Language of document : ECLI:EU:C:2005:475

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (it-Tielet Awla)

14 ta’ Lulju 2005(*)

"Drittijiet ta' l-awtur u drittijiet relatati – Xandir ta' fonogrammi –Royalty ekwa"

Fil-kawża C-192/04,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Cour de cassation (Franza), permezz ta’ deċiżjoni tas-17 ta’ Frar 2004, li waslet il-Qorti tal-Ġustizzja fis-26 ta’ April 2004, fil-kawża

Lagardère Active Broadcast, suċċessur fit-titolu ta' Europe 1 communication SA,

vs

Société pour la perception de la rémunération équitable (SPRE),

Gesellschaft zur Verwertung von Leistungsschutzrechten mbH (GVL),

fil-preżenza ta':

Compagnie européenne de radiodiffusion et de télévision Europe 1 SA (CERT),

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (it-Tielet Awla),

komposta minn A. Rosas, President ta' l-Awla, A. Borg Barthet, S. von Bahr, J. Malenovský (Relatur) u U. Lõhmus, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: A. Tizzano,

Reġistratur: K. Sztranc, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-2 ta' Marzu 2005,

wara li rat is-sottomissjonijiet ippreżentati:

–       għal Lagardère Active Broadcast u la compagnie européenne de radiodiffusion u de télévision Europe 1 SA (CERT), minn D. Le Prado, F. Manin u P. M. Bouvery, avocats,

–       għas-société pour la perception de la rémunération équitable (SPRE), minn O. Davidson, avocat,

–       għall-Gesellschaft zur Verwertung von Leistungsschutzrechten mbH (GVL), minn H. Weil u K. Mailänder, Rechtsanwälte,

–       għall-Gvern Franċiż, minn G. de Bergues u  A. Bodard-Hermant, bħala aġenti,

–       għall-Gvern Ġermaniż, minn A. Tiemann u H. Klos, bħala aġenti,

–       għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej,  minn K. Banks, bħala aġent,

wara li semgħet il-konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-21 ta' April 2005,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1       It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 92/100/KEE, dwar dritt ta' kiri u dritt ta' self u dwar ċerti drittijiet relatati mad-drittijiet ta' l-awtur fil-qasam tal-proprjetà intellettwali (ĠU L 346, p. 61), kif ukoll tad-Direttiva tal-Kunsill 93/83/KEE tas-27 ta' Settembru 1993, dwar il-koordinazzjoni ta' ċerti regoli dwar id-drittijiet ta' l-awtur u drittijiet relatati ma' drittijiet ta' l-awtur applikabbli għal xandir bis-satellita u ritrażmissjoni bil-kejbil (ĠU L 248, p. 15).

2       Din it-talba ġiet imressqa fil-kuntest ta' kawża bejn Lagardère Active Broadcast, suċċessur fit-titolu ta' Europe 1 communication SA (iktar 'il quddiem, "Lagardère" jew "Europe 1"), u s-société pour la perception de la rémunération équitable (iktar 'il quddiem "is-SPRE"), kif ukoll il-Gesellschaft zur Verwertung von Leistungsschutzrechten mbH (iktar 'il quddiem "il-GVL") li tirrigwarda l-obbligu ta' ħlas ekwu għax-xandir ta' fonogrammi lill-pubbliku permezz ta' satellita u ripetituri terrestri li jinsabu fi Franza u fil-Ġermanja.

 Il-kuntest ġuridiku

 Il-leġiżlazzjoni Komunitarja

3       L-Artikolu 8(1) u (2) tad-Direttiva 92/100 jiddisponi li:

"1.      L-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-artisti d-dritt esklużiv li jawtorizzaw jew jipprevjenu x-xandir b’mezzi mingħajr fili u l-komunikazzjoni lill-pubbliku tal-wirjiet tagħhom, minbarra fejn il-wirja tkun fiha nnifisha diġa wirja mxandra jew tkun saret minn iffissar.

2.      L-Istati Membri għandhom jipprovdu dritt biex jassiguraw li ħlas uniku ekwu jitħallas mill-utent, jekk fonogramm[a] [tiġi ppubblikata] għal finijiet kummerċjali, jew riproduzzjoni ta’ d[i]n il-fonogramm[a], tintuża għax-xandir b’mezzi mingħajr fili jew għal kull komunikazzjoni lill-pubbliku, u biex jassiguraw li dan il-ħlas jitqassam bejn l-artisti u l-produtturi tal-fonogramm[i] relevanti. […]"

4       Is-sitt premessa tad-Direttiva 93/83 tistipula:

"[…] preżentement qed issir distinzjoni għal finijiet ta’ drittijiet ta’ l-awtur bejn komunikazzjoni [lill]-pubbliku permezz ta’ satellita diretta u komunikazzjoni [lill]-pubbliku permezz ta’ satellita ta’ komunikazzjoni; […] peress li llum hi possibli [riċezzjoni indivdwali] u possibbli li wieħed jixtriha fiż-żewġ tipi ta’ satellita, m’hemmx aktar xi ġustifikazzjoni għal dan it-trattament legali differenti"

