Language of document : ECLI:EU:T:2014:983

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla)

25 ta’ Novembru 2014 (*)

“Trade mark Komunitarja — Proċedura għal dikjarazzjoni ta’ invalidità — Trade mark Komunitarja tridimensjonali — Kubu b’uċuħ li għandhom struttura ta’ gradilja — Raġunijiet assoluti għal rifjut — L-ewwel sentenza tal-Artikolu 76(1) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009 — Assenza ta’ sinjal kompost esklużivament mill-forma ta’ prodott neċessarja sabiex jinkiseb riżultat tekniku — Artikolu 7(1)(e)(ii) tar-Regolament Nru 40/94 [li sar l-Artikolu 7(1)(e)(ii) tar-Regolament Nru 207/2009] — Assenza ta’ sinjal kompost esklużivament mill-forma imposta min-natura stess tal-prodott — Artikolu 7(1)(e)(i) tar-Regolament Nru 40/94 [li sar l-Artikolu 7(1)(e)(i) tar-Regolament Nru 207/2009] — Assenza ta’ sinjal kompost esklużivament mill-forma li tagħti valur sostanzjali lill-prodott — Artikolu 7(1)(e)(iii) tar-Regolament Nru 40/94 [li sar l-Artikolu 7(1)(e)(iii) tar-Regolament Nru 207/2009] — Karattru distintiv — Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 (li sar l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009) — Assenza ta’ karattru distintiv — Artikolu 7(1)(ċ) tar-Regolament Nru 40/94 (li sar l-Artikolu 7(1)(ċ) tar-Regolament Nru 207/2009) — Karattru distintiv miksub bl-użu — Artikolu 7(3) tar-Regolament Nru 40/94 (li sar l-Artikolu 7(3) tar-Regolament Nru 207/2009) — Obbligu ta’ motivazzjoni — L-ewwel sentenza tal-Artikolu 75 tar-Regolament Nru 207/2009”

Fil-Kawża T‑450/09,

Simba Toys GmbH & Co. KG, stabbilita f’Fürth (il-Ġermanja), irrappreżentata minn O. Ruhl, avukat,

rikorrenti,

vs

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), irrappreżentat minn D. Botis, bħala aġent,

konvenut,

il-parti l-oħra fil-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell tal-UASI, intervenjenti quddiem il-Qorti Ġenerali, hija

Seven Towns Ltd, stabbilita fi Londra (ir-Renju Unit), irrappreżentata inizjalment minn M. Edenborough, QC, u B. Cookson, solicitor, sussegwentement minn K. Szamosi u M. Borbás, avukati,

li għandha bħala suġġett rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni tat-Tieni Bord tal-Appell tal-UASI tal-1 ta’ Settembru 2009 (Każ R 1526/2008-2), dwar proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità bejn Simba Toys GmbH & Co. KG u Seven Towers Ltd,

IL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla),

komposta minn S. Frimodt Nielsen, President, F. Dehousse u A. M. Collins (Relatur), Imħallfin,

Reġistratur: J. Weychert, Amministratur,

wara li rat ir-rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-6 ta’ Novembru 2009,

wara li rat id-digriet ta’ sospensjoni tal-proċeduri tal-10 ta’ Marzu u tad-9 ta’ Lulju 2010,

wara t-tkomplija tal-proċedura,

wara li rat ir-risposta tal-UASI ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-30 ta’ Novembru 2010,

wara li rat ir-risposta tal-intervenjenti ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-24 ta’ Novembru 2010,

wara li rat ir-replika ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-4 ta’ Marzu 2011,

wara li rat il-kontroreplika tal-UASI ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-25 ta’ Mejju 2011,

wara li rat il-kontroreplika tal-intervenjenti ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali tat-23 ta’ Mejju 2011,

wara li rat il-bidla fil-kompożizzjoni tal-Awli tal-Qorti Ġenerali,

wara s-seduta tal-5 ta’ Diċembru 2013,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Fl-1 ta’ April 1996, l-intervenjenti, Seven Towns Ltd, ippreżentat applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ trade mark Komunitarja quddiem l-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94, tal‑20 ta’ Diċembru 1993, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 146), kif emendat [issostitwit bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009, tas-26 ta’ Frar 2009, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU L 78, p. 1)].

2        It-trade mark li għaliha ntalbet l-applikazzjoni huwa s-sinjal tridimensjonali riprodott hawn taħt:

Image not found

3        Il-prodotti li għalihom intalbet ir-reġistrazzjoni tat-trade mark jaqgħu fil-klassi 28 skont il-Ftehim ta’ Nizza dwar il-Klassifikazzjoni Internazzjonali ta’ Prodotti u Servizzi għall-finijiet tar-Reġistrazzjoni ta’ Trade Marks, tal-15 ta’ Ġunju 1957, kif irrevedut u emendat, u jikkorrispondu għad-deskrizzjoni segwenti: “Logħob ta’ taħbil il-moħħ tridimensjonali”.

4        Fis-6 ta’ April 1999, it-trade mark inkwistjoni ġiet irreġistrata bħala trade mark, bin-numru 162784. Hija ġiet mġedda fl-10 ta’ Novembru 2006.

5        Fil-15 ta’ Novembru 2006, ir-rikorrenti, Simba Toys GmbH & Co. KG, ressqet talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità tat-trade mark ikkontestata skont l-Artikolu 51(1)(a) tar-Regolament Nru 40/94 [li sar l-Artikolu 52(1)(a) tar-Regolament Nru 207/2009], moqri flimkien mal-Artikolu 7(1)(a) sa (ċ) tal-imsemmi regolament [li sar l-Artikolu 7(1)(a) sa (ċ) u (e) tar-Regolament Nru 207/2009].

6        Permezz ta’ deċiżjoni tal-14 ta’ Ottubru 2008, id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni ċaħdet it-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità kollha kemm hi (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni tal-14 ta’ Ottubru 2008”).

7        Fit-23 ta’ Ottubru 2008, ir-rikorrenti ppreżentat appell minn din id-deċiżjoni quddiem l-UASI skont l-Artikoli 57 sa 62 tar-Regolament Nru 40/94 (li saru l-Artikoli 58 sa 64 tar-Regolament Nru 207/2009). Insostenn tal-appell tagħhom, hija invokat ksur tal-Artikolu 7(1)(a) sa (ċ) tal-imsemmi regolament.

8        Permezz ta’ deċiżjoni tal-1 ta’ Settembru 2009 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), it-Tieni Bord tal-Appell tal-UASI kkonferma d-deċiżjoni tal-14 ta’ Ottubru 2008 u ċaħad l-appell.

9        Rigward l-ilment ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 7(1)(a) tar-Regolament Nru 40/94, il-Bord tal-Appell qies li ma kienx fondat peress li, minn naħa, it-trade mark ikkontestata kienet ġiet adegwatament irrappreżentata grafikament u li, min-naħa l-oħra, “ma [kien] ebda raġuni manifest għaliex l-istruttura kubika ta’ gradilja ma tistax, fit-teorija, tiddistingwi l-prodotti u s-servizzi ta’ impriżi minn dawk ta’ impriżi oħrajn” (punt 16 tad-deċiżjoni kkontestata).

10      Għal dak li jikkonċerna l-ilment ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 40/94, il-Bord tal-Appell ċaħdu wara li kkonstata li t-trade mark ikkontestata kienet differenti b’mod sinjifikattiv mill-użanzi tas-settur. Minn naħa, huwa rrileva li r-rikorrenti ma pproduċiet ebda prova konvinċenti li turi li “struttura kubika ta’ gradilja [kienet tikkostitwixxi] ‘norma’ fil-qasam speċifiku tal-logħob ta’ taħbil il-moħħ tridimensjonali”. L-eżistenza ta’ logħba ta’ taħbil il-moħħ, jiġifieri l-kubu Soma, li jixbah il-kubu kopert mit-trade mark ikkontestata ma kienx biżżejjed sabiex juri li din it-trade mark tikkorrispondi għan-norma tas-settur (punt 20 tad-deċiżjoni kkontestata). Min-naħa l-oħra, huwa qies li t-trade mark ikkontestata kellha karatteristiċi suffiċjenti sabiex titqies bħala intrinsikament distintiva għall-prodotti kkonċernati (punt 21 tad-deċiżjoni kkontestata).

11      Rigward l-ilment ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 7(1)(ċ) tar-Regolament Nru 40/94, il-Bord tal-Appell qies li ma kienx fondat peress li, ħlief b’għarfien minn qabel min-naħa tal-konsumatur, it-trade mark ikkontestata ma kinitx tixbah u lanqas tagħmel allużjoni, għal logħba ta’ taħbil il-moħħ tridimensjonali (punt 23 tad-deċiżjoni kkontestata).

12      Fl-aħħar nett, il-Bord tal-Appell ċaħad l-ilment ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 7(1)(e) tar-Regolament Nru 40/94. L-ewwel nett, huwa qies li r-reġistrazzjoni tat-trade mark ikkontestata ma kinitx kuntrarja għall-Artikolu 7(1)(e) tar-Regolament Nru 40/94 [li sar l-Artikolu 7(1)(e) tar-Regolament Nru 207/2009], wara li rrileva, essenzjalment, li l-“istruttura kubika ta’ gradilja” ma kienet tagħti ebda indikazzjoni fuq il-funzjoni tagħha, jew saħansitra fuq l-eżistenza ta’ kwalunkwe funzjoni, u li kien impossibbli li jiġi konkluż li hija setgħet “tipprovdi vantaġġ jew effett tekniku kwalunkwe fil-qasam tal-logħob ta’ taħbil il-moħħ tridimensjonali” (punt 28 tad-deċiżjoni kkontestata). It-tieni nett, il-Bord tal-Appell iddikjara li, “peress li l-forma inkwistjoni ma [kellhiex] manifestament il-forma ta’ logħba ta’ taħbil il-moħħ u li l-funzjonijiet u l-movimenti li [setgħu] jiġu applikati lilu [kienu] b’mod ċar moħbija, ma jistax jitqies [li hija kienet] imposta min-natura stess tal-prodott” (punt 29 tad-deċiżjoni kkontestata). Minn dan huwa ddeduċa li l-Artikolu 7(1)(e)(i) tar-Regolament Nru 40/94 [li sar l-Artikolu 7(1)(e)(i) tar-Regolament Nru 207/2009] ma kienx japplika f’dan il-każ. It-tielet nett, il-Bord tal-Appell qies li sempliċi “gradilja kubika bħala dik illustrata mir-rappreżentazzjoni tat-trade mark ikkontestata ma tistax titqies li għandha forma li tagħti valur sostanzjali għall-prodotti”, b’mod li l-Artikolu 7(1)(e)(iii) tar-Regolament Nru 40/94 [li sar l-Artikolu 7(1)(e)(iii) tar-Regolament Nru 207/2009] lanqas kien japplika f’dan il-każ (punt 30 tad-deċiżjoni kkontestata).

 It-talbiet tal-partijiet

13      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-UASI u l-intervenjenti għall-ispejjeż relatati ma’ dan l-appell u mal-proċeduri quddiem il-Qorti Ġenerali.

14      L-UASI u l-intervenjenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Id-dritt

15      Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka tmien motivi. L-ewwel motiv huwa bbażat fuq ksur tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 76(1) tar-Regolament Nru 207/2009. It-tieni motiv huwa bbażat fuq ksur tal-Artikolu 7(1)(e)(ii) tar-Regolament Nru 40/94. It-tielet motiv huwa bbażat fuq ksur tal-Artikolu 7(1)(e)(i) tar-Regolament Nru 40/94. Ir-raba’ motiv huwa bbażat fuq ksur tal-Artikolu 7(1)(e)(iii) tar-Regolament Nru 40/94. Il-ħames motiv huwa bbażat fuq ksur tal-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94. Is-sitt motiv huwa bbażat fuq ksur tal-Artikolu 7(1)(ċ) tar-Regolament Nru 40/94. Is-seba’ motiv huwa bbażat fuq ksur tal-Artikolu 7(3) tar-Regolament Nru 40/94 (li sar l-Artikolu 7(3) tar-Regolament Nru 207/2009). It-tmien motiv huwa bbażat fuq ksur tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 75 tar-Regolament Nru 207/2009.

 Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 76(1) tar-Regolament Nru 207/2009

16      Skont l-Artikolu 76(1) tar-Regolament Nru 207/2009:

“Fi proċedimenti quddiemu l-Uffiċċju għandu jeżamina l-fatti fuq l-inizzjattiva tiegħu stess; madanakollu, fi proċedimenti li jirrigwardaw raġunijiet relattivi għal ċaħda ta’ reġistrazzjoni, l-Uffiċċju għandu jkun ristrett għal eżaminazzjoni ta’ fatti, ta’ provi u ta’ argumenti ppreżentati mill-partijiet u tar-rimedji mitluba.”

