Language of document : ECLI:EU:C:2010:187

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

KOKOTT

ippreżentati fil-15 ta’ April 2010 1(1)

Kawża C‑334/08

Il-Kummissjoni Ewropea

vs

Ir-Repubblika Taljana





“Proċeduri għal nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Riżorsi proprji – Rifjut li jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-Komunitajiet Ewropej dazji li jirriżultaw mill-importazzjoni ta’ merkanzija fuq il-bażi ta’ awtorizzazzjonijiet illegali maħruġa mill-awtoritajiet doganali – Artikolu 17 tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 1150/2000 – Forza maġġuri – Effetti tad-dħul tad-dejn f’kont separat”

I –    Introduzzjoni

1.        F’dawn il-proċeduri dwar nuqqas ta’ Stat li jwettaq l-obbligi tiegħu taħt it-Trattat, il-Kummissjoni qiegħda takkuża lir-Repubblika Taljana bi ksur tal-Artikolu 10 KE, tal-Artikolu 8 tad-Deċiżjoni 2000/597/KE, Euratom (2), kif ukoll ta’ diversi dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 1150/2000 (3), minħabba li l-Italja ma qegħditx għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni ċerti riżorsi proprji. Ir-riżorsi proprji inkwistjoni huma dazji fuq l-importazzjoni ta’ blokok tal-aluminjum li fir-rigward tagħhom l-uffiċjali doganali ħarġu eżenzjoni li hija manifestament illegali.

2.        Din il-kawża teħtieġ evalwazzjoni tal-kunċett ta’ forza maġġuri li l-Italja qiegħda tinvoka sabiex tiġġustifika l-azzjonijiet tagħha. Barra minn hekk, qiegħda titqajjem ukoll il-kwistjoni ta’ meta għandhom ikunu disponibbli r-riżorsi proprji li jkunu ddaħħlu fil-Kont B.

3.        Peress li dan l-aspett tal-aħħar tqajjem biss mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, bħala intervenjenti insostenn tar-Repubblika Taljana, għandu jiġi ċċarat ukoll jekk intervenjent jistax iqajjem argumenti u motivi differenti minn dawk imqajma mill-partijiet prinċipali.

II – Il-kuntest ġuridiku

4.        L-Artikolu 8 tad-Deċiżjoni 2000/597 jobbliga lill-Istati Membri jiġbru r-riżorsi proprji u jqegħduhom għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni.

5.        Skont l-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 1150/2000, l-intitolament tal-Komunitajiet għar-riżorsi proprji jitqies li huwa stabbilit “malli l-kondizzjonijiet li hemm dispożizzjoni dwarhom bir-regolamenti tad-dwana jkunu twettqu rigward id-dħul għall-intitolament fil-kontijiet u n-notifikazzjoni tad-debitur”. Skont l-Artikolu 2(2), id-data ta’ meta jkun stabbilit l-intitolament fis-sens tal-Artikolu 2(1) hija d-data tad-dħul fil-kontijiet skont id-dispożizzjonijiet doganali.

6.        L-Artikolu 6(3) tar-Regolament Nru 1150/2000 jipprovdi:

“3.       (a) Intitolamenti stabbiliti bi qbil ma’ l-Artikolu 2 għandhom, bla ħsara għall-punt (b) ta’ dan il-paragrafu, jiddaħlu fil-kontijiet mhux aktar tard mill-ewwel jum tax-xogħol wara d-19-il jum tat-tieni xhar tax-xahar ta’ wara li matulu l-intitolament ikun stabbilit.

(b)       Intitolamenti stabbiliti li ma jkunux imdaħħla fil-kontijiet msemmija fil-punt (a), għaliex ikunu għadhom ma ġewx irkuprati u l-ebda garanzija ma tkun ġiet ipprovduta għandhom jintwerew f’kontijiet separati matul il-perijodu preskritt fil-punt (a). Stati Membri jistgħu jadottaw din il-proċedura meta l-intitolamenti stabbiliti li dwarhom garanzija tkun ġiet ipprovduta jkunu ġew sfidatati [ikkontestati] u jistgħu, mat-twettieq tal-kwistjonijiet li jkunu qamu, jkunu suġġetti għal tibdil.

[…].”

7.        L-Artikolu 10(1) tar-Regolament Nru 1150/2000 jipprovdi:

“(1) Wara tnaqqis ta’ 10 % bħala spejjeż tal-ġbir bi qbil ma’ l-Artikolu 2(3) tad-Deċiżjoni 94/728/KE, Euratom, id-dħul tar-riżorsi tagħha proprji msemmija fl-Artikolu 2(1)(a) u (b) ta’ dik id-Deċiżjoni għandu jseħħ mhux aktar tard mill-ewwel jum tax-xogħol wara d-19-il jum tat-tieni xahar ta’ wara x-xahar li fiħ l-intitolament kien ġie stabbilit bi qbil ma’ l-Artikolu 2 ta’ dan ir-Regolament.

B’danakollu, għal intitolamenti murija fil-kontijiet separati permezz ta’ l-Artikolu 6(3)(b) id-dħul għandu jsir mhux aktar tard mill-ewwel jum tax-xogħol ta’ wara id-19-il jum tat-tieni xahar wara x-xahar li fih l-intitolament ikunu irkuprati.”

8.        L-Artikolu 17(1) u (2) tar-Regolament Nru 1150/2000 jipprovdi:

“(1) Stati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jassiguraw li l-ammont korrispondenti ta’ l-intitolament stabbilita permezz ta’ l-Artikolu 2 isir magħmul disponibbli lill-Kummissjoni kif speċifikat f’dan ir-Regolament.

(2) Stati Membri għandhom ikunu ħielsa mill-obligi li jqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni l-ammonti li jikkorrispondu ma’ l-intitolament stabbilit solament jekk, għal raġunijiet ta’ force majeure, dawn l-ammonti ma jkunux ġew miġbura. B’żieda, Stati Membri jistgħu jinjoraw din l-obligazzjoni biex jagħmlu ammonti bħal dawn disponibbli lill-Kummissjoni f’każijiet speċifiċi jekk, wara studju komplet taċ-ċirkostanzi relevanti kollha tal-każ individwali, jkun jidher li l-irkupru jkun impossibli għal żmien fit-tul minħabba raġunijiet li ma jkunux jistgħu jiġu attribwiti lilhom. […].”

9.        Ir-Regolament Nru 1150/2000 ġie emendat permezz tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 2028/2004 (4), tas-16 ta’ Novembru 2004. Ir-Regolament Nru 2028/2004 daħal fis-seħħ fit-28 ta’ Novembru 2004. Dan ir-regolament issostitwixxa l-Artikolu 17(2) tar-Regolament Nru 1150/2000 bit-test li ġej:

“(2)      L-Istati Membri għandhom jinħelsu mill-obbligu li jpoġġu għad-disposizzjoni tal-Kummissjoni l-ammonti li jikkorrispondu għal drittijiet stabbiliti li jirriżultaw irrekuperabbli minħabba:

a) raġunijiet ta’ force majeure; jew

b) raġunijiet oħra li ma jistgħux jiġu attribwiti lilhom.

L-ammonti ta’ drittijiet stabbiliti għandhom jiġu dikjarati irrekuperabbli b’deċiżjoni ta’ l-awtorità amministrattiva kompetenti li ssib li ma jistgħux jiġu rkuprati.

L-ammonti ta’ drittijiet stabbiliti għandhom jiġu kkunsidrati bħala irrekuperabbli, sa mhux aktar tard, wara perijodu ta’ ħames snin mid-data li fiha l-ammont ikun ġie stabbilit skond l-Artikolu 2 jew, fil-każ ta’ appell amministrattiv jew ġudizzjarju, id-deċiżjoni finali tkun ġiet mogħtija, notifikata jew pubblikata. […]

L-ammonti dikjarati jew ikkunsidrati bħala irrekuperabbli għandhom jiġu mneħħija b’mod definittiv mill-kontijiet separati msemmija fl-Artikolu 6(3)(b). Għandhom jintwerew f’anness mad-dikjarazzjoni trimestrali msemmija fl-Artikolu 6(4)(b) u, fejn applikabbli, fid-dikjarazzjoni trimestrali msemmija fl-Artikolu 6(5).”

