, EU:T:2012:370, punt 91).

118    F’dan ir-rigward, il-ġurisprudenza enfasizzat l-importanza tal-għażla tal-kliem użat mill-awtoritajiet pubbliċi. F’dan ir-rigward, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni s-sens reali tad-dikjarazzjonijiet inkwistjoni, u mhux il-forma litterali tagħhom, kif ukoll iċ-ċirkustanzi partikolari li fihom dawn ġew ifformulati (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑5 ta’ Settembru 2019, AH et (Preżunzjoni tal-innoċenza), C‑377/18, EU:C:2019:670, punt 43, u tat‑8 ta’ Lulju 2008, Franchet u Byk vs Il‑Kummissjoni, T‑48/05, EU:T:2008:257, punt 211 u l-ġurisprudenza ċċitata; Qorti EDB, 28 ta’ Mejju 2020, Farzaliyev vs Ażerbajġan, CE:ECHR:2020:0528JUD002962007, punt 64).

119    F’dan il-każ, ir-rikorrent kien is-suġġett ta’ investigazzjoni għal frodi fis-sens tal-Artikolu 263(1) tal-Kodiċi Kriminali Ġermaniż fir-rigward tal-fatturi ta’ sostenn skolastiku. Issa, fid-deċiżjoni ta’ tkeċċija tiegħu, il-Bord Eżekuttiv akkużah bil-fatt li ma osservax ix-xebh bejn in-numri fiskali u l-indirizzi li jidhru fuq il-fatturi ta’ fiżjoterapija ta’ B u fuq dawk ta’ sostenn skolastiku ta’ C, filwaqt li minn dan ix-xebh seta’ jiġi dedott li dawn tal-aħħar ma kinux ġenwini u reali. F’dan il-kuntest, il-Bord Eżekuttiv ikkunsidra li d-dritt li jintalab ir-rimbors tal-ispejjeż ta’ sostenn skolastiku ma kienx jeżenta lill-membri tal-persunal milli jkunu viġilanti u milli jiżguraw li d-dokumentazzjoni dwar is-servizzi inkwistjoni kienet xierqa. Barra minn hekk, fil-preżenza ta’ ċirkustanzi oġġettivi li jqajmu dubji dwar id-dritt għal dan ir-rimbors, il-Bord Eżekuttiv qies li kien il-membru tal-persunal inkwistjoni li kellu jinforma mill-inqas lill-amministrazzjoni dwarhom. Konsegwentement, il-Bord Eżekuttiv wasal għall-konklużjoni li r-rikorrent kien ħati, l-ewwel, għaliex injora d-dmir tiegħu ta’ lealtà lejn l-istituzzjoni, it-tieni, għaliex naqas mill-obbligu tiegħu li josserva l-valuri komuni tal-BĊE u li jqatta’ l-ħajja professjonali u l-ħajja privata tiegħu skont ir-Regolamenti tal-Persunal tiegħu, it-tielet, għaliex naqas milli jwettaq, b’mod kontinwu, id-dmir tiegħu li jipproteġi l-interessi finanzjarji tal-istituzzjoni u, ir-raba’, għaliex irriskja r-reputazzjoni tal-Bank.

120    Konsegwentement, mid-deċiżjoni ta’ tkeċċija kollha jirriżulta li l-BĊE kkunsidra li l-fatturi ppreżentati mir-rikorrent ma kinux xierqa għall-finijiet tar-rimbors tal-ispejjeż ta’ sostenn skolastiku, mingħajr ma imputalu formalment ir-responsabbiltà għall-fatt li dawn ma kinux ġenwini u reali. Fid-deċiżjoni ta’ tkeċċija tiegħu, il-Bank illimita ruħu, essenzjalment, li jissanzjona negliġenza li deherlu partikolarment gravi fir-rigward ta’ membru tal-persunal ta’ istituzzjoni finanzjarja. Għalhekk, din id-deċiżjoni ma tinkludi l-ebda konstatazzjoni ta’ ħtija tar-rikorrent fir-rigward tar-reat ta’ frodi li kien is-suġġett tal-investigazzjoni kriminali (ara, f’dan is-sens, Qorti EDB, 25 ta’ Awwissu 1987, Englert vs Il‑Ġermanja, CE:ECHR:1987:0825JUD001028283, punt 39) u taqa’ fil-kuntest tal-awtonomija tal-klassifikazzjoni ġuridika mill-amministrazzjoni ta’ nuqqas dixxiplinari fir-rigward tar-repressjoni kriminali fir-rigward tal-istess fatti.

121    Għaldaqstant, il-BĊE ma kisirx id-dritt tar-rikorrent għall-preżunzjoni tal-innoċenza meta adotta d-deċiżjoni ta’ tkeċċija sa fejn din tirrigwarda l-aspett tal-kawża relatat mal-fatturi ta’ sostenn skolastiku qabel ma sar jaf bl-eżitu tal-proċedura ġudizzjarja li tikkonċernah.

122    Ir-rifjut li l-proċedura tinfetaħ mill-ġdid sar, min-naħa tiegħu, wara li l-BĊE kien ġie informat bit-twaqqif mingħajr segwitu tal-proċeduri kriminali kontra r-rikorrent minħabba fatturi ta’ sostenn skolastiku skont l-Artikolu 170(2) tal-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali, jiġifieri għar-raġuni li ma kienx hemm suspetti ta’ ħtija suffiċjenti sabiex titressaq kawża quddiem il-qorti kriminali.

123    Issa, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti EDB, il-preżunzjoni tal-innoċenza għandha b’mod partikolari l-għan li tipprekludi li individwi li jkunu bbenefikaw minn irtirar tal-akkużi jiġu ttrattati mill-awtoritajiet pubbliċi daqslikieku kienu fil-fatt ħatja tal-ksur li kien imputat lilhom (Qorti EDB, 28 ta’ Ġunju 2018, G.I.E.M. S.R.L. et vs L‑Italja, CE:ECHR:2018:0628JUD000182806, punt 314). F’dan ir-rigward, ma għandu jkun hemm l-ebda differenza bejn liberazzjoni mill-akkuża minħabba nuqqas ta’ provi u liberazzjoni mill-akkuża minħabba li tkun ġiet ikkonstatata formalment l-innoċenza tal-akkużat (Qorti EDB, 27 ta’ Settembru 2007, Vassilios Stavropoulos vs Il‑Greċja, CE:ECHR:2007:0927JUD003552204, punt 39, u 23 ta’ Ottubru 2014, Melo Tadeu vs Il‑Portugall, CE:ECHR:2014:1023JUD002778510, punt 60).

124    F’dan il-każ, il-Bord Eżekuttiv iġġustifika, permezz ta’ żewġ raġunijiet, ir-rifjut tiegħu li jiftaħ il-proċedura mill-ġdid wara li sar jaf bit-twaqqif mingħajr segwitu tal-investigazzjoni fuq il-fatturi ta’ sostenn skolastiku: l-ewwel, minħabba d-differenza li teżisti bejn il-missjonijiet rispettivi tal-Uffiċċju tal-Prosekutur u tal-BĊE, peress li ta’ wieħed tikkonsisti fil-verifika ta’ jekk il-fatti allegati jikkostitwixxux reat kriminali u tal-ieħor hija li jeżamina abbażi ta’ livell ta’ prova inqas eżiġenti jekk hemmx nuqqas dixxiplinari; it-tieni, minħabba l-fatt li l-Uffiċċju tal-Prosekutur kien ikkonferma li ma kinitx teżisti reġistrazzjoni uffiċjali tal-għalliema C u li n-numru fiskali li jidher fuq il-fatturi tagħha ma kienx ġenwin.

125    Dawn ir-raġunijiet ma jinkludu l-ebda konstatazzjoni ta’ ħtija kriminali fil-konfront tar-rikorrent. Barra minn hekk, ir-rifjut li l-proċedura tinfetaħ mill-ġdid ma kisirx id-dritt tiegħu għall-preżunzjoni tal-innoċenza.

126    Madankollu, ir-rikorrent isostni wkoll li l-BĊE kiser id-dritt tiegħu għall-preżunzjoni tal-innoċenza billi ried jikkonkludi akkost ta’ kollox li huwa kien ħati.

127    F’dan ir-rigward diġà ġie deċiż li jista’ jiġi kkonstatat ksur tad-dritt għall-preżunzjoni tal-innoċenza fil-preżenza ta’ provi ta’ natura li juru li l-Awtorità tal-Ħatra kienet iddeċidiet, sa mill-bidu tal-proċedura dixxiplinari, li timponi fi kwalunkwe każ sanzjoni dixxiplinari kontra r-rikorrent, indipendentement mill-ispjegazzjonijiet ipprovduti minnu u mill-eżitu tal-proċeduri kriminali pendenti (sentenzi tat‑13 ta’ Marzu 2003, Pessoa e Costa vs Il‑Kummissjoni, T‑166/02, EU:T:2003:73, punt 56; tad‑19 ta’ Ottubru 2006, Pessoa e Costa vs Il‑Kummissjoni, T‑503/04, EU:T:2006:331, punt 118, u tas‑17 ta’ Marzu 2015, AX vs BĊE, F‑73/13, EU:F:2015:9, punt 162).

128    Qabel kollox, ir-rikorrent jiddeduċi l-eżistenza ta’ preġudizzju min-naħa tal-BĊE mill-fatt li huwa injora l-proċeduri kriminali mibdija kontrih kif ukoll l-eżitu tagħhom. Madankollu, din il-kritika għadha kemm ġiet eżaminata u miċħuda. Sussegwentement, ir-rikorrent jiddeduċi dan il-preġudizzju mill-fatt li l-Bank kien estenda l-mandat tal-Kumitat Dixxiplinari wara investigazzjoni illegali ta’ wieħed mill-membri tiegħu u li huwa ma ħax inkunsiderazzjoni l-osservazzjonijiet li huwa ppreżenta matul il-proċedura dixxiplinari. Madankollu, dawn l-ilmenti jikkoinċidu, wieħed, mar-raba’ motiv u, l-ieħor, mal-ħames u mad-disa’ motiv. Għaldaqstant, dawn ser jiġu eżaminati fil-kuntest rispettiv tagħhom.

c)      Fuq il-ksur tal-prinċipji ta’ amministrazzjoni tajba u tad-dmir ta’ premura

129    Ir-rikorrent isostni li, billi beda l-proċedura dixxiplinari fir-rigward tal-fatturi ta’ sostenn skolastiku waqt li l-investigazzjoni kriminali kienet pendenti u billi injora l-eżitu tagħha, il-BĊE kiser il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba u d-dmir ta’ premura, li jimponu fuq l-istituzzjonijiet l-obbligu li jeżaminaw b’reqqa u b’imparzjalità l-elementi rilevanti kollha tal-każ inkwistjoni.

130    Madankollu, ir-rikorrent ma jiżviluppax argument li jippermetti li jiġi kkunsidrat li, f’dan il-każ, il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba u d-dmir ta’ premura għandhom jingħataw portata iktar wiesgħa minn dik tad-dritt għall-preżunzjoni tal-innoċenza. B’mod partikolari, ma jistax jiġi deċiż li l-BĊE kiser l-obbligu tiegħu li jeżamina bir-reqqa u b’imparzjalità l-elementi rilevanti tal-każ inkwistjoni peress li l-Uffiċċju tal-Prosekutur ikkonferma, fl-ittra tiegħu tat‑30 ta’ April 2019, l-elementi li abbażi tagħhom il-Bank kien ibbaża d-deċiżjoni ta’ tkeċċija tiegħu, jiġifieri li ma kinitx teżisti reġistrazzjoni uffiċjali ta’ C u li n-numru fiskali li jidher fuq il-fatturi tagħha ma kienx ġenwin.

131    Barra minn hekk, ir-rikorrent ibbenefika mill-garanziji l-oħra kollha applikabbli għall-proċeduri dixxiplinari, kif jirriżulta mir-risposta għall-ilmenti li huwa jagħmel f’dan ir-rigward (ara l-eżami tar-raba’ u tal-ħames motiv iktar ’il quddiem). Għaldaqstant, ma huwiex fondat li jiġi sostnut li l-BĊE kiser id-dmir ta’ premura u l-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba.

d)      Konklużjoni dwar it-tielet u s-seba’ motiv

132    Fid-dawl ta’ dak li ntqal, it-tielet u s-seba’ motiv huma infondati.

5.      Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 8.3.7 tar-Regoli Applikabbli għall-Persunal u tal-prinċipju ta’ imparzjalità kif stabbilit fl-Artikolu 41 tal-Karta

133    Ir-rikorrent isostni li l-membri tal-Kumitat Dixxiplinari ħawdu r-rwol tagħhom fi ħdanu mal-funzjonijiet l-oħra tagħhom billi fittxew b’mod attiv fatti ġodda kontrih. Huwa jqajjem f’dan ir-rigward erba’ lmenti u jqis għalhekk li l-Kumitat Dixxiplinari kiser l-Artikolu 8.3.7 tar-Regoli Applikabbli għall-Persunal u d-dmir tiegħu ta’ imparzjalità.