17      L-ewwel motiv imqajjem mir-rikorrenti huwa bbażat fuq ksur tal-ewwel sentenza ta’ din id-dispożizzjoni u huwa maqsum f’ħames partijiet. Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti tafferma li l-Bord tal-Appell ma “identifikax kompletament il-karatteristiċi tat-trade mark [ikkontestata]”. B’mod iktar speċifiku, il-Bord tal-Appell naqas milli jieħu inkunsiderazzjoni li r-rappreżentazzjonijiet ta’ din it-trade mark juru “b’mod ċar” spazji żgħar fit-trufijiet tal-“linji suwed” li jidhru fuq kull wiċċ tal-kubu, li jissuġġerixxi “b’mod ċar” li dawn il-linji ma humiex intiżi li jipproduċi “qafas iswed”, iżda li jisseparaw “elementi individwali iżgħar tal-kubu” minn xulxin. Fit-tieni lok, ir-rikorrenti tikkritika lill-Bord tal-Appell li ma ħax inkunsiderazzjoni l-fatt li, min-natura tagħha, il-lobgħa ta’ taħbil il-moħħ kienet komposta minn elementi individwali. Hija tallega li, fid-dawl tal-fatt li lobgħa ta’ taħbil il-moħħ hija ġugarell li jikkonsisti li jiċċaqalqu tali elementi “b’mod li jintlaħaq ċertu ordni finali stabbilit minn qabel”, f’dan il-każ, il-konsumatur u n-negozjant medji dejjem jipperċipixxu l-linji suwed imsemmija iktar ’il fuq bħala li għandhom il-funzjoni li jisseparaw il-kubu inkwistjoni f’elementi individwali li, “b’xi mod jew ieħor, jiċċaqalqu. Fit-tielet lok, ir-rikorrenti tilmenta lill-Bord tal-Appell li injora l-fatt, kif hija kienet spjegat fl-osservazzjonijiet tagħha tat-2 ta’ Mejju 2007, il-forma ta’ kubu “ta’ dimensjoni ta’ 3 x 3 x 3” kienet neċessarja għall-kisba ta’ riżultat tekniku, jiġifieri logħba ta’ taħbil il-moħħ tridimensjonali li tinkludi elementi li jistgħu jduru, ċertu livell ta’ diffikultà u ċerti karatteristiċi ergonomiċi. Fir-raba’ lok, hija tallega li l-Bord tal-Appell żbalja meta naqas milli jieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li, kif hija kienet spjegat fl-osservazzjonijiet tagħha tas-27 ta’ Awwissu 2007 quddiem id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni, il-linji suwed imsemmija iktar ’il fuq jissodisfaw funzjoni teknika. Fil-ħames lok, hija ssostni li l-Bord tal-Appell żbalja meta qies li l-kubu Soma ma kienx jifforma parti mis-settur ikkonċernat. Hija tirrileva li kemm hija stess kif ukoll l-intervenjenti setgħu jipproduċu provi dwar dan is-suġġett waqt il-proċedimenti quddiem l-UASI.

18      L-UASI jsostni li t-tielet motiv għandu jiġi miċħud bħala manifestament infondat.

19      Fl-ewwel lok, għandu jiġi rrilevat li, permezz tal-ewwel motiv tagħha, li huwa bbażat fuq ksur ta’ dispożizzjoni ta’ natura proċedurali, ir-rikorrenti trid pjuttost tqiegħed inkwistjoni l-fondatezza tal-evalwazzjoni ta’ ċerti fatti u ta’ wħud mill-argumenti tagħha mwettqa mill-Bord tal-Appell li tikkritika lil din tal-aħħar li naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni dawn il-fatti u argumenti qabel ġiet adottata d-deċiżjoni kkontestata. Il-kwistjoni dwar jekk il-Bord tal-Appell evalwax korrettament, jew le, ċerti fatti, argumenti jew provi taqa’ taħt l-eżami tal-legalità fir-rigward tal-mertu tad-deċiżjoni kkontestata u mhux taħt ir-regolarità tal-proċeduri li wasslu għall-adozzjoni tagħha.

20      Fit-tieni lok, għandu jiġi kkonstatat li, fi kwalunkwe każ, dan il-motiv, parzjalment ma għandu ebda bażi fattwali, u parzjalment, jirriżulta minn qari żbaljat tad-deċiżjoni kkontestata.

21      Fil-fatt, l-ewwel nett, mid-deċiżjoni kkontestata (ara, b’mod partikolari, il-punti 16, 21 u 28 tad-deċiżjoni kkontestata) jirriżulta li l-Bord tal-Appell eżamina fid-dettall ir-rappreżentazzjonijiet grafiċi tat-trade mark ikkontestata, inklużi l-linji suwed ħoxnin li jidhru fiha u li jifformaw il-gradilja fil-parti interna tal-uċuħ tal-kubu inkwistjoni (iktar ’il quddiem il-“linji suwed”). Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li mhux biss l-ispazji żgħar li jinsabu fit-trufijiet tal-linji suwed bilkemm jidhru, iżda wkoll li, fi kwalunkwe każ, il-preżenza tagħhom bl-ebda mod ma teskludi li, kif ġustament jikkonstata l-Bord tal-Appell fil-punt 21 tad-deċiżjoni kkontestata, it-trade mark ikkontestata tista’ tiġi pperċepita bħala li tirriproduċi “qafas iswed”.

22      It-tieni nett, għandu jiġi kkonstatat li xejn fid-deċiżjoni kkontestata ma jippermetti li jinħaseb li l-Bord tal-Appell injora l-fatt li, min-natura tagħha, il-logħba ta’ taħbil il-moħħ tinkludi elementi individwali. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti ma tistax tikkritika lil dan tal-aħħar li rrileva, fil-punt 21 tad-deċiżjoni kkontestata, waqt l-eżami tiegħu tal-kwistjoni dwar jekk it-trade mark ikkonstatata setgħetx titqies bħala intrisikament distintiva għall-prodotti kkonċernati, li l-kubu inkwistjoni ma kienx jippreżenta “ebda karatteristika ċara li turi li huwa [seta’] jiddawwar u l-ordni tiegħu tiġi varjata”. B’mod partikolari, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, il-fatt li, min-naħa tagħha, logħba ta’ taħbil il-moħħ tinkludi elementi individwali ma jimplikax neċessarjament li dawn tal-aħħar jistgħu jkunu s-suġġett ta’ movimenti ta’ rotazzjoni. F’dan il-każ, osservatur oġġettiv mhux neċessarjament jipperċipixxi li l-linji suwed bħala li għandhom il-funzjoni li jisseparaw il-kubu inkwistjoni f’elementi individwali li “b’mod jew ieħor” jistgħu jiċċaqalqu, u dan anki jiġi preżunt li huwa jinduna bil-preżenza ta’ spazji żgħar fit-trufijiet tagħhom. Id-disa’ kwadri li jidhru fuq kull wiċċ tal-kubu inkwistjoni minħabba borduri suwed li jistgħu b’mod partikolari jinkludu kif ukoll ikunu intiżi li jitwaħħlu fuqhom, pereżempju, ittri, numri, kuluri jew disinni, u dan mingħajr ma dawn il-kwadri jew elementi oħrajn ta’ dan il-kubu probabbilment huma stess jiġu mċaqalqa. Fil-verità, kif ser jiġi spjegat iktar fid-dettall fil-punt 54 iktar ’il fuq, il-parti l-kbira tal-allegazzjoni tar-rikorrenti tibbaża fuq il-premessa żbaljata li tipprovdi li teżisti rabta neċessarja bejn allegata kapaċità ta’ rotazzjoni ta’ ċerti elementi tal-kubu inkwistjoni u l-preżenza tal-linji suwed fuq l-uċuħ tiegħu.

23      It-tielet nett, rigward it-tielet u r-raba’ partijiet ta’ dan il-motiv, għandu jiġi rrilevat li mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Bord tal-Appell eżamina b’mod eżawrjenti l-argumenti u l-provi kollha ppreżentati mid-diversi partijiet waqt il-proċedura amministrattiva (ara, b’mod partikolari, il-punti 3 sa 11, 16, 20, 21 u 28 sa 30 tad-deċiżjoni kkontestata). B’mod partikolari, il-Bord tal-Appell ħa inkunsiderazzjoni b’mod sħiħ argumenti tar-rikorrenti li jipprovdu li, minn naħa, il-forma inkwistjoni kienet neċessarja għall-kisba ta’ riżultat tekniku u, min-naħa l-oħra, il-linji suwed jissodisfaw funzjoni teknika (ara l-punti 10, 28 u 29 tad-deċiżjoni kkontestata).

24      Ir-raba’ nett, għandu jiġi kkonstatat li, kuntrarjament għal dak li tallega r-rikorrenti, billi tirreferi għall-punt 20 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell ma eskludiex li l-kubu Soma kien jifforma parti mis-settur kkonċernat. Fl-imsemmi punt, il-Bord tal-Appell sempliċement iqies li l-fatt li kienet teżisti logħba ta’ taħbil il-moħħ, jiġifieri l-imsemmi kubu Soma, li kien jixbah il-kubu kopert mit-trade mark ikkontestata ma kienx biżżejjed sabiex juri li din it-trade mark kienet tikkorrispondi għan-norma tas-settur (ara l-punt 106 iktar ’il fuq).

25      Fit-tielet lok, għandu jiġi kkonstatat li, fil-kuntest ta’ proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità, anki meta dawn jirrigwardaw, bħal f’din il-kawża, fuq kawżi assoluti ta’ invalidità, il-Bord tal-Appell ma kienx obbligat li jeżamina ex officio l-fatti [sentenza tat-13 ta’ Settembru 2013, Fürstlich Castell’sches Domänenamt vs UASI — Castel Frères (CASTEL), T‑320/10, Ġabra (Estratti), EU:T:2013:424, appellata, punti 25 sa 29]. Ċertament, il-Bord tal-Appell ma jistax madankollu jitfixkel, jekk huwa jqisu neċessarju, li jieħu inkunsiderazzjoni ex officio kull element rilevanti għall-analiżi tiegħu. Madankollu, mill-proċess ma jirriżulta li tali neċessità kienet teżisti f’dan il-każ.

26      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li l-ewwel motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 76(1)(c) tar-Regolament Nru 207/2009, għandu jiġi miċħud bħala infondat.

 Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 7(1)(e)(ii) tar-Regolament Nru 40/94

27      It-tieni motiv imqajjem mir-rikorrenti huwa bbażat fuq ksur tal-Artikolu 7(1)(e)(ii) tar-Regolament Nru 40/94 u huwa maqsum fi tmien partijiet. Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti ssostni li l-Bord tal-Appell żbalja meta naqas milli jieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li l-linji suwed kinux attribwibbli għal funzjonijiet tekniċi. Fit-tieni lok, hija ssostni li l-kwistjoni rilevanti hija dwar jekk il-karatteristiċi essenzjali tat-trade marks humiex attribwibbli biss għal riżultat tekniku, u mhux dwar jekk huma għandhomx effettivament funzjoni teknika. Fit-tielet lok, hija tikkritika lill-Bord tal-Appell li injora l-interess ġenerali li huwa l-bażi tad-dispożizzjoni ċċitata iktar ’il fuq. Hija tallega li, jekk ir-reġistrazzjoni tat-trade mark ikkontestata kienet miżmuma, dan kien jippermetti, fil-fatt, lill-proprjetarju tagħha li jinvokaha kontra kontra terzi li kienu jixtiequ jikkummerċjalizzaw logħob ta’ taħbil il-moħħ tridimensjonali li kellu kapaċità ta’ rotazzjoni. Fir-raba’ lok, hija tikkritika lill-Bord tal-Appell li ma tbiegħedx mid-dikjarazzjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni, li tinsab fid-deċiżjoni tal-14 ta’ Ottubru 2008, li tipprovdi li l-karatteristiċi essenzjali tal-forma inkwistjoni ma jissodisfawx funzjoni teknika, b’tali mod li r-reġistrazzjoni ta’ din il-forma bħala trade mark ma toħloqx monopolju fuq soluzzjoni teknika. Fil-ħames lok, hija tafferma li l-Bord tal-Appell injora l-fatt li, fil-kawżi li taw lok għas-sentenza tat-18 ta’ Ġunju 2002, Philips (C‑299/99, Ġabra, EU:C:2002:377), u għas-sentenza tat-12 ta’ Novembru 2008, Lego Juris vs UASI — Mega Brands (Brikk ta’ Lego ħamra) (T‑270/06, Ġabra, EU:T:2008:483), il-funzjonijiet tekniċi kkonċernati lanqas kienu jirriżultaw direttament minn rappreżentazzjonijiet tat-trade marks inkwistjoni. Fis-sitt lok, hija tilmenta lill-Bord tal-Appell li ma ħax inkunsiderazzjoni l-fatt li kienu jeżistu forom alternattivi li setgħu jissodisfaw l-istess funzjoni teknika. Fis-seba’ lok, hija tallega li l-Bord tal-Appell żbalja meta qies li r-rappreżentazzjonijiet tat-trade mark ikkontestata ma kienu jissuġġerixxu ebda funzjoni partikolari. Fil-fatt, mill-preżenza ta’ spazji żgħar fit-trufijiet tal-linji suwed huwa dedott li l-elementi individwali tal-kubu inkwistjoni jistgħu jkunu s-suġġett ta’ movimenti ta’ rotazzjoni. Fit-tmien lok, hija tikkritika lill-Bord tal-Appell li ma ħadx inkunsiderazzjoni li l-logħob ta’ taħbil il-moħħ tridimensjonali “ta’ dan it-tip ġeneriku” u l-kapaċità tagħhom ta’ rotazzjoni kienu magħrufa qabel l-applikazzjoni tat-trade mark ikkontestata.

