Language of document : ECLI:EU:C:2023:731

Edizzjoni Provviżorja

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Seba’ Awla)

5 ta’ Ottubru 2023 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Tassazzjoni – Taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) – Direttiva 2006/112/KE – Tranżazzjonijiet taxxabbli – Artikolu 2(1)(a) – Kunsinna ta’ oġġetti bi ħlas – Kunsinna mingħajr ħlas ta’ tablet jew ta’ smartphone bħala korrispettiv għal abbonament ġdid f’rivista – Kunċett ta’ ‘provvista unika’ – Kriterji – It‑tieni paragrafu tal‑Artikolu 16 – Użu ta’ oġġetti għall‑bżonnijiet tal‑impriża bil-għan li jingħataw rigali ta’ valur żgħir

Fil-Kawża C‑505/22,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mit‑Tribunal Arbitral Tributário (Centro de Arbitragem Administrativa – CAAD) (il-Qorti tal-Arbitraġġ Fiskali (Ċentru ta’ Arbitraġġ Amministrattiv – CAAD), Il‑Portugall), permezz ta’ deċiżjoni tat‑22 ta’ Lulju 2022, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil‑25 ta’ Lulju 2022, fil-kawża

Deco Proteste – Editores Lda

vs

Autoridade Tributária e Aduaneira,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Seba’ Awla),

komposta minn M. L. Arastey Sahún, Presidenta tal-Awla, N. Wahl (Relatur) u J. Passer, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Richard de la Tour,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Deco Proteste – Editores Lda, minn J. Espanha, advogado,

–        għall-Gvern Portugiż, minn P. Barros da Costa, C. Bento u A. Rodrigues, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn A. Armenia u L. Santiago de Albuquerque, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda, essenzjalment, l-interpretazzjoni tal-Artikolu 2(1)(a) u tal-Artikolu 16 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat‑28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU 2006, L 347, p. 1, rettifika fil‑ĠU 2007, L 335, p. 60), kif ukoll tal-prinċipji ta’ newtralità, ta’ ugwaljanza fit-trattament, ta’ nondiskriminazzjoni u ta’ proporzjonalità.

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Deco Proteste – Editores Lda u l-Autoridade Tributária e Aduaneira (l-Awtorità Fiskali u Doganali, il-Portugall) dwar jekk il-kunsinna, minn Deco Proteste – Editores, ta’ tablets jew smartphones, bħala rigali ta’ abbonament, lill-abbonati l-ġodda fir-rivisti li din tal-aħħar tikkummerċjalizza, hijiex suġġetta għat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT).

 Ilkuntest ġuridiku

 Iddritt talUnjoni

3        L-Artikolu 2 tad-Direttiva 2006/112 jipprovdi:

“1.      It-transazzjonijiet li ġejjin għandhom ikunu soġġetti għall-VAT:

(a)      il-provvista ta’ merkanzija magħmula bi ħlas fit-territorju ta’ Stat Membru minn persuna taxxabbli li taġixxi bħala tali;

[...]”

4        L-Artikolu 16 ta’ din id-direttiva jipprevedi:

“L-applikazzjoni minn persuna taxxabbli ta’ merkanzija li tifforma parti mill-assi tan-negozju tagħha għall-użu privat tagħha jew tal-persunal tagħha, jew biex issir it-tneħħija tagħhom mingħajr ħlas jew, b’mod iktar ġenerali, l-applikazzjoni tagħhom għal skopijiet barra dawk tan-negozju tagħha għandhom jitqiesu bħala provvista bi ħlas, fejn il-VAT fuq dik il-merkanzija jew il-partijiet komponenti tagħhom kienet deduċibbli kollha jew parti minnha.

Iżda, l-applikazzjonijet ta’ merkanzija għall-użu tan-negożju bħala kampjuni jew rigali ta’ valur żgħir m’għandhomx ikunu meqjusa bħala provvista ta' merkanzija bi ħlas.”

