Language of document : ECLI:EU:T:2010:191

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Awla tal-Appell)

12 ta’ Mejju 2010

Kawża T-491/08 P

Philippe Bui Van

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Appell — Servizz pubbliku — Uffiċjali — Ħatra — Klassifikazzjoni fi grad — Irtirar ta’ att amministrattiv — Protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi — Terminu raġonevoli — Dritt għal smigħ”

Suġġett: Appell mis-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea (It-Tieni Awla) tal-11 ta’ Settembru 2008, Bui Van vs Il‑Kummissjoni (F‑51/07, ĠabraSP p. I‑A‑1‑289 u II‑A‑1‑1533), intiż għall-annullament ta’ din is-sentenza. Appell inċidentali ppreżentat mill-Kummissjoni.

Deċiżjoni: Is-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea (It-Tieni Awla) tal-11 ta’ Settembru 2008, Bui Van vs Il‑Kummissjoni (F‑51/07), hija annullata sa fejn tagħti kumpens għal ammont ta’ EUR 1 500 lil Philip Bui Van. L-appell u l-kumplament tat-talbiet tal-appell inċidentali huma miċħuda. Il‑kawża hija rrinvjata quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku sabiex jiddeċiedi fuq ir-rikors għad-danni. L-ispejjeż huma rriżervati.

Sommarju

1.      Uffiċjali — Prinċipji — Protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi — Kundizzjonijiet

(Regolamenti tal-Persunal, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 85)

2.      Appell — Aggravji — Aggravju mressaq kontra kunsiderazzjoni tas-sentenza li ma hijiex neċessarja sabiex ikun iġġustifikat id-dispożittiv tas-sentenza — Aggravju ineffettiv

3.      Atti tal-istituzzjonijiet — Irtirar — Atti illegali — Kundizzjonijiet — Terminu raġonevoli

4.      Uffiċjali — Prinċipji — Drittijiet tad-difiża — Obbligu li tinstema’ l-persuna kkonċernata qabel l-adozzjoni ta’ att li jikkawżalha preġudizzju — Portata

5.      Uffiċjali — Rikors — Ġurisdizzjoni sħiħa — Portata — Limiti — Osservanza tal-prinċipju ta’ kontradittorju

(Artikolu 261 TFUE; Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 91(1))

6.      Dritt Komunitarju — Prinċipji — Drittijiet tad-difiża — Prinċipju ta’ kontradittorju — Portata

1.      Għalkemm il-prinċipju tal-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi jista’ jillimita d-dritt tal-amministrazzjoni li tirtira, b’effett retroattiv, att ivvizzjat b’illegalità fil-każ li d-destinatarju tal-att seta’ jistrieħ fuq id-dehra ta’ legalità tal-att, din il-kundizzjoni ma hijiex ikkunsidrata li hija sodisfatta fil-preżenza ta’ ċirkustanzi oġġettivi li kien imisshom wasslu lill-persuna kkonċernata sabiex tinduna bl-iżball inkwistjoni jew, fi kliem ieħor, fil-preżenza ta’ elementi ta’ natura tali li joħolqu dubji dwar il-legalità tal-att. B’hekk, il-persuna kkonċernata ma tistax tistrieħ fuq id-dehra ta’ legalità tal-att irtirat b’mod partikolari meta l-imsemmi att ma jkollu ebda bażi legali jew kien ġie adottat bi ksur tad-dispożizzjonijiet legali applikabbli. Il-ġurisprudenza dwar l-irtirar, b’effett retroattiv, ta’ atti illegali li jagħtu drittijiet individwali hija intiża speċifikatament sabiex tirrikonċilja ż-żewġ prinċipji, jiġifieri dak tal-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u dak ta’ legalità. Meta l-illegalità tkun ta’ natura tali li uffiċjal diliġenti ma setax ma jindunax biha, l-aspettattiva ma tistax tiġi kkunsidrata bħala leġittima u, għaldaqstant, il-prinċipju ta’ legalità japplika b’mod sħiħ. Minn dan isegwi li, minkejja l-obbligu tal-amministrazzjoni li tagħmel kull sforz sabiex tiżgura l-legalità tad-deċiżjonijiet tagħha, l-uffiċjali ma jistgħux jinvokaw aspettattiva leġittima fiż-żamma ta’ atti manifestament illegali. Barra minn hekk, is-sempliċi fatt li l-iżball imwettaq mill-amministrazzjoni ma ġiex innutat mill-amministrazzjoni nfisha diversi drabi, għalkemm huwa ta’ dispjaċir, ma jistax jiġi invokat mill-uffiċjal sabiex jikkonkludi li għandu aspettattiva leġittima, fid-dawl tal-preżenza ta’ ċirkustanzi oġġettivi li kellhom iwasslu lill-uffiċjal inkwistjoni sabiex jinduna bl-imsemmi żball.