28      L-UASI u l-intervenjenti jikkonfutaw l-argumenti tar-rikorrenti u jitolbu li t-tieni motiv jiġi miċħud.

29      Il-forma ta’ prodott hija fost is-sinjali li jistgħu jikkostitwixxu trade mark. Dan jirriżulta, għal dak li jikkonċerna t-trade mark Komunitarja, mill-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 40/94 (li sar l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 207/2009), li jipprovdi li jistgħu jikkonsistu trade marks Komunitarji s-sinjali kollha li jistgħu jiġu rrappreżentati b’mod grafiku, partikolarment kliem, fosthom ismijiet personali, disinni, ittri, numri, il-forma ta’ prodotti jew l-imballaġġ tagħhom, sakemm dawn is-sinjali jiddistingwu l-prodotti jew is-servizzi ta’ impriża minn dawk ta’ impriża oħra.

30      Madankollu, skont l-Artikolu 7(1)(e)(ii) tar-Regolament Nru 40/94, “ma jistgħux jiġu rreġistrati […] is-sinjali li jikkonsistu esklu[ż]ivament […] minn forma ta’ merkanzija li hija neċessarja sabiex jinkiseb riżultat tekniku”.

31      Mill-ġurisprudenza jirriżulta li din id-dispożizzjoni tipprekludi r-reġistrazzjoni ta’ kull forma komposta esklużivament, fil-karatteristiċi essenzjali tagħha, mill-forma tal-prodott teknikament kawżali u suffiċjenti sabiex jinkiseb ir-riżultat tekniku previst, anki jekk dan ir-riżultat jista’ jintlaħaq permezz ta’ forom oħrajn li jużaw l-istess, jew soluzzjoni teknika oħra (sentenza Brikk ta’ Lego ħamra, punt 27 iktar ’il fuq, EU:T:2008:483, punt 43).

32      Barra minn hekk, skont ġurisprudenza stabbilita, kull waħda mir-raġunijiet għal rifjut ta’ reġistrazzjoni elenkati fl-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 40/94 għandha tkun interpretata fid-dawl tal-interess ġenerali li huwa l-bażi tiegħu. L-interess ġenerali li huwa l-bażi tal-Artikolu 7(1)(e)(ii) ta’ dan ir-regolament huwa li jkun evitat li d-dritt tat-trade marks iwassal sabiex impriża tingħata monopolju fuq soluzzjonijiet tekniċi jew fuq il-karatteristiċi utilitarji ta’ prodott (ara s-sentenza tal-14 ta’ Settembru 2010, Lego Juris vs UASI, C‑48/09 P, Ġabra, EU:C:2010:516, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata).

33      Ir-regoli ffissati mil-leġiżlatur jirriflettu, f’dan ir-rigward, il-bilanċ ta’ żewġ kunsiderazzjonijiet li t-tnejn li huma jistgħu jikkontribwixxu għat-twettiq ta’ sistema ta’ kompetizzjoni b’saħħitha u leali (sentenza Lego Juris vs UASI, punt 32 iktar ’il fuq, EU:C:2010:516, punt 44).

34      Minn naħa, l-introduzzjoni fl-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 40/94 tal-projbizzjoni li jkun irreġistrat bħala trade mark kull sinjal li huwa kompost mill-forma tal-prodott neċessarja sabiex jinkiseb riżultat tekniku tiżgura li impriżi ma jistgħux jużaw id-dritt tat-trade marks sabiex iwettqu, mingħajr limitazzjoni ratione temporis, drittijiet esklużivi li jirrigwardaw soluzzjonijiet tekniċi (sentenza Lego Juris vs UASI, punt 32 iktar ’il fuq, EU:C:2010:516, punt 45).

35      Fil-fatt, meta l-forma ta’ prodott kull ma tagħmel huwa li tinkorpora s-soluzzjoni teknika implementata mill-manifattur ta’ dan il-prodott u tagħmel privattivata fuq l‑applikazzjoni tiegħu, protezzjoni ta’ din il-forma bħala trade mark wara l‑iskadenza tal-privattiva tnaqqas kunsiderevolment u perpetwalment il-possibbiltà għall-impriżi l-oħra li jużaw din is-soluzzjoni teknika. Issa, fis-sistema tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali kif żviluppata fl-Unjoni, is-soluzzjonijiet tekniċi biss jistgħu jkollhom protezzjoni għal tul limitat, b’mod li huma jistgħu jkunu użati liberament sussegwentement mill-operaturi ekonomiċi kollha (sentenza Lego Juris vs UASI, punt 32 iktar ’il fuq, EU:C:2010:516, punt 46).

36      Barra minn hekk, ir-reġistrazzjoni ta’ forma esklużivament funzjonali ta’ prodott bħala trade mark tista’ tippermetti lill-proprjetarju tat-trade mark li jipprojbixxi lill-impriżi l-oħra mhux biss l-użu tal-istess forma, iżda wkoll l-użu ta’ forom li jixxiebhu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Lego Juris vs UASI, punt 32 iktar ’il fuq, EU:C:2010:516, punt 56).

37      Minn naħa, billi llimita r-raġuni għal rifjut li jinsab fl-Artikolu 7(1)(e)(ii) tar-Regolament Nru 40/94 għas-sinjali komposti “esklu[ż]ivament” mill-forma tal-prodott “neċessarja” għall-kisba ta’ riżultat tekniku, il-leġiżlatur debitament ikkunsidra li kull forma tal-prodott hija, sa ċertu punt, funzjonali u li konsegwentement ma jkunx xieraq li tkun irrifjutata r-reġistrazzjoni bħala trade mark forma ta’ prodott għas-sempliċi raġuni li hija tippreżenta karatteristiċi utilitarji. Permezz tat-termini “esklu[ż]ivament” u “neċessarja”, din id‑dispożizzjoni tiżgura li l-forom ta’ prodott li jinkorporaw soluzzjoni teknika biss u li r-reġistrazzjoni tagħhom bħala trade mark toħloq għalhekk realment l-użu ta’ din is-soluzzjoni teknika permezz ta’ impriżi oħra li jkunu miċħuda r‑reġistrazzjoni (sentenza Lego Juris vs UASI, punt 32 iktar ’il fuq, EU:C:2010:516, punt 48).

38      Mill-ġurisprudenza jirriżulta wkoll li applikazzjoni korretta tal-Artikolu 7(1)(e)(ii) tar-Regolament Nru 40/94 timplika li l-karatteristiċi essenzjali tas-sinjal tridimensjonali inkwistjoni huma debitament identifikati mill-awtorità li tiddeċiedi dwar l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tiegħu bħala trade mark. L-espressjoni “karatteristiċi essenzjali” għandha tinftiehem li hija tfisser l-elementi l-iktar sinjifikattivi tas-sinjal (sentenza Lego Juris vs UASI, punt 32 iktar ’il fuq, EU:C:2010:516, punti 68 u 69).

39      L-identifikazzjoni tal-imsemmija karatteristiċi essenzjali għandha ssir każ b’każ, mingħajr ma teżisti ebda ġerarkija sistematika bejn it-tipi ta’ elementi differenti li sinjal jista’ jkollu. Fir-riċerka tagħha tal-karatteristiċi essenzjali ta’ sinjal, l-awtorità kompetenti tista’ kemm tibbaża ruħha direttament fuq l-impressjoni globali mogħtija mis-sinjal, jew tipproċedi, l-ewwel nett, għal eżami suċċessiv ta’ kull wieħed mill-elementi kostituttivi tas-sinjal (ara s-sentenza Lego Juris vs UASI, punt 32 iktar ’il fuq, EU:C:2010:516, punt 70 u l-ġurisprudenza ċċitata).

40      B’mod partikolari, kif il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat fil-punt 71 tas-sentenza Lego Juris vs UASI, punt 32 iktar ’il fuq (EU:C:2010:516), l-identifikazzjoni tal-karatteristiċi essenzjali ta’ sinjal tridimensjonali fir-rigward ta’ eventwali applikazzjoni tar-raġuni għal rifjut stabbilita fl-Artikolu 7(1)(e)(ii) tar-Regolament Nru 40/94 tista’, skont il-każ, u b’mod partikolari fir-rigward tal-livell ta’ diffikultà ta’ dan is-sinjali, isseħħ permezz ta’ sempliċi analiżi viżiva tal-imsemmi sinjal jew, bil-kontra, tkun ibbażata fuq eżami fil-fond li fil-kuntest tiegħu jittieħdu inkunsiderazzjoni elementi utli għall-evalwazzjoni, bħal stħarriġ u perizji, jew ukoll data dwar drittijiet ta’ proprjetà intellettwali mogħtija preċedentement fir-rigward tal-prodott ikkonċernat.

41      Ladarba l-karatteristiċi essenzjali tas-sinjal huma identifikati, huwa mill-ġdid l-UASI li għandu jivverifika jekk dawn il-karatteristiċi kollha jissodisfawx il-funzjoni teknika tal-prodott inkwistjoni. Fil-fatt, l-Artikolu 7(1)(e)(ii) tar-Regolament Nru 40/94 ma jistax japplika meta l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni bħala trade mark tirrigwarda forma ta’ prodott li fih element li mhux funzjonali, bħal element ornamentali jew imaġinattiv, igawdi minn rwol importanti. F’dan il-każ, l-impriżi kompetituri għandhom faċilment aċċess għal forom alternattivi ta’ funzjonalità ekwivalenti, b’mod li ma jeżistix riskju li d-disponibbiltà tas-soluzzjoni teknika tkun milquta. Din tal-aħħar tista’, f’din l-ipoteżi, tkun inkorporata mingħajr diffikultà mill-kompetituri tal-proprjetarju tat-trade mark fil-forom ta’ prodott li ma għandhomx l-istess element mhux funzjonali li għandha l-forma tal-prodott ta’ dan il-proprjetarju u li, fir-rigward tagħha, għalhekk ma humiex la identiċi u lanqas jixxiebhu (sentenza Lego Juris vs UASI, punt 32 iktar ’il fuq, EU:C:2010:516, punt 72).

42      Huwa fid-dawl tal-prinċipji msemmija iktar ’il fuq li għandu jiġi eżaminat dan il-motiv.

43      Fl-ewwel lok, għandhom jiġu identifikati l-karatteristiċi essenzjali tat-trade mark ikkontestata.

44      F’dan il-każ, kif ikkonstatat fil-punt 28 tad-deċiżjoni kkontestata, l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark ikkontestata tinkludi r-rappreżentazzjoni grafika, minn tliet perspettivi differenti, ta’ kubu li kull wiċċ tiegħu jippreżenta struttura ta’ gradilja fformata minn burduri suwed li jaqsmu l-wiċċ f’disa’ kwadri tal-istess dimensjoni u rranġati fuq firxa ta’ tlieta fuq tlieta. Erba’ linji suwed ħoxnin, jiġifieri l-linji suwed (ara l-punt 21 iktar ’il fuq), li tnejn minnhom huma mqiegħda orizzontalment u t-tnejn l-oħra vertikalment, jifformaw il-gradilja fil-parti ta’ ġewwa ta’ kull wiċċ tal-imsemmi kubu. Kif irrilevat b’mod ġust fil-punt 21 tad-deċiżjoni kkontestata, dawn l-elementi differenti jagħtu lit-trade mark ikkontestata d-dehra ta’ “qafas iswed”.

45      Mill-punti 16, 20, 28 u 30 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Bord tal-Appell jidentifika bħala li huma l-karatteristiċi essenzjali tat-trade mark ikkontestata dawk li huwa jikkwalifika bħala “struttura kubika ta’ gradilja”, jiġifieri, minn naħa, il-kubu fih innifsu u, min-naħa l-oħra, l-istruttura ta’ gradilja li tinsab fuq kull wiċċ ta’ dan il-kubu.

46      Kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħha, il-Bord tal-Appell ma llimitatx għalhekk il-karatteristiċi tat-trade mark ikkontestata għal-“linji orizzontali u vertikali li jisseparaw minn xulxin l-elementi individwali tal-kubu”. Barra minn hekk, kuntrarjament għal dak li indikaw l-UASI u l-intervenjenti waqt is-seduta fir-risposta għal domanda tal-Qorti Ġenerali, il-fatt - li barra minn hekk huwa ineżatt - , ma jikkostitwixxix karatteristika essenzjali addizzjonali tal-imsemmija trade mark li din tal-aħħar tinkludi diversi lwien griżi. Fil-fatt, minbarra l-fatt li l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark ikkontestata ma ssemmi ebda kulur għal din tal-aħħar, għandu jiġi kkonstatat li, fuq ir-rappreżentazzjonijiet grafiċi ta’ din it-trade mark, l-uċuħ tal-kubu inkwistjoni huma bojod jew koperti bi tħażżiż iswed.