5       Skond is-seba' premessa ta' l-imsemmija Direttiva:

"[…] x-xandir liberu ta’ programmi hu wkoll impedit minħabba l-inċertezza legali preżenti dwar jekk [għax-]xandir bis-satellita li s-sinjali tagħha jistgħu jkunu rċevuti direttament [għandhomx jinkisbu id-drittijiet] fil-pajjiż ta’ trażmissjoni biss jew fil-pajjiżi kollha [li jirċievu s-sinjali] […]"

6       It-tlettax-il premessa ta' l-istess Direttiva tipprovdi kif ġej:

"[…] għalhekk, għandu jkun hemm tmiem għad-differenzi ta’ trattament tat-trażmissjoni ta’ programmi permezz ta’ satelliti ta’ komunikazzjoni li jeżistu fl-Istati Membri, sabiex [il-kwistjoni fundamentali] fil-Komunità ssir jekk xogħolijiet u materj[al ieħor] protetti humiex komunikati lill-pubbliku […]"

7       Is-sbatax-il premessa tad-Direttiva 93/83 tiddisponi li:

"[…] biex wieħed jasal għall-ammont tal-pagament li għandu jsir [għad-drittijiet] akkwistati, il-partijiet għandhom jikkunsidraw l-aspetti kollha tax-xandir, [bħas-semmiegħa] attwali, [is-semmiegħa] potenzjali u l-verżjoni tal-lingwa".

8       L-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 93/83 jipprovdi li:

"Għall-fini ta’ din id-Direttiva, 'satellita' tfisser kull satellita li taħdem fuq [baned] ta' frekwenza li, skond il-liġi ta’ telekomunikazzjoni, ikunu riżervati għax-xandir ta’ sinjali [li jiġu rċevuti] mill-pubbliku jew li jkunu riżervati għal komunikazzjoni magħluqa, point-to-point. Fil-każ ta’ l-aħħar, iżda, iċ-ċirkostanzi li fihom isseħħ ir-[riċezzjoni] individwali ta’ sinjali għandhom ikunu kompatibbli ma’ dawk li japplikaw fl-ewwel każ."

9       L-Artikolu 1(2)(a) u (b) jistipula:

"a)      Għall-fini ta’ din id-Direttiva, ‘komunikazzjoni lill-pubbliku permezz tas-satellita’ tfisser l-att li jkunu introdotti, taħt il-kontroll u r-responsabbiltà ta' l-organizzazzjoni tax-xandir, is-sinjali li jġorru l-programm maħsuba għal [riċezzjoni] mill-pubbliku f’katina mhux interrotta ta’ komunikazzjoni li twassal sas-satellita u ‘l isfel lejn id-dinja.

b)      L-att ta’ komunikazzjoni [lill]-pubbliku permezz ta’ satellita jseħħ biss fl-Istati Membri [fejn], taħt il-kontroll u responsabbiltà ta' l-organizzazzjoni tax-xandir, is-sinjali li jġorru l-programm huma introdotti f’katina mhux interrotta ta’ komunikazzjoni li twassal lejn is-satellita u ‘l isfel lejn id-dinja."

10     L-Artikolu 4(1) u (2) tad-Direttiva 93/83 jiddisponi li:

"1.      Għall-finijiet ta’ komunikazzjoni [lill]-pubbliku permezz tas-satellita, [id-drittijiet] ta’ artisti, produtturi ta’ fonogramm[i] u organizzazzjonijiet tax-xandir għandhom ikunu protetti b’mod konformi mad-disposizzjonijiet ta' l-Artikoli 6, 7, 8 u 10 tad-Direttiva 92/100/KEE.

2.      Għall-finijiet tal-paragrafu 1, 'xandir permezz ta’ mezzi bla kejbil' [xandir b'mezzi mingħajr fili] fid-Direttiva 92/100/KEE għandha tinftiehem li tinkludi komunikazzjoni [lill]-pubbliku bis-satellita."

 Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

11     Skond l-Artikolu L. 214-1 tal-code de la propriété intellectuelle Franċiż (il-Kodiċi tal-Proprjetà Intellettwali):

"Meta fonogramma tkun ġiet ippubblikata għal finijiet kummerċjali, l-artist u l-produttur ma jistgħux jopponu ruħhom:

[…]

2.      għax-xandir tagħha, u għad-distribuzzjoni simultanja u integrali ta' dan ix-xandir permezz tal-kejbil.

Dawn l-użi tal-fonogrammi ppubblikati għal finijiet kummerċjali, ikun x'ikun il-post ta' l-iffissar ta' dawn il-fonogrammi, jagħtu dritt lill-awturi u lill-produtturi li jirċievu ħlas. Dan il-ħlas isir mill-persuni li jużaw il-fonogrammi ppubblikati għal finijiet kummerċjali taħt il-kundizzjonijiet imsemmija fil-paragrafi (1) u (2) ta' dan l-Artikolu.

Il-ħlas hu bbażat fuq id-dħul mill-użu jew, fin-nuqqas, jiġi kkalkulat skond rata fissa […]

[…]"

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

12     Lagardère hi kumpannija tax-xandir stabbilita fi Franza. It-trażmissjonijiet tagħha jiġu pprodotti fl-istudjos tagħha ta' Pariġi u jiġu trażmessi lejn satellita. Is-sinjali jerġgħu lura fid-dinja sabiex jiġu rċevuti minn ripetituri li jinsabu f'territorju Franċiż, u li jxandru t-trażmissjonijiet lill-pubbliku f'modulazzjoni tal-frekwenza (FM).