 Iddritt Portugiż

5        Il-Código do Imposto sobre o Valor Acrescentado (il-Kodiċi tat-Taxxa fuq il-Valur Miżjud), fil-verżjoni tiegħu li tirriżulta mid-Decreto‑Lei n.°102/2008 (id-Digriet‑Liġi Nru 102/2008), tal‑20 ta’ Ġunju 2008 (Diário da República, Serje 1, Nru 118, tal‑20 ta’ Ġunju 2008) (iktar ’il quddiem il-“Kodiċi tal-VAT”), jipprevedi, fl-Artikolu 3 tiegħu, intitolat “Kunċett ta’ kunsinna ta’ oġġetti”:

“1.      Il-kunsinna bi ħlas ta’ oġġetti materjali fil-kuntest tal-eżerċizzju tad-dritt ta’ proprjetà għandu, b’mod ġenerali, jitqies bħala kunsinna ta’ oġġetti.

[...]

3.      Dawn li ġejjin għandhom jitqiesu wkoll bħala kunsinni ta’ oġġetti fis-sens tal-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu:

[...]

(f)      [...] l-applikazzjoni permanenti tal-oġġetti tal-impriża, għall-użu proprju tal-proprjetarju, tal-persunal, jew, b’mod ġenerali, għal finijiet oħra barra dawk tal-impriża, kif ukoll il-kunsinna mingħajr ħlas ta’ dawn l-oġġetti, meta dawn jew elementi minnhom kienu s-suġġett ta’ tnaqqis totali jew parzjali fit-taxxa;

[...]

7.      Huma esklużi mis-sistema stabbilita fil-paragrafu 3(f), kif iddefinita mid-Digriet Ministerjali tal-Ministeru għall-Finanzi, dawk l-oġġetti mhux intiżi li jerġgħu jinbiegħu li, minħabba l-karatteristiċi tagħhom, jew minħabba d-daqs jew il-format differenti tal-prodott li jikkostitwixxi l-unità tal-bejgħ, huma maħsuba, f’forma ta’ kampjun, li jippreżentaw jew li jippromwovu oġġetti magħmula jew mibjugħa mill-persuna taxxabbli nnifisha, kif ukoll ir-rigali ta’ valur unitarju ta’ EUR 50 jew inqas u li l-valur globali annwali tagħhom ma jaqbiżx 0.5 % tad-dħul mill-bejgħ li tkun għamlet il-persuna taxxabbli matul is-sena kalendarja ta’ qabel, skont il-prassi kummerċjali.”

6        L-Artikolu 18 tal-Kodiċi tal-VAT, intitolat “Rata tal-VAT”, jipprevedi li l-kunsinni ta’ oġġetti li jinsabu fil-Listi I u II annessi ma’ dan il-kodiċi jgawdu minn rata mnaqqsa ta’ VAT, stabbilita għal 6 % u għal 13 % rispettivament. Il-kunsinni l-oħra ta’ oġġetti huma suġġetti għar-rata standard ta’ VAT ta’ 23 %. Il-kunsinna ta’ tablets u ta’ smartphones taqa’ taħt din ir-rata tal-aħħar.

7        Il-Lista I annessa mal-Kodiċi tal-VAT, intitolata “Oġġetti u servizzi intaxxati bir-rata mnaqqsa”, tinkludi punt 2.1 li huwa fformulat kif ġej:

“Gazzetti, rivisti u perijodiċi oħra bħala tali, kif imfissra mil-liġi li tirregola l-qasam kulturali, edukattiv, rikreattiv jew sportiv [...]”

8        Il-Portaria n. 497/2008 (id-Digriet Ministerjali Nru 497/2008) tal‑24 ta’ Ġunju 2008 (id-Diário da República, Serje 1, Nru 120, tal‑24 ta’ Ġunju 2008), jiddefinixxi l-kunċett ta’ “rigal” u jiddetermina l-proċeduri u l-obbligi ta’ kontabbiltà li, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 3(7) tal-Kodiċi tal-VAT, għandhom jiġu osservati mill-persuni suġġetti għall-VAT. L-Artikolu 3 ta’ dan id-digriet, intitolat “Definizzjoni tal-kunċett ta’ rigal”, jipprovdi:

“1.      Ir-rigal jista’ jikkonsisti fi prodotti mibjugħa jew immanifatturati mill-persuna taxxabbli jew f’oġġetti mixtrija mingħand terzi.