III – Il-fatti tal-kawża

10.      Minn rapport ta’ verifika intern tal-awtoritajiet Taljani jirriżulta li, fis-27 ta’ Frar 1997 u fl-14 ta’ Mejju 2002, id-Direzione Compartimentale delle Dogane per le Regioni Puglia e Basilicata (Direttorat doganali reġjonali għar-Reġjuni Puglia u Basilicata), permezz tal-uffiċċju doganali ta’ Taranto, tat numru ta’ awtorizzazzjonijiet lil żewġ impriżi sabiex jistabbilixxu żewġ imħażen doganali privati tat-Tip C u sabiex jipproċessaw, taħt superviżjoni doganali, blokok tal-aluminjum (Intestatura tariffarja 7601 – dazju ta’ 6 %) f’aluminjum għar-rimi (Intestatura tariffarja 7602 – eżenta mid-dazju).

11.      Skont dan ir-rapport ta’ verifika, dawn l-awtorizzazzjonijiet mill-amministrazzjoni kienu jammontaw għal ksur manifest tad-dritt doganali tal-Unjoni (li qabel kien id-dritt doganali tal-Komunità) u wasslu sabiex, fl-1997 sal-2002, id-dazji korrispondenti la ġew stabbiliti u lanqas miġbura. Skont informazzjoni mogħtija mill-awtoritajiet Taljani, il-Kummissjoni kkonstatat li t-telf fid-dħul jammonta għal EUR 22 730 818.35.

12.      Fl-4 ta’ Diċembru 2002, l-awtoritajiet kompetenti rrevokaw l-awtorizzazzjonijiet mogħtija, revoka li wasslet sabiex id-dejn doganali jiġi stabbilit iktar tard. L-awtoritajiet kompetenti daħħlu l-ammonti korrispondenti fil-Kont B matul ix-xhur ta’ Marzu sa Lulju 2003, Proċeduri kriminali jinsabu pendenti kontra d-diretturi tal-kumpanniji u kontra l-uffiċjali tal-awtoritajiet doganali li ħarġu l-awtorizzazzjonijiet. Id-dejn doganali għadu sa issa ma tħallasx u l-Italja għadha m’għaddietx ir-riżorsi proprji lill-Unjoni.

IV – Il-proċedura prekontenzjuża u r-rikors

13.      Fil-proċedura prekontenzjuża, li żvolġiet b’mod regolari, il-Kummissjoni akkużat lir-Repubblika Taljana li din kienet irrifjutat li tqiegħed għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni r-riżorsi proprji li rriżultaw fil-kuntest deskritt iktar ’il fuq. Peress li ma kinitx sodisfatta bir-risposta tar-Repubblika Taljana, il-Kummissjoni ppreżentat ir-rikors ineżami fil-21 ta’ Lulju 2008, li permezz tiegħu qiegħda titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja:

–      tiddikjara li r-Repubblika Taljana kisret l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 10 KE, l-Artikolu 8 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/597/KE, Euratom, tad-29 ta’ Settembru 2000, dwar is-sistema tar-riżorsi tagħhom tal-Komunitajiet Ewropej, kif ukoll taħt l-Artikoli 2, 6, 10, 11 u 17 tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1150/2000, tat-22 ta’ Mejju 2000, li jimplimenta d-Deċiżjoni 94/728/KE, Euratom, dwar is-sistema tar-riżorsi tagħhom tal-Komunitajiet, billi rrifjutat li tqiegħed għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni r-riżorsi proprji li jikkorrispondu għad-dejn doganali li jirriżulta mill-għoti, mid-Direzione Compartimentale delle Dogane per le Regioni Puglia e Basilicata, li għandha s-sede tagħha f’Bari, tal-awtorizzazzjonijiet illegali għall-istabbiliment u l-operazzjoni ta’ mħażen doganali tat-Tip C f’Taranto, segwiti minn awtorizzazzjonijiet ulterjuri għall-ipproċessar taħt superviżjoni doganali u għall-applikazzjoni tal-proċedura tal-ipproċessar għad-dħul, sar-revoka tagħhom fl-4 ta’ Diċembru 2002;

–      tikkundanna lir-Repubblika Taljana għall-ispejjeż.

14.      Ir-Repubblika Taljana titlob li r-rikors jiġi miċħud.

15.      Permezz ta’ digriet tat-3 ta’ Diċembru 2008, il-Qorti tal-Ġustizzja aċċettat l-intervent tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja insostenn tat-talbiet tar-Repubblika Taljana.

V –    Evalwazzjoni legali

16.      Bejn il-partijiet huwa paċifiku li l-eżenzjonijiet doganali mogħtija ngħataw bi ksur tad-dispożizzjonijiet doganali u għalhekk, b’mod żbaljat, id-dazju fl-ammont allegat mill-Kummissjoni ma nġabarx. Għaldaqstant, dawn il-proċeduri jikkonċernaw biss il-kwistjoni dwar jekk ir-Repubblika Taljana għandhiex tqiegħed dawn l-ammonti għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni u, jekk dan ikun il-każ, meta għandha tagħmel hekk.

17.      L-Istati Membri huma obbligati jistabbilixxu l-intitolament tal-Unjoni għar-riżorsi proprji malli l-awtoritajiet doganali tagħhom ikollhom l-informazzjoni meħtieġa u għalhekk ikunu f’pożizzjoni li jistabbilixxu l-ammont ta’ dan l-intitolament u li jidentifikaw id-debitur (5). Minn dan jinsilet l-obbligu, taħt l-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 1150/2000, li r-riżorsi proprji korrispondenti jingħataw lill-Unjoni.

18.      Il-Kummissjoni hija tal-fehma li f’dan ir-rigward għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-importazzjonijiet individwali ta’ aluminjum fil-perijodu bejn l-1997 u l-2002 u li d-dazji korrispondenti għal dawn l-importazzjonijiet imisshom ilhom li tħallsu lill-Unjoni mir-Repubblika Taljana.

19.      Għall-kuntrarju, ir-Repubblika Taljana ma tikkunsidrax li hija obbligata tqiegħed għad-dispożizzjoni d-dazji peress li dawn id-dazji ma setgħux jinġabru minħabba forza maġġuri. Insostenn ta’ dan, hija għalhekk qiegħda tinvoka l-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 1150/2000 (6).

A –    L-argument ibbażat fuq forza maġġuri

20.      Insostenn tal-eżistenza ta’ forza maġġuri u tal-eżenzjoni li tirriżulta minn din l-eżistenza fir-rigward tal-obbligu li r-riżorsi proprji jingħataw lill-Unjoni, l-Italja tibbaża ruħha fuq żewġ argumenti. L-ewwel nett, l-uffiċjali doganali kkonċernati kienu aġixxew bi ftehim mal-impriżi importaturi u, it-tieni nett, l-awtorizzazzjonijiet mogħtija minn dawn l-uffiċjali doganali kienu għamluha diffiċli li jiġu identifikati l-irregolaritajiet b’tali mod li ma setgħux jiġu identifikati permezz ta’ kontrolli normali.

1.      Il-kunċett ta’ forza maġġuri

21.      Il-Qorti tal-Ġustizzja għadha ma interpretatx fid-dettall il-kunċett ta’ forza maġġuri fis-sens tal-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 1150/2000. Madankollu, hemm ġurisprudenza dwar l-interpretazzjoni ta’ dan il-kunċett fil-kuntest ta’ dispożizzjonijiet oħra. Il-Qorti tal-Ġustizzja tenniet li dan il-kunċett m’għandux neċessarjament l-istess portata fid-diversi kampijiet ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni u li għalhekk it-tifsira tiegħu għandha tiġi ddeterminata fuq il-bażi tal-kuntest legali li fih ikun qiegħed jiġi applikat (7). Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja tagħżel definizzjoni komuni bħala l-punt ta’ tluq ta’ kull eżami li għandha tiġi applikata, ħlief meta tintuża f’każijiet partikolari f’oqsma speċifiċi (8).