Barra minn hekk, il-kwistjoni tal-eżistenza ta’ interess pubbliku superjuri ta’ natura tali li jipprevali fuq l-interessi tal-persuna kkonċernata hija rilevanti biss meta jkun ġie stabbilit li din il-persuna tista’ tistrieħ fuq id-dehra ta’ legalità tal-att inkwistjoni u tkun tista’ tippretendi li dan għandu jinżamm fis-seħħ.

(ara l-punti 44, 45, 49, 50 u 52)

Referenza: Il-Qorti tal-Ġustizzja 3 ta’ Marzu 1982, Alpha Steel vs Il‑Kummissjoni, 14/81, Ġabra p. 749, punti 10 u 12; Il-Qorti tal-Ġustizzja 20 ta’ Ġunju 1991, Cargill vs Il-Kummissjoni, C‑248/89, Ġabra p. I‑2987, punt 20; Il‑Qorti tal-Ġustizzja 17 ta’ April 1997 de Compte vs Il-Parlament, C‑90/95 P, Ġabra p. I‑1999, punt 39; Il-Qorti Ġenerali 27 ta’ Novembru 1997, Pascall vs Il‑Kummissjoni, T‑20/96, ĠabraSP p. I‑A‑361 u II‑977, punti 75 u 76; Il-Qorti Ġenerali 21 ta’ Lulju 1998, Mellett vs Il-Qorti tal-Ġustizzja, T‑66/96 u T‑221/97, Ġabra SP p. I‑A‑449 u II‑1305, punt 122; Il-Qorti Ġenerali 5 ta’ Diċembru 2000, Gooch vs Il‑Kummissjoni, T‑197/99, Ġabra SP p. I‑A‑271 u II‑1247, punt 56; Il‑Qorti Ġenerali 27 ta’ Settembru 2006, Kontouli vs Il-Kunsill, T‑416/04, Ġabra SP p. I‑A‑2‑181 u II‑A‑2‑897, punti 164 sa 166

2.      Fil-kuntest ta’ appell, aggravju kontra kunsiderazzjoni superfluwa tad-deċiżjoni kkontestata, li d-dispożittiv tagħha jkun ibbażat b’mod suffiċjenti fid-dritt fuq raġunijiet oħra, huwa ineffettiv u għandu, għaldaqstant, jiġi miċħud.

(ara l-punt 52)

Referenza: Il-Qorti tal-Ġustizzja 22 ta’ Diċembru 1993, Pincherle vs Il‑Kummissjoni, C‑244/91 P, Ġabra p. I‑6965, punt 25; Il-Qorti Ġenerali 19 ta’ Settembru 2008, Chassagne vs Il-Kummissjoni, T‑253/06 P, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 95

3.      In-natura raġonevoli ta’ terminu għandha tiġi evalwata fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha tal-kawża. Tul ta’ żmien determinat minn qabel ma jistax jiġi preżunt, b’mod ġenerali, bħala li jikkostitwixxi terminu raġonevoli. It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jwettaq żball ta’ liġi meta jiddeċiedi li terminu li għandu tul ta’ żmien determinat minn qabel jista’ jiġu preżunt bħala li huwa raġonevoli, anki jekk l-imsemmi żball ma jkollu ebda effett fuq ir-regolarità tas-sentenza appellata, peress li, meta tevalwa n-natura raġonevoli tat-terminu, l-imsemmija qorti tirrifjuta l-preżunzjoni li hija kkunsidrat b’mod żbaljat.

