Language of document : ECLI:EU:T:2011:507

DIGRIET TAL-QORTI ĠENERALI (Is-Seba’ Awla Estiża)

tal-21 ta’ Settembru 2011 (*)

“Rikors għal annullament – REACH – Identifikazzjoni tal-akrilamidu bħala sustanza ta’ tħassib serju ħafna – Att li ma jistax jiġi kkontestat – Inammissibbiltà”

Fil-Kawża T‑1/10,

Polyelectrolyte Producers Group GEIE (PPG), stabbilit fi Brussell (il-Belġju),

SNF SAS, stabbilita fi Andrézieux-Bouthéon (Franza),

inizjalment irrappreżentati minn K. Van Maldegem, avukat, P. Sellar, sollicitor, u R. Cana, avukat, sussegwentement minn Van Maldegem u Cana,

rikorrenti,

vs

L-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (ECHA), irrappreżentata minn M. Heikkila u W. Broere, bħala aġenti, assistiti minn J. Stuyck, avukat,

konvenuta,

sostnuta minn

Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, irrappreżentat minn C. Wissels, J. Langer, Y. de Vries u M. de Ree, bħala aġenti,

u minn

Il-Kummissjoni Ewropea, inizjalment irrappreżentata minn P. Oliver u G. Wilms, sussegwentement minn P. Oliver u E. Manhaeve, bħala aġenti,

intervenjenti,

li għandha bħala suġġett talba għall-annullament tad-deċiżjoni tal-ECHA li tidentifika l-akrilamidu (KE Nru 201-173-7) bħala sustanza li tissodisfa l-kriterji msemmija fl-Artikolu 57 tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-18 ta’ Diċembru 2006, dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta’ sustanzi kimiċi (REACH), li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi, li jemenda d-Direttiva 1999/45/KE u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 793/93 tal-Kunsill u r-Regolament (KE) Nru 1488/94 tal-Kummissjoni kif ukoll id-Direttiva 76/769/KEE tal-Kunsill u d-Direttivi 91/155/KEE, 93/67/KEE, 93/105/KE u 2000/21/KE tal-Kummissjoni (ĠU L 396, p. 1), skont l-Artikolu 59 tal-imsemmi regolament,

IL-QORTI ĠENERALI (Is-Seba’ Awla Estiża),

komposta minn A. Dittrich (Relatur), President, F. Dehousse, I. Wiszniewska-Białecka, M. Prek u J. Schwarcz, Imħallfin,

Reġistratur: E. Coulon,

tagħti l-preżenti

Digriet

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        L-ewwel rikorrent, Polyelectrolyte Producers Group GEIE (PPG), huwa grupp Ewropew b’interess ekonomiku li huwa stabbilit fil-Belġju. Huwa jirrapreżenta l-interessi ta’ kumpanniji produtturi u/jew importaturi ta’ polielettroliti, ta’ poliakrilamidu u/jew ta’ polimeri oħra li fihom l-akrilamidu. Il-kumpanniji li huma membri tal-ewwel rikorrent huma wkoll utenti tal-akrilamidu u produtturi u/jew importaturi tal-akrilamidu jew tal-poliakrilamidu. Il-produtturi kollha tal-akrilamidu tal-Unjoni Ewropea huma membri tal-ewwel rikorrent.

2        It-tieni rikorrenti, SNF SAS, hija kumpannija membru tal-ewwel rikorrent. L-attività tagħha tikkonsisti prinċiparjament fil-produzzjoni tal-akrilamidu u tal-poliakrilamidu li hija tbigħ direttament lill-klijenti tagħha. Hija għandha siti ta’ produzzjoni fi Franza, fl-Istati Uniti, fiċ-Ċina u fil-Korea t’Isfel.

3        Il-polielettroliti huma polimeri li jinħallu fl-ilma, sintetiċi, organiċi li huma prodotti minn monomeri differenti, li wieħed minn dawn tal-aħħar huwa l-akrilamidu. Dawn jintużaw, pereżempju, sabiex jiġi ppurifikat l-ilma tax-xorb, sabiex jiġi msaffi d-drenaġġ, sabiex tiġi prodotta l-karta u sabiex jiġu estratti l-minerali prezzjużi.

4        Il-poliakrilamidu huwa polimeru fformat permezz tal-polimerizzazzjoni tal-monomeru akrilamidu li huwa ġeneralment l-iktar użat fit-tisfija tal-ilma, fl-industrija tal-karta, fl-industrija tat-tħaffir għall-minerali, fl-industrija taż-żejt, fl-agrikoltura, bħala addittiv għat-tessuti u fl-oqsma tal-prodotti kożmetiċi u tal-iġene tal-ġisem.