22.      Għalhekk, issa ser nippreżenta l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja f’oqsma legali oħra u mbagħad ser neżamina jekk din il-ġurisprudenza tistax tiġi applikata għar-Regolament Nru 1150/2000 mingħajr bidliet jew jekk humiex meħtieġa preċiżjonijiet.

a)      Ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja f’oqsma oħra

23.      Il-parti l-kbira tal-ġurisprudenza dwar il-forza maġġuri tikkonċerna dispożizzjonijiet li jistabbilixxu l-organizzazzjoni komuni tas-suq fis-settur agrikolu. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja kellha tiddeċiedi dwar l-interpretazzjoni ta’ dan il-kunċett anki f’sentenzi dwar l-Artikolu 45 tal-Istatut tagħha.

24.      Skont din il-ġurisprudenza, bħala regola ġenerali, il-kunċett tad-dritt tal-Unjoni ta’ forza maġġuri jew ta’ każ fortuwitu jkopri biss avvenimenti li ma jkunux ordinarji u li ma jkunux prevedibbli, avvenimenti li fir-rigward tagħhom il-persuna li tkun qiegħda tinvoka l-forza maġġuri ma kellha ebda kontroll u li, minkejja l-eżerċizzju tad-diliġenza meħtieġa, l-eżitu tagħhom ma setax jiġi evitat (9). Minn dan jirriżulta li l-kunċett ta’ forza maġġuri għandu element oġġettiv u element suġġettiv fejn l-element tal-ewwel jirreferi għal ċirkustanzi li ma jkunux ordinarji u li l-persuna li tkun qiegħda tinvoka l-forza maġġuri ma jkollha ebda kontroll fuqhom filwaqt li t-tieni element huwa marbut mal-obbligu tal-persuna kkonċernata li tipprepara ruħha għall-eżitu tal-avveniment li ma jkunx ordinarju billi tieħu l-miżuri adegwati mingħajr ma tagħmel sagrifiċċji eċċessivi (10).

b)      Applikazzjoni għall-kawża ineżami

25.      F’dan id-dawl, għandu jiġi kkonstatat li ma teżistix forza maġġuri f’din il-kawża. Il-fatt li kienu l-uffiċjali tar-Repubblika Taljana stess li ostakolaw il-ġbir tad-dazju permezz tal-ħruġ tal-awtorizzazzjonijiet illegali, b’tali mod li l-kawża tan-nuqqas ta’ ġbir kienet taqa’ fil-kamp ta’ kontroll tar-Repubblika Taljana, mhuwiex biżżejjed sabiex ir-Repubblika Taljana tkun tista’ tinvoka l-forza maġġuri. Barra minn hekk, li kieku r-Repubblika Taljana kellha mekkaniżmu ta’ kontroll effettiv, l-iskema illegali setgħet tiġi evitata kompletament.

26.      Għalhekk, ir-rekwiżit li l-avveniment ikun ikkawżat minn kawża esterna, f’kuntest fejn ikun jista’ jingħad li hemm forza maġġuri, mhuwiex sodisfatt. Huwa paċifiku li l-awtoritajiet kompetenti, li jagħmlu parti mid-Direzione Compartimentale delle Dogane per le Regioni Puglia e Basilicata, ħarġu l-awtorizzazzjonijiet għall-istabbiliment ta’ mħażen doganali privati kif ukoll għall-ipproċessar ta’ blokok tal-aluminjum, li kienu suġġetti għad-dazju, fi fdalijiet ta’ aluminjum għar-rimi, li mhumiex suġġetti għad-dazju.

27.      Peress li l-uffiċjali doganali kienu qegħdin jaġixxu fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħhom, il-konsegwenzi legali tal-aġir tagħhom għandhom jiġu attribwiti lir-Repubblika Taljana. Għalhekk, peress li l-kawża tan-nuqqas tal-ġbir tad-dazju kienet taqa’ taħt il-kamp ta’ influwenza tar-Repubblika Taljana, l-Italja ma tistax tinvoka forza maġġuri.

28.      Fil-fehma tal-Istat Membru konvenut, huwa m’għandux ikun obbligat ibati l-konsegwenzi finanzjarji tal-aġir amministrattiv tal-uffiċjali tiegħu meta dawn l-uffiċjali jkunu esponew ruħhom għal proċeduri kriminali minħabba l-aġir tagħhom. Għaldaqstant, għandu jkun mistenni l-eżitu tal-proċeduri kriminali u tal-proċeduri ċivili intiżi għall-kumpens ta’ danni sabiex tkun tista’ tiġi ċċarata r-responsabbiltà tal-uffiċjali pubbliċi.

29.      Fil-kuntest ta’ proċeduri għal nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu taħt it-Trattat, Stat Membru ma jistax jiddefendi lilu nnfisu billi jargumenta li l-aġir tal-uffiċjali tiegħu ma jistax jiġi imputat lilu. F’dan ir-rigward għandu jiġi ċċarat, l-ewwel nett, li f’dan il-każ għadu ma ġiex stabbilit b’mod definittiv li l-uffiċjali kkonċernati wettqu reat peress li l-proċeduri għadhom pendenti. Madankollu, anki jekk jiġi stabbilit li l-uffiċjali wettqu reat, dan ma jipprekludix li l-aġir tagħhom jiġi imputat lill-Istat.

30.      Tali imputabbiltà hija konsistenti mal-abbozzi tal-Kummissjoni tad-Dritt Internazzjonali dwar ir-responsabbiltà tal-Istati għal aġir li jmur kontra d-dritt internazzjonali (11); bl-istess mod, il-Kummissjoni Ewropea tad-Drittjiet tal-Bniedem u l-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem iddikjaraw li l-Istat għandu jieħu r-responsabbiltà għall-ksur tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali mwettaq minn uffiċjali tiegħu, irrispettivament mill-grad tagħhom, u dan anki meta l-uffiċjali jaġixxu mingħajr istruzzjonijiet jew saħansitra bi ksur tal-istruzzjonijiet mogħtija lilhom (12).

31.      Fl-aħħar nett, sabiex tinvoka forza maġġuri, l-Italja lanqas ma tista’ targumenta li l-kontrolli normali ma wasslux għall-identifikazzjoni tal-irregolaritajiet, liema irregolaritajiet kienu identifikati wara li sar ilment minn kumpannija kompetitriċi. Peress li l-kawża tan-nuqqas tal-ġbir tad-dazju taqa’ fil-kamp ta’ responsabbiltà tar-Repubblika Taljana, mhuwiex rilevanti liema miżuri konkreti setgħu, jew ma setgħux, iwasslu sabiex tiġi evitata l-iskema illegali inkwistjoni.

32.      Barra minn hekk, wieħed lanqas ma jista’ jifhem għaliex dan il-każ ma setax jiġi evitat, jew minn tal-inqas identifikat immedjatament, permezz ta’ kontrolli interni effettivi. Il-fatt li kien inizjalment ilment estern minn kumpannija oħra li wassal għall-identifikazzjoni tiegħu huwa irrilevanti. Dan l-ilment sempliċement wassal għal investigazzjonijiet li l-Istat kien fi kwalunkwe każ obbligat iwettaq fil-kuntest tal-obbligi ta’ superviżjoni tiegħu li jirriżultaw direttament mid-dritt tal-Unjoni.

33.      Għalhekk, f’din il-kawża, ir-rekwiżiti tad-definizzjoni ġenerali mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja lill-kunċett ta’ forza maġġuri mhumiex sodisfatti.

c)      Id-definizzjoni għandha tinbidel għall-finijiet tar-regola inkwistjoni f’din il-kawża?

34.      Ir-Regolament Nru 1150/2000 ma jipprovdi ebda indikazzjoni li l-kunċett ta’ forza maġġuri għandu jkollu tifsira speċjali li tkun differenti mid-definizzjoni ġenerali. Għall-kuntrarju, is-sens u l-għan tar-regoli dwar il-ġbir tar-riżorsji proprji tal-Unjoni jimmilitaw favur l-applikazzjoni tad-definizzjoni ġenerali msemmija mingħajr ebda bidliet.

