Language of document : ECLI:EU:C:2002:493

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA

17 ta’ Settembru 2002 (*)

“Moviment liberu tal-persuni – Ħaddiem migrant – Drittijiet ta’ residenza tal-membri tal-familja tal-ħaddiem migrant – Drittijiet tat-tfal li jistudjaw fl-Istat Membru ospitanti – Artikoli 10 u 12 tar-Regolament (KEE) Nru 1612/68 – Ċittadinanza ta’ l-Unjoni Ewropea – Dritt ta’ residenza – Direttiva 90/364/KEE – Limitazzjonijiet u kundizzjonijiet”

Fil-kawża C-413/99,

li għanda bħala suġġett talba magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja, skond l-Artikolu 234 KE, mill-Immigration Appel Tribunal (ir-Renju Unit) intiża sabiex, fil-kawżi pendenti quddiem dik il-qorti bejn

Baumbast,

R

u

Secretary of State for the Home Department,

tingħata deċiżjoni preliminari dwar l-interpretazzjoni ta’ l-Artikolu 18 KE u ta’ l-Artikolu 12 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1612/68, tal-15 ta’ Ottubru 1968, dwar il-libertà tal-moviment għall-ħaddiema fi ħdan il-Komunità (ĠU L 257, p. 2),

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA,

komposta minn G. C. Rodríguez Iglesias, President, P. Jann, F. Macken (Relatur), N. Colneric u S. von Bahr, Presidenti ta’ Awla, C. Gulmann, D. A. O. Edward, A. La Pergola, J.-P. Puissochet, M. Wathelet, V. Skouris, J. N. Cunha Rodrigues u C. W. A. Timmermans, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: L. A. Geelhoed,

Reġistratur: L. Hewlett, Amministratur,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet bil-miktub ippreżentati:

–        għas-Sur u għas-Sinjura Baumbast, kif ukoll għal Maria Fernanda Sarmiento u Idanella Baumbast, minn N. Blake u L. Fransman, QC, bħala rappreżentanti ta’ M. Davidson, solicitor, u għal R, minn N. Blake u S. Harrison, barrister, bħala rappreżentanti ta’ B. Andonian, solicitor,

–        għall-Gvern tar-Renju Unit, minn J. E. Collins, bħala aġent, assistit minn P. Saini, barrister,

–        għall-Gvern Ġermaniż, minn W.-D. Plessing u B. Muttelsee-Schön, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn N. Yerrell u C. O'Reilly, bħala aġenti,

wara li rat ir-rapport għas-seduta,

wara li semgħet l-osservazzjonijiet orali tas-Sinjuri Baumbast kif ukoll ta’ Maria Fernanda Sarmiento u ta’ Idanella Baumbast, ta’ R, tal-Gvern tar-Renju Unit u tal-Kummissjoni, fis-seduta tas-6 ta’ Marzu 2001,

wara li semgħet il-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-5 ta’ Lulju 2001,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz ta’ digriet tat-28 ta’ Mejju 1999, li wasal fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-28 ta’ Ottubru ta’ wara, l-Immigration Appeal Tribunal ressaq, skond l-Artikolu 234 KE, erba’ domandi preliminari dwar l-interpretazzjoni ta’ l-Artikolu 18 KE u ta’ l-Artikolu 12 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1612/68, tal-15 ta’ Ottubru 1968, dwar il-libertà tal-moviment għall-ħaddiema fi ħdan il-Komunità (ĠU L 257, p. 2).

2        Dawn id-domandi tqajmu fil-kuntest ta’ kawżi bejn, minn naħa, is-Sinjuri Baumbast kif ukoll Maria Fernanda Sarmiento u Idanella Baumbast (iktar ’il quddiem, flimkien, il-“familja Baumbast”) u, min-naħa l-oħra, R, kontra s-Secretary of State for the Home Department (iktar ’il quddiem is-“Secretary of State”) dwar ir-rifjut minn dan ta’ l-aħħar li joħroġ awtorizzazzjonijiet ta’ residenza fit-territorju tar-Renju Unit.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dispożizzjonjiet tad-dritt Komunitarju

3        Skond l-Artikolu 17 KE:

“1.      Qed tiġi stabbilita ċ-Ċittadinanza ta’ l-Unjoni. Kull persuna li għandha ċ-ċittadinanza ta’ Stat Membru għandha tkun ċittadin ta’ l-Unjoni. Iċ-Ċittadinanza ta’ l-Unjoni għandha tikkumplimenta u mhux tissostitwixxi iċ-ċittadinanza nazzjonali.

2.      Iċ-ċittadini ta’ l-Unjoni għandhom igawdu d-drittijiet mogħtija minn dan it-Trattat u jkunu marbutin bid-dmirijiet imposti minnu.”

4        L-Artikolu 18(1) KE jipprovdi li kull ċittadin ta’ l-Unjoni għandu d-dritt li jmur minn post għal ieħor u li joqgħod liberament fit-territorju ta’ l-Istati Membri, salvi l-limitazzjonijiet u l-kundizzjonijiet stabbiliti fit-Trattat KE u fid-dispożizzjonijiet meħuda biex dan jitwettaq.

5        L-Artikoli 10 sa 12 tar-Regolament Nru 1612/68 jiddikjaraw hekk:

Artikolu 10

1. Dawn li ġejjin għandhom, irrispettivament miċ-ċittadinanza tagħhom, ikollhom id-dritt li jinstallaw ruħhom ma’ ħaddiem li hu ċittadin ta’ Stat Membru wieħed u li hu mpjegat fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor:

a)      il-mara [il-konjuġi] tiegħu u d-dixxendenti tagħhom li huma taħt l-età ta’ 21 sena jew huma dipendenti;

b)      qraba dipendenti fil-linja axxendenti tal-ħaddiem u [ta]l-mara [tal-konjuġi] tiegħu.

2. Stati Membri għandhom jiffaċilitaw id-dħul ta’ kwalunkwe membru tal-familja li ma jaqax taħt il-paragrafu 1 jekk ikun dipendenti fuq il-ħaddiem li saret referenza għalih hawn fuq jew ikun qed jgħix taħt is-saqaf tiegħu fil-pajjiż mnejn ġie.

3. Għall-iskopijiet ta’ paragrafi 1 u 2, il-ħaddiem għandu jkollu disponibbli għall-familja tiegħu dar għall-abitazzjoni meqjusa bħala normali għall-ħaddiema ċittadini ta’ dak l-Istat fir-reġjun fejn hu jkun impjegat; din id-dispożizzjoni, madanakollu m’għandux joħloq [m’għandhiex toħloq] diskriminazzjoni bejn ħaddiema ċittadini u ħaddiema mill-Istati Membri l-oħra.

Artikolu 11

Fejn ċittadin ta’ xi Stat Membru jkun qed iwettaq attività bħala mpjegat jew persuna li taħdem għal rasha fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor, il-konjuġi tagħha [tiegħu] u t-tfal li huma taħt l-età ta’ 21 sena jew dipendenti fuqu għandu jkollhom id-dritt li jidħlu għal kwalunkwe attività bħala persuna mpjegata fit-territorju kollu ta’ dak l-istess Stat, anki jekk ma jkunux persuni ċittadini ta’ xi Stat Membru.

Artikolu 12

It-tfal ta’ ċittadin ta’ Stat Membru li hu jew kien impjegata fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor għandhom ikunu ammessi għall-korsijiet edukattivi ġenerali, ta’ apprendistat [taħriġ] u professjonali ta’ dak l-Istat taħt l-istess kondizzjonijiet bħal ċittadini ta’ dak l-Istat, jekk dawn it-tfal ikunu qegħdin jgħixu fit-territorju tiegħu.

Stati Membri għandhom jinkoraġġixu l-isforzi kollha biex dawn it-tfal ikunu jistgħu jattendu għal dawn il-korsijiet taħt l-aħjar kondizzjonijiet possibbli.”

6        Skond l-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 1(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 90/364/KEE, tat-28 ta’ Ġunju 1990, dwar id-dritt ta’ residenza (ĠU L 180, p. 26), l-Istati Membri għandhom jagħtu d-dritt ta’ residenza liċ-ċittadini ta’ l-Istati Membri li ma jgawdux minn dan id-dritt taħt dispożizzjonijiet oħra tad-dritt Komunitarju, kif ukoll lill-membri tal-familja tagħhom kif iddefiniti fl-Artikolu 1(2) ta’ din l-istess direttiva, bil-kundizzjoni li jkollhom, għalihom stess u għall-membri tal-familja tagħhom, assigurazzjoni kontra l-mard li tkopri r-riskji kollha fl-Istat Membru ospitanti u riżorsi biżżejjed sabiex jiġi evitat li jsiru piż għas-servizzi soċjali ta’ l-Istat Membru ospitanti matul il-perijodu ta’ residenza tagħhom.

7        Skond it-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 90/364, ir-riżorsi msemmija fl-ewwel subparagrafu jkunu biżżejjed meta jkunu ogħla mil-livell minimu ta’ riżorsi li jekk ma jintlaħaqx tkun tista’ tingħata assistenza soċjali mill-Istat Membru ospitanti liċ-ċittadini tiegħu, fid-dawl taċ-ċirkustanzi personali ta’ l-applikant u, jekk ikun il-każ, dawk tal-persuni ammessi skond l-Artikolu 1(2) ta’ din id-direttiva.

8        It-tielet subparagrafu ta’ l-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 90/364 jipprovdi li, meta t-tieni subparagrafu ma jistax jiġi applikat, ir-riżorsi ta’ l-applikant għandhom jitqiesu bħala biżżejjed jekk ikunu ogħla mil-livell tal-pensjoni minima tas-sigurtà soċjali mħallsa mill-Istat Membru ospitanti.