13     Peress illi dan il-mezz ta' xandir ma jkoprix it-territorju Franċiż kollu, is-satellita tittrażmetti wkoll is-sinjali tagħha lejn trażmettitur li jinsab f'Felsberg, fir-reġjun ta' Saarland (il-Ġermanja), li hu mgħammar teknikament biex ixandar it-trażmissjonijiet, fuq long waves, lejn l-imsemmi territorju Franċiż. Dan ix-xandir isir mill-compagnie européenne de radiodiffusion et de télévision Europe 1 (iktar 'il quddiem "il-CERT"), li hi kumpannija sussidjarja ta' Lagardère. Il-programmi mxandra bil-Franċiż jistgħu, għal raġunijiet tekniċi, jiġu rċevuti wkoll fit-territorju Ġermaniż, iżda biss f'żona limitata. Dawn il-programmi ma jiġux sfruttati kummerċjalment fil-Ġermanja.

14     Lagardère għandha wkoll ċirkuwitu awdjodiġitali terrestri li jippermetti li s-sinjali ta' l-istudjos Pariġini jintbagħtu lejn it-trażmettitur li jinsab fil-Ġermanja f'każ li s-satellita ma taħdimx tajjeb. Qabel ma ġiet adottata s-sistema satellitari, dan iċ-ċirkuwitu terrestri kien l-uniku mezz li kien jintuża biex is-sinjali jintbagħtu lejn l-imsemmi trażmettitur. Madankollu, dan iċ-ċirkuwitu għadu jitħaddem illum.

15     Peress illi Lagardère tuża fonogrammi protetti mil-liġi dwar il-proprjetà intellettwali għat-trażmissjonijiet tagħha, hija tħallas, fi Franza, royalties għall-użu tagħhom lill-artisti u l-produtturi ta' dawn il-fonogrammi (iktar 'il quddiem ir-royalty għall-użu tal-fonogrammi"). Din ir-royalty tinġabar b'mod kollettiv mis-SPRE. Min-naħa tagħha, CERT kienet tħallas fil-Ġermanja, għax-xandir ta' l-istess fonogrammi, royalty annwali b'rata fissa lill-GVL, li hija kumpannija inkorporata fil-Ġermanja, ekwivalenti għas-SPRE.

16     Sabiex jiġi evitat il-ħlas doppju tar-royalty għall-użu tal-fonogrammi, ftehim konkluż bejn Europe 1 u s-SPRE, li ġie mġedded sal-31 ta' Diċembru 1993, kien jiddisponi li, mis-somma tar-royalty dovuta minn Europe 1 lill-artisti u l-produtturi kellha titnaqqas is-somma mħallsa minn CERT lill-GVL.

17     Għalkemm mill-1 ta' Jannar 1994 ma kien jeżisti l-ebda ftehim li kien jawtorizza lil Europe 1 tkompli teffettwa tali tnaqqis, din il-kumpannija xorta baqgħet teffettwah. Peress illi dan it-tnaqqis kien inġustifikat, is-SPRE fetħet kawża kontra Europe 1 quddiem it-Tribunal de grande instance ta' Pariġi, li laqa' t-talba għall-ħlas tar-royalty sħiħa minn Europe 1. Wara li din is-sentenza ġiet ikkonfermata mill-Cour d'appell ta' Pariġi, Lagardère, is-suċċessur fit-titolu ta' Europe 1, appellat quddiem il-Cour de cassation.

18     Peress illi l-kawża pendenti quddiemha tqajjem, b'mod partikolari fid-dawl ta' deċiżjoni tal-Bundesgerichtshof (il-Ġermanja) tas-7 ta' Novembru 2002, kwistjonijiet ta' interpretazzjoni tad-Direttivi 92/100 u 93/83, il-Cour de cassation iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel id-domandi segwenti għal deċiżjoni preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja:

"1)      Meta kumpannija tax-xandir li tittrażmetti minn territorju ta' Stat Membru tuża, sabiex testendi t-trażmissjoni tal-programmi tagħha għal parti mis-[semmiegħa] nazzjonali tagħha, trażmettitur li jinsab fil-qrib, fit-territorju ta' Stat Membru ieħor, u li l-konċessjonarja tiegħu hija kumpannija sussidjarja tagħha kkontrollata b'maġġoranza, il-liġi li tirregola l-ħlas uniku ekwu pprovdut fl-Artikoli 8[(2)] tad-Direttiva […] 92/100 […] u 4 tad-Direttiva 93/83 […], dovut għall-fonogrammi ppubblikati għal skopijiet kummerċjali u inklużi fil-programmi li jiġu ritrażmessi, hija dik ta' l-Istat imsemmi l-aħħar?