35.      L-istabbiltà tas-sistema ta’ finanzjament tal-Unjoni teżiġi osservanza stretta tar-regoli dwar l-istabbiliment, il-ġbir u t-tqegħid għad-dispożizzjoni tar-riżorsi proprji. Stat Membru li ma josservax dawn ir-regoli jkun qiegħed jippreġudika lill-Istati Membri, li jkollhom jagħmlu tajjeb għat-telf li jirriżulta minn dan in-nuqqas ta’ osservanza, u ma jkunx qiegħed jissodisfa l-obbligu tiegħu fir-rigward tal-finanzjament konġunt tal-Unjoni.

36.      Meqjus bħala protezzjoni effettiva tal-istabbiltà tas-sistema ta’ finanzjament tal-Unjoni, il-kunċett ta’ forza maġġuri jiddefinixxi l-limiti meħtieġa għall-possibbiltajiet tal-Istati Membri li jiġġustifikaw in-nuqqas li jħallsu d-dazji. Għalhekk, fil-kawża ineżami ma hemm ebda lok li tiġi kkunsidrata tifsira iktar wiesgħa ta’ dan il-kunċett.

B –    Fuq l-effetti tad-dħul tal-intitolamenti stabbiliti fil-kont separat

37.      Fil-kwalità tagħha ta’ intervenjenti insostenn tat-talbiet tal-Italja, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tesprimi l-fehma tagħha li, fi kwalunkwe każ, fiż-żmien ikkonċernat minn dawn il-proċeduri għal nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu (jiġifieri l-perijodu stabbilit fl-opinjoni motivata), il-Kummissjoni ma kinitx (għadha) intitolata għat-tqegħid għad-dispożizzjoni tagħha tar-riżorsi proprji. Dan l-argument ma tqajjimx mir-Repubblika Taljana stess fir-risposta tagħha.

38.      Fil-fehma tal-Gvern Ġermaniż, l-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 1150/2000, kif emendat bir-Regolament Nru 2028/2004, jippermetti lill-Italja żżomm l-ammonti inkwistjoni, irreġistrati fl-2003, fil-“Kont B” għal perijodu ta’ ħames snin, kif stabbilit f’din id-dispożizzjoni, jiġifieri minn tal-inqas sa Lulju 2008. Għaldaqstant, l-intitolament tal-Kummissjoni ma kienx dovut qabel l-iskadenza ta’ dan il-perijodu fl-2008. Peress li t-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata sabiex jiġi rrimedjat il-ksur tat-Trattat kien diġà skada f’Diċembru 2007 (13), fid-data inkwistjoni ma kienx għadu twettaq ksur tat-Trattat.

39.      Din l-eċċezzjoni mqajma mill-intervenjenti teħtieġ li fl-ewwel lok jiġu eżaminati żewġ domandi: l-ewwel nett, jekk intervenjent jistax jintroduċi argument legali li ma jkunx tqajjem mill-parti prinċipali li insostenn tagħha jkun intervjena dan l-intervenjent u, it-tieni nett, jekk ir-Regolament Nru 2028/2004 japplikax ukoll għal dejn doganali rreġistrat qabel id-dħul fis-seħħ tiegħu.

1.      Portata ammissibbli tal-intervent

40.      Għandu l-ewwel nett jiġi ddeterminat safejn intervenjent jista’, fin-nota ta’ intervent tiegħu, jiddevja l-kwistjoni fuq aspetti ġodda tal-kawża.

41.      Skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 40 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, it-talbiet tal-intervenjent jistgħu biss isostnu t-talbiet ta’ waħda mill-partijiet. Għaldaqstant, l-intervenjent ma jistax jagħmel talbiet differenti minn dawk tal-parti li insostenn tagħha jkun qiegħed jintervjeni. F’din il-kawża, kemm ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u kemm ir-Repubblika tal-Italja qegħdin jitolbu li r-rikors jiġi miċħud u għalhekk kemm il-parti prinċipali u kif ukoll l-intervenjenti qegħdin jitolbu l-istess ħaġa.

42.      Mhemm ebda dubju li intervenjent jista’ jressaq argumenti ġodda li jkunu differenti mill-argumenti tal-parti prinċipali li insostenn tagħha jkun qiegħed jintervjeni, sakemm b’dawn l-argumenti l-intervenjent ikun qiegħed isostni t-talbiet ta’ din il-parti (14). Li kieku intervenjent seta’ biss itenni l-argumenti tal-parti prinċipali, mingħajr ma jżid l-argumenti tiegħu stess, l-intervent ma jkollu ebda sens għajr dak ta’ sempliċi sinjal ta’ solidarjetà.

43.      Madankollu, fin-nota ta’ intervent tagħha, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja mhux biss ressqet argumenti ġodda iżda qajmet eċċezzjoni ġdida. Il-Ġermanja għamlet riferiment għall-verżjoni l-ġdida tar-Regolament Nru 1150/2000, kif emendat bir-Regolament Nru 2028/2004, verżjoni li ma kinitx is-suġġett tal-kawża, u minn din il-verżjoni tikkonkludi li l-intitolament tal-Kummissjoni fid-data inkwistjoni, jiġifieri fl-iskadenza tat-terminu indikat fl-opinjoni motivata, kien għadu ma kienx dovut. B’differenza mill-Gvern Taljan, il-Gvern Ġermaniż ma jindirizzax il-kwistjoni dwar jekk effettivament hemmx intitolament iżda jqajjem għall-ewwel darba l-kwistjoni tad-data meta dan l-intitolament kien dovut.

44.      B’differenza mis-sitwazzjoni fejn jiġu ppreżentati argumenti ġodda, il-ġurisprudenza għadha ma ċċaratx sa liema miżura intervenjent jista’ jqajjem motivi li ma jkunux tqajmu mill-parti prinċipali li insostenn tagħha jkun qiegħed jintervjeni. Min-naħa l-oħra, jeżistu sentenzi fejn motivi ġodda mqajma mill-intervenjent ġew ikkunsidrati li huma ammissibbli (15). F’sentenzi oħra, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet li tali sottomissjoni mill-intervenjent hija inammissibbli (16). Madankollu, dawn id-deċiżjonijiet kienu jikkonċernaw prinċipalment is-sitwazzjoni partikolari fejn l-intervenjent kien qajjem għall-ewwel darba eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà.

45.      Mill-Artikolu 93(5) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, bħala prinċipju, l-intervenjent jista’ jqajjem il-motivi tiegħu stess u mhuwiex limitat li jippreżenta biss sempliċi argumenti. Skont din id-dispożizzjoni, l-intervenjent għandu jinkludi l-motivi tiegħu fin-nota ta’ intervent. Din id-dispożizzjoni titlef is-sens tagħha jekk tkun limitata għall-motivi mqajma mill-parti prinċipali li insostenn tagħha l-intervenjent ikun qiegħed jintervjeni.

46.      Madankollu, għad hemm dubju dwar il-perijodu li fih l-intervenjent jista’ jressaq motivi li ma jkunux tqajmu mill-parti prinċipali li insostenn tagħha l-intervenjent ikun qiegħed jintervjeni.

47.      Il-punt tat-tluq għal din il-kwistjoni jinsab fl-Artikolu 42(2) u fl-Artikolu 93(4) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja.

48.      Skont l-Artikolu 93(4) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-intervenjent jidħol fil-kawża in statu et terminis.

49.      Bħala regola ġenerali, il-motivi għandhom jiġu stabbiliti b’mod definittiv fir-rikors jew fir-risposta u, mill-Artikolu 42(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, fil-mori tal-kawża, il-partijiet prinċipali ma jistgħux iqajmu motivi ġodda.

50.      Minn dan wieħed jista’ jikkonkludi li intervenjent ma jistax iressaq motivi li ma jkunux jistgħu jitressqu mill-parti prinċipali li insostenn tagħha jkun qiegħed jintervjeni (17).