9        Skond l-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 90/364:

“Is-segwenti għandhom, irrispettivament min-nazzjonalità tagħhom, ikollhom id-dritt li jistabbilixxu ruħhom fi Stat Membru ieħor mad-detentur tad-dritt ta’ residenza:

a)      il-mara jew ir-raġel tiegħu/tagħha u d-dixxendenti tagħhom li huma dipendenti;

b)      qraba dipendenti fil-linja ta’ l-axxendenti tad-detentur tad-dritt ta’ residenza u l-mara jew ir-ragel tiegħu/tagħha.”

10      L-Artikolu 3 tad-Direttiva 90/364 jipprovdi li d-dritt ta’ residenza jibqa’ sakemm il-benefiċċjarji ta’ dan id-dritt jissodisfaw il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva.

 Id-dispożizzjonjiet nazzjonali

11      L-Artikolu 7(1) ta’ l-Immigration Act 1988 (Liġi ta’ l-1998 dwar l-immigrazzjoni) jipprovdi:

“Persuna m’għandhiex titlob l-awtorizzazzjoni sabiex tidħol jew tibqa’ fir-Renju Unit skond [l-Immigration Act 1988] meta tkun intitolata tagħmel hekk bis-saħħa ta’ dritt Komunitarju li hija tista’ tinvoka direttament jew bis-saħħa ta’ xi dispożizzjoni oħra adottata taħt l-Artikolu 2(2) tal-European Communities Act 1972 [Liġi ta’ l-1972 dwar il-Komunitajiet Ewropej].”

12      L-Artikolu 3 ta’ l-Immigration (European Economic Area) Order 1994 (Digriet ta’ l-1994 dwar l-immigrazzjoni miż-Żona Ekonomika Ewropea, 1994 SI 1895, iktar ’il quddiem l-“EEA Order”) jistabbilixxi l-prinċipju ġenerali li ċ-ċittadini ta’ parti kontraenti fil-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, tat-2 ta’ Mejju 1992 (ĠU 1994, L 1, p. 3, iktar ’il quddiem il-“Ftehim ŻEE”), kif ukoll il-membri tal-familja tagħhom, għandhom jiġu aċċettati fir-Renju Unit fuq sempliċi preżentazzjoni ta’ dokument ta’ identità jew ta’ passaport li jkunu validi.

13      Skond l-Artikolu 4(1) ta’ l-EEA Order, “persuna eliġibbli” għandha d-dritt tirrisjedi fir-Renju Unit sakemm tgawdi minn din id-deskrizzjoni. Dan id-dritt huwa estiż għall-membri tal-familja, inkluż il-konjuġi, bl-Artikolu 4(2) ta’ l-EEA Order.

14      Skond l-Artikolu 6 ta’ l-EEA Order, jikkostitwixxi tali “persuna eliġibbli”, b’mod partikolari, iċ-ċittadin ta’ parti kontraenti fil-Ftehim ŻEE li jeżerċita attività bħala ħaddiem fir-Renju Unit.

15      Il-punt 255 tal-United Kingdom Immigration Rules (House of Commons Paper 395) (Regoli dwar l-immigrazzjoni adottati mill-House of Commons tar-Renju Unit fl-1994, iktar ’il quddiem l-“Immigration Rules”) jipprovdi:

“Ċittadin taż-ŻEE (apparti studenti), jew il-membru tal-familja ta’ tali persuna, li jkun kiseb permess ta’ residenza jew dritt ta’ residenza validu għal ħames snin u li għex fir-Renju Unit, in konformità mad-dispożizzjonijiet ta’ l-EEA Order 1994, għal erba’ snin u għadu jgħix fir-Renju Unit, jista’, wara applikazzjoni min-naħa tiegħu, jkollu l-permess ta’ residenza tiegħu jew, jekk ikun il-każ, id-dokument li jagħtih id-dritt ta’ residenza, immarkat b’indikazzjoni li huwa awtorizzat jgħix għal żmien indefinit fit-territorju tar-Renju Unit.”

 Il-kawżi prinċipali

 Il-kawża Baumbast

16      Is-Sinjura Baumbast, ta’ nazzjonalità Kolumbjana, iżżewġet fir-Renju Unit, f’Mejju 1990, lis-Sur Baumbast, li huwa ċittadin Ġermaniż. Il-familja tagħhom hija magħmula minn żewġt ibniet, il-kbira, Maria Fernanda Sarmiento, li hija l-bint naturali tas-Sinjura Baumbast u li hija ta’ nazzjonalità Kolumbjana, u ż-żgħira, Idanella Baumbast, li għandha nazzjonalità doppja, dik Ġermaniża u dik Kolumbjana.

17      Mid-digriet tar-rinviju jirriżulta li, għall-ħtiġijiet tat-talba għal deċiżjoni preliminari, il-partijiet fil-kawża prinċipali qablu li, fir-rigward ta’ kwistjonijiet ta’ dritt Komunitarju, Maria Fernanda Sarmiento hija kkunsidrata wkoll bħala membru tal-familja tas-Sur Baumbast. Għaldaqstant, fid-digriet tar-rinviju hija indikata bħala waħda miż-żewġt itfal ta’ din il-familja.

18      F’Ġunju 1990, il-membri tal-familja Baumbast ingħataw permess ta’ residenza validu għal ħames snin. Bejn l-1990 u l-1993, is-Sur Baumbast eżerċita attività ekonomika fir-Renju Unit, inizjalment bħala impjegat u mbagħad bħala kap ta’ impriża. Madankollu, wara li l-impriża tiegħu falliet u minħabba li ma sabx impjieg imħallas tajjeb biżżejjed fir-Renju Unit, huwa ħadem, wara l-1993, ma’ kumpanniji Ġermaniżi li joperaw fiċ-Ċina u fil-Lesoto. Minkejja li s-Sur Baumbast baqa’, minn dak iż-żmien, ifittex xogħol b’mod regolari fir-Renju Unit, il-pożizzjoni professjonali ma kinitx inbidlet fid-data tad-digriet tar-rinviju.

19      Matul il-perijodu kkunsidrat, is-Sinjuri Baumbast kellhom dar fir-Renju Unit u t-tfal tagħhom kienu jattendu l-iskola hemmhekk. Huma ma kinux jirċievu benefiċċji soċjali u peress li kienu koperti b’assigurazzjoni medika sħiħa fil-Ġermanja, huma kienu jmorru hemmhekk, meta kien ikollhom bżonn, sabiex jirċievu kura medika.

20      F’Mejju 1995, is-Sinjura Baumbast applikat għal awtorizzazzjoni ta’ residenza għal żmien indefinit (“indefinite leave to remain”) fir-Renju Unit għaliha stess u għall-membri l-oħra tal-familja tagħha. F’Jannar 1996, is-Secretary of State irrifjuta li jġedded il-permess ta’ residenza tas-Sur Baumbast kif ukoll id-dokumenti ta’ residenza tas-Sinjura Baumbast u tat-tfal tagħha.

21      Fit-12 ta’ Jannar 1998, dan ir-rifjut kien is-suġġett ta’ rikors quddiem l-Immigration Adjudicator (ir-Renju Unit). Dan irrileva li s-Sur Baumbast la kien ħaddiem u lanqas ma’ kien persuna li għandha dritt ġenerali ta’ residenza fis-sens tad-Direttiva 90/364. Fir-rigward tat-tfal, l-Immigration Adjudicator iddeċieda li dawn kienu jgawdu minn dritt ta’ residenza f’isimhom stess bis-saħħa ta’ l-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 1612/68. Barra minn hekk, huwa ddeċieda li s-Sinjura Baumbast kienet tibbenefika minn dritt ta’ residenza għal perijodu li jikkorrispondi għal dak li matulu t-tfal tagħha jgawdu d-drittijiet previsti fl-Artikolu 12 ta’ dan ir-regolament. Skond l-Immigration Adjudicator, id-drittijiet tas-Sinjura Baumbast kienu joħorġu mill-obbligu impost fuq l-Istati Membri, bis-saħħa ta’ din id-dispożizzjoni, li jinkoraġġixxu l-isforzi sabiex it-tfal isegwu korsijiet fl-Istat Membru ospitanti fl-aħjar kundizzjonijiet.

22      Is-Sur Baumbast appella mid-deċiżjoni ta’ l-Immigration Adjudicator fir-rigward tiegħu quddiem il-qorti tar-rinviju. Min-naħa tiegħu, is-Secretary of State appella quddiem dik il-qorti mid-deċiżjoni fil-parti li tikkonċerna lis-Sinjura Baumbast u liż-żewġt itfal tagħha.

 Il-kawża R

23      R, ta’ nazzjonalità Amerikana, hija l-omm ta’ żewġ itfal, mill-ewwel żwieġ tagħha ma’ ċittadin Franċiż, li għandhom nazzjonalità doppja, dik Franċiża u dik Amerikana. Hija stabbiliet ruħha fir-Renju Unit fl-1990 bħala konjuġi ta’ ċittadin Komunitarju li tgawdi mid-drittijiet mogħtija mit-Trattat KE u ġiet awtorizzata tgħix fir-Renju Unit sa Ottubru 1995.

