Language of document :

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tat-22 ta' Diċembru 2010 (talba għal deċiżjoni preliminari tan-Nejvyšší správní soud - Ir-Repubblika Ċeka) - Bezpečnostní softwarová asociace - Svaz softwarové ochrany vs Ministerstvo kultury

(Kawża C-393/09) 1

"Proprjetà intellettwali - Direttiva 91/250/KEE - Protezzjoni legali ta' programmi tal-kompjuter - Kunċett ta' 'kull forma ta' espressjoni ta' programm tal kompjuter' - Inklużjoni jew nuqqas ta' inklużjoni ta' user interface grafiku ta' programm tal-kompjuter - Drittijiet tal-awtur -Direttiva 2001/29/KE - Drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni - Xandir televiżiv ta' user interface grafiku - Komunikazzjoni ta' xogħol lill-pubbliku"

Lingwa tal-kawża: iċ-Ċek

Qorti tar-rinviju

Nejvyšší správní soud

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Bezpečnostní softwarová asociace - Svaz softwarové ochrany

Konvenuta: Ministerstvo kultury

Suġġett

Talba għal deċiżjoni preliminari - Nejvyšší správní soud -

Interpretazzjoni tal-Artikolu 1(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 91/250/KEE, tal-14 ta' Mejju 1991, dwar il-protezzjoni legali ta' programmi tal-kompjuter (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 114), kif ukoll tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta' Mejju 2001, dwar l-armonizzazzjoni ta' ċerti aspetti ta' drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 230) - Inklużjoni jew le tal-user interface grafiku fil-kunċett "espressjoni f'kull forma ta' programm tal-kompjuter" imsemmi fl-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 91/250

Dispożittiv

Il-user interface grafiku ma jikkostitwixxix forma ta' espressjoni ta' programm tal-kompjuter fis-sens tal-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 91/250/KEE, tal-14 ta' Mejju 1991, dwar il-protezzjoni legali ta' programmi tal-kompjuter u ma jistax jibbenefika mill-protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur fuq programmi tal-kompjuter skont din id-direttiva. Madankollu, tali interface jista' jibbenefika mill-protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur bħala xogħol, bis-saħħa tad-Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta' Mejju 2001, dwar l-armonizzazzjoni ta' ċerti aspetti ta' drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni, jekk dan l-interface jikkostitwixxi ħolqien intellettwali tal-awtur stess.

Ix-xandir televiżiv ta' user interface grafiku ma jikkostitwixxix komunikazzjoni lill-pubbliku ta' xogħol protett mid-drittijiet tal-awtur fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29.

____________

1 - ĠU C 11, 16.01.2010.