Language of document :

Rikors ippreżentat fil-11 ta' Mejju 2010 - Ir-Repubblika Ellenika vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-215/10)

Lingwa tal-kawża: il-Grieg

Partijiet

Rikorrenti: Ir-Repubblika Ellenika (rappreżentanti: I. Chalkias, G. Skiani u E. Leftheriotou)

Konvenuta: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

Talbiet tar-rikorrenti

Tilqa' r-rikors bħala fondat u tannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni kkontestata fl-intier tagħha;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Permezz tar-rikors tagħha, ir-Repubblika Ellenika titlob l-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-11 ta' Marzu 2010, "li teskludi mill-finanzjament tal-Unjoni Ewropea ċertu nfiq imġarrab mill-Istati Membri taħt [...] il-Fond Agrikolu Ewropew ta' Garanzija (FAEG)", innotifikata bin-numru C(2010) 1317 u ppubblikata fit-12 ta' Marzu 2010 bin-numru 2010/152/UE (ĠU L 63, p. 7), fil-parti li fiha timponilha korrezzjonijiet finanzjarji fis-setturi li ġejjin: a) qoton; b) miżuri ta' żvilupp rurali, u ċ) distribuzjoni ta' għajnuna alimentari lil min hu fil-bżonn.

Fir-rigward tal-korrezzjonijiet fis-settur tal-qoton, ir-rikorrenti qabel kollox tilmenta li saret evalwazzjoni żbaljata tal-fatti min-naħa tal-Kummissjoni kif ukoll nuqqas ta' motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata fir-rigward tal-ambjent ta' kontroll u tal-kompatibbiltà tal-iskema ta' għajnuna għas-settur tal-qoton mas-sistema IACS minn naħa, u l-verifiki taż-żoni fuq il-post, min-naħa l-oħra.

Fit-tieni lok, ir-rikorrenti ssostni l-evalwazzjoni żbaljata taċ-ċirkostanzi fattwali min-naħa tal-Kummissjoni u l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni żbaljata tal-Artikolu 13(2) tar-Regolament (KE) Nru 1591/2001 1 u l-Artikolu 17 tar-Regolament (KE) Nru 1051/2001 2 fir-rigward tal-miżuri ambjentali u tas-sistema ta' kontroll insuffiċjenti kif ukoll tas-segwitu applikat għall-kontrolli fuq iż-żoni kkultivati bil-qoton u fuq għall-miżuri ambjentali. B'mod partikolari, ir-rikorrenti ssostni li l-akkuża tal-Kummissjoni fil-konfront tagħha li ma applikatx is-sanzjonijiet dovuti hija infondata fid-dritt u fil-fatt, ma hijiex riflessa fid-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti Nru 1501/2001 u 1591/2001 u fl-ebda waħda mid-dispożizzjonjiet fis-seħħ fil-perijodu kontenzjuż u ma tistax validament tiġġustifika l-korrezzjoni imposta permezz tad-deċiżjoni kkontestata.

Fit-tielet lok, ir-rikorrenti tiddeplora l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni żbaljata tal-linji gwida fuq il-korrezzjonijiet fuq rata fissa kif ukoll il-ksur tal-prinċipju ta' ugwaljanza, peress li ma rriżulta ebda riskju ta' telf għall-FAEG u s-sitwazzjoni tas-sistema ta' kontroll ma kinitx l-istess għat-tliet perijodi 2003/2004, 2004/2005 u 2005/2006, b'tali mod li l-korrezzjoni kellha tkun differenti għal kull perijodu.

Fir-raba' lok, ir-rikorrenti tenfasizza l-interpretazzjoni żbaljata min-naħa tal-Kummissjoni tal-Artikolu 7(4) tar-Regolament (KE) Nru 1051/2001 u tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 1 tar-Regolamenti (KE) Nru 1123/2004 3, 905/2005 4, 871/2006 5 u 1468/2002 6, li għal kull sena jiffissaw il-kwota ta' qoton li għaliha tista' effettivament tingħata għajnuna, b'relazzjoni mal-korrezzjonijiet una tantum għall-perijodi 2003/2004, 2004/2005 u 2005/2006 minħabba li allegatament ikunu nqabżu l-kwoti stabbiliti u konsegwentement ikun dovut ħlas.

Fil-ħames lok, ir-rikorrenti ssostni li l-ġustifikazzjoni tal-korrezzjonijiet proposta fid-deċiżjoni kkontestata hija fiha nnifisha kontradittorja u l-korrezzjonijiet huma vizzjati bi żball ta' kalkolu, billi jirriżultaw kemm diverġenzi kif ukoll nuqqasijiet relatati mal-perijodi ta' kummerċjalizzazzjoni kkonċernati.