134    L-Artikolu 8.3.7 tar-Regoli Applikabbli għall-Persunal jipprovdi li l-membri tal-Kumitat Dixxiplinari għandhom “jaġixxu fil-kapaċità personali tagħhom u jwettqu l-obbligi tagħhom b’indipendenza sħiħa” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

a)      Fuq l-ewwel ilment tar-rikorrent

135    Ir-rikorrent isostni li l-Kumitat Dixxiplinari eżamina l-fajl personali tiegħu u, b’mod partikolari, ir-rimborsi kollha li huwa kien irċieva sabiex jivverifika r-regolarità tagħhom u li dan l-eżami wassal għad-deċiżjoni tas-Segretarju Ġenerali tas-Servizzi tad‑19 ta’ Settembru 2017, li testendi l-mandat tal-imsemmi kumitat għall-fatturi ta’ sostenn skolastiku. Skont ir-rikorrent, dan l-eżami kien jeċċedi l-limiti tal-mandat mogħti inizjalment lill-Kumitat Dixxiplinari. Ir-Rapport Nru 1 u d-deċiżjoni tat‑18 ta’ Novembru 2016 tas-Segretarju Ġenerali tas-Servizzi fil-fatt illimitaw il-portata tiegħu u ma fihom l-ebda riferiment għall-fatturi ta’ sostenn skolastiku.

136    Il-BĊE madankollu ġustament isostni li, fil-limiti tal-mandat tiegħu, parti essenzjali mill-missjoni ta’ kumitat dixxiplinari hija li jivverifika u li jistabbilixxi l-fatti kemm jista’ jkun bir-reqqa. Skont l-Artikolu 8.3.15 tar-Regoli Applikabbli għall-Persunal, dan il-kumitat għandu l-kompitu li jagħti opinjoni b’mod partikolari dwar il-materjalità tal-fatti.

137    Il-BĊE jsostni b’mod iktar preċiż li l-Kumitat Dixxiplinari seta’ jivverifika l-kredibbiltà tad-dikjarazzjonijiet tar-rikorrent waqt is-smigħ tiegħu fit‑13 ta’ Frar 2017 u jikkonsulta l-fajl tiegħu sabiex jeżamina jekk u kif il-pagamenti li huwa jallega li għamel għall-kura ta’ fiżjoterapija u għall-prodotti farmaċewtiċi setgħux jiġu rrikonċiljati ma’ pagamenti oħra, fi flus kontanti jew permezz ta’ karta ta’ kreditu, li huwa kien għamel. Skont il-BĊE, huwa f’din l-okkażjoni li l-Kumitat Dixxiplinari skopra, leġittimament, il-fatturi ta’ sostenn skolastiku maħruġa minn C.

138    Madankollu, ir-rikorrent josserva li, skont l-Artikolu 8.3.14 tar-Regoli Applikabbli għall-Persunal, il-Kumitat Dixxiplinari seta’ jwettaq investigazzjonijiet addizzjonali biss jekk l-elementi għad-dispożizzjoni tiegħu kienu insuffiċjenti. Issa, huwa pprovda ħafna informazzjoni u diversi provi dwar il-fatt li huwa kellu l-abitudni li jagħmel il-pagamenti tiegħu kemm permezz ta’ trasferiment bankarju kif ukoll fi flus kontanti, b’tali mod li l-Kumitat Dixxiplinari ma kellu ebda raġuni valida sabiex jeżamina l-fajl tiegħu iktar fil-fond.

139    Għandu jitfakkar, f’dan ir-rigward, li l-prinċipju li jipprevali fid-dritt tal-Unjoni huwa dak tal-amministrazzjoni libera tal-provi, iżda wkoll li l-istituzzjonijiet ma jistgħux jużaw intenzjonalment provi manifestament miġbura bi ksur tar-rekwiżiti formali essenzjali previsti għall-ħruġ tagħhom u intiżi sabiex jipproteġu d-drittijiet fundamentali tal-persuni kkonċernati (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑16 ta’ Ġunju 2015, FSL et vs Il‑Kummissjoni, T‑655/11, EU:T:2015:383, punti 42 u 44, u tat‑8 ta’ Settembru 2016, Goldfish et vs Il‑Kummissjoni, T‑54/14, EU:T:2016:455, punti 42 u 47).

140    Għaldaqstant, huwa biss jekk il-verifiki tal-Kumitat Dixxiplinari kienu twettqu manifestament bi ksur tar-regoli li jirregolaw is-setgħat tiegħu ta’ investigazzjoni li għandu jiġi konkluż li hemm l-illegalità tal-provi li wasslet għall-aspett tal-kawża dwar il-fatturi ta’ sostenn skolastiku u, għaldaqstant, li teżisti l-irregolarità tal-proċedura li rriżultat minn dan.

141    Issa, f’dan il-każ, l-elementi li, skont ir-rikorrent, kienu suffiċjenti sabiex jiġi ffinalizzat ir-Rapport Nru 1 kienu jikkonsistu f’lista ta’ ġbid ta’ flus kontanti li huwa kien stabbilixxa u f’xi 109 paġni ta’ rendikonti bankarji li jipprovawhom. Dawn kienu jikkonsistu wkoll f’argumenti ppreżentati mill-avukat tiegħu u fi proċess verbali li jirrapporta s-seduta tiegħu fit‑13 ta’ Frar 2017. Hemmhekk ir-rikorrent allega li ħallas il-fatturi tiegħu ta’ fiżjoterapija permezz ta’ dan il-ġbid. Madankollu, b’investigazzjoni f’dan il-kuntest, il-Kumitat Dixxiplinari ma aġixxiex b’mod irraġonevoli meta qies li kien neċessarju li tiġi vverifikata l-veraċità ta’ din l-affermazzjoni billi fittex fl-informazzjoni li kellu l-BĊE dwar jekk ir-rikorrent kellux effettivament l-abitudni li jħallas il-fatturi li huwa talab ir-rimbors tagħhom fi flus kontanti. Dan jgħodd iktar u iktar peress li, waqt is-seduta tar-rikorrent fit‑3 ta’ Frar 2016, l-avukat preċedenti tiegħu nnifsu ddubita li kull pagament lil B kien jikkorrispondi għal ġbid.

142    Ir-rikorrent isostni wkoll li t-tfittxija li l-Kumitat Dixxiplinari wettaq fil-fajl personali tiegħu kienet infondata, peress li dan ma kienx jinkludi provi ta’ pagamenti (ara l-punt 128 iktar ’il fuq).

143    Il-fajl tar-rikorrent ikkompilat mill-BĊE ma kienx madankollu limitat għar-reklutaġġ u għall-karriera tiegħu. Sa fejn huwa kien kiseb l-għoti ta’ allowances tal-familja miżjuda skont l-Artikolu 3.8.4 tar-Regoli Applikabbli għall-Persunal, sa fejn huwa kien għalhekk kiseb ir-rimbors tal-fatturi ta’ sostenn skolastiku u sa fejn l-Artikolu 3.3.1 tal-istess regoli jiddisponi li l-persuni kkonċernati għandhom jipprovdu l-provi tad-dritt tagħhom għall-allowances qabel kull pagament mill-BĊE, dan kellu għad-dispożizzjoni tiegħu l-fatturi tal-għalliema C. Barra minn hekk, mill-proċess ippreżentat quddiem il-Qorti Ġenerali jirriżulta li dawn il-fatturi kienu rċevuti mid-Diviżjoni “Reklutaġġ u Kumpens” tal-Bank.

144    F’dawn iċ-ċirkustanzi, sabiex jipprova jistabbilixxi li l-fatturi tal-preżunta fiżjoterapista B kienu jikkorrispondu għal spejjeż realment sostnuti, il-Kumitat Dixxiplinari seta’ kellu l-intenzjoni li jqabbel l-elementi pprovduti mir-rikorrent mal-ħlasijiet l-oħra li talab ir-rimbors tagħhom u li l-BĊE żamm il-provi tagħhom.

145    Fl-aħħar nett, l-Artikolu 8.3.15 tar-Regoli Applikabbli għall-Persunal kien jimponi fuq il-Kumitat Dixxiplinari l-obbligu li jissuġġerixxi “kull sanzjoni dixxiplinari” xierqa. B’hekk dan kien jobbligah ifittex ċirkustanzi attenwanti possibbli, bħall-mod li bih ir-rikorrent kien jeżerċita l-funzjonijiet tiegħu, li setgħu jirriżultaw mill-fajl tiegħu. Issa, fl-opinjoni tiegħu, il-Kumitat Dixxiplinari ma setax jikkonstata li l-fatti tal-kawża kienu jikkostitwixxu l-ewwel nuqqas tar-rikorrent jekk huwa ma kellux dritt jikkonsulta l-fajl tiegħu.

146    F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma huwiex stabbilit li t-tfittxija mwettqa mill-Kumitat Dixxiplinari fil-fajl tar-rikorrent kienet parzjali.

b)      Fuq it-tieni lment tar-rikorrent

147    Ir-rikorrent jesponi li mir-Rapport Nru 2 jirriżulta li membru tal-persunal li jagħmel parti mid-DĠ “Affarijiet Legali” ikkuntattja lill-awtoritajiet fiskali Ġermaniżi sabiex jikseb informazzjoni fir-rigward tal-fatturi ta’ sostenn skolastiku. Huwa jsostni li din il-persuna setgħet kienet waħda mill-membri tal-Kumitat Dixxiplinari jew li hija setgħet aġixxiet fuq l-istruzzjoni ta’ dan tal-aħħar.

148    Madankollu, ir-rikorrent baqa’ ma spjegax kif tali kuntatti jiksru l-prinċipju ta’ imparzjalità u l-Artikolu 8.3.7 tar-Regoli Applikabbli għall-Persunal. Barra minn hekk, l-Artikolu 8.3.14 ta’ dawn ir-regoli jawtorizza lill-Kumitat Dixxiplinari jieħu kull miżura neċessarja sabiex jikkompleta l-informazzjoni tiegħu.

149    Għaldaqstant, it-tieni lment tar-rikorrent ma huwiex stabbilit.

c)      Fuq it-tielet u r-raba’ lment tar-rikorrent

150    Ir-rikorrent isostni li d-DĠ “Riżorsi umani, baġit u organizzazzjoni” fassal ir-Rapport Nru 2, dwar il-fatturi ta’ sostenn skolastiku, filwaqt li d-Direttur Ġenerali tiegħu kien membru tal-Kumitat Dixxiplinari. Huwa jirrileva wkoll li dan l-istess Direttur Ġenerali ffirma l-ittra li informatu bl-estensjoni tal-mandat tal-Kumitat Dixxiplinari. Minn dan huwa jiddeduċi ksur tal-prinċipju ta’ imparzjalità li bih huma marbuta l-membri tal-Kumitat Dixxiplinari.

151    Huwa minnu li r-Rapport Nru 2 tfassal fuq ittra tad-DĠ “Riżorsi umani, baġit u organizzazzjoni” u huwa wkoll minnu li d-Direttur Ġenerali tiegħu kien membru tal-Kumitat Dixxiplinari. Madankollu, dan ma jippermettix li jiġi konkluż li dan id-Direttur Ġenerali, bħala membru tal-Kumitat Dixxiplinari, kiser id-dmir tiegħu ta’ imparzjalità u l-Artikolu 8.3.7 tar-Regoli Applikabbli għall-Persunal. Barra minn hekk, l-ittra inkwistjoni sempliċement tinnotifika lir-rikorrent bid-deċiżjoni li l-mandat tal-Kumitat Dixxiplinari ġie estiż għall-fatti relatati mal-fatturi ta’ sostenn skolastiku, li hija deċiżjoni li ttieħdet u ġiet iffirmata mis-Segretarju Ġenerali tas-Servizzi f’isem il-Bord Eżekuttiv, konformement mal-Artikolu 8.3.2 tar-Regoli Applikabbli għall-Persunal.