Barra minn hekk, l-importanza tal-att għall-karriera tal-uffiċjal ikkonċernat ma taffettwax l-evalwazzjoni tan-natura raġonevoli tat-terminu li fih ġie rtirat. Fil-fatt, ma jistax jiġi kkunsidrat li iktar ma’ att huwa importanti għall-persuna kkonċernata, iktar huwa twil it-terminu li fih l-amministrazzjoni tista’ tirtirah. Min-naħa l-oħra, il-perijodu qasir li matulu l-att, bħal deċiżjoni inizjali ta’ klassifikazzjoni ta’ uffiċjal, ikun ipproduċa effetti, jista’ jittieħed inkunsiderazzjoni mill-qorti sabiex tevalwa n-natura raġonevoli tat-terminu. Fil-fatt, peress li dan il-fatt ikollu effett fuq l-impatt, b’mod partikolari finanzjarju, għall-uffiċjal tal-effett retroattiv tal-irtirar, ma hemm ebda raġuni sabiex jiġu esklużi ċ-ċirkustanzi li jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-evalwazzjoni tan-natura raġonevoli tal-imsemmi terminu.

(ara l-punti 58 u 60 sa 62)

Referenza: Il-Qorti tal-Ġustizzja 12 ta’ Lulju 1957, Algera et vs Assemblea Comuni tal-KEFA, 7/56 u 3/57 sa 7/57, Ġabra p. 81, punt 116; de Compte vs Il‑Parlament, iċċitata iktar ’il fuq; Il-Qorti tal-Ġustizzja 15 ta’ Ottubru 2002, Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il-Kummissjoni, C‑238/99 P, C‑244/99 P, C‑245/99 P, C‑247/99 P, C‑250/99 P sa C‑252/99 P u C‑254/99 P, Ġabra p. I‑8375, punt 187; Pascall vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq.

4.      Fir-rigward tad-dritt għal smigħ ta’ uffiċjal destintarju ta’ att tal-amministrazzjoni, il-fatt li deċiżjoni tikkostitwixxi, mill-perspettiva proċedurali, att li jikkawża preġudizzju ma jippermettix li minn dan jiġi dedott awtomatikament, mingħajr kunsiderazzjoni tan-natura tal-proċeduri miftuħa kontra l-persuna kkonċernata, li l-Awtorità tal-Ħatra għandha l-obbligu li tisma’ effettivament il-persuna kkonċernata qabel l-adozzjoni tagħha. Madankollu, deċiżjoni li taffettwa l-istatus amministrattiv ta’ uffiċjal, b’mod partikolari meta din tista’ taffettwa l-karriera ta’ dan l-uffiċjal, sa fejn hija tista’ tinfluwenza l-prospetti professjonali tiegħu u tirriżulta fi tnaqqis tar-remunerazzjoni tiegħu, teħtieġ l-applikazzjoni tal-prinċipju tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża, prinċipju fundamentali tad-dritt tal-Unjoni, anki fin-nuqqas ta’ kwalunkwe leġiżlazzjoni li tirregola l-proċedura inkwistjoni. Għaldaqstant, tali deċiżjoni tista’ tittieħed biss wara li l-persuna kkonċernata setgħet effettivament tagħti l-fehma tagħha dwar is-suġġett tal-abbozz ta’ deċiżjoni.