47      L-evalwazzjoni tal-Bord tal-Appell imsemmija fil-punt 45 iktar ’il fuq għandha tiġi approvata, peress li minn sempliċi analiżi viżwali tat-trade mark ikkontestata jirriżulta b’mod ċar li l-elementi msemmija fl-imsemmi punt huma l-elementi l-iktar importanti ta’ din tal-aħħar.

48      Fit-tieni lok, għandu jiġi evalwat jekk il-karatteristiċi essenzjali kollha msemmija iktar ’il fuq tat-trade mark ikkontestata jissodisfawx funzjoni teknika tal-prodotti kkonċernati.

49      Fil-punt 28 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell, qabel kollox, indika li minn ġurisprudenza stabbilita rriżulta li, “skontl-Artikolu 7(1) [(e)(ii) tar-Regolament Nru 40/94], il-kawżi ta’ invalidità ta’ trade mark tridimensjonali [għandhom] jibbażaw esklużivament fuq l-eżami tar-rappreżentazzjoni tat-trade mark kif [kienet] irreġistrata u mhux fuq karatteristiċi inviżibbli allegati jew ipperċipiti”. Sussegwentement, huwa kkonstata li r-rappreżentazzjonijiet grafiċi tat-trade mark ikkontestata “ma [ssuġġerew] ebda funzjoni partikolari, anki meta l-prodotti, jiġifieri l-‘logħob ta’ taħbil il-moħħ tridimensjonali’ [kienu] ttieħdu inkunsiderazzjoni”. Huwa qies li huwa ma kellux jieħu inkunsiderazzjoni l-kapaċità “magħrufa sew” ta’ rotazzjoni tal-istrixxi vertikali u orizzontali tal-logħba ta’ taħbil il-moħħ imsemmija “Rubik’s cube” u jsib, “b’mod illegittimu u retroattiv”, il-funzjonalità fir-rappreżentazzjonijiet. Skont il-Bord tal-Appell, l-istruttura kubika ta’ gradilja ma tagħti ebda indikazzjoni fuq il-funzjoni tagħha, jew saħansitra fuq l-eżistenza ta’ funzjoni kwalunkwe, u “[h]uwa impossibbli li jiġi konkluż li hija tista’ tipprovdi vantaġġ jew effett tekniku kwalunkwe fid-dominju tal-logħob tridimensjonali”. Huwa jżid li l-forma kienet regolari u ġeometrika, u li ma kienet tinkludi “ebda indizju fuq il-logħba ta’ taħbil il-moħħ li hija [rrappreżentat]”.

50      Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti tikkontesta din l-analiżi billi ssostni, fil-kuntest tal-ewwel, it-tieni u s-seba’ partijiet ta’ dan il-motiv, li l-preżenza ta’ spazji żgħar fit-trufijiet tal-linji suwed tissuġġerixxi b’mod ċar li dawn il-linji huma intiżi li jisseparaw minn xulxin “elementi individwali iżgħar tal-kubu” li jistgħu jiċċaqalqu u, speċifikament, ikunu s-suġġett ta’ movimenti ta’ rotazzjoni. L-imsemmija linji jkunu, għalhekk, “attribwibbli għal funzjonijiet tekniċi” fis-sens tal-punt 84 tas-sentenza Philips, punt 27 iktar ’il fuq (EU:C:2002:377). Hija żżied li minn din is-sentenza jirriżulta li l-kwistjoni rilevanti ma hijiex jekk il-karatteristiċi essenzjali tat-trade mark għandhomx effettivament funzjoni teknika, iżda jekk “prodott tekniku li għandu ċerti karatteristiċi tekniċi jippreżentax il-karatteristiċi [essenzjali] inkwistjoni, minħabba l-karatteristiċi tekniċi tiegħu”. F’dan il-każ, il-linji suwed ikun speċifikament il-konsegwenza ta’ funzjoni teknika, jiġifieri l-kapaċità ta’ rotazzjoni ta’ elementi individwali tal-kubu inkwistjoni.

51      F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti tallega fl-istess waqt li l-linji suwed iwettqu funzjoni teknika u li huma l-konsegwenza ta’ tali funzjoni. Waqt is-seduta, mistiedna mill-Qorti Ġenerali sabiex tiċċara l-pożizzjoni tagħha f’dan ir-rigward, hija tafferma, minn naħa, li l-linji suwed jissodisfaw funzjoni ta’ “separabbilità”, funzjoni li tkun “prekundizzjoni” għall-mobiltà tal-elementi indidwali tal-kubu inkwistjoni u, min-naħa l-oħra, li kienet teżisti “korrelazzjoni” bejn is-soluzzjoni teknika kkonċernata u l-linji suwed.

52      Minn naħa, għandha tiġi miċħuda l-allegazzjoni tar-rikorrenti li l-linji suwed huma l-konsegwenza ta’ allegata kapaċità ta’ rotazzjoni ta’ elementi individwali tal-kubu inkwistjoni.

53      Fil-fatt, qabel kollox, din l-allegazzjoni hija irrilevanti, peress li, dak li jeħtieġ li jiġi stabbilit sabiex l-Artikolu 7(1)(e)(ii) tar-Regolament Nru 40/94 ikun jista’ japplika, huwa li l-karatteristiċi essenzjali tat-trade mark inkwistjoni jissodisfaw huma stess l-funzjoni teknika tal-prodott inkwistjoni u ntgħażlu sabiex jissodisfaw din il-funzjoni, u mhux li huma r-riżultat ta’ din il-funzjoni. Kif ġustament isostni l-UASI, mill-punti 79 u 80 tas-sentenza Philips, punt 27 iktar ’il fuq (EU:C:2002:377) jirriżulta li huwa f’dan is-sens li għandha tinftiehem id-dikjarazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja li tinsab fil-punt 84 tal-istess sentenza, li tipprovdi li sinjal kompost esklużivament mill-forma ta’ prodott ma jistax jiġi rreġistrat jekk jiġi pprovat li l-karatteristiċi funzjonali essenzjali ta’ din il-forma huma dovuti biss għar-riżultat tekniku. Din hija kkorroborata wkoll mill-interpretazzjoni mogħtija mill-Qorti Ġenerali, fil-punt 43 tas-sentenza Brikk ta’ Lego ħamra, punt 27 iktar ’il fuq (EU:T:2008:483), tal-Artikolu 7(1)(e)(ii) tar-Regolament Nru 40/94 (ara l-punt 31 iktar ’il fuq), li jipprovdi li r-raġuni għal rifjut prevista minn din id-dispożizzjoni tapplika biss meta l-forma tal-prodott hija “teknikament kawżali u suffiċjenti sabiex jinkiseb ir-riżultat tekniku li jrid jintlaħaq”, interpretazzjoni kkonfermata mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-punti 50 sa 58 tas-sentenza Lego Juris vs UASI, punt 32 iktar ’il fuq (EU:C:2010:516).

54      Sussegwentement, l-imsemmija allegazzjoni ma hijiex, fi kwalunkwe każ, fondata. Fil-fatt, kif enfasizzat l-intervenjenti fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħha u waqt is-seduta, huwa fil-fatt possibbli li kubu li l-uċuħ, jew elementi oħrajn tiegħu, jistgħu jkunu s-suġġett ta’ movimenti ta’ rotazzjoni ma jinkludix linji ta’ separazzjoni viżibbli. Għalhekk ma teżistix linja neċessarja bejn, minn naħa, tali possibbli kapaċità ta’ rotazzjoni, jew saħansitra kull possibbiltà oħra li jiċċaqalqu ċerti elementi tal-kubu inkwistjoni, u min-naħa l-oħra, il-preżenza, fuq l-uċuħ tal-imsemmi kubu, ta’ linji suwed ħoxnin jew, a fortiori, ta’ struttura ta’ gradilja tat-tip ta’ din li tinsab fuq ir-rappreżentazzjonijiet grafiċi tat-trade mark ikkontestata.

55      Fl-aħħar nett, għandu jitfakkar li t-trade mark ikkontestata ġiet irreġistrata għal-“logħob ta’ taħbil il-moħħ tridimensjonali” inġenerali, jiġifieri ma hijiex limitata għal dawk li għandhom kapaċità ta’ rotazzjoni, li huma biss tip partikolari fost ħafna oħrajn. Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li, kif hija kkonfermat fis-seduta b’risposta għal domanda tal-Qorti Ġenerali, l-intervenjenti ma inkludietx mal-applikazzjoni tagħha għal reġistrazzjoni deskrizzjoni li fiha kien speċifikat li l-forma inkwistjoni kellha tali kapaċità.

56      Min-naħa l-oħra, l-allegazzjoni tar-rikorrenti, li tipprovdi li l-linji suwed jissodisfaw funzjoni teknika, f’dan il-każ jisseparaw minn xulxin elementi individwali iżgħar tal-kubu sabiex dawn ikunu jistgħu jiċċaqalqu u, speċifikament, ikunu s-suġġett ta’ movimenti ta’ rotazzjoni, għandha wkoll tiġi miċħuda.

57      Fil-fatt, din l-allegazzjoni tibbaża fuq il-premessa żbaljata li tipprovdi li l-kubu inkwistjoni jkun neċessarjament ipperċipiet bħala li jinkludi element li jistgħu jkunu s-suġġett ta’ tali movimenti (ara l-punt 22 iktar ’il fuq). Anki jekk jitqies li osservatur oġġettiv jista’ jiddeduċi mir-rappreżentazzjonijiet grafiċi tat-trade mark ikkontestata li l-linji suwed għandha bħala funzjoni li jisseperaw minn xulxin elementi li jiċċaqalqu, ma jistax jiġi preċiżat jekk dawn humiex intiżi, pereżempju, li jkunu s-suġġett ta’ movimenti ta’ rotazzjoni jew li jiġu żarmati sabiex, sussegwentement, jiġu armati jew jippermettu t-trasformazzjoni tal-kubu inkwistjoni f’forma oħra.

58      Fil-verità, l-argument tar-rikorrenti, kif jirriżulta mis-sottomissjonijiet bil-miktub ta’ din tal-aħħar, jibbaża essenzjalment fuq l-għarfien tal-kapaċità ta’ rotazzjoni tal-istrixxi vertikali u orizzontali tar-Rubik’s cube. Huwa ċar li din il-kapaċità ma setgħetx tirriżulta mil-linji suwed bħala tali u lanqas, iktar globalment, mill-istruttura ta’ gradilja li tinsab fuq kull wiċċ tal-kubu inkwistjoni, iżda pjuttost minn mekkaniżmu intern tiegħu, inviżibbli fuq ir-rappreżentazzjonijiet grafiċi tat-trade mark ikkontestata, u li, kif inhu barra minn hekk paċifiku bejn il-partijiet, ma jistax jikkostitwixxi karatteristika essenzjali ta’ din it-trade mark.

59      F’dan il-kuntest, il-Bord tal-Appell ma jistax jiġi kkritikat li ma inkludiex dan l-element inviżibbli fl-analiżi tiegħu tal-funzjonalità tal-karatteristiċi essenzjali tat-trade mark ikkontestata. Fil-fatt, jekk il-Bord tal-Appell ma jistax jiġi pprojbit li juża metodu ta’ deduzzjoni għall-finijiet ta’ din l-analiżi, huwa essenzjali li din id-deduzzjoni ssir bl-iktar oġġettività possibbli mill-forma inkwistjoni, kif irrappreżentata grafikament, u li hija ma tkunx purament spekulattiva, iżda suffiċjentement ċerta. F’dan il-każ, li tiġi dedotta l-eżistenza ta’ mekkaniżmu intern ta’ rotazzjoni tar-rappreżentazzjonijiet grafiċi tat-trade mark ikkontestata ma kinitx konformi ma’ dawn ir-rekwiżiti.

60      Fil-fatt, kif il-Bord tal-Appell ġustament indika fil-punt 28 tad-deċiżjoni kkontestata, il-linji suwed u, iktar globalment, l-istruttura ta’ gradilja li tinsab fuq kull wiċċ tal-kubu inkwistjoni ma jissodisfaw, u lanqas jissuġġerixxu, ebda funzjoni teknika. Ċertament, l-istruttura ta’ gradilja, għalkemm hija tikkostitwixxi qabel kollox element ornamentali u imaġinattivi li jgawdi minn rwol importanti fil-forma inkwistjoni bħala indikatur ta’ oriġini (ara l-punt 110 iktar ’il fuq), għandha wkoll bħala effett ta’ diviżjoni viżwali ta’ kull wiċċ tal-imsemmi kubi f’disa’ element kwadrati tal-istess dimensjoni. Madankollu, din ma tistax tikkostitwixxi funzjoni teknika strettament fis-sens tal-ġurisprudenza rilevanti. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li ma kinitx l-intenzjoni tal-leġiżlatur li tkun irrifjutata r-reġistrazzjoni bħala trade mark forma ta’ prodott għas-sempliċi raġuni li hija tippreżenta karatteristiċi utilitarji, peress li kull forma ta’ prodott hija, sa ċertu punt, funzjonali (ara l-punt 37 iktar ’il fuq).

