Language of document :

Rikors ippreżentat fit-8 ta' Diċembru 2011 - Guangdong Kito Ceramics et vs Il-Kunsill

(Kawża T-633/11)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Guangdong Kito Ceramics Co. Ltd (Foshan, iċ-Ċina), Jingdezhen Kito Ceramic Co. Ltd (Jingdezhen, iċ-Ċina), Jingdezhen Lehua Ceramic Sanitary Ware Co. Ltd (Jingdezhen, iċ-Ċina) u Zhaoqing Lehua Ceramic Sanitary Ware Co. Ltd (Sihui, iċ-Ċina) (rappreżentant: M. Sánchez Rydelski, avukat)

Konvenut: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti jitolbu lil l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla r-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 917/2011, tat-12 ta' Settembru 2011, li jimponi dazju antidumping definittiv u jiġbor b'mod definittiv id-dazju provviżorju impost fuq l-importazzjonijiet tal-madum taċ-ċeramika li joriġina fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (ĠU 2011 L 238, p. 1), sa fejn jikkonċerna lir-rikorrenti; u

tikkundanna lill-konvenut għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti jinvokaw tliet motivi.

L-ewwel motiv ibbażat fuq l-iżball manifest imwettaq mill-Kunsill fl-interpretazzjoni u fl-applikazzjoni tal-Artikolu 18 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 .

It-tieni motiv ibbażat fuq li r-regolament ikkontestat ma jinkludix motivazzjoni suffiċjenti.

It-tielet motiv ibbażat fuq il-fatt li l-proċedura li twassal għar-regolament ikkontestat ma osservatx il-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, bħal ma huma l-prinċipji ta' amministrazzjoni tajba u ta' trasparenza, kif ukoll id-drittijiet ta' difiża tar-rikorrenti, u kisret l-Artikolu 8(4) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009.

____________

1 - Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009, tat-30 ta' Novembru 2009, dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (ĠU L 343, p. 51).