24      R u l-ewwel raġel tagħha ddivorzjaw f’Settembru 1992 iżda f’dak iż-żmien is-Secretary of State ma ħa ebda miżura fir-rigward ta’ l-istatus ta’ immigranta ta’ R u din baqgħet tgħix fir-Renju Unit. Skond il-kundizzjonijiet applikabbli għad-divorzju, it-tfal kellhom jibqgħu jgħixu ma’ ommhom l-Ingilterra jew f’Wales għal perijodu ta’ mill-inqas ħames snin mid-data tad-divorzju jew għal kull tul ta’ żmien ieħor iddeterminat bi qbil bejn il-partijiet. Wara d-divorzju, it-tfal kellhom kuntatti regolari ma’ missierhom, li baqa’ jgħix u jaħdem fir-Renju Unit u li flimkien ma’ ommhom kien responsabbli għall-edukazzjoni tagħhom, kemm mill-aspett emozzjonali u kif ukoll mill-aspett finanzjarju.

25      Mill-proċess tal-kawża prinċipali jirriżulta wkoll li, matul ir-residenza tagħha fir-Renju Unit, R xtrat dwar u fetħet aġenzija li tispeċjalizza fid-disinn intern u li fiha investiet somom sostanzjali. Fl-1997 hija żżewġet mill-ġdid, din id-darba lil ċittadin Ingliż.

26      F’Ottubru 1995 tressqet applikazzjoni għal awtorizzazzjoni għal residenza għal żmien indefinit fir-Renju Unit f’isem R u ż-żewġt itfal tagħha skond id-dritt nazzjonali. Fit-3 ta’ Diċembru 1996 it-tfal ingħataw dritt ta’ residenza għal żmien indefinit fir-Renju Unit bħala membri tal-familja ta’ ħaddiem migrant. L-applikazzjoni fir-rigward ta’ R madankollu ġiet miċħuda peress li s-Secretary of State ma kienx konvint li s-sitwazzjoni tal-familja kienet eċċezzjonali b’tali mod li tiġġustifika l-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tiegħu. Fil-fehma tiegħu t-tfal kienu għadhom żgħar biżżejjed sabiex jadattaw ruħhom għall-ħajja fl-Istati Uniti jekk imorru hemmhekk ma’ ommhom.

27      Waħda mid-domandi mqajma fil-kuntest tar-rikors imressaq quddiem l-Immigration Adjudicator kontra r-rifjut tas-Secretary of State li jawtorizza dritt ta’ residenza għal R għal żmien indefinit tikkonċerna l-kwistjoni jekk dan ir-rifjut kienx ta’ natura li jippreġudika d-drittijiet li kellhom it-tfal tagħha taħt id-dritt Komunitarju li jistudjaw u jgħixu fir-Renju Unit, kif ukoll id-dritt għall-ħajja tal-familja. L-Immigration Adjudicator ċaħad dan ir-rikors b’deċiżjoni li minnha R appellat quddiem l-Immigration Appeal Tribunal.

 Id-domandi preliminari

28      Peress li kkunsidra li l-kawżi li kellu quddiemu kienu jeħtieġu l-interpretazzjoni ta’ l-Artikolu 18 KE u tar-Regolament Nru 1612/68, l-Immigration Appeal Tribunal iddeċieda li jissospendi l-proċeduri quddiemu u li jagħmel id-domandi preliminari segwenti lill-Qorti tal-Ġustizza:

“Id-domandi komuni għaż-żewġ kawżi

1)      a)     It-tfal ta’ ċittadin ta’ l-Unjoni Ewropea li jkunu huma stess ċittadini ta’ l-Unjoni u li stabbilixew ruħhom fi Stat Membru matul il-perijodu li kienu qegħdin jattendu l-iskola primarja filwaqt li missierhom (jew ġenitur tagħhom) kien jeżerċita drittijiet ta’ residenza bħala ħaddiem f’dan l-Istat Membru li mhuwiex ċittadin tiegħu (‘pajjiż ospitanti’) għandhom dritt ta’ residenza fil-pajjiż ospitanti sabiex isegwu korsijiet edukattivi ġenerali, in konformità ma’ l-Artikolu 12 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1612/68?

b)      Safejn ir-risposta għad-domanda preċedenti tista’ tvarja skond dawn iċ-ċirkustanzi:

i)      il-ġenituri jkunu divorzjati,

ii)               ġenitur wieħed biss ikun ċittadin ta’ l-Unjoni Ewropea u dan il-ġenitur ma jkunx għadu jaħdem fil-pajjiż ospitanti;

iii)      it-tfal stess mhumiex ċittadini ta’ l-Unjoni Ewropea;

liema huma l-kriterji li l-awtoritajiet nazzjonali għandhom japplikaw?

2)      Fil-każ li t-tfal jibbenefikaw minn dritt ta’ residenza f’pajjiż ospitanti sabiex hemmhekk isegwu korsijiet edukattivi ġenerali in konformità ma’ l-Artikolu 12 tar-Regolament (KEE) Nru 1612/68, l-obbligu li għandu l-pajjiż ospitanti biex jinkoraġġixxi ‘l-isforzi kollha biex dawn it-tfal ikunu jistgħu jattendu għal dawn il-korsijiet taħt l-aħjar kondizzjonijiet possibbli’ għandu jiġi interpretat fis-sens li jippermetti lill-ġenitur li effettivament huwa responsabbli għall-kura tat-tfal (‘primary carer’), irrispettivament minn jekk ikunx jew le ċittadin ta’ l-Unjoni, sabiex jgħix magħhom b’mod li jiġi ffaċilitat l-eżerċizzju tad-dritt imsemmi minkejja l-fatt li:

i)      il-ġenituri tagħhom ikunu divorzjati, jew

ii)      missierhom, li huwa ċittadin ta’ l-Unjoni Ewropea, ma jkunx għadu jaħdemu fil-pajjiż ospitanti?

Id-domandi partikolari għall-kawża Baumbast

3)      a)     Fid-dawl tal-fatti fil-kawża tas-Sur Baumbast, dan jista’, bħala ċittadin ta’ l-Unjoni Ewropea, jibbenefika minn dritt ta’ residenza applikabbli direttament fi Stat Membru ieħor ta’ l-Unjoni Ewropea in konformità ma’ l-Artikolu 18 KE (li qabel kien l-Artikolu 8A) meta ma jkunx għadu jibbenefika minn drittijiet ta’ residenza bħala ħaddiem in konformità ma’ l-Artikolu 39 KE (li qabel kien l-Artikolu 48) u meta ma jibbenefikax minn dritt ta’ residenza fil-pajjiż ospitanti bis-saħħa ta’ xi dispożizzjoni oħra tad-dritt Komunitarju?

b)      Fl-affermattiv, il-mara u t-tfal tiegħu jibbenefikaw għalhekk minn drittijiet derivati ta’ residenza, ta’ xogħol u oħrajn?

c)      Fl-affermattiv, huma jgawdu minn dawn id-drittijiet bis-saħħa ta’ l-Artikoli 11 u 12 tar-Regolament (KEE) Nru 1612/68 jew bis-saħħa ta’ xi dispożizzjoni oħra tad-dritt Komunitarju (u, jekk iva, bis-saħħa ta’ liema dispożizzjoni)?

4)      a)     Safejn għad-domanda preċedenti tingħata risposta li ma tkunx favorevoli għaċ-ċittadin ta’ l-Unjoni, il-membri tal-familja tiegħu jibqgħu jgawdu d-drittijiet derivati li huma jkunu oriġinarjament kisbu bħala membri tal-familja meta stabbilixew ruħhom fir-Renju Unit flimkien ma’ ħaddiem?

b)      Fl-affermattiv, liema huma l-kundizzjonijiet applikabbli?”

 Fuq l-ammissibbiltà ta’ l-ewwel żewġ domandi preliminari

29      Preliminarjament, għandu jiġi kkonstatat li mill-osservazzjonijiet sottomessi lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, bejn meta nbdiet il-proċedura fil-kawża prinċipali u r-rinviju għal deċiżjoni preliminari, kemm is-Sinjura Baumbast u ż-żewġt itfal tagħha u kemm R kisbu awtorizzazzjonijiet ta’ residenza għal żmien indefinit fir-Renju Unit. Fil-każ ta’ R, l-għoti ta’ dan il-permess huwa probabbilment dovut għall-fatt li żżewġet ċittadin Ingliż, minkejja li l-qorti tar-rinviju ma tat ebda indikazzjoni f’dan ir-rigward. Dan ifisser li s-Sur Baumbast biss ma kisibx awtorizzazzjoni ta’ residenza għal żmien indefinit.

30      F’dawn iċ-ċirkustanzi għandu jiġi eżaminat jekk l-ewwel żewġ domandi preliminari magħmula mill-qorti tar-rinviju humiex ammissibbli.

31      Il-proċedura prevista fl-Artikolu 234 KE hija strument ta’ kooperazzjoni bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali li permezz tagħhom ta’ l-ewwel tagħti lil tat-tieni l-elementi ta’ interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju li huma jkollhom bżonn sabiex jaqtgħu l-kawżi li jkollhom quddiemhom (ara s-sentenza tat-8 ta’ Novembru 1990, Gmurzynska-Bscher, C-231/89, Ġabra p. I-4003, punt 18).

32      Minn dan jirriżulta li huma biss il-qrati nazzjonali, li quddiemhom tkun tressqet il-kawża u li jkollhom jassumu r-responsabbiltà għall-eventwali deċiżjoni ġudizzjarja, li għandhom jevalwaw, fid-dawl tad-dettalji partikolari ta’ kull kawża, kemm il-bżonn ta’ deċiżjoni preliminari sabiex ikunu jistgħu jagħtu d-deċiżjoni tagħhom u kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li huma jagħmlu lill-Qorti tal-Ġustizzja. Għaldaqstant, meta d-domandi magħmula mill-qrati nazzjonali jikkonċernaw l-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt Komunitarju, il-Qorti tal-Ġustizzja hija marbuta, bħala regola ġenerali, li tagħti deċiżjoni (ara, b’mod partikolari, is-sentenza Gmurzynska-Bscher, iċċitata iktar ’il fuq, punti 19 u 20).