5        Fil-25 ta’ Awwissu 2009, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi ttrażmetta lill-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (ECHA) fajl li huwa kien ipproduċa li jirrigwarda l-identifikazzjoni tal-akrilamidu bħala sustanza li tissodisfa l-kriterji msemmija fl-Artikolu 57(a) u (b), tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-18 ta’ Diċembru 2006, dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta’ sustanzi kimiċi (REACH), li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi, li jemenda d-Direttiva 1999/45/KE u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 793/93 tal-Kunsill u r-Regolament (KE) Nru 1488/94 tal-Kummissjoni kif ukoll id-Direttiva 76/769/KEE tal-Kunsill u d-Direttivi 91/155/KEE, 93/67/KEE, 93/105/KE u 2000/21/KE tal-Kummissjoni (ĠU L 396, p. 1), kif emendat sussegwentement b’mod partikolari mir-Regolament (KE) Nru 1272/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2008 dwar il-klassifikazzjoni, l-ittikkettar u l-imballaġġ tas-sustanzi u t-taħlitiet, li jemenda u jħassar id-Direttivi 67/548/KEE u 1999/45/KE (ĠU L 353, p. 1), billi jagħmel riferiment għall-klassifikazzjoni tal-akrilamidu bħala sustanza karċinoġena tal-kategorija 2 u mutaġenika tal-kategorija 2 fil-parti 3 tal-Anness VI tar-Regolament Nru 1272/2008. Fil-31 ta’ Awwissu 2009, l-ECHA ppubblikat fuq is-sit tal-internet tagħha avviż li jistieden lill-partijiet interessati sabiex jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom fuq il-fajl stabbilit għall-akrilamidu. Fl-istess ġurnata, l-ECHA stiednet ukoll lill-awtoritajiet kompetenti ta’ Stati Membri oħra sabiex jippreżentaw osservazzjonijiet fuq dan is-suġġett.

6        Wara li rċeviet l-osservazzjonijiet fuq il-fajl inkwistjoni, b’mod partikolari mill-ewwel rikorrent, u r-risposti tar-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi għal dawn l-osservazzjonijiet, l-ECHA bagħtet il-fajl lill-kumitat tagħha tal-Istati Membri, li fis-27 ta’ Novembru 2009, wasal għal ftehim unanimu fuq l-identifikazzjoni tal-akrilamidu bħala sustanza ta’ tħassib serju ħafna, minħabba li l-akrilamidu jissodisfa l-kriterji msemmija fl-Artikolu 57(a) u (b) tar-Regolament Nru 1907/2006.

7        Fis-7 ta’ Diċembru 2009, l-ECHA ppubblikat stqarrija għall-istampa li tiddikjara, minn naħa, li l-kumitat tal-Istati Membri wasal għal ftehim unanimu fuq l-identifikazzjoni tal-akrilamidu u ta’ erbatax-il sustanza oħra bħala sustanzi ta’ tħassib serju ħafna sa fejn dawn is-sustanzi jissodisfaw il-kriterji msemmija fl-Artikolu 57 tar-Regolament Nru 1907/2006 u, min-naħa l-oħra, li l-lista ta’ sustanzi identifikati, in vista tal-inklużjoni eventwali tagħha fl-Anness XIV tar-Regolament Nru 1907/2006 (iktar ’il quddiem il-“lista ta’ sustanzi kandidati”), ser tiġi formalment aġġornata f’Jannar tal-2010. Fit-22 ta’ Diċembru 2009, id-direttur eżekuttiv tal-ECHA ħa d-deċiżjoni ED/68/2009, li kellha tidħol fis-seħħ fit-13 ta’ Jannar 2010, li dawk il-ħmistax-il sustanza għandhom jiġu inklużi fil-lista ta’ sustanzi kandidati fit-13 ta’ Jannar 2010.

 Proċedura u t-talbiet tal-partijiet

8        Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-4 ta’ Jannar 2010, ir-rikorrenti ppreżentaw rikors intiż għall-annullament tad-deċiżjoni tal-ECHA li tidentifika l-akrilamidu bħala sustanza li tissodisfa l-kriterji msemmija fl-Artikolu 57 tar-Regolament Nru 1907/2006 skont l-Artikolu 59 ta’ dak ir-regolament (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).

9        Permezz ta’ att separat, ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-5 ta’ Jannar 2010, it-tieni rikorrenti ppreżentat talba għal miżuri provviżorji, li fiha hija talbet essenzjalment lill-President tal-Qorti Ġenerali sabiex jissospendi l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

10      Permezz ta’ digriet tal-President tal-Qorti Ġenerali tal-11 ta’ Jannar 2010, ġiet sospiża l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni kkontestata sal-adozzjoni tad-digriet li jtemm il-proċedura għal miżuri provviżorji. Wara dan id-digriet, id-direttur eżekuttiv tal-ECHA ssospenda l-inklużjoni tal-akrilamidu fil-lista ta’ sustanzi kandidati.

11      Permezz ta’ att separat, ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-17 ta’ Marzu 2010, l-ECHA invokat eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà skont l-Artikolu 114(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali.

