Language of document :

Rikors ippreżentat fis-17 ta' Novembru 2008 - Power-One Italy vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-489/08)

Lingwa tal-kawża: It-Taljan

Partijiet

Rikorrenti: Power-One Italy SpA (Terranova Bracciolini, l-Italja) (rappreżentanti: R. Giuffrida, avukat, A. Giussani, avukat)

Konvenuta: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

Talbiet tar-rikorrenti

tikkundanna lill-Kummissjoni Ewropea skont l-Artikolu 288 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea sabiex tikkumpensa lil Power One Italy spa għad-danni kollha subiti li jammontaw għal EUR 2 876 188,99 jew l-ispiża sostnuta għall-proġett PNEUMA, jew dik is-somma superjuri jew inferjuri li l-Qorti jidhrilha li huwa xieraq.

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Dan ir-rikors jirrigwarda d-deċiżjoni ta' waqfien tal-proġett imsemmi "Pneuma", u ta' rkupru tas-somma mogħtija bħala ħlas bil-quddiem għall-iffinanzjar tiegħu. Dan il-proġett kellu bħala għan, il-ħolqien ta' sistema innovattiva UPS għall-provvista, permezz ta' l-użu ta' riżerva ta' arja kompressa, ta' enerġija lill-apparati tal-istazzjonijiet bażi radju ta' telefonija mobbli. Għat-twettieq tiegħu, ir-rikorrenti daħlet fi ftehim mal-imsieħba strateġiċi b'mod partikolari mal-Università ta' Firenze, li kellha tieħu ħsieb l-ipproġettar u t-titjib tal-parti dinamika u t-testijiet tal-prototipi tas-sistema l-ġdida, ENEA u FEBE ECOLOGIC, għall-analiżi ambjentali tal-UPS il-ġdid, u ma' TELEFONICA MOVILES, li pprovdiet stazzjonijiet bażi radju fit-territorju Spanjol sabiex ikunu jistgħu jsiru testijiet fuq il-prototipi taħt kundizzjonijiet operattivi reali.

Wara din id-deċiżjoni tal-Kummissjoni, ir-rikorrenti kellha tħallas lura s-somma kollha mogħtija lilha bħala ħlas bil-quddiem għall-finanzjament, fejn, barra minn dan, kienet kostretta twieġeb lill-imsieħba strateġiċi tagħha li kienu qegħdin jitolbu l-ħlas ta' kumpens. F'kull każ, Power One wettqet u temmet il-proġett bi spejjeż tagħha stess, anki billi ħadet inkunsiderazzjoni l-aspettativi leġittimi li hija poġġiet fuq l-estensjonijiet fit-termini li dejjem ingħataw mill-Kummissjoni, bi spiża ta' EUR 2 876 188,89 u billi l-apparat inkwistjoni kien operattiv u jiffunzjona fi Spanja hekk kif miftiehem mal-konvenuta u mal-imsieħba.

In sostenn tal-allegazzjonijiet tagħha, ir-rikorrenti ssotni:

Il-ksur tal-Artikolu 10 tar-Regolament (KE) Nru 1655/2000 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-17 ta' Lulju 2000, dwar l-Istrument Finanzjarju għall-Ambjent (LIFE).1

In-nuqqas ta' applikabbiltà tal-Artikolu 14 tar-Regoli amministrattivi standard tal-proġetti LIFE, safejn ir-rikorrenti dejjem żammet imġieba ta' kollaborazzjoni stretta u koerenti u dejjem wieġbet mill-ewwel għal kull talba min-naħa tal-Kummissjoni. Barra minn hekk, il-proġett "Pneuma" twettaq kompletament, sar operattiv u ġie ttestjat.

L-aspett diskriminatorju tad-deċiżjoni inkwistjoni u l-ksur tal-prinċipju komuni tal-aspettattivi leġittimi.

____________

1 - ĠU L 192, 28.7.2000, p. 1