33      Għalhekk, fil-kuntest tad-diviżjoni tal-funzjonijiet ġudizzjarji bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja, prevista fl-Artikolu 234 KE, il-Qorti tal-Ġustizzja, bħala regola ġenerali, għandha tagħti deċiżjoni preliminari mingħajr ma tinvestiga ċ-ċirkustanzi li fihom il-qrati nazzjonali ddeċidew li jagħmlulha d-domandi u li fihom għandhom japplikaw id-dispożizzjoni tad-dritt Komunitarju li jkunu talbuha tinterpreta (ara s-sentenza Gmurzynska-Bscher, iċċitata iktar ’il fuq, punt 22).

34      Dan jgħodd ħlief fil-każijiet fejn ikun jidher li l-proċedura ta’ l-Artikolu 234 KE tkun qiegħda tintuża għal skop ieħor minn dak li għalih kienet intiża u tkun qiegħda tintuża, fir-realtà, sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja tagħti deċiżjoni fin-nuqqas ta’ kwistjoni reali jew fejn ikun jidher b’mod evidenti li d-dispożizzjoni tad-dritt Komunitarju li tagħha tkun intalbet l-interpretazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja ma tkunx tapplika, la direttament u lanqas indirettament, għaċ-ċirkustanzi tal-kawża (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Gmurzynska-Bscher, iċċitata iktar ’il fuq, punt 23, u tas-17 ta’ Lulju 1997, Giloy, C-130/95, Ġabra p. I-4291, punt 22).

35      Huma minnu li awtorizzazzjonijiet ta’ residenza għal żmien indefinit fir-Renju Unit ingħataw lis-Sinjura Baumbast u lit-tfal tagħha fit-23 ta’ Ġunju 1998, jiġifieri saħansitra qabel id-deċiżjoni tal-qorti tar-rinviju tat-28 ta’ Mejju 1999, u lil R f’data ulterjuri li ma ġietx speċifikata.

36      Madankollu, mill-osservazzjonijiet ippreżentati fis-seduta jirriżulta li dawn l-awtorizzazzjonijiet ingħataw skond id-dritt Ingliż u li l-kwistjoni tad-drittijiet mogħtija lill-persuni kkonċernati mid-dritt Komunitarju tħalliet bla risposta.

37      Għandu jiġi kkonstatat ukoll li dawn id-domandi tqajmu fil-kuntest ta’ kawżi reali u li l-qorti tar-rinviju tat lill-Qorti tal-Ġustizzja spjegazzjoni tal-kuntest fattwali u legali tagħhom, kif ukoll tar-raġunijiet li wassluha sabiex tikkunsidra li risposta għal dawn id-domandi kienet meħtieġa sabiex tagħti d-deċiżjoni tagħha.

38      Minn dak li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li l-ewwel żewġ domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju huma ammissibbli.

 Fuq l-ewwel domanda

39      Bl-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi jekk it-tfal ta’ ċittadin ta’ l-Unjoni Ewropea li jkunu stabbilixew ruħhom fi Stat Membru filwaqt li l-ġenitur tagħhom kien jeżerċita drittijiet ta’ residenza bħala ħaddiem migrant f’dan l-Istat Membru għandhomx id-dritt li jgħixu hemmhekk sabiex isegwu, fl-istess Stat, korsijiet edukattivi ġenerali, in konformità ma’ l-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 1612/68, inkluż meta fil-frattemp il-ġenituri jkunu ddivorzjaw, meta wieħed biss mill-ġenituri jkun ċittadin ta’ l-Unjoni u meta dan il-ġenitur ma jkunx għadu ħaddiem migrant fl-Istat Membru ospitanti jew meta t-tfal ma jkunux huma stess ċittadini ta’ l-Unjoni.

 L-osservazzjonijiet ippreżentati quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

40      Minkejja li jaċċettaw li d-dritt ta’ residenza u d-dritt ta’ aċċess għas-sistema edukattiva ta’ l-Istat Membru ospitanti previsti fl-Artikoli 10 u 12 tar-Regolament Nru 1612/69 mhumiex drittijiet mingħajr limiti, R u l-familja Baumbast isostnu li l-kundizzjonijiet stabbiliti sabiex igawdu mid-drittijiet li joħorġu mill-Artikolu 12 ta’ dan ir-regolament huma ssodisfati fil-kawżi prinċipali. Fil-fatt, fil-kawża R, m’hemm xejn li jagħti l-impressjoni li t-tfal ma baqgħux jagħmlu parti mill-familja ta’ missierhom, li baqa’ jaħdem fl-Istat Membru ospitanti. Fil-kawża Baumbast, l-uniku fatt li jista’ jwassal lil dak li jkun biex jikkunsidra li t-tfal ma baqgħux jissodisfaw il-kundizzjonijiet ta’ l-Artikolu 12 ta’ dan ir-regolament huwa li missierhom m’għadux jaħdem f’dan l-Istat. Madankollu, skond is-sentenza tal-15 ta’ Marzu 1989, Echternach u Moritz (389/87 u 390/87, Ġabra p. 723), dan il-fatt m’għandu ebda impatt fuq iż-żamma tad-drittijiet tagħhom.

41      Il-Gvern tar-Renju Unit u l-Gvern Ġermaniż isostnu wkoll li d-drittijiet li t-tfal ta’ ħaddiem migrant igawdu taħt l-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 1612/68 jibqgħu, bħala regola ġenerali, validi anki meta l-ġenituri jitilqu mill-Istat Membru ospitanti.

42      Madankollu, il-Gvern Ġermaniż isostni li, skond is-sentenza Echternach u Moritz, iċċitata iktar ’il fuq, huwa biss fil-każ li l-edukazzjoni ma tkunx tista’ titkompla fl-Istat Membru ta’ l-oriġini li l-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 1612/68 jirrikonoxxi dritt ta’ residenza lit-tfal stess.

43      Fir-rigward, b’mod partikolari, tal-kawża R, il-Gvern tar-Renju Unit isostni li t-tfal ta’ R jibbenefikaw minn drittijiet ta’ residenza fir-Renju Unit taħt l-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 1612/68 minħabba li, minkejja li R u missierhom huma divorzjati, dan ta’ l-aħħar għadu jeżerċita drittijiet bħala ħaddiem migrant fir-Renju Unit.

44      Fir-rigward tal-kawża R, il-Kummissjoni ssostni li, minkejja li l-ġenituri huma divorzjati, sakemm wieħed minnhom iżomm l-istatus ta’ ħaddiem migrant fl-Istat Membru ospitanti, it-tfal jibqgħu jgawdu minn dritt ta’ residenza taħt l-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 1612/68 u minn dritt ta’ aċċess għall-edukazzjoni taħt l-Artikolu 12 ta’ l-istess regolament.

45      Fir-rigward tal-kawża Baumbast, il-Kummissjoni ssostni li, skond is-sentenza Echternach u Moritz, iċċitata iktar ’il fuq, it-tifel ta’ ħaddiem migrant iżomm il-kwalità ta’ membru tal-familja ta’ dan il-ħaddiem, fis-sens tar-Regolament Nru 1612/68, meta l-familja tat-tifel tmur lura lejn l-Istat Membru ta’ l-oriġini u meta t-tifel jibqa’ fl-Istat Membru ospitanti sabiex hemmhekk ikompli studji li ma jistax isegwi fl-Istat Membru ta’ l-oriġini.

46      Skond il-Kummissjoni, minkejja li l-fatti li wasslu għas-sentenza Echternach u Moritz, iċċitata iktar ’il fuq, kienu partikolari safejn it-tifel ma kienx f’pożizzjoni li jsegwi l-istudji tiegħu fl-Istat Membru ta’ l-oriġini, il-Qorti tal-Ġustizzja adottat interpretazzjoni wiesgħa ta’ l-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 1612/68. Is-sitwazzjoni tat-tfal tal-familja Baumbast ftit li xejn tista’ tiġi distinta minn dik li wasslet għas-sentenza msemmija u għalhekk, prima facie, m’hemm ebda raġuni li għandha twassal għal riżultat differenti. Il-Kummissjoni tikkonkludi li, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja ttenni l-interpretazzjoni mogħtija f’dik is-sentenza, it-tfal tal-familja Baumbast ikunu jistgħu jibqgħu jgħixu fir-Renju Unit sabiex hemmhekk jeżerċitaw id-drittijiet iggarantiti mill-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 1612/68.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

47      Sabiex tingħata risposta utli għall-ewwel domanda, għandha ssir distinzjoni bejn iż-żewġ sitwazzjonijiet li fir-rigward tagħhom il-qorti tar-rinviju tagħmel id-domanda tagħha.

48      Preliminarjament, għandu jiġi mfakkar li l-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 1612/68, dwar il-kwalità ta’ ħaddiem migrant, jipprovdi li kull ċittadin ta’ Stat Membru, irrispettivament mill-post fejn huwa residenti, għandu d-dritt li jidħol għal attività bħala persuna impjegata u li jwettaq attività tali fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor.

49      Fir-rigward, minn naħa, tal-kawża Baumbast, mill-proċess jirriżulta li din il-kawża hija differenti mill-kawża R safejn is-Sur Baumbast, ċittadin Ġermaniż li eżerċita, fir-Renju Unit u għal diversi snin, kemm attività bħala persuna impjegata kif ukoll bħala persuna li taħdem għal rasha u li għadu residenti hemmhekk, m’għadux jaħdem fir-Renju Unit. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk it-tfal tiegħu jistgħux ikomplu l-edukazzjoni tagħhom fir-Renju Unit bis-saħħa tad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 1612/68.