12      Permezz ta’ digriet tal-President tal-Qorti Ġenerali tas-26 ta’ Marzu 2010, PPG u SNF vs ECHA (T‑1/10 R, Ġabra p. I‑0000), it-talba għal miżuri provviżorji tat-tieni rikorrenti ġiet miċħuda u l-ispejjeż ġew irriżervati.

13      Wara dak id-digriet, l-ECHA ppubblikat, fit-30 ta’ Marzu 2010, il-lista ta’ sustanzi kandidati li tinkludi l-akrilamidu.

14      Permezz ta’ ittri rreġistrati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fid-19 u fl-20 ta’ April 2010 rispettivament, il-Kummissjoni Ewropea u r-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi talbu li jiġu ammessi jintervjenu f’din il-proċedura insostenn tat-talbiet tal-ECHA. Dawn it-talbiet intlaqgħu, wara li nstemgħu l-partijiet prinċipali, permezz tad-digriet tal-President tat-Tmien Awla tal-Qorti Ġenerali tat-8 ta’ Ġunju 2010.

15      Ir-rikorrenti ppreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom fuq l-eċċezzjoni ta’ inammissibblità fl-4 ta’ Mejju 2010.

16      Permezz ta’ atti ppreżentati rispettivament fis-17 u fil-25 ta’ Mejju 2010, ir-rikorrenti ppreżentaw talba għal trattament kunfidenzjali tas-sottomissjonijiet tagħhom fir-rigward tal-partijiet intervenjenti. Din it-talba għal trattament kunfidenzjali ma ġietx ikkontestata.

17      Il-Kummissjoni u r-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi ppreżentaw in-noti ta’ intervent tagħhom limitati għall-inammissibbiltà fit-3 u fil-5 ta’ Awwissu 2010 rispettivament. Permezz ta’ atti ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-1 u fl-4 ta’ Ottubru 2010, il-partijiet prinċipali ppreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom fuq dawn in-noti.

18      Peress li kien hemm bidla fil-kompożizzjoni tal-awli tal-Qorti Ġenerali, l-Imħallef Relatur ġie assenjat is-Seba’ Awla, li ġiet adita b’din il-kawża. Permezz ta’ deċiżjoni tat-30 ta’ Marzu 2011, il-Qorti Ġenerali rrinvijat din il-kawża quddiem is-Seba’ Awla Estiża, skont l-Artikolu 51(1) tar-Regoli tal-Proċedura.

19      Fir-rikors, ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiddikjara r-rikors ammissibbli u fondat;

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-ECHA għall-ispejjeż;

–        tordna kull miżura oħra li tqis li hija neċessarja.

20      Fl-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà tagħha, l-ECHA titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiddikjara r-rikors inammissibbli;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

21      Fl-osservazzjonijiet tagħhom fuq l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà, ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha tiċħad l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà.

22      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha tiċħad ir-rikors bħala inammissibbli.

23      Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha tiddikjara r-rikors inammissibbli u tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Id-dritt

24      Skont l-Artikolu 114(1) u (4) tar-Regoli tal-Proċedura, jekk waħda mill-partijiet tagħmel talba f’dan is-sens, il-Qorti Ġenerali tista’ tagħti deċiżjoni dwar l-inammissibbiltà mingħajr ma tidħol fil-mertu tal-kawża. Skont il-paragrafu 3 tal-istess artikolu, il-proċeduri dwar it-talba għandhom jitkomplew oralment sakemm il-Qorti Ġenerali ma tiddeċidix mod ieħor. Fil-kawża preżenti, il-Qorti Ġenerali tħoss li hija adottat biżżejjed mill-atti tal-proċess u li għalhekk ma hemmx lok li jinfetħu l-proċeduri orali.

25      Insostenn tat-talbiet tagħha, l-ECHA tinvoka tliet eċċezzjonijiet ta’ nuqqas ta’ ammissibbiltà, ibbażati fuq in-natura tad-deċiżjoni kkontestata, fuq nuqqas ta’ interess dirett tar-rikorrenti u fuq il-fatt li d-deċiżjoni kkontestata, li ma hijiex att regolatorju fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, ma tikkonċernax individwalment lir-rikorrenti.

26      Il-Kummissjoni ssostni l-argument tal-ECHA fir-rigward tan-natura tad-deċiżjoni kkontestata u n-nuqqas ta’ interess dirett tar-rikorrenti. Hija ssostni wkoll li r-rikors ma josservax ir-rekwiżiti tal-Artikolu 44(1)(ċ) tar-Regoli tal-Proċedura peress li ma huwiex ċar.

27      Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi jsostni l-eċċezzjonijiet kollha ta’ nuqqas ta’ ammissibbiltà invokati mill-ECHA.

