Language of document : ECLI:EU:F:2015:122

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU

TAL-UNJONI EWROPEA

(It-Tieni Awla)

21 ta’ Ottubru 2015

Kawża F‑57/14

AQ

vs

Il‑Kummissjoni Ewropea

“ Servizz pubbliku – Uffiċjali – Regolament Nru 45/2001 – Ipproċessar ta’ data personali miksuba għal finijiet privati – Investigazzjoni amministrattiva – Proċeduri dixxiplinari – Drittijiet tad-difiża – Dmir ta’ motivazzjoni – Sanzjoni dixxiplinari – Proporzjonalità ”

Suġġett:      Rikors ippreżentat skont l-Artikolu 270 TFUE, applikabbli għat-Trattat KEEA bis-saħħa tal-Artikolu 106a tiegħu, li bih AQ jitlob, minn naħa, l-annullament tad-deċiżjoni tal-Awtorità tal-Ħatra tal-Kummissjoni Ewropea, tad-19 ta’ Marzu 2014, ta’ ċaħda tat-talba tiegħu, kif ukoll, sa fejn hemm bżonn, l-annullament tad-deċiżjoni tas-6 ta’ Settembru 2013 peress li imponietlu s-sanzjoni dixxiplinari tat-twissija u, min-naħa l-oħra, il-kundanna tal-Kummissjoni biex tħallsu s-somma ta’ EUR 5 000, evalwata ex æquo et bono bħala danni.

Deċiżjoni:      Ir-rikors huwa miċħud. AQ għandu jbati l-ispejjeż tiegħu u huwa kkundannat ibati l-ispejjeż sosnuti mill-Kummissjoni Ewropea.

Sommarju

1.      Uffiċjali – Dmir ta' premura tal-amministrazzjoni – Obbligu li wieħed jindirizza uffiċjal fil-lingwa mrażżna b’mod fil-fond minnu – Portata

(Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 41(4))

2.      Uffiċjali – Sistema dixxiplinari – Proċeduri dixxiplinari – Rispett tad-drittijiet tad-difiża – Investigazzjoni amministrattiva – Dmir tal-amministrazzjoni li tikkomunika l-atti tal-proċess matul l-iżvolġiment tal-investigazzjoni – Assenza

(Regolamenti tal-Persunal, Anness IX, Artikoli 1 u 2)

3.      Uffiċjali – Sistema dixxiplinari – Proċeduri dixxiplinari – Ftuħ ta' proċeduri dixxiplinari – Dmir tal-amministrazzjoni li tikkomunika l-atti tal-proċess qabel il-ftuħ ta’ proċeduri dixxiplinari – Kundizzjoni – Osservanza tal-interessi leġittimi tal-kunfidenzjalità

(Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 41(2)(b); Regolamenti tal-Persunal, Anness IX, Artikolu 3)

4.      Uffiċjali – Drittijiet u obbligi – Protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali – Nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu – Applikazzjoni tas-sanzjonijiet dixxiplinari

(Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 8; Regolament Nru 45/2001, Artikoli 4(1)(b) u 49)

5.      Uffiċjali – Deċiżjoni li tikkawża preġudizzju – Sanzjoni dixxiplinari – Obbligu ta’ motivazzjoni – Portata

(Regolamenti tal-Persunal, it-tieni paragrafu tal-Artikolu 25)

6.      Uffiċjali – Sistema dixxiplinari – Sanzjoni – Osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità – Gravità tan-nuqqas – Kriterji ta’ evalwazzjoni

(Regolamenti tal-Persunal, Anness IX, Artikolu 10)

1.      Jekk huwa l-obbligu tal-istituzzjonijiet, bis-saħħa tad-dmir ta’ premura, li jindirizzaw uffiċjal fil-lingwa li dan irażżan b’mod fil-fond, ma jistax jiġi dedott mill-Artikolu 41(4) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea li kull deċiżjoni indirizzata minn istituzzjoni tal-Unjoni lil wieħed mill-uffiċjali tagħha għandha tiġi mfassla fil-lingwa tal-għażla ta’ dan tal-aħħar. Fil-fatt, din id-dispożizzjoni tapplika biss għar-relazzjonijiet bejn l-istituzzjonijiet u l-membri tal-persunal tagħhom meta dawn jindirizzaw korrispondenza lill-istituzzjonijiet fil-kwalità biss ta’ ċittadini tal-Unjoni u mhux fil-kwalità tagħhom ta’ uffiċjal jew ta’ membru tal-persunal.

