Language of document : ECLI:EU:T:2011:617

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Awla tal-Appell)

24 ta’ Ottubru 2011 (*)

“Appell – Servizz pubbliku – Membri tal-persunal temporanju – Tkeċċija – Telf ta’ fiduċja – Motivazzjoni – Żnaturament tal-provi”

Fil-Kawża T‑213/10 P,

li għandha bħala suġġett appell mis-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea (It-Tielet Awla) tal-24 ta’ Frar 2010, P vs Il‑Parlament (F‑89/08, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra), u intiż għall-annullament ta’ din is-sentenza,

P, ex membru tal-persunal temporanju tal-Parlament Ewropew, residenti fi Brussell (il-Belġju), irrappreżentat minn É. Boigelot, avukat,

appellanti,

il-parti l-oħra fil-kawża li hija

Il-Parlament Ewropew, inizjalment irrappreżentat minn S. Seyr u R. Ignătescu, sussegwentement minn S. Seyr, bħala aġenti,

konvenut fl-ewwel istanza,

IL-QORTI ĠENERALI (Awla tal-Appell),

komposta minn M. Jaeger, President, J. Azizi (Relatur) u E. Moavero Milanesi, Imħallfin,

Reġistratur: E. Coulon,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tal-appell tagħha, ippreżentat abbażi tal-Artikolu 9 tal-Anness I tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, l-appellanti, P, titlob l-annullament tas-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea (it-Tielet Awla) tal-24 ta’ Frar 2010, P vs Il‑Parlament (F‑89/08, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”), li permezz tagħha dan tal-aħħar ċaħad ir-rikors tagħha intiż, fl-ewwel lok, għall-annullament tad-deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta’ April 2008, li tirrexindi l-kuntratt tagħha bħala membru tal-persunal temporanju għal żmien indeterminat assenjata mal-membri mhux imsieħba f’wieħed mill-gruppi tal-Parlament (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kontenzjuża”), fit-tieni lok, għall-integrazzjoni mill-ġdid fil-funzjonijiet tagħha, fit-tielet lok, għall-ħlas tas-salarju tagħha mill-15 ta’ Lulju 2008 u, fir-raba’ lok, għall-ħlas ta’ kumpens għad-danni morali u għal preġudizzju għall-karriera allegatament subiti minħabba d-deċiżjoni kontenzjuża.

 Il-fatti li wasslu għall-kawża u l-proċedura fl-ewwel istanza

2        Il-fatti li wasslu għall-kawża huma ddikjarati fil-punti 8 sa 21 tas-sentenza appellata kif ġej:

“8      [L-appellanti], li sa mill-1999, kienet ħadmet diversi darbi mal-Parlament, b’mod partikolari, fl-2004, bħala assistenta parlamentari ta’ Ashley Mote, ġiet irreklutata mill-1 ta’ Marzu 2005 bħala membru tal-persunal temporanju fil-grad B*3, skala 2, sabiex tokkupa pożizzjoni ta’ assistent mal-membri mhux imsieħba f’wieħed mill-gruppi tal-Parlament.

9      Wara d-deċiżjoni ta’ A. Mote li jissieħeb mill-ġdid fil-grupp “Identité, Tradition, Souveraineté” (iktar ’il quddiem il-“grupp ITS”), [l-appellanti] ġiet assenjata mal-grupp imsemmi permezz ta’ emenda għall-kuntratt tagħha, li ġiet iffirmata fil-31 ta’ Jannar 2007.

10      Wara emenda għall-kuntratt tagħha, tas-27 ta’ Marzu 2007, [l-appellanti] okkupat il-pożizzjoni ta’ segretarju ġenerali tal-grupp ITS fil-grad AD 14, skala 1.

11      Fl-14 ta’ Lulju 2007, f’rapport ta’ ‘konferma fil-funzjonijiet ta’ kap ta’ unità bħala segretarju ġenerali’, is-Sur Gollnisch, evalwatur [tal-appellanti] u president tal-grupp ITS, semma, b’mod partikolari, diffikultajiet fil-livell ta’ relazzjonijiet, kunflitti, inizzjattivi inopportuni u ċerta kunfużjoni fil-qasam tal-komunikazzjoni. Għaldaqstant huwa qabel mad-deċiżjoni tal-bureau tal-grupp ITS li [l-appellanti] ma tinżammx fil-funzjonijiet ta’ segretarju ġenerali tal-imsemmi grupp. Madankollu, peress li kkunsidra li [l-appellanti] kienet adatta sabiex teżerċita funzjonijiet fi grad superjuri għal dak li hija kellha qabel l-emenda tas-27 ta’ Marzu 2007, huwa ppropona li jintegraha mill-ġdid fil-grupp ITS billi jassenjha fis-servizz ta’ wieħed mill-komponenti tiegħu.

12      Permezz ta’ ittra tal-21 ta’ Settembru 2007, mibgħuta mis-Sur Claeys, l-ewwel viċi president u president viġenti tal-grupp ITS, [l-appellanti] ġiet informata li l-kuntratt tagħha ser jiġi xolt wara preavviż ta’ tliet xhur (iktar ’il quddiem id-‘deċiżjoni ta’ tkeċċija tal-21 ta’ Settembru 2007’). F’din l-ittra, li tagħmel riferiment għall-Artikolu 47(ċ) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg [Kondizzjonijiet tal-impjieg ta’ impjegati oħra tal-Unjoni Ewropea], huwa ppreċiżat li d-deċiżjoni ta’ rexissjoni hija bbażata fuq telf ta’ fiduċja u ssegwi ‘ir-rapport li jirrakkomanda li [l-appellanti] ma tiġix ikkonfermata fil-funzjonijiet temporanji [tagħha bħala] segretarju ġenerali tal-grupp [ITS], ir-rifjut [ta’ din tal-aħħar] li tieħu konjizzjoni tiegħu u d-deċiżjoni tal-bureau tal-grupp ITS tal-5 ta’ Settembru [2007, li hija mehmuża mal-imsemmija ittra]’.

13      Permezz ta’ ittra tas-17 ta’ Diċembru 2007, il-koordinatur tal-membri mhux imsieħba, delegat tas-segretarju ġenerali tal-Parlament mal-imsemmija membri, informa lid-direttriċi tad-Direttorat tal-ġestjoni amministrattiva tal-persunal li, wara x-xoljiment tal-grupp ITS u ‘bi qbil mad-delegazzjoni Ingliża [tal-membri mhux imsieħba]’, li kienet tinkludi lil A. Mote, huwa kienet talab l-integrazzjoni mill-ġdid [tal-appellanti] ‘fil-pożizzjoni antika tagħha’ fi ħdan is-segretarjat tal-membri mhux imsieħba.

14      Id-deċiżjoni ta’ tkeċċija tal-21 ta’ Settembru 2007 ġiet irtirata u, permezz ta’ emenda b’effett mill-20 ta’ Diċembru 2007, [l-appellanti] ġiet assenjata mal-membri mhux imsieħba u kklassifikata fil-grad AST 3, skala 3.

15      Permezz ta’ ittra li għalkemm tindika d-data tas-27 ta’ Mejju 2008, huwa stabbilit li hija tas-27 ta’ Marzu 2008, il-koordinatur tal-membri mhux imsieħba talab lis-segretarju ġenerali tal-Parlament it-tkeċċija [tal-appellanti] ‘[w]ara telf ta’ fiduċja, kemm personali kif ukoll politika, bejn [l-appellanti], aġent tas-segretarjat tal-membri [mhux] imsieħba, u Ashley Mote, membru [mhux] imsieħeb u s-superjuri amministrattiv dirett tagħha’.

16      Permezz ta’ deċiżjoni tas-segretarju ġenerali tal-Parlament tal-15 ta’ April 2008, il-kuntratt [tal-appellanti] ġie xolt abbażi tal-Artikolu 47(ċ)(i) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg, ‘[w]ara t-tlef ta’ fiduċja [fir-rigward tal-appellanti] fi ħdan is-segretarjat’ tal-membri mhux imsieħba (iktar ’il quddiem id-‘deċiżjoni kontenzjuża’). Ġie ppreċiżat li r-rexissjoni kellha ssir wara perijodu ta’ preavviż ta’ tliet xhur.

17      Fost affarijiet oħra, id-deċiżjoni kontenzjuża tipprevedi li, matul il-perijodu ta’ preavviż, [l-appellanti] ma għandux ikollha aċċess għall-bini tal-Parlament u li hija għandha tirritorna ‘kemm jista’ jkun malajr’ iċ-ċwievet tal-uffiċċji li għadhom fil-pussess tagħha.

18      Permezz ta’ ittra tat-8 ta’ Mejju 2008, il-konsulent [tal-appellanti] talab lill-Parlament jirtira d-deċiżjoni kontenzjuża u talab li jingħata l-motivi ta’ din id-deċiżjoni.

19      Permezz ta’ ittra tal-14 ta’ Mejju 2008, mingħand il-kap tal-unità ‘Deduzzjonijiet’ tad-direttorat ġenerali tal-persunal, [l-appellanti] ġiet informata li, ‘b’mod konfromi mat-talba ta’ rkupru mressqa mis-Sur Gollnisch, president tal-ex grupp ITS […] l-unità tad-deduzzjonijiet ser tipproċedi bl-irkupru ta’ EUR 1 320.50 li [l-appellanti kienet] irċeviet indebitament”. [L-appellanti] ġiet ukoll innotfikata permezz ta’ ittra tas-segretarju ġenerali tal-Parlament, tad-9 ta’ Ġunju 2008, bl-eżistenza ta’ investigazzjoni amministrattiva fir-rigward tagħha wara li l-imsemmi segretarju ġenerali ‘ġie informat mis-Sur Gollnisch, ex president tal-grupp ITS, li [l-appellanti] użat diversi manuvri, ta’ natura frawdolenti, sabiex titlef [il-]fiduċja [tas-Sur Gollnisch] kif ukoll dik ta’ membri oħra tal-bureau tal-grupp’.

20      Permezz ta’ ittra tal-11 ta’ Lulju 2008, il-konsulent [tal-appellanti] ippreżenta ilment preliminari, abbażi tal-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal [tal-Unjoni Ewropea], intiż, b’mod partikolari għall-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża.

21      Permezz ta’ deċiżjoni tat-18 ta’ Settembru 2008, il-Parlament ċaħad l-ilment [tal-appellanti].”

3        Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fit-3 ta’ Novembru 2008, l-appellanti talbet li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jogħġbu:

–        jannulla d-deċiżjoni kontenzjuża;

–        jintegraha mill-ġdid fil-funzjonijiet tagħha, fil-pożizzjoni tagħha u fil-grad li kellha fid-data tad-deċiżjoni kontenzjuża b’effett retroattiv u li tiġi assenjata lid-deputati Kilroy-Silk, Helmer u Hannan;

–        jordna l-ħlas tas-salarju tagħha mill-15 ta’ Lulju 2008 u dan sad-data sal-integrazzjoni mill-ġdid effettiva tagħha, miżjuda b’interessi moratorji ta’ 7 % fis-sena;

–        jikkundanna lill-Parlament għall-ħlas ta’ somma ta’ EUR 10 000 bħala kumpens għad-danni morali u għall-preġudizzju għall-karriera;

–        tikkundanna lill-Parlament għall-ispejjeż.

4        Il-Parlament talab li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jogħġbu:

–        jiċħad ir-rikors bħala parzjalment inammissibbli u fil-kumplament tiegħu bħala infondat;

–        jiddeċiedi l-ispejjeż skont il-liġi.

 Is-sentenza appellata

5        Permezz tas-sentenza appellata, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ċaħad ir-rikors fl-intier tiegħu.

6        Għal dan il-għan, dan ċaħad is-sitt motivi invokati mill-appellanti insostenn tat-talba tagħha għal annullament, jiġifieri, fl-ewwel lok, il-motiv ibbażat fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża, fit-tieni lok, il-motiv ibbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni, fit-tielet lok, il-motiv ibbażat fuq motivazzjoni insuffiċjenti tad-deċiżjoni kontenzjuża, fir-raba’ lok, il-motiv ibbażat fuq użu ħażin ta’ poter, fil-ħames lok, il-motiv ibbażat fuq difett proċedurali u, fis-sitt lok, il-motiv ibbażat fuq ksur tad-dmir ta’ premura.

7        Insostenn taċ-ċaħda tal-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku bbaża ruħu fuq prinċipji stabbiliti, b’mod partikolari, fis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta’ April 2004, Il‑Parlament vs Reynolds (C‑111/02 P, Ġabra p. I‑5475, punti 50 sa 60), u fis-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-17 ta’ Ottubru 2006, Bonnet vs Il-Qorti tal-Ġustizzja (T‑406/04, ĠabraSP p. I‑A‑2‑213 u II‑A‑2‑1097, punt 79) (punti 31 sa 35 tas-sentenza appellata).

8        Fir-rigward tat-tieni motiv, ibbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku kkunsidra, b’mod partikolari, dan li ġej (punti 48 sa 63 tas-sentenza appellata):

“48      F’dan il-każ, it-talba għal tkeċċija tas-27 ta’ Marzu 2008, ippreżentata mill-koordinatur tal-membri mhux imsieħba, għandha bħala motiv it-telf ta’ fiduċja ta’ A. Mote fir-rigward [tal-appellanti] u għalhekk huwa fuq din il-bażi li ġiet adottata d-deċiżjoni kontenzjuża.

49      Il-Parlament ippreċiża, kemm fit-tweġiba tiegħu għall-mistoqsijiet bil-miktub magħmula mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku kif ukoll waqt is-seduta, li A. Mote kien, fid-data tad-deċiżjoni kontenzjuża, is-superjur amminstrattiv dirett [tal-appellanti].

50      Fuq dan il-punt, qabel xejn hemm lok li jitfakkar, kif intqal iktar ’il fuq, li mill-2004 bejn A. Mote u [l-appellanti] kien hemm rabtiet mill-qrib peress li hija kienet l-assistenta parlamentari tiegħu.

51      Jeħtieġ ukoll li jiġi rrilevat li minn ittra tal-koordinatur tal-membri mhux imsieħba, tad-9 ta’ Marzu 2005, mibgħuta lid-diviżjoni tad-deduzzjonijiet jirriżulta espressament li A. Mote kien ‘il-kap responsabbli li kien jiffirma l-ordnijiet ta’missjoni’ [tal-appellanti], li, fl-1 ta’ Marzu 2005, saret membru tal-persunal temporanju tal-Parlament. Barra minn hekk il-Parlament ipproduċa ordni ta’ missjoni b’data li tmur lura għal dak iż-żmien. Din l-ordni ta’ missjoni hija ffirmata minn A. Mote, bħala ‘kap responsabbli’.

52      Sussegwentement, matul is-sena 2007, [l-appellanti] telqet minn mal-membri mhux imsieħba sabiex tiġi assenjata mal-grupp ITS. Issa, din l-assenjazzjoni rriżultat, skont in-noti [tal-appellanti], minħabba l-fatt li A. Mote kien iddeċieda li jerġa’ jissieħeb fl-imsemmi grupp.

53      Barra minn hekk, [l-appellanti] ipproduċiet fajl b’ordnijiet ta’ missjoni bid-data ta’ Lulju u Settembru 2007 li huma ffirmati minn A. Mote. Waħda minn dawn l-ordnijiet ta’ missjoni tikkonċerna żjara fir-Renju Unit f’Novembru 2007 bil-għan li żżur lil A. Mote.

54      Finalment, kien bi qbil mad-delegazzjoni Ingliża tal-membri mhux imsieħba, li tinkludi lil A. Mote, li [l-appellanti] ġiet assenjata mill-ġdid, f’Diċembru 2007, mal-membri mhux imsieħba. Fuq dan il-punt, jeħtieġ li jiġi rrilevat li A. Mote kien l-uniku membru ta’ din id-delegazzjoni li kien jifforma parti mill-grupp ITS waqt il-perijodu li matulu [l-appellanti] kienet assenjata lil dan il-grupp.

55      Għalkemm huwa stabbilit li A. Mote kien is-superjur amministrattiv dirett [tal-appellanti] fl-2005, il-kronoloġija li saret referenza għaliha tippermetti li jiġi ddikjarat li r-rabta mill-qrib li kienet teżisti sa mill-2005 bejn [l-appellanti] u A. Mote baqgħet teżisti waqt ir-ritorn konġunt tagħhom, fl-2007, fi ħdan il-membri mhux imsieħba.

56      Għalkemm l-appellanti ssostni li hija kienet taħdem, fid-data tad-deċiżjoni kontenzjuża, għal diversi membri tad-delegazzjoni Ingliża tal-membri mhux imsieħba – id-deputati Kilroy-Silk, Helmer u Hannan –, hija ma pproduċiet ebda dokument, pereżempju ordni ta’ missjoni ffirmata minn wieħed mill-imsemmija membri, li permezz tiegħu jkun jista’ jiġi stabbilit li dawn tal-aħħar kienu s-superjuri amministrattivi diretti tagħha.

[…]

59      Barra minn hekk, għalkemm waqt is-seduta [l-appellanti] invokat il-fatt li A. Mote ntbagħat il-ħabs fir-Renju Unit minn Settembru sa Diċembru 2007 u li, matul dan il-perijodu, hija ħadmet b’mod partikolari għal membri oħra mhux imsieħba, it-talba għat-tkeċċija mressqa mill-koordinatur tal-membri mhux imsieħba saret fis-27 ta’ Marzu 2008, jiġifieri kważi tliet xhur wara t-tmiem tal-perijodu ta’ priġunerija msemmi iktar ’il fuq.

60      Għalhekk, u minkejja li l-Parlament ma kienx f’pożizzjoni li jipproduċi deċiżjoni formali ta’ assenjazzjoni [tal-appellanti] ma’ A. Mote, l-elementi konkordanti preċedenti jikkonfermaw id-dikjarazzjoni tal-Parlament li A. Mote kien, fid-data tad-deċiżjoni kontenzjuża, l-uniku superjur amministrattiv dirett tal-ikkonċernata. Barra minn hekk, iċ-ċirkustanza li membri parlamentari oħra, li ma kinux superjuri amministrattivi diretti [tal-appellanti], immanfiestaw, fil-mument tat-tkeċċija tagħha, il-fiduċja li huma kellhom fiha u x-xewqa li huma kellhom li jkomplu jibbenefikaw mill-kollaborazzjoni tagħha, ma tinċidix fuq il-legalità tad-deċiżjoni kontenzjuża.

61      Għaldaqstant huwa b’mod żbaljat li [l-appellanti] issostni li d-deċiżjoni kontenzjuża hija vvizzjata bi żball manifest ta’ evalwazzjoni minħabba li membri oħra mhux imsieħba minbarra A. Mote, li barra minn hekk kellhom affinitajiet politiċi differenti, kien għad għandhom fiduċja [fl-appellanti] fid-data tad-deċiżjoni kontenzjuża. Huwa b’mod żbaljat ukoll li [l-appellanti] issostni li d-deċiżjoni kontenzjuża, li kienet ibbażata fuq telf ta’ fiduċja ta’ A. Mote fir-rigward [tal-appellanti], ma kinitx ibbażata fuq ‘motiv validu’. Barra minn hekk, fuq dan l-aħħar punt, hemm lok li jiġi kkonstatat li [l-appellanti] f’ebda mument ma kkontestat l-eżistenza tat-tmiem ta’ relazzjoni ta’ fiduċja ma’ A. Mote.

[…]

63      Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li l-motiv ibbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni għandu jiġi miċħud.”

9        Fir-rigward tat-tielet motiv, ibbażat fuq motivazzjoni insuffiċjenti tad-deċiżjoni kontenzjuża, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ddeċieda kif ġej (punti 69 sa 84 tas-sentenza appellata):

“69      Fis-sentenza tiegħu tas-26 ta’ Ottubru 2006, Landgren vs ETF (F‑1/05, ĠabraSP p. I‑A‑1‑123 u II‑A‑1‑459, punti 73 u 74, ikkonfermata mis-sentenza tal-Qorti Prim’Istanza tat-8 ta’ Settembru 2009, ETF vs Landgren, T‑404/06 P, Ġabra p. . II-2841), it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ddeċieda li ebda raġuni imperattiva ma tista’ tippermetti l-esklużjoni tal-membri tal-persunal temporanju minn protezzjoni kontra t-tkeċċija inġustifikata, b’mod partikolari meta dawn ikunu marbuta b’kuntratt għal żmien indeterminat jew meta jkunu marbuta b’kuntratt għal żmien determinat u jiġu mkeċċija qabel l-iskadenza tal-kuntratt. Issa, sabiex tiġi żgurata protezzjoni suffiċjenti f’dan is-sens, jeħtieġ li jiġi permess, minn naħa, li l-persuni kkonċernati jiżguraw li l-interessi leġittimi tagħhom ġew osservati jew miksura kif ukoll li jevalwaw il-possibbiltà li jressqu kawża quddiem qorti u, min-naħa l-oħra, li din tal-aħħar teżerċita l-istħarriġ tagħha, u dan ifisser li għandha tiġi rikonoxxuta l-eżistenza ta’ obbligu ta’ motivazzjoni li jaqa’ fuq l-awtorità.

70      Għaldaqstant jeħtieġ li tiġi ppreċiżata l-portata ta’ dan l-obbligu ta’ motivazzjoni fir-rigward tat-tkeċċija ta’ membru tal-persunal temporanju rreklutat abbażi tal-Artikolu 2(ċ) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg.

71      Meta deċiżjoni ta’ tkeċċija ssir abbażi ta’ telf ta’ fiduċja, il-persuna kkonċernata ma jkollhiex garanziji proċedurali, bħad-dritt għal smigħ waqt il-proċedura amministrattiva (sentenza Il‑Parlament vs Reynolds, iċċitata iktar ’il fuq, punti 49 sa 60). Konsegwentement, l-obbligu ta’ motivazzjoni u l-osservanza tiegħu mill-amminstrazzjoni jikkostitwixxi l-unika garanzija li tippermettilha, minn tal-inqas wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni li tikkawżalha preġudizzju, tagħmel użu effettiv tar-rimedji ġudizzjarji fid-dispożizzjoni tagħha sabiex tikkontesta l-legalità tal-imsemmija deċiżjoni (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-8 ta’ Diċembru 2005, Reynolds vs Il‑Parlament, T‑237/00, ĠabraSP p. I‑A‑385 u II‑1731, punt 95).

72      Madankollu, tmiem ta’ relazzjoni ta’ fiduċja, jiġifieri ta’ relazzjoni personali, ma tkunx ibbażata neċessarjament fuq elementi oġġettivi, b’mod kuntrarju għal kif isir, pereżempju, fir-rigward ta’ proċedura ta’ selezzjoni, fejn ikun ġie deċiż li din il-proċedura ser tinkludi s-selezzjoni preliminari tal-kandidati mistiedna sabiex jipparteċipaw f’eżaminijiet orali u bil-miktub, kif ukoll l-istabbiliment minn bord tal-għażla ta’ lista ta’ kandidati xierqa skont ir-riżultati ta’ dawn l-eżamijiet (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-23 ta’ Settembru 2004, Hectors vs Il‑Parlament, C‑150/03 P, Ġabra p. I‑8691, punti 43 u 44; sentenza Bonnet vs Il-Qorti tal-Ġustizzja, iċċitata iktar ’il fuq, punt 68).

73      Għalhekk, is-sempliċi konstatazzjoni tal-eżistenza ta’ tmiem ta’ relazzjoni ta’ fiduċja tista’ tkun suffiċjenti sabiex tiġġustifika l-adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ tkeċċija. Għaldaqstant jekk deċiżjoni ta’ tkeċċija tkun ibbażata biss fuq tali konstatazzjoni, l-eżiġenza ta’ preċiżjoni fir-rigward tal-preżentazzjoni, fil-motivi tad-deċiżjoni, taċ-ċirkustanzi fattwali li jindikaw jew li jiġġustifikaw dan it-tmiem ta’ relazzjoni ta’ fiduċja tista’ tkun biss waħda limitata.

74      Xorta jibqa’ l-fatt, b’mod partikolari fir-rigward tal-membri tal-persunal temporanju assenjati mal-membri mhux imsieħba tal-Parlament, li l-motivazzjoni ta’ deċiżjoni ta’ tkeċċija bbażata fuq telf ta’ fiduċja għandha neċessarjament tipprovdi preċiżjonijiet suffiċjenti fir-rigward tal-persuna li magħha tkun intemmet ir-relazzjoni ta’ fiduċja. Fil-fatt, il-membru tal-persunal inkwistjoni jkun jista’ b’hekk jiżgura li d-deċiżjoni tikkonċerna lis-superjur amministrattiv dirett tiegħu, jiġifieri, kif intqal iktar ’il fuq, il-membru mhux imsieħeb li miegħu għandha tkun teżisti relazzjoni ta’ fiduċja.

75      F’dan il-każ hemm lok li jiġi kkonstatat li d-deċiżjoni kontenzjuża tagħmel riferiment biss ‘għat-telf ta’ fiduċja [fir-rigward tal-appellanti] li seħħ fi ħdan is-segretarjat’.

76      Tali motivazzjoni, anki jekk mhux wisq dettaljata, turi t-tmiem ta’ relazzjoni ta’ fiduċja bħala l-motiv għat-tkeċċija.

77      Madankollu, kif għadu kemm ġie indikat, [l-appellanti] kellha tkun f’pożizzjoni wkoll li ssir taf il-persuna li magħha kienet intemmet ir-relazzjoni ta’ fiduċja. Issa, fid-dawl tal-formulazzjoni ambigwa użata, id-deċiżjoni kontenzjuża ma tipprovdix biżżejjed preċiżjonijiet fuq dan il-punt.

78      Barra minn hekk, id-deċiżjoni kontenzjuża ma tagħmilx riferiment għat-talba għal tkeċċija tas-27 ta’ Marzu 2008 fejn il-koordinatur tal-membri mhux imsieħba jsemmi b’ismu l-membru li fir-rigward tiegħu kien hemm tmiem ta’ relazzjoni ta’ fiduċja, jiġifieri A. Mote. Barra minn hekk, huwa stabbilit li din it-talba ma ġietx ikkomunikata mill-Parlament [lill-appellanti].

79      Għaldaqstant, jeħtieġ li jiġi ddeterminat jekk, f’dan il-każ, il-kuntest kienx jippermetti, minkejja kollox, li [l-appellanti] tidentifika b’mod ċar il-motivi tad-deċiżjoni kontenzjuża (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-27 ta’ April 1999, Thinus vs Il‑Kummissjoni, T‑283/97, ĠabraSP p. I‑A‑69 u II‑353, punt 77; sentenza Landgren vs ETF, iċċitata iktar ’il fuq, punt 78) u, b’mod partikolari, li jkollha biżżejjed preċiżjonijiet dwar il-persuna li fir-rigward tagħha kien hemm tmiem ta’ relazzjoni ta’ fiduċja.

80      Issa, mill-kliem stess tal-ilment tal-11 ta’ Lulju 2008 ippreżentat [mill-appellanti] jirriżulta li din tal-aħħar setgħet issir taf bit-talba għal tkeċċija tas-27 ta’ Marzu 2008 ippreżentata mill-koordinatur tal-membri mhux imsieħba billi tikkonsulta l-fajl personali tagħha. F’dak l-istadju, jiġifieri anki qabel il-preżentata tal-ilment tagħha, hija għaldaqstant setgħet tieħu konjizzjoni tal-kontenut ta’ din it-talba u hija għalhekk kienet f’pożizzjoni li tkun taf li l-imsemmija talba u, konsegwentement, id-deċiżjoni kontenzjuża kienu bbażati fuq ‘tmiem ta’ fiduċja, kemm personali kif ukoll politika, bejnha u Ashley Mote, membru mhux imsieħeb u s-superjur amministrattiv dirett tagħha’.

81      Hawnhekk jeħtieġ li jitfakkar li l-obbligu ta’ motivazzjoni huwa impost fuq l-amministrazzjoni u li għaldaqstant ma huwiex il-membru tal-persunal li għandu jfittex jinforma ruħu dwar il-motivi ta’ deċiżjoni li ma tkunx immotivata biżżejjed.

82      Għalhekk, meta deċiżjoni ma tkunx immotivata biżżejjed, l-amministrazzjoni ma tistax tinvoka l-fatt li l-motivi ta’ din id-deċiżjoni kienu aċċessibbli fil-fajl personali tal-membru tal-persunal inkwistjoni sabiex, fl-istadju tal-proċedura kontenzjuża, tikkonvinċi lill-qorti tiċħad il-motiv ibbażat fuq din il-motivazzjoni insuffiċjenti.

83      Madankollu, meta, bħal f’dan il-każ, mill-kliem stess tal-ilment ippreżentat minn membru tal-persunal skont l-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal [tal-Unjoni Ewropea], jirriżulta li dan tal-aħħar ikun ħa konjizzjoni tal-motivi ta’ deċiżjoni billi jkun ikkonsulta l-fajl personali tiegħu, ikun eċċessiv li tiġi annullata din id-deċiżjoni minħabba l-fatt, ċertament kritikabbli, li l-istituzzjoni ma esponiethomx espliċitament fiċ-ċaħda ta’ dan l-ilment.

84      Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li, fiċ-ċirkustanzi partikolari ta’ dan il-każ, il-motiv ibbażat fuq l-insuffiċjenza tal-motivazzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża għandu jiġi miċħud.”

10      Fl-aħħar nett, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ċaħad ir-raba’, il-ħames u s-sitt motiv, ibbażati rispettivament fuq użu ħażin ta’ poter, fuq difett proċedurali u fuq ksur tad-dmir ta’ premura, fil-punti 87 sa 100, fil-punti 103 sa 109 kif ukoll fil-punti 112 sa 117 tas-sentenza appellata.

11      Fil-kuntest tal-evalwazzjoni tiegħu tar-raba’ motiv, ibbażat fuq użu ħażin ta’ poter, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku kkunsidra b’mod partikolari dan li ġej:

“92      Fl-ittra tas-17 ta’ Settembru 2008, imsemmija iktar ’il fuq, jingħad:

‘[L-appellanti] ġiet imkeċċija wara telf ta’ fiduċja […] u qegħda ssir investigazzjoni interna, li r-riżultati tagħha f’dan l-istadju għadhom ma humiex magħrufa.’

[…]

98      Barra minn hekk, l-investigazzjoni inkwistjoni hija marbuta ma’ fatti relatati mal-funzjonijiet li [l-appellanti] kienet teżerċita fi ħdan il-grupp ITS, filwaqt li, fl-ittra tiegħu tal-21 ta’ Jannar 2009, il-koordinatur tal-membri mhux imsieħba ippreċiża li l-fatti attribwiti [lill-appellanti], li jiġġustifikaw it-tmiem ta’ relazzjoni ta’ fiduċja fir-rigward ta’ A. Mote, kienu ‘impedixxew il-funzjonament tajjeb tas-segretarjat tal-membri mhux imsieħba’.

99      Għalhekk, minkejja l-użu mill-koordinatur tal-membri mhux imsieħba fl-ittra tal-21 ta’ Jannar 2009 tal-espressjoni ‘abbuż minn fiduċja’ – espressjoni li tidher ukoll fl-ittra tas-segretarju ġenerali tal-Parlament tad-9 ta’ Ġunju 2008 dwar l-eżistenza ta’ investigazzjoni amministrattiva diretta fil-konfront [tal-appellanti] –, il-fatti li jiġġustifikaw, skont l-imsemmi koordinatur, it-tkeċċija [tal-appellanti] ġraw f’kuntest differenti minn dak tal-fatti li wasslu għall-investigazzjoni inkwistjoni, peress li barrra minn hekk, dawn il-fatti ġraw f’data sussegwenti.”

 Fuq l-appell

 Proċedura

12      Permezz ta’ nota ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-10 ta’ Mejju 2010, l-appellanti ppreżenatat dan l-appell. Fit-28 ta’ Lulju 2010, il-Parlament ippreżenta r-risposta tiegħu.

13      Fuq ir-rapport tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (Awla tal-Appell) ikkonstatat li ebda talba għal seduta ma kienet ġiet ippreżentata mill-partijiet fi żmien xahar mid-data li fiha ġew innotifikati bl-għeluq tal-proċedura bil-miktub u ddeċidiet, skont l-Artikolu 146 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, li tagħti deċiżjoni mingħajr ma tgħaddi għall-fażi orali tal-proċedura.

 It-talbiet tal-partijiet

14      L-appellanti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla s-sentenza appellata;

–        tilqa’ t-talbiet magħmula fl-ewwel istanza;

–        tikkundanna lill-Parlament għall-ispejjeż taż-żewġ istanzi.

15      Il-Parlament jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad l-appell bħala parzjalment inammissibbli u fil-kumplament tiegħu bħala infondat;

–        sussidjarjament, tiċħad ir-rikors tal-ewwel istanza;

–        tikkundanna lill-appellanti għall-ispejjeż taż-żewġ istanzi.

 Id-dritt

 Sunt tal-aggravji

16      Insostenn tal-appell tagħha, l-appellanti tinvoka tliet aggravji.

17      Permezz tal-ewwel aggravju tagħha, l-appellanti ssostni essenzjalment li r-raġunament fis-sentenza appellata huwa vvizzjat bi żball ta’ liġi u b’motivazzjoni kontradittorja u żbaljata sa fejn, minn naħa, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku rrikonoxxa l-eżiġenza formali ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża u l-inosservanza tagħha mill-Parlament f’dan il-każ (punti 69 sa 78 u 83 tas-sentenza appellata) u, min-naħa l-oħra, xorta waħda ddeċieda li jiċħad il-motiv ibbażat fuq il-motivazzjoni insuffiċjenti ta’ din id-deċiżjoni minħabba li l-persuna kkonċernata ħadet konjizzjoni tal-motivi tal-imsemmija deċiżjoni meta din ikkonsultat il-fajl personali tagħha, minkejja li kien il-Parlament li kellu jforniha, l-iktar tard fid-deċiżjoni li tiċħad l-ilment tagħha, bil-preċiżjonijiet dwar il-persuna li magħha allegatament kien hemm telf ta’ fiduċja (punti 79 sa 84 tas-sentenza appellata).

18      Fil-fatt, billi rrifjuta li jannulla d-deċiżjoni kontenzjuża minħabba ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni (punt 83 tas-sentenza appellata), it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku interpreta b’mod żbaljat minn diversi lati l-ġurisprudenza rilevanti. Fl-ewwel lok, l-obbligu ta’ motivazzjoni ma huwiex limitat fir-rigward ta’ deċiżjoni ta’ impjieg jew ta’ tkeċċija fir-rigward ta’ pożizzjoni li taqa’ taħt l-Artikolu 2(ċ) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg ta’ impjegati oħra tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Kondizzjonijiet tal-impjieg”), u dan minkejja li l-fiduċja reċiproka hija element essenzjali tal-kuntratti tal-membri tal-persunal temporanju kollha koperti minn din l-aħħar dispożizzjoni (sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-8 ta’ Settembru 2009, ETF vs Landgren, T‑404/06 P, Ġabra p. II‑2841, punt 169). Għaldaqstant, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ma setax jiddeċiedi, fil-punt 73 tas-sentenza appellata, li “s-sempliċi konstatazzjoni tal-eżistenza ta’ tmiem ta’ relazzjoni ta’ fiduċja tista’ tkun suffiċjenti sabiex tiġġustifika l-adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ tkeċċija”, iktar u iktar meta, fil-punt 74 tal-imsemmija sentenza, ġie ppreċiżat li tali deċiżjoni għandha “neċessarjament tipprovdi preċiżjonijiet suffiċjenti fir-rigward tal-persuna li magħha tkun intemmet ir-relazzjoni ta’ fiduċja”. Skont l-appellanti, li kieku s-sempliċi konstatazzjoni tal-eżistenza ta’ tmiem ta’ relazzjoni ta’ fiduċja kienet suffiċjenti sabiex timmotiva t-tkeċċija ta’ ċerti membri tal-persunal temporanju, il-qorti tal-Unjoni kienet tkun imwaqqfa milli teżerċita debitament l-istħarriġ tagħha, u għalhekk il-persuni kkonċernati jiġu mċaħħda minn protezzjoni xierqa kontra t-tkeċċija arbitrarja jew abbużiva min-naħa tal-amministrazzjoni u l-portata ta’ din il-protezzjoni tkun tvarja skont it-tip ta’ kuntratt ta’ membru tal-persunal temporanju inkwistjoni, sitwazzjoni din li tagħti lok għal diskriminazzjonijiet mhux ġustifikati. Fit-tieni lok, l-appellanti tikkunsidra li mill-punt 79 tas-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tas-26 ta’ Otturbu 2006, Landgren vs ETF (F‑1/05, ĠabraSP p. I‑A‑1‑123 u II‑A‑1‑459), jirriżulta li jeżisti obbligu ta’ motivazzjoni msaħħaħ li huwa impost fuq l-amministrazzjoni. La d-deċiżjoni kontenzjuża u lanqas id-deċiżjoni li tiċħad l-ilment ma ssodisfaw dan l-obbligu meta rreferew sempliċement għall-allegat telf ta’ fiduċja fi ħdan is-segretarjat tal-membri mhux imsieħba tal-Parlament fir-rigward tal-appellanti sabiex jiġġustifikaw ir-rexissjoni tal-kuntratt inkwistjoni ta’ membru tal-persunal temporanju. Fit-tielet lok, l-appellanti tirrileva li, fir-rigward tar-rekwiżiti ta’ motivazzjoni tad-deċiżjonijiet li jiċħdu kandidatura adottati fil-kuntest tal-proċeduri ta’ reklutaġġ ta’ membri tal-persunal temporanju, skont l-Artikolu 5(ċ) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg, ġie deċiż li motivazzjoni speċifika hija iktar u iktar ġustifikata sabiex tingħata tweġiba għall-ilment tal-persuna kkonċernata meta din kienet ħadet sehem f’intervista individwali li ma kinitx prevista inizjalment, ma kienet irċeviet ebda informazzjoni dwar ir-riżultat tal-proċedura ta’ reklutaġġ qabel ma talbitha hija stess u kienet għamlet riferiment espress, fl-ilment tagħha, għall-kontenut tal-lista ta’ kandidati xierqa u għall-ordni tal-mertu stabbilit (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-23 ta’ Settembru 2004, Hectors vs Il‑Parlament, C‑150/03 P, Ġabra p. I‑8691, punt 47). F’dan il-każ, l-appellanti għamlet riferiment b’mod espress, fl-ilment tagħha, għat-talba għal tkeċċija mressqa mill-koordinatur tal-membri mhux imsieħba u għall-allegat telf ta’ fiduċja ta’ A. Mote invokat fiha. Issa, id-deċiżjoni li tiċħad l-ilment ma pprovdiet ebda preċiżjoni dwar il-persuna li magħha kien hemm telf ta’ fiduċja, iżda kompliet tagħmel riferiment b’mod vag għal telf ta’ fiduċja li seħħ fi ħdan is-segretarjat tal-membri mhux imsieħba tal-Parlament.

19      Permezz tat-tieni aggravju tagħha, l-appellanti tinvoka ksur tas-sistema ta’ separazzjoni tal-funzjonijiet u tal-bilanċ istituzzjonali bejn l-amministrazzjoni u l-qorti tal-Unjoni u tal-Artikolu 26 tal-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem ir-“Regolamenti tal-Persunal”) kif ukoll ksur tad-dritt tagħha għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva.

20      Skont l-appellanti, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ssostitwixxa b’mod illegali lill-Parlament billi ddikjara, minfloku, il-motivi preżunti tad-deċiżjoni kontenzjuża. Fil-punt 80 tas-sentenza appellata, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ma setax jibbaża ruħu fuq il-konjizzjoni tal-appellanti dwar it-talba għal tkeċċija mressqa mill-koordinatur tal-membri mhux imsieħba sabiex jikkunsidra li hija “kienet f’pożizzjoni li tkun taf li l-imsemmija talba u, konsegwentement, id-deċiżjoni kontenzjuża kienu bbażati fuq ‘tmiem ta’ fiduċja, kemm personali kif ukoll politika, bejnha u Ashley Mote, membru mhux imsieħeb u s-superjur amministrattiv dirett tagħha’”. Fil-fatt, jeħtieġ li ssir distinzjoni bejn id-deċiżjoni kontenzjuża u din it-talba għal tkeċċija, li huma atti separati li joriġinaw minn awturi differenti. It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku lanqas ma seta’ jinferixxi unikament minn din it-talba li “għalhekk huwa fuq din il-bażi li ġiet adottata d-deċiżjoni kontenzjuża” (punt 48 tas-sentenza appellata). B’hekk huwa mar lil hinn mill-poteri tiegħu u ma rrispettax is-sistema ta’ separazzjoni tal-funzjonijiet u tal-bilanċ istituzzjonali bejn l-amministrazzjoni u l-qorti tal-Unjoni, peress li din tal-aħħar saret l-unika u l-ewwel istanza li quddiemha l-appellanti setgħet tikseb tali motivazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza ETF vs Landgren, iċċitata fil-punt 18 iktar ’il fuq, punt 164).

21      Bl-istess mod, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku kiser l-Artikolu 26 tar-Regolamenti tal-Persunal li huma intiżi sabiex jipproteġi, minn naħa, “il-prinċipju ta’ kontradittorju fl-osservanza, l-iktar wiegħsa, tad-dritt għal difiża ġusta u ekwa” u, min-naħa l-oħra, id-“dritt għal motivazzjoni bbażata fuq elementi magħrufa”. Skont l-appellanti, dawn il-prinċipji japplikaw għal raġunijiet iktar impellanti fir-rigward tal-ħidma tal-qorti, b’tali mod li din tal-aħħar ma tistax tinvoka fil-konfront tagħha motivazzjoni pretiza tad-deċiżjoni kontenzjuża li tkun ibbażata fuq it-talba għal tkeċċija mressqa mill-koordinatur tal-membri mhux imsieħba, li “qatt ma ġiet ikkomunikata lilha qabel id-deċiżjoni li ma titteħidx azzjoni dwar l-ilment”.

22      Fl-aħħar, l-appellanti tikkunsidra li, sa fejn it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ssostitwixxa lill-Parlament sabiex jiddikjara l-motivi tad-deċiżjoni kontenzjuża, hija la bbenefikat minn “kundizzjonijiet minimi tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva” u lanqas minn “protezzjoni suffiċjenti minn tkeċċija mhux iġġustifikata”. Issa, l-obbligu ta’ motivazzjoni huwa intiż sabiex jipproteġi lill-persuna kkonċernata, minn naħa, billi jipprovdiha b’indikazzjoni suffiċjenti sabiex issir taf jekk l-att inkwistjoni huwiex ivvizzjat b’difett li jippermetti li tiġi kkontestata l-legalità tiegħu u, min-naħa l-oħra, billi jippermetti lill-qorti tistħarreġ il-legalità ta’ dan l-att (ara wkoll il-punt 71 tas-sentenza appellata). Dan l-obbligu jikkontribwixxi għalhekk sabiex jiġi żgurat id-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva (sentenza ETF vs Landgren, iċċitata fil-punt 18 iktar ’il fuq, punt 148). Għaldaqstant, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku naqas milli jirrispetta kemm id-dritt tal-appellanti għal motivazzjoni suffiċjenti fi tmiem il-proċedura amministrattiva kif ukoll id-dritt tagħha għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva.

23      Permezz tat-tielet aggravju tagħha, l-appellanti ssostni, filwaqt li tinvoka diversi atti tal-proċess insostenn ta’ dan, li s-sentenza appellata hija vvizzjata minn motivazzjoni insuffiċjenti u minn żnaturament tal-provi. Fil-fatt, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku naqas milli jagħti deċiżjoni fuq dawn l-atti u kkunsdira biss li l-motiv reali għat-tkeċċija tal-appellanti kien ibbażat fuq tmiem ta’ fiduċja ma’ A. Mote, motiv li madankollu jirriżulta biss mill-ittra tal-koordinatur tal-membri mhux imsieħba u mhux mid-deċiżjoni kontenzjuża.

24      Insostenn tal-ilment tagħha bbażat fuq l-iżnaturament tal-provi, l-appellanti tirrileva li, b’mod kuntrarju għal dak li ġie indikat mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, id-dikjarazzjoni li A. Mote kien is-superjur amministrattiv dirett tagħha fid-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża ma hija bbażata fuq ebda prova rilevanti. Minn naħa, l-ordnijiet ta’ missjoni ffirmati minn A. Mote, li fuqhom ibbaża ruħu t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, joriġinaw minn perijodu preċedenti għall-integrazzjoni mill-ġdid tal-appellanti mal-membri mhux imsieħba tal-Parlament, b’tali mod li ma jistgħux isostnu din id-dikjarazzjoni. Min-naħa l-oħra, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku kkonstata li l-integrazzjoni mill-ġdid tal-appellanti saret “bi qbil mad-delegazzjoni Ingliża tal-membri mhux imsieħba, li tinkludi lil A. Mote”. Issa, fir-realtà, din l-integrazzjoni mill-ġdid f’Novembru 2007 saret “fuq talba tad-delegazzjoni Ingliża tal-membri mhux imsieħba” u b’mod iktar partikolari fuq talba mis-Sinjuri Helmer u Kilroy-Silk. Barra minn hekk, peress li f’dak iż-żmien A. Mote kien qed iservi sentenza ta’ priġunerija fir-Renju Unit, l-appellanti ma ġietx integrata mill-ġdid ma’ dan tal-aħħar, iżda mas-Sinjuri Helmer u Kilroy-Silk. Billi naqas li “jippreċiża” dawn l-elementi fattwali essenzjali, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku bbaża l-evalwazzjoni tiegħu fuq interpretazzjoni falza tal-fatti u kkonkluda b’mod żbaljat, fil-punt 60 tas-sentenza appellata, li “A. Mote kien, fid-data [tal-adozzjoni] tad-deċiżjoni kontenzjuża, l-uniku superjur amministrattiv dirett tal-ikkonċernata”.

25      Barra minn hekk, skont l-appellanti, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ċaħad, mingħajr ġustifikazzjoni valida, il-provi li hija kienet ipproduċiet insostenn tal-motiv ibbażat fuq użu ħażin ta’ poter. Minn naħa, huwa rrikonoxxa li “il-konkomittanza temporali hija stabbilita (l-ewwel element oġġettiv)”. Minn naħa l-oħra, fil-punt 92 tas-sentenza appellata, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku żnatura l-ittra tas-17 ta’ Settembru 2008, anki billi ħassar parti minnha filwaqt li ssostitwiha permezz ta’ “[...]”, minkejja li din l-ittra kienet tagħmel riferiment għat-tkeċċija tal-appellanti “wara li ġie espress it-telf ta’ fiduċja minn ċerti membri mhux imsieħba”. It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku lanqas ma kellu dritt li jibbaża ruħu fuq l-ittra tal-21 ta’ Jannar 2009 tal-koordinatur tal-membri mhux imsieħba li, “minn naħa, ma kinitx toriġina mill-awtorità kompetenti sabiex tiddikjara l-motivi tad-deċiżjoni [kontenzjuża] u, min-naħa l-oħra, ma kinitx ġiet stabbilita [in] tempore non suspecto peress li hija [kienet] sussegwenti għall-kawża u għall-preżentata tar-rikors fl-ewwel istanza”. Fil-punti 98 u 99 tas-sentenza appellata, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku madankollu bbaża ruħu fuq din l-ittra sabiex wasal għaċ-ċaħda tal-motiv ibbażat fuq użu ħażin ta’ poter billi kkunsidra li “il-fatti li jiġġustifikaw, skont l-imsemmi koordinatur [tal-membri mhux imsieħba], it-tkeċċija [tal-appellanti] ġraw f’kuntest differenti minn dak tal-fatti li wasslu għall-investigazzjoni inkwistjoni peress li barra minn hekk dawn il-fatti ġraw f’data sussegwenti”.

26      Il-Parlament jitlob li jinċaħad l-appell.

A –  Fuq l-ewwel, it-tieni u t-tielet aggravji, sa fejn dawn huma bbażati fuq żball ta’ liġi, fuq motivazzjoni kontradittorja, żbaljata u insuffiċjenti tas-sentenza appellata, fuq ksur tas-sistema ta’ separazzjoni tal-funzjonijiet u tal-bilanċ istituzzjonali bejn l-amministrazzjoni u l-qorti tal-Unjoni, fuq ksur tal-Artikolu 26 tar-Regolamenti tal-Persunal u fuq ksur tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva

27      Hemm lok li jitfakkar li l-osservanza mill-amministrazzjoni tal-portata tal-obbligu ta’ motivazzjoni tikkostitwixxi punt ta’ liġi li huwa suġġett għall-istħarriġ tal-Qorti Ġenerali fil-kuntest ta’ appell (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-28 ta’ Ġunju 2005, Dansk Rørindustri et vs Il‑Kummissjoni, C‑189/02 P, C‑202/02 P, C‑205/02 P sa C‑208/02 P u C‑213/02 P, Ġabra p. I‑5425, punt 453, u tal-10 ta’ Lulju 2008, Bertelsmann u Sony Corporation of America vs Impala, C‑413/06 P, Ġabra p. I‑4951, punt 30; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-28 ta’ Frar 2008, Neirinck vs Il‑Kummissjoni, C‑17/07 P, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punti 50 sa 52).

28      Kif ġie rrikonoxxut mill-Qorti Ġenerali, l-obbligu ta’ motivazzjoni skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 25 tar-Regolamenti tal-Persunal japplika għal deċiżjonijiet ta’ rexissjoni ta’ kuntratt ta’ membru tal-persunal temporanju għal żmien indeterminat irregolat mill-Kondizzjonijiet tal-impjieg (sentenza ETF vs Landgren, iċċitata fil-punt 18 iktar ’il fuq, punti 143 sa 171), bħal dak f’dan il-każ. Din id-dispożizzjoni tipprevedi li “kull deċiżjoni relatata ma’ individwu speċifiku li tittieħed taħt dawn ir-Regolamenti tal-Persunal għandha tkun ikkomunikata minnufih bil-miktub lill-uffiċjal konċernat” u li “kull deċiżjoni li taffettwa ħażin uffiċjal għandha tagħti ir-raġunijiet li fuqhom tkun ibbażata”.

29      B’mod partikolari, fir-rigward tal-motiv ta’ tkeċċija bbażata fuq it-telf jew it-tmiem ta’ fiduċja reċiprokja bejn il-membru tal-persunal temporanju u l-grupp politiku tal-Parlament li jkun assenjat miegħu, fin-nuqqas ta’ obbligu ta’ motivazzjoni, anki stħarriġ minimu min-naħa tal-qorti tal-Unjoni jkun impossibbli. Il-fatt li l-awtorità li għandha s-setgħa tikkonkludi kuntratti ta’ reklutaġġ (iktar ’il quddiem l-“awtorità”) ma għandha ebda marġni ta’ diskrezzjoni fir-rigward tal-implementazzjoni tat-talba tal-grupp politiku b’ebda mod ma jillimita l-portata tal-obbligu ta’ motivazzjoni. F’tali każ, il-motivazzjoni tad-deċiżjoni tal-awtorità għandha, tal-inqas, tirrifletti l-motivi tat-talba tal-grupp politiku li abbażi tagħhom l-awtorità kienet obbligata tieħu d-deċiżjoni li ttemm il-kuntratt. Fil-fatt, it-talba tal-grupp tista’ tkun tinkludi fiha stess irregolaritajiet li jivvizzjawha b’illegalità u għaldaqstant għandha tkun tista’ tiġi suġġetta għal stħarriġ ġudizzjarju effettiv. Fl-aħħar nett, effettivament, huwa biss permezz tal-motivazzjoni li, minn naħa, il-persuna kkonċernata tkun f’pożizzjoni li tiddeċiedi dwar ir-rilevanza ta’ rikors ġudizzjarju kontra d-deċiżjoni li tikkawżalha preġudizzju u, min-naħa l-oħra, il-qorti tal-Unjoni tkun tista’ teżerċita l-istħarriġ tagħha (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-8 ta’ Diċembru 2005, Reynolds vs Il‑Parlament, T‑237/00, ĠabraSP p. I‑A‑385 u II‑1731, punt 96; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza Bonnet vs Il‑Qorti tal-Ġustizzja, iċċitata fil-punt 7 iktar ’il fuq, punt 52).

30      Il-portata ta’ dan l-obbligu ta’ motivazzjoni għandha tiġi evalwata skont iċ-ċirkustanzi konkreti, b’mod partikolari, skont il-kontenut tal-att, in-natura tal-motivi invokati u l-interess li d-destinatarju jista’ jkollu li jirċievi spjegazzjonijiet, u huwa meħtieġ, sabiex tiġi evalwata n-natura suffiċjenti tal-motivazzjoni, li jittieħed inkunsiderazzjoni l-kuntest fattwali u ġuridiku li fih jkun ġie adottat l-att ikkontestat. Għalhekk, deċiżjoni tkun suffiċjentement immotivata meta din tittieħed f’kuntest li jkun magħruf mill-membru tal-persunal kkonċernat u li jippermettilu li jifhem il-portata tal-miżura meħuda fir-rigward tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tal-15 ta’ Settembru 2005, Casini vs Il-Kummissjoni, T‑132/03, ĠabraSP p. I‑A‑253 u II‑1169, punt 36; tas-7 ta’ Frar 2007, Caló vs Il-Kummissjoni, T‑118/04 u T‑134/04, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punti 127 u 128, u tal-4 ta’ Lulju 2007, Lopparelli vs Il-Kummissjoni, T‑502/04, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 75, u l-ġurisprudenza hemm iċċitata).

31      Barra minn hekk, l-obbligu ta’ motivazzjoni tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fir-rigward tas-sentenzi tiegħu skont l-Artikolu 36 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, moqri flimkien mal-Artikolu 7(1) tal-Anness I tal-istess statut (sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-8 ta’ Ġunju 2009, Krcova vs Il‑Qorti tal-Ġustizzja, T‑498/07 P, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 34), ma jeħtieġx li dan jagħti espożizzjoni li ssegwi b’mod eżawrjenti u wieħed wieħed ir-raġunamenti kollha esposti mill-partijiet fil-kawża. Il-motivazzjoni tista’ għaldaqstant tkun impliċita bil-kundizzjoni li tippermetti lil dawk ikkonċernati li jsiru jafu r-raġunijiet għalfejn ittieħdu l-miżuri inkwistjoni u lill-qorti tal-appel li jkollha għad-dispożizzjoni tagħha elementi suffiċjenti sabiex teżerċita l-istħarriġ ġudizzjarju tagħha (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, id-digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta’ Jannar 2010, Iride u Iride Energia vs Il‑Kummissjoni, C‑150/09 P, mhux ippubblikat fil-Ġabra, punt 42, u l-ġurisprudenza hemm iċċitata). Fil-fatt, dan l-obbligu ma jistax jiġi interpretat bħala li jimplika li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku kien marbut li jwieġeb fid-dettall għal kull argument invokat mill-appellanti, b’mod partikolari jekk dan l-argument ma kienx ta’ natura suffiċjentment ċara u preċiża u ma kienx ibbażat fuq provi ddettaljati (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-2 ta’ Marzu 2010, Doktor vs Il‑Kunsill, T‑248/08 P, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 64, u l-ġurisprudenza hemm iċċitata).

32      Fl-aħħar, il-kwistjoni dwar jekk il-motivazzjoni ta’ sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku hijiex kontradittorja jew insuffiċjenti tikkostitwixxi punt ta’ liġi li jista’, bħala tali, jiġi invokata fil-kuntest ta’ appell (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, id-digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-24 ta’ Ġunju 2010, Kronoply vs Il‑Kummissjoni, C‑117/09 P, mhux ippubblikat fil-Ġabra, punt 52, u l-ġurisprudenza hemm iċċitata).

33      Huwa fid-dawl ta’ dawn il-prinċipji li għandu jiġi eżaminat, minn naħa, jekk, f’dan il-każ, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku setax jikkonkludi li d-deċiżjoni kontenzjuża kienet immotivata suffiċjentement u, min-naħa l-oħra, jekk it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ssodisfax l-obbligu ta’ motivazzjoni tiegħu f’dan ir-rigward fis-sentenza appellata.

34      Fir-rigward tal-ewwel ilment invokat fil-kuntest tal-ewwel aggravju, ibbażat fuq l-allegazzjoni li ma tteħditx inkunsiderazzjoni l-insuffiċjenza tal-motivazzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża, għandu jiġi kkonstatat li l-appellanti tirrikonoxxi hija stess li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku kkunsidra l-prinċipji kollha li jirriżultaw mill-ġurisprudenza, kif esposti fil-punti 27 sa 29 iktar ’il fuq, li jirregolaw l-obbligu tal-amministrazzjoni li timmotiva deċiżjoni ta’ rexissjoni ta’ kuntratt ta’ membru tal-persunal temporanju għal żmien indeterminat. Dan huwa minnu fuq kollox fir-rigward tar-rekwiżit li din il-motivazzjoni għandha tkun fl-att kontenzjuż bħala tali u għandha tkun turi b’mod ċar u inekwivoku r-raġunament tal-istituzzjoni, awtriċi tal-att, inklużi l-punti essenzjali ta’ fatt u ta’ liġi li hija tibbaża ruħha fuqhom, b’mod li tkun tippermetti lill-persuni kkonċernati jifhmu l-ġustifikazzjonijiet tal-miżura meħuda u lill-qorti kompetenti teżerċita l-istħarriġ tagħha (ara, f’dan is-sens, il-punti 69, 71, 72 u 79 tas-sentenza appellata).

35      F’dan il-kuntest, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku kkonstata legalment, essenzjalment, li l-motiv essenzjali tat-tkeċċija li jiġġustifika d-deċiżjoni kontenzjuża, jiġifieri t-tmiem ta’ relazzjoni ta’ fiduċja bejn il-membru tal-persunal temporanju u s-superjur amministrattiv dirett tiegħu, għandu jkun fil-motivazzjoni tal-imsemmia deċiżjoni (ara, f’dan is-sens, il-punti 72 sa 74 tas-sentenza appellata). Barra minn hekk, bla ħsara għall-kwistjoni dwar jekk, f’dan il-każ, A. Mote kienx effettivament is-superjur amministrattiv dirett tal-appellanti fiż-żmien tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża, li tinvolvi evalwazzjoni tal-legalità tal-mertu u mhux dik tal-osservanza tal-motivazzjoni suffiċjenti bħala formalità sostanzjali, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku seta’ raġonevolment jiddeduċi mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 29 iktar ’il fuq li, f’tali każ, l-obbligu ta’ motivazzjoni jeżiġi li jiġi identifikat is-superjur amministrattiv dirett li miegħu kienet intemmet il-fiduċja reċiproka (ara, f’dan is-sens, il-punt 74 tas-sentenza appellata). Fil-fatt, huwa biss meta tiġi sodisfatta din il-kundizzjoni li l-persuna kkonċernata tkun tista’ tifhem il-portata kollha tad-deċiżjoni meħuda fir-rigward tagħha u tkun tista’ tikkontesta, jekk ikun xieraq, l-eżistenza ta’ tali tmiem ta’ fiduċja reċiproka.

36      Minn dan jirriżulta li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ma wettaqx żball ta’ liġi meta kkunsidra li l-motivazzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża kellha mhux biss turi tmiem ta’ relazzjoni ta’ fiduċja bħala l-motiv tat-tkeċċija, iżda kellha wkoll tpoġġi lill-persna kkonċernata f’pożizzjoni li ssir taf liema hija l-persuna li magħha kienet intemmet dik ir-relazzjoni ta’ fiduċja.

37      Madakollu, b’mod kuntrarju għal dak li ssostni l-appellanti, l-evalwazzjoni preċedenti ma kinitx ta’ natura li twaqqaf lit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku milli jivverifika jekk il-prinċipji li jirriżultaw mill-ġurisprudenza esposti fil-punt 30 iktar ’il fuq jawtorizzawhx jikkunsidra li l-istituzzjoni kkonċernata kienet madankollu osservat l-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha, b’mod partikolari, peress li l-appellanti kienet taf il-kuntest li tidħol fih id-deċiżjoni kontenzjuża, u li dan kien jippermettilha li tifhem il-portata tal-miżura meħuda fir-rigward tagħha. Għalhekk, l-appellanti ma hijiex fondata meta tallega li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku pproċeda b’approċċ kontradittorju jew żbaljat meta, fil-punt 79 tas-sentenza appellata, huwa għamel riferiment għal din il-ġurisprudenza sabiex “jiġi ddeterminat jekk, f’dan il-każ, il-kuntest kienx jippermetti, minkejja kollox, li [l-appellanti] tidentifika b’mod ċar il-motivi tad-deċiżjoni kontenzjuża […] u, b’mod partikolari, li jkollha biżżejjed preċiżjonijiet dwar il-persuna li fir-rigward tagħha kien hemm tmiem ta’ relazzjoni ta’ fiduċja”.

38      F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi ppreċiżat li, minn naħa, l-appellanti ma tikkontestax li, wara li kkonsultat il-fajl personali tagħha fl-aħħar tax-xahar ta’ April 2008 – jiġifieri ferm qabel il-preżentata tal-ilment tagħha, fil-11 ta’ Lulju 2008, kif ukoll qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni li tiċħad l-ilment tagħha, fit-18 ta’ Settembru 2008 –, hija effettivament kienet ħadet konjizzjoni tal-identità tal-membru li miegħu, skont l-allegazzjonijiet tal-Parlament, kienet intemmet ir-relazzjoni ta’ fiduċja, li huwa l-motiv li fuqu kienet ibbażata b’mod espliċitu d-deċiżjoni kontenzjuża. Min-naħa l-oħra, din il-konjizzjoni manifestement ippermettitilha li tikkontesta, b’mod iddettaljat, il-fondatezza ta’ dan il-motiv kemm fl-ilment tagħha kif ukoll fir-rikors tagħha fl-ewwel istanza.

39      Għaldaqstant, il-kundizzjoni tal-konjizzjoni suffiċjenti tal-appellanti tal-kuntest rilevanti fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 30 iktar ’il fuq kienet manifestament sodisfatta. Fi kwalunkwe każ, ġie deċiż minn ġurisprudenza stabbilita li huwa possibbli li insuffiċjenza – iżda mhux l-assenza totali – tal-motivazzjoni tiġi rrimedjata anki matul il-kawża meta, qabel il-preżentata tar-rikors tagħha, il-persuna kkonċernata jkollha diġà, bħal f’dan il-każ, elementi li jikkostitwixxu bidu ta’ motivazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Doktor vs Il‑Kunsill, iċċitata fil-punt 31 iktar ’il fuq, punt 93, u l-ġurisprudenza hemm iċċitata). F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-ilmenti tal-appellanti, ibbażati fuq l-insuffiċjenza tal-motivazzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża u tad-deċiżjoni li tiċħad l-ilment kif ukoll fuq il-ksib ta’ konjizzjoni tal-motivi rilevanti fuq inizzjattiva tagħha biss, ma jistgħux jintlaqgħu.

40      Barra minn hekk, mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku la wettaq sostituzzjoni illegali tal-motivi (ara t-tieni aggravju), u lanqas naqas milli jimmotiva b’mod suffiċjenti, fis-sentenza appellata, ir-realtà tal-eżistenza tal-motiv tat-tkeċċija invokat fil-konfront tal-appellanti (ara t-tielet aggravju). Fil-fatt, fid-dawl tal-provi inklużi fil-proċess, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku sempliċement silet il-konsegwenzi neċessarji mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 29 u 30 iktar ’il fuq.

41      F’dan ir-rigward, għandu jiġi miċħud l-argument tal-appellanti li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ma setax jiddeduċi mit-talba tal-koordinatur tal-membri mhux imsieħba, tas-27 ta’ Marzu 2008, li tagħmel riferiment b’mod espliċitu għat-tmiem tar-relazzjoni ta’ fiduċja ma’ A. Mote, li d-deċiżjoni kontenzjuża kienet fondata preċiżament fuq dan il-motiv. F’dan il-kuntest, hemm lok li jitfakkar li l-appellanti ma kkontestatx, la fl-ewwel istanza u lanqas fil-kuntest tal-appell tagħha, il-fatt li r-relazzjoni ta’ fiduċja tagħha ma’ A. Mote kienet effettivament intemmet (ara l-punt 61 in fine tas-sentenza appellata), iżda unikament – u biss fil-kuntest ta’ dan l-appell – li huwa kien għadu s-superjur amministrattiv dirett tagħha. Minn dan isegwi li l-appellanti kienet konxja mill-fatt li dan it-tmiem tar-relazzjoni ta’ fiduċja, li fuqu kienet ibbażata d-deċiżjoni kontenzjuża, seta’ ġara biss fir-rigward ta’ A. Mote, u dan huwa kkorroborat mill-kliem innifsu tal-ilment tagħha.

42      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, jeħtieġ barra minn hekk li jiġi konkluż li r-raġunament segwit mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fil-punti kkontestati tas-sentenza appellata huwa suffiċjentement ċar, komprensibbli u komplet u li huwa ta’ natura li jimmotiva l-konklużjonijiet li huwa intiż li jsostni.

43      Barra minn hekk, sa fejn l-appellanti tinvoka ksur tal-Artikolu 26 tar-Regolamenti tal-Persunal, din id-dispożizzjoni ma hijex ta’ natura li tikkonfuta l-konklużjoni li, f’dan il-każ, il-Parlament osserva l-obbligu ta’ motivazzjoni tiegħu. F’dan ir-rigward, sa fejn hija tinvoka l-osservanza tal-prinċipju ta’ kontradittorju u tad-drittijiet tad-difiża, l-appellanti tikkontesta b’mod impliċitu iżda neċessarju l-evalwazzjoni tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku li tinsab fil-punti 31 sa 35 tas-sentenza appellata insostenn taċ-ċaħda tal-ewwel motiv imressaq fl-ewwel istanza, ibbażat fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża, li madankollu ma ġietx kkontestata bħala tali mill-appellanti fil-kuntest ta’ dan l-appell. Fi kwalunkwe każ, fid-dawl tal-prinċipji ddikjarati fis-sentenzi Il‑Parlament vs Reynolds, iċċitata fil-punt 7 iktar ’il fuq (punti 50 sa 60), u Bonnet vs Il‑Qorti tal-Ġustizzja, iċċitata fil-punt 7 iktar ’il fuq (punt 79), li jistabbilixxu li l-adozzjoni ta’ deċiżjoni li ttemm relazzjoni ta’ impjieg ibbażata fuq fiduċja reċiproka ma tippreżumix li l-persuna kkonċernat għandha tinstema’ minn qabel, dan l-argument ma jistax jiġi aċċettat. Wara kollox, sa fejn l-appellanti għandha l-intenzjoni li tagħmel riferiment għall-ġurisprudenza li interpretat l-Artikolu 26 tar-Regolamenti tal-Personal bħala li għandu l-għan li jiżgura r-rispett tad-drittijiet tad-difiża tal-membru tal-persunal ikkonċernat, billi jiġi evitat li d-deċiżjonijiet meħuda mill-amministrazzjoni li jkunu jaffettwaw is-sitwazzjoni amministrattiva tiegħu ma jkunux ibbażati fuq fatti li jikkonċernaw l-aġir tiegħu li ma jkunux imsemmija fil-fajl individwali tiegħu (ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-9 ta’ Frar 1994, Lacruz Bassols vs Il‑Qorti tal-Ġustizzja, T‑109/92, ĠabraSP p. I‑A‑31 u II‑105, punt 68, u l-ġurisprudenza ċċitata), huwa suffiċjenti li jiġi kkonstatat li l-element determinanti, jiġifieri t-talba għal tkeċċija tas-27 ta’ Marzu 2008 mressqa mill-koordinatur tal-membri mhux imsieħba li tinkludi l-motiv tat-tkeċċija u l-identità tad-deputat inkwistjoni, ġiet effettivament infilzata fil-fajl individwali tal-appellanti qabel il-preżentata tal-ilment minn din tal-aħħar.

44      Fl-aħħar, l-argument ibbażat fuq id-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva lanqas ma jista’ jikkonfuta l-evalwazzjoni mwettqa mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fir-rigward tal-osservanza tal-obbligu ta’ motivazzjoni. Fil-fatt, il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 31 iktar ’il fuq irrikonoxxiet soluzzjoni li tippreċiża l-portata tal-obbligu ta’ motivazzjoni preċiżament minħabba li, meta l-persuna kkonċernata tkun ħadet konjizzjoni tal-kuntest li fih ikun ġie adottat l-att kontenzjuża, din il-persuna tkun f’pożizzjoni li tikkontestah quddiem il-qorti tal-Unjoni, anki jekk dan l-att bħala tali ma jkunx immotivat b’mod suffiċjenti.

45      Konsegwentement, hemm lok li jinċaħdu l-ewwel, it-tieni u t-tielet aggravji, sa fejn dawn tal-aħħar huma intiżi sabiex isostnu l-eżistenza ta’ żball ta’ liġi, ta’ motivazzjoni kontradittorja, żbaljata u insuffiċjenti tas-sentenza appellata, ta’ ksur tas-sistema ta’ separazzjoni tal-funzjonijiet u tal-bilanċ istituzzjonali bejn l-amministrazzjoni u l-qorti tal-Unjoni, ta’ ksur tal-Artikolu 26 tar-Regolamenti tal-Persunal u ta’ ksur tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva.

B –  Fuq it-tielet aggravju, sa fejn huwa bbażat fuq l-iżnaturament tal-provi

46      Preliminarjament, jeħtieġ li jitfakkar li mill-Artikolu 11 tal-Anness I tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, li jirriproduċi l-kliem tal-Artikolu 58 tal-imsemmi statut, jirriżulta li l-appell għandu jkun limitat għal punti ta’ liġi u għandu jkun ibbażat fuq aggravji msejsa fuq nuqqas ta’ ġurisdizzjoni tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, fuq irregolaritajiet fil-proċedura quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku li jippreġudikaw l-interessi tal-appellant jew fuq ksur tad-dritt tal-Unjoni mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku (ara, b’analoġija, id-digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-9 ta’ Novembru 2007, Lavagnoli vs Il-Kummissjoni, C‑74/07 P, mhux ippubblikat fil-Ġabra, point 20; ara s-sentenza Doktor vs Il‑Kunsill, iċċitata fil-punt 31 iktar ’il fuq, punt 39, u l-ġurisprudenza hemm iċċitata).

47      Konsegwentement, huwa biss it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku li għandu ġurisdizzjoni sabiex jikkonstata l-fatti, ħlief fil-każ fejn l-ineżattezza materjali tal-konstatazzjonijiet tiegħu jkunu jirriżultaw mill-atti tal-proċess li jkunu ġew ippreżentati quddiemu, u sabiex jevalwa dawn il-fatti. Għaldaqstant, l-evalwazzjoni tal-fatti ma tikkostitwixxix, ħlief fil-każ ta’ żnaturament tal-provi prodotti quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, punt ta’ liġi suġġett, bħala tali, għall-istħarriġ tal-qorti tal-appell (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, id-digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-27 ta’ April 2006, L vs Il‑Kummissjoni, C‑230/05 P, mhux ippubblikat fil-Ġabra, punti 45 u 46, u l-ġurisprudenza hemm iċċitata; ara s-sentenza Doktor vs Il‑Kusill, iċċitata fil-punt 31 iktar ’il fuq, punti 40 u 41, u l-ġurisprudenza hemm iċċitata).

48      Tali żnaturament għandu jidher b’mod ċar mill-atti tal-proċess, mingħajr ma jkun meħtieġ li ssir evalwazzjoni ġdida tal-fatti u tal-provi (ara s-sentenza Doktor vs Il‑Kunsill, iċċitata fil-punt 31 iktar ’il fuq, punt 42, u l-ġurisprudenza hemm iċċitata), u mingħajr ma jiġu ammessi provi ġodda (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-17 ta’ Ġunju 2010, Lafarge vs Il‑Kummissjoni, C‑413/08 P, Ġabra p. I‑5361, punt 17, u l-ġurisprudenza hemm iċċitata).

49      Huwa fid-dawl ta’ dawk il-prinċipji li għandha tiġi evalwata l-fondatezza tal-ilmenti tal-appellanti, ibbażati fuq żnaturament tal-provi inklużi fil-proċess kontenzjuż.

50      Hemm lok li jitfakkar li, skont l-appellanti, id-dikjarazzjoni tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku li A. Mote kien is-superjur amministrattiv dirett tagħha fid-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża ma hija bbażata fuq ebda prova rilevanti.

51      Madankollu, l-argument tal-appellanti li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku naqas b’mod manifest milli jieħu inkunsiderazzjoni l-provi rilevanti kollha inklużi fil-proċess sabiex jasal għal din il-konklużjoni ma jistax jintlaqa’.

52      Fl-ewwel lok, kif jirriżulta mill-punt 53 tas-sentenza appellata, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku bbaża l-evalwazzjoni tiegħu fuq ordnijiet ta’ missjoni ta’ Lulju u Settembru 2007 li jindikaw l-assenjazzjoni tal-appellanti mas-servizz ta’ A. Mote u ffirmati minn dan tal-aħħar, fejn waħda minnhom kienet tirrigwarda vjaġġ tal-appellanti f’Novembru 2007, tramite Londra, sabiex iżżur lil A. Mote f’Alton. Barra minn hekk, dawn l-ordnijiet kollha ġew prodotti mill-appellanti stess fl-ewwel istanza. Issa, b’mod konformi ma’ dak li kkonstata t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fil-punt 56 tas-sentenza appellata, l-appellanti ma pproduċietx prova analoga li turi l-assenjazzjoni tagħha ma’ deputat jew deputati oħra li kienu jagħmlu parti mill-membri mhux imsieħba fil-perijodu ta’ bejn Diċembru 2007 u April 2008.

53      Fit-tieni lok, la fl-ilment tagħha u lanqas fir-rikors tagħha fl-ewwel istanza l-appellanti ma kkontestatx b’mod espliċitu l-fatt li, fiż-żmien tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża, A. Mote kien jirrappreżenta s-servizz li miegħu hija kienet ġiet formalment assenjata u li dan tal-aħħar kien is-superjur amministrattiv dirett tagħha, peress li l-argument tagħha kien initiż biss sabiex isostni li, f’dak l-istadju, hija kienet taħdem għal deputati oħra li kienu jifformaw parti mill-membri mhux imsieħba u li r-relazzjoni ta’ fiduċja ma’ dawn il-membri ma kinitx intemmet. Fil-fatt, huwa biss fil-kuntest ta’ dan l-appell li l-appellanti kkontestat għall-ewwel darba l-assenjazzjoni formali tagħha ma’ A. Mote sabiex tikkontesta l-legalità tal-konklużjonijiet tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku li jinsabu fil-punti 60 u 61 tas-sentenza appellata.

54      Fit-tielet lok, il-kwistjoni dwar jekk l-integrazzjoni mill-ġdid tal-appellanti saritx “bi qbil mad-delegazzjoni Ingliża tal-membri mhux imsieħba, li kienet tinkludi lil A. Mote”, kif jikkonstata t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fil-punt 54 tas-sentenza appellata, jew “fuq talba tad-delegazzjoni Ingliża tal-membri mhux imsieħba” u b’mod iktar partikolari fuq dik tas-Sinjuri Helmer u Kilroy-Silk, kif tallega l-appellanti (ara l-punt 24 iktar ’il fuq), ma hijiex deċiżiva sabiex jiġi evalwat jekk din l-integrazzjoni mill-ġdid kinitx akkumpanjata minn riassenjazzjoni formali tal-appellanti esklużivament ma’ dawn l-aħħar membri peress li ebda att tal-proċess ma jikkonferma tali riassenjazzjoni. Fil-fatt, fl-emenda għall-kuntratt b’effett mill-20 ta’ Diċembru 2007, l-appellanti ġiet assenjata mal-membri mhux imsieħba fit-totalità tagħhom u mingħajr ma ġie speċifikat is-superjur amministrattiv dirett tagħha.

55      F’dan ir-rigward, lanqas ma jista’ jintlaqa’ l-argument tal-appellanti li tali integrazzjoni mill-ġdid ma’ A. Mote kienet impossibbli f’dak l-istadju minħabba s-sentenza ta’ priġunerija li kien qiegħed iservi fir-Renju Unit, u li dan juri li hija kienet ġiet integrata mill-ġdid mas-Sinjuri Helmer u Kilroy-Silk. Minn naħa, huwa stabbilit li A. Mote baqa’ jifforma parti mill-membri mhux imsieħba wara li ħareġ mill-ħabs f’Novembru 2007 u li l-appellanti marret iżżuru, qabel l-integrazzjoni mill-ġdid tagħha li saret fl-20 ta’ Diċembru 2007. Min-naħa l-oħra, b’mod partikolari mill-punti 53, 55 u 59 tas-sentenza appellata jirriżulta li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku kkunsidra dawn l-elementi kollha sabiex jasal għall-konklużjoni esposta fil-punti 60 u 61 tal-imsemmija sentenza.

56      Għaldaqstant, l-argumenti tal-appellanti ma jistgħux juru żnaturament tal-provi mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku.

57      Fir-rigward tal-evalwazzjoni tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-motiv ibbażat fuq użu ħażin ta’ poter, l-appellanti tallega b’mod partikolari li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku żnatura, fil-punt 92 tas-sentenza appellata, l-ittra tas-17 ta’ Settemrbu 2008 billi ċċita biss parti minnha u billi ħalla barra l-parti “wara l-espressjoni tat-telf ta’ fiduċja minn ċerti membri mhux imsieħba”. Madanakollu, l-appellanti ma tispjegax sa liema punt is-silta mqassra ta’ dan it-test setgħet tinċidi fuq l-evalwazzjoni mwettqa mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fuq il-fondatezza tal-motiv inkwistjoni. Għaldaqstant, dak l-argument għandu jiġi miċħud.

58      Barra minn hekk, kien b’mod ftit li xejn komprensibbli li l-appellanti ilmentat li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, fl-ewwel lok, ibbaża ruħu fuq l-ittra tal-21 ta’ Jannar 2009 tal-koordinatur tal-membri mhux imsieħba, li, “minn naħa, ma kinitx toriġina mill-awtorità kompetenti sabiex tiddikjara l-motivi tad-deċiżjoni [kontenzjuża] u, min-naħa l-oħra, ma kinitx ġiet stabbilita [in] tempore non suspecto peress li hija [kienet] sussegwenti għall-kawża u għall-preżentata tar-rikors fl-ewwel istanza” u, fit-tieni lok, li minkejja dan, huwa bbaża ruħu, fil-punti 98 u 99 tas-sentenza appellata, fuq dik l-ittra sabiex jikkonkludi li għandu jiċħad il-motiv ibbażat fuq użu ħażin ta’ poter billi kkunsidra li “il-fatti li jiġġustifikaw, skont l-imsemmi koordinatur [tal-membri mhux imsieħba], it-tkeċċija [tal-appellanti] ġraw f’kuntest differenti minn dak tal-fatti li wasslu għall-investigazzjoni inkwistjoni peress li barrra minn hekk dawn il-fatti ġraw f’data sussegwenti”.

59      Indipendentement mid-diffikultajiet ta’ komprensjoni li jippreżenta dan l-ilment, l-appellanti ma wrietx kif din l-evalwazzjoni tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tammonta għal żnaturament ta’ ċerti provi li setgħu jinċidu fuq il-konklużjoni tiegħu dwar in-nuqqas ta’ użu ħażin ta’ poter. Dawn huwa tant iktar minnu minħabba li, essenzjalment, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku kkonstata huwa stess li l-fatti inkwistjoni ġraw wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża, b’tali mod li ma setgħux juru użu ħażin ta’ poter li potenzjalment seta’ seħħ fil-mument ta’ dik l-adozzjoni.

60      Konsegwentement, it-tielet aggravju għandu jiġi miċħud ukoll, sa fejn dan huwa bbażat fuq żnaturament tal-provi.

61      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, hemm lok li l-appell jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

 Fuq l-ispejjeż

62      Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 148 tar-Regoli tal-Proċedura, meta l-appell ma jkunx fondat, il-Qorti Ġenerali għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż.

63      Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 87(2) tal-istess Regoli tal-Proċedura, applikabbli għall-proċedura tal-appell bis-saħħa tal-Artikolu 144 tagħhom, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu.

64      Peress li l-appellanti tilfet it-talbiet tagħha u l-Parlament ressaq talba f’dan is-sens, l-appellanti għandha tbati l-ispejjeż tagħha kif ukoll dawk sostnuti mill-Parlament fil-kuntest ta’ din l-istanza.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Awla tal-Appell)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-appell huwa miċħud.

2)      P għandha tbati l-ispejjeż tagħha kif ukoll dawk sostnuti mill-Parlament Ewropew fil-kuntest ta’ din l-istanza.

Jaeger

Azizi

Moavero Milanesi

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fl-24 ta’ Ottubru 2011.


Werrej

Il-fatti li wasslu għall-kawża u l-proċedura fl-ewwel istanza

Is-sentenza appellata

Fuq l-appell

Proċedura

It-talbiet tal-partijiet

Id-dritt

Sunt tal-aggravji

A –  Fuq l-ewwel, it-tieni u t-tielet aggravji, sa fejn dawn huma bbażati fuq żball ta’ liġi, fuq motivazzjoni kontradittorja, żbaljata u insuffiċjenti tas-sentenza appellata, fuq ksur tas-sistema ta’ separazzjoni tal-funzjonijiet u tal-bilanċ istituzzjonali bejn l-amministrazzjoni u l-qorti tal-Unjoni, fuq ksur tal-Artikolu 26 tar-Regolamenti tal-Persunal u fuq ksur tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva

B –  Fuq it-tielet aggravju, sa fejn huwa bbażat fuq l-iżnaturament tal-provi

Fuq l-ispejjeż


* Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.