2)      F'każ ta' tweġiba affermattiva, il-kumpannija li tittrażmetti l-ewwel, għandha dritt tnaqqas is-somom ta' flus li jkunu tħallsu mill-kumpannija sussidjarja tagħha mill-ħlas li jiġi mitlub minnha għat-trażmissjonijiet kollha li jiġu rċevuti fit-territorju nazzjonali?" [traduzzjoni mhux uffiċjali]

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ewwel domanda

19     Permezz ta' l-ewwel domanda, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk, f'każ ta' xandir bħal dak in kwistjoni fil-kawża prinċipali, id-Direttiva 93/83 tipprojbixxix li r-royalty għall-użu tal-fonogrammi tiġi rregolata mhux biss mil-liġi ta' l-Istat Membru li fih hi stabbilita l-kumpannija li tittrażmetti, iżda wkoll mil-liġi ta' l-Istat Membru fejn jinsab, għal raġunijiet tekniċi, it-trażmettitur terrestri li jxandar dawn it-trażmissjonijiet lejn l-ewwel Stat.

20     Lagardère, is-SPRE u l-Gvern Franċiż isostnu li, peress illi l-Artikolu 1(2)(b) tad-Direttiva 93/83 jiddisponi li l-komunikazzjoni lill-pubbliku permezz ta' satellita sseħħ biss fl-Istat Membru fejn is-sinjali li jġorru l-programm huma introdotti, din id-dispożizzjoni tidentifika b'mod ċar liġi waħda biss applikabbli għall-ħlas għall-użu tal-fonogrammi – il-liġi Franċiża fil-kawża prinċipali – u teskludi applikazzjoni kumulattiva ta' diversi liġijiet.

21     Il-GVL, il-Gvern Ġermaniż u l-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej isostnu li komunikazzjoni bħal dik in kwistjoni fil-kawża prinċipali m'hijiex koperta mill-imsemmija dispożizzjoni u li, għaldaqstant, din id-dispożizzjoni ma tipprekludix applikazzjoni kumulattiva tal-liġijiet ta' żewġ Stati Membri.

22     Għalhekk, għandu l-ewwel nett jiġi eżaminat jekk xandir bħal dak in kwistjoni fil-kawża prinċipali jikkostitwixxix "komunikazzjoni lill-pubbliku permezz ta' satellita" skond it-tifsira ta' l-Artikolu 1(2)(a) tad-Direttiva 93/83.

23     Id-dispożizzjoni msemmija l-aħħar tiddefinixxi l-komunikazzjoni lill-pubbliku permezz ta' satellita bħala "l-att li jkunu introdotti, taħt il-kontroll u r-responsabbiltà ta' l-organizzazzjoni tax-xandir, is-sinjali li jġorru l-programm maħsuba għal [riċezzjoni] mill-pubbliku f’katina mhux interrotta ta’ komunikazzjoni li twassal sas-satellita u ‘l isfel lejn id-dinja".

24     Fl-ewwel lok, jirriżulta mill-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 93/83 li tali satellita għandha taħdem, fil-kuntest ta' din il-komunikazzjoni, fuq baned ta' frekwenza li, skond il-liġi tat-telekomunikazzjoni, ikunu riżervati għax-xandir ta’ sinjali li jiġu rċevuti mill-pubbliku (iktar 'il quddiem "baned ta' frekwenza pubbliċi" jew li jkunu riżervati għal komunikazzjoni magħluqa, point-to-point (iktar 'il quddiem "baned ta' frekwenza mhux pubbliċi"). Fil-każ ta’ l-aħħar, huwa madankollu meħtieġ, skond l-imsemmija dispożizzjoni, li ċ-ċirkustanzi li fihom isseħħ ir-riċezzjoni individwali ikunu kumparabbli ma’ dawk li japplikaw fl-ewwel każ.

25     Peress illi kemm il-Gvern Franċiż, bħala tweġiba għal domanda bil-miktub magħmula mill-Qorti, kif ukoll l-avukati ta' Lagardère, waqt is-seduta, ikkonfermaw li t-trażmissjoni tas-sinjali ma tiġix effettwata fuq baned ta' frekwenza pubbliċi, għandu jiġi eżaminat jekk, fil-kuntest ta' xandir bħal dak in kwistjoni fil-kawża prinċipali, ir-riċezzjoni individwali ta' sinjali tistax isseħħ f'ċirkustanzi kumparabbli ma' dawk ta' komunikazzjoni fuq baned ta' frekwenza pubbliċi.

26     Peress illi t-tieni sentenza ta' l-Artikolu 1(1) ma tippreċiżax b'mod espliċitu f'xiex jikkonsisti l-obbligu msemmi fiha, dan l-obbligu għandu jiġi ddefinit fid-dawl ta' l-iskop ta' din id-Direttiva.

27     F'dan ir-rigward, isegwi l-ewwel nett mis-seba' premessa ta' l-imsemmija Direttiva li dik id-Direttiva hi intiża biex tnaqqas l-inċertezzi preżenti dwar jekk għax-xandir "bis-satellita li s-sinjali tagħha jistgħu jiġu rċevuti direttament", id-drittijiet għandhomx jinkisbu biss fil-pajjiż ta' trażmissjoni.

28     Barra minn hekk, skond it-tlettax-il premessa, id-Direttiva 93/83 hija intiża biex telimina d-differenzi ta' trattament tax-xandir ta' programmi permezz ta' satelliti ta' komunikazzjoni – jiġifieri dawk li joperaw fuq baned ta' frekwenza mhux pubbliċi – li jeżistu fl-Istati Membri, sabiex il-kwistjoni fudamentali fil-Komunità kollha tkun jekk xogħolijiet u materjal ieħor protetti humiex ikkomunikati lill-pubbliku.

29     Għandu jiġi rrilevat ukoll, kif għamel l-avukat ġenerali fil-punt 39 tal-konklużjonijiet tiegħu u kif jirriżulta mill-proposta għal Direttiva tal-Kunsill, tal-11 ta' Settembru 1991, dwar il-koordinazzjoni ta' ċerti regoli dwar id-drittijiet ta' l-awtur u drittijiet relatati applikabbli għax-xandir bis-satellita u r-ritrażmissjoni bil-kejbil [COM(91) 276 finali], li, għall-ewwel, tali komunikazzjoni lill-pubbliku setgħet tiġi effettwata direttament minn satellita biss permezz ta' sinjali trażmessi fuq baned ta' frekwenza riżervati bil-liġi għar-riċezzjoni mis-satellita. Min-naħa l-oħra, din il-komunikazzjoni ma setgħetx issir permezz ta' sinjali trażmessi fuq baned ta' frekwenza mhux pubbliċi. Madankollu, b'riżultat ta' l-iżvilupp teknoloġiku tas-satelliti u ta' l-antenni għall-użu tal-pubbliku ġenerali, it-trażmissjoni ta' programmi direttament lill-pubbliku saret possibbli fuq baned ta' frekwenza mhux pubbliċi. B'dan il-mod, għalkemm dawn ta' l-aħħar m'humiex, skond il-leġiżlazzjoni tat-telekomunikazzjoni, irriżervati formalment għall-komunikazzjoni lill-pubbliku, fiż-żmien meta ġiet adottata d-Direttiva 93/83, is-sinjali li jġorru l-programmi diġà setgħu de facto jiġu rċevuti mill-pubbliku direttament mis-satelliti li kienu jużaw tali baned ta' frekwenza.

30     B'hekk, il-leġiżlatur Komunitarju ried jinkludi l-komunikazzjonijiet permezz ta' satelliti li jużaw baned ta' frekwenza mhux pubbliċi, sabiex jittieħed in kunsiderazzjoni dak l-iżvilupp teknoloġiku, u, konsegwentement, huwa pprovda li tali komunikazzjonijiet kellhom jiġu suġġetti għar-regoli tad-Direttiva 93/83 biss jekk il-pubbliku jkun jista' jirċievi s-sinjali individwalment u direttament minn dawk is-satelliti.

31     Fl-aħħarnett, għandu jingħad li ċirku limitat ta' persuni li jistgħu jirċievu s-sinjali ġejjin mis-satellita biss permezz ta' tagħmir professjonali, ma jistax jiġi meqjus bħala pubbliku, peress illi dan għandu jkun ikkostitwit minn numru indeterminat ta' semmiegħa potenzjali (ara, fuq il-kunċett ta' pubbliku, is-sentenza tat-2 ta' Ġunju 2005, Mediakabel, C-89/04, li għad ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 30).

32     F'dan il-każ, il-partijiet fil-kawża prinċipali jaqblu fuq il-fatt li s-sinjali ġejjin mis-satellita in kwistjoni huma kkodifikati u jistgħu jiġu rċevuti unikament permezz ta' tagħmir disponibbli biss għall-professjonisti. Min-naħa l-oħra, dawn is-sinjali ma jistgħux jiġu rċevuti permezz tat-tagħmir disponibbli għall-pubbliku ġenerali.

33     F'tali każ, ir-riċezzjoni individwali ma sseħħx f'ċirkustanzi kumparabbli għal dawk ta' komunikazzjonijiet fuq baned ta' frekwenza pubbliċi. Konsegwentement, l-imsemmija satellita ma taħdimx, fil-kuntest tax-xandir in kwistjoni fil-kawża prinċipali, bħala satellita skond it-tifsira ta' l-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 93/83.

34     Fit-tieni lok, il-kunsiderazzjonijiet preċedenti, b'mod partikolari dawk magħmula fil-punt 32 ta' din is-sentenza, iwasslu wkoll għall-konsegwenza li xandir bħal dak in kwistjoni fil-kawża prinċipali ma jissodisfax kriterju ieħor stipulat fl-Artikolu 1(2)(a) ta' l-imsemmija Direttiva, jiġifieri l-kundizzjoni li s-sinjali li jġorru l-programmi jkunu intiżi biex jiġu rċevuti mill-pubbliku.

35     Meta jiġi pparagunat il-kliem użat fil-verżjonijiet lingwistiċi differenti ta' din id-dispożizzjoni, b'mod partikolari fil-verżjoni Ingliża ("programme-carrying signals intended for reception by the public"), fil-verżjoni Ġermaniża ("die programmtragenden Signale, die für den öffentlichen Empfang bestimmt sind"), fil-verżjoni Spanjola ("las señales portadoras de programa, destinadas a la recepción por el público") jew fil-verżjoni Olandiża ("programmadragende signalen voor ontvangst door het publiek"), jirriżulta li huma s-sinjali li għandhom ikunu intiżi għall-pubbliku u mhux il-programmi li s-sinjali jġorru.

36     Barra minn hekk, tali interpretazzjoni hi kkoroborata mill-għan tad-Direttiva 93/83, kif inhu stipulat fil-punti 29 u 30 ta' din is-sentenza.

37     F'sitwazzjoni bħal dik fil-kawża prinċipali, huma l-programmi, u mhux is-sinjali trażmessi lejn is-satellita u lura lejn id-dinja li huma intiżi għall-pubbliku.

38     Fil-fatt, għandu jiġi mfakkar li s-sinjali huma kkodifikati u li jistgħu jiġu rċevuti biss permezz ta' tagħmir disponibbli għall-professjonisti, tagħmir bħalma għandu t-trażmettitur terrestri ta' Felsberg. Barra minn hekk, Lagardère stess, li hija l-kumpannija li tittrażmetti u li għandha l-kontroll tal-komunikazzjoni kollha in kwistjoni, tirrikonoxxi li, attwalment, il-pubbliku ma jistax jirċievi dawn is-sinjali. Għalhekk, l-intenzjoni tagħha m'hijiex li tilħaq il-pubbliku permezz tas-sinjali trażmessi lejn is-satellita u lura lejn id-dinja. Fil-fatt, il-pubbliku hu, fil-kuntest ta' tali komunikazzjoni, destinatarju ta' sinjali ta' natura differenti, jiġifieri dawk trażmessi fuq long wave, li ma jgħaddux minn satellita. B'hekk, Lagardère tibgħat is-sinjali lis-satellita bl-uniku skop li tittrażmettihom lejn l-imsemmi trażmettitur terrestri li jxandar il-programmi fil-ħin reali permezz ta' mezz li m'huwiex satellitari. Għalhekk, huwa dan it-trażmettitur li huwa l-uniku destinatarju tas-sinjali li jiġu trażmessi fil-komunikazzjoni permezz ta' satellita in kwistjoni fil-kawża prinċipali.

39     Fit-tielet lok, l-Artikolu 1(2)(a) tad-Direttiva 93/83 jeżiġi li s-sinjali li jġorru l-programmi jiġu trażmessi lill-pubbliku permezz ta' "katina mhux interrotta ta' komunikazzjoni li twassal sas-satellita u 'l isfel lejn id-dinja". Għalhekk, din id-Direttiva tikkonċerna sistema ta' komunikazzjoni magħluqa, fejn is-satellita tikkostitwixxi l-element ċentrali, essenzjali u mhux sostitwibbli, b'tali mod li, f'każ li s-satellita ma taħdimx tajjeb, it-trażmissjoni ta' sinjali tkun teknikament impossibbli u li, konsegwentement, il-pubbliku ma jirċievi l-ebda trażmissjoni.

40     Min-naħa l-oħra, id-Direttiva 93/83 ma tikkonċernax, bħala prinċipju, sistema jew sottosistema ta' komunikazzjoni fejn l-unità bażika hi kkostitwita minn trażmettitur terrestri u li ilha taħdem permezz ta' ċirkuwitu awdjodiġitali terrestri minn mindu bdiet tiħaddem. Għalkemm tali sistema jew sottosistema tista', f'xi mument partikolari, tiġi kkompletata permezz ta' satellita ta' komunikazzjoni, din ma ssirx l-element essenzjali, ċentrali u mhux sostitwibbli b'hekk.

41     Fir-raba' lok, f'każ li s-satellita ma taħdimx tajjeb, fil-mument preċiż meta l-kumpannija li tittrażmetti tkun ittrażmettiet is-sinjali lejn l-imsemmi trażmettitur terrestri permezz taċ-ċirkuwitu awdjodiġitali terrestri, ma jkun hemm l-ebda trażmissjoni satellitari u għalhekk, tkun eskluża l-applikazzjoni tad-Direttiva 93/83. Jekk l-opinjoni ta' Lagardère u tal-Gvern Franċiż tiġi aċċettata, din il-komunikazzjoni jkollha neċessarjament tiġi suġġetta għar-regoli tad-Direttiva 93/83 mill-mument meta s-satellita terġa' tibda taħdem. B'dan il-mod, l-applikabbiltà ta' din id-Direttiva tispiċċa tiddependi minn ċirkustanzi imprevidibbli, marbutin ma' l-inċertezzi tat-tħaddim ta' l-imsemmija satellita, bir-riżultat li s-sistema applikabbli għad-drittijiet relatati mad-drittijiet ta' l-awtur issib ruħha fi stat ta' inċertezza legali.

42     Sitwazzjoni bħal din ma tkunx kumpatibbli ma' l-għan ta' l-imsemmija Direttiva, li hija intiża biex tiggarantixxi, kemm għall-organizzazzjonijiet tax-xandir kif ukoll għal min hu intitolat għad-drittijiet, ċertezza legali fir-rigward tal-leġiżlazzjoni applikabbli għal katina ta' kommunikazzjoni.

43     Isegwi minn dak li ntqal iktar 'il fuq li xandir bħal dak in kwistjoni fil-kawża prinċipali ma jikkostitwixxix komunikazzjoni lill-pubbliku permezz ta' satellita skond it-tifsira ta' l-Artikolu 1(2)(a) tad-Direttiva 93/83. Konsegwentement, huwa m'huwiex kopert mill-Artikolu 1(2)(b).

44     Għaldaqstant, it-tweġiba għall-ewwel domanda għandha tkun li, f'każ ta' xandir bħal dak in kwistjoni fil-kawża prinċipali, id-Direttiva 93/83 ma tipprojbixxix li r-royalty għall-użu tal-fonogrammi tiġi rregolata mhux biss mil-liġi ta' l-Istat Membru li fih hi stabbilita l-kumpannija li tittrażmetti, iżda wkoll mil-liġi ta' l-Istat Membru fejn jinsab, għal raġunijiet tekniċi, it-trażmettitur terrestri li jxandar dawn it-trażmissjonijiet lejn l-ewwel Stat.

 Fuq it-tieni domanda

45     Permezz tat-tieni domanda, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 92/100 għandux jiġi interpretat fis-sens li, biex jiġi ddeterminat il-ħlas ekwu msemmi f'din id-dispożizzjoni, il-kumpannija li tittrażmetti għandha d-dritt tnaqqas unilateralment mis-somma tar-royalty għall-użu tal-fonogrammi li għandha tħallas fl-Istat Membru fejn hija stabbilita, is-somma tar-royalty imħallsa jew mitluba mingħandha fl-Istat Membru li fit-territorju tiegħu jinsab it-trażmettitur li jxandar it-trażmissjonijiet lejn l-ewwel Stat.

46     B'mod preliminari, għandu jiġi enfasizzat li jirriżulta mill-kliem użat fid-Direttiva 92/100 u mill-istruttura tagħha li hija tipprovdi armonizzazzjoni minima fir-rigward tad-drittijiet relatati mad-drittijiet ta' l-awtur. Għalhekk, hija ma timmirax biex tqajjem dubji fuq, b'mod partikolari, il-prinċipju ta' territorjalità ta' dawn id-drittijiet, li hu rikonoxxut mid-dritt internazzjonali u anki fit-Trattat KE. Għaldaqstant, dawn id-drittijiet huma ta' natura territorjali u l-liġi domestika tista' tippenalizza biss atti li jsiru fit-territorju nazzjonali.

47     Barra minn hekk, għandu jiġi mfakkar li, fil-kawża prinċipali, il-programmi li jkun fihom il-fonogrammi protetti jiġu trażmessi permezz ta' trażmettituri terrestri li jinsabu fit-territorju Franċiż kif ukoll minn trażmettitur terrestri li jinsab fit-territorju Ġermaniż. Safejn, b'dan il-mod, isiru xandiriet fit-territorju ta' żewġ Stati Membri, l-imsemmija drittijiet huma dovuti fuq il-bażi tal-leġiżlazzjoni nazzjonali taż-żewġ stati.

48     F'dan il-kuntest, għandu jiġi rrilevat li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li ma hemm l-ebda raġuni oġġettiva li tiġġustifika li l-modalitajiet preċiżi għad-determinazzjoni ta' ħlas uniku ekwu jiġu stabbiliti mill-imħallef Komunitarju, ħaġa li neċessarjament tirriżulta f'sitwazzjoni fejn il-Qorti tal-Ġustizzja tissostitwixxi ruħha għall-Istati Membri, meta d-Direttiva 92/100 ma timponi l-ebda kriterju partikolari fuq l-Istati Membri. Għaldaqstant, huma l-Istati Membri biss li jistgħu jiddeterminaw, fit-territorju tagħhom, il-kriterji l-aktar pertinenti biex jiżguraw li l-kunċett Komunitarju ta' ħlas ekwu jiġi rrispettat (sentenza tas-6 ta' Frar 2003, SENA, C-245/00, Ġabra p. I 1251, punt 34).

49     Madankollu, l-Istati Membri għandhom jeżerċitaw is-setgħat tagħhom f'dan il-kamp fil-limiti imposti mid-dritt Komunitarju u, b'mod partikolari, mill-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 92/100 li teżiġi li tali ħlas ikun ekwu. Aktar preċiżament, huma għandhom jipprovdu kriterji għall-ħlas ekwu li jkunu jistgħu jippermettu li jintlaħaq bilanċ xieraq bejn l-interessi ta' l-artisti u l-produtturi ta' fonogrammi li jitħallsu għax-xandir ta' fonogramma partikolari u l-interessi ta' terzi biex ikunu jistgħu ixandru din il-fonogramma taħt kundizzjonijiet raġonevoli. (sentenza SENA, iċċitata iktar 'il fuq, punt 36).

50     B'dan il-mod, dan il-ħlas, li jirrappreżenta l-korrispettiv għall-użu ta' fonogramma kummerċjali, partikolarment għal finijiet ta' xandir, jimplika li n-natura ekwa tiegħu tkun, b'mod partikolari, evalwata fid-dawl tal-valur ta' dan l-użu fl-iskambji ekonomiċi (sentenza SENA, iċċitata iktar 'il fuq, punt 37).

51     Sabiex dan il-valur jiġi ddeterminat, għandha ssir referenza, fuq dan il-punt speċifiku, għall-kriterji msemmija fis-sbatax-il premessa tad-Direttiva 93/83, u għalhekk għandhom jiġu kkunsidrati l-aspetti kollha tax-xandira, bħal, b'mod partikolari, is-semmiegħa attwali, is-semmiegħa potenzjali u l-verżjoni lingwistika tat-trażmissjoni.

