Language of document :

Digriet tal-President tal-Qorti Ġenerali tas-16 ta' Novembru 2012 - Evonik Degussa vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-341/12 R)

("Proċeduri għal miżuri provviżorji - Kompetizzjoni - Pubblikazzjoni ta' deċiżjoni li permezz tagħha l-Kummissjoni tikkonstata ksur tad-dispożizzjonijiet li jipprojbixxu l-akkordji - Ċaħda tat-talba għal trattament kunfidenzjali ta' informazzjoni mogħtija lill-Kummissjoni b'applikazzjoni tal-avviż tagħha dwar il-kooperazzjoni - Ibbilanċjar tal-interessi - Urġenza - Fumus boni juris")

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Partijiet

Rikorrenti: Evonik Degussa GmbH (Essen, il-Germanja) (rappreżentanti: C. Steinle, M. Holm-Hadulla u C. von Köckritz, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: C. Giolito, M. Kellerbauer u G. Meessen, aġenti)

Suġġett

Talba għas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2012) 3534 finali, tal-24 ta' Mejju 2012, li tirrigwarda ċ-ċaħda tat-talba ppreżentata mir-rikorrenti għat-trattament kunfidenzjali ta' informazzjoni (Każ COMP/38.620 - Perossidu tal-idroġenu u perborat) u miżuri provviżorji intiżi li jordnaw iż-żamma tal-kunfidenzjalità dwar ċerta informazzjoni li tirrigwarda lir-rikorrenti fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni ta' verżjoni iktar iddettaljata tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/903/KE, tat-3 ta' Mejju 2006, dwar proċedura skont l-Artikolu 81 [KE] u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ COMP/F/C.38.620 - Perossidu tal-idroġenu u perborat) (ĠU L 353, p. 54).

Dispożittiv

Is-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2012) 3534 finali, tal-24 ta' Mejju 2012, li tirrigwarda ċ-ċaħda tat-talba ppreżentata minn Evonik Degussa GmbH, skont l-Artikolu 8 tad-Deċiżjoni 2011/695/UE tal-President tal-Kummissjoni, tat-13 ta' Ottubru 2011, dwar il-funzjoni u t-termini ta' referenza tal-uffiċjal tas-seduta f'ċerti proċedimenti dwar il-kompetizzjoni (Każ COMP/F/C.38.620 - Perossidu tal-idroġenu u perborat).

Il-Kummissjoni hija ordnata tastjeni milli tippubblika fuq is-sit tal-internet tagħha u x'imkien ieħor jew li tagħmel aċċesibbli għal terzi verżjoni tad-Deċiżjoni tagħha Nru 2006/903/KE, tat-3 ta' Mejju 2006, dwar proċedura skont l-Artikolu 81 [KE] u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE kontra Akzo Nobel NV, Akzo Nobel Chemicals Holding AB, Eka Chemicals AB, Degussa AG, Edison SpA, FMC Corporation, FMC Foret S.A., Kemira OYJ, L'Air Liquide SA, Chemoxal SA, Snia SpA, Caffaro Srl, Solvay SA/NV, Solvay Solexis SpA, Total SA, Elf Aquitaine SA et Arkema SA (Każ COMP/F/C.38.620 - Perossidu tal-idroġenu u perborat), li hija iktar iddettaljata, sa fejn din tikkonċerna lir-rikorrenti, li ġiet ippubblikata f'Settembru 2007 fis-sit tal-internet tad-Direttorat Ġenerali tagħha tal-Kompetizzjoni.

L-ispejjeż huma rriżervati.

____________