Language of document : ECLI:EU:C:2017:618

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

BOT

ippreżentati fis-26 ta’ Lulju 2017 (1)

Kawżi C-643/15 u C-647/15

Ir-Repubblika Slovakka,

L-Ungerija

vs

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

“Rikors għal annullament – Deċiżjoni (UE) 2015/1601 – Miżuri provviżorji fil-qasam ta’ protezzjoni internazzjonali għall-benefiċċju tar-Repubblika Taljana u tar-Repubblika Ellenika – Sitwazzjoni ta’ emerġenza kkaratterizzata minn dħul f’daqqa ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi fit-territorju ta’ ċerti Stati Membri – Rilokazzjoni ta’ dawn iċ-ċittadini fit-territorju tal-Istati Membri l-oħra – Allokazzjonijiet ta’ rilokazzjoni – Artikolu 80 TFUE – Prinċipju ta’ solidarjetà u tqassim ġust ta’ responsabbiltajiet bejn l-Istati Membri – Artikolu 78(3) TFUE – Bażi legali – Kunċett ta’ ‘att leġiżlattiv’ – Artikolu 289(3) TFUE – Natura obbligatorja għall-Kunsill tal-Unjoni Ewropea tal-konklużjonijiet adottati mill-Kunsill Ewropew – Artikolu 15(1) TUE u Artikolu 68 TFUE – Ksur tal-forom proċedurali sostanzjali – Emenda tal-proposta tal-Kummissjoni Ewropea – Rekwiżiti ta’ konsultazzjoni mill-ġdid tal-Parlament Ewropew u ta’ vot unanimu fi ħdan il-Kunsill – Artikolu 293 TFUE – Prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ proporzjonalità”






1.        Permezz tar-rikorsi tagħhom, ir-Repubblika Slovakka (C-643/15) u l-Ungerija (C-647/15) jitolbu l-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2015/1601, tat-22 ta’ Settembru 2015, li tistabbilixxi miżuri proviżorji fil-qasam tal-protezzjoni internazzjonali għall-benefiċċju tal‑Italja u l-Greċja (2).

2.        Din id-deċiżjoni ġiet adottata mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea abbażi tal-Artikolu 78(3) TFUE li jipprevedi li, “[f]’każ li Stat Membru wieħed jew iktar isibu ruħhom f’sitwazzjoni ta’ emerġenza karatterizzata minn dħul f’daqqa ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi, il-Kunsill, fuq proposta tal-Kummissjoni [Ewropea], jista’ jadotta miżuri provviżorji għall-benefiċċju ta’ l‑Istat(i) Membru(i) konċernat(i). Għandu jaġixxi wara konsultazzjoni mal-Parlament Ewropew”.

3.        L-imsemmija deċiżjoni ngħatat fil-kuntest tal-kriżi migratorja li laqtet lill-Unjoni Ewropea mis-sena 2014, li mbagħad żdiedet matul is-sena 2015, b’mod partikolari matul ix-xhur ta’ Lulju u ta’ Awwissu ta’ din l-aħħar sena, kif ukoll tas-sitwazzjoni umanitarja katastrofika li għaliha wasslet din il‑kriżi b’mod partikolari fl-Istati Membri tal-ewwel art, bħar-Repubblika Taljana u r-Repubblika Ellenika, li ġew affrontati bi dħul massiv ta’ migranti minn pajjiżi terzi bħar-Repubblika Għarbija Sirjana, ir-Repubblika Iżlamika tal-Afganistan, ir-Repubblika tal-Iraq u l-Istat tal-Eritrea.

4.        Sabiex taffronta din il-kriżi migratorja u l-pressjoni li hija għamlet fuq is-sistemi ta’ ażil tar-Repubblika Taljana u tar-Repubblika Ellenika, id-deċiżjoni kkontestata tipprevedi r-rilokazzjoni minn dawn iż-żewġ Stati Membri fuq perijodu ta’ sentejn ta’ 120 000 persuna li manifestament għandhom bżonn protezzjoni internazzjonali lejn l-Istati Membri oħra. Din id-deċiżjoni fiha żewġ annessi li, inizjalment, iqassmu 66 000 persuna li għandhom jiġu rrilokati mill-Italja (kwota ta’ 15 600) u mill-Greċja (kwota ta’ 50 400) abbażi tal-allokazzjonijiet mandatorji stabbiliti għal kull Stat Membru ieħor (3).

5.        L-Artikolu 2(e) tad-deċiżjoni kkontestata jiddefinixxi r‑rilokazzjoni bħala “it-trasferiment ta’ applikant mit-territorju tal‑Istat Membru li l-kriterji stipulati fil-Kapitolu III tar-Regolament (UE) Nru 604/2013[(4)] jindikaw bħala responsabbli milli jeżamina l‑applikazzjoni tiegħu għall-protezzjoni internazzjonali lejn it-territorju tal-Istat Membru ta’ rilokazzjoni”. Dan tal-aħħar huwa, skont l‑Artikolu 2(f) tad-deċiżjoni kkontestata “l-Istat Membru li jsir responsabbli milli jeżamina l-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali skont ir-Regolament [Dublin III] ta’ applikant wara r‑rilokazzjoni tiegħu jew tagħha fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru”.

6.        Il-mekkaniżmu ta’ rilokazzjoni temporanja prevista fid‑deċiżjoni kkontestata jiżdied ma’ miżuri oħra li kienu diġà ttieħdu fil-livell tal‑Unjoni sabiex jilqgħu għall-kriżi migratorja fosthom il-programm Ewropew ta’ “risistemazzjoni” (5) ta’ 22 504 persuni li għandhom bżonn protezzjoni internazzjonali, maqbul fl-20 ta’ Lulju 2015 fil-forma ta’ “riżoluzzjoni” bejn l-Istati Membri u l-Istati msieħba fis-sistema Dublin, u d-Deċiżjoni (UE) 2015/1523, adottata mill-Kunsill fl‑14 ta’ Settembru 2015 (6), li tipprevedi r-risistemazzjoni mill-Greċja u mill-Italja u fuq perijodu ta’ sentejn ta’ 40 000 persuna li manifestament għandhom bżonn protezzjoni internazzjonali lejn l-Istati Membri l-oħra abbażi ta’ tqassim stabbilit bi qbil (7).

7.        Għandu jiġi indikat ukoll li, fid-9 ta’ Settembru 2015, il‑Kummissjoni ma ppreżentatx biss il-proposta ta’ dik li saret id‑deċiżjoni kkontestata (8), iżda wkoll proposta ta’ regolament li jemenda r-regolament Dublin III (9). Din il-proposta tipprevedi mekkaniżmu ta’ rilokazzjoni “permanenti”, jiġifieri mekkaniżmu ta’ rilokazzjoni li, kuntrarjament għal dak previst bid-Deċiżjoni 2015/1523 u bid-deċiżjoni kkontestata, ma huwiex limitat ratione temporis. Din l-aħħar proposta għadha ma ġietx adottata sal-lum.

8.        Fir-rigward tal-ġenesi tad-deċiżjoni kkontestata, ser insemmi l‑elementi segwenti.

9.        Il-proposta inizjali tal-Kummissjoni kienet tipprevedi r‑rilokazzjoni ta’ 120 000 applikant ta’ protezzjoni internazzjonali, mill‑Italja (15 600 persuna), mill-Greċja (50 400 persuna) u mill‑Ungerija (54 000 persuna) lejn l-Istati Membri l-oħra. Fost l-annessi ma’ din il-proposta, jinsabu, fl-Annessi I sa III, tliet tabelli li jqassmu lil dawn l-applikanti minn dawn it-tliet Stati Membri lejn l-Istati Membri l-oħra, bl-eċċezzjoni tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u tal-Irlanda ta’ Fuq, tal-Irlanda u tar-Renju tad-Danimarka, taħt forma ta’ allokazzjonijiet stabbiliti għal kull wieħed mill-imsemmija Stati Membri.

10.      Fit-13 ta’ Settembru 2015, il-Kummissjoni bagħtet din il-proposta lill-parlamenti nazzjonali.

11.      Fl-14 ta’ Settembru 2015, il-Kunsill bagħat din l-istess proposta lill-Parlament għall-konsultazzjoni.

12.      Fis-17 ta’ Settembru 2015, il-Parlament adotta riżoluzzjoni leġiżlattiva li tapprova l-imsemmija proposta fid-dawl, b’mod partikolari, tas-“sitwazzjoni urġenti eċċezzjonali u l-ħtieġa li jinstab rimedju mingħajr dewmien”, filwaqt li talab lill-Kunsill jikkonsultah mill-ġdid jekk kellu l-ħsieb li jemenda b’mod sostanzjali l-proposta tal‑Kummissjoni.

13.      Matul laqgħat differenti li saru fil-Kunsill bejn is-17 u t‑22 ta’ Settembru 2015, il-proposta inizjali tal-Kummissjoni ġiet emendata fuq ċerti punti.

14.      B’mod partikolari, matul dawn il-laqgħat, l-Ungerija wriet li hija kienet qed tirrifjuta l-idea li tiġi kklassifikata bħala “Stat Membru tal‑ewwel art” u li ma xtaqitx tkun fost l-Istati Membri li jibbenefikaw mir-rilokazzjoni bħar-Repubblika Taljana u r-Repubblika Ellenika. Għalhekk, fit-test finali tal-proposta tneħħa kull riferiment għall-Ungerija bħala Stat Membru benefiċjarju, inkluż fit-titolu tal-proposta. L-Anness III tal-proposta inizjali dwar it-tqassim ta’ 54 000 applikant li inizjalment kienu previsti li ser jiġu rrilokati mill-Ungerija tneħħa wkoll. Għall-kuntrarju, l-Ungerija ġiet inkluża fl-Annessi I u II bħala Stat Membru ta’ rilokazzjoni tal‑applikanti ta’ protezzjoni internazzjonali li jitilqu, rispettivament, mill-Italja u mill-Greċja, u konsegwentement ingħatat allokazzjonijiet f’dawn l-annessi.

15.      Fit-22 ta’ Settembru 2015, il-proposta tal-Kummissjoni kif emendata mill-Kunsill ġiet adottata b’maġġoranza kkwalifikata. Ir‑Repubblika Ċeka, l-Ungerija, ir-Rumanija u r-Repubblika Slovakka vvotaw kontra l-adozzjoni ta’ din il-proposta. Ir-Repubblika tal-Finlandja astjeniet.

16.      Id-deċiżjoni kkontestata hija espressjoni ta’ solidarjetà li t-Trattat jipprevedi bejn l-Istati Membri.

17.      Dawn il-kawżi jagħtuna l-okkażjoni nfakkru li s-solidarjetà tinsab fost il-valuri kardinali tal-Unjoni u anki tinsab fil-pedamenti tagħha. Kif ser ikun possibbli li tikber is-solidarjetà bejn il-popli tal-Ewropa u li tiġi kkonċepita għaqda mingħajr limiti u iktar mill-qrib bejn dawn il-popli, kif jispjega l-preambolu tat-Trattat UE, mingħajr solidarjetà bejn l-Istati Membri meta wieħed fosthom jaffronta sitwazzjoni ta’ emerġenza? B’dan il-punt nolqtu l-essenza ta’ dak li jikkostitwixxi r-raġuni u l-għan tal-proġett Ewropew.

18.      Għalhekk qabel xejn hemm bżonn li tintwera l-importanza tas‑solidarjetà bħala valur bażiku u eżistenzjali tal-Unjoni.

19.      Diġà stabbilit fit-Trattat ta’ Ruma (10), ir-rekwiżit tas-solidarjetà jibqa’ fil-qalba tal-proċess ta’ integrazzjoni li huwa segwit mit-Trattat ta’ Lisbona. Minkejja li ħaġa tal-iskantament hija nieqsa mil-lista li tinsab fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 2 TUE tal-valuri li fuqhom hija bbażata l‑Unjoni (11), is-solidarjetà li, għall-kuntrarju, hija msemmija fil‑preambolu tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (12) bħala li tifforma parti mill-“valuri indiviżibbli u universali” li fuqhom hija mibnija l-Unjoni. Barra minn hekk, l-Artikolu 3(3) TUE jispjega li l-Unjoni tippromwovi mhux biss “is-solidarjetà bejn il‑ġenerazzjonijiet”, iżda wkoll “is-solidarjetà bejn l-Istati Membri”. Is‑solidarjetà tkompli għalhekk tagħmel parti minn grupp ta’ valuri u ta’ prinċipji li jiffurmaw “il-pedament tal-integrazzjoni Ewropea” (13).

20.      B’mod iktar speċifiku, is-solidarjetà hija wkoll pilastru u prinċipju ewlieni tal-politika tal-Unjoni dwar il-kontrolli fil-fruntieri, l-ażil u l‑immigrazzjoni, li huma s-suġġett tal-Kapitolu 2 tat-Titolu V tat‑Trattat FUE ddedikat għall-ispazju tal-libertà, sigurtà u ġustizzja (14).

21.      Dan jixhdu l-Artikolu 67(2) TFUE, li jipprevedi li l-Unjoni “għandha tiżviluppa politika komuni dwar l-asil, l-immigrazzjoni u l‑kontroll tal-fruntieri esterni ibbażata fuq is-solidarjetà bejn l-Istati Membri, li tkun ġusta lejn iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi”. Barra minn hekk, l-Artikolu 80 TFUE jipprevedi li “[l]-politika ta’ l-Unjoni prevista f’dan il-Kapitolu u l-implimentazzjoni tagħha għandha tiġi regolata mill‑prinċipju tas-solidarjetà u t-tqassim ġust tar-responsabbiltà, inkluż l‑implikazzjonijiet finanzjarji tagħha bejn l-Istati Membri. Kull meta jkun meħtieġ, l-atti ta’ l-Unjoni adottati skond [l-imsemmi] Kapitolu għandhom jinkludu l-miżuri xierqa għall-applikazzjoni ta’ dan il-prinċipju” (15).

22.      Fid-dawl tal-inugwaljanza fil-fatti li teżisti bejn l-Istati Membri minħabba s‑sitwazzjoni ġeografika tagħhom u tal-vulnerabbiltà tagħhom quddiem id-dħul migratorji massivi, l-adozzjoni ta’ miżuri abbażi tal‑Artikolu 78(3) TFUE u l-applikazzjoni effettiva tagħhom huma iktar u iktar meħtieġa. F’din il-perspettiva, miżuri bħal dawk previsti fid‑deċiżjoni kkontestata jippermettu li jingħata kontenut konkret lill-prinċipju ta’ solidarjetà u ta’ tqassim ġust ta’ responsabbiltà bejn l-Istati Membri, stabbilit fl-Artikolu 80 TFUE.

23.      Il-karatteristika partikolari tad-deċiżjoni kkontestata hija li jiġi stabbilit mekkaniżmu ta’ rilokazzjoni abbażi ta’ allokazzjonijiet mogħtija lill-Istati Membri li huma mandatorji. B’din id-deċiżjoni, is-solidarjetà bejn l-Istati Membri għandha kontenut konkret u vinkolanti. Din il‑karatteristika essenzjali u innovattiva tal-imsemmija deċiżjoni tispjega n-natura politikament sensittiva ta’ dawn il-kawżi peress li kkristallizzat l-oppożizzjoni min-naħa tal-Istati Membri li jappoġġjaw solidarjetà b’kunsens liberu u bbażata biss fuq impenji volontarji.

24.      Din l-oppożizzjoni, flimkien mal-konstatazzjoni ta’ applikazzjoni parzjali ferm tad-deċiżjoni kkontestata, li dwarha ser nitkellem iktar ’il quddiem (16), tista’ twassal sabiex jitqies li, wara dik li ssejħet il‑“kriżi migratorja tal-2015”, hemm moħbija kriżi oħra, dik tal-proġett ta’ integrazzjoni Ewropea li fil-parti l-kbira tiegħu huwa bbażat fuq rekwiżit ta’ solidarjetà bejn l-Istati li ddeċidew li jieħdu sehem f’dan il‑proġett (17).

25.      Min-naħa l-oħra, jista’ wkoll jitqies li, bl-adozzjoni ta’ risposta soda għal din il-kriżi migratorja, l-Unjoni wriet li għandha l-għodda meħtieġa u li kienet f’pożizzjoni li tużahom. Għad irid jiġi vverifikat, kif nistieden li jsir f’dawn ir-rikorsi, li, billi ħadet miżuri bħal dawk li jinsabu fid-deċiżjoni kkontestata, l-Unjoni osservat il-kuntest ġuridiku impost bit-Trattati.

I.      Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u t-talbiet talpartijiet

26.      Fil-Kawża C-643/15, ir-Repubblika Slovakka titlob lill-Qorti tal‑Ġustizzja li tannulla d-deċiżjoni kkontestata u li tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż.

27.      Fil-Kawża C-647/15, l-Ungerija titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tannulla d-deċiżjoni kkontestata jew, sussidjarjament, fil-każ li ma tilqax l-ewwel kap tat-talbiet tagħha, tannulla din id-deċiżjoni sa fejn tikkonċerna lill‑Ungerija, u tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż.

28.      Fil-Kawżi C-643/15 u C-647/15, il-Kunsill jitlob lill-Qorti tal‑Ġustizzja li tiċħad ir-rikors bħala infondat u li tikkundanna, rispettivament, lir-Repubblika Slovakka u l-Ungerija għall-ispejjeż sostnuti fil-kawża li tirrigwardahom.

29.      Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta’ April 2016, ir-Renju tal-Belġju, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ir-Repubblika Ellenika, ir-Repubblika Franċiża, ir‑Repubblika Taljana, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu, ir-Renju tal‑Iżvezja u l-Kummissjoni ġew ammessi jintervjenu insostenn tat-talbiet tal‑Kunsill fil-Kawżi C-643/15 u C-647/15.

30.      Permezz tal-istess deċiżjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja, ir-Repubblika tal-Polonja ġiet aċċettat tintervjeni fil-Kawża C-643/15, insostenn tat-talbiet tar-Repubblika Slovakka u, fil-Kawża C-647/15, insostenn tat-talbiet tal-Ungerija.

II.    Fuq ir-rikorsi

31.      Insostenn tat-talbiet tagħha, ir-Repubblika Slovakka tinvoka sitt motivi, ibbażati, rispettivament, għall-ewwel wieħed, fuq il-ksur tal-Artikolu 68 TFUE, tal-Artikolu 13(2) TUE kif ukoll tal-prinċipju tal‑ekwilibriju istituzzjonali, inkwantu għat-tieni wieħed, fuq il-ksur tal‑Artikolu 10(1) u (2) TUE, tal-Artikolu 13(2) TUE, tal‑Artikolu 78(3) TFUE, tal-Artikoli 3 u 4 tal-Protokoll (Nru 1) dwar ir‑rwol tal-parlamenti nazzjonali fl-Unjoni Ewropea u tal-Artikoli 6 u 7 tal-Protokoll (Nru 2) dwar l-applikazzjoni tal-prinċipji ta’ sussidjarjetà u ta’ proporzjonalità, annessi mat-Trattati (18), kif ukoll tal-prinċipji ta’ ċertezza legali, tad-demokrazija rappreżentattiva u tal-ekwilibriju istituzzjonali, għat-tielet wieħed, fuq il-ksur tal-forom proċedurali sostanzjali relatati mal-proċedura leġiżlattiva kif ukoll l-Artikolu 10(1) u (2) TUE, tal‑Artikolu 13(2) TUE u tal-prinċipji tad-demokrazija rappreżentattiva, tal-ekwilibriju istituzzjonali u tal-amministrazzjoni tajba (b’mod sussidjarju), għar-raba’ wieħed, fuq il-ksur tal-forom proċedurali sostanzjali preskritti bl-Artikolu 78(3) TFUE u bl-Artikolu 293 TFUE, kif ukoll tal-Artikolu 10(1) u (2) TUE, tal-Artikolu 13(2) TUE u tal-prinċipji tad‑demokrazija rappreżentattiva, tal-ekwilibriju istituzzjonali u ta’ amministrazzjoni tajba (b’mod parzjalment sussidjarju), għall-ħames wieħed, fuq il-ksur tal-Artikolu 78(3) TFUE, minħabba li ma humiex issodisfatti r-rekwiżiti għall-applikabbiltà tiegħu (b’mod sussidjarju), u għas-sitt wieħed, fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

32.      Insostenn tat-talbiet tagħha, l-Ungerija tinvoka għaxar motivi.

33.      L-ewwel żewġ motivi huma bbażati fuq il-ksur tal‑Artikolu 78(3) TFUE, inkwantu din id-dispożizzjoni ma tipprovdix lill-Kunsill bażi legali xierqa għall-adozzjoni ta’ miżuri li jidderogaw b’mod vinkolanti mid-dispożizzjonijiet ta’ att leġiżlattiv, li huma applikabbli matul perijodu ta’ 24 xahar, jew ta’ 36 xahar f’ċerti każijiet, u li l-effetti tagħhom jmorru lil hinn minn dan il-perijodu, li huwa kuntrarju għall-kunċett ta’ “miżuri provviżorji”.

34.      It-tielet sas-sitt motivi huma bbażati fuq il-ksur tal-forom proċedurali sostanzjali, sa fejn, l-ewwel nett, matul l-adozzjoni tad‑deċiżjoni kkontestata, il-Kunsill kiser id-dispożizzjonijiet tal‑Artikolu 293(1) TFUE meta warrab il-proposta tal-Kummissjoni mingħajr vot unanimu (it-tielet motiv), it-tieni nett, id-deċiżjoni kkontestata fiha deroga għad-dispożizzjonijiet ta’ att leġiżlattiv, u, mill‑perspettiva tal-kontenut tagħha, hija nnifisha att leġiżlattiv, minħabba l-kontenut tagħha, u anki fil-każ li kien ikun possibbli li tiġi adottata abbażi tal-Artikolu 78(3) TFUE – kien ikollu jiġi osservat, fl‑adozzjoni tagħha, id-dritt tal-parlamenti nazzjonali li jagħtu opinjoni dwar l-atti leġiżlattivi, previst mill-Protokoll (Nru 1) u l-Protokoll (Nru 2) (ir-raba’ motiv), it-tielet nett, wara li kkonsulta l-Parlament, il-Kunsill emenda sostanzjalment it-test tal-proposta mingħajr ma reġa’ kkonsulta mill-ġdid lill-Parlament dwar dan is-suġġett (il-ħames motiv), u, ir-raba’ nett, waqt l-adozzjoni mill-Kunsill tad-deċiżjoni kkontestata, il-proposta ta’ deċiżjoni ma kienx disponibbli fil-verżjonijiet lingwistiċi li jikkorrispondu għal-lingwi uffiċjali tal-Unjoni (is-sitt motiv).

35.      Is-seba’ motiv huwa bbażat fuq ksur tal-Artikolu 68 TFUE u tal-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tal-25 u s- 26 ta’ Ġunju 2015 (19).

36.      It-tmien motiv huwa bbażat fuq ksur tal-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ ċarezza leġiżlattiva għaliex, f’diversi punti, il-mod li bih id‑dispożizzjonijiet tad-deċiżjoni kkontestata għandhom jiġu applikati ma huwiex ċar, u lanqas ma huwa ċar il-mod kif huma marbuta mad‑dispożizzjonijiet tar-Regolament Dublin III.

37.      Id-disa’ motiv huwa bbażat fuq ksur tal-prinċipji ta’ neċessità u tal‑prinċipju ta’ proporzjonalità, sa fejn, peress li l-Ungerija ma tinsabx fost l-Istati Membri benefiċjarji tal-mekkaniżmu temporanju ta’ rilokazzjoni, ma huwiex iġġustifikat li d-deċiżjoni kkontestata tipprevedi r-rilokazzjoni ta’ 120 000 persuna li talbu protezzjoni internazzjonali.

38.      L-għaxar motiv, imressaq b’mod sussidjarju, huwa bbażat fuq ksur tal-prinċipju tal-proporzjonalità u tal-Artikolu 78(3) TFUE sa fejn jikkonċerna l-Ungerija, peress li d-deċiżjoni kkontestata tallokalha kwota obbligatorja bħala Stat Membru ta’ rilokazzjoni, minkejja li huwa rrikonoxxut li hija Stat Membru li fih daħlu numru kbir ta’ immigranti f’sitwazzjoni irregolari u li ressqu talbiet għal protezzjoni internazzjonali.

III. L-evalwazzjoni tiegħi

A.      Osservazzjonijiet preliminari

39.      Peress li l-bażi legali ta’ att tiddetermina l-proċedura li għandha tiġi segwita għall-adozzjoni tiegħu (20), fl-ewwel lok għandhom jiġu eżaminati l-motivi bbażati fuq il-fatt li l-Artikolu 78(3) TFUE ma huwiex adattat bħala bażi legali għall-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata. Fit‑tieni lok, ser neżamina l-motivi bbażati fuq ksur tal-forom proċedurali sostanzjali allegatament kommessi waqt l-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni, u, fit-tielet lok, il-motivi fuq il-mertu.

40.      Barra minn hekk, taħt dawn it-tliet taqsimiet, ser jiġu eżaminati l‑ewwel il-motivi tar-Repubblika Slovakka u tal-Ungerija li jinġabru flimkien kollha jew parzjalment u mbagħad, jekk ikun il-każ, il-motivi li huma relatati ma’ kull rikorrent.

B.      Fuq il-motivi bbażati fuq il-fatt li l-Artikolu 78(3) TFUE ma huwiex adattat bħala bażi legali għall-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata

41.      Ir-Repubblika Slovakka (it-tieni u l-ħames motivi) u l-Ungerija (l‑ewwel u t-tieni motivi) jikkontestaw li l-Artikolu 78(3) TFUE jista’ jkun bażi legali adattata għall-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

42.      Madankollu hemm differenza bejn il-pożizzjonijiet difiżi minn dawn iż-żewġ Stati Membri. Fil-fatt, filwaqt li l-Ungerija tammetti li r-Repubblika Taljana u r-Repubblika Ellenika kienu f’“sitwazzjoni ta’ emerġenza karatterizzata minn dħul f’daqqa ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi”, skont l-Artikolu 78(3) TFUE, waqt l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata iżda fl-istess ħin tikkontesta li d-deċiżjoni kkontestata kienet il-miżura adattata sabiex tirrispondi għal din is-sitwazzjoni, ir-Repubblika Slovakka ssostni li tali sitwazzjoni ta’ emerġenza, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, ma kinitx teżisti (it-tieni parti tal-ħames motiv).

43.      Sabiex jikkontestaw l-għażla tal-bażi legali tad-deċiżjoni kkontestata, dawn iż-żewġ Stati Membri jsostnu, fl-ewwel lok, li d‑deċiżjoni kkontestata, għalkemm ġiet adottata skont proċedura mhux leġiżlattiva u għalhekk tikkostitwixxi att mhux leġiżlattiv, xorta għandha tiġi kklassifikata bħala att leġiżlattiv minħabba l-kontenut tagħha peress li temenda atti leġiżlattivi. Issa, l-Artikolu 78(3) TFUE ma jippermettix li jiġu adottati atti leġiżlattivi.

44.      Fit-tieni lok, ir-Repubblika Slovakka u l-Ungerija jikkontestaw in‑natura provviżorja tad-deċiżjoni kkontestata.

45.      Fit-tielet lok, ir-Repubblika Slovakka, kuntrarjament għall‑Ungerija, issostni li l-Artikolu 78(3) TFUE ma jipprovdix bażi legali adattata għall-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata peress li r‑rekwiżit tal-eżistenza ta’ “sitwazzjoni ta’ emerġenza karatterizzata minn dħul f’daqqa ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi” ma ġiex issodisfatt.

1.      Fuq it-tieni motiv tar-Repubblika Slovakka u fuq l-ewwel motiv talUngerija, ibbażati fuq in-natura leġiżlattiva tad-deċiżjoni kkontestata

46.      Ir-Repubblika Slovakka u l-Ungerija jsostnu li d-deċiżjoni kkontestata, anki jekk ġiet adottata skont il-proċedura mhux leġiżlattiva u għalhekk formalment tikkostitwixxi att mhux leġiżlattiv, xorta għandha tiġi kklassifikata bħala att leġiżlattiv minħabba l-kontenut u l-effetti tagħha peress li temenda, fuq kollox b’mod fundamentali, diversi atti leġiżlattivi tad-dritt tal-Unjoni. Issa, l-Artikolu 78(3) TFUE ma jagħtix bażi legali għall-adozzjoni ta’ miżuri leġiżlattivi peress li ma jagħti l-ebda indikazzjoni li tipprovdi li l-miżuri meħuda abbażi tiegħu għandhom jiġu adottati fil-kuntest ta’ proċedura leġiżlattiva.

47.      Kif espressament tikkonferma l-premessa 23 tad-deċiżjoni kkontestata, din kienet tinvolvi deroga għal diversi atti leġiżlattivi tad‑dritt tal-Unjoni. Għalkemm id-deċiżjoni kkontestata tikklassifika dawn l‑emendi bħala sempliċi derogi, id-distinzjoni bejn deroga u emenda tkun artifiċjali peress li, fil-prattika, l-effetti ta’ deroga u ta’ emenda huma identiċi sa fejn, fiż-żewġ każijiet, l-applikazzjoni ta’ dispożizzjoni leġiżlattiva hija eskluża, b’tali mod li, effettivament, l-effettività tagħha hija affettwata.

48.      B’mod iktar preċiż, ir-Repubblika Slovakka ssostni li l-Kunsill kiser l-Artikolu 78(3) TFUE minħabba li d-deċiżjoni kkontestata tidderoga minn dispożizzjonijiet li jinsabu f’atti leġiżlattivi u li tali emendi ma jistgħux isiru ħlief b’att leġiżlattiv. Issa, l‑Artikolu 78(3) TFUE, li la jsemmi l-proċedura leġiżlattiva ordinarja u lanqas il-proċedura leġiżlattiva speċjali, ma jippermettix li jiġu adottati atti leġiżlattiv. Minn dan jirriżulta li l-forma tad-deċiżjoni kkontestata ma tikkorrispondix mal-kontenut tagħha.

49.      Billi adotta d-deċiżjoni kkontestata abbażi tal‑Artikolu 78(3) TFUE, il-Kunsill għalhekk mhux biss kiser din id-dispożizzjoni, iżda kkawża wkoll preġudizzju għad-drittijiet tal‑parlamenti nazzjonali u tal-Parlament. Kemm dawn tal‑ewwel kif ukoll it-tieni kellhom, bis-saħħa tad-dritt primarju, jipparteċipaw fl-emendi tal-atti leġiżlattivi li l-Kunsill idderoga minnhom permezz tad-deċiżjoni kkontestata. Fil-fatt, ir-Repubblika Slovakka tirrileva li dawn l-atti ġew adottati skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja.

50.      Ir-Repubblika Slovakka tqis għalhekk li, meta adotta d‑deċiżjoni kkontestata, il-Kunsill kiser mhux biss l‑Artikolu 78(3) TFUE, iżda wkoll l-Artikolu 10(1) u (2) TUE, l‑Artikolu 13(2) TUE, l-Artikoli 3 u 4 tal-Protokoll (Nru 1) u l-Artikoli 6 u 7 tal-Protokoll (Nru 2), kif ukoll il-prinċipji ta’ ċertezza legali, ta’ demokrazija rappreżentattiva u ta’ ekwilibriju istituzzjonali.