 Fuq l-osservanza tar-rekwiżiti tal-Artikolu 44(1)(ċ) tar-Regoli tal-Proċedura

28      Il-Kummissjoni ssostni li r-rikors ma huwiex ċar u ma jissodisfax ir-rekwiżiti tal-Artikolu 44(1)(ċ) tar-Regoli tal-Proċedura. Fil-fatt, ir-rikorrenti, li fir-rikors jitolbu l-annullament tad-deċiżjoni tal-ECHA, tas-7 ta’ Diċembru 2009, li tidentifika l-akrilamidu bħala sustanza li tissodisfa l-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 57 tar-Regolament Nru 1907/2006, ma jidentifikawx b’mod suffiċjenti l-att ikkontestat. Skont il-Kummissjoni, l-att imsemmi fl-istqarrija għall-istampa tal-ECHA tas-7 ta’ Diċembru 2009 ma kinitx id-deċiżjoni tal-ECHA li tidentifika l-akrilamidu iżda l-passi meħuda mill-kumitat tal-Istati Membri fil-proċedura li twassal għall-identifikazzjoni mill-ECHA.

29      Huwa vera li l-ECHA ma invokatx din l-eċċezzjoni ta’ nuqqas ta’ ammissibbiltà. Il-Kummissjoni, bħala parti intervenjenti, m’għandhiex l-awtorità tinvoka eċċezzjoni ta’ nuqqas ta’ ammissibbiltà li ma tkunx ġiet invokata mill-parti li hija tkun qiegħda ssostni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-17 ta’ Ġunju 1998, Svenska Journalistförbundet vs Il-Kunsill, T‑174/95, Ġabra p. II‑2289, punti 77 u 78).

30      Madankollu, peress li l-kundizzjonijiet ta’ ammissibbiltà ta’ rikors u l-ilmenti msemmija fih huma ta’ natura ta’ ordni pubblika, il-Qorti Ġenerali tista’ teżaminahom ex officio, skont l-Artikolu 113 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tad-9 ta’ Settembru 2009, Brink’s Security Luxembourg vs Il-Kummissjoni, T‑437/05, Ġabra p. II‑3233, punt 54, u tad-9 ta’ Settembru 2010, Evropaïki Dynamiki vs OEDT, T‑63/06, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 30, u l-ġurisprudenza ċċitata).

31      Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 21 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, li japplika għall-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 53 tal-istess Statut, u tal-Artikolu 44(1)(ċ) tar-Regoli tal-Proċedura, ir-rikors għandu jinkludi s-suġġett tal-kawża. Dan l-element għandu jkun ċar u preċiż biżżejjed sabiex jippermetti lill-konvenut jipprepara d-difiża tiegħu u għall-Qorti Ġenerali sabiex tiddeċiedi dwar ir-rikors, jekk hemm bżonn mingħajr informazzjoni oħra (sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-18 ta’ Settembru 1996, Asia Motor France et vs Il-Kummissjoni, T‑387/94, Ġabra p. II‑961, punt 106; digrieti tal-Qorti Ġenerali tal-14 ta’ Diċembru 2005, Arizona Chemical et vs Il‑Kummissjoni, T‑369/03, Ġabra p. II‑5839, punt 120, u tat-8 ta’ Frar 2010, Alisei vs Il-Kummissjoni, T‑481/08, Ġabra p. II‑117, punt 89).

32      F’dan il-każ, ir-rikors josserva dawk ir-rekwiżiti fir-rigward tas-suġġett tal-kawża. Fil-fatt, ir-rikorrenti fih jitolbu l-annullament tad-deċiżjoni tal-ECHA li tidentifika l-akrilamidu bħala sustanza li tissodisfa l-kriterji msemmija fl-Artikolu 57 tar-Regolament Nru 1907/2006 skont l-Artikolu 59 tal-imsemmi regolament. Sussegwentement, huma jippreċiżaw li, minħabba dik id-deċiżjoni, li ġiet adottata fis-7 ta’ Diċembru 2009 mill-kumitat tal-Istati Membri, jiġifieri organu tal-ECHA, u li saru jafu biha permezz tal-istqarrija għall-istampa tal-istess ġurnata, dik is-sustanza kellha tiġi inkluża fil-lista ta’ sustanzi kandidati ppubblikata fuq is-sit tal-internet tal-ECHA f’Jannar tal-2010.

33      Huwa veru li l-kumitat tal-Istati Membri wasal għal ftehim unanimu fuq l-identifikazzjoni tal-akrilamidu bħala sustanza li tissodisfa l-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 57 tar-Regolament Nru 1907/2006 fis-27 ta’ Novembru 2009 u mhux fis-7 ta’ Diċembru 2009. Madankollu, minħabba li l-istqarrija għall-istampa tal-ECHA tas-7 ta’ Diċembru 2009 kienet tindika li l-kumitat tal-Istati Membri kien identifika s-sustanzi kkonċernati fis-7 ta’ Diċembru 2009 u minħabba li l-ftehim ta’ dan il-kumitat ma ġiex ippubblikat mill-ECHA, ir-rikorrenti ma kinux f’pożizzjoni li jindikaw id-data korretta tal-ftehim tal-kumitat tal-Istati Membri fir-rikors. Wara li saru jafu bid-data korretta permezz tal-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà tal-ECHA, ir-rikorrenti indikawha fl-osservazzjonijiet tagħhom dwar dik l-eċċezzjoni.