2.      Fejn ir-rigal jikkonsisti f’ġabra ta’ oġġetti, il-valur ta’ EUR 50, imsemmi fl-Artikolu 3(7) tal-Kodiċi tal-VAT, japplika għal dawn l-oġġetti kollha.

3.      Il-primjums ta’ kwantità li l-persuna taxxabbli tagħti lill-klijenti tagħha huma esklużi mill-kunċett ta’ rigal.”

 Ilkawża prinċipali u ddomandi preliminari

9        DECO Proteste – Editores hija kumpannija stabbilita fil-Portugall li tippubblika u tbigħ rivisti u testi oħra ta’ informazzjoni dwar il-protezzjoni tal-konsumaturi. Dawn il-prodotti jinbiegħu biss permezz ta’ abbonament. Fil-kuntest ta’ kampanji promozzjonali maħsuba sabiex jattiraw klijenti ġodda, il-kumpannija toffri lill-abbonati l-ġodda rigal ta’ abbonament, li jista’ jikkonsisti f’tablet jew smartphone, ta’ valur unitarju dejjem inqas minn EUR 50.

10      Wara li jsir il-ħlas tal-ewwel xahar tal-abbonament, li l-ammont tiegħu jibqa’ dejjem l-istess, ir-rigal ta’ abbonament jintbagħat bil-posta lil dawn l-abbonati flimkien mar-rivista tagħhom. Peress li ma ġie stabbilit ebda perijodu minimu ta’ abbonament, l-abbonati, wara li jsir il-ħlas tal-ewwel xahar tal-abbonament, iżommu r-rigal ta’ abbonament mingħajr penali, anki f’każ li l-abbonament jitwaqqaf.

11      Ir-rigali ta’ abbonament jinxtraw mingħand kumpanniji stabbiliti fl-Unjoni Ewropea, fil-kuntest tas-sistema ta’ reverse charge tal-VAT.

12      Fl‑2019, wara li sar kontroll fiskali dwar, b’mod partikolari, il-VAT għas-snin 2015 sa 2018, l-Awtorità Fiskali u Doganali kkonstatat li l-fatturi maħruġa mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali fir-rigward tal-abbonamenti l-ġodda kienu jsemmu l-ammont tal-abbonament li għalih ġiet applikata rata mnaqqsa ta’ VAT ta’ 6 %. Mill-banda l-oħra, dawn il-fatturi ma kienu jinkludu ebda riferiment għar-rigali ta’ abbonament.

13      L-Awtorità Fiskali u Doganali qieset li r-rigali ta’ abbonament kienu jikkostitwixxu rigali fis-sens tal-Artikolu 3(7) tal-Kodiċi tal-VAT, iżda kkonstatat li l-ammont tagħhom kien jaqbeż il-limitu ta’ 0.5 % tad-dħul mill-bejgħ tas-sena kalendarja ta’ qabel previst f’din id-dispożizzjoni. Għalhekk, hija ssuġġettat għall-VAT il-kunsinna ta’ dawn ir-rigali, billi użat il-prezz tax-xiri tagħhom bħala bażi taxxabbli u r-rata normali ta’ 23 % bħala rata ta’ VAT. Hija evalwat l-ammont tal-VAT dovut mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali f’dan ir-rigward għas-snin 2015 sa 2018 għal EUR 3 472 125.38. Din tal-aħħar aċċettat, fil-kuntest tal-kontroll fiskali, li, minn naħa, taġġusta l-VAT fir-rigward tas-sena 2015 u, min-naħa l-oħra, tapplika, abbażi ta’ dikjarazzjonijiet fiskali rettifikattivi, is-sistema ta’ reverse charge tal-VAT għas-snin 2016 sa 2018, wara li jitnaqqsu l-krediti tat-taxxa favur tagħha. Għalhekk, hija ħallset total ta’ EUR 2 851 551.41, li minnhom EUR 270 936.70 kienu interessi.