52     L-użu ta' fonogrammi għal xandira fl-Istat Membru fejn jinsab l-imsemmi trażmettitur terrestri bl-ebda mod ma jnaqqas in-numru tas-semmiegħa attwali jew potenzjali fl-Istat li fih hi stabbilita l-kumpannija li tittrażmetti u lanqas, konsegwentement, ma jnaqqas il-valur ta' dan l-użu fl-iskambji ekonomiċi fit-territorju ta' dan l-aħħar Stat.

53     Barra minn hekk, jirriżulta b'mod ċar mill-proċess li x-xandir ta' fonogrammi jiġi sfruttat kummerċjalment b'mod effettiv fit-territorju Franċiż biss, peress illi l-ħin pubbliċitarju fil-programmi jinbigħ biss lil impriżi Franċiżi. Bl-istess mod, il-maġġoranza tas-semmiegħa jinsabu fi Franza, peress illi, min-naħa l-waħda, ix-xandir in kwistjoni fil-kawża prinċipali jista' jiġi rċevut mill-pubbliku biss f'żona ristretta tat-territorju Ġermaniż u, min-naħa l-oħra, it-trażmissjoni hi bil-Franċiż.

54     Madankollu, peress illi ma jistax jingħad li s-semmiegħa attwali u potenzjali tat-trażmissjonijiet fl-Istat Membru fejn jinsab it-trażmettitur terrestri huma ineżistenti, l-użu ta' fonogrammi protetti għandu, anki f'dan l-Istat, ċertu valur ekonomiku, għalkemm żgħir. Konsegwentement, dan l-Istat jista' filwaqt li jqis il-prinċipju ta' territorjalità msemmi fil-punt 46 ta' din is-sentenza, jeżiġi ħlas ekwu għax-xandir ta' l-imsemmija fonogrammi fit-territorju tiegħu. Iċ-ċirkustanzi msemmija fil-punt preċedenti, li jillimitaw il-valur ekonomiku ta' tali użu, huma rilevanti biss għal dak li jirrigwarda r-rati ta' din ir-royalty u jkun f'idejn il-qrati ta' l-imsemmi Stat Membru li jeħduhom in kunsiderazzjoni meta jiġu biex jiddeterminaw ir-royalty. Min-naħa l-oħra, dawn iċ-ċirkustanzi m'għandhomx iqajmu dubji dwar il-fatt li r-royalty iddeterminata b'dan il-mod hija l-korrispettiv għall-użu ta' fonogrammi f'dan l-Istat u l-ħlas tagħha m'għandux jitqies meta jiġi kkalkulat il-ħlas ekwu fl-Istat Membru l-ieħor.

55     Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, it-tweġiba għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 92/100 għandu jiġi interpretat fis-sens li, biex jiġi ddeterminat il-ħlas ekwu msemmi f'din id-dispożizzjoni, il-kumpannija li tittrażmetti m'għandiex id-dritt tnaqqas unilateralment mis-somma tar-royalty għall-użu tal-fonogrammi li għandha tħallas fl-Istat Membru fejn hija stabbilita, is-somma tar-royalty imħallsa jew mitluba mingħandha fl-Istat Membru li fit-territorju tiegħu jinsab it-trażmettitur li jxandar it-trażmissjonijiet lejn l-ewwel Stat.

 Fuq l-ispejjeż

56     Peress illi l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta' kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta' osservazzjonijiet lill-Qorti, barra dawk ta' l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (it-Tielet Awla) taqta' u tiddeċiedi li:

1)      F'każ ta' xandir bħal dak in kwistjoni fil-kawża prinċipali, id-Direttiva 93/83/KEE tas-27 ta' Settembru 1993, dwar il-koordinazzjoni ta' ċerti regoli dwar id-drittijiet ta' l-awtur u drittijiet relatati ma' drittijiet ta' l-awtur applikabbli għal xandir bis-satellita u ritrażmissjoni bil-kejbil, ma tipprojbixxix li r-royalty għall-użu tal-fonogrammi tiġi rregolata mhux biss mil-liġi ta' l-Istat Membru li fih hi stabbilita l-kumpannija li tittrażmetti, iżda wkoll mil-liġi ta' l-Istat Membru fejn jinsab, għal raġunijiet tekniċi, it-trażmettitur terrestri li jxandar dawn it-trażmissjonijiet lejn l-ewwel Stat.

2)      L-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 92/100/KEE, dwar dritt ta' kiri u dritt ta' self u dwar ċerti drittijiet relatati mad-drittijiet ta' l-awtur fil-qasam tal-proprjetà intellettwali, għandu jiġi interpretat fis-sens li, biex jiġi ddeterminat il-ħlas ekwu msemmi f'din id-dispożizzjoni, il-kumpannija li tittrażmetti m'għandiex id-dritt tnaqqas unilateralment mis-somma tar-royalty għall-użu tal-fonogrammi li għandha tħallas fl-Istat Membru fejn hija stabbilita, is-somma tar-royalty imħallsa jew mitluba mingħandha fl-Istat Membru li fit-territorju tiegħu jinsab it-trażmettitur li jxandar it-trażmissjonijiet lejn l-ewwel Stat.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.