Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mil-Landesgericht Salzburg (l-Awstrija) fit-18 ta’ Novembru 2020 – CS vs Eurowings GmbH

(Kawża C-613/20)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Qorti tar-rinviju

Landesgericht Salzburg

Partijiet fil-kawża prinċipali

Appellant: CS

Appellat: Eurowings GmbH

Domandi preliminari

Strajk mill-impjegati ta’ trasportatur tal-ajru msejjaħ minn sindakat sabiex jiġu sostnuti talbiet dwar il-paga u/jew benefiċċji soċjali jista’ jikkostitwixxi “ċirkustanza straordinarja” fis-sens tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament (KE) Nru 261/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Frar 2004 li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta’ kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjiriet, u li li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 295/91 1 ?

Dan għandu japplika tal-inqas,

a)    jekk l-impjegati tal-kumpannija sussidjarja juru solidarjetà mas-sejħa għall-istrajk kontra l-kumpannija omm (Lufthansa AG) sabiex isostnu t-talbiet sindakali tal-ekwipaġġ tal-kabina tal-kumpannija omm, u

b)    b’mod partikolari, jekk l-istrajk fil-kumpannija sussidjarja “jassumi rwol awtonomu” wara li jkun intlaħaq ftehim fil-kumpannija omm, sa fejn is-sindakat iżomm u anki jestendi l-istrajk għal ebda raġuni apparenti u l-ekwipaġġ tal-kabina tal-kumpannija sussidjarja jwieġeb għal tali sejħa?

Hija suffiċjenti, bħala prova ta’ ċirkustanza straordinarja min-naħa tat-trasportatur tal-ajru operattiv, l-allegazzjoni li l-istrajk inżamm mis-sindakat mingħajr raġuni, minkejja li t-talbiet intlaqgħu mill-kumpannija omm, u finalment anki ġie estiż fiż-żmien, u min għandu jassumi responsabbiltà jekk iċ-ċirkustanzi fattwali f’dan ir-rigward jibqgħu mhux ċari?

Strajk mill-kumpannija sussidjarja mħabbar fit-18 ta’ Ottubru 2019 għall-20 ta’ Ottubru 2019 mill-5:00 sal-11:00 ta’ filgħodu, li finalment ġie spontanjament estiż fl-20 ta’ Ottubru 2019 fil-5:30 ta’ filgħodu sa nofsillejl, jista’ jikkostitwixxi ċirkustanza effettivament mhux kontrollabbli?

Arranġamenti fil-forma ta’ stabbiliment ta’ orarju alternattiv u ta’ rkupru ta’ titjiriet ikkanċellati minħabba assenza ta’ ekwipaġġ tal-kabina permezz ta’ sub-charters, b’mod partikolari fir-rigward tad-destinazzjonijiet marittimi u d-distinzjoni bejn titjiriet interni u intra-Ewropej, jikkostitwixxu miżuri xierqa għas-sitwazzjoni, fid-dawl, barra minn hekk, tal-fatt li, minn total ta’ 712-il titjira li kellhom isiru dakinhar, kienu biss 158 li kellhom jiġu kkanċellati?

X’inhuma r-rekwiżiti fir-rigward tal-oneru tal-prova tat-trasportatur tal-ajru operattiv sabiex juri li ħa l-miżuri raġonevoli kollha minn perspettiva teknika u ekonomika?

____________

1     ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 8, p. 10.