14      Madankollu, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ppreżentat, sussegwentement, appell amministrattiv intiż għar-rimbors ta’ din is-somma, liema appell ġie miċħud fil‑11 ta’ Mejju 2021. Wara din iċ-ċaħda, hija talbet, fis‑6 ta’ Awwissu 2021, li titlaqqa’ t-Tribunal Arbitral Tributário (Centro de Arbitragem Administrativa – CAAD) (il-Qorti tal-Arbitraġġ Fiskali (Ċentru ta’ Arbitraġġ Amministrattiv – CAAD), il-Portugall), il-qorti tar-rinviju.

15      Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali sostniet, b’mod partikolari, li, fin-nuqqas ta’ intenzjoni li wieħed jaġixxi b’mod gratuwitu, l-għoti ta’ rigali ta’ abbonament lill-abbonati l-ġodda ma kienx jikkostitwixxi liberalità. Fir-realtà, din hija offerta kummerċjali kkostitwita minn provvista ta’ servizzi, jiġifieri l-abbonament, marbuta ma’ kunsinna ta’ oġġetti, dik tar-rigali ta’ abbonament, li tinkludi korrispettiv pekunjarju inkluż fil-valur tal-abbonament fir-rivista. Fi kwalunkwe każ, anki jekk l-offerta ta’ rigal ta’ abbonament titqies bħala liberalità, billi l-valur unitarju tagħha huwa inqas minn EUR 50, hija taqa’ taħt il-kunċett ta’ “rigal ta’ valur żgħir”, fis-sens tal-Artikolu 3(7) tal-Kodiċi tal-VAT. Hija ssostni, f’dan ir-rigward, li l-limitu ta’ 0.5 % tad-dħul mill-bejgħ tas-sena ta’ qabel, previst f’din id-dispożizzjoni, ma għandu ebda rabta ma’ dan il-kunċett. Dan il-limitu ma huwiex konformi mal-Artikolu 16 tad-Direttiva 2006/112 u jikser ukoll il-prinċipji ta’ proporzjonalità, ta’ newtralità u ta’ ugwaljanza fit-trattament.

16      Il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk, f’ċirkustanzi bħal dawk tal-kawża prinċipali, jistax jiġi kkunsidrat li r-rigal ta’ abbonament, jiġifieri t-tablet jew l-ismartphone, ġie mogħti bħala korrispettiv għal xi valur partikolari, anki jekk dan tal-aħħar ma jkunx ġie identifikat jew individwalizzat. Hija tistaqsi wkoll dwar il-possibbiltà li tingħata definizzjoni tal-kunċett ta’ “rigal ta’ valur żgħir”, fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 16 tad-Direttiva 2006/112, billi jsir użu, fl-istess ħin, mill-valur unitarju ta’ kull rigal u minn proporzjon tal-valur globali tar-rigali mogħtija mill-persuna taxxabbli, ikkalkolat fid-dawl tad-dħul mill-bejgħ tas-sena ta’ qabel. Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv, hija tistaqsi jekk il-limitu ta’ 0.5 % tad-dħul mill-bejgħ previst fl-Artikolu 3(7) tal-Kodiċi tal-VAT huwiex tant baxx li jċaħħad lit-tieni paragrafu tal-Artikolu 16 ta’ din id-direttiva mill-effett utli tiegħu.

17      Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li t-Tribunal Arbitral Tributário (Centro de Arbitragem Administrativa, CAAD) (il-Qorti tal-Arbitraġġ Fiskali (Ċentru ta’ Arbitraġġ Amministrattiv)  – CAAD)), iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“(1)      Fiċ-ċirkustanzi fejn permezz tas-sottoskrizzjoni għal pubblikazzjonijiet perjodiċi b’abbonament jingħata rigal (gadget) lill-abbonati l-ġodda, skont it-tifsira tal-Artikolu 16 tad-Direttiva [2006/112], dan l-għoti għandu jiġi kkunsidrat:

(a)      bħala provvista mwettqa mingħajr ħlas, separata mill-operazzjoni ta’ abbonament tal-pubblikazzjonijiet perjodiċi;

jew

(b)      bħala parti integrali minn operazzjoni waħda mwettqa bi ħlas;

jew ukoll

(c)      bħala parti integrali minn pakkett kummerċjali, ikkostitwit minn operazzjoni prinċipali (l-abbonament tal-magażin) u oħra anċillari (l-għoti ta’ rigal), fejn din tal-aħħar titqies bħala provvista bi ħlas u essenzjali għall-abbonament tal-magażin?