50      F’dan ir-rigward għandu jiġi mfakkar li l-għan tar-Regolament Nru 1612/68, jiġifieri l-moviment liberu tal-ħaddiema, jeżiġi, sabiex dan il-moviment liberu jkun assigurat filwaqt li jkunu mħarsa l-libertà u d-dinjità, kundizzjonijiet ottimali ta’ integrazzjoni tal-familja tal-ħaddiem Komunitarju fi ħdan l-Istat Membru ospitanti (ara s-sentenza tat-13 ta’ Novembru 1990, Di Leo, C-303/89, Ġabra p. I-4185, punt 13).

51      Kif il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat fil-punt 21 tas-sentenza Echternach u Moritz, iċċitata iktar ’il fuq, sabiex tali integrazzjoni tkun tista’ timmaterjalizza, huwa indispensabbli li t-tifel tal-ħaddiem Komunitarju jkollu l-possibbiltà li jattendi l-iskola u jkompli l-istudji tiegħu fl-Istat Membru ospitanti, kif jipprovdi espliċitament l-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 1612/68, sabiex ikun jista’ jispiċċa dawn l-istudji b’suċċess.

52      F’ċirkustanzi bħal dawk li wasslu għall-kawża Baumbast, il-fatt li t-tifel ta’ ċittadin ta’ l-Unjoni jitwaqqaf milli jkompli l-edukazzjoni tiegħu fl-Istat Membru ospitanti billi jiġi mċaħħad minn awtorizzazzjoni ta’ residenza jista’ jkun ta’ natura li jiskoraġġixxi lill-imsemmi ċittadin milli jeżerċita d-drittijiet ta’ moviment liberu previsti fl-Artikolu 39 KE u joħloq għalhekk ostakolu għall-eżerċizzju effettiv tal-libertà ggarantita mit-Trattat KE.

53      Għalkemm huwa minnu li l-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Echternach u Moritz, iċċitata iktar ’il fuq, irrilevat li t-tifel ikkonċernat ma setax, wara li missieru mar lura fl-Istat Membru ta’ l-oriġini tiegħu, ikompli l-istudji tiegħu hemmhekk minħabba nuqqas ta’ koordinazzjoni tad-diplomi skolastiċi, xorta waħda jibqa’ l-fatt li r-raġunament tal-Qorti tal-Ġustizzja kien intiż essenzjalment sabiex jiggarantixxi, in konformità ma’ l-għan ta’ integrazzjoni tal-membri tal-familja tal-ħaddiema migranti mfittex mir-Regolament Nru 1612/68, li t-tifel ta’ wieħed minn dawn il-ħaddiema jkun jista’ jattendi l-iskola u jkompli jistudja fl-Istat Membru ospitanti f’kundizzjonijiet li ma jkunux diskriminatorji, sabiex ikun jista’ jispiċċahom b’suċċess (ara wkoll is-sentenza tas-27 ta’ Settembru 1988, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, 42/87, Ġabra p. 5445, punt 10).

54      Fil-fatt, jekk it-tfal ta’ ċittadin ta’ l-Unjoni li jkunu f’sitwazzjoni bħal dik tat-tfal tas-Sur Baumbast ma jiġux awtorizzati jkomplu l-edukazzjoni tagħhom fl-Istat Membru ospitanti ħlief meta jkun impossibbli għalihom li jagħmlu dan fl-Istat Membru ta’ l-oriġini tagħhom, dan imur kontra mhux biss il-kliem ta’ l-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 1612/68, li jipprevedi dritt ta’ aċċess għall-korsijiet edukattivi għat-tfal ta’ ċittadin ta’ Stat Membru “li hu jew kien impjegat” fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor, iżda jmur kontra wkoll l-iskop tiegħu.

55      Għaldaqstant, l-interpretazzjoni ristretta ta’ din id-dispożizzjoni proposta mill-Gvern Ġermaniż ma tistax tintlaqa’.

56      Fir-rigward tal-kwistjoni ta’ jekk il-fatt li t-tfal ma jkunux huma stess ċittadini ta’ l-Unjoni jistax ikollu effett fuq ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel domanda, huwa biżżejjed li jiġi mfakkar li, skond l-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 1612/68, id-dixxendenti tal-ħaddiem Komunitarju li jkollhom inqas minn wieħed u għoxrin sena jew li jkunu dipendenti, irrispettivament min-nazzjonalità tagħhom, għandhom jiġu kkunsidrati bħala membri tal-familja tiegħu u għandhom id-dritt li jistabbilixxu ruħhom ma’ dan il-ħaddiem u li, għalhekk, għandhom id-dritt li jkunu aċċettati fis-sistema skolastika in konformità ma’ l-Artikolu 12 ta’ dan ir-regolament.

57      Barra minn hekk, id-dritt li jistabbilixxu ruħhom mal-ħaddiem migrant li jgawdu “il-mara [il-konjuġi] tiegħu u d-dixxendenti tagħhom li huma taħt l-età ta’ 21 sena jew huma dipendenti” għandu jiġi interpretat fis-sens li japplika kemm għad-dixxendenti ta’ dan il-ħaddiem u kif ukoll għal dawk tal-konjuġi tiegħu. Fil-fatt, jekk din id-dispożizzjoni tingħata interpretazzjoni restrittiva fis-sens li huma biss it-tfal komuni tal-ħaddiem migrant u tal-konjuġi tiegħu li għandhom id-dritt jistabbilixxu ruħhom magħhom, dan imur kontra l-għan tar-Regolament Nru 1612/69 imfakkar iktar ’il fuq.

58      Fir-rigward, min-naħa l-oħra, tal-kawża R, it-tfal ikkonċernati jgawdu, bħala membri tal-familja ta’ ħaddiem ċittadin ta’ Stat Membru impjegat fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor, minn dritt ta’ residenza u minn dritt li jistudjaw taħt l-Artikoli 10 u 12 tar-Regolament Nru 1612/68.

59      Fil-fatt, kif jirriżulta mill-punt 50 ta’ din is-sentenza, dawn id-dispożizzjonijiet huma intiżi sabiex jiffaċilitaw l-integrazzjoni tal-ħaddiem migrant u tal-familja tiegħu fl-Istat Membru ospitanti sabiex jintlaħaq l-għan tar-Regolament Nru 1612/68, jiġifieri l-moviment liberu tal-ħaddiema, filwaqt li jitħarsu l-libertà u d-dinjità.

60      Issa, minkejja li fil-frattemp R u l-ewwel raġel tagħha ddivorzjaw, mill-proċess jirriżulta li dan għadu jeżerċita attività bħala impjegat fir-Renju Unit u għalhekk igawdu mill-kwalità ta’ ħaddiem ċittadin ta’ Stat Membru impjegat fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor fis-sens ta’ l-Artikoli 1 u 10 tar-Regolament Nru 1612/68.

61      F’dawn iċ-ċirkustanzi, mid-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1612/68, u b’mod partikolari mill-Artikoli 10 u 12 tiegħu, jirriżulta b’mod ċar li t-tfal ta’ l-ewwel raġel ta’ R għadhom jibbenefikaw minn dritt ta’ residenza fl-Istat Membru ospitanti, kif ukoll mid-dritt li jistudjaw hemmhekk fl-istess kundizzjonijiet bħaċ-ċittadini ta’ dan l-Istat Membru.

62      Il-fatt li t-tfal ta’ l-ewwel raġel ta’ R ma jgħixux miegħu b’mod permanenti ma jaffettwax id-drittijiet li huma jgawdu taħt l-Artikoli 10 u 12 tar-Regolament Nru 1612/68. L-Artikolu 10 ta’ dan ir-regolament, meta jipprevedi li l-membru tal-familja tal-ħaddiem migrant għandu d-dritt li jistabbilixxi ruħu mal-ħaddiem, ma jeżiġix li l-membru tal-familja kkonċernat jgħix miegħu b’mod permanenti, iżda, kif jindika l-Artikolu 10(3) ta’ dan ir-regolament, jeżiġi biss li l-ħaddiem ikollu dar għall-abitazzjoni li tista’ titqies bħala normali sabiex tilqa’ l-familja tiegħu (ara s-sentenza tat-13 ta’ Frar 1985, Diatta, 267/83, Ġabra p. 567, punt 18).

63      Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li t-tfal ta’ ċittadin ta’ l-Unjoni Ewropea li jkunu stabbilixew ruħhom fi Stat Membru filwaqt li l-ġenitur tagħhom kien jeżerċita drittijiet ta’ residenza bħala ħaddiem migrant f’dan l-Istat Membru għandhom id-dritt li jgħixu hemmhekk sabiex isegwu korsijiet edukattivi ġenerali, in konformità ma’ l-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 1612/68. Il-fatt li fil-frattemp il-ġenituri ta’ dawn it-tfal ikunu ddivorzjaw, il-fatt li wieħed biss mill-ġenituri jkun ċittadin ta’ l-Unjoni u li dan il-ġenitur ma jkunx għadu ħaddiem migrant fl-Istat Membru ospitanti jew il-fatt li l-tfal mhumiex huma stess ċittadini ta’ l-Unjoni m’għandhom ebda rilevanza f’dan ir-rigward.