51.      L-Ungerija taqbel mar-Repubblika Slovakka dwar l-idea li att ġuridiku adottat abbażi tal-Artikolu 78(3) TFUE li, skont qari a contrario tal-Artikolu 289(2) u (3) TFUE ma jikkostitwixxix att leġiżlattiv, ma għandux jemenda b’mod vinkolanti, anki jekk provviżorju, atti leġiżlattivi fis-seħħ adottati fil-kuntest ta’ proċeduri leġiżlattivi ordinarji jew speċjali, bħar-Regolament Dublin III. Minħabba l-kontenut tagħha, id-deċiżjoni kkontestata hija mingħajr dubju att leġiżlattiv. Peress li din id-deċiżjoni tidderoga mid-dispożizzjonijiet tar-Regolament Dublin III, ma tistax tiġi adottata abbażi tal-Artikolu 78(3) TFUE li, peress li ma jagħtix lill-Kunsill is-setgħa li jadotta atti ħlief fil-kuntest ta’ proċedura mhux leġiżlattiva, jawtorizzah biss sabiex jadotta atti mhux leġiżlattivi.

52.      Skont l-Ungerija, l-Artikolu 78(3) TFUE jista’ xorta jservi bħala bażi legali għall-adozzjoni ta’ miżuri kumplimentari għal atti leġiżlattivi adottati abbażi tal-Artikolu 78(2) TFUE, iżda konformi magħhom, jew miżuri li jiffaċilitaw l-implementazzjoni tagħhom fid-dawl tas‑sitwazzjoni ta’ emerġenza (21).

53.      L-Ungerija tispjega li, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li huwa possibbli abbażi tal-Artikolu 78(3) TFUE jiġi adottat att li jidderoga minn att leġiżlattiv adottat abbażi tal-Artikolu 78(2) TFUE, tali deroga ma għandhiex taffettwa s-sustanza ta’ tali att leġiżlattiv jew tneħħi s-sens tad-dispożizzjonijiet fundamentali tiegħu. Issa, dan huwa l-każ tad‑deċiżjoni kkontestata sa fejn temenda, b’mod partikolari, l‑element l-iktar essenzjali ta’ dan ir-regolament, jiġifieri, in-nomina tal‑Istat Membru responsabbli mill-eżami ta’ talba għal protezzjoni internazzjonali. B’hekk, id-deċiżjoni kkontestata tintroduċi deroga għad‑dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament ta’ portata li hija inaċċettabbli fil-kuntest ta’ att mhux leġiżlattiv. B’hekk tkun qiegħda tiġi evitata l‑proċedura leġiżlattiva ordinarja prevista fl‑Artikolu 78(2) TFUE.

54.      Finalment, fir-replika tagħha u fir-risposta għan-noti ta’ intervent, l-Ungerija ssostni, filwaqt li tirreferi b’analoġija għall-punti 151 sa 161 tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Wathelet fil-kawża Il-Kunsill vs Front Polisario (22), li r-rekwiżit ta’ konsultazzjoni tal-Parlament kif previst fl-Artikolu 78(3) TFUE jista’ jitqies bħala “parteċipazzjoni” tal‑Parlament, fis-sens tal-Artikolu 289(2) TFUE, b’tali mod li tapplika l‑proċedura leġiżlattiva speċjali u li d-deċiżjoni kkontestata għandha għalhekk tiġi kklassifikata bħala att leġiżlattiv.

55.      Madankollu, anki f’dan il-każ, l-Artikolu 78(3) TFUE ma jawtorizzax lill-Kunsill sabiex jidderoga minn dispożizzjoni essenzjali ta’ att leġiżlattiv adottat abbażi tal-Artikolu 78(2) TFUE.

56.      Dawn l-argumenti differenti ma jikkonvinċunix. Jiena tal-parir li l-Artikolu 78(3) TFUE seta’ jservi bħala bażi legali għal att mhux leġiżlattiv, bħad-deċiżjoni kkontestata, li toffri deroga b’mod temporanju u f’kuntest iddefinit għal ċerti dispożizzjonijiet ta’ atti leġiżlattivi.

57.      Ser nibda billi nirrispondi għall-argument imressaq mill-Ungerija fl-istadju tar-replika tagħha (23), jiġifieri li d-deċiżjoni kkontestata tista’ titqies bħala att leġiżlattiv minkejja l-fatt l‑Artikolu 78(3) TFUE ma jsemmix li l-miżuri meħuda fuq din il-bażi ttieħdu fi tmiem proċedura leġiżlattiva speċjali. F’dan ir-rigward, l‑Ungerija tibbaża ruħha fuq il-konstatazzjoni li, skont dak rikjest mill‑Artikolu 289(2) TFUE, id-deċiżjoni kkontestata ġiet adottata mill‑Kunsill “bil-parteċipazzjoni tal-Parlament”.

58.      Jidhirli li huwa indispensabbli li tingħata risposta mingħajr ambigwità għal dan il-punt ta’ liġi, sa fejn l-adozzjoni ta’ att leġiżlattiv tirrikjedi ċerti rekwiżiti li ma japplikawx għall-adozzjoni ta’ att mhux leġiżlattiv. Tiġini f’moħħi, b’mod partikolari, il-parteċipazzjoni tal-parlamenti nazzjonali prevista fl-Artikoli 3 u 4 tal-Protokoll (Nru 1) kif ukoll fl-Artikoli 6 u 7 tal-Protokoll (Nru 2), kif ukoll ir-rekwiżit li jipprevedi li l-Kunsill iżomm seduta pubblika meta jiddelibera u jivvota fuq abbozz ta’ att leġiżlattiv, li jirriżulta mill-Artikolu 16(8) TUE u mill-Artikolu 15(2) TFUE.

59.      It-tipoloġija ta’ strumenti leġiżlattivi tal-Unjoni li toħroġ mit‑Trattat ta’ Lisbona stabbilixxiet, għall-ewwel darba, differenza bejn l-atti leġiżlattivi u l-atti mhux leġiżlattivi skont kunsiderazzjonijiet qabel kollox organiċi u proċedurali (24).

60.      L-Artikolu 289(3) TFUE jiddefinixxi l-kategorija ta’ “atti leġislattivi” bħala dawk li jkopru “[l]-atti legali adottati bil-proċedura leġislattiva”. Il-“proċedura leġislattiva” tikkonsisti fi “proċedura leġislattiva ordinarja” jew fi “proċedura leġislattiva speċjali”. Skont l‑Artikolu 289(1) TFUE, hija l-adozzjoni konġunta ta’ att ġuridiku mill‑Parlament u mill-Kunsill fuq proposta tal-Kummissjoni li tikkaratterizza l-proċedura leġiżlattiva ordinarja.

61.      Skont l-Artikolu 289(2) TFUE, proċedura leġiżlattiva speċjali hija proċedura li, “[f]il-każijiet speċifiċi previsti mit-Trattati” tikkonsisti fl‑“adozzjoni ta’ Regolament, Direttiva jew Deċiżjoni mill-Parlament Ewropew bil-parteċipazzjoni tal-Kunsill jew mill-Kunsill bil-parteċipazzjoni tal-Parlament Ewropew” (25). Il-proċedura leġiżlattiva speċjali għalhekk hija kkaratterizzata mill-fatt li hija tinvolvi, f’diversi livelli, lill-Kunsill u lil-Parlament fl-adozzjoni ta’ att tal-Unjoni.

62.      Fil-maġġoranza tal-każijiet li fihom hija prevista proċedura leġiżlattiva speċjali, tali att għandu jiġi adottat mill-Kunsill li jaġixxi b’mod unanimu, wara approvazzjoni tal-Parlament (26) jew inkella, iktar komuni, wara konsultazzjoni ta’ dan tal-aħħar (27). F’xi każijiet, huwa l‑Parlament li għandu jadotta l-att bl-approvazzjoni tal-Kunsill (28).

63.      Minn dawn id-dispożizzjonijiet jirriżulta li l-awturi tat-Trattat użaw approċċ purament formali (29), li permezz tiegħu l-atti leġiżlattivi huma kklassifikati skont jekk ġewx adottati bi proċedura leġiżlattiva ordinarja jew skont proċedura leġiżlattiva speċjali.

64.      Għalhekk ma huwiex rilevanti li tipprova, kif jissuġġerixxu r‑rikorrenti, li tikklassifika d-deċiżjoni kkontestata bħala att leġiżlattiv skont il-kontenut tiegħu.

65.      L-argument żviluppat mill-Ungerija jqajjem il-kwistjoni dwar jekk hux neċessarju li dispożizzjoni tat-trattat tindika espressament li tippermetti l-adozzjoni ta’ att skont proċedura leġiżlattiva speċjali sabiex jitqies li tali att jikkostitwixxi att leġiżlattiv.

66.      Fl-opinjoni tiegħi, għandha tingħata risposta pożittiva sabiex tiżgura grad suffiċjenti ta’ ċarezza u ta’ ċertezza legali dwar il‑klassifikazzjoni ta’ atti tal-Unjoni introdotta mill-awturi tat-Trattat.

67.      F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li t-Trattat fih diversi dispożizzjonijiet li jipprevedu l-adozzjoni ta’ atti tal-Unjoni billi jsemmu espressament li din l-adozzjoni għandha ssir wara “proċedura leġiżlattiva speċjali”, u dan anki meta l-modalitajiet ta’ din il-proċedura jistgħu jkunu differenti fin-natura tagħhom u fil-livell ta’ involviment tal-Kunsill u tal‑Parlament. L-effett utli ta’ tali riferiment huwa li jiġi spjegat li, ikunu xi jkunu l-modalitajiet tagħha, il-proċedura kkonċernata hija ċertament “proċedura leġiżlattiva” u li għalhekk twassal għall-adozzjoni ta’ att leġiżlattiv. Ir-rekwiżit ta’ tali riferiment jirriżulta wkoll mill-istess termini tal-Artikolu 289(2) TFUE li jipprevedi li proċedura leġiżlattiva speċjali tapplika biss “[f]il-każijiet speċifiċi previsti mit-Trattati”.

68.      Għall-kuntrarju, proċeduri li huma simili għall-proċeduri leġiżlattivi speċjali iżda li ma humiex espressament ikklassifikati bħala tali mit-Trattat għandhom jitqiesu bħala proċeduri mhux leġiżlattivi, li għalhekk iwasslu għall-adozzjoni ta’ atti mhux leġiżlattivi (30).

69.      Ċertament, huwa possibbli li jitqies li distinzjoni bejn l-atti leġiżlattivi u l-atti mhux leġiżlattivi li ġejja minn tali “riferiment ġuridiku” (31) toħloq problemi ta’ koerenza (32) u li l-awturi tat-trattat ma wettqux sal-aħħar l-isforz li jikklassifikaw l-atti leġiżlattivi tal-Unjoni (33).

70.      Huwa għaldaqstant possibbli li jitqies, u din hija s‑soluzzjoni li naqbel magħha, li l-awturi tat-Trattat, għall-kuntrarju, peress li użaw approċċ esklużivament formali tal-att leġiżlattiv, ippermettew li jiġu identifikati mingħajr dubju l-bażijiet legali li jawtorizzaw lill‑istituzzjonijiet tal-Unjoni li jadottaw atti leġiżlattivi. L-inkompletezza, jiġifieri, skont uħud, l-inkoerenza apparenti tal-klassifikazzjoni użata mill-awturi tat-Trattat għandha għalhekk tinftiehem bħala li hija l-konsegwenza tal-volontà ta’ dawn tal-aħħar li jagħtu lil ċerti atti l-kwalità ta’ att leġiżlattiv u li din tiġi rrifjutata għal oħrajn.

71.      Tali eżami tal-kliem tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat sabiex att tal‑Unjoni jiġi kklassifikat jew le bħala att leġiżlattiv huwa barra minn hekk koerenti mal-konstatazzjoni magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja li “ma humiex il-proċeduri li jiddefinixxu l-bażi legali ta’ att, iżda l-bażi legali ta’ att li tiddetermina l-proċeduri li għandhom jiġu segwiti għall-adozzjoni ta’ dan tal-aħħar” (34).

72.      B’mod preċiż, l-interpretazzjoni li qed niddefendi twassal sabiex id-deċiżjoni kkontestata ma tingħatax il-klassifikazzjoni ta’ att leġiżlattiv.

73.      Fil-fatt, għandu jiġi rrilevat li l-kliem tal-Artikolu 78(3) TFUE, għalkemm jipprevedi l-adozzjoni ta’ miżuri mill-Kunsill li jaġixxi wara konsultazzjoni mal-Parlament, ma jsemmix b’mod espress li tali miżuri huma meħuda fil-kuntest ta’ proċedura leġiżlattiva speċjali. Adottati fil‑kuntest ta’ proċedura mhux leġiżlattiva, l-imsemmija miżuri għandhom, b’qari a contrario tal-Artikolu 289(3) TFUE, natura mhux leġiżlattiva. F’dan ir-rigward, il-kuntrast huwa ċar meta mqabbel mal‑Artikolu 78(2) TFUE, li jindika espressament li l-miżuri adottati abbażi ta’ dan l-artikolu ġew adottati bl-implementazzjoni ta’ proċedura leġiżlattiva, f’dan il-każ il-proċedura leġiżlattiva ordinarja.

74.      Wara din l-ispjegazzjoni, issa għandha tingħata tweġiba dwar it‑tħassib li jinsab fil-qalba tal-argument żviluppat mir-Repubblika Slovakka u mill-Ungerija, jiġifieri dak li jkun magħruf jekk u sa fejn l‑Artikolu 78(3) TFUE jawtorizza lill-Kunsill jadotta att mhux leġiżlattiv li jidderoga minn dispożizzjonijiet li jinsabu f’atti leġiżlattivi tal-Unjoni.

75.      Inqis, bħall-Kunsill u l-intervenjenti li jsostnuh, li l-Artikolu 78(3) TFUE jawtorizza l-adozzjoni ta’ miżuri li, sabiex jissodisfaw sitwazzjoni ta’ emerġenza identifikata b’mod ċar, jidderogaw b’mod temporanju u fuq punti speċifiċi minn atti leġiżlattivi dwar l-ażil.

76.      Din id-dispożizzjoni tat-Trattat għandha speċifikament l-għan li tippermetti lill-Unjoni tirreaġixxi malajr u b’mod effikaċi f’sitwazzjoni ta’ emerġenza kkaratterizzata minn dħul f’daqqa ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi. Fid-dawl tal-fatt li l-Artikolu 78(2) TFUE jkopri l-aspetti differenti tas-sistema Ewropea komuni tal-ażil u li l-miżuri adottati abbażi tiegħu jikkostitwixxu atti leġiżlattivi, huwa inevitabbli li l-miżuri provviżorji adottati, meta mqabbla ma’ din l-istess sistema, abbażi tal‑Artikolu 78(3) TFUE jwasslu għal deroga b’mod temporanju għal ċerti dispożizzjonijiet ta’ dawn l-atti leġiżlattivi. Il-kunċett ta’ “miżuri provviżorji”, skont l-Artikolu 78(3) TFUE, ma għandux għalhekk, kuntrarjament għal dak li jissuġġerixxu r-rikorrenti, jinftiehem bħala li huwa limitat għal xi miżuri addizzjonali, ta’ natura operazzjonali jew finanzjarja, ħlief jekk jillimitaw b’mod eżaġerat il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din il-bażi legali u għalhekk, l-effett utli tagħha. Il-kunċett ta’ “miżuri provviżorji” għandu għalhekk, fl-opinjoni tiegħi, jiġi interpretat b’mod wiesa’, peress li l-Artikolu 78(3) TFUE jawtorizza lill-Kunsill jadotta kwalunkwe miżuri li huwa jqis meħtieġa sabiex jaffronta sitwazzjoni ta’ emerġenza kkaratterizzata minn dħul f’daqqa ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi.

77.      Sabiex xi miżuri jistgħu jitqiesu bħala bbażati fid-dritt fuq l-Artikolu 78(3) TFUE, huwa importanti li ma jkunux intiżi sabiex iwarrbu, jissostitwixxu jew jibdlu b’mod definittiv dispożizzjonijiet li jinsabu f’atti leġiżlattivi adottati abbażi tal-Artikolu 78(2) TFUE.

78.      Dan ċertament ma huwiex il-każ fir-rigward tad-deċiżjoni kkontestata li tillimita ruħha, minħabba n-natura tagħha ta’ miżura provviżorja intiża sabiex tirrispondi għal sitwazzjoni ta’ emerġenza preċiża, sabiex tipprevedi derogi temporanji, f’kuntest strettament limitat, għal diversi dispożizzjonijiet ta’ atti leġiżlattivi tal-Unjoni. Tali derogi ma għandhomx għalhekk jiftiehmu, kuntrarjament għal dak argumentat mir-rikorrenti, bħala li jemendaw dawn l-atti b’mod permanenti u ġenerali.

79.      F’dan ir-rigward, nispjega li d-derogi li fiha d-deċiżjoni kkontestata japplikaw biss matul perijodu ta’ sentejn, li tikkonċerna biss numru limitat ta’ 120 000 ċittadini ta’ ċerti pajjiżi terzi, li ressqu talba għal protezzjoni internazzjonali fl-Italja u fil-Greċja, li għandhom nazzjonalità msemmija fl-Artikolu 3(2) tad-deċiżjoni kkontestata, li huma rrilokati minn wieħed minn dawn iż-żewġ Stati Membri, u li waslu jew ser jaslu fl-imsemmija Stati Membri bejn l-24 ta’ Marzu 2015 u s‑26 ta’ Settembru 2017.

80.      Kif jindika l-Kunsill, wara d-data ta’ skadenza tal-applikazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, jiġifieri s-26 ta’ Settembru 2017, l-effetti tad‑derogi jiskadu awtomatikament u r-regoli ġenerali jerġgħu jibdew japplikaw mingħajr bżonn ta’ xi intervent mil-leġiżlatur tal-Unjoni.

81.      Kif indikajt preċedentement, dawn id-derogi ratione temporis u temporanji ma jistgħux jiġu assimilati ma’ emenda permanenti tar-regoli dwar il-mertu li jinsabu f’atti leġiżlattivi tal-Unjoni dwar l-ażil, li tista’ ssir biss abbażi tal-Artikolu 78(2) TFUE.

82.      Fl-opinjoni tiegħi, bl-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata abbażi tal-Artikolu 78(3) TFUE, ma hemmx evitar tal-proċedura leġiżlattiva ordinarja prevista bl-Artikolu 78(2) TFUE.

83.      F’dan ir-rigward, għandha tiġi kkjarifikata r-relazzjoni li għandhom dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet tat-Trattat.

84.      Moqri flimkien mal-Artikolu 80 TFUE, l-Artikolu 78(3) TFUE jikkostitwixxi bażi legali speċifika għall-miżuri provviżorji li jikkonkretizzaw il-prinċipju ta’ solidarjetà f’sitwazzjonijiet ta’ urġenza kkaratterizzati minn dħul f’daqqa ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi.

85.      Il-proċedura prevista bl-Artikolu 78(3) TFUE hija kkaratterizzata bl-urġenza ta’ reazzjoni f’sitwazzjoni ta’ kriżi. Dan huwa li jiġġustifika li ma ssirx skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja.

86.      Kif jindika l-Kunsill, il-miżuri previsti fl-Artikolu 78(2) u (3) TFUE huma bbażati kull waħda minnhom fuq bażi legali awtonoma fit-Trattat u jaqgħu taħt sitwazzjonijiet u għanijiet differenti mingħajr ma hemm lok li jkun hemm ġerarkija bejniethom.

87.      Għandu jsir enfasi fuq in-natura kumplimentari tal-bażijiet legali li jikkostitwixxu l-Artikolu 78(2)(e) TFUE (35) u l-Artikolu 78(3) TFUE. L‑użu tagħhom flimkien jew b’mod suċċessiv jippermetti b’mod partikolari lill-Unjoni taġixxi b’mod effikaċi f’każ ta’ kriżi migratorja. Din il-komplementarjetà hija murija bil-proposta ta’ regolament tal‑Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Settembru 2015, li jistabbilixxi mekkaniżmu ta’ rilokazzjoni f’każ ta’ kriżi u li jemenda r‑Regolament Dublin III.

88.      Fil-proposta tagħha, il-Kummissjoni tesponi b’mod ċar liema huma l-interazzjonijiet bejn, minn naħa waħda, il-miżuri li jinsabu f’din il-proposta u, min-naħa l-oħra, il-programmi ta’ rilokazzjoni ta’ emerġenza bbażati fuq l-Artikolu 78(3) TFUE.

89.      Kif tispjega l-Kummissjoni, “[g]ħandha ssir distinzjoni bejn il‑proposta li tistabbilixxi mekkaniżmu ta’ rilokazzjoni f’każ ta’ kriżi u l‑proposti adottati mill-Kummissjoni abbażi tal-Artikolu 78(3) TFUE għall-benefiċċju ta’ ċerti Stati Membri li jiffaċċjaw dħul f’daqqa ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi fit-territorji tagħhom” (36). Il-Kummissjoni tkompli billi tispjega li, “[f]ilwaqt li l-miżuri proposti mill-Kummissjoni abbażi tal-Artikolu 78(3) TFUE huma proviżorji, il-proposta li tistabbilixxi mekkaniżmu ta’ rilokazzjoni fi kriżi tintroduċi metodu sabiex jiġi ddeterminat għal perijodu temporanju ta’ kriżi, liema Stat Membru huwa responsabbli sabiex jeżamina applikazzjonijiet għall‑protezzjoni internazzjonali li jkunu saru fi Stat Membri kkonfrontati b’sitwazzjoni ta’ kriżi, bl-għan li tiġi żgurata distribuzzjoni iktar ġusta bejn l-Istati Membri f’sitwazzjonijiet bħal dawn u b’hekk jiġi ffaċilitat il‑funzjonament tas-sistema ta’ Dublin anki fi żminijiet ta’ kriżi” (37).

90.      F’dan l-aħħar każ, u kuntrarjament għal dak previst mid-deċiżjoni kkontestata, huwa dispożittiv permanenti li jistabbilixxi metodu ta’ kif jiġi stabbilit l-Istat Membru responsabbli mill-eżami tat-talbiet għal protezzjoni internazzjonali mressqa fi Stat Membru li jinsab b’sitwazzjoni ta’ kriżi. Dan id-dispożittiv permanenti huwa ta’ natura ġenerali, fis-sens li l-applikazzjoni tiegħu ma hijiex immirata fuq ċerti Stati Membri li diġà qegħdin f’sitwazzjoni ta’ kriżi, iżda tista’ tibbenefika lil kull Stat membru li jinsab f’tali sitwazzjoni.

91.      Il-kundizzjonijiet sabiex jibda l-mekkaniżmu ta’ rilokazzjoni huma previsti bil-proposta ta’ regolament. Kif indikat mill-Kummissjoni f’din il-proposta, l-Istat Membru benefiċjarju għandu għalhekk “jinsab b’sitwazzjoni ta’ kriżi li tipperikola l-applikazzjoni tar‑Regolament ta’ Dublin minħabba pressjoni estrema kkaratterizzata minn dħul kbir u sproporzjonat ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi jew persuni apolidi, li titlob ħafna mis-sistema ta’ ażil tiegħu” (38).

92.      Il-komplementarjetà bejn il-miżuri meħuda abbażi tal‑Artikolu 78(2)(e) TFUE u dawk adottati skont l-Artikolu 78(3) TFUE hija spjegata iktar bil-mod segwenti mill-Kummissjoni: “[i]t-twaqqif ta’ mekkaniżmu ta’ rilokazzjoni f’każ ta’ kriżi huwa mingħajr preġudizzju għall-possibbiltà li l-Kunsill jadotta, fuq proposta tal-Kummissjoni, miżuri proviżorji għall-benefiċċju ta’ Stat Membru li jinsab f’sitwazzjoni ta’ emerġenza kif ikkaratterizzata mill‑Artikolu 78(3) […] TFUE. L-adozzjoni ta’ miżuri ta’ emerġenza abbażi tal-Artikolu 78(3) TFUE tibqa’ possibbli f’sitwazzjonijiet eċċezzjonali fejn intervent ta’ emerġenza, jiġifieri appoġġ usa’ fil-qasam tal-migrazzjoni, tkun meħtieġa, jekk il-kundizzjonijiet sabiex jintuża l-mekkaniżmu ta’ rilokazzjoni f’każ ta’ kriżi ma jkunux issodisfati” (39).

93.      Fir-rigward tal-bażi legali użata, il-Kummissjoni fil-proposta tagħha tindika li din “temenda r-Regolament [Dublin III] u għaldaqstant għandha tiġi adottata fuq l-istess bażi legali, jiġifieri l-Artikolu 78(2)(e) TFUE, skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja” (40). Il-proposta ta’ regolament temenda, fil-fatt, ir-Regolament Dublin III, billi żżid Taqsima VII intitolata “Mekkaniżmu ta’ rilokazzjoni f’każ ta’ kriżi”. Sa fejn temenda dan ir-regolament, din il‑proposta hija ġustament ibbażata fuq l-Artikolu 78(2)(e) TFUE u għalhekk suġġetta għall-proċedura leġiżlattiva ordinarja.

94.      Barra minn hekk, il-Kummissjoni tispjega li “[i]l-mekkaniżmu ta’ rilokazzjoni f’każ ta’ kriżi li jinsab f’din il-proposta jipprevedi derogi permanenti, li għandhom jiġu applikati f’sitwazzjonijiet speċifiċi ta’ kriżi għall-benefiċċju ta’ Stati Membri speċifiċi, b’mod partikolari għall-prinċipju ddefinit fl-Artikolu 3(1) tar-Regolament [Dublin III] li skontu applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali tiġi eżaminata mill-Istat Membru li l-kriterji stipulati fil-Kapitolu III jindikaw li huwa responsabbli. Minflok dan il-prinċipju, il-proposta tistabbilixxi, għal ċirkustanzi ta’ kriżi preskritti sew, koeffiċjent mandatorju għat-tqassim sabiex tkun iddeterminata r-responsabbiltà tal-analiżi tal‑applikazzjonijiet” (41).

95.      Id-deċiżjoni kkontestata u l-proposta ta’ regolament għandhom bħala punt komuni li jagħtu lill-Unjoni l-għodda sabiex tkun tista’ tirrispondi għal sitwazzjonijiet ta’ kriżi migratorji. Madankollu, filwaqt li l-ewwel waħda, bħala miżura adottata abbażi tal-Artikolu 78(3) TFUE, għandha natura provviżorja u hija mmirata għall-Istati Membri li jinsabu f’sitwazzjoni ta’ emerġenza kkaratterizzata minn dħul f’daqqa ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi, it-tieni tistabbilixxi mekkaniżmu ta’ rilokazzjoni għal perijodu indefinit, li ma huwiex limitat għal numru stabbilit minn qabel ta’ ċittadini ta’ pajjiż u li ma jidentifikax minn qabel Stat Membru wieħed jew iktar bħala benefiċjarji ta’ dan il-mekkaniżmu.

96.      Minn dawn il-punti jirriżulta li, filwaqt li l-Artikolu 78(3) TFUE jikkostitwixxi l-bażi legali li tippermetti lill-Unjoni tirrispondi b’mod provviżorju u f’sitwazzjoni ta’ emerġenza għad-dħul f’daqqa ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi, l-Artikolu 78(2)(e) TFUE jagħti lill-Unjoni qafas intiż sabiex tirrispondi b’mod permanenti u ġenerali għal problema strutturali, jiġifieri n-natura mhux adattata tal-Artikolu 3(1) tar‑Regolament Dublin III f’każ ta’ pressjoni migratorja f’daqqa fuq l‑Istati Membri tal-ewwel art.

97.      Mill-argumenti preċedenti jirriżulta li, fl-opinjoni tiegħi, l‑Artikolu 78(3) TFUE jista’ jservi bħala bażi għal miżuri provviżorji, bħal dawk li jinsabu fid-deċiżjoni kkontestata, li huma intiżi sabiex jirrispondu għal sitwazzjoni ta’ emerġenza anki jekk jinvolvu derogi għal dispożizzjonijiet partikolari ta’ atti leġiżlattivi tal-Unjoni, sakemm dawn id-derogi huma strettament limitati minn perspettiva ratione materiae u ratione temporis.

98.      It-tieni motiv tar-Repubblika Slovakka u l-ewwel motiv tal‑Ungerija għandhom, konsegwentement, jiġu miċħuda bħala infondati.

2.      Fuq l-ewwel parti tal-ħames motiv tar-Repubblika Slovakka u fuq ittieni motiv tal-Ungerija, ibbażati fuq l-assenza ta’ natura provviżorja tad-deċiżjoni kkontestata

99.      Ir-Repubblika Slovakka u l-Ungerija jsostnu li l‑Artikolu 78(3) TFUE ma jipprovdix bażi legali adegwata għall‑adozzjoni tad‑deċiżjoni kkontestata peress li din ma hijiex ta’ natura provviżorja, kuntrarjament għal dak rikjest minn din id‑dispożizzjoni.

100. Skont l-Artikolu 13(1) u (2) tad-deċiżjoni kkontestata, din tal-aħħar hija applikabbli mill-25 ta’ Settembru 2015 sas-26 ta’ Settembru 2017, jiġifieri matul perijodu ta’ 24 xahar. Barra minn hekk, l-Artikolu 13(3) ta’ din id-deċiżjoni jipprevedi li din għandha tapplika għall-persuni li jaslu fit-territorju tar-Repubblika Taljana u tar-Repubblika Ellenika f’dan il-perijodu, kif ukoll għall‑applikanti għal protezzjoni internazzjonali li waslu fit-territorju ta’ dawn l-Istati Membri mill-24 ta’ Marzu 2015.

101. Minn dawn id-dispożizzjonijiet jirriżulta li l-kamp ta’ applikazzjoni ratione temporis tad-deċiżjoni kkontestata huwa ddefinit b’mod preċiż. Din tipprevedi mingħajr possibbiltà ta’ ambigwità mekkaniżmu ta’ urġenza għal perijodu stabbilit, b’tali mod li, fl-opinjoni tiegħi, in-natura provviżorja tagħha ma tistax tiġi kkontestata.

102. Peress li l-Artikolu 78(3) TFUE ma jirreferix għal perijodu massimu ta’ sitt xhur, kuntrarjament għal dak li kien il-każ fl‑Artikolu 64(2) tat-Trattat KE, għandu jiġi dedott minn dan li l-miżuri provviżorji adottati fuq dan il-bażi jista’ jkollhom tul itwal.

103. Kuntrarjament għal dak li jsostnu r-Repubblika Slovakka u l‑Ungerija, il-fatt li d-deċiżjoni kkontestata tista’, minħabba r-rabtiet fit‑tul li jistgħu jorbtu lill-applikanti għal protezzjoni internazzjonali u l‑Istati Membri ta’ rilokazzjoni, tħalli l-effetti tagħha lil hinn mill-perijodu msemmi f’din id-deċiżjoni huwa, fl-opinjoni tiegħi, irrilevanti. Tali effetti xi ftit jew wisq ta’ portata twila huma effettivament, inerenti għall‑protezzjoni internazzjonali li tista’ tinkiseb fl-Istat Membru ta’ rilokazzjoni. Jekk jiġi aċċettat l-argument tar-Repubblika Slovakka u l‑Ungerija, l-ebda mekkaniżmu ta’ rilokazzjoni ma jista’ jiġi implementat abbażi tal-Artikolu 78(3) TFUE.