Fir-rigward tal-miżuri ta' żvilupp rurali, ir-rikorrenti tinvoka qabel kollox l-invalidità tal-proċedura tal-likwidazzjoni tal-kontijiet minħabba ksur tal-forom ta' natura sostanzjali taħt it-tielet sentenza tal-Artikolu 8(1)(a) [sic] tar-Regolament (KE) Nru 1663/1995 7, ladarba ma kintix ser tissejjaħ diskussjoni bilaterali fir-rigward tal-impożizzjoni tal-korrezzjoni finanzjarja għall-miżuri ta' żvilupp rurali.

Fit-tieni lok, ir-rikorrenti takkuża lill-Kummissjoni bi żball materjali, evalwazzjoni żbaljata tal-fatti, nuqqas ta' motivazzjoni u ksur tal-prinċipju ta' ugwaljanza fir-rigward tal-allegati nuqqasijiet tas-sistema IACS, tal-kontrolli primarji u ta' dawk supplementari.

Fir-rigward tas-settur ta' distribuzzjoni tal-għajnuna alimentari, ir-rikorrenti tosserva qabel kollox li l-imġieba tal-Kummissjoni ħolqot aspettattivi leġittimi dwar il-fatt li ma kinux ser jiżdiedu l-ispejjeż tal-programm ta' provvista b'xejn ta' ross kif ukoll li l-bidla a posteriori fil-politika tal-Kummissjoni tikser il-prinċipji tal-affidabbiltà, taċ-ċertezza legali u tal-aspettattivi leġittimi u jinkludi eċċess ta' diskrezzjonalità, jekk mhux saħansitra abbuż ta' poter.

Fit-tieni lok, ir-rikorrenti tilmenta dwar żball ta' kalkolu, għad-danni tagħha, tal-ispejjeż ta' trasport.

Fit-tielet lok, hija tikkritika l-interpretazzjoni żbaljata u l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet Komunitarji min-naħa tal-Kummissjoni, b'mod partikolari tal-Artikolu 3(2) tar-Regolament (KEE) Nru 3149/1992 8, il-ksur tal-prinċipju ta' ugwaljanza u eċċess ta' diskrezzjonalità.

____________

1 - Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 1591/2001, tat-2 ta' Awwissu 2001, li jippreskrivi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tas-sistema ta' għajnuna għall-qoton (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 33, p. 237).

2 - Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1051/2001, tat-22 ta' Mejju 2001, dwar l-għajnuna għall-produzzjoni tal-qoton (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 32, p. 332).

3 - Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1123/2004, tas-17 ta' Ġunju 2004, li jiffissa, għall-perijodu ta' kummerċjalizzazzjoni 2003/2004, il-produzzjoni effettiva tal-qoton mhux imfesdaq kif ukoll l-ammont li bih għandu jitnaqqas il-prezz immirat (ĠU L 218, p. 3).

4 - Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 905/2005, tas-16 ta' Ġunju 2005, li jiffissa, għall-perijodu ta' kummerċjalizzazzjoni 2004/2005, il-produzzjoni effettiva tal-qoton mhux imfesdaq kif ukoll l-ammont li bih għandu jitnaqqas il-prezz immirat (ĠU L 154, p. 3).

5 - Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 871/2006, tal-15 ta' Ġunju 2006, li jiffissa, għall-perijodu ta' kummerċjalizzazzjoni 2005/2006, il-produzzjoni effettiva tal-qoton mhux imfesdaq kif ukoll l-ammont li bih għandu jitnaqqas il-prezz immirat (ĠU L 164, p. 3).

6 - Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1468/2002, tad-19 ta' Awwissu 2002, li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1591/2001, li jippreskrivi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tas-sistema ta' għajnuna għall-qoton (ĠU L 223, p. 1).

7 - Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 1663/95, tas-7 ta' Lulju 1995, li jistabbilixxi regoli ddettaljati sabiex jiġi applikat ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 729/70 li jirrigwarda l-proċedura għall-verifikar tal-kontijiet tat-Taqsima Garanziji tal-FAEGG (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 18, p. 31).

8 - Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 3149/92, tad-29 ta' Ottubru 1992, li jippreskrivi regoli dettaljati għar-riforniment ta' ikel mill-ħażna ta' intervent għall-benefiċċju tal-persuni l-aktar fil-bżonn fil-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 13, p. 196)