(punti 75 u 77)

Referenza: Il-Qorti tal-Ġustizzja 29 ta’ April 2004, Il-Parlament vs Reynolds, C‑111/02 P, Ġabra p. I‑5475, punt 57; Il-Qorti tal-Ġustizzja 6 ta’ Diċembru 2007, Marcuccio vs Il-Kummissjoni, C‑59/06 P, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punti 45 sa 47, u l-ġurisprudenza ċċitata.

5.      Fir-rigward ta’ talba għall-kumpens għad-danni morali, anki jekk jitqies li l-qorti tal-Unjoni, meta teżerċita l-ġurisdizzjoni sħiħa rikonoxxuta lilha, b’mod partikolari fil-kawżi ta’ natura finanzjarja permezz tal-Artikolu 91(1) tar-Regolamenti tal-Persunal, għandha s-setgħa li żżid l-ammont tal-kumpens li tagħti lir-rikorrent, meta mqabbel ma’ dak mitlub mill-istess rikorrent, ma jistax jiġi aċċettat li l-qorti tal-Unjoni tista’ tagħmel użu minn tali setgħa mingħajr ma tistieden, minn qabel, lill-parti li ser tkun responsabbli għall-ħlas tal-imsemmija żieda sabiex tikkummenta dwar din l-eventwalità.

Barra minn hekk, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-ammissibbiltà ta’ tali talba, ir-rikors għandu jiddikjara s-suġġett tal-kawża u jkollu sunt tal-motivi invokati b’mod ċar u preċiż biżżejjed, b’mod partikolari sabiex il-konvenut ikun jista’ jipprepara d-difiża tiegħu. Dan ma jfissirx li r-rikorrent għandu neċessarjament jikkwantifika l-ammont tad-danni allegati. Madankollu, huwa għandu jiddikjara l-elementi meħtieġa sabiex jiġu evalwati n-natura u l-portata tagħhom, b’mod partikolari sabiex il-konvenut ikun jista’ jiddefendi ruħu.

B’mod partikolari, talba għall-kumpens għad-danni morali, b’mod simboliku jew għall-ksib ta’ kumpens reali, għandha tispeċifika n-natura tad-danni allegati fir-rigward tal-aġir allegat kontra l-konvenut u, anki b’mod approssimattiv, għandha tagħti stima ta’ dawn id-danni kollha. Fil-fatt, huwa minnu li l-ġurisdizzjoni sħiħa tagħti lill-qorti tal-Unjoni l-missjoni li tipprovdi soluzzjoni sħiħa għat-tilwim li għandha quddiema u tippermettilha, anki fin-nuqqas ta’ talbiet regolari f’dan is-sens, mhux biss li tannulla, iżda wkoll, jekk ikun meħtieġ, li tikkundanna ex officio lill-konvenut għall-ħlas ta’ kumpens għad-danni morali kkawżati mill-iżball amministrattiv tiegħu. Madankollu, il-qorti tal-Unjoni ma tistax, bħala prinċipju, tagħmel dan mingħajr ma tkun stiednet minn qabel lill-partijiet sabiex jissottomettu l-kummenti tagħhom dwar l-għoti eventwali ta’ tali kumpens. Konsegwentement, il‑ġurisdizzjoni sħiħa mogħtija lill‑qrati tal-Unjoni fit‑tilwim ta’ natura finanzjarja bejn l‑istituzzjonijiet u l‑membri tal-persunal tagħhom ma tistax titqies bħala li tagħti lil dawn il‑qrati s‑setgħa li jeskludu tali tilwim mill‑osservanza tar‑regoli proċedurali marbuta mal‑prinċipju ta’ kontradittorju. Din il-konklużjoni hija kkorroborata mill-ġurisprudenza dwar is-sanzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 261 TFUE, li minnha jirriżulta li l-possibbiltà li l-qorti tal-Unjoni, fl-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, iżżid l-ammont tal-imsemmija sanzjonijiet ma għandhiex tintuża abbażi ta’ elementi, ċirkustanzi jew kriterji li l-parti kkonċernata ma setgħetx tipprevedi t-teħid inkunsiderazzjoni tagħhom. Meta din il-parti ma tkunx instemgħet dwar il-possibbiltà ta’ tali żieda u meta, għaldaqstant, la kellha l-opportunità li tikkummenta fuqha u lanqas fuq il-fatturi li jistgħu jaffettwaw l-importanza tagħha, il-qorti tal-Unjoni ma twettaqx tali reviżjoni.