152    Għaldaqstant, it-tielet u r-raba’ lment tar-rikorrent ma humiex stabbiliti.

d)      Konklużjoni dwar ir-raba’ motiv

153    Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li r-raba’ motiv għandu jiġi miċħud.

6.      Fuq il-ħames motiv, ibbażat fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża

154    Ir-rikorrent jallega ksur tad-drittijiet tad-difiża peress li, b’mod ġenerali, il-BĊE ma ħax inkunsiderazzjoni l-osservazzjonijiet li huwa kien ippreżenta matul il-proċedura (ara l-punt 128 iktar ’il fuq).

155    Madankollu, ir-rikorrent ma żviluppax l-ilment tiegħu u ma indikax espliċitament jekk dan kienx jirrigwarda l-osservazzjonijiet kollha tiegħu jew parti minnhom u, f’dan il-każ, liema minnhom. Għalhekk, dan l-ilment ma huwiex ammissibbli, skont l-Artikolu 76(d) tar-Regoli tal-Proċedura.

156    Fi kwalunkwe każ, dan għandu jiġi miċħud bħala infondat. Il-portata tal-motivazzjoni tal-opinjoni tal-Kumitat Dixxiplinari u tad-deċiżjoni ta’ tkeċċija kif ukoll l-iskambji ta’ ittri bejn il-BĊE u r-rikorrent matul il-proċedura juru li dan ħa l-argumenti tiegħu inkunsiderazzjoni. Barra minn hekk, għandu jitfakkar li rikorrent ma jistax ifixkel in-nuqqas ta’ rispett tad-drittijiet tad-difiża mal-assenza ta’ kisba tar-riżultat mixtieq mill-eżerċizzju ta’ dawn id-drittijiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Settembru 2013, Sepro Europe vs Il‑Kummissjoni, T‑483/11, mhux ippubblikata, EU:T:2013:407, punt 78).

157    Il-ħames motiv għaldaqstant għandu jiġi miċħud.

7.      Fuq is-sitt motiv, ibbażat fuq żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni

a)      Rimarki preliminari

158    Ir-rikorrent isostni li diversi motivi tad-deċiżjoni ta’ tkeċċija huma vvizzjati bi żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni.

159    Madankollu, għandu jiġi osservat li r-rikorrent jibbaża, essenzjalment, is-sitt motiv tiegħu fuq ilmenti bbażati fuq il-fatt li l-BĊE ma wettaqx eżami komplet taċ-ċirkustanzi tal-kawża, fuq il-fatt li huwa ma evalwax il-provi prodotti lilu b’mod korrett u fuq il-fatt li huwa kiser id-dritt għar-rispett tal-ħajja privata.

160    F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jitfakkar li l-effettività tal-istħarriġ ġudizzjarju żgurat mill-Artikolu 47 tal-Karta teżiġi li l-qorti tal-Unjoni teżerċita stħarriġ sħiħ tal-materjalità tal-fatti (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑11 ta’ Settembru 2013, L vs Il‑Parlament, T‑317/10 P, EU:T:2013:413, punt 70, u tal‑10 ta’ Jannar 2019, RY vs Il‑Kummissjoni, T‑160/17, EU:T:2019:1, punt 38). F’dan ir-rigward, hija għandha tivverifika l-preċiżjoni materjali tal-provi invokati, l-affidabbiltà tagħhom u l-koerenza tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑23 ta’ Ottubru 2018, McCoy vs Il-Kumitat tar-Reġjuni, T‑567/16, EU:T:2018:708, punt 98; ara wkoll, b’analoġija, is-sentenzi tal‑15 ta’ Frar 2005, Il‑Kummissjoni vs Tetra Laval, C‑12/03 P, EU:C:2005:87, punt 39, u tas‑7 ta’ April 2016, ArcelorMittal Tubular Products Ostrava et vs Hubei Xinyegang Steel, C‑186/14 P u C‑193/14 P, EU:C:2016:209, punt 36). Fid-dawl ta’ dan, l-evalwazzjoni tal-valur probatorju ta’ dokument għandha wkoll tkun suġġetta għal stħarriġ sħiħ (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Settembru 2004, Valmont vs Il‑Kummissjoni, T‑274/01, EU:T:2004:266, punt 43). B’hekk, anki l-evalwazzjonijiet kumplessi jew delikati li tagħmel l-amministrazzjoni għandhom ikunu sostnuti minn provi sodi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑15 ta’ Frar 2005, Il‑Kummissjoni vs Tetra Laval, C‑12/03 P, EU:C:2005:87, punt 41, u tas‑7 ta’ April 2016, Akhras vs Il‑Kunsill, C‑193/15 P, EU:C:2016:219, punt 56). Għaldaqstant, hija l-qorti li għandha twettaq, anki f’dan il-kuntest, eżami fil-fond tal-provi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑10 ta’ Lulju 2008, Bertelsmann u Sony Corporation of America vs Impala, C‑413/06 P, EU:C:2008:392, punt 146).

161    Barra minn hekk, fil-kuntest tal-istħarriġ tagħha tal-legalità, il-qorti teżerċita wkoll stħarriġ komplet fir-rigward tal-applikazzjoni tajba tad-dispożizzjoni legali rilevanti (sentenza tas‑7 ta’ Novembru 2007, Il‑Ġermanja vs Il‑Kummissjoni, T‑374/04, EU:T:2007:332, punt 81).

162    Fid-dawl ta’ dak li ntqal, hemm lok għalhekk li s-sitt motiv jiġi kklassifikat mill-ġdid bħala wieħed ibbażat, mhux fuq żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni, iżda fuq eżami inkomplet taċ-ċirkustanzi tal-kawża, fuq żbalji fl-evalwazzjoni ta’ provi u fuq żball ta’ liġi.

b)      Fuq l-eżami inkomplet taċ-ċirkustanzi tal-kawża, fuq l-iżbalji fl-evalwazzjoni tal-provi u fuq l-iżball ta’ liġi li jivvizzjaw l-aspett tal-kawża dwar il-fatturi ta’ sostenn skolastiku

163    Fl-ewwel lok, ir-rikorrent jilmenta li l-BĊE ma ħax inkunsiderazzjoni t-twaqqif mingħajr segwitu tal-proċeduri kriminali relatati mal-fatturi ta’ sostenn skolastiku.

164    Madankollu, dan l-ilment jikkoinċidi mat-tielet u mas-seba’ motiv, li ġew iddikjarati infondati.

165    Fit-tieni lok, ir-rikorrent jallega li billi kkunsidra li l-fatturi tal-għalliema C ma kinux ġenwini u reali, il-BĊE injora d-dikjarazzjonijiet tiegħu u dawk tal-familja tiegħu li jgħidu li C kienet effettivament tagħti sostenn lil uliedu u li kienet titħallas fi flus kontanti. Ir-rikorrent iżid li l-BĊE lanqas ma ħa inkunsiderazzjoni d-dikjarazzjonijiet tiegħu li x-xebh tal-fatturi tal-preżunta fiżjoterapista B u ta’ C huwa spjegat mill-fatt li l-konjuġi tiegħu kienet uriet lil C kif toħroġhom. Fl-aħħar nett, il-BĊE lanqas ma ħa inkunsiderazzjoni t-titjib tar-riżultati skolastiċi ta’ wieħed minn uliedu fl-oqsma li fihom C kienet tatu l-lezzjonijiet.

166    Madankollu, ir-rikorrent sempliċement jirriproduċi d-dikjarazzjonijiet tiegħu u dawk tal-konjuġi tiegħu matul il-proċedura amministrattiva, mingħajr ma jispjega għalfejn il-BĊE wettaq żball ta’ evalwazzjoni meta ma qishomx konvinċenti u billi rrileva li huwa ma pproduċa l-ebda element li jissostanzjahom.

167    Fit-tielet lok, ir-rikorrent isostni li l-BĊE bbaża ruħu b’mod żbaljat fuq il-fatt li ma kienx, fil-fehma tiegħu, normali li huwa ma kienx jaf id-dettalji tal-għalliema C, filwaqt li din kienet tmur regolarment għandu.

168    Qabel kollox, skont ir-rikorrent, tali lment jikser id-dritt tiegħu li jorganizza l-ħajja privata tiegħu kif jixtieq u l-ebda regola tal-BĊE ma timponi fuq l-uffiċjali tiegħu li jkunu jafu d-dettalji tal-professuri li jagħtu l-korsijiet id-dar. Il-fatt li r-remunerazzjoni tagħhom hija rimborsabbli ma huwiex rilevanti sabiex jiġi ġġustifikat tali ndħil.

169    Madankollu, għandu jiġi rrilevat li l-BĊE bl-ebda mod ma interferixxa fil-ħajja privata tar-rikorrent billi rrifjuta li jemmen li huwa ma kellux informazzjoni minima dwar l-għalliema C li regolarment tagħti korsijiet id-dar tiegħu lil uliedu. Fir-realtà, il-BĊE ma kellux l-intenzjoni li jirregola l-mod kif ir-rikorrent jallega li jorganizza ħajtu, iżda qies biss li dan l-allegat mod ta’ mġiba kien improbabbli ħafna u għaldaqstant ftit li xejn kredibbli.

170    Barra minn hekk, il-BĊE għandu fl-iskema tiegħu ta’ assigurazzjoni ta’ bżonnijiet edukattivi partikolari tal-ulied tal-membri tal-persunal tiegħu d-dritt li jagħmel mistoqsijiet lil wieħed minnhom meta dan jippreżenta talbiet għal rimbors f’ċirkustanzi li huwa jqis li ma humiex normali. Minn dan huwa jislet ukoll id-dritt li minn dawn iċ-ċirkustanzi tinsilet kwalunkwe konklużjoni xierqa.

171    Sussegwentement, ir-rikorrent isostni li l-BĊE ma setax jibbaża ruħu fuq il-fatt li ma kienx normali li kien impossibbli għalih li jipprovdi l-iċken ammont ta’ informazzjoni fuq il-persuna li ġiet, matul is-snin, tagħti xi korsijiet id-dar tiegħu, peress li n-natura mhux normali ta’ fatt ma tikkostitwixxix madankollu l-prova li dan ma huwiex reali.

172    Dan l-ilment madankollu ma jistax jintlaqa’. Fil-fatt, is-sempliċi possibbiltà li tista’ teżisti sitwazzjoni ma hijiex biżżejjed sabiex teskludi n-natura possibbilment mhux normali tagħha, li barra minn hekk kienet debitament iġġustifikata fid-deċiżjoni ta’ tkeċċija.

173    Fl-aħħar nett, fid-dawl ta’ dak li ntqal u fin-nuqqas ta’ sostenn solidu, ir-rikorrent isostni għalxejn ukoll li l-BĊE ma kkunsidrax il-fatt li l-kundizzjoni ta’ wieħed minn uliedu ma kienx jeħtieġ li jkun jaf id-dettalji ta’ C sabiex jiġu organizzati l-lezzjonijiet.

174    Għaldaqstant, is-sitt motiv ma huwiex fondat.

8.      Fuq it-tmien motiv, ibbażat fuq il-ksur tat-terminu raġonevoli u tad-dmir ta’ premura

175    Ir-rikorrent jallega li l-BĊE ma mexxiex il-proċedura dixxiplinari inkwistjoni bid-diliġenza meħtieġa u li dan ma żgurax li kull fażi tagħha ssegwi l-fażi preċedenti f’terminu raġonevoli.

176    F’dan il-każ, l-Artikoli 8.3.15 sa 8.3.17 tar-Regoli Applikabbli għall-Persunal jipprevedu termini għal diversi stadji tal-proċedura dixxiplinari. Madankollu, l-Artikolu 8.3.15 tal-imsemmija regoli jipprovdi li, fil-każijiet kollha, it-terminu stabbilit għall-Kumitat Dixxiplinari sabiex jibgħat l-opinjoni tiegħu “għandu jiġi evalwat skont il-kumplessità tal-fajl” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

177    Barra minn hekk, u b’mod ġenerali, hija ġurisprudenza stabbilita li, minbarra t-termini ta’ preskrizzjoni (ara l-punt 58 iktar ’il fuq), it-termini previsti sabiex, minn perspettiva ratione temporis, jitfassal l-iżvolġiment ta’ proċedura dixxiplinari ma humiex, bħala prinċipju, perentorji. Fin-nuqqas ta’ rieda espressa b’mod ċar fit-testi applikabbli li tillimita, għal raġunijiet ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, iż-żmien li matulu l-amministrazzjoni tista’ taġixxi, dawn it-termini jikkostitwixxu qabel kollox regola ta’ amministrazzjoni tajba li timponi fuq l-istituzzjoni l-obbligu li tmexxi l-proċedura dixxiplinari b’diliġenza u li taġixxi b’tali mod li kull att proċedurali jseħħ f’terminu raġonevoli meta mqabbel mal-att preċedenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑12 ta’ Settembru 2000, Teixeira Neves vs Il-Qorti tal-Ġustizzja, T‑259/97, EU:T:2000:208, punt 123, u tas‑17 ta’ Marzu 2015, AX vs BĊE, F‑73/13, EU:F:2015:9, punt 174).