(2)      Fil-każ li r-risposta għall-ewwel domanda tkun fis-sens li din hija provvista mingħajr ħlas, id-determinazzjoni ta’ limitu annwali tal-valur globali tar-rigali li jikkorrispondi għal ratio ta’ 0.5 % tal-volum tad-dħul mill-bejgħ tal-persuna taxxabbli fis-sena preċedenti (li jingħadd mal-limitu tal-valur unitarju) hija konformi mal-kunċett ta’ “għoti ta’ rigali ta’ valur baxx” previst fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 16 tad-Direttiva [2006/112]?

(3)      Fil-każ li r-risposta għad-domanda preċedenti tkun fl-affermattiv, dan ir-ratio ta’ 0.5 % tal-volum tad-dħul mill-bejgħ tal-persuna taxxabbli fis-sena preċedenti għandu jitqies li huwa tant baxx li jneħħi kull effett utli mit-tieni paragrafu tal-Artikolu 16 tad-Direttiva [2006/112]?

(4)      L-imsemmi limitu ta’ 0.5 % tal-volum ta’ dħul mill-bejgħ tal-persuna taxxabbli fis-sena preċedenti jikser, anki fid-dawl tal-għanijiet li għalihom ġie stabbilit, il-prinċipji ta’ newtralità u ta’ ugwaljanza fit-trattament jew ta’ nondiskriminazzjoni u ta’ proporzjonalità?”

 Fuq iddomandi preliminari

 Fuq lewwel domanda

18      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 2(1)(a) u l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 16 tad-Direttiva 2006/112 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li l-għoti ta’ rigal ta’ abbonament bħala korrispettiv għal abbonament f’perijodiċi jaqax taħt il-kunċett ta’ “provvista ta’ merkanzija magħmula bi ħlas”, fis-sens ta’ dawn id-dispożizzjonijiet jew jekk l-ewwel paragrafu tal-imsemmi Artikolu 16 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-għoti ta’ tali rigal, li jikkostitwixxi tranżazzjoni distinta mit-tranżazzjoni ta’ abbonament, għandu jitqies bħala trasferiment ta’ oġġetti mingħajr ħlas, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni tal-aħħar.

19      Preliminarjament, għandu jitfakkar li, għall-finijiet tal-VAT, kull tranżazzjoni għandha normalment titqies bħala waħda distinta u indipendenti. Madankollu, fejn tranżazzjoni tkun tinkludi diversi elementi, tqum il-kwistjoni dwar jekk dik it-tranżazzjoni għandhiex titqies li hija kkostitwita minn provvista unika jew inkella minn diversi provvisti distinti u indipendenti li għandhom jitqiesu b’mod separat mil-lat tal-VAT (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑27 ta’ Settembru 2012, Field Fisher Waterhouse, C‑392/11, EU:C:2012:597, punti 14 u 15, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

20      B’hekk, l-ewwel, sabiex ma tinbidilx il-funzjonalità tas-sistema tal-VAT, it-tranżazzjoni kkostitwita minn provvista waħda fil-livell ekonomiku ma għandhiex tinfired b’mod artifiċjali. Għandu jitqies li teżisti provvista unika fejn id-diversi elementi jew atti li l-persuna taxxabbli tipprovdi lill-klijent ikunu tant marbuta mill-qrib li jifformaw, oġġettivament, provvista ekonomika waħda inseparabbli u li t-tifrid tagħha jkun artifiċjali (sentenza tal‑4 ta’ Marzu 2021, Frenetikexito, C‑581/19, EU:C:2021:167, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata).