Konsegwentement, uffiċjal ma jistax jinvoka b’mod utli d-dispożizzjoni ċċitata iktar ’il fuq meta seta’, matul investigazzjoni amministrattiva u proċeduri dixxiplinari, jesprimi ruħu fil-lingwa tal-preferenza tiegħu u meta kellu terminu suffiċjenti biex jitlob li jinstema’ f’lingwa oħra matul il-proċeduri dixxiplinari.

Lanqas ma hemm ksur tal-Artikolu 6(3)(a) tal-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, li jipprovdi, b’mod partikolari, li kull akkużat għandu d-dritt li jkun infurmat, f’lingwa li jifthem, dwar in-natura u l-kawża tal-akkuża miġjuba kontrih, peress li id-dispożizzjoni ċċitata iktar ’il fuq hija applikabbli biss f’materja kriminali.

(ara l-punti 58, 61 u 62)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: sentenza tat-8 ta’ Mejju 2008, Weiss und Partner, C-14-/07, EU:C:2008:264, punt 57

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: digrieti tas-7 ta’ Ottubru 2009, Marcuccio vs Il‑Kummissjoni, F‑122-/07, EU:F:2009:134, punti 63 u 65, u Marcuccio vs Il‑Kummissjoni, F‑3/08, EU:F:2009:135, punti 31 u 33

2.      Mill-Artikolu 2 tal-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal, li jirreferi għall-Artikolu 1 tal-istess anness, jirriżulta li, matul l-investigazzjoni amministrattiva, il-persuna kkonċernata għandha tinżamm informata bl-implikazzjoni tagħha sa fejn din l-informazzjoni ma tagħmilx dannu lill-iżvolġiment tajjeb tal-imsemmija investigazzjoni.

Ma hemmx ksur mill-Awtorità tal-Ħatra tal-Artikolu 2 tal-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal lanqas tad-drittijiet tad-difiża ta’ uffiċjal fil-kuntest ta’ investigazzjoni amministrattiva meta dan huwa informat bil-ftuħ ta’ din l-investigazzjoni, u jirċievi komunikazzjoni tar-rapport tal-investigazzjoni, li tmur lil hinn mill-obbligu impost fuq l-imsemmija awtorità permezz tal-Artikolu 2 tal-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal, li ma jipprovdix l-komunikazzjoni lill-persuna kkonċernata tal-konklużjonijiet tar-rapport tal-investigazzjoni amministrattiva. Barra minn hekk, huwa biss fit-tmiem tal-investigazzjoni amministrattiva li l-persuna kkonċernata tista’ titlob id-dokumenti b’konnessjoni diretta mal-allegazzjonijiet ifformulati fir-rigward tagħha.

(ara l-punti 67 sa 71)

3.      Għalkemm huwa veru li l-Artikolu 3 tal-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal jimponi fuq l-Awtorità tal-Ħatra l-obbligu li tikkomunika lill-uffiċjal ikkonċernat l-atti tal-proċess qabel is-smigħ tiegħu qabel ma jiġi deċiż il-ftuħ ta’ proċeduri dixxiplinari, xorta jibqa’ l-fatt li, meta tagħti aċċess lill-persuna għall-proċess li jikkonċernaha, l-amministrazzjoni hija obbligata wkoll, bis-saħħa tal-Artikolu 41(2)(b) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, li tosserva l-interessi leġittimi tal-kunfidenzjalità.

Sa fejn l-investigaturi qegħdu għad-dispożizzjoni tal-uffiċjal ikkonċernat, mill-bidu tal-proċedura ta’ investigazzjoni amministrattiva, l-informazzjoni li tikkonċernah u li kienet tidher f’ittra elettronika li uffiċjal ieħor bagħat lill-uffiċċju ta’ investigazzjoni u ta’ dixxiplina tal-Kummissjoni, il-komunikazzjoni ta’ din l-ittra elettronika biss wara s-smigħ tiegħu ma tistax tikkawża danni lid-drittijiet tiegħu tad-difiża.

(ara l-punti 73, 79 u 80)

4.      L-Artikolu 8 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea kif ukoll ir-Regolament Nru 45/2001, dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali mill-istituzzjonijiet u korpi tal-Unjoni Ewropea u dwar il-moviment liberu ta’ din id-data, li tirrikonoxxi lill-persuni drittijiet legalment protetti, japplika għall-ipproċessar ta’ data personali minn, b’mod partikolari, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni fl-eżerċizzju ta’ attivitajiet li jaqgħu totalment jew parzjalment taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni. Huwa f’dan il-kuntest li l-Artikolu 49 tar-Regolament Nru 45/2001 jipprovdi l-applikazzjoni tas-sanzjonijiet dixxiplinari għall-uffiċjali u membri tal-persunal f’każ ta’ nuqqas ta’ twettiq tal-obbligi tagħhom bis-saħħa tal-imsemmi regolament, kemm jekk dan ikun intenzjonali jew b’negliġenza.

Uffiċjal li jidher bħala “destinatarju” tad-data personali fis-sens tar-Regolament Nru 45/2001 għall-finijiet tal-ksib ta’ din id-data minn persuna, huwa suġġett fl-istess ħin għall-Artikolu 8 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u għad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 45/2001, b’mod partikolari għall-obbligu impost fl-Artikolu 4(1)(b) tal-imsemmi regolament, li bis-saħħa tiegħu d-data personali għandha tinġabar għal finijiet stabbiliti, espliċiti u leġittimi u ma għandhiex tkun pproċessata sussegwentement b’mod inkompatibbli ma’ dawn il-finijiet.

(ara l-punti 88 u 90)

5.      Il-motivazzjoni ta’ deċiżjoni li toħloq preġudizzju għandha tippermetti li l-qorti teżerċita l-istħarriġ tagħha dwar il-legalità tad-deċiżjoni u għandha tagħti lill-persuna kkonċernata l-indikazzjonijiet neċessarji sabiex ikun magħruf jekk id-deċiżjoni hijiex fondata.

Il-kwistjoni jekk il-motivazzjoni tad-deċiżjoni tal-Awtorità tal-Ħatra li timponi sanzjoni tissodisfax dawn ir-rekwiżiti għandha tiġi evalwata mhux biss fid-dawl tal-kliem tagħha, imma wkoll tal-kuntest tagħha u l-intier tar-regoli ġuridiċi li jirregolaw il-materja kkonċernata. F’dan ir-rigward, għalkemm l-Awtorità tal-Ħatra għandha tindika, b’mod preċiż, il-fatti li jkun akkużat bihom l-uffiċjal, kif ukoll il-kunsiderazzjonijiet li wassluha tadotta s-sanzjoni magħżula, hija mhijiex meħtieġa tiddiskuti l-punti kollha ta’ fatt u ta’ dritt li tqajmu mill-parti kkonċernata matul il-proċeduri.

(ara l-punti 112 u 113)

Referenza:

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: sentenzi tat-8 ta’ Novembru 2007, Andreasen vs Il‑Kummissjoni, F‑40/05, EU:F:2007:189, punt 260, u tas-17 ta’ Lulju 2012, BG vs L-Ombudsman, F‑54/11, EU:F:2012:114, punt 96, ikkonfermata fuq appell permezz tas-sentenza tat-22 ta’ Mejju 2014, BG vs L-Ombudsman, T‑406/12 P, EU:T:2014:273

6.      Fir-rigward tal-evalwazzjoni jekk is-sanzjoni dixxiplinari imposta hija proporzjonali għall-gravità tal-fatti stabbiliti, għalkemm huwa veru li r-Regolamenti tal-Persunal ma jipprovdux konnessjoni fissa bejn is-sanzjonijiet previsti fl-Artikolu 9 tal-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal u l-kategoriji possibbli ta’ nuqqasijiet imwettqa mill-uffiċjali, xorta jibqa’ l-fatt li l-Artikolu 10 tal-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal jinkludi lista mhux eżawrjenti ta’ kriterji, inklużi ċ-ċirkustanzi li jistgħu itaffu jew jaggravaw l-imġieba tal-uffiċjal, li tiegħu l-Awtorità tal-Ħatra għandha tieħu inkunsiderazzjoni biex tiddetermina l-gravità tat-tort u tiddeċiedi s-sanzjoni dixxiplinari.

(ara l-punt 118)