61      Rigward il-karatteristika essenzjali l-oħra tat-trade mark ikkontestata, f’dan il-każ il-kubu stess, ma hemmx lok li jiġi ddeterminat jekk jissodisfax funzjoni teknika tal-prodott inkwistjoni, peress li, kif jirriżulta mill-iżviluppi preċedenti, fi kwalunkwe każ dan ma huwiex il-każ għal dak li jikkonċerna l-karatteristika essenzjali li tikkostitwixxi l-istruttura ta’ gradilja. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li r-raġuni għal rifjut stabbilita fl-Artikolu 7(1)(e)(ii) tar-Regolament Nru 40/94 tapplika biss meta l-karatteristiċi essenzjali tas-sinjal huma kollha funzjonali. Ir-reġistrazzjoni ta’ sinjal bħala trade mark ma tistax tkun irrifjutata abbażi ta’ din id-dispożizzjoni jekk il-forma tal-prodott inkwistjoni tinkorpora element mhux funzjonali maġġuri (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Lego Juris vs UASI, punt 32 iktar ’il fuq, EU:C:2010:516, punt 52).

62      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-ewwel, it-tieni u t-tielet partijiet tat-tieni ma humiex fondati.

63      Fit-tieni lok, it-tielet parti ta’ dan il-motiv, ibbażata fuq il-fatt li ġie injorat l-interess ġenerali li huwa l-bażi tal-Artikolu 7(1)(e)(ii) tar-Regolament Nru 40/94, għandha wkoll tiġi miċħuda.

64      Fil-fatt, kuntrarjament għal dak li tallega r-rikorrenti, it-trade mark ikkontestata ma tistax tiġi invokata mill-proprjetarju tagħha sabiex jipprojbixxi lil terzi milli jikkummerċjalizzaw logħob ta’ taħbil il-moħħ tridimensjonali li għandu kapaċità ta’ rotazzjoni. Fil-fatt, kif jirriżulta minn żviluppi preċedenti, ir-reġistrazzjoni ta’ din it-trade mark ma għandhiex effett li tipproteġi kapaċità ta’ rotazzjoni li għandha l-forma inkwistjoni, iżda biss il-forma ta’ kubu fuq l-uċuħ tiegħu hija mwaħħla struttura ta’ gradilja, dak li jagħtih d-dehra ta’ “qafas iswed”. L-imsemmija trade mark ma tistax b’mod partikolari timpedixxi terzi li jikkummerċjalizzaw logħob ta’ taħbil il-moħħ jew li għandhom il-forma ta’ kubu, iżda li l-uċuħ tagħhom ma jinkludux struttura ta’ gradilja analoga għal dik li tidher fuq it-trade mark ikkontestata jew kull raġuni simili oħra, u dak li l-imsemmija logħob ta’ taħbil il-moħħ jinkludu jew le kapaċità ta’ rotazzjoni. F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li mill-proċess jirriżulta li, fid-data tal-preżentata tal-applikazzjoni għat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, fis-suq diġà kien hemm numru ta’ logħob ta’ taħbil il-moħħ tridimensjonali li kellhom kapaċità ta’ rotazzjoni li kellhom forom differenti minn dik ta’ kubu u/jew kienu jippreżentaw raġunijiet differenti minn dawk ta’ struttura ta’ gradilja.

65      Fit-tielet lok, għal dak li jikkonċerna r-raba’ parti tad-disa’ motiv, ir-rikorrenti tikkritika l-fatt li l-Bord tal-Appell ma tbiegħedx mid-dikjarazzjoni s-segwenti li tinsab fil-punt 28 tad-deċiżjoni tal-14 ta’ Ottubru 2008:

“Il-karatteristiċi essenzjali tal-forma inkwistjoni ma jissodisfawx funzjoni teknika u l-fatt li ġiet irreġistrata bħala trade mark ma joħloqx monopolju fuq soluzzjoni teknika. Konsegwentement, hija ma tostakolox lill-kompetituri li jikkumerċjalizzaw logħob ta’ taħbil il-moħħ mekkaniċi li jinkoporaw funzjoni ta’ mobiltà jew ta’ rotazzjoni tal-elementi li jikkostitwuhom. It-[trade mark] ikkontestata lanqas tillimita l-għażla tal-kompetituri li jwettqu tali funzjoni teknika għall-prodotti tagħhom”.

66      Skont ir-rikorrenti, dan l-argument jibbaża fuq l-idea li tgħid li t-trade mark ikkontestata ma setgħetx tiġi ddikjarata invalida, peress li “fi kwalunkwe każ azzjonijiet ta’ ksur ma jistgħux jiġi ppreżentati kontra prodotti minn terzi li huma identiċi jew analogiċi għat-trade mark jekk [dawn] il-prodotti […] jissodisfawx funzjoni teknika (jiġifieri jekk huma għandhomx kapaċità ta’ rotazzjoni)”. L-imsemmi argument jibbaża għalhekk fuq l-Artikolu 12(b) tar-Regolament Nru 40/94 (li sar l-Artikolu 12(b) tar-Regolament Nru 207/2009). Skont il-ġurisprudenza, din id-dispożizzjoni tal-aħħar ma għandhiex influwenza determinanti fuq l-interpretazzjoni tal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 40/94.

67      Għandu jiġi kkonstatat li l-argumenti tar-rikorrenti jibbażaw fuq interpretazzjoni żbaljata tas-silta msemmija iktar ’il fuq tal-punt 28 tad-deċiżjoni tal-14 ta’ Ottubru 2008. F’din is-silta, fil-fatt, id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni ma tiddeċiedi bl-ebda mod fuq l-applikazzjoni tal-Artikolu 12(b) tar-Regolament Nru 40/94, li jikkonċerna l-limitazzjoni tal-effetti tat-trade mark Komunitarja billi jipprovdi li d-dritt mogħti mir-reġistrazzjoni tagħha ma jippermettix lill-proprjetarju tagħha li jipprojbixxi lil terz milli uża, taħt ċerti kundizzjonijiet, fil-kummerċ, indikazzjonijiet li jirrigwardaw ix-xorta, il-kwalità, il-kwantità, l-użu intenzjonat, il-valur, l-oriġini ġeografiku jew il-ħin ta’ produzzjoni tal-prodotti jew tal-provvista tas-servizz, jew karatteristiċi oħrajn tagħhom ta’ dawn tal-aħħar, jiġifieri ta’ indikazzjonijiet deskrittivi. Fir-realtà, fl-imsemmija silta, id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni tevalwa sempliċement il-konsegwenzi tar-reġistrazzjoni tat-trade mark ikkontestata fid-dawl tal-interess ġenerali li huwa l-bażi tal-Artikolu 7(1)(e)(ii) tar-Regolament Nru 40/94 (ara l-punt 32 iktar ’il fuq). Kif jirriżulta mill-punti 62 u 64 iktar ’il fuq, peress li din l-evalwazzjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni hija korretta, il-Bord tal-Appell ma jistax jiġi kkritikat li tbiegħed minnha fid-deċiżjoni kkontestata.

68      Għaldaqstant, ir-raba’ parti tat-tieni motiv għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

69      Fir-raba’ lok, għandu jiġi kkonstatat li għalkemm il-ħames parti tat-tieni motiv, ibbażat fuq il-fatt li, fil-kawżi li taw lok għas-sentenzi Philips, punt 27 iktar ’il fuq, (EU:C:2002:377), u Brikk ta’ Lego ħamra, punt 27 iktar ’il fuq (EU:T:2008:483) hija infondata, il-funzjoni teknika tal-forom inkwistjoni lanqas tirriżulta direttament mir-rappreżentazzjonijiet tat-trade marks ikkonċernati.

70      Fil-fatt, minn naħa, fil-kawża li tat lok għas-sentenza Philips, punt 27 iktar ’il fuq (EU:C:2002:377), il-funzjoni teknika kkonċernata, f’dan il-każ it-tqaxxir tal-leħja, kienet tirriżulta b’mod ċar mir-rappreżentazzjoni grafika tal-forma inkwistjoni, li kienet turi b’mod partikolari, fuq il-parti ta’ fuq tal-magna ta’ tqaxxir tal-leħja elettronika, tlett ixfafar ċirkolari jduru u mqiegħda f’għamla ta’ trijangolu ekwilaterali.

71      L-istess mod, min-naħa l-oħra, fil-kawża Brikk ta’ Lego ħamra, punt 27 iktar ’il fuq (EU:T:2008:483), ir-rappreżentazzjoni grafika tat-trade mark inkwistjoni kienet turi b’mod partikolari żewġ fillieri ta’ projezzjonijiet fuq il-parti ta’ fuq tal-brikk ta’ logħob inkwistjoni. Peress li l-prodotti kkonċernati kienu l-“ġugarelli ta’ bini”, minn dawn il-projezzjonijiet jiġi loġikament dedott li huma kienu intiżi għall-immuntar ta’ brikks ta’ logħob u li dawn kellhom naħa t’isfel vojta u projezzjonijiet sekondarji, għalkemm dawn l-elementi tal-aħħar ma kinux viżibbli fuq l-imsemmija rappreżentazzjoni.

72      Min-naħa l-oħra, ir-rappreżentazzjonijiet grafiċi tat-trade mark ikkontestata ma jippermettux li wieħed isir jaf jekk il-forma inkwistjoni għandhiex xi forma teknika u lanqas, skont il-każ, liema tkun din il-forma. B’mod partikolari, kif diġà ġie rrilevat fil-punti 22, 54, 57 u 58 iktar ’il fuq, minn dawn ir-rappreżentazzjoni ma jiġix dedott b’mod suffiċjentement ċert li l-kubu inkwistjoni huwa kompost minn elementi li jiċċaqalqu u saħansitra inqas li jistgħu jkunu s-suġġett ta’ movimenti ta’ rotazzjoni.

73      Fil-ħames lok, is-sitt parti tat-tieni motiv, ibbażata fuq il-fatt li l-Bord tal-Appell ma ħax inkunsiderazzjoni l-allegata assenza ta’ forom alternattivi li jistgħu jissodisfaw l-“istess funzjoni teknika” lanqas tista’ tintlaqa’. Ir-rikorrenti lanqas tista’ tallega, kif għamlet fir-replika li, jekk ma jeżistux tali forom alternattivi, l-Artiklu 7(1)(e)(ii) tar-Regolament Nru 40/94 għandu dejjem japplika.

74      Fil-fatt, minn naħa, dan l-ilment ma huwiex ibbażat fuq fatti. Anki jekk jitqies li l-funzjoni teknika li għaliha tirreferi r-rikorrenti hija l-kapaċità ta’ rotazzjoni li tista’ tiġi ppreżentata f’logħba ta’ taħbil il-moħħ tridimensjonali, għandu jiġi rripetut li, fid-data tal-preżentata tal-applikazzjoni għat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, fis-suq diġà kien hemm numru ta’ logħob ta’ taħbil il-moħħ tridimensjonali li kellhom tali kapaċità, iżda li kienu ppreżentati f’forma oħra differenti minn kubu, pereżempju ta’ tetrakaedru, ta’ ottaedro, ta’ dodekaedru jew ta’ ikosaedru, jew li s-superfiċje esterna tagħha ma kellhiex struttura ta’ gradilja (ara l-punt 64 iktar ’il fuq).

75      Min-naħa l-oħra, u fi kwalunkwe każ, kif jirriżulta kemm mis-sentenza Philips, punt 27 iktar ’il fuq (EU:C:2002:377, punti 81 sa 84), kif ukoll mis-sentenza Lego Juris vs UASI, punt 32 iktar ’il fuq (EU:C:2010:516, punti 53 sa 58), fir-rigward tal-eżami tal-funzjonalità tal-karatteristiċi essenzjali ta’ forma, huwa irrilevanti jekk jeżistux jew le forom oħrajn li jippermettu li jinkiseb l-istess riżultat tekniku.

76      Fis-sitt lok, it-tmien parti ta’ dan il-motiv, li tipprovdi li l-Bord tal-Appell żbaljatament naqas milli jieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li l-logħob ta’ taħbil il-moħħ tridimensjonali “ta’ dan it-tip ġeneriku” u l-kapaċita’ tagħhom ta’ rotazzjoni kienu magħrufa qabel il-preżentata tat-trade mark ikkontestata, ma jistax jintlaqa’, u dan għall-istess motivi bħal dawk esposti fil-punt 58 iktar ’il fuq.

77      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, it-tieni motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat.

 Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 7(1)(e)(i) tar-Regolament Nru 40/94

78      Ir-rikorrenti ssostni li l-Bord tal-Appell kiser l-Artikolu 7(1)(e)(i) tar-Regolament Nru 40/94 sa fejn ma ħax inkunsiderazzjoni li kull waħda mill-karatteristiċi individwali tat-trade mark ikkontestata kienet imposta permezz tal-“funzjoni” tal-prodott.