51.      Kieku jiġu aċċettati motivi indipendenti mqajma mill-intervenjent, dan neċessarjament iwassal sabiex, permezz ta’ intervenjent, jiġu introdotti aspetti ġodda fil-proċeduri quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja li f’dak il-punt fiż-żmien il-parti prinċipali li insostenn tagħha jsir l-intervent tkun prekluża milli tressaq: barra minn hekk, b’mod partikolari, peress li l-intervent insostenn tar-rikorrent neċessarjament isir wara li jkun ġie ppreżentat ir-rikors, l-intervent neċessarjament isir f’punt fiż-żmien meta l-parti prinċipali tkun prekluża milli tressaq motivi ġodda.

52.      Mill-kunsiderazzjoni preċedenti jidher li l-Artikolu 93(4) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja m’għandux jiġi interpretat b’mod ristrett. Il-fatt li l-intervenjent jidħol fil-kawża in statu et terminis ma jillimitax il-motivi li l-intervenjent jista’ jressaq għal dawk li jkunu diġà tressqu mill-parti prinċipali li insostenn tagħha jkun intervjena. Jekk dan ma jkunx il-każ, l-intervenjent ikun dejjem limitat għall-motivi diġà mqajma mill-parti prinċipali, liema motivi wieħed ma jistax jgħid li jkunu “ta’” l-intervenjent fis-sens tal-Artikolu 93(5) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja. Għalhekk, anki s-sottomissjoni ta’ motivi ġodda mill-intervenjent għandha tkun ammissibbli (18).

53.      Interpretazzjoni bħal din tfisser li l-limiti tal-intervent stabbiliti fl-Artikolu 93(4) tar-Regoli tal-Proċedura ma jitilfux is-sens tagħhom. Peress li l-intervenjent jidħol fil-kawża in statu et terminis, it-talbiet tal-partijiet u, għaldaqstant, is-suġġett korrispondenti tal-kawża li jimponi limiti fuq l-intervenjent, ikunu diġà stabbiliti. Barra minn hekk, din id-dispożizzjoni proċedurali tiggarantixxi li intervent ma jwassalx għal dewmien fil-proċeduri. Minħabba li l-intervenjent ikollu jaċċetta l-kawża kif tkun tinsab fil-mument tal-intervent tiegħu, ma jkunx hemm bzonn li tiġi rripetuta xi parti tal-proċeduri. F’sitwazzjoni bħal dik fil-kawża ineżami mhemm ebda perikolu ta’ dewmien fil-proċeduri.

54.      Għaldaqstant ma nara ebda raġuni għalfejn il-Qorti tal-Ġustizzja m’għandhiex teżamina l-mertu tas-sottomissjonijiet magħmula mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja.

2.      L-applikabbiltà ratione temporis tar-Regolament Nru 2028/2004

55.      Fil-fehma tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja, dan ir-rikors għal nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu għandu jiġi miċħud peress li l-Kummissjoni ma stennietx li jispiċċa l-perijodu ta’ ħames snin introdott mir-Regolament Nru 2028/2004 fl-Artikolu 17(2) tar-Regolament Nru 1150/2000.

56.      Ser ngħaddi issa biex neżamina, l-ewwel nett, jekk ir-Regolament Nru 2028/2004, li ġie invokat mill-Ġermanja, huwiex applikabbli ratione temporis. Dan ir-regolament il-ġdid daħal fis-seħħ fl-2004 filwaqt li l-intitolamenti ta’ dazji inwkistjoni rriżultaw fil-perijodu bejn l-1997 u l-2002 u ddaħħlu fil-Kont B f’Lulju 2003.

57.      Skont il-verżjoni l-ġdida tal-Artikolu 17(2), kif emendata bir-Regolament Nru 2028/2004, ammonti mdaħħla fil-Kont B jiġu kkunsidrati li ma jistgħux jiġu rkuprati wara mhux iktar tard minn ħames snin.

58.      Fil-fehma tiegħi, l-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni għal ammonti mdaħħla fil-Kont B qabel id-data li fiha daħlet fis-seħħ mhijiex applikazzjoni ġenwinament retroattiva. U dan peress li permezz tad-dħul fil-Kont B ma ġiet stabbilita ebda sitwazzjoni definittiva li kellha tiġi emendata iktar tard. Id-dispożizzjoni emendata pjuttost tikkonċerna l-konsegwenzi tal-fatt li ammont jiddaħħal fil-Kont B.

59.      Anki jekk jitqies li l-applikazzjoni tar-regolament il-ġdid hija applikazzjoni retroattiva, din tkun ammissibbli fil-kawża ineżami.

60.      Skont ġurisprudenza stabbilita, il-possibbiltà ta’ applikazzjoni retroattiva essenzjalment tiddependi minn jekk id-dispożizzjoni inkwistjoni tkunx dispożizzjoni proċedurali jew dispożizzjoni sostantiva. B’mod ġenerali, id-dispożizzjonijiet proċedurali japplikaw għall-proċeduri kollha li jkunu pendenti meta jidħlu fis-seħħ filwaqt li d-dispożizzjonijiet sostantivi huma kkunsidrati li ma japplikawx għal sitwazzjonijiet eżistenti qabel id-dħul fis-seħħ tagħhom (19). Madankollu, anki dispożizzjonijiet b’kontenut sostantiv jistgħu eċċezzjonalment jiġu kkunsidrati li japplikaw għal sitwazzjonijiet eżistenti qabel id-dħul fis-seħħ tagħhom “sakemm mill-formulazzjoni, mill-għanijiet jew mill-istruttura tagħhom jirriżulta b’mod ċar li għandhom jingħataw tali effett” (20). F’dan ir-rigward huwa determinanti li l-prinċipji ta’ ċertezza legali u tal-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, li fuqhom hija bbażata l-projbizzjoni ta’ applikazzjoni retroattiva ta’ dispożizzjonijiet sostantivi, ma jkunux ippreġudikati.

61.      Anki jekk l-emenda inkwistjoni titqies bħala regola sostantiva, u mhux bħala sempliċi dispożizzjoni proċedurali, hija xorta waħda għandha tkun applikabbli.

62.      Ikun skont l-għan tar-regolament li jagħmel l-emenda li jiġi applikat għal sitwazzjonijiet li bdew qabel id-dħul fis-seħħ tiegħu.

63.      Kif jingħad fil-premessa 6 tar-Regolament Nru 2028/2004, “is-sistema [oriġinali] laħqet biss parzjalment l-għanijiet tagħha fir-rigward tal-mekkaniżmu ta’ kwittanza użat fir-rigward ta’ partiti mill-kontijiet separati. Kontrolli magħmula mill-Qorti Ewropea ta’ l-Awdituri u mill-Kummissjoni indikaw anomaliji rikorrenti fiż-żamma tal-kontijiet separati, li ma jħallux lill-kontijiet jirriflettu s-sitwazzjoni reali fir-rigward ta’ rkupru. Il-kontijiet separati għandhom jitnaddfu minn dawk l-ammonti li l-irkupru tagħhom huwa improbabbli fit-tmiem ta’ perijodu partikolari u li ż-żamma tagħhom tagħti bilanċ impreċiż. Barra minn hekk, għall-finijiet ta’ l-effiċenzja a paragun tan-nefqa, l-Istati Membri ma jbatux iżjed l-ispejjeż amministrattivi involuti fil-monitoraġġ ta’ dawn l-ammonti”.

64.      Għalhekk, l-iskop li jiġi introdott perijodu ta’ ħames snin kien li jiġu rrimedjati nuqqasijiet fis-sistema preċedenti. Dan l-iskop jista’ biss jintlaħaq kompletament jekk ir-regola l-ġdida dwar il-perijodi tiġi applikata wkoll għall-ammonti li kienu ddaħħlu fil-Kont B qabel id-dħul fis-seħħ tar-regolament li jagħmel l-emenda.

65.      L-applikazzjoni tal-Artikolu 17(2) tar-Regolament Nru 1150/2000 kif emendat għal sitwazzjonijiet diġà eżistenti qabel id-dħul fis-seħħ tiegħu lanqas ma tmur kontra l-aspettattivi leġittimi tal-Istati Membri li d-dispożizzjoni preċedentement applikabbli kienet ser tibqa’ applikabbli. Fl-aħħar nett, kif jirriżulta mill-premessa 6, l-intenzjoni kienet biss li jiġu rrimedjati anomaliji u li l-Istati Membri ma jibqgħux ibatu l-ispejjeż amministrattivi marbuta mal-monitoraġġ tal-ammonti mdaħħla fil-Kont B għal perijodu indefinit.