34      Għaldaqstant, mir-rikors jirriżulta, sal-grad rikjest mil-liġi, li s-suġġett tal-kawża huwa l-att tal-ECHA, li jirriżulta mill-proċedura msemmija fl-Artikolu 59 tar-Regolament Nru 1907/2006, li jidentifika l-akrilamidu bħala sustanza li tissodisfa l-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 57 tal-imsemmi regolament, li l-kontenut tiegħu ġie ddeterminat bi ftehim unanimu tal-kumitat tal-Istati Membri tagħha fis-27 ta’ Novembru 2009 u li għandu jiġi eżegwit permezz tal-inklużjoni tal-akrilamidu fil-lista ta’ sustanzi kandidati ppubblikata fuq is-sit tal-internet tal-ECHA, li kienet prevista li ssir fit-13 ta’ Jannar 2010 u li finalment saret fit-30 ta’ Marzu 2010. Billi għamlu riferiment għall-ftehim unanimu tal-kumitat tal-Istati Membri tal-2009 u għall-inklużjoni tal-akrilamidu fl-imsemmija lista ppubblikata, ir-rikorrenti identifikaw b’mod inekwivoku s-suġġett tal-kawża.

35      Isegwi li din l-eċċezzjoni ta’ nuqqas ta’ ammissibbiltà għandha tiġi miċħuda.

 Fuq l-eċċezzjoni ta’ nuqqas ta’ ammissibbiltà bbażata fuq in-natura tad-deċiżjoni kkontestata

36      L-ECHA u l-partijiet intervenjenti essenzjalment isostnu li r-rikorrenti, billi għamlu riferiment għall-ftehim unanimu tal-kumitat tal-Istati Membri tal-ECHA milħuq fis-27 ta’ Novembru 2009, ikkontestaw att preparatorju li ma kienx maħsub li jipproduċi effetti legali fil-konfront ta’ terzi fis-sens tat-tieni sentenza tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE. Skont l-ECHA, l-att li jipproduċi effett legali potenzjali hija l-pubblikazzjoni tal-lista tas-sustanzi kandidati aġġornati fuq is-sit tal-internet tal-ECHA skont l-Artikolu 59(10) tar-Regolament Nru 1907/2006. Skont il-Kummissjoni u r-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, l-att finali ta’ proċedura msemmija fl-Artikolu 59 tal-imsemmi regolament hija d-deċiżjoni tad-direttur eżekuttiv tal-ECHA li sustanza għandha tiġi inkluża fil-lista ta’ sustanzi kandidati skont il-paragrafu 8 ta’ dak l-Artikolu.

37      Ir-rikorrenti jtennu li d-deċiżjoni kkontestata hija miżura li tistabbilixxi b’mod definittiv il-pożizzjoni tal-ECHA fir-rigward tal-identifikazzjoni tal-akrilamidu bħala sustanza ta’ tħassib serju ħafna u tal-inklużjoni tagħha fil-lista ta’ sustanzi kandidati. Jirriżulta mill-Artikolu 59(8) tar-Regolament Nru 1907/2006 li l-element prinċipali tal-proċedura msemmija f’dan l-artikolu huwa l-ftehim dwar l-identifikazzjoni. L-inklużjoni segwenti fil-lista ta’ sustanzi kandidati hija konsegwenza awtomatika tad-deċiżjoni li tidentifika sustanza bħala ta’ tħassib serju ħafna. Bl-istess mod, il-pubblikazzjoni u l-aġġornament tal-lista ta’ sustanzi kandidati skont l-Artikolu 59(10) tal-imsemmi regolament għandhom jitwettqu awtomatikament ġaladarba tkun ittieħdet deċiżjoni dwar l-inklużjoni ta’ sustanza.

38      Skont it-tieni sentenza tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, jistgħu jiġu kkontestati l-atti adottati mill-korpi jew mill-organi tal-Unjoni maħsuba sabiex jipproduċu effetti legali fir-rigward ta’ terzi.

39      Skont ġurisprudenza kostanti, jistgħu jiġu kkontestati permezz ta’ rikors għal annullament id-dispożizzjonijiet kollha meħuda mill-istituzzjonijiet, il-korpi jew l-organi tal-Unjoni, indipendentement min-natura jew il-forma, li huma intiżi sabiex jipproduċu effetti legali (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-31 ta’ Marzu 1971, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill, 22/70, Ġabra p. 263, punt 42, u tal-24 ta’ Novembru 2005, l-Italja vs Il-Kummissjoni, C‑138/03, C‑324/03 u C‑431/03, Ġabra p. I‑10043, punt 32; digriet tal-Qorti Ġenerali tal-14 ta’ Lulju 2008, Espinosa Labella et vs Il-Kummissjoni, T‑322/06, mhux ippubblikat fil-Ġabra, punt 25, u l-ġurisprudenza ċċitata).

