Language of document : ECLI:EU:T:2019:780

Kawża T48/17

Alliance for Direct Democracy in Europe ASBL (ADDE)

vs

IlParlament Ewropew

 Sentenza tal-Qorti Ġenerali (It-Tmien Awla Estiża) tas7 ta’ Novembru 2019

“Dritt istituzzjonali – Il-Parlament Ewropew – Deċiżjoni li tiddikjara ineliġibbli ċertu nfiq ta’ partit politiku għall-finijiet ta’ sussidju għas-sena 2015 – Deċiżjoni li tagħti sussidju għas-sena 2017 u li tipprevedi l-prefinanzjament għal 33 % tal-ammont massimu tas-sussidju u l-obbligu ta’ provvista ta’ garanzija bankarja – Obbligu ta’ imparzjalità – Drittijiet tad-difiża – Regolament Finanzjarju – Regoli ta’ Applikazzjoni tar-Regolament Finanzjarju – Regolament (KE) Nru 2004/2003 – Proporzjonalità – Ugwaljanza fit-trattament”

1.      Il-Parlament Ewropew – Finanzjament tal-partiti politiċi fil-livell Ewropew – Deċiżjoni li tiddikjara ineliġibbli ċertu nfiq ta’ partit politiku għall-finijiet ta’ sussidju – Rispett tad-drittijiet tad-difiża – Dritt għal smigħ tal-partijiet – Portata – Dritt għal smigħ formali – Assenza

(Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 41(1) u (2); Regoli ta’ Proċedura tal-Parlament Ewropew, Artikolu 224(3) u (5))

(ara l-punti 35, 88)

2.      Drittijiet fundamentali – Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Dritt għal amministrazzjoni tajba – Rekwiżit ta’ imparzjalità – Kunċett – Setgħa diskrezzjonali tal-Parlament – Stħarriġ ġudizzjarju – Limiti

(Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 41(1); Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 2004/2003, Artikoli 7 u 8)

(ara l-punti 41 sa 45)

3.      Drittijiet fundamentali – Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Dritt għal amministrazzjoni tajba – Rekwiżit ta’ imparzjalità – Kunċett – Kummenti pubbliċi kategoriċi u inekwivokabbli ta’ membru tal-Parlament Ewropew dwar kawża li għadha qed tiġi eżaminata – Esklużjoni

(Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 41(1))

(ara l-punti 55 sa 61)

4.      Il-Parlament Ewropew – Finanzjament tal-partiti politiċi fil-livell Ewropew – Projbizzjoni ta’ finanzjament indirett ta’ partit politiku nazzjonali – Kundizzjonijiet – Eżistenza ta’ vantaġġ finanzjarju indirett favur partit politiku nazzjonali – Kriterji ta’ evalwazzjoni

(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 2004/2003, Artikolu 7)

(ara l-punt 71)

5.      Il-Parlament Ewropew – Finanzjament tal-partiti politiċi fil-livell Ewropew – Projbizzjoni ta’ finanzjament ta’ kampanji ta’ referendum – Kundizzjonijiet – Attività marbuta ma’ kampanja ta’ referendum – Kriterji ta’ evalwazzjoni

(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 2004/2003, Artikolu 8)

(ara l-punt 73)

6.      Dritt tal-Unjoni Ewropea – Prinċipji – Drittijiet tad-difiża – Dritt għal smigħ – Portata – Adozzjoni ta’ deċiżjoni individwali abbażi ta’ elementi kkomunikati lill-persuna kkonċernata jew magħrufa minnha – Ksur – Assenza

(Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 41(2))

(ara l-punti 89 sa 91, 97)

7.      Il-Parlament Ewropew – Finanzjament tal-partiti politiċi fil-livell Ewropew – Għoti tal-prefinanzjamenti ta’ sussidju – Rekwiżit ta’ garanzija finanzjarja u limitazzjoni tal-ammont tal-prefinanzjament – Marġni ta’ diskrezzjoni – Portata – Ksur tal-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ ugwaljanza fit-trattament – Assenza

(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 966/2012, Artikolu 134(1); Regolament tal-Kummissjoni Nru 1268/2012, Artikolu 206(1))

(ara l-punti 107, 108, 113, 120, 121, 124, 125, 128)