66.      Għaldaqstant, bħala prinċipju, il-verżjoni l-ġdida tal-Artikolu 17(2) tar-Regolament Nru 1150/2000 tista’ tiġi applikata għall-kawża ineżami.

3.      Ammissibbiltà tad-dħul tal-ammonti fil-Kont B

67.      Qabel ma jiġi interpretat l-Artikolu 17(2) tar-Regolament Nru 1150/2000, għandu l-ewwel nett jiġi eżaminat jekk l-Italja setgħetx iddaħħal l-ammonti inkwistjoni fil-Kont B. Fil-fehma tal-Kummissjoni, l-Italja żbaljat meta daħħlithom f’dan il-kont.

68.      Huma biss ammonti mdaħħla b’mod korrett fil-Kont B li jiskattaw l-applikazzjoni tal-Artikolu 17(2) tar-Regolament Nru 1150/2000 (21) u jqajmu l-kwistjoni dwar jekk riżorsi proprji li attwalment ma jkunux ġew irkuprati għandhomx jiġu kkreditati lill-Unjoni.

69.      Ir-Repubblika Taljana hija tal-fehma li hija daħħlet ir-riżorsi proprji fil-Kont B b’mod korrett peress li hija għadha ma rkupratx l-intitolamenti stabbiliti fl-2003 u peress li ma ngħatat ebda garanzija fir-rigward tagħhom.

70.      Skont l-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 1150/2000, l-intitolament tal-Unjoni għar-riżorsi proprji huwa stabbilit malli jkunu sodisfatti l-kundizzjonijiet mitluba mid-dispożizzjonijiet doganali fir-rigward tad-dħul tal-intitolament fil-kontijiet u fir-rigward tan-notifika tad-debitur.

71.      Sussegwentement, l-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 1150/2000 jinkludi dispożizzjonijiet dwar il-kontijiet għar-riżorsi proprji u, fl-Artikolu 6(3), jistabbilixxi distinzjoni bejn żewġ kontijiet: l-intitolamenti stabbiliti skont l-Artikolu 2 jiddaħħlu bħala prinċipju fil-Kont A; huma biss dawk l-intitolamenti li jkunu stabbiliti iżda li jkunu għadhom ma ġewx irkuprati u li fir-rigward tagħhom ma tkun ingħatat ebda garanzija li jiddaħħlu f’kont separat, il-Kont B.

72.      Id-distinzjoni bejn dawn iż-żewġ kontijiet għandha importanza partikolari fir-rigward tad-data sa meta l-Istati Membri għandhom iqiegħdu r-riżorsi proprji għad-dispożizzjoni tal-Unjoni. Filwaqt li skont l-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 1150/2000, ir-riżorsi proprji mdaħħla fil-Kont A għandhom jiġu kkreditati lill-Unjoni fi żmien perijodu speċifikat wara l-istabbiliment tagħhom, ir-riżorsi proprji mdaħħla fil-Kont B għandhom jiġu kkreditati biss fi żmien perijodu speċifikat wara l-irkupru tagħhom.

73.      Madankollu, f’din il-kawża ma tista’ tiġi stabbilita ebda konnessjoni formali. Altrimenti jkun qiegħed jiġi injorat, b’mod li jmur kontra l-għan tal-leġiżlazzjoni, il-fatt li, bejn l-1997 u l-2002, ir-Repubblika Taljana kienet diġà naqset milli twettaq l-obbligu tagħha li tistabbilixxi l-intitolament tal-Unjoni.

74.      L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu l-intitolamenti tal-Komunitajiet għar-riżorsi proprji malli l-awtoritajiet doganali tagħhom ikollhom l-informazzjoni meħtieġa u għalhekk ikunu f’pożizzjoni li jiddeterminaw l-ammont tad-dazju li jirriżulta minn dejn doganali u li jidentifikaw id-debitur (22).

75.      F’sitwazzjoni fejn Stat Membru b’mod żbaljat jonqos milli jistabbilixxi l-intitolament tal-Unjoni għar-riżorsi proprji, b’tali mod li lanqas biss ma jkun possibbli li jinġabar l-ammont korrispondenti sabiex jitqiegħed għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni, id-dħul ta’ dan l-ammont fil-Kont B ikun a priori eskluż.

76.      Għalhekk, id-dħul fil-Kont B huwa eskluż meta l-Istat Membru stess ikun ħoloq il-kundizzjonijiet meħtieġa għal dħul fil-Kont B. Dan ir-raġunament isegwi l-prinċipju legali li jipprovdi li ħadd ma jista’ jislet benefiċċju mill-aġir illegali tiegħu stess. Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet f’dan is-sens fir-rigward ta’ nuqqas li jiġi stabbilit dejn doganali minħabba żball mill-awtoritajiet doganali (23). Dan japplika iktar u iktar f’sitwazzjoni fejn l-awtoritajiet doganali, b’mod illegali u intenzjonat, jonqsu milli jdaħħlu d-dazji fil-kontijiet.

77.      Il-konsegwenza ta’ dan li għidt fil-kawża ineżami hija li r-Repubblika Taljana għandha, minn naħa, taċċetta li, għall-perijodu 1997 sa 2002, hija għandha titqies bħallikieku stabbilixxiet l-intitolamenti - li jwassal għal dħul fittizju fil-Kont A. Min-naħa l-oħra, iżda, ir-Repubblika Taljana ma tistax tinvoka l-kundizzjonijiet applikabbli għad-dħul fil-Kont B. Peress li ma stabbilixxietx l-intitolamenti, kienet hija stess li ħolqot il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 6(3)(b) tar-Regolament Nru 1150/2000, jiġifieri li l-intitolamenti ma jistgħux jinġabru u li ma ngħatatx garanzija.

78.      Bħala konklużjoni għandu jingħad li r-Repubblika Taljana ma setgħetx iddaħħal l-ammonti inkwistjoni fil-Kont B. Peress li jagħmlu parti mill-Kont A, dawn l-ammonti kellhom jitqiegħdu direttament għad-dispożizzjoni tal-Unjoni taħt l-Artikolu 10, irrispettivament minn jekk kinux attwalment irkuprati.

4.      Interpretazzjoni tal-Artikolu 17(2) tar-Regolament Nru 1150/2000 (kif emendat bir-Regolament Nru 2028/2004)

79.      Fin-nuqqas ta’ dħul validu tal-intitolamenti inkwistjoni fil-Kont B, mhemmx lok għall-applikazzjoni tal-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 1150/2000. Għaldaqstant, ma jqumux il-kwistjonijiet ta’ jekk Stat Membru huwiex meħlus mill-obbligu li jqiegħed għad-dispożizzjoni r-riżorsi proprji meta dawn ma jkunux jistgħu jiġu rkuprati u ta’ x’rilevanza għandha tingħata lill-perijodu ta’ ħames snin introdott fl-Artikolu 17(2) permezz tar-Regolament Nru 2028/2004. Għaldaqstant, l-argument imqajjem mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja bħala intervenjenti u bbażat fuq dan il-perijodu ta’ ħames snin huwa irrilevanti.

80.      Sussidjarjament, kif ser nispjega iktar ’il quddiem, anki jekk jitqies li bħala prinċipju l-Artikolu 17(2) tar-Regolament Nru 1150/2000 huwa applikabbli, ir-Repubblika Taljana fl-aħħar mill-aħħar ma tistax tinvoka dan il-perijodu ta’ ħames snin.

81.      Din id-dispożizzjoni tinkludi eċċezzjoni għall-obbligu li ammonti jitqiegħu għad-dispożizzjoni, eċċezzjoni li tirrigwarda l-ammonti li ma jkunux jistgħu jiġu rkuprati u li, fil-qosor, tikkonċerna l-aħħar fażi tal-proċeduri doganali, jiġifieri l-ħlas lill-Unjoni tal-ammonti stabbiliti.