178    F’dawn iċ-ċirkustanzi, in-nuqqas ta’ osservanza ta’ terminu raġonevoli jista’ jiġġustifika l-annullament ta’ deċiżjoni amministrattiva biss meta l-fatt li jkun għadda żmien eċċessiv jista’ jkollu effett fuq il-kontenut stess tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑10 ta’ April 2019, AV vs Il‑Kummissjoni, T‑303/18 RENV, mhux ippubblikata, EU:T:2019:239, punt 87 u l-ġurisprudenza ċċitata). Dan japplika meta l-mogħdija eċċessiva taż-żmien affettwat il-kapaċità tal-persuni kkonċernati li jiddefendu lilhom innifishom b’mod effettiv (ara s-sentenza tas‑7 ta’ Ġunju 2018, Winkler vs Il‑Kummissjoni, T‑369/17, mhux ippubblikata, EU:T:2018:334, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata).

179    F’dan il-każ, ir-rikorrent la jallega li l-BĊE kellu l-intenzjoni li jirrendi perentorji t-termini stabbiliti mill-Artikoli 8.3.15 sa 8.3.17 tar-Regoli Applikabbli għall-Persunal, u lanqas li t-tul tal-proċedura ppreġudika d-difiża tiegħu.

180    Fir-rigward tad-dmir ta’ premura, ġie deċiż ukoll li l-ksur tiegħu minħabba assenza ta’ ħeffa seta’ jagħti lok għar-responsabbiltà tal-istituzzjoni kkonċernata għad-dannu eventwalment ikkawżat, iżda li dan ma jistax jaffettwa, minnu nnifsu, il-legalità tad-deċiżjoni kkontestata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑13 ta’ Lulju 2018, Curto vs Il‑Parlament, T‑275/17, EU:T:2018:479, punti 104 u 105).

181    It-tmien motiv, ibbażat fuq il-ksur tat-terminu raġonevoli u tad-dmir ta’ premura, ma jistax għalhekk, f’dan il-każ, jiġi rrikonoxxut bħala fondat fir-rigward tat-talbiet għal annullament.

9.      Fuq id-disa’ motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni

182    Ir-rikorrent iqis li d-deċiżjoni ta’ tkeċċija ma hijiex immotivata suffiċjentement. Għar-raġuni esposta fil-punt 101 iktar ’il fuq, ma hemmx lok li dan il-motiv jiġi eżaminat sa fejn jikkontesta speċifikament il-motivazzjoni tad-deċiżjoni ta’ tkeċċija f’dak li jikkonċerna l-aspetti marbuta mal-kura ta’ fiżjoterapija u mal-irċevuti mill-ispiżerija.

183    Madankollu, għandu jitfakkar li l-kwistjoni dwar jekk deċiżjoni b’mod partikolari tal-BĊE li timponi sanzjoni fuq wieħed mill-membri tal-persunal tiegħu tissodisfax l-obbligu ta’ motivazzjoni għandha tiġi evalwata mhux biss fid-dawl tal-formulazzjoni tagħha, iżda wkoll tal-kuntest tagħha, kif ukoll tar-regoli ġuridiċi tagħha kollha li jirregolaw il-qasam ikkonċernat, f’dan il-każ il-qasam dixxiplinari. Issa, f’dan ir-rigward, għalkemm il-Bord Eżekuttiv huwa obbligat li jsemmi l-punti ta’ fatt u ta’ liġi li fuqhom tiddependi l-ġustifikazzjoni legali tad-deċiżjonijiet tiegħu, kif ukoll il-kunsiderazzjonijiet li wassluh sabiex jeħodhom, madankollu dan ma huwiex obbligat li jiddiskuti l-punti kollha ta’ fatt u ta’ liġi li tqajmu matul il-proċedura. Fi kwalunkwe każ, deċiżjoni tkun suffiċjentement immotivata meta hija tingħata f’kuntest magħruf mill-membru tal-persunal ikkonċernat li jippermettilu jifhem il-portata tal-miżura meħuda fil-konfront tiegħu (ara s-sentenza tas‑17 ta’ Marzu 2015, AX vs BĊE, F‑73/13, EU:F:2015:9, punt 189 u l-ġurisprudenza ċċitata). Madankollu, jekk, bħal f’dan il-każ, is-sanzjoni imposta tkun iktar ħarxa minn dik issuġġerita mill-Kumitat Dixxiplinari, għandu jitqies li, fir-rigward tar-rekwiżiti speċifiċi ta’ kull proċedura dixxiplinari, id-deċiżjoni tal-BĊE għandha tippreċiża l-motivi li wassluh sabiex ma jsegwix l-opinjoni mogħtija mill-Kumitat Dixxiplinari tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑17 ta’ Marzu 2015, AX vs BĊE, F‑73/13, EU:F:2015:9, punt 190 u l-ġurisprudenza ċċitata).

184    F’dan il-każ, il-kuntest li fih ittieħdet id-deċiżjoni ta’ tkeċċija kien magħruf sew mir-rikorrent, b’mod partikolari fid-dawl tal-kontenut tad-diversi osservazzjonijiet bil-miktub u orali li huwa kien għamel matul il-proċedura dixxiplinari fit‑13 ta’ Frar, fid‑9 ta’ Marzu, fis‑17 ta’ Ottubru u fit‑8 ta’ Novembru 2017, fit‑30 ta’ April u fl‑14 ta’ Settembru 2018, kif ukoll fil‑31 ta’ Jannar 2019.

185    Barra minn hekk, id-deċiżjoni ta’ tkeċċija tieħu inkunsiderazzjoni l-ilmenti li huwa akkużat bihom ir-rikorrent, l-opinjoni tal-Kumitat Dixxiplinari, id-diversi regoli u dispożizzjonijiet fis-seħħ tal-BĊE li l-Bord Eżekuttiv qies li r-rikorrent kien naqas milli josserva, kif ukoll ir-raġunijiet li għalihom huwa wasal għal din il-konklużjoni. Barra minn hekk, ir-rikors juri li r-rikorrent kien fehem sew dawn l-elementi.

186    Madankollu, ir-rikorrent isostni, b’mod partikolari, li d-deċiżjoni ta’ tkeċċija ma tweġibx għall-osservazzjonijiet tiegħu dwar il-preskrizzjoni tal-azzjoni dixxiplinari (ara l-punt 128 iktar ’il fuq).

187    Madankollu, id-deċiżjoni ta’ tkeċċija tirreferi għall-opinjoni tal-Kumitat Dixxiplinari, li r-rikorrent kien jaf biha, u din l-opinjoni tesponi r-raġunijiet li għalihom, fid-dawl tal-Artikolu 8.3.2 tar-Regoli Applikabbli għall-Persunal, il-proċedura dixxiplinari ma kinitx preskritta skont il-BĊE.

188    Ir-rikorrent sussegwentement isostni li, anki jekk il-fatti jitqiesu stabbiliti, id-deċiżjoni ta’ tkeċċija ma tispjegax biżżejjed għalfejn il-BĊE adotta sanzjoni ħafna iktar ħarxa minn dik proposta mill-Kumitat Dixxiplinari u, b’mod iktar preċiż, għaliex, abbażi ta’ elementi identiċi għal dawk eżaminati minn dan il-kumitat, huwa qies li r-relazzjoni ta’ fiduċja kienet irrimedjabbilment miksura.

189    Din l-allegazzjoni hija infondata. Mid-deċiżjoni ta’ tkeċċija jirriżulta li, kuntrarjament għall-Kumitat Dixxiplinari, il-Bord tal-Għażla kkunsidra li r-rikorrent kien talab ir-rimbors ta’ rċevuti ta’ spejjeż farmaċewtiċi u ta’ fatturi ta’ sostenn skolastiku li ma kinux ġenwini u reali u li n-nuqqasijiet fid-dmirijiet tar-rikorrent fir-rigward tat-tressiq ta’ dawn it-talbiet għal rimbors kienu għalhekk iktar mifruxa u iktar gravi mis-sempliċi preżentazzjoni ta’ fatturi ta’ fiżjoterapija dubjużi li fuqhom kien ibbaża ruħu dan il-kumitat.

190    Ċertament ġie deċiż, fil-punt 97 iktar ’il fuq, li l-fatti relatati mal-fatturi ta’ fiżjoterapija u mal-irċevuti farmaċewtiċi kienu preskritti fil-mument tal-ftuħ tal-proċedura dixxiplinari. Madankollu, skont ġurisprudenza stabbilita, l-obbligu ta’ motivazzjoni ta’ deċiżjonijiet jikkostitwixxi formalità essenzjali li għandha tinżamm distinta mill-kwistjoni tal-fondatezza tal-motivi, peress li din tikkonċerna l-legalità fil-mertu tal-att ikkontestat (ara s-sentenza tal‑24 ta’ Settembru 2015, L‑Italja u Spanja vs Il‑Kummissjoni, T‑124/13 u T‑191/13, EU:T:2015:690, punt 82 u l-ġurisprudenza ċċitata).

191    Barra minn hekk, u dejjem kuntrarjament għall-Kumitat Dixxiplinari, il-Bord Eżekuttiv qies li l-grad u l-anzjanità pjuttost imnaqqsa tar-rikorrent ma seta’ jkollhom l-ebda effett attenwanti fuq id-dmir tiegħu li jaġixxi b’onestà u b’integrità waqt it-tressiq ta’ talbiet għal rimbors.

192    Fl-aħħar nett, il-BĊE spjega li kull aspett tal-kawża kien wasslu sabiex jitlef b’mod irrimedjabbli l-fiduċja tiegħu fir-rikorrent. F’dan ir-rigward, huwa enfasizza l-fatt li l-kredibbiltà tiegħu bħala istituzzjoni responsabbli għall-politika monetarja u għas-superviżjoni bankarja kienet ibbażata fuq ir-reputazzjoni tiegħu bħala mudell ta’ amministrazzjoni effikaċi u responsabbli, amministrat minn persunal integrat, u espona li l-aġir tar-rikorrent kien preċiżament ta’ natura li jippreġudika r-reputazzjoni tiegħu.

193    Għaldaqstant, id-disa’ motiv ma huwiex fondat.

10.    Fuq l-għaxar motiv, ifformulat sussidjarjament u bbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità

a)      Rimarki preliminari

194    Preliminarjament, għandu jiġi osservat li, kuntrarjament għat-titolu tiegħu, l-għaxar motiv ma jillimitax ruħu li jsostni n-nuqqas ta’ osservanza f’dan il-każ tal-prinċipju ta’ proporzjonalità. Fil-fatt, ir-rikorrent jiddeduċi, essenzjalment, in-natura sproporzjonata tat-tkeċċija tiegħu, l-ewwel, mill-assenza ta’ rilevanza u ta’ preċiżjoni fattwali taċ-ċirkustanzi aggravanti kkunsidrati mill-Kumitat Dixxiplinari, it-tieni, mill-illegalità u mill-assenza ta’ rilevanza ta’ dawk ikkunsidrati addizzjonalment mill-Bord Eżekuttiv, it-tielet, mill-fatt li l-Bord Eżekuttiv injora l-kunċett ta’ ċirkustanzi attenwanti fir-rigward ta’ dawk irrilevati mill-Kumitat Dixxiplinari u, ir-raba’, mill-fatt li l-BĊE ma ħax inkunsiderazzjoni ċertu numru ta’ ċirkustanzi attenwanti li huwa kien sostna matul il-proċedura. L-ilmenti tar-rikorrent b’hekk ma jikkritikawx direttament in-natura sproporzjonata tas-sanzjoni. Ir-rikorrent pjuttost jiddeduċiha kultant mill-ineżattezza ta’ ċerti fatti, kultant minn żbalji fl-evalwazzjoni ta’ fatti oħra u fil-klassifikazzjoni tagħhom bħala ċirkustanzi aggravanti, kultant minn żbalji ta’ dritt u kultant, fl-aħħar nett, minn assenza ta’ eżami komplet taċ-ċirkustanzi kollha li jistgħu jkunu attenwanti.