40      Fir-rigward ta’ atti jew ta’ deċiżjonijiet li l-elaborazzjoni tagħhom issir f’fażijiet differenti, b’mod partikolari fi tmiem il-proċedura interna, bħala prinċipju, huma biss il-miżuri li jistabbilixxu definittivament il-pożizzjoni tal-istituzzjoni, il-korp jew l-organu tal-Unjoni kkonċernat fi tmiem il-proċedura li jikkostitwixxu atti li jistgħu jkunu s-suġġett ta’ rikors għal annullament. Minn dan jirriżulta li miżuri preliminari jew ta’ natura purament preparatorja ma jistgħux ikunu s-suġġett ta’ rikors għal annullament (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-11 ta’ Novembru 1981, IBM vs Il-Kummissjoni, 60/81, Ġabra p. 2639, punt 10, u sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-19 ta’ Jannar 2010, Co-Frutta vs Il-Kummissjoni, T‑355/04 u T‑446/04, Ġabra p. II‑1, punt 33, u l-ġurisprudenza ċċitata).

41      F’dan il-każ, ma huwiex neċessarju li l-Qorti Ġenerali tagħti deċiżjoni fuq l-argument dwar l-allegat karattru preparatorju tal-ftehim unanimu tal-kumitat tal-Istati Membri, peress li d-deċiżjoni kkontestata ma kinitx tipprevedi li tipproduċi effetti legali fir-rigward ta’ terzi fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 39 iktar ’il fuq fil-mument li fih għandha tiġi evalwata l-ammissibbiltà ta’ dan ir-rikors, jiġifieri fil-mument meta ġie ppreżentat ir-rikors (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-18 ta’ April 2002, Spanja vs Il-Kunsill, C‑61/96, C‑132/97, C‑45/98, C‑27/99, C‑81/00 u C‑22/01, Ġabra p. I‑3439, punt 23, u d-digriet tal-Qorti Ġenerali tas-7 ta’ Settembru 2010, Etimine u Etiproducts vs Il‑Kummissjoni, T‑539/08, Ġabra p. II‑4017, punt 76).

42      Fil-fatt, l-att ta’ identifikazzjoni ta’ sustanza li jirriżulta mill-proċedura msemmija fl-Artikolu 59 tar-Regolament Nru 1907/2006 ċertament jista’ jagħti lok, b’mod partikolari, għall-obbligi ta’ informazzjoni msemmija fl-Artikolu 7(2), fl-Artikolu 31(1)(ċ), 31(3)(b) kif ukoll fl-Artikolu 33(1) u (2) ta’ dak ir-regolament. Dawk id-dispożizzjonijiet jagħmlu riferiment għas-sustanzi identifikati skont l-Artikolu 59(1) tal-imsemmi regolament jew għas-sustanzi inklużi jew li jinsabu fil-lista stabbilita skont l-Artikolu 59(1) ta’ dak ir-regolament. Għaldaqstant huma jistabbilixxu obbligi legali naxxenti mill-att li jirriżulta mill-proċedura msemmija fl-Artikolu 59 tal-istess regolament.

43      Madankollu jeħtieġ li jitfakkar li l-proċedura msemmija fl-Artikolu 59 tar-Regolament Nru 1907/2006, li tikkonsisti fl-identifikazzjoni ta’ sustanzi li jissodisfaw il-kriterji msemmija fl-Artikolu 57 tal-imsemmi regolament u fl-istabbiliment ta’ lista ta’ sustanzi kandidati, issir f’diversi stadji.

44      Għaldaqstant, wara li tinbeda l-proċedura ta’ identifikazzjoni u wara li l-ECHA tirrendi disponibbli l-fajl relattiv ta’ sustanza għall-Istati Membri u tippubblika fuq is-sit tal-internet tagħha avviż li jistieden lill-partijiet interessati kollha sabiex jippreżentaw quddiemha l-informazzjoni tagħhom (Artikolu 59(2) sa (4) tar-Regolament Nru 1907/2006), l-Istati Membri tal-ECHA u l-partijiet interessati kollha jistgħu jippreżentaw osservazzjoniijet dwar l-identifikazzjoni proposta fil-fajl (Artikolu 59(4) u (5) tal-imsemmi regolament). Jekk, bħal f’dan il-każ, isiru tali osservazzjonijiet, l-ECHA tirrinvija l-fajl quddiem il-kumitat tal-Istati Membri tagħha u, jekk dan il-kumitat jasal għal ftehim unanimu fuq l-identifikazzjoni, hija tinkludi dik is-sustanza fil-lista ta’ sustanzi kandidati (Artikolu 59(7) u (8) ta’ dak ir-regolament). Finalment, ġaladarba tittieħed deċiżjoni dwar l-inklużjoni tas-sustanza, l-ECHA tippubblika u taġġorna l-lista ta’ sustanzi kandidati fuq is-sit tal-internet tagħha (Artikolu 59(10) tal-istess regolament).