82.      L-Artikolu 17(2) jipprovdi li l-Istati Membri jinħelsu mill-obbligu li jikkreditaw ammonti li ma jkunux jistgħu jiġu rkuprati (a) minħabba raġunijiet ta’ forza maġġuri jew (b) minħabba raġunijiet oħra li ma jkunux jistgħu jiġu attribwiti lilhom. Ammonti ta’ intitolamenti stabbiliti jistgħu jiġu ddikjarati bħala ammonti li ma jistgħux jiġu rkuprati permezz ta’ deċiżjoni tal-awtorità amministrattiva kompetenti. It-tielet subparagrafu tal-Artikolu 17(2) jipprovdi wkoll li ammonti ta’ intitolamenti stabbiliti għandhom jiġu kkunsidrati bħala ammonti li ma jistgħux jiġu rkuprati wara perijodu ta’ mhux iktar minn ħames snin (ikkalkolat mid-data li fiha jkun ġie stabbilit l-ammont) (24).

83.      Madankollu, għall-kuntrarju ta’ dak li jsostni l-Gvern Ġermaniż, mill-Artikolu 17(2) mhux dejjem jirriżulta perijodu ta’ posponiment ta’ ħames snin. Dan il-perijodu ta’ ħames snin ma jistax jiġi invokat f’sitwazzjonijiet fejn ikun manifestament ovvju li r-rekwiżiti sostantivi tal-Artikolu 17(2) ma jkunux sodisfatti, jiġifieri ma jkunx hemm forza maġġuri jew xi raġuni oħra li ma tkunx tista’ tiġi attribwita lill-Istati Membri, b’tali mod li l-Istat Membru jkun fl-aħħar mill-aħħar obbligat jikkredita l-ammonti inkwistjoni lill-Komunità.

84.      Dan jirriżulta b’mod ċar mis-sens u l-iskop ta’ din id-dispożizzjoni. Il-perijodu ta’ ħames snin jevita, fl-interessi tal-ekonomija tal-ġudizzju, li l-Istati Membri u l-Kummissjoni jkollhom jiddeterminaw il-kwistjoni kumplessa u diffiċli ta’ jekk kienx hemm forza maġġuri jew xi raġuni oħra li ma tistax tkun attribwita lill-Istat Membru qabel ma jkun ġie ddeterminat - permezz ta’ proċeduri ġudizzjarji pereżempju - jekk intitolament jistax ikun ta’ natura li ma jistax jiġi rkuprat u għal liema raġunijiet. Jekk l-intitolament ikun jista’ jiġi rkuprat f’dan il-perijodu ta’ ħames snin, dan ikollu fi kwalunkwe każ jingħata lill-Kummissjoni u kwalunkwe determinazzjoni li tkun diġà saret tkun sussegwentement superfluwa. Madankollu, jekk ikun jidher a fortiori li Stat Membru ma jistax jinvoka l-eċċezzjonijiet previsti fl-Artikolu 17(2), dan l-istess prinċipju tal-ekonomija tal-ġudizzju jipprekludi iktar dewmien. Għalfejn Stat Membru għandu jkun jista’ jżomm ammont dovut lill-Kummissjoni għal ħames snin oħra jekk l-obbligu li jgħaddih lill-Kummissjoni jkun stabbilit b’mod definittiv kemm bħala prinċipju kif ukoll fir-rigward taċ-ċifra tiegħu?

85.      Jekk, bħalma huwa l-każ fil-kawża ineżami, ikun ovvju (25) qabel ma jgħaddu l-ħames snin li ma kien hemm ebda forza maġġuri u li r-raġunijiet għan-nuqqas ta’ ftehim jistgħu jiġi attribwiti lill-Istat Membru, dan tal-aħħar ma jistax jibqa’ jinvoka l-protezzjoni tal-perijodu stabbilit fl-Artikolu 17(2) u għandu jqiegħed ir-riżorsi proprji direttament għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni. Jiena għalhekk tal-fehma li l-Artikolu 17(2) tar-Regolament Nru 1150/2000, kif emendat bir-Regolament Nru 2028/2004, ma jipprekludix li jintlaqa’ r-rikors għal nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu ppreżentat kontra l-Italja.

C –    Konklużjoni intermedjarja

86.      Għaldaqstant, ir-Repubblika Taljana naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 8 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/597/KE, Euratom, tad-29 ta’ Settembru 2000, dwar is-sistema tar-riżorsi tagħhom tal-Komunitajiet Ewropej kif ukoll taħt l-Artikoli 2, 6, 10, 11 u 17 tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1150/2000.

87.      Fir-rigward tal-Artikolu 10 KE, li ġie invokat ukoll mill-Kummissjoni, mhemmx lok li jiġi kkonstatat li kien hemm nuqqas ta’ twettiq tal-obbligi ġenerali inklużi fid-dispożizzjonijiet ta’ dan l-artikolu li huwa separat min-nuqqas stabbilit fir-rigward tat-twettiq ta’ obbligi iktar speċifiċi taħt id-dritt tal-Unjoni (26).

VI – L-ispejjeż

88.      Skont l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li r-Repubblika Taljana tilfet, hemm lok li tiġi ordnata tbati l-ispejjeż kif mitlub mill-Kummissjoni.

89.      Skont l-Artikolu 69(4) tar-Regoli tal-Proċedura, l-Istati Membri intervenjenti fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.

VII – Konklużjoni

90.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja:

1.      tiddikjara li r-Repubblika Taljana kisret l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 8 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/597/KE, Euratom, tad-29 ta’ Settembru 2000, dwar is-sistema tar-riżorsi tagħhom tal-Komunitajiet Ewropej, kif ukoll taħt l-Artikoli 2, 6, 10, 11 u 17 tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1150/2000, tat-22 ta’ Mejju 2000, li jimplimenta d-Deċiżjoni 94/728/KE, Euratom, dwar is-sistema tar-riżorsi tagħhom tal-Komunitajiet, billi rrifjutat li tqiegħed għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni r-riżorsi proprji li jikkorrispondu għad-dejn doganali li jirriżulta mill-importazzjoni ta’ blokok tal-aluminjum;

2.      tikkundanna lir-Repubblika Taljana għall-ispejjeż;

3.      tiddikjara li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja għandha tbati l-ispejjeż tagħha.


1 – Lingwa oriġinali: il-Ġermaniż.


2 – Deċiżjoni tal-Kunsill, tad-29 ta’ Settembru 2000, dwar is-sistema tar-riżorsi tagħhom tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 200).


3 – Regolament tal-Kunsill (KE, EURATOM) Nru 1150/2000, tat-22 ta’ Mejju 2000, li jimplementa d-Deċiżjoni 94/728/KE, Euratom, dwar is-sistema tar-riżorsi tagħhom tal-Komunitajiet (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 169).


4 – Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 2028/2004, tas-16 ta’ Novembru 2004, li jemenda r-Regolament (KE, Euratom) Nru 1150/2000 li jimplementa d-Deċiżjoni 94/728/KE, Euratom, dwar is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Komunitajiet (ĠU L 153M, 07.06.2006, p. 162).


5 – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-18 ta’ Ottubru 2007, Il-Kummissjoni vs Id-Danimarka (C‑19/05, Ġabra p. I‑8597).


6 – Din id-dispożizzjoni, kemm fil-verżjoni oriġinali tagħha, kif ukoll fil-verżjoni tagħha kif emendata bir-Regolament Nru 2028/2004, teħles lill-Istati Membri mill-obbligu li jqiegħdu għad-dispożizzjoni r-riżorsi proprji li jikkorrispondu għall-intitolamenti stabbiliti meta dawn ir-riżorsi proprji ma jkunux jistgħu jinġabru minħabba forza maġġuri jew minħabba “raġunijiet [oħra] li ma jkunux jistgħu jiġu attribwiti lilhom” (fil-verżjoni oriġinali) jew minħabba “raġunijiet oħra li ma jistgħux jiġu attribwiti lilhom” (fil-verżjoni kif emendata bir-Regolament Nru 2028/2004).


7 – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Diċembru 1993, Hugen et (C‑12/92, Ġabra p. I‑6381, punt 30), u tad-29 ta’ Settembru 1998, First City Trading et (C‑263/97, Ġabra p. I‑5537, punt 41).