 Fuq it-tieni domanda

64      Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi jekk, meta t-tfal jibbenefikaw minn dritt ta’ residenza fi Stat Membru ospitanti sabiex hemmhekk isegwu korsijiet edukattivi ġenerali in konformità ma’ l-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 1612/68, din id-dispożizzjoni għandhiex tiġi interpretata fis-sens li tippermetti lill-ġenitur li effettivament huwa responsabbli għall-kura ta’ dawn it-tfal, irrispettivament min-nazzjonalità tiegħu, sabiex jgħix magħhom b’tali mod li jiġi ffaċilitat l-eżerċizzju ta’ dan id-dritt minkejja l-fatt li l-ġenituri fil-frattemp ikunu ddivorzjaw jew minkejja l-fatt li l-ġenitur li għandu l-kwalità ta’ ċittadin ta’ l-Unjoni Ewropa ma jkunx għadu ħaddiem migrant fl-Istat Membru ospitanti.

 L-osservazzjonijiet ippreżentati quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

65      Skond R u l-familja Baumbast, id-dispożizzjonijiet Komunitarji għandhom jiġu interpretati b’mod wiesa’ sabiex id-drittijiet mogħtija minnhom ikunu effettivi, b’mod partikolari meta jkun involut dritt daqstant fundamentali bħalma huwa d-dritt għall-ħajja tal-familja. Huma jikkunsidraw għalhekk li, fir-rigward ta’ tfal minuri li jkunu għaddew ħajjithom kollha ma’ ommhom u jkunu għadhom jgħixu magħha, ir-rifjut li l-omm tingħata dritt ta’ residenza għall-perijodu ta’ l-edukazzjoni tat-tfal jikkostitwixxi ostakolu għad-drittijiet tagħhom, li jrendi inutli l-eżerċizzju tagħhom. Huma jsostnu wkoll li tali rifjut jirrappreżenta ostakolu sproporzjonat għall-ħajja tal-familja li jmur kontra l-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali (iktar ’il quddiem il-“KEDB”).

66      Il-Gvern tar-Renju Unit u l-Gvern Ġermaniż, kif ukoll il-Kummissjoni, jipproponu lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex twieġeb fin-negattiv għat-tieni domanda. Huma jsostnu li mill-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 1612/68 ma jistax jiġi dedott dritt ta’ residenza favur ġenituri ċittadini ta’ pajjiż terz. Id-drittijiet tagħhom għandhom jiġu ddeterminati mill-kundizzjonijiet li jirregolaw direttament l-eżerċizzju tal-moviment liberu. Wara divorzju jew wara li tintemm l-attività tal-konjuġi ċittadin Komunitarju bħala ħaddiem migrant fl-Istat Membru ospitanti, id-dritt Komunitarju ma jagħtix lill-konjuġi ċittadin ta’ pajjiż terz dritt ta’ residenza li joħroġ mid-dritt għall-edukazzjoni tat-tfal.

67      Skond il-Gvern tar-Renju Unit, fil-każ fejn l-Istat Membru ospitanti jkun obbligat jawtorizza lit-tfal sabiex jgħixu hemmhekk bil-għan li jsegwu korsijiet edukattivi ġenerali fis-sens ta’ l-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 1612/68, l-obbligu tiegħu li jinkoraġġixxi l-isforzi li jippermettu lil dawn it-tfal isegwu dawn il-korsijiet fl-aħjar kundizzjonijiet m’għandux jiġi interpretat fis-sens li huwa jkun obbligat jawtorizza l-persuna responsabbli għall-kura tagħhom sabiex tgħix magħhom. Dan il-gvern jindika li, jekk u safejn ikun stabbilit li r-rifjut ta’ tali dritt ta’ residenza jaffettwa b’mod mhux ġustifikat il-ħajja tal-familja, kif protetta mill-Artikolu 8 tal-KEDB, il-Home Office (Ministeru ta’ l-Intern) jista’ jagħti dritt ta’ residenza eċċezzjonali lill-ġenitur li jkun responsabbli għall-kura tat-tifel, b’deroga mill-Immigration Rules.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

68      Għandu jiġi rrilevat, l-ewwel nett, li l-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 1612/68, kif ukoll id-drittijiet li joħorġu minnu, għandu jiġi interpretat fid-dawl tal-istruttura u ta’ l-iskop ta’ dan ir-regolament. Issa, mid-dispożizzjonijiet kollha tiegħu jirriżulta li, sabiex jiġi ffaċilitat il-moviment tal-membri tal-familja tal-ħaddiema, il-Kunsill ħa in kunsiderazzjoni, minn naħa, l-importanza li għandu mill-aspett uman, għall-ħaddiem, il-fatt li jkollu miegħu l-familja tiegħu u, min-naħa l-oħra, l-importanza li għandha, minn kull aspett, l-integrazzjoni tal-ħaddiem u tal-familja tiegħu fl-Istat Membru ospitanti, mingħajr ebda distinzjoni fit-trattament meta mqabbla maċ-ċittadini nazzjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-18 ta’ Mejju 1989, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, 249/86, p. 1263, punt 11).

69      Kif jirriżulta mir-risposta għall-ewwel domanda, l-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 1612/68 huwa intiż b’mod partikolari sabiex jiġi assigurat li t-tfal ta’ ħaddiem Komunitarju jkunu jistgħu, anki jekk dan ma jkunx għadu jeżerċita attività bħala impjegat fl-Istat Membru ospitanti, isegwu u, jekk ikun il-każ, itemmu, l-edukazzjoni tagħhom f’dan l-Istat Membru.

70      Għandu jiġi rrilevat, it-tieni nett, li mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, l-istess bħall-kwalità ta’ ħaddiem migrant stess, id-drittijiet li jibbenefikaw minnhom il-membri tal-familja ta’ ħaddiem Komunitarju bis-saħħa tar-Regolament Nru 1612/68 jistgħu, f’ċerti ċirkustanzi, jibqgħu eżistenti anki wara l-waqfien tar-relazzjoni ta’ impjieg (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Echternach u Moritz, iċċitata iktar ’il fuq, punt 21, u tat-12 ta’ Mejju 1998, Martínez Sala, C-85/96, Ġabra p. I-2691, punt 32).

71      F’ċirkustanzi bħal dawk fil-kawżi prinċipali, fejn it-tfal igawdu, taħt l-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 1612/68, mid-dritt li jkomplu l-edukazzjoni tagħhom fl-Istat Membru ospitanti filwaqt li l-ġenituri tagħhom li huma responsabbli għall-kura tagħhom jistgħu jitilfu d-drittijiet ta’ residenza tagħhom minħabba, f’kawża minnhom, divorzju minn mal-ħaddiem migrant u, fil-kawża l-oħra, il-fatt li l-ġenitur li kien jeżerċita attivtà bħala impjegat fl-Istat Membru ospitanti bħala ħaddiem migrant m’għadux jaħdem hemmhekk, huwa ċar li jekk dawn il-ġenituri jiġu mċaħħda mill-possibbiltà li jibqgħu f’dan l-Istat Membru ospitanti matul l-edukazzjoni tat-tfal tagħhom, dan jista’ jwassal sabiex dawn it-tfal jiġu mċaħħda minn dritt li l-leġiżlatur Komunitarju jirrikonoxxi fir-rigward tagħhom.

72      Barra minn hekk, in konformità mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, ir-Regolament Nru 1612/68 għandu jiġi interpretat fid-dawl tar-rekwiżit li tiġi rrispettata l-ħajja tal-familja prevista fl-Artikolu 8 tal-KEDB, liema rispett jagħmel parti mid-drittijiet fundamentali li, skond ġurisprudenza kostanti, huma rrikonoxxuti mid-dritt Komunitarju (ara s-sentenza Il-Kummissjoni vs Il‑Ġermanja, iċċitata iktar ’il fuq, punt 10).

73      Id-dritt rikonoxxut mill-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 1612/68 fir-rigward tat-tifel ta’ ħaddiem migrant li jsegwi, fl-aħjar kundizzjonijiet, l-edukazzjoni tiegħu fl-Istat Membru ospitanti jimplika neċessarjament li dan it-tifel għandu jkollu d-dritt li jkun akkumpanjat mill-persuna li effettivament tkun responsabbli għall-kura tiegħu u, għalhekk, li din il-persuna tkun tista’ tgħix miegħu fl-imsemmi Stat Membru matul l-istudji tiegħu. Jekk l-għoti ta’ awtorizzazzjoni ta’ residenza jiġi rrifjutat lill-ġenitur effettivament responsabbli għall-kura tat-tifel li jkun qed jeżerċita d-dritt tiegħu li jsegwi l-edukazzjoni tiegħu fl-Istat Membru ospitanti, dan ikun ta’ preġudizzju għal dan id-dritt.

74      Fir-rigward ta’ l-argument tal-Kummissjoni li dritt ta’ residenza ma jistax joħroġ mill-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 1612/68 għall-benefiċċju ta’ persuna li mhux it-tifel ta’ ħaddiem migrant minħabba li l-pussess ta’ din il-kwalità hija l-kundizzjoni sine qua non għal kull dritt taħt din id-dispożizzjoni, għandu jiġi mfakkar li, fid-dawl tal-kuntest u ta’ l-għanijiet tar-Regolament Nru 1612/68, u b’mod partikolari ta’ l-Artikolu 12 tiegħu, dan ma jistax jiġi interpretat b’mod restrittiv (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Diatta, iċċitata iktar ’il fuq, punt 17) u m’għandux, fi kwalunkwe każ, jiġi mċaħħad mill-effett utli tiegħu.