104. Barra minn hekk, peress li l-Artikolu 78(3) TFUE ma jistabbilixxix terminu preċiż iżda jipprevedi biss l-adozzjoni ta’ miżuri provviżorji, nikkunsidra li l-Kunsill seta’, mingħajr ma jikser din id‑dispożizzjoni u mingħajr ma jmur lil hinn mill-marġni diskrezzjonali li tagħtih din tal-aħħar, jistabbilixxi mekkaniżmu temporanju ta’ rilokazzjoni li jkollu perijodu ta’ applikazzjoni ta’ 24 xahar. F’dan ir‑rigward, għandu jiġi nnotat it-tħassib li wriet il-Kummissjoni fil‑proposta ta’ deċiżjoni tagħha, li l-perijodu tal-miżuri provviżorji “ma għandux ikun qasir wisq, sabiex jiġi żgurat li l-miżuri meħuda jkollhom impatt reali fil-prattika u verament jgħinu [lir-Repubblika Taljana] u [lir-Repubblika Ellenika] […] sabiex ikunu jistgħu jlaħħqu mal-influss tal-migranti” (42). Barra minn hekk, l-għażla ta’ perijodu ta’ applikazzjoni ta’ 24 xahar hija ġġustifikata wkoll fir-rigward tat-terminu prevedibbli meħtieġ sabiex isiru l-preparamenti għall-implementazzjoni fl-Istati Membri kollha tal‑proċedura ta’ rilokazzjoni, iktar u iktar jekk tittieħed kont, kif enfasizzat ġustament ir-Repubblika Ellenika waqt is-seduta, tan-natura ġdida ta’ din il-proċedura.

105. Barra minn hekk, l-argument imressaq mir-Repubblika Slovakka u mill-Ungerija, li l-perijodu u l-effetti ta’ miżura adottata abbażi tal‑Artikolu 78(3) TFUE ma jistgħux imorru lil hinn mill-perijodu neċessarju għall-adozzjoni ta’ att leġiżlattiv ibbażat fuq l‑Artikolu 78(2) TFUE ma huwiex sostnut bil-kliem ta’ dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet. Barra minn hekk, sa fejn huwa impossibbli li jiġi stabbilit minn qabel il-perijodu li huwa neċessarju għall-adozzjoni ta’ att leġiżlattiv li jistabbilixxi mekkaniżmu permanenti ta’ -rilokazzjoni abbażi tal-Artikolu 78(2) TFUE, l-argument użat mir-Repubblika Slovakka u mill-Ungerija jidhirli li ma jistax jitqiegħed fil-prattika. Din l-inċertezza tista’ tintwera bil-fatt li l-proposta ta’ regolament li jistabbilixxi mekkaniżmu ta’ rilokazzjoni permanenti, kif ġiet ippreżentata fid‑9 ta’ Settembru 2015, jiġifieri fl-istess jum bħall-proposta li wasslet għad-deċiżjoni kkontestata, għadha sa issa ma ġietx adottata u huwa impossibbli jkun hemm ċertezza li ser tiġi adottata qabel is‑26 ta’ Settembru 2017, data ta’ skadenza tad-deċiżjoni kkontestata, jew f’data sussegwenti.

106. L-argumenti l-oħra mressqa mir-Repubblika Slovakka u mill‑Ungerija ma humiex tali li jibdlu l-evalwazzjoni tiegħi. B’hekk, il‑fatt li d-deċiżjoni kkontestata jista’ jkollha xi bidliet skont iċ‑ċirkustanzi ma jikkontradixxix in-natura provviżorja tagħha, u lanqas il-possibbiltà ta’ proroga għal perijodu massimu ta’ tnax-il xahar prevista bl-Artikolu 4(5) tad-deċiżjoni kkontestata (43).

107. Mill-argumenti preċedenti jirriżulta li l-ewwel parti tal-ħames motiv tar-Repubblika Slovakka u t-tieni motiv tal-Ungerija għandhom jiġu miċħuda bħala infondati.

3.      Fuq it-tieni parti tal-ħames motiv tar-Repubblika Slovakka, ibbażata fuq il-fatt li d-deċiżjoni kkontestata ma tissodisfax ilkundizzjonijiet ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 78(3) TFUE

108. Ir-Repubblika Slovakka tikkontesta fuq tliet punti li d-deċiżjoni kkontestata tosserva l-kundizzjoni ta’ applikazzjoni tal‑Artikolu 78(3) TFUE, li jipprevedi li l-Istat Membru benefiċjarju tal‑miżuri provviżorji għandu jkun “f’sitwazzjoni ta’ emerġenza karatterizzata minn dħul f’daqqa ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi”.

109. Fl-ewwel lok, skont ir-Repubblika Slovakka, id-dħul ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi fl-Italja u fil-Greċja fil-mument tal-adozzjoni tad‑deċiżjoni kkontestata jew immedjatament qabel l-adozzjoni tagħha kien raġonevolment prevedibbli u għalhekk ma għandux jiġi kklassifikat bħala “f’daqqa”. Fil-fatt, l-istatistika għas-snin 2013-2014 u l-ewwel xhur tas-sena 2015 tindika li n-numru ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li daħlu fl-Italja u l-Greċja żdied b’mod kontinwu u li, mill-perijodu 2013-2014, din iż-żieda kienet kunsiderevoli. Barra minn hekk, fir-rigward tal-Italja, id-data attwali għas-sena 2015 tindika pjuttost tnaqqis fis-sens sena tan‑numru ta’ migranti.

110. Fl-opinjoni tiegħi, dan l-argument ma jistax jintlaqa’.

111. Ser nibda billi nirrileva, minn perspettiva ġenerali, filwaqt li nirreferi għar-“rapport annwali 2015” tal-Frontex, li, fl-2015, in-numru ta’ dħul irregolari ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi fil-fruntieri esterni tal‑Unjoni laħaq l-1.8 miljun, filwaqt li fl-2014 dan in-numru kien ta’ 285 532, jiġifieri żieda ta’ 546 %. Bħala punti ta’ dħul prinċipali ta’ dawn iċ-ċittadini fl-Unjoni, il-Greċja u l-Italja kienu esposti għal pressjoni migratorja partikolarment intensa.

112. L-Artikolu 78(3) TFUE joffri bażi legali speċifika sabiex jissodisfa s-sitwazzjonijiet ta’ urġenza fl-qasam migratorju li huma affrontati bihom Stat Membru wieħed jew iktar, filwaqt li jipprevedi l‑adozzjoni ta’ miżuri provviżorji li, kif il-Kummissjoni rrilevat fil-proposta ta’ deċiżjoni tagħha, għandhom “huma ta’ natura eċċezzjonali”, fis-sens li “jistgħu jittieħdu biss meta jintlaħaq ċertu livell limitu ta’ urġenza u ta’ gravità tal-problemi, wara dħul f’daqqa ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi, li jinħolqu fis-sistema tal-ażil tal-Istati Membr jew tal-Istat Membri” (44).

113. Bħall-Kunsill u l-intervenjenti li ppreżentaw osservazzjonijiet insostenn tiegħu, nirrileva li d-daqs massiv ta’ żieda tad-dħul ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi matul l-2015, u, b’mod partikolari, matul Lulju u Awwissu ta’ din is-sena, jikkostitwixxi fatt oġġettiv rifless mid-data ta’ Frontex li hija msemmija fil‑premessa 13 tad-deċiżjoni kkontestata. Din id-data tirreferi, fir‑rigward tal-Italja, għal 42 356 qsim irregolari ta’ fruntieri matul Lulju u Awwissu 2015, jiġifieri żieda ta’ 20 % meta mqabbla ma’ Mejju u Ġunju 2015. Fir-rigward tal-Greċja, din iċ-ċifra laħqet l-137 000 matul Lulju u Awwissu 2015, jiġifieri żieda ta’ 250 %.

114. Kif jirriżulta mill-premessa 13 tad-deċiżjoni kkontestata, il‑Kunsill ħa inkunsiderazzjoni l-fatt li l-maġġoranza ta’ dawn il-migranti setgħu, fid-dawl tan-nazzjonalità tagħhom, jingħataw protezzjoni internazzjonali.

115. Barra minn hekk, mill-premessa 14 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li, skont iċ-ċifri tal-Eurostat u tal-Uffiċċju Ewropew ta’ Appoġġ fil-qasam tal-Ażil (EASO), bejn Jannar u Lulju 2015, ġie osservat li kien hemm żieda qawwija fin-numru ta’ persuni li talbu protezzjoni internazzjonali fl-Italja u fil-Greċja, li jikkonferma kompletament il-konstatazzjoni ta’ żieda esponenzjali tal‑pressjoni eżerċitata fuq is-sistemi ta’ ażil tar-Repubblika Taljana u tar-Repubblika Ellenika.

116. Inżid li mill-premessa 16 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l‑Kunsill ħa wkoll inkunsiderazzjoni l-fatt li s-sitwazzjoni ta’ emerġenza li kienet qed taffettwa lir-Repubblika Taljana u r-Repubblika Ellenika probabbilment kienet ser tkompli tippersisti minħabba l-instabbiltà u l-kunflitti fil-pajjiżi immedjatament viċini ta’ dawn iż-żewġ Stati Membri. Li jintwera li kien hemm pressjoni kostanti fuq is‑sistemi ta’ ażil tar-Repubblika Taljana u tar-Repubblika Ellenika, li wasslet sabiex dawn jiddgħajfu b’mod rikorrenti, għamlet iktar u iktar meħtieġa l-adozzjoni ta’ rispons immedjat mill-Unjoni, taħt il-forma ta’ miżuri provviżorji meħuda abbażi tal-Artikolu 78(3) TFUE, meta sseħħ sitwazzjoni ta’ emerġenza kkaratterizzata minn dħul f’daqqa u massiċċ ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi fit-territorju ta’ dawn l-Istati Membri (45).

117. In-natura f’daqqa tad-dħul ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi tirriżulta wkoll minn data oġġettiva. Din turi fenomenu ta’ żieda mgħaġġla tan-numru ta’ ċittadini li waslu minn pajjiżi terzi fl-Italja u fil-Greċja fuq perijodu qasir. L-inkapaċità ta’ dawn iż-żewġ Stati Membri li jilqgħu għal dan il-fenomenu tikkaratterizza l-eżistenza ta’ sitwazzjoni ta’ emerġenza li d-deċiżjoni kkontestata għandha l-għan li tirrimedja.

118. Irrispettivament minn jekk dan id-dħul ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi kienx prevedibbli jew le, dak li huwa importanti sabiex jiġi ġġustifikat l‑użu tal-Artikolu 78(3) TFUE huwa li tali dħul, bir-rata mgħaġġla tiegħu u bid-daqs tiegħu, għamel indispensabbli reazzjoni immedjata mill‑Unjoni bl-adozzjoni ta’ miżuri provviżorji sabiex tonqos il‑pressjoni kunsiderevoli li għaldaqstant kien hemm fuq is-sistemi tal-ażil Taljan u Grieg, kif tindika l-premessa 26 tad-deċiżjoni kkontestata.

119. Ftit ukoll jimporta li l-tendenza għaż-żieda fin-numru ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li waslu b’mod irregolari fl-Italja u fil-Greċja kienet dehret qabel is-sena 2015. Kif indikajna preċedentement, dak li huwa importanti hija l-konstatazzjoni ta’ żieda f’daqqa ta’ dan in-numru, kif jirriżulta mid-data oġġettiva ċċitata iktar ’il fuq, li l-eżattezza tagħha ma hijiex ikkontestata mir-rikorrenti.

120. Fit-tieni lok, ir-Repubblika Slovakka ssostni li l‑Artikolu 78(3) TFUE jimplika li l-Istat Membru jinsab f’sitwazzjoni ta’ emerġenza dovuta preċiżament minħabba dħul f’daqqa ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi, li tirriżulta mill-użu tat-terminu “karatterizzata”. Issa, ir‑Repubblika Slovakka tosserva li, tal-inqas fil‑każ tar-Repubblika Ellenika, din ir-rabta ta’ kawżalità ma tidhirx li kienet teżisti. Fil-fatt, huwa stabbilit li s-sistema ta’ ażil u ta’ migrazzjoni Griega (u Taljana wkoll), ilha, għal perijodu twil, taffronta problemi sinjifikattivi mingħajr rabta ta’ kawżalità diretta mal-fenomenu migratorju karatteristiku tal-perijodu li matulu ġiet adottata d-deċiżjoni kkontestata.

121. Fl-opinjoni tiegħi, dan l-argument, għandu jiġi miċħud.

122. Ċertament, kif josserva l-Kunsill, teżisti diverġenza bejn il‑verżjonijiet lingwistiċi tal-Artikolu 78(3) TFUE sa fejn, fi ħmistax-il verżjoni, hija użata l-kelma “karatterizzata” filwaqt li f’disa’ verżjonijiet tinsab il-kelma “ikkawżata”. Madankollu, fiż-żewġ każijiet, tissemma l-kundizzjoni li għandu jkun hemm relazzjoni mill-qrib bejn is‑sitwazzjoni ta’ emerġenza li teħtieġ l-adozzjoni ta’ miżuri provviżorji u d-dħul f’daqqa ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi. Issa, kif jirriżulta mill‑premessi 13 u 26 tad-deċiżjoni kkontestata, huwa d-dħul f’daqqa taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi matul is-sena 2015, u b’mod partikolari matul Lulju u Awwissu 2015, li kkontribwixxa sabiex ikun hemm pressjoni mhux sostenibbli, karatteristika ta’ sitwazzjoni ta’ emerġenza, fuq is-sistemi ta’ ażil Taljana u Griega.

123. F’dan ir-rigward, ftit jimporta li, is-sistemi ta’ ażil Taljana u Griega kienu diġà ddgħajfu preċedentement. Kif ġustament irrileva l‑Kunsill, huwa probabbli li l-pressjoni qawwija li kellhom is-sistemi ta’ ażil Taljana u Griega kienet tali li setgħet taffettwa b’mod negattiv kwalunkwe sistema ta’ ażil, anki sistema li ma tkunx strutturalment dgħajfa.

124. Fit-tielet lok, skont ir-Repubblika Slovakka, id-deċiżjoni kkontestata ma tistax tiġi adottata abbażi tal-Artikolu 78(3) TFUE, peress li hija intiża sabiex issolvi mhux sitwazzjoni ta’ emerġenza eżistenti jew imminenti li taffettwa r-Repubblika Ellenika u r-Repubblika Ellenika, iżda, tal-inqas parzjalment, sitwazzjonijiet ipotetiċi futuri li dwarhom ma kienx possibbli, waqt l‑adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, li jiġi stabbilit bi probabbiltà suffiċjenti li kienu ser iseħħu.

125. Ir-Repubblika Slovakka tikkunsidra li l-perijodu ta’ applikazzjoni ta’ żewġ jew tliet snin tad-deċiżjoni kkontestata huwa twil wisq sabiex tkun tista’ tiddikjara li, matul dan il-perijodu, il-miżuri adottati jirrispondu għas-sitwazzjoni ta’ urġenza, attwali jew imminenti, li tolqot l-Italja u l-Greċja. B’hekk, matul dan il-perijodu, is-sitwazzjoni ta’ emerġenza tista’ ma tibqax teżisti f’dawn l-Istati Membri. Barra minn hekk, il-mekkaniżmu ta’ rilokazzjoni tar-riżerva ta’ 54 000 persuni addizzjonali prevista fl-Artikolu 4(3) tad-deċiżjoni kkontestata, moqri flimkien mal-Artikolu 4(1)(c) tagħha, huwa intiż sabiex jirrispondi għal sitwazzjonijiet totalment ipotetiċi fi Stati Membri oħra.

126. Ir-Repubblika tal-Polonja ssostni din il-perspettiva billi targumenta li l-Artikolu 78(3) TFUE ikopri sitwazzjoni ta’ kriżi pre‑eżistenti u attwali li tirrikjedi l-adozzjoni ta’ miżuri korrettivi immedjati jew le, kif tagħmel id-deċiżjoni kkontestata, tas-sitwazzjonijiet ta’ kriżi li jistgħu javveraw ruħhom fil-futur iżda li jekk hux ser iseħħu, in-natura u d-daqs tagħhom huma inċerti u diffiċli li jiġu previsti.

127. Kuntrarjament għar-Repubblika Slovakka u għar-Repubblika tal‑Polonja, nikkunsidra li l-fatt li d-deċiżjoni kkontestata tirreferi għal avvenimenti jew sitwazzjonijiet futuri ma huwa bl-ebda mod inkompatibbli mal‑Artikolu 78(3) TFUE.

128. Fil-fatt, infakkar li mill-premessi 13 u 26 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-adozzjoni tagħha hija qabel xejn motivata min-neċessità li tirrispondi għal sitwazzjoni ta’ emerġenza li rriżultat b’mod partikolari matul Lulju u Awwissu 2015 fl-Italja u fil‑Greċja. Il-fatt li d-deċiżjoni kkontestata fiha diversi dispożizzjonijiet li jippermettu li din tiġi adattata għall-iżvilupp ta’ din is-sitwazzjoni ma jistax jaħbi l-fatt li din id-deċiżjoni hija intiża sabiex issolvi problema li tnisslet qabel l-adozzjoni tagħha.

129. Ikun x’ikun, nikkunsidra li l-Artikolu 78(3) TFUE ma jipprekludix li d-deċiżjoni kkontestata jkun fiha diversi dispożizzjonijiet li jippermettu li din tal-aħħar tiġi adattata skont l-iżvilupp tad-dħul migratorju. Din id-dispożizzjoni tagħti lill-Kunsill marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ fl-għażla tal-miżuri li għandhom jittieħdu sabiex jirrispondi b’mod adegwat għas-sitwazzjoni ta’ emerġenza kkaratterizzata mid-dħul f’daqqa ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi. Peress li tali sitwazzjoni ta’ emerġenza tista’ tippersisti, tevolvi jew taffettwa Stati Membri oħra, il‑Kunsill seta’ jikkunsidra l-possibbiltà li jadatta l-azzjoni tiegħu, u b’mod partikolari, il-karatteristiċi u l-modalitajiet ta’ applikazzjoni tal‑mekkaniżmu temporanju ta’ rilokazzjoni.

130. B’hekk, il-ħtieġa li tirrispondi għal sitwazzjoni ta’ emerġenza b’miżuri provviżorji, li jesprimu l-bażi legali kkostitwita bl‑Artikolu 78(3) TFUE, ma teskludix la l-aġġustament ta’ miżura bħad‑deċiżjoni kkontestata skont l-iżvilupp tas-sitwazzjoni u lanqas l‑adozzjoni mill-Kunsill ta’ atti ta’ implementazzjoni. Li tirrispondi għall-urġenza ma teskludix in-natura evoluttiva u aġġustata tar-rispons, sakemm din tippreżerva n-natura provviżorja tagħha.

131. Minn din il-perspettiva, huma kompletament kompatibbli mal‑Artikolu 78(3) TFUE, dispożizzjonijiet bħat-tieni subparagrafu tal‑Artikolu 1(2) u l-Artikolu 4(3) tad-deċiżjoni kkontestata, li jipprevedu l-possibbiltà għall-Kummissjoni li tippreżenta proposti lill‑Kunsill jekk tqis li aġġustament tal-mekkaniżmu ta’ rilokazzjoni huwa ġġustifikat minħabba l-fatt li s-sitwazzjoni tevolvi fit-territorju fejn Stat Membru huwa affrontat b’sitwazzjoni ta’ emerġenza kkaratterizzata minn dħul f’daqqa ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi minħabba riorjentazzjoni sinjifikattiva ta’ dħul migratorju.

132. Il-Kunsill seta’ wkoll, mingħajr ma dan jaffettwa l-legalità tad‑deċiżjoni kkontestata, jirriproduċi, fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 9 ta’ din id-deċiżjoni, il-kundizzjonijiet li fihom il-miżuri provviżorji, distinti mid‑deċiżjoni kkontestata, jistgħu jittieħdu abbażi tal‑Artikolu 78(3) TFUE u l-konsegwenzi li jistgħu jirriżultaw minnu fir‑rigward tal-applikazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

133. Finalment, kif ġustament jirrileva l-Kunsill, il-fatt li d-deċiżjoni kkontestata tipprevedi l-adozzjoni ta’ atti ta’ eżekuzzjoni (46) u li tagħmel l-adozzjoni tagħhom dipendenti fuq avvenimenti jew sitwazzjonijiet futuri ma jistax jivvizzja d-deċiżjoni kkontestata b’illegalità. Fil-fatt, kif jirriżulta mill-premessa 28 tad-deċiżjoni kkontestata, l-eżerċizzju mill-Kunsill ta’ tali kompetenzi ta’ eżekuzzjoni huwa meħtieġ sabiex jippermetti aġġustament rapidu tal-mekkaniżmu temporanju ta’ rilokazzjoni għal sitwazzjonijiet li jiżviluppaw malajr.

134. It-tieni parti tal-ħames motiv tar-Repubblika Slovakka għalhekk ma hijiex fondata.

135. Mill-argumenti preċedenti jirriżulta li l-motivi mqajma mir‑Repubblika Slovakka u mill-Ungerija, ibbażati fuq il-fatt li l‑Artikolu 78(3) TFUE ma huwiex adattat bħala bażi legali għall‑adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, għandhom jiġu kollha miċħuda bħala infondati.

C.      Fuq il-motivi relatati mar-regolarità tal-proċedura ta’ adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata u bbażati fuq il-ksur tal-forom proċedurali sostanzjali

1.      Fuq l-ewwel motiv tar-Repubblika Slovakka u s-seba’ motiv talUngerija, ibbażati fuq ksur tal-Artikolu 68 TFUE

136. Ir-Repubblika Slovakka u l-Ungerija jsostnu li, peress li d‑deċiżjoni kkontestata tmur lil hinn mid-direzzjonijiet mogħtija mill‑Kunsill Ewropew fil-konklużjonijiet tiegħu tal-25 u 26 ta’ Ġunju 2015, li jipprevedu li t-tqassim tal-persuni li għandhom jiġu rrilokati għandu jiġi deċiż “b’kunsens” u “billi tittieħed inkunsiderazzjoni s‑sitwazzjoni partikolari ta’ kull Stat Membru” (47), il-Kunsill kiser l‑Artikolu 68 TFUE u kiser il-forom proċedurali sostanzjali.

137. Skont l-Artikolu 15(1) TUE, “[i]l-Kunsill Ewropew għandu jipprovdi l-Unjoni bl-impetu meħtieġ għall-iżvilupp tagħha u għandu jiddefinixxi d-direzzjonijiet u l-prijoritajiet politiċi ġenerali tagħha. Huwa m’għandux jeżerċita funzjonijiet leġislattivi”.

138. Skont l-Artikolu 68 TFUE, “[i]l-Kunsill Ewropew għandu jiddefinixxi l-linji gwida strateġiċi għal ippjanar leġislattiv u operazzjonali fl-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja”.

139. Nirrileva li, għalkemm il-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tal-25 u s-26 ta’ Ġunju 2015 fihom effettivament dispożizzjoni li tipprevedi li l‑Istati Membri għandhom jiddeċiedu “b’kunsens” dwar it-tqassim ta’ persuni li manifestament għandhom bżonn protezzjoni internazzjonali, u dan “billi tittieħed inkunsiderazzjoni s‑sitwazzjoni partikolari ta’ kull Stat Membru” (48), din id-dispożizzjoni hija relatata mar-rilokazzjoni temporanja u eċċezzjonali fuq sentejn, mill-Italja u mill-Greċja, ta’ 40 000 persuna. Issa, din il-miżura ta’ rilokazzjoni ta’ 40 000 persuna kienet is-suġġett tad-Deċiżjoni 2015/1523, li tirrispondi għalhekk b’mod preċiż għad-direzzjoni mogħtija mill-Kunsill Ewropew.

140. Skont ir-Repubblika Slovakka u l-Ungerija, miżura ġdida ta’ rilokazzjoni b’urġenza bħal dik prevista mid-deċiżjoni kkontestata ma setgħetx tiġi proposta, u lanqas a fortiori tiġi adottata, mingħajr ma l‑Kunsill Ewropew jieħu pożizzjoni f’dan is-sens minn qabel.

141. Ir-Repubblika Slovakka tikkunsidra għalhekk li, billi adottat d‑deċiżjoni kkontestata mingħajr mal-mandat li jirriżulta mill‑konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tal-25 u s-26 ta’ Ġunju 2015 ma ġie emendat jew imwessa’, il-Kunsill daħal fuq il-funzjonijiet u l‑kompetenzi mogħtija lill-Kunsill Ewropew. Għalhekk huwa kiser l‑Artikolu 68 TFUE kif ukoll l-Artikolu 13(2) TUE u l-prinċipju tal-ekwilibriju istituzzjonali. Barra minn hekk, skont l-Ungerija, l‑Artikolu 15 TUE għandu jiġi interpretat fis-sens li l-konklużjonijiet tal‑Kunsill Ewropew jorbtu lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni.

142. Skont l-Artikolu 13(2) TUE, “[k]ull Istituzzjoni għandha taġixxi fil-limiti tal-kompetenzi mogħtija lilha mit-Trattati, u skond il-proċeduri, il-kondizzjonijiet u l-finijiet previsti minnhom”. Din id-dispożizzjoni tirrifletti l-prinċipju ta’ ekwilibriju istituzzjonali, karatteristika tal‑istruttura istituzzjonali tal-Unjoni, li timplika li kull istituzzjoni għandha teżerċita l-funzjonijiet tagħha billi tirrispetta dawk tal-oħrajn (49).

143. Fl-opinjoni tiegħi, la l-Kummissjoni u lanqas il-Kunsill ma marru lil hinn mis-setgħat li huma ngħataw bl‑Artikolu 78(3) TFUE, rispettivament, billi pproponew u mbagħad adottaw id-deċiżjoni kkontestata.

144. B’mod partikolari, il-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tal‑25 u 26 ta’ Ġunju 2015 ma għandux ikollhom l-effett li jipprojbixxu lill‑Kummissjoni milli tipproponi, imbagħad lill-Kunsill milli jadotta, dispożittiv provviżorju u vinkolanti ta’ rilokazzjoni ta’ applikanti għal protezzjoni internazzjonali li jiffinalizza d-Deċiżjoni 2015/1523.

145. F’dan ir-rigward, infakkar li l-miżuri provviżorji li jistgħu jiġu adottati mill-Kunsill abbażi tal-Artikolu 78(3) TFUE, jistgħu jiġu adottati fuq proposta tal-Kummissjoni. Din is-setgħa ta’ inizjattiva, mogħtija b’mod ġenerali lill-Kummissjoni permezz tal‑Artikolu 17(2) TUE, tista’ tiġi kkontestata jekk jiġi aċċettat li hija suġġetta għall-adozzjoni minn qabel ta’ konklużjonijiet mill-Kunsill Ewropew. Dan huwa iktar u iktar veru meta dispożizzjoni tat-Trattat, bħall-Artikolu 78(3) TFUE, tagħti lill-Kummissjoni s-setgħa li tipproponi risposta immedjata tal-Unjoni għal sitwazzjoni ta’ urġenza. Bis-saħħa tas-setgħa ta’ inizjattiva tagħha, il-Kummissjoni, li skont l‑Artikolu 17(1) TUE, “tippromwovi l-interess ġenerali ta’ l-Unjoni u tieħu l-inizjattivi xierqa għal dan il-għan”, għandha tkun tista’ tistabbilixxi s-suġġett, l-għan kif ukoll il-kontenut tal-proposta tagħha, għandha tkun tista’ tistabbilixxi s-suġġett, l-għan kif ukoll il-kontenut tal‑proposta tagħha (50).

146. Kif essenzjalment jindikaw ir-Repubblika Taljana u l-Gran Dukat tal-Lussemburgu, id-deċiżjoni kkontestata tirrispondi għal sitwazzjoni ġdida ta’ emerġenza li seħħet matul Lulju u Awwissu 2015. L‑adozzjoni ta’ mekkaniżmu temporanju ta’ rilokazzjoni ta’ 120 000 applikant għal protezzjoni internazzjonali, abbażi tal‑Artikolu 78(3) TFUE, ma kinitx tirrikjedi li dan ikun spjegat b’mod preċiż u minn qabel fil-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew. Apparti li tali rekwiżit ma jirriżultax mill-kliem ta’ din id-dispożizzjoni, huwa jkollu l-effett li jeqred ir-reazzjoni li għandu jkollhom l-istituzzjonijiet tal-Unjoni meta Stati Membri jkunu affrontati b’sitwazzjoni ta’ emerġenza.

147. Barra minn hekk, il-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tal‑25 u26 ta’ Ġunju 2015 ma għandhomx jingħataw effetti li jmorru lil hinn mill-adozzjoni tal-miżura li preċiżament għandha l-għan li ssegwihom, jiġifieri d-Deċiżjoni 2015/1523, li tirrigwarda r-rilokazzjoni volontarja ta’ 40 000 persuna.

148. Fi kwalunkwe każ, anki jekk jitqies li d‑Deċiżjoni 2015/1523 ma eżawrietx ir-rakkomandazzjonijiet tal‑konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tal-25 u tas-26 ta’ Ġunju 2015, fil-proċess segwit mill-Kummissjoni u mill-Kunsill, abbażi tal‑Artikolu 78(3) TFUE, għall-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, ma nara xejn kuntrarju fil-prinċipju mad-direzzjonijiet mogħtija mill-Kunsill Ewropew fil-konklużjonijiet tiegħu tal-25 u 26 ta’ Ġunju 2015.

149. Fil-fatt, il-Kunsill Ewropew jiddikjara, fil-punt 2 ta’ dawn il‑konklużjonijiet, li għandhom jitkomplew ix-xogħlijiet “abbażi tal‑Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni ppreżentata mill‑Kummissjoni”. Issa, din l-aġenda tipprevedi l-implementazzjoni tal‑mekkaniżmu ta’ urġenza previst fl-Artikolu 78(3) TFUE. Barra minn hekk, il-Kunsill Ewropew ifakkar, fil-punt 3 tal-imsemmija konklużjonijiet, fil-użu ta’ “sforzi ikbar […] sabiex jitrażżnu aħjar il-flussi dejjem ikbar ta’ migrazzjoni illegali”, b’mod partikolari fl-iżvilupp tal-parti relatata mar-rilokazzjoni. Il-Kummissjoni u l-Kunsill għalhekk daħlu fil-linja ta’ azzjoni kkonċepita mil-Kunsill Ewropew billi pproponew u mbagħad adottaw id-deċiżjoni kkontestata abbażi tal‑Artikolu 78(3) TFUE.

150. Finalment, sa fejn il-mertu tal-kontestazzjoni magħmula mir‑Repubblika Slovakka u l-Ungerija jikkonċerna l-fatt li d-deċiżjoni kkontestata ġiet adottata b’maġġoranza kkwalifikata, għandu jiġi rrilevat li, peress li l-Artikolu 78(3) TFUE jippermetti lill-Kunsill jadotta miżuri b’maġġoranza kkwalifikata, huwa eskluż, fin-nuqqas ta’ dispożizzjoni fis-sens kuntrarju fit-Trattat, li l-Kunsill Ewropew jemenda din ir-regola ta’ vot billi jimponi fuq il-Kunsill regola ta’ vot ta’ unanimità. Fil-fatt, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, sa fejn ir-regoli relatati mal-formazzjoni tal-volontà tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni huma stabbiliti permezz tat-Trattati u ma humiex għad-dispożizzjoni la tal‑Istati Membri u lanqas tal-istituzzjonijiet stess, huma biss it-Trattati li jistgħu, f’każijiet partikolari, jawtorizzaw istituzzjoni li tibdel proċedura deċiżjonali li jistabbilixxu huma (51).

151. Mill-argumenti preċedenti jirriżulta li l-ewwel motiv tar‑Repubblika Slovakka u s-seba’ motiv tal-Ungerija għandhom jiġu miċħuda bħala infondati.

