Language of document :

Rikors ippreżentat fit-13 ta' April 2012 - Georgias et vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni

(Kawża T-168/12)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Aguy Clement Georgias (Harare, Iż-Zimbabwe); Trinity Engineering (Private) Ltd (Harare); u Georgiadis Trucking (Private) Ltd (Harare) (rappreżentanti: M. Robson u E. Goulder, Solicitors, u H. Mercer, Barrister)

Konvenuti: Il-Kummissjoni Ewropea u Il-Kusill tal-Unjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tikkundanna lill-Unjoni Ewropea u lill-Kummissjoni u/jew lill-Kunsill għall-ħlas tad-dannu kkawżat, riżultat tal-applikazzjoni ta' ċerti miżuri restrittivi fir-rigward taż-Żimbabwe, billi jikkumpensaw lir-rikorrenti, abbażi tal-Artikolu 268 TFUE u tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE, għall-ammonti li ġejjin jew ammonti oħra li l-Qorti Ġenerali tikkunsidra li huma xierqa:

i.    EUR 469 520,24 jew l-ekwivalenti tiegħu lil Trinity;

ii.    EUR 5 627,020 jew l-ekwivalenti tiegħu lil Georgiadis;

iii.    EUR 374 986,57 jew l-ekwivalenti tiegħu lis-Senatur Georgias;

iv.    ammont ikkunsidrat xieraq mill-Qorti Ġenerali sabiex tikkumpensa lis-Senatur Georgias għad-dannu allegat li ma huwiex ta' natura pekunjarja;

v.    interessi bir-rata annwali ta' 8% fuq is-somom imsemmija iktar 'il fuq jew kwalunkwe rata oħra li tista' talloka l-Qorti Ġenerali;

tordna jekk, u sa fejn il-Qorti Ġenerali tikkunsidra li huwa meħtieġ, evalwazzjoni tad-dannu soffert mir-rikorrenti;

tikkundanna lill-Kummissjoni u/jew lill-Kunsill għall-ispejjeż sostnuti mir-rikorrenti f'dawn il-proċeduri.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħhom, li permezz tiegħu jixtiequ jiksbu ħlas għad-dannu min-naħa tal-UE minħabba responsabbiltà mhux kuntrattwali, ir-rikorrenti jinvokaw żewġ motivi.

L-ewwel motiv ibbażat fuq

azzjonijiet illegali li jirriżultaw mill-adozzjoni tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru°412/2007, tas-16 ta' April 2007, li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru°314/2004 dwar ċerti miżuri restrittivi fir-rigward taż-Żimbabwe (ĠU L 101, p. 6):

i) żball manifest tal-evalwazzjoni tal-fatti flimkien ma' ksur tad-drittijiet tad-difiża u tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva;

ii) użu ħażin ta' poter;

iii) ksur tad-drittijiet tad-difiża għal dak li jirrigwarda t-tiġdid tal-miżuri ta' ffrizar tal-beni.

It-tieni motiv ibbażat fuq

li d-dannu soffert jinkludi:

i) it-telf ta' opportunitajiet għall-attivita' kummerċjali speċifika minħabba l-applikazzjoni extra-territorjali tal-miżuri ta' iffriżar tal-beni għall-persuni kkonċernati kollha li jeżerċitaw attivita' kummerċjali fl-UE;

ii) stress personali minħabba t-telf eventwali tal-attivita' kummerċjali fl-UE;

iii) telf li jirriżulta mill-applikazzjoni tal-imsemmi regolament għas-Senatur Georgias f'Mejju 2007 u mat-tiġdid ta' dan ir-regolament, li jwassal għal dannu finanzjarju u anki mhux finanzjarju minħabba li ġie eskluż mit-territorju tal-UE u ġie suġġett għall-iffriżar tal-assi tiegħu.

____________