45      F’dan il-każ, ir-rikors ġie ppreżentat wara ftehim unanimu tal-kumitat tal-Istati Membri fuq l-identifikazzjoni tal-akrilamidu bħala sustanza ta’ tħassib serju ħafna u wara d-deċiżjoni tad-direttur eżekuttiv li din is-sustanza kellha tiġi inkluża fil-lista ta’ sustanzi kandidati. Madankollu, peress li d-dħul fis-seħħ ta’ dik id-deċiżjoni ma kienx previst għal qabel it-13 ta’ Jannar 2010 u peress li l-inklużjoni tal-akrilamidu fil-lista ta’ sustanzi kandidati bl-istess mod ma kinitx prevista li ssir qabel dik id-data, dik is-sustanza kienet għadha ma ġietx inkluża fl-imsemmija lista meta ġie ppreżentat ir-rikors.

46      Issa, minkejja li huwa veru li jirriżulta mill-kliem “għandha tinkludi” tal-Artikolu 59(8) tar-Regolament Nru 1907/2006 li l-organu tal-ECHA responsabbli mill-inklużjoni ta’ sustanza fil-lista ta’ sustanzi kandidati ma għandu l-ebda marġni ta’ diskrezzjoni fir-rigward ta’ din l-inklużjoni, fejn din tal-aħħar issegwi awtomatikament il-ftehim tal-kumitat tal-Istati Membri, xorta jibqa’ l-fatt li, qabel l-inklużjoni ta’ sustanza fil-lista ta’ sustanzi kandidati skont dik id-dispożizzjoni, l-att ta’ identifikazzjoni ta’ sustanza bħala ta’ tħassib serju ħafna, li tirriżulta mill-proċedura msemmija fl-Artikolu 59 tal-imsemmi regolament, ma huwiex intiż sabiex jipproduċi effetti legali fir-rigward ta’ terzi fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 39 iktar ’il fuq.

47      Fil-fatt, fl-ewwel lok, l-obbligi ta’ informazzjoni naxxenti mill-att li jirriżulta mill-proċedura msemmija fl-Artikolu 59 tar-Regolament Nru 1907/2006, imsemmija fl-Artikolu 7(2), fl-Artikolu 31(1)(ċ), fl-Artikolu 31(3)(b) kif ukoll fl-Artikolu 33(1) u (2) ta’ dak ir-regolament, jagħmlu riferiment, minn naħa, għas-sustanzi identifikati skont l-Artikolu 59(1) tal-imsemmi regolament u, min-naħa l-oħra, għas-sustanzi inklużi, jew li jinsabu fil-lista ta’ sustanzi kandidati. Ma jirriżultax mir-Regolament Nru 1907/2006 li l-leġiżlatur kellu bħala għan li l-persuni kkonċernati minn dawk l-obbligi kellhom jissodisfawhom fi stadji differenti tal-proċedura msemmija fl-Artikolu 59 tal-imsemmi regolament. Għall-kuntrarju, jirriżulta mill-Artikolu 59 ta’ dak ir-regolament “L-identifikazzjoni ta’ sustanzi msemmija fl-Artikolu 57 [tal-imsemmi regolament]” li l-funzjoni effettiva tal-proċedura msemmija f’dak l-artikolu tikkonsisti fl-identifikazzjoni definittiva ta’ sustanzi li jissodisfaw il-kriterji msemmija fl-Artikolu 57 ta’ dak ir-regolament. Jirriżulta mill-Artikolu 59(1) tal-imsemmi regolament, li jagħmel riferiment għall-paragrafi 2 sa 10 ta’ dak l-artikolu fir-rigward tal-proċedura ta’ identifikazzjoni, li l-inklużjoni ta’ sustanza fil-lista ta’ sustanzi kandidati, imsemmija fil-paragrafu 8 ta’ dak l-artikolu, tifforma parti integrali minn dik il-proċedura. Ir-riferimenti, minn naħa, għas-sustanzi identifikati skont l-Artikolu 59(1) tal-imsemmi regolament u, min-naħa l-oħra, għas-sustanzi inklużi jew li jinsabu fil-lista ta’ sustanzi kandidati ma jistgħux għaldaqstant jikkorrispondu għal stadji differenti tal-proċedura ta’ identifikazzjoni b’tali mod li l-imsemmija obbligi ma jistgħux jeżistu qabel l-inklużjoni effettiva tas-sustanza fil-lista ta’ sustanzi kandidati.

