Language of document :

Rikors ippreżentat fl-4 ta' Jannar 2010 - PPG u SNF vs ECHA

(Kawża T-1/10)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Polyelectrolyte Producers Group GEIE (PPG) (Brussell, il-Belġju), SNF SAS (Andrézieux, Franza) (rappreżentanti: K. Van Maldegem, P. Sellar u R. Cana, avukati)

Konvenuta: Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (ECHA)

Talbiet tar-rikorrenti

tiddikjara r-rikors ammissibbli u fondat;

tannulla l-att ikkontestat;

tikkundanna lill-ECHA għall-ispejjeż ta' dawn il-proċeduri;

tieħu dawk il-miżuri addizzjonali oħra li jidhrilha ġusti.

Motivi u argumenti prinċipali

Ir-rikorrenti qegħdin jitolbu l-annullament tad-deċiżjoni tal-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (iktar 'il quddiem l-"ECHA") tas-7 ta' Diċembru 2009 dwar l-identifikazzjoni tal-akrilamidu (KE Nru 201-173-7) bħala sustanza li tossidisfa l-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 57 tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 1 (iktar 'il quddiem "REACH"), meħuda skont l-Artikolu 59 ta' REACH.

Fuq il-bażi tad-deċiżjoni kkontestata, li r-rikorrenti saru jafu dwarha permezz ta' komunikat stampa tal-ECHA tas-7 ta' Diċembru 2009, is-sustanza akrilamidu ġiet inkluża fil-lista ta' 15-il sustanza kimika ġdida tal-Lista ta' kandidati ta' sustanzi ta' tħassib serju ħafna. Ir-rikorrenti jargumentaw li, b'konsegwenza ta' dan, huma se jkunu meħtieġa jipprovdu ċerta informazzjoni dwar il-livell ta' akrilamidu fil-prodotti tagħhom li jbiegħu lill-klijenti sabiex dawn il-klijenti jkunu jistgħu jikkonformaw mal-obbligi ta' notifika u ta' informazzjoni imposti fuqhom minn REACH. Barra minn hekk, huma jistgħu jkunu meħtieġa jaġġornaw l-iskedi ta' data ta' sigurtà u/jew jikkomunikaw lill-klijenti tagħhom informazzjoni dwar l-identifikazzjoni tal-akrilamidu bħala sustanza ta' tħassib serju ħafna.

Ir-rikorrenti jargumentaw li l-att ikkontestat huwa illegali minħabba li huwa bbażat fuq evalwazzjoni tal-akrilamidu li hija xjentifikament u legalment difettuża. Skont l-argumenti tagħhom il-konvenuta wettqet żbalji manifesti ta' evalwazzjoni meta adottat l-att ikkontestat. B'mod partikolari, ir-rikorrenti jargumentaw li l-att ikkontestat jikser ir-regoli applikabbli, stabbiliti taħt REACH għall-identifikazzjoni ta' sustanzi ta' tħassib serju ħafna.

Fil-qosor, ir-rikorrenti jsostnu li l-att ikkontestat effettivament jidentifika l-akrilamidu bħala sustanza ta' tħassib serju ħafna fuq il-bażi li l-akrilamidu huwa sustanza kimika. Madankollu, ir-rikorrenti jsostnu li l-akrilamidu jintuża esklużivament bħala sustanza intermedja u għalhekk huwa eżentat mit-Titolu VII ta' REACH dwar l-awtorizzazzjoni, skont l-Artikoli 2(8) u 59 tar-regolament imsemmi.

Barra minn hekk, ir-rikorrenti jargumentaw li l-att ikkontestat ġie adottat mingħajr bażi ta' provi suffiċjenti u għalhekk il-konvenuta wettqet żball manifest ta' evalwazzjoni.

Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti jsostnu li l-att ikkontestat jikser, minbarra r-rekwiżiti ta' REACH, il-prinċipji ta' proporzjonalità u ta' trattament ugwali.

____________

1 - Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-18 ta' Diċembru 2006, dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta' sustanzi kimiċi (REACH), li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi, li jemenda d-Direttiva 1999/45/KE u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 793/93 tal-Kunsill u r-Regolament (KE) Nru 1488/94 tal-Kummissjoni kif ukoll id-Direttiva 76/769/KEE tal-Kunsill u d-Direttivi 91/155/KEE, 93/67/KEE, 93/105/KE u 2000/21/KE tal-Kummissjoni (ĠU L 396, p. 1-850)