75      Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li, meta t-tfal jibbenefikaw minn dritt ta’ residenza fi Stat Membru ospitanti sabiex hemmhekk isegwu korsijiet edukattivi ġenerali in konformità ma’ l-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 1612/68, din id-dispożizzjoni għandha tiġi interpretata fis-sens li tippermetti lill-ġenitur li effettivament huwa responsabbli għall-kura ta’ dawn it-tfal, irrispettivament min-nazzjonalità tiegħu, sabiex jgħix magħhom b’tali mod li jiġi ffaċilitat l-eżerċizzju ta’ dan id-dritt minkejja l-fatt li l-ġenituri fil-frattemp ikunu ddivorzjaw jew minkejja l-fatt li l-ġenitur li għandu l-kwalità ta’ ċittadin ta’ l-Unjoni Ewropa ma jkunx għadu ħaddiem migrant fl-Istat Membru ospitanti.

 Fuq it-tielet domanda

76      Permezz ta’ l-ewwel parti tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi jekk ċittadin ta’ l-Unjoni Ewropea li m’għadux jibbenefika fl-Istat Membru ospitanti minn dritt ta’ residenza bħala ħaddiem migrant jistax, fil-kwalità tiegħu bħala ċittadin ta’ l-Unjoni, jibbenefika f’dak l-Istat minn dritt ta’ residenza b’applikazzjoni diretta ta’ l-Artikolu 18(1) KE.

 L-osservazzjonijiet ippreżentati quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

77      Skond is-Sur Baumbast, il-fatt li d-dritt li jgħix b’mod liberu fit-territorju ta’ l-Istati Membri previst mill-Artikolu 18 KE huwa marbut b’limitazzjonijiet u huwa stabbilit fit-Trattat KE ma jċaħħdux minn effett dirett. Din id-dispożizzjoni għandha tiġi interpretata fis-sens li timplika li s-Sur Baumbast jibqa’ jeżerċita dritt ta’ residenza fir-Renju Unit filwaqt li jaħdem barra mill-Unjoni Ewropea. Din l-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 18 KE tippermetti l-eżerċizzju tad-dritt ta’ moviment liberu stabbilit fit-Trattat KE fuq sempliċi prova tan-nazzjonalità filwaqt li tibqa’, madankollu, konsistenti mal-leġiżlazzjoni li diġà teżisti f’dan ir-rigward.

78      Il-Gvern tar-Renju Unit u l-Gvern Ġermaniż isostnu li mill-Artikolu 18(1) KE ma jistax jinħareġ direttament dritt ta’ residenza. Il-limitazzjonijiet u l-kundizzjonijiet imsemmija f’dan l-artikolu juru li mhuwiex maħsub bħala dispożizzjoni awtonoma.

79      Filwaqt li tinsisti fuq l-importanza politika u ġuridika ta’ l-Artikolu 18 KE, il-Kummissjoni ssostni li l-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, u b’mod partikolari ta’ l-Artikolu 18(1) KE, turi l-limiti tiegħu. Fl-istat attwali tad-dritt Komunitarju, id-dritt ta’ moviment u ta’ residenza stabbilit f’dan l-artikolu huwa suġġett għar-regoli li diġà jeżistu, kemm primarji u kemm derivati, li jiddefinixxu l-kategoriji ta’ persuni eliġibbli sabiex jibbenefikaw minnu. Dawn id-drittijiet għadhom marbuta jew ma’ attività ekonomika jew ma’ l-eżistenza ta’ riżorsi suffiċjenti. Peress li t-tielet domanda preliminari hija bbażata fuq il-premessa li s-Sur Baumbast m’għandu ebda dispożizzjoni oħra tad-dritt Komunitarju li fuqha jista’ jinvoka d-dritt ta’ residenza tiegħu fir-Renju Unit, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-Artikolu 18 KE ma jistax, fl-istat attwali tad-dritt u f’tali ċirkustanzi, ikun ta’ xi utilità għalih.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

80      Skond ġurisprudenza stabbilita, id-dritt taċ-ċittadini ta’ Stat Membru li jidħlu fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor u li jgħixu hemmhekk jikkostitwixxi dritt mogħti direttament mit-Trattat KE jew, skond il-każ, mid-dispożizzjonijiet meħuda għat-twettiq tiegħu (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-8 ta’ April 1976, Royer, 48/75, Ġabra p. 497, punt 31).

81      Għalkemm huwa minnu li, qabel id-dħul fis-seħħ tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, il-Qorti tal-Ġustizzja kienet speċifikat li dan id-dritt ta’ residenza, mogħti direttament mit-Trattat KE, kien suġġett għall-kundizzjoni ta’ l-eżerċizzju ta’ attività ekonomika fis-sens ta’ l-Artikoli 48, 52 u 59 tat-Trattat KE (li saru, wara emenda, l-Artikoli 39 KE, 43 KE u 49 KE) (ara s-sentenza tal-5 ta’ Frar 1991, Roux, C-363/89, Ġabra p. I-273, punt 9), xorta waħda jibqa’ l-fatt li, minn dak iż-żmien, l-istatus ta’ ċittadin ta’ l-Unjoni ġie introdott fit-Trattat KE u għal kull ċittadin ġie rrikonoxxut dritt li jmur minn post għal ieħor u li joqgħod liberament fit-territorju ta’ l-Istati Membri permezz ta’ l-Artikolu 18(1) KE.

82      Skond l-Artikolu 17(1) KE, kull persuna li għandha ċ-ċittadinanza ta’ Stat Membru hija ċittadin ta’ l-Unjoni. L-istatus ta’ ċittadin ta’ l-Unjoni huwa maħsub sabiex ikun l-istatus fundamentali taċ-ċittadini ta’ l-Istati Membri (ara, f’dan is-sens, is-sentenza ta’ l-20 ta’ Settembru 2001, Grzelcyzk, C-184/99, Ġabra p. I-6193, punt 31).

83      Barra minn hekk, it-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea ma jeżiġix li ċ-ċittadini ta’ l-Unjoni jeżerċitaw attività professjonali, bħala impjegati jew bħala persuni li jaħdmu għal rashom, sabiex igawdu mid-drittijiet previsti fit-tieni parti tat-Trattat KE, dwar iċ-ċittadinanza ta’ l-Unjoni. Barra minn hekk, m’hemm xejn fit-test ta’ dan it-trattat li jippermetti li jiġi kkunsidrat li ċ-ċittadini ta’ l-Unjoni li jkunu stabbilixew ruħhom fi Stat Membru ieħor sabiex hemmhekk jeżerċitaw attività bħala impjegati huma mċaħħda mid-drittijiet mogħtija lilhom mit-Trattat KE minħabba din iċ-ċittadinanza meta tintemm din l-attività.

84      Fir-rigward, b’mod partikolari, tad-dritt ta’ residenza fit-territorju ta’ l-Istati Membri previst fl-Artikolu 18(1) KE, għandu jiġi kkonstatat li dan huwa rrikonoxxut direttament lil kull ċittadin ta’ l-Unjoni minn dispożizzjoni ċara u preċiża tat-Trattat KE. Abbażi biss tal-kwalità tiegħu ta’ ċittadin ta’ Stat Membru, u għalhekk ta’ ċittadin ta’ l-Unjoni, is-Sur Baumbast għandu d-dritt jinvoka l-Artikolu 18(1) KE.

85      Huma minnu li dan id-dritt ta’ residenza taċ-ċittadini ta’ l-Unjoni fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor huwa rrikonoxxut bla ħsara għal-limitazzjonijiet u l-kundizzjonijiet previsti mit-Trattat KE kif ukoll mid-dispożizzjonijiet adottati għat-twettiq tiegħu.

86      Madankollu, l-applikazzjoni tal-limitazzjonijiet u tal-kundizzjonijiet aċċettati fl-Artikolu 18(1) KE fir-rigward ta’ l-eżerċizzju ta’ dan id-dritt ta’ residenza hija suġġetta għal stħarriġ ġudizzjarju. Għaldaqstant, l-eventwali limitazzjonijiet u kundizzjonijiet għal dan id-dritt ma jipprekludux lid-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 18(1) KE milli jagħtu drittijiet lil individwi li huma jistgħu jinvokaw b’rimedji legali u li l-qrati nazzjonali għandhom jipproteġu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza ta’ l-4 ta’ Diċembru 1974, Van Duyn, 41/74, Ġabra p. 1337, punt 7).

87      Fir-rigward tal-limitazzjonijiet u l-kundizzjonijiet li joħorġu mid-dispożizzjonijiet tad-dritt derivat, l-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 90/364 jipprevedi li l-Istati Membri jistgħu jitolbu li ċ-ċittadini ta’ Stat Membru li jixtiequ jibbenefikaw mid-dritt ta’ residenza fit-territorju tagħhom għandhom ikollhom, għalihom stess u għall-membri tal-familja tagħhom, assigurazzjoni kontra l-mard li tkopri r-riskji kollha fl-Istat Membru ospitanti u riżorsi biżżejjed sabiex jiġi evitat li jsiru piż għas-servizzi soċjali ta’ l-Istat Membru ospitanti matul il-perijodu ta’ residenza tagħhom.

88      Fir-rigward ta’ l-applikazzjoni ta’ dawn il-kundizzjonijiet għall-finijiet tal-kawża Baumbast, għandu jiġi rrilevat li mill-proċess jirriżulta li s-Sur Baumbast jeżerċita attività bħala impjegat f’pajjiż terz ma’ impriżi Ġermaniżi u li la hu u lanqas il-familja ma talbu assistenza soċjali fl-Istat Membru ospitanti. F’dawn iċ-ċirkustanzi, mhuwiex ikkontestat li s-Sur Baumbast jissodisfa l-kundizzjoni dwar l-eżistenza ta’ riżorsi biżżejjed imposta mid-Direttiva 90/364.