Sunt

Fis-sentenza ADDE vs Il‑Parlament (T‑48/17), mogħtija fis‑7 ta’ Novembru 2019, bħala Awla Estiża, il-Qorti Ġenerali laqgħet it-talba għall-annullament tad-deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tal‑21 ta’ Novembru 2016, li ddikjarat ċertu nfiq tal-partit politiku Ewropew Alliance for Direct Democracy in Europe ASBL (iktar ’il quddiem ir-“rikorrenti”) bħala ineliġibbli għall-finijiet ta’ sussidju għas-sena finanzjarja 2015. Madankollu, il-Qorti Ġenerali ċaħdet it-talba għall-annullament tad-deċiżjoni tal-Parlament tat‑12 ta’ Diċembru 2016, billi ssuġġettat l-għoti ta’ sussidju lir-rikorrenti għas-sena finanzjarja 2017 għal ċerti kundizzjonijiet.

F’Diċembru 2014, ir-rikorrenti kienet is-suġġett ta’ deċiżjoni tal-Bureau tal-Parlament li tatha sussidju massimu ta’ EUR 1 241 725 għas-sena finanzjarja 2015. Sussegwentement twettqu kontrolli u rapport ta’ awditu estern ikkonkluda li ċertu nfiq kien ineliġibbli għas-sena finanzjarja 2015. F’Novembru 2016, il-Parlament iddikjara s-somma ta’ EUR 500 615.55 bħala ineliġibbli u talab lir-rikorrenti tirrimborsa s-somma ta’ EUR 172 654.92.

F’Diċembru 2016, il-Bureau tal-Parlament adotta deċiżjoni li tat sussidju massimu ta’ EUR 1 102 642.71 lir-rikorrenti għas-sena finanzjarja 2017 u li kienet tipprevedi li l-prefinanzjament huwa limitat għal 33 % tal-ammont massimu tas-sussidju, suġġett għall-provvista ta’ garanzija bankarja, fid-dawl tal-konfutazzjoni tal-vijabbiltà finanzjarja tar-rikorrenti mill-awdituri esterni, fl-assenza ta’ riżorsi proprji.

Adita b’rikors għal annullament kontra ż-żewġ deċiżjonijiet tal-Parlament ta’ Novembru u ta’ Diċembru 2016, il-Qorti Ġenerali qabel kollox fakkret li d-dritt li l-kawżi tagħha jiġu ttrattati b’mod imparzjali mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea huwa prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni u li, skont il-ġurisprudenza, il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba jimplika b’mod partikolari l-obbligu għall-istituzzjoni kompetenti li teżamina b’reqqa u b’imparzjalità l-elementi rilevanti kollha tal-każ inkwistjoni qabel ma tieħu deċiżjoni. Barra minn hekk, ir-rekwiżit ta’ imparzjalità jkopri, minn naħa, l-imparzjalità suġġettiva, fis-sens li l-ebda membru tal-istituzzjoni kkonċernata inkarigat mill-kawża ma għandu jimmanifesta pożizzjoni diġà meħuda jew preġudizzju personali, u, min-naħa l-oħra, l-imparzjalità oġġettiva, fis-sens li l-istituzzjoni għandha toffri garanziji suffiċjenti sabiex teskludi f’dan ir-rigward kull dubju leġittimu.

Issa, il-Qorti Ġenerali rrilevat li, f’dan il-każ, wieħed mill-membri tal-Bureau tal-Parlament, responsabbli sabiex isegwi l-fajls relatati mal-finanzjament tal-partiti politiċi Ewropej, għamel kummenti pubbliċi b’kontenut kategoriku u inekwivokabbli li, mill-perspettiva ta’ osservatur estern, kienu jippermettu li jitqies li l-imsemmi membru kien ippreġudika l-kwistjoni qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata dwar is-sena finanzjarja 2015. Fid-dawl tal-fatt li l-membru inkwistjoni kien ipparteċipa fil-laqgħa tal-Bureau u kellu rwol attiv waqt id-dibattiti li wasslu għall-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, il-Qorti Ġenerali qieset li l-apparenzi ta’ imparzjalità ġew serjament kompromessi.