2.      Fuq it-tielet parti tat-tielet motiv u fuq l-ewwel parti tar-raba’ motiv tar-Repubblika Slovakka kif ukoll fuq il-ħames motiv tal-Ungerija, ibbażati fuq ksur tal-forom proċedurali sostanzjali sa fejn il-Kunsill ma osservax l-obbligu ta’ konsultazzjoni mal-Parlament previst flArtikolu 78(3) TFUE

152. Ir-Repubblika Slovakka u l-Ungerija jsostnu li, meta l-Kunsill għamel bidliet sostanzjali għall-proposta inizjali tal-Kummissjoni u adotta d-deċiżjoni kkontestata mingħajr ma kkonsulta mill-ġdid il-Parlament, il‑Kunsill ikkommetta ksur tal-forom proċedurali sostanzjali rikjesti mill‑Artikolu 78(3) TFUE, li għandu jwassal għall-annullament tad‑deċiżjoni kkontestata. Ir-Repubblika Slovakka tqis li, billi għamel hekk, il-Kunsill kiser ukoll l-Artikolu 10(1) u (2) TUE, l‑Artikolu 13(2) TUE kif ukoll l-prinċipji tad-demokrazija rappreżentattiva, tal-ekwilibriji istituzzjonali u ta’ amministrazzjoni tajba.

153. F’dan ir-rigward, ir-Repubblika Slovakka u l-Ungerija jirreferu għall-emendi sostanzjali li ġejjin.

154. Dawn iż-żewġ Stati Membri jirrilevaw li, fid-deċiżjoni kkontestata, l-Ungerija ma għadhiex tinsab fost l-Istati Membri li jibbenefikaw mill-mekkaniżmu ta’ rilokazzjoni, iżda fost l-Istati Membri ta’ rilokazzjoni, li wassal għat-tneħħija tal-Anness III mill-proposta inizjali u għall-inklużjoni tal-Ungerija fl-Annessi I u II tad-deċiżjoni kkontestata.

155. L-emenda fundamentali tirreferi għall-fatt li, jekk in-numru totali ta’ 120 000 persuna kien inżamm, in-numru ta’ 54 000 persuna inkluż f’dan in-numru totali, li inizjalment kien previst li jirrigwarda persuni li għandhom jiġu rrilokati mill-Ungerija, ġie ttrasformat f’“riżerva” li ma kinitx maħsuba fil-proposta inizjali tal-Kummissjoni. Konsegwentement, l-istruttura u diversi elementi essenzjali ta’ din il-proposta ġew emendati ħafna, bħat-titolu u l-kamp ta’ applikazzjoni tagħha ratione personae, il‑lista tal-Istati Membri li jibbenefikaw u r-rilokazzjoni kif ukoll in‑numru ta’ persuni li għandhom jiġu rrilokati f’kull Stat Membru. Dan wassal għal emendi inkorporati fl-Artikoli 1 u 3 kif ukoll fl‑Artikolu 4(1)(c) tad-deċiżjoni kkontestata.

156. Ir-Repubblika Slovakka tirreferi għal emendi oħra tal-proposta inizjali tal-Kummissjoni. Dan l-Istat Membru jindika wkoll li, kuntrarjament għal dak li kien il-każ f’din il-proposta, id-deċiżjoni kkontestata fl-Artikolu 4(3) tagħha tipprevedi li Stati Membri oħra jistgħu jibbenefikaw mill-mekkaniżmu ta’ rilokazzjoni jekk jissodisfaw il-kundizzjonijiet previsti minn din id-dispożizzjoni. Barra minn hekk, l‑Artikolu 13(3) tad-deċiżjoni kkontestata jipprevedi li din tapplika b’mod retroattiv għall-applikanti li daħlu b’effett mill‑24 ta’ Marzu 2015, jiġifieri perijodu ta’ sitt xhur qabel l-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni, filwaqt li fil-proposta inizjali, il-Kummissjoni kienet limitat din ir-retroattività għal xahar.

157. Bl-istess mod, l-Artikolu 4(5) u (6) tad-deċiżjoni kkontestata fih emendi sostanzjali meta mqabbel mal-proposta inizjali tal-Kummissjoni fir-rigward tas-sistema ta’ sospensjoni temporanja tal-parteċipazzjoni ta’ Stat Membru fil-proċess ta’ rilokazzjoni. Fil-fatt, ir-Repubblika Slovakka issostni li d-deċiżjoni kkontestata tipprevedi li s-setgħa li tiddeċiedi tali sospensjoni hija tal-Kunsill minkejja li l-Kummissjoni kienet ipproponiet li din is-setgħa tingħata lilha. Id-deċiżjoni kkontestata tinkludi wkoll limitu ta’ sospensjoni ta’ 30 % mill-allokazzjoni ta’ applikanti mogħtija lill-Istat Membru kkonċernat filwaqt li l-proposta inizjali tal-Kummissjoni ma kellhiex tali limitu. Barra minn hekk, filwaqt li l-proposta inizjali tal-Kummissjoni kienet tipprevedi l-obbligu għall-Istat Membru eżentat li jagħti kumpens finanzjarju, tali obbligu ma kienx inkluż fit-test tad-deċiżjoni kkontestata.

158. Finalment, ir-Repubblika Slovakka tirrileva li, minkejja li l‑premessa 25 tal-proposta inizjali tal-Kummissjoni kienet tindika l-koeffiċjent tat-tqassim li permezz tiegħu ġew stabbiliti ċ-ċifri li jikkonċernaw il-persuni li għandhom jiġu rrilokati lejn kull Stat Membru, id-deċiżjoni kkontestata ma tagħmilx riferiment għal tali koeffiċjent, b’tali mod li din id-deċiżjoni ma turix il-kriterji li permezz tagħhom ġew mogħtija l-allokazzjonijiet lil kull Stat Membru.

159. Ir-rikorrenti jilmentaw li l-Kunsill ma kkonsultax mill-ġdid lill‑Parlament wara li għamel dawn l-emendi fundamentali għall-proposta inizjali tal-Kummissjoni, u dan minkejja li, fir-riżoluzzjoni tiegħu tas- 17 ta’ Settembru 2015, il-Parlament kien talab lill-Kunsill sabiex jerġa’ jikkonsultah mill-ġdid jekk dan ikollu l-ħsieb li jemenda b’mod sostanzjali l-proposta tal-Kummissjoni.

160. Għalkemm il-Presidenza tal-Unjoni regolarment informat lill-Parlament, b’mod partikolari lill-kumitat dwar il-libertajiet ċivili, il-ġustizzja u l-affarijiet interni tal-Parlament (iktar ’il quddiem il-“kumitat LIBE”), dwar l-iżvilupp tal-fajl tal-Kunsill, dan ma setgħax jissostitwixxi riżoluzzjoni formali tal-Parlament adottata f’seduta plenarja.

161. L-Ungerija tirreferi għal żewġ ittri mibgħuta mill-President tal‑kumitat tal-affarijiet ġuridiċi tal-Parlament lill-President tal‑Parlament li fihom huwa jindika b’mod partikolari li dan il-kumitat kien wasal ukoll għall-konklużjoni li l-Kunsill kien emenda b’mod sostanzjali l-proposta inizjali tal-Kummissjoni billi neħħa lill-Ungerija miċ-ċirku ta’ Stati Membri li jibbenefikaw u li l-Parlament għalhekk kellu jiġi kkonsultat mill-ġdid. Madankollu, l-imsemmi kumitat kien, minħabba raġunijiet politiċi, irrakkomanda lill-Parlament sabiex ma jintervjenix f’dawn il-kawżi quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

162. Il-Kunsill ikkontesta l-użu ta’ dawn iż-żewġ ittri fil-kuntest ta’ dawn il-proċeduri u, b’mod partikolari, talab lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tieħu miżura istruttorja sabiex jiġi vverifikat li huma awtentiċi. Fl-opinjoni tiegħi, dawn iż-żewġ ittri ma għandhomx jittieħdu inkunsiderazzjoni mill-Qorti tal‑Ġustizzja, li għandha fl-aħħar lok u indipendentement minn dak li hemm espress f’dawn l-ittri, tiddeċiedi jekk il-Kunsill wettaqx l-obbligu tiegħu li jikkonsulta l-Parlament skont dak previst fl-Artikolu 78(3) TFUE.

163. Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, “il-konsultazzjoni regolari tal‑Parlament fil-każijiet previsti mit-Trattat tikkostitwixxi formalità sostanzjali li n-nuqqas ta’ osservanza tagħha twassal għall-annullament tal-att ikkonċernat” (52). Jien nenfasizza wkoll li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, “ir-rekwiżit li jiġi kkonsultat il‑Parlament […], fil-każijiet previsti mit-Trattat, jimplika r-rekwiżit ta’ konsultazzjoni mill-ġdid kull darba li t-test finalment adottat, ikkunsidrat kollu kemm hu, ikun sostanzjalment differenti minn dak li fuqu l‑Parlament ikun diġà ġie kkonsultat, bl-eċċezzjoni tal-każijiet li fihom l-emendi jikkorrispondu, essenzjalment, max-xewqa espressa mill‑Parlament stess” (53).

164. Għalhekk hemm lok li jiġi eżaminat jekk l-emendi, li għalihom jirreferu r-rikorrenti, jikkonċernawx is-sustanza stess tat-test kkunsidrat kollu kemm hu.

165. F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li l-proposta inizjali tal‑Kummissjoni, kif ukoll il-proposta emendata, ipprevedew, sabiex jilqgħu għas-sitwazzjoni ta’ emerġenza kkaratterizzata minn dħul f’daqqa ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi, mekkaniżmu temporanju ta’ rilokazzjoni ta’ 120 000 persuni, li jipprevedi b’mod vinkolanti t-tqassim ta’ dawn il‑persuni bejn l-Istati Membru fuq perijodu stabbilit. L-irtirar tal-Ungerija mill-Istati Membri li qed jibbenefikaw minn dan il-mekkaniżmu ċertament jikkostitwixxi emenda ġuridika, iżda ma tikkawża l-ebda preġudizzju għall-karatteristiċi fundamentali tal-imsemmi mekkaniżmu.

166. Wara dan l-irtirar, il-proposta inizjali tal-Kummissjoni kellha diversi aġġustamenti, b’mod partikolari fir-rigward tar-riżerva ta’ 54 000 persuna. Madankollu, dawn l-aġġustamenti ma jirrigwardawx l-istruttura fundamentali tad-deċiżjoni kkontestata. Barra minn hekk, l-emendi l‑oħra li ssemmew mir-Repubblika Slovakka ma jidhirlix li huma tali li jaffettwaw il-qofol tal-proposta inizjali, kif jien diġà enfasizzajt preċedentement.

167. B’kollox, l-emendi differenti magħmula mill-Kummissjoni għall‑proposta tagħha, fl-opinjoni tiegħi, ma affettwawx is-sustanza stess tad-deċiżjoni kkontestata kkunsidrata kollha kemm hi u għalhekk ma kinux jirrikjedu konsultazzjoni ġdida mal-Parlament.

168. Inżid li tista’ ssir il-mistoqsija dwar il-ħtieġa ta’ konsultazzjoni mill-ġdid mal-Parlament meta l-emenda prinċipali mressqa mill-Kunsill għall-proposta inizjali tal-Kummissjoni ma tirriżultax minn għażla magħmula b’mod liberu minnu iżda sempliċement tieħu konjizzjoni ta’ fatt ġdid indipendenti mill-volontà tiegħu u, li barra minn hekk, huwa obbligat li jikkunsidra.

169. F’dan il-każ, għandu jiġi enfasizzat li l-Kunsill ma kienx f’pożizzjoni li jobbliga lill-Ungerija tibqa’ tibbenefika mill-mekkaniżmu temporanju ta’ rilokazzjoni, kif kien previst fil-proposta inizjali tal‑Kummissjoni. Għalhekk, il-Kunsill ma setax ma jiħux konjizzjoni tal-volontà espressa minn dan l-Istat Membru li ma jkunx inkluż mal‑Istati Membri li kellhom jibbenefikaw minn dan il-mekkaniżmu.

170. Barra minn hekk, ħlief jekk titqies bħala konsultazzjoni purament formali, ir-raġuni tal-konsultazzjoni tal‑Parlament twassal, jekk ikun il-każ, sabiex l-emendi mill-Kunsill tat-test ippreżentat isiru fis-sens mixtieq mill-Parlament. Issa, f’dan il-każ, il-Kunsill ma kellux għażla ħlief li jieħu konjizzjoni tal-att ta’ rtirar tal-Ungerija, billi jadatta d‑deċiżjoni tiegħu għal din iċ-ċirkustanza indipendenti mill-volontà tiegħu.

171. Bħala konklużjoni, nikkunsidra li, sabiex jiġi stabbilit jekk il‑Parlament kellux jew le jiġi kkonsultat mill-ġdid, element li fuqu l-Kunsill ma għandux kontroll ma jistax jitqies bħala element essenzjali ta’ leġiżlazzjoni. Dan ma huwiex każ tar-riżultat ta’ kompromess politiku, iżda ta’ rifjut espress minn Stat Membru li jibbenefika minn miżura provviżorja meħuda abbażi tal-Artikolu 78(3) TFUE. Anki jekk il-Kunsill jista’ jikkontradixxi lill-Istati Membri, abbażi ta’ din id-dispożizzjoni, moqrija flimkien mal-Artikolu 80 TFUE, sabiex juri solidarjetà u sabiex jieħu l-parti tar-responsabbiltà tagħhom sabiex jaffrontaw sitwazzjoni ta’ emerġenza, ma jistax, fl-opinjoni tiegħi, jobbliga Stat Membru sabiex jibbenefika minn din is-solidarjetà.

172. Fi kwalunkwe każ, jekk jista’ jitqies li t-test finalment adottat, ikkunsidrat kollu kemm hu, hu differenti fis-sustanza tiegħu minn dak li abbażi tiegħu l-Parlament adotta r-riżoluzzjoni leġiżlattiva tiegħu tas‑17 ta’ Settembru 2015, inqis li, fid-dawl tal-kuntest ta’ urġenza li fih saret l-adozzjoni ta’ miżura meħuda abbażi tal‑Artikolu 78(3) TFUE, bħad-deċiżjoni kkontestata, il-Parlament ġie debitament ikkonsultat matul il-proċedura, kemm dwar il-verżjoni inizjali tal-proposta tal-Kummissjoni kif ukoll dwar l-emendi mressqa għaliha.

173. Mill-osservazzjonijiet sottomessi lill-Qorti tal-Ġustizzja, b’mod partikolari mill-Kunsill u mill-Gran Dukat tal-Lussemburgu, jirriżulta lil-Parlament, waqt numru ta’ kuntatti formali u informali, kien ġie informat mill-Kunsill bi kważi l-emendi kollha li saru għat-test inizjali u li ma kienx wera oppożizzjoni.

174. B’mod iktar speċifiku, il-Kunsill espona, mingħajr ma ġie kontradett, li fl-14 ta’ Settembru 2015 f’nofsinhar, li huwa ddeċieda li jikkonsulta lill-Parlament dwar il-proposta tal-Kummissjoni. Fl-istess jum, is-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill bagħat, għall-attenzjoni tal‑President tal-Parlament, ittra ta’ konsultazzjoni formali li fiha l‑Kunsill intrabat li jżomm lill-Parlament informat b’mod sħiħ dwar l‑iżvilupp tal-każ fill-Kunsill. Fis-16 ta’ Settembru 2015, Jean Asselborn, il-Ministru Lussemburgiż tal-Immigrazzjoni u tal-Ażil, President tal‑Kunsill, ipparteċipa f’seduta plenarja straordinarja tal-Parlament. Waqt l-interventi tiegħu, ippreżenta r-riżultati tal-laqgħa tal-Kunsill “Ġustizzja u Affarijiet Interni” tal-14 ta’ Settembru 2015. F’din l‑okkażjoni huwa ħabbar li l-Ungerija kienet indikat ir-rifjut tagħha li titqies bħala Stat Membru tal-ewwel art u li tibbenefika mill‑mekkaniżmu ta’ solidarjetà, kif ukoll iż-żamma, minkejja l-irtirar tal-Ungerija, tan-numru ta’ 120 000 persuna li għandhom jiġu rrilokati.

175. Kif jirrileva korrettament il-Gran Dukat tal-Lussemburgu, il‑Parlament għalhekk tqiegħed f’pożizzjoni li jieħu inkunsiderazzjoni din iċ-ċirkustanza fid-dawl tal-adozzjoni tar-riżoluzzjoni leġiżlattiva tiegħu tas-17 ta’ Settembru 2015. Għalhekk seta’ jieħu konjizzjoni, fl-istadju tal-konsultazzjoni formali tiegħu, tal-irtirar tal-Ungerija mill-grupp ta’ benefiċjarji tal-mekkaniżmu temporanju ta’ rilokazzjoni ta’ 120 000 persuna. Li kieku deherlu li din iċ-ċirkustanza ġdida kienet tmur kontra l‑adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, il-Parlament b’hekk kien tqiegħed f’pożizzjoni li jesprimi l-opinjoni tiegħu f’dan ir-rigward.

176. Il-fatt li r-riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament tas‑17 ta’ Settembru 2015 ma tirriflettix dan l-irtirar tal-Ungerija u li l‑ebda riżoluzzjoni oħra ma tifformalizza l-konsultazzjoni tal-Parlament fuq l-emendi magħmula għall-proposta tal-Kummissjoni wara l-imsemmi rtirar, fl-opinjoni tiegħi, ma huwiex sinjifikattiv.

177. Inqis li l-karatteristiċi partikolari tal-bażi legali kkostitwita bl-Artikolu 78(3) TFUE jimmilitaw favur flessibbiltà relattiva fir‑rigward tal-verifika dwar jekk il-Parlament ġiex ikkonsultat mill-ġdid debitament wara l-irtirar tal-Ungerija u l-emendi tat-test inizjali li huma l-konsegwenza ta’ dan l-irtirar.

178. Mill-bqija, ninnota, li dan il-kuntest ta’ emerġenza huwa meħud inkunsiderazzjoni b’mod sħiħ mill-Parlament fil-kuntest tal‑konsultazzjoni tiegħu. Fil-fatt, ir-riżoluzzjoni leġiżlattiva tal‑Parlament tas-17 ta’ Settembru 2015 ġiet adottata skont il-proċedura ta’ urġenza prevista bl-Artikolu 154 tar-regolament ta’ din l-istituzzjoni. Nirrileva wkoll li f’din ir-riżoluzzjoni l-Parlament enfasizza “is-sitwazzjoni ta’ emerġenza eċċezzjonali u l-ħtieġa li tiġi rimedjata mingħajr dewmien.

179. Ċertament, fl-imsemmija riżoluzzjoni, il-Parlament “jitlob lill-Kunsill jikkonsultah mill-ġdid, jekk ikollu l-intenzjoni li jemenda b’mod sostanzjali l-proposta tal-Kummissjoni”. Madankollu, nikkunsidra li, fid-dawl tan-natura eċċezzjonali tas-sitwazzjoni ta’ emerġenza u tal-ħtieġa ta’ ħeffa fl-adozzjoni ta’ rispons għall-kriżi migratorja li tressqet mill-Parlament stess, ma hemmx lok li jintalab li ssir konsultazzjoni mill-ġdid f’kuntest formali u proċedurali speċifikat.

180. Barra minn hekk, il-Kunsill jagħti spjegazzjonijiet dwar il-mod li bih il-Parlament ġie regolarment informat bejn is-17 ta’ Settembru 2015, id-data tar-riżoluzzjoni leġiżlattiva tiegħu, u t-22 ta’ Settembru 2015, data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

181. B’hekk, fil-kuntest tal-kuntatti informali murija fl-ittra ta’ konsultazzjoni, il-Presidenza tal-Kunsill ippreparat għall-Parlament verżjoni kkonsolidata tat-test tal-proposta, li tinkludi l-bdil kollu magħmul mill-Kunsill sal-għaxra ta’ filgħaxija tal-21 ta’ Settembru 2015. Dan it-test intbagħat lill-Parlament fit-22 ta’ Settembru 2015 fid-disa’ ta’ filgħodu. Fl-istess jum, il-kumitat LIBE, li ma huwiex ikkontestat li huwa l-kumitat parlamentari kompetenti fil-qasam tal-ażil, kellu laqgħa li matulha l-Presidenza tal‑Kunsill ippreżentat it-test tal-proposta tal-Kummissjoni emendata. F’dan ir-rigward, il-Presidenza tal-Kunsill kienet f’pożizzjoni li tintegra fil-preżentazzjoni tagħha l-aħħar emendi magħmula għat-test waqt il‑laqgħa straordinarja tal-Kumitat tar-rappreżentanti permanenti (Coreper) li saret dakinhar filgħodu. Il-Parlament ġie wkoll informat bl-aġenda tal-laqgħa tal-Kunsill li kellha tinżamm fis-sagħtejn u nofs ta’ wara nofsinhar fl-istess jum, kif ukoll dwar l-intenzjonijiet tal-Presidenza u tal-iżvilupp mistenni tal‑każ waqt din il-laqgħa tal-Kunsill. Imbagħad, il-kumitat LIBE żamm dibattitu dwar it-test hekk emendat, bi tħejjija għal-laqgħa straordinarja tal-Kunsill.

182. Minn dawn il-punti jirriżulta li l-Kunsill involva lill-Parlament mill-qrib dwar l-iżvilupp tad-deċiżjoni kkontestata. Fid-dawl tal-kuntest ta’ urġenza, li ġie rrikonoxxut u meħud inkunsiderazzjoni wkoll mill-Parlament stess, u tal-flessibbiltà meħtieġa li għandha tiggwida l-iżvolġiment tal-proċedura f’tali kuntest, hemm lok li jiġi aċċettat li l‑Parlament ġie debitament ikkonsultat, skont kif previst fl‑Artikolu 78(3) TFUE.

183. Għalhekk nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiċħad bħala infondati t-tielet parti tat-tielet motiv u l-ewwel parti tar-raba’ motiv tar‑Repubblika Slovakka kif ukoll il-ħames motiv tal-Ungerija.

3.      Fuq it-tieni parti tar-raba’ motiv tar-Repubblika Slovakka u ttielet motiv tal-Ungerija, ibbażati fuq ksur tal-forom proċedurali sostanzjali sa fejn il-Kunsill ma ddeċidiex b’unanimità kuntrarjament għal dak previst flArtikolu 293(1) TFUE

184. Ir-Repubblika Slovakka u l-Ungerija jsostnu li l-Kunsill, billi adotta d-deċiżjoni kkontestata, kiser il-forma proċedurali sostanzjali preskritta bl-Artikolu 293(1) TFUE, sa fejn emenda l-proposta tal‑Kummissjoni mingħajr ma osserva r-rekwiżit ta’ unanimità imposta b’din id-dispożizzjoni. Ir-Repubblika Slovakka tikkunsidra li, billi aġixxa b’dan il-mod, il-Kunsill kiser ukoll l-Artikolu 13(2) TUE u l-prinċipji ta’ ekwilibriju istituzzjonali u ta’ amministrazzjoni tajba.

185. Skont ir-rikorrenti, ir-rekwiżit ta’ unanimità previst fl‑Artikolu 293(1) TFUE japplika għal kull emenda tal-proposta tal‑Kummissjoni, inkluż f’każ ta’ emenda żgħira u indipendentement mill-punt dwar jekk il-Kummissjoni aċċettatx impliċitament jew espliċitament l-proposta tagħha waqt id-diskussjonijiet fi ħdan il-Kunsill.

186. Ir-rikorrenti jsostnu wkoll li xejn ma jindika li, matul il-proċedura ta’ adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kienet irtirat il‑proposta tagħha u kienet ippreżentat proposta ġdida redatta mill-ġdid f’termini identiċi għal dawk tat-test li wara sar id-deċiżjoni kkontestata. Għall-kuntrarju mill-minuti tal-laqgħa tal-Kunsill tat‑22 ta’ Settembru 2015 jirriżulta li l-Kummissjoni ma ressqet l-ebda proposta ġdida u lanqas għamlet dikjarazzjoni minn qabel dwar l-abbozz emendat kif finalment adottat mill-Kunsill. Issa, huwa rikjest li l‑Kummissjoni taderixxi b’mod attiv u espliċitament għall-emendi kkonċernati sabiex tkun tista’ tikkunsidra li din emendat il-proposta tagħha fis-sens tal-Artikolu 293(2) TFUE. Barra minn hekk, il-każ huwa differenti minn dak inkwistjoni fis-sentenza tal-5 ta’ Ottubru 1994, Il‑Ġermanja vs Il-Kunsill (54).

187. Finalment, ir-rikorrenti jikkontestaw li ż-żewġ membri tal‑Kummissjoni li kienu preżenti għal laqgħat differenti li saru fi ħdan il-Kunsill kienu nnominati kif suppost mill-Kulleġġ tal-Kummissarji sabiex japprovaw it-test li finalment ġie adottat mill-Kunsill.

188. Jiena ma naqbilx mal-pożizzjoni sostnuta mir-rikorrenti.

189. Kif indikajt preċedentement, it-Trattat FUE jagħti lill‑Kummissjoni setgħa ta’ inizjattiva leġiżlattiva. L‑Artikolu 293(1) TFUE jippermetti li din is-setgħa tiġi żgurata sa fejn jipprevedi li, minbarra l-każijiet imsemmija bid-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE li huma hemm imsemmija, il-Kunsill, meta jiddeċiedi, skont it-Trattati, fuq proposta tal‑Kummissjoni, ma jistax jemenda l-proposta ħlief hekk jiddeċiedi b’unanimità (55).

190. Barra minn hekk, l-Artikolu 293(2) TFUE jispjega li “[s]akemm il-Kunsill ma jkun ħa l-ebda azzjoni, il-Kummissjoni tista tibdel il‑proposta tagħha f’kull ħin tul il-proċeduri li jwasslu għall-adozzjoni ta’ att ta’ l-Unjoni”.

191. Fil-kuntest tal-proċedura li wasslet għall-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, inqis nikkunsidra li ma ġiex ikkawżat preġudizzju għas-setgħa ta’ inizjattiva tal-Kummissjoni, li l-Artikolu 293 TFUE għandu l-għan li jippreżerva. Barra minn hekk, nosserva li l-Kummissjoni tiddikjara hija stess fil-kuntest ta’ din il-proċedura li l-prerogattivi istituzzjonali tagħha ġew osservati.

192. Mill-ispjegazzjonijiet mogħtija lill-Qorti tal-Ġustizzja mill‑Kummissjoni jirriżulta li din kienet stabbilixxiet bħala għan prijoritarju, waqt il-laqgħa tagħha tas‑16 ta’ Settembru 2015, li tasal sabiex il-Kunsill jadotta, waqt il-laqgħa tiegħu tat‑22 ta’ Settembru 2015, deċiżjoni vinkolanti u applikabbli mingħajr dewmien dwar ir-rilokazzjoni ta’ 120 000 persuna li manifestament għandhom bżonn protezzjoni internazzjonali. Sabiex jintlaħaq dan l-għan prijoritarju, Frans Timmermans, l-ewwel Viċi-President tal‑Kummissjoni, u Dimitris Avramopoulos, Kummissarju inkarigat mill‑migrazzjoni, l-affarijiet interni u ċ-ċittadinanza, ingħataw, skont l‑informazzjoni mogħtija mill-Kummissjoni, il-marġni ta’ manuvra neċessarju fir-rigward ta’ aspetti oħra tal-proposta.

193. Kif tispjega l-Kummissjoni, l-Artikolu 13 tar-Regoli ta’ Proċedura tagħha jippermettilha li “tagħti struzzjonijiet lil wieħed jew iktar mill‑Membri tagħha, bi ftehim mal-President, sabiex jadotta t-test definittiv ta’ xi strument jew ta’ xi proposta li għad iridu jkunu preżentati lill-istituzzjonijiet l-oħra, u li l‑partijiet essenzjali tagħhom kienu diġa deċiżi fid-diskussjonijiet taghħha”. Nirrileva li r-rikorrenti ma jressqu l-ebda bidu ta’ prova li jista’ jsostni l‑allegazzjonijiet tagħhom li ż-żewġ membri tal-Kummissjoni ma kinux debitament awtorizzati mill-Kulleġġ tal-Kummissarji sabiex japprovaw, għan-nom tal-Kummissjoni, l-emendi tal-proposta inizjali. F’dawn iċ‑ċirkustanzi u fid-dawl tal-ispjegazzjonijiet mogħtija mill‑Kummissjoni, fl-opinjoni tiegħi, hemm lok li jiġi preżunt li l-ewwel Viċi President tal-Kummissjoni u l-Kummissarju kompetenti fil-qasam tal-ażil u tal-immigrazzjoni kienu debitament awtorizzati mill-Kulleġġ tal-Kummissarji sabiex jieħdu sehem b’mod sħiħ, għan-nom tal‑Kummissjoni, fil-proċedura li wasslet għall-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

194. Is-setgħa ta’ inizjattiva tal-Kummissjoni ġiet ippreżervata fil‑kuntest tal-proċedura li wasslet għall-addizzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, sa fejn hemm lok li jiġi kkunsidrat li l-Kummissjoni, skont il-possibbiltà mogħtija permezz tal-Artikolu 293(2) TFUE, emendat il-proposta tagħha.

195. F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li l-Qorti tal-Ġustizzja ma tagħti l-ebda importanza għall-forma li tista’ tieħu l-proposta emendata. Fl-opinjoni tagħha, “[t]ali proposti emendati jiffurmaw parti mill-proċess leġiżlattiv Komunitarju li huwa kkaratterizzat minn ċerta flessibbiltà, meħtieġa sabiex jintlaħaq qbil ta’ veduti bejn l-istituzzjonijiet” (56).

196. Il-ħtieġa li tiġi aċċettata ċerta flessibbiltà fil-proċess deċiżjonali sabiex jiġi ffaċilitat li jintlaħqu kompromessi politiċi hija daqstant iktar akuta f’kuntest ta’ urġenza bħal dak li jikkaratterizza l‑implementazzjoni tal-Artikolu 78(3) TFUE.

197. Minn dan jirriżulta li dak li huwa importanti, sabiex jiġi żgurat li s-setgħa ta’ inizjattiva tal-Kummissjoni kienet irrispettata, huwa li jiġi vverifikat jekk din tatx jew le l-kunsens tagħha għall-emendi magħmula għall-proposta. Kif jirrileva ġustament il-Kunsill, minn qari konġunt tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 293(1) u (2) TFUE jirriżulta li r‑rekwiżit ta’ vot unanimu tal-Kunsill japplika biss f’sitwazzjoni fejn il‑Kummissjoni topponi emenda tal-proposta tagħha.

198. Issa, mill-fajl jirriżulta li l-ewwel Viċi-President tal-Kummissjoni u l-kumitat kompetenti fil-qasam tal-ażil u tal-immigrazzjoni pparteċipaw b’mod attiv u kontinwu sabiex jintlaħaq kompromess politiku fi ħdan il-Kunsill. Għal dan il-għan, dawn iż-żewġ membri tal-Kummissjoni aċċettaw l-emendi magħmula mill-Kunsill għall-proposta inizjali. Fil-mument tad-deċiżjoni, il-Kunsill kellu quddiemu proposta tal-Kummissjoni emendata skont il-kompromess politiku aċċettat minn żewġ membri tal-Kummissjoni, skont kif previst fl‑Artikolu 293(2) TFUE (57).

199. Fid-dawl tal-argumenti preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal‑Ġustizzja li tiċħad bħala infondati t-tieni parti tar-raba’ motiv tar‑Repubblika Slovakka u t-tielet motiv tal-Ungerija.

4.      Fuq it-tieni parti tat-tielet motiv tar-Repubblika Slovakka u rraba’ motiv tal-Ungerija, ibbażati fuq ksur tal-forom proċedurali sostanzjali, sa fejn id-dritt tal-parlamenti nazzjonali li jagħtu opinjoni skont il-Protokolli (Nru 1) u (Nru 2) ma ġiex osservat

200. B’mod sussidjarju, ir-Repubblika Slovakka, u l-Ungerija jsostnu li, waqt l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, id-dritt tal-parlamenti nazzjonali li jagħtu opinjoni fuq kull abbozz ta’ att leġiżlattiv kif previst mill-Protokolli (Nru 1) u (Nru 2), ma ġiex irrispettat.

