Language of document :

Rikors ippreżentat fit-23 ta' Diċembru 2010 - Acron u Dorogobuzh vs Il-Kunsill

(Kawża T-582/10)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Acron OAO (Veliky Novgorod, il-Federazzjoni Russa) u Dorogobuzh OAO (Verkhnedneprovsky Settlement, il-Federazzjoni Russa), (rappreżentant: B. Evtimov, avukat)

Konvenut: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

Talbiet tar-rikorrent(i)

tannulla r-Regolament implimentattiv tal-Kunsill (UE) Nru 856/2010, tas-27 ta' Settembru 2010 1, sa fejn jikkonċernahom; u

tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Permezz tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jitolbu, skont l-Aritkolu 263 TFUE, l-annullament tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 856/2010, li temm ir-reviżjoni interim parzjali mibdija, wara t-talba tar-rikorrenti sabiex tinbidel il-forma tal-miżuri antidumping billi jiġi inkluż negozjant relatat fl-impenn tagħhom fis-seħħ.

Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jressqu l-motivi li ġejjin:

Ir-rikorrenti jsostnu li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni użaw bażi legali żbaljata sabiex jiċħdu t-talba tagħhom u jtemmu r-reviżjoni interim parzjali mingħajr tibdil fil-miżuri.

B'mod iktar speċifiku, ir-rikorrenti jsostnu li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni kisru l-Artikolu 143(1)(a) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2454/93, tat-2 ta' Lulju 1993, li jiffissa d-dispożizzjonijiet għall-implementazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 li jistabbilixxi il-Kodiċi Doganali Komunitarju (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 6, p.3), u wettqu żball manifest ta' evalwazzjoni meta ddeċidew li n-negozjant relatat tagħhom kien relatat ma' kumpannija oħra.

Barra minn hekk, ir-rikorrenti jsostnu li matul l-investigazzjoni u l-kunsiderazzjonijiet tagħhom dwar ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 856/2010, l-istituzzjonijet kisru l-Artikolu 5(4) TUE, li jeżiġi l-osservanza, mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni, tal-prinċipju legali fundamentali ta' proporzjonalità, u l-Artikolu 42 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, li jinkorpora l-prinċipju ta' amministrazzjoni tajba.

____________

1 - Regolament implimentattiv tal-Kunsill (UE) Nru 856/2010, tas- 27 ta' Settembru 2010, li jtemm ir-reviżjoni interim parzjali tar-Regolament (KE) Nru 661/2008 li jimponi dazju definittiv antidumping fuq importazzjonijiet ta' nitrat tal-ammonju li joriġinaw mir-Russja (ĠU 2010 L 254, p. 5)