Il-Qorti Ġenerali enfasizzat li l-Parlament għandu joffri garanziji suffiċjenti sabiex jeskludi kull dubju dwar l-imparzjalità tal-membri tiegħu matul it-teħid ta’ deċiżjonijiet ta’ natura amministrattiva, li jimplika, b’mod partikolari, li l-membri għandhom jastjenu milli jagħmlu kummenti pubbliċi relatati mal-ġestjoni tajba jew ħażina tal-partiti politiċi fil-livell Ewropew tal-fondi mogħtija meta l-fajls ikunu għadhom qegħdin jiġu eżaminati.

Sussegwentement, il-Qorti Ġenerali eżaminat il-kwistjoni tal-ineliġibbiltà ta’ ċertu nfiq marbut mal-finanzjament ta’ stħarriġ imwettaq f’seba’ Stati Membri f’Diċembru 2015. Il-Qorti Ġenerali fakkret, minn naħa, il-projbizzjoni tal-użu tal-fondi ta’ partiti politiċi fil-livell Ewropew li jirriżultaw mill-baġit ġenerali tal-Unjoni għall-finanzjament dirett jew indirett ta’ partiti politiċi oħra, u b’mod partikolari ta’ partiti jew kandidati nazzjonali (1), u, min-naħa l-oħra, il-projbizzjoni tal-użu ta’ dawn il-fondi għall-finanzjament ta’ kampanji ta’ referendum (2).

F’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali enfasizzat li l-istħarriġ inkwistjoni twettaq f’seba’ Stati Membri differenti (il-Belġju, Franza, l-Ungerija, il-Pajjiżi l-Baxxi, il-Polonja, l-Isvezja u r-Renju Unit), b’kampjun ta’ madwar 1 000 persuna f’kull Stat, fejn il-mistoqsijiet magħmula kienu identiċi u kienu jirrigwardaw b’mod partikolari s-sħubija ta’ dawn l-Istati Membri mal-Unjoni, il-vot tal-parteċipanti f’referendum possibbli dwar is-sħubija mal-Unjoni u r-riforma tal-kundizzjonijiet ta’ sħubija mal-Unjoni. Sussegwentement, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li kienet biss il-parti tal-istħarriġ dwar ir-Renju Unit li kienet ikkonċernata mill-projbizzjoni tal-finanzjament ta’ kampanji ta’ referendum peress li l-leġiżlazzjoni dwar iż-żamma ta’ referendum fir-Renju Unit kienet ġiet approvata b’mod definittiv fil-mument tal-imsemmi stħarriġ. Madankollu, peress li l-każ ma kienx japplika għas-sitt Stati Membri l-oħra kkonċernati mill-istħarriġ, il-Qorti Ġenerali qieset li d-dikjarazzjoni ta’ ineliġibbiltà tal-infiq kollu tal-istħarriġ ma kinitx iġġustifikata. Fid-dawl tar-rekwiżiti ta’ imparzjalità u tal-karatteristiċi tal-istħarriġ inkwistjoni, il-Qorti Ġenerali annullat id-deċiżjoni tal-Parlament tal‑21 ta’ Novembru 2016 dwar is-sena finanzjarja 2015.

Fir-rigward tat-talba għall-annullament tad-deċiżjoni tal-Parlament tat‑12 ta’ Diċembru 2016, dwar l-għoti ta’ sussidju lir-rikorrenti għas-sena finanzjarja 2017, din ġiet miċħuda mill-Qorti Ġenerali li qieset il-motivi bbażati, l-ewwel, fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba u tad-drittijiet tad-difiża, it-tieni, fuq il-ksur tal-Artikolu 134 tar-Regolament Finanzjarju (3) u tal-Artikolu 206 tar-Regoli ta’ Applikazzjoni tar-Regolament Finanzjarju (4) (dwar il-garanziji ta’ prefinanzjament tas-sussidji) u, it-tielet, fuq il-ksur tal-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ ugwaljanza fit-trattament bħala infondati.


1      Skont l-Artikolu 7(1) tar-Regolament (KE) Nru 2004/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑4 ta’ Novembru 2003 dwar ir-regolamenti li jirregolaw il-partiti politiċi f’livell Ewropew u r-regoli dwar il-finanzjament tagħhom (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 4, p. 500).


2      Skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 2004/2003.


3      Ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑25 ta’ Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (ĠU 2012, L 298, p. 1).


4      Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1268/2012 tad‑29 ta’ Ottubru 2012 dwar ir-regoli tal-applikazzjoni tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni (ĠU 2012, L 362, p. 1).