79      L-UASI u l-intervenjenti jikkontestaw l-argumenti tar-rikorrenti.

80      Skont l-Artikolu 7(1)(e)(i) tar-Regolament Nru 40/94, “[m]a jistgħux jiġu rreġistrati […] [s]injali li jikkonsistu esklussivament [...] [f’]forma li tirriżulta min-natura tal-prodotti nfushom”.

81      Għandu jiġi kkonstatat li l-Bord tal-Appell ġustament iddikjara, fil-punt 29 tad-deċiżjoni kkontestata, li din id-dispożizzjoni ma kinitx tapplika f’dan il-każ.

82      Fil-fatt, min-natura tal-prodotti kkonċernati, f’dan il-każ il-logħob ta’ taħbil il-moħħ tridimensjonali huwa ċar li xejn ma jimponi li dawn il-prodotti għandhom ikollhom il-forma ta’ kubu b’uċuħ li għandhom struttura ta’ gradilja. Kif l-UASI u l-intervenjenti ġustament enfasizzaw u kif jirriżulta mill-proċess, diġà fid-data tal-preżentata tal-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, il-logħob ta’ taħbil il-moħħ tridimensjonali, anki dawk li kellhom kapaċità ta’ rotazzjoni, kienu ppreżentati f’diversi forom differenti, minn b’mod partikolari forom ġeometriċi l-iktar komuni (pereżempju kubi, piramidi, sferi u koni) sa dawk ta’ bini, ta’ monumenti, ta’ oġġetti jew ta’ annimali.

83      Għalhekk, it-tieni motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat.

 Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 7(1)(e)(iii) tar-Regolament Nru 40/94

84      Ir-rikorrenti ssostni li, sa fejn il-karatteristiċi individwali tal-forma inkwistjoni huma neċessarji għal logħba ta’ taħbil il-moħħ tridimensjonali li tippreżenta ċerti “karatteristiċi individwali ottimizzati (konvertibbli, ċertu grad ta’ diffikultà [u ta’] funzjonijiet ergonomiċi)”, din il-forma tagħti valur sostanzjali lill-prodotti kkonċernati u għas-suċċess kummerċjali tagħhom. Għalhekk, il-Bord tal-Appell kiser l-Artikolu 7(1)(e)(iii) tar-Regolament Nru 40/94.

85      L-UASI u l-intervenjenti jitolbu li r-raba’ motivi jiġi miċħud bħala infondat.

86      Skont l-Artikolu 7(1)(e)(iii) tar-Regolament Nru 40/94, “[d]awn li ġejjin ma jistgħux jiġu rreġistrati […] sinjali li jikkonsistu esklussivament […] forma li tagħti valur sostanzjali lill-prodotti”.

87      Sabiex din ir-raġuni għal rifjut tintlaqa’, jeħtieġ li s-sinjal ikkonċernat ikun kompost esklużivament minn forma u li l-karatteristiċi estetiċi tagħha, jiġifieri d-dehra esterna tagħha, jiddeterminaw sa ċertu punt l-għażla tal-konsumatur u, għalhekk, il-valur kummerċjali tal-prodott inkwistjoni. Meta l-forma tagħti għalhekk valur sostanzjali lill-prodott inkwistjoni, huwa irrilevanti li karatteristiċi oħrajn ta’ dan il-prodott, bħall-kwalitajiet tekniċi tiegħu, jistgħu wkoll jagħtuh valur sinjifikattiv [ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-6 ta’ Ottubru 2001, Bang & Olufsen vs UASI (Rappreżentazzjoni ta’ loudspeaker), T‑508/08, Ġabra, EU:T:2011:575, punti 73 sa 79].

88      F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li, kif ġustament irrileva l-UASI, l-argument tar-rikorrenti jibbaża fuq l-idea li tipprovdi li, dak li jagħti valur sostanzjali lill-prodotti kkonċernati, huma ċerti karatteristiċi funzjonali li għandha l-forma inkwistjoni. Hija ma turix u lanqas tallega li tali valur sostanzjali jirriżulta mill-aspett estetiku tal-imsemmija forma.

89      Minn dan isegwi li r-rikorrenti ma stabbilitx li l-Bord tal-Appell wettaq żball meta kkonkluda, fil-punt 30 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-Artikolu 7(1)(e)(iii) tar-Regolament Nru 40/94 ma kienx japplika f’dan il-każ. Konsegwentement, ir-raba’ motiv, ibbażat fuq il-ksur ta’ din id-dispożizzjoni, għandu jiġi miċħuda bħala infondat.

 Fuq il-ħames motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94

90      Il-ħames motiv imqajjem mir-rikorrenti huwa bbażat fuq ksur tal-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 u huwa maqsum f’ħames partijiet. Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti tikkritika lill-Bord tal-Appell li ma ħax inkunsiderazzjoni l-fatt li t-trade mark ikkontestata kienet tixbah il-forma tal-prodotti kkonċernati. Fit-tieni lok, hija ssostni li l-karatteristiċi essenzjali tat-trade mark ikkontestata huma sempliċement tekniċi, b’tali mod li din tal-aħħar ma setgħetx tiġi pperċepita bħala indikatur ta’ oriġini. Fit-tielet lok, hija tikkritika mill-ġdid lill-Bord tal-Appell li injora l-fatt li, min-natura tagħha, il-logħba ta’ taħbil il-moħħ kienet komposta minn elementi individwali. Fir-raba’ lok, hija tallega li l-Bord tal-Appell żbalja meta ttrasferixxa fuqha l-oneru tal-prova rigward il-kwistjoni dwar jekk it-trade mark kinitx differenti jew le b’mod sinjifikattiv min-normi jew mill-użanzi tas-settur ikkonċernat, li huwa l-obbligu tal-proprjetarju ta’ din it-trade mark. Fil-ħames lok, hija tirrepeti li l-Bord tal-Appell qies b’mod żbaljat li l-kubu Soma ma kienx jifforma parti mis-settur ikkonċernat.

91      L-UASI u l-intervenjenti jikkonfutaw l-argumenti tar-rikorrenti u jitolbu li l-ħames motiv jiġi miċħud.

92      Skont l‑Artikolu 7(1)(b) tar‑Regolament Nru 40/94, ma jistgħux jiġu rreġistrati t‑“trade marks li mhumiex ta’ karattru distintiv”.

93      Il-karattru distintiv ta’ trade mark, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, ifisser li din it-trade mark tippermetti li l-prodott li għalih saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni jiġi identifikat bħala li jkun provenjenti minn impriża partikolari u b’hekk li ssir distinzjoni bejn dan il-prodott u dawk ta’ impriżi oħra (sentenzi tad-29 ta’ April 2004, Henkel vs UASI, C‑456/01 P u C‑457/01 P, Ġabra, EU:C:2004:258, punt 34, u tas-7 ta’ Ottubru 2004, Mag Instrument vs UASI, C‑136/02 P, Ġabra, EU:C:2004:592, punt 29).

94      Dan il-karattru distintiv għandu jiġi evalwat, minn naħa, fir-rigward tal‑prodotti jew tas-servizzi li għalihom saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni u, min-naħa l‑oħra, fir-rigward tal-perċezzjoni li l-pubbliku rilevanti għandu ta’ dan il-karattru distintiv (sentenzi Henkel vs UASI, punt 93 iktar ‘il fuq, EU:C:2004:258, punt 35, u tat-22 ta’ Ġunju 2006, Storck vs UASI, C‑25/05 P, Ġabra, EU:C:2006:422, punt 25).

95      F’dan il-każ, għandu jiġi rrilevat, bħad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni (ara l-punti 34 u 35 tad-deċiżjoni tal-14 ta’ Ottubru 2008), li l-prodotti koperti mit-trade mark ikkontestata, jiġifieri l-logħob ta’ taħbil il-moħħ tridimensjonali, huma prodotti ta’ konsum ta’ kuljum li huma intiżi għall-konsumaturi finali u li l-pubbliku rilevanti huwa l-konsumatur medju, normalment informat u raġonevolment attent u avżat. Dawn l-evalwazzjonijiet ma humiex ikkontestati mir-rikorrenti.

96      Skont ġurisprudenza stabbilita, il-kriterji ta’ evalwazzjoni tal-karattru distintiv ta’ trade marks tridimensjonali komposta mid-dehra tal-prodott stess ma humiex differenti minn dawk applikabbli għal kategoriji oħra ta’ trade marks (ara s-sentenza tal-20 ta’ Ottubru 2011, Freixenet vs UASI, C‑344/10 P u C‑345/10 P, Ġabra, EU:C:2011:680, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata).

97      Madankollu, fil-kuntest tal-applikazzjoni ta’ dawn il-kriterji, il-perċezzjoni tal-pubbliku rilevanti ma hijiex neċessarjament l-istess bħal fil-każ ta’ trade mark tridimensjonali, komposta mid-dehra tal-prodott stess, bħal ma hija fil-każ ta’ trade mark verbali jew figurattiva, li tikkonsisti f’sinjal indipendenti mill-aspett tal-prodotti li hija tirrappreżenta. Fil-fatt, il-konsumaturi medji, fin-nuqqas ta’ kull element grafiku jew ta’ kitba, ma għandhomx l-abitudni li jassumu l-oriġini tal-prodotti billi jibbażaw ruħhom fuq il-forma tagħhom jew il-forma tal-ippakkjar tagħhom, u għalhekk jista’ jkun iktar diffiċli li jiġi stabbilit il-karattru distintiv, f’dak li jirrigwarda tali trade mark tridimensjonali milli f’dak li jirrigwarda trade mark verbali jew figurattiva (ara s-sentenza Freixenet vs UASI, punt 96 iktar ’il fuq, EU:C:2011:680, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata).

98      Barra minn hekk, skont il-ġurisprudenza, iktar mal-forma li tikkostitwixxi t-trade mark li għaliha saret applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tkun relatata mal-forma li x’aktarx jieħu l-prodott inkwistjoni, iktar ikun probabbli li l-imsemmija forma ma hijiex ta’ karattru distintiv fis-sens tal-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94. F’dawn iċ-ċirkustanzi, hija biss trade mark li, b’mod sinjifikattiv, tmur lil hinn min-norma jew mill-użanzi tas-settur u, minħabba f’dan, tissodisfa l-funzjoni essenzjali tagħha tal-oriġini li ma hijiex ta’ karattru distintiv fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni (sentenzi Henkel vs UASI, punt 93 iktar ’il fuq, EU:C:2004:258, punt 39, u Mag Instrument vs UASI, punt 93 iktar ’il fuq, EU:C:2004:592, punt 31).

99      Fl-aħħar nett, sabiex ikun evalwat jekk forma komposta minn diversi elementi tistax tiġi pperċepita mill-pubbliku rilevanti bħala indikazzjoni ta’ oriġini, għandha tiġi analizzata l-impressjoni ġenerali li l-prodott jagħti b’din il-kompożizzjoni, li ma jkunx inkompatibbli ma’ eżami suċċessiv tal-elementi differenti tal-preżentazzjoni użati [ara s-sentenza tas-16 ta’ Settembru 2009, Alber vs UASI (Poignée), T‑391/07, EU:T:2009:336, punt 49 u l-ġurisprudenza ċċitata].

100    Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li għandhom jiġu eżaminati l-argumenti tar-rikorrenti.

101    Fil-punti 20 u 21 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell qies li t-trade mark ikkontestata kienet differenti b’mod sinjifikattiv mill-użanzi tas-settur. Fl-ewwel lok, huwa rrileva, essenzjalment, li r-rikorrenti ma pproduċiet ebda prova konvinċenti li turi li “struttura kubika ta’ gradilja [kienet tikkostitwixxi] ‘norma’ fil-qasam speċifiku tal-logħob ta’ taħbil il-moħħ tridimensjonali”. Fit-tieni lok, hija kkonstatat li t-trade mark ikkontestata kellha karatteristiċi suffiċjenti sabiex titqies bħala intrinsikament distintiva għall-prodotti kkonċernati. F’dan ir-rigward, huwa indika li “[i]l-kubu ta’ 3 x 3 x 3 ma [kienx] manifestament — tal-inqas mingħajr għarfien preċedenti tal-għan tiegħu - rappreżentazzjoni ta’ logħba ta’ taħbil il-moħħ tridimensjonali, li [kien jixbah] iktar blokk ta’ bini milli ġugarell”, li [m]a [kienx jinkludi] la numri, ittri u lanqas ebda karatteristika ċar li turi li [seta’] jiddawwar u l-ordni tiegħu tiġi varjata” u li “[ma kien juri] xejn li jista’ jissuġerixxi li ġugarell”. Huwa speċifika wkoll li “[it-trade mark ikkontestata kienet tippreżenta] karatteristiċi, bil-forma ta’ ‘qafas iswed’, li jistgħu jżommu l-attenzjoni tal-konsumaturi medji u li jippermettu lil dawn tal-aħħar li jkunu konxji mill-forma tal-prodotti tal-[intervenjenti], u li din il-forma ma kinitx għalhekk “waħda mill-forom komuni tal-prodotti fis-settur ikkonċernat, u lanqas sempliċi varjant ta’ dawn il-forom li kellhom dehra partikolari li, fid-dawl ukoll tar-riżultat estetiku tas-sett, [setgħet] iżżomm l-attenzjoni tal-pubbliku kkonċernat u tippermettilu li jiddistingwi l-prodotti koperti mit-trade mark [ikkontestata] minn dawk li għandhom oriġini kummerċjali oħra”. Fl-aħħar nett, huwa kkonkluda li, għalkemm il-karattru distintiv tagħha ma kienx għoli, it-trade mark ikkontestata ma setgħetx titqies bħala li ma għandha ebda karattru distintiv għall-prodotti kkonċernati.