201. Peress li, skont ir-rikorrenti, id-deċiżjoni kkontestata tikkostitwixxi, minħabba l-kontenut tagħha, att leġiżlattiv, sa fejn temenda atti leġiżlattivi tal-Unjoni, din id-deċiżjoni kellha tiġi adottata permezz ta’ proċedura leġiżlattiva, b’tali mod li d-dritt tal-parlamenti nazzjonali li jagħtu parir fuq il-proposta ta’ dan l-att kellu jiġi rrispettat. Li l-abbozz jintbagħat lill-parlamenti nazzjonali għall-informazzjoni biss, kif sar fit-13 ta’ Settembru 2015, għalhekk ma kienx biżżejjed. Fi kwalunkwe każ, peress li l-abbozz ġie adottat mill-Kunsill, fil-verżjoni emendata tiegħu, fit-22 ta’ Settembru 2015, it-terminu ta’ tmien ġimgħat li għandhom il-parlamenti nazzjonali sabiex jagħtu parir skont l‑Artikolu 4 tal-Protokoll (Nru 1) u tal-Artikolu 6 tal-Protokoll (Nru 2), ma ġiex irrispettat.

202. Barra minn hekk, l-eċċezzjoni f’każ ta’ urġenza kif prevista mill-Artikolu 4 tal-Protokoll (Nru 1), li tippermetti li jiqsar dan it-terminu ta’ tmien ġimgħat, ma hijiex applikabbli peress li ebda dokument tal‑Kunsill ma kien jirreferi għal din il-ħtieġa li, fid-dawl tal-urġenza tal-każ, il-parlamenti nazzjonali kellhom jagħtu l-parir tagħhom dwar l‑abbozz f’terminu iqsar.

203. Bħall-Kunsill, nikkunsidra li, sa fejn, kif urejt preċedentement, id‑deċiżjoni kkontestata tikkostitwixxi att mhux leġiżlattiv, din id‑deċiżjoni ma kinitx suġġetta għar-rekwiżiti marbuta mal‑parteċipazzjoni tal-parlamenti nazzjonali li huma marbuta mal‑adozzjoni ta’ att leġiżlattiv, kif previsti mill-Protokolli (Nru 1) u (Nru 2).

204. It-tieni parti tat-tielet motiv tar-Repubblika Slovakka u r-raba’ motiv tal-Ungerija għalhekk għandhom jiġu miċħuda bħala infondati.

5.      Fuq l-ewwel parti tat-tielet motiv tar-Repubblika Slovakka, ibbażata fuq ksur tal-forom proċedurali sostanzjali, sa fejn il-Kunsill interpreta b’mod żbaljat ir-rekwiżit tan-natura pubblika tad-dibattiti u tal-vot fi ħdanu

205. B’mod sussidjarju, ir-Repubblika Slovakka ssostni li, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja kellha tiddeċiedi li d-deċiżjoni kkontestata ġiet adottata skont proċedura leġiżlattiva u tikkostitwixxi għalhekk att leġiżlattiv, minn dan jirriżulta li l-Kunsill kiser forma proċedurali sostanzjali billi adotta d-deċiżjoni kkontestata bil-bibien magħluqa fl-eżerċizzju tal‑attivitajiet mhux leġiżlattivi, filwaqt li l-Artikolu 16(8) TUE u l‑Artikolu 15(2) TFUE jipprevedu li l-laqgħat tal-Kunsill huma pubbliċi waqt id-deliberazzjoni u l-vot fuq abbozz ta’ att leġiżlattiv.

206. Inqis, bħall-Kunsill, li, sa fejn, kif urejt preċedentement, id-deċiżjoni kkontestata tikkostitwixxi att mhux leġiżlattiv, din id-deċiżjoni ma hijiex suġġetta għall-kundizzjonijiet li huma marbuta mal-adozzjoni ta’ att leġiżlattiv, fosthom ir-rekwiżit tan-natura pubblika tad-deliberazzjonijiet u tal-vot tal-Kunsill.

207. L-ewwel parti tat-tielet motiv tar-Repubblika Slovakka għandha, konsegwentement, tiġi miċħuda bħala infondata.

6.      Fuq is-sitt motiv tal-Ungerija, ibbażat fuq ksur tal-forom proċedurali sostanzjali sa fejn, waqt l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kunsill ma osservax ir-regoli fil-qasam tas-sistema lingwistika tad-dritt tal-Unjoni7

208. L-Ungerija ssostni li l-Kunsill kiser forma proċedurali sostanzjali inkwantu adottata d-deċiżjoni kkontestata minkejja li t-test tagħha li ġie sottomess għall-vot ma kienx disponibbli fil-lingwi uffiċjali kollha tal‑Unjoni.

209. B’mod iktar speċifiku, il-Kunsill ma osservax is-sistema tal-lingwi tad-dritt tal-Unjoni, u b’mod partikolari, l-Artikolu 14(1) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu (58), peress li t-testi li jirriproduċu l-emendi magħmula suċċessivament għall-proposta inizjali tal-Kummissjoni, fosthom it-test tad-deċiżjoni kkontestata kif finalment adottat mill-Kunsill, tqassmu lid‑delegazzjonijiet tal-Istati Membri fil-lingwa Ingliża biss.

210. Ir-Repubblika Slovakka qajmet dan l-istess motiv fir-replika tagħha. Fl-opinjoni tiegħi, fil-kuntest tar-rikors ippreżentat minn dan l‑Istat Membru, dan il-motiv għandu jitqies bħala tardiv u għalhekk inammissibbli.

211. L-Artikolu 14 tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Kunsill, intitolat “Deliberazzjonijiet u deċiżjonijiet abbażi ta’ dokumenti u abbozzi mfassla fil-lingwi previsti mir-regoli fis-seħħ dwar il-lingwa”, jipprevedi:

“1.      Ħlief fejn il-Kunsill, b’mod unanimu u minħabba raġunijiet ta’ urġenza, jiddeċiedi mod ieħor, il-Kunsill għandu jiddelibera u jieħu deċiżjonijiet biss abbażi ta’ dokumenti u abbozzi mfassla fil-lingwi speċifikati fir-regoli fis-seħħ li jirregolaw il-lingwi.

2.      Kwalunkwe membru tal-Kunsill jista’ jopponi diskussjoni jekk it-testijiet ta’ kwalunkwe emenda proposta ma jkunux imfassla f’waħda mil-lingwi msemmija fil-paragrafu 1 li hu jagħżel”.

212. Il-Kunsill isostni li din id-dispożizzjoni tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu għandha tinftiehem fis-sens li, minkejja li paragrafu 1 tiegħu jirrikjedi li d-dokumenti u l-abbozzi li jikkostitwixxu l-“bażi” tad‑deliberazzjonijiet tal-Kunsill, f’dan il-każ il-proposta inizjali tal-Kummissjoni, jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-Istati Membri fil-lingwi uffiċjali kollha tal-Unjoni, il-paragrafu 2 tal-imsemmija dispożizzjoni jipprevedi sistema ssimplifikata għall-emendi, li mhux bilfors għandhom ikunu disponibbli fil-lingwi kollha uffiċjali tal-Unjoni. Ikun biss fil-każ ta’ oppożizzjoni ta’ Stat Membru li l-verżjoni lingwistika indikata minn dak l-Istat Membru għandha tkun ippreżentata wkoll lill‑Kunsill qabel dan ikun jista’ jkompli bid-deliberazzjonijiet.

213. Inqis li din l-ispjegazzjoni mill-Kunsill tal-mod kif l‑Artikolu 14 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu għandu jinftiehem (59) hija konvinċenti, sa fejn tikkostitwixxi approċċ ekwilibrat u flessibbli li jippermetti li tiġi żgurata l-effettività tax-xogħlijiet tal-Kunsill, b’mod partikolari fil-kuntest ta’ urġenza li tikkaratterizza l-miżuri provviżorji meħuda abbażi tal-Artikolu 78(3) TFUE. Din l-ispjegazzjoni tikkoinċidi wkoll mal-iżvolġiment tal-proċedura li wasslet għall-adozzjoni tad‑deċiżjoni kkontestata.

214. F’dan il-każ, kif jispjega l-Kunsill, mingħajr ma jiġi kontradett, il‑Kummissjoni qiegħdet il-proposta ta’ deċiżjoni tagħha għad‑dispożizzjoni tad-delegazzjonijiet tal-Istati Membri kollha fil‑lingwi uffiċjali kollha tal-Unjoni. Barra minn hekk, il-Kunsill indika, u mingħajr ma dan ġie kontradett mir-rikorrenti, li l-emendi kollha mitluba b’mod orali mill-Istati Membri differenti, riprodotti f’dokumenti ta’ xogħol redatti bil-lingwa Ingliża u mqassma lid-delegati, inqraw mill-President tal-Kunsill filwaqt li ġew interpretati b’mod simultanju fil-lingwi uffiċjali kollha tal-Unjoni. Skont il-Kunsill, l-ebda Stat Membru ma qajjem oġġezzjoni skont l-Artikolu 14(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tal‑Kunsill.

215. Finalment, fi kwalunkwe każ, kif korrettament jirrileva l-Kunsill, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, anki jekk, meta adotta d-deċiżjoni kkontestata, il-Kunsill kiser l-Artikolu 14 tar‑Regoli ta’ Proċedura tiegħu, tali irregolarità ta’ proċedura ma tistax twassal għall-annullament tal-att li finalment ġie adottat ħlief jekk, fl-assenza ta’ din l-irregolarità, il-proċedura setgħet wasslet għal riżultat differenti (60). Issa, l-Ungerija ma ressqet l-ebda prova li tista’ turi li, jekk l-emendi tal‑proposta inizjali tal-Kummissjoni kienu redatti fil-lingwi uffiċjali kollha tal-Unjoni, il-proċedura kienet twassal għal riżultat differenti.

216. Konsegwentement, is-sitt motiv tal-Ungerija għandu jiġi miċħud bħala infondat.

217. Mill-argumenti li ddedikajt għall-eżami tal-motivi tar-Repubblika Slovakka u tal-Ungerija, dwar ir-regolarità tal-proċedura ta’ adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata u bbażati fuq il-ksur ta’ forom proċedurali sostanzjali, jirriżulta li dawn għandhom jiġu miċħuda bħala infondati.

D.      Fuq il-motivi dwar il-mertu

1.      Fuq is-sitt motiv tar-Repubblika Slovakka kif ukoll id-disa’ u lgħaxar motivi tal-Ungerija, ibbażati fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità

218. Kemm ir-Repubblika Slovakka kif ukoll l-Ungerija jsostnu, fuq argumenti li jiddiversifikaw fuq ċerti punti, li d-deċiżjoni kkontestata tikser il-prinċipju ta’ proporzjonalità.

219. Skont ġurisprudenza stabbilita, il-prinċipju ta’ proporzjonalità jirrikjedi li l-atti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni jkunu adatti sabiex jilħqu l-għanijiet leġittimi mfittxija mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni u ma jmorrux lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex dawn l-għanijiet jintlaħqu, peress li meta jkun hemm possibbiltà ta’ għażla bejn diversi miżuri xierqa, għandha tintgħażel l-inqas waħda vinkolanti, u li l-inkonvenjenzi li jinħolqu ma għandhomx ikunu sproporzjonati meta mqabbla mal-għanijiet intiżi (61).

220. F’dak li jirrigwarda l-istħarriġ ġudizzjarju tal-osservanza ta’ dan il‑prinċipju, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li għandu jiġi rrikonoxxut li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni għandhom setgħa diskrezzjonali wiesgħa f’oqsma li jimplikaw, min-naħa tagħhom, għażliet ta’ natura politika u li fihom ikollhom iwettqu evalwazzjonijiet kumplessi. F’dawn iċ-ċirkustanzi, hija biss in-natura manifestament inadegwata ta’ miżura stabbilita f’wieħed minn dawn l-oqsma, meta mqabbla mal-għan li l-istituzzjonijiet kompetenti għandhom l-intenzjoni li jiksbu, li tista’ taffettwa l-legalità ta’ tali miżura (62).

221. Fl-opinjoni tiegħi ma hemmx dubju li din il-ġurisprudenza għandha tapplika f’dan il-każ, sa fejn id-deċiżjoni kkontestata hija r‑riflessjoni tal-għażliet politiċi magħmula mill-Kunsill sabiex jaffrontaw sitwazzjoni ta’ emerġenza u li r-rispons li jingħata għall-fenomenu ta’ dħul f’daqqa ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi fit-territorju tal-Unjoni huwa l‑frott ta’ evalwazzjonijiet kumplessi li l-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax tissostitwixxi għalihom.

222. Infakkar li l-għan li għandu jiġi segwit mid-deċiżjoni kkontestata huwa, skont l-Artikolu 1(1) tagħha moqri flimkien mal-premessi 12 u 26 tagħha, li tgħin lir-Repubblika Taljana u r-Repubblika Ellenika sabiex jaffrontaw bl-aħjar mod sitwazzjoni ta’ emerġenza kkaratterizzata minn dħul f’daqqa ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi fit-territorju permezz tal-adozzjoni ta’ miżuri provviżorji fil-qasam tal‑protezzjoni internazzjonali intiżi sabiex itaffu l-pressjoni kunsiderevoli li għandhom is-sistemi ta’ ażil ta’ dawn iż-żewġ Stati Membri.

223. Hija biss il-konstatazzjoni li d-deċiżjoni kkontestata hija manifestament mhux adattata sabiex jintlaħaq l-għan li għandu jiġi segwit minnha jew inkella li hija tmur lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq dan il-għan li hija tali li tista’ twassal għall-annullament ta’ din id-deċiżjoni.

224. Fil-preżent, għandu jiġi eżaminat il-kontenut tal-motivi mqajma mir-Repubblika Slovakka u mill-Ungerija sabiex tiġi kkontestata l‑proporzjonalità tad-deċiżjoni kkontestata.

a)      Fuq jekk id-deċiżjoni kkontestata hijiex adattata sabiex jintlaħaq l-għan tagħha

225. Ir-Repubblika Slovakka, sostnuta mir-Repubblika tal-Polonja, issostni li d-deċiżjoni kkontestata ma hijiex adattata sabiex jintlaħaq l‑għan tagħha peress li l-pressjoni li hija tagħmel fuq is-sistemi ta’ ażil tal-Italja u tal-Greċja hija l-konsegwenza ta’ dgħufija strutturali gravi li dawn għandhom f’termini ta’ nuqqas ta’ kapaċità ta’ akkoljenza u ta’ trattament ta’ talbiet għal protezzjoni internazzjonali. Il-mekkaniżmu temporanju ta’ rilokazzjoni previst bid-deċiżjoni kkontestata ma huwiex tali li tista’ tirrimedja għal tali nuqqasijiet strutturali.

226. Jien ma naqbilx ma’ dan l-argument.

227. Nikkunsidra li d-deċiżjoni kkontestata, peress li tnaqqas it‑trattament ta’ diversi talbiet għal protezzjoni internazzjonali mill‑kompetenza tar-Repubblika Taljana u tar-Repubblika Ellenika, tikkontribwixxi b’mod awtomatiku sabiex tnaqqas il-pressjoni kunsiderevoli li kien hemm fuq is-sistemi ta’ ażil ta’ dawn iż-żewġ Stati Membri wara l-kriżi migratorja tas-sajf 2015. Il-fatt li l-għan prinċipali tad-deċiżjoni kkontestata ma huwiex li tirrimedja għan-nuqqasijiet strutturali ta’ dawn is-sistemi ta’ ażil ma huwiex tali li jaħbi din il-konstatazzjoni.

228. Qabel kollox, għandu jiġi enfasizzat li d-deċiżjoni kkontestata ma hija bl-ebda mod interessata fil-problema li ttejjeb il-funzjonament tas-sistemi ta’ ażil tar-Repubblika Taljana u tar-Repubblika Ellenika.

229. Fil-fatt, id-deċiżjoni kkontestata tipprevedi, fl-Artikolu 8(1) tagħha li, “[b]’konsiderazzjoni tal-obbligi stipulati fl-Artikolu 8(1) tad‑Deċiżjoni […] 2015/1523, u sas-26 ta’ Ottubru 2015, [ir-Repubblika Taljana] u [r-Repubblika Ellenika] għandhom jinnotifikaw lill-Kunsill u lill-Kummissjoni dwar pjan direzzjonali aġġornat li jikkunsidra l-ħtieġa li tiġi żgurata l‑implimentazzjoni xierqa ta’ din id-Deċiżjoni”. Skont dak li jindika l‑Artikolu 8(1) tad-Deċiżjoni 2015/1523, dan il-pjan għandu b’mod partikolari jipprevedi “miżuri adegwati fil-qasam tal-asil, l-ewwel ilqugħ [akkoljenza] u r-ritorn, it-tisħiħ tal-kapaċità, il-kwalità u l-effiċjenza tas-sistemi tagħhom f’dawn l-oqsma”. Il-premessa 18 tad-deċiżjoni kkontestata tispjega, f’dan ir-rigward, li d-Deċiżjoni 2015/1523 “tistabbilixxi obbligu għall-Italja u għall-Greċja li jipprovdu soluzzjonijiet strutturali biex jindirizzaw pressjonijiet eċċezzjonali fuq is-sistemi tagħhom tal-asil u tal-migrazzjoni, billi jistabbilixxu qafas strateġiku u solidu b’rispons għas-sitwazzjoni ta’ kriżi u jintensifikaw il-proċess ta’ riforma li jinsab għaddej f’dawn l-oqsma”. Id-deċiżjoni kkontestata, billi titlob li jiġu effettwati l-pjani stabbiliti [mir-Repubblika Taljana u mir-Repubblika Ellenika] skont id-Deċiżjoni 2015/1523, tkompli fuq din l-aħħar deċiżjoni. L-għan segwit hawnhekk huwa li tobbliga lil dawn iż-żewġ Stati Membri li jimplementaw is-sistemi ta’ ażil tagħhom sabiex jippermettilhom, wara l-perijodu ta’ applikazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, sabiex jilqgħu b’mod aħjar l-eventwali żieda tad-dħul ta’ migranti fit-territorju tagħhom.

230. Skont id-deċiżjoni kkontestata, ir-Repubblika Taljana u r-Repubblika Ellenika għandhom għalhekk l-obbligu, parallellament mar-rilokazzjonijiet li jsiru mit‑territorju tagħhom, li jirrimedjaw in-nuqqasijiet strutturali fis-sistemi ta’ ażil tagħhom. In-nuqqas ta’ wieħed minn dawn iż-żewġ Stati Membri għal dan l-obbligu jista’, skont l-Artikolu 8(3) tad-deċiżjoni kkontestata, iwassal għas-sospensjoni tal-applikazzjoni ta’ din id-deċiżjoni fir‑rigward ta’ dan l-Istat Membru matul perijodu li jista’ jkun sa tliet xhur, li jista’ jiġi estiż darba.

231. Barra minn hekk, wieħed għandu jżomm f’moħħu li d‑deċiżjoni kkontestata ma hijiex l-unika miżura meħuda mill-Unjoni sabiex itaffi s-sistemi ta’ ażil Taljana u Griega. Kif enfasizza l-Gran Dukat tal-Lussemburgu, din id-deċiżjoni għandha tinftiehem bħala li tagħmel parti minn grupp ta’ miżuri, fosthom waħda mill-iktar importanti fuq il-pjan operazzjonali tkun ċertament dik tal-implementazzjoni ta’ “hotspots” (63).

232. Finalment, kif diġà indikajt preċedentement, naqbel mal-Kunsill li huwa probabbli li l-pressjoni qawwija li kellhom is-sistemi ta’ ażil tar-Repubblika Taljana u tar-Repubblika Ellenika kienet tali li kienet taffettwa serjament kwalunkwe sistema, anki sistema li ma tkunx strutturalment dgħajfa. Għalhekk jidhirli li huwa żbaljat li jiġi sostnut, kif tagħmel ir-Repubblika Slovakka, li l-pressjoni li kien hemm fuq is-sistemi ta’ ażil tal-Italja u tal-Greċja kienet biss konsegwenza tal-fatt li dawn iż-żewġ sistemi kienu strutturalment dgħajfa.

233. Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, inqis li ma jidhirx, u wisq inqas b’mod manifest, li r-rilokazzjoni ta’ numru sinjifikattiv ta’ persuni li manifestament għandhom bżonn protezzjoni internazzjonali, b’mod li jnaqqsu lis-sistemi ta’ ażil Taljan u Grieg mit-trattament ta’ talbiet korrispondenti, tikkostitwixxi miżura mhux adattata sabiex tikkontribwixxi b’mod reali u effettiv għall-għan li titnaqqas il-pressjoni kunsiderevoli li hemm fuq dawn iż-żewġ sistemi ta’ ażil.

234. Skont ir-Repubblika Slovakka u l-Ungerija, il-fatt li d-deċiżjoni kkontestata ma hijiex adattata sabiex tilħaq l-għan tagħha huwa kkonfermat ukoll min-numru baxx ta’ rilokazzjonijiet li saru bis-saħħa ta’ din id‑deċiżjoni.

235. Issa, kif ġustament jindika l-Kunsill, il-proporzjonalità għandha tiġi evalwata fir-rigward tal-elementi li din l-istituzzjoni kellha waqt l‑adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

236. F’dan ir-rigward, għandha titfakkar il-ġurisprudenza tal-Qorti tal‑Ġustizzja li skontha, fil-kuntest ta’ rikors għal annullament, il-legalità ta’ att għandha tiġi evalwata skont il-punti ta’ fatt u ta’ liġi li kienu jeżistu fid-data meta l-att ġie adottat u ma għandhiex b’mod partikolari tiddependi minn kunsiderazzjonijiet retrospettivi li jirrigwardaw il-grad ta’ effikaċja tiegħu (64). Il-Qorti tal-Ġustizzja spjegat ukoll li meta l‑leġiżlatur tal-Unjoni għandu jevalwa l-effetti futuri ta’ leġiżlazzjoni li għandu jadotta, minkejja li dawn l-effetti ma jkunux jistgħu jiġu previsti b’eżattezza, l-evalwazzjoni tiegħu tista’ tiġi kkritikata biss jekk din tidher li hija manifestament żbaljata fid-dawl tal-informazzjoni li huwa kellu fil-mument tal-adozzjoni tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni (65).

237. Kif jirriżulta minn diversi kunsiderazzjonijiet tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kunsill ibbaża ruħu fuq analiżi ddettaljata tal-kawżi u tal‑effetti tas-sitwazzjoni ta’ kriżi li kien hemm matul is-sajf tal-2015 abbażi tad-data li kellu fil-mument tal-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni.

238. Kif jirrileva l-Kunsill, l-effikaċja dgħajfa tal-miżuri previsti bid‑deċiżjoni kkontestata (66) tista’ tiġi spjegata b’numru ta’ elementi li ma setgħux jiġu previsti fil-mument tal-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni, b’mod partikolari l-politika li persuni “jitħallew jgħaddu” ipprattikata minn diversi Stati Membri li wasslet għal ċaqliq mhux organizzat ta’ numru kbir ta’ migranti lejn Stati Membri oħra, ir-ritmu dgħajjef tal-proċeduri ta’ rilokazzjoni, l-inċertezza maħluqa minn numru ta’ każijiet ta’ rifjut minħabba raġunijiet ta’ ordni pubbliku invokati minn ċerti Stati Membri ta’ rilokazzjoni u l-kooperazzjoni insuffiċjenti ta’ ċerti Stati Membri fl‑implementazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

239. Fuq dan l-aħħar punt, inżid li l-argument li jiżviluppaw ir‑rikorrenti jwassal sabiex, fit-totalità tiegħu, jippruvaw jieħdu vantaġġ mill-fatt li huma ma eżegwixxewx id-deċiżjoni kkontestata. Nirrileva, fil-fatt, li r-Repubblika Slovakka u l-Ungerija, billi ma ssodisfawx l-obbligi ta’ rilokazzjoni tagħhom, ikkontribwixxew sabiex l-għan ta’ 120 000 rilokazzjoni stabbiliti fid‑deċiżjoni kkontestata kien, sal-lum, ’il bogħod milli jintlaħaq.

240. F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li, skont iċ-ċifri aġġornati tal‑10 ta’ April 2017 (67), l-Ungerija ma rrilokat l-ebda persuna mill-Italja u mill-Greċja. Min-naħa tagħha, ir-Repubblika Slovakka, irrilokat biss 16‑il persuna mill-Greċja u l-ebda waħda mill-Italja. Dawn iċ-ċifri jikkorrispondu għal 0 % u 2 % tal-allokazzjonijiet ta’ rilokazzjonijiet li ngħataw lill-Ungerija u lir-Repubblika Slovakka bid-deċiżjoni kkontestata. Barra minn hekk, nirrileva li la r-Repubblika Slovakka u lanqas l-Ungerija ma talbu l-applikazzjoni fil-konfront tagħhom tal‑mekkaniżmu ta’ sospensjoni temporanja tal-obbligi tagħhom previst fl-Artikolu 4(5) tad-deċiżjoni kkontestata.

241. Għalkemm huwa ċar fl-opinjoni tiegħi li l-fatt li d-deċiżjoni kkontestata hija adattata sabiex jintlaħaq l-għan li hija għandha ma jistax jiġi kkontestat mir-rikorrenti abbażi tad-dgħufija tal-applikazzjoni tagħha jew tal-ineffikaċja tagħha fil-prattika, min-naħa l-oħra hemm ħaġa li jidhirli li hija inkontestabbli, jiġifieri li din id-deċiżjoni ma tistax twassal sabiex issolvi s-sitwazzjoni ta’ emerġenza li tiġġustifika l-adozzjoni tagħha, ħlief sa fejn l-Istati Membri kollha, fl-istess spirtu ta’ solidarjetà bħal dak li jikkostitwixxi l-bażi tagħha, jagħmlu sforz sabiex tiġi implementata.

242. F’dan ir-rigward, infakkar, li l-inapplikazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata tikkostitwixxi wkoll ksur tal-obbligu ta’ solidarjetà u ta’ tqassim ġust ta’ obbligi espress fl-Artikolu 80 TFUE. Fl-opinjoni tiegħi ma hemmx dubju li, adita minn rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu dwar dan is-suġġett, il-Qorti tal-Ġustizzja tkun fondata li tfakkar lill‑Istati Membri li naqsu mit-twettiq tal-obbligi tagħhom dwar dawn l-istess obbligi, u dan b’mod sod, kif hija setgħet tagħmel dan fil-passat (68).

b)      Fuq in-natura neċessarja tad-deċiżjoni kkontestata fir-rigward tal-għan li hija għandha tilħaq

1)      L-argumenti mressqa mir-Repubblika Slovakka

243. Ir-Repubblika Slovakka ssostni li l-għan li d-deċiżjoni kkontestata għandha seta’ jintlaħaq b’mod daqstant effikaċi billi jintużaw miżuri li setgħu jittieħdu fil-kuntest ta’ strumenti eżistenti u li jkunu inqas vinkolanti għall-Istati Membri fir-rigward tal-effettività tagħhom fuq id‑dritt sovran ta’ kull Stat Membru li jiddeċiedi b’mod ħieles dwar l‑ammissjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi fit-territorju tagħhom kif ukoll dwar id-dritt tal-Istati Membri, stabbilit fl-Artikolu 5 tal-Protokoll (Nru 2), b’tali mod li l-obbligu finanzjarju u amministrattiv ikun l-inqas oneruż possibbli.

244. Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-miżuri l-inqas restrittivi possibbli, ir-Repubblika Slovakka qabel kollox issemmi d-Direttiva tal‑Kunsill 2001/55/KE, tal-20 ta’ Lulju 2001, dwar l-istandards minimi sabiex tingħata protezzjoni temporanja fl-eventwalità ta’ fluss bil‑massa ta’ persuni spostati u dwar il-miżuri li jippromwovu bilanċ fl‑isforzi bejn l-Istati Membri meta jirċievu dawn il-persuni u li jġorru l‑konsegwenzi ta’ dawn (69). Din id-direttiva għandha l-għan li tirrispondi għall-istess sitwazzjonijiet ta’ dħul massiv ta’ migranti bħad-deċiżjoni kkontestata billi tipprevedi protezzjoni temporanja, kif jindikaw il-premessi 8, 9 u 13 kif ukoll l-Artikolu 1 tal-imsemmija direttiva, li kollha huma inqas restrittivi minn din id-deċiżjoni minn diversi aspetti. Barra minn hekk, l‑Artikolu 26 tad-Direttiva 2001/55 jipprevedi b’mod espress proċedura ta’ rilokazzjoni ta’ persuni li jibbenefikaw minn protezzjoni temporanja.

245. Din id-direttiva toħloq inqas preġudizzju għall-interessi tal-Istati Membri għaliex tipprevedi r-ritorn tal-persuni kkonċernati meta tispiċċa l-protezzjoni temporanja. Barra minn hekk, l-Artikolu 25 tal-imsemmija direttiva tipprevedi, fi spirtu ta’ solidarjetà, li l-Istati Membri jindikaw, statistikament u b’mod ġenerali, il-kapaċitajiet tagħhom ta’ akkoljenza, u li huma jiddeċiedu dwar in-numru ta’ persuni li għandhom jintlaqgħu fl‑osservanza tas-sovranità tagħhom.

246. Ir-Repubblika tal-Polonja, li ssostni lir-Repubblika Slovakka f’dan l-argument, tispjega li d-Direttiva 2001/55 hija bbażata fuq il‑prinċipju ta’ volontarjetà, b’tali mod li t-trasferiment isir biss bi qbil tal-persuna rrilokata u dak tal-Istat Membru ta’ rilokazzjoni. Barra minn hekk, l-istatus ta’ protezzjoni temporanja li tipprevedi din id-direttiva jagħti inqas drittijiet mill-istatus ta’ protezzjoni internazzjonali li huwa intiż li tagħti d-deċiżjoni kkontestata, b’mod partikolari fir-rigward tal‑perijodu ta’ protezzjoni, sabiex b’hekk timponi inqas obbligi fuq l-Istat Membru ta’ rilokazzjoni.

247. Imbagħad, ir-Repubblika Slovakka ssostni li r-Repubblika Taljana u r-Repubblika Ellenika setgħu jattivaw il-mekkaniżmu msejjaħ “protezzjoni ċivili tal-Unjoni” previst fl-Artikolu 8a tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2007/2004, tas-26 ta’ Ottubru 2004, li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għall-Ġestjoni ta’ Koperazzjoni Operazzjonali fil-Fruntieri Esterni tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea (70), li jista’ jagħtihom l-assistenza materjali neċessarja. Ir-Repubblika Slovakka ssostni wkoll li r-Repubblika Taljana u r-Repubblika Ellenika setgħu jitolbu assistenza lill-aġenzija Frontex taħt il-forma ta’ “interventi rapidi”. Ir‑Repubblika Slovakka tispjega, f’dan ir-rigward, li l-effikaċità tal‑protezzjoni tal-fruntieri tal-Istati Membri tal-ewwel art, li l-fruntieri tagħhom jikkostitwixxu fruntieri esterni tal-Unjoni, hija direttament marbuta mal-istat tas-sistemi ta’ ażil u ta’ migrazzjoni tal-Istati Membri kkonċernati.

248. Bl-istess mod, skont l-Artikolu 2(1)(f) u l-Artikolu 9(1) u (1)b tar‑Regolament Nru 2007/2004, sabiex inaqqsu mill-piż tas-sistemi ta’ ażil tagħhom, ir-Repubblika Taljana u r-Repubblika Ellenika setgħu, skont ir-Repubblika Slovakka, jitolbu lill-aġenzija Frontex tagħtihom l-assistenza neċessarja għall‑organizzazzjoni tal-operazzjonijiet ta’ ritorn.