(ara l-punti 83, 86, 88 u 89)

Referenza: konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Verloren van Themaat fil-kawża deċiża mill-Qorti tal-Ġustizzja fl-10 ta’ Diċembru 1985, Stichting Sigarettenindustrie et vs Il-Kummissjoni, 240/82 sa 242/82, 261/82, 262/82, 268/82 u 269/82, Ġabra p. 3831, p. 3851; Il-Qorti tal-Ġustizzja 8 ta’ Frar 2007, Groupe Danone vs Il-Kummissjoni, C‑3/06 P, Ġabra p. I‑1331, punti 82 u 83; Il‑Qorti tal-Ġustizzja 17 ta’ Diċembru 2009, M vs EMEA, C‑197/09 RX‑II, Ġabra p. I‑12033, punti 56 sa 58, u l-ġurisprudenza ċċitata; Il-Qorti Ġenerali 15 ta’ Ġunju 1999, Ismeri Europa vs Il-Qorti tal-Awdituri, T‑277/97, Ġabra p. II‑1825, punti 28 sa 30 u 81, u l-ġurisprudenza ċċitata; Il-Qorti Ġenerali 9 ta’ Lulju 2003, Archer Daniels Midland u Archer Daniels Midland Ingredients vs Il-Kummissjoni, T‑224/00, Ġabra p. II‑2597, punti 374 sa 376; Il-Qorti Ġenerali 8 ta’ Lulju 2004, JFE Engineering vs Il‑Kummissjoni, T‑67/00, T‑68/00, T‑71/00 u T‑78/00, Ġabra p. II‑2501, punt 578

6.      Ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża jimplika li l‑partijiet fi proċess għandhom id-dritt li jkollhom l‑opportunità jieħdu pożizzjoni dwar il‑fatti u d‑dokumenti li fuqhom ser tkun ibbażata deċiżjoni ġudizzjarja, kif ukoll li jiddiskutu l‑provi u l‑osservazzjonijiet ippreżentati quddiem il‑qorti u l-motivi li fuqhom il‑qorti għandha l-intenzjoni tibbaża d‑deċiżjoni tagħha. Sabiex ikunu sodisfatti r‑rekwiżiti marbuta mad‑dritt ta’ smigħ xieraq, huwa importanti li l‑partijiet ikollhom l‑opportunità ta’ trattazzjoni kemm fuq punti ta’ fatti kif ukoll fuq punti ta’ liġi li huma deċiżivi għall‑eżitu tal‑proċedura. Dan id-dritt għandu jinftiehem fis-sens li jiżgura li l-partijiet ma jiffaċċjawx deċiżjoni ġudizzjarja li tkun għal kollox mhux mistennija. Dan ma jfissirx madankollu li l-qorti għandha tagħti lill-partijiet id-dritt għal smigħ dwar kull punt tal-evalwazzjoni ġuridika tagħha qabel ma tagħti s-sentenza tagħha.

(ara l-punti 84 u 85)

Referenza: konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott fil-kawża deċiża mill-Qorti tal-Ġustizzja fit-18 ta’ Jannar 2007, PKK u KNK vs Il-Kunsill, C‑229/05 P, Ġabra p. I‑439, punti 66 u 67; M vs EMEA, iċċitata iktar ’il fuq, punt 41, u l-ġurisprudenza ċċitata