21      Sabiex jiġi ddeterminat jekk il-persuna taxxabbli twettaqx diversi provvisti prinċipali distinti jew provvista unika, għandhom jiġu identifikati l-elementi karatteristiċi tat-tranżazzjoni inkwistjoni, b’enfasi fuq il-perspettiva tal-konsumatur medju. Is-sensiela ta’ indizji li jsir riferiment għalihom għal dan il-għan tinkludi elementi differenti, tal-ewwel, ta’ natura intellettwali u ta’ importanza deċiżiva, intiżi sabiex tiġi stabbilita n-natura inseparabbli jew le tal-elementi tat-tranżazzjoni inkwistjoni u l-għan ekonomiku tagħha, uniku jew le, tat-tieni, ta’ natura materjali u li ma għandhomx importanza deċiżiva, li, jekk ikun il-każ, isostnu l-analiżi tal-elementi tal-ewwel, bħall-aċċess separat jew konġunt għas-servizzi inkwistjoni jew l-eżistenza ta’ fatturazzjoni unika jew distinta (sentenza tal‑4 ta’ Marzu 2021, Frenetikexito, C‑581/19, EU:C:2021:167, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata).

22      It-tieni, tranżazzjoni ekonomika tikkostitwixxi provvista unika fejn element wieħed jew diversi elementi jkollhom jitqiesu li jikkostitwixxu l-provvista prinċipali, filwaqt li, għall-kuntrarju, elementi oħra jkollhom jitqiesu bħala provvista jew provvisti anċillari li għalihom japplika l-istess trattament fiskali li japplika għall-provvista prinċipali (sentenza tal‑4 ta’ Marzu 2021, Frenetikexito, C‑581/19, EU:C:2021:167, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata).

23      Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-ewwel kriterju li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni f’dan ir-rigward huwa n-nuqqas ta’ għan awtonomu tal-provvista mill-perspettiva tal-konsumatur medju. B’hekk, provvista għandha titqies li hija anċillari għall-provvista prinċipali fejn hija ma tikkostitwixxix, għall-klijenti, għan fiha nnifisha, iżda mezz sabiex is-servizz prinċipali tal-fornitur jitgawda bl-aħjar mod (sentenza tal‑4 ta’ Marzu 2021, Frenetikexito, C‑581/19, EU:C:2021:167, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata).

24      It-tieni kriterju, li, fir-realtà, jikkostitwixxi indizju tal-ewwel wieħed, jieħu inkunsiderazzjoni l-valur rispettiv ta’ kull waħda mill-provvisti li jikkostitwixxu t-tranżazzjoni ekonomika, il-wieħed minimu, jekk mhux saħansitra marġinali, meta mqabbel mal-ieħor (sentenza tal‑4 ta’ Marzu 2021, Frenetikexito, C‑581/19, EU:C:2021:167, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata).

25      F’dan il-każ, mill-informazzjoni pprovduta mill-qorti tar-rinviju, miġbura fil-qosor fil-punti 9 sa 11 ta’ din is-sentenza, jirriżulta li l-għoti ta’ rigali ta’ abbonament għal kull abbonament ġdid jagħmel parti integrali mill-istrateġija kummerċjali tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali. Barra minn hekk, fil-fehma ta’ dik il-qorti, l-abbonamenti huma kunsiderevolment ogħla meta jkunu akkumpanjati minn rigali ta’ abbonament.

26      Għalhekk teżisti rabta ċara bejn l-għoti ta’ rigal u l-abbonament fir-rivisti tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali. Madankollu, bla ħsara għal verifika mill-qorti tar-rinviju, din ir-rabta ma tidhirx, minn naħa, waħda sistematika u, min-naħa l-oħra, waħda suffiċjentement stretta sabiex dawn is-servizzi jitqiesu li huma marbuta b’mod inseparabbli, fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 20 u 21 ta’ din is-sentenza. F’dan ir-rigward, il-fatt li t-tiġdid ta’ abbonament ma jagħtix lok għall-għoti ta’ rigal ġdid u li, barra minn hekk, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali mexxiet kampanji promozzjonali mingħajr ma offriet rigali ta’ abbonament, juri li l-imsemmija servizzi ma humiex inseparabbli.