102    Fl-ewwel lok, ir-raba’ parti ta’ dan il-motiv, ibbażat fuq allegata inverżjoni tal-oneru tal-prova, għandha tiġi miċħuda.

103    Fil-fatt, l-ewwel nett, kif ġustament jirrilevaw l-UASI u l-intervenjenti, it-trade marks irreġistrati jibbenefikaw minn preżunzjoni ta’ validità li tista’ titqiegħed inkwistjoni biss fil-kuntest tal-proċedura ta’ revoka jew ta’ invalidità. Għaldaqstant, huwa l-persuna li titlob għal revoka jew għal invalidità li għandha l-obbligu li tipprovdi provi insostenn tat-talba tagħha għal revoka jew għal dikjarazzjoni ta’ invalidità [ara, f’dan is-sens, is-sentenza CASTEL, punt 25 iktar ’il fuq, EU:T:2013:424, punti 27 u 28 ; ara wkoll ir-Regola 37(b)(iv) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2868/95, tat-13 ta’ Diċembru 1995 li jimplimenta r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94 dwar it-trade mark tal-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 189). Għalhekk, f’dan il-każ, hija r-rikorrenti li għandha l-obbligu li tipproduċi l-prova tal-allegat nuqqas ta’ karattru distintiv tat-trade mark ikkontestata u, b’mod partikolari, li turi li din tal-aħħar tkun relatata “mal-forma li x’aktarx jieħu l-prodott inkwistjoni”, fis-sens tal-ġurisprudenza rilevanti. Hija ma setgħetx turi dan, kif ser jiġi espost fil-punt 105 iktar ’il fuq.

104    It-tieni nett, għandu jiġi kkonstatat li l-argument tar-rikorrenti żviluppat insostenn ta’ din il-parti ma jistax jiġi aċċettat sa fejn hija tallega b’mod żbaljat li mill-ġurisprudenza msemmija fil-punt 98 iktar ’il fuq jirriżulta li, jekk trade mark tridimensjonali tixbah lill-prodotti inkwistjoni, dan “jimplika bħala fatt” li l-konsumaturi ma jipperċipixxuhiex bħala indikatur ta’ oriġini, ħlief jekk hija tkun differenti b’mod sinjifikattiv min-norma jew mill-użanzi tas-settur, li għandu dejjem jiġi pprovat mill-proprjetarju tat-trade mark. Fil-fatt, jekk trade mark tridimensjonali tkun differenti b’mod sinjifikattiv min-norma u mill-użanzi tas-settur, hija ma tistax tkun tixbah il-prodott inkwistjoni fis-sens ta’ din il-ġurisprudenza.

105    Fit-tieni lok, għandu jiġi kkonstatat li, kif ġustament ġie rrilevat fil-punt 20 tad-deċiżjoni kkontestata, ir-rikorrenti ma stabbilietx b’mod suffiċjenti skont il-liġi li l-forma inkwistjoni kienet tikkostitwixxi n-norma fis-settur tal-logħob ta’ taħbil il-moħħ tridimensjonali. Barra minn hekk, permezz tal-argumenti tagħha, hija lanqas tipprova turi dan, iżda sempliċement issostni li kubu bi struttura ta’ gradilja huwa wieħed mill-forom possibbili li jista’ jkollha tali logħba ta’ taħbil il-moħħ.

106    Huwa ċert li, kif ukoll jissemma fl-istess punt tad-deċiżjoni kkontestata, ir-rikorrenti invokat, waqt il-proċedura amministrattiva, l-eżistenza tal-kubu Soma, li huwa logħba ta’ taħbil il-moħħ imsejjaħ ta’ “dissezzjoni” magħmula minn seba’ partijiet differenti, kull waħda minnhom tkun komposta minn erba’ kubi żgħar, u, ladarba immuntati, jifformaw kubu ta’ tliet unitajiet kull naħa. Madankollu, kif ġustament indika l-Bord tal-Appell fl-imsemmi punt, is-sempliċi fatt li fis-suq teżisti logħba ta’ taħbil il-moħħ li tixbah dik tal-intervenjenti ma huwiex suffiċjenti sabiex juri li l-forma li hija s-suġġett tat-trade mark ikkontestata hija n-norma fis-settur tal-logħob ta’ taħbil il-moħħ tridimensjonali. Barra minn hekk, dawn il-kunsiderazzjonijiet jikkonfermaw li l-Bord tal-Appell bl-ebda mod ma eskluda li l-kubu Soma jifforma parti mill-imsemmi settur.

107    Fil-fatt, kif ġustament huwa kkonstatat fil-punt 21 tad-deċiżjoni kkontestata, il-konsumatur medju ma jipperċipixxiex, il-forma inkwistjoni, spontanjament — jiġifieri, mingħajr għarfien preċedenti tal-għan tagħha — bħala r-rappreżentazzjoni ta’ logħba ta’ taħbil il-moħħ tridimensjonali. F’dan ir-rigward, il-Bord tal-Appell ġustament irrileva li s-superfiċje esterna tal-kubu inkwistjoni ma tinkludi ebda ittra, ebda numru, u ebda “karatteristika ċara[,] li turi li huwa [seta’] jiddawwar u l-ordni tiegħu tiġi varjata”. Rigward dan il-punt tal-aħħar, mill-eżami tat-tieni motiv iktar ’il fuq jirriżulta li l-allegazzjoni tar-rikorrenti li tipprovdi li l-karatteristiċi essenzjali tat-trade mark ikkontestata huma sempliċement tekniċi għandu jiġi miċħud.

108    Barra minn hekk, kuntrarjament għal dak li tafferma r-rikorrenti fir-replika, il-forma ta’ kubu, a fortiori, b’uċuħ li għandhom struttura ta’ gradilja, ma hijiex “komuni” għal logħob ta’ taħbil il-moħħ tridimensjonali. Kif diġà ġie rrilevat fil-punt 82 iktar ’il fuq, dawn tal-aħħar jistgħu, fil-fatt, ikollhom diversi forom differenti.

109    Fil-verità, kif ġustament josserva l-UASI fis-sottomissjonijiet bil-miktub tiegħu, għalkemm il-forma inkwistjoni kienet ipperċepita bħala rappreżentazzjoni ta’ logħba ta’ taħbil il-moħħ tridimensjonali mill-konsumaturi, hija tkun dejjem assoċjata biss mal-prodott speċifiku kkummerċjalizzat mill-intervenjenti, jiġifieri r-Rubik’s cube, u mhux mas-sotto-kategorija ġenerika ta’ logħob ta’ taħbil il-moħħ tridimensjonali.

110    Barra minn hekk, għandha tiġi kkonfermata l-evalwazzjoni tal-Bord tal-Appell, li tinsab fil-punt 21 tad-deċiżjoni kkontestata, li tipprovdi li t-trade mark ikkontestata tippreżenta karatteristiċi suffiċjenti sabiex jitqies li hija għandha karattru distintiv intrinsiku. Fil-fatt, minbarra l-fatt li d-dehra esterna tal-forma inkwistjoni ma tistax titqies bħala sempliċi varjant ta’ logħob ta’ taħbil il-moħħ tridimensjonali ordinarja li tiġi naturali fil-moħħ, għandu jitfakkar li l-preżenza, fuq kull wiċċ tal-kubu inkwistjoni, ta’ struttura ta’ gradilja tagħti lit-trade mark ikkontestata, ikkunsidrata fl-intier tagħha, id-dehra ta’ “qafas iswed” (ara l-punt 44 iktar ’il fuq). Dawn il-karatteristiċi huma suffiċjentement speċifiċi u arbitrarji sabiex jagħtu lil din it-trade mark aspett oriġinali, li jista’ jibqa’ b’mod faċli fil-memorja tal-konsumatur medju u li jippermettilu li jiddistingwi l-prodotti koperti mill-imsemmija trade mark minn dawk li għandhom oriġini kummerċjali oħra.

111    L-evalwazzjonijiet li jinsabu fil-punt 110 iktar ’il fuq ma jistgħux jitqiegħdu inkwistjoni mill-argument tar-rikorrenti li jipprovdi li, peress li logħba ta’ taħbil il-moħħ hija, min-naħa tagħha, komposta minn elementi individwali, il-pubbliku rilevanti jipperċipixxi l-linji suwed bħala li għandhom funzjoni li tissepara l-kubu f’elementi li, “b’mod jew ieħor, jiċċaqalqu” (ara l-punt 22 iktar ’il fuq).

112    Minn dak li ntqal preċedentement jirriżulta li l-ewwel, it-tieni, it-tielet u l-ħames partijiet tal-ħames motiv għandhom jiġi miċħuda bħala infondati.

113    Għalhekk, il-ħames motiv kollu kemm hu għandu jiġi miċħud u li jiġi konkluż li l-Bord tal-Appell qies ġustament li t-trade mark ikkontestata ma kellha ebda karattru distintiv għall-prodotti kkonċernati.

 Fuq is-sitt motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 7(1)(ċ) tar-Regolament Nru 40/94

114    Is-sitt motiv imqajjem mir-rikorrenti huwa bbażat fuq ksur tal-Artikolu 7(1)(ċ) tar-Regolament Nru 40/94 u huwa maqsum f’erba’ partijiet. Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti tallega li t-trade mark ikkontestata hija sempliċement deskrizzjoni ta’ logħba ta’ taħbil il-moħħ tridimensjonali li għandha l-forma ta’ kubu b’format “3 x 3 x 3”. Fit-tieni lok, hija ssostni li huwa irrilevanti, għall-finijiet li tiġi evalwata jekk trade mark taqax taħt raġuni għal rifjut ta’ reġistrazzjoni stabbilita f’din id-dispożizzjoni, li l-karatteristiċi tal-prodotti jew servizzi li jistgħu jiġu deskritti huma essenzjali jew sempliċement aċċessorji. Fit-tielet lok, hija tikkritika lill-Bord tal-Appell li ma ħax inkunsiderazzjoni l-fatt li l-professjonisti tas-settur jipperċepixxi direttament li l-linji suwed huma konsegwenza tal-kapaċità ta’ rotazzjoni tal-elementi tal-kubu inkwistjoni. Fir-raba’ lok, hija tallega li l-Bord tal-Appell ma ħax inkunsiderazzjoni l-interess pubbliku futur li terzi jkunu jistgħu jikkummerċjalizzaw il-kubi tagħhom b’format “3 x 3 x 3” u jinkluduhom fid-dokumentazzjoni kummerċjali tagħhom.

115    L-UASI u l-intervenjenti jqisu li s-sitt motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat.

116    Skont l-Artikolu 7(1)(ċ) tar-Regolament Nru 40/94, ma jistgħux jiġu rreġistrati “trademarks li jikkonsistu esklussivament f’sinjali jew indikazzjonijiet li jintużaw fil-kummerċ sabiex jindikaw ix-xorta, il-kwalità, il-kwantità, l-użu intenzjonat, il-valur, l-oriġini ġeografika jew il-ħin ta’ produzzjoni tal-prodotti jew ta’ meta ngħata s-servizz, jew karatteristiċi oħrajn tal-prodotti jew servizzi”.

117    Skont ġurisprudenza stabbilita, l-Artikolu 7(1)(ċ) tar-Regolament Nru 40/94 jipprojbixxi li s-sinjali jew l-indikazzjonijiet li jaqgħu taħtu jkunu rriżervati għal impriża waħda minħabba r-reġistrazzjoni tagħhom bħala trade mark. Din id-dispożizzjoni ssegwi għan ta’ interess ġenerali, li jeżiġi li tali sinjali jew indikazzjonijiet jistgħu jiġu użati liberament minn kullħadd [ara s-sentenza tal-20 ta’ Novembru 2007, Tegometall International vs OHMI — Wuppermann (TEK), T‑458/05, Ġabra, EU:T:2007:349, punt 77 u l-ġurisprudenza ċċitata; is-sentenza tad-9 ta’ Lulju 2008, Reber vs UASI — Chocoladefabriken Lindt & Sprüngli (Mozart), T‑304/06, Ġabra, EU:T:2008:268, punt 86].

118    Is-sinjali u l-indikazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 7(1)(ċ) tar-Regolament Nru 40/94, huma dawk li jistgħu jservu sabiex, fl-użu normali mill-perspettiva tal-pubbliku rilevanti, sabiex jindikaw sew direttament, jew b’riferiment għal waħda mill-karatteristiċi essenzjali, il-prodotti jew is-servizzi li għalihom saret applikazzjoni għal reġistrazzjoni [sentenzi tal-20 ta’ Settembru 2001, Procter & Gamble vs UASI, C‑383/99 P, Ġabra, EU:C:2001:461, punt 39, u tat-22 ta’ Ġunju 2005, Metso Paper Automation vs UASI (PAPERLAB), T‑19/04, Ġabra, EU:T:2005:247, punt 24].