8 – Digriet tal-5 ta’ Marzu 1993, Ferriere Acciaierie Sarde vs Il-Kummissjoni (C‑102/92, Ġabra p. I‑801, p. 20).


9 – Skont ġurisprudenza stabbilita; ara pereżempju s-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-5 ta’ Frar 1987, Denkavit België (C‑145/85, Ġabra p. 565, punt 11); tas-7 ta’ Diċembru 1993, Hugen et (C‑12/92, Ġabra p. I‑6381, punt 31); tal-5 ta’ Ottubru 2006, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (C‑105/02, Ġabra p. I‑9659, punt 89), u tal-5 ta’ Ottubru 2006, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju (C‑377/03, Ġabra p. I‑9733, punt 95).


10 – Sentenza tal-15 ta’ Diċembru 1994, Bayer vs Il-Kummissjoni (C‑195/91 P, Ġabra p. I‑5619, punt 32); digriet tat-18 ta’ Jannar 2005, Zuazaga Meabe vs UASI (C‑325/03 P, Ġabra p. I‑403, punt 25).


11 – Ara l-Artikolu 7 (Excess of authority or contravention of instructions) tal-abbozz tal-Kummissjoni tad-Dritt Internazzjonali dwar ir-responsabbiltà tal-Istati għal aġir li jmur kontra d-dritt internazzjonali: “The conduct of an organ of a State or of a person or entity empowered to exercise elements of the governmental authority shall be considered an act of the State under international law if the organ, person or entity acts in that capacity, even if it exceeds its authority or contravenes instructions.”


12 – Il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem essenzjalment segwiet lill-Kummissjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (ara s-sentenza tat-18 ta’ Jannar 1978 fil-Kawża Nru 5310/71, L-Irlanda vs Ir-Renju Unit, Serje A, Nru 25, punt 159) u, fl-1999, irrikonoxxiet espliċitament il-pożizzjoni li kienet diġà ttieħdet mill-Kummissjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (ara s-sentenza tat-28 ta’ Ottubru 1999 fil-Kawża Nru 28396/95, Wille vs Liechtenstein, Reports of Judgments and Decisions 1999‑VII, punt 46).


13 – Skont ġurisprudenza stabbilita, l-eżistenza ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu għandha tiġi evalwata skont is-sitwazzjoni tal-Istat Membru prevalenti fit-tmiem tat-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata u l-bidliet li jsiru sussegwentement ma jistgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja: ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Diċembru 2000, Il-Kummissjoni vs Ir-Renju Unit (C‑69/99, Ġabra p. I‑10979, punt 22), tas-17 ta’ Jannar 2008, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (C‑152/05, Ġabra p. I‑39, punt 15), u tal-10 ta’ Settembru 2009, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (C‑268/09, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 45).


14 – Ara s-sentenzi tat-8 ta’ Lulju 1999, ICI vs Il-Kummissjoni (C‑200/92 P, Ġabra p. I‑4399, punti 31 et seq), tat-8 ta’ Lulju 1999, Chemie Linz vs Il-Kummissjoni (C‑245/92 P, Ġabra p. I‑4643, punt 32), u tad-19 ta’ Novembru 1998, Ir-Renju Unit vs Il-Kunsill (C‑150/94, Ġabra p. I‑7235, punt 36).


15 – Ara s-sentenza tat-23 ta’ Frar 1961, De Gezamenlijke Steenkolenmijnen in Limburg vs High Authority (30/59, Ġabra p. 1), f’kawża fejn l-intervenjenti, insostenn tat-talbiet tal-parti prinċipali, ressaq saħansitra motivi li kienu jikkontradixxu s-sottomissjonijiet tal-parti prinċipali u li ġew miċħuda espliċitament minnha, kif ukoll is-sentenza tal-15 ta’ Lulju 2004, Spanja vs Il‑Kummissjoni (C‑501/00, Ġabra p. I‑6717, punti 131 et seq).


16 – Sentenzi tal-24 ta’ Marzu 1993, CIRFS et vs Il-Kummissjoni (C‑313/90, Ġabra p. I‑1125, punti 21 et seq.); tal-15 ta’ Ġunju 1993, Matra vs Il-Kummissjoni (C‑225/91, Ġabra p. I‑3203, punti 11 et seq.). Ara wkoll is-sentenza tal-10 ta’ Frar 2009, L-Irlanda vs Il-Parlament u Il-Kunsill (C‑301/06, Ġabra p. I‑593, punt 57), fejn wieħed mill-motivi ġodda mqajma mill-intervenjenti ġie kkunsidrat li ma kellux x’jaqsam mas-suġġett tal-proċeduri, u dan iżda mingħajr ma tqajmet il-kwistjoni tal-portata ammissibbli tal-intervent.


17 – Kif isostni l-Avukat Ġenerali Darmon fil-konklużjonijiet tiegħu tat-22 ta’ Jannar 1987, Bonino vs Il-Kummissjoni (233/85, Ġabra p. 739, punt 7).


18 – Kif qalu wkoll l-Avukat Ġenerali Slynn fil-konklużjonijiet tiegħu tat-18 ta’ Settembru 1986, GAEC de la Ségaude vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni (sentenza tal-15 ta’ Jannar 1987, 253/84, Ġabra p. 123) u l-Avukat Ġenerali Gulmann fil-konklużjonijiet tiegħu tal-1 ta’ Ġunju 1994, RTE u ITP vs Il-Kummissjoni (sentenza tas-6 ta’ April 1995, C‑241/91 P u C‑242/91 P, Ġabra p. I‑743, punt 23), fejn fil-verżjoni Ġermaniża tal-konklużjonijiet isir riferiment biss għal “argumenti ġodda” filwaqt li fil-verżjoni Franċiża u fil-verżjoni Daniża, il-verżjoni oriġinali, isir riferiment għall-kunċett ta’ “motivi”.


19 – Ara s-sentenzi tat-12 ta’ Novembru 1981, Meridionale Industria Salumi et (magħrufa bħala “Salumi II”) (212/80 sa 217/80, Ġabra p. 2735, punt 9); tas-6 ta’ Lulju 1993, CT Control (Rotterdam) u JCT Benelux vs Il-Kummissjoni (C‑121/91 u C‑122/91, Ġabra p. I‑3873, punt 22); tas-7 ta’ Settembru 1999, De Haan (C‑61/98, Ġabra p. I‑5003, punt 13); tal-14 ta’ Novembru 2002, Ilumitrónica (C‑251/00, Ġabra p. I‑10433, punt 29), u tal-1 ta’ Lulju 2004, Tsapalos u Diamantakis (C‑361/02 u C‑362/02, Ġabra p. I‑6405, punt 19).


20 – Sentenzi tal-15 ta’ Lulju 1993, GruSa Fleisch (C‑34/92, Ġabra p. I‑4147, punt 22); sentenza tal-Qorti, tal-24 ta’ Settembru 2002, Falck et vs Il-Kummissjoni (C‑74/00 P u C‑75/00 P, Ġabra p. I‑7869, punt 119), kif ukoll is-sentenza “Salumi II” (iċċitata fin-nota 19, punt 9).


21 – Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-5 ta’ Ottubru 2006, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju (C‑378/03, Ġabra p. I‑9805, punt 44).


22 – Sentenza tat-18 ta’ Ottubru 2007, Il-Kummissjoni vs Id-Danimarka (C‑19/05, Ġabra p. I‑8597, punt 32).


23 – Ara s-sentenza Il-Kummissjoni vs Id-Danimarka (iċċitata fin-nota 23, punti 33 et seq).


24 – Jew inkella, fil-każ ta’ appell amministrattiv jew ġudizzjarju, mid-data li fiha tingħata d-deċiżjoni jew li fiha tiġi nnotifikata jew ippubblikata.


25 – Pereżempju permezz ta’ deċiżjoni ġudizzjarja jew amministrattiva finali, kif isemmi l-Artikolu 17(2).


26 – Ara s-sentenza tat-18 ta’ Ottubru 2007, Il-Kummissjoni vs Id-Danimarka (C‑19/05, Ġabra p. I‑8597, punt 36).