195    F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jitfakkar li l-Qorti Ġenerali teżerċita stħarriġ sħiħ fuq il-materjalità tal-fatti u fuq l-applikazzjoni tajba tad-dispożizzjonijiet legali rilevanti (ara l-punti 160 u 161 iktar ’il fuq).

196    Bl-istess mod, il-qorti tal-Unjoni teżerċita wkoll stħarriġ komplet fuq il-klassifikazzjoni tal-fatti (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑21 ta’ Ġunju 2012, BNP Paribas u BNL vs Il‑Kummissjoni, C‑452/10 P, EU:C:2012:366, punt 102, u tas‑7 ta’ Novembru 2013, Cortivo vs Il‑Parlament, F‑52/12, EU:F:2013:173, punt 41) fir-rigward ta’ kunċetti legali oġġettivi. Hija teżerċita, b’mod partikolari, tali stħarriġ fuq il-kwistjoni dwar jekk fatt jaqax jew le taħt il-kunċetti legali ta’ ċirkustanzi aggravanti jew attenwanti.

197    Fl-aħħar nett, minkejja li l-Kundizzjonijiet tal-Impjieg ma jipprevedux relazzjoni fissa bejn is-sanzjonijiet dixxiplinari li huma jindikaw u d-diversi tipi ta’ nuqqasijiet imwettqa mill-uffiċjali u minkejja li ma jippreċiżawx sa fejn għandu jkun hemm l-eżistenza ta’ ċirkustanzi aggravanti jew attenwanti fl-għażla tas-sanzjoni, l-osservanza tal-Artikolu 47 tal-Karta tippreżumi li “piena” imposta minn awtorità amministrattiva li ma tissodisfax hija stess il-kundizzjonijiet previsti f’dan l-artikolu, bħalma huwa l-każ, f’dan il-każ, tal-Bord Eżekuttiv, għandha tkun suġġetta għall-istħarriġ ulterjuri ta’ korp ġudizzjarju li jkollu s-setgħa li jevalwa b’mod sħiħ il-proporzjonalità bejn in-nuqqas u s-sanzjoni (ara s-sentenza tal‑15 ta’ Mejju 2012, Nijs vs Il-Qorti tal-Awdituri, T‑184/11 P, EU:T:2012:236, punt 85 u l-ġurisprudenza ċċitata; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑9 ta’ Settembru 2010, Andreasen vs Il‑Kummissjoni, T‑17/08 P, EU:T:2010:374, punti 146 u 147; Qorti EDB, 31 ta’ Marzu 2015, Andreasen vs Ir-Renju Unit u 26 Stat Membru ieħor tal-Unjoni Ewropea, CE:ECHR:2015:0331DEC002882711, punt 73). F’dan ir-rigward, il-qorti tal-Unjoni għandha tivverifika b’mod partikolari jekk il-piż mogħti liċ-ċirkustanzi aggravanti u attenwanti mill-awtorità dixxiplinari sarx b’mod proporzjonat (sentenza tas‑16 ta’ Marzu 2004, Afari vs BĊE, T‑11/03, EU:T:2004:77, punt 203).

b)      Fuq l-ewwel ilment tar-rikorrent

198    Sabiex jiġi stabbilit ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, ir-rikorrent jikkontesta ċ-ċirkustanza aggravanti, ikkunsidrata mill-Kumitat Dixxiplinari, u sussegwentement mill-Bord Eżekuttiv, dwar il-fatt li huwa ma kienx ippropona li jħallas lura totalment jew parzjalment is-somom kontenzjużi.

199    Għandu jitfakkar li l-Kumitat Dixxiplinari qies li r-rikorrent kien naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu biss billi kiseb indebitament ir-rimbors tal-fatturi ta’ fiżjoterapija, iżda li mill-banda l-oħra huwa kkunsidra li l-fatti li jikkonċernaw l-irċevuti farmaċewtiċi u l-fatturi ta’ sostenn skolastiku ma kinux suffiċjentement stabbiliti. Konsegwentement, il-Kumitat Dixxiplinari attribwixxa biss lir-rikorrent iċ-ċirkustanza aggravanti li ma pproponiex li jħallas lura s-somom li rċieva irregolarment billi llimita ruħu għal dik ta’ EUR 56 041.09 li tikkorrispondi għar-rimbors tal-fatturi tal-preżunta fiżjoterapista B.

200    Mill-banda l-oħra, fid-deċiżjoni ta’ tkeċċija, il-Bord Eżekuttiv qies li r-rikorrent kien kiseb indebitament, għal diversi snin, ir-rimbors tal-fatturi u tal-irċevuti kontenzjużi kollha. F’dan il-kuntest, huwa sussegwentement indika li, fiċ-ċirkustanzi aggravanti identifikati mill-Kumitat Dixxiplinari, kellu jiżdied il-fatt li r-rikorrent assolutament ma kienx osserva l-fiduċja li l-BĊE kien qiegħed fih (ara, f’dan ir-rigward, il-punti 207 et seq. iktar ’il fuq).

201    Konsegwentement, fid-dawl tad-deċiżjoni ta’ tkeċċija kollha, ir-riferiment magħmul fil-qosor ħafna mill-Bord Eżekuttiv għaċ-ċirkustanzi aggravanti kkunsidrati mill-Kumitat Dixxiplinari għandu jinftiehem bħala li jirrigwarda l-fatt li r-rikorrent ma kienx ippropona li jħallas lura s-somom kollha li kien irċieva, inklużi dawk li rċieva bħala rimbors tal-fatturi ta’ sostenn skolastiku.

202    Wara li dan ġie ppreċiżat, ir-rikorrent jesponi, qabel kollox, insostenn tal-ilment tiegħu, li huwa ma kellux għalfejn iħallas lura l-ammont ta’ EUR 56 041.09, għaliex il-fatturi ta’ fiżjoterapija kienu ġenwini u reali.

203    Dan l-argument huwa madankollu irrilevanti, peress li l-Bord Eżekuttiv qies bħala ċirkustanza aggravanti l-fatt li r-rikorrent ma kienx ħallas lura s-somom b’mod partikolari marbuta mal-fatturi ta’ sostenn skolastiku (ara l-punt 201 iktar ’il fuq) u li seta’ jqis, fid-deċiżjoni ta’ tkeċċija, li kull wieħed mit-tliet aspetti tal-kawża, li kienu jikkonċernaw nuqqasijiet fil-kuntest ta’ talbiet għal rimbors ta’ spejjeż, kien, fid-dawl tal-kompetenzi finanzjarji tal-Bank, affettwa b’mod irriversibbli l-fiduċja li huwa kien qiegħed fih (ara l-punt 99 iktar ’il fuq).

204    Ir-rikorrent sussegwentement jikkontesta li qatt ma ppropona ħlas lura. Huwa jsostni li, sabiex tintemm il-proċedura, huwa ppropona li jħallas lill-BĊE l-ekwivalenti tas-sanzjoni rrakkomandata mill-Kumitat Dixxiplinari, jiġifieri tnaqqis temporanju fir-remunerazzjoni ta’ EUR 400 fuq perijodu ta’ tnax‑il xahar, jiġifieri EUR 4 800. Madankollu l-BĊE seta’ ma jiħux inkunsiderazzjoni din il-proposta, li kienet ’il bogħod ħafna mis-somom inkwistjoni, anki jekk dawn kienu limitati għall-ammont ta’ EUR 29 070 li jirrappreżenta r-rimborsi tal-fatturi ta’ sostenn skolastiku.

205    Fl-aħħar nett, huwa għalxejn li r-rikorrent jallega li kkollabora b’mod sħiħ fix-xogħol tal-Kumitat Dixxiplinari. Din il-kollaborazzjoni, anki jekk tiġi pprovata, ma tneħħi xejn mill-fatt li huwa ma kienx ippropona li jħallas lura s-somma inkwistjoni. Barra minn hekk, dan huwa kkontestat mill-BĊE.

206    Minn dan isegwi li l-BĊE seta’ ġustament (ara l-punt 196 iktar ’il fuq) jikkunsidra bħala ċirkustanza aggravanti kontra r-rikorrent il-fatt li huwa ma kienx ippropona li jħallas lura s-somom indebitament imħallsa.

c)      Fuq it-tieni lment tar-rikorrent

207    Ir-rikorrent jikkritika ċ-ċirkustanzi aggravanti li l-BĊE adotta fid-deċiżjoni ta’ tkeċċija, flimkien ma’ dawk diġà invokati mill-Kumitat Dixxiplinari.

208    B’hekk, ir-rikorrent jikkunsidra, l-ewwel, li l-Bord Eżekuttiv ma setax iqis, bħala ċirkustanza aggravanti, il-fatt li huwa kien ittradixxa l-fiduċja li l-BĊE kien qiegħed fih, għaliex din il-konstatazzjoni ma kinitx differenti min-nuqqasijiet li huwa kien akkużat bihom fihom innifishom.

209    Għandu jitfakkar li ċirkustanza aggravanti ma hijiex element li jikkostitwixxi ksur li l-produzzjoni tiegħu teħtieġ il-prova ta’ elementi materjali u, jekk ikun il-każ, dawk morali. Għaldaqstant, dan ma jservix sabiex jikkaratterizza r-reat bħala tali, iżda jaffettwa l-livell tal-piena ladarba jiġi stabbilit ir-reat, sabiex tittieħed inkunsiderazzjoni l-gravità tal-fatti kollha kemm huma u jiġi żgurat fid-dawl ta’ dawn kollha l-effett repressiv u dissważiv tas-sanzjoni.

210    Fid-deċiżjoni ta’ tkeċċija, il-Bord Eżekuttiv ikkritika lir-rikorrent li kiser id-dmir tiegħu ta’ lealtà lejn il-BĊE, li naqas mill-obbligu tiegħu li josserva l-valuri komuni u li jqatta’ l-ħajja professjonali u l-ħajja privata tiegħu skont ir-Regolamenti tal-Persunal ta’ istituzzjoni tal-Unjoni, li, b’mod kontinwu, naqas milli jwettaq id-dmir tiegħu li jipproteġi l-interessi finanzjarji tal-istituzzjoni u li rriskja r-reputazzjoni tal-Bank. Barra minn hekk, huwa qies bħala ċirkustanza aggravanti l-fatt li r-rikorrent assolutament ma kienx osserva l-fiduċja li l-BĊE kien qiegħed fih.

211    Id-dmir ta’ lealtà għandu ċertament effett fuq il-preżervazzjoni ta’ rabta ta’ fiduċja personali bejn istituzzjoni u l-uffiċjali tagħha li tikkundizzjona ż-żamma ta’ relazzjoni ta’ impjieg. Dan id-dmir jimponi mhux biss li l-uffiċjali jastjenu minn aġir li jippreġudika d-dinjità tal-funzjoni u r-rispett dovut lill-istituzzjoni u lill-awtoritajiet tagħha, iżda wkoll li huma juru mġiba lil hinn minn kull suspett, sabiex ir-rabtiet ta’ fiduċja li jeżistu bejnhom u din l-istituzzjoni jinżammu dejjem (sentenza tad‑19 ta’ Mejju 1999, Connolly vs Il‑Kummissjoni, T‑34/96 u T‑163/96, EU:T:1999:102, punt 128). Madankollu, minn dan ma jsegwix li kull ksur tad-dmir ta’ lealtà jwassal sistematikament għat-telf ta’ din il-fiduċja, u għalhekk għat-tkeċċija bħala riżultat inevitabbli. Dan il-ksur jista’ jkun biss okkażjonali jew ikun biss ta’ natura minuri jew li ma tagħmilx ħsara. F’dan il-każ, ksur tar-relazzjoni ta’ xogħol ikun inkompatibbli mal-fatt li l-Kundizzjonijiet tal-Impjieg ma jistabbilixxux relazzjoni fissa bejn it-tipi differenti ta’ ksur u s-sanzjonijiet dixxiplinari possibbli.