89      Fir-rigward tal-kundizzjoni dwar l-assigurazzjoni medika, mill-proċess jirriżulta li kemm is-Sur Baumbast u kemm il-membri tal-familja tiegħu huma koperti b’assigurazzjoni medika sħiħa fil-Ġermanja. Jidher li l-Immigration Adjudicator ikkonstata li din l-assigurazzjoni medika ma setgħetx tkopri kura urġenti mogħtija fir-Renju Unit. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika l-eżattezza ta’ din il-konstatazzjoni fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1408/71, ta’ l-14 ta’ Ġunju 1971, dwar l-applikazzjoni ta’ l-iskemi tas-siġurtà soċjali għall-persuni impjegati u l-familja tagħhom li jiċċaqilqu ġewwa l-Komunità (ĠU L 149, p. 2). B’mod partikolari, għandu jsir riferiment għall-Artikolu 19(1)(a) ta’ dan ir-regolament li jiggarantixxi, għar-responsabbiltà ta’ l-Istat Membru kompetenti, lill-ħaddiem impjegat jew li jaħdem għal rasu, residenti fi Stat Membru ieħor, li jkollu bżonn kura fit-territorju ta’ l-Istat Membru ta’ residenza, id-dritt li jibbenefika mill-benefiċċji ta’ mard in natura mogħtija minn dan l-Istat ta’ l-aħħar.

90      Fi kwalunkwe każ, il-limitazzjonijiet u l-kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 18 KE u previsti fid-Direttiva 90/364 huma bbażati fuq l-idea li l-eżerċizju tad-dritt ta’ residenza taċ-ċittadini ta’ l-Unjoni jista’ jkun suġġett għall-interessi leġittimi ta’ l-Istati Membri. F’dan ir-rigward għandu jiġi mfakkar li mir-raba’ premessa tad-Direttiva 90/364 jirriżulta li l-benefiċjarji tad-dritt ta’ residenza m’għandhomx isiru piż “irraġjonevoli” fuq il-finanzi pubbliċi ta’ l-Istat Membru ospitanti.

91      Madankollu, dawn il-limitazzjonijiet u l-kundizzjonijiet għandhom jiġu applikati filwaqt li jiġu mħarsa l-limiti imposti mid-dritt Komunitarju u in konformità mal-prinċipji ġenerali ta’ dan id-dritt, b’mod partikolari l-prinċipju ta’ proporzjonalità. Dan ifisser li l-miżuri nazzjonali meħuda f’dan ir-rigward għandhom ikunu xierqa u meħtieġa sabiex jintlaħaq l-għan mixtieq (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-2 ta’ Awwissu 1993, Alluè et, C-259/91 u C-332/91, Ġabra p. I-4309, punt 15).

92      Fir-rigward ta’ l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ proporzjonalità għaċ-ċirkustanzi tal-kawża Baumbast, għandu jiġi mfakkar, l-ewwel nett, li mhuwiex ikkontestat li s-Sur Baumbast għandu riżorsi biżżejjed fis-sens tad-Direttiva 90/364; it-tieni nett, li dan ħadem u għalhekk kien residenti b’mod legali fl-Istat Membru ospitanti għal diversi snin, l-ewwel bħala impjegat u mbagħad bħala persuna li taħdem għal rasha; it-tielet nett, li, matul dan il-perijodu, il-familja tiegħu kienet ukoll residenti fl-Istat Membru ospitanti u baqgħet hemm saħansitra wara l-waqfien ta’ l-attivitajiet tiegħu bħala impjegat u bħala persuna li taħdem għal rasha f’dan l-Istat; ir-raba’ nett, li la s-Sur Baumbast u lanqas il-membri tal-familja tiegħu ma saru piż għall-finanzji pubbliċi ta’ l-Istat Membru ospitanti u, il-ħames nett, li kemm is-Sur Baumbast u kemm il-familja tiegħu għandhom assigurazzjoni medika sħiħa fi Stat Membru ieħor ta’ l-Unjoni.

93      F’dawn iċ-ċirkustanzi, jekk is-Sur Baumbast jiġi mċaħħad mill-eżerċizzju tad-dritt ta’ residenza mogħti lilu mill-Artikolu 18(1) KE, bis-saħħa ta’ l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 90/364 minħabba li l-assigurazzjoni medika tiegħu ma tkoprix il-kura urġenti li huwa jirċievi fl-Istat Membru ospitanti, dan ikun jikkostitwixxi ostakolu sproporzjonat għall-eżerċizzju ta’ dan id-dritt.

94      Għaldaqstant, għall-ewwel parti tat-tielet domanda għandha tingħata r-risposta li ċittadin ta’ l-Unjoni Ewropea li ma jkunx għadu jibbenefika fl-Istat Membru ospitanti minn dritt ta’ residenza bħala ħaddiem migrant jista’, fil-kwalità tiegħu ta’ ċittadin ta’ l-Unjoni, jibbenefika, hemmhekk, minn dritt ta’ residenza bl-applikazzjoni diretta ta’ l-Artikolu 18(1) KE. L-eżerċizzju ta’ dan id-dritt huwa suġġett għal-limitazzjonijiet u għall-kundizzjonijiet imsemmija f’din id-dispożizzjoni iżda l-awtoritajiet kompetenti u, jekk ikun il-każ, il-qrati nazzjonali, għandhom jassiguraw li dawn il-limitazzjonijiet u l-kundizzjonijiet jiġu applikati b’osservanza tal-prinċipji ġenerali tad-dritt Komunitarju u, b’mod partikolari, tal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

95      Permezz tat-tieni u tat-tielet partijiet tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk, fil-każ li s-Sur Baumbast igawdi minn dritt ta’ residenza fuq il-bażi ta’ l-Artikolu 18(1) KE, il-membri tal-familja tiegħu jibbenefikawx minn drittijiet ta’ residenza fuq l-istess bażi. Fid-dawl tar-risposti mogħtija għall-ewwel żewġ domandi, mhuwiex meħtieġ li tingħata risposta għal dawn il-partijiet tat-tielet domanda.

96      Fid-dawl tar-risposta mogħtija għall-ewwel parti tat-tielet domanda, lanqas ma huwa meħtieġ li tingħata risposta għar-raba’ domanda.

 Fuq l-ispejjeż

97      L-ispejjeż sostnuti mill-Gvern tar-Renju Unit u mill-Gvern tal-Ġermanja, kif ukoll mill-Kummissjoni, li ppreżentaw osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, ma jistgħux jitħallsu lura. Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA,

fir-rigward tad-domandi magħmula lilha mill-Immigration Appeal Tribunal permezz ta’ digriet tat-28 ta’ Mejju 1999, tiddikjara li:

1)      It-tfal ta’ ċittadin ta’ l-Unjoni Ewropea li jkunu stabbilixew ruħhom fi Stat Membru filwaqt li l-ġenitur tagħhom kien jeżerċita drittijiet ta’ residenza bħala ħaddiem migrant f’dan l-Istat Membru għandhom id-dritt li jgħixu hemmhekk sabiex isegwu korsijiet edukattivi ġenerali, in konformità ma’ l-Artikolu 12 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1612/68, tal-15 ta’ Ottubru 1968, dwar il-libertà tal-moviment għall-ħaddiema fi ħdan il-Komunità. Il-fatt li fil-frattemp il-ġenituri ta’ dawn it-tfal ikunu ddivorzjaw, il-fatt li wieħed biss mill-ġenituri jkun ċittadin ta’ l-Unjoni u li dan il-ġenitur ma jkunx għadu ħaddiem migrant fl-Istat Membru ospitanti jew il-fatt li l-tfal mhumiex huma stess ċittadini ta’ l-Unjoni m’għandhom ebda rilevanza f’dan ir-rigward.

2)      Meta t-tfal jibbenefikaw minn dritt ta’ residenza fi Stat Membru ospitanti sabiex hemmhekk isegwu korsijiet edukattivi ġenerali in konformità ma’ l-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 1612/68, din id-dispożizzjoni għandha tiġi interpretata fis-sens li tippermetti lill-ġenitur li effettivament huwa responsabbli għall-kura ta’ dawn it-tfal, irrispettivament min-nazzjonalità tiegħu, sabiex jgħix magħhom b’tali mod li jiġi ffaċilitat l-eżerċizzju ta’ dan id-dritt minkejja l-fatt li l-ġenituri fil-frattemp ikunu ddivorzjaw jew li l-ġenitur li għandu l-kwalità ta’ ċittadin ta’ l-Unjoni Ewropa ma jkunx għadu ħaddiem migrant fl-Istat Membru ospitanti.

3)      Ċittadin ta’ l-Unjoni Ewropea li ma jkunx għadu jibbenefika fl-Istat Membru ospitanti minn dritt ta’ residenza bħala ħaddiem migrant jista’, fil-kwalità tiegħu ta’ ċittadin ta’ l-Unjoni, jibbenefika, hemmhekk, minn dritt ta’ residenza bl-applikazzjoni diretta ta’ l-Artikolu 18(1) KE. L-eżerċizzju ta’ dan id-dritt huwa suġġett għal-limitazzjonijiet u għall-kundizzjonijiet imsemmija f’din id-dispożizzjoni iżda l-awtoritajiet kompetenti u, jekk ikun il-każ, il-qrati nazzjonali, għandhom jassiguraw li dawn il-limitazzjonijiet u l-kundizzjonijiet jiġu applikati b’osservanza tal-prinċipji ġenerali tad-dritt Komunitarju u, b’mod partikolari, tal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

Rodríguez Iglesias

Jann

Macken

Colneric

Von Bahr

Gulmann

Edward

La Pergola

Puissochet

Wathelet

Skouris

Cuhna Rodrigues

 

      Timmermans

 

Mogħtija f’Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fis-17 ta’ Settembru 2002.

Reġistratur

 

      President

R. Grass

 

       G. C. Rodríguez Iglesias


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż