Language of document :

Rikors ippreżentat fis-26 ta' Marzu 2012 - Ben Ali vs Il-Kunsill

(Kawża T-133/12)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Rikorrent: Mehdi Ben Tijani Ben Haj Hamda Ben Haj Hassen Ben Ali (Saint-Étienne-du-Rouvray, Franza) (rappreżentant: A. de Saint Remy, avukat)

Konvenut: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tadotta miżura ta' organizzazzjoni tal-proċedura skont l-Artikolu 64 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, intiża għall-iżvelar mill-Kummissjoni "tad-dokumenti kollha relatati mal-adozzjoni" tar-regolament ikkontestat;

tannulla r-regolament ikkontestat sa fejn dan jikkonċernaha;

tikkundanna lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea jħallas lir-rikorrent somma globali ta' EUR 50 000 bħala kumpens għad-danni differenti li huwa sofra;

tikkundanna lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea jħallas lir-rikorrent is-somma ta' EUR 7 500 għall-ispejjeż tad-difiża tiegħu insostenn ta' dan ir-rikors, minbarra l-ispejjeż li jistgħu jinġabru bħala spejjeż tad-difiża, skont l-Artikolu 91 tar-Regoli tal-Proċedura;

tikkundanna lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea għall-ispejjeż kollha.

Motivi u argumenti prinċipali

Permezz tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent jitlob, minn naħa, l-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/50/PESK, tas-27 ta' Jannar 2012, li temenda d-Deċiżjoni 2011/72/PESK dwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet fid-dawl tas-sitwazzjoni fit-Tuneżija 2 u, minn naħa l-oħra, kumpens għad-dannu li r-rikorrent iqis li sofra.

Insostenn tar-rikors, ir-rikorrent jinvoka seba' motivi li essenzjalment huma identiċi jew simili għal dawk invokati fil-kuntest tal-Kawża T-301/11, Ben Ali vs Il-Kunsill .

____________

1 - ĠU L 27, p. 11.

2 - ĠU C 226, p. 29.