27      Mill-banda l-oħra, iċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali jidhru li juru, fatt li għandu jiġi ddeterminat mill-qorti tar-rinviju, provvista prinċipali akkumpanjata minn provvista anċillari, fis-sens tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 22 sa 24 ta’ din is-sentenza. Fil-fatt, l-għoti ta’ rigal ta’ abbonament mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali lill-abbonati l-ġodda jikkostitwixxi inċentiv għall-abbonament. L-għan tiegħu ma huwiex ħlief li jiżdied in-numru ta’ abbonati fir-rivisti li din ir-rikorrenti tippubblika u, għaldaqstant, li jiżdiedu l-profitti li din tal-aħħar tagħmel. Barra minn hekk, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali, fil-kalkolu kummerċjali tagħha, tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li ċerti abbonati jtemmu l-abbonament tagħhom wara li jsir il-ħlas tal-ewwel xahar tal-abbonament, li jippermettilhom iżommu r-rigal mingħajr l-obbligu li jibqgħu abbonati. Jibqa’ l-fatt li l-għoti ta’ rigal ta’ abbonament jippermetti lir-rikorrenti fil-kawża prinċipali żżid, kull sena, in-numru tal-abbonati tagħha b’mod sinjifikattiv. Għalhekk, mill-perspettiva tal-konsumatur medju, li jaċċetta li jħallas tal-inqas xahar ta’ abbonament sabiex jikseb l-imsemmi rigal, l-għoti ta’ tali rigal ma għandux għan awtonomu.

28      Barra minn hekk, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali u l-Kummissjoni Ewropea ġustament jenfasizzaw, fl-osservazzjonijiet tagħhom, li r-rigal ta’ abbonament li ngħata mis-snin 2015 sa 2018 ippermetta lill-abbonati l-ġodda jgawdu, bl-aħjar mod, mis-servizz prinċipali tal-fornitur, jiġifieri l-qari tar-rivisti li għalihom ikun sar l-abbonament, sa fejn it-tablet jew l-ismartphone jippermettu, pereżempju, li tiġi aċċessata verżjoni diġitali ta’ dawn ir-rivisti.

29      Konsegwentement, bla ħsara għal verifika mill-qorti tar-rinviju, jidher li l-abbonament fl-imsemmija rivisti, minn naħa, u l-offerta ta’ tablet jew ta’ smartphone ta’ valur unitarju ta’ inqas minn EUR 50 għal kull abbonament ġdid, min-naħa l-oħra, huma marbuta flimkien, billi l-abbonament jikkostitwixxi l-provvista prinċipali u r-rigal jikkostitwixxi provvista anċillari li l-uniku għan tiegħu huwa li jħajjar abbonati ġodda.

30      Għalhekk, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 2(1)(a) u l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 16 tad-Direttiva 2006/112 għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-għoti ta’ rigal ta’ abbonament bħala korrispettiv għall-abbonament f’perijodiċi jikkostitwixxi provvista li hija anċillari għall-provvista prinċipali li tikkonsisti fil-kunsinna ta’ perijodiċi, li taqa’ taħt il-kunċett ta’ “provvista ta’ merkanzija magħmula bi ħlas”, fis-sens ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, u ma għandux jitqies bħala trasferiment ta’ oġġetti mingħajr ħlas, fis-sens tal-ewwel paragrafu tal-imsemmi Artikolu 16.

 Fuq ittielet u rraba’ domanda

31      Fid-dawl tar-risposta mogħtija għall-ewwel domanda, ma hemmx lok li tingħata risposta għad-domandi l-oħra magħmula.

 Fuq lispejjeż

32      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Seba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikolu 2(1)(a) u l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 16 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud,

għandhom jiġu interpretati fis-sens li:

l-għoti ta’ rigal ta’ abbonament bħala korrispettiv għall-abbonament f’perijodiċi jikkostitwixxi provvista li hija anċillari għall-provvista prinċipali li tikkonsisti fil-kunsinna ta’ perijodiċi, li taqa’ taħt il-kunċett ta’ “provvista ta’ merkanzija magħmula bi ħlas”, fis-sens ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, u ma għandux jitqies bħala trasferiment ta’ oġġetti mingħajr ħlas, fis-sens tal-ewwel paragrafu tal-imsemmi Artikolu 16.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Portugiż.