48      Fit-tieni lok, jeħtieġ li jiġi rrilevat li, fil-każ li l-ECHA ma tirċievi u ma tagħmel l-ebda osservazzjoni dwar il-proposta ta’ identifikazzjoni ta’ sustanza bħala ta’ tħassib serju ħafna, hija tinkludi dik is-sustanza fil-lista ta’ sustanzi kandidati (Artikolu 59(6) tar-Regolament Nru 1907/2006). F’tali każ, ikun nieqes stadju ta’ identifikazzjoni fi ħdan il-proċedura ta’ identifikazzjoni skont l-Artikolu 59 tal-imsemmi regolament, ġestit b’mod separat minn organu tal-ECHA differenti bħall-kumitat tal-Istati Membri jew istituzzjoni distinta bħall-Kummissjoni skont il-paragrafi 8 u 9 ta’ dak l-artikolu. Issa, peress illi l-mument li minnu att ta’ identifikazzjoni ta’ sustanza bħala ta’ tħassib serju ħafna, li jirriżulta mill-proċedura msemmija fl-Artikolu 59 tal-imsemmi regolament, intiż li jipproduċi effetti legali ma jistax jiddependi fuq il-preżentazzjoni ta’ osservazzjonijiet minn Stat Membru, mill-ECHA jew minn parti interessata, huwa biss mill-inklużjoni ta’ sustanza fil-lista ta’ sustanzi kandidati li dak l-att jista’ jipproduċi effetti legali.

49      Fir-rigward tal-fatt li, skont l-Artikolu 59(10) tar-Regolament Nru 1907/2006, l-ECHA għandha tippubblika u taġġorna l-lista ta’ sustanzi kandidati fuq is-sit tal-internet tagħha, ġaladarba tkun ittieħdet deċiżjoni dwar l-inklużjoni ta’ sustanza, jeħtieġ li jiġi rrilevat li l-obbligi ġuridiċi li jirriżultaw mill-att ta’ identifikazzjoni ta’ sustanza bħala ta’ tħassib serju ħafna, li jirriżulta mill-proċedura msemmija fl-Artikolu 59 tal-imsemmi regolament, jistgħu jinċidu fuq il-persuni kkonċernati biss wara l-pubblikazzjoni tal-lista ta’ sustanzi kandidati li tkun tinkludi dik is-sustanza, peress li huwa minn dak il-mument li dawk il-persuni jkunu jistgħu jsiru jafu b’ċertezza bid-drittijiet u l-obbligi tagħhom u konsegwentement li jifformaw il-pożizzjonijiet tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-10 ta’ Marzu 2009, Heinrich, C‑345/06, Ġabra p. I‑1659, punt 44, u l-ġurisprudenza ċċitata). Bl-istess mod, it-terminu għall-preżentata ta’ rikors kontra l-att ta’ identifikazzjoni ta’ sustanza bħala ta’ tħassib serju ħafna, li jirriżulta mill-proċedura msemmija fl-Artikolu 59 tal-imsemmi regolament, skont is-sitt paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE jibda jiddekorri biss mill-pubblikazzjoni tal-lista ta’ sustanzi kandidati li tinkludi lil dik is-sustanza.

50      Peress li l-lista ta’ sustanzi kandidati teżisti biss fuq is-sit tal-internet tal-ECHA, l-inklużjoni ta’ sustanza f’dik il-lista ser issir fl-istess ħin tal-pubblikazzjoni tal-lista aġġornata. Għaldaqstant huwa biss bl-inklużjoni fil-lista ta’ sustanzi kandidati ppubblikata fuq is-sit tal-internet tal-ECHA li l-att ta’ identifikazzjoni ta’ sustanza bħala ta’ tħassib serju ħafna, li jirriżulta mill-proċedura msemmija fl-Artikolu 59 tal-imsemmi regolament, jibda jipproduċi effetti legali.

51      Fid-dawl ta’ dak li ntqal, ir-rikors għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli mingħajr ma huwa neċessarju li jiġu eżaminati l-eċċezzjonijiet l-oħra ta’ nuqqas ta’ ammissibbiltà invokati mill-ECHA.

 Fuq l-ispejjeż

52      Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Barra minn hekk, skont il-paragrafu 4 ta’ dan l‑artikolu, l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet li intervenjew fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

53      Peress li r-rikorrenti tilfet, hemm lok li hija tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż tagħha kif ukoll dawk tal-Kummissjoni, skont it-talbiet ta’ din tal-aħħar. It-tieni rikorrenti għandha tbati l-ispejjeż sostnuti għall-proċeduri għal miżuri provviżorji skont it-talbiet tal-ECHA. Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi u l-Kummissjoni għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Is-Seba’ Awla Estiża)

tordna:

1)      Ir-rikors huwa miċħud bħala inammissibbli.

2)      Polyelectrolyte Producers Group GEIE (PPG) u SNF SAS huma kkundannati għall-ispejjeż tagħhom kif ukoll għal dawk sostnuti mill-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (ECHA).

3)      SNF għandha tbati l-ispejjeż sostnuti għall-proċeduri għal miżuri provviżorji.

4)      Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi u l-Kummissjoni għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

Magħmul fil-Lussemburgu, fil-21 ta’ Settembru 2011.

Reġistratur

 

      Il-President

E. Coulon

 

      A. Dittrich


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.