249. Barra minn hekk, ir-Repubblika Slovakka ssostni li ma kienx neċessarju li jiġu adottati miżuri oħra abbażi tal-Artikolu 78(3) TFUE, fid-dawl tad-Deċiżjoni 2015/1523 li tħalli lill-Istati Membri l-obbligu li jiddeċiedu, fi spirtu ta’ solidarjetà, sa fejn jipparteċipaw fl-impenn komuni u li għalhekk ikun inqas ta’ preġudizzju għas-sovranità tagħhom. Barra minn hekk, peress li d-deċiżjoni kkontestata ġiet adottata biss tmint ijiem wara d-Deċiżjoni 2015/1523, kien impossibbli sabiex fi żmien daqstant qasir jiġi konkluż li din l-aħħar deċiżjoni ma kinitx biżżejjed. Fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kunsill ma kellu l-ebda raġuni sabiex jikkunsidra li l-kapaċitajiet ta’ akkoljenza previsti bid-Deċiżjoni 2015/1523 ser ikunu ppreġudikati malajr u li ser ikun għalhekk neċessarju li jiġu previsti kapaċitajiet addizzjonali fil-kuntest tad-deċiżjoni kkontestata.

250. Fl-aħħar nett, l-Artikolu 78(3) TFUE jippermetti wkoll li jiġu adottati miżuri inqas restrittivi sabiex jintlaħaq l-għan li għandu jiġi segwit, b’mod partikolari il-provvista ta’ għajnuna sabiex jiġi ffaċilitat ir-ritorn u r-reġistrazzjoni jew appoġġ finanzjarju, materjali, tekniku u tal‑persunal lis-sistemi ta’ ażil Taljana u Griega. L-Istati Membri jistgħu wkoll, fuq bażi volontarja, jieħdu inizjattivi bilaterali sabiex jagħtu tali sostenn.

251. Fit-tieni lok, ir-rilokazzjoni tal-applikanti kif prevista bid‑deċiżjoni kkontestata ġġib magħha b’mod inevitabbli piż finanzjarju u amministrattiv. Issa, peress li ma kienx neċessarju li jerfgħu tali piż, din id-deċiżjoni tikkostitwixxi miżura superfluwa u prematura li hija kuntrarja għall-prinċipju ta’ proporzjonalità u għall-Artikolu 5 tal‑Protokoll (Nru 2).

252. Bħala risposta għal dawn l-argumenti, għandu jiġi enfasizzat il‑kuntest partikolarment delikat li fih ittieħdet id-deċiżjoni kkontestata, jiġifieri s-sitwazzjoni ta’ emerġenza kkaratterizzata minn dħul f’daqqa ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi matul Lulju u Awwissu 2015. L‑istituzzjonijiet tal-Unjoni għandhom jirreaġixxu bl-iktar mod mgħaġġel possibbli u b’mod effikaċi għall-pressjoni kunsiderevoli li kellhom is-sistemi ta’ ażil Taljana u Griega.

253. Inqis, bħall-Kunsill, li jekk is-soluzzjonijiet alternattivi ssuġġeriti mir-Repubblika Slovakka jistgħu, tal-inqas għal xi uħud, jikkontribwixxu sabiex jintlaħaq l-għan li għandu jiġi segwit mid‑deċiżjoni kkontestata, din il-konstatazzjoni ma għandhiex, fid‑dawl tal-marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ li għandu jingħata lill‑Kunsill, tkun biżżejjed sabiex tistabbilixxi n-natura manifestament sproporzjonata ta’ din id-deċiżjoni u tikkontesta l-legalità tagħha. Fl‑opinjoni tiegħi, il-Kunsill, fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, seta’ ġustament iqis li ma kienx hemm miżura alternattiva li kienet tippermetti li jintlaħaq l-għan intiż mid-deċiżjoni kkontestata b’mod daqstant effikaċi filwaqt li tillimita inqas is-sovranità tal-Istati Membri jew l-interessi finanzjarji tagħhom.

254. Nikkunsidra, bħar-Repubblika Federali tal-Ġermanja, li l‑prinċipju ta’ solidarjetà u ta’ tqassim ġust ta’ responsabbiltà bejn l-Istati Membri, espressament stabbilit bl-Artikolu 80 TFUE sa fejn jikkonċerna l-politiki tal-Unjoni relatati mal-kontrolli fil-fruntieri, mal‑ażil u mal-immigrazzjoni, għandu rwol maġġuri fil-kuntest tal‑interpretazzjoni tal-Artikolu 78(3) TFUE. Għalhekk, jidhirli li huwa konformi ma’ din l-aħħar dispożizzjoni, moqrija fid-dawl tal‑Artikolu 80 TFUE, li miżura provviżorja bħad-deċiżjoni kkontestata tipproċedi bi tqassim mandatorju bejn l-Istati Membri tal-obbligi li hija tipprevedi.

255. Barra minn hekk, ir-Repubblika Ellenika tipprevedi li n-neċessità li jiġi adottat programm ta’ rilokazzjoni mandatorju tal-applikanti ta’ protezzjoni internazzjonali mill-Greċja u mill-Italja, bi kwoti għal kull Stat Membru, hija spjegata bil-flussi migratorji mingħajr preċedent li seħħew f’dawn iż-żewġ Stati Membri fl-2015, l-iktar matul Lulju u Awwissu 2015. L-azzjonijiet li ġew deċiżi b’mod progressiv sal‑adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata urew li ma kinux biżżejjed sabiex jitnaqqas b’mod sostanzjali l-piż li jirriżulta fil-Greċja u fl-Italja mill‑ammissjoni u mit-trattament tat-talbiet għal protezzjoni internazzjonali ta’ numru daqstant kbir ta’ migranti. Ma għandix elementi konvinċenti li huma tali li jikkontestaw il-konstatazzjoni hekk magħmula mir-Repubblika Ellenika.

256. Minn dan jirriżulta li, fid-dawl tad-data f’ċifri relatata mal-kriżi migratorja ta’ 2015 li ssemmiet fil-premessi tad-deċiżjoni kkontestata u tal-grupp ta’ miżuri ssuġġeriti mir-Repubblika Slovakka sabiex jirrispondu għal din il-kriżi, ma naħsibx li l-mekkaniżmu temporanju ta’ rilokazzjoni implementat b’din id-deċiżjoni jista’ jitqies bħala li jmur lil hinn b’mod manifest minn dak li huwa neċessarju sabiex jingħata rispons effikaċi għal din il-kriżi.

257. Fir-rigward, qabel xejn, tal-miżura alternattiva li tikkostitwixxi l‑implementazzjoni tad-Direttiva 2001/55, din tal-aħħar tikkostitwixxi, kif il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat fis-sentenza tagħha tal‑21 ta’ Diċembru 2011, N. S. et (71), eżempju tas-solidarjetà bejn l-Istati Membri previst bl-Artikolu 80 TFUE (72). Kif jirriżulta mill-premessa 20 ta’ din id-direttiva, wieħed mill-għanijiet tagħha huwa li tipprevedi mekkaniżmu ta’ solidarjetà intiż sabiex jikkontribwixxi għat-twettiq ta’ ekwilibriju bejn l-isforzi bil-kunsens mill-Istati Membri sabiex jilqgħu f’każ ta’ dħul massiv il-persuni li jiċċaqilqu u jsostnu l-konsegwenzi ta’ din l-akkoljenza.

258. Għalkemm l-applikazzjoni ta’ tali mekkaniżmu ta’ solidarjetà tidher, bħal dak previst bid-deċiżjoni kkontestata, li għandha tkun irriżervata għal sitwazzjonijiet eċċezzjonali ta’ dħul massiv ta’ persuni li jiċċaqilqu (73), nirrileva li ż-żewġ mekkaniżmi huma differenti fuq punt essenzjali. Fil-fatt, bid-differenza ta’ dak li tipprevedi d‑Direttiva 2001/55, il-mekkaniżmu temporanju ta’ rilokazzjoni implementat bid-deċiżjoni kkontestata jagħmel tqassim ta’ numru speċifiku kif ukoll mandatorju tal-applikanti għal protezzjoni internazzjonali bejn l-Istati Membri. Fid‑dawl tal-kuntest ta’ emerġenza li fih id-deċiżjoni kkontestata ġiet adottata u tal-impossibbiltà li jinkisbu impenji ta’ numru speċifiku min-naħa tal-Istati Membri fuq tqassim bejniethom tal-applikanti ta’ protezzjoni internazzjonali, il‑Kunsill, fl-opinjoni tiegħi, għamel l-għażla adegwata billi ipprefera l‑adozzjoni ta’ rispons mgħaġġel u vinkolanti sabiex jaffronta l-kriżi migratorja li l-Unjoni kienet ikkonfrontata biha. Fi kwalunkwe każ, tali għażla ma għandhiex tkun ikklassifikata bħala manifestament mhux adattata.

259. F’dan ir-rigward, id-dikjarazzjoni, li tikkristallizza fil-parti l-kbira tagħha l-oppożizzjoni li wrew ċerti Stati Membri kontra d-deċiżjoni kkontestata, li l-għan li għandu jiġi segwit minn din id-deċiżjoni kellu jiġi rrealizzat biss permezz ta’ impenji volontarji min-naħa tal-Istati Membri li jilqgħu ċertu numru ta’ applikanti ma hijiex ipprovata bil-fatti. L-oriġini tad-deċiżjoni kkontestata turi, fil-fatt, li huwa proprju għaliex ma nkisibx kunsens bejn l-Istati Membri kollha dwar tqassim volontarju bejniethom tal‑applikanti ta’ protezzjoni internazzjonali li ġie deċiż li tingħata preferenza lill-mekkaniżmu ta’ rilokazzjoni obbligatorju, jiġifieri abbażi ta’ allokazzjonijiet bl-ammonti u vinkolanti. Fuq dan il-punt, jien tal‑opinjoni li, mill-perspettiva tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, ma għandhomx jiġu kkritikati l-istituzzjonijiet tal-Unjoni, li fil-konfront tagħhom spiss jitressqu l-ilmenti ta’ impotenza u inazzjoni, li għażlu li jimponu fuq l-Istati Membri kwoti ta’ applikanti li għandhom jiġu rrilokati minflok jiġi abbandunat kompletament u sempliċement il-proġett ta’ mekkaniżmu ta’ rilokazzjoni.

260. Minn dan nikkonkludi li l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata iktar milli implementazzjoni tad-Direttiva 2001/55 tirriżulta minn għażla politika li saret mit-tliet istituzzjonijiet li pparteċipaw fil-proċedura ta’ adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata u li ebda argument imressaq mir‑Repubblika Slovakka ma huwa tali li juri, fl-opinjoni tiegħi, li hemm lok li din l-għażla titqies bħala manifestament żbaljata fid-dawl tal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

261. Imbagħad, fir-rigward tal-argument li l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata ma kinitx neċessarja fid-dawl tal-adozzjoni minn qabel tad-Deċiżjoni 2015/1523, nosserva li l-Kummissjoni indikat b’mod ċar, fil-proposta ta’ deċiżjoni tagħha, li, wara l-ftehim miksub fi ħdan il‑Kunsill fl-20 ta’ Lulju 2015 dwar il-kontenut ta’ dak li kien ser isir id‑Deċiżjoni 2015/1523, dwar ir-rilokazzjoni ta’ 40 000 persuna mill‑Italja u l-Greċja, “is-sitwazzjoni migratorja fiċ-Ċentru u fil-Lvant tal‑Mediterran kompliet tiqliel. Il-flussi tal-migranti u tar-refuġjati żdiedu b’iktar mid-doppju matul ix-xhur tas-sajf u xprunaw sabiex jiskatta mekkaniżmu ġdid ta’ rilokazzjoni ta’ emerġenza sabiex ittaffi l-pressjoni ffaċċjata mir-[Repubblika Taljana], [ir-Repubblika Ellenika] u anki mill-Ungerija” (74).

262. Din il-konstatazzjoni ta’ aggravazzjoni tas-sitwazzjoni migratorja li għamlet neċessarja l-adozzjoni ta’ mekkaniżmu ta’ rilokazzjoni supplimentari kienet espressa fil-premessa 12 tad-deċiżjoni kkontestata li hija redatta kif ġej: “Matul ix-xhur reċenti, il-pressjoni migratorja fil‑fruntieri esterni tan-Nofsinhar fuq l-art u fil-baħar reġgħet żdiedet bil‑qawwa, u tkompla l-moviment tal-flussi migratorji mill-Mediterran ċentrali għall-Mediterran tal-Lvant u lejn ir-rotta tal-Balkani tal-Punent, bħala riżultat tan-numru dejjem jikber ta’ migranti li qed jaslu fil-Greċja u mill-Greċja. Fid-dawl tas-sitwazzjoni, għandhom ikunu ġġustifikati miżuri proviżorji ulterjuri biex tittaffa l-pressjoni tal-asil minn fuq [ir-Repubblika Taljana] u [r-Repubblika Ellenika]”. Din il-konstatazzjoni hija sostnuta mid-data f’ċifri li hija riprodotta fil-premessa 13 tad-deċiżjoni kkontestata.

263. Filwaqt li l-mekkaniżmu ta’ rilokazzjoni volontarja ta’ 40 000 persuna implementat bid-Deċiżjoni 2015/1523 huwa intiż, kif jirriżulta mill-istatistika msemmija fil-premessi 10, 11 u 21 ta’ din id-deċiżjoni, sabiex jaffronta d-dħul ta’ migranti kkonstatat fl-2014 u matul l-ewwel xhur tal- 2015, il-mekkaniżmu ta’ rilokazzjoni mandatorja previst bid-deċiżjoni kkontestata huwa intiż, min-naħa tiegħu, u kif jirriżulta mill-istatistika riprodotta fil-premessi 12, 13 u 26 tagħha, sabiex jirrispondi għall-pressjoni li tirriżulta mid-dħul ta’ migranti matul Lulju u Awwissu 2015.

264. Dawn l-elementi jidhirli li juru biżżejjed li l-Kunsill ma kkommettiex żball manifest ta’ evalwazzjoni meta kkunsidra li, wara d-dħul f’daqqa ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi fit-territorju tal-Unjoni matul Lulju u Awwissu 2015 u fir-rigward tad-data l-iktar reċenti li huwa kellu, kienet neċessarja miżura provviżorja addizzjonali ta’ rilokazzjoni ta’ 120 000 persuna.

265. Fir-rigward tal-argument tar-Repubblika Slovakka li tisħiħ tas-sorveljanza tal-fruntieri esterni tal-Unjoni kien miżura alternattiva għad‑deċiżjoni kkontestata, fl-opinjoni tiegħi, huwa biżżejjed, li jiġi enfasizzat li tali miżura, ċertament utli, ma kellhiex tissostitwixxi mekkaniżmu ta’ rilokazzjoni li għandha bħala għan prinċipali li taffronta dħul ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li kien diġà jeżisti. Din il-miżura intiża għat-tisħiħ tas-sorveljanza tal-fruntieri esterni tal-Unjoni għalhekk ma hijiex, fl-opinjoni tiegħi, adattata, bħala tali, sabiex tnaqqas il-pressjoni eżerċitata fuq is-sistemi ta’ ażil Taljana u Griega wara d-dħul f’daqqa ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li seħħ matul is-sajf tal-2015. L‑imsemmija miżura għandha għalhekk titqies bħala kumplimentari u mhux sostitwibbli għal dik prevista bid-deċiżjoni kkontestata.

266. L-istess jgħodd għall-miżura li tikkonsisti f’appoġġ finanzjarju, materjali, tekniku u tal-persunal għas-sistemi ta’ ażil Taljana u Griega.

267. Fuq dan il-punt, il-Kunsill jindika, mingħajr ma huwa kontradett, li sostenn finanzjarju ġie pprovdut mill-Unjoni sa mill-bidu tal-kriżi migratorja, billi ngħataw EUR 9.2 biljun fl-2015 u fl-2016. Barra minn hekk, id-deċiżjoni kkontestata tipprevedi hija stess, fl-Artikolu 10 tagħha, sostenn finanzjarju għal kull persuna li hija s-suġġett ta’ rilokazzjoni skont din id-deċiżjoni.

268. Barra minn hekk, ir-rapporti differenti ta’ monitoraġġ tal-Kummissjoni jirreferu għal miżuri ta’ sostenn operazzjonali li jinvolvu aġenziji bħall-EASO kif ukoll l-Istati Membri (75). Barra minn hekk, id‑deċiżjoni kkontestata tirreferi, fil-premessa 15 tagħha, li “bosta azzjonijiet sabiex jingħata appoġġ [lir-Repubblika Taljana] u [lir-Repubblika Ellenika] fil-qafas tal‑politika dwar il-migrazzjoni u l-asil, inkluż bl-għoti ta’ assistenza ta’ emerġenza sostanzjali u appoġġ operattiv mill-EASO”.

269. Daqskemm setgħu jkunu utli dawn il-miżuri diversi ta’ sostenn, l‑istituzzjonijiet tal-Unjoni setgħu, fl-opinjoni tiegħi, iqisu b’mod leġittimu li, mingħajr ma tiġi kkontestata l-utilità tagħhom, dawn madankollu ma kinux biżżejjed sabiex jirrispondu għas-sitwazzjoni ta’ emerġenza li r-Repubblika Taljana u r-Repubblika Ellenika kellhom jaffrontaw mis-sajf 2015 (76).

270. Finalment, fir-rigward tal-argument marbut mal-piżijiet amministrattivi u finanzjarji eċċessivi li d-deċiżjoni kkontestata kienet timponi fuq l-Istati Membri, ir-Repubblika Slovakka ma turix li l-miżuri alternattivi li hija tipproponi kellhom inqas spejjeż minn mekkaniżmu temporanju ta’ rilokazzjoni.

271. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, l-argumenti mqajma mir‑Repubblika Slovakka sabiex tikkontesta n-natura neċessarja tad‑deċiżjoni kkontestata għandhom għalhekk, fl-opinjoni tiegħi, jiġu miċħuda.

272. Issa, għandhom jiġu eżaminati l-argumenti mressqa mill-Ungerija sabiex tikkontesta n-natura neċessarja tad-deċiżjoni kkontestata.

2)      L-argumenti mressqa mill-Ungerija

273. L-Ungerija, sostnuta mir-Repubblika tal-Polonja f’dan l‑argument, issostni, fl-ewwel lok, li, peress li, kuntrarjament għal dak previst fil-proposta inizjali tal-Kummissjoni, hija ma għadhiex tinsab fost l-Istati Membri benefiċjarji tal-mekkaniżmu ta’ rilokazzjoni, ma kienx iġġustifikat li d-deċiżjoni kkontestata tipprevedi r-rilokazzjoni ta’ 120 000 applikant u li, minħabba dan il-fatt, din id-deċiżjoni hija kuntrarja għall-prinċipju ta’ proporzjonalità. Fil-fatt, l-iffissar ta’ dan in‑numru totali ta’ 120 000 applikant imur lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan li għandu jiġi segwit mid-deċiżjoni kkontestata peress li jinkludi 54 000 applikant li, skont il-proposta inizjali tal-Kummissjoni, kellhom jiġu rrilokati mill-Ungerija. Għalhekk ma hemmx spjegazzjoni għaliex numru daqstant għoli ta’ applikanti li kien ġie stabbilit abbażi ta’ mekkaniżmu ta’ rilokazzjoni li jibbenefika lil tliet Stati Membri kien baqa’ neċessarju minkejja li n-numru ta’ Stati Membri benefiċjarji kien ġie ridott minn tlieta għal tnejn.

274. L-Ungerija żżid li t-tqassim ta’ 54 000 applikant li kien inizjalment previst li ser ikunu rrilokati mill-Ungerija sar ipotetiku u inċert peress li d-deċiżjoni kkontestata tipprevedi li ser tkun is-suġġett ta’ deċiżjoni definittiva meħuda fid-dawl ta’ żviluppi ulterjuri.

275. Bħala risposta għal dawn l-argumenti, għandu jiġi rrilevat li, kif jirriżulta mill-premessa 26 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kunsill ikkunsidra, billi bbaża ruħu fuq in-numru totali ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li daħlu b’mod irregolari fl-Italja jew fil-Greċja fl-2015 u fuq in‑numru ta’ dawk li manifestament għandhom bżonn ta’ protezzjoni internazzjonali, li, minkejja l-għażla magħmula mill-Ungerija li ma tagħmilx parti mill-Istati Membri benefiċjarji tal-mekkaniżmu temporanju ta’ rilokazzjoni, total ta’ 120 000 applikant urew manifestament il-bżonn ta’ protezzjoni internazzjonali li jiġu rrilokati mill-Italja u l-Greċja.

276. Din l-istess premessa tindika li dan in-numru “jikkorrispondi għal madwar 43 % tan-numru totali ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi fi bżonn ċar ta’ protezzjoni internazzjonali li daħlu fl-Italja u l-Greċja b’mod irregolari f’Lulju u Awwissu tal-2015”. Waqt is-seduta, il-Kunsill spjega li r-riferiment għal dan il-perċentwali kien riżultat ta’ żball tekniku li għandu jiġi ssostitwit b’dak ta’ 78 %.

277. Meta stabbilixxa tali ċifra, il-Kunsill kellu jirrikonċilja żewġ fatturi importanti, jiġifieri, minn naħa waħda, li dan in-numru għandu jkun suffiċjentement għoli sabiex realment itaffi l-pressjoni eżerċitata fuq is‑sistemi ta’ ażil Taljana u Griega, u, min-naħa l-oħra, li dan in-numru ma jkunx iffissat f’livell tali li jqiegħed piż żejjed fuq l-Istati Membri ta’ rilokazzjoni.

278. Mill-argument żviluppat mill-Ungerija ma jirriżulta l-ebda element li jista’ juri li billi aġixxa b’dan il-mod, il-Kunsill manifestament eċċeda l-marġni ta’ diskrezzjoni mogħti lilu. Għall-kuntrarju, inqis li, fid-dawl tad-data relatata man-numru ta’ dħul irregolari li kellu fil-mument ta’ adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata u fid-dawl tal‑fatt li dak iż-żmien kienu jeżistu raġunijiet sodi li jwasslu lil dak li jkun jaħseb li l-kriżi migratorja ser tkompli lil hinn mid-data tal‑adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni, il-Kunsill stabbilixxa n-numru ta’ applikazzjoni li għandhom jiġu rrilokati f’livell raġonevoli. Kif diġà ġie indikat preċedentement, il-fatt li dan in-numru huwa llum ’il bogħod milli jintlaħaq ma għandux jannulla din l-evalwazzjoni.

279. Fir-rigward tan-numru ta’ 54 000 applikant, li kellhom ikunu s‑suġġett ta’ rilokazzjoni mill-Ungerija, l-Artikolu 4(1)(c) tad-deċiżjoni kkontestata jipprevedi li “għandhom jiġu rrilokati lejn it-territorju tal‑Istati Membri proporzjonalment għall-figuri stabbilit fl-Annessi I u II, skont il-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu jew permezz ta’ emenda għal din id-Deċiżjoni, kif imsemmi fl-Artikolu 1(2) u fil-paragrafu 3 ta’ dan l‑Artikolu”.

280. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tispjega fl-osservazzjonijiet bil‑miktub tagħha li, wara r-rifjut ta’ dan l-Istat Membru li jkun fost l‑Istati Membri benefiċjarji tal-miżura ta’ rilokazzjoni, ġie deċiż li fl‑Artikolu 4(2) tad-deċiżjoni kkontestata tiġi introdotta regola msejħa “awtomatika” li tipprevedi li 54 000 applikant kellhom, b’effett mis-26 ta’ Settembru 2016, jiġu rrilokati mill-Italja u l-Greċja lejn l-Istati Membri l-oħra u, fl-Artikolu 4(3) tad-deċiżjoni kkontestata, regola flessibbli li tippermetti li jiġi aġġustat dan il-mekkaniżmu ta’ rilokazzjoni tal-imsemmija 54 000 persuna jekk l-iżvilupp fit-territorju jiġġustifikah jew jekk Stat Membru ieħor jiġi affrontat b’sitwazzjoni ta’ emerġenza kkaratterizzata minn dħul f’daqqa ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi minħabba riorjentazzjoni sinjifikattiva ta’ flussi migratorji.

281. Billi ppreskriva b’hekk riżerva li tikkorrispondi għan-numru ta’ 54 000 applikant li għandhom jiġu rrilokati f’ċirkustanzi ddefiniti b’mod preċiż mid-deċiżjoni kkontestata, inqis mhux biss li l-Kunsill ma aġixxiex b’mod sproporzjonat, iżda wkoll li huwa ħa inkunsiderazzjoni b’mod sħiħ in‑neċessità li jaġġusta l-mekkaniżmu temporanju ta’ rilokazzjoni skont l-iżvilupp tas-sitwazzjoni.

282. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà enfasizzat dwar in-neċessità li l-istituzzjonijiet jiżguraw l-aġġustament tal-leġiżlazzjoni għad-data l-ġdid (77). Issa, din in-neċessità ta’ aġġustament mir-regola f’każ ta’ bżonn ġiet speċifikament prevista mill-Kunsill fid‑deċiżjoni kkontestata, b’mod partikolari fl-Artikolu 1(2) u fl‑Artikolu 4(3) tagħha.

283. Billi ppreveda riżerva ta’ 54 000 applikant li tista’ tintuża b’mod jew ieħor skont iċ-ċirkustanzi, il-Kunsill ħa inkunsiderazzjoni, mill-mument tal‑adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, dan il-bżonn ta’ aġġustament, b’mod partikolarment rilevanti fir-rigward tal-livell ta’ inċertezza li kien hemm dwar l-iżvilupp tal-flussi migratorji. Kif il-Kunsill ġustament spjega, tali soluzzjoni flessibbli kienet iġġustifikata minħabba n-natura dinamika ħafna tal-flussi migratorji u tippermetti li jiġi aġġustat il‑kontenut tad-deċiżjoni kkontestata skont iċ-ċirkustanzi, għal raġunijiet ta’ solidarjetà, ta’ effikaċja u ta’ proporzjonalità. Għalhekk, ma għandux jitqies li billi aġixxa hekk il-Kunsill mar lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan li għandu jiġi segwit mid-deċiżjoni kkontestata.

284. Finalment, nirrileva li, skont dan l-istess rekwiżit ta’ aġġustament, ir‑riżerva ta’ 54 000 applikant finalment ġiet affettwata bil-programm ta’ ri-installazzjoni nnegozjat bejn l-Unjoni u r-Repubblika tat-Turkija fit‑18 ta’ Marzu 2016 (78).

285. Fit-tieni lok, l-Ungerija ssostni, b’mod sussidjarju, li jekk il-Qorti tal-Ġustizzja ma tilqa’ l-ebda wieħed mill-motivi tagħha għal annullament, id-deċiżjoni kkontestata xorta tkun illegali sa fejn tikkonċerna b’mod speċifiku l-Ungerija peress li hija tikser l-Artikolu 78(3) TFUE u l-prinċipju ta’ proporzjonalità fir‑rigward ta’ dan l-Istat Membru.

286. Mill-ispjegazzjonijiet mogħtija mill-Ungerija insostenn ta’ dan l‑għaxar motiv jirriżulta li hija tikkritika lill-Kunsill dwaru peress li fid‑deċiżjoni kkontestata inkludiha fost l-Istati Membri ta’ rilokazzjoni minkejja li, fl-opinjoni tagħha, ma jistax jiġi kkontestat li hija kienet suġġetta għal pressjoni migratorja partikolarment qawwija kemm matul il-perijodu li ppreċeda l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata kif ukoll fil‑mument tal-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l‑imsemmija deċiżjoni timponi fuq l-Ungerija piż sproporzjonat billi fil‑konfront tagħha ġiet stabbilita kwota mandatorja ta’ rilokazzjonijiet bħal dik għall-Istati Membri l-oħra.

287. L-Ungerija ssostni li, jekk l-għan tal-Artikolu 78(3) TFUE huwa li jagħti għajnuna lill-Istati Membri li jinsabu f’sitwazzjoni ta’ emerġenza fir-rigward tal-pressjoni migratorja, allura huwa kuntrarju għal dan il‑għan li jiġi impost piż addizzjonali fuq Stat Membru li effettivament jinsab f’tali sitwazzjoni.

288. Essenzjalment, l-Ungerija tikkritika l-fatt li r-rifjut tagħha li tkun inkluża fost l-Istati Membri benefiċjarji tal-mekkaniżmu temporanju ta’ rilokazzjoni kellu l-konsegwenza awtomatika li jqiegħda fost l-Istati Membri li jagħtu kontribut bid-deċiżjoni kkontestata, jiġifieri fost l-Istati Membri ta’ rilokazzjoni.

289. L-Ungerija tispjega r-rifjut tagħha li tkun fost l-Istati Membri li jibbenefikaw mill-mekkaniżmu temporanju ta’ rilokazzjoni implementat bid-deċiżjoni kkontestata bil-mod segwenti. Fl-ewwel lok, hija tirrifjuta l-idea li tiġi deskritta bħala “Stat Membru tal-ewwel art”. L‑Ungerija tispjega, f’dan ir-rigward, li r-Repubblika Taljana u r-Repubblika Ellenika huma Stati Membri li, minħabba s-sitwazzjoni ġeografika tagħhom, huma l-ewwel punt tad‑dħul ta’ applikanti għal protezzjoni internazzjonali fl-Unjoni Ewropea, kuntrarjament għall-Ungerija li t-territorju tagħha, fid-dawl tar-rotot migratorji u tar-realtajiet ġeografiċi, ma jistgħux jintlaħqu minn tali applikanti ħlief jekk neċessarjament jgħaddu mill-Greċja. Li tikklassifika lill-Ungerija bħala “Stat Membru tal-ewwel art” tkun qed taħbi din ir‑realtà u tissuġġerixxi li l-Ungerija setgħet titqies bħala l-Istat Membru responsabbli mill-eżami tat-talba ta’ ażil, li, fl-opinjoni tagħha, ma huwiex aċċettabbli. Fit-tieni lok, l-Ungerija indikat li hija uriet li ma taqbilx ma’ rilokazzjoni ta’ applikanti bbażata fuq kwoti, filwaqt li spjegat li hija kkunsidrat li dan ma kienx strument li jippermetti li tingħata risposta b’mod adegwat għall-kriżi migratorja, l-iktar taħt il-forma ta’ kwoti obbligatorji għal kull Stat Membru, li jikkontradixxi l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tal-25 u s-26 ta’ Ġunju 2015. L-Ungerija tispjega li lanqas ma setgħet taċċetta l-idea li l-applikanti jiġu rrilokati mit-territorju tagħha, għaliex dan kien jikkontradixxi l-pożizzjoni ta’ prinċipju li hija kienet esprimiet. Madankollu, skont l-Ungerija, dan ma għandux jiġi interpretat fis-sens li hija ma kinitx kkonfrontata bl-effetti tal-kriżi migratorja u li hija ma kinitx sabet ruħha wkoll f’sitwazzjoni ta’ urġenza.

290. L-Ungerija ssostni li, billi rrinunzjat li applikanti ta’ protezzjoni internazzjonali jiġu rrilokati mit-territorju tagħha, hija, skont espressjoni tagħha stess, ħadet “il-parti tagħha mill-piż komuni”. B’hekk l-Ungerija ma kisritx il-prinċipju ta’ solidarjetà. Hija kompliet tagħmel parti mill‑Istati Membri li jsostnu r-Repubblika Taljana u r-Repubblika Ellenika, anki jekk, minħabba s‑sitwazzjoni tagħha stess, jiġifieri li hija stess kienet f’sitwazzjoni ta’ urġenza, hija kienet tagħmlu b’mod differenti mill-Istati Membri l‑oħra.