119    Minn dan jirriżulta li, sabiex sinjal jaqa’ taħt il-projbizzjoni stabbilita bl-imsemmija dispożizzjoni, huwa għandu jkollu rabta suffiċjentement diretta u konkreta mal-prodotti jew is-servizzi inkwistjoni b’mod li l-pubbliku kkonċernat ikun jista’ jipperċepixxi immedjatament, u mingħajr riflessjoni ulterjuri, deskrizzjoni ta’ dawn il-prodotti u dawn is-servizzi jew ta’ waħda mill-karatteristiċi tagħhom (sentenza PAPERLAB, punt 118 iktar ’il fuq, EU:T:2005:247, punt 25).

120    Għandu jiġi rrilevat ukoll li l-evalwazzjoni tal-karattru deskrittiv ta’ sinjal tista’ ssir biss, minn naħa, b’riferiment għal dak li jifhem bih il-pubbliku kkonċernat u, min-naħa l-oħra, b’riferiment għall-prodotti jew għas-servizzi kkonċernati [sentenza tat-2 ta’ April 2008, Eurocopter vs UASI (STEADYCONTROL), T‑181/07, EU:T:2008:86, punt 38]. Fil-fatt, il-karattru deskrittiv ta’ trade mark jista’ jiġi evalwat b’riferiment għall-prodotti u għas-servizzi li għalihom tkun ġiet irreġistrata t-trade mark u fid-dawl tal-perċezzjoni preżunta ta’ konsumatur medju tal-kategorija tal-prodotti u tas-servizzi inkwistjoni normalment informat u raġonevolment attent u avżat.

121    Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li għandhom jiġu eżaminati l-argumenti tar-rikorrenti.

122    Ir-rikorrenti tallega, essenzjalment, li t-trade mark ikkontestata, peress li “turi kubu b’ċerti elementi li huma grafikament isseparati minn xulxin permezz ta’ linji suwed”, hija “sempliċement deskrizzjoni ta’ logħba ta’ taħbil il-moħħ tridimensjonali li għandha l-forma ta’ kubu ‘3 x 3 x 3’”.

123    Din l-allegazzjoni, li fuqha jibbażaw l-ewwel, it-tieni u t-tielet partijiet ta’ dan il-motiv, ma jistax jintlaqa’. Fil-fatt, għall-istess motivi esposti fil-punti 105 sa 111 iktar ’il fuq, għandu jitqies li mill-perspettiva tal-pubbliku rilevanti ma teżistix relazzjoni suffiċjentement diretta u konkreta bejn, minn naħa, it-trade mark ikkontestata u, min-naħa l-oħra, il-logħob ta’ taħbil il-moħħ tridimensjonali. L-imsemmi pubbliku ma jipperċepixxix spontanjament, jiġifieri, b’mod partikolari, mingħajr ma jkun jaf minn qabel bir-Rubik’s cube, mingħajr ambigwità u mingħajr sforz minimu ta’ riflessjoni jew ta’ analiżi, il-karatteristiċi tat-trade mark ikkontestata invokati mir-rikorrenti (ara l-punt 122 iktar ’il fuq) kif jiddeskrivu tali prodotti.

124    B’mod partikolari, ir-rikorrenti ma tistax tallega, kif għamlet fil-kuntest tat-tielet parti ta’ dan il-motiv, li l-professjonisti tas-settur jiddeduċu immedjatament mir-rappreżentazzjonijiet grafiċi tat-trade mark ikkontestata li l-linji suwed huma konsegwenza tal-kapaċità ta’ rotazzjoni tal-elementi tal-kubu inkwistjoni. Fil-fatt, minn naħa, f’dan il-każ, il-pubbliku rilevanti huwa kompost, mhux minn professjonist, iżda mill-konsumaturi medji (ara l-punt 95 iktar il fuq). Min-naħa l-oħra, kif diġà ġie espost fil-punt 54 iktar ’il fuq, ma teżistix rabta neċessarja bejn, minn naħa, tali kapaċità eventwali ta’ rotazzjoni, jew saħansitra kull possibbiltà oħra li jiċċaqalqu ċerti elementi tal-kubu inkwistjoni, u, min-naħa l-oħra, il-preżenza, fuq l-uċuħ tal-imsemmi kubu, ta’ linji suwed ħoxnin. Barra minn hekk, għandu jitfakkar li t-trade mark ikkontestata kienet ġiet irreġistrata għal-“logħob ta’ taħbil il-moħħ” inġenerali, jiġifieri ma hijiex limitata għal dawk b’kapaċità ta’ rotazzjoni (ara l-punt 55 iktar ’il fuq).

125    Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li, fil-punt 23 tad-deċiżjoni kkonstatata, li l-Bord tal-Appell ġustament ikkonkluda li t-trade mark ikkontestata ma għandhiex karattru deskrittiv.

126    Din il-konklużjoni ma tistax titqiegħed inkwistjoni mill-argument li r-rikorrenti tinvoka insostenn tar-raba’ parti tas-sitt motiv, li jipprovdi li l-UASI naqas milli jieħu inkunsiderazzjoni l-“interess pubbliku futur” li terzi jistgħu jikkummerċjalizzaw il-kubi tagħhom b’format “3 x 3 x 3” u jipproduċuhom fid-dokumentazzjoni kummerċjali tagħhom. Fil-fatt, kif jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punt 64 iktar ’il fuq, il-proprjetarju tat-trade mark ikkontestata ma jistax jinvoka din tal-aħħar sabiex jipprojbixxi lil terzi milli jikkummerċjalizzaw b’mod partikolari logħob ta’ taħbil il-moħħ tridimensjonali li għandhom il-forma ta’ kull kubu, iżda li l-uċuħ tagħhom ma jinkludux struttura ta’ gradilja, jew kull motiv ieħor simili, li jtih id-dehra ta’ “qafas iswed”.

127    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedentement, is-sitt motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat.

 Fuq is-seba’ motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 7(3) tar-Regolament Nru 40/94

128    Fil-kuntest tas-seba’ motiv tagħha, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 7(3) tar-Regolament Nru 40/94, ir-rikorrenti tilmenta lill-Bord tal-Appell li ma ddeċidiex fuq il-kwistjoni dwar jekk it-trade mark ikkontestata kisbitx karattru distintiv bl-użu li jkun sar minnha. Billi tirreferi għall-osservazzjonijiet li hija kienet ippreżentat matul il-proċedura amministrattiva, hija ssostni, “bħala prekawżjoni”, li din id-domanda titlob risposta negattiva.

129    L-UASI jsostni li s-seba’ motiv għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli u, fi kwalunkwe każ, bħala infondat.

130    Skont l-Artikolu 7(3) tar-Regolament Nru 40/94, ir-raġunijiet assoluti għal rifjut imsemmija fl-Artikolu 7(1)(b) sa (d) tal-imsemmi regolament ma jipprekludux ir‑reġistrazzjoni ta’ trade mark jekk din tal-aħħar, għal prodotti li għalihom tkun intalbet ir‑reġistrazzjoni, tkunx kisbet karattru distintiv wara l-użu li jkun sar minnha.

131    F’dan il-każ, il-Bord tal-Appell ġustament ikkonstata, fil-punt 22 tad-deċiżjoni kkontestata, li t-trade mark ikkontestata kienet intrinsikament distintiva għall-prodotti kkonċernati, huma ma kellux l-obbligu li jeżamina jekk din it-trade mark kellhiex karattru distintiv bl-użu.

132    Għaldaqstant, is-seba’ motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat.

 Fuq it-tmien motiv, ibbażat fuq ksur tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 75 tar-Regolament Nru 207/2009

133    Fil-kuntest tat-tmien motiv tiegħu, ibbażat fuq ksur tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 75 tar-Regolament Nru 207/2009, ir-rikorrenti tallega li d-deċiżjoni kkontestata ma tindikax ir-raġunijiet li għalihom il-Bord tal-Appell qies li t-trade mark ikkontestat ma ġietx irreġistrata bi ksur tal-Artikolu 7(1)(ċ) tar-Regolament Nru 40/94.

134    L-UASI jitlob li t-tmien motiv jiġi miċħud.

135    Skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 75 tar-Regolament Nru 207/2009, id-deċiżjonijiet tal-UASI għandhom ikunu motivati. Dan l-obbligu għandu l-istess portata bħala dak stabbilit bl-Artikolu 253 KE [ara s-sentenza tal-25 ta’ Marzu 2009, Anheuser-Busch vs UASI — Budějovický Budvar (BUDWEISER), T‑191/07, Ġabra, EU:T:2009:83, punt 125 u l-ġurisprudenza ċċitata].

136    Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-obbligu li jiġu mmotivati d-deċiżjonijiet individwali għandu żewġ għanijiet, li jippermetti, minn naħa, li l-persuna kkonċernata tkun taf il-ġustifikazzjonijiet għat-teħid tad-deċiżjoni sabiex tkun tista’ tiddefendi d-drittijiet tagħha u, min-naħa l-oħra, li l-qorti Komunitarja teżerċita l-istħarriġ tagħha fuq il-legalità tad-deċiżjoni (ara s-sentenza BUDWEISER, punt 135 iktar ’il fuq, EU:T:2009:83, punt 126 u l-ġurisprudenza ċċitata).

137    Madankollu, li l-Bordijiet tal-Appell ma jistgħux jinħtieġu li jipprovdu spjegazzjoni li ssegwi b’mod eżawrjenti u wieħed wieħed ir-raġunamenti kollha esposti mill-partijiet quddiemhom. Għaldaqstant il-motivazzjoni tista’ tkun impliċita bil-kundizzjoni li hija tippermetti lill-persuni kkonċernati jsiru jafu r-raġunijiet li għalihom ittieħdet id-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell ġiet adottata u lill-qorti kompetenti li jkollha biżżejjed elementi sabiex teżerċita l-istħarriġ tagħha (ara s-sentenza BUDWEISER, punt 135 iktar ’il fuq, EU:T:2009:83, punt 128 u l-ġurisprudenza ċċitata).

138    F’dan il-każ, rigward l-Artikolu 7(1)(1) tar-Regolament Nru 40/94, il-Bord tal-Appell indika, fil-punt 23 tad-deċiżjoni kkontestata, li t-trade mark ma kinitx kuntrarja għal din id-dispożizzjoni billi jirreferi espressament għall-motivi li huwa kien espona fil-kuntest tal-eżami tiegħu tal-applikazzjoni tal-Artikolu 7(1)(b) tal-istess regolament u billi jirrileva li, “ħlief b’għarfien minn qabel min-naħa tal-konsumatur, [din it-trade mark] ma [kinitx tixbah] u lanqas [tagħmel] allużjoni għal logħba ta’ taħbil il-moħħ tridimensjonali”.

139    Għalhekk ma jistax jiġi allegat li d-deċiżjoni kkontestata ma tinkludiex motivazzjoni għal dak li jikkonċerna l-kwistjoni tal-konformità tat-trade mark ikkontestata mal-Artikolu 7(1)(ċ) tar-Regolament Nru 40/94.

140    Barra minn hekk, ma jistax jiġi miċħud li din il-motivazzjoni hija suffiċjenti. Fil-fatt, kif jirriżulta mill-ħames u mis-sitt motivi iktar ’il fuq, f’dan il-każ, l-istess motivi jippermettu li jiġi konkluż li t-trade mark ikkontestata hija intrinsikament distintiva u li hija ma tiddeskriviex il-prodotti kkonċernati.

141    Minn dan isegwi li t-tmien motiv għandu jiġi miċħud.

142    Minn dak li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta r-rikors għandu jiġi miċħud bħala infondat kollu kemm hu.

 Fuq l-ispejjeż

143    Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba.

144    Peress li r-rikorrenti tilfet, għandha tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż sostnuti mill-UASI u l-intervenjenti, skont it-talbiet tagħhom.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Simba Toys GmbH & Co. KG hija kkundannata għall-ispejjeż.

Frimodt Nielsen

Dehousse

Collins

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fil-25 ta’ Novembru 2014.

Firem

Werrej


Il-fatti li wasslu għall-kawża

It-talbiet tal-partijiet

Id-dritt

Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 76(1) tar-Regolament Nru 207/2009

Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 7(1)(e)(ii) tar-Regolament Nru 40/94

Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 7(1)(e)(i) tar-Regolament Nru 40/94

Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 7(1)(e)(iii) tar-Regolament Nru 40/94

Fuq il-ħames motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94

Fuq is-sitt motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 7(1)(ċ) tar-Regolament Nru 40/94

Fuq is-seba’ motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 7(3) tar-Regolament Nru 40/94

Fuq it-tmien motiv, ibbażat fuq ksur tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 75 tar-Regolament Nru 207/2009

Fuq l-ispejjeż


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.