212    Konsegwentement, it-telf tar-rabta ta’ fiduċja ma huwiex element li jikkostitwixxi nuqqas dixxiplinari li jikkonsisti f’nuqqas ta’ lealtà, iżda ċirkustanza aggravanti dovuta għal-livell partikolarment dannuż u gravi ta’ dan in-nuqqas, speċjalment jekk l-uffiċjal jew il-membru tal-persunal ikun wera nuqqas assolut ta’ rispett lejn l-istituzzjoni.

213    Issa, f’dan il-każ, mhux talli ma humiex okkażjonali, iżda l-fatti li jikkonċernaw ir-rimbors tal-fatturi ta’ sostenn skolastiku kienu mifruxa fuq diversi snin, kif ir-rikorrent jammetti huwa stess.

214    Għaldaqstant, il-BĊE ġustament iddeskriva f’dan il-każ il-fatt li r-rikorrent assolutament ma osservax il-fiduċja li huwa kien qiegħed fih bħala ċirkustanza aggravanti.

215    It-tieni, ir-rikorrent jilmenta li l-BĊE semma bħala ċirkustanza aggravanti l-fatt li grad baxx u anzjanità baxxa ma kellhom l-ebda effett fuq il-kapaċità tal-membri tal-persunal li jwettqu, fuq inizjattiva tagħhom stess, fiċ-ċirkustanzi bħal dawk tal-kawża, verifiki sempliċi. Għal darb’oħra, skont ir-rikorrent, din l-allegata ċirkustanza aggravanti ma hijiex differenti mill-ksur li huwa akkużat bih fih innifsu. Ir-rikorrent isostni, barra minn hekk, li huwa ma kellu l-ebda raġuni sabiex iwettaq tali verifiki f’dan il-każ.

216    Madankollu, dan l-ilment huwa bbażat fuq qari ineżatt tad-deċiżjoni ta’ tkeċċija. Kuntrarjament għal dak li jissuġġerixxi r-rikorrent, il-Bord Eżekuttiv ma kkunsidrax li n-natura modesta tal-grad tiegħu u tal-anzjanità tiegħu setgħet tikkontribwixxi għal ċirkustanza aggravanti, iżda, għall-kuntrarju tal-Kumitat Dixxiplinari, irrifjuta li jaraha bħala ċirkustanza attenwanti. Fi kwalunkwe każ, il-ħames inċiż tal-Artikolu 45 tal-Kundizzjonijiet tal-Impjieg ċertament jipprovdi li l-grad u l-anzjanità għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fid-determinazzjoni tas-sanzjoni. Madankollu, il-Bank seta’ jqis li grad u anzjanità modesta ma kinux jikkostitwixxu ċirkustanza attenwanti f’dan il-każ, peress li tali grad u tali anzjanità ma kinux jiġġustifikaw li membru tal-persunal jastjeni ruħu spontanjament milli jwettaq verifiki sempliċi, li ma jitolbux kompetenza partikolari, u peress li kull persuna raġonevolment prudenti kienet twettaqhom fil-preżenza taċ-ċirkustanzi tal-każ li kellhom joħolqu dubju dwar id-dritt għar-rimbors tas-somom sostnuti.

217    Fir-rigward tal-argument li, f’dan il-każ, ma kien hemm l-ebda raġuni sabiex issir kwalunkwe verifika, dan iwassal sabiex tiġi kkontestata l-eżistenza taċ-ċirkustanzi li l-BĊE ddeduċa li l-fatturi tal-għalliema C ma kinux ġenwini u reali. Għalhekk, dan jikkoinċidi mas-sitt motiv, li ġie ddikjarat infondat.

218    It-tielet, ir-rikorrent jikkontesta li l-BĊE seta’ jinvoka, bħala ċirkustanza aggravanti, il-fatt li l-kredibbiltà tiegħu kienet involuta, filwaqt li din kienet ġiet ippreżervata bl-eżitu pożittiv tal-proċeduri kriminali mibdija kontrih u, b’mod partikolari, bil-pubbliċità mogħtija lis-sentenza tat‑18 ta’ Ottubru 2017 tal-Landgericht Frankfurt am Main (il-Qorti Reġjonali ta’ Frankfurt am Main) li lliberatu mir-reati ta’ frodi u ta’ falsifikazzjoni ta’ dokumenti li jikkonċernaw il-fatturi ta’ fiżjoterapija.

219    Madankollu, minbarra l-fatt li r-rikorrent ma jippreċiżax liema pubbliċità ngħatat lis-sentenza tal-Landgericht Frankfurt am Main (il-Qorti Reġjonali ta’ Frankfurt am Main), il-BĊE seta’ jikkunsidra li l-fatti setgħu jaffettwaw ir-reputazzjoni tiegħu u, lil hinn minn din, il-kredibbiltà tiegħu bħala istituzzjoni finanzjarja. Issa, bis-saħħa tat-tieni inċiż tal-Artikolu 45 tal-Kundizzjonijiet tal-Impjieg, il-BĊE jista’ preċiżament jieħu inkunsiderazzjoni, fir-rigward taċ-ċirkustanzi aggravanti, ir-riskju li għalih l-aġir tal-membru tal-persunal jesponi l-integrità, ir-reputazzjoni jew l-interessi tal-istituzzjoni, mingħajr ma jkun obbligat li juri jekk persuni esterni għaliha kinux jafu bl-aġir tal-persuna kkonċernata u, jekk iva, kemm (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑10 ta’ Ġunju 2016, HI vs Il‑Kummissjoni, F‑133/15, EU:F:2016:127, punt 204 u l-ġurisprudenza ċċitata).

220    Bl-istess mod, kuntrarjament għal dak li jsostni r-rikorrent, il-BĊE seta’ jikkunsidra bħala ċirkustanza aggravanti l-fatt li huwa kien aġixxa kontra l-interessi finanzjarji tal-istituzzjoni, li huwa madankollu kien obbligat jipproteġi. Fil-fatt, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat f’dan ir-rigward li t-talbiet indebiti għal rimbors tar-rikorrent neċessarjament kellhom impatt fuq il-finanzi tal-BĊE li finalment sostnew dawn l-ispejjeż.

d)      Fuq it-tielet ilment tar-rikorrent

221    Ir-rikorrent isostni li l-Bord Eżekuttiv injora r-rwol li għandhom iċ-ċirkustanzi attenwanti billi sostna li dawk ikkunsidrati mill-Kumitat Dixxiplinari bl-ebda mod ma jnaqqsu t-telf tal-fiduċja tal-BĊE fil-konfront tiegħu.

222    F’dan il-każ, il-Kumitat Dixxiplinari qies bħala ċirkustanzi attenwanti n-natura modesta tal-grad u tal-anzjanità tar-rikorrent, l-assenza ta’ preċedent dixxiplinari u l-fatt li ma setax ikun ċert li l-kumpannija A rrifjutat li tirrimborsa l-fatturi ta’ B kieku t-timbru “Kosmetikerin” ma kienx tħalla barra fuq l-ewwel waħda minnhom.

223    Madankollu, mingħajr ma jikser in-natura tagħhom ta’ ċirkustanzi attenwanti, il-Bord Eżekuttiv seta’ jikkunsidra li dawn iċ-ċirkustanzi bl-ebda mod ma kienu jikkontrobilanċjaw it-telf ta’ fiduċja tal-BĊE fil-konfront tar-rikorrent.

224    B’mod partikolari, mill-punt 216 iktar ’il fuq jirriżulta li l-Bord Eżekuttiv seta’, għall-kuntrarju tal-Kumitat Dixxiplinari, jirrifjuta li jikkunsidra l-grad u l-anzjanità modesti tar-rikorrent bħala ċirkustanza attenwanti. Barra minn hekk, it-tmien inċiż tal-Artikolu 45 tal-Kundizzjonijiet tal-Impjieg ċertament jipprovdi li, fl-għażla tas-sanzjoni dixxiplinari, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni l-kondotta tal-membru tal-persunal tul il-karriera kollha tiegħu. Madankollu, din id-dispożizzjoni ma tissuġġettax b’mod obbligatorju t-telf tar-rabta ta’ fiduċja għal stat ta’ reċidiva. Dan jista’ jirriżulta minn fatt jew aġir wieħed. Issa, fid-dawl tal-missjonijiet tal-BĊE, il-Bord Eżekuttiv seta’, f’dan il-każ, jenfasizza leġittimament ir-rigorożità meħtieġa minn kull membru tal-persunal fuq il-livell finanzjarju.

e)      Fuq ir-raba’ lment tar-rikorrent

225    Ir-rikorrent jikkunsidra li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi attenwanti li huwa kien irrefera għalihom quddiem il-Kumitat Dixxiplinari u fl-osservazzjonijiet tiegħu tat‑30 ta’ April 2018 u li l-BĊE ma ħax inkunsiderazzjoni.

226    Ir-rikorrent jinvoka, l-ewwel, kemm kellhom isofru hu u l-familja tiegħu matul il-proċedura kollha, li matulha huwa ġie sospiż mill-funzjonijiet tiegħu. Huwa jinvoka wkoll id-dritt tiegħu li jsib paċi interna u li jkun jista’ jirrestawra l-unur tiegħu.

227    Madankollu, it-tul tal-proċedura dixxiplinari ma huwiex fost l-elementi msemmija fl-Artikolu 45 tal-Kundizzjonijiet tal-Impjieg bħala ċirkustanzi attenwanti u ma huwiex rilevanti għad-determinazzjoni tas-sanzjoni dixxiplinari li, skont dan l-artikolu, għandha tkun proporzjonali għall-gravità tan-nuqqas imwettaq (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑10 ta’ Ġunju 2016, HI vs Il‑Kummissjoni, F‑133/15, EU:F:2016:127, punt 200).

228    Barra minn hekk, ir-rikorrent ma jissostanzjax l-ilment tiegħu. Huwa ma jipprovdix element konkret li jippreċiża kemm sofrew hu u l-familja tiegħu minħabba l-proċedura u t-tul tagħha, b’mod partikolari b’liema mod dan kien jeċċedi l-inkwiet u l-inċertezza li huma konsegwenza inevitabbli ta’ proċeduri kriminali u dixxiplinari, u li l-BĊE kellu jieħu inkunsiderazzjoni bħala ċirkustanza attenwanti.

229    Bl-istess mod, ir-rikorrent ma jiżviluppax l-ilment li huwa bbażat fuq l-allegat dritt tiegħu li jsib il-paċi interna u li jerġa’ jistabbilixxi l-unur tiegħu. Dan jgħodd b’mod speċjali fil-kuntest ta’ dan il-motiv, li, invokat sussidjarjament u limitat għall-kontestazzjoni tal-proporzjonalità tas-sanzjoni, jippreżumi li n-nuqqas dixxiplinari huwa stabbilit.

230    It-tieni, ir-rikorrent jibbaża l-argument tiegħu fuq ir-rekord tajjeb ħafna tiegħu fi ħdan il-BĊE u jsostni li dan kellu jittieħed inkunsiderazzjoni bħala ċirkustanza attenwanti.

231    Madankollu, mill-punt 224 iktar ’il fuq jirriżulta li l-Bord Eżekuttiv seta’ jikkunsidra li l-fiduċja tal-BĊE fil-konfront tar-rikorrent kienet intilfet minkejja l-fatt li l-fatti kkritikati kienu jikkostitwixxu l-ewwel nuqqas tiegħu.

232    Barra minn hekk, ir-rikorrent jillimita ruħu li jipproduċi rapporti ta’ evalwazzjoni manifestament redatti fl-aħħar tas-snin 2008 u 2010, kif ukoll evalwazzjoni qasira li tinsab f’messaġġ elettroniku tad‑29 ta’ Settembru 2011. Dawn id-dokumenti ma humiex prova tal-mod kif ħadem b’mod ġenerali bejn is-sena 2011 u d-data tas-sospensjoni tiegħu fil‑21 ta’ Ottubru 2014 li minnha huwa ma kienx għadu suġġett għal evalwazzjoni.

233    Konsegwentement, il-BĊE ġustament ma kkunsidrax ir-rekord tar-rikorrent fi ħdanu bħala ċirkustanza attenwanti (ara l-punt 196 iktar ’il fuq).

234    It-tielet, ir-rikorrent jikkritika lill-BĊE talli ma ħax inkunsiderazzjoni l-fatt li huwa ma kellux l-intenzjoni li jikser l-obbligi professjonali tiegħu, li huwa ma kienx aġixxa b’interess personali u li l-istituzzjoni ma kienet ġarrbet l-ebda dannu.

235    Skont it-tielet inċiż tal-Artikolu 45 tal-Kundizzjonijiet tal-Impjieg, il-grad ta’ intenzjonalità huwa element li l-BĊE għandu jieħu inkunsiderazzjoni sabiex jiddetermina s-sanzjoni dixxiplinari.

236    Madankollu, mill-eżami konġunt tat-tielet u tas-seba’ motiv kif ukoll tas-sitt motiv u, barra minn hekk, mill-punt 216 iktar ’il fuq jirriżulta li l-BĊE seta’ jikkunsidra li mill-formulazzjoni tal-fatturi ta’ sostenn skolastiku seta’ jiġi dedott li dawn ma kinux ġenwini u reali, li ċ-ċirkustanzi oġġettivi tal-każ, li jqajmu dubji dwar id-dritt għar-rimbors tal-imsemmija fatturi, kienu jitolbu verifiki sempliċi li setgħu jsiru mir-rikorrent u li, bħal kull persuna raġonevolment prudenti, huwa kellu minn tal-inqas jinforma lill-amministrazzjoni b’dan u jikkollabora magħha.

237    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Bord Eżekuttiv seta’ ġustament (ara l-punt 196 iktar ’il fuq) ma jqisx bħala ċirkustanza attenwanti l-assenza ta’ intenzjonalità min-naħa tar-rikorrent.

238    L-istess japplika f’dak li jirrigwarda l-allegazzjoni tar-rikorrent li huwa ma aġixxiex b’interess personali, peress li huwa bbenefika mir-rimborsi kontenzjużi.

239    L-istess japplika għall-fatt li l-BĊE ma ġarrab l-ebda dannu, peress li r-rikorrent ma setax ma jkunx jaf li r-rimbors tal-ispejjeż skolastiċi kellu jitħallas mill-BĊE. Barra minn hekk, u lil hinn minn dan id-dannu materjali, mill-eżami tat-tieni lment imqajjem mir-rikorrent fil-kuntest ta’ dan il-motiv jirriżulta li l-BĊE seta’ raġonevolment jikkunsidra li l-aġir tiegħu seta’ jaffettwa r-reputazzjoni tiegħu u, għaldaqstant, il-kredibbiltà tiegħu bħala istituzzjoni finanzjarja (ara l-punt 219 iktar ’il fuq), u b’hekk ikkawżalu wkoll dannu morali.

240    Ir-raba’, ir-rikorrent jibbaża argument fuq il-fatt li l-BĊE ma ħax inkunsiderazzjoni l-fatt li ma kien intbagħatlu l-ebda avviż, filwaqt li l-fatti kontenzjużi kienu saru magħrufa mill-BĊE fuq perijodu ta’ erba’ snin f’dak li jikkonċerna l-fatturi ta’ sostenn skolastiku.

241    Madankollu, dan l-aspett tal-kawża jikkonċerna talbiet għal rimbors imressqa fl‑2010, fl‑2012 u fl‑2014, kif ukoll f’Jannar 2017. Issa, mill-eżami tat-tieni motiv jirriżulta li l-Kumitat Dixxiplinari skopra l-fatti biss matul Marzu 2017, waqt l-eżami fil-fond tal-fajl tar-rikorrent li għalih kienu wassluh l-aspetti tal-kawża relatati mal-fatturi ta’ fiżjoterapija u mal-irċevuti mill-ispiżeriji. Barra minn hekk, wara xi investigazzjonijiet addizzjonali, il-BĊE nnotifika lir-rikorrent dwar l-abbozz tar-Rapport futur Nru 2 fid‑19 ta’ Ġunju 2017, jiġifieri madwar tliet xhur biss wara din l-iskoperta. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Bank ma jistax jiġi akkużat li ma bagħatx avviż lir-rikorrent dwar il-fatturi ta’ sostenn skolastiku.

242    Ir-rikorrent isostni wkoll li l-fatti relatati mal-fatturi ta’ fiżjoterapija u mal-irċevuti farmaċewtiċi seħħew fuq perijodu ta’ ħames snin mingħajr avviż ieħor.

243    Madankollu, dan l-aħħar argument huwa irrilevanti peress li l-BĊE seta’ jqis li kull wieħed mit-tliet aspetti tal-kawża, anki jekk meħuda waħedhom, kien affettwa b’mod irriversibbli l-fiduċja li kienet il-bażi tar-relazzjoni tiegħu mal-persunal tiegħu (ara l-punt 99 iktar ’il fuq) u għalhekk li l-aspett tal-kawża relatat mal-fatturi ta’ sostenn skolastiku, li ma huwa vvizzjat b’ebda illegalità, kien biżżejjed sabiex tiġi ġġustifikata d-deċiżjoni ta’ tkeċċija.

f)      Konklużjonijiet dwar l-għaxar motiv u dwar it-talbiet għal annullament

244    Minn dak li ntqal jirriżulta li l-ilmenti tar-rikorrent imqajma fil-kuntest tal-għaxar motiv tiegħu ma humiex iġġustifikati u li, konsegwentement, dan ma jistabbilixxix in-natura sproporzjonata (ara l-punt 197 iktar ’il fuq) tad-deċiżjoni ta’ tkeċċija.

245    Għaldaqstant, l-għaxar motiv ma huwiex fondat.

246    Fid-dawl tal-fatt li n-natura parzjalment fondata tat-tieni motiv ma hijiex biżżejjed sabiex tiġġustifika la l-annullament tad-deċiżjoni ta’ tkeċċija u lanqas, għaldaqstant, dak tar-rifjut li tinfetaħ il-proċedura mill-ġdid (ara l-punt 100 iktar ’il fuq) u li l-ebda motiv ieħor ma huwa fondat, it-talbiet għal annullament għandhom jiġu miċħuda kollha kemm huma.

B.      Fuq it-tieni kap tat-talbiet, intiż sabiex il-Qorti Ġenerali tordna r-reintegrazzjoni tar-rikorrent

247    Permezz tat-tieni kap tat-talbiet tiegħu, ir-rikorrent jitlob lill-Qorti Ġenerali tordna r-reintegrazzjoni tiegħu.

248    Dawn it-talbiet għandhom madankollu jiġu miċħuda bħala mressqa quddiem qorti li ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni tagħhom, għaliex ma huwiex il-kompitu tal-Qorti Ġenerali li tagħti ordnijiet lill-amministrazzjoni (ara, f’dan is-sens, id-digriet tat‑22 ta’ Settembru 2016, Gaki vs Il‑Kummissjoni, C‑130/16 P, mhux ippubblikat, EU:C:2016:731, punt 14 u l-ġurisprudenza ċċitata). Barra minn hekk, peress li t-talbiet għal annullament ġew miċħuda, hemm lok ukoll li jiġu miċħuda, konsegwentement, dawn it-talbiet (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal‑25 ta’ Mejju 2011, Meierhofer vs Il‑Kummissjoni, F‑74/07 RENV, EU:F:2011:63, punt 69).

C.      Fuq it-tielet kap tat-talbiet, intiż għall-kumpens għad-dannu mġarrab mir-rikorrent

249    Ir-rikorrent jitlob lill-Qorti Ġenerali tikkundanna lill-BĊE jikkumpensah għad-dannu morali li huwa ġarrab u li jevalwa ex æquo et bono fl-ammont ta’ EUR 20 000.

250    Għandu jitfakkar li l-istabbiliment tar-responsabbiltà ta’ istituzzjoni, ta’ korp jew ta’ organu tal-Unjoni huwa suġġett għall-issodisfar ta’ sett ta’ kundizzjonijiet, jiġifieri l-illegalità tal-aġir ikkritikat, ir-realtà tad-dannu allegat u l-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn l-aġir ikkritikat u d-dannu allegat, fejn dawn it-tliet kundizzjonijiet huma kumulattivi (ara s-sentenza tat‑3 ta’ Ottubru 2019, DQ et vs Il‑Parlament, T‑730/18, EU:T:2019:725, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata).

251    Fir-rigward tal-kundizzjoni dwar l-illegalità tal-aġir, għandu jiġi rrilevat li, skont ġurisprudenza stabbilita, talbiet għal kumpens, imressqa flimkien ma’ talbiet għal annullament infondati fid-dritt, huma wkoll infondati fid-dritt huma stess jekk ikunu marbuta ma’ dawn tal-aħħar mill-qrib (sentenzi tat‑30 ta’ Settembru 2003, Martínez Valls vs Il‑Parlament, T‑214/02, EU:T:2003:254, punt 43, u tat‑28 ta’ Frar 2018, Paulini vs BĊE, T‑764/16, mhux ippubblikata, EU:T:2018:101, punt 86).

252    Għaldaqstant, peress li t-talbiet għal annullament huma miċħuda bħala infondati fid-dritt (ara l-punt 246 iktar ’il fuq), għandhom jiġu miċħuda wkoll it-talbiet għal kumpens sa fejn dawn huma bbażati fuq il-kliem allegatament “aħrax” tad-deċiżjoni ta’ tkeċċija, fuq il-fatt li din hija bbażata fuq ħsara għar-relazzjoni ta’ fiduċja li allegatament hija irriversibbli, mingħajr ma l-BĊE spjega kif din il-fiduċja ġiet affettwata b’mod irrimedjabbli, u fuq il-ħsara għar-reputazzjoni tar-rikorrent li tnisslet mid-deċiżjonijiet ikkontestati.

253    Madankollu, ir-rikorrent jiddeduċi wkoll id-dannu tiegħu mill-inċertezza li sab ruħu fiha minħabba l-fatt li l-proċedura kienet twila b’mod li ma huwiex raġonevoli.

254    Issa, għalkemm il-ksur tat-terminu raġonevoli ma jistax, bħala prinċipju, jiġġustifika l-annullament ta’ deċiżjoni meħuda fi tmiem proċedura amministrattiva (ara l-punt 178 iktar ’il fuq), dan il-ksur jista’ jittieħed inkunsiderazzjoni fit-trattament tat-talbiet għal kumpens (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑10 ta’ April 2019, AV vs Il‑Kummissjoni, T‑303/18 RENV, mhux ippubblikata, EU:T:2019:239, punt 87 u l-ġurisprudenza ċċitata).

255    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li proċedura dixxiplinari titfa’ kull uffiċjal jew membru tal-persunal f’sitwazzjoni ta’ inċertezza fir-rigward tal-futur professjonali tiegħu, li neċessarjament tikkawżalu ċerta stress u ċerta ansjetà u li, meta din l-inċertezza tippersisti għal perijodu eċċessiv, l-intensità tal-istress u tal-ansjetà tiżdied lil hinn minn dak li huwa ġustifikabbli (sentenza tat‑13 ta’ Jannar 2010, A u G vs Il‑Kummissjoni, F‑124/05 u F-96/06, EU:F:2010:2, punt 147) u tista’, bħala prinċipju, tikkostitwixxi dannu morali.

256    F’dan il-każ, għandu madankollu jitfakkar, fir-rigward tar-rabta kawżali, li l-ġurisprudenza hija stabbilita fis-sens li teħtieġ li r-rikorrent jipproduċi l-prova ta’ relazzjoni diretta u ċerta ta’ kawża u effett bejn in-nuqqas imwettaq mill-istituzzjoni u d-dannu invokat (sentenzi tat‑28 ta’ Settembru 1999, Hautem vs BEI, T‑140/97, EU:T:1999:176, punt 85, u tal‑5 ta’ Lulju 2011, V vs Il‑Parlament, F‑46/09, EU:F:2011:101, punt 158). Għalhekk, l-aġir ikkritikat għandu jkun il-kawża determinanti tad-dannu (digriet tal‑31 ta’ Marzu 2011, Mauerhofer vs Il‑Kummissjoni, C‑433/10 P, mhux ippubblikat, EU:C:2011:204, punt 127, u s-sentenza tat‑8 ta’ Novembru 2018, Cocchi u Falcione vs Il-Kummissjoni, T‑724/16 P, mhux ippubblikata, EU:T:2018:759, punt 96).

257    Insostenn tat-talbiet tiegħu għal kumpens, ir-rikorrent ipproduċa ċertifikat mediku datat it‑30 ta’ Ottubru 2017 li jattribwixxi f’sentenza l-iżvilupp progressiv tal-insomnja, tat-telf fil-piż u tal-uġigħ ta’ ras li għalihom huwa kien suġġett għas-“sitwazzjoni tax-xogħol maħluqa mill-BĊE”.

258    Sabiex jiġi evalwat il-valur probatorju ta’ dan iċ-ċertifikat, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi kollha tal-każ.

259    F’dan ir-rigward, hemm lok, b’mod partikolari, li jiġi rrilevat li, għalkemm ir-rikorrent ġarrab ir-riskju ta’ sanzjoni dixxiplinari b’effett mis-sospensjoni tiegħu, fil‑21 ta’ Ottubru 2014, u dan sad-deċiżjoni ta’ tkeċċija, fis‑7 ta’ Mejju 2019, huwa fl-istess ħin sab ruħu suġġett għal diversi proċeduri kriminali. Ir-rikorrent kien għalhekk is-suġġett ta’ investigazzjoni preliminari fuq il-bażi ta’ frodi u ta’ falsifikazzjoni ta’ dokumenti fis-sens tal-Artikolu 263(1) kif ukoll tal-Artikolu 267 tal-Kodiċi Kriminali Ġermaniż fir-rigward tal-fatturi ta’ fiżjoterapija (ara l-punt 7 iktar ’il fuq). Dawn iż-żewġ reati kienu punibbli b’piena ta’ priġunerija ta’ tul massimu ta’ ħames snin. Barra minn hekk, fis‑16 ta’ Ottubru 2014 saret tfittxija fir-residenza tiegħu. Sussegwentement, l-investigazzjoni preliminari ġiet estiża għall-aspett tal-kawża relatat mal-irċevuti farmaċewtiċi. Fit‑12 ta’ Settembru 2016, ir-rikorrent kien is-suġġett ta’ att tal-akkuża tal-Uffiċċju tal-Prosekutur li, minkejja li ħax azzjoni ulterjuri dwar l-aspett relatat mal-irċevuti farmaċewtiċi, mill-banda l-oħra, akkużah formalment għal frodi u falsifikazzjoni ta’ dokumenti għal dak li jikkonċerna l-fatturi ta’ fiżjoterapija u bagħtu lura quddiem il-qorti kriminali (ara l-punt 7 iktar ’il fuq). Permezz tas-sentenza tat‑18 ta’ Ottubru 2017 tal-Landgericht Frankfurt am Main (il-Qorti Reġjonali ta’ Frankfurt am Main), ir-rikorrent ġie lliberat għal dawn il-fatti (ara l-punt 14 iktar ’il fuq). Madankollu, fl-istess ħin, ir-rikorrent ġie akkużat b’frodi fir-rigward tal-fatturi ta’ sostenn skolastiku. Huwa ġie informat bit-tmiem tal-proċeduri kriminali li jikkonċernawh biss permezz tal-ittra tal-Uffiċċju tal-Prosekutur tat‑30 ta’ April 2019 (ara l-punt 23 iktar ’il fuq) li informatu bit-twaqqif ta’ dan l-aħħar aspett.

260    Minn dan isegwi li r-rikorrent kien is-suġġett ta’ proċeduri kriminali, inkluż tfittxija fid-dar, u ġie suġġett għall-prospett stressanti ta’ kundanna kriminali matul iż-żmien kollu, li huwa jqis irraġonevoli, li damet il-proċedura kontenzjuża.

261    Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li r-rikorrent sostna, b’insistenza partikolari, matul l-investigazzjoni dixxiplinari kollha, kif ukoll f’dan ir-rikors, li l-BĊE kellu jissospendi dik il-proċedura u ma jagħlaqhiex qabel ma kellu għarfien tal-eżitu tal-proċeduri kriminali. Għalhekk, ir-rikorrent neċessarjament ikkunsidra li dawn tal-aħħar kellhom importanza kbira fil-każ tiegħu.

262    Issa, il-BĊE ma jistax jinżamm responsabbli għat-tul ta’ proċeduri kriminali nazzjonali.

263    Barra minn hekk, f’dan il-kuntest, l-uniku ċertifikat mediku tat‑30 ta’ Ottubru 2017 li r-rikorrent ippreżenta, li ma huwiex iddettaljat, li huwa nieqes minn kull storja klinika u li lanqas jagħmel allużjoni għall-proċeduri kriminali, ma jikkostitwixxix prova suffiċjenti tal-fatt li l-insomnja, it-telf fil-piż u l-uġigħ ta’ ras imsemmija fih kellhom il-kawża determinanti tagħhom fl-inċertezzi marbuta mat-tul tal-proċedura dixxiplinari.

264    Fid-dawl ta’ dak li ntqal, għandu jiġi konkluż li r-rikorrent, li fuqu jaqa’ l-oneru tal-prova (ara l-punt 256 iktar ’il fuq), ma jistabbilixxix suffiċjentement skont il-liġi r-rabta kawżali bejn l-aġir allegatament żbaljat tal-BĊE u d-dannu li huwa jallega. Issa, kif ġie espost fil-punt 256 iktar ’il fuq, din ir-rabta hija waħda mill-kundizzjonijiet kumulattivi li għandhom jiġu ssodisfatti sabiex tkun tista’ tiġi stabbilita r-responsabbiltà ta’ istituzzjoni.

265    Konsegwentement, it-talbiet tar-rikorrent għal kumpens għandhom jiġu miċħuda.

266    Għaldaqstant, ir-rikors tar-rikorrent għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.

D.      Fuq it-talba tal-BĊE intiża sabiex il-Qorti Ġenerali tisma’ lir-rikorrent, lill-konjuġi tiegħu u lil uliedu, kif ukoll lil B

267    Sa fejn ikun meħtieġ, il-BĊE talab lill-Qorti Ġenerali sabiex tħarrek bħala xhieda lir-rikorrent, lill-konjuġi tiegħu u lill-uliedu, kif ukoll lill-preżunt fiżjoterapista B sabiex jinstemgħu fir-rigward tal-fatturi ta’ fiżjoterapija jew, tal-inqas, sabiex tisma’ lir-rikorrent f’dan ir-rigward bħala parti fit-tilwima.

268    Sa fejn ġie deċiż li l-fatti relatati ma’ dawn il-fatturi kienu preskritti (ara l-punt 89 iktar ’il fuq), ma hemmx lok li din it-talba tintlaqa’.

IV.    Fuq l-ispejjeż

269    Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Madankollu, skont l-Artikolu 135(1) tal-istess regoli, meta jkun meħtieġ għal raġunijiet ta’ ekwità, il-Qorti Ġenerali tista’ tiddeċiedi li parti li titlef għandha tbati, minbarra l-ispejjeż rispettivi tagħha, parti biss mill-ispejjeż tal-parti l-oħra, jew saħansitra li ma għandhiex tiġi kkundannata f’dan ir-rigward. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 135(2) tal-imsemmija regoli, il-Qorti Ġenerali tista’ tikkundanna lil parti fil-kawża, anki jekk rebbieħa, għall-ispejjeż kollha jew għal parti minnhom, jekk dan jidher li jkun iġġustifikat minħabba l-aġir tagħha, inkluż qabel ma tkun tressqet il-kawża.

270    Issa, f’dan il-każ, mill-punti 82 u 89 iktar ’il fuq jirriżulta li l-BĊE temm il-proċedura dixxiplinari u sostna li r-rikorrent kien naqas mid-dmirijiet tiegħu fl-aspetti tal-kawża relatati mal-fatturi ta’ fiżjoterapija u mal-irċevuti mill-ispiżerija minkejja l-preskrizzjoni tagħhom.

271    F’dawn iċ-ċirkustanzi, id-dispożizzjonijiet iċċitati fil-punt 269 iktar ’il fuq għandhom jiġu applikati ġustament billi r-rikorrent jiġi kkundannat ibati, minbarra l-ispejjeż rispettivi tiegħu, tliet kwarti mill-ispejjeż tal-BĊE u billi dan tal-aħħar jiġi kkundannat għall-kwart l-ieħor tal-ispejjeż rispettivi tiegħu.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla Estiża)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      DI għandu jbati l-ispejjeż rispettivi tiegħu kif ukoll tliet kwarti mill-ispejjeż tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE), li għandu jbati l-bqija tal-ispejjeż tiegħu.

Gervasoni

Madise

Nihoul

Frendo

 

      Martín y Pérez de Nanclares

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fid‑9 ta’ Ġunju 2021.

Firem


Werrej


I. Il-fatti li wasslu għall-kawża

II. Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

III. Id-dritt

A. Fuq l-ewwel kap tat-talbiet, intiż għall-annullament tad-deċiżjonijiet ikkontestati

1. Osservazzjonijiet preliminari

2. Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq l-inkompetenza tal-awtur tad-deċiżjonijiet ikkontestati

3. Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 8.3.2 tar-Regoli Applikabbli għall-Persunal u tal-prinċipju ta’ ċertezza legali

a) Fuq in-natura obbligatorja jew le tat-terminu ta’ sena

b) Fuq il-kwistjoni dwar jekk il-fatti kinux preskritti

1) Fuq il-kunċett tal-“iskoperta tal-fatti” li minnu jibda jiddekorri t-terminu ta’ preskrizzjoni ta’ sena

2) Fuq l-eventwali preskrizzjoni tal-proċedura dixxiplinari fir-rigward ta’ fatturi ta’ fiżjoterapija

3) Fuq l-eventwali preskrizzjoni tal-proċedura dixxiplinari fir-rigward ta’ rċevuti ta’ spejjeż farmaċewtiċi

4) Fuq l-eventwali preskrizzjoni tal-proċedura dixxiplinari fir-rigward ta’ fatturi ta’ sostenn skolastiku

c) Konklużjoni dwar it-tieni motiv

4. Fuq it-tielet u s-seba’ motiv, ibbażati, rispettivament, minn naħa, fuq il-ksur tal-massima li l-proċedura dixxiplinari li toħroġ minn reat kriminali għandha tistenna l-eżitu tal-kawża kriminali, tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba u tad-dmir ta’ prmura u, min-naħa l-oħra, fuq il-ksur tad-dritt għall-preżunzjoni tal-innoċenza u tal-Artikolu 48 tal-Karta

a) Fuq il-ksur tal-massima li l-proċedura dixxiplinari li toħroġ minn reat kriminali għandha tistenna l-eżitu tal-kawża kriminali

b) Fuq il-ksur tad-dritt għall-preżunzjoni tal-innoċenza u tal-Artikolu 48 tal-Karta

c) Fuq il-ksur tal-prinċipji ta’ amministrazzjoni tajba u tad-dmir ta’ premura

d) Konklużjoni dwar it-tielet u s-seba’ motiv

5. Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 8.3.7 tar-Regoli Applikabbli għall-Persunal u tal-prinċipju ta’ imparzjalità kif stabbilit fl-Artikolu 41 tal-Karta

a) Fuq l-ewwel ilment tar-rikorrent

b) Fuq it-tieni lment tar-rikorrent

c) Fuq it-tielet u r-raba’ lment tar-rikorrent

d) Konklużjoni dwar ir-raba’ motiv

6. Fuq il-ħames motiv, ibbażat fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża

7. Fuq is-sitt motiv, ibbażat fuq żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni

a) Rimarki preliminari

b) Fuq l-eżami inkomplet taċ-ċirkustanzi tal-kawża, fuq l-iżbalji fl-evalwazzjoni tal-provi u fuq l-iżball ta’ liġi li jivvizzjaw l-aspett tal-kawża dwar il-fatturi ta’ sostenn skolastiku

8. Fuq it-tmien motiv, ibbażat fuq il-ksur tat-terminu raġonevoli u tad-dmir ta’ premura

9. Fuq id-disa’ motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni

10. Fuq l-għaxar motiv, ifformulat sussidjarjament u bbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità

a) Rimarki preliminari

b) Fuq l-ewwel ilment tar-rikorrent

c) Fuq it-tieni lment tar-rikorrent

d) Fuq it-tielet ilment tar-rikorrent

e) Fuq ir-raba’ lment tar-rikorrent

f) Konklużjonijiet dwar l-għaxar motiv u dwar it-talbiet għal annullament

B. Fuq it-tieni kap tat-talbiet, intiż sabiex il-Qorti Ġenerali tordna r-reintegrazzjoni tar-rikorrent

C. Fuq it-tielet kap tat-talbiet, intiż għall-kumpens għad-dannu mġarrab mir-rikorrent

D. Fuq it-talba tal-BĊE intiża sabiex il-Qorti Ġenerali tisma’ lir-rikorrent, lill-konjuġi tiegħu u lil uliedu, kif ukoll lil B

IV. Fuq l-ispejjeż



*      Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.