291. Mit-talba tal-Ungerija, mir-replika tagħha kif ukoll mir-risposta għall-interventi tagħha jirriżulta li dan l-għaxar motiv imqajjem minnha b’mod sussidjarju jappoġġja t-talba, magħmula mill-Ungerija ukoll b’mod sussidjarju, għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata “sa fejn tirrigwarda l-Ungerija”.

292. Nifhem din it-talba bħala intiża għall-annullament parzjali tad‑deċiżjoni kkontestata. L-Ungerija b’hekk tfittex li tneħħi lilha nnifisha mill-grupp tal-Istati Membri ta’ rilokazzjoni filwaqt li titlob l‑annullament tad-dispożizzjoni tad-deċiżjoni kkontestata li tistabbilixxi n-numru ta’ migranti li għandhom jiġu rrilokati lejn l-Ungerija.

293. Fl-opinjoni tiegħi, tali talba hija inammissibbli.

294. Fil-fatt, hija ġurisprudenza stabbilita li l-annullament parzjali ta’ att tal-Unjoni ma huwiex possibbli ħlief jekk l-elementi li tagħhom jintalab l-annullament jistgħu jiġu mifruda mill-kumplament tal-att (79). Il‑Qorti tal-Ġustizzja ripetutament iddeċidiet li ma hijiex sodisfatta b’dan ir-rekwiżit ta’ separazzjoni meta l-annullament parzjali ta’ att għandu l‑effett li jimmodifika s-sustanza tiegħu (80).

295. It-talba għal annullament parzjali magħmula b’mod sussidjarju mill-Ungerija fir-realtà ssemmi żewġ ċifri li jikkonċernaw speċifikament lil dan l-Istat Membru u li jinsabu fl-annessi tad-deċiżjoni kkontestata. Issa, it-tneħħija ta’ dawn iċ-ċifri twassal għall‑annullament ta’ dawn l-annessi fit-totalità tagħhom peress li ċ-ċifri għall-Istati Membri l-oħra għandhom jiġu kkalkolati mill-ġdid sabiex in-numru totali ta’ 120 000 rilokazzjoni jista’ jinżamm. Għalhekk dan jikkawża preġudizzju għal element essenzjali tad-deċiżjoni kkontestata, jiġifieri li jiġu stabbiliti b’mod mandatorju allokazzjonijiet għal kull Stat Membru li jagħti portata konkreta għall-prinċipju ta’ solidarjetà u ta’ tqassim ekwu ta’ responsabbiltajiet bejn l-Istati Membri stabbilit bl‑Artikolu 80 TFUE.

296. Barra minn hekk, kif jirriżulta b’mod partikolari mill-premessi 2, 16, 26 u 30 tad-deċiżjoni kkontestata, li jfakkru dan l-aħħar prinċipju, l‑idea ta’ tqassim ta’ applikanti għal protezzjoni internazzjonali li waslu fl-Italja u fil-Greċja bejn l-Istati Membri l-oħra huwa element fundamentali tad-deċiżjoni kkontestata. Il-limitazzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni territorjali tad-deċiżjoni kkontestata li tirriżulta minn annullament parzjali ta’ din id-deċiżjoni b’hekk tikkawża preġudizzju għal dak li jikkostitwixxi l-qalba tagħha. Minn dan niddeduċi li l-element li tiegħu l‑Ungerija titlob l-annullament ma huwiex separabbli mid-deċiżjoni kkontestata sa fejn it-tneħħija tiegħu jibdel b’mod oġġettiv is‑sustanza stess tad-deċiżjoni kkontestata.

297. Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li d-dispożizzjonijiet kkontestati, li jikkorrispondu għal allokazzjonijiet li ġejjin mill-Italja u mill-Greċja mogħtija lill-Ungerija li jinsabu fl-Annessi I u II tad‑deċiżjoni kkontestata, huma inseparabbli mill-kumplament tad‑deċiżjoni kkontestata. Minn dan isegwi li t-talbiet għal annullament parzjali ta’ din id-deċiżjoni, ippreżentati mill-Ungerija u li huma marbuta mal-għaxar motiv formali mressaq minnha, għandhom, fl-opinjoni tiegħi, jiġu miċħuda bħala inammissibbli.

298. Fi kwalunkwe każ, jekk l-għaxar motiv imqajjem mill-Ungerija kellu jinftiehem bħala intiż b’mod ġenerali sabiex jikseb l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata kollha kemm hi minħabba n-nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni tas-sitwazzjoni partikolari ta’ dan l-Istat Membru jikkostitwixxi, bħala tali, ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità li jaffettwa din id-deċiżjoni kollha, dan il-motiv għandu, fl-opinjoni tiegħi, jiġi miċħud bħala infondat.

299. B’mod iktar preċiż, nikkunsidra li, anki jekk l-Ungerija kienet, kif hija ssostni, f’sitwazzjoni ta’ emerġenza kkaratterizzata minn pressjoni migratorja kostanti fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata (81), fl-opinjoni tiegħi, minn dan ma jirriżultax li l-impożizzjoni fil-konfront tagħha tal-allokazzjonijiet ta’ applikanti li għandha tirriloka mill-Italja u mill-Greċja hija kuntrarja għall-prinċipju ta’ proporzjonalità.

300. Fil-fatt, qabel kollox għandu jitfakkar li l-irtirar tal-Ungerija bħala Stat Membru benefiċjarju tal-mekkaniżmu temporanju ta’ rilokazzjoni joriġina biss mir-rifjut espress minn dan l-Istat Membru f’dan ir-rigward. Kienu x’kienu r-raġunijiet li minnu oriġina dan ir-rifjut, nenfasizza li l‑istituzzjonijiet tal-Unjoni ma setgħux ma jieħdux konjizzjoni ta’ tali rifjut.

301. Kif essenzjalment jirrileva l-Gran Dukat tal-Lussemburgu, peress li l-Ungerija kienet espressament talbet sabiex ma tkunx inkluża mal-Istati Membri benefiċjarji tal-mekkaniżmu temporanju ta’ rilokazzjoni, għandu jitqies, skont il-prinċipju ta’ solidarjetà, li hija kienet fost l-Istati Membri ta’ rilokazzjoni.

302. Imbagħad, mill-ġurisprudenza jirriżulta li s-sempliċi fatt li att tal‑Unjoni huwa tali li jaffettwa l-iktar lil Stat Membru u mhux lil oħrajn ma jistax jikkawżaw preġudizzju għall-prinċipju ta’ proporzjonalità, peress li l-kundizzjonijiet imposti mill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tivverifika l-osservanza ta’ dan il-prinċipju huma ssodisfatti (82).

303. F’dan ir-rigward, nirrileva li d-deċiżjoni kkontestata għandha effett fl-Istati Membri kollha u tippreżumi li jkun żgurat ekwilibriju bejn l-interessi differenti preżenti, fid-dawl tal-għan li għandu jiġi segwit minnha. Għalhekk, li jitfittex tali ekwilibriju filwaqt li ma tittiħidx inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni partikolari ta’ Stat Membru wieħed, iżda dik tal-Istati Membri kollha tal-Unjoni, ma għandhiex titqies bħala kuntrarju għall-prinċipju ta’ proporzjonalità (83). Dan jgħodd a fortiori meta jittieħed kont tal-prinċipju ta’ solidarjetà u ta’ tqassim ġust ta’ responsabbiltajiet bejn l-Istati Membri stabbilit bl-Artikolu 80 TFUE, li minnu jirriżulta li l-piżijiet li għandhom il-miżuri provviżorji adottati abbażi tal-Artikolu 78(3) TFUE għall-benefiċċju ta’ Stat Membru wieħed jew iktar li jinsabu f’sitwazzjoni migratorja ta’ urġenza għandhom jitqassmu bejn l-Istati Membri l-oħra kollha.

304. Barra minn hekk, għandu jiġi enfasizzat li d-deċiżjoni kkontestata hija iktar sfumata mill-istampa li trid tagħti l-Ungerija. Din id-deċiżjoni ma hijiex skema binarja li topponi, minn naħa, lill-Istati Membri li jibbenefikaw mill-mekkaniżmu temporanju ta’ rilokazzjoni, u min-naħa l-oħra, lil dawk li għandhom jingħataw allokazzjonijiet ta’ persuni li għandhom jiġu rrilokati.

305. Fil-fatt, id-deċiżjoni kkontestata tinkludi mekkaniżmi ta’ aġġustament li jippermettu li din tiġi aġġustata skont l-iżvilupp tal-fluss migratorji u, bl-istess mod, sabiex tieħu inkunsiderazzjoni tas‑sitwazzjoni partikolari, ikkaratterizzata minn pressjoni migratorja varjabbli, li ċerti Stati Membri jistgħu jaffrontaw.

306. B’hekk, infakkar li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 1(2) u l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tad-deċiżjoni kkontestata jipprevedu l‑possibbiltà għall-Kummissjoni li tippreżenta proposti lill-Kunsill jekk tqis li huwa ġġustifikat adattament tal-mekkaniżmu ta’ rilokazzjoni minħabba l-evoluzzjoni tas-sitwazzjoni fil-post jew jekk Stat Membru jiġi affrontat b’sitwazzjoni ta’ emerġenza kkaratterizzata minn dħul f’daqqa ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi minħabba moviment qawwi fil‑flussi migratorji. Skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tad‑deċiżjoni kkontestata, Stat Membru jista’, filwaqt li jinvoka raġunijiet debitament iġġustifikati, jinnotifika lill-Kunsill u lill-Kummissjoni li qed jaffronta sitwazzjoni ta’ emerġenza simili. Il‑Kummissjoni għandha għalhekk teżamina r-raġunijiet mogħtija u tippreżenta, jekk ikun il-każ, il-proposti lill-Kunsill, kif indikat fl-Artikolu 1(2) tad‑deċiżjoni kkontestata.

307. Barra minn hekk, l-Artikolu 4(5) ta’ din id-deċiżjoni jipprevedi possibbiltà ta’ sospensjoni temporanja tar-rilokazzjoni ta’ applikanti għall-Istati Membri li jagħmlu notifika f’dan is-sens lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

308. Barra minn hekk, l-Artikolu 9 tad-deċiżjoni kkontestata jirreferi għall-possibbiltà għall-Kunsill li jieħu miżuri provviżorji skont l‑Artikolu 78(3) TFUE jekk il-kundizzjonijiet imposti minn din id‑dispożizzjoni huma ssodisfatti u jindika liema minn dawn il-miżuri jistgħu, jekk ikun il-każ, jinkludu sospensjoni tal-parteċipazzjoni tal-Istat Membru li huwa affrontat bi dħul f’daqqa ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi għar-rilokazzjoni prevista bid-deċiżjoni kkontestata.

309. Nirrileva li r-Repubblika tal-Awstrija u r-Renju tal--Iżvezja kienu użaw dawn il-mekkaniżmi ta’ aġġustament (84).

310. Għall-kuntrarju, l-Ungerija ma użat l-ebda wieħed minn dawn il‑mekkaniżmi, li jidher li jikkontradixxi l-argument tagħha li jikkontesta l-pożizzjoni ta’ Stat Membru ta’ rilokazzjoni kompletament.

311. L-eżistenza ta’ mekkaniżmi ta’ aġġustament fid-deċiżjoni kkontestata turi madankollu, li minkejja dak li tagħti x’tifhem l-Ungerija, is-sitwazzjoni ma hijiex waħda binarja. Billi ppreveda tali mekkaniżmi, li minnhom ibbenefikaw r-Repubblika tal-Awstrija u r-Renju tal-Iżvezja, il-Kunsill wasal sabiex jirrikonċilja l-prinċipju ta’ solidarjetà mat-teħid inkunsiderazzjoni tal‑bżonnijiet partikolari li jista’ jkollhom ċerti Stati Membri skont l‑iżvilupp tal-flussi migratorji. Tali rikonċiljazzjoni barra minn hekk jidhirli li hija f’sintonija perfetta mal-Artikolu 80 TFUE li, jekk jinqara b’attenzjoni, jipprevedi “tqassim ġust tar-responsabbiltà […] bejn l‑Istati Membri” (85).

312. L-eżistenza ta’ tali mekkaniżmi ta’ aġġustament fid-deċiżjoni kkontestata b’hekk tista’ biss issaħħaħ il-konstatazzjoni tiegħi li din id-deċiżjoni, billi timponi fuq l-Ungerija allokazzjonijiet ta’ applikanti li għandhom jiġu rrilokati mill-Italja u mill-Greċja, ma kisritx il-prinċipju ta’ proporzjonalità.

313. Barra minn hekk, nirrileva li ma huwiex ikkontestat li l‑allokazzjonijiet imsemmija fl-anness tad-deċiżjoni kkontestata ġew stabbiliti abbażi ta’ koeffiċjent ta’ tqassim li huwa spjegat fil‑premessa 25 tal-proposta ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni. Sabiex tiżgura n-natura ġusta tat-tqassim ta’ responsabbiltajiet, dan il-koeffiċjent ta’ tqassim jieħu kont tad-daqs tal-popolazzjoni, tat-total tal-prodott domestiku gross, tan-numru medju ta’ talbiet ta’ ażil għal miljun ta’ abitanti matul il-perijodu 2010‑2014 u tar-rata tal-qgħad. Abbażi ta’ dan, l-imsemmi koeffiċjent ta’ tqassim jikkontribwixxi għalhekk għan-natura proporzjonata tad‑deċiżjoni kkontestata.

314. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, l-argumenti mqajma mill-Ungerija sabiex jikkontestaw in-natura neċessarja tad-deċiżjoni kkontestata għandhom, fl-opinjoni tiegħi, jiġu miċħuda.

315. Finalment, għandu jiġi indirizzat l-argument, magħmul mir‑Repubblika tal-Polonja insostenn tal-motivi li jikkonstataw in-natura sproporzjonata tad-deċiżjoni kkontestata, li din tal-aħħar tikkawża preġudizzju għall-eżerċizzju tar-responsabbiltajiet tal-Istati Membri għaż-żamma tal-ordni pubbliku u s-salvagwardja tas-sigurtà interna, għall-kuntrarju ta’ dak previst fl-Artikolu 72 TFUE. Dan l-Istat Membru jfakkar, f’dan ir-rigward, li l-prinċipju ta’ proporzjonalità jirrikjedi li l‑inkonvenjenzi kkawżati bl-atti tal-Unjoni ma jkunux sproporzjonati meta mqabbla mal-għanijiet ta’ dawn tal-aħħar (86). Issa, id-deċiżjoni kkontestata ma tipprevedix mekkaniżmi suffiċjenti sabiex tippermetti lill-Istati Membri li jistħarrġu li l-applikanti ma jippreżentawx perikolu għas-sigurtà.

316. Madankollu, nikkunsidra li d-deċiżjoni kkontestata, peress li tipprevedi mekkaniżmu ordnat u kkontrollat ta’ rilokazzjoni ta’ applikanti għal protezzjoni internazzjonali, tieħu inkunsiderazzjoni b’mod sħiħ ir-rekwiżit ta’ protezzjoni tas-sigurtà nazzjonali u tal-ordni pubbliku tal-Istati Membri. Dan ir-rekwiżit jirregola għalhekk il-“kooperazzjoni amministrattiva mill-qrib bejn l-Istati Membri” (87) li permezz tagħha d-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi implementata. F’dan ir-rigward, nirrileva, li l-premessa 32 ta’ din id-deċiżjoni tindika li “[i]s-sigurtà nazzjonali u l-ordni pubbliku għandhom jittieħdu inkonsiderazzjoni matul il-proċedura ta’ rilokazzjoni, sakemm it‑trasferiment tal-applikant jiġi implimentat. B’rispett sħiħ għad-drittijiet fundamentali tal-applikant […], meta Stat Membru ikollu raġunijiet raġonevoli biex jikkunsidra applikant bħala ta’ periklu għas-sigurtà nazzjonali jew għall-ordni pubbliku, huwa għandu jinforma lill-Istati Membri l-oħra b’dan”. B’dan l-istess argument, id-deskrizzjoni tal‑proċedura ta’ rilokazzjoni li tinsab fl-Artikolu 5 tad-deċiżjoni kkontestata turi t-tħassib li kellhom l-istituzzjonijiet tal-Unjoni sabiex jieħdu inkunsiderazzjoni r-rekwiżit ta’ protezzjoni tas-sigurtà nazzjonali u tal-ordni pubbliku tal-Istati Membri. B’hekk, minbarra li huwa espressament previst f’dan l-artikolu li l-applikanti għal protezzjoni internazzjonali għandhom jiġu identifikati, irreġistrati u jkunu s-suġġett ta’ teħid ta’ impronti diġitali għall-finijiet tal-proċedura ta’ rilokazzjoni, l-Artikolu 5(7) tad-deċiżjoni kkontestata jipprevedi li “[l]-Istati Membri jżommu d-dritt li jirrifjutaw li jirrilokaw applikant biss fejn ikun hemm bażi raġonevoli sabiex jitqies bħala periklu għas-sigurtà nazzjonali jew għall-ordni pubbliku jew meta jkun hemm raġunijiet serji biex jiġu applikati dispożizzjonijiet ta’ esklużjoni stipulati fl-Artikoli 12 u 17 tad‑Direttiva 2011/95/UE [(88)]”.

317. Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, fl-opinjoni tiegħi, dan l‑argument magħmul mir-Repubblika tal-Polonja insostenn tal-motivi li jikkonstataw in-natura sproporzjonata tad-deċiżjoni kkontestata għandu jiġi miċħud.

318. Mill-argumenti preċedenti jirriżulta li, sa fejn la l-Ungerija, la r‑Repubblika Slovakka u lanqas ir-Repubblika tal-Polonja ma waslu sabiex juru li d-deċiżjoni kkontestata kienet sproporzjonata fir-rigward tal-għanijiet li hija kienet issegwi, hemm lok il-motivi korrispondenti mqajma mir-rikorrenti jiġu miċħuda bħala infondati.

2.      Fuq it-tmien motiv tal-Ungerija, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali u ta’ ċarezza leġiżlattiva kif ukoll tal-Konvenzjoni ta’ Genève

319. L-Ungerija ssostni, fl-ewwel lok, li d-deċiżjoni kkontestata tikser il-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ ċarezza leġiżlattiva għaliex, fuq diversi punti, ma turix b’ċarezza l-mod li bih id‑dispożizzjonijiet ta’ din id-deċiżjoni għandhom jiġu applikati u lanqas kif huma marbuta mad-dispożizzjoni tar-Regolament Dublin III.

320. B’hekk, minkejja li l-premessa 35 tad-deċiżjoni kkontestata tiddiskuti l-kwistjoni ta’ garanziji legali u ġuridiċi li jirrigwardaw id‑deċiżjonijiet ta’ rilokazzjoni, l-ebda waħda mid-dispożizzjonijiet leġiżlattivi ma jirregolaw din il-materja jew jirreferu għad‑dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament Dublin III. Dan joħloq problema b’mod partikolari mill-perspettiva tad-dritt ta’ rimedju tal‑applikanti, b’mod partikolari dawk li ma jkunux innominati sabiex jiġu rrilokati.

321. Id-deċiżjoni kkontestata lanqas ma tistabbilixxi b’mod ċar il‑kriterji ta’ għażla għar-rilokazzjoni tal-applikanti. Il-mod li bih l‑awtoritajiet tal-Istati Membri benefiċjarji jintalbu jiddeċiedu dwar it‑trasferiment tal-applikanti lejn Stat Membru ta’ rilokazzjoni juri li huwa diffiċli ferm għalihom li jkunu jafu a priori jekk jagħmlux parti mill-persuni rrilokati u, jekk fl-affermattiv, f’liema Stat Membru ser ikunu rrilokati. L-assenza ta’ kriterji oġġettivi ta’ nomina ta’ applikanti li għandhom jiġu rrilokati jikser il-prinċipju taċ-ċertezza legali u jagħmel is-selezzjoni arbitrarja, li jikkostitwixxi ksur tad-drittijiet fundamentali tal-applikanti.

322. Barra minn hekk, id-deċiżjoni kkontestata ma tiddefinixxix b’mod xieraq l-istatus tal-applikanti fl-Istat Membru ta’ rilokazzjoni u ma tiżgurax li l-applikanti jibqgħu effettivament f’dan l-Istat Membru matul iż-żmien li fih tiġi deċiża t-talba tagħhom. F’dak li jirrigwarda l‑movimenti msejħa “sekondarji”, l-Artikolu 6(5) tad-deċiżjoni kkontestata ma jippermettix, waħdu, li jiġi żgurat li din id-deċiżjoni tilħaq l-għanijiet tagħha, jiġifieri t-tqassim tal-applikanti bejn l-Istati Membri, jekk ma jkunx żgurat li l-applikanti jibqgħu effettivament fl-Istati Membri ta’ rilokazzjoni.

323. Fit-tieni lok, il-fatt li l-applikanti jirriskjaw, jekk ikun il-każ, li jiġu rrilokati lejn Stat Membru li miegħu ma għandhom l-ebda rabta partikolari jqajjem il-kwistjoni jekk l-imsemmija deċiżjoni hijiex, f’dan ir-rigward, kompatibbli mal-Konvenzjoni ta’ Genève.

324. Fil-fatt, skont l-interpretazzjoni adottata fil-gwida ppubblikata mill-Kummissarju Għoli għar-Refuġjati (89), l-applikant għandu jiġi awtorizzat jgħix fit-territorju tal-Istat Membru li fih huwa ressaq it-talba tiegħu sakemm l-awtoritajiet ta’ dan l-Istat Membru jieħdu deċiżjoni dwar din it-talba.

325. Dan id-dritt li tibqa’ fl-imsemmi Stat Membru huwa wkoll irrikonoxxut fl-Artikolu 9 tad-Direttiva 2013/32/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta’ Ġunju 2013, dwar proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali (90).

326. Issa, id-deċiżjoni kkontestata tipprekludi lill-applikanti mid-dritt tagħhom li jgħixu fit-territorju tal-Istat Membru li fih ressqu t-talba tagħhom u tippermetti r-rilokazzjoni tagħhom lejn Stat Membru ieħor minkejja li ma tkunx tista’ tiġi stabbilita rabta sinjifikattiva bejn l‑applikant u l-Istat Membru ta’ rilokazzjoni.

327. Jekk dan id-dritt tal-applikanti jidher li ma huwiex konformi mar‑Regolament Dublin III, sa fejn dan jipprevedi t-trasferiment tal‑applikanti tal-Istat Membru li fih dawn ikunu ressqu t-talba tagħhom lejn l-Istat Membru responsabbli mill-eżami tat-talba, dan isir billi tittieħed inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni personali tal-applikanti u jservi, fl‑aħħar mill-aħħar, fl-interess tagħhom.

328. Fl-ewwel lok, ser neżamina l-ilment ibbażat fuq il-ksur tal‑prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ ċarezza leġiżlattiva.

329. Bħall-Kunsill, infakkar li d-deċiżjoni kkontestata hija miżura ta’ emerġenza li daħlet fl-acquis relatat mas-sistema Ewropea komuni ta’ ażil u li tidderoga biss fuq ċerti punti preċiżi u b’mod provviżorju minn dan l‑acquis. Konsegwentement, hemm lok li din id-deċiżjoni tiġi interpretata u applikata billi jittieħdu inkunsiderazzjoni d-dispożizzjonijiet kollha li jikkostitwixxu dan l-acquis, mingħajr ma jkun meħtieġ, u barra minn hekk, mixtieq, li l-imsemmija deċiżjoni ssemmi r-regoli kollha li jirregolaw l-istatus, id-drittijiet u l-obbligi tal-persuni rrilokati fl-Istat Membru ospitanti tagħhom. F’dan ir-rigward, jidhirli li l-Kunsill spjega b’mod suffiċjenti, b’mod partikolari fil-premessi 23, 24, 35, 36 u 40 tad‑deċiżjoni kkontestata, il-mod li bih din id-deċiżjoni għandha tiġi marbuta mad-dispożizzjonijiet ta’ atti leġiżlattivi adottati mill-Unjoni f’dan il-qasam.

330. Fir-rigward, b’mod partikolari, tad-dritt għal rimedju effettiv, mill-premessi 23 u 35 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta b’mod ċar li, meta din ma tipprevedix deroga temporanja, il-garanziji ġuridiċi u proċedurali stabbiliti fir-Regolament Dublin III jibqgħu applikabbli fir-rigward tal‑applikanti li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-deċiżjoni. Dan huwa l-każ tad-dritt ta’ rimedju previst bl-Artikolu 27(1) ta’ dan ir‑regolament. Fi kwalunkwe każ, fil-kuntest tal-implementazzjoni tad‑deċiżjoni kkontestata, l-Artikolu 47 tal-Karta għandu jiġi osservat.

331. Fir-rigward tal-kritika, dejjem magħmula mill-perspettiva tal‑prinċipju ta’ ċertezza legali, li d-deċiżjoni kkontestata ma fihiex regoli effettivi li jiżguraw li l-applikanti għal protezzjoni internazzjonali jibqgħu fl-Istat Membru ta’ rilokazzjoni matul iż-żmien sakemm tiġi deċiża t‑talba tagħhom, nirrileva li din id-deċiżjoni tipprevedi, fl-Artikolu 6(5) tagħha, li “[a]pplikant jew benefiċjarju ta’ protezzjoni internazzjonali li jidħol fit-territorju ta’ Stat Membru li ma jkunx l-Istat Membru ta’ rilokazzjoni mingħajr ma jissodisfa l-kundizzjonijiet għas-soġġorn f’dak l-Istat Membru l-ieħor għandu jiġi rikjest jirritorna minnufih. L‑Istat Membru ta’ rilokazzjoni”, li “għandu jieħu lura l-persuna mingħajr dewmien”. Barra minn hekk, il-premessi 38 sa 41 tal-imsemmija deċiżjoni jelenkaw b’mod suffiċjentement ċar u preċiż l-miżuri li għandhom jieħdu l-Istati Membri sabiex jevitaw l-movimenti sekondarji ta’ persuni rrilokati.

332. Fit-tieni lok, inqis li l-Ungerija ma wrietx kif il‑mekkaniżmu temporanju implementat bid-deċiżjoni kkontestata, sa fejn jipprevedi t-trasferiment ta’ applikant għal protezzjoni internazzjonali qabel ma tittieħed deċiżjoni dwar it-talba tiegħu, huwa kuntrarju għall-Konvenzjoni ta’ Genève.

333. Qabel xejn, għandu jiġi enfasizzat, kif jirrileva l-Kunsill, la l‑Konvenzjoni ta’ Genève u lanqas id-dritt tal-Unjoni ma jiżguraw lil applikant għal protezzjoni internazzjonali d-dritt li jagħżel liberament il‑pajjiż ospitanti tiegħu. B’mod partikolari, ir-Regolament Dublin III jistabbilixxi sistema sabiex jiġi ddeterminat l-Istat Membru responsabbli mit‑trattament ta’ talba għal protezzjoni internazzjonali li hija bbażata fuq l-istabbiliment ta’ lista ta’ kriterji oġġettivi li l-ebda wieħed minnhom ma huwa marbut mal-preferenza tal-applikant. Minn din il-perspettiva, ir-rilokazzjoni prevista bid-deċiżjoni kkontestata ma għandha l-ebda differenza sostanzjali meta mqabbla mas-sistema stabbilita minn dan ir-regolament.

334. Inqis, bħall-Kunsill, li s-silta tal-gwida tal‑Kummissarju Għoli għar-Refuġjati, imsemmija fin-nota ta’ qiegħ il‑paġna 89 ta’ dawn il-konklużjonijiet, li ssemmi l-Ungerija, għandha tinftiehem bħala espressjoni tal-prinċipju ta’ non-refoulement li jipprojbixxi li applikant għal protezzjoni internazzjonali jiġi mkeċċi lejn pajjiż terz meta ma tkunx għadha deċiża t-talba tiegħu. Issa, it-trasferiment fil-kuntest ta’ operazzjoni ta’ rilokazzjoni ta’ applikant għal protezzjoni internazzjonali minn Stat Membru lejn Stat Membru ieħor ma jiksirx dan il-prinċipju. Fil-fatt, għandu jiġi enfasizzat li l-għan tar‑rilokazzjoni huwa li jiġi ffaċilitat l-aċċess għall-proċeduri ta’ ażil ta’ għall-infrastrutturi ta’ akkoljenza, sabiex jiġi offrut status xieraq lill‑persuni li għandhom bżonn protezzjoni internazzjonali, kif rikjest bl‑Artikolu 78(1) TFUE. Issa, l-Unjoni ddeċidiet li tistabbilixxi l-mekkaniżmu temporanju ta’ rilokazzjoni previst bid-deċiżjoni kkontestata preċiżament minħabba l-impossibbiltà li toffri, fil-mument tal-adozzjoni tagħha, tali status lill-persuni li jitolbuh fl-Italja u fil‑Greċja.

335. B’dan il-mod, id-deċiżjoni kkontestata ma tillimitax ruħha, kif tindika b’mod tradizzjonali l-premessa 45 tagħha, sabiex tirrispetta d‑drittijiet fundamentali u tosserva l-prinċipji rrikonoxxuti mill-Karta. Din id-deċiżjoni tmur lil hinn għaliex għandha rwol attiv f’dan il-qasam. Fil-fatt, hija tikkontribwixxi għall-preżervazzjoni tad-drittijiet fundamentali tal-applikanti li manifestament għandhom bżonn ta’ protezzjoni internazzjonali, kif iggarantiti mill-Karta u, b’mod partikolari, bl-Artikolu 18 tagħha, billi tindirizzahom lejn Stati Membri, minbarra r-Repubblika Taljana u r-Repubblika Ellenika, li huma f’qagħda aħjar sabiex jittrattaw it-talbiet tagħhom.

336. Barra minn hekk, inżid li, kif jirrileva l-Kunsill, għall-finijiet tas‑sistema Ewropea komuni ta’ ażil, it-territorju tal-Istati Membri kollha għandu jiġi assimilat għal żona komuni ta’ applikazzjoni uniformi tal‑acquis tal-Unjoni fil-qasam tal-ażil. Minn dan isegwi li t-trasferimenti bejn it-territorji tal-Istati Membri ma għandhomx jiġu assimilati għal refoulement ’il barra mit-territorju tal-Unjoni.

337. Finalment, għandu jiġi rrilevat li, kuntrarjament għal dak li jidher li jirriżulta mill-argument żviluppat mill-Ungerija u kif jindika l-Kunsill, is-sitwazzjoni partikolari tal-individwi kkonċernati bir-rilokazzjoni, inkluż eventwali rabtiet familjari, tittieħed kont mhux biss skont il‑kriterji tar-Regolament Dublin III, iżda wkoll skont l-Artikolu 6(1) u (2) tad-deċiżjoni kkontestata, moqrija flimkien mal-premessa 34 tagħha.

338. L-Artikolu 6(1) tad-deċiżjoni kkontestata jipprevedi li “[l]-aħjar interessi tat-tfal għandhom ikunu l-ewwel ħaġa li jqisu l-Istati Membri meta jimplimentaw din id-Deċiżjoni”. Barra minn hekk, l-Artikolu 6(2) ta’ din l-istess deċiżjoni jimponi fuq l-Istati Membri li jiżguraw li “membri tal-familja li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id‑Deċiżjoni jiġu rilokati fit-territorju tal-istess Stat Membru”.

339. Dwar il-premessa 34 tad-deċiżjoni kkontestata, din tfakkar li “[l]-integrazzjoni ta’ applikanti fi bżonn ċar ta’ protezzjoni internazzjonali fis-soċjetà ospitanti hija l-pedament ta’ Sistema Ewropea Komuni tal-Asil li tiffunzjona sew”. Huwa għalhekk li huwa spjegat f’din l-istess premessa, b’mod partikolari, li, “sabiex jiġi deċiż liema Stat Membru speċifiku għandu jkun l-Istat Membru ta’ rilokazzjoni, għandha tingħata kunsiderazzjoni speċifika għall-kwalifiki speċifiċi u l‑karatteristiċi tal-applikanti kkonċernati, bħall-ħiliet lingwistiċi tagħhom u indikazzjonijiet individwali oħra abbażi ta’ rabtiet ta’ familja, kulturali jew soċjali li jistgħu jiffaċilitaw l-integrazzjoni tagħhom fl-Istat Membru ta’ rilokazzjoni”.

340. Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li t-tmien motiv imqajjem mill-Ungerija għandu jiġi miċħud bħala infondat.

341. Peress li, fl-opinjoni tiegħi, l-ebda wieħed mill-motivi mqajma mir-Repubblika Slovakka u mill-Ungerija ma jistgħu jintlaqgħu, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiċħad ir-rikorsi ppreżentati minn dawn iż-żewġ Stati Membri.

IV.    Fuq l-ispejjeż

342. Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li l-Kunsill talab li r-Repubblika Slovakka u l-Ungerija jiġu kkundannati għall-ispejjeż u ż-żewġ Stati Membri tilfu, hemm lok li jiġu kkundannati għall-ispejjeż.

343. Barra minn hekk, bħala intervenjenti, ir-Renju tal-Belġju, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ir-Repubblika Ellenika, ir‑Repubblika Franċiża, ir-Repubblika Taljana, il-Gran Dukat tal‑Lussemburgu, ir-Repubblika tal-Polonja, ir-Renju tal-Iżvezja u l‑Kummissjoni għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom, skont l‑Artikolu 140(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja.

V.      Konklużjoni

344. Fid-dawl tal-argumenti kollha preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiddeċiedi kif ġej:

1)      Ir-rikorsi tar-Repubblika Slovakka u tal-Ungerija huma miċħuda.

2)      Ir-Repubblika Slovakka u l-Ungerija huma kkundannati għall‑ispejjeż.

3)      Ir-Renju tal-Belġju, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ir‑Repubblika Ellenika, ir-Repubblika Franċiża, ir-Repubblika Taljana, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu, ir-Repubblika tal-Polonja, ir-Renju tal-Iżvezja u l-Kummissjoni Ewropea għandhom ibatu l‑ispejjeż rispettivi tagħhom.


1      Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2      ĠU 2015, L 248, p. 80, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”.


3      Il-kumplament tal-kwota ta’ 54 000 applikant, imsemmija fl-Artikolu 4(1)(c) tad‑deċiżjoni kkontestata (magħrufa wkoll bħala “riżerva”), li għandhom jiġu rrilokati sussegwentement, mis-26 ta’ Settembru 2016, tagħti benefiċċju kemm lir‑Repubblika Taljana jew lir-Repubblika Ellenika b’mod awtomatiku kif ukoll lil xi Stat Membru ieħor li jkun jinsab f’sitwazzjoni ta’ emerġenza fis‑sens tal-Artikolu 78(3) TFUE u titqassam skont il-mekkaniżmu previst fl‑Artikolu 4(2) u (3) tad-deċiżjoni kkontestata. Wara ż-żieda tal-paragrafu 3a ta’ dan l-artikolu fid‑deċiżjoni kkontestata permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2016/1754 tad‑29 ta’ Settembru 2016, li temenda d-Deċiżjoni (UE) 2015/1601 (ĠU 2016, L 268, p. 82), din ir-riżerva hija milquta bil-mekkaniżmu msejjaħ “sena b’sena” stabbilit bid-dikjarazzjoni UE-Turkija tat-18 ta’ Marzu 2016 li jippermetti li jiġu inklużi l-ammissjonijiet volontarji fuq it-territorju tal-Istati Membri ta’ ċittadini Sirjani li ġejjin mit-Turkija b’mod partikolari fil-forma ta’ rilokazzjonijiet.


4      Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013, li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat liema hu l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali iddepożitata għand wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiżi terzi jew persuna apolida (tfassil mill-ġdid) (ĠU 2013, L 180, p. 31, iktar ’il quddiem ir‑“Regolament Dublin III”).


5      L-Artikolu 2(a) tar-Regolament Nru 516/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta’ April 2014, li jistabbilixxi l-Fond għall-Asil, il-Migrazzjoni u l‑Integrazzjoni, li temenda d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/381/KE u li tħassar id‑Deċiżjonijiet Nru 573/2007/KE u Nru 575/2007/KE tal-Parlament Ewropew u tal‑Kunsill u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/435/KE (ĠU 2014, L 150, p. 168), fih definizzjoni tal-kunċett ta’ “risistemazzjoni”. Dan huwa essenzjalment il-proċess li bih ċittadini ta’ pajjiżi terzi, fuq talba mill-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Refuġjati (HCR) ibbażata fuq il-ħtieġa għal protezzjoni internazzjonali tal-imsemmija ċittadini, huma ttrasferiti minn pajjiż terzi u stabbiliti fi Stat Membru fejn ikollhom permess jirrisjedu bl-istatus ta’ refuġjat, bl-istatus ta’ protezzjoni sussidjarja jew kwalunkwe status ieħor li skont il-liġi nazzjonali u tal-Unjoni joffri drittijiet u benefiċċji simili.


6      Deċiżjoni tal-Kunsill tal-14 ta’ Settembru 2015, li tistabbilixxi miżuri proviżorji fil‑qasam tal-protezzjoni internazzjonali għall-benefiċċju tal-Italja u tal-Greċja (ĠU 2015, L 239, p. 146).


7      Għall-ewwel, intlaħaq qbil fuq it-tqassim ta’ dawn il-persuni bejn l-Istati Membri fuq 32 256 persuna biss, filwaqt li ċerti Stati Membri, bħall-Ungerija, irrifjutaw dan l‑impenn u r-Repubblika Slovakka impenjat ruħha biss għal 100 persuna. Ara r-riżoluzzjoni tar‑rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri, miġbura fi ħdan il-Kunsill, tal‑20 ta’ Lulju 2015, dwar ir-rilokazzjoni mill-Greċja u mill-Italja ta’ 40 000 persuna li manifestament għandhom bżonn protezzjoni internazzjonali; Anness B. 2. mar-risposta tal-Kunsill.


8      Proposta ta’ deċiżjoni tal-Kunsill li tistabbilixxi miżuri proviżorji fil-qasam tal‑protezzjoni internazzjonali għall-benefiċċju tal-Italja u tal-Greċja [COM(2015) 451 finali].


9      Proposta ta’ regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi mekkaniżmu ta’ rilokazzjoni f’każ ta’ kriżi u li jemenda r-Regolament Nru 604/2013 [COM(2015) 450 finali)].


10      Ara Labayle S., “Les valeurs de l’Union”, teżi għad-dottorat fid-dritt pubbliku ppreżentata fit-12 ta’ Diċembru 2016, li tikkonstata li “[r-]rekwiżit ta’ solidarjetà ħafna drabi msemmi fit-Trattat ta’ Ruma jikkostitwixxi […] karatteristika ċentrali tat‑Trattat. Minn qari tat-Trattat, huwa impost fost il-linji gwida ewlenin tal-proġett ta’ integrazzjoni Ewropew u fl-1957 kien diġà indirizzat kemm fil-konfront tal-Istati Membri kif ukoll tal-individwi” (punt 282, p. 117 u 118).


11      Ibidem, punt 431, p. 165.


12      Iktar ’il quddiem il-“Karta”.


13      Ara Favreau B., “La Charte des droits fondamentaux: pourquoi et comment?”, La Charte des droits fondamentaux de l’Union européenne après le traité de Lisbonne, Bruylant, Brussell, 2010, p. 3 sa 38, b’mod partikolari p. 13. Ara wkoll, Bieber R. u Maiani F., “Sans solidarité punt d’Union européenne, Regards croisés sur les crises de l’Union économique et monétaire et du Système européen commun d’asile”, Revue trimestrielle de droit européen, Dalloz, Pariġi, 2012, p. 295. Wara li rrilevaw li l‑kunċett ta’ “solidarjetà” ma huwa bl-ebda mod iddefinit fit-Trattati, dawn l-awturi josservaw li “t-Trattati jagħtuh portata varjabbli skont il-kuntest – bħala għan jew parametru għall-azzjoni tal-Unjoni, bħala valur bażiku, bħala kriterju tal-obbligi li l‑Istati Membri ntrabtu bihom meta aderixxew fl-Unjoni. Id-denominatur komuni li jorbot il-verżjonijiet differenti tas-solidarjetà fil-kuntest tal-Unjoni huwa r‑rikonoxximent tal-eżistenza ta’ ‘interess komuni’, separat u separabbli mill‑interessi individwali flimkien”. Finalment, għal ġabra ta’ kontribuzzjonijiet dwar il-prinċipju ta’ solidarjetà, ara Boutayeb C., La solidarité dans l’Union européenne – Éléments constitutionnels et matériels, Dalloz, Pariġi, 2011.


14      Ara, b’mod partikolari, dwar dan is-suġġett, “Searching for Solidarity in EU Asylum and Border Policies, a collection of short papers following the Odysseus Network’s First Annual Policy Conference”, 26 u 27 ta’ Frar 2016, université libre de Bruxelles. Ara, ukoll, Küçük E., “The principle of solidarity and fairness in sharing responsibility: more than window dressing?”, European Law Journal, Sweet and Maxwell, Londra, 2016, p. 448 sa 469, u Bast J., “Deepening supranational integration: interstate solidarity in EU migration law”, European Public Law, n 22, It-2 ħarġa, Wolters Kluwer Law and Business, Alphen aan den Rijn, 2016, p. 289 sa 304.


15      Fuq livell internazzjonali, is-solidarjetà tikkostitwixxi wkoll valur kardinali tal-politika ta’ ażil. Ir-raba’ premessa tal-preambolu tal-Konvenzjoni tal-1951 dwar l-istatus tar-refuġjati ffirmata f’Genève fit-28 ta’ Lulju 1951, flimkien mal-Protokoll dwar l-istatus tar‑refuġjati tal-31 ta’ Jannar 1967 (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Genève”) tipprevedi b’hekk li “mill-għoti tad-dritt ta’ ażil jistgħu jirriżultaw obbligi eċċezzjonalment diffiċli għal ċerti pajjiżi u li s-soluzzjoni sodisfaċenti tal-problemi li tagħha l-Organizzazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti rrikonoxxiet il-portata u n-natura internazzjonali, ma għandhiex, f’dan il-każ, tinkiseb mingħajr solidarjetà internazzjonali”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]


16      Sa issa nillimita ruħi sabiex nirrileva li, skont l-indikazzjonijiet mogħtija mill-Kunsill waqt is-seduta li nżammet fl-10 ta’ Mejju 2017 quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, in-numru ta’ rilokazzjonijiet mill-Italja u mill-Greċja kien ta’ 18 129 sat-8 ta’ Mejju 2017.


17      Ara, f’dan ir-rigward, Labayle S., op. cit., li josserva, b’mod partikolari fir-rigward tad-diverġenzi li ħarġu bejn l-Istati Membri waqt il-ġestjoni ta’ din il-kriżi migratorja, li jekk għandu “jiġi evitat kull spirtu ta’ drammatizzazzjoni, [m]adankollu, il-biża’ ta’ riskju ta’ diżintegrazzjoni ta’ proġett mibni b’paċenzja matul nofs seklu ma tistax tiġi injorata kompletament. It-tnaqqir ftit ftit tal-pedamenti fil-fatt jhedded il-binja kollha u jsaħħaħ il-ħtieġa ta’ viġilanza assoluta dwar il-kwistjoni. In-nuqqas ta’ osservanza tal-valuri fundaturi tal-Unjoni mill-Istati Membri tagħha stess iwassal għal fattur potenzjali ta’ disegregazzjoni ta’ elementi li huma indispensabbli għall-kontinwità tagħha u għal-loġika tal-funzjonament tagħha” (punt 1 182, p. 477). Ara, ukoll, Chassin C-A., “La crise des migrants: l’Europe à la croisée des chemins”, Revue Europe, Nru°3, LexisNexis, 2016, p. 15 sa 21, b’mod partikolari punt 43, p. 21, li jindika li “[l]-kriżi tal-migranti hija […] kriżi umana, iżda wkoll kriżi morali, għall-Unjoni Ewropea: lil hinn mir-risposti għal żmien qasir, hija tenfasizza l-fraġilità tal-integrazzjoni Ewropea”.


18      Iktar ’il quddiem, rispettivament, il-“Protokoll (Nru 1)” u l-“Protokoll (Nru 2).


19      EUCO 22/15.


20      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-10 ta’ Settembru 2015, Il-Parlament vs Il-Kunsill(C-363/14, EU:C:2015:579), punt 17.


21      L-Ungerija ssemmi, bħala eżempji, l-għoti ta’ għajnuna finanzjarja u teknika kif ukoll it-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ professjonisti.


22      C-104/16 P, EU:C:2016:677.


23      Differenti mill-Ungerija, ir-Repubblika Slovakka tindika, fin-nota ta’ replika tagħha, li jeżisti konsensus bejn il-Kunsill u r-Repubblika Slovakka dwar in-natura mhux leġiżlattiva tad-deċiżjoni kkontestata (punt 29).


24      Ara Ritleng D., “Les catégories des actes de l’Union – Réflexions à partir de la catégorie de l’acte législatif”, Les catégories juridiques du droit de l’Union européenne, Bruylant, Brussell, 2016, p. 155 sa 174, b’mod partikolari p. 159.


25      Ara Ritleng D., op. cit., li jirrileva li “l-att leġiżlattiv huwa l-att li fl-adozzjoni tiegħu huma involuti, b’mod indaqs fil-kuntest tal-proċedura leġiżlattiva ordinarja u b’mod mhux indaqs fil-kuntest ta’ proċedura leġiżlattiva speċjali, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill. B’hekk huwa stabbilit kriterju organiku li jikkaratterizza l-użu ta’ setgħa leġiżlattiva magħmula mill-Parlament u mill-Kunsill flimkien” (p. 161).


26      Ara, b’mod partikolari, l-Artikolu 86(1) TFUE.


27      Ara, b’mod partikolari, l-Artikolu 77(3) TFUE.


28      Ara, b’mod partikolari, l-Artikolu 223(2) TFUE.


29      Ara Craig P., u De Búrca G., EU LawText, Cases and Materials, is-6 edizzjoni, Oxford University Press, Oxford, 2015, p. 114.


30      Ara, b’mod partikolari, f’dan is-sens, Lenaerts K., u Van Nuffel P., European Union Law, it-3 edizzjoni, Sweet and Maxwell, Londra, 2011, p. 677, § 16-038.


31      Hawnhekk nirriproduċi l-espressjoni użata minn Ritleng D., op. cit., p. 170.


32      Ara Craig P., u De Búrca G., op. cit., p. 114.


33      Ara, Ritleng D., op. cit., p. 174.


34      Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tad-19 ta’ Lulju 2012, Il-Parlament vs Il-Kunsill (C-130/10, EU:C:2012:472, punt 80).


35      Din id-dispożizzjoni tawtorizza lill-Parlament u lill-Kunsill, li jaġixxu skont il‑proċedura leġiżlattiva ordinarja, sabiex jadottaw il-miżuri meħtieġa dwar sistema komuni Ewropea ta’ ażil li tinkludi “kriterji u mekkaniżmi għad-determinazzjoni ta’ l-Istat Membru responsabbli li jikkunsidra applikazzjoni għal asil jew għal protezzjoni sussidjarja”.


36      Ara l-proposta ta’ regolament, p. 3.


37      Idem.


38      Paġna 4 tal-imsemmija proposta.


39      Idem.


40      Idem, korsiv miżjud minni.


41      Idem, korsiv miżjud minni.


42      Ara din il-proposta, p. 4.


43      L-Artikolu 4(5) tad-deċiżjoni kkontestata jipprevedi l-possibbiltà ta’ proroga għal perijodu massimu ta’ tnax-il xahar fil-kuntest preċiż tal-mekkaniżmu ta’ sospensjoni parzjali tal-obbligi ta’ rilokazzjoni previst minn din id-dispożizzjoni. Madankollu, dan il-mekkaniżmu ma għadux jista’ jintuża u l-proroga hija prevista biss għal Stat Membru wieħed (ir-Repubblika tal-Awstrija) li bbenefika minnha sal-11 ta’ Marzu 2017. Id‑deċiżjoni kkontestata tiskadi għalhekk b’mod definittiv fis‑26 ta’ Settembru 2017.


44      Ara din il-proposta, p. 1.


45      Ara, fl-istess sens, il-proposta ta’ deċiżjoni, li fiha l-Kummissjoni tispjega li “[i]s‑sitwazzjoni ġeografika tal-Italja u tal-Greċja kif ukoll il-kunflitti li għaddejjin fir-reġjun l-iktar qrib tagħhom, xorta tagħmilhom iktar vulnerabbli mill-Istati Membri l-oħra fil-futur qarib, tant li l-wasliet bla preċedent ta’ migranti fuq il-kosti tagħhom mistennija li jitkomplew. Dawn il-fatturi esterni ta’ żieda fil-pressjoni migratorja jkomplu jżidu man-nuqqasijiet strutturali attwali fis-sistemi tal-ażil tagħhom, u jkomplu jqajmu iktar dubju dwar il-kapaċità tagħhom li jaffrontaw b’mod adegwat din is-sitwazzjoni ta’ pressjoni qawwija” (p. 3).


46      Ara l-Artikolu 4(2),(4) u (6) u l-Artikolu 11(2) tad-deċiżjoni kkontestata.


47      Ara l-punt 4(b) ta’ dawn il-konklużjonijiet.


48      Idem.


49      Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-14 ta’ April 2015, Il-Kunsill vs Il‑Kummissjoni (C-409/13, EU:C:2015:217, punt 64 u l-ġurisprudenza ċċitata).


50      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-14 ta’ April 2015, Il-Kunsill vs Il-Kummissjoni(C-409/13, EU:C:2015:217, punt 70). Din il-ġurisprudenza għandha, fl-opinjoni tiegħi, tapplika wkoll għall-atti mhux leġiżlattivi.


51      Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-10 ta’ Settembru 2015, Il-Parlament vs Il‑Kunsill(C-363/14, EU:C:2015:579, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata).


52      Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-10 ta’ Ġunju 1997, Il-Parlament vs Il-Kunsill (C-392/95, EU:C:1997:289, punt 14 u l-ġurisprudenza ċċitata).


53      Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-10 ta’ Ġunju 1997, Il-Parlament vs Il-Kunsill (C-392/95, EU:C:1997:289, punt 15 u l-ġurisprudenza ċċitata).


54      C-280/93, EU:C:1994:367.


55      Ara s-sentenza tal-14 ta’ April 2015, Il-Kunsill vs Il-Kummissjoni(C-409/13, EU:C:2015:217, punti 71 u 72).


56      Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-5 ta’ Ottubru 1994, Il-Ġermanja vs Il-Kunsill(C-280/93, EU:C:1994:367, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata).


57      Ara, fl-istess sens, is-sentenza tal-11 ta’ Settembru 2003, L-Awstrija vs Il-Kunsill(C-445/00, EU:C:2003:445, punti 16 u 17 u l-punti 44 sa 47).


58      Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/937/UE, tal-1 ta’ Diċembru 2009, li temenda r-Regoli ta’ Proċedura tiegħu (ĠU 2009, L 325, p. 35).


59      Għandu jiġi enfasizzat li din l-ispjegazzjoni mogħtija mill-Kunsill fil-kuntest ta’ din il-proċedura hija koerenti mal-kummentarju li din l-istituzzjoni tagħmel dwar ir-Regoli ta’ Proċedura tagħha: “L-Artikolu 14(2) tar-Regoli ta’ Proċedura jippermetti lil kull membru tal-Kunsill li jopponi d-diskussjoni jekk it-test tal-emendi eventwali ma jkunux redatti fil-lingwi kollha uffiċjali” (ara l‑kummentarju tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Kunsill, p. 51).


60      Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-25 ta’ Ottubru 2005, Il-Ġermanja u Id‑Danimarka vs Il-Kummissjoni (C-465/02 u C-466/02, EU:C:2005:636, punt 37).


61      Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-4 ta’ Mejju 2016, Il-Polonja vs Il-Parlament u Il-Kunsill (C-358/14, EU:C:2016:323, punt 78 u l-ġurisprudenza ċċitata).


62      Ara, b’mod partikolari, f’dan is-sens, is-sentenza tal-4 ta’ Mejju 2016, Il-Polonja vs Il-Parlament u Il-Kunsill (C-358/14, EU:C:2016:323, punt 79 u l-ġurisprudenza ċċitata), kif ukoll is-sentenza tad-9 ta’ Ġunju 2016, Pesce et (C-78/16 u C-79/16, EU:C:2016:428, punt 49 u l-ġurisprudenza ċċitata).


63      Il-“hotspots” huma intiżi b’mod partikolari sabiex jgħinu lill-Istati Membri tal‑ewwel art, bħar-Repubblika Taljana u r-Repubblika Ellenika, sabiex jissodisfaw l-obbligi tagħhom ta’ kontroll, identifikazzjoni, reġistrazzjoni ta’ xhieda u teħid ta’ impronti diġitali ta’ dawk li jaslu.


64      Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas-17 ta’ Mejju 2001, IECC vs Il-Kummissjoni(C-449/98 P, EU:C:2001:275, punt 87 u l-ġurisprudenza ċċitata).


65      Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tad-9 ta’ Ġunju 2016, Pesce et (C-78/16 u C‑79/16, EU:C:2016:428, punt 50 u l-ġurisprudenza ċċitata).


66      Fl-10 ta’ April 2017, in-numru ta’ rilokazzjonijiet mill-Italja u mill-Greċja tela’ għal 16 340. Ara l-ħdax-il rapport tal-Kummissjoni tat-12 ta’ April 2017, dwar ir‑rilokazzjoni u r-risistemazzjoni [COM(2017) 212 finali, Anness 3]. Skont l‑indikazzjonijiet mogħtija mill-Kunsill waqt is-seduta li saret fl-10 ta’ Mejju 2017 quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, in-numru ta’ rilokazzjonijiet mill-Italja u mill-Greċja tela’ għal 18 129 sat-8 ta’ Mejju 2017.


67      Ara l-ħdax-il rapport tal-Kummissjoni dwar ir-rilokazzjoni u r-ri-installazzjoni, Anness 3.


68      Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas-7 ta’ Frar 1973, Il-Kummissjoni vs L-Italja (39/72, EU:C:1973:13), li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, “meta jippermetti lill-Istati Membri jibbenefikaw mill-vantaġġi tal-Komunità, it-Trattat jobbligahom ukoll sabiex josservaw ir-regoli tiegħu; li l-fatt, għal Stat, li jikser b’mod unilaterali, skont il-kunċett li għandu tal-interess nazzjonali tiegħu, l-ekwilibriju bejn il-vantaġġi u l-obbligi li jirriżultaw mis-sħubija fil-Komunità, jikkontesta l-ugwaljanza tal-Istati Membri quddiem id-dritt [tal-Unjoni] u joħloq diskriminazzjonijiet fuq iċ-ċittadini tagħhom […]; li dan in-nuqqas tal-obbligi ta’ solidarjetà aċċettati mill-Istati Membri minħabba l-adeżjoni tagħhom għall-Komunità jaffettwa l-bażijiet essenzjali tal-ordinament ġuridiku [tal-Unjoni]” (punti 24 u 25). Ara, ukoll, is-sentenza tas-7 ta’ Frar 1979, Il-Kummissjoni vs Ir-Renju Unit (128/78, EU:C:1979:32, punt 12).


69      ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 162.


70      ĠU L 153M, p. 136.


71      C-411/10 u C-493/10, EU:C:2011:865.


72      Punt 93 ta’ din is-sentenza.


73      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2011, N. S. et(C-411/10 u C‑493/10, EU:C:2011:865, punt 93).


74      Ara pdin il-proposta ta’ deċiżjoni, p. 2.


75      Ara, b’mod partikolari, il-ħdax-il rapport tal-Kummissjoni dwar ir-rilokazzjoni u r-ri-installazzjoni op. cit., li huwa l-aħħar wieħed li kelli għad-dispożizzjoni fid-data tar-redazzjoni ta’ dawn il-konklużjonijiet.


76      Fil-proposta ta’ deċiżjoni tagħha, il-Kummissjoni telqet mill-konstatazzjoni li l‑miżuri differenti finanzjarji u operazzjonali meħuda sa issa minnha sabiex issostni s-sistemi ta’ ażil Taljana, Griega u Ungeriża ma kinux suffiċjenti sabiex jegħlbu l-kriżi li kienu qed jgħaddu minnha dawn it-tliet Stati Membri. Għalhekk hija kkunsidrat li, fid-dawl tal-urġenza u tal-gravità tas-sitwazzjoni maħluqa mid-dħul ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi fl-imsemmija Stati Membri, l-għażla ta’ intervent supplimentari tal-Unjoni bħala reazzjoni għal dan il-fenomenu ma kinitx tmur lil hinn minn dak meħtieġ sabiex jintlaħaq l-għan sabiex din il-kriżi tiġi riżolta b’mod effettiv (p. 9).


77      Ara, b’mod partikolari, f’dan is-sens, is-sentenza tad-9 ta’ Ġunju 2016, Pesce et(C‑78/16 u C-79/16, EU:C:2016:428, punt 51 u l-ġurisprudenza ċċitata).


78      Ara d-Deċiżjoni 2016/1754 li introduċa, fl-Artikolu 4, il-paragrafu 3a fid-deċiżjoni kkontestata.


79      Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-30 ta’ Marzu 2006, Spanja vs Il-Kunsill (C‑36/04, EU:C:2006:209, punt 9 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll il-punt 12).


80      Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-30 ta’ Marzu 2006, Spanja vs Il-Kunsill (C‑36/04, EU:C:2006:209, punt 13 u l-ġurisprudenza ċċitata).


81      L-eżistenza ta’ sitwazzjoni ta’ emerġenza fl-Ungerija waqt l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata hija kkontestata mill-Kunsill. Fl-opinjoni tiegħu, is-sitwazzjoni inbidlet matul is-sajf tal-2015 bħala konsegwenza tal-miżuri unilaterali meħuda mill‑Ungerija, b’mod partikolari l-kostruzzjoni ta’ barriera tul il-fruntiera mar-Repubblika tas-Serbja, li saret fl-14 ta’ Settembru 2015, u l-politika ta’ tranżitu lejn Stati Membri oħra, b’mod partikolari lejn il-Ġermanja, ipprattikata mill-Ungerija. Dawn il-miżuri waqqfu l-wasla tal-migranti fuq it-territorju tal-Ungerija, filwaqt li dawk li kienu waslu sabiex jidħlu kellhom jitilqu malajr. Sabiex tagħti eżempju li hija kienet tinsab f’sitwazzjoni ta’ emerġenza, l-Ungerija tindika, minn naħa tagħha, b’mod partikolari li, bejn il-15 ta’ Settembru u l-31 ta’ Diċembru 2015, il-Pulizija Ungeriża qabdet 190 461 migrant illegali, fosthom 31 769 bejn il-5 u t-22 ta’ Settembru 2015. L‑Ungerija tindika li hija kienet suġġetta għal “pressjoni migratorja enormi” ikkaratterizzata mill-elementi segwenti: sal-15 ta’ Settembru 2015, saru 201 126 qsim illegali tal-fruntieri. Din iċ-ċifra kienet ta’ 391 384 sal-31 ta’ Diċembru 2015. Fit-tieni parti tax-xahar ta’ Settembru, in-numru ta’ qsim illegali tal-fruntiera Kroata‑Ungeriża f’ċerti ġranet laħaq l-10 000. L-Ungerija żżid li matul l-2015, ġew imressqa 177 135 talba għal protezzjoni internazzjonali mal-awtorità kompetenti fil-qasam tal-ażil ta’ dan l-Istat Membru.


82      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-4 ta’ Mejju 2016, Il-Polonja vs Il-Parlament u Il‑Kunsill (C-358/14, EU:C:2016:323, punt 103).


83      Ara, b’analoġija, is-sentenza tal-4 ta’ Mejju 2016, Il-Polonja vs Il-Parlament u Il‑Kunsill (C-358/14, EU:C:2016:323, punt 103 u l-ġurisprudenza ċċitata).


84      Ara, f’dak li jirrigwarda r-Renju tal-Iżvezja, id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2016/946, tad‑9 ta’ Ġunju 2016, li tistabbilixxi miżuri proviżorji fil-qasam tal-protezzjoni internazzjonali għall-benefiċċju tal-Iżvezja f’konformità mal-Artikolu 9 tad‑Deċiżjoni (UE) 2015/1523 u mal-Artikolu 9 tad-Deċiżjoni (UE) 2015/1601 li jistabbilixxu miżuri proviżorji fil-qasam tal-protezzjoni internazzjonali għall‑benefiċċju tal-Italja u tal-Greċja (ĠU 2016, L 157, p. 23). L-Artikolu 2 ta’ din id‑deċiżjoni jipprevedi li l-obbligi tar-Renju tal-Iżvezja bħala Stat Membru ta’ rilokazzjoni bis‑saħħa tad-Deċiżjoni 2015/1523 u tad-deċiżjoni kkontestata huma sospiżi sas‑16 ta’ Ġunju 2017. Fir-rigward tar-Repubblika tal-Awstrija, ara d-Deċiżjoni ta’ implementazzjoni tal-Kunsill (UE) 2016/408, tal‑10 ta’ Marzu 2016, dwar is‑sospensjoni temporanja tar-rilokazzjoni ta’ 30 % tal-applikanti allokati lill‑Awstrija skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2015/1601 li tistabbilixxi miżuri proviżorji fil-qasam tal-protezzjoni internazzjonali għall-benefiċċju tal-Italja u l‑Greċja (ĠU 2016, L 74, p. 36). L-Artikolu 1 ta’ din id-deċiżjoni jipprevedi li r‑rilokazzjoni lejn l-Awstrija ta’ 1 065 applikant fost l-allokazzjoni ta’ applikanti li ngħatat lilha bis-saħħa tad-deċiżjoni kkontestata hija sospiża sal-11 ta’ Marzu 2017.


85      Korsiv miżjud minni.


86      Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-4 ta’ Mejju 2016, Il-Polonja vs Il-Parlament u Il-Kunsill (C-358/14, EU:C:2016:323, punt 78 u l-ġurisprudenza ċċitata).


87      Ara l-premessa 31 tad-deċiżjoni kkontestata.


88      Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Diċembru 2011, dwar standards għall-kwalifika ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, għal stat uniformi għar‑refuġjati jew għal persuni eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja, u għall‑kontenut tal-protezzjoni mogħtija (ĠU 2011, L 337, p. 9). Fost il-motivi ta’ esklużjoni tal-istatut ta’ rifuġjat jew tal-benefiċċju tal-protezzjoni sussidjarja hemm l-eżistenza ta’ raġunijiet serji li għandhom jiġu kkunsidrati li l-applikant ikkommetta delitt kontra l-paċi, delitt tal-gwerra jew delitt kontra l-umanità skont l-istrumenti internazzjonali sabiex jipprevedi dispożizzjonijiet relatati ma’ dawn id-delitti, li huwa kkommetta delitt gravi jew saħansitra li jirrapreżenta theddida għas-soċjetà jew għas‑sigurtà tal-Istat Membru li fih jinsab.


89      Gwida tal-proċeduri u kriterji li għandhom jiġu applikati sabiex jiġi stabbilit l-istatus ta’ rifuġjat fir-rigward tal-Konvenzjoni tal-1951 u tal-Protokoll tal-1967 dwar l‑istatus ta’ rifuġjati, Genève, 1992, punt 192(vii).


90      